IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.11.2018
COM(2018) 771 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI, U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT
Pjan ta' Investiment għall-Ewropa: analiżi u l-passi li jmiss
1. L-inizjattiva tal-Ewropa biex tingħata spinta lill-investiment
Waħda mill-ewwel prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker kienet li tingħata spinta sostanzjali lill-ekonomija billi jiġi indirizzat id-distakk fl-investiment fl-Unjoni Ewropea wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika (Figura 1). L-investiment – kemm pubbliku kif ukoll privat – huwa fattur kruċjali għat-tkabbir u l-impjiegi. Huwa l-mezz li jidderieġi t-tfaddil lejn proġetti u setturi li huma kruċjali għall-futur tagħna, bħalma huma l-infrastruttura u d-djar, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-teknoloġiji l-ġodda u l-metodi ta’ produzzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet. Dawn l-investimenti wkoll jappoġġaw il-modernizzazzjoni tal-industriji u tas-soċjetajiet tal-Ewropa fit-trasformazzjoni lejn ekonomija dejjem aktar diġitalizzata u b’livell baxx ta’ karbonju.
Figura 1. It-tnaqqis u l-irkupru fir-rata tal-investiment
L-ekonomija totali,% tal-PDG
F’Novembru 2014, il-Kummissjoni ppreżentat il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa – il-Pjan Juncker – ibbażat fuq approċċ ġdid u innovattiv għall-investiment. Permezz tal-użu ta’ ammonti limitati ta’ riżorsi pubbliċi – garanzija tal-baġit tal-UE lill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment – ġew mobilizzati u qed ikomplu jiġu mobilizzati fondi privati u pubbliċi sostanzjali għal investimenti madwar setturi strateġiċi tal-ekonomija tal-UE. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, il-qofol finanzjarju tal-Pjan ta’ Investiment, minn Novembru 2018, wassal għal EUR 360 biljun ta’ investiment addizzjonali, li jaqbżu b’mod sinifikanti l-objettiv inizjali tiegħu ta’ EUR 315-il biljun. Il-Fond ġie estiż sa tmiem l-2020, bil-ħsieb li jintlaħqu EUR 500 biljun ta’ investiment addizzjonali sa dakinhar.
Dan il-mudell ta’ suċċess kbir issa qed issir l-istandard il-ġdid għal appoġġ għall-investiment tal-UE ġewwa u barra l-Ewropa. Dan kien il-pjan għall-mobilizzazzjoni ta’ investimenti fl-Afrika u l-Viċinat tal-UE taħt il-Pjan ta’ Investiment Estern tal-UE, propost f’Settembru 2016, kif ukoll għall-istrument il-ġdid għall-finanzjament ta’ azzjoni esterna fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.
Is-suċċess tal-Pjan Juncker, lil hinn mid-dimensjoni tal-investiment, jinsab fl-istruttura tagħha bi tliet pilastri li tiżgura azzjoni koordinata u komprensiva għall-appoġġ għall-investiment. Barra minn hekk, għall-mobilizzazzjoni ta’ investimenti, il-Pjan Juncker ħoloq sensiela ta’ proġetti u ffoka fuq miżuri li jrendu l-ambjent kummerċjali aktar favorevoli għall-investiment. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni ngħaqdet mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex tniedi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment. Iċ-Ċentru jipprovdi konsulenza u assistenza teknika lil promoturi ta’ proġetti, filwaqt li l-Portal jippreżenta sensiela trasparenti ta’ proġetti investibbli. B’mod parallel, il-pjan ta’ Investiment jiffoka fuq l-indirizzar tal-ostakli strutturali għall-investiment. Dan jinkludi t-tneħħija ta’ mkejjen ta’ ostakli regolatorji, it-tnaqqis fil-piż amministrattiv, it-twettiq ta’ kompetizzjoni ġusta u l-eżerċitar ta’ riformi strutturali li huma ta’ benefiċċju għall-klima tal-investiment. Dan jirrikjedi sforzi fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali. Il-Kummissjoni għamlet proposti biex jiġi approfondit is-Suq Uniku, wieħed mill-akbar assi tal-UE, introduċiet enfasi ċara fuq l-investiment fis-Semestru Ewropew u ħolqot is-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali biex tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-riformi. L-Istati Membri ħadu passi biex jindirizzaw l-ostakli għall-investiment. Madankollu fadal aktar xi jsir fil-livelli kollha.
Il-pjan ta’ Investiment huwa parti mill-aġenda miftuħa tal-UE għall-investiment u l-kummerċ. L-UE hi waħda mill-aktar sistemi miftuħa fid-dinja għall-investiment. Oqfsa regolatorji b’saħħithom u kompetizzjoni ġusta fis-suq intern tal-UE jattiraw l-investiment dirett barrani, b’benefiċċji kbar għall-UE f’termini ta’ ħolqien ta’ impjiegi u tkabbir. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni hija konxja mir-riskji li ċerti investimenti diretti barranin jistgħu jikkawżaw għas-sigurtà jew għall-ordni pubbliku, u f’Settembru 2017 adottat proposta għal Regolament li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar ta’ investiment dirett barrani fl-UE u għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni tappella lill-koleġiżlaturi biex jikkonkludu malajr l-adozzjoni tar-Regolament.
L-UE tappoġġa wkoll il-liberalizzazzjoni tal-investimenti madwar id-dinja. Hija twettaq negozjati ta’ investiment ma’ sħab biex minn naħa waħda jipprovdu lill-investituri fuq iż-żewġ naħat b’aċċess previdibbli fuq terminu twil għas-swieq u biex jipproteġu lill-investituri u l-investimenti tagħhom min-naħa l-oħra. L-UE impenjat ruħha f’negozjati ta’ investiment pereżempju mal-Kanada, ma’ Singapore, mal-Vjetnam, mal-Ġappun u maċ-Ċina.
2. Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa qed jagħti riżultati konkreti
L-immobilizzar tal-investiment privat għall-ġid pubbliku
Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi miexi fit-triq it-tajba biex tintlaħaq il-mira li jiġi sfruttat l-investiment addizzjonali ta’ mill-anqas EUR 500 biljun fuq perjodu ta’ ħames snin (2015-2020). Minn Settembru 2018, 993 tranżazzjoni appoġġati mill-Fond diġà ġew approvati mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment għal valur ta’ investiment totali ta’ EUR 360 biljun, li jkopri l-Istati Membri kollha. Madwar 850 000 intrapriża żgħar u ta’ daqs medju u kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja huma mistennija jibbenefikaw. Żewġ terzi ta’ EUR 360 biljun miġbura ġejjin minn riżorsi privati, fis-sens li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi laħaq ukoll l-objettiv tiegħu tal-mobilizzazzjoni tal-investiment privat.
Il-Fond qiegħed jagħti r-riżultati wkoll fl-objettiv tal-addizzjonalità tiegħu. Il-proġetti li jirċievu appoġġ baġitarju permezz tiegħu jridu jkunu addizzjonali fis-sens li dawn jindirizzaw il-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali u li kieku ma kinux se jiġu ffinanzjati fl-istess perjodu jew mhux sal-istess punt. L-evoluzzjoni tal-volum ta’ firem annwali tal-Grupp tal-Bank Ewropew ta’ Investiment bejn l-2014 u l-2017 turi li filwaqt li l-volum totali annwali ta’ self baqa’ ftit jew wisq stabbli, is-sehem ta’ Attivitajiet Speċjali żdied sew bl-implimentazzjoni tal-Fond, u laħaq is-EUR 17,9 biljun fl-2017, minn EUR 4,6 biljun fl-2014. Barra minn hekk, ir-Regolament “FEIS 2.0” li estenda l-ħajja tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi sal-aħħar tal-2020 introduċa definizzjoni aktar dettaljata tal-addizzjonalità u żied it-trasparenza tad-deċiżjonijiet ta’ investiment.
Figura 2. Ir-Riżultati tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi minn Novembru 2018
Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi kien ta’ benefiċċju għall-Istati Membri kollha. Attwalment, l-investiment mobilizzat meta mqabbel mal-Prodott Gross Domestiku huwa l-ogħla fil-Greċja, l-Estonja, il-Litwanja, il-Portugall u l-Bulgarija. Id-distribuzzjoni ġeografika tal-ammonti turi li l-investiment mobilizzat permezz tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi fil-biċċa l-kbira ġie allokat għall-pajjiżi l-aktar milquta mill-kriżi finanzjarja, li huma dawk li fihom it-tnaqqis fl-investiment kien l-aktar sinifikanti.
Eżempji ta’ proġetti appoġġati mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi
Spanja: EUR 35 miljun għall-intrapriża soċjali Ilunión biex tappoġġa persuni b’diżabilità
Il-Bank Ewropew tal-Investiment iffirma self ta’ EUR 35 miljun ma’ Ilunión, intrapriża soċjali Spanjola. Ilunión, l-akbar impjegatur privat tal-persuni b’diżabilità fi Spanja, iwettaq diversi attivitajiet kummerċjali, inklużi l-ġestjoni tal-faċilitajiet, is-servizzi tal-kura tas-saħħa, it-turiżmu u r-rikreazzjoni. Is-self, sostnut mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, se jappoġġa l-pjan ta’ investiment tal-kumpanija sal-2021, li jinkludi l-iżvilupp ta’ firxa ta’ apparati biex titjieb il-ħajja ta’ persuni b’diżabilità, iżda wkoll miżuri għall-effiċjenza enerġetika fil-katina tal-grupp ta’ laundrettes industrijali u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda għal nies b’diżabilità.
L-Italja: EUR 29 miljun għall-finanzjament ta’ sptar ġdid fi Treviso
Il-Bank Ewropew tal-Investiment qed jgħin biex jiffinanzja d-disinn, il-kostruzzjoni u l-operat ta’ sptar ġdid fi Treviso, belt żgħira u ċentru industrijali fil-Grigal tal-Italja. Bħala l-ikbar sptar fil-provinċja li joffri servizzi speċjalizzati, huwa jservi madwar miljun (1) ruħ. Il-proġett ta’ Treviso huwa eżempju tajjeb ta’ kif il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi jrawwem investimenti b’impatt soċjali f’soluzzjonijiet innovattivi għar-riċerka, is-saħħa, l-impjiegi u s-servizzi soċjali li minnhom tibbenefika l-komunità lokali.
Il-Bulgarija: EUR 100 miljun għal kumpanija għas-saħħa tal-annimali
Biovet hija kumpanija globali għas-saħħa tal-annimali bil-kwartieri ġenerali f’Sofija, il-Bulgarija. Il-Bank Ewropew tal-Investiment qed jipprovdi self ta’ EUR 100 miljun biex jiffinanzja spinta fil-livelli ta’ produzzjoni u l-kapaċità tar-riċerka u l-iżvilupp. Il-proġett jinkludi l-istabbiliment ta’ żewġ faċilitajiet ġodda: faċilità ta’ fermentazzjoni f’Peshtera fin-nofsinhar tal-Bulgarija u impjant ġdid f’Razgrad fil-Grigal tal-Bulgarija għall-manifattura tat-tilqim tal-annimali. Il-proġett se jippermetti wkoll lill-kumpanija li twettaq riċerka u żvilupp fl-oqsma ta’ mikrobijoloġija u tal-iżvilupp ta’ prodotti ġodda, bħal tilqim u enżimi.
Il-Greċja: EUR 150 miljun għan-netwerk tal-broadband
Il-ftehim ta’ self ta’ EUR 150 miljun se jgħin biex jiffinanzja l-pjanijiet ta’ Cosmote biex issaħħaħ u tespandi n-netwerk tal-broadband mobbli tagħha, filwaqt li żżid b’mod sinifikanti l-prestazzjoni tan-netwerk f’termini ta’ veloċità, kapaċità u kopertura. Dan se jtejjeb il-prestazzjoni tan-netwerk f’żoni rurali u remoti tal-Greċja.
Franza: EUR 15-il miljun għall-enerġija solari biex jissawwru superfiċji intelliġenti
Il-Bank Ewropew tal-Investiment qed isellef EUR 15-il miljun lil Sunpartner Technologies, kumpanija Franċiża innovattiva li tuża pannelli solari biex timmanifattura superfiċji u materjal għall-bini li jisfruttaw l-enerġija solari. Wieħed mill-prodotti ewlenin tagħha huwa ħġieġ fotovoltajku kważi trasparenti li jista’ jipprovdi l-enerġija għal twieqi oskurabbli. L-iskurar jista’ jkun aġġustat b’mod remot permezz ta’ smartphone biex inaqqas il-bżonn tal-arja kundizzjonata. Il-kumpanija se tuża s-self, sostnut mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, biex tinvesti fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni u żżid il-produzzjoni.
Il-Pjan ta’ Investiment ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-tkabbir. Id-Dipartiment tal-Ekonomija tal-Bank Ewropew tal-Investiment u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni jistmaw li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi diġà appoġġa aktar minn 750 000 impjieg. Din iċ-ċifra hija mistennija li tiżdied għal 1,4 miljun impjieg sal-2020. Barra minn hekk, il-kalkoli juru li l-Pjan ta’ Investiment diġà żied b’0,6 % l-Prodott Domestiku Gross tal-UE u huwa mistenni li jżid il-Prodott Domestiku Gross tal-UE b’1,3% sal-2020. Flimkien ma’ dan l-effett pożittiv, analiżi li twettqet miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni tindika li l-impatt makro-ekonomiku kombinat tal-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-riformi regolatorji identifikati fid-dominju tas-Suq Uniku Diġitali, l-Istrateġija tas-Suq Uniku, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni tal-Enerġija jista’ jirriżulta f’miljun (1) impjieg addizzjonali maħluqa sal-2030 u wkoll żieda addizzjonali fil-Prodott Domestiku Gross tal-UEta’ 1,5% sal-2030. Din l-analiżi hija bbażata fuq it-tneħħija jew it-tnaqqis mistennija ta’ ostakli eżistenti għall-investiment mill-proposti leġiżlattivi li l-Kummissjoni adottat bħala parti minn dawn l-erba’ pakketti ta’ politika.
Tittejjeb il-kwalità tal-proġetti u l-ħolqien ta’ sensiela ta’ proġetti stabbli
Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment jgħinu biex il-proġetti jsiru realtà. Iċ-Ċentru, inizjattiva konġunta bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, joffri punt ta’ aċċess uniku għal servizzi ta’ konsulenza u ta’ assistenza teknika. Huwa diġà indirizza aktar minn 860 talba mill-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, huwa ffirma aktar minn 20 ftehim ma’ banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, biex tiġi żviluppata l-kapaċità ta’ tali istituzzjonijiet għall-appoġġ ta’ sensiliet ta’ investimenti u biex jittejjeb l-għoti ta’ assistenza lokali. Għal dan l-għan, tnediet Sejħa għal Proposti f’Diċembru 2017. Tmien banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali diġà applikaw għas-sejħa u bosta oħrajn esprimew l-interess tagħhom fl-iżvilupp tal-kapaċità konsultattiva tagħhom. Barra minn hekk, l-Appoġġ ta’ Konsulenza għall-Investiment Urban (Urban Investment Advisory Support, URBIS) li tnieda f’Novembru 2017, huwa pjattforma ġdida dedikata ta’ konsulenza għall-investiment urban fi ħdan iċ-Ċentru. URBIS twaqqaf biex ikun ta’ appoġġ ta’ konsulenza għall-awtoritajiet urbani biex iħaffu, jaċċelleraw u jisfruttaw il-proġetti, il-programmi u l-pjattaformi ta’ investiment urban. Sal-lum, is-36 talba allokati lill-URBIS joriġinaw minn 17-il Stat Membru.
Il-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment hu portal ta’ tqabbil online tal-UE, li jgħaqqad lill-promoturi mal-investituri fid-dinja kollha. Huwa diġà ppubblika kważi 450 proġett ta’ investiment mill-Istati Membri kollha madwar setturi varji. Skont stħarriġ li sar fir-rebbiegħa tal-2018 fost il-promoturi ta’ proġetti li jinsabu fil-Portal, 80 % tal-proġetti ġew ikkuntattjati minn investituri. Il-Portal iffirma wkoll diversi ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ portali simili.
|
Eżempji miċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investiment
L-assenjazzjonijiet taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investiment jinkludu l-appoġġ tiegħu għall-Clinical Hospital Centre ta’ Rijeka (fil-Kroazja) biex jinbena kumpless ta’ sptar integrat u modern. Iċ-Ċentru qed jipprovdi wkoll pariri biex terġa’ tingħata l-ħajja liż-Żona Metropolitana ta’ Rotterdam-The Hague (fin-Netherlands). Flimkien mar-Roadmap Next Economy Executive, dan jgħin biex jiżviluppa strateġija ta’ investiment biex jiġi żgurat il-finanzjament għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali u jiġi evalwat il-potenzjal għall-istabbiliment ta’ pjattaforma ta’ investiment. Il-port ta’ Leixões (fil-Portugall) fittex il-finanzjament biex itejjeb l-aċċessibilità tal-portijiet bħala parti mill-pjan ta’ investiment aktar wiesa’ biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kuritur tan-netwerk ewlieni Atlantiku tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew. Iċ-Ċentru għen lill-awtoritajiet tal-Port fil-valutazzjoni tal-maturità tal-proġett u fil-metodoloġija tal-analiżi tal-kostijiet-benefiċċji tiegħu biex jissodisfa r-rekwiżiti taħt is-Sejħa Mħallta tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (Connecting Europe Facility Blending Call).
|
InvestEU: inwasslu l-appoġġ għall-investiment għal-livell li jmiss
Filwaqt li tibni fuq is-suċċess tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, il-Kummissjoni pproponiet il-Programm InvestEU bħala parti mill-Programm ta’ Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE mill-2021sal-2027. Il-programm il-ġdid se jikkonsisti mill-Fond InvestEU, is-suċċessur tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU u l-Portal InvestEU. InvestEU se jlaqqa’ flimkien it-13-il strument finanzjarju eżistenti ġestiti ċentralment mill-Kummissjoni, li se jrendi s-sostenn tal-UE aktar aċċessibbli u se jiġġenera ekonomiji ta’ skala. Il-Fond InvestEU se jimmobilizza investiment permezz ta’ garanzija pprovduta mill-baġit tal-Unjoni, li se tippermetti lill-istituzzjonijiet finanzjarji sħab tal-Kummissjoni jieħdu aktar riskju fuqhom. Il-Fond InvestEU huwa mistenni li jiskatta mill-inqas EUR 650 biljun f’investiment addizzjonali f’setturi allinjati mal-prijoritajiet tal-politika interna tal-Unjoni u ffukati fuq il-ġenerazzjoni ta’ riżultati soċjoekonomiċi u ambjentali, inkluża l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Il-Portal InvestEU se jkompli jappoġġa lill-investituri biex isibu opportunitajiet ta’ investiment fis-settur jew fil-post ta’ interess tagħhom. Huwa se jipprovdi rabta aħjar bejn il-proġetti u finanzjament possibbli mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ InvestEU. Iċ-Ċentru ta’ Konsulenza ta’ InvestEU se jintegra t-13-il servizz konsultattiv attwali tal-UE differenti f’punt uniku ta’ servizz għall-assistenza fl-iżvilupp tal-proġetti. Iċ-Ċentru se jipprovdi appoġġ tekniku u assistenza biex jappoġġa t-tħejjija, l-iżvilupp, l-istrutturar u l-implimentazzjoni tal-proġetti, inkluż il-bini ta’ kapaċità.
3. It-tneħħija tal-ostakli għall-investiment
It-tielet pilastru tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa għandu l-għan li jtejjeb l-ambjent tal-investiment billi jidentifika u jneħħi l-ostakli għall-investiment fil-livelli istituzzjonali u amministrattivi kollha, inkluż fir-rigward tal-burokrazija żejda u l-ostakli regolatorji. Il-Kummissjoni indirizzat u se tkompli tindirizza l-ostakli regolatorji u amministrattivi, fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE. L-inizjattivi fil-livell tal-UE u r-riformi strutturali fl-Istati Membri huma komplimentari u, għalhekk, l-Istati Membri wkoll kienu qed jindirizzaw l-ostakli għall-investiment fil-livell nazzjonali.
3.1 Inizjattivi fil-livell tal-UE
L-approfondiment tas-Suq Uniku fid-dimensjonijiet kollha tiegħu
Il-Kummissjoni llum ippreżentat l-ewwel reazzjoni għat-talba tal-Kunsill Ewropew f’Marzu 2018 biex jivvaluta l-qagħda attwali kif ukoll l-ostakli li fadal u l-opportunitajiet għal Suq Uniku li jiffunzjona b’mod sħiħ.
Matul is-snin, il-Kummissjoni ħadet passi biex tneħħi l-ostakli regolatorji li jxekklu l-kummerċ u l-investiment transfruntiera fis-Suq Uniku. Is-Suq Uniku, wieħed mill-akbar kisbiet u assi tal-Ewropa, għen biex jiġġenera opportunitajiet ġodda u ekonomiji ta’ skala għall-kumpaniji Ewropej u għen lill-persuni biex jgħixu, jistudjaw u jaħdmu kull fejn xtaqu. Il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija għas-Suq Uniku f’Ottubru 2015, li tqiegħed enfasi partikolari fuq il-promozzjoni tal-investiment billi jiġu eliminati l-ostakli li għad fadal u li tipprovdi prevedibbiltà regolatorja akbar. Bħala segwitu għall-Istrateġija tas-Suq Uniku, il-pakkett dwar l-akkwist tal-2017 fih miżuri differenti li għandhom l-għan li jtejbu l-qafas tal-akkwist tal-Unjoni Ewropea u jinkoraġġixxu aktar implimentazzjoni strateġika tar-regoli eżistenti. Akkwist trasparenti, prevedibbli u ġust huwa kruċjali biex tingħata spinta lill-investiment.
L-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, li tnediet fl-2015, għandha l-għan li tneħħi l-ostakli li jimpedixxu l-ekonomija diġitali milli tiffunzjona bl-aħjar mod u li tiftaħ opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-impjiegi. Sar progress sinifikanti mit-tnedija tagħha. Għadd ta’ inizjattivi ġodda bħall-għoti ta’ qafas konsistenti tal-UE għal kummerċ elettroniku u reġim tal-VAT transfruntier simplifikat ipprovdew għodod importanti biex l-intrapriżi Ewropej isiru aktar kompetittivi. Il-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, qed ikompli jħeġġeġ l-investiment f’netwerks tal-broadband (inkluż il-5G), billi jnaqqas l-ostakli għall-operaturi biex jinvestu flimkien u jaqsmu l-ispejjeż. Barra minn hekk, l-UE stabbilixxiet l-ogħla standards għaċ-ċittadini Ewropej biex ikunu konnessi aħjar u protetti fl-era diġitali, inkluż permezz tat-tneħħija tat-tariffi tar-roaming u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data Ġenerali.
Swieq kapitali
L-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha potenzjal kbir li tagħti spinta lill-investiment fl-UE permezz tat-tneħħija ta’ ostakli għall-fluss liberu tal-kapitalbejn il-fruntieri Ewropej, filwaqt li tappoġġa l-konverġenza ekonomika, u tespandi l-aċċess għal finanzjament vitali bbażat fuq is-suq. Dan jgħin l-iffinanzjar tal-innovazzjoni u jagħti spinta lill-ħolqien tal-impjiegi. Is-swieq kapitali profondi u likwidi jappoġġaw ukoll ir-rwol internazzjonali tal-euro, isaħħu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u jtejbu r-reżiljenza tal-ekonomija tal-UE, billi jipproteġu liċ-ċittadini u lill-kumpaniji tal-UE fiż-żona tal-euro u lil hinn mix-xokkijiet ekonomiċi li laqtu lir-reġjun tagħhom. Sa issa, il-Kummissjoni ressqet diversi proposti għall-pedamenti ewlenin tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, kif imħabbar fl-2015 u fl-2017. Il-koleġiżlaturi sa issa adottaw biss tlieta (3) minn dawn il-proposti leġiżlattivi. L-adozzjoni ta’ proposti pendenti issa hija kwistjoni urġenti.
L-iżvilupp tas-swieq tal-kapital lokali hija prijorità konkreta tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Fil-livell Ewropew, apparti l-miżuri mmirati previsti permezz tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-appoġġ u l-monitoraġġ ta’ swieq kapitali aktar profondi u aktar likwidi huma żgurati rispettivament permezz tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali u l-proċess tas-Semestru Ewropew. Is-swieq tal-kapital lokali qed jagħmlu wkoll progress bis-saħħa tal-impulsi nazzjonali u reġjonali mħeġġa mill-Unjoni Ewropea. Fil-livell reġjonali, ċerti pajjiżi stabbilixxew koperazzjoni transfruntiera biex jiffaċilitaw l-ikkwotar f’Boroż barranin u l-investiment barrani, jgħaqqdu l-infrastrutturi tas-suq u jarmonizzaw aktar ir-regoli reġjonali. Fil-livell nazzjonali, diversi Stati Membri adottaw strateġiji nazzjonali tas-suq tal-kapital, ħadu miżuri biex jappoġġaw l-aċċess għas-swieq tal-kapital permezz ta’ fondi pubbliċi u tejbu l-ambjent kummerċjali tagħhom b’mod ġenerali.
L-infrastrutturi tat-trasport u l-enerġija
Biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-ostakli f’investimenti fl-infrastruttura tat-trasport u jappoġġaw it-twassil f’waqtu tan-Netwerk fundamentali trans-Ewropew tat-Trasport sal-2030, il-Kummissjoni ppreżentat f’Mejju 2018 proposta għal Regolament bl-għan li jiġi ssimplifikat l-għoti tal-permessi u l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku biex tiżdied l-effiċjenza fil-preparazzjoni ta’ proġetti transfruntiera u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-promoturi tal-proġetti. Dan huwa parti minn sforz usa’ biex itejjeb il-qafas regolatorju għall-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport..
It-tlestija tal-Unjoni tal-Enerġija u t-tħaffif tat-tranżizzjoni tal-enerġija jġibu opportunitajiet ta’ investiment kbar. Sar progress konsiderevoli fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ewlenin tal-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea: 30 proġett ta’ interess komuni se jitlestew sal-aħħar tal-2018. Din iċ-ċifra hija mistennija li tiżdied għal 47 sa tmiem l-2020. Ħafna minn dawn il-proġetti huma appoġġati taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. F’Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat it-tielet (3et) lista ta’ proġetti tal-Unjoni ta’ interess komuni. Il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha, adottat fit-30 ta’ Novembru 2016, jipprevedi riforma komprensiva tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa, mill-produttur sal-utent finali, filwaqt li jkopri d-disinn tas-suq tal-elettriku, l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u r-regoli ta’ governanza għall-Unjoni tal-Enerġija tal-UE. Huwa jippromwovi wkoll inizjattivi mmexxija mill-industrija li jħeġġu l-kompetittività u li jnaqqsu l-impatt tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa fuq is-soċjetà, u jinvolvi diversi membri, bħall-awtoritajiet u negozji lokali u tal-bliet, imsieħba soċjali u investituri. Il-pakkett jinkludi wkoll azzjonijiet biex tiġi aċċellerata l-innovazzjoni fl-enerġija nadifa u biex jiġi rinnovat il-bini fl-Ewropa, kif ukoll miżuri li jinkoraġġixxu l-investiment pubbliku u privat. L-ewwel proposta legali daħlet fis-seħħ f’Lulju 2018, filwaqt li tliet proposti diġà laħqu ftehim politiku. L-erba’ li jibqa’ huma mal-koleġiżlaturi bil-ħsieb ta’ ftehim u adozzjoni bikrija. B’dan il-qafas regolatorju ambizzjuż, stabbli u prevedibbli, l-UE qiegħda f’pożizzjoni tajba biex tieħu vantaġġ mit-tranżizzjoni tal-enerġija. It-tmexxija tal-UE fil-finanzi sostenibbli, li timmira lejn l-orjentazzjoni mill-ġdid ta’ flussi ta’ kapital privat għal investimenti aktar sostenibbli u tgħin lill-investituri biex jindirizzaw ir-riskji ambjentali inkluż dawk relatati mat-tibdil fil-klima, qed tkompli ssaħħaħ dawn l-azzjonijiet.
Iċ-ċittadini, l-edukazzjoni u l-ħiliet
L-investiment fiċ-ċittadini, fil-ħiliet u fl-għarfien tagħhom huwa meħtieġ biex titħeġġeġ il-kompetittività fl-Ewropa u jiġi attirat l-investiment. Dan l-approċċ ta’ investiment soċjali huwa rifless fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Kunsill f’Novembru 2017. Barra minn hekk, fl-2016, il-Kummissjoni adottat Aġenda komprensiva għall-Ħiliet għall-Ewropa. L-10 azzjonijiet ewlenin tagħha jippromwovu t-titjib tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja u biex jiġi żgurat li l-Ewropej ikollhom il-ħiliet li s-swieq tax-xogħol tagħna jeħtieġu. Barra minn hekk, bħala tweġiba għas-sejħiet mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern, il-Kummissjoni qed tistabbilixxi Żona Ewropea għall-Edukazzjoni. Fl-aħħar nett, huwa ta’ importanza kbira li jsir aktar investiment fl-infrastruttura soċjali, inklużi s-saħħa u l-kura tas-saħħa għal perjodu fit-tul, fid-dawl ta’ soċjetajiet li qed jixjieħu u l-forza tax-xogħol li qed tiċkien.
Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej
Barra minn hekk, il-kondizzjonalitajiet ex ante, introdotti biex tiżdied l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-perjodu ta’ implimentazzjoni 2014-20, irriżultaw fit-tneħħija tal-ostakli għall-investiment fl-Istati Membri u r-reġjuni madwar is-setturi (permezz ta’ kondizzjonijiet orizzontali, pereżempju fil-qasam tal-akkwist pubbliku, ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat u l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar) u fis-setturi appoġġati minn dawn il-fondi (bħal fis-setturi tat-trasport, diġitali, tal-enerġija, tal-ekonomija blu, tal-iskart u tal-ilma). Dawn xprunaw riformi ta’ politika fl-Istati Membri u fl-adozzjoni ta’ oqfsa ta’ politika ġodda u strateġiċi għal appoġġ pubbliku u għall-investimenti tas-settur privat, u wkoll ikkontribwew biex titjieb il-kapaċità amministrattiva tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. Fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, il-kondizzjonalitajiet ex ante se jiġu sostitwiti minn “kundizzjonijiet abilitanti” li jiżguraw il-prerekwiżiti neċessarji għall-użu effettiv u effiċjenti tal-Fondi tal-UE.
Għall-qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, il-Kummissjoni pproponiet it-tnaqqis b’mod sinifikanti tal-piż amministrattiv għal dawk li japplikaw biex jużaw il-Fondi Strutturali. Il-Kummissjoni pproponiet tnaqqis tal-burokrazija u proċeduri ta’ kontroll eħfef għan-negozji u l-imprendituri li jibbenefikaw mill-appoġġ tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet sett uniku ta’ regoli għal seba’ fondi tal-UE li huma implimentati b’mod konġunt mal-Istati Membri, inklużi l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni. Il-bidla tal-Politika Agrikola Komuni minn approċċ ibbażat fuq il-konformità għal approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni għandha wkoll tnaqqas il-burokrazija żejda. Tnaqqis importanti ieħor fil-piżijiet amministrattivi fil-perjodu baġitarju li jmiss isegwi mill-proposta għal Programm InvestEU, li tissimplifika u tiġbor flimkien firxa ta’ fondi eżistenti.
Għajnuna mill-Istat
Il-Kummissjoni ssimplifikat ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat wara l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Investiment. Il-Kummissjoni provdiet gwida dettaljata biex tgħin lill-investituri jidentifikaw meta l-miżuri ta’ appoġġ pubbliku, inklużi investimenti infrastrutturali, ma jaqgħux taħt ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa ġie estiż biex jippermetti miżuri ta’ sostenn pubbliku għall-infrastruttura tal-portijiet, tal-ajruporti u kulturali. Illum, daqs 97 % tal-miżuri kollha ta’ għajnuna mill-Istat huma, fuq kundizzjonijiet ċari, mogħtija mingħajr approvazzjoni minn qabel tal-għajnuna mill-Istat tal-UE. Aktar reċentement, f’Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat proposta għal emenda mmirata tar-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni biex takkumpanja l-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. L-effett ikkombinat ta’ dawn il-miżuri wassal għal żieda sostanzjali ta’ ċertezza legali u proċeduri aktar sempliċi, biex b’hekk jitħeġġu l-investimenti b’mod partikolari fl-infrastruttura.
3.2 It-trattament tal-ostakli fil-livell nazzjonali u reġjonali
Ir-riformi strutturali nazzjonali ta’ spiss jittrattaw id-dgħufijiet fl-ambjent tan-negozju u l-ostakli li jaffettwaw l-effiċjenza tan-negozju u jxekklu l-investiment. Is-Semestru Ewropew jgħin lill-Istati Membri jikkoordinaw b’mod aktar effettiv il-politiki baġitarji, makroekonomiċi u strutturali tagħhom billi jallinjawhom ma’ regoli u objettivi miftiehma fil-livell tal-UE. Huwa jipprovdi wkoll opportunitajiet għal djalogu multilaterali dwar linji politiċi fiskali, ekonomiċi u soċjali u l-aġendi ta’ riforma nazzjonali, inkluż dwar l-indirizzar tal-isfidi tal-investiment. Ir-rapporti tal-pajjiżi ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea jqisu r-riformi ta’ prijorità proposti u implimentati f’dak il-kuntest. L-aħħar rapporti, ippubblikati f’Marzu 2018, jiddokumentaw li qed isir progress kontinwu fl-indirizzar tal-isfidi tal-investiment f’għadd ta’ oqsma (ara l-Anness 2). L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015 l-ewwel ippreżenta l-approċċ integrat tal-Kummissjoni lejn politika ekonomika, billi ffoka fuq it-tisħiħ tal-investiment flimkien mal-promozzjoni ta’ riformi strutturali u l-iżgurar ta’ responsabbiltà fiskali. Huwa kompla jkun l-approċċ ewlieni fis-Semestru Ewropew sa issa.
F’xi Stati Membri, hija meħtieġa spinta akbar biex jiġu implimentati l-bqija tar-riformi strutturali. Madwar żewġ terzi tar-rakkomandazzjonijiet kollha wrew mill-anqas “xi progress” fl-implimentazzjoni. Madankollu, fl-istess ħin, il-viġilanza hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat li r-riformi ma jitreġġgħux lura. Barra minn hekk, ir-rekord ta’ implimentazzjoni tar-riformi mhuwiex konsistenti madwar l-Istati Membri.
Il-Kummissjoni pprovdiet lill-Istati Membri b’ħarsa ġenerali lejn l-isfidi ewlenin fil-kuntest ta’ investimenti fil-livell nazzjonali u riformi xierqa. L-isfidi potenzjali għall-investiment ġew klassifikati f’ħames kategoriji wiesgħa: (i) l-amministrazzjoni pubblika / l-ambjent tan-negozju; (ii) is-suq tax-xogħol / l-edukazzjoni, (iii) is-settur finanzjarju / it-tassazzjoni; (iv) ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u (v) regolamentazzjoni speċifika għas-settur. Konsegwentement, il-Kummissjoni stimulat serje ta’ diskussjonijiet dwar l-ostakli għall-investiment f’oqsma speċifiċi ta’ politika fil-Kunsill. Dawn iffokaw, fost l-oħrajn, fuq il-faċilità biex isir in-negozju, l-investiment f’assi intanġibbli, l-oqfsa ta’ insolvenza, is-sħubijiet pubbliċi-privati u investiment fl-industriji li jużaw in-netwerks (ara l-Anness 1).
Il-punt ta’ politika li jispikka: Ir-riformi tal-Finlandja fis-settur tal-bejgħ bl-imnut
Għal bosta snin, is-settur tal-bejgħ bl-imnut fil-Finlandja kienet ikkaratterizzat minn regolamenti preskrittivi wisq li jirregolaw l-istabbiliment u l-operat ta’ ħwienet tal-bejgħ bl-imnut. Dan irriżulta f’nuqqas ta’ kompetizzjoni u ostakli kbar għad-dħul. Il-konsumaturi Finlandiżi ffaċċjaw prezzijiet ogħla u inqas għażla milli konsumaturi fi Stati Membri oħra. Wara r-rakkomandazzjonijiet ripetuti fil-kuntest tas-Semestru Ewropew sabiex jitnaqqsu r-restrizzjonijiet u jinfetaħ is-settur tal-bejgħ bl-imnut għall-kompetizzjoni, il-Finlandja lliberalizzat il-ħinijiet tal-ftuħ u rriformat ir-regoli tal-ippjanar muniċipali u reġjonali tagħha. L-iffaċilitar tad-dħul fis-suq tal-bejgħ bl-imnut huwa mistenni li jkollu effetti pożittivi fuq l-investiment fit-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, iżid l-impjiegi u jnaqqas l-ispejjeż għal ħwienet kbar, li għandu jġib benefiċċji liċ-ċittadini.
F’dawn l-aħħar snin, l-Istati Membri għamlu progress sinifikanti fl-għoti ta’ kondizzjonijiet favorevoli għall-investiment. Fl-indikaturi kważi kollha li jkejlu l-ambjent amministrattiv, ġie reġistrat titjib sinifikanti. Ħafna Stati Membri ffukaw fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet biex jinbeda negozju u biex isir negozju bejn il-fruntieri. Eżempji tajba jinkludu r-reġistrazzjoni online ta’ kumpaniji ġodda, one-stop shops għar-reġistrazzjoni tan-negozji jew biex jissolvew problemi komuni, kif ukoll it-tneħħija jew it-tnaqqis ta’ imposti parafiskali u tariffi oħrajn relatati man-negozju. L-Istati Membri kienu involuti f’riformi fil-ġustizzja u rnexxielhom ikomplu jtejbu l-effettività tas-sistema ġudizzjarja tagħhom. Ittieħdu wkoll miżuri biex jirriformaw is-swieq tax-xogħol u tal-prodotti, jappoġġaw ir-riċerka privata, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u jittejjeb l-aċċess għall-finanzi, pereżempju billi jitnaqqas l-istokk ta’ self improduttiv.
It-titjib tal-livelli tal-ħiliet u t-tqabbil tagħhom mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol huwa essenzjali biex tiżdied il-produttività u l-adattabbiltà tal-forza tax-xogħol, biex b’hekk tiġi eżerċitata influwenza pożittiva fuq l-investiment. L-edukazzjoni u t-taħriġ inklużivi u li jiffunzjonaw tajjeb jistgħu jgħinu biex jevitaw jew inaqqsu r-riskji ta’ nuqqasijiet ta’ ħiliet u tlaqqigħ żbaljat tal-ħiliet li huma ta’ spiża għas-soċjetà, kemm ekonomikament kif ukoll soċjalment, f’termini ta’ opportunitajiet ta’ tkabbir mitlufa u t-tnaqqis ta’ opportunitajiet ta’ impjiegi għal ċerti gruppi tal-popolazzjoni. B’rikonoxximent ta’ dan, mill-2015, l-Istati Membri tabilħaqq poġġew enfasi dejjem akbar fuq il-politika mmirata lejn il-promozzjoni tal-ħiliet.
Il-punt ta’ politika li jispikka: L-aċċess għall-finanzi fis-Slovenja
L-aċċess għall-finanzi fis-Slovenja tjieb bis-saħħa ta’ miżuri mmirati li jappoġġaw l-aċċess ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju għal forom alternattivi ta’ finanzjament, forom kemm tal-ekwità kif ukoll tat-tip marbuta mad-dejn. Dawn il-miżuri jinkludu inizjattiva ġdida rigward l-ekwità transfruntiera, l-ewwel programm ta’ investiment ta’ tkabbir kapitali Sloven u strumenti finanzjarji kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej li jammontaw għal EUR 253 miljun. L-aċċess għall-finanzi tjieb ukoll bis-saħħa ta’ tnaqqis konsiderevoli fil-proporzjon ta’ self improduttiv, minn 22,8 % fi tmiem l-2014 għal 11,4 % fit-tieni kwart tal-2017.
Minkejja l-progress importanti li sar fit-titjib tal-ambjent tal-investiment, l-isfidi ewlenin għadhom jeżistu, u t-tlestija tal-implimentazzjoni tar-riformi li għaddejjin tibqa’ prijorità. L-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw ir-riformi neċessarji li għandhom l-għan li jneħħu l-ostakli għall-investiment. Sistemi ġudizzjarji effettivi inkluż ir-rispett sħiħ għall-istat tad-dritt huma kruċjali f’dan il-kuntest. Dawn ir-riformi huma kundizzjoni meħtieġa biex isostnu u jżidu l-livelli ta’ investiment fl-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. F’dan il-kuntest, u bi tħejjija għall-fażi li jmiss tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni tivvaluta wkoll l-isfidi tal-ambjenti ta’ investiment tal-Istati Membri fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2019.
4. Konklużjonijiet u oqsma ewlenin għal azzjoni prijoritarja
Ir-rati ta’ investiment jidhru li qabdu b’mod sinifikanti mit-tnedija tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, iżda għadhom taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi wera li huwa għodda effiċjenti biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-investiment fl-ekonomija tal-UE permezz tal-mobilizzazzjoni ta’ finanzjament f’setturi ewlenin li jbatu minn nuqqasijiet tas-suq u sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali. Il-garanzija baġitarja li tirfed il-Fond għenet biex jiżdied b’mod konsiderevoli l-għadd ta’ operazzjonijiet aktar riskjużi ffinanzjati mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Bil-proposta tagħha għall-Programm InvestEU, il-Kummissjoni timmira li ttella’ l-appoġġ għall-investiment fl-UE fil-livell li jmiss. Il-koleġiżlaturi huma mistiedna jadottaw il-proposta bħala kwistjoni ta’ prijorità, biex tippermetti għal kontinwazzjoni bla problemi fl-appoġġ għall-investiment fil-perjodu baġitarju li jmiss. B’mod parallel, huwa meħtieġ progress rapidu fin-negozjati tal-proposta simplifikata l-ġdida tal-Kummissjoni għall-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali.
Barra t-tħeġġiġ tal-investiment domestiku, huwa meħtieġ ambjent aktar favorevoli għall-investiment sabiex jirrinforza l-pożizzjoni tal-UE fl-ekonomija dinjija bħala destinazzjoni attraenti għall-investiment. It-tlestija tas-Suq Uniku, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, is-Suq Uniku Diġitali u l-Unjoni tal-Enerġija, filwaqt li jiġu infurzati r-regoli tal-kompetizzjoni fis-setturi kollha, għandha tneħħi l-maġġoranza l-kbira tal-ostakli li għad fadal fl-investiment fil-livell Ewropew. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija partikolarment importanti f’dan il-kuntest, billi l-akbar ċentru finanzjarju tal-Ewropa wasal biex jitlaq mis-Suq Uniku. Biex jadattaw ruħhom għal din ir-realtà l-ġdida, huma meħtieġa żvilupp ulterjuri u integrazzjoni aktar profonda fir-rigward tas-swieq kapitali tal-EU-27, flimkien ma’ swieq kapitali lokali aktar b’saħħithom u aktar żviluppati. Il-Kummissjoni għalhekk tappella lill-koleġiżlaturi biex iħaffu l-adozzjoni tal-inizjattivi li fadal biex jitlestew is-Suq Uniku, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni tal-Enerġija u biex isir progress fil-proposti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.
Taħt is-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni se tkompli tidentifika l-prijoritajiet ta’ politika u timmonitorja l-progress fl-implimentazzjoni tar-riforma, li għadu mhux uniformi fost l-Istati Membri u bejn l-oqsma ta’ politika. Ir-rabtiet eżistenti bejn il-finanzjament tal-UE u s-Semestru Ewropew se jissaħħu, biex jiġu żgurati sinerġiji u kumplimentarjetà bejn l-analiżi u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u l-infiq fil-livell tal-UE. Biex jinkiseb dan, is-Semestru Ewropew 2019 se jiffoka aktar fuq l-identifikazzjoni u l-prijoritizzazzjoni ta’ ħtiġijiet ta’ investiment fil-livell nazzjonali bl-għan li jiġu ggwidati d-deċiżjonijiet ta’ programmar li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew plus u l-Fond ta’ Koeżjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mistiedna biex iħejju u jippreżentaw Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima ta’ kwalità għolja li jkopru l-perjodu mill-2021 sal-2030, sabiex jiġi pprovdut qafas regolatorju stabbli u abilitanti għall-investimenti relatati mal-klima u l-enerġija.
Il-proposti tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid ukoll isaħħu l-enfasi fuq l-investiment u l-kumplimentarjetajiet bejn il-fondi tal-UE rilevanti. Għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li toħloq Programm ta’ Sostenn tar-Riformi, li se jipprovdi inċentivi finanzjarji lill-Istati Membri biex iwettqu r-riformi. Barra minn hekk, Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti se tgħin biex jinżammu l-livelli ta’ investimenti f’każ ta’ xokkijiet asimmetriċi kbar. Dawn l-istrumenti se jikkomplementaw fondi oħra tal-UE, speċjalment dawk li jappoġġaw il-politika ta’ koeżjoni, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-Orizzont Ewropa u l-Fond il-ġdid InvestEU. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tgħaqqad diversi flussi ta’ finanzjament għall-innovazzjoni fi strument uniku, il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, li se jgħin biex jindirizza d-distakk fil-finanzjament tal-innovazzjoni b’riskju għoli fix-xenarju tan-negozji ġodda Ewropej. L-użu effiċjenti tal-programmi tal-UE huwa kruċjali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet sinifikanti ta’ investiment, kemm fil-livell ta’ ppjanar kif ukoll f’dak tal-implimentazzjoni, b’viżibilità ta’ proġetti ppjanati u l-koerenza tal-kriterji ta’ eliġibilità. Filwaqt li jsaħħu l-prattiki eżistenti fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, il-programmi tal-UE se jintużaw b’mod koerenti biex jimmassimizzaw il-valur miżjud tal-finanzjament tal-UE u jappoġġaw ir-riformi fil-livell nazzjonali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, bl-objettiv aħħari li jikkonkretizzaw b’mod effiċjenti l-prijoritajiet strateġiċi tal-UE.