IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell,17.7.2018
COM(2018) 541 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll mar-Repubblika tal-Gambja
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġi nnegozjat Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli mar-Repubblika tal-Gambja li jissodisfa l-bżonnijiet tal-flotta tal-Unjoni u li jkun konformi mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd u mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Dimensjoni Esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Hemm ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gambja li jmur lura għall-1987, meta ż-żewġ partijiet ikkonkludew ftehim dwar is-sajd approvat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1580/87 tat-2 ta’ Ġunju 1987 li jirrigwarda l-ilħuq tal-ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Tal-Gambja dwar is-sajd ’il barra mill-Gambja u l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħha.. Dan il-ftehim ġie implimentat permezz ta’ tliet protokolli suċċessivi li jagħtu aċċess lill-bastimenti tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tal-Gambja sa Ġunju 1996, l-iskadenza tal-aħħar protokoll ta’ implimentazzjoni. Minn dik id-data ’l quddiem, il-ftehim jitqies inattiv.
L-Unjoni Ewropea diġà għandha netwerk żviluppat sew ta’ Ftehimiet bilaterali ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli fl-Afrika tal-Punent u l-Afrika Ċentrali, jiġifieri mal-Marokk, mal-Mauritania, mas-Senegal, mal-Cape Verde, mal-Liberja, mal-Kosta tal-Avorju u ma’ São Tomé u Principe.
Il-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) fil-livell internazzjonali, u jiżguraw li l-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni ’l barra mill-ilmijiet tal-Unjoni jkunu bbażati fuq l-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli bil-liġi tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli jrawmu kooperazzjoni xjentifika bejn l-UE u s-sħab tagħha, jippromwovu t-trasparenza u s-sostenibbiltà għal ġestjoni aħjar tar-riżorsi tas-sajd u jħeġġu l-governanza billi jappoġġaw il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tal-attivitajiet tal-flotot nazzjonali u dawk barranin filwaqt li fl-istess ħin jipprovdu l-finanzjament għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), biex b’hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tal-industrija tas-sajd lokali.
Il-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli jsaħħu l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala membru tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (l-ICCAT), li hija l-korp stabbilit skont id-dritt internazzjonali għall-konservazzjoni u għall-ġestjoni ta’ speċijiet migratorji ħafna fir-reġjun.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE
In-negozjati għal Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u għal Protokoll mar-Repubblika tal-Gambja huma konformi mal-azzjoni esterna tal-UE b’rabta mal-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (il-pajjiżi AKP).
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għad-deċiżjoni hija prevista fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fil-Parti Ħamsa dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni, fit-Titolu V dwar il-ftehimiet internazzjonali, li jistabbilixxi l-proċedura għan-negozjar u għall-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi terzi.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Mhux applikabbli, kompetenza esklużiva.
•Proporzjonalità
Id-deċiżjoni hija proporzjonali mal-għan mixtieq.
•Għażla tal-istrument
L-istrument huwa previst fl-Artikolu 218(3) u fl-Artikolu 218(4) tat-TFUE.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Fl-2017, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex-ante dwar il-possibbiltà ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA) mar-Repubblika tal-Gambja. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni kkonkluda li s-setturi tas-sajd tal-UE għandhom interess qawwi fil-Gambja bħala parti mill-istrateġija reġjonali tagħhom u li l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli mal-Gambja jista’ jgħin biex jissaħħu l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza, u jikkontribwixxi biex tittejjeb il-governanza tas-sajd fir-reġjun. Il-Gambja esprimiet l-interess tagħha fil-ftuħ ta’ negozjati mal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-possibbiltà ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Se jsiru konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal. Huma previsti wkoll laqgħat ad hoc mal-Istati Membri, mar-rappreżentanti tal-industrija u possibbilment mal-NGOs.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Mhux applikabbli
•Valutazzjoni tal-impatt
Mhux applikabbli
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Mhux applikabbli
•Drittijiet fundamentali
Id-direttivi ta’ negozjati proposti bħala anness tad-deċiżjoni jirrakkomandaw li jiġi awtorizzat il-ftuħ tan-negozjati u li tiġi inkluża klawżola li tippermetti s-sospensjoni tal-Ftehim u tal-Protokoll f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-implikazzjonijiet baġitarji marbuta mal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli il-ġdid u mal-Protokoll jirrikjedu l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja lir-Repubblika tal-Gambja, li jkun kompatibbli mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-2014-2020, u b’mod partikolari mal-allokazzjonijiet għal-linja baġitarja għall-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli. L-ammonti annwali għall-impenji u għall-pagamenti huma stabbiliti fil-proċedura baġitarja annwali, inkluż il-linja ta’ riżerva għal protokolli li ma jkunux iddaħħlu fis-seħħ fil-bidu tas-sena.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
In-negozjati mistennija jiftħu fit-tielet jew fir-raba’ trimestru tal-2018.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-Kummissjoni tirrakkomanda li:
- Il-Kunsill jenħtieġ li jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ u tmexxi negozjati għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u ta’ Protokoll mar-Repubblika tal-Gambja;
- Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi nnominata bħala n-negozjatur tal-UE b’rabta ma’ dan is-suġġett;
- Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq in-negozjati tagħha b’konsultazzjoni mal-kumitat speċjali, kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
- Il-Kunsill jenħtieġ li japprova d-Direttivi tan-negozjati annessi ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll mar-Repubblika tal-Gambja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,
Billi n-negozjati jenħtieġ li jinfetħu bil-ħsieb li jiġi konkluż Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll mar-Repubblika tal-Gambja,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni hija awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni Ewropea, bil-ħsieb li jiġi konkluż Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll mar-Repubblika tal-Gambja.
Artikolu 2
Dawn in-negozjati għandhom jitwettqu b’konsultazzjoni mal-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill u f’konformità mad-direttivi dwar in-negozjati stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President