IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.11.2018
JOIN(2018) 29 final
Proposta Konġunta għal
ANNESSI
ta'
Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar ir-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija, tal-Kumitat ta’ Sħubija u dawk tas-sottokumitati speċjalizzati jew kwalunke korp ieħor
ANNESS I
DEĊIŻJONI Nru ……TAL-KUNSILL TA’ SĦUBIJA BEJN L-UNJONI EWROPEA
U L-ARMENJA
dwar
L-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u dawk tal-Kumitat ta’ Sħubija,
sottokumitati jew kwalunkwe korp ieħor
IL-KUNSILL TA’ SĦUBIJA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, fuq in-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) iffirmat fi Brussell fl-24 ta’ Novembru, 2017
Billi:
(1)Skont l-Artikolu 385 tal-Ftehim, partijiet mill-Ftehim se jiġu applikati provviżorjament
(2)Skont l-Artikolu 362(4) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Sħubija jrid jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.
(3)Skont l-Artikolu 363(4) tal-Ftehim, fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu l-Kunsill ta’ Sħubija jrid jiddetermina d-dmirijiet u l-funzjonament tal-Kumitat ta’ Sħubija.
(4)F’konformità mal-Artikolu 364(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe sottokumitat jew korp ieħor f’oqsma speċifiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u jrid tiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni, il-kompiti u l-funzjonament tagħhom.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija u dawk tal-Kumitat ta’ Sħubija, sottokumitati jew korpi oħra, kif stabbilit fl-Annessi A, B u C, huma adottati b’dan.
Artikolu 2
Is-sottokumitati elenkati fl-Anness huma stabbiliti b’dan.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi ...., xxxx,
Għall-Kunsill ta’ Sħubija
Il-President
ANNESS A
IR-REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUNSILL TA’ SĦUBIJA
Artikolu 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
1.Il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit skont l-Artikolu 362 (1) tal-Ftehim għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu kif previst fl-Artikolu 362 tal-Ftehim.
2.Kif previst fl-Artikolu 362(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Sħubija għandu jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Partijiet fil-livell ministerjali u għandhom jiltaqgħu f’intervalli regolari, tal-anqas darba fis-sena, u meta jkun hemm bżonn. Il-kompożizzjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija għandha tqis il-kwistjonijiet speċifiċi li jridu jiġu indirizzati f’kull laqgħa partikolari.
3.Kif previst fl-Artikolu 362(6) tal-Ftehim, u biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu, il-Kunsill ta’ Sħubija għandu jkollu s-setgħa jieħu deċiżjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim f’każijiet previsti fih. Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu vinkolanti għall-Partijiet, li jridu jieħdu l-miżuri xierqa biex jimplimentawhom. Il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet. Huwa għandu jadotta d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet, bir-rispett dovut għat-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi.
4.Għall-fini ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura it-terminu “Partijiet” għandu jinftiehem kif definit fl-Artikolu 382 tal-Ftehim.
Artikolu 2
Presidenza
Il-Partijiet għandu jkollhom il-presidenza tal-Kunsill ta’ Sħubija b’mod alternat. L-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta’ Sħubija u jintemm fil-31 ta’ Diċembru tal-istess sena. L-UE għandha tippresiedi l-ewwel Kunsill ta’ Sħubija.
Artikolu 3
Laqgħat
1.Il-Kunsill ta’ Sħubija għandu jiltaqa’ darba fis-sena, u meta jkun hemm bżonn, bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet. Sakemm ma jintlaħaqx ftehim mod ieħor mill-Partijiet, il-Kunsill ta’ Sħubija għandu jiltaqa’ fil-post fejn is-soltu jsiru l-laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
2.Kull sessjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija għandha ssir f’data miftiehma bejn il-Partijiet.
3.Il-laqgħat tal-Kunsill ta’ Sħubija għandhom jissejħu b’mod konġunt mis-segretarji tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, bi qbil mal-President tal-Kunsill ta’ Sħubija, sa mhux aktar tard minn 30 jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.
Artikolu 4
Rappreżentanza
1.Ir-rappreżentanti tal-Partijiet fil-Kunsill ta’ Sħubija jistgħu jattendu l-laqgħat personalment jew jiddelegaw lil uffiċjal ieħor li għandu jeżerċita d-drittijiet kollha f’ismu/isimha.
2.L-isem tal-uffiċjal iddelegat għandu jiġi kkomunikat lill-President tal-Kunsill ta’ Sħubija bil-miktub qabel il-laqgħa.
Artikolu 5
Delegazzjonijiet
1.Ir-rappreżentanti tal-Partijiet fil-Kunsill ta’ Sħubija jistgħu jiġu akkumpanjati minn uffiċjali oħrajn. Qabel kull laqgħa, il-President tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jiġi infurmat, permezz tas-segretarjat tal-Kunsill ta’ Sħubija, dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni ta’ kull Parti.
2.Il-Kunsill ta’ Sħubija jista’, bi qbil bejn il-Partijiet, jistieden rappreżentanti ta’ korpi oħra tal-Partijiet jew esperti indipendenti f’xi qasam biex jattendu l-laqgħat tiegħu bħala osservaturi jew biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari. Il-Partijiet għandhom jaqblu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li jipprevedu l-parteċipazzjoni tal-osservaturi fil-laqgħat.
Artikolu 6
Segretarjat
Uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u uffiċjal tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Armenja għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala segretarji tal-Kunsill ta’ Sħubija.
Artikolu 7
Korrispondenza
1.Il-korrispondenza indirizzata lill-Kunsill ta’ Sħubija għandha tintbagħat lis-segretarju jew tal-Unjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Armenja, li min-naħa tiegħu għandu jinforma lis-segretarju l-ieħor.
2.Is-segretarji tal-Kunsill ta’ Sħubija għandhom jiżguraw li l-korrispondenza tintbagħat lill-President tal-Kunsill ta’ Sħubija, lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Parti l-oħra u, fejn xieraq, tintbagħat lir-rappreżentanti tal-Partijiet fil-Kunsill ta’ Sħubija.
3.Il-komunikazzjonijiet mill-President għandhom jintbagħtu lid-destinatarji mis-Segretarjati f’isem il-President. Tali komunikazzjonijiet għandhom jiġu ċċirkolati, meta jkun xieraq, lir-rappreżentant tal-Partijiet fil-Kunsill ta’ Sħubija.
Artikolu 8
Kunfidenzjalità
Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kunsill ta’ Sħubija għandhom ikunu fil-magħluq. Meta Parti tissottometti informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lill-Kunsill ta’ Sħubija, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.
Artikolu 9
Aġendi għal-laqgħat
1.Il-President tal-Kunsill ta’ Sħubija għandu jfassal aġenda provviżorja għal kull laqgħa tal-Kunsill ta’ Sħubija. Din għandha tintbagħat mis-segretarji tal-Kunsill ta’ Sħubija lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7 mhux aktar tard minn 20 jum kalendarju qabel il-laqgħa.
2.L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti kollha proposti mill-President biex jiddaħħlu fl-aġenda sa mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel il-laqgħa. Tali punti ma għandhomx jiġu inklużi fl-aġenda provviżorja sakemm id-dokumenti ta’ sostenn rilevanti ma jkunux intbagħtu lis-segretarji qabel id-data li fiha tintbagħat l-aġenda.
3.L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kunsill ta’ Sħubija fil-bidu ta’ kull laqgħa. Kwalunkwe punt għajr dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista’ jiddaħħal fl-aġenda jekk ir-rappreżentanti tal-Partijiet jaqblu dwaru.
4.Il-President jista’, b’konsultazzjoni mal-Partijiet, iqassar il-limiti ta’ żmien speċifikati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ ċirkustanzi partikolari.
Artikolu 10
Minuti
1.L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa għandu jitħejja b’mod konġunt mis-segretarji tal-Kunsill ta’ Sħubija.
2.Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw għal kull punt fl-aġenda:
(a)id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kunsill ta’ Sħubija
(b)id-dikjarazzjonijiet li rappreżentant tal-Parti fil-Kunsill ta’ Sħubija jkun talab li jiddaħħlu fil-minuti; kif ukoll
(c)il-kwistjonijiet li dwarhom ikun intlaħaq qbil bejn il-Partijiet, bħad-deċiżjonijiet adottati, id-dikjarazzjonijiet li kien hemm qbil dwarhom u kwalunkwe konklużjoni.
3.L-abbozz tal-minuti għandu jiġi ppreżentat lill-Kunsill ta’ Sħubija għall-approvazzjoni. Il-Kunsill ta’ Sħubija għandu japprova dak l-abbozz tal-minuti fil-laqgħa tiegħu li jmiss. Inkella, dak l-abbozz tal-minuti jista’ jiġi approvat bil-miktub.
Artikolu 11
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.Kif inhu previst fl-Artikolu 362(6) tal-Ftehim il-Kunsill ta’ Sħubija għandu jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet bi ftehim reċiproku bejn iż-żewġ Delegazzjonijiet u wara li jiġu ffinalizzati l-proċeduri interni rispettivi tagħhom.
2.Il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk ir-rappreżentanti tal-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Għal dan l-għan, l-abbozz ta’ deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandu jiġi ċċirkolat bil-miktub mill-President tal-Kunsill ta’ Sħubija lir-rappreżentanti tal-Partijiet skont l-Artikolu 7, mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel ma jkun ippjanat li ssir il-laqgħa. Ir-rappreżentanti tal-Partijiet fil-Kunsill ta’ Sħubija għandhom jgħarrfu dwar kwalunkwe riżerva jew emenda li jkunu jixtiequ jagħmlu f’dak il-limitu ta’ żmien. Il-President jista’, f’konsultazzjoni mal-Partijiet, iqassar il-limiti ta’ żmien biex iqis il-ħtiġijiet ta’ ċirkustanzi partikolari.
3.Il-Kunsill ta’ Sħubija, skont it-tifsira tal-Artikolu 362(6) tal-Ftehim, jista’’ jieħu “Deċiżjonijiet” jew jagħmel “Rakkomandazzjonijiet” rispettivament, segwiti b’numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni tagħhom u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Dawk id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu ffirmati mill-President u awtentikati mis-segretarji tal-Kunsill ta’ Sħubija. Dawk id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu ċċirkolati skont l-Artikolu 7 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura. Kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Sħubija fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.
4.Kull deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha sakemm id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni ma tipprevedix mod ieħor.
Artikolu 12
Lingwi
1.Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta’ Sħubija għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali tal-Partijiet.
2.Il-lingwa ta’ ħidma tal-Kunsill ta’ Sħubija għandha tkun l-Ingliż. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill ta’ Sħubija għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mħejjija f’din il-lingwa.
Artikolu 13
Spejjeż
1.Kull Parti għandha tkopri l-ispejjeż li hija tagħmel biex tipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill ta’ Sħubija, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-ivvjaġġar u tan-nefqa tas-sussistenza kif ukoll tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.
2.In-nefqa marbuta mal-interpretazzjoni fil-laqgħat li jsiru fil-Lussemburgu u fi Brussell, it-traduzzjoni u r-riproduzzjoni tad-dokumenti titħallas mill-Unjoni.
3.Spejjeż oħrajn relatati mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Parti li tospita l-laqgħat.
Artikolu 14
Il-Kumitat ta’ Sħubija u s-sottokumitati
1.F’konformità mal-Artikolu 363(1) tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Sħubija għandu jassisti lill-Kunsill ta’ Sħubija fit-twettiq tad-dmirijiet u l-funzjonijiet tiegħu. Il-Kumitat ta’ Sħubija għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet f’livell ta’ uffiċjali għolja.
2.F'każijiet fejn il-Ftehim jirreferi għal obbligu ta’ konsultazzjoni jew possibbiltà ta’ konsultazzjoni jew fejn il-Partijiet jiddeċiedu bi ftehim reċiproku biex jikkonsultaw lil xulxin, din il-konsultazzjoni tista’ ssir fi ħdan il-Kumitat ta’ Sħubija, għajr fejn previst mod ieħor fil-Ftehim. Il-konsultazzjoni tista’ tkompli fil-Kunsill ta’ Sħubija jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.
3.F’konformità mal-Artikolu 364(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe sottokumitat jew korp ieħor f’oqsma speċifiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u jrid tiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni, il-kompiti u l-funzjonament tagħhom.
4.Bi ftehim bejn il-Partijiet, il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jimmodifika l-lista tas-sottokumitati u l-korpi l-oħra kif stipulat fl-Anness II.
Artikolu 15
L-emendar tar-Regoli ta’ Proċedura
Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu emendati skont l-Artikolu 11.
ANNESS B
IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT TA’ SĦUBIJA
Artikolu 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
1.Il-Kumitat ta’ Sħubija stabbilit f’konformità mal-Artikolu 363(1) tal-Ftehim għandu jassisti lill-Kunsill ta’ Sħubija fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu u jwettaq il-kompiti previsti fil-Ftehim u mogħtija lilu mill-Kunsill ta’ Sħubija.
2.Il-Kumitat ta’ Sħubija għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Sħubija, jimplimenta d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija fejn xieraq u jiżgura l-funzjonament korrett tal-Ftehim b’mod ġenerali. Il-Kumitat ta’ Sħubija għandu jqis kull kwistjoni li titressaq quddiemu mingħand il-Kunsill ta’ Sħubija kif ukoll kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’ fl-implimentazzjoni ta’ kuljum tal-Ftehim.
3.Il-Kumitat ta’ Sħubija għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet f’livell ta’ uffiċjali għolja.
4.Kif previst fl-Artikolu 363 (6) tal-Ftehim il-Kumitat ta’ Sħubija għandu jkollu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet f’oqsma li fihom il-Kunsill ta’ Sħubija jiddelegalu s-setgħat u fil-każijiet previsti f’dan il-Ftehim. Dawk id-deċiżjonijiet għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jimplimentawhom. Il-Kumitat ta’ Sħubija għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet, suġġett għat-twettiq tal-proċeduri interni rispettivi tal-Partijiet.
5.Għall-fini ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura it-terminu “Partijiet” għandu jinftiehem kif definit fl-Artikolu 382 tal-Ftehim.
Artikolu 2
Konfigurazzjoni
1.Il-Kumitat ta’ Sħubija għandu jiddelibera u jaġixxi f’konfigurazzjoni tal-kummerċ meta jittratta kwistjonijiet relatati mat-Titolu VI (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) tal-Ftehim.
2.Skont l-Artikolu 363(7) tal-Ftehim, meta l-Kumitat ta’ Sħubija jiltaqa’ f’konfigurazzjoni speċjali (“fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ”) biex jindirizza kwistjonijiet rilevanti marbuta mat-Titolu VI (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ), dan għandu jkun magħmul minn uffiċjali għolja tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Armenja li jkunu responsabbli mill-kummerċ u mill-kwistjonijiet relatati mal-kummerċ. F’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Armenja li jkun responsabbli mill-kummerċ u mill-kwistjonijiet relatati mal-kummerċ għandu jaġixxi bħala l-President tal-Kumitat ta’ Sħubija meta jiltaqa’ f’konfigurazzjoni tal-kummerċ. Il-laqgħat jista’ jattendihom ukoll rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
Artikolu 3
Delegazzjonijiet
1.Il-Kumitat ta’ Sħubija għandu jkun magħmul minn żewġ Delegazzjonijiet, id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fuq naħa, u d-Delegazzjoni tar-Repubblika tal-Armenja, fuq in-naħa l-oħra.
2.Il-Kap tad-Delegazzjoni jista’ jiddelega l-funzjoni tiegħu lil rappreżentant ieħor tal-Parti.
3.Ir-rappreżentanti tal-Kumitat ta’ Sħubija jistgħu jiġu akkumpanjati minn uffiċjali oħrajn. Qabel kull laqgħa, il-President tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jiġi infurmat, mis-segretarjat tal-Kunsill ta’ Sħubija, dwar il-kompożizzjoni maħsuba ta’ kull delegazzjoni.
4.Il-Kumitat ta’ Sħubija jista’, bi qbil bejn il-Partijiet, jistieden rappreżentanti ta’ korpi oħra tal-Partijiet jew esperti indipendenti f’xi qasam biex jattendu l-laqgħat tiegħu bħala osservaturi jew biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari. Il-Partijiet għandhom jaqblu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li jipprevedu l-parteċipazzjoni tal-osservaturi fil-laqgħat.
5.Qabel kull laqgħa, il-Partijiet għandhom jiġu infurmati, mis-segretarjat tal-Kunsill ta’ Sħubija, dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni li tkun se tattendi l-laqgħa fuq kull naħa.
Artikolu 4
Presidenza
1.Il-Kumitat ta' Sħubija għandu jiġi ppresedut b’mod alternat minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tar-Repubblika tal-Armenja.
2.Il-Parti li jkollha l-Presidenza tal-Kunsill ta’ Sħubija għandha jkollha wkoll il-Presidenza tal-Kumitat ta’ Sħubija.
Artikolu 5
Laqgħat
1.Ħlief fuq qbil mod ieħor bejn il-Partijiet, il-Kumitat ta’ Sħubija għandu jiltaqa’ b’mod regolari, tal-anqas darba fis-sena. Jistgħu jsiru sessjonijiet speċjali tal-Kumitat ta’ Sħubija fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu.
2.Kull laqgħa tal-Kumitat ta’ Sħubija għandha titlaqqa’ mill-President tiegħu f’post u f’data li l-Partijiet jaqblu dwarhom. L-avviż li jsejjaħ il-laqgħa għandu jinħareġ mis-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sħubija sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel il-bidu tal-laqgħa, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.
3.Il-Kumitat ta’ Sħubija għandu jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ u meta jkun hemm bżonn.
4.Kull fejn possibbli, il-laqgħa regolari tal-Kumitat ta’ Sħubija għandha tissejjaħ fi żmien xieraq qabel il-laqgħa regolari tal-Kunsill ta’ Sħubija.
5.F'każijiet eċċezzjonali, u jekk ikun hemm qbil dwar dan bejn il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet, il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Sħubija jistgħu jsiru permezz ta’ kwalunkwe mezz teknoloġiku li jintlaħaq qbil dwaru, bħal vidjokonferenza.
Artikolu 6
Segretarjat
1.Uffiċjal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u uffiċjal tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Armejna għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala segretarji tal-Kumitat ta’ Sħubija f’konfigurazzjoni ġenerali. Huma għandhom iwettqu kompiti segretarjali b’mod konġunt u fi spirtu ta’ fiduċja u kooperazzjoni reċiproċi, sakemm dawn ir-Regoli ta’ Proċedura ma jipprevedux mod ieħor.
2.Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tar-Repubblika tal-Armenja li jkunu responsabbli mill-kummerċ u mill-kwistjonijiet relatati mal-kummerċ għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala segretarji tal-Kumitat ta’ Sħubija fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ.
Artikolu 7
Korrispondenza
1.Il-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandha tintbagħat lis-segretarju ta’ kwalunkwe Parti, li min-naħa tiegħu jinforma lis-segretarju l-ieħor.
2.Is-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sħubija għandu jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat ta’ Sħubija tiġi mgħoddija lill-President tal-Kumitat ta’ Sħubija u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, lir-rappreżentanti tal-Kumitat ta’ Sħubija bħad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 7.
3.Il-korrispondenza mill-President għandha tintbagħat lill-Partijiet mis-segretarjat f’isem il-President. Din il-korrispondenza għandha tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, lir-rappreżentanti tal-Kumitat ta’ Sħubija f’konformità mal-Artikolu 7.
Artikolu 8
Dokumenti
1.Id-dokumenti għandhom jiġu ċċirkolati mis-segretarji tal-Kumitat ta’ Sħubija.
2.Parti għandha tibgħat id-dokumenti tagħha lis-segretarju tagħha li għandu jittrażmetti dawn id-dokumenti lis-segretarju tal-Parti l-oħra.
3.Is-segretarju tal-Unjoni għandu jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti rilevanti tal-Unjoni u għandu jikkopja sistematikament lis-segretarju tar-Repubblika tal-Armenja f'din il-korrispondenza.
4.Is-segretarju tar-Repubblika tal-Armenja għandu jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti rilevanti tar-Repubblika tal-Armenja u għandu jikkopja sistematikament lis-segretarju tal-Unjoni f’din il-korrispondenza.
Artikolu 9
Kunfidenzjalità
Dment li ma jkunx deċiż mod ieħor bejn il-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Sħubija ma għandhomx ikunu miftuħa għall-pubbliku. Meta Parti tissottometti informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lill-Kumitat ta’ Sħubija, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.
Artikolu 10
Aġendi għal-laqgħat
1.Is-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sħubija għandu jfassal abbozz tal-aġenda għal kull laqgħa tal-Kumitat ta’ Sħubija kif ukoll abbozz tal-konklużjonijiet operattivi kif previst fl-Artikolu 10 abbażi tal-proposti li jsiru mill-Partijiet. L-abbozz tal-aġenda għandha tinkludi punti li s-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sħubija jkun rċieva mingħand xi waħda mill-Partijiet biex jiddaħħlu fl-aġenda.
2.L-abbozz tal-aġenda, flimkien mad-dokumenti rilevanti, għandha tiġi ċċirkolata skont l-Artikolu 7, u mhux aktar tard minn xahar qabel il-bidu tal-laqgħa.
3.L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat ta’ Sħubija fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punti oħrajn apparti dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu dwarhom.
4.Il-President tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni jista’, bi qbil mal-Parti l-oħra, jistieden rappreżentanti ta’ korpi oħra tal-Partijiet jew esperti indipendenti f’xi qasam fuq bażi ad hoc biex jattendu l-laqgħat tiegħu biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li dawk l-osservaturi jew esperti jirrispettaw kull rekwiżit ta’ kunfidenzjalità.
5.Il-President tal-Kumitat ta’ Sħubija jista’, f’konsultazzjoni mal-Partijiet, iqassar il-limiti ta’ żmien previsti fil-paragrafu 2 biex iqis ċirkostanzi speċjali.
Artikolu 11
Minuti u konklużjonijiet operattivi
1.L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa tal-Kumitat ta’ Sħubija għandu jitħejja b’mod konġunt mis-segretarji tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni fi żmien xahar (1) wara l-laqgħa.
2.Bħala regola ġenerali l-minuti għandhom jipprovdu l-aġenda, lista tal-parteċipanti fil-laqgħa fosthom kwalunkwe osservatur jew espert li jattendi, il-konklużjonijiet operattivi tal-laqgħa, kif previst fil-paragrafu 4 u għal kull punt fuq l-aġenda jindikaw:
(a)id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kumitat ta’ Sħubija
(b)id-dikjarazzjonijiet li l-Kumitat ta’ Sħubija jitlob li jiddaħħlu fil-minuti.
3.L-abbozz tal-minuti għandu jiġi ppreżentat lill-Kumitat ta’ Sħubija għall-approvazzjoni fil-laqgħa tiegħu li jkun tmiss. Inkella, dak l-abbozz tal-minuti jista’ jiġi approvat bil-miktub. L-abbozz tal-minuti tal-Kumitat ta’ Sħubija fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu jiġi approvat fi żmien 3 xhur wara kull laqgħa. Għandha tintbagħat kopja lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7.
4.Abbozz tal-konklużjonijiet operattivi ta’ kull laqgħa għandu jitħejja mis-segretarju tal-Kumitat ta’ Sħubija tal-Parti li jkollha l-Presidenza tal-Kumitat ta’ Sħubija. Dan l-abbozz tal-konklużjonijiet operattivi għandu jiġi ċċirkolat lid-Delegazzjonijiet flimkien mal-aġenda, normalment mhux aktar tard minn sebat (7) ijiem kalendarji qabel il-bidu tal-laqgħa li jmiss. Dan l-abbozz għandu jiġi aġġornat waqt li tkun għadejja l-laqgħa biex fi tmiem il-laqgħa, sakemm ma jkunx ġie miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, il-Kumitat ta’ Sħubija jadotta konklużjonijiet operattivi li jkunu jirriflettu l-azzjonijiet ta’ segwitu proposti mill-Partijiet. Ladarba jkun hemm qbil dwarhom, il-konklużjonijiet operattivi għandhom jiġu mehmużin mal-minuti u l-implimentazzjoni tagħhom għandha tiġi rieżaminata waqt kwalunkwe laqgħa sussegwenti tal-Kumitat ta’ Sħubija. Għal dak il-għan il-Kumitat ta’ Sħubija għandu jadotta mudell, li jippermetti li kull punt ta’ azzjoni jiġi segwit skont skadenza speċifika.
Artikolu 12
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.F’każijiet speċifiċi fejn il-Ftehim jagħti s-setgħa li jittieħdu deċiżjonijiet jew fejn tali setgħa tkun ġiet iddelegata lilu mill-Kunsill ta’ Sħubija, il-Kumitat ta’ Sħubija għandu jieħu dawk id-deċiżjonijiet. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet isiru bi qbil komuni bejn il-Partijiet. Kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandha tiġi ffirmata mill-President tal-Kumitat ta’ Sħubija u awtentikata mis-segretarji tal-Kumitat ta’ Sħubija.
2.Il-Kumitat ta’ Sħubija jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Kull deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha sakemm ma jkunx previst mod ieħor. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta’ noti bejn is-segretarji, li jaġixxu bi ftehim mal-Partijiet. Għal dak l-għan, it-test tal-proposta jiġi ċċirkolat skont l-Artikolu 7 sa mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju li fih kull riżerva jew emenda għandha ssir magħrufa. F’konsultazzjoni mal-Partijiet, il-President jista’ iqassar il-limiti ta’ żmien speċifikati f'dan il-paragrafu biex jieħu kont ta’ ċirkostanzi speċjali. Ladarba jintlaħaq qbil dwar it-test, id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi ffirmata mill-President u awtentikata mis-Segretarji.
3.Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu ċċirkolati lill-Partijiet.
4.Kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Sħubija fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.
Artikolu 13
Rapporti
Il-Kumitat ta’ Sħubija għandu jirrapporta għand il-Kunsill ta’ Sħubija dwar l-attivitajiet tiegħu u tas-sottokumitati speċjalizzati jew kwalunkwe korp ieħor f’kull laqgħa regolari tal-Kunsill ta’ Sħubija.
Artikolu 14
Lingwi
1.Il-lingwi uffiċjali tal-Kumitat ta’ Sħubija għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali tal-Partijiet.
2.Il-lingwa ta’ ħidma tal-Kumitat ta’ Sħubija għandha tkun l-Ingliż. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Sħubija għandhom isiru bl-Ingliż u d-dokumentazzjoni għandha titħejja f’din il-lingwa. Kull Parti tista’ tipprovdi l-interpretazzjoni jew it-traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali tagħha u tħallas għalihom hija stess.
Artikolu 15
Spejjeż
1.Kull Parti għandha tkopri l-ispejjeż li hija ġġarrab biex tipparteċipa fil-laqgħat tal-Kumitat ta’ Sħubija, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-ivvjaġġar u tan-nefqa tas-sussistenza kif ukoll tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.
2.L-ispejjeż marbutin mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti jitħallsu mill-Parti li tkun qiegħda torganizza l-laqgħa.
3.F’każijiet meta tkun meħtieġa t-traduzzjoni ta’ dokumenti għal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-ispiża għandha titħallas mill-Unjoni Ewropea.
Artikolu 16
L-emendar tar-Regoli ta’ Proċedura
Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu emendati b’deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija skont l-Artikolu 11 tal-Anness A.
ANNESS C
IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAS-SOTTOKUMITATI SPEĊJALIZZATI JEW TA' KWALUNKWE KORP IEĦOR STABBILITI MILL-KUNSILL TA’ SĦUBIJA
Artikolu 1
1.F’konformità mal-Artikolu 364(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe sottokumitat jew korp ieħor f’oqsma speċifiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għandha tiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni, il-kompiti u l-funzjonament tagħhom.
2.Is-Sottokumitati jistgħu, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, fost l-oħrjan:
(a)jiskambjaw opinjonijiet dwar kwalunkwe punt ta’ interess komuni, inkluż miżuri futuri u r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom;
(b)jagħmlu konsultazzjonijiet regolari u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim;
(c)jadottaw arranġamenti prattiċi u miżuri dwar kwistjonijiet definiti fil-Ftehim;
(d)jagħmlu rakkomandazzjonijiet;
(e)jekk tingħatalhom is-setgħa mill-Kunsill ta’ Sħubija, jaġixxu f’ismu biex jimplimentaw id-deċiżjonijiet tiegħu meħuda f’konformità mal-Artikolu 1(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija.
Artikolu 2
Laqgħat
Il-laqgħat tas-sottokumitati jew ta’ kwalunkwe korp ieħor jistgħu jsiru b’mod flessibbli skont il-bżonn, personalment, jew fi Brussell inkella fir-Repubblika tal-Armenja jew, pereżempju, permezz ta’ vidjokonferenza. Is-sottokumitati u kwalunkwe korp ieħor għandhom jaġixxu bħala pjattaforma għall-monitoraġġ tal-progress, biex jiġu diskussi ċerti kwistjonijiet u sfidi li jirriżultaw minn dan il-proċess u biex jifformulaw rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet operazzjonali.
Artikolu 3
Segretarjat
Is-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sħubija għandu jirċievi kopja tal-korrispondenza, id-dokumenti u l-komunikazzjonijiet rilevanti kollha li jikkonċernaw kwalunkwe sottokumitat jew korp ieħor.
Artikolu 4
Sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Ftehim jew miftiehem fil-Kunsill ta’ Sħubija, dawn ir-Regoli ta' Proċedura kif definiti fl-Annesss B għandhom jiġu applikati mutatis mutandis għal kull sottokumitat jew korp ieħor.
ANNESS II
LISTA TA’ SOTTOKUMITATI SPEĊJALIZZATI
(1)Is-Sottokumitat dwar l-Enerġija, it-Trasport, l-Ambjent, l-Azzjoni Klimatika u l-Protezzjoni Ċivili
(2)Is-Sottokumitat dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, is-Saħħa Pubblika, it-Taħriġ, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, il-Kultura, is-Soċjetà tal-Informazzjoni, l-Awdjoviżiv, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (“Kuntatti bejn il-persuni”)
(3)Is-Sottokumitat dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà
(4)Is-Sottokumitat dwar id-Dwana
(5)Is-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi
(6)Is-Sottokumitat dwar il-kooperazzjoni ekonomika u setturi relatati oħra