EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IP0378

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Ottubru 2018 dwar il-pakkett tal-istrateġija dwar l-akkwist pubbliku (2017/2278(INI))

ĠU C 11, 13.1.2020, p. 28–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/28


P8_TA(2018)0378

Il-pakkett tal-istrateġija dwar l-akkwist pubbliku

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Ottubru 2018 dwar il-pakkett tal-istrateġija dwar l-akkwist pubbliku (2017/2278(INI))

(2020/C 011/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar "Nagħmlu l-Akkwist Pubbliku jaħdem fl-Ewropa u għaliha"(COM(2017)0572),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar "Għajnuna għall-investiment permezz ta' valutazzjoni volontarja ex-ante tal-aspetti tal-akkwist f'każijiet ta' proġetti infrastrutturali kbar"(COM(2017)0573),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1805 tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-professjonalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku – Il-bini ta' struttura għall-professjonalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku (C(2017)6654) (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (4),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar ir-reviżjoni tal-applikazzjoni prattika tad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (ESPD)(COM(2017)0242),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku (5),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ottubru 2017 dwar il-Valutazzjoni tal-Istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika, skont id-Direttiva 2014/55/UE (COM(2017)0590),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Frar 2018,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali kif ukoll il-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0229/2018),

A.

billi għad irid jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-akkwist pubbliku sabiex jikkontribwixxi għall-bini ta' ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva, u billi aktar minn 250 000 awtorità pubblika fl-Unjoni jonfqu madwar 14 % tal-PDG, jew kważi EUR 2 000 biljun, kull sena fuq ix-xiri ta' servizzi, xogħlijiet u provvisti;

B.

billi l-akkwist pubbliku jinvolvi l-infiq ta' ammont konsiderevoli ta' flus il-kontribwenti, li jfisser li l-infiq għandu jsir b'mod etiku, bi trasparenza u integrità u bl-aktar mod effiċjenti, kemm f'termini tal-ispejjeż kif ukoll tal-kwalità mogħtija, sabiex jiġu pprovduti prodotti u servizzi ta' kwalità liċ-ċittadini;

C.

billi regoli dwar l-akkwist pubbliku implimentati korrettament huma għodda kruċjali għas-servizz ta' suq uniku aktar b'saħħtu u sabiex jiżdiedu l-kumpaniji tal-UE u l-impjiegi fl-Unjoni, u billi l-użu intelliġenti tal-akkwist pubbliku jista' jkun għodda strateġika biex jinkisbu l-għanijiet tal-UE ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u b'hekk tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni lejn katini tal-provvista u mudelli ta' negozju aktar sostenibbli;

D.

billi, fir-rigward tat-traspożizzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni sħaħ tad-dritt tal-UE huma essenzjali sabiex ikun eħfef u irħas għall-intrapriżi żgħar u medji biex jagħmlu offerti għall-kuntratti pubbliċi, b'rispett sħiħ tal-prinċipji tal-UE tat-trasparenza u l-kompetizzjoni;

E.

billi l-Kummissjoni nediet konsultazzjoni mmirata fuq l-abbozz ta' Gwida dwar l-Akkwist Pubbliku tal-Innovazzjoni fit-3 ta' Ottubru 2017 u konsultazzjoni mmirata dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-istruttura ta' gwida tal-Kummissjoni dwar l-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli fis-7 ta' Diċembru 2017;

F.

billi skont stħarriġ tal-2016, kif imsemmi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2017)0572, erba' Stati Membri biss iddependew fuq teknoloġiji diġitali għall-passi ewlenin kollha fl-akkwist pubbliku, bħal notifika elettronika, aċċess elettroniku għad-dokumenti tal-akkwist, sottomissjoni elettronika, evalwazzjoni elettronika, għoti elettroniku, ordni elettroniku, fatturazzjoni elettronika u pagament elettorniku;

G.

billi skont l-iskeda informattiva tematika tas-Semestru Ewropew dwar l-akkwist pubbliku ta' Novembru 2017, l-għadd ta' proċeduri ta' akkwist b'offerta waħda biss żdied minn 14 % għal 29 % għall-perjodu 2006-2016, u billi, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2017)0572, "L-SMEs jirbħu 45 % biss mill-valur tal-kuntratti pubbliċi 'l fuq mil-limiti tal-UE, li huwa ferm inqas minn kemm jiswew fl-ekonomija";

H.

billi r-regoli l-ġodda introdotti mid-direttivi tal-2014, peress li jiffaċilitaw l-akkwist pubbliku u jimponu aktar kontrolli, għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal ekonomija sostenibbli, aktar soċjali, innovattiva u inklużiva;

I.

billi, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2017)0572, 55 % tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku għadhom jużaw l-orħos prezz bħala l-uniku kriterju ta' għażla, minflok, pereżempju, kriterji ambjentali u soċjali strateġiċi oħra;

J.

billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata favur l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) tan-Nazzjonijiet Uniti;

K.

billi huwa ta' importanza kruċjali li l-fornituri jkollhom fiduċja li s-sistemi tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni joffru proċeduri diġitali sempliċi u aċċessibbli, trasparenza sħiħa u integrità u sigurtà tad-data;

Qafas leġiżlattiv u implimentazzjoni

1.

Jilqa', kważi erba' snin wara li ġiet konkluża r-reviżjoni estensiva tal-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku, is-sett ta' miżuri mhux leġiżlattivi proposti mill-Kummissjoni u jistenna li dan joħloq impetu għal implimentazzjoni aħjar;

2.

Jinsab ferm diżappuntat bil-pass li bih ħafna Stati Membri ttrasponew id-direttivi tal-2014 fil-qasam tal-akkwist pubbliku u bil-ħafna dewmien, filwaqt li jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni kellha tibda proċeduri ta' ksur kontra ċerti Stati Membri; jitlob l-ikkompletar rapidu tat-traspożizzjoni fl-Istati Membri kollha mingħajr ebda dewmien ulterjuri;

3.

Jinsab imħasseb dwar is-sett ta' skadenzi li jmiss ipprovduti mid-direttivi fir-rigward tal-akkwist elettroniku u t-tranżizzjoni tal-Istati Membri lejn akkwist elettroniku sħiħ, inkluża l-fatturazzjoni elettronika; jenfasizza l-ħtieġa li l-aġenda diġitali tal-Istati Membri tinkludi l-promozzjoni ta' akkwist-e sħiħ;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza malajr il-Gwida dwar l-Akkwist Pubbliku tal-Innovazzjoni u l-Gwida dwar l-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli, sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali rispettivi fl-Istati Membri;

5.

Jitlob lill-Kummissjoni torganizza aħjar u b'mod aktar ċar il-gwidi u għodod oħrajn żviluppati sabiex jgħinu lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-akkwist pubbliku, b'mod aktar aċċessibbli u faċli għall-utent li joffri ħarsa ġenerali tajba lill-prattikanti kollha, filwaqt li tagħti attenzjoni wkoll lil-lingwi disponibbli;

6.

Jilqa' l-gwida l-ġdida dwar l-akkwist pubbliku għall-prattikanti ta' Frar 2018, imfassla sabiex tgħin lill-uffiċjali pubbliċi lokali, reġjonali u nazzjonali jiżguraw proċeduri ta' akkwist pubbliku effiċjenti u trasparenti għal proġetti ffinanzjati mill-UE;

Akkwist strateġiku u kkoordinat

7.

Jirrimarka li l-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni, aktar minn qatt qabel, tippermetti li l-akkwist pubbliku jintuża bħala strument strateġiku biex jippromwovi l-għanijiet ta' politika tal-UE u jħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu dak kollu li jistgħu minnu; ifakkar li l-akkwist pubbliku huwa wkoll għodda importanti fil-livell reġjonali u f'dak lokali biex jikkomplementa l-istrateġiji lokali u reġjonali u jinkoraġġixxi seduti pubbliċi u konsultazzjonijiet mal-utenti finali tal-prodotti u s-servizzi;

8.

Jitlob l-użu estensiv ta' akkwist innovattiv biex jinkiseb tkabbir intelliġenti, ekoloġiku u inklużiv u biex tissaħħaħ l-ekonomija ċirkolari; jissottolinja l-importanza tal-ekonomija ċirkolari u f'dan ir-rigward, il-possibbiltajiet ġodda offruti mid-direttivi l-ġodda dwar l-akkwist pubbliku fir-rigward tal-oġġetti u s-servizzi użati mill-ġdid, imsewwija, manifatturati mill-ġdid, rinnovati u prodotti u soluzzjonijiet oħra sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi;

9.

Jistieden lill-Istati Membri jużaw l-akkwist pubbliku b'mod strateġiku sabiex jippromwovu ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva, anke għall-SMEs u l-intrapriżi soċjali; jenfasizza li dan jirrikjedi li l-Istati Membri jindikaw sistematikament politiki bħal dawn fl-ogħla livell u jappoġġjaw, għal dan il-għan, lill-akkwirenti u l-prattikanti fl-amministrazzjoni pubblika;

10.

Jirrimarka l-importanza li l-kundizzjonijiet tas-sejħiet għall-offerti ma jkunux ta' piż żejjed, sabiex l-aċċess għall-kuntratti pubbliċi jibqa' possibbli għall-kumpaniji kollha, inklużi l-SMEs;

11.

Jilqa' l-eżempju tal-adozzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali tal-Akkwist Pubbliku u jħeġġeġ lil aktar Stati Membri jsegwu dan l-eżempju bħala mezz kif jimmodernizzaw u jissimplifikaw is-sistemi tal-akkwist pubbliku tagħhom u b'hekk isaħħu l-effiċjenza tagħhom; Jenfasizza li l-akkwist pubbliku huwa qasam trażversali għal diversi setturi tal-amministrazzjoni pubblika, u għalhekk huwa essenzjali li, minbarra l-koordinazzjoni, ikun hemm struttura ta' governanza li tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati ewlenin sabiex id-deċiżjonijiet fundamentali jkunu jistgħu jittieħdu b'mod aktar kollaborattiv u jiġu aċċettati minn dawk kollha involuti;

12.

Jilqa' l-fatt li ħafna Stati Membri għamlu dispożizzjonijiet għall-użu tal-kriterji tal-kwalità (inkluż l-aqwa rapport bejn il-prezz u l-kwalità) u jinkoraġġixxi l-applikazzjoni sistematika tagħhom; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kontraenti japplikaw kriterji oħrajn minbarra dawk tal-orħos prezz jew il-kosteffettività biss, b'kunsiderazzjoni tal-aspetti kwalitattivi, ambjentali u/jew soċjali;

13.

Filwaqt li jirrikonoxxi li f'xi każijiet il-prezz baxx jirrifletti soluzzjonijiet innovattivi u ġestjoni effiċjenti, jinsab imħasseb dwar l-użu eċċessiv tal-orħos prezz bħala l-kriterju primarju ta' għotja f'numru ta' Stati Membri mingħajr kunsiderazzjoni tal-kwalità, is-sostenibbiltà u l-inklużjoni soċjali, u għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw u jirrappurtaw dwar ir-raġunijiet għal din is-sitwazzjoni u jipproponu soluzzjonijiet xierqa fejn ikun neċessarju;

14.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li prattiki tal-akkwist pubbliku jkunu konformi mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu konsultazzjoni mal-persuni b'diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom f'dan ir-rigward;

15.

Jitlob l-adozzjoni ta' kodiċi ta' etika Ewropew għall-akkwist pubbliku għad-diversi atturi fil-proċess tal-akkwist;

16.

Jenfasizza li huwa importanti li l-awtoritajiet kontraenti jikkunsidraw iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodotti, inkluż l-impatt tagħhom fuq l-ambjent, fid-deċiżjonijiet tax-xiri tagħhom, fejn ikun xieraq u jistieden lill-Kummissjoni tgħin fl-iżvilupp ta' metodoloġiji bil-għan li timplimenta l-kunċett ta' "spejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja";

17.

Jinnota li kunsiderazzjonijiet innovattivi, soċjali u ambjentali huma kriterji tal-għoti leġittimi u essenzjali fl-akkwist pubbliku, u li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jsegwu wkoll għanijiet ekoloġiċi, innovattivi jew soċjali permezz ta' speċifikazzjonijiet maħsuba sewwa u billi jippermettu offerti varjanti b'mod mhux diskriminatorju, dment li dawn il-karatteristiċi jkunu marbuta mas-suġġett tal-kuntratt u jkunu proporzjonati mal-valur u l-objettivi tiegħu;

18.

Ifakkar li l-qafas leġiżlattiv għall-akkwist pubbliku tal-Unjoni jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-kuntratturi u s-subkuntratturi jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol li japplikaw fil-post fejn jitwettqu x-xogħlijiet, jiġu pprovduti s-servizzi jew jiġu prodotti jew fornuti l-prodotti, kif stipulat fil-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, fid-dritt tal-Unjoni u dik nazzjonali kif ukoll fil-ftehimiet kollettivi konklużi skont id-dritt u l-prattiki nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li dan l-obbligu jiġi ssodisfat mill-Istati Membri fit-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-direttivi tal-2014, u tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

19.

Jirrikonoxxi li valutazzjoni kwalitattiva tal-offerti tirrikjedi akkwirenti kwalifikati u jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri fit-tixrid tal-metodoloġiji u l-prattiki tal-evalwazzjoni, partikolarment permezz tal-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' ħidma u korsijiet ta' taħriġ; jenfasizza li tali assistenza għandha tkun disponibbli fil-livelli amministrattivi kollha meta jsir l-akkwist;

20.

Jirrimarka li akkwist pubbliku soċjalment responsabbli jrid jikkunsidra l-ktajjen tal-provvista u r-riskji assoċjati mal-iskjavitù tad-dinja moderna, id-dumping soċjali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. jinnota li jridu jsiru sforzi biex jiġi żgurat li l-prodotti u s-servizzi akkwistati permezz tal-akkwist pubbliku ma jkunux prodotti b'mod li jikser id-drittijiet tal-bniedem. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet sostantivi dwar l-etika fil-ktajjen tal-provvista fil-gwida l-ġdida tagħha dwar il-kunsiderazzjonijiet soċjali fl-akkwist pubbliku;

21.

Jilqa' l-isforzi ta' bosta Stati Membri biex jistabbilixxu awtoritajiet li jkunu responsabbli mill-koordinazzjoni tal-akkwist u jirrikonoxxi li dan jikkontribwixxi għat-twettiq ta' akkwist strateġiku u effiċjenti;

22.

Jitlob li aktar Stati Membri jużaw il-vantaġġi tax-xiri ċentrali u l-aggregazzjoni tal-akkwist pubbliku u jinnota li l-Korpi Ċentrali għall-Akkwisti jistgħu u għandhom iħaffu t-tixrid tal-għarfien espert, tal-aħjar prattiki u tal-innovazzjoni;

23.

Jenfasizza li, speċjalment bil-għan li titrawwem l-innovazzjoni, huwa importanti li l-awtoritajiet kontraenti jinteraġixxu mas-suq u jagħmlu użu biżżejjed mill-fażi ta' qabel l-akkwist bħala tħejjija għall-passi li jmiss; jemmen li l-fażi ta' qabel l-akkwist hija wkoll fażi essenzjali biex jiġi appoġġjat ukoll l-involviment tal-SMEs;

24.

Iqis li l-proċedura ta' sħubija l-ġdida se tikkontribwixxi għat-trawwim tal-innovazzjoni u tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kontraenti jikkooperaw mas-suq bil-għan li jiżviluppaw prodotti, xogħlijiet jew servizzi innovattivi li sa issa għadhom ma jeżistux; jilqa' f'dan ir-rigward il-fatt li sal-lum inbdew 17-il proċedura ta' sħubija għall-innovazzjoni;

25.

Jilqa' l-valutazzjoni volontarja ex-ante tal-aspetti tal-akkwist għal proġetti infrastrutturali kbar, kif propost mill-Kummissjoni, u jistieden lill-Kummissjoni timplimenta rapidament il-helpdesk, il-mekkaniżmu ta' notifika l-mekkaniżmu tal-iskambju ta' informazzjoni, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-kunfidenzjalità;

Id-diġitalizzazzjoni u l-ġestjoni tajba tal-proċeduri ta' akkwist

26.

Jiddispjaċih dwar l-adozzjoni bil-mod tat-teknoloġiji diġitali fl-akkwist pubbliku fl-Unjoni u jistieden lill-Istati Membri jistinkaw għal trasformazzjoni diġitali rapida tal-proċeduri u għall-introduzzjoni ta' proċessi elettroniċi għall-istadji ewlenin kollha, jiġifieri min-notifika, l-aċċess għall-offerti u s-sottomissjoni għall-evalwazzjoni, sal-għoti ta' kuntratt, l-ordni, il-fatturazzjoni u l-ħlas;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw il-Formoli elettroniċi sa mhux aktar tard minn tmiem l-2018;

28.

Ifakkar li l-akkwist elettroniku joffri firxa ta' benefiċċji importanti bħalma huma iffrankar sinifikanti għall-partijiet kollha, proċessi simplifikati u mqassra, tnaqqis fil-burokrazija u fil-piżijiet amministrattivi, aktar trasparenza, aktar innovazzjoni kif ukoll aċċess aħjar tal-SMEs għas-swieq tal-akkwist pubbliku;

29.

Jaqbel mal-Kummissjoni li r-reġistri tal-kuntratti jistgħu jkunu għodda kosteffiċjenti għall-ġestjoni tal-kuntratti, għat-titjib tat-trasparenza, tal-integrità u tad-data u għal governanza aħjar tal-akkwist pubbliku;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibbiltà li ssir interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali tal-kuntratti ma' Tenders Electronic Daily (TED) biex jitneħħa l-obbligu impost fuq l-awtoritajiet kontraenti li jippubblikaw l-istess informazzjoni f'żewġ sistemi;

31.

Jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet li jistgħu jinħolqu għall-offerenti, u speċjalment l-SMEs, fir-rigward tar-rekwiżiti għaċ-ċertifikati u l-firem u jinkoraġġixxi reġim ta' rekwiżiti ħfief f'dan ir-rigward, flimkien mal-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' darba biss sabiex jitnaqqas il-piż għall-offerenti;

32.

Jenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom ikunu f'pożizzjoni li jipprovdu d-data neċessarja kollha dwar l-implimentazzjoni tal-akkwist pubbliku, inkluża data dwar offerti, proċeduri u kuntratti u informazzjoni statistika, anki sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tivvaluta s-suq uniku dwar l-akkwist;

33.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-użu innovattiv tad-data b'format miftuħ, peress li tali data hija essenzjali għal kwalunkwe gvern biex jimmaniġġja l-amministrazzjoni pubblika tiegħu u, fl-istess ħin, tippermetti li l-kumpaniji jisfruttaw il-potenzjal ekonomiku tagħha, filwaqt li jħeġġeġ ukoll it-trasparenza u r-responsabbiltà fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi li jittrattaw l-akkwist pubbliku. Jirrimarka li tali data trid tkun ippubblikata bir-rispett dovut tal-prinċipju tal-proporzjonalità u f'konformità mal-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u s-segretezza tan-negozju;

Is-suq uniku u l-aċċess imtejjeb għall-akkwist

34.

Jirrimarka li proċeduri kompetittivi ta' offerti huma ta' importanza vitali fl-akkwist pubbliku u jinnota b'dispjaċir tnaqqis fl-intensità tal-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku fl-Unjoni fis-snin reċenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirreġistraw perċentwal għoli ta' avviżi ma' offerent wieħed biss sabiex jindirizzaw il-problema;

35.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-proċeduri konġunti ta' akkwist, inklużi dawk transfruntiera, kif iffaċilitati mir-regoli riveduti tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ profond f'dan il-qasam; iqis li tali proċeduri madankollu m'għandhomx jirriżultaw f'kuntratti ta' daqs tali li l-SMEs effettivament jiġu esklużi milli jiġu kkunsidrati fl-aktar stadju bikri tal-proċess;

36.

Jiddispjaċih li l-SMEs u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għadhom qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet sabiex jaċċedu għall-akkwist pubbliku u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-effettività tal-miżuri pprovduti mid-direttivi tal-2014 u tressaq soluzzjonijiet ġodda, jekk ikun meħtieġ;

37.

Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni fil-prattika tal-prinċipju ta' "applika jew spjega"li jinsab fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2014/24/UE, li jirrikjedi li l-awtoritajiet kontraenti jipprovdu indikazzjoni tar-raġunijiet ewlenin għad-deċiżjoni tagħhom li ma jissuddividux f'lottijiet, li jridu jiġu spjegati b'mod sistematiku fid-dokumenti tal-akkwist jew fir-rapport individwali;

38.

Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw il-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-offerti, pereżempju, permezz tal-qsim obbligatorju f'lottijiet meta jkun possibbli jew billi jqiegħdu limitu fuq il-fatturat meħtieġ għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri tal-offerti; jenfasizza li l-qsim ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku f'lottijiet irawwem il-kompetizzjoni fis-suq u jevita wkoll ir-riskju ta' dipendenza fuq fornitur wieħed; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw servizzi ta' konsulenza u taħriġ għall-SMEs biex jiġi żgurat li dawn jipparteċipaw aħjar fil-proċessi tal-offerti;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza b'mod partikolari l-ostakli għall-akkwist pubbliku transfruntier li jirriżulta minn ostakli lingwistiċi, legali jew oħrajn u tipproponi soluzzjonijiet jew tintervjeni sabiex tiggarantixxi akkwist transfruntier funzjonali;

40.

Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-interoperabbiltà fil-prodotti u s-servizzi mixtrija u li jiġi evitat l-intrappolament tal-bejjiegħa, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri f'dan il-qasam;

41.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' data ċara u kkonsolidata tal-akkwist pubbliku fl-UE u jinnota li hija meħtieġa data affidabbli dwar l-aċċess għall-akkwist pubbliku sabiex tiġi vverifikata r-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi u li din hija mezz ta' kif jiġu miġġielda l-frodi u l-korruzzjoni;

42.

Jaċċetta l-eżitu tal-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rimedji u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tipproponix reviżjoni leġiżlattiva, iżda jitlob li titkompla l-kooperazzjoni tal-korpi ta' analiżi nazzjonali u li tingħata aktar gwida mill-Kummissjoni dwar id-direttivi;

43.

Jiddispjaċih li d-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża għadha ma tatx ir-riżultati mixtieqa, b'mod partikolari fir-rigward tal-proġetti infrastrutturali transnazzjonali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom bil-għan li jimplimentaw aħjar ir-regoli applikabbli bħalissa;

44.

Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u n-natura nondiskriminatorja tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku; ifakkar fl-importanza li jkun hemm proċeduri ta' appell adegwati fis-seħħ u fl-importanza li jingħata aċċess għal gwida dwar kif jitnieda appell;

L-akkwist pubbliku internazzjonali

45.

Jitlob li tittieħed azzjoni mill-Unjoni sabiex ittejjeb l-aċċess tal-fornituri tal-UE għal swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi, billi s-suq tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni huwa wieħed mill-aktar miftuħin fid-dinja;

46.

Jesprimi tħassib dwar il-kompetizzjoni inġusta fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku b'riżultat ta' interferenza mill-Istat ma' kompetituri minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari, iżda mhux biss, għas-suq tal-vetturi elettriċi u tal-batteriji; iqis li hija meħtieġa rabta bejn l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ u l-prattiki tal-akkwist pubbliku;

47.

Jenfasizza li s-swieq tal-akkwist pubbliku huma ta' importanza ekonomika kbira, billi huwa stmat li n-nefqa tal-akkwisti tirrappreżenta 20 % tal-PDG globali, u jenfasizza li t-titjib tal-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku f'pajjiżi terzi u l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji Ewropej jistgħu għalhekk ikunu mexxejja prinċipali għat-tkabbir fil-kummerċ tal-prodotti u s-servizzi filwaqt li jwasslu għal għażla akbar u valur aħjar għall-kontribwenti fl-UE u fil-pajjiżi terzi;

48.

Jirrimarka li s-swieq tal-akkwist pubbliku f'pajjiżi terzi ta' spiss huma de jure u/jew de facto pprojbiti għall-offerenti tal-UE; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiġbor u tipprovdi data aħjar dwar il-proċeduri ta' akkwist pubbliku internazzjonali; ifakkar li l-Kummissjoni tistma li attwalment aktar minn nofs is-suq globali tal-akkwisti jinsab magħluq għall-kompetizzjoni internazzjonali libera minħabba miżuri protezzjonisti, li qegħdin jiżdiedu globalment, filwaqt li valur ta' madwar EUR 352 biljun huwa miftuħ għall-offerenti minn pajjiżi membri tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi tad-WTO; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tindirizza dan l-iżbilanċ mingħajr ma tirrikorri għal miżuri protezzjonisti; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-kumpaniji Ewropej jingħataw aċċess għas-suq simili għal dak li jgawdu minnu l-kompetituri barranin tagħna fis-suq tal-UE u jinnota li l-istrument ta' akkwist internazzjonali (IPI) propost jista', taħt ċerti kundizzjonijiet, ikun mezz biex jinħoloq ingranaġġ għal aċċess akbar għas-suq;

49.

Jilqa' l-fatt li wieħed mis-sitt oqsma ta' prijorità għall-azzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku huwa t-titjib tal-aċċess għas-swieq tal-akkwist; jisħaq li t-titjib tal-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku f'pajjiżi terzi, inkluż fil-livell subnazzjonali, jikkostitwixxi interess aggressiv essenzjali għall-UE fin-negozjati kummerċjali, billi bosta kumpaniji tal-UE huma kompetittivi ħafna f'diversi setturi; jisħaq li l-akkwist pubbliku għandu jiġi inkluż f'kull ftehim kummerċjali futur bil-ħsieb li tiġi mmassimizzata l-parteċipazzjoni tal-kumpaniji Ewropej f'sejħiet għal offerti barranin; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is-swieq tal-akkwist pubbliku li jinsabu fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE u l-implimentazzjoni xierqa tagħhom; ifakkar li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jintużaw sabiex itejbu l-aċċess ta' pajjiżi terzi għas-swieq ta' akkwist pubbliku u li dan l-aċċess imtejjeb għas-swieq tal-akkwist ta' pajjiżi terzi, u r-regoli msaħħa għal proċeduri ta' akkwist moderni, effiċjenti u trasparenti, li huma kruċjali għall-iżgurar ta' valur aħjar għall-finanzi pubbliċi, għandhom ikunu elementi ewlenin f'kull ftehim kummerċjali konkluż mill-UE filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ l-objettivi leġittimi tal-politika pubblika minquxa fid-direttivi tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku; jenfasizza li operaturi ekonomiċi ta' pajjiżi terzi jridu jikkonformaw mal-kriterji soċjali u ambjentali Ewropej għall-għoti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku, kif stabbilit fid-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE, u jinkoraġġixxi, b'konformità ma' dan, l-użu tal-kriterju MEAT (l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża) meta jingħataw dawn il-kuntratti; jinnota li l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles bilaterali u subreġjonali mhux dejjem jiggarantixxu aċċess sħiħ għas-swieq ta' akkwist; jitlob lill-Kummissjoni tinnegozja l-akbar aċċess possibbli għas-swieq ta' akkwist pubbliku f'pajjiżi terzi;

50.

Jenfasizza li kwalunkwe strateġija sabiex jinfetħu s-swieq tal-akkwist pubbliku f'pajjiżi terzi trid tindirizza b'mod konkret l-ostakli u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għas-swieq billi huma partikolarment żvantaġġati fir-rigward tad-dħul fis-swieq ta' akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi, filwaqt li l-effetti fuq l-SMEs tal-esponiment għal kompetituri ġodda minn pajjiżi terzi jridu jingħataw kunsiderazzjoni xierqa; jappella lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-inklużjoni ta' proċeduri ta' akkwist favorevoli għall-SMEs (inklużi inizjattivi transfruntiera u t-tqassim tal-offerti fi gruppi) fil-ftehimiet kummerċjali; jenfasizza l-benefiċċji li jistgħu jinkisbu, b'mod partikolari mill-SMEs, permezz tad-diġitalizzazzjoni u l-użu tal-akkwist-e fil-proċessi kollha ta' akkwist pubbliku ma' pajjiżi terzi;

51.

Jirrimarka li l-ekonomiji emerġenti prinċipali, bħall-Brażil, iċ-Ċina, l-Indja u r-Russja, għadhom ma jifformawx parti mill-GPA, filwaqt li ċ-Ċina u r-Russja jinsabu uffiċjalment fil-proċess li jaderixxu, u jitlob lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi u tippromwovi lill-pajjiżi terzi fl-isforzi tagħhom biex jissieħbu fil-GPA, billi l-ftehimiet multilaterali u plurilaterali huma l-aħjar mod kif jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fit-tul; jenfasizza li l-ftehimiet kummerċjali bilaterali, b'dispożizzjonijiet ambizzjużi ta' akkwist li jirrispettaw il-prinċipji sottostanti tal-GPA, jistgħu jkunu pass 'il quddiem għal kooperazzjoni multilaterali msaħħa;

52.

Jenfasizza l-importanza li l-GPA mhux biss jipprevedi aċċess de jure għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi, iżda wkoll itejbu t-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-proċeduri ta' akkwist; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' standards globali u konverġenti għal akkwist trasparenti bħala għodda importanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; b'mod aktar speċifiku, jitlob lill-Kummissjoni tfittex li fil-ftehimiet kummerċjali jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar regoli konġunti għall-akkwist pubbliku li jippermettu r-rapportar tal-korruzzjoni, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri u t-tisħiħ tal-integrità u t-trasparenza għall-offerenti.

Professjonalizzazzjoni

53.

Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-professjonalizzazzjoni u jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali bħala prijorità; jissuġġerixxi li kull pjan għandu jiddifferenzja bejn tipi ta' akkwist, b'mod partikolari peress li l-aċċess tal-SMEs għas-servizzi u l-infrastruttura diġitali jista' jiġi ffaċilitat b'mod differenti mill-aċċess tal-akkwist fil-każ ta' kuntratti infrastrutturali kbar;

54.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-mezzi għal appoġġ finanzjarju mill-fondi tal-Unjoni bil-għan li tappoġġja l-azzjonijiet rilevanti dwar il-professjonalizzazzjoni fl-Istati Membri;

55.

Jesprimi dispjaċir dwar il-livell baxx ta' professjonalizzazzjoni fost dawk responsabbli għall-akkwist pubbliku u jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-ħiliet ta' kull min hu involut fl-istadji kollha tal-proċess ta' akkwist pubbliku;

56.

Jenfasizza li kemm l-akkwirenti kif ukoll il-fornituri għandhom ikunu mħarrġa b'mod adegwat sabiex jaħdmu b'mod effiċjenti fl-istadji kollha tal-akkwist, u li trid tingħata attenzjoni lil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika u lill-kriterji ta' kwalità, inklużi kriterji soċjali u ambjentali, fir-rigward tal-professjonalizzazzjoni; jemmen li permezz tat-titjib tal-mod kif l-awtoritajiet pubbliċi jikkunsidraw x'se jakkwistaw u kif se jakkwistawh, ikunu jistgħu jinkisbu riżultati aħjar; mingħajr preġudizzju għall-proċedura nnegozjata, jiddispjaċih li ħafna drabi l-akkwist pubbliku jista' jinkiseb minn impriżi b'aktar esperjenza, li jassistu fil-fażi ta' tfassil ta' kuntratt ta' akkwist u konsegwentement ikunu jinsabu f'pożizzjoni saħansitra aħjar biex finalment jirbħu l-kuntatt;

57.

Jitlob lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-universitajiet biex ikomplu jiżviluppaw l-korsijiet universitarji fil-liġi Ewropea tal-akkwist pubbliku u biex itejbu t-taħriġ u l-ġestjoni tal-karriera tal-professjonisti fis-settur tal-akkwist pubbliku, inklużi dawk li jaħdmu f'SMEs, anke fir-rigward tal-iżvilupp u l-użu ta' għodod tal-IT; jappoġġja l-ħolqien ta' qafas komuni Ewropew tal-ħiliet tekniċi u tal-informatika rilevanti;

o

o o

58.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 259, 7.10.2017, p. 28.

(2)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.

(3)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.

(4)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1.

(5)  ĠU L 133, 6.5.2014, p. 1.


Top