Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IP0375

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-deterjorament tal-libertà tal-mezzi tax-xandir fil-Belarussja, notevolment il-każ ta' Charter 97 (2018/2861(RSP))

    ĠU C 11, 13.1.2020, p. 18–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.1.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 11/18


    P8_TA(2018)0375

    Deterjorament tal-libertà tal-midja fil-Belarussja, b'mod partikolari l-każ ta' Charter 97

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-deterjorament tal-libertà tal-mezzi tax-xandir fil-Belarussja, notevolment il-każ ta' Charter 97 (2018/2861(RSP))

    (2020/C 011/05)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Belarussja hija firmatarja tagħhom,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi, fi Frar 2016, l-UE neħħiet il-biċċa l-kbira tal-miżuri restrittivi tagħha kontra uffiċjali u entitajiet legali Belarussi bħala ġest ta' rieda tajba bil-għan li tinbeda politika ta' involviment bil-ħsieb li tħeġġeġ lill-Belarussja tirrispetta l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

    B.

    billi l-UE ripetutament tenniet li r-relazzjonijiet UE-Belarussja jistgħu jkomplu jimxu 'l quddiem ġaladarba jkunu bbażati fuq il-fiduċja u l-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali;

    C.

    billi l-politiki attwali fil-Belarussja jimminaw dawn il-valuri, u b'hekk iżommu lill-UE milli toffri lill-Belarussja parteċipazzjoni usa' fis-Sħubija tal-Lvant u relazzjonijiet eqreb, jew milli tiffirma l-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Belarussja;

    D.

    billi s-sitwazzjoni f'termini tal-libertà tal-mezzi tax-xandir u l-libertà tal-kelma qed tkompli tiddeterjora fil-Belarussja, kif juri l-fastidju gravi ta' portals tal-aħbarijiet indipendenti u ta' ġurnalisti, bħal fil-"każ BelTA";

    E.

    billi l-awtoritajiet Belarussi reċentement taw bidu għal mewġa ta' fastidju u intimidazzjoni mill-pulizija kontra l-ġurnalisti;

    F.

    billi Reporters mingħajr Fruntieri kkonkludiet li aktar minn 100 ġurnalist ġew arrestati fl-2017, il-parti l-kbira waqt li kienu qed ikopru l-protesti tal-oppożizzjoni; billi l-fastidju ta' ġurnalisti freelance li jaħdmu għal outlets tax-xandir indipendenti bbażati barra mill-pajjiż laħaq livelli bla preċedent, u l-ġurnalisti ma jistgħux jiksbu akkreditazzjoni;

    G.

    billi Charter 97.org, is-sit web ewlieni indipendenti tal-aħbarijiet li jiffoka fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-kawżi tal-oppożizzjoni u li ħa ismu mid-dikjarazzjoni tal-1997 b'talba għad-demokrazija fil-Belarussja li kienet ġiet iffirmata minn ġurnalisti, politiċi tal-oppożizzjoni u attivisti fil-qasam tad-drittijiet, ġie mġiegħel iġorr lejn Varsavja fil-Polonja, fejn ilu jopera mill-2011, wara li ġie bblukkjat diversi drabi mill-awtoritajiet Belarussi, waqt li l-pulizija wettqu rejd fuq l-uffiċċji tiegħu u kkonfiskaw it-tagħmir tiegħu fl-istess sena;

    H.

    billi mill-24 ta' Jannar 2018, l-aċċess għas-sit web ta' Charter 97 ġie blukkjat fil-Belarussja, għal tul ta' żmien indefinit, mingħajr proċess legali u fost allegazzjonijiet vagi ta' "theddidiet għall-interess nazzjonali"; billi skont il-kap editur ta' Charter 97, Natalya Radina, fix-xahar wara l-ibblukkjar tas-sit web ta' Charter 97, l-għadd ta' viżitaturi għas-sit mill-Belarussja naqas b'70 %;

    I.

    billi s-Sa Radina rċeviet theddidiet ta' mewt;

    J.

    billi fis-16 ta' April 2018 l-aċċess għas-sit web ta' Charter 97 ġie bblukkjat ukoll mill-awtoritajiet Russi fit-territorju tal-Federazzjoni Russa;

    K.

    billi l-fundatur tad-dikjarazzjoni Charter 97, Aleh Byabenin, instab mgħallaq f'daru qrib Minsk f'Settembru 2010; billi Pavel Sheremet, kelliem ta’ Charter 97 imwieled fil-Belarussja, inqatel fi splużjoni ta' karozza bomba f'Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, f'Lulju 2016;

    L.

    billi fil-bidu ta' Awwissu 2018, l-awtoritajiet Belarussi wettqu rejds fl-uffiċji editorjali ta' diversi outlets indipendenti Belarussi, li bdew bis-sit Tut.by u komplew bi tfittxijiet f'BelaPAN, realty.by, Belaruskaya Navuka u Kultura; billi r-rejds irriżultaw fl-arresti u d-detenzjoni ta' diversi ġurnalisti, inkluż l-editur kap ta' Tut.by, fuq allegazzjonijiet li kienu aċċessaw b'mod illegali u użaw informazzjoni online provduta mill-aġenzija tal-aħbarijiet tal-istat BelTA;

    M.

    billi fis-7 ta' Awwissu 2018, il-Kumitat Investigattiv tal-Belarussja fetaħ kawża kriminali taħt l-Artikolu 349(2) tal-Kodiċi Kriminali li ġġorr piena massima ta' sentejn priġunerija (aċċess illegali għall-informazzjoni f'kompjuter imwettaq b'interess personali ieħor li kkawża dannu sostanzjali) kontra ġurnalisti u edituri ta' għadd ta' riżorsi online u arresta 18-il ġurnalist, li seba' minnhom ġew detenuti bħala suspettati għal tlett ijiem; billi kien hemm każijiet fejn saret pressjoni fuq ġurnalisti u qraba tagħhom u li ġew imġiegħla jikkoperaw mas-servizzi tal-intelligence u l-pulizija;

    N.

    billi l-aħħar emendi għal-Liġi tal-Mezzi tax-Xandir tal-Massa, adottati f'Ġunju 2018, jestendu l-kontroll tal-gvern għall-outlets tal-mezzi tax-xandir online; billi l-bidliet, li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2018, se jimponu aktar ostakoli burokratiċi għal siti web li jkunu jixtiequ jirreġistraw bħala outlets uffiċjali tal-mezzi tax-xandir online;

    O.

    billi s-siti web li jagħżlu li ma jirreġistrawx, minkejja l-leġiżlazzjoni l-ġdida, jew li ma jissodisfawx il-kriterji l-ġodda, qed jiġu miċħuda akkreditazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-gvern, u b'hekk l-istampa qed tiġi ċċensurata saħansitra aktar; billi l-outlets tal-mezzi tax-xandir online, kemm dawk reġistrati kif ukoll dawk li mhumiex, se jkunu obbligati wkoll li jirreġistraw l-ismijiet tal-persuni li jissottomettu kummenti; billi s-sidien tal-outlets tal-mezzi tax-xandir online reġistrati se jkunu wkoll responsabbli legalment għall-kontenut ta' tali kummenti;

    P.

    billi l-leġiżlazzjoni l-ġdida se tirrikjedi li l-awturi tal-kitbiet u l-kummenti kollha fuq fora online jiġu identifikati u li s-sidien tas-sit web jikkontrollaw tali kummenti;

    Q.

    billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, Miklós Haraszti, u r-Rappreżentant tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Media, Harlem Désir, esprimew il-fehma li dawn il-bidliet leġiżlattivi jikkostitwixxu restrizzjoni inaċċettabbli tal-libertà tal-kelma u tal-aċċess għall-informazzjoni;

    R.

    billi l-Belarussja tinsab fil-155 post fl-indiċi dinji tal-libertà tal-istampa tal-2017 ta' Reporters mingħajr Fruntieri, li tevalwa l-livell ta' libertà tal-istampa f'180 pajjiż kull sena;

    S.

    billi mill-bidu tal-2018, ġurnalisti Belarussi, li d-dritt tagħhom li jiġbru, jaħżnu u jxerrdu l-informazzjoni huwa garantit bil-Kostituzzjoni, ġew immultati aktar minn 70 darba għal kooperazzjoni ma' mezzi tax-xandir tal-massa barranin mingħajr akkreditazzjoni, b'multi li jammontaw għal BYN 60 000; billi l-Artikolu 22.9 tal-Kodiċi ta' Ksur Amministrattiv sar għodda effiċjenti għall-fastidju tal-ġurnalisti indipendenti u outlets tal-mezzi tax-xandir bħal Belsat TV, li ilu mill-2011 jopera mill-Polonja;

    T.

    billi l-Belarussja hi l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu jipprattika l-piena kapitali;

    U.

    billi kategoriji speċifiċi ta' nies fil-Belarussja qed jiġu soġġetti għal priġunerija falza u detenzjoni arbitrarja, iċ-ċaħda tal-kura xierqa u tal-kuntatt mal-qraba waqt id-detenzjoni, vjolenza fiżika u psikoloġika organizzata mill-istat, prosekuzzjoni u kundanni għal akkużi invalidi u falsifikati, penali finanzjarji sproporzjonati, sanzjonijiet amministrattivi u forom oħra ta' repressjoni mill-awtoritajiet Belarussi; billi dawn il-kategoriji jinkludi l-priġunieri politiċi (notevolment Mikhail Zhamchuzhny u Dzmitry Paliyenka), avversarji politiċi magħrufa, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, atturi tas-soċjetà ċivili, attivisti ta' organizzazzjonijiet ambjentali, mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili, bloggers indipendenti, ġurnalisti u edituri, dimostranti paċifiċi mill-faxex kollha tas-soċjetà, u b'mod partikolari, attivisti ta' għaqdiet indipendenti tal-ħaddiema (notevolment Henadz Fiadynich u Ihar Komlik);

    1.

    Jikkundanna bil-qawwa l-intimidazzjoni u d-detenzjoni tal-ġurnalisti u l-mezzi tax-xandir indipendenti fil-Belarussja; iħeġġeġ l-awtoritajiet itemmu l-fastidju ġudizzjarju, l-intimidazzjoni u t-theddid kontral-ġurnalisti u l-mezzi tax-xandir indipendenti u li jippermettu l-portals kollha tal-aħbarijiet joperaw liberament;

    2.

    Jikkunsidra bħala inaċċettabbli l-ibblukkjar, minn Jannar 2018, tas-sit web tal-aħbarijiet Charter 97 mill-awtoritajiet Belarussi; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi biex b'mod immedjat u bla kundizzjonijiet ineħħi l-ibblukkar impost fuq l-aċċess bl-internet għas-sit web tal-aħbarijiet fil-Belarussja;

    3.

    Jikkundanna b'qawwa l-emendi adottati għal-liġi tal-mezzi tax-xandir, li qed jintużaw biex iżidu l-kontroll fuq l-internet; itenni t-tħassib qawwi tiegħu dwar il-klima li qed teħżien għas-siti web u l-outlets tal-mezzi tax-xandir indipendenti u tal-oppożizzjoni u l-ġurnalisti fil-Belarussja;

    4.

    Hu tal-fehma li l-mezzi tax-xandir indipendenti ma jikkostitwixxux theddida għall-awtoritajiet iżda saħansitra huma element importanti tas-sistema ta' kontrolli u bilanċi u għaldaqstant għandhom jitqiesu mill-gvern bħala sieħeb kritiku potenzjali, u mhux bħala għadu;

    5.

    Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Belarussja qed tkompli tippersisti b'politika ta' trażżin u mhux demokratika kontra l-ġurnalisti, l-avukati, l-attivisti politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-atturi tas-soċjetà ċivili, il-protagonisti tal-għaqdiet tal-ħaddiema u oħrajn li jitqiesu bħala theddida għal dawk li għandhom il-poter politiku; jenfasizza li tali trażżin jostakola kwalunkwe relazzjoni eqreb mal-UE u parteċipazzjoni usa' fis-Sħubija tal-Lvant;

    6.

    Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi biex isaħħu r-rispett għall-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż ir-rispett għall-ġurnaliżmu ġenwin u imparzjali, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u reġjonali ratifikati mill-Belarussja;

    7.

    Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jinkludu fil-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Belarussja referenzi sodi għall-indipendenza tal-mezzi tax-xandir, il-libertà tal-kelma u l-libertà tal-għaqda; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri jiżguraw li l-programmi ta' assistenza tal-UE u forom oħra ta' kooperazzjoni bilaterali, inkluża l-assistenza finanzjarja, iridu jkunu marbuta ma' passi ċari u tanġibbli lejn id-demokratizzazzjoni u l-ftuħ, inkluża riforma elettorali komprensiva u rispett sħiħ għal-libertà tal-mezzi tax-xandir;

    8.

    Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jkomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja u barra mill-pajjiż; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġu appoġġjati s-sorsi indipendenti kollha ta' informazzjoni għas-soċjetà Belarussa, inkluż ix-xandir bil-lingwa Belarussa, u dawk barra l-pajjiż bħal Charter 97 u Belsat TV;

    9.

    Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni tal-libertà tal-mezzi tax-xandir fil-Belarussja, b'kooperazzjoni mar-Rapporteur Permanenti tan-NU għall-Belarussja;

    10.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jippermettu l-funzjonament sħiħ u mhux imxekkel tal-organizzazzjonijiet politiċi u pubbliċi u jirrevokaw l-Artikolu 193/1 tal-Kodiċi Kriminali li jneħħi l-libertajiet ta' għaqda u assoċjazzjoni paċifiċi;

    11.

    Jitlob b'qawwa l-ħelsien immedjat u bla kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi Mikhail Zhamchuzhny u Dzmitry Paliyenka, u r-riabilitazzjoni sħiħa tal-ex-priġunieri politiċi kollha; jistieden lill-awtoritajiet biex jippermettu lill-għaqdiet indipendenti tal-ħaddiema jaqdu r-rwol leġittimu u ċentrali tagħhom fis-soċjetà ċivili mingħajr xkiel; jiddispjaċih dwar il-kundanna, fl-24 ta' Awwissu 2018, ta' Henadz Fiadynich u Ihar Komlik, attivisti tal-għaqda indipendenti tal-ħaddiema REP, ta' erba' snin b'libertà ristretta;

    12.

    Ifaħħar ix-xogħol imwettaq mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, Miklós Haraszti, u jiġbed l-attenzjoni tas-suċċessur tiegħu, Anaïs Marin, dwar id-diversi abbużi ta' poter, tnaqqis tal-libertajiet individwali u kollettivi u t-trażżin tas-soċjetà ċivili, l-għaqdiet indipendenti tal-ħaddiema u l-mezzi tax-xandir indipendenti, kif identifikat b'mod ċar fir-rapporti tas-Sur Haraszti;

    13.

    Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet tal-Belarussja biex jirrikonoxxu l-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja mingħajr dewmien, u lill-Kummissjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp biex jikkundizzjonaw kwalunkwe assistenza finanzjarja jew teknika lill-Belarussja maċ-ċirkostanzi stabbiliti hawn fuq, filwaqt li tiġi ppreservata l-possibiltà li l-UE tiffinanzja b'mod dirett lis-soċjetà ċivili Belarussa;

    14.

    Għadu mħasseb dwar il-kostruzzjoni ta’ impjant nukleari f'Ostrovets; jinnota r-rapport dwar it-testijiet tal-istress u r-rakkomandazzjonijiet ippubblikati fit-3 ta' Lulju 2018 u jitlob li r-rakkomandazzjonijiet tat-testijiet tal-istress jiġu implimentati bħala kundizzjoni għal kwalunkwe avvanz ulterjuri fil-kooperazzjoni UE-Belarussja, b'mod partikolari għall-iffirmar tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Belarussja;

    15.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Belarussja.

    Top