IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.4.2018
COM(2018) 218 final
2018/0106(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni
{SEC(2018) 198 final}
{SWD(2018) 116 final}
{SWD(2018) 117 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Attivitajiet illegali u abbuż ta’ dritt jistgħu jseħħu fi kwalunkwe organizzazzjoni, kemm jekk privata kif ukoll pubblika, kbira jew żgħira. Dawn jistgħu jieħdu ħafna forom, bħal korruzzjoni jew frodi, malprassi jew negliġenza. U jekk ma jiġux indirizzati, xi kultant jistgħu jirriżultaw fi ħsara serja għall-interess pubbliku. Persuni li jaħdmu għal organizzazzjoni jew huma f’kuntatt magħha fl-attivitajiet tagħhom relatati max-xogħol spiss ikunu tal-ewwel li jsiru jafu dwar dawn l-avvenimenti u għalhekk huma f’pożizzjoni privileġġjata sabiex jinformaw lil dawk li jistgħu jindirizzaw il-problema.
L-informaturi, jiġifieri l-persuni li jirrapportaw (fl-organizzazzjoni kkonċernata jew lil awtorità barranija) jew jiżvelaw (lill-pubbliku) informazzjoni dwar għemil illeċitu miksuba f’kuntest relatat max-xogħol, jgħinu sabiex tiġi evitata l-ħsara u jkunu skoperti theddid jew ħsara għall-interess pubbliku li kieku jistgħu jibqgħu moħbija. Madankollu, dawn spiss jaqtgħu qalbhom milli jirrapportaw it-tħassib tagħhom għax jibżgħu mir-ritaljazzjoni. Minħabba dawn ir-raġunijiet, l-importanza li tingħata protezzjoni effettiva lill-informaturi għas-salvagwardja tal-interess pubbliku hija dejjem aktar rikonoxxuta kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak internazzjonali.
In-nuqqas ta’ protezzjoni effettiva tal-informaturi jqajjem aktar tħassib dwar l-impatti negattivi tiegħu fuq il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (“il-Karta”). Diskussjonijiet fit-tieni Kollokju Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali dwar il-“Pluraliżmu fil-Midja u d-Demokrazija”, organizzat mill-Kummissjoni f’Novembru 2016, enfasizzaw li l-protezzjoni tal-informaturi bħala sorsi ta’ informazzjoni għall-ġurnalisti hija essenzjali sabiex il-ġurnaliżmu investigattiv jissodisfa r-rwol ta’ “għassies” tiegħu.
In-nuqqas ta’ protezzjoni effettiva tal-informaturi tista’ ttellef ukoll l-infurzar tad-dritt tal-UE. Flimkien ma’ mezzi oħrajn sabiex tinġabar l-evidenza, l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta huwa mezz li bih tingħata informazzjoni lis-sistemi ta’ infurzar nazzjonali u tal-UE li twassal għall-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettiva ta’ ksur tar-regoli tal-Unjoni.
Il-protezzjoni tal-informaturi attwalment disponibbli fl-UE hija frammentata. In-nuqqas ta’ protezzjoni tal-informaturi fi Stat Membru jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-funzjonament ta’ politiki tal-UE f’dak l-Istat Membru, iżda anke impatti kollaterali fi Stati Membri oħrajn. Fil-livell ta’ UE, il-protezzjoni tal-informaturi hija pprovduta biss f’setturi speċifiċi u fi gradi differenti. Din il-frammentazzjoni u dawn id-differenzi jfissru li, f’ħafna sitwazzjonijiet, l-informaturi mhumiex protetti kif suppost kontra r-ritaljazzjoni. Fejn informaturi potenzjali ma jħossuhomx sikuri sabiex iressqu l-informazzjoni li għandhom, dan jissarraf f’anqas rapportar u għalhekk “opportunitajiet mitlufin” għall-prevenzjoni u skoperta ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni li jistgħu jikkawżaw ħsara serja għall-interess pubbliku.
Indikazzjonijiet dwar kemm hu mifrux in-nuqqas ta’ rappurtar minn informaturi jistgħu jinsiltu minn stħarriġ bħall-Ewrobarometru Speċjali dwar il-korruzjoni tal-2017: 81 % tal-Ewropej indikaw li ma rrapportawx korruzzjoni li esperjenzaw jew raw. 85 % ta’ dawk li wieġbu l-konsultazzjoni pubblika li għamlet il-Kummissjoni fl-2017 jemmnu li l-ħaddiema rarament ħafna jew rarament jirrapportaw tħassib dwar theddid jew ħsara għall-pubbliku għaliex jibżgħu minn konsegwenzi legali u finanzjarji. Waqt li spjega l-impatti negattivi fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku, studju tal-2017 mwettaq għall-Kummissjoni stima li n-nuqqas ta’ benefiċċji potenzjali minħabba nuqqas ta’ protezzjoni tal-informaturi, fl-akkwist pubbliku biss, huwa madwar EUR 5,8 sa EUR 9,6 biljun kull sena għall-UE inġenerali.
L-istituzzjonijiet tal-UE u ħafna partijiet interessati talbu għal azzjoni fil-livell tal-UE sabiex tkun indirizzata din il-frammentazzjoni ta’ protezzjoni fl-UE kollha. Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Ottubru 2017 dwar “Miżuri leġittimi għall-ħarsien ta’ informaturi li jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku” u fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Jannar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, stieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta leġiżlattiva orizzontali sabiex tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni għall-informaturi fl-UE, kemm fis-setturi pubbliċi kif ukoll privati, kif ukoll f’istituzzjonijiet nazzjonali u tal-UE. Il-Kunsill inkoraġġixxa lill-Kummissjoni sabiex tesplora l-possibbiltà għal azzjoni futura fil-livell tal-UE fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar it-trasparenza fiskali tal-11 ta’ Ottubru 2016. Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u trade unions talbu b’mod konsistenti għal leġiżlazzjoni fl-UE kollha dwar il-protezzjoni ta’ informaturi li jaġixxu fl-interess pubbliku.
Fil-Komunikazzjoni tal-2016 tagħha “Id-Dritt tal-UE: Riżultati Aħjar permezz ta’ Applikazzjoni Aħjar”, il-Kummissjoni nnutat li l-infurzar tal-liġi tal-UE jibqa’ sfida u stabbiliet l-impenn tagħha li tpoġġi “aktar enfasi fuq l-infurzar sabiex iservu l-interess ġenerali”. B’mod partikulari, enfasizzat li “[ħ]afna drabi, meta jfeġġu kwistjonijiet — l-ittestjar tal-emissjonijiet tal-karozzi, miżbliet illegali, is-sikurezza u s-sigurtà tat-trasport — il-problema ma tkunx nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-UE iżda l-fatt li d-dritt tal-UE ma jkunx applikat b’mod effettiv. […]”.
F’konformità ma’ dan l-impenn, din il-proposta timmira li tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tal-protezzjoni tal-informaturi bil-ħsieb li ssaħħaħ l-infurzar. Din tistabbilixxi sett ibbalanċjat ta’ standards minimi komuni li jipprovdu protezzjoni robusta kontra r-ritaljazzjoni għal informaturi li jirrapportaw dwar ksur f’oqsma ta’ politika speċifiċi fejn:
i) jenħtieġ li jissaħħaħ l-infurzar;
ii) in-nuqqas ta’ rapportar minn informaturi huwa fattur ewlieni li jaffettwa l-infurzar; u
iii) ksur jista’ jirriżulta fi ħsara serja għall-interess pubbliku.
•
Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
F’numru ta’ oqsma ta’ politika u strumenti, il-leġiżlatur tal-UE diġà rrikonoxxa l-valur ta’ protezzjoni tal-informaturi bħala għodda ta’ infurzar. Regoli li jipprevedu — f’livelli ta’ dettall varji — kanali ta’ rapportar u l-protezzjoni għal persuni li jirrapportaw dwar ksur tar-regoli kkonċernati jeżistu fi strumenti differenti relatati pereżempju mas-servizzi finanzjarji, is-sikurezza tat-trasport u l-protezzjoni ambjentali.
Il-proposta ssaħħaħ il-protezzjoni pprovduta f’dawn l-istrumenti kollha: tikkumplimentahom b’regoli u salvagwardji addizzjonali, tallinjahom ma’ livell għoli ta’ protezzjoni, filwaqt li żżomm l-ispeċifiċitajiet tagħhom.
Sabiex ikun żgurat li l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva jibqa’ aġġornat, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni speċjali għall-ħtieġa possibbli li jkunu inklużi dispożizzjonijiet li jemendaw l-Anness fi kwalunkwe liġi tal-Unjoni futura fejn il-protezzjoni tal-informaturi hija rilevanti u tista’ tikkontribwixxi għal infurzar aktar effettiv. L-estensjoni possibbli tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva għal oqsma jew atti tal-Unjoni oħrajn ukoll se tkun ikkunsidrata meta l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
L-iżgurar ta’ protezzjoni tajba tal-informaturi bħala mezz sabiex jissaħħaħ l-infurzar tal-liġi tal-Unjoni fl-oqsma li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta se jikkontribwixxi għall-prijoritajiet attwali tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fl-iżgurar tal-funzjonament effettiv tas-suq uniku, inkluż it-titjib tal-ambjent tan-negozju, iż-żieda tal-ġustizzja fit-tassazzjoni u l-promozzjoni ta’ drittijiet tax-xogħol.
L-introduzzjoni ta’ regoli ta’ protezzjoni tal-informaturi b’saħħithom se tikkontribwixxi sabiex ikun protett il-baġit tal-Unjoni u jkunu żgurati kundizzjonijiet ekwi meħtieġa sabiex is-suq uniku jiffunzjona kif suppost u sabiex in-negozji joperaw f’ambjent kompetittiv ġust. Din se tgħin biex tiġi evitata u individwata l-korruzzjoni, li trażżan it-tkabbir ekonomiku, billi toħloq inċertezza fin-negozju, iddewwem il-proċessi u timponi spejjeż addizzjonali. Din se żżid it-trasparenza fin-negozju, filwaqt li tikkontribwixxi għall-istrateġija tal-UE dwar finanzjament sostenibbli. Tkompli tappoġġja l-azzjonijiet tal-Kummissjoni sabiex tkun żgurata tassazzjoni aktar ġusta, aktar trasparenti u aktar effettiva fl-UE, kif spjegat fil-Komunikazzjoni li twieġeb għall-iskandlu tal-Panama Papers. B’mod partikulari, tikkomplementa inizjattivi riċenti li għandhom l-għan li jipproteġu l-baġits nazzjonali kontra prattiki dwar it-taxxa dannużi, kif ukoll it-tisħiħ tar-regoli propost dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Protezzjoni mtejba għall-informaturi se tgħolli l-livell ġenerali tal-protezzjoni ta’ ħaddiema, f’konformità mal-għanijiet tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u b’mod partikolari l-prinċipji 5 (kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti) u 7b (protezzjoni f’każ ta’ sensja) tiegħu. L-għoti ta’ livell għoli komuni ta’ protezzjoni lill-persuni li jakkwistaw l-informazzjoni li jirrapportaw permezz tal-attivitajiet relatati max-xogħol tagħhom (irrispettivament min-natura tagħhom) u li għandhom riskju ta’ ritaljazzjoni relatata max-xogħol se jissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema fl-aktar sens wiesa’. Tali protezzjoni se tkun ta’ rilevanza partikolari għal dawk f’relazzjonijiet prekarji, kif ukoll, għal dawk f’sitwazzjonijiet transfruntiera.
Ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-informaturi se jaħdmu b’mod parallel mal-protezzjoni eżistenti fil-qasam ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE: (i) dwar it-trattament ugwali, li tipprevedi protezzjoni kontra vittimizzazzjoni bħala reazzjoni għal ilment jew għal proċedimenti mmirati sabiex jinfurzaw il-konformità ma’ dan il-prinċipju u (ii) dwar il-protezzjoni kontra l-fastidju fuq il-post tax-xogħol.
Id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni mogħtija lill-impjegati meta jirrapportaw dwar ksur fil-liġi tal-impjiegi u soċjali tal-Unjoni. Il-protezzjoni tal-informaturi f’kuntest relatat max-xogħol taħdem b’mod parallel mal-protezzjoni li minnha jgawdu l-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema taħt il-leġiżlazzjoni tal-impjieg tal-UE eżistenti meta jqajmu kwistjonijiet ta’ konformità mal-impjegaturi tagħhom. Fir-rigward ta’ regoli dwar saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol, id-Direttiva Qafas 89/391/KEE tipprevedi li l-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tal-ħaddiema ma jistgħux ikunu żvantaġġjati għaliex jikkonsultaw jew iqajmu kwistjonijiet mal-impjegatur rigward miżuri sabiex jitnaqqsu l-perikli jew sabiex jitneħħew sorsi ta’ periklu. Il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom huma intitolati li jqajmu kwistjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jekk jikkunsidraw li l-miżuri meħuda u l-mezzi użati mill-impjegatur ma jkunux adatti għall-għanijiet li jkunu żgurati s-sigurtà u s-saħħa.. Il-Kummissjoni tippromwovi infurzar u konformità aħjar mal-qafas regolatorju tal-UE eżistenti fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Rigward l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, il-persunal tal-UE jgawdi minn protezzjoni tal-informaturi skont ir-Regolament tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea. Mill-2004, ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 emenda r-Regolamenti tal-Persunal, fost affarijiet oħra, biex ipoġġi fis-seħħ proċeduri biex jiġi rraportat kwalunkwe frodi, korruzzjoni jew irregolarità serja, u jagħti protezzjoni lill-persunal tal-UE li jirrapporta dwar ksur minn konsegwenzi negattivi.
L-imsieħba soċjali għandhom rwol essenzjali multidimensjonali fl-implimentazzjoni tar-regoli ta’ protezzjoni tal-informaturi. Rappreżentanti tal-ħaddiema indipendenti se jkunu vitali għall-promozzjoni tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta bħala mekkaniżmu ta’ governanza tajba. Id-djalogu soċjali jista’ jiżgura li jiġu stabbiliti arranġamenti effettivi ta' rapportar u ta’ protezzjoni li jikkunsidraw ir-realtà tal-postijiet tax-xogħol Ewropej, il-ħtiġijiet tal-ħaddiema u tan-negozji. Jenħtieġ li l-ħaddiema u t-trade unions tagħhom ikunu kkonsultati bis-sħiħ dwar proċeduri interni previsti sabiex jiffaċilitaw l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta; tali proċeduri jistgħu jkunu nnegozjati wkoll fil-qafas ta’ ftehimiet ta’ negozjar kollettiv. Barra minn hekk, il-unions jistgħu jaġixxu bħala riċevituri tar-rapporti jew ta' żvelar mingħand l-informaturi u għandhom funzjoni ewlenija fir-rigward tal-għoti ta’ pariri u appoġġ lill-informaturi (potenzjali).
Fl-aħħar nett, il-proposta se tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-implimentazzjoni effettiva ta’ firxa ta’ politiki ewlenin tal-UE li għandhom impatt dirett fuq l-ikkompletar tas-suq uniku, relatati mas-sigurtà tal-prodotti, is-sigurtà tat-trasport, il-protezzjoni ambjentali, is-sikurezza nukleari, is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, is-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-kompetizzjoni, il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali, u s-sikurezza tan-netwerks u tas-sistemi ta’ informazzjoni.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 16, 33, 43, 50, 53(1), 62, 91, 100, 103, 109, 114, 168, 169, 192, 207 u 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 31 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-Trattat Euratom). Dawn l-Artikoli jipprovdu l-bażi ġuridika sabiex jitjieb l-infurzar tal-liġi tal-Unjoni:
(i)billi jintroduċu dispożizzjonijiet ġodda dwar il-protezzjoni tal-informaturi sabiex jissaħħaħ il-funzjonament kif suppost tas-suq uniku, l-implimentazzjoni tajba ta’ politiki tal-Unjoni relatati mas-sikurezza tal-prodotti, is-sigurtà tat-trasport, il-protezzjoni ambjentali, is-sikurezza nukleari, is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa u l-benessri tal-annimali; is-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali u s-sikurezza tan-netwerks u tas-sistemi ta’ informazzjoni, il-kompetizzjoni, u l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;
(ii)biex jiġu żgurati standards għoljin konsistenti fil-protezzjoni tal-informaturi fi strumenti settorjali tal-Unjoni fejn diġà jeżistu regoli rilevanti.
•Sussidjarjetà
L-objettiv tat-tisħiħ tal-infurzar tal-liġi tal-Unjoni permezz tal-protezzjoni tal-informaturi ma jistax jinkiseb b’mod adegwat minn Stati Membri li jaġixxu waħedhom jew b’mod mhux ikkoordinat. Il-frammentazzjoni tal-protezzjoni fil-livell nazzjonali hija mistennija li tkompli tippersisti. Dan ifisser li aktarx jippersistu wkoll l-impatti negattivi ta’ tali frammentazzjoni fuq il-funzjonament ta’ varji politiki tal-UE fl-Istati Membri individwali, u l-impatti kollaterali fi Stati Membri oħrajn.
Il-ksur tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku jew tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE jirriżulta f’distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-suq uniku, żieda fl-ispejjeż sabiex isir negozju u ambjent anqas attraenti għall-investiment. Skemi ta’ ppjanar tat-taxxa agressivi joħolqu kompetizzjoni tat-taxxa inġusta u telf ta’ dħul tat-taxxa għall-Istati Membri u għall-baġit tal-UE. Ksur fl-oqsma tas-sikurezza tal-prodotti, tas-sigurtà tat-trasport, tal-protezzjoni ambjentali, tas-sikurezza nukleari, tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, tas-saħħa u l-benessri tal-annimali; tas-saħħa pubblika, tal-protezzjoni tal-konsumatur, tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali u tas-sikurezza tan-netwerks u tas-sistemi ta’ informazzjoni, jista' jirriżulta f’riskji serji li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. F'dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, it-Trattat jistipula l-ħtieġa għal azzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni fl-Artikoli 310(6) u 325(1) u (4) tat-TFUE, sabiex jiġu stabbiliti miżuri ekwivalenti u deterrenti li jħarsuhom mill-attivitajiet illegali.
Għaldaqstant huwa ċar li azzjoni leġiżlattiva fil-livell ta’ Unjoni biss tista’ ttejjeb l-infurzar tal-liġi tal-UE billi tiżgura standards minimi ta’ armonizzazzjoni dwar il-protezzjoni tal-informaturi. Barra minn hekk, azzjoni tal-UE biss tista tipprovdi koerenza u tallinja r-regoli settorjali tal-Unjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tal-informaturi.
•Proporzjonalità
Din il-proposta hi proporzjonata mal-objettiv li jissaħħaħ l-infurzar tal-liġi tal-Unjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex dan jinkiseb.
L-ewwel, tistipula l-istandards minimi komuni għall-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw ksur biss f’oqsma fejn: i) hemm ħtieġa li jissaħħaħ l-infurzar; ii) in-nuqqas ta’ rapportar minn informaturi huwa fattur ewlieni li jaffettwa l-infurzar u iii) ksur jista’ jirriżulta fi ħsara serja għall-interess pubbliku.
Għalhekk tiffoka fuq oqsma b’dimensjoni ċara tal-UE u fejn l-impatt fuq l-infurzar huwa l-aktar b’saħħtu.
It-tieni, il-proposta sempliċiment tistipula l-istandards minimi ta’ protezzjoni, filwaqt li tħalli f’idejn l-Istati Membri l-possibbiltà li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli għad-drittijiet tal-informaturi.
It-tielet, l-ispejjeż ta’ implimentazzjoni (fost l-oħrajn sabiex ikunu stabbiliti kanali interni) għal negozji ta’ daqs medju mhumiex sinifikanti, filwaqt li l-benefiċċji fir-rigward taż-żieda tal-prestazzjoni tan-negozju u t-tnaqqis tad-distorsjonijiet għall-kompetizzjoni jidhru li huma sostanzjali. Soġġett għal eċċezzjonijiet speċifiċi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, kumpaniji żgħar u mikrokumpaniji huma normalment eżentati mill-obbligu li jistabbilixxu proċeduri interni għar-rapportar u s-segwitu ta’ rapporti. L-ispejjeż ta’ implimentazzjoni għall-Istati Membri wkoll ġew stmati bħala limitati, ladarba l-Istati Membri jistgħu jittrasponu l-obbligu l-ġdid billi jibnu fuq l-istrutturi eżistenti stabbiliti skont il-qafas legali settorjali attwali.
•Għażla tal-istrument
F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, Direttiva ta’ armonizzazzjoni minima hija l-istrument xieraq sabiex ikun sfruttat il-potenzjal tal-iżvelar tal-informazzjoni bħala komponent tal-infurzar tal-liġi tal-Unjoni.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati
Il-proposta tibni fuq ir-riżultati tax-xogħol konsultattiv estensiv imwettaq mill-Kummissjoni matul l-2017, fil-forma ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku mifruxa fuq 12-il ġimgħa, imsemmija hawn fuq, tliet konsultazzjonijiet onlajn immirati mal-partijiet interessati, żewġ sessjonijiet ta' ħidma ma’ esperti tal-Istati Membri u sessjoni ta' ħidma ma’ akkademiċi u esperti ta' rappreżentanza.
Il-Kummissjoni waslulha 5 707 tweġibiet mill-konsultazzjoni pubblika. Minn dawn, 97 % (5 516) kienu tweġibiet mingħand individwi privati. It-3 % li jifdal ġew minn rispondenti li jaġixxu f’isem organizzazzjoni (191 tweġiba). Żewġ terzi mir-rispondenti kollha (individwi u organizzazzjonijiet) kienu ġejjin mill-Ġermanja u minn Franza (43 % u 23 % rispettivament), it-tweġibiet minn Spanja kienu jammontaw għal 7 % tat-total, l-Italja u l-Belġju 5 % kull wieħed u l-Awstrija 6 %. Il-bqija tat-tweġibiet kienu ġejjin minn fost l-Istati Membri l-oħrajn.
Kważi r-rispondenti kollha (99,4 %) qablu li jenħtieġ li l-informaturi jkunu protetti u 96 % esprimew appoġġ qawwi ħafna għall-istabbiliment ta’ standards minimi legalment vinkolanti għall-protezzjoni tal-informaturi fil-liġi tal-Unjoni. L-ewwel erba’ oqsma fejn hija meħtieġa l-protezzjoni tal-informaturi skont ir-rispondenti huma: (i) il-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni (95 % tar-rispondenti); (ii) il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa (93 % tar-rispondenti); (iii) il-protezzjoni tal-ambjent (93 % tar-rispondenti); u (iv) il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà pubblika (92 % tar-rispondenti).
Fis-sessjonijiet ta' ħidma organizzati mill-Kummissjoni u b'reazzjoni għall-konsultazzjoni pubblika, ċerti Stati Membri qajmu l-punt li inizjattiva leġiżlattiva tal-UE jeħtieġ li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà.
•Ġbir u użu tal-kompetenzi
Ġie kkummissjonat studju estern sabiex jivvaluta l-impatti kwantitattivi u kwalitattivi u l-benefiċċji tal-implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-informaturi f’oqsma differenti li jkopru l-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali. Dan l-istudju analizza u pprovda evidenza li kkontribwiet għad-definizzjoni tal-problema u l-valutazzjoni tal-għażliet ikkunsidrati mill-Kummissjoni.
•Valutazzjoni tal-impatt
Għal din il-proposta saret valutazzjoni tal-impatt. Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (“il-Bord”) ħareġ l-ewwel opinjoni negattiva b’kummenti dettaljati fis-26 ta’ Jannar 2018. Fil-5 ta’ Marzu l-Bord ħareġ opinjoni pożittiva b'xi kummenti dwar il-verżjoni riveduta tal-valutazzjoni tal-impatt ippreżentata fil-15 ta’ Frar, li ġew ikkunsidrati fir-rapport finali tal-valutazzjoni tal-impatt.
Erba’ għażliet ta' politika ġew ivvalutati minbarra x-xenarju bażi (jiġifieri l-preservazzjoni tal-istatus quo) u żewġ għażliet ġew imwarrba.
Iż-żewġ għażliet li ġew imwarrba huma: (i) inizjattiva leġiżlattiva bbażata fuq l-Artikolu 50(2)(g) tat-TFUE dwar it-titjib tal-integrità tas-settur privat billi jiġu introdotti standards minimi għall-istabbiliment ta’ kanali ta’ rapportar, u (ii) inizjattiva leġiżlattiva bbażata fuq l-Artikolu 153(1)(a) u (b) tat-TFUE dwar titjib fl-ambjent tax-xogħol sabiex ikunu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u dwar kundizzjonijiet tax-xogħol.
Fl-ewwel każ, il-bażi ġuridika ma kinitx tippermetti li jkun kopert is-settur pubbliku, filwaqt li d-disponibbiltà u disinn ta’ kanali ta’ rapportar esterni (jiġifieri lill-awtoritajiet kompetenti) u d-disponibbiltà u forom ta’ protezzjoni tal-informaturi kontra r-ritaljazzjoni kienu jitħallew għad-diskrezzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri.
Fit-tieni każ, il-kamp ta' applikazzjoni personali tad-Direttiva kien ikun limitat għall-impjegati, filwaqt li jħalli lil tipi oħrajn ta’ informaturi potenzjali mingħajr protezzjoni, bħal persuni li jaħdmu għal rashom, kuntratturi eċċ., li skont l-evidenza disponibbli u standards internazzjonali jistgħu jkunu kruċjali sabiex jikxfu theddid jew ħsara għall-interess pubbliku u jeħtieġu wkoll il-protezzjoni kontra r-ritaljazzjoni. Il-kamp ta' applikazzjoni limitat jikkostitwixxi lakuna ewlenija fil-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE filwaqt li, billi jeskludi kategoriji kruċjali ta’ informaturi potenzjali mill-protezzjoni, tali inizjattiva jkollha wkoll effikaċja limitata f'termini ta' titjib tal-infurzar tal-liġi tal-Unjoni. Il-kamp ta' applikazzjoni personali limitat ma jkunx ikkumpensat minn protezzjoni usa', għaliex il-bażi ġuridika ma tkun toffri l-ebda protezzjoni addizzjonali meta mqabbla mal-għażliet tal-politika magħżulin. Barra minn hekk, l-estensjoni tal-protezzjoni sabiex tinkludi sitwazzjonijiet fejn ma hemmx dimensjoni transfruntiera jew impatt kollaterali ieħor, fejn ma hemm l-ebda konnessjoni mal-liġi tal-Unjoni jew mal-interessi finanzjarji tal-UE, tkun intervent regolatorju wiesa' tal-UE u konsegwentement anke pjuttost għali.
L-għażliet ta’ politika eżaminati kienu: i) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar elementi ewlenin ta’ protezzjoni tal-informaturi kkumplimentati minn miżuri ta’ akkumpanjament li jappoġġjaw lill-awtoritajiet nazzjonali; ii) Direttiva li tintroduċi l-protezzjoni tal-informaturi fil-qasam tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kkumplimentata minn Komunikazzjoni li tistabbilixxi qafas ta’ politika fil-livell tal-UE, li jinkludi miżuri li jappoġġjaw lill-awtoritajiet nazzjonali; iii) Direttiva li tintroduċi protezzjoni tal-informaturi f’oqsma speċifiċi (inkluż l-interessi finanzjarji tal-Unjoni) fejn huwa meħtieġ li jkun indirizzat in-nuqqas ta’ rapportar mill-informaturi sabiex jittejjeb l-infurzar tal-liġi tal-Unjoni, għaliex il-ksur iwassal għal ħsara serja għall-interess pubbliku; iv) Direttiva bħal dik taħt iii) ikkumplimentata minn Komunikazzjoni bħal dik taħt ii).
Din tal-aħħar hija l-għażla magħżula għal din il-proposta. Inizjattiva leġiżlattiva b’tali kamp ta' applikazzjoni wiesa’ hija partikolarment xierqa sabiex tindirizza l-frammentazzjoni attwali u ttejjeb iċ-ċertezza legali sabiex jiġi indirizzat b’mod effettiv in-nuqqas ta’ rapportar u jitjieb l-infurzar tal-liġi tal-Unjoni fl-oqsma identifikati kollha, fejn ksur jista’ jikkawża ħsara serja għall-interess pubbliku. Il-Komunikazzjoni li takkumpanjaha, li tistipula miżuri addizzjonali previsti mill-Kummissjoni u prattiki tajbin li jistgħu jittieħdu fil-livell tal-Istati Membri se tikkontribwixxi għall-iżgurar effettiv tal-protezzjoni tal-informaturi.
L-għażla preferuta se jkollha benefiċċji ekonomiċi, soċjetali u ambjentali. Din se tappoġġja lill-awtoritajiet nazzjonali fl-isforzi tagħhom sabiex jiskopru u jiskoraġġixxu l-frodi u l-korruzzjoni fil-baġit tal-UE (ir-riskju attwali ta’ telf huwa stmat li huwa bejn EUR 179 biljun u EUR 256 biljun fis-sena). F’oqsma oħrajn tas-suq uniku, bħal fl-akkwist pubbliku, il-benefiċċji huma stmati li huma fil-medda ta’ EUR 5.8 sa EUR 9.6 biljun kull sena għall-UE inġenerali. L-għażla preferuta se tappoġġja b’mod effettiv ukoll il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa li jirriżulta f’telf ta’ dħul mit-taxxa mit-trasferiment tal-profitti għall-Istati Membri u għall-UE, stmat li hu madwar EUR 50-70 biljun fis-sena. L-introduzzjoni ta’ protezzjoni tal-informaturi robusta se ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol għal 40 % tal-forza tax-xogħol tal-UE li attwalment mhumiex protetti minn miżuri kontra r-ritaljazzjoni u se żżid il-livell ta’ protezzjoni għal madwar 20 % tal-forza tax-xogħol tal-UE. Din se żżid l-integrità u t-trasparenza tas-settur privat u pubbliku, tikkontribwixxi għal kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku.
L-ispejjeż ta’ implimentazzjoni għas-settur pubbliku huma mistennija jammontaw għal EUR 204.9 miljun bħala spejjeż ta’ darba u EUR 319.9 miljun bħala spejjeż operattivi annwali. Għas-settur privat (kumpaniji medji u kbar) l-ispejjeż totali pproġettati huma mistennija jammontaw għal EUR 542.9 miljun bħala spejjeż ta’ darba u EUR 1 016.6 miljun bħala spejjeż operattivi annwali. L-ispejjeż totali kemm għas-settur pubbliku u privat huma EUR 747.8 miljun bħala spejjeż ta’ darba u EUR 1 336.6 miljun bħala spejjeż operattivi annwali.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Sabiex ikun ikkunsidrat id-daqs tan-negozji privati, bħala prinċipju ġenerali, il-proposta teżenta lill-kumpaniji mikro u żgħar mill-obbligu li jistabbilixxu kanali ta’ rapportar interni. Persuni li jirrapportaw li jaħdmu f’tali negozji jistgħu jirrapportaw direttament esternament lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. L-eżenzjoni ġenerali ma tapplikax għall-kumpaniji żgħar u mikro li joperaw fil-qasam ta’ servizzi finanzjarji. Dawn il-kumpaniji kollha għandhom jibqgħu obbligati li jistabbilixxu kanali ta’ rapportar interni, f’konformità mal-obbligi attwali stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji. L-ispiża għal dawn il-kumpaniji hija minima (spejjeż mitlufa) għaliex diġà huma obbligati jistabbilixxu kanali ta’ rapportar interni taħt ir-regoli tal-Unjoni eżistenti. Wara valutazzjoni tar-riskju xierqa l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-kumpaniji żgħar f’setturi speċifiċi sabiex jistabbilixxu kanali ta’ rapportar interni, jekk meħtieġ, skont l-analiżi tagħhom stess u l-ħtiġijiet nazzjonali. Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tikkunsidra n-natura speċifika tas-settur u tivvaluta r-riskji u l-ħtieġa li jiġi stabbilit l-obbligu li jitwaqqfu kanali interni. L-ispejjeż għan-negozji ta’ daqs medju obbligati li jistabbilixxu kanali ta’ rapportar interni mhumiex sinifikanti. L-ispejjeż medji għal kull intrapriża medja se jammontaw għal: spiża medja ta’ implimentazzjoni ta’ darba stmata għal EUR 1,374 u spiża operattiva annwali medja stmata għal EUR 1,054.6 fis-sena. L-eżenzjoni ġenerali ta’ kumpaniji żgħar u mikro ma tapplikax għall-kumpaniji attivi fil-qasam ta’ servizzi finanzjarji jew li huma vulnerabbli għal ħasil ta’ flus jew għall-finanzjament tat-terroriżmu.
•Drittijiet fundamentali
Minħabba li żżid il-livell attwali ta’ protezzjoni tal-informaturi, il-proposta se jkollha impatt pożittiv fuq id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari:
i)Il-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-informazzjoni (l-Artikolu 11 tal-Karta): Protezzjoni insuffiċjenti tal-informaturi kontra r-ritaljazzjoni taffettwa l-libertà tal-espressjoni tal-individwi kif ukoll id-dritt tal-pubbliku li jaċċessa informazzjoni u l-libertà tal-midja. It-tisħiħ tal-protezzjoni tal-informaturi u l-kjarifika tal-kundizzjonijiet għal dik il-protezzjoni anke meta dawn jiżvelaw informazzjoni lill-pubbliku, se jinkoraġġixxi u jippermetti li jsir żvelar anke lill-midja.
ii)Id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa (l-Artikoli 30 u 31 tal-Karta): se jkun żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni tal-informaturi billi jiġu stabbiliti kanali ta’ rapportar u tittejjeb il-protezzjoni kontra r-ritaljazzjoni fil-kuntest relatat max-xogħol.
iii)Id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, il-protezzjoni ta’ data personali, ilkura tas-saħħa, il-protezzjoni ambjentali, il-protezzjoni tal-konsumatur, (rispettivament, l-Artikoli 7, 8, 35, 37 u 38 tal-Karta), u l-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba (l-Artikolu 41) ukoll se jiġu affettwati b'mod pożittiv għaliex il-proposta se żżid l-iskoperta u l-prevenzjoni ta’ ksur.
B’mod aktar ġenerali, il-proposta se żżid ir-rapportar u l-iskoraġġiment tal-ksur tad-drittijiet fundamentali kollha fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fl-oqsma li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha.
Il-proposta ssegwi approċċ bilanċjat sabiex ikun żgurat ir-rispett sħiħ ta’ aktar drittijiet li jistgħu jkunu affettwati, bħad-dritt għal ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali (l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta) tal-informaturi iżda anke tan-nies ikkonċernati mir-rapporti, kif ukoll il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittijiet ta’ difiża ta’ dawn tal-aħħar (l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta). Bl-istess mod, l-impatti fuq il-libertà ta' intrapriża (l-Artikolu 16 tal-Karta) huma f’konformità mal-Artikolu 52(1) tal-Karta.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din l-inizjattiva mhu se jkollha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Il-Kummissjoni se tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva proposta, rispettivament sentejn u sitt snin wara d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni. Dan se jiżgura li jkun hemm perjodu ta’ żmien biżżejjed sabiex ikun evalwat il-mod kif ħadmet id-Direttiva proposta u sabiex tkun ivvalutata l-ħtieġa ta' miżuri addizzjonali, inkluża l-estensjoni possibbli tal-protezzjoni tal-informaturi għal aktar oqsma.
Il-Kummissjoni se tibgħat ukoll rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tal-impatt tat-traspożizzjoni tad-Direttiva proposta fil-liġi nazzjonali 6 snin wara d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni. Għal dan il-għan ġew stabbiliti punti ta' riferiment sabiex jirriflettu l-progress kemm fit-traspożizzjoni kif ukoll fl-implimentazzjoni tad-Direttiva futura (ara Taqsima 8 tal-valutazzjoni tal-impatt. Sabiex tikkontribwixxi għar-rapport ta’ implimentazzjoni futura u tivvaluta l-punti ta' riferiment fil-mira, il-proposta tinkludi obbligu għall-Istati Membri li jiġbru data dwar in-numru ta’ rapporti tal-informaturi li jaslulhom, dwar in-numru ta’ proċeduri attivati b’riżultat tar-rapportar minn informaturi, dwar l-oqsma tal-liġi koperti, kif ukoll dwar ir-riżultat tal-proċeduri u l-impatt ekonomiku tagħhom fir-rigward tal-irkupru ta’ fondi u dwar każijiet irrapportati ta’ ritaljazzjoni. Dan is-sett ta’ data min-naħa tiegħu se jikkontribwixxi għar-rapporti attwali tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u jista’ jkun ikkumplimentat mir-rapporti annwali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u l-Ombudsman tal-UE.
It-tieni, dan il-ġbir tad-data se jkun ikkumplimentat minn sorsi ta’ data rilevanti oħrajn, bħall-Ewrobarometru tal-Kummissjoni dwar il-Korruzzjoni u r-rapporti ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni settorjali tal-UE eżistenti li tipprovdi protezzjoni lill-informaturi.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-proposta tislet mill-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dritt għal-libertà tal-espressjoni stabbilit fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 10 KEDB, u l-prinċipji żviluppati fuq din il-bażi mill-Kunsill tal-Ewropa fir-Rakkomandazzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi tiegħu tal-2014, kif ukoll standards internazzjonali oħrajn u prattiki tajbin, imsemmija hawn fuq, u drittijiet u regoli fundamentali tal-UE.
Kapitolu I (l-Artikoli 1-3) jiċċirkoskrivi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva u jispjega d-definizzjonijiet.
L-Artikolu 1 jelenka l-oqsma fejn, skont l-evidenza disponibbli, hija meħtieġa protezzjoni tal-informaturi sabiex jissaħħaħ l-infurzar tar-regoli tal-Unjoni li l-ksur tagħhom jista’ jikkawża ħsara serja għall-interess pubbliku.
L-Artikolu 2 jistipula l-kamp ta' applikazzjoni personali tad-Direttiva. Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi, dan jiġbor fih l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ kategoriji ta’ persuni, li, bis-saħħa ta’ attivitajiet relatati max-xogħol (irrispettivament min-natura ta’ dawn l-attivitajiet u jekk dawn humiex imħallsin jew le), għandhom aċċess privileġġjat għal informazzjoni dwar ksur li jista’ jikkawża ħsara serja għall-interess pubbliku u li jistgħu jsofru ritaljazzjoni jekk jirrapportaw, kif ukoll għal kategoriji ta’ persuni oħrajn li jistgħu jkunu assimilati magħhom għall-iskopijiet tad-Direttiva, bħal azzjonisti, volontiera, apprendisti u applikanti għal impjiegi.
Id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 huma bbażati fuq il-prinċipji tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi. B’mod partikolari, il-kunċetti ta’ persuni li qed jirrapportaw u ritaljazzjoni huma ddefiniti bl-aktar mod wiesa’ possibbli, sabiex tkun żgurata protezzjoni effettiva tal-informaturi bħala mezz sabiex jissaħħaħ l-infurzar tal-liġi tal-Unjoni.
Kapitolu II (l-Artikoli 4-5) jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri sabiex jiżguraw li entitajiet legali fis-setturi privati u pubbliċi jistabbilixxu kanali ta’ rapportar interni xierqa u proċeduri sabiex jirċievu u jsegwu r-rapporti. Dan l-obbligu għandu l-għan li jiżgura li informazzjoni dwar ksur attwali jew potenzjali tal-liġi tal-Unjoni tilħaq malajr lil dawk li huma l-eqreb tas-sors tal-problema, l-aktar li huma kapaċi jinvestigawha u bis-setgħat li jsolvuha, fejn possibbli.
L-Artikolu 4 jittraduċi l-prinċipju li l-obbligu li jiġu stabbiliti kanali ta’ rapportar interni għandu jkun proporzjonat mad-daqs tal-entitajiet, u fil-każ ta’ entitajiet privati, jikkunsidra l-livell ta’ riskju li l-attivitajiet tagħhom jimponu fuq l-interess pubbliku. Bl-eċċezzjoni ta’ negozji li joperaw fil-qasam tas-servizzi finanzjarji kif previst skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, kumpaniji mikro u żgħar huma eżentati mill-obbligu li jistabbilixxu kanali interni.
L-Artikolu 5 jistipula l-istandards minimi li għandhom jissodisfaw il-kanali ta’ rapportar interni u l-proċeduri għas-segwitu ta’ rapporti. B’mod partikolari, jirrikjedi li kanali ta’ rapportar jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tal-identità tal-persuna li qed tirrapporta, li hija l-pedament tal-protezzjoni tal-informaturi. Jirrikjedi wkoll li l-persuna jew id-dipartiment kompetenti li jirċievu r-rapport isegwuh b’mod diliġenti u jinformaw lill-persuna li qed tirrapporta fi żmien raġonevoli dwar dan is-segwitu. Barra minn hekk, l-entitajiet li għandhom stabbiliti proċeduri ta’ rapportar interni huma mitluba jipprovdu informazzjoni li tinftiehem faċilment u li hija aċċessibbli għal kulħadd dwar dawn il-proċeduri kif ukoll dwar proċeduri għal rapportar estern lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti.
Kapitolu III (l-Artikoli 6-12) jobbliga lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti għandhom stabbilit kanali ta’ rapportar esterni u proċeduri sabiex jirċievu u jsegwu r-rapporti u jistipula l-istandards minimi applikabbli għal tali kanali u proċeduri.
Skont l-Artikolu 6, l-awtoritajiet li għandhom jinħatru bħala kompetenti mill-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari jistabbilixxu kanali ta’ rapportar esterni indipendenti u awtonomi, li huma kemm sikuri kif ukoll jiżguraw il-kunfidenzjalità, isegwu r-rapporti u jipprovdu rispons lill-persuni li tirrapporta fi żmien raġonevoli. L-Artikolu 7 jistipula r-rekwiżiti minimi għad-disinn tal-kanali ta’ rapportar esterni. L-Artikolu 8 jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom membri tal-persunal dedikati u mħarrġa speċifikament fl-immaniġġjar ta’ rapporti u jispjega l-funzjonijiet li għandhom ikunu eżerċitati minn dawn il-membri tal-persunal.
L-Artikolu 9 jipprovdi r-rekwiżiti li għandhom ikunu sodisfatti minn proċeduri applikabbli għar-rapportar estern, eż. fir-rigward ta’ aktar komunikazzjoni mal-persuna li tirrapporta, il-perjodu ta’ żmien għall-għoti ta’ rispons għall-persuna li tirrapporta u l-iskema ta’ kunfidenzjalità applikabbli. B’mod partikolari, dawn il-proċeduri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tad-data personali kemm ta’ persuni li jirrapportaw kif ukoll ta’ persuni kkonċernati. L-Artikolu 10 jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżvelaw pubblikament u jagħmlu faċilment aċċessibbli u faċli għall-utent informazzjoni dwar il-kanali ta’ rapportar disponibbli u l-proċeduri applikabbli sabiex jaslu r-rapporti u s-segwitu tagħhom. L-Artikolu 11 jipprevedi żamma ta’ rekords adegwata tar-rapporti kollha. L-Artikolu 12 jipprevedi reviżjoni regolari mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-proċeduri tagħhom għal meta jirċievu u jsegwu r-rapporti.
Kapitolu IV (l-Artikoli 13-18) jistipula standards minimi dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw u ta’ persuni kkonċernati mir-rapporti.
L-Artikolu 13 jispjega l-kundizzjonijiet li taħthom il-persuna li tirrapporta għandha tikkwalifika għal protezzjoni taħt din id-Direttiva.
Aktar speċifikament, jirrikjedi li l-persuni li jirrapportaw kellhom raġunijiet iġġustifikati sabiex jemmnu li l-informazzjoni rrapportata kienet vera fil-ħin tar-rapportar. Din hija salvagwardja essenzjali kontra rapporti malizzjużi jew abbużivi, li tiżgura li dawk li jirrapportaw informazzjoni ħażina konxjament ma jingħatawx protezzjoni. Fl-istess waqt, din tiżgura li l-protezzjoni ma tintilifx meta l-persuna li tirrapporta tkun għamlet rapport mhux preċiż bi żball onest. Bl-istess mod, persuni li jirrapportaw għandhom ikunu intitolati għal protezzjoni skont id-Direttiva jekk kellhom raġunijiet ġustifikati biex jemmnu li l-informazzjoni rrapportata taqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha.
Barra minn hekk, il-persuni li jirrapportaw huma ġeneralment mitluba jużaw il-kanali interni l-ewwel; Jekk dawn il-kanali ma jaħdmux jew raġonevolment mhumiex mistennija li jaħdmu, jistgħu jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti, u, bħala l-aħħar rimedju, lill-pubbliku/midja. Dan ir-rekwiżit huwa meħtieġ sabiex ikun żgurat li l-informazzjoni tasal għand il-persuni li jistgħu jikkontribwixxu għas-soluzzjoni bikrija u effettiva ta’ riskji għall-interess pubbliku kif ukoll sabiex tkun evitata ħsara għar-reputazzjoni mhux ġustifikata minn żvelar pubbliku. Fl-istess waqt, billi jingħataw eċċezzjonijiet minn din ir-regola f’każijiet fejn kanali interni u/jew esterni ma jiffunzjonawx jew raġonevolment mhumiex mistennija li jiffunzjonaw kif suppost, l-Artikolu 13 jipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa għall-persuna li tirrapporta sabiex tagħżel l-aktar kanal xieraq skont iċ-ċirkustanzi individwali tal-każ. Barra minn hekk, jippermetti l-protezzjoni ta’ żvelar pubbliku bil-kunsiderazzjoni ta’ prinċipji demokratiċi bħat-trasparenza u r-responsabbiltà, u ta' drittijiet fundamentali bħal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja.
L-Artikolu 14 jipprovdi lista mhux eżawrjenti tal-ħafna forom differenti ta' ritaljazzjoni.
L-Artikolu 15 jirrikjedi li r-ritaljazzjoni fi kwalunkwe forma tkun ipprojbita u jistipula aktar miżuri li l-Istati Membri għandhom jieħdu sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw, inkluż:
·Li l-informazzjoni indipendenti u pariri dwar proċeduri u rimedji disponibbli għall-protezzjoni kontra r-ritaljazzjoni ssir faċilment aċċessibbli għall-pubbliku u mingħajr ħlas;
·L-eżenzjoni ta’ persuni li jirrapportaw mir-responsabbiltà għall-ksur ta’ restrizzjonijiet dwar żvelar ta’ informazzjoni imposti minn kuntratt jew mil-liġi;
·Il-previżjoni tat-treġġigħ lura tal-oneru tal-prova fi proċeduri legali sabiex, f’każijiet prima facie ta’ ritaljazzjoni, ikun f’idejn il-persuna li qed tieħu azzjoni kontra informatur sabiex tipprova li mhijiex qed tirritalja kontra l-att ta’ informar.
·Id-disponibbiltà kif xieraq ta' miżuri ta’ rimedju kontra r-ritaljazzjoni għall-persuni li jirrapportaw , inkluż eżenzjoni temporanja sar-riżoluzzjoni tal-proċeduri legali, skont il-qafas nazzjonali;
·L-iżgurar li, f’azzjonijiet legali meħuda kontrihom barra mill-kuntest relatat max-xogħol, bħal proċedimenti għal defamazzjoni, il-ksur ta’ dritt tal-awtur jew il-ksur tas-segretezza, l-informaturi jistgħu joqogħdu fuq li jkunu għamlu rapport jew żvelar skont id-Direttiva bħala difiża.
L-Artikolu 16 jagħmilha ċara li dawk ikkonċernati mir-rapporti għandhom igawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, inkluż il-preżunzjoni tal-innoċenza, id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq, u d-drittijiet tagħhom għal difiża.
L-Artikolu 17 jipprevedi penali effettivi, proporzjonati u dissważivi li huma meħtieġa:
·minn naħa, sabiex tkun żgurata l-effettività tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw, sabiex ikunu kkastigati u skoraġġuti b’mod proattiv l-azzjonijiet immirati li jtellfu r-rapportar, l-azzjonijiet ta’ ritaljazzjoni, il-proċedimenti vessatorji kontra persuni li jirrapportaw u l-ksur tad-dmir li tinżamm il-kunfidenzjalità tal-identità tagħhom, u,
·min-naħa l-oħra, sabiex ikun skoraġġut informar malizzjuż u abbużiv li jaffettwa l-effettività u l-kredibbiltà tas-sistema kollha ta’ protezzjoni tal-informaturi, u sabiex tkun evitata l-ħsara reputazzjonali mhux ġustifikata għall-persuni kkonċernati.
L-Artikolu 18 jirreferi għall-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni ta’ data personali għal kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mwettaq skont id-Direttiva. F’dan ir-rigward, kwalunkwe pproċessar ta’ data, inkluż l-iskambju jew trażmissjoni ta’ tali data, għandu jikkonforma mar-regoli stabbiliti mir-Regolament (UE) 2016/679, id-Direttiva (UE) 2016/680 u r-Regolament (KE) 45/2001.
Il-Kapitolu V (L-Artikoli 19-22) jistipula d-dispożizzjonijiet finali.
L-Artikolu 19 jispeċifika li l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli għall-persuna li tirrapporta, sakemm tali dispożizzjonijiet ma jfixklux il-miżuri għall-protezzjoni tal-persuni kkonċernati. L-Artikolu 20 jittratta t-traspożizzjoni tad-Direttiva.
L-Artikolu 21 jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, li fuq il-bażi tagħha l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament u lill-Kunsill sa sentejn wara t-traspożizzjoni. Din id-dispiżizzjoni titlob ukoll li kull sena l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni statistika, fost l-oħrajn dwar in-numru ta’ rapporti li waslu għand l-awtoritajiet kompetenti, jekk tkun disponibbli f’livell ċentrali fl-Istat Membru kkonċernat; in-numru ta’ proċedimenti mibdija bbażati fuq ir-rapporti u r-riżultat ta’ tali proċedimenti. L-Artikolu 21 jipprovdi wkoll li l-Kummissjoni għandha, sa sitt snin wara t-traspożizzjoni, tibgħat rapport lill-Parlament u lill-Kunsill li jivvaluta l-impatt tal-liġi nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva u tikkunsidra l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali, inkluż, fejn xieraq, emendi bil-għan li tiġi estiża l-protezzjoni tal-informaturi għal aktar oqsma jew atti tal-Unjoni.
2018/0106 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 16, 33, 43, 50, 53(1), 62, 91, 100, 103, 109, 114, 168, 169, 192, 207 u 325(4) tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri,
Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,
Billi:
(1)Persuni li jaħdmu għal organizzazzjoni jew huma f’kuntatt magħha fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom relatati max-xogħol huma ta’ spiss l-ewwel li jsiru jafu dwar theddid jew ħsara għall-interess pubbliku li jseħħu f’dan il-kuntest. Billi “jiżvelaw informazzjoni” għandhom rwol ewlieni fil-kxif u l-prevenzjoni ta’ ksur tal-liġi u fis-salvagwardja tal-benessri tas-soċjetà. Madankollu, l-informaturi potenzjali spiss jaqtgħu qalbhom milli jirrapportaw it-tħassib jew is-suspetti tagħhom għax jibżgħu minn xi ritaljazzjoni.
(2)Fil-livell tal-Unjoni, ir-rapporti minn informaturi huma komponent upstream tal-infurzar tal-liġi tal-Unjoni: dawn jikkontribwixxu għas-sistemi ta’ infurzar nazzjonali u tal-Unjoni b’informazzjoni li twassal għall-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettiva ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni.
(3)F’ċerti oqsma ta’ politika, ksur tal-liġi tal-Unjoni jista’ jikkawża ħsara serja għall-interess pubbliku, fis-sens li joħloq riskji sinifikanti għall-benessri tas-soċjetà. Fejn nuqqasijiet ta’ infurzar ġew identifikati f’dawn l-oqsma, u l-informaturi huma f’pożizzjoni privileġġjata sabiex jiżvelaw ksur, huwa meħtieġ li jissaħħaħ l-infurzar billi tkun żgurata protezzjoni effettiva tal-informaturi mir-ritaljazzjoni u l-introduzzjoni ta’ kanali ta’ rapportar effettiv.
(4)Il-protezzjoni li attwalment tingħata lill-informaturi fl-Unjoni Ewropea hija frammentata madwar l-Istati Membri u hija inugwali bejn l-oqsma ta’ politika. Il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni b’dimensjoni transfruntiera mikxufa mill-informaturi juru kif il-protezzjoni insuffiċjenti fi Stat Membru wieħed mhux biss taffettwa ħażin il-funzjonament tal-politiki tal-UE f’dak l-Istat Membru iżda jista’ jkollha wkoll riperkussjonijiet fi Stati Membri oħra u fl-Unjoni kollha kemm hi.
(5)Għaldaqstant, għandhom japplikaw standards minimi komuni li jiżguraw protezzjoni effettiva tal-informaturi f’dawn l-atti u fl-oqsma ta’ politika fejn i) hemm ħtieġa li jissaħħaħ l-infurzar; ii) in-nuqqas ta’ rapportar mill-informaturi huwa fattur ewlieni li jaffettwa l-infurzar, u iii) il-ksur tal-liġi tal-Unjoni jikkawża ħsara serja għall-interess pubbliku.
(6)Il-protezzjoni tal-informaturi hija meħtieġa sabiex issaħħaħ l-infurzar tal-liġi tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku. Barra mill-ħtieġa tal-prevenzjoni u tal-iskoperta ta’ frodi u korruzzjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, inkluż l-akkwist, huwa meħtieġ li jkun indirizzat l-infurzar insuffiċjenti tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u ċerti operaturi tal-utilitajiet pubbliċi meta jinxtraw prodotti, xogħlijiet u servizzi. Il-ksur ta’ tali regoli joħloq distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, iżid l-ispejjeż għan-negozju, jikser l-interessi tal-investituri u l-azzjonisti u, b’mod ġenerali, inaqqas l-attrazzjoni għal investiment u joħloq kundizzjonijiet mhux ekwi għan-negozji kollha fl-Ewropa, u b’hekk jaffettwa l-funzjonament tajjeb tas-suq intern.
(7)Fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, il-valur miżjud tal-protezzjoni tal-informaturi diġà kien rikonoxxut mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja, li kixfu nuqqasijiet kbar fl-infurzar tar-regoli rilevanti, ġew introdotti miżuri għall-protezzjoni tal-informaturi f’numru sinifikanti ta’ strumenti leġiżlattivi f’dan il-qasam. B’mod partikulari, fil-kuntest tal-qafas prudenzjali applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-ditti tal-investiment, id-Direttiva 2013/36/UE tipprevedi protezzjoni għall-informaturi, li testendi wkoll ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment.
(8)Fir-rigward tas-sikurezza ta’ prodotti mqiegħda fis-suq intern, is-sors primarju ta’ ġbir ta’ evidenza huma negozji involuti fil-katina tal-manifattura u tad-distribuzzjoni, b'mod li r-rapportar mill-informaturi għandu valur miżjud għoli, peress li huma ħafna eqreb għas-sors ta’ prattiki possibbilment inġusti u illegali ta’ manifattura, importazzjoni jew distribuzzjoni ta’ prodotti mhux sikuri. Dan jirrikjedi l-introduzzjoni ta’ protezzjoni tal-informaturi b’rabta mar-rekwiżiti ta’ sigurtà applikabbli kemm għal “prodotti armonizzati” kif ukoll għall-“prodotti mhux armonizzati”. Il-protezzjoni tal-informaturi hija strumentali wkoll għall-evitar ta’ devjazzjoni ta’ armi tan-nar, tal-partijiet u tal-komponenti u tal-munizzjon tagħhom, kif ukoll prodotti marbutin mad-difiża, billi tħeġġeġ ir-rapportar ta’ ksur, bħal frodi ta’ dokumenti, immarkar mibdul jew dikjarazzjonijiet foloz ta’ importazzjoni jew ta' esportazzjoni u akkwist intrakomunitarji frawdolenti ta’ armi tan-nar fejn il-ksur spiss jimplika devjazzjoni mis-suq legali għal dak illegali. Il-protezzjoni tal-informaturi se tgħin ukoll fil-prevenzjoni tal-manifattura illegali ta’ splussivi magħmulin id-dar billi tikkontribwixxi għall-applikazzjoni korretta tar-restrizzjonijiet u l-kontrolli fir-rigward ta’ prekursuri tal-isplussivi.
(9)L-importanza tal-protezzjoni tal-informaturi fir-rigward tal-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta’ ksur tar-regoli tal-Unjoni dwar is-sigurtà tat-trasport li jistgħu jpoġġu fil-periklu l-ħajja tal-bnedmin diġà ġiet rikonoxxuta fi strumenti tal-Unjoni settorjali dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni u s-sigurtà fit-trasport marittimu, li jipprovdu miżuri mfassla apposta għall-protezzjoni tal-informaturi kif ukoll kanali ta’ rapportar speċifiċi. Dawn l-istrumenti jinkludu wkoll il-protezzjoni mir-ritaljazzjoni tal-ħaddiema li jirrapportaw l-iżbalji onesti tagħhom (l-hekk imsejħa “kultura ġusta”). Huwa meħtieġ li l-elementi eżistenti tal-protezzjoni tal-informaturi f’dawn iż-żewġ setturi jiġu kkumplimentati kif ukoll li tiġi pprovduta tali protezzjoni li ssaħħaħ l-infurzar ta’ standards ta’ sigurtà għal modi ta’ trasport oħrajn, jiġifieri t-trasport bit-triq u bil-ferrovija.
(10)Il-ġbir ta’ evidenza, l-iskoperta u l-indirizzar ta’ reati ambjentali u mġiba illegali kontra l-protezzjoni tal-ambjent jibqgħu sfida u jeħtieġ li jkunu msaħħa kif rikonoxxut fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Azzjonijiet tal-UE għat-titjib tal-governanza u l-konformità ambjentali” tat-18 ta’ Jannar 2018. Filwaqt li r-regoli ta’ protezzjoni tal-informaturi attwalment jeżistu biss fi strument settorjali wieħed dwar il-protezzjoni ambjentali, l-introduzzjoni ta’ tali protezzjoni tidher meħtieġa sabiex ikun żgurat infurzar effettiv tal-acquis ambjentali tal-Unjoni, li l-ksur tiegħu jista’ jikkawża ħsara serja għall-interess pubbliku b’impatti kollaterali potenzjali lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Dan huwa rilevanti wkoll f’każijiet fejn prodotti mhux sikuri jistgħu jikkawżaw ħsara ambjentali.
(11)Kunsiderazzjonijiet simili jirrikjedu l-introduzzjoni ta’ protezzjoni tal-informaturi sabiex tibni fuq dispożizzjonijiet eżistenti u jkun evitat ksur tar-regoli tal-UE fil-qasam tal-katina alimentari u b’mod partikolari dwar is-sigurtà tal-ikel u l-għalf kif ukoll dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali. Ir-regoli tal-Unjoni differenti żviluppati f’dawn l-oqsma huma interkonnessi mill-qrib. Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistipula l-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti li huma l-bażi tal-miżuri kollha tal-Unjoni u dawk nazzjonali marbutin mal-ikel u l-għalf, b’fokus partikolari fuq is-sikurezza tal-ikel, sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-interessi tal-konsumaturi b’rabta mal-ikel kif ukoll il-funzjonament effettiv tas-suq intern. Dan ir-Regolament jipprovdi, fost l-oħrajn, li l-operaturi tan-negozji tal-ikel u l-għalf ma jitħallewx jiskoraġġixxu lill-impjegati tagħhom u lil oħrajn milli jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti fejn dan jista’ jipprevjeni, inaqqas jew jelimina riskju ġej mill-ikel. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa approċċ simili fil-qasam tal-”Liġi dwar is-saħħa tal-Annimali” permezz tar-Regolament (UE) 2016/429 li jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard tal-annimali li huwa trasmissibbli lill-annimali u lill-bnedmin
(12)It-titjib tal-protezzjoni għall-informaturi jiffavorixxi wkoll il-prevenzjoni u l-iskoraġġar ta’ ksur ta’ regoli tal-Euratom dwar is-sikurezza nukleari, il-protezzjoni radjoloġika u l-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u radjuattiv u jsaħħaħ id-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva riveduta tas-Sikurezza Nuklearidwar il-kultura effettiva tas-sikurezza nukleari u, b’mod partikulari, l-Artikolu 8b (2) (a), li jitlob, fost l-oħrajn, li l-awtorità regolatorja kompetenti tistabbilixxi sistemi ta’ ġestjoni li jagħtu l-prijorità dovuta lis-sikurezza nukleari u li jippromwovu, fil-livelli kollha tal-persunal u tal-maniġment, il-kapaċità ta’ dubju dwar it-twassil effettiv rigward prinċipji u prattiki rilevanti ta’ sikurezza u ta’ rappurtar fil-ħin dwar kwistjonijiet ta’ sikurezza.
(13)Bl-istess mod, ir-rapporti tal-informaturi jistgħu jkunu kruċjali sabiex ikunu skoperti u evitati, imnaqqsin jew eliminati riskji għas-saħħa pubblika u għall-protezzjoni tal-konsumaturi li jirriżultaw minn ksur tar-regoli tal-Unjoni li kieku jistgħu jibqgħu moħbija. B’mod partikolari, il-protezzjoni tal-konsumatur hija marbuta ħafna wkoll ma’ każijiet fejn prodotti mhux sikuri jistgħu jikkawżaw ħsara konsiderevoli lill-konsumaturi. Jenħtieġ għalhekk li l-protezzjoni tal-informaturi tkun introdotta b’rabta mar-regoli tal-Unjoni rilevanti adottati skont l-Artikoli 114, 168 u 169 tat-TFUE.
(14)Il-protezzjoni tal-privatezza u d-data personali hija qasam ieħor fejn l-informaturi huma f’pożizzjoni privileġġjata sabiex jiżvelaw ksur tal-liġi tal-Unjoni li jista' jikkawża ħsara serja għall-interess pubbliku. Kunsiderazzjonijiet simili japplikaw għal ksur tad-Direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi ta’ informazzjoni li tintroduċi notifika tal-inċidenti (inklużi dawk li jikkompromettux id-data personali) u r-rekwiżiti tas-sigurtà għal entitajiet li jipprovdu servizzi essenzjali bejn ħafna setturi (pereżempju l-enerġija, is-saħħa, it-trasport, l-ibbankjar, eċċ.) u fornituri ta’ servizzi diġitali ewlenin (pereżempju sevizzi tal-cloud computing). Ir-rapportar tal-informaturi f’dan il-qasam huwa partikolarment siewi sabiex ikunu evitati inċidenti ta’ sikurezza li jaffettwaw attivitajiet ekonomiċi u soċjali ewlenin u servizzi diġitali użati b’mod wiesa’. Jgħin biex tkun żgurata l-kontinwità ta’ servizzi li huma essenzjali għall-funzjonament tas-suq intern u għall-benessri tas-soċjetà.
(15)Ir-rapportar mill-informaturi huwa meħtieġ sabiex isaħħaħ l-iskoperta u l-prevenzjoni ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Dan iservi sabiex ikun protett il-funzjonament effiċjenti ta’ swieq fl-Unjoni, jippermetti kundizzjonijiet ekwi għan-negozju u jagħti benefiċċji lill-konsumaturi. Il-protezzjoni tal-informaturi ttejjeb l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, inkluża l-għajnuna mill-Istat. Rigward ir-regoli tal-kompetizzjoni li japplikaw għall-impriżi, l-importanza ta’ rappurtar intern biex jiġi skopert ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni diġà ġiet rikonoxxuta fil-programm ta’ klemenza tal-UE kif ukoll bl-introduzzjoni riċenti ta’ għodda tal-informaturi anonima mill-Kummissjoni Ewropea. L-introduzzjoni tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-Istati Membri se żżid l-abbiltà tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jiskopru u jwaqqfu l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.. Rigward l-għajnuna mill-Istat, l-informaturi jista’ jkollhom rwol sinifikanti fir-rappurtar ta’ għajnuna mogħtija illegalment u fl-infurmar meta l-għajnuna tintuża ħażin, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livelli reġjonali u lokali.
(16)Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li hija marbuta mal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-użu ta’ nfiq tal-Unjoni, il-ġbir ta’ dħul u fondi tal-Unjoni jew assi tal-Unjoni, hija qasam ewlieni li fih id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li jissaħħaħ. It-tisħiħ tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni jinkludi wkoll l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni marbut ma’ nfiq magħmul abbażi tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. Nuqqas ta’ infurzar effettiv fil-qasam tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inklużi l-frodi u l-korruzzjoni fil-livell nazzjonali, jikkawża nuqqas ta’ dħul tal-Unjoni u użu ħażin ta’ fondi tal-UE, li jistgħu jwasslu għal distorsjoni tal-investimenti pubbliċi u t-tkabbir u jnaqqsu l-fiduċja taċ-ċittadini fl-azzjoni tal-UE. Il-protezzjoni tal-informaturi hija meħtieġa sabiex tiffaċilita l-iskoperta, il-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta’ attivitajiet ta’ frodi u dawk illegali rilevanti.
(17)L-atti li jiksru r-regoli tat-taxxa korporattiva u l-arranġamenti li l-għan tagħhom huwa li jinkiseb vantaġġ tat-taxxa u l-evażjoni tal-obbligi legali, li jxejnu l-objettiv jew l-iskop tal-liġi tat-taxxa korporattiva applikabbli, jaffettwaw b’mod negattiv il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Dawn jistgħu jwasslu għal kompetizzjoni tat-taxxa inġusta u evażjoni tat-taxxa estensiva, joħolqu distorsjoni tal-kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji u jirriżultaw f’telf ta’ dħul mit-taxxa għall-Istati Membri u għall-baġit tal-Unjoni b’mod ġenerali. Il-protezzjoni tal-informaturi żżid mal-inizjattivi riċenti tal-Kummissjoni mmirati sabiex itejbu t-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni u joħolqu ambjent tat-taxxa korporattiva aktar ġust fl-Unjoni, bil-għan li tiżdied l-effettività tal-Istati Membri fl-identifikazzjoni ta’ arranġamenti evażivi u/jew abbużivi li kieku jibqgħu moħbija u se tgħin sabiex ikunu skoraġġuti tali arranġamenti.
(18)Ċerti atti tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, bħar-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq, u d-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2015/2392, adottata abbażi ta’ dak ir-Regolament, diġà fihom regoli dettaljati dwar il-protezzjoni tal-informaturi. Din il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni eżistenti, inkluża l-lista ta’ Parti II tal-Anness, jenħtieġ li tkun ikkumplimentata mid-Direttiva preżenti, sabiex dawn l-istrumenti jkunu allinjati bis-sħiħ mal-istandards minimi tagħha filwaqt li jinżammu kwalunkwe speċifiċitajiet li jipprevedu, imfassla apposta għas-setturi rilevanti. Dan huwa partikolarment importanti sabiex ikun żgurat liema entitajiet legali fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu huma attwalment obbligati li jistabbilixxu kanali ta’ rapportar interni.
(19)Kull darba li jiġi adottat att tal-Unjoni ġdid li għalih il-protezzjoni tal-informaturi hija rilevanti u tista’ tikkontribwixxi għal infurzar aktar effettiv, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk l-Anness għal din id-Direttiva għandux ikun emendat sabiex dan jitqiegħed fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha.
(20)Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr ħsara għall-protezzjoni mogħtija lill-impjegati meta jirrapportaw dwar ksur fil-liġi tal-impjiegi tal-Unjoni. B’mod partikolari, fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa okkupazzjonali, l-Artikolu 11 tad-Direttiva Qafas 89/391/KEE diġà jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tal-ħaddiema ma jiġux żvantaġġjati minħabba t-talbiet jew il-proposti tagħhom lill-impjegaturi sabiex jieħdu miżuri xierqa sabiex inaqqsu l-perikli għall-ħaddiema u/jew sabiex ineħħu sorsi ta’ periklu. Il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom huma intitolati li jqajmu kwistjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jekk jikkunsidraw li l-miżuri meħuda u l-mezzi użati mill-impjegatur ma jkunux adatti għall-għanijiet li jkunu żgurati s-sigurtà u saħħa.
(21)Din id-Direttiva jenħtieġ li tkun mingħajr ħsara għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u għal informazzjoni klassifikata oħra li d-dritt tal-Unjoni jew il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istati Membri kkonċernati jeħtieġu, għal raġunijiet ta’ sigurtà, li jkunu protetti minn aċċess mhux awtorizzat. B’mod partikolari, barra minn hekk, jenħtieġ li d-dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva ma taffettwax l-obbligi li jirriżultaw mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE jew id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.
(22)Persuni li jirrapportaw informazzjoni dwar theddid jew ħsara għall-interess pubbliku miksuba fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom relatati max-xogħol jagħmlu użu mid-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni. Id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) u fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), jinkludi l-libertà tal-midja u l-pluraliżmu.
(23)Għaldaqstant, din id-Direttiva tislet mill-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, u l-prinċipji żviluppati fuq din il-bażi mill-Kunsill tal-Ewropa fir-Rakkomandazzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi tiegħu tal-2014.
(24)Il-persuni jeħtieġu protezzjoni legali speċifika meta jakkwistaw l-informazzjoni li jirrapportaw permezz tal-attivitajiet relatati max-xogħol tagħhom u għalhekk ikunu f'riskju ta’ ritaljazzjoni relatata max-xogħol (pereżempju, għall-ksur tad-dmir ta’ kunfidenzjalità jew lealtà). Ir-raġuni sottostanti għall-għoti ta’ protezzjoni lilhom hija l-pożizzjoni tagħhom ta’ vulnerabbiltà ekonomika fil-konfront tal-persuna li huma jiddependu fuqha de facto għax-xogħol. Fejn ma hemmx tali żbilanċ ta’ setgħa relatat max-xogħol (pereżempju fil-każ ta’ ilmentaturi ordinarji jew ċittadini osservaturi) ma hemmx ħtieġa għal protezzjoni kontra r-ritaljazzjoni.
(25)L-infurzar effettiv tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li l-protezzjoni tingħata lill-firxa l-aktar wiesgħa possibbli ta’ kategoriji ta’ persuni, li, irrispettivament minn jekk humiex ċittadini tal-UE jew ċittadini ta’ pajjiż terz, minħabba attivitajiet relatati max-xogħol (irrispettivament min-natura ta’ dawn l-attivitajiet u jekk dawn humiex imħallsin jew le), għandhom aċċess privileġġjat għal informazzjoni dwar ksur li jkun fl-interess tal-pubbliku li jkun irrapportat u li jistgħu jsofru minn ritaljazzjoni jekk jirrapportawh. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ħtieġa għall-protezzjoni hija ddeterminata b’referenza għaċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u mhux biss b’referenza għan-natura tar-relazzjoni, sabiex tkun koperta l-firxa sħiħa ta’ persuni konnessi f’sens wiesa’ mal-organizzazzjoni fejn seħħ il-ksur.
(26)Jenħtieġ li, l-ewwel nett, il-protezzjoni tapplika għall-persuni li għandhom l-istatus ta’ "ħaddiem", skont it-tifsira tal-Artikolu 45 tat-TFUE, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri persuni li, għal ċertu perjodu ta’ ħin, iwettqu servizzi għal u taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra, li għalihom jirċievu remunerazzjoni. Jenħtieġ għalhekk li l-protezzjoni tingħata wkoll lil ħaddiema f’relazzjonijiet ta’ impjieg mhux standard, inklużi l-ħaddiema part-time u l-ħaddiema b’kuntratt definit, kif ukoll persuni b’kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija temporanja, li huma tipi ta’ relazzjonijiet fejn ta’ spiss ikun diffiċli li tiġi applikata protezzjoni standard kontra trattament inġust.
(27)Jenħtieġ li l-protezzjoni testendi wkoll għal aktar kategoriji ta’ ħaddiema u persuni ġuridiċi, li, għalkemm ma jkunux “ħaddiema” skont it-tifsira tal-Artikolu 45 tat-TFUE, jista’ jkollhom rwol ewlieni fil-kxif ta’ ksur tal-liġi u jistgħu jsibu lilhom infushom f’pożizzjoni ta’ vulnerabbiltà ekonomika fil-kuntest tal-attivitajiet relatati max-xogħol tagħhom. Pereżempju, f’oqsma bħas-sigurtà tal-prodotti, il-fornituri huma ħafna eqreb għas-sors ta’ prattiki potenzjalment inġusti u illegali ta’ manifattura, importazzjoni jew distribuzzjoni ta’ prodotti mhux sikuri; il-konsulenti li jipprovdu s-servizzi tagħhom huma f’pożizzjoni privileġġjata sabiex jiġbdu attenzjoni għal ksur li jaraw fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni. Dawn il-kategoriji ta’ persuni, inklużi persuni li jaħdmu għal rashom li jipprovdu servizzi, freelance, kuntratturi, sottokuntratturi u fornituri, normalment huma soġġetti għal ritaljazzjoni fil-forma ta’ terminazzjoni bikrija jew kanċellazzjoni tas-servizzi, tal-liċenzja jew tal-permess, telf ta’ negozju, telf ta’ qligħ, koerċizzjoni, intimidazzjoni jew fastidju, tniżżil fuq lista sewda/ibbojkottjar ta’ negozju jew ħsara għar-reputazzjoni tagħhom. L-azzjonisti u l-persuni f’korpi maniġerjali wkoll jistgħu jsofru ritaljazzjoni, pereżempju f’termini finanzjarji jew fil-forma ta’ intimidazzjoni jew fastidju, tniżżil fuq lista sewda jew ħsara għar-reputazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li l-protezzjoni tingħata wkoll lill-kandidati għall-impjieg jew għall-provvista ta’ servizzi lil organizzazzjoni li akkwistaw l-informazzjoni dwar ksur ta’ liġi matul il-proċess ta’ reklutaġġ jew f'xi stadju ta’ negozjati prekuntrattwali ieħor, u jistgħu jsofru ritaljazzjoni pereżempju fil-forma ta’ referenzi ta’ impjieg negattivi jew tniżżil fuq lista sewda/ibbojkottjar tan-negozju.
(28)Il-protezzjoni effettiva tal-informaturi timplika l-protezzjoni ta’ aktar kategoriji ta’ persuni li, filwaqt li ma jiddependux ekonomikament mill-attivitajiet tagħhom relatati max-xogħol, xorta jistgħu jsofru ritaljazzjoni mill-kxif ta’ ksur. Ir-ritaljazzjoni kontra volontiera u apprendisti mhux imħallsin tista’ tieħu l-forma ta’ nuqqas ta’ użu tas-servizzi tagħhom, jew bl-għoti ta’ referenza negattiva għal impjieg futur jew inkella għad-dannu għar-reputazzjoni tagħhom.
(29)L-iskoperta u l-prevenzjoni effettivi ta’ ħsara serja għall-interess pubbliku jirrikjedu li l-informazzjoni rrapportata li tikkwalifika għall-protezzjoni tkopri mhux biss attivitajiet illegali iżda anke abbużi tal-liġi, jiġifieri atti jew ommissjonijiet li ma jidhrux li huma illegali f’termini formali iżda jtellfu l-objettiv jew l-għan tal-liġi.
(30)Il-prevenzjoni effettiva ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni tirrikjedi li l-protezzjoni tingħata wkoll lil persuni li jipprovdu informazzjoni dwar ksur potenzjali, li għadu ma seħħx, iżda li aktarx se jitwettaq. Għall-istess raġunijiet, il-protezzjoni hija ġġustifikata wkoll għall-persuni li ma jipprovdux evidenza pożittiva iżda jqajmu tħassib jew suspetti raġonevoli. Fl-istess waqt, jenħtieġ li l-protezzjoni ma tapplikax għar-rapportar ta’ informazzjoni li diġà hija fid-dominju pubbliku jew ta’ qlajjiet u għajdut mhux sostanzjati.
(31)Ir-ritaljazzjoni tesprimi r-relazzjoni mill-qrib (kawża u effett) li trid teżisti bejn ir-rapport u t-trattament negattiv esperjenzat, direttament jew indirettament, mill-persuna li qed tirrapporta, biex din il-persuna tkun tista’ tgawdi minn protezzjoni legali. Il-protezzjoni effettiva tal-persuni li jirrapportaw bħala mezz ta’ tisħiħ tal-infurzar tal-liġi tal-Unjoni tirrikjedi definizzjoni wiesgħa ta’ ritaljazzjoni, li tinkludi kwalunkwe att jew ommissjoni li jseħħu fil-kuntest relatat max-xogħol li jikkawżalhom detriment.
(32)Jenħtieġ li l-protezzjoni mir-ritaljazzjoni bħala mezz ta’ salvagwardja tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja tkun ipprovduta kemm għal persuni li jirrapportaw informazzjoni dwar atti jew ommissjonijiet fi ħdan organizzazzjoni (rapportar intern) jew lil awtorità esterna (rapportar estern) u lil persuni li jiżvelaw tali informazzjoni lid-dominju pubbliku (pereżempju, direttament lill-pubbliku permezz ta’ pjattaformi onlajn jew midja soċjali, jew lill-midja, uffiċjali eletti, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, trade unions jew organizzazzjonijiet professjonali/tan-negozju).
(33)L-informaturi huma, b’mod partikolari, sorsi importanti għall-ġurnalisti investigattivi. L-għoti ta’ protezzjoni effettiva lill-informaturi mir-ritaljazzjoni żżid iċ-ċertezza tad-dritt ta’ informaturi (potenzjali) u għalhekk jinkoraġġixxi u jiffaċilita l-iżvelar anke lill-midja. F’dan ir-rigward, il-protezzjoni tal-informaturi bħala sorsi ġurnalistiċi hija kruċjali għas-salvagwardja tar-rwol ta’ “għassies” tal-ġurnaliżmu investigattiv f’soċjetajiet demokratiċi.
(34)Huwa f’idejn l-Istati Membri li jidentifikaw l-awtoritajiet kompetenti sabiex jirċievu u jagħmlu segwitu xieraq tar-rapporti dwar ksur li jaqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dawn jistgħu jkunu korpi regolatorji jew superviżorji fl-oqsma kkonċernati, aġenziji tal-infurzar tal-liġi, entitajiet kontra l-korruzzjoni u ombudsmen. L-awtoritajiet magħżula bħala kompetenti għandu jkollhom il-kapaċitajiet u s-setgħat meħtieġa sabiex jivvalutaw il-preċiżjoni tal-allegazzjonijiet magħmulin fir-rapport u sabiex jindirizzaw il-ksur irrapportat, inkluż billi jniedu investigazzjoni, prosekuzzjoni jew azzjoni għall-irkupru ta’ fondi, jew azzjoni rimedjali xierqa oħra, skont il-mandat tagħhom.
(35)Id-dritt tal-Unjoni f’oqsma speċifiċi, bħall-abbuż tas-suq, l-avjazzjoni ċivili jew is-sigurtà ta’ operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore diġà jipprevedi l-istabbiliment ta’ kanali ta’ rapportar interni u esterni. Jenħtieġ li l-obbligi li jkunu stabbiliti tali kanali stipulati f’din id-Direttiva jibnu sa fejn hu possibbli fuq il-kanali eżistenti pprovduti minn atti tal-Unjoni speċifiċi.
(36)Xi entitajiet, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, bħall-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), għandhom stabbiliti kanali u proċeduri esterni sabiex jirċievu rapporti dwar ksur li jaqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, li primarjament jipprevedu l-kunfidenzjalità tal-identità tal-persuna li qed tirrapporta. Din id-Direttiva ma taffettwax tali kanali u proċeduri ta’ rapportar esterni, fejn jeżistu, iżda se tiżgura li l-persuni li jirrapportaw lil dawn l-entitajiet, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni jibbenefikaw minn standards minimi komuni ta’ protezzjoni fl-Unjoni kollha.
(37)Għall-iskoperta u l-prevenzjoni effettivi ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni huwa essenzjali li l-informazzjoni rilevanti tasal malajr għand dawk l-eqreb lejn is-sors tal-problema, l-aktar li huma kapaċi jinvestigaw u bis-setgħat li jsolvuha, fejn huwa possibbli. Dan jeħtieġ li entitajiet legali fis-setturi privati u pubbliċi jistabbilixxu proċeduri interni xierqa sabiex jirċievu u jsegwu r-rapporti.
(38)Fil-każ tal-entitajiet legali fis-settur privat, l-obbligu li jkunu stabbiliti kanali interni huwa proporzjonat mad-daqs tagħhom u mal-livell ta’ riskju li l-attivitajiet tagħhom jimponu fuq l-interess pubbliku. Jenħtieġ li dan japplika għall-entitajiet ta’ daqs medju u kbir irrispettivament min-natura tal-attivitajiet tagħhom, skont l-obbligu tagħhom li jiġbru l-VAT. Bħala regola ġenerali jenħtieġ li intrapriżi żgħar u mikrointrapriżi, kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003, kif emendata, ikunu eżentati mill-obbligu li jistabbilixxu kanali interni. Madankollu, wara valutazzjoni tar-riskju xierqa, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li intrapriżi żgħar jistabbilixxu kanali ta’ rapportar interni f’każijiet speċifiċi (eż. minħabba r-riskji sinifikanti li jistgħu jirriżultaw mill-attivitajiet tagħhom).
(39)Jenħtieġ li l-eżenzjoni ta’ intrapriżi żgħar u mikrointrapriżi mill-obbligu li jistabbilixxu kanali ta’ rapportar interni ma tapplikax għall-intrapriżi privati attivi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Jenħtieġ li dawn l-intrapriżi jibqgħu obbligati li jistabbilixxu kanali ta’ rapportar interni, f’konformità mal-obbligi attwali stabbiliti mill-acquis tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji.
(40)Għandu jkun ċar li, fil-każ ta’ entitajiet legali privati li ma jipprevedux kanali ta’ rapportar interni, jenħtieġ li l-persuni li jirrapportaw ikunu kapaċi jirrapportaw direttament esternament lill-awtoritajiet kompetenti u jenħtieġ li tali persuni jgawdu mill-protezzjoni kontra r-ritaljazzjoni prevista minn din id-Direttiva.
(41)Sabiex ikun żgurat, b’mod partikolari, ir-rispett tar-regoli tal-akkwist pubbliku fis-settur pubbliku, jenħtieġ li l-obbligu li jkunu stabbiliti kanali ta’ rapportar interni japplika għall-entitajiet ġuridiċi pubbliċi kollha, fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, filwaqt li jkun proporzjonat mad-daqs tagħhom. F’każijiet fejn kanali interni mhumiex previsti f’entitajiet pubbliċi żgħar, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu rapportar intern fi ħdan livell ogħla fl-amministrazzjoni (jiġifieri fil-livell reġjonali jew ċentrali).
(42)Sakemm tkun żgurata l-kunfidenzjalità tal-identità tal-persuna li qed tirrapporta, huwa f’idejn kull entità legali privata u pubblika individwali li tiddefinixxi t-tip ta’ kanali ta’ rapportar li għandhom ikunu stabbiliti, bħal personalment, bil-posta, permezz ta’ kaxxa tal-ilmenti, b’hotline tat-telefon jew permezz ta’ pjattaforma onlajn (Intranet jew Internet). Madankollu, jenħtieġ li l-kanali ta’ rapportar ma jkunux limitati għal dawk fost l-għodod, bħar-rapportar personali jew permezz tal-kaxxa tal-ilmenti, li ma jiggarantixxux il-kunfidenzjalità tal-identità tal-persuna li qed tirrapporta.
(43)Partijiet terzi wkoll jistgħu jkunu awtorizzati li jirċievu rapporti f’isem entitajiet privati u pubbliċi, sakemm joffru garanziji xierqa tar-rispett għall-indipendenza, il-kunfidenzjalità, il-protezzjoni tad-data u s-segretezza. Dawn jistgħu jkunu fornituri ta’ pjattaforma ta’ rapportar esterni, avukati jew awdituri esterni jew rappreżentanti ta’ trade union.
(44)Jenħtieġ li l-proċeduri ta’ rapportar interni jippermettu li entitajiet legali privati jirċievu u jinvestigaw bis-sħiħ rapporti ta’ kunfidenzjalità mill-impjegati tal-entità u s-sussidjarji jew l-affiljati tagħha (il-grupp), iżda anke, sa fejn hu possibbli, minn kwalunkwe aġent u fornitur tal-grupp u minn kwalunkwe persuna li takkwista informazzjoni permezz tal-attivitajiet tiegħu/tagħha relatati max-xogħol mal-entità u l-grupp.
(45)L-aktar persuni jew dipartimenti adattati f'entità legali privata li jintgħażlu bħala kompetenti li jirċievu u jsegwu r-rapporti jiddependu fuq l-istruttura tal-entità, iżda, fi kwalunkwe każ, il-funzjoni tagħhom jenħtieġ li tiżgura l-assenza ta’ kunflitt ta’ interess u indipendenza. F’entitajiet iżgħar, din il-funzjoni tista’ tkun funzjoni doppja miżmuma minn uffiċjal tal-kumpanija li qiegħed f’pożizzjoni tajba sabiex jirrapporta direttament lill-kap organizzattiv, bħal kap uffiċjal tal-konformità jew uffiċjal tar-riżorsi umani, uffiċjal legali jew tal-privatezza, kap uffiċjal tal-finanzi, kap eżekuttiv tal-awditjar jew membru tal-bord.
(46)Fil-kuntest ta’ rapportar intern, il-kwalità u t-trasparenza tal-informazzjoni pprovduta fuq il-proċedura ta’ segwitu għar-rapport hija kruċjali sabiex tibni l-fiduċja fl-effettività tas-sistema ġenerali tal-protezzjoni tal-informaturi u tnaqqas il-possibbiltà ta’ aktar rapporti mhux meħtieġa jew żvelar pubbliku. Jenħtieġ li l-persuna li qed tirrapporta tkun informata fi żmien raġonevoli dwar l-azzjoni prevista jew meħuda bħala segwitu għar-rapport (pereżempju, għeluq ibbażat fuq nuqqas ta’ evidenza suffiċjenti jew fuq raġunijiet oħrajn, it-tnedija ta’ inkjesta interna u possibbilment is-sejbiet tagħha u/jew miżuri meħudin għall-indirizzar tal-kwistjoni mqajma, riferiment lil awtorità kompetenti għal aktar investigazzjoni) sakemm tali informazzjoni ma tippreġudikax l-inkjesta jew l-investigazzjoni jew taffettwa d-drittijiet tal-persuna kkonċernata. Jenħtieġ li tali perjodu raġonevoli ma jaqbiżx it-tliet xhur b’kollox. Fejn is-segwitu adattat ikun għadu qed jiġi ddeterminat, jenħtieġ li l-persuna li tirrapporta tkun informata dwar dan u dwar kwalunkwe rispons ieħor li jenħtieġ li tistenna.
(47)Jentieġ li persuni li qed jikkunsidraw li jirrapportaw ksur tal-liġi tal-Unjoni jkunu kapaċi jagħmlu deċiżjoni informata dwar jekk, kif u meta jirrapportaw. Jenħtieġ li l-entitajiet privati u pubbliċi li għandhom stabbiliti proċeduri ta’ rapportar interni jipprovdu informazzjoni dwar dawn il-proċeduri kif ukoll dwar proċeduri għal rapportar estern lil awtoritajiet kompetenti rilevanti. Tali informazzjoni trid tkun tinftiehem faċilment u aċċessibbli faċilment, inkluż, sa fejn huwa possibbli, anke għal persuni oħrajn, apparti l-impjegati, li jiġu f’kuntatt mal-entità permezz tal-attivitajiet relatati max-xogħol tagħhom, bħal fornituri tas-servizz, distributuri, fornituri u sħab fin-negozju. Pereżempju, tali informazzjoni tista’ tkun imwaħħla f’post viżibbli aċċessibbli għal dawn il-persuni kollha u fuq is-sit tal-entità u tista’ tkun inkluża wkoll f’korsijiet u taħriġ dwar l-etika u l-integrità.
(48)L-iskoperta u l-prevenzjoni effettivi ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni jirrikjedu l-iżgurar li informaturi potenzjali jistgħu b’mod faċli u b’kunfidenzjalità sħiħa jġibu l-informazzjoni li għandhom għall-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti li huma kapaċi jinvestigaw u li jsolvu l-problema, fejn dan huwa possibbli.
(49)Nuqqas ta’ kunfidenza fl-utilità tar-rapportar huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jiskoraġġixxi lill-informaturi potenzjali. Dan jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ obbligu ċar fuq l-awtoritajiet kompetenti sabiex isegwu b’mod diliġenti r-rapporti li jaslulhom u, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, jagħtu rispons lill-persuni li jirrapportaw dwar l-azzjoni prevista jew meħuda bħala segwitu (pereżempju, għeluq ibbażat fuq nuqqas ta’ evidenza suffiċjenti jew għal raġunijiet oħrajn, tnedija ta’ investigazzjoni u possibbilment is-sejbiet tagħha u/jew miżuri meħudin għall-indirizzar tal-kwistjoni mqajma; riferiment lil awtorità kompetenti oħra sabiex tagħti segwitu) sa fejn tali informazzjoni ma tippreġudikax l-investigazzjoni jew id-drittijiet tal-persuni kkonċernati.
(50)Jentieġ li s-segwitu u r-rispons isiru fi żmien raġonevoli; dan huwa ġġustifikat minħabba l-ħtieġa li l-problema li tista' tkun is-suġġett tar-rapport tiġi indirizzata malajr, kif ukoll sabiex ikun evitat żvelar pubbliku mhux meħtieġ. Jenħtieġ li tali perjodu ta’ żmien ma jaqbiżx it-tliet xhur, iżda jista’ jkun estiż għal sitt xhur, fejn ikun meħtieġ minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, b’mod partikolari n-natura u l-kumplessità tas-suġġett tar-rapport, li jista’ jkun jeħtieġ investigazzjoni fit-tul.
(51)Fejn huwa previst skont il-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jirreferu każijiet jew informazzjoni rilevanti lill-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni rilevanti, inklużi, għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-persuni li tirrapporta tirreferi direttament lil tali entitajiet, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni.
(52)Sabiex ikun hemm komunikazzjoni effettiva mal-persunal dedikat tagħhom, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom stabbiliti u jużaw kanali speċifiċi, separati mis-sistemi tal-ilmenti pubbliċi normali tagħhom, li jenħtieġ li jkunu faċli għall-utent u jippermettu rapportar bil-miktub u bil-fomm, kif ukoll elettroniku u mhux elettroniku.
(53)Biex jiġu ttrattati r-rapporti u biex tiġi żgurata komunikazzjoni mal-persuna li qiegħda tirrapporta, kif ukoll biex isir segwitu xieraq tar-rapport, ikunu meħtieġa membri tal-persunal dedikat tal-awtoritajiet kompetenti, li jkunu mħarrġa b’mod professjonali, inkluż fir-regoli applikabbli għall-protezzjoni tad-data.
(54)Jenħtieġ li persuni li beħsiebhom jirrapportaw ikunu kapaċi jagħmlu deċiżjoni informata dwar jekk, kif u meta jirrapportaw. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti għalhekk jiżvelaw pubblikament u jagħmlu faċilment aċċessibbli informazzjoni dwar il-kanali ta’ rapportar disponibbli mal-awtoritajiet kompetenti, dwar il-proċeduri applikabbli u dwar il-membri tal-persunal dedikat fi ħdan dawn l-awtoritajiet. Jenħtieġ li l-informazzjoni kollha rigward ir-rapporti tkun trasparenti, tinftiehem faċilment u affidabbli sabiex tħeġġeġ u mhux tiskoraġġixxi r-rapportar.
(55)Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti għandhom stabbiliti proċeduri ta’ protezzjoni adegwati għall-ipproċessar ta’ rapporti ta’ ksur u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni msemmija fir-rapport. Jenħtieġ li tali proċeduri jiżguraw li l-identità ta’ kull persuna li tirrapporta, kull persuna kkonċernata, u tat-terzi persuni msemmija fir-rapport (eż. xhieda jew kollegi) tkun protetta fl-istadji kollha tal-proċedura. Jenħtieġ li dan l-obbligu jkun mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni meta dan ikun meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali u suġġett għal salvagwardji adatti skont dawn il-liġijiet, inkluż fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet jew kawżi ġudizzjarji jew biex tissalvagwardja l-libertajiet ta’ oħrajn, inklużi d-drittijiet ta’ difiża tal-persuna kkonċernata.
(56)Huwa meħtieġ li l-persunal dedikat tal-awtorità kompetenti u l-membri tal-persunal tal-awtorità kompetenti li jirċievu aċċess għall-informazzjoni pprovduta minn persuna li tirrapporta lill-awtorità kompetenti jikkonformaw mal-obbligu ta’ segretezza professjonali u l-kunfidenzjalità meta jittrażmettu d-data kemm ġewwa kif ukoll barra mill-awtorità kompetenti, inkluż fejn awtorità kompetenti tiftaħ investigazzjoni jew inkjesta jew attivitajiet sussegwenti ta’ infurzar b’rabta mar-rapport ta’ ksur.
(57)Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jżommu r-rekords xierqa kollha ta’ rapporti ta’ ksur u li kull rapport jista’ jiġi rkuprat fl-awtorità kompetenti u li l-informazzjoni mwassla permezz ta’ rapporti tista’ tintuża bħala evidenza f’azzjonijiet ta’ infurzar fejn xieraq.
(58)Il-protezzjoni tad-data personali tal-persuna li tirrapporta u ta’ dik ikkonċernata hija kruċjali sabiex jiġi evitat trattament inġust jew danni għar-reputazzjoni minħabba l-iżvelar ta’ data personali, partikolarment data li tikxef l-identità ta’ persuna kkonċernata. Għalhekk, f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ukoll “GDPR”), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu proċeduri ta’ protezzjoni tad-data adegwati speċifikament immirati għall-protezzjoni tal-persuna li qed tirrapporta, il-persuna kkonċernata u kwalunkwe terza persuna msemmija fir-rapport li għandha tinkludi sistema sikura fi ħdan l-awtorità kompetenti bi drittijiet ta’ aċċess ristretti għall-persunal awtorizzat biss.
(59)Jenħtieġ li r-reviżjoni regolari tal-proċeduri tal-awtoritajiet kompetenti u l-iskambju ta’ prattiki tajbin bejniethom jiggarantixxu li dawn il-proċeduri jkunu adegwati u għalhekk jaqdu l-iskop tagħhom.
(60)Sabiex igawdu mill-protezzjoni, jenħtieġ li l-persuni li jirrapportaw jemmnu b’mod raġonevoli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi u l-informazzjoni disponibbli għalihom fil-ħin tar-rapportar, li l-kwistjonijiet irraportati minnhom huma veri. Jenħtieġ li dan it-twemmin raġonevoli jkun preżunt diment u sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor. Din hija salvagwardja essenzjali kontra rapporti malizzjużi jew frivoli jew abbużivi, li tiżgura li dawk li jirrapportaw informazzjoni ħażina jew qarrieqa apposta u konxjament ma jgawdux minn protezzjoni. Fl-istess waqt, din tiżgura li l-protezzjoni ma tintilifx meta l-persuna li tirrapporta tkun għamlet rapport mhux preċiż bi żball onest. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-persuni li jirrapportaw ikunu intitolati għal protezzjoni skont din id-Direttiva jekk kellhom raġunijiet ġustifikati biex jemmnu li l-informazzjoni rrapportata taqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha.
(61)Ir-rekwiżit ta’ użu b’diversi livelli ta’ kanali ta’ rapportar, bħala regola ġenerali, huwa meħtieġ sabiex ikun żgurat li l-informazzjoni tasal għand il-persuni li jistgħu jikkontribwixxu għas-soluzzjoni bikrija u effettiva ta’ riskji għall-interess pubbliku kif ukoll sabiex tkun evitata ħsara reputazzjonali mhux ġustifikata minn żvelar pubbliku. Fl-istess waqt, huma meħtieġa xi eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu, biex il-persuna li tirrapporta tkun tista' tagħżel l-aktar kanal xieraq skont iċ-ċirkustanzi individwali tal-każ. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun protett żvelar pubbliku bil-kunsiderazzjoni ta’ prinċipji demokratiċi bħat-trasparenza u r-responsabbiltà, u ta' drittijiet fundamentali bħal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, filwaqt li jiġu bbilanċjati l-interess tal-impjegaturi sabiex jimmaniġġjaw l-organizzazzjonijiet tagħhom u jipproteġu l-interessi tagħhom mal-interess tal-pubbliku li jkun protett mill-ħsara, f’konformità mal-kriterji żviluppati fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
(62)Bħala regola ġenerali, il-persuni li jirrapportaw jentħieġ li l-ewwel jużaw il-kanali interni disponibbli għalihom u jirrapportaw lill-impjegatur. Madankollu, jista’ jkun il-każ li ma jeżistux kanali interni (fil-każ ta’ entitajiet li mhumiex obbligati li jistabbilixxu tali kanali bis-saħħa ta’ din id-Direttiva jew ta' liġi nazzjonali applikabbli) jew li l-użu tagħhom mhuwiex obbligatorju (li jista’ jkun il-każ ta' persuni li mhumiex f’relazzjoni ta’ impjieg), jew li ntużaw iżda ma ffunzjonawx kif suppost (pereżempju r-rapport ma kienx trattat b’mod diliġenti jew fi żmien raġonevoli, jew ma ttieħdet l-ebda azzjoni sabiex jiġi indirizzat il-ksur tal-liġi minkejja r-riżultati pożittivi tal-inkjesta).
(63)F’każijiet oħrajn, il-kanali interni mhumiex raġonevolment mistennija li jiffunzjonaw kif suppost, pereżempju, fejn il-persuni li jirrapportaw għandhom raġunijiet validi sabiex jemmnu li se jsofru ritaljazzjoni b’rabta mar-rapportar; li l-kunfidenzjalità tagħhom mhux se tkun protetta; li d-detentur tar-responsabbiltà aħħari fil-kuntest relatat max-xogħol huwa involut fil-ksur; li l-ksur jista’ jkun mgħotti; li l-evidenza tista’ tkun mgħottija jew meqruda; li l-effettività ta’ azzjonijiet investigattivi minn awtoritajiet kompetenti tista’ tkun ipperikolata jew li teħtieġ azzjoni urġenti (pereżempju minħabba riskju imminenti ta’ periklu sostanzjali u speċifiku għall-ħajja, is-saħħa u s-sigurtà ta’ persuni, jew għall-ambjent. F’dawn il-każijiet kollha l-persuni li jirrapportaw esternament lill-awtoritajiet kompetenti u, fejn rilevanti, lill-korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni għandhom ikunu protetti. Barra minn hekk, tingħata wkoll il-protezzjoni f’każijiet fejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti lill-persuna li qed tirrapporta sabiex tirrapporta direttament lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew lill-entitajiet, lill-uffiċċji jew lill-aġenziji tal-Unjoni, pereżempju fil-kuntest ta’ frodi kontra l-baġit tal-Unjoni, il-prevenzjoni u l-iskoperta ta’ ħasil ta’ flus u finanzjament tat-terroriżmu jew fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.
(64)Jenħtieġ li persuni li jwettqu żvelar pubbliku direttament jikkwalifikaw ukoll għal protezzjoni f’każijiet fejn ksur jibqa’ mhux indirizzat (pereżempju, ma kienx ivvalutat jew investigat kif suppost jew ma ttieħdet l-ebda azzjoni ta’ rimedju) minkejja li kien irrapportat internament u/jew esternament wara użu f'diversi livelli ta’ kanali disponibbli; jew f’każijiet fejn il-persuni li qed jirrapportaw għandhom raġunijiet validi biex jemmnu li hemm kollużjoni bejn l-awtur tal-ksur u l-awtoritajiet kompetenti hija suspettata b’mod raġonevoli, li evidenza tista’ tkun mgħottija jew meqruda, jew li l-effettività ta’ azzjonijiet investigattivi mill-awtoritajiet kompetenti tista’ tkun ipperikolata; jew f’każijiet ta’ periklu imminenti u ċar għall-interess pubbliku, jew fejn ikun hemm riskju ta’ ħsara irriversibbli, inkluż, fost l-oħrajn, ħsara lill-inkolumità fiżika.
(65)Jenħtieġ li l-persuni li jirrapportaw ikunu protetti kontra kull forma ta’ ritaljazzjoni, kemm jekk diretta kif ukoll indiretta, meħuda mill-impjegatur tagħhom jew klijent/riċevitur ta’ servizzi u minn persuni li jaħdmu għal jew jaġixxu f’isem dawn tal-aħħar, inklużi kollegi u maniġers fl-istess organizzazzjoni jew f’organizzazzjonijiet oħrajn li magħhom hija f’kuntatt il-persuna li qed tirrapporta fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu/tagħha relatati max-xogħol, fejn ir-ritaljazzjoni hija rakkomandata jew ittollerata mill-persuna kkonċernata. Jenħtieġ li l-protezzjoni tkun ipprovduta kontra miżuri ta’ ritaljazzjoni meħudin fil-konfornt tal-persuna li qed tirrapporta stess iżda wkoll dawk li jistgħu jittieħdu fil-konfront tal-entità legali li tirrappreżenta, bħal ċaħda tal-provvista ta’ servizzi, tniżżil f’lista sewda jew ibbojkottjar tan-negozju. Ir-ritaljazzjoni indiretta tinkludi wkoll azzjonijiet meħudin kontra qraba tal-persuna li qed tirrapporta li wkoll għandhom konnessjoni ta' xogħol mal-impjegatur ta’ din tal-aħħar jew klijent/reċipjent ta’ servizzi u rappreżentanti tal-ħaddiema li pprovdew appoġġ lill-persuna li qed tirrapporta.
(66)Fejn isseħħ ritaljazzjoni mingħajr xkiel u mingħajr kastigi, din tnaffar lill-informaturi potenzjali. Il-projbizzjoni ċara tar-ritaljazzjoni fil-liġi għandha effett dissważiv importanti, imsaħħaħ aktar b’dispożizzjonijiet għar-responsabbiltà personali u għal pieni għall-awturi tar-ritaljazzjoni.
(67)L-informaturi potenzjali li mhumiex ċerti dwar kif se jirrapportaw jew jekk hux se jkunu protetti finalment jistgħu jkunu skoraġġuti milli jirrapportaw. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti tingħata b’mod li jinftiehem mill-utent u tkun faċilment aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali. Jenħtieġ li jkunu disponibbli pariri individwali, imparzjali u kunfidenzjali, mingħajr ħlas, dwar, pereżempju, jekk l-informazzjoni inkwistjoni hijiex koperta mir-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tal-informaturi, liema kanal ta’ rapportar jista’ jkun l-aħjar li jintuża u liema proċeduri alternattivi huma disponibbli f’każ li l-informazzjoni mhijiex koperta mir-regoli applikabbli (“signposting”). Aċċess għal tali parir jista’ jgħin sabiex jiżgura li r-rapporti jsiru permezz tal-kanali xierqa, b’mod responsabbli u li l-ksur u n-nuqqasijiet ikunu skoperti malajr jew saħansitra evitati.
(68)Taħt ċerti oqfsa nazzjonali u f’ċerti każijiet, persuni li jirrapportaw u jsofru ritaljazzjoni jistgħu jibbenefikaw minn forom ta’ ċertifikazzjoni tal-fatt li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-regoli applikabbli. Minkejja tali possibbiltajiet, jenħtieġ li dawn ikollhom aċċess effettiv għal reviżjoni ġudizzjarja, fejn ikunu l-qrati li jiddeċiedu, skont iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jekk jissodisfawx il-kundizzjonijiet tar-regoli applikabbli.
(69)Jenħtieġ li ma jkunx possibbli li jiġu rrinunzjati d-drittijiet u l-obbligi stabbiliti minn din id-Direttiva b’mezzi kuntrattwali. Ma jistax ikun hemm dipendenza fuq l-obbligi legali jew kuntrattwali tal-individwi, bħal klawżoli ta’ lealtà f’kuntratti jew ftehimiet ta’ kunfidenzjalità/segretezza, sabiex jipprekludu lill-ħaddiema milli jirrapportaw, biex tiġi miċħuda l-protezzjoni jew sabiex jiġu ppenalizzati talli għamlu hekk. Fl-istess waqt, jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax il-protezzjoni ta’ privileġġ legali jew professjonali ieħor kif previst skont il-liġi nazzjonali.
(70)Hemm probabbiltà kbira li l-miżuri ta’ ritaljazzjoni jkunu ppreżentati bħala ġġustifikati minħabba raġunijiet oħrajn li mhumiex ir-rapportar u jista’ jkun diffiċli ħafna għall-persuni li jirrapportaw li jagħtu prova tar-rabta bejn it-tnejn, filwaqt li l-awturi tar-ritaljazzjoni jista’ jkollhom setgħa u riżorsi akbar sabiex jiddokumentaw l-azzjoni meħuda u r-raġunament. Għalhekk, ladarba l-persuna li qed tirrapporta turi prima facie li hi għamlet rapport jew żvelar f’konformità ma’ din id-Direttiva u sofriet detriment, jenħtieġ li l-oneru tal-provi jgħaddi fuq il-persuna li għamlet l-azzjoni detrimentali, li mbagħad jenħtieġ li turi li l-azzjoni meħuda ma kienet marbuta bl-ebda mod mar-rapportar jew l-iżvelar.
(71)Lil hinn minn projbizzjoni espliċita ta’ ritaljazzjoni prevista fil-liġi, huwa kruċjali li l-persuni li jirrapportaw li jsofru ritaljazzjoni jkollhom aċċess għal rimedji legali. Ir-rimedju xieraq f’kull każ se jkun iddeterminat mit-tip ta’ ritaljazzjoni sofruta. Jista’ jieħu l-forma ta’ azzjonijiet għal reintegrazzjoni (pereżempju, fil-każ ta’ tkeċċija, trasferiment jew dimozzjoni, jew ta’ sospensjoni minn taħriġ jew promozzjoni) jew għall-għoti lura ta’ permess, liċenzja jew kuntratt ikkanċellati; kumpens għal telf finanzjarju attwali u futur (għal telf ta' pagi fil-passat, iżda anke għal telf ta’ dħul futur, spejjeż marbutin ma’ bidla fl-impjieg); kumpens għal ħsara ekonomika oħra bħal spejjeż legali u spejjeż ta’ trattament mediku, u għal ħsara intanġibbli (uġigħ u tbatija).
(72)It-tipi ta’ azzjoni legali jistgħu jvarjaw bejn is-sistemi legali iżda jenħtieġ li dawn jiżguraw rimedju sħiħ u effettiv kemm jista’ jkun. Jenħtieġ li r-rimedji ma jiskoraġġixxux informaturi futuri potenzjali. Pereżempju, il-possibbiltà għal kumpens bħala alternattiva għal reintegrazzjoni f’każ ta’ tkeċċija tista’ twassal għal prattika sistematika b’mod partikolari minn organizzazzjonijiet akbar, li għalhekk ikollha effett dissważiv fuq informaturi futuri.
(73)Ta’ importanza partikolari għal persuni li jirrapportaw huma r-rimedji interim sakemm jiġu solvuti l-kawżi legali li jistgħu jieħdu ħafna żmien. Jistgħu jkunu meħtieġa b’mod partikolari eżenzjonijiet provviżorji sabiex iwaqqfu theddid, attentati jew atti kontinwi ta’ ritaljazzjoni, bħal fastidju fuq il-post tax-xogħol, jew sabiex ikunu evitati forom ta’ ritaljazzjoni bħal tkeċċija, li jistgħu jkunu diffiċli li jitreġġgħu lura wara li jgħaddu perjodi twal ta’ żmien u li jistgħu jirrovinaw lill-individwu finanzjarjament — perspettiva li tista’ serjament tiskoraġġixxi informaturi potenzjali.
(74)L-azzjonijiet meħuda kontra persuni li jiżvelaw informazzjoni barra mill-kuntest relatat max-xogħol, permezz ta’ kawżi, pereżempju, marbutin ma’ defamazzjoni, ksur ta’ drittijiet tal-awtur, sigrieti tan-negozju, kunfidenzjalità u protezzjoni tad-data personali, jistgħu jkunu wkoll deterrent serju għall-iżvelar tal-informazzjoni. Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tagħti eżenzjoni lil persuni li jirrapportaw minn miżuri ta’ rimedju ċivili, proċeduri u rimedji li tipprevedi, fil-każ li l-kisba, l-użu jew l-iżvelar allegat tas-sigriet kummerċjali sar biex tinkixef imġiba ħażina, irregolarità jew attività illegali, sakemm il-konvenut aġixxa bl-iskop li jipproteġi l-interess pubbliku ġenerali. Jenħtieġ li l-persuni li jirrapportaw ikunu jistgħu jistrieħu fuq il-fatt li jkunu għamlu rapport jew żvelar skont din id-Direttiva bħala difiża fi proċedimenti oħrajn. F’tali każijiet, jenħtieġ li l-persuna li tibda l-proċedimenti ġġorr l-oneru tal-prova sabiex turi kwalunkwe intenzjoni min-naħa tal-persuna li qed tirrapporta li tikser il-liġi.
(75)Spiża sinifikanti għall-persuni li jirrapportaw u li jikkontestaw miżuri ta’ ritaljazzjoni meħudin kontrihom f’kawżi legali tista' tkun l-ispejjeż legali rilevanti. Għalkemm jistgħu jirkupraw dawn it-tariffi fl-aħħar tal-kawżi, jista’ jkun li ma jkunux jistgħu jkopruhom minn qabel, speċjalment jekk ikunu qiegħda u mniżżla f’lista sewda. L-assistenza għal kawżi legali kriminali, partikolarment skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u b’mod aktar ġenerali l-appoġġ lil dawk li jkunu fi bżonnijiet finanzjarji serji jistgħu jkunu kruċjali, f’ċerti każijiet, għall-infurzar effettiv tad-drittijiet tagħhom għal protezzjoni.
(76)Jenħtieġ li d-drittijiet tal-persuna kkonċernata jkunu protetti sabiex tkun evitata ħsara reputazzjonali jew konsegwenzi negattivi oħrajn. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-drittijiet għal difiża u aċċess għal rimedji tal-persuna kkonċernata jkunu rrispettati bis-sħiħ f’kull stadju tal-proċedura ta’ wara r-rapport, skont l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw id-dritt ta’ difiża tal-persuna kkonċernata, inkluż id-dritt għal aċċess għall-fajl, id-dritt għal smigħ xieraq u d-dritt li tfittex rimedju effettiv kontra deċiżjoni li tikkonċerna persuna kkonċernata skont il-proċeduri applikabbli stabbiliti mil-liġi nazzjonali fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet jew kawżi ġudizzjarji sussegwenti.
(77)Jenħtieġ li kull persuna li ssofri preġudizzju, kemm jekk direttament kif ukoll indirettament, b’konsegwenza tar-rapportar jew żvelar ta’ informazzjoni mhux preċiża jew qarrieqa żżomm il-protezzjoni u r-rimedji disponibbli għaliha skont ir-regoli tal-liġi ġenerali. Fejn tali rapport jew żvelar mhux preċiż jew qarrieqi jkun sar apposta u konxjament, jenħtieġ li l-persuni kkonċernati jkunu intitolati għal kumpens skont il-liġi nazzjonali.
(78)Il-pieni huma meħtieġa sabiex jiżguraw l-effettività tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-informaturi. Il-pieni kontra dawk li jieħdu azzjonijiet ta’ ritaljazzjoni jew azzjonijiet negattivi oħrajn kontra persuni li jirrapportaw jistgħu jiskoraġġixxu aktar azzjonijiet simili. Il-pieni kontra persuni li jagħmlu rapport jew żvelar li jiġi ppruvat li huwa konxjament falz huma meħtieġa sabiex jiskoraġġixxu aktar rapportar malizzjuż u tkun ippreservata l-kredibbiltà tas-sistema. Jenħtieġ li l-proporzjonalità ta’ tali pieni tiżgura li dawn ma jkollhomx effett dissważiv fuq informaturi potenzjali.
(79)Jenħtieġ li kull pproċessar ta’ data personali mwettaq skont din id-Direttiva, inkluż l-iskambju jew it-trażmissjoni ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti, isir b’mod konformi mar-Regolament (UE) 2016/679, u mad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u kwalunkwe skambju jew trażmissjoni ta’ informazzjoni minn awtoritajiet kompetenti fil-livell tal-Unjoni għandu jsir skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għandha ssir attenzjoni partikolari għall-prinċipji marbutin mal-ipproċessar ta’ data personali stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-GDPR, l-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/680 u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, u għall-prinċipju tal-protezzjoni tad-data personali mid-disinn u b’mod awtomatiku stipulat fl-Artikolu 25 tal-GDPR, l-Artikolu 20 tad-Direttiva (UE) 2016/680 u l-Artikolu XX tar-Regolament (UE) Nru 2018/XX li jirrevoka r-Regolament Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE.
(80)Din id-Direttiva tintroduċi standards minimi u jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom is-setgħa li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli għall-persuna li tirrapporta, sakemm tali dispożizzjonijiet ma jfixklux il-miżuri għall-protezzjoni ta’ persuni kkonċernati.
(81)Skont l-Artikolu 26(2) tat-TFUE, is-suq intern irid jinkludi żona mingħajr fruntieri interni li fiha jkun żgurat il-moviment liberu u sikur ta’ merkanzija u servizzi. Jenħtieġ li s-suq intern jipprovdi liċ-ċittadini tal-Unjoni valur miżjud fil-forma ta’ kwalità u sikurezza aħjar tal-oġġetti u servizzi, l-iżgurar ta’ standards għoljin tas-saħħa pubblika u protezzjoni ambjentali kif ukoll moviment liberu ta’ data personali. Għalhekk, l-Artikolu 114 tat-TFUE huwa l-bażi ġuridika xierqa sabiex jiġu adottati l-miżuri meħtieġa għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Flimkien mal-Artikolu 114 tat-TFUE, jenħtieġ li din id-Direttiva jkollha bażijiet ġuridiċi speċifiċi addizzjonali sabiex tkopri l-oqsma li jiddependu fuq l-Artikoli 16, 33, 43, 50, 53(1), 62, 91, 100, 103, 109, 168, 169 u 207 tat-TFUE u l-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom għall-adozzjoni tal-miżuri tal-Unjoni. Ladarba din id-Direttiva timmira wkoll għal protezzjoni aħjar tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Artikolu 325(4) tat-TFUE jkun inkluż bħala bażi ġuridika.
(82)Il-kamp ta' applikazzjoni materjali ta’ din id-Direttiva huwa bbażat fuq l-identifikazzjoni ta’ oqsma fejn l-introduzzjoni tal-protezzjoni tal-informaturi tidher ġustifikata u meħtieġa abbażi ta’ evidenza attwalment disponibbli. Tali kamp ta' applikazzjoni materjali jista’ jkun estiż għal aktar oqsma jew atti tal-Unjoni, jekk dan jirriżulta li jkun meħtieġ bħala mezz sabiex jissaħħaħ l-infurzar fid-dawl ta’ evidenza li tista’ toħroġ fil-beraħ fil-futur jew abbażi tal-evalwazzjoni tal-mod li bih operat din id-Direttiva.
(83)Kull meta tiġi adottata leġiżlazzjoni suċċessiva rilevanti għal din id-Direttiva, din għandha tispeċifika fejn xieraq li din id-Direttiva tapplika. Fejn ikun meħtieġ, jenħtieġ li jiġu emendati l-Artikolu 1 u l-Anness.
(84)L-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li ssaħħaħ l-infurzar f’ċertu oqsma ta’ politika u atti fejn ksur tal-liġi tal-Unjoni jista’ jikkawża ħsara serja għall-interess pubbliku permezz ta’ protezzjoni effettiva tal-informaturi, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti jekk l-Istati Membri jaġixxu waħedhom jew b’mod mhux ikkoordinat, iżda jista’ jinkiseb aħjar b’azzjoni tal-Unjoni li tipprovdi standards minimi ta’ armonizzazzjoni dwar il-protezzjoni tal-informaturi. Barra minn hekk, azzjoni tal-Unjoni biss tista’ tipprovdi koerenza u tallinja r-regoli tal-Unjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tal-informaturi. Għaldaqstant, l-UE tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
(85)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, din id-Direttiva trid tiġi implimentata f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji. B’mod partikolari din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għal-libertà tal-espressjoni u informazzjoni, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-intrapriża, id-dritt għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, id-dritt għal rimedju effettiv u d-drittijiet għal difiża.
(86)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta opinjoni fil-[...]
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni materjali
1.Bil-għan li jittejjeb l-infurzar tal-liġi u l-politiki tal-Unjoni f’oqsma speċifiċi, din id-Direttiva tistabbilixxi standards minimi komuni għall-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw l-attivitajiet illegali jew l-abbuż tad-dritt li ġejjin:
a) il-ksur li jaqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni tal-atti tal-Unjoni stabbiliti fl-Anness (Parti I u Parti II) fir-rigward tal-oqsma li ġejjin:
(i)l-akkwist pubbliku;
(ii)is-servizzi finanzjarji, il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;
(iii)
is-sikurezza tal-prodotti;
(iv)is-sikurezza tat-trasport;
(v)il-protezzjoni tal-ambjent;
(vi)is-sikurezza nukleari;
(vii)is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa u l-benessri tal-annimali;
(viii)is-saħħa pubblika;
(ix)il-protezzjoni tal-konsumatur;
(x)il-protezzjoni tal-privatezza u d-data personali, u sikurezza tan-netwerks u tas-sistemi ta’ informazzjoni.
b) il-ksur tal-Artikolu 101, 102, 106, 107 u 108 tat-TFUE u l-ksur li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/1589;
c)il-ksur li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif definit mill-Artikolu 325 tat-TFUE u kif speċifikat aħjar, b’mod partikolari, fid-Direttiva (UE) 2017/1371 u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013;
d)il-ksur marbut mas-suq intern, kif imsemmi fl-Artikolu 26(2) tat-TFUE, fir-rigward ta’ atti li jiksru r-regoli dwar it-taxxi korporattivi jew ftehimiet li l-għan tagħhom huwa li jinkiseb vantaġġ tat-taxxa li jegħleb l-oġġett jew skop tal-liġi tat-taxxa korporattiva applikabbli.
2.Fejn regoli speċifiċi dwar ir-rapportar ta’ ksur huma previsti f’atti tal-Unjoni speċifiċi għas-setturi mniżżla fil-Parti 2 tal-Anness, għandhom japplikaw dawn ir-regoli. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-kwistjonijiet kollha marbutin mal-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw mhux irregolati f’dawn l-atti tal-Unjoni speċifiċi għas-setturi.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni personali
1.Din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni li jaħdmu fis-settur privat jew pubbliku li jirrapportaw li kisbu informazzjoni dwar ksur f’kuntest relatat max-xogħol inklużi, mill-anqas, dawn li ġejjin:
a)persuni li għandhom l-istatus ta’ ħaddiema, skont it-tifsira tal-Artikolu 45 tat-TFEU;
b)persuni li għandhom l-istatus ta’ ħaddiema għal rashom, skont it-tifsira tal-Artikolu 49 tat-TFEU;
c)l-azzjonisti u l-persuni li jagħmlu parti mill-maniġment ta’ impriża, inklużi membri mhux eżekuttivi, kif ukoll volontiera u apprendisti mhux imħallsin;
d) kwalunkwe persuna li taħdem taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni ta’ kuntratturi, sottokuntratturi u fornituri.
2.Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għall-persuni li jirrapportaw li r-relazzjoni bbażata fuq ix-xogħol tagħhom għadha se tibda f’każijiet fejn l-informazzjoni dwar ksur inkisbet matul il-proċess ta’ reklutaġġ jew waqt negozjati prekuntrattwali oħrajn.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“ksur” tfisser attivitajiet illegali attwali jew potenzjali jew abbuż tad-dritt marbutin mal-atti tal-Unjoni u oqsma li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni msemmi fl-Artikolu 1 u fl-Anness;
(2)“attivitajiet illegali” tfisser atti jew omissjonijiet li jmorru kontra l-liġi tal-Unjoni;
(3)“abbuż tad-dritt” tfisser atti jew ommissjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni li ma jidhrux li huma illegali f’termini formali iżda jegħlbu l-oġġett jew l-iskop imfittex mir-regoli applikabbli;
(4)“informazzjoni dwar ksur” tfisser evidenza dwar ksur attwali kif ukoll suspetti raġonevoli dwar ksur potenzjali li għadu ma seħħx;
(5)“rapport” tfisser l-għoti ta’ informazzjoni marbuta ma’ ksur li seħħ jew li aktarx se jseħħ fl-organizzazzjoni li fiha taħdem jew ħadmet il-persuna li qed tirrapporta jew f’organizzazzjoni oħra li magħha hija, jew kienet, f’kuntatt permezz tax-xogħol tagħha;
(6)“rapportar intern” tfisser l-għoti ta’ informazzjoni dwar ksur fi ħdan entità legali pubblika jew privata;
(7)“rapportar estern” tfisser l-għoti ta’ informazzjoni dwar ksur lill-awtoritajiet kompetenti;
(8)“żvelar” tfisser li l-informazzjoni dwar ksur miksuba fi ħdan il-kuntest relatat max-xogħol issir disponibbli għad-dominju pubbliku;
(9)“persuna li tirrapporta” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tirrapporta jew tiżvela informazzjoni dwar ksur miksuba fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha relatati max-xogħol;
(10)“kuntest relatat max-xogħol” tfisser attivitajiet ta’ xogħol attwali jew preċedenti fis-settur pubbliku jew privat li permezz tagħhom, irrispettivament min-natura tagħhom, persuni jistgħu jiksbu informazzjoni dwar ksur u li fihom dawn il-persuni jistgħu jsofru ritaljazzjoni jekk jirrapportawh.
(11)“persuna kkonċernata” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li hija msemmija fir-rapport jew fl-iżvelar bħala persuna li għamlet il-ksur jew li hija assoċjata miegħu;
(12)“ritaljazzjoni” tfisser kwalunkwe att jew ommissjoni potenzjali jew attwali mqanqla mir-rapportar intern jew estern li jseħħ f’kuntest relatat max-xogħol u li jikkawża jew jista’ jikkawża detriment mhux ġustifikat lill-persuna li tirrapporta;
(13)“segwitu” tfisser kwalunkwe azzjoni meħuda minn dak li jirċievi r-rapport, magħmul internament jew esternament, sabiex jivvaluta l-preċiżjoni tal-allegazzjonijiet magħmulin fir-rapport u, fejn rilevanti, sabiex jindirizza l-ksur irrapportat, inklużi azzjonijiet bħal inkjesta interna, investigazzjoni, prosekuzzjoni, azzjoni għall-irkupru ta’ fondi u għeluq;
(14)“awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità nazzjonali intitolata sabiex tirċievi rapporti skont il-Kapitolu III u maħtura sabiex twettaq il-kompiti previsti f’din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tas-segwitu ta’ rapporti.
KAPITOLU II
RAPPORTAR INTERN U SEGWITU TA’ RAPPORTI
Artikolu 4
Obbligu ta' stabbiliment ta’ kanali interni u proċeduri għar-rapportar u għas-segwitu ta’ rapporti
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet legali fis-settur privat u dak pubbliku jistabbilixxu kanali interni u proċeduri għar-rapportar u għas-segwitu tar-rapporti, wara konsultazzjonijiet ma’ sħab soċjali, jekk xieraq.
2.Tali kanali u proċeduri għandhom jippermettu li jsir rapportar minn impjegati tal-entità. Jistgħu jippermettu li jsir rapportar minn persuni oħrajn li huma f’kuntatt mal-entità fil-kuntest tal-attivitajiet relatati max-xogħol tagħhom, imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b), (c) u (d), iżda l-użu ta’ kanali interni għar-rapportar ma għandux ikun obbligatorju għal dawn il-kategoriji ta’ persuni.
3.L-entitajiet legali fis-settur privat imsemmija fil-Paragrafu 1 huma dawn li ġejjin:
a)entitajiet legali privati b’50 impjegat jew aktar;
b)entitajiet legali privati b'fatturat annwali tan-negozju jew karta tal-bilanċ annwali
b’total ta’ EUR 10 miljun jew aktar;
c)entitajiet legali privati ta’ kwalunkwe daqs li joperaw fil-qasam tas-servizzi finanzjarji jew huma vulnerabbli għall-ħasil ta’ flus jew għall-finanzjament tat-terroriżmu, kif irregolati skont l-atti tal-Unjoni msemmija fl-Anness.
4.Wara valutazzjoni tar-riskju xierqa li tikkunsidra n-natura tal-attivitajiet tal-entitajiet u l-livell ta’ riskju li jirriżulta, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li entitajiet legali privati żgħar, kif iddefiniti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003, apparti dawk imsemmija fil-paragrafu 3(c) sabiex jistabbilixxu kanali u proċeduri ta’ rapportar interni.
5.Kull deċiżjoni meħuda minn Stat Membru skont il-paragrafu 4 għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, flimkien ma’ ġustifikazzjoni u l-kriterji użati fil-valutazzjoni tar-riskju. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dik id-deċiżjoni lill-Istati Membri l-oħra.
6.L-entitajiet legali fis-settur pubbliku msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu dawn li ġejjin:
a)l-amministrazzjoni tal-Istat;
b)l-amministrazzjoni u d-dipartimenti reġjonali;
c)il-muniċipalitajiet b’aktar minn 10 000 abitant;
d)entitajiet oħrajn irregolati mil-liġi pubblika.
Artikolu 5
Proċeduri għal rapportar intern u għas-segwitu tar-rapporti
1.Il-proċeduri għal rapportar u għas-segwitu tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 4 għandhom jinkludu dan li ġej:
a)kanali biex jintlaqgħu r-rapporti li jkunu mfasslin, stabbiliti u operati b’tali mod li jiżgura l-kunfidenzjalità tal-identità tal-persuna li tirrapporta u jipprevjeni l-aċċess għal membri tal-persunal mhux awtorizzati;
b)l-għażla ta’ persuna jew dipartiment kompetenti għas-segwitu tar-rapporti;
c) segwitu diliġenti tar-rapport mill-persuna jew dipartiment magħżula;
d) perjodu ta’ żmien raġonevoli, li ma jaqbiżx it-tliet xhur minn wara r-rapport, sabiex ikun ipprovdut rispons lill-persuna li tirrapporta dwar is-segwitu tar-rapport;
e)informazzjoni ċara u faċilment aċċessibbli dwar il-proċeduri u informazzjoni dwar kif u taħt liema kundizzjonijiet ir-rapporti jistgħu jsiru esternament lil awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 13(2) u, fejn rilevanti, lill-korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni.
2.Il-kanali previsti f’1(a) għandhom jippermettu r-rapportar bil-modi kollha li ġejjin:
(a) rapporti bil-miktub f’format elettroniku jew fuq karta u/jew rapport bil-fomm permezz ta’ linji tat-telefon, kemm jekk irrekordjati kif ukoll jekk le;
(b) laqgħat fiżiċi mal-persuna jew dipartiment magħżula sabiex jirċievu r-rapport.
Il-kanali ta’ rapportar jistgħu jkunu operati internament minn persuna jew dipartiment magħżula għal dak il-għan jew ipprovduti esternament minn parti terza, sakemm is-salvagwardji u r-rekwiżiti msemmija f'1(a) huma rrispettati.
3.Il-persuna jew dipartiment imsemmija f'1(b) jistgħu jkunu l-istess persuna li hija kompetenti sabiex tirċievi r-rapporti. Persuni addizzjonali jistgħu jintgħażlu bħala “persuni fdati” li mingħandhom il-persuni li jirrapportaw u dawk li qed jikkunsidraw li jirrapportaw jistgħu jfittxu parir kunfidenzjali.
KAPITOLU III
RAPPORTAR ESTERN U SEGWITU TAR-RAPPORTI
Artikolu 6
Obbligu ta' stabbiliment ta’ kanali ta’ rapportar esterni u għal segwitu tar-rapporti
1.L-Istati Membri għandhom jagħżlu l-awtoritajiet kompetenti sabiex jirċievu u jimmaniġġjaw ir-rapporti.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti:
a)jistabbilixxu kanali ta’ rapportar esterni indipendenti u awtonomi, li huma kemm sikuri kif ukoll jiżguraw il-kunfidenzjalità, sabiex jirċievu u jimmaniġġjaw informazzjoni pprovduta mill-persuna li tirrapporta;
b)jagħtu rispons lill-persuna li tirrapporta dwar is-segwitu tar-rapport f’perjodu ta’ żmien raġonevoli li ma jaqbiżx it-tliet xhur jew is-sitt xhur f’każijiet debitament ġustifikati;
c)jibagħtu l-informazzjoni li hemm fir-rapport lill-korpi, lill-uffiċċji jew lill-aġenziji kompetenti tal-Unjoni, jekk xieraq, għal aktar investigazzjoni, fejn huwa previst skont il-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jsegwu r-rapporti billi jieħdu l-miżuri meħtieġa u jinvestigaw, sa fejn huwa xieraq, is-suġġett tar-rapporti. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw lill-persuna li qed tirrapporta r-riżultat finali tal-investigazzjonijiet.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe awtorità li rċeviet rapport iżda li ma għandhiex il-kompetenza li tindirizza l-ksur irrapportat tibagħtu lill-awtoritajiet kompetenti u li l-persuna li tirrapporta tkun informata.
Artikolu 7
Disinn ta’ kanali ta’ rapportar esterni
1.Il-kanali ta’ rapportar esterni ddedikati għandhom jiġu kkunsidrati indipendenti u awtonomi, jekk jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:
a)huma separati mill-kanali ta’ komunikazzjoni ġenerali tal-awtorità kompetenti, inklużi dawk li permezz tagħhom l-awtorità kompetenti tikkomunika internament u mal-partijiet terzi fl-andament normali tan-negozju tagħha;
b)huma mfassla, stabbiliti u operati b’mod li jiżgura l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u jipprevjeni l-aċċess għal membri tal-persunal mhux awtorizzati tal-awtorità kompetenti;
c)jippermettu l-ħażna ta’ informazzjoni durabbli f’konformità mal-Artikolu 11 biex jippermettu aktar investigazzjonijiet.
2.Il-kanali ta’ rapportar iddedikati għandhom jippermettu rapportar mill-anqas f’wieħed mill-modi li ġejjin:
a)rapport bil-miktub f’format elettroniku jew fuq karta;
b)rapport bil-fomm permezz ta’ linji tat-telefon, kemm jekk irrekordjati kif ukoll jekk le;
c)laqgħa fiżika mal-membri tal-persunal dedikat tal-awtorità kompetenti.
3.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li rapport li rċevew b’kanali oħra li mhumiex il-kanali ta’ komunikazzjoni dedikati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ikun minnufih mgħoddi mingħajr modifika lill-membri tal-persunal dedikat tal-awtorità kompetenti bl-użu ta’ kanali ta’ komunikazzjoni dedikati.
4.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri li jiżguraw li, fejn rapport li jkun inizjalment indirizzat lil persuna li ma kinitx maħtura bħala l-persuna li timmaniġġja r-rapporti dik il-persuna ma titħalla tiżvela l-ebda informazzjoni li tista’ tidentifika l-persuna li tirrapporta jew il-persuna kkonċernata.
Artikolu 8
Membri tal-persunal dedikat
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom membri tal-persunal dedikati sabiex jimmaniġġjaw ir-rapporti. Membri tal-persunal dedikati għandhom jirċievu taħriġ speċifiku sabiex jimmaniġġjaw ir-rapporti.
2.Il-membri tal-persunal dedikati għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet li ġejjin:
a)jipprovdu lil kwalunkwe persuna interessata b’informazzjoni dwar il-proċeduri għar-rapportar;
b)jirċievu u jsegwu r-rapporti;
c)iżommu kuntatt mal-persuna li tirrapporta bil-għan li jinformaw lill-persuna li tirrapporta bil-progress u bir-riżultat tal-investigazzjoni.
Artikolu 9
Proċeduri applikabbli għar-rapportar estern
1.Il-proċeduri applikabbli għar-rapportar estern għandhom jipprovdu dawn li ġejjin:
a)il-mod li bih l-awtorità kompetenti tista’ titlob lill-persuna li tirrapporta biex tiċċara l-informazzjoni rrappurtata jew biex tipprovdi aktar informazzjoni li tkun għad-dispożizzjoni tal-persuna li qed tirrapporta;
b)perjodu ta’ żmien raġonevoli, li ma jaqbiżx it-tliet xhur jew sitt xhur f’każijiet debitament ġustifikati, għall-għoti ta’ rispons lill-persuna li tirrapporta dwar is-segwitu tar-rapport u t-tip u l-kontenut ta’ dan ir-rispons;
c)ir-reġim ta’ kunfidenzjalità applikabbli għar-rapporti, inkluża deskrizzjoni dettaljata taċ-ċirkustanzi li taħthom id-data kunfidenzjali ta’ persuna li tirrapporta tista’ tkun żvelata.
2.Id-deskrizzjoni dettaljata msemmija f'1(c) għandha tinkludi l-każijiet eċċezzjonali li fihom il-kunfidenzjalità tad-data personali tista’ ma tkunx żgurata, inkluż fejn l-iżvelar ta’data huwa obbligu meħtieġ u proporzjonat skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet jew kawżi ġudizzjarji sussegwenti jew biex tissalvagwardja l-libertajiet ta’ oħrajn inkluż id-dritt ta’ difiża tal-persuna kkonċernata, u f’kull każ suġġett għal salvagwardji xierqa skont dawn il-liġijiet.
3.Id-deskrizzjoni dettaljata msemmija f'1(c) trid tinkiteb b’lingwaġġ ċar u li jinftiehem faċilment u tkun faċilment aċċessibbli għall-persuni li jirrapportaw.
Artikolu 10
Informazzjoni dwar il-wasla tar-rapporti u s-segwitu tagħhom
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw fuq is-siti tal-Internet tagħhom f’taqsima separata, faċilment identifikabbli u aċċessibbli mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:
a)il-kundizzjonijiet li taħthom il-persuni li jirrapportaw jikkwalifikaw għal protezzjoni taħt din id-Direttiva;
b)il-kanali ta’ komunikazzjoni sabiex jasal u jkun segwit ir-rapportar:
i)in-numri tat-telefown, b'indikazzjoni dwar jekk il-konverżazzjonijiet jiġux irrekordjati jew le meta jiġu wżati dawk il-linji tat-telefown;
ii)indirizzi postali u elettroniċi apposta, li jkunu sikuri u li jiżguraw il-kunfidenzjalità, li permezz tagħhom wieħed jista' jikkuntattja lill-membri tal-persunal dedikati;
c)il-proċeduri applikabbli għar-rapportar ta’ ksur immsemmi fl-Artikolu 9;
d)ir-reġim ta’ kunfidenzjalità applikabbli għar-rapporti, u b’mod partikolari l-informazzjoni relatata mal-ipproċessar ta’ data personali skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-Artikolu 13 tad-Direttiva (UE) 2016/680 u l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 45/2001, kif applikabbli.
e)in-natura tas-segwitu li għandu jingħata lir-rapporti;
f)ir-rimedji u l-proċeduri disponibbli kontra r-ritaljazzjoni u l-possibbiltajiet ta' parir kunfidenzjali lill-persuni li qed jikkontemplaw li jagħmlu rapport;
g)dikjarazzjoni li tispjega b’mod ċar li persuni li jipprovdu informazzjoni lill-awtorità kompetenti skont din id-Direttiva ma jitqisux li jkunu qegħdin jiksru xi restrizzjoni dwar l-iżvelar tal-informazzjoni imposta b’kuntratt jew b’xi dispożizzjoni leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva, u ma għandhomx ikunu involuti fl-ebda tip ta’ responsabbiltà relatata ma’ dan l-iżvelar.
Artikolu 11
Żamma ta’ rekords tar-rapporti riċevuti
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jżommu rekords ta’ kull rapport li jasal.
2.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrikonoxxu minnufih il-wasla ta’ rapporti bil-miktub permezz tal-indirizz postali jew l-indirizz elettroniku indikat mill-persuna li qed tirrapporta, sakemm il-persuna li qed tirrapporta espliċitament ma titlobx mod ieħor jew l-awtorità kompetenti raġonevolment ma taħsibx li r-rikonoxximent tal-wasla ta’ rapport bil-miktub jista' jippreġudika l-protezzjoni tal-identità tal-persuna li qed tirrapporta.
3.Fejn tintuża linja tat-telefon irrekordjata għar-rapportar, soġġett għall-kunsens tal-persuna li tirrapporta, l-awtorità kompetenti għandu jkollha d-dritt li tiddokumenta r-rapportar bil-fomm f’wieħed mill-modi li ġejjin:
a)reġistrazzjoni tal-konverżazzjoni f’forma li tista’ tiġi rkuprata u li hija durabbli;
b)traskrizzjoni preċiża u sħiħa tal-konverżazzjoni ppreparata mill-membri tal-persunal dedikat tal-awtorità kompetenti.
L-awtorità kompetenti għandha toffri l-possibbiltà lill-persuna li tirrapporta li tiċċekkja, tirranġa u taqbel mat-traskrizzjoni tat-telefonata billi tiffirmaha.
4.Fejn tintuża linja tat-telefon mhux irrekordjata għar-rapportar, l-awtorità kompetenti għandu jkollha d-dritt li tiddokumenta r-rapportar bil-fomm fil-forma ta’ minuti preċiżi tal-konverżazzjoni ppreparati mill-membri tal-persunal dedikat. L-awtorità kompetenti għandha toffri l-possibbiltà lill-persuna li tirrapporta li tiċċekkja, tirranġa u taqbel mal-minuti tat-telefonata billi tiffirmahom.
5.Meta persuna titlob laqgħa mal-membri tal-persunal dedikat tal-awtorità kompetenti biex tirrapporta skont l-Artikolu 7(2)(c), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw, soġġett għall-kunsens tal-persuna li tirrapporta, li jinżammu rekords kompluti u preċiżi tal-laqgħa f’forma li tista’ tiġi rkuprata u li hi durabbli. Awtorità kompetenti għandu jkollha d-dritt li tiddokumenta r-rekords tal-laqgħa b’wieħed mill-modi li ġejjin:
a)reġistrazzjoni tal-konverżazzjoni f’forma li tista’ tiġi rkuprata u li hija durabbli;
b)minuti preċiżi tal-laqgħa preparati mill-membri tal-persunal dedikat tal-awtorità kompetenti.
L-awtorità kompetenti għandha toffri l-possibbiltà lill-persuna li tirrapporta li tiċċekkja, tirranġa u taqbel mal-minuti tal-laqgħa billi tiffirmahom.
Artikolu 12
Rieżami tal-proċeduri mill-awtoritajiet kompetenti
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jirrevedu l-proċeduri tagħhom biex jirċievu rapporti u għas-segwitu tagħhom regolarment, u mill-inqas darba kull sentejn. Fir-rieżami ta’ tali proċeduri l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw l-esperjenza tagħhom u dik ta’ awtoritajiet kompetenti oħrajn u jadattaw il-proċeduri tagħhom kif xieraq.
KAPITOLU IV
PROTEZZJONI TAL-PERSUNI LI JIRRAPPORTAW U TAL-PERSUNI KKONĊERNATI
Artikolu 13
Kundizzjonijiet għall-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw
1.Persuna li tirrapporta għandha tikkwalifika għall-protezzjoni taħt din id-Direttiva sakemm għandha raġunijiet ġustifikati biex temmen li l-informazzjoni rrapportata kienet vera fil-ħin tar-rapportar u li din l-informazzjoni taqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
2.Persuna li tirrapporta esternament għandha tikkwalifika għal protezzjoni taħt din id-Direttiva fejn waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin hija ssodisfata:
a)hi rrapportat internament l-ewwel iżda ma ttieħdet l-ebda azzjoni xierqa bi tweġiba għar-rapport fil-perjodu ta’ żmien raġonevoli msemmi fl-Artikolu 5;
b)kanali ta’ rapportar interni ma kinux disponibbli għall-persuna li qed tirrapporta jew ma setax ikun mistenni b’mod raġonevoli li l-persuna li qed tirrapporta tkun konxja bid-disponibbiltà ta’ tali kanali;
c)l-użu ta’ kanali ta’ rapportar interni ma kienx obbligatorju għall-persuna li qed tirrapporta, skont l-Artikolu 4(2);
d)hi ma setgħetx tkun mistennija b’mod raġonevoli li tuża kanali ta’ rapportar interni fid-dawl tas-suġġett tar-rapport;
e)hi kellha raġunijiet ġustifikati sabiex temmen li l-użu ta’ kanali ta’ rapportar interni setgħu jipperikolaw l-effettività tal-investigazzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti;
f) hi kienet intitolata li tirrapporta direttament permezz tal-kanali ta’ rapportar esterni lil awtorità kompetenti skont il-liġi tal-Unjoni.
3.Persuna li tirrapporta lil entitajiet, uffiċċji jew aġenziji rilevanti tal-Unjoni dwar ksur li jaqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tikkwalifika għal protezzjoni kif stipulat f’din id-Direttiva taħt l-istess kundizzjonijiet bħal persuna li rrapportat esternament skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2.
4.Persuna li tiżvela pubblikament informazzjoni dwar ksur li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tikkwalifika għal protezzjoni taħt din id-Direttiva fejn:
a)hi l-ewwel irrapportat internament u/jew esternament skont il-Kapitoli II u III u l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, iżda ma ttieħdet l-ebda azzjoni xierqa b’rispons għar-rapport fil-perjodu taż-żmien imsemmi fl-Artikoli 6(2)(b) u 9(1)(b); jew
b) hi ma tistax tkun mistennija b’mod raġonevoli li tuża kanali ta’ rapportar interni u/jew esterni minħabba periklu imminenti jew evidenti għall-interess pubbliku jew għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, jew fejn ikun hemm riskju ta’ ħsara irriversibbli.
Artikolu 14
Projbizzjoni ta’ ritaljazzjoni kontra persuni li jirrapportaw
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu kwalunkwe forma ta’ ritaljazzjoni, kemm jekk diretta kif ukoll indiretta, kontra persuni li jirrapportaw li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13, inkluż b’mod partikolari fil-forma ta’:
a)sospensjoni, sensja, tkeċċija jew miżuri ekwivalenti;
b)dimozzjoni jew sospensjoni ta’ promozzjoni;
c)trasferiment ta’ kompiti, bidla fil-post tax-xogħol, tnaqqis ta’ pagi, bidla fis-sigħat tax-xogħol;
d)sospensjoni ta’ taħriġ;
e)valutazzjoni tal-prestazzjoni jew referenza tal-impjieg negattivi;
f)impożizzjoni jew amministrazzjoni ta’ kwalunkwe dixxiplina, ċanfira jew penali oħrajn, inkluż penali finanzjarju;
g)koerzjoni, intimidazzjoni, fastidju jew ostraċiżmu fuq il-post tax-xogħol;
h)diskriminazzjoni, żvantaġġ jew trattament inġust;
i)nuqqas ta’ qlib ta’ kuntratt tal-impjieg minn wieħed temporanju għal wieħed permanenti;
j)nuqqas ta' tiġdid jew terminazzjoni bikrija tal-kuntratt tal-imjieg temporanju;
k)ħsara, inkluż għar-reputazzjoni tal-persuna, jew telf finanzjarju, inkluż telf ta’ negozju u telf ta’ dħul;
l)tniżżil f’lista sewda abbażi ta’ ftehim informali jew formali mal-industrija jew mas-settur kollu, li jinvolvi li l-persuna mhux se ssib impjieg fis-settur jew fl-industrija fil-futur;
m)terminazzjoni bikrija jew kanċellazzjoni ta’ kuntratt għal prodotti jew servizzi;
n)kanċellazzjoni ta’ liċenzja jew permess.
Artikolu 15
Miżuri għall-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw kontra r-ritaljazzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw il-protezzjoni mir-ritaljazzjoni ta’ persuni li jirrapportaw li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13. Tali miżuri għandhom jinkludu, b’mod partikolari, dawk stipulati fil-paragrafi 2 sa 8.
2. Informazzjoni u pariri komprensivi u indipendenti dwar proċeduri u rimedji disponibbli dwar il-protezzjoni kontra r-ritaljazzjoni għandhom ikunu faċilment aċċessibbli għall-pubbliku u mingħajr ħlas.
3.Persuni li jirrapportaw għandu jkollhom aċċess għal assistenza effettiva mill-awtoritajiet kompetenti quddiem kwalunkwe awtorità rilevanti involuta fil-protezzjoni tagħhom kontra r-ritaljazzjoni, inkluża ċ-ċertifikazzjoni tal-fatt li jikkwalifikaw għal protezzjoni taħt din id-Direttiva, fejn ipprovdut mil-liġi nazzjonali.
4.Persuni li jirrapportaw esternament lil awtoritajiet kompetenti jew li jagħmlu żvelar pubbliku skont din id-Direttiva ma għandhomx jitqiesu li kisru xi restrizzjoni fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni imposta b’kuntratt jew b’xi dispożizzjoni leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva, u ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda tip ta’ responsabbiltà relatata ma’ tali żvelar.
5.Fi proċedimenti ġudizzjarji marbutin ma’ detriment sofrut mill-persuna li tirrapporta, u diment li tipprovdi raġunijiet raġonevoli biex temmen li d-detriment kien b’ritaljazzjoni talli għamlet ir-rapport jew l-iżvelar, għandha tkun ir-responsabbiltà tal-persuna li ħadet il-miżura ta’ ritaljazzjoni sabiex tipprova li d-detriment ma kienx konsegwenza tar-rapport iżda esklussivament ibbażat fuq raġunijiet ġustifikati.
6.Il-persuni li jirrapportaw għandu jkollhom aċċess għal miżuri ta’ rimedju kontra r-ritaljazzjoni kif xieraq, inklużi miżuri interim sas-soluzzjoni tal-proċedimenti legali, skont il-qafas nazzjonali.
7. Flimkien mal-eżenzjoni minn miżuri, proċeduri u rimedji previsti fid-Direttiva (UE) 2016/943, fi proċedimenti ġudizzjarji, inkluż għal defamazzjoni, ksur ta’ drittijiet tal-awtur, ksur ta’ segretezza jew għal talbiet għal kumpens ibbażati fuq il-liġi tal-impjieg privata, pubblika jew kollettiva, persuni li jirrapportaw għandu jkollhom id-dritt li jistrieħu fuq li jkunu għamlu rapport jew żvelar skont din id-Direttiva sabiex ifittxu t-tkeċċija.
8.
Flimkien mal-għoti ta’ għajnuna legali għal persuni li jirrapportaw fi proċedimenti kriminali u ċivili transfruntiera skont id-Direttiva (UE) 2016/1919 u d-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u skont il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu aktar miżuri għal assistenza legali u finanzjarja u appoġġ għal persuni li jirrapportaw fil-qafas tal-proċedimenti legali.
Artikolu 16
Miżuri għall-protezzjoni tal-persuni kkonċernati
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni kkonċernati jgawdu bis-sħiħ id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust kif ukoll il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet għal difiża, inkluż id-dritt għal smigħ u d-dritt għall-aċċess tal-fajl tagħhom, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
2.Fejn l-identità tal-persuni kkonċernati mhijiex magħrufa mill-pubbliku, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-identità tagħhom tibqa' protetta sakemm tibqa' għaddejja l-investigazzjoni.
3.Il-proċeduri stipulati fl-Artikoli 9 u 11 għandhom japplikaw ukoll għall-protezzjoni tal-identità tal-persuni kkonċernati.
Artikolu 17
Pieni
1.L-Istati Membri għandhom jipprovdu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi applikabbli għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li:
a)itellfu jew jippruvaw itellfu r-rapportar;
b)jieħdu miżuri ta’ ritaljazzjoni kontra persuni li jirrapportaw;
c)iressqu proċeduri vessatorji kontra persuni li jirrapportaw;
d)jiksru d-dmir li jippreservaw il-kunfidenzjalità tal-identità tal-persuni li jirrapportaw.
2.L-Istati Membri għandhom jipprovdu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi applikabbli għal persuni li jagħmlu rapporti jew żvelar malizzjużi jew abbużivi, inklużi miżuri għall-kumpens ta’ persuni li jkunu sofrew ħsara minn rapporti jew żvelar malizzjużi jew abbużivi.
Artikolu 18
Proċessar ta’ data personali
Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali li jsir skont din id-Direttiva, inkluż l-iskambju jew it-trażmissjoni ta’ data personali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti, għandu jsir skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva (UE) 2016/680. Jenħtieġ li kull skambju jew trażmissjoni ta’ informazzjoni minn awtoritajiet kompetenti fil-livell ta’ Unjoni jsir skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001. Data personali li mhijiex rilevanti għall-immaniġġjar ta’ każ speċifiku għandha titħassar immedjatament.
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 19
Trattament iżjed favorevoli
L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli għad-drittijiet tal-persuni li jirrapportaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 u l-Artikolu 17(2).
Artikolu 20
Traspożizzjoni
1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Mejju 2021. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.
2.Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir dik ir-referenza.
Artikolu 21
Rapportar, evalwazzjoni u reviżjoni
1.L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni għandha, sal-15 ta’ Mejju 2023, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
2.Mingħajr preġudizzju għal obbligi ta’ rapportar stipulati f’atti legali tal-Unjoni oħrajn, kull sena l-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-istatistiki li ġejjin dwar ir-rapporti msemmija fil-Kapitolu III lill-Kummissjoni, jekk dawn ikunu disponibbli fil-livell ċentrali fl-Istat Membru kkonċernat:
a)in-numru ta’ rapporti li rċevew l-awtoritajiet kompetenti;
b)in-numru ta’ investigazzjonijiet u proċedimenti mibdija b’riżultat ta’ tali rapporti u r-riżultat finali tagħhom;
c) il-ħsara finanzjarja stmata, jekk aċċertata, u l-ammonti rkuprati wara investigazzjonijiet u kawżi relatati mal-ksur irrapportat.
3.Il-Kummissjoni għandha, sal-15 ta’ Mejju 2027, bil-kunsiderazzjoni tar-rapport tagħha ppreżentat skont il-paragrafu 1 u l-istatistiki tal-Istati Membri ppreżentati skont il-paragrafu 2, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-impatt tal-liġi nazzjonali li tittrasponi lil din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jevalwa l-mod li bih operat din id-Direttiva u jikkunsidra l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali, inkluż, fejn xieraq, emendi bil-ħsieb li jestendu l-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għal aktar oqsma jew atti tal-Unjoni.
Artikolu 22
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 23
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President