IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.8.2018
COM(2018) 580 final
2018/0306(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat CETA dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli stabbilit permezz tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, li tistabbilixxi lista ta’ individwi li lesti jservu bħala membri tal-bord skont il-Kapitolu 23 u l-Kapitolu 24 tal-Ftehim
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat CETA dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ listi ta’ individwi li lesti jservu bħala membri tal-bord skont il-Kapitolu 23 u l-Kapitolu 24 tal-Ftehim.
2.Il-kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA)
Il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu l-għan li jimplimenta l-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni lejn il-Kanada u b’mod partikolari li joħloq żona ta’ kummerċ ħieles. Il-Ftehim ġie ffirmat fi Brussell fit-30 ta’ Ottubru 2016.
Il-Ftehim qed jiġi applikat b’mod proviżorju mill-21 ta’ Settembru 2017.
2.2.Il-Kumitat CETA dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli
Il-Kumitat CETA dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, stabbilit skont l-Artikolu 26.2.1 (g) tal-Ftehim, jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Kapitoli 22 (Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli), 23 (Kummerċ u Xogħol) u 24 (Kummerċ u Ambjent), inklużi attivitajiet ta’ kooperazzjoni u rieżami tal-impatt ta’ dan il-Ftehim dwar l-iżvilupp sostenibbli, u jindirizza b’mod integrat kwalunkwe kwistjoni ta’ interess komuni għall-Partijiet fir-rigward tal-interfaċċja bejn l-iżvilupp ekonomiku, l-iżvilupp soċjali u l-ħarsien tal-ambjent.
2.3.L-att previst tal-Kumitat CETA dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli
Il-Kumitat CETA dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli fl-ewwel laqgħa tiegħu wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi listi ta’ individwi li lesti jservu bħala membri tal-bord skont il-Kapitolu 23 u l-Kapitolu 24 tal-Ftehim (“l-att previst”).
Għal kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’ skont il-Kapitolu 23 u l-Kapitolu 24, il-partijiet għandhom jagħmlu kull sforz biex jaslu għal riżoluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti permezz tal-konsultazzjonijiet governattivi. Madankollu, jekk parti ssib li l-kwistjoni ma ġietx indirizzata b’mod sodisfaċenti permezz ta’ konsultazzjonijiet tal-gvern, il-Ftehim jipprovdi għal possibbiltà li parti titlob li jitlaqqa’ Bord ta’ Esperti sabiex jeżamina l-kwistjoni. L-Artikolu 23.10 tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli jistabbilixxi lista ta’ mill-inqas disa’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri tal-bord fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jirriżultaw taħt il-Kapitolu 23 (Kummerċ u Xogħol) u li, skont il-paragrafu 7 tal-Artikolu 23.10, għandhom għarfien speċjalizzat jew għarfien espert fil-liġi tax-xogħol, kwistjonijiet oħra indirizzati fil-Kapitolu 23, jew fir-riżoluzzjoni ta’ tilwimiet li jqumu taħt ftehimiet internazzjonali. Għaldaqstant, l-Artikolu 24.15 tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli jistabbilixxi lista ta’ mill-inqas disa’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri tal-bord fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jirriżultaw taħt il-Kapitolu 24 (Kummerċ u Ambjent) u li, skont il-paragrafu 7, għandhom għarfien speċjalizzat jew għarfien espert fil-liġi ambjentali, kwistjonijiet oħra indirizzati fil-Kapitolu 24, jew fir-riżoluzzjoni ta’ tilwimiet li jqumu taħt ftehimiet internazzjonali. Skont il-paragrafu 6 tal-Artikolu 23.10 u l-paragrafu 6 tal-Artikolu 24.15, kull lista għandha tikkonsisti minn tal-anqas tliet individwi proposti minn kull Parti u mill-inqas tliet individwi proposti mill-Partijiet li mhumiex nazzjonali ta’ xi Parti u li huma lesti u kapaċi jservu bħala president ta’ Bord ta’ Esperti.
L-att previst jistabbilixxi ż-żewġ listi jiġifieri ta’ individwi li lesti jservu bħala membri tal-bord skont il-Kapitolu 23 u individwi li lesti jservu bħala membri tal-bord skont il-Kapitolu 24 tal-Ftehim.
L-Att previst se jidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tiegħu mill-Kumitat CETA dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni għandha timmira li tadotta l-listi ta’ individwi li lesti jservu bħala membri tal-bord skont il-Kapitolu 23 u l-Kapitolu 24 tal-Ftehim.
4.Bażi Ġuridika
4.1.Il-bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Huwa jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni” .
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tas-CETA huwa korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”).
Id-Deċiżjoni li l-Kumitat CETA dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli huwa meħtieġ li jadotta huwa vinkolanti u la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.
4.2.Il-bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4) tiegħu.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207(4) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Huwa previst li d-Deċiżjoni tal-Kumitat CETA dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħha.
2018/0306 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat CETA dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli stabbilit permezz tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, li tistabbilixxi lista ta’ individwi li lesti jservu bħala membri tal-bord skont il-Kapitolu 23 u l-Kapitolu 24 tal-Ftehim
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 tipprevedi l-iffirmar f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”). Il-Ftehim ġie ffirmat fit-30 ta’ Ottubru 2016.
(2)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 tipprevedi l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim, inkluż l-istabbiliment tal-Kumitat Konġunt CETA u tal-kumitati speċjalizzati. Il-Ftehim ġie applikat proviżorjament mill-21 ta’ Settembru 2017.
(3)Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli huwa stabbilit skont l-Artikolu 26.2.1 (g) tal-Ftehim.
(4)Il-Kumitat dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, fl-ewwel laqgħa tiegħu, għandu jadotta l-a1tt previst biex jistabbilixxi listi ta’ individwi li lesti jservu bħala membri tal-bord skont il-Kapitolu 23 (Kummerċ u Xogħol) u l-Kapitolu 24 (Kummerċ u Ambjent) tal-Ftehim.
(5)Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat CETA dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, abbażi tal-abbozz tad-deċiżjoni mehmuż, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat CETA dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli stabbilita mill-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, li tistabbilixxi listi ta’ individwi li lesti jservu bħala membri tal-bord skont il-Kapitolu 23 u l-Kapitolu 24 tal-Ftehim, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat CETA dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kumitat CETA dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President