Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0213

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI

    COM/2018/213 final - 2018/0105 (COD)

    Strasburgu,17.4.2018

    COM(2018) 213 final

    2018/0105(COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI

    {SWD(2018) 114 final}
    {SWD(2018) 115 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Il-gruppi kriminali, inklużi t-terroristi, joperaw fi Stati Membri differenti u l-assi tagħhom, inklużi l-kontijiet tal-bank, normalment ikunu jinsabu madwar l-UE jew saħansitra barra minnha. Huma jużaw teknoloġija moderna li tippermettilhom jittrasferixxu l-flus bejn diversi kontijiet tal-bank u bejn muniti differenti fi ftit sigħat.

    Informazzjoni f’waqtha hija essenzjali għall-investigazzjonijiet kriminali dwar reati serji. Nuqqas ta’ informazzjoni finanzjarja jista’ jirriżulta f’opportunitajiet mitlufa biex jiġu investigati reati serji, jiġu mfixkla attivitajiet kriminali, jitwaqqfu l-komplotti terroristiċi u jiġi identifikat u ffriżat ir-rikavat tal-kriminalità. Nuqqas ta’ informazzjoni fuq il-kontijiet kollha ta’ persuna suspettata jista’ jwassal għal iffriżar parzjali tal-assi biss, li jista’ jiġbed l-attenzjoni tal-persuna suspettata, li mbagħad tkun tista’ tneħħi l-fondi mhux identifikati mill-kontijiet l-oħra. Ħafna investigazzjonijiet ma jagħmlux progress minħabba n-nuqqas ta’ aċċess f’waqtu, preċiż u komprensiv għad-data finanzjarja rilevanti 1 .

    Il-mekkaniżmi attwali għall-aċċess u l-iskambju ta’ informazzjoni finanzjarja huma bil-mod meta mqabbla mal-pass mgħaġġel li bih il-fondi jistgħu jiġu ttrasferiti madwar l-Ewropa u globalment. Huwa meħtieġ wisq żmien biex tinkiseb informazzjoni finanzjarja, u b’hekk titnaqqas l-effettività tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet. Hemm il-ħtieġa li jinstabu modi aktar mgħaġġla u aktar effettivi biex tiġi aċċessata u skambjata l-informazzjoni fuq il-kontijiet tal-bank, l-informazzjoni finanzjarja u l-analiżi finanzjarja. Għadd dejjem jikber ta’ investigazzjonijiet kriminali li jirnexxu se jirriżulta f’għadd dejjem jikber ta’ kundanni u konfiski tal-assi. Dan se jikkontribwixxi għat-tfixkil tal-attivitajiet kriminali u għaż-żieda tas-sigurtà fl-Istati Membri u madwar l-Unjoni.

    Fit-2 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu 2 li ppreżenta kif il-Kummissjoni se tfittex li taġġorna r-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (4AMLD) 3 . Barra minn hekk, il-pjan talab ukoll l-immappjar ta’ ostakli għall-aċċess għal, l-iskambju u l-użu tal-informazzjoni u għall-kooperazzjoni operazzjonali bejn il-UIF li għandha tiġi segwita bi proposti leġiżlattivi jekk ikun xieraq.

    F’Diċembru 2017, il-koleġiżlaturi tal-Unjoni qablu dwar għadd ta’ bidliet sinifikanti għall-4AMLD (Il-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (5AMLD)). Dawn jinkludu l-istabbiliment obbligatorju ta’ reġistri ċentrali nazzjonali tal-kontijiet tal-bank jew ta’ sistemi għall-irkupru tad-data fl-Istati Membri kollha, li l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) u l-awtoritajiet ta’ kontra l-ħasil tal-flus ikollhom aċċess għalihom.

    Madankollu, minħabba l-bażi ġuridika tagħhom fl-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Direttivi kontra l-Ħasil tal-Flus ma jistabbilixxux il-kundizzjonijiet preċiżi skont liema l-awtoritajiet u l-korpi tal-Istati Membri li huma kompetenti għall-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, (minn hawn il-quddiem l-awtoritajiet kompetenti) jistgħu jużaw informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali. Minflok, fil-biċċa l-kbira huma jittrattaw l-isforzi preventivi li jindirizzaw il-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu, u d-direzzjoni tal-obbligi li jistabbilixxu, huma marbuta direttament mal-“entitajiet obbligati”, jiġifieri l-operaturi ekonomiċi, l-impriżi u l-professjonisti.

    Attwalment, ħafna awtoritajiet kompetenti ma għandhomx aċċess dirett għall-informazzjoni dwar l-identità tad-detenturi tal-kontijiet tal-bank, miżmuma fir-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank jew fis-sistemi għall-irkupru tad-data. Tali reġistri u sistemi bħalissa huma operattivi fi 15-il Stat Membru, filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti (u mhux l-awtoritajiet kompetenti kollha) għandhom aċċess dirett f’6 Stati Membri biss. Għalhekk, normalment huma jitolbu l-informazzjoni permezz ta’ talbiet ġenerali li jintbagħtu lill-istituzzjonijiet finanzjarji kollha fl-Istat Membru tagħhom jew, jekk dawn ikunu ngħataw aċċess indirett, permezz ta’ talba lil intermedjarju.

    Talba ġenerali timplika li l-awtorità kompetenti jkollha tistenna għal tweġiba minn kull istituzzjoni finanzjarja. Dan iġib ir-riskju reali ta’ dewmien sinifikanti li jista’ jippreġudika l-investigazzjonijiet kriminali. Dan għandu wkoll implikazzjonijiet għall-kooperazzjoni transkonfinali. Iż-żmien meħtieġ biex tinkiseb informazzjoni finanzjarja mill-banek fi Stati Membri differenti spiss ivarja u jista’ jdewwem aktar il-kooperazzjoni. L-Artikolu 32a(4) tal-5AMLD jeżiġi li sa Ġunju 2020, il-Kummissjoni tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-interkonnessjoni futura possibbli tar-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-valutazzjoni u s-sejbiet tagħha sa nofs l-2019.

    Għalhekk, din il-proposta tipprevedi aċċess dirett għar-reġistri ċentrali nazzjonali tal-kontijiet tal-bank jew reġistri għall-irkupru tad-data lill-awtoritajiet kompetenti. L-awtoritajiet kompetenti li jingħataw aċċess jinkludu wkoll l-awtoritajiet tat-taxxa u l-awtoritajiet kontra l-korruzzjoni fil-kapaċità tagħhom li jwettqu investigazzjonijiet kriminali skont il-liġi nazzjonali. Dawn jinkludu wkoll l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi li huma responsabbli għall-intraċċar u l-identifikazzjoni tal-assi kriminali fid-dawl tal-iffriżar u l-konfiska possibbli tagħhom. Sabiex jiġi żgurat li “l-kriminalità ma tirrendix” u li l-kriminali jiġu mċaħħda mill-profitti tagħhom, 4 huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi jingħataw għodod adegwati biex jaċċessaw informazzjoni li hija meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Il-Europol se tingħata wkoll aċċess indirett permezz tal-Unitajiet Nazzjonali tal-Istati Membri. Il-Europol ma twettaqx investigazzjonijiet kriminali, iżda tappoġġja azzjonijiet mill-Istati Membri. Il-fatt li l-Europol ma jkollha l-ebda aċċess għal informazzjoni finanzjarja, inkluża dik li tinsab fir-reġistri ċentrali nazzjonali tal-kontijiet tal-bank u fis-sistemi għall-irkupru tad-data, iżommuha milli tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tal-kapaċitajiet analitiċi tagħha. Dawn il-limitazzjonijiet ġew enfasizzati u spjegati fir-Rapport tal-Europol “From suspicion to action” (Minn suspett għal azzjoni) ippubblikat fl-2017.

    Fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn il-UIF u bejn il-UIF u l-awtoritajiet kompetenti, minkejja l-fatt li din hija diġà rregolata skont ir-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (4AMLD), kemm il-UIF kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti jibqgħu jiffaċċjaw ostakli fl-interazzjonijiet tagħhom. F’Diċembru 2016, it-28 UIF 5 fi ħdan l-UE ppreżentaw rapport ta’ mmappjar konġunt biex jidentifikaw liema huma dawn l-ostakli u jipproponu soluzzjonijiet. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar it-titjib tal-kooperazzjoni bejn il-UIF, ippubblikat f’Ġunju 2017 6 , jevalwa r-riżultati tar-rapport ta’ mmappjar u jidentifika kwistjonijiet li jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ gwida u kooperazzjoni msaħħa bħala parti mill-ħidma mwettqa mill-Pjattaforma tal-UIF tal-UE kif ukoll kwistjonijiet oħra li jeżiġu soluzzjonijiet regolatorji.

    Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew, filwaqt li wera dispjaċir rigward “in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni akbar fl-approċċ tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra r-reati finanzjarji”, talab lill-Unjoni tindirizza l-ħtieġa ta’ skambju aktar effettiv ta’ informazzjoni u koordinazzjoni eqreb bejn l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati sabiex jinkisbu riżultati aħjar, inkluż bil-promulgazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni meħtieġa.

    Għalhekk, din il-proposta tipprevedi miżuri li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra sabiex ir-reati serji jiġu evitati u miġġielda b’mod aktar effettiv, inkluż b’mod transkonfinali. B’mod aktar speċifiku, din iżżid l-aċċess f’waqtu tal-awtoritajiet kompetenti għall-informazzjoni li tinsab fir-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank jew fis-sistemi għall-irkupru tad-data kif stabbilit mill-4AMLD. Din iżżomm ukoll livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali, u tnaqqas il-piż amministrattiv, relatat mal-proċedura tat-talbiet ġenerali, kemm għall-awtoritajiet kompetenti kif ukoll għas-settur bankarju. L-aċċess dirett huwa l-aktar tip ta’ aċċess immedjat għall-informazzjoni finanzjarja.

    Il-proposta tiffaċilita wkoll il-kooperazzjoni bejn il-UIF u bejn il-UIF u l-awtoritajiet kompetenti. Hija tiddefinixxi liema tip ta’ informazzjoni (informazzjoni finanzjarja, analiżi finanzjarja, informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi) tista’ tintalab mill-awtoritajiet kompetenti u mill-UIF rispettivament, kif ukoll il-lista eżawrjenti ta’ reati kriminali li għalihom kull awtorità tista’ tiskambja informazzjoni dejjem fuq bażi ta’ każ b’każ, jiġifieri għal każ speċifiku li jkun qed jiġi investigat. Hija tipprevedi skadenzi sa meta l-UIFs jridu jiskambjaw l-informazzjoni u teżiġi l-użu ta’ mezz sikur ta’ komunikazzjoni sabiex ittejjeb u tħaffef l-iskambji. Finalment, hija teżiġi li l-Istati Membri jiddeżinjaw l-awtoritajiet kompetenti kollha li huma intitolati biex jitolbu informazzjoni. Hija tiżgura skambju ta’ informazzjoni usa’ u aktar effettiv iżda fl-istess ħin proporzjonat.

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja jingħataw riżorsi adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom, kif meħtieġ mill-4AMLD. Barra minn hekk, kif meħtieġ mill-Artikolu 65(2) tal-5AMLD, sa Ġunju 2019, il-Kummissjoni se tivvaluta l-qafas għall-kooperazzjoni tal-UIF ma’ pajjiżi terzi kif ukoll l-ostakli u l-opportunitajiet sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-UIF fl-Unjoni, inkluża l-possibbiltà li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta' politika

    Il-proposta attwali għal Direttiva hija parti mill-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà adottata f’April 2015 7 li talbet miżuri addizzjonali sabiex tiġi mfixkla l-kriminalità serja u organizzata u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ segwitu tagħha għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

    Kif intqal hawn fuq, il-4AMLD u l-5AMLD huma bbażati fuq bażi ġuridika tas-suq intern u jittrattaw l-isforzi preventivi li jindirizzaw il-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu. Din il-proposta tikkomplementa u tibni fuq in-naħa preventiva tad-Direttivi dwar il-Ħasil tal-Flus u ssaħħaħ il-qafas legali mil-lat tal-kooperazzjoni tal-pulizija.

    Barra minn hekk, din il-proposta għal Direttiva ssaħħaħ u tibni l-qafas tal-liġi kriminali tal-Unjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra r-reati serji, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/794 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) 8 .

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Id-Direttiva proposta hija konformi mal-għanijiet ta’ politika segwiti mill-Unjoni, u b’mod partikolari r-reġim ta’ protezzjoni tad-data riformata, li jirriżulta mid-Direttiva (UE) 2016/680, u hija konformi mal-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    Din l-inizjattiva leġiżlattiva hija konsistenti wkoll mal-għanijiet tal-iżvilupp tas-suq intern tal-Unjoni, b’mod partikolari s-suq uniku għall-pagamenti li jistabbilixxi servizzi ta’ pagament aktar sikuri u aktar innovattivi madwar l-UE, jiġifieri r-regoli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/2366 9 .

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Is-setgħa li taġixxi hija kkonferita mill-Artikolu 87(2) tat-TFUE li jippermetti lill-Unjoni Ewropea tistabbilixxi miżuri dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija li jinvolvu lill-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri (inklużi l-pulizija, id-dwana u servizzi speċjalizzati oħra tal-infurzar tal-liġi), b’mod partikolari fir-rigward tal-ġbir, il-ħżin u l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali (ittra a) u tekniki ta’ investigazzjoni komuni b’rabta mal-identifikazzjoni ta’ forom serji ta’ kriminalità organizzata.
    (ittra b).

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Skont l-Artikolu 67 tat-TFUE, huwa l-objettiv tal-Unjoni li tipprovdi liċ-ċittadini livell għoli ta’ sigurtà billi tiġi evitata u miġġielda l-kriminalità. Azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam għandha tittieħed biss jekk u sakemm dan l-objettiv ma jkunx jista’ jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ jintlaħaq aħjar mill-Unjoni.

    B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għaldaqstant jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi. F’konformità mar-regoli eżistenti, skont din il-proposta l-Istati Membri għandhom id-dritt li jadottaw jew iżommu miżuri li huma aktar stretti minn dawk stabbiliti fir-dritt tal-Unjoni.

    L-awturi tar-reati kriminali spiss huma attivi madwar diversi Stati Membri. B’mod partikolari, il-gruppi tal-kriminalità organizzata spiss huma stabbiliti internazzjonalment u joperaw b’assi finanzjarji b’mod transkonfinali. Minħabba n-natura transnazzjonali tiegħu, it-theddid terroristiku u kriminali jaffetwa lill-UE kollha kemm hi, u għalhekk, jeżiġi rispons Ewropew. Il-kriminali jistgħu jisfruttaw, u se jibbenefikaw min-nuqqas, jew min-nuqqas ta’ użu effiċjenti ta’ informazzjoni finanzjarja mill-awtoritajiet kompetenti.

    Azzjoni tal-Unjoni għandha l-għan li tiġġenera valur miżjud billi tipprovdi approċċ armonizzat li jsaħħaħ il-kooperazzjoni domestika u transkonfinali fl-investigazzjonijiet finanzjarji dwar ir-reati serji u t-terroriżmu. Barra minn hekk, azzjoni fil-livell tal-Unjoni se tgħin sabiex tiżgura dispożizzjonijiet armonizzati, inkluż dwar il-protezzjoni tad-data, filwaqt li jekk l-Istati Membri jitħallew jilleġiżlaw b’mod indipendenti, ikun diffiċli biex jintlaħaq livell armonizzat ta’ salvagwardji.

    Proporzjonalità

    F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tat-TUE, din il-proposta hija limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat sabiex jiġi ffaċilitat l-użu u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni finanzjarja rilevanti u informazzjoni oħra mill-awtoritajiet pubbliċi li għandhom l-obbligu li jipproteġu liċ-ċittadini tal-Unjoni.

    L-inizjattiva proposta għandha l-għan li tagħti lil ċerti awtoritajiet kompetenti l-aċċess dirett għar-reġistri ċentrali nazzjonali tal-kontijiet tal-bank u għas-sistemi għall-ikrupru tad-data. Hija teżiġi li l-Istati Membri jinnominaw fost l-awtoritajiet tagħhom li huma kompetenti għall-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, awtoritajiet kompetenti li jkollhom is-setgħa li jaċċessaw u jfittxu f’dawn ir-reġistri. Dawn għandhom jinkludu l-Uffiċċji għall-Irkurpu tal-Assi u l-Unitajiet Nazzjonali tal-Europol. Barra minn hekk, il-Europol se tingħata aċċess indirett, fuq bażi ta’ każ b’każ biss, għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali nazzjonali tal-kontijiet tal-bank u fis-sistemi għall-irkupru tad-data, sabiex twettaq il-kompiti tagħha f’konformità mal-mandat.

    L-aċċess għar-reġistri ċentrali nazzjonali tal-kontijiet tal-bank u għas-sistemi għall-irkupru tad-data se jingħata biss għal sett limitat ta’ informazzjoni (pereżempju l-isem, id-data tat-twelid, in-numru tal-kont tal-bank tas-sid) li huwa strettament meħtieġ biex jiġi identifikat f’liema banek is-suġġett ta’ investigazzjoni għandu kontijiet tal-bank. L-awtoritajiet mhux se jkunu jistgħu jaċċessaw il-kontenut tal-kontijiet tal-bank, la l-bilanċ tal-kontijiet u lanqas id-dettalji dwar it-tranżazzjonijiet. Ladarba l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw f’liema istituzzjoni finanzjarja s-suġġett ta’ investigazzjoni għandu kont tal-bank, f’ħafna każijiet huma se jkollhom javviċinaw lill-istituzzjoni rispettiva u jitolbu aktar informazzjoni, pereżempju lista ta’ tranżazzjonijiet (normalment fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja).

    Il-miżuri proposti mhux se jġibu bidliet għall-funzjonijiet ewlenin jew l-istatus organizzazzjonali tal-UIF, li se jkomplu jwettqu l-istess funzjonijiet kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni diġà fis-seħħ.

    Il-proposta tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-UIF kif ukoll il-kooperazzoni bejn il-UIF u l-awtoritajiet kompetenti. Dan il-qafas għal skambju ta’ informazzjoni jingħata taħt kundizzjonijiet speċifiċi u huwa limitat għal reati speċifiċi (ħasil tal-flus u reati predikati, finanzjament tat-terroriżmu) kif ukoll għal reati serji. Huwa jinkludi għadd ta’ salvagwardji għall-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali, dejjem bil-għan li jitjiebu l-kooperazzjoni domestika u transkonfinali u l-iskambju ta’ informazzjoni u li l-kriminali jitwaqqfu milli jisfruttaw id-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali għall-vantaġġ tagħhom. Il-każijiet u l-kundizzjonijiet fejn l-iskambju ta’ data finanzjarja huwa permess huma limitati wkoll għal lista eżawrjenti ta’ awtoritajiet kompetenti. Dawn l-awtoritajiet kompetenti se jitħallew jaċċessaw u jiskambjaw biss data finanzjarja fir-rigward ta’ lista stabbilita ta’ reati kriminali u soġġett għal salvagwardji proċedurali nazzjonali u slavagwardji tal-privatezza.

    Għażla tal-istrument

    Din il-proposta tieħu l-forma ta’ Direttiva, sabiex tistabbilixxi biss għan li l-Istati Membri għandhom jilħqu, filwaqt li tippermettilhom ifasslu l-liġijiet tagħhom stess dwar kif għandhom jintlaħqu dawn l-għanijiet. Mezzi oħrajn mhux se jkunu adegwati peress li l-għan tal-miżura huwa l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri li fuqha l-awtoritajiet għandhom jingħataw aċċess għar-reġistri ċentrali nazzjonali tal-kontijiet tal-bank u għas-sistemi għall-irkupru tad-data. Għaldaqstant, l-ebda strument għajr Direttiva mhu se jkun xieraq.

    3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati

    Fir-rigward tal-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għar-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank:

    L-awtoritajiet li ġejjin ġew ikkonsultati mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-proposta: l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi, l-awtoritajiet nazzjonali li jinvestigaw il-każijiet ta’ korruzzjoni u ta’ kriminalità finanzjarja, l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja, l-OLAF u l-Europol, l-Awtoritajiet nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), il-banek, l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-assoċjazzjonijiet bankarji fil-livell nazzjonali jew tal-UE, l-awtoritajiet responsabbli għall-immaniġġjar tar-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank u għas-sistemi għall-ikupru tad-data eżistenti (jew fdati bl-iżvilupp tagħhom fejn l-ebda wieħed minnhom għadu ma ġie stabbilit), u l-pubbliku ġenerali.

    Il-metodi u l-għodod użati jinkludu:

    ·il-konsultazzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu (imnedija fid-9 ta’ Awwissu 2017 sas-6 ta’ Settembru 2017, fejn kwalunkwe parti interessata tista’ tipprovdi feedback);

    ·konsultazzjoni pubblika (miftuħa għal feedback minn kwalunkwe parti interessata għal 12-il ġimgħa mis-17 ta’ Ottubru 2017 sad-9 ta’ Jannar 2018);

    ·stħarriġ immirat indirizzat għall-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi u l-Awtoritajiet ta’ Kontra l-Korruzzjoni tal-Istati Membri f’Ġunju 2016;

    ·laqgħa tal-esperti dwar it-twessigħ tal-aċċess tal-infurzar tal-liġi għar-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank, li saret bejn il-25 u s-26 ta’ Ottubru 2017;

    ·bħala segwitu tal-laqgħa tal-esperti dwar it-twessigħ tal-aċċess tal-infurzar tal-liġi għar-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank, il-Kummissjoni bagħtet mistoqsijiet addizzjonali lil diversi delegazzjonijiet;

    ·konsultazzjoni mal-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi waqt il-laqgħa tal-Pjattaforma tal-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-UE fit-12-13 ta’ Diċembru 2017;

    ·laqgħa ta’ livell għoli li tivvaluta l-ħtieġa ta’ miżuri addizzjonali biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal informazzjoni finanzjarja – 20 ta’ Novembru 2017;

    ·laqgħa biex tiġi diskussa l-kooperazzjoni bejn il-UIF u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, fis-6-7 ta’ Marzu 2018.

    Fir-rigward tal-aċċess għar-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi appoġġjaw l-inizjattiva bis-sħiħ u kkonfermaw li:

    ·aċċess rapidu għal informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank huwa kruċjali għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħhom;

    ·il-prattika attwali ta’ ħruġ ta’ “talbiet ġenerali” ma huma xejn sodisfaċenti mil-lat ta’ “effiċjenza”. dan jirriżulta f’piż amministrattiv konsiderevoli kemm għall-banek kif ukoll għalihom infushom u jnaqqas ir-ritmu tal-investigazzjonijiet;

    ·fir-rigward tal-aċċess tal-infurzar tal-liġi jintużaw approċċi differenti fl-Istati Membri. Għadd ta’ awtoritajiet tal-pulizija, Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi u aġenziji ta’ kontra l-korruzzjoni għandhom aċċess f’xi Stati Membri, filwaqt li f’oħrajn ma għandhomx.

    L-assoċjazzjonijiet bankarji sostnew l-impenn sħiħ tagħhom għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u argumentaw li:

    ·id-deċiżjoni ta’ jekk sistema għandhiex tkun ċentralizzata jew deċentralizzata għandha tittieħed fil-livell nazzjonali;

    ·l-inizjattiva għandha tiżgura kif xieraq li ma tipperikolax id-drittijiet fundamentali tal-individwi għall-privatezza tad-data.

    Il-KEPD u l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data enfasizzaw li:

    ·il-prattika li jintbagħtu talbiet ġenerali mhijiex sodisfaċenti mil-lat tal-protezzjoni tad-data;

    ·hemm il-ħtieġa ta’ ġustifikazzjoni b’saħħitha biex jitwessa’ l-aċċess u għandhom jingħataw is-salvagwardji meħtieġa.

    ·kwalunkwe proposta leġiżlattiva jeħtieġ li tkun kompletament konformi mal-qafas Ewropew dwar il-protezzjoni tad-data.

    Dan l-input tqies kif xieraq fit-tħejjija tal-proposta.

    Fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-UIF u l-awtoritajiet kompetenti:

    Konsultazzjoni tal-UIF u l-awtoritajiet kompetenti

    F’Marzu 2018, il-Kummissjoni organizzat laqgħa biex tiddiskuti l-kooperazzjoni bejn il-UIF u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. L-Istati Membri ġew ikkonsultati u taw input dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

    (i) dwar l-aċċess tal-UIF għall-informazzjoni tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi lokalment fejn jidher li l-UIF kollha għandhom aċċess, kemm dirett kif ukoll indirett (permezz ta’ uffiċjali ta’ kollegament tal-pulizija preżenti fl-UIF). Id-differenza ewlenija fl-Istati Membri hija t-tip ta’ informazzjoni li l-UIF għandhom aċċess għaliha. Il-UIF irrikonoxxew li l-armonizzazzjoni tat-tipi ta’ informazzjoni li għandhom aċċess għaliha hija importanti;

    (ii) l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għal informazzjoni finanzjarja permezz tal-UIF, fejn jidher li l-ebda UIF ma tagħti aċċess dirett lill-awtoritajiet kompetenti għall-bażijiet tad-data tagħha. Madankollu, il-UIF tal-pulizija huma kapaċi jirrispondu faċilment għat-talbiet għal informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti. Għall-UIF amministrattivi dan mhux daqshekk faċli;

    (iii) Kooperazzjoni djagonali, jiġifieri kooperazzjoni bejn UIF f’wieħed mill-Istati Membri mal-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru ieħor, li tista’ tkun diretta jew indiretta (jiġifieri permezz tal-UIF fl-Istat Membru tal-awtoritajiet kompetenti rikjedenti), fejn l-Istati Membri kollha ma qablux mal-idea ta’ kooperazzjoni djagonali diretta u kienu lkoll favur kooperazzjoni djagonali indiretta;

    (iv) Kooperazzjoni mal-Europol fejn 8 UIF diġà skambjaw informazzjoni mal-Europol. B’mod ġenerali, il-UIF esprimew interess fl-iskambju ta’ informazzjoni mal-Europol, bil-kundizzjoni li l-iskambji jkunu reċiproċi.

    Ġbir u użu tal-kompetenzi

    Eżerċizzju ta’ mmappjar li sar fi ħdan il-Pjattaforma tal-UIF tal-Unjoni sabiex jiġu identifikati l-ostakli prattiċi għall-aċċess għal, l-iskambju u l-użu ta’ informazzjoni kif ukoll il-kooperazzjoni operazzjonali bl-għan li jipprovdu riżultati qabel tmiem l-2016.

    Il-konsultazzjoni bdiet bi StħarriġUE onlajn li tnieda fl-14 ta’ April 2016 sabiex tinġabar informazzjoni mill-UIF. Dan l-istħarriġ ġie maqsum f’disa’ oqsma tematiċi, li jvarjaw minn karatteristiċi domestiċi tal-UIF għall-kapaċità ta’ involviment fil-kooperazzjoni bejn UIF u oħra fid-diversi forom tagħha u kien jinkludi 290 mistoqsija.

    Ir-rapport finali adottat f’Diċembru 2016 se jiġi ppubblikat fuq is-sit web għar-“Reġistru tal-Kummissjoni fuq il-gruppi ta’ esperti u entitajiet simili oħra” bħala anness għall-minuti tal-laqgħat tal-31 laqgħa tal-Pjattaforma tal-UIF tal-UE fuq http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/ .

    Il-Kummissjoni bbażat ukoll fuq Rapport mill-Grupp tal-Intelligence Finanzjarja tal-Europol, “From suspicion to action: converting financial intelligence into greater operational impact” (Minn suspett għal azzjoni: il-bidla tal-intelligence finanzjarja f’impatt operazzjonali akbar), maħruġ fl-2017.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Din il-proposta hija appoġġjata minn valutazzjoni tal-impatt li vvalutat il-modi li bihom jitwessa’ l-aċċess għall-informazzjoni finanzjarja għall-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-investigazzjoni ta’ reati, u tindirizza żewġ kwistjonijiet: il-kwistjoni tal-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għar-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank jew għas-sistemi għall-irkupru, u l-kwistjoni tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u l-awtoritajiet kompetenti.

    Ir-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt ġie sottomess lill-Bord ta’ Skrutinju Regolatorju fil-31 ta’ Jannar 2018. Il-Bord ta’ Skrutinju Regolatorju ħareġ opinjoni pożittiva b’riżervi fis-26 ta’ Marzu 2018.

    Il-Valutazzjoni tal-Impatt eżaminat l-għażliet li ġejjin:

    (1)Għażla Bażika.

    (2)Għażla Mhux Leġiżlattiva – Għażla 0.

    (3)Għażliet Leġiżlattivi:

    ·Għażla A kienet relatata mat-tipi ta’ reati għall-prevenzjoni u l-ġlieda li tagħhom l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jaċċessaw u jiskambjaw l-informazzjoni.

    Għażla A.1 kienet limitata għall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu.

    Għażla A.2 kienet limitata għall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-Ewroreati.

    Għażla A.3 kienet limitata għall-prevenzjoni u l-ġlieda ta’ reati serji skont ir-Regolament tal-Europol.

    ·Għażla B eżaminat il-modalitajiet ta’ aċċess għad-data.

    Għażla B.1 kienet relatata mal-modalitajiet ta’ aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għar-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank mal-Għażla B.1.a li tipprevedi aċċess dirett u Għażla B.1.b li tipprevedi aċċess indirett.

    Għażla B.2 kienet relatata mal-modalitajiet ta’ aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għall-informazzjoni finanzjarja kollha bl-Għażla B.2.a tipprevedi aċċess dirett għall-informazzjoni minn istituzzjonijiet finanzjarji u l-Għażla B.2.b tipprevedi aċċess indirett permezz tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja.

    Għażla B.3 kienet relatata mal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja stess u ma’ talbiet għal informazzjoni mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja lill-awtoritajiet kompetenti, li tagħhom Għażla B.3.a eżaminat kooperazzjoni diretta filwaqt li Għażla B.3.b eżaminat l-għażla li titwaqqaf UIF ċentrali tal-UE.

    ·Għażla C eżaminat il-kategoriji tal-awtoritajiet li se jibbenefikaw mill-aċċess għal u l-iskambji ta’ informazzjoni. Għażla C.1 kienet tinkludi l-awtoritajiet kompetenti tad-Direttiva dwar il-Pulizija u l-Protezzjoni tad-Data, filwaqt li Għażla C.2 estendiet il-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn, jiġifieri l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi, il-Europol u l-OLAF.

    L-għażliet ġew ivvalutati skont l-impatti ekonomiċi, soċjali u tad-drittijiet fundamentali.

    Din il-proposta tikkorrispondi għall-għażliet tal-pulizija ppreferuti meqjusa fil-Valutazzjoni tal-Impatt.

    L-għażla ppreferuta, f’dak li għandu x’jaqsam mar-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank, hija l-adozzjoni ta’ strument leġiżlattiv tal-UE li jagħti aċċess dirett lill-awtoritajiet kompetenti. Dan l-aċċess għandu jingħata għall-finijiet ta’ investigazzjonijiet kriminali fuq il-forom serji kollha ta’ kriminalità msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Europol. L-aċċess tal-Europol għandu jkun aċċess indirett, iżda l-investigazzjonijiet appoġġjati mill-Europol se jibbenefikaw ukoll minn aċċess għal informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank.

    Aċċess dirett għar-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank u għas-sistemi għall-irkupru huwa permess taħt l-għażla ppreferuta peress li dawn fihom informazzjoni limitata. L-interferenza bid-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali se tinżamm għall-minimu skont l-għażla ppreferuta. Id-drittijiet ta’ aċċess huma limitati u huma mmirati biss għall-awtoritajiet meħtieġa f’kull każ, u b’hekk jiżguraw proporzjonalità fl-interferenza fil-protezzjoni ta’ data personali.

    L-għażla ppreferuta tinkludi wkoll dispożizzjonijiet sabiex tiffaċilita l-iskambji ta’ data bejn UIF, kif ukoll reċiprokament bejn UIF u awtoritajiet kompetenti. Il-possibbiltà li l-Europol titlob ukoll informazzjoni minn UIF se tiġi rregolata wkoll. Minħabba s-sensittività tal-informazzjoni, l-għażla ppreferuta tipprevedi salvagwardji stretti tal-protezzjoni tad-data.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    F’Ottubru tas-sena 2000, ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI dwar l-arranġamenti għal kooperazzjoni bejn UIF tal-Istati Membri fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni. Is-suġġett ta' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill huwa regolat minn atti oħra tal-Unjoni u għalhekk id-Deċiżjoni tal-Kunsill ma għandha l-ebda valur miżjud. Għaldaqstant, din il-proposta tirrevoka d-Deċiżjoni.

    Drittijiet fundamentali

    Din l-inizjattiva se tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti aċċess għall-mekkaniżmi li jiċċentralizzaw id-data personali relatata mal-persuni fiżiċi jew li minnhom tkun tista’ tiġi rkuprata d-data personali. Dan se jkollu impatt fuq id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data. B’mod partikolari, din se tinterferixxi mad-dritt għall-privatezza u d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali, rispettivament skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

    Fir-rigward tad-dritt għall-privatezza skont l-Artikolu 7 tal-Karta, għalkemm l-iskala tal-impatt hija sinifikanti minħabba l-għadd ta’ persuni li se jiġu affettwati, l-interferenza se tkun relattivament limitata f’termini tal-gravità peress li d-data aċċessibbli u ta’ tfittxija ma tkoprix it-tranżazzjonijiet finanzjarji jew il-bilanċ tal-kontijiet. Din se tkopri biss sett limitat ta’ informazzjoni (pereżempju l-isem, id-data tat-twelid, in-numru tal-kont tal-bank tas-sid) li huwa strettament meħtieġ biex jiġi identifikat f’liema banek is-suġġett ta’ investigazzjoni għandu kontijiet tal-bank.

    Fir-rigward tad-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali skont l-Artikolu 8 tal-Karta, l-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank kif ukoll tip ieħor ta’ informazzjoni finanzjarja tikkostitwixxi jew tista’ tikkostitwixxi data personali u aċċess għal din id-data skont din l-inizjattiva leġiżlattiva jikkostitwixxi l-ipproċessar ta’ data personali. Id-dispożizzjonijiet kollha fid-Direttiva dwar il-Pulizija u l-Protezzjoni tad-Data japplikaw.

    Il-proposta tispeċifika l-għanijiet għall-ipproċessar ta’ data personali u teżiġi lista ta’ awtoritajiet kompetenti nnominati intitolati biex jitolbu informazzjoni. L-iskambji ta’ informazzjoni se jkunu limitati fuq bażi ta’ każ b’każ, jiġifieri fejn ikun rilevanti għal każ speċifiku biss, għall-iskop ta’ ġlieda kontra lista eżawrjenti ta’ reati kriminali serji speċifikati.

    Il-proposta tistabbilixxi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-reġistrazzjoni, rekords ta’ talbiet għal informazzjoni, restrizzjonijiet għad-drittijiet u l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali tad-data personali (“data sensittiva”).

    Permezz tal-Unitajiet Nazzjonali Ewropej, il-Europol se tingħata wkoll aċċess indirett għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali nazzjonali tal-kontijiet tal-bank u fis-sistemi għall-irkupru tad-data u se jkollha l-possibbiltà li tiskambja data mal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja, bil-għan li twettaq il-kompiti tagħha (tappoġġja u ssaħħaħ l-azzjoni mill-Istati Membri għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati speċifiċi fi ħdan il-kompetenzi tagħha) skont il-mandat tagħha. Is-salvagwardji kollha previsti fil-Kapitoli VI u VII tar-Regolament (UE) 2016/794 japplikaw.

    Fir-rigward tad-drittijiet proċedurali, it-tneħħija tal-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja li teżisti f’xi Stati Membri se jkollha impatt serju ħafna. Għalhekk l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u l-awtoritajiet kompetenti se jkunu soġġetti għal salvagwardji proċedurali nazzjonali.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet fuq il-baġit tal-UE.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ valutazzjoni u ta’ rapportar

    Il-proposta tipprevedi r-rapportar lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, tliet snin wara d-data tat-traspożizzjoni, u kull tliet snin wara dan.

    Il-Kummissjoni se tevalwa wkoll l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE tal-qafas legali li jirriżulta, mhux qabel sitt snin wara d-data tat-traspożizzjoni sabiex tiżgura li jkun hemm biżżejjed data relatata mal-funzjonament tad-Direttiva. L-evalwazzjoni għandha tinkludi l-konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati biex tiġbor feedback dwar l-effetti tal-bidliet leġiżlattivi. Il-punt ta’ riferiment li miegħu se jitkejjel il-progress huwa s-sitwazzjoni bażika meta l-att leġiżlattiv jidħol fis-seħħ. Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar il-funzjonament tad-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll evalwazzjoni ta’ kif id-drittijiet u l-prinċipji fundamentali rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġew irrispettati.

    Sabiex tiżgura implimentazzjoni effettiva tal-miżuri previsti u timmonitorja r-riżultati tagħhom, il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti minn awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tadotta programm għall-monitoraġġ tal-eżiti, tar-riżultati u tal-impatti ta’ din id-Direttiva. Il-programm ta’ monitoraġġ għandu jistabbilixxi l-mezzi li permezz tagħhom, u l-intervalli li fihom, se tinġabar id-data u evidenza oħra meħtieġa. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni fuq bażi annwali, xi informazzjoni li titqies bħala essenzjali għall-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapportar annwali mill-Istati Membri għandu jkopri, b’mod partikolari, l-għadd ta’ tfittxijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti deżinjati mwettqa għall-finijiet tal-ksib ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank mir-reġistri ċentrali nazzjonali tal-kontijiet tal-bank u/jew mis-sistemi għall-irkupru tad-data, kif ukoll il-kundizzjonijiet biex tinħareġ talba, ir-raġunijiet għar-rifjut, il-kundizzjonijiet għal użu ulterjuri, il-limiti ta’ żmien biex tingħata risposta għal talba, l-applikazzjoni ta’ salvagwardji meta tiġi pproċessata d-data personali, u rendikont tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u l-awtoritajiet kompetenti.

    Għall-finijiet ta’ rapportar, il-Kummissjoni għandha tqis l-istatistika speċifika li l-Istati Membri se jkunu meħtieġa jissottomettu.

    Id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    Il-proposta ma għandhiex bżonn ta’ dokumenti ta’ spjegazzjoni għat-traspożizzjoni.

    Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    L-Artikolu 1 jistabbilixxi s-suġġett, filwaqt li jindika li l-att jiffaċilita l-aċċess mill-awtoritajiet kompetenti għal informazzjoni finanzjarja u informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali serji. Huwa jistabbilixxi wkoll li l-att jiffaċilità l-aċċess mill-Unitajiet ta' Intelligence Finanzjarja għall-informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi.

    L-Artikolu 2 jipprovdi definizzjonijiet ta’ termini użati fil-proposta.

    L-Artikolu 3 jipprevedi l-obbligu tal-Istati Membri li jispeċifikaw liema huma l-awtoritajiet kompetenti deżinjati tagħhom li għandhom is-setgħa li jaċċessaw u jfittxu fir-reġistri ċentrali nazzjonali tal-kontijiet tal-bank u biex jitolbu u jirċievu informazzjoni. L-Artikolu jipprevedi wkoll il-pubblikazzjoni ta’ tali awtoritajiet kompetenti fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 4 jipprevedi aċċess dirett għar-reġistri għall-awtoritajiet kompetenti deżinjati inklużi l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi u jistabbilixxi l-għanijiet li għalihom jingħata aċċess u tiftix dirett, jiġifieri għall-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/794, ir-Regolament tal-Europol, jew l-appoġġ ta’ investigazzjoni kriminali, inkluż l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar u l-konfiska tal-assi relatati ma’ tali investigazzjonijiet, dwar

    L-Artikolu 5 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess u t-tiftix mill-awtoritajiet kompetenti deżinjati nklużi l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi.

    L-Artikolu 6 jeżiġi li l-Istati Membri jimmonitorjaw l-aċċess mill-awtoritajiet kompetenti inklużi l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi. Kwalunkwe aċċess f’konformità ma’ din id-Direttiva għandu jiġi rreġistrat mill-awtoritajiet li joperaw ir-reġistri ċentrali nazzjonali tal-kontijiet tal-bank, u elementi partikolari tar-reġistri huma elenkati.

    L-Artikolu 7 jipprevedi l-obbligu li jiġi żgurat li kull Unità tal-Intelligence Finanzjarja tkun meħtieġa twieġeb għat-talbiet għal informazzjoni finanzjarja jew analiżi finanzjarja mill-awtoritajiet kompetenti nnominati ta’ Stat Membru. Is-salvagwardji proċedurali nazzjonali japplikaw għal din il-proċedura.

    L-Artikolu 8 jipprevedi l-obbligu li jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti nnominati ta’ Stat Membru jkunu meħtieġa jwieġbu għat-talbiet għal informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi maħruġa minn Unità tal-Intelligence Finanzjarja Is-salvagwardji proċedurali nazzjonali japplikaw għal din il-proċedura.

    L-Artikolu 9 jipprevedi l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja ta’ Stati Membri differenti, inklużi l-limiti ta’ żmien biex iwieġbu u jiżguraw mezzi biex jiskambjaw l-informazzjoni.

    L-Artikolu 10 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess mill-Europol għall-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank u għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Europol u l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja.

    L-Artikolu 11 jipprevedi l-obbligu li l-ipproċessar ta’ data personali jitwettaq biss mill-persuni fi ħdan il-Europol li ġew innominati u awtorizzati speċifikament biex iwettqu dawn il-kompiti.

    L-Artikolu 12 jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu V.

    L-Artikolu 13 jipprevedi l-kundizzjonijiet għall-ipproċessar ta’ data personali sensittiva.

    L-Artikolu 14 jipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jżommu rekords relatati mat-talbiet kollha taħt il-proposta.

    L-Artikolu 15 jistabbilixxi kundizzjonijiet biex id-drittijiet ta’ aċċess tas-suġġett tad-data jiġu limitati għal data personali f’ċerti każijiet.

    L-Artikolu 16 jistabbilixxi li l-Kummissjoni se tistabbilixxi programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-eżiti, tar-riżultati u tal-impatti ta’ din id-Direttiva. Huwa jeżiġi li l-Istati Membri jipprovdu din l-informazzjoni lill-Kummissjoni, bil-għan li jassistu lill-Kummissjoni fit-twettiq tad-dmirijiet skont l-Artikolu 18. Din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll l-obbligu fuq l-Istati Membri li jżommu statistika speċifika relatata ma’ din il-proposta u jikkomunikawha lill-Kummissjoni.

    L-Artikolu 17 jipprevedi r-relazzjoni ta’ din il-proposta ma’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali mill-Istati Membri jew mill-Unjoni.

    L-Artikolu 18 jipprevedi l-obbligu fuq il-Kummissjoni li tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tliet snin wara t-traspożizzjoni u kull 3 snin wara dan.

    L-Artikolu 19 jistabbilixxi l-perjodu għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva.

    L-Artikolu 20 jirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI li bħalissa hija żejda minħabba l-4 AMLD.

    2018/0105 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 87(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 10 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 11 ,

    Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

    Billi:

    (1)L-iffaċilitar tal-użu ta’ informazzjoni finanzjarja huwa meħtieġ għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati serji.

    (2)Sabiex tissaħħaħ is-sigurtà fl-Istati Membri u madwar l-Unjoni, huwa meħtieġ li jitjieb l-aċċess għal informazzjoni mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ forom serji ta’ kriminalità, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jwettqu investigazzjonijiet finanzjarji u titjieb il-kooperazzjoni bejniethom.

    (3)Fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu 12 , il-Kummissjoni impenjat ruħha li tesplora l-possibbiltà ta’ strument legali ddedikat sabiex twessa’ l-aċċess għar-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, jiġifieri l-awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi, l-awtoritajiet tat-taxxa u l-awtoritajiet kontra l-korruzzjoni. Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Azzjoni 2016 talab l-immappjar tal-ostakli għall-aċċess għal, skambju u użu ta’ informazzjoni u għall-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja.

    (4)Id-Direttiva (UE) 2015/849 13 teżiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank jew sistemi għall-irkupru tad-data li jippermettu l-identifikazzjoni f’waqtha tal-persuni li għandhom kontijiet tal-bank u ta’ pagament u kaxxi tad-depożitu tas-sejf.

    (5)Skont id-Direttiva (UE) 2015/849, l-informazzjoni miżmuma f’dawk ir-reġistri hija direttament aċċessibbli għall-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u hija aċċessibbli wkoll għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, tar-reati relattivi u tal-finanzjament tat-terroriżmu.

    (6)Aċċess immedjat u dirett għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank spiss huwa indispensabbli għas-suċċess ta’ investigazzjoni kriminali jew għall-identifikazzjoni, l-intraċċar u l-iffriżar f’waqtu tal-assi relatati fid-dawl tal-konfiska tagħhom. Aċċess dirett huwa l-aktar tip ta’ aċċess immedjat għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank. Għalhekk, din id-Direttiva għandha tistabbilixxi regoli li jagħtu aċċess dirett għall-informazzjoni miżuma fir-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank għall-awtoritajiet innominati tal-Istati Membri u korpi kompetenti oħra għall-prevenzjoni, l-identifkazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.

    (7)Peress li f’kull Stat Membru hemm diversi awtoritajiet jew korpi li huma kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, u sabiex jiġi żgurat aċċess proporzjonat għal informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra skont din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jinnominaw liema awtoritajiet għandhom jingħataw is-setgħa li jkollhom aċċess għar-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank u jitolbu informazzjoni mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

    (8)L-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi għandhom jiġu nnominati fost l-awtoritajiet kompetenti u jkollhom aċċess dirett għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank meta jipprevjenu, jidentifikaw jew jinvestigaw reat kriminali serju speċifiku jew jappoġġjaw investigazzjoni kriminali speċifika, inkluż l-identifikazzjoni, l-intraċċar u l-iffriżar tal-assi.

    (9)Sakemm l-awtoritajiet tat-taxxa u l-aġenziji kontra l-korruzzjoni jkunu kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali skont il-liġi nazzjonali, dawn għandhom jitqiesu wkoll bħala awtoritajiet li jistgħu jiġu nnominati għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. L-investigazzjonijiet amministrattivi ma għandhomx ikunu koperti taħt din id-Direttiva.

    (10)L-awturi tar-reati kriminali, b’mod partikolari l-gruppi kriminali u t-terroristi, spiss joperaw fi Stati Membri differenti u l-assi tagħhom, inklużi l-kontijiet tal-bank, spiss ikunu jinsabu fi Stati Membri oħra. Minħabba d-dimensjoni transkonfinali ta’ reati serji, inkluż it-terroriżmu, u tal-attivitajiet finanzjarji relatati, spiss ikun meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu investigazzjonijiet biex jaċċessaw informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank miżmuma fi Stati Membri oħra.

    (11)L-informazzjoni akkwistata mill-awtoritajiet kompetenti mir-reġistri ċentrali nazzjonali tal-kontijiet tal-bank tista’ tiġi skambjata mal-awtoritajiet kompetenti li jinsabu fi Stat Membru differenti, skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/ĠAI 14 u d-Direttiva 2014/41/UE 15 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.    

    (12)Id-Direttiva (UE) 2015/849 tejbet b’mod sostanzjali l-qafas legali tal-Unjoni li jirregola l-attività u l-kooperazzjoni tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja. Is-setgħat tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja jinkludu d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni finanzjarja, amministrattiva u dwar l-infurzar tal-liġi li huma jeħtieġu biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus, ir-reati relattivi assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxix l-għodod u l-mekkaniżmi speċifiċi kollha li l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jaċċessaw dik l-informazzjoni u jwettqu l-kompiti tagħhom. Peress li l-Istati Membri jibqgħu kompletament responsabbli biex jistabbilixxu u jiddeċiedu dwar in-natura organizzazzjonali tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja, Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja differenti għandhom gradi differenti ta’ aċċess għall-bażijiet tad-data regolatorji li jwassal għal skambju insuffiċjenti ta’ informazzjoni bejn is-servizzi tal-infurzar tal-liġi jew ta’ prosekuzzjoni u l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja.

    (13)Sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza tad-dritt u l-effettività operazzjonali, din id-Direttiva għandha tistabbilixxi regoli biex issaħħaħ il-kapaċità tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja li jikkondividu l-informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nnominati tagħhom għal kull reat kriminali serju.

    (14)Din id-Direttiva għandha tistabbilixxi wkoll qafas legali ddefinit b’mod ċar sabiex tippermetti lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja jitolbu data rilevanti maħżuna mill-awtoritajiet kompetenti nnominati sabiex jippermettulhom jipprevjenu u jiġġieldu l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu b’mod effettiv.

    (15)Il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u mal-awtoritajiet kompetenti għandha tkun permessa biss fejn ikun meħtieġ fuq bażi ta’ każ b’każ, għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji jew għall-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu.

    (16)Sabiex tipprevjeni u tiġġieled il-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu b’mod aktar effettiv u sabiex issaħħaħ ir-rwol tagħha fil-provvediment ta’ informazzjoni u analiżi finanzjarja, Unità tal-Intelligence Finanzjarja għandha tingħata s-setgħa li tiskambja informazzjoni jew analiżi li hija diġà fil-pussess tagħha jew li tista’ tinkiseb minn entitajiet obbligati fuq it-talba ta’ Unità tal-Intelligence Finanzjarja oħra jew ta’ awtorità kompetenti fl-Istat Membru tagħha. Dan l-iskambju ma għandux ixekkel ir-rwol attiv ta’ Unità tal-Intelligence Finanzjarja fit-tixrid tal-analiżi tagħha lil Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja oħra fejn dik l-analiżi tiżvela fatti, imġiba jew suspett ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu ta’ interess dirett għal dawk l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja oħra. L-analiżi finanzjarja tkopri analiżi operazzjonali li tiffoka fuq każijiet individwali u miri speċifiċi jew fuq informazzjoni magħżula xierqa, skont it-tip u l-volum tad-divulgazzjonijiet riċevuti u l-użu mistenni tal-informazzjoni wara t-tixrid kif ukoll analiżi strateġika li tindirizza x-xejriet u t-tendenzi tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Madankollu, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-istatus organizzazzjonali u r-rwol mogħti lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.

    (17)Il-limiti ta’ żmien għal skambji ta’ informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni rapida, effettiva u konsistenti. Il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni li hija meħtieġa biex jiġu solvuti każijiet u investigazzjonijiet transkonfinali għandha titwettaq bl-istess rapidità u prijorità bħal dawk għal każ domestiku simili. Għandhom jingħataw limiti ta’ żmien biex tiġi żgurata l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni effettiva fi żmien raġonevoli jew sabiex jiġu rrispettati l-limitazzjonijiet proċedurali. Limiti ta’ żmien iqsar għandhom jingħataw f’każijiet debitament iġġustifikati, fejn it-talbiet jirrelataw ma’ reati kriminali serji speċifiċi, bħal reati terroristiċi u reati relatati ma’ grupp terroristiku jew attivitajiet kif stabbilit fid-dritt tal-Unjoni.

    (18)L-użu ta’ faċilitajiet sikuri għall-iskambju ta’ informazzjoni, b’mod partikolari n-netwerk ta’ kompjuter deċentralizzat FIU.net (l-“FIU.net), li ilu jiġi mmaniġġjat mill-Europol mill-1 ta’ Jannar 2016, jew mis-suċċessur tiegħu u t-tekniki offruti mill-FIU.net, għandhom jintużaw għal skambji ta’ informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja.

    (19)Minħabba s-sensittività tad-data finanzjarja li għandha tiġi analizzata mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u s-salvagwardji meħtieġa tal-protezzjoni tad-data, din id-Direttiva għandha tistabbilixxi speċifikament it-tip u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-informazzjoni li jistgħu jiġu skambjati bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u ma’ awtoritajiet kompetenti nnominati. Din id-Direttiva ma għandha ġġib l-ebda bidla għall-metodi ta’ ġbir tad-data miftiehma attwalment.

    (20)Skont il-kompetenzi u l-kompiti speċifiċi tagħha kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 16 , il-Europol tipprovdi appoġġ għall-investigazzjonijiet transkonfinali tal-Istati Membri fl-attivitajiet tal-ħasil tal-flus ta’ organizzazzjonijiet kriminali transnazzjonali. Skont ir-Regolament (UE) 2016/794, l-Unitajiet Nazzjonali tal-Europol huma l-korpi ta’ kollegament bejn il-Europol u l-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma kompetenti biex jinvestigaw ir-reati kriminali. Sabiex il-Europol tingħata l-informazzjoni meħtieġa biex twettaq il-kompiti tagħha, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja tagħhom twieġeb għat-talbiet għal informazzjoni finanzjarja u analiżi finanzjarja magħmula mill-Europol permezz tal-Unità Nazzjonali tal-Europol rispettiva. L-Istati Membri għandhom jipprevedu wkoll li l-Unità Nazzjonali tal-Europol tagħhom twieġeb għat-talbiet għal informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank mill-Europol. It-talbiet magħmula mill-Europol għandhom jiġu debitament iġġustifikati. Dawn għandhom isiru fuq bażi ta’ każ b’każ, fi ħdan il-limiti tar-responsabbiltajiet tal-Europol u għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

    (21)Din id-Direttiva għandha tqis ukoll il-fatt li, skont l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2017/1939 17 , il-Prosekuturi Delegati Ewropej tal-Uffiċċju Ewropew tal-Prosekuzzjoni Pubblika (EPPO) għandhom is-setgħa li jiksbu kwalunkwe informazzjoni rilevanti maħżuna fil-bażijiet tad-data nazzjonali tal-investigazzjoni kriminali u tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll reġistri rilevanti oħra tal-awtoritajiet pubbliċi, inklużi r-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank u s-sistemi għall-irkupru tad-data taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li japplikaw taħt il-liġi nazzjonali f’każijiet simili.

    (22)Sabiex jinkiseb bilanċ xieraq bejn l-effiċjenza u livell għoli tal-protezzjoni tad-data, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jiżguraw li l-ipproċessar ta’ informazzjoni finanzjarja sensittiva li tista’ tiżvela r-razza jew l-oriġini etnika, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon jew it-twemmin filosofiku, is-sħubija fi trejdjunjin, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna, għandu jitħalla biss sa fejn ikun strettament meħtieġ u rilevanti għal investigazzjoni speċifika.

    (23)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja (Artikolu 7) u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (Artikolu 8), fil-liġi internazzjonali u ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma partijiet, inkluża l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u fil-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom.

    (24)Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-ipproċessar ta’ data personali skont din id-Direttiva jirrispetta bis-sħiħ id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Kwalunkwe pproċessar bħal dan huwa soġġett għad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 , fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom. F’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess tal-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi għar-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank u għas-sistemi għall-irkupru tad-data tapplika d-Direttiva (UE) 2016/680, filwaqt li l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI ma għandux japplika. F’dak li għandu x’jaqsam mal-Europol, japplika r-Regolament (UE) 2016/794. F’din id-Direttiva għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji u kundizzjonijiet speċifiċi u addizzjonali biex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ data personali fir-rigward tal-mekkaniżmi sabiex jiġi żgurat l-ipproċessar ta’ data sensittiva u rekords ta’ talbiet għal informazzjoni.

    (25)Id-data personali miksuba skont din id-Direttiva għandha tiġi pproċessata biss mill-awtoritajiet kompetenti fejn ikun meħtieġ u proporzjonat għall-finijiet ta’ prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reat serju jew infurzar ta’ sanzjonijiet kriminali.

    (26)Barra minn hekk, sabiex jiġi rrispettat id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għall-privatezza u jiġi limitat l-impatt tal-aċċess għall-informazzjoni li tinsab fir-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank u fis-sistemi għall-irkupru tad-data, huwa essenzjali li jiġu previsti kundizzjonijiet li jillimitaw l-aċċess. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li politiki u miżuri xierqa dwar il-protezzjoni tad-data japplikaw għall-aċċess għal data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Persuni awtorizzati biss għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni li fiha data personali, li tista’ tinkiseb mir-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank jew permezz ta’ proċessi ta’ awtentikazzjoni.

    (27)It-trasferiment ta’ data finanzjarja lejn pajjiżi terzi u sħab internazzjonali, għall-finijiet stabbiliti f’din id-Direttiva għandu jitħalla biss taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu V tad-Direttiva (UE) 2016/680 jew il-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679.

    (28)Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva tliet snin wara d-data tat-traspożizzjoni tagħha, u kull tliet snin wara dan. Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 19 il-Kummissjoni għandha twettaq ukoll evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta’ arranġamenti ta’ monitoraġġ speċifiċi sabiex tivvaluta l-effetti attwali tad-Direttiva u l-ħtieġa ta’ kwalunkwe azzjoni ulterjuri.

    (29)Din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura li r-regoli jiġu adottati biex jipprovdu liċ-ċittadini tal-Unjoni livell ogħla ta’ sigurtà billi tiġi evitata u miġġielda l-kriminalità skont l-Artikolu 67 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Minħabba n-natura transnazzjonali tiegħu, it-theddid terroristiku u kriminali jaffettwa l-Unjoni kollha kemm hi u jeħtieġ rispons mal-Unjoni kollha. Il-kriminali jistgħu jisfruttaw, u se jibbenefikaw min-nuqqas ta’ użu effiċjenti ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank u informazzjoni finanzjarja fi Stat Membru, li jista’ jkollu konsegwenzi fi Stat Membru ieħor. Ladarba l-objettiv ta’ dan ir-Regolament ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-objettiv.

    (30)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI għandha tiġi rrevokata minħabba li s-suġġett tagħha huwa regolat minn atti oħra tal-Unjoni u ma hemmx bżonn tagħha iktar.

    (31)[F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.]

    (32)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u mhumiex marbuta biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.]

    (33)Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u għalhekk mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (34)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 20 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [u ta opinjoni nhar … 21 ],

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Il-Kapitolu I

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 1

    Suġġett

    1.Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess mill-awtoritajiet kompetenti għal informazzjoni finanzjarja u informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji. Hija tipprevedi wkoll miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja għall-informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi u li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja.

    2.Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal:

    (a)id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-dispożizzjonijiet relatati fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, inkluż l-istatus organizzazzjonali mogħti lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja skont il-liġi nazzjonali;

    (b)is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti li jiskambjaw informazzjoni bejniethom jew li jiksbu informazzjoni minn entitajiet obbligati skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)“reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank” tfisser il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentrali, bħal reġistri ċentrali jew sistemi ċentrali elettroniċi għall-irkupru tad-data, stabbiliti skont l-Artikolu 32(a)1 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

    (b)“Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi” tfisser l-uffiċċji nazzjonali nnominati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI għall-finijiet tal-iffaċilitar tal-intraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavat tal-kriminalità u kriminalità oħra relatata mal-proprjetà fid-dawl tal-iffriżar, is-sekwestru jew il-konfiska possibbli tagħha abbażi ta’ ordni maħruġa minn awtorità ġudizzjarja kompetenti;

    (c) “Unità tal-Intelligence Finanzjarja” tfisser il-korp stabbilit f’kull Stat Membru għall-finijiet tal-Artikolu 32 tad-Direttiva (UE) 2015/849;

    (d)“entitajiet obbligati” tfisser l-entitajiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2015/849;

    (e)“informazzjoni finanzjarja” tfisser kwalunkwe tip ta’ informazzjoni jew data li tinżamm mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja biex jipprevjenu, jidentifikaw u jiġġieldu b’mod effettiv il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, jew kwalunkwe tip ta’ informazzjoni jew data li tinżamm mill-awtoritajiet pubbliċi jew mill-entitajiet obbligati għal dawk l-għanijiet u li hija disponibbli għall-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja mingħajr ma jittieħdu miżuri repressivi skont il-liġi nazzjonali;

    (f)“informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi” tfisser kwalunkwe tip ta’ informazzjoni jew data li tinżamm mill-awtoritajiet kompetenti biex jipprevjenu, jidentifikaw, jinvestigaw jew jipproċedu kontra reati kriminali jew kwalunkwe tip ta’ informazzjoni jew data li tinżamm mill-awtoritajiet pubbliċi jew mill-entitajiet privati għal dawk l-għanijiet u li hija disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti mingħajr ma jittieħdu miżuri repressivi skont il-liġi nazzjonali;

    (g) “informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank” tfisser l-informazzjoni li ġejja li tinsab fir-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank:

    (a)għad-detentur tal-kont tal-klijent u kull persuna li tidher li taġixxi f’isem il-klijent l-isem, ikkumplimentat b’data tal-identifikazzjoni oħra meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva (UE) 2015/849 dwar l-identifikazzjoni tal-klijent u l-verifika tal-identità tal-klijent, jew numru tal-identifikazzjoni uniku;

    (b)għas-sid benefiċjarju tad-detentur tal-kont tal-klijent: l-isem, ikkumplimentat b’data tal-identifikazzjoni oħra meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2015/849 dwar l-identifikazzjoni tas-sid benefiċjarju u l-verifika tal-identità tas-sid benefiċjarju, jew numru tal-identifikazzjoni uniku;

    (c)għall-kont bankarju jew tal-pagament: in-numru tal-IBAN u d-data tal-ftuħ u l-għeluq tal-kont;

    (d) għall-kaxxa tad-depożitu tas-sejf: l-isem tal-lokatorju kkumplimentat b’data tal-identifikazzjoni oħra meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 dwar l-identifikazzjoni tal-klijent u s-sid benefiċjarju u l-verifika tal-identità tiegħu/tagħha, jew numru tal-identifikazzjoni uniku u d-durata tal-perjodu tal-kirja.

    (h)“ħasil tal-flus” tfisser l-imġiba ddefinita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2018/XX 22 ;

    (i)“reati predikati assoċjati” tfisser ir-reati stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/XX;

    (j)“finanzjament tat-terroriżmu” tfisser l-imġiba ddefinita fl-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2017/541 23 ;

    (k)“analiżi finanzjarja” tfisser l-analiżi operazzjonali u strateġika mwettqa mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja għat-twettiq tal-kompiti tagħhom skont id-Direttiva (UE) 2015/849;

    (l)“reati kriminali serji” tfisser il-forom ta’ kriminalità elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    Artikolu 3

    Deżinjazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti

    1.Kull Stat Membru għandu jinnomina fost l-awtoritajiet kompetenti tiegħu għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, l-awtoritajiet kompetenti li għandhom is-setgħa li jaċċessaw jew ifittxu fir-reġistri ċentrali nazzjonali tal-kontijiet tal-bank stabbiliti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 32(a) tad-Direttiva (UE) 2015/849. Dawn għandhom jinkludu l-Unitajiet Nazzjonali tal-Europol u l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi.

    2.Kull Stat Membru għandu jinnomina fost l-awtoritajiet kompetenti tiegħu għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, l-awtoritajiet kompetenti li għandhoms is-setgħa li jitolbu u jirċievu informazzjoni finanzjarja jew analiżi finanzjarja mill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja. Dawn għandhom jinkludu l-Unitajiet Nazzjonali tal-Europol.

    3.Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti nnominati tiegħu skont il-paragrafi (1) u (2) mhux aktar tard minn [6 xhur mid-data tat-traspożizzjoni], u għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe emenda għal dan. Il-Kummissjoni għandha tippubblika n-notifiki u kwalunkwe emenda fihom fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Kapitolu II

    Aċċess mill-awtoritajiet kompetenti għall-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank

    Artikolu 4

    Aċċess u tfittxija mill-awtoritajiet kompetenti għall-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank

    1.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti nnominati skont l-Artikolu 3(1) għandu jkollhom is-setgħa li jaċċessaw u jfittxu, direttament u immedjatament, informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom għall-finijiet ta’ prevenzjoni, identifikazzjoni, investigazzjoni jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji jew l-appoġġ ta’ investigazzjoni kriminali dwar reat kriminali serju, inkluż l-identifikazzjoni, l-intraċċar u l-iffriżar tal-assi relatati ma’ tali investigazzjoni.

    2.L-informazzjoni addizzjonali li l-Istati Membri jistgħu jqisu essenzjali u jinkludu fir-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank skont l-Artikolu 32a(4) tad-Direttiva 2018/XX/UE ma għandhiex tkun aċċessibbli u li tista’ tiġi mfittxija mill-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva.

    Artikolu 5

    Kundizzjonijiet għall-aċċess u t-tfittxija mill-awtoritajiet kompetenti

    1.L-aċċess u t-tfittxija ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank skont l-Artikolu 4 għandhom jitwettqu biss mill-perusni f’kull awtorità kompetenti li tkun ġiet innominata u awtorizzata speċifikament biex twettaq dawn il-kompiti u fuq bażi ta’ każ b’każ.

    2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-aċċess u t-tfittxija mill-awtoritajiet kompetenti jkunu appoġġjati b’miżuri tekniċi u organizzazzjonali li jiżguraw is-sigurtà tad-data.

    Artikolu 6

    Monitoraġġ tal-aċċess u t-tfittxija mill-awtoritajiet kompetenti

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet li joperaw ir-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank iżommu reġistru ta’ kwalunkwe aċċess mill-awtoritajiet kompetenti għall-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank. Ir-reġistri għandhom jinkludu, b’mod partikolari, l-elementi li ġejjin:

    (a)ir-referenza tal-fajl nazzjonali;

    (b)id-data u l-ħin tad-domanda jew tat-tfittxija;

    (c)it-tip ta’ data użata għat-tnedija tad-domanda jew tat-tfittxija;

    (d)ir-riżultati tad-domanda jew tat-tfittxija;

    (e)l-isem tal-awtorità li tikkonsulta r-reġistru;

    (f)l-identifikaturi tal-uffiċjal li wettaq id-domanda jew it-tfittxija u tal-uffiċjal li ordna d-domanda jew it-tfittxija.

    2. Ir-reġistri għandhom jiġu vverifikati b’mod regolari mill-uffiċjali tal-protezzjoni tad-data tar-reġistri ċentrali tal-kontijiet tal-bank u mill-awtorità superviżorja kompetenti stabbilita skont l-Artikolu 41 tad-Direttiva (UE) 2016/680.

    3.Ir-reġistri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintużaw biss għall-monitoraġġ tal-protezzjoni tad-data, inkluża l-verifika tal-ammissibbiltà ta’ talba u tal-legalità tal-ipproċessar ta’ data, u għall-iżgurar tas-sigurtà. Dawn għandhom ikunu protetti permezz ta’ miżuri xierqa kontra aċċess mhux awtorizzat u għandhom jitħassru ħames snin wara li jinħolqu, sakemm ma jkunux meħtieġa għal proċeduri ta’ monitoraġġ li diġà għaddejjin.

    Kapitolu III

    Skambju ta’ data bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja, u bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja

    Artikolu 7

    Talbiet għal informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti lill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja

    1.Soġġett għas-salvagwardji proċedurali nazzjonali, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja nazzjonali tiegħu hija meħtieġa twieġeb għal talbiet għal informazzjoni finanzjarja jew analiżi finanzjarja mill-awtoritajiet kompetenti nnominati tiegħu msemmija fl-Artikolu 3(2), fejn dik l-informazzjoni finanzjarja jew l-analiżi finanzjarja hija meħtieġa, fuq bażi ta’ każ b’każ , għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji.

    2.L-informazzjoni finanzjarja u l-analiżi finanzjarja riċevuta mill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja tista’ tiġi pproċessata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-finijiet speċifiċi ta’ prevenzjoni, identifikazzjoni, investigazzjoni jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji għajr il-finijiet li għalihom id-data personali tinġabar skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva (UE) 2016/680.

    Artikolu 8

    Talbiet għal informazzjoni minn Unità tal-Intelligence Finanzjarja lil awtoritajiet kompetenti

    Soġġett għas-salvagwardji proċedurali nazzjonali, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti nnominati tiegħu huma meħtieġa jwieġbu għat-talbiet għal informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi mill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja nazzjonali, fuq bażi ta’ każ b’każ, fejn l-informazzjoni hija meħtieġa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu.

    Artikolu 9

    Skambju ta’ informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja ta’ Stati Membri differenti

    1.Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja tiegħu jkollha l-permess li tiskambja informazzjoni finanzjarja jew analiżi finanzjarja ma’ kwalunkwe Unità tal-Intelligence Finanzjarja fl-Unjoni fejn dik l-informazzjoni finanzjarja jew l-analiżi finanzjarja hija meħtieġa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta Unità tal-Intelligence Finanzjarja tkun mitluba skont il-paragrafu 1 biex tiskambja informazzjoni finanzjarja jew analiżi finanzjarja, hija għandha tagħmel dan malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn tlitt ijiem wara l-wasla tat-talba. F’każijiet eċċezzjonali u debitament iġġustifikati, dan il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ 10 tijiem.

    3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’każijiet eċċezzjonali u urġenti, u b’deroga mill-paragrafu 2, fejn Unità tal-Intelligence Finanzjarja hija mitluba skont il-paragrafu 1 tiskambja informazzjoni finanzjarja jew analiżi finanzjarja li diġà għandha fil-pussess tagħha li tirrelata ma’ investigazzjonijiet speċifiċi dwar att jew imġiba kkwalifikati bħala reat kriminali serju, Unità tal-Intelligence Finanzjarja għandha tipprovdi dik l-informazzjoni jew l-analiżi mhux aktar tard minn 24 siegħa wara l-wasla tat-talba.

    4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li talba maħruġa skont dan l-Artikolu u t-tweġiba tagħha għandhom jiġu trażmessi bl-użu tan-netwerk tal-komunikazzjoni elettronika FIU.net jew is-suċċessur tiegħu. Dak in-netwerk għandu jiżgura l-komunikazzjoni sikura u għandu jkun kapaċi jipproduċi rekord bil-miktub taħt il-kundizzjonijiet li jippermettu l-iżgurar tal-awtentiċità. Fil-każ ta’ ħsara teknika tal-FIU.net, l-informazzjoni finanzjarja jew l-analiżi finanzjarja għandha tiġi trażmessa bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor li jiżgura livell għoli ta’ sigurtà tad-data.

    Kapitolu IV

    Europol

    Artikolu 10

    Aċċess mill-Europol għall-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank u skambju ta’ informazzjoni bejn il-Europol u l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja

    1.Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-Unità Nazzjonali tal-Europol tiegħu twieġeb għal talbiet debitament iġġustifikati relatati mal-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank magħmula mill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Europol”) fuq bażi ta’ każ b’każ fi ħdan il-limiti tar-responsabbiltajiet tagħha u għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

    2.Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja tiegħu twieġeb għal talbiet debitament iġġustifikati relatati ma’ informazzjoni finanzjarja u analiżi finanzjarja magħmula mill-Europol permezz tal-Unità Nazzjonali tal-Europol fi ħdan il-limiti tar-responsabbiltajiet tagħha u għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

    3.L-iskambju ta’ informazzjoni skont il-paragrafi 1 u 2 għandu jsir b’mod elettroniku permezz ta’ SIENA u skont ir-Regolament (UE) 2016/794. Il-lingwaġġ użat għat-talba u l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun dak applikabbli għas-SIENA.

    Artikolu 11

    Rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data

    1.L-ipproċessar ta’ data personali relatata mal-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank, l-informazzjoni finanzjarja u l-analiżi finanzjarja msemmija fl-Artikolu 10(1) u (2) għandu jitwettaq biss mill-persuni fi ħdan il-Europol li ġew innominati u awtorizzati speċifikament biex iwettqu dawk il-kompiti.

    2.Il-Europol għandha tinforma lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) 2016/794 ta’ kull skambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva.

    Kapitolu V

    Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mal-Ipproċessar ta’ Data Personali

    Artikolu 12

    Kamp ta’ applikazzjoni

    Dan il-Kapitolu għandu japplika biss għall-awtoritajiet kompetenti nnominati u l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja fl-iskambju ta’ informazzjoni skont il-Kapitolu III u fir-rigward tal-iskambji ta’ informazzjoni finanzjarja u analiżi finanzjarja li jinvolvu l-Unitajiet Nazzjonali tal-Europol skont il-Kapitolu IV.

    Artikolu 13

    L-ipproċessar ta’ data sensittiva

    1.L-ipproċessar ta’ informazzjoni li tiżvela r-razza jew l-oriġini etnika, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon jew it-twemmin filosofiku, is-sħubija fi trejdjunjin, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna, għandu jitħalla biss sa fejn ikun strettament meħtieġ u rilevanti f’każ speċifiku.

    2.Il-persuni awtorizzati speċifikament biss jistgħu jaċċessaw u jipproċessaw id-data msemmija fil-paragrafu 1 skont l-istruzzjoni tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data

    Artikolu 14

    Rekords ta’ talbiet għal informazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet rikjedenti u dawk li jirċievu t-talba jżommu rekords relatati mat-talbiet għal informazzjoni skont din id-Direttiva. Dawk ir-rekords għandu jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a)l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-organizzazzjoni u l-membru tal-persunal li jitlob l-informazzjoni;

    (b)ir-referenza għall-każ nazzjonali li fir-rigward tiegħu tintalab l-informazzjoni;

    (c)it-talbiet magħmula skont din id-Direttiva u l-miżuri ta’ eżekuzzjoni tagħhom.

    Ir-rekords għandhom jinżammu għal perjodu ta’ ħames snin, u għandhom jintużaw biss għall-finijiet ta’ verifika tal-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali. L-awtoritajiet ikkonċernati għandhom jagħmlu r-rekords kollha disponibbli, fuq talba, lill-awtorità superviżorja nazzjonali.

    Artikolu 15

    Restrizzjonijiet għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data

    L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri leġiżlattivi li jirrestrinġu, kompletament jew parzjalment, id-dritt tas-suġġett tad-data ta’ aċċess għal data personali li tirrelata miegħu jew magħha pproċessata skont din id-Direttiva sabiex:

    (a)l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja jew l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha b’mod xieraq għall-finijiet ta’ din id-Direttiva;

    (b)jiġi evitat li l-inkjesti, l-analiżijiet, l-investigazzjonijiet jew il-proċeduri uffiċjali jew legali jiġu ostakolati għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u sabiex ikun żgurat li l-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-identifikazzjoni tal-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu jew reati kriminali serji oħra ma jiġux ipperikolati.

    Kapitolu VI

    Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 16

    Monitoraġġ

    1.L-Istati Membri għandhom jirrevedu l-effettività tas-sistemi tagħhom sabiex jiġu miġġielda r-reati kriminali serji billi jżommu statistika komprensiva.

    2.Sa mhux aktar tard minn [6 xhur mid-dħul fis-seħħ], il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-eżiti, tar-riżultati u tal-impatti ta’ din id-Direttiva.

    Il-programm ta’ monitoraġġ għandu jistabbilixxi l-mezzi li permezz tagħhom, u l-intervalli li fihom, se tinġabar id-data u evidenza oħra meħtieġa. Għandu jispeċifika l-azzjoni li għandha tittieħed mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-ġbir u fl-analiżi tad-data u ta’ evidenza oħra.

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni d-data u evidenza oħra meħtieġa għall-monitoraġġ.

    3.Fi kwalunkwe każ, l-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    (a)l-għadd ta’ tfittxijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti nnominati skont l-Artikolu 4;

    (b)data li tkejjel il-volum tat-talbiet maħruġa minn kull awtorità koperta b’din id-Direttiva, is-segwitu mogħti lil dawk it-talbiet, l-għadd ta’ każijiet investigati, l-għadd ta’ persuni mħarrka, l-għadd ta’ persuni li nstabu ħatja għal reati kriminali serji, fejn tali informazzjoni hija disponibbli;

    (c)data li tkejjel iż-żmien li awtorità teħtieġ biex twieġeb għal talba wara l-wasla tat-talba;

    (d)    jekk disponibbli, data li tkejjel il-kost tar-riżorsi umani jew tal-IT li huma ddedikati għal talbiet domestiċi jew transkonfinali li jaqgħu taħt din id-Direttiva.

    4.L-Istati Membri għandhom jorganizzaw il-produzzjoni u l-ġbir tal-istatistika u għandhom jittrażmettu l-istatistika msemmija fil-paragrafu 3 lill-Kummissjoni fuq bażi annwali.

    Artikolu 17

    Relazzjoni ma’ strumenti oħra

    1.L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali bejniethom dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti li jkunu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, sa fejn dawn il-ftehimiet jew l-arranġamenti jkunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva.

    2.Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu jew impenn tal-Istati Membri jew tal-Unjoni permezz ta’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali ma’ pajjiżi terzi. 

    Artikolu 18

    Evalwazzjoni

    1.Sa mhux aktar tard minn [ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data: tliet snin wara d-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tissottomettih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.

    2.Mhux qabel sitt snin wara d-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-evalwazzjoni għandha ssir skont il-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll evalwazzjoni ta’ kif id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġew irrispettati.

    3.Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni għat-tħejjija tar-rapporti. Il-Kummissjoni għandha tqis l-istatistika sottomessa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 16 u tista’ titlob informazzjoni addizzjonali mill-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji.

    Artikolu 19

    Traspożizzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn XXYY [26 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) (...)/2018: ĠU jekk jogħġbok daħħal in-numru tad-Direttiva li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir dik ir-referenza.

    2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 20

    Tħassir tad-Deċiżjoni 2000/642/ĠAI

    Id-Deċiżjoni 2000/642/ĠAI hi mħassra b’effett mill-[id-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva].

    Artikolu 21

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 22

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    Ir-Rapport tal-EuropolFrom suspicion to action: converting financial intelligence into greater operational impact” (Minn suspett għal azzjoni: il-bidla tal-intelligence finanzjarja f’impatt operazzjonali akbar), li ġie ppubblikat fl-2017, enfasizza dawn il-problemi u l-ħtieġa ta’ aċċess aħjar tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għal informazzjoni finanzjarja.
    (2)    COM(2016) 50 final.
    (3)    Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
    (4)    Fir-rapport, “Does crime still pay?: criminal asset recovery in the EU” (Il-kriminalità għadha tirrendi?: irkupru tal-assi kriminali fl-UE) (2016), il-Europol stmat li, bejn l-2010 u l-2014, il-valur tal-assi ffriżati jew issekwestrati fl-Unjoni Ewropea kienu jirrappreżentaw 2.2 % tar-rikavat stmat minn attività kriminali, filwaqt li l-valur tal-assi kkonfiskati kienu jirrappreżentaw madwar 1.1 % ta’ tali rikavat stmat. https://www.europol.europa.eu/newsroom/news/does-crime-still-pay
    (5)    Il-UIF huma unitajiet li joperaw b’mod indipendenti u awtonomu, li għandhom l-awtorità u l-kapaċità li jieħdu deċiżjonijiet awtonomi biex janalizzaw, jitolbu u jxerrdu l-analiżijiet tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti, meta jkun hemm raġunijiet ta’ suspett ta’ ħasil tal-flus, reati assoċjati jew finanzjament tat-terroriżmu.
    (6)    SWD (2017)275.
    (7)    COM(2015) 185 final tat-28 ta’ April 2015.
    (8)    Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI.
    (9)    Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010.
    (10)    ĠU C , , p. .
    (11)    ĠU C , , p.
    (12)    COM(2016) 50 tat-2.2.2016.
    (13)    Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE, ĠU L 141 tal-5.6.2015, p. 73.
    (14)    Id-Deċiżjoni Qafas 2006/960/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 386 tad-29.12.2006, p. 89.
    (15)    Id-Direttiva 2014/41/UE tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali, ĠU L 130 tal-1.5.2014, p. 1.
    (16)    Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI, ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.
    (17)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”), ĠU L 283 tal-31.10.2017, p. 1.
    (18)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
    (19)    Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016; ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1-14.
    (20)    Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data, ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.
    (21)    ĠU C …
    (22)

       Id-Direttiva 2018/XX/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali, ĠU ... .

    (23)    Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI, ĠU L 88, tal-31.3.2017, p. 6.
    Top