IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.9.2018
COM(2018) 643 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Komunikazzjoni dwar Alleanza ġdida Afrika - Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli:
nieħdu s-sħubija tagħna għall-investiment u għall-impjiegi fil-livell li jmiss
Komunikazzjoni dwar Alleanza ġdida Afrika - Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli: nieħdu s-sħubija tagħna għall-investiment u għall-impjiegi fil-livell li jmiss
F’xenarju globali li qed jinbidel malajr, l-Ewropa u l-Afrika għandhom ħafna x’jiggwadanjaw minn aktar rabtiet ekonomiċi u politiċi. Dan id-dokument jistabbilixxi l-oqsma ewlenin ta’ azzjoni għal aġenda ekonomika b’saħħitha għall-UE u s-sħab Afrikani tagħha. Dan ifittex li jippromwovi żieda sostanzjali ta’ investiment privat kemm minn Afrikani u kif ukoll minn Ewropej, jagħti spinta lill-kummerċ, itejjeb il-ħolqien tal-impjiegi u jikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli u inklużiv, jippromwovi standards ta’ teknoloġija moderna u sostenibbli, il-ħarsien tal-ambjent u tax-xogħol, u l-kondotta responsabbli tan-negozju. Dan jammonta għal Alleanza għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli bħala parti mis-Sħubija bejn Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana.
Din l-Alleanza hija aktar minn pjan finanzjarju. Hija tirrappreżenta bidla radikali fil-mod ta’ kif naħdmu bħala sħab lejn loġika ffukata fuq il-potenzjal ekonomiku tal-Afrika u l-mobilizzazzjoni tas-settur privat. L-Alleanza hija dwar l-iżblukkar ta’ investiment privat u l-esplorazzjoni ta’ opportunitajiet kbar li jistgħu jrendu benefiċċji għall-ekonomiji Afrikani u Ewropej bl-istess mod, b’enfażi speċifika fuq l-impjiegi għaż-żgħażagħ, b’reazzjoni wkoll għax-xejriet demografiċi tal-Afrika. Hija strateġija ekonomika li tpoġġi f’azzjoni s-saħħiet rispettivi tal-Ewropa u tal-Afrika, filwaqt li tieħu l-ambizzjoni tal-Pjan ta’ Investiment Estern fil-livell li jmiss. Filwaqt li tibni fuq azzjonijiet konkreti, l-Alleanza se tappoġġa l-iġġenerar ta’ 10 miljun impjieg fl-Afrika fil-ħames (5) snin li ġejjin.
Din l-Alleanza mhijiex inizjattiva indipendenti. Hija parti mis-sett usa’ ta’ relazzjonijiet u oqfsa strateġiċi bejn l-UE u l-Afrika li jagħqdu lill-Ewropa u mal-Afrika, bħall-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2030 u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha bħala viżjoni ta’ gwida għaż-żewġ kontinenti, kif ukoll fl-oqfsa ta’ politika rilevanti tal-Unjoni Afrikana (Aġenda 2063) u l-UE (Strateġija Globali , Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp). Hija element ewlieni biex jintlaħqu l-impenji miftiehma tad-Dikjarazzjoni tas-Summit ta’ Abidjan bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea u hija wkoll parti mill-bini ta’ pilastru Afrikan b’saħħtu fil-qafas ta’ wara Cotonou u l-iżvilupp ta’ sħubijiet fl-Afrika ta’ Fuq skont il-Politika Ewropea tal-Viċinat. Il-prinċipji ta’ sħubija, djalogu u sjieda se jkunu fil-qalba tal-Alleanza. Sabiex tikseb il-potenzjal sħiħ tagħha, l-Alleanza għandha timmobilizza u tikkoordina mal-Afrika l-azzjonijiet u l-istrumenti tal-UE u tal-Istati Membri.
Din l-istrateġija ekonomika koerenti tibni fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2018 li jirrikjedu l-ħolqien ta’ “qafas ġdid li jippermetti żieda sostanzjali ta’ investiment privat kemm mill-Afrikani u kif ukoll mill-Ewropej”, kif ukoll fuq il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss, u r-riżultati tal-Kummissjoni UE - Unjoni Afrikana. Din torbot fuq id-deċiżjonijiet sinifikanti tal-10 Summit Straordinarju tal-Unjoni Afrikana f’Kigali fit-21 ta’ Marzu 2018. Din tirrifletti wkoll il-konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Meseberg tad-19 ta’ Ġunju 2018 u biħsiebha tikkontribwixxi għall-aġenda tal-Presidenza Franċiża tal-2019 tal-G7.
Mobilizzazzjoni vigoruża ma’ sħab Afrikani dwar l-investimenti u l-impjiegi hija fundamentali biex jiġu indirizzati flimkien il-mobilità u l-migrazzjoni, il-promozzjoni tal-impenn ikkoordinat tal-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni, f’konformità mal-prinċipji tas-solidarjetà, is-sħubija, ir-responsabbiltà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà. Fl-istess ħin, ġestjoni komuni mtejba tal-migrazzjoni u l-mobilità tikkontribwixxi għall-istabbiltà ġenerali, li tiffavorixxi l-investiment sostenibbli. L-Alleanza hija parti essenzjali minn strateġija li tikkombina b’mod koerenti u bbilanċjat l-elementi differenti tal-approċċ konġunt tagħna lejn il-migrazzjoni: responsabbiltà kondiviża għall-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u ċ-ċaqliq sfurzat tal-popolazzjoni, b’mod li jkun hemm ġestjoni effettiva tal-fruntieri, prevenzjoni u ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin, salvataġġ u protezzjoni tal-ħajjiet, offerta ta’ mogħdijiet għall-migrazzjoni legali, u l-iżgurar ta’ kooperazzjoni mtejba dwar ir-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni ta’ migranti irregolari f’konformità mal-prinċipji stabbiliti u mal-obbligi tad-dritt internazzjonali, kif ukoll mal-arranġamenti miftehma.
Bħala parti minn dan l-approċċ komprensiv, il-passaġġi legali lejn l-UE għandhom jissaħħu sabiex jiġu offruti alternattivi sikuri u vijabbli għar-rotot perikolużi u għall-migrazzjoni irregolari. Għal dan l-għan, fil-Komunikazzjoni l-ġdida tagħha dwar it-tisħiħ tal-modi legali lejn l-Ewropa, il-Kummissjoni tappella għat-twettiq ta’ skema ta’ Karta Blu tal-UE mtejba u għall-iżvilupp ta’ proġetti pilota dwar il-migrazzjoni legali ma’ pajjiżi magħżula fl-Afrika.
Billi d-dinamika tat-tkabbir, tal-impjiegi u tal-inugwaljanzi u tal-isfidi fir-rigward tal-instabbiltà, ir-reżiljenza, is-saħħa u l-governanza jvarjaw bejn ir-reġjuni u bejn il-pajjiżi tal-Afrika, l-Alleanza se tqis id-diversità madwar il-kontinent Afrikan u l-ispeċifiċitajiet ta’ kull pajjiż, inklużi l-isfidi speċifiċi ta’ sitwazzjonijiet fraġli u r-relazzjonijiet kuntrattwali tal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq permezz tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni tagħhom u l-esperjenza tagħhom ta’ kooperazzjoni mal-Unjoni Ewropea permezz tal-Politika Ewropea tal-Viċinat.
1. Tisħiħ tal-investimenti strateġiċi għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tisħiħ tar-rwol tas-settur privat
Is-settur privat għandu l-akbar potenzjal ta’ ħolqien tax-xogħol, u għalhekk huwa essenzjali li jissaħħu l-investimenti privati – domestiċi u barranin – responsabbli fl-Afrika.
Is-sitwazzjoni attwali
L-investimenti fl-Afrika juru stampa żbilanċjata, li tirrifletti l-inċertezza globali, bi flussi ta’ Investiment Dirett Barrani lejn l-Afrika li jvarjaw u li ma jurux ix-xejra qawwija ’l fuq meħtieġa. L-Afrika t’Isfel, in-Niġerja, il-Kenja, l-Eġittu u l-Marokk ġibdu kollettivament 58 % tat-total tal-Investiment Dirett Barrani fl-2016, filwaqt li pajjiżi inqas avvanzati u aktar fraġli jiffaċċjaw sfidi sistemiċi biex jattiraw investiment privat. Għalkemm xi pajjiżi Afrikani jkomplu jiddependu fuq il-materja prima, oħrajn irnexxielhom jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għall-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi baxxi. Barra minn hekk, mill-2016 ’l hawn qed naraw twessigħ ulterjuri tal-Investiment Dirett Barrani lil hinn mis-settur tal-estrazzjoni.
Fir-rigward tal-investimenti tal-UE fl-Afrika, l-UE hija l-akbar investitur fl-Afrika, bl-Istati Membri tagħha li għandhom madwar 40 % tal-istokk ta’ Investiment Dirett Barrani b’valur ta’ EUR 291 biljun fl-2016. Il-progress ekonomiku b’saħħtu tal-Afrika matul l-aħħar żewġ deċennji u l-potenzjal inerenti għall-futur ifissru li hemm opportunità sostanzjali biex isir aktar. Il-projezzjonijiet demografiċi għall-Afrika jagħmluha ċara li huwa meħtieġ ukoll li jiġu ġġenerati miljuni ta’ impjiegi ġodda, speċjalment għaż-żgħażagħ li jidħlu fis-suq tax-xogħol.
Linja ta’ azzjoni proposta;
Azzjoni #1. L-appoġġ lill-Afrika għall-investimenti kollettivi se jkompli jissaħħaħ billi jintużaw ammonti dejjem aktar sostanzjali permezz ta’ finanzjament imħallat u garanziji sabiex jiġu ingranati riżorsi mis-swieq kapitali ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, Ewropej u nazzjonali, biex jitnaqqas ir-riskju fl-investimenti u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi. Il-prijorità tingħata lil setturi b’valur miżjud b’potenzjal għoli ta’ ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli, b’mod partikolari għan-nisa u ż-żgħażagħ, biex b’hekk jiżdiedu l-opportunitajiet għalihom biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom, inkluż permezz ta’ negozji ġodda. Se tingħata wkoll attenzjoni speċifika għal sitwazzjonijiet ta’ fraġilità. Bejn l-2014 u l-2017, l-UE xprunat, permezz ta’ operazzjonijiet ta’ taħlit, b’mod approssimattiv EUR 35 biljun. Mit-tnedija tal-Pjan ta’ Investiment Estern u l-ħolqien tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-2017, l-UE qed timmobilizza fondi li mistennija jingranaw EUR 15-il biljun f’investimenti permezz ta’ finanzjament imħallat u aktar minn EUR 16-il biljun taħt il-Garanzija. Bejn issa u l-2020 , il-pjan jinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq l-objettiv kumplessiv tal-Pjan ta’ Investiment Estern ta’ investimenti ingranati fl-Afrika u fil-Viċinat b’valur ta’ EUR 44 biljun sal-2020. Ir-riżultati konkreti se jinkludu aċċess għall-elettriku għal 30 miljun persuna u kumpanija, u żieda fil-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli b’5 gigawatt. 24,000 ruħ se jkollhom aċċess għal toroq għall-istaġuni kollha permezz tal-investimenti xprunati fl-infrastruttura tat-trasport. 3,2 miljun impjieg huma mistennija li jinħolqu fl-Afrika mill-programmi ta’ investiment iffukati fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biss. Dawn huma eżempji qawwija tal-iskala u tal-impatt tal-interventi skont l-Alleanza proposta.
Skont il-baġit fit-tul li jmiss (Qafas Finanzjarju Pluriennali), l-UE għandha tkompli ttejjeb l-istrumenti u l-għodod tagħha billi tiżgura twassil aktar effiċjenti u billi żżid sostanzjalment il-finanzjament disponibbli għal dak l-iskop.
Azzjoni #2. Biex żieda fl-investimenti fis-settur privat ikollha l-akbar impatt possibbli, iridu jiġu identifikati l-aktar ktajjen tal-valur miżjud promettenti fuq livell nazzjonali u reġjonali. Għal dan il-għan, bħalissa qed jiġu diskussi l-Patti dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir, li qed jiġu diskussi mal-biċċa l-kbira tas-sħab Afrikani tagħna sabiex jiggwidaw l-isforzi konġunti madwar dawk il-ktajjen tal-valur miżjud bl-ogħla potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi, jaħtfu l-opportunitajiet għall-manifattura u għall-ipproċessar, jiġi sfruttat il-potenzjal enormi tal-ekonomija ekoloġika u blu, tiġi jappoġġata t-tranżizzjoni lejn ekonomiji b’livell baxx ta’ karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija, b’mod partikolari l-kummerċ elettroniku u l-ekonomija tad-data, u jiġu indirizzati l-oqsma li jeħtieġu riforma sabiex jitjieb l-ambjent li jippermetti n-negozju. Ix-xogħol fuq il-Patti dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir jirrikjedi wkoll djalogu strutturat mas-settur privat Ewropew u Afrikan, ibbażat fuq il-pjattaforma Negozju Sostenibbli għall-Afrika stabbilità fil-qafas tal-Pjan ta’ Investiment Estern. Se tiġi żgurata rabta mal-Patt tal-G20 mal-Afrika.
Azzjoni #3. L-Ewropa u l-Afrika għandhom interess li jaħdmu flimkien b’mod aktar serju fuq l-iżviluppi u l-interessi strateġiċi. Il-Kummissjoni Ewropea se tlaqqa’ flimkien operaturi pubbliċi Afrikani u Ewropej, privati u finanzjarji u akkademiċi fuq bażi settorjali qabel tmiem din is-sena biex teżamina u tappoġġa żviluppi strateġiċi f’oqsma ekonomiċi kritiċi bħalma huma s-soluzzjonijiet diġitali, l-enerġija, it-trasport u l-agrikoltura. L-għan huwa li wieħed iħares lejn l-isfidi u l-interessi strateġiċi fit-tul, billi jiġi eżaminat kif għandu jiġi aċċellerat l-impatt, tingħata spinta lill-investimenti pubbliċi u privati, u jiġi kondiviż aħjar l-għarfien. Dan iservi biex jiddefinixxi strateġiji li jippromwovu u jipprijoritizzaw il-politika settorjali u r-riforma regolatorja fil-pajjiżi Afrikani u jiffaċilita l-investimenti pubbliċi u privati tal-UE relatati. F’Mejju 2018, l-UE u l-Unjoni Afrikana diġà stabbilixxew Task Force għall-Afrika Rurali, magħmula minn esperti Afrikani u Ewropej, biex tipprovdi pariri u rakkomandazzjonijiet dwar il-prijoritajiet u l-passi li jmiss fil-kooperazzjoni tagħna fil-qasam tal-agrikoltura, billi tfittex fost oħrajn kif tingħata spinta lill-investimenti pubbliċi u privati fl-agrikoltura sostenibbli tal-Afrika, kif jistgħu jiġu ffaċilitati l-investimenti privati responsabbli tal-UE, tingħata spinta lill-kummerċ intra-Afrikan kif ukoll lill-esportazzjonijiet minn pajjiżi Afrikani, u l-identifikazzjoni tal-aħjar politiki biex jingħata appoġġ liż-żgħażagħ Afrikani li jaħdmu fl-agrikoltura, fin-negozju, fl-agrikolu u fl-industrija agrikola. Wara l-laqgħa f’Mejju 2018 bejn il-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, qed tiġi stabbilita taskforce bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana dwar l-ekonomija diġitali. Barra minn hekk, qed jiġu organizzati u segwiti laqgħat ministerjali settorjali konġunti bejn l-Afrika u l-UE. Il-Kummissjoni se tagħti wkoll l-appoġġ tagħha għal inizjattivi simili mill-Istati Membri li jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ din l-Alleanza, bħall-Forum ta’ Livell Għoli Afrika-Ewropa organizzat mill-Awstrija fil-kuntest tal-Presidenza tagħha tal-Kunsill qabel tmiem is-sena.
L-Afrika tal-Punent — Appoġġ għall-imprendituri u għall-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju
L-UE qed tissieħeb ma’ Proparco biex issaħħaħ il-finanzjament u l-appoġġ lill-imprendituri permezz ta’: (i) mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-avvjament fil-forma ta’ avvanzi rimborżabbli, li se jippermetti l-finanzjament tal-fażijiet sperimentali u tal-prototipjar u li jakkumpanja lill-iżgħar imprendituri fl-iżvilupp tal-proġett tagħhom; (ii) appoġġ tekniku biex jiġu megħjuna Intrapriżi Mikro, Żgħar u ta’ Daqs Medju biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom ta’ ġestjoni, kummerċjalizzazzjoni, produzzjoni u governanza, u biex jappoġġaw mill-qrib il-fondi ta’ investiment lokali; (iii) garanzija li tkopri l-ewwel telf tal-fondi ta’ investiment lokali. L-ingranaġġ maħluq mill-kontribuzzjoni tal-UE ta’ EUR 15,6-il miljun se jippermetti l-finanzjament ta’ 50 Intrapriża Mikro, Żgħira u ta’ Daqs Medju li jirrappreżentaw 5 000 impjieg maħluq jew miżmum. Il-programm ikopri l-Burkina Faso, in-Niġer u s-Senegal u se jiġi mwessgħa għall-Mauritania, għall-Kamerun, għall-Mali, għall-Ghana u għall-Kosta tal-Avorju mill-2019.
Faċilità għall-Kondiviżjoni tar-Riskju NASIRA - l-Afrika tal-Punent - Finanzjament għal imprendituri li mhumiex moqdijin biżżejjed
L-UE qed tissieħeb mal-bank tal-iżvilupp Netherlandiż Financierings-Maatschappij voor Ontwikkelingslanden biex jindirizzaw riskji perċepiti u reali ta’ self għall-imprendituri f’pajjiżi ġirien tal-UE u fl-Afrika Sub-Saħarjana. Il-proġett itejjeb l-aċċess għal self għall-investiment billi joffri lill-istituzzjonijiet finanzjarji lokali garanziji għal portafolli li jkun fihom self lil imprendituri. Dan jiffoka fuq (i) persuni spostati internament, refuġjati, persuni rimpatrijati, kif ukoll nisa u żgħażagħ. Taħt dan il-programm, EUR 75 miljun mill-Garanzija tal-Pjan ta’ Investiment Estern se jiġġeneraw investiment ta’ EUR 750 miljun sa EUR 1 biljun f’ 800 000 impjieg fl-Afrika.
Il-Marokk - Impjanti ibridi tal-enerġija solari NOOR Midelt I u NOOR Midelt II
L-UE qed tgħin biex tinbena l-infrastruttura għall-enerġija rinnovabbli biex tlaħħaq mad-domanda dejjem tikber għall-elettriku u tikkontribwixxi għall-objettiv ta’ 52 % ta' enerġija rinnovabbli sal-2030, b’impatt pożittiv fuq il-kompetittività. L-UE qed tipprovdi għotja ta’ EUR 60 miljun għall-ingranaġġ ta’ finanzjament biex tgħin tlaħħaq mal-kost tal-infrastruttura. L-azzjoni hija kofinanzjata mill-Kreditanstalt für Wiederaufbau (l-Aġenzija ewlenija), l-Agence Française de Développement u l-Bank Ewropew tal-Investiment min-naħa tal-UE u mill-Bank Dinji, il-Bank Afrikan tal-Iżvilupp u l-Fond għat-Teknoloġiji Nodfa.
It-Tuneżija - Appoġġ għall-Ekosistema għan-Negozji ġdid
L-assistenza wiesgħa tal-UE għall-ekonomija tat-Tuneżija (li inkludiet 60 000 persuna li rċevew mikrokrediti biex jibdew jew ikabbru negozju żgħir) għandha l-għan li tiżgura li l-pajjiż jista’ jissodisfa l-ħtiġijiet tal-għadd dejjem jikber ta’ Tuneżini żgħażagħ edukati li jkunu lesti biex jidħlu fil-forza tax-xogħol. Programm ġdid b’valur ta’ EUR 25 miljun se jappoġġa madwar 1 000 negozju ġdid Tuneżin: (i) ittejjeb is-servizzi disponibbli għal negozji ġodda u imprendituri (bħal spazji ta’ koħidma, inkubaturi, jew aċċeleraturi); u (ii) jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ ambjent regolatorju li jiffaċilita l-intraprenditorija u n-negozji ġodda innovattivi. In-negozji ġodda promettenti se jirċievu wkoll finanzjament tal-avvjament (seed funding). L-għan ta’ dan il-programm innovattiv huwa li jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni ekonomika tat-Tuneżija u għall-aċċellerazzjoni tat-tkabbir tagħha permezz tal-ħolqien ta’ tipi ġodda ta’ negozji b’potenzjal għoli.
2. Investiment fin-nies billi ninvestu fl-edukazzjoni u fil-ħiliet
Sħubija ekonomika li tfittex li tagħti spinta lill-investimenti u toħloq l-impjiegi trid tħares lejn it-tqabbil tal-ħiliet mad-domandi tas-suq tax-xogħol. Hemm bżonn ta’ aktar investiment biex in-nies, b’mod partikolari t-tfajliet u n-nisa, jingħataw aċċess għall-edukazzjoni, b’mod partikolari għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Tekniċi u Vokazzjonali, kif ukoll għall-ħiliet u għall-kompetenzi diġitali, u biex tiġi indirizzata d-diskrepanza bejn il-ħiliet li ż-żgħażagħ jitgħallmu fil-livell sekondarju u terzjarju u dawk meħtieġa għall-ħajja tax-xogħol tagħhom. Dan se jgħin biex iż-żgħażagħ ikunu mgħammra b’ħiliet rilevanti biex jibnu l-futur tagħhom, filwaqt li jiġu kkonsolidati wkoll il-modi għall-migrazzjoni legali.
Is-sitwazzjoni attwali
Il-popolazzjoni tal-Afrika hija l-aktar popolazzjoni żagħżugħa fir-reġjun kollha tad-dinja u qed tkompli tesperjenza tkabbir demografiku qawwi, iżda l-forza tax-xogħol tagħha hija dik bl-inqas ħiliet fid-dinja. Ir-reġistrazzjoni fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Tekniku u Vokazzjonali madwar l-Afrika llum hija ta' madwar 6 % biss tar-reġistrazzjoni totali fl-edukazzjoni sekondarja. Għalkemm ċertu livell ta’ spariġġ fil-ħiliet huwa naturali u inevitabbli f’kull ekonomija li qed tikber u li qed tiġi ristrutturata, ħafna gradwati mill-edukazzjoni teknika, vokazzjonali u ġenerali fl-Afrika jaqbdu oqsma fejn hemm domanda għax-xogħol dgħajfa.
L-UE ilha żmien twil is-sieħeb tal-Afrika fil-qasam tal-edukazzjoni, minn kmieni fit-tfulija u l-edukazzjoni primarja sa dik għolja, inklużi l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali u dak imprenditorjali kif fir-riċerka u fl-innovazzjoni. Bejn l-2014 u l-2020, l-UE qed tappoġġa programmi ta’ edukazzjoni bilaterali fl-Afrika b’madwar EUR 1 34 biljun. Kważi EUR 230 miljun (17 %) ta’ dan l-ammont huwa għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali. Sal-2020, 35 000 student u riċerkatur mill-Afrika se jkunu bbenefikaw minn Erasmus+, u b'hekk l-għadd totali se jitla' għal 105 000 persuna sal-2027. Sal-2020, 750 000 persuna se jkunu rċevew ukoll Edukazzjoni u Taħriġ Tekniku u Vokazzjonali għall-Iżvilupp tal-Ħiliet. Barra minn hekk, permezz tal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika, l-UE qed tappoġġa ħafna programmi tal-iżvilupp ekonomiku bil-għan li jiġu indirizzata d-diskrepanzi fil-ħiliet, li titjieb l-impjegabbiltà permezz tat-taħriġ vokazzjonali, u li jiġi appoġġat il-ħolqien tal-impjiegi u l-opportunitajiet ta’ xogħol indipendenti. Fis-Saħel u fil-Qarn tal-Afrika, dawn il-programmi laħqu total ta’ EUR 1,1 biljun sa mill-2015. Fl-2014-2020, l-UE qed tappoġġa wkoll l-edukazzjoni fl-Afrika permezz ta’ inizjattivi globali bħas-Sħubija Globali għall-Edukazzjoni b’EUR 475 miljun.
Hemm bżonn ta’ aktar investiment fl-edukazzjoni, kemm mill-UE, mill-Istati Membri tagħha kif ukoll mil-isħab tagħna Afrikani skont l-Istrateġija ta’ Edukazzjoni Kontinentali għall-Afrika tal-Unjoni Afrikana (2016-2025).
Linja ta’ azzjoni proposta;
Azzjoni #4. L-UE se tappoġġa inizjattiva importanti dwar il-ħiliet tal-Unjoni Afrikana, maħsuba biex tiżviluppa qafas ta’ kwalifiki kontinentali Afrikan, faċilità biex jissaħħaħ l-involviment tas-settur privat fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Tekniku u Vokazzjonali, b’mod li jiġu appoġġati d-dijanjostika tas-sistema tas-suq tax-xogħol u l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Tekniku u Vokazzjonali u l-pilotaġġ tal-mobilità tal-istudenti u tal-persunal. Se jkun appoġġat l-aċċess ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u ta’ riċerka għal infrastrutturi-e adegwati. Il-mobilità tal-istudenti, tal-persunal u tal-akkademiċi madwar il-kontinent Afrikan se tkun iffaċilitata aktar (“Erasmus” Afrikan). Il-kontenut tal-programmi tal-edukazzjoni terzjarja u l-ħiliet miksuba mill-istudenti universitarji se jsiru aktar rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-armonizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja madwar il-kontinent se tkun appoġġata bil-għan li jiġi żgurat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki fl-Afrika u fl-UE. L-UE se tkompli tappoġġa boroż ta’ studju u programmi ta’ skambju bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja u tappoġġa l-ħolqien ta’ għarfien fl-universitajiet biex dwan isiru atturi sħaħ fil-proċessi kumplessi ta’ innovazzjoni li fuqhom jiddependu l-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fil-ġejjieni permezz ta' Erasmus +. B’kollox, l-appoġġ tal-UE skont il-programm Pan-Afrikan se jiżdied minn EUR 45 miljun fl-2014-2017 għal EUR 63 miljun fl-2018-2020, u jilħaq EUR 108 miljun.
Azzjoni #5. L-appoġġ imtejjeb fil-livell nazzjonali se jqabbel il-ħiliet għall-għażliet ta’ żvilupp strateġiku għal kull pajjiż, filwaqt li jieħu ispirazzjoni minn inizjattivi ta’ suċċess fl-Afrika ta’ Fuq bħall-programm Med4Jobs. L-appoġġ se jkun marbut kemm jista’ ikun ma’ setturi b’potenzjal qawwi għall-investiment u għall-ħolqien tal-impjiegi. Għalhekk dan se jkun fuq l-aġenda tad-diskussjonijiet dwar il-Patti dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir Ekonomiku kif ukoll indirizzati fil-laqgħat strateġiċi settorjali mas-settur privat, mal-akkademiċi u mal-operaturi finanzjarji (kif propost fl-Azzjoni 3). Skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, għandu jsir sforz sinifikanti biex jissaħħaħ aktar l-impenn tal-UE f’dan il-qasam, f’koerenza sħiħa mal-ispinta prevista fl-investimenti privati għall-ħolqien tal-impjiegi. L-UE se tiżgura li tali investiment akbar ikun ukoll immirat b’mod aktar strateġiku, b’enfażi fuq is-setturi bl-ogħla potenzjal għall-ħolqien ta’ impjiegi, filwaqt li tqis l-importanza mdaqqsa tas-settur informali fl-ekonomija Afrikana bil-ħsieb li jittejbu r-rati ta’ produttività tipikament baxxi.
Il-Gambja - Skema ta’ Responsabbilizzazzjoni taż-Żgħażagħ
L-UE qed tissieħeb maċ-Ċentru Internazzjonali tal-Kummerċ u mal-Gvern tal-Gambja biex tappoġġa l-ħolqien tal-impjiegi u l-intraprenditorija għaż-żgħażagħ tal-Gambja. Dan il-programm ta’ EUR 11-il miljun jipprovdi ħiliet ta’ taħriġ fil-bini u appoġġ lill-imprendituri żgħażagħ u lil organizzazzjonijiet li jippromwovu l-kummerċ. L-għan huwa li sal-2021, 7 000 żagħżugħ għandhom ikun lestew programm ta’ taħriġ tekniku jew vokazzjonali jew apprendistat, u li mill-inqas 8 000 għandhom ikunu bbenefikaw minn servizzi ta’ intraprenditorija - bħal appoġġ ta’ konsulenza tan-negozju u aċċess għall-finanzi.
Inizjattiva Mediterranja għall-Impjiegi li minnhom jibbenefikaw il-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq
L-Inizjattiva Mediterranja għall-Impjiegi (Med4Jobs), żviluppata bejn l-UE u l-Unjoni għall-Mediterran, tkopri kemm in-naħa tal-provvista u kif ukoll in-naħa tad-domanda tas-suq tax-xogħol, billi timmira lejn tliet kwistjonijiet ewlenin: (i) Impjegabbiltà, billi jkunu identifikati u awmentati madwar ir-reġjun l-esperjenzi ta’ taħriġ b’suċċess li jindirizzaw l-ispariġġ bejn il-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; (ii) Intermedjazzjoni tax-xogħol, billi jiġu rreplikati esperjenzi rnexxew fil-faċilitazzjoni tax-xogħol u tal-intermedjazzjoni; (iii) Ambjent tan-Negozju, bl-iżvilupp ta’ ambjent tan-negozju abilitanti għall-Intrapriżi Żgħar u ta’ daqs Medju, bħal programmi ta’ kkowċjar jew appoġġ għall-industriji kreattivi.
Il-Guinea — Programm ta’ Appoġġ għall-integrazzjoni soċjoekonomika taż-żgħażagħ
Il-programm INTEGRA ta’ EUR 65 miljun, li fuqu l-isħab tal-UE mal-Aġenzija għall-Iżvilupp Belġjana, Gesellschaft für Internationale Zusammenarbeit u ċ-Ċentru Internazzjonali tal-Kummerċ, beħsiebhom joħolqu 11 000-il impjieg, u jinvolvu 14 000-il żagħżugħ f’taħriġ vokazzjonali biex itejbu l-impjegabbiltà tagħhom u l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. 7 420 Intrapriża Mikro, Żgħar u ta’ daqs Medju se jkunu appoġġati u seba’ istituzzjonijiet finanzjarji li joffru prodotti adattati għall-Intrapriżi Mikro, Żgħar u ta’ Daqs Medju u imprenditurii żgħażagħ se jiġu msaħħa.
3. Tisħiħ tal-ambjent tan-negozju u tal-klima tal-investiment
Biex tingħata spinta lill-investiment fis-settur privat jenħtieġ il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà, u klima abilitanti għall-investiment u għall-ambjent tan-negozju, inklużi stabbiltà makroekonomika u sistemi finanzjarji miftuħa għal żieda fil-kreditu fis-settur privat. Dan jinkludi wkoll azzjonijiet adegwati biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ governanza kritika usa’, bħas-saħħa tal-istituzzjonijiet tal-gvern, l-istat tad-dritt, it-trasparenza u r-responsabbiltà, kif ukoll il-korruzzjoni u l-flussi finanzjarji illeċiti.
Is-sitwazzjoni attwali
Il-klima ta’ investiment fl-Afrika kienet ġeneralment qed titjieb, b’differenzi nazzjonali sinifikanti, iżda stħarriġ tal-investituri jindika wkoll b’mod ċar li hemm bżonn ħafna akbar f’dan il-qasam biex titjieb il-kapaċità tal-Afrika li tikkompeti madwar id-dinja biex tattira investiment kapitali. Sa mill-2009, l-influssi ta’ Investiment Barrani Dirett lejn l-Afrika sistematikament irrappreżentaw anqas minn 5 % tat-total tal-influssi ta’ investiment barrani dirett madwar id-dinja. L-istat tad-dritt, ġudikatura indipendenti, u l-prevedibbiltà tat-tassazzjoni, kif ukoll il-paċi u l-istabbiltà huma kollha fatturi ewlenin li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet kemm tal-investituri domestiċi kif ukoll dawk barranin. Huwa maħsub li l-ispiża għat-twaqqif ta’ negozju hija madwar tliet darbiet ogħla fi stati fraġli u dan jiskoraġġixxi l-investiment privat b’mod sinifikanti
.
Linja ta’ azzjoni proposta;
Azzjoni #6. Skont l-Alleanza għal Investiment u Impjiegi Sostenibbli, il-Kummissjoni tipproponi li tiżviluppa djalogu u kooperazzjoni msaħħa ma’ sħab Afrikani dwar il-klima tal-investiment, inkluż protezzjoni tal-investiment fejn xieraq. Dan se jkun sostnut b’appoġġ kontinwu għal riformi ta’ politika li jtejbu l-ambjent tan-negozju u għall-kapaċitajiet istituzzjonali u tekniċi tal-istituzzjonijiet Afrikani, inkluż permezz ta’ soluzzjonijiet diġitali, biex tiġi żgurata ġestjoni soda tal-finanzi pubbliċi, inklużi t-trasparenza tal-akkwist pubbliku u l-infiq u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi, akkontabbiltà mtejba kif ukoll rispett għall-Istat tad-Dritt u l-aċċess għall-Ġustizzja. L-użu mtejjeb tal-istrumenti tal-UE tal-Ġemellaġġ u tal-Assistenza Teknika u tal-Iskambju ta’ Informazzjoni se jappoġġa amministrazzjonijiet pubbliċi effiċjenti, trasparenti u akkontabbli. L-isforzi se jiżdiedu wkoll biex jappoġġaw lill-isħab dwar il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestika, inkluża l-ġlieda kontra l-Flussi Finanzjarji Illeċiti
, li huma responsabbli għal mill-inqas USD 50 biljun, li jħallu l-kontinent kull sena, u li jaqbżu bil-kbir l-ammont totali ta’ Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp. Dawn il-kwistjonijiet jitqajmu fid-djalogi tal-UE mal-pajjiżi sħab, b’mod partikolari fil-kuntest tal-appoġġ baġitarju u tad-djalogu politiku; dawn se jiġu indirizzati wkoll fid-djalogi tas-settur privat skont il-Pjan ta’ Investiment Estern kif ukoll fil-Fora tan-Negozju tal-UE u fid-diskussjonijiet settorjali strateġiċi mas-settur privat, mal-akkademiċi u mal-operaturi finanzjarji. Se tiġi żgurata r-rabta tal-Patt tal-G20 mal-Afrika. Fl-2016, l-appoġġ tal-UE u tal-Istati Membri tal-UE għat-titjib tal-klima kummerċjali fl-Afrika kien jammonta għal EUR 200 miljun, li minnhom l-appoġġ tal-UE kien jirrappreżenta EUR 50 miljun. Għall-perjodu bejn l-2018 u l-2020, hija prevista żieda sinifikanti fl-appoġġ tal-UE għar-riformi klimatiċi u tan-negozju fl-Afrika taħt il-Pilastru 3 tal-Pjan tal-Investiment Estern, li hija medja ta’ EUR 300-350 miljun, minbarra l-azzjonijiet dedikati mmirati lejn it-titjib tal-governanza u l-iżgurar tal-paċi u tal-istabbiltà. Din għandha tiżdied aktar fil-perjodu mill-2021 sal-2027 taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.
Il-Benin - Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni permezz ta' appoġġ baġitarju
L-UE kkonkludiet mal-Gvern tal-Benin, Kuntratt ta’ Governanza Tajba u Żvilupp għall-appoġġ baġitarju b’valur ta’ EUR 114-il miljun fl-2016. L-għan huwa li tiġi promossa governanza ekonomika u finanzjarja tajba permezz tat-tisħiħ tal-ġestjoni trasparenti tal-finanzi pubbliċi, il-ħolqien ta’ sistema kredibbli għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni bbażata fuq l-indipendenza tal-ġudikatura, u t-titjib tal-klima kummerċjali. Il-pagamenti skont dan il-kuntratt se jsiru abbażi tal-progress fir-riformi f’dawn l-oqsma.
Il-Kosta tal-Avorju - Programm ta’ appoġġ għall-integrazzjoni kummerċjali u reġjonali
Dan il-programm ta’ EUR 16-il miljun jappoġġa l-modernizzazzjoni tar-regolamenti u l-istituzzjonijiet relatati mal-kummerċ u mal-investiment, kif ukoll il-faċilitazzjoni tal-kummerċ. Dan ikkontribwixxa għall-klassifikazzjoni aħjar tal-Kosta tal-Avorju fil-klassifikazzjoni “It-tiswir tan-negozju” (“Doing business”) li telgħet minn 167 fl-2010 għal 142 fl-2016. L-esportazzjonijiet żdiedu, kif ukoll żdied is-sehem tal-Kosta tal-Avorju fl-esportazzjonijiet dinjija, li ħalla impatt pożittiv fuq il-ħila tagħha li tieħu vantaġġ mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika l-ġdid. Id-dewmien fl-importazzjonijiet naqas minn 864 siegħa fl-2011 għal 125 siegħa fl-2016. Dan kien l-ewwel programm ta’ dan id-daqs favur il-kompetittività Avorjana u ppermetta lill-kumpaniji Avorjani jespandu n-negozju tagħhom u joħolqu l-impjiegi. Dan kien ikkomplementat bi programm ta’ appoġġ baġitarju biex titjieb it-trasparenza fis-sistema ġudizzjarja u fl-akkwist pubbliku, bħala żewġ elementi ewlenin oħra tal-klima tal-investiment, u djalogu regolari kemm mal-awtoritajiet u kif ukoll mas-settur privat dwar riformi ta’ politika li jħallu impatt.
L-Eġittu - Il-faċilità tal-UE għal impjiegi inklużivi u l-ħolqien tat-tkabbir
L-UE qed tappoġġja sensiela ta’ miżuri biex jitjieb l-ambjent għall-ħolqien tan-negozji u l-iżvilupp ekonomiku, tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għall-Intrapriżi Mikro, Żgħar u ta’ Daqs Medju u tiżviluppa r-rwol tagħhom f’katini ta’ valur miżjud ewlenin, sabiex tistimula l-ekonomija u toħloq l-impjiegi, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ. Dan l-intervent ta’ EUR 75 miljun huwa mistenni li jimmobilizza madwar EUR 400 miljun. Dan għandu l-għan li (i) jnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Intrapriżi Mikro, Żgħar u ta’ Daqs Medju, u jsaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; (ii) li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-Impriżi Mikro, Żgħar u ta’ Daqs Medju għal finanzjament fit-tul u għall-għarfien espert; li jappoġġa t-tkabbir u l-kompetittività tal-intrapriża; li jiffaċilita r-rabtiet kummerċjali biex jiġi mrawwem l-iżvilupp tal-katina tal-valur miżjud; li jinkoraġixxi l-innovazzjoni fost l-Intrapriżi Mikro, Żgħar u ta’ Daqs Medju, inklużi imprendituri żgħażagħ.
L-Etjopja - appoġġ għad-djalogu dwar l-ambjent tan-negozju
L-UE pprovdiet il-finanzjament tal-bidu għall-Forum tan-Negozju tal-UE fl-Etjopja, li jappoġġa d-djalogu dwar il-klima tan-negozju bejn id-diversi aġenziji tal-gvern u l-investituri tal-UE u kellha diskussjonijiet regolari mal-Kummissjoni tal-Investiment tal-Etjopja sa mill-2015. Il-kwistjonijiet imqajma (fuq il-bażi ta’ barometru tan-negozju li sar fl-2014 u li ġie aġġornat fl-2016) inkludew l-amministrazzjoni tat-taxxa u l-piż amministrattiv, ir-reġistrazzjoni/il-liċenzjar tan-negozju u l-ħruġ tal-viżi, il-loġistika u d-disponibbiltà tal-Forex. Xi wħud minn dawn is-suġġetti tqajmu wkoll f’livell ogħla fil-kuntest tad-djalogu politiku. Dan ikkontribwixxa għall-progress dwar il-klima tal-investiment u għal kanal ta’ komunikazzjoni bejn il-gvern u l-komunità tan-negozju. Il-Forum tan-Negozju tal-UE fl-Etjopja issa huwa finanzjat b’mod indipendenti.
4. Isfruttar tal-potenzjal sħiħ tal-integrazzjoni ekonomika u tal-kummerċ
L-investimenti f’setturi li jżidu l-valur u dawk li jirrikjedu manodopera intensiva jeħtieġu wkoll swieq għall-prodotti u għas-servizzi. Il-promozzjoni tal-proċess ta’ integrazzjoni ekonomika fil-livell reġjonali u kontinentali fl-Afrika u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali mal-UE huma għalhekk komponenti essenzjali ta’ strateġija ekonomika koerenti.
Is-sitwazzjoni attwali
Il-kummerċ intra-Afrikan għadu baxx ħafna minkejja potenzjal tat-tkabbir sinifikanti; fl-2000, kien ta’ 10 %, fl-2014 16 % skont id-data
mill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp, il-kummerċ Afrikan mal-UE huwa sinifikanti: l-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Afrika, li tgħodd għal 37 % tal-esportazzjonijiet Afrikani f’oġġetti b’valur ta’ EUR 110 biljun u 35 % tal-importazzjonijiet Afrikani fl-2017 b’valur ta’ EUR 133 biljun u l-UE tibqa’ l-aktar suq miftuħ u d-destinazzjoni ewlenija ta’ prodotti manifatturati Afrikani. L-Afrika hija wkoll l-akbar riċevitur tal-Għajnuna tal-UE għall-Kummerċ fid-dinja, li ammonta għal EUR 4,8 biljuni f’impenji fl-2015. Madankollu, iċ-ċifri kummerċjali ġenerali tal-UE mal-Afrika huma komparabbli mal-kummerċ tal-UE mal-Iżvizzera, li juri biċ-ċar li għandu jkun hemm potenzjal ta’ tkabbir sinifikanti għall-kummerċ UE - Afrika
fiż-żewġ direzzjonijiet.
Linja ta’ azzjoni proposta;
Azzjoni #7. Bit-tnedija taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana f’Marzu 2018, it-tnedija tas-Suq tat-Trasport bl-Ajru Uniku Afrikan u l-iffirmar tal-Protokoll dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni, l-aspirazzjonijiet Afrikani għal integrazzjoni ekonomika ulterjuri huma spjegati b’mod ċar. L-UE se tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha liż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana. L-appoġġ għan-negozjati taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikani għandu jiżdied minn EUR 7 miljun (2014-2017) għal EUR 50 miljun (2018–2020), bil-finanzjament ta’ appoġġ istituzzjonali kif ukoll ta' appoġġ tekniku għall-fażijiet diversi tan-negozjati (dwar kwistjonijiet bħall-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ, il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji, id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali inklużi l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, l-investiment, il-kompetizzjoni, il-kummerċ elettroniku), inkluż l-appoġġ għall-ġbir tad-data u l-analiżi tad-data.
Azzjoni #8. It-tisħiħ tal-kummerċ bejn l-UE u l-Afrika. Filwaqt li tibni fuq l-implimentazzjoni taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana, il-perspettiva fit-tul hija li jinħoloq ftehim komprensiv ta’ kummerċ ħieles interkontinentali bejn l-UE u l-Afrika. Bi tħejjija għal dan, il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika, il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, inklużi ż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi offruti lill-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, u reġimi kummerċjali oħra mal-UE għandhom jiġu sfruttati kemm jista’ ikun, bħala elementi kostitwenti għall-benefiċċju taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana. L-ambizzjoni hija li jiżdiedu aktar l-esportazzjonijiet Afrikani u li jiġi attirat l-investiment, inkluż fis-setturi tal-manifattura u tal-ipproċessar, u li jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ katini ta’ valur miżjud reġjonali permezz ta’ regoli ta’ oriġini flessibbli. B’appoġġ għal dan, l-Alleanza se tkompli ssaħħaħ u timmira aħjar il-miżuri tal-Għajnuna għall-Kummerċ b’appoġġ għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ u għall-approssimazzjoni ta’ standards tal-prodotti tekniċi u ta’ kwalità u miżuri regolatorji oħra.
Azzjoni #9. L-integrazzjoni ekonomika u l-iżvilupp ta’ katini ta’ valur miżjud li huma marbuta mal-istruttura reġjonali, kontinentali u globali jirrikjedu wkoll konnettività, kemm intra-Afrikana kif ukoll rabtiet strateġiċi bejn l-UE u l-Afrika. L-investimenti fl-infrastruttura jsostnu l-kapaċità tal-pajjiżi Afrikani biex jikkapitalizzaw bis-sħiħ mill-opportunitajiet ta’ ħolqien ta’ impjiegi u tkabbir. L-Alleanza se tħares lejn l-appoġġ għall-oqfsa ta’ politika u l-infrastruttura abilitanti ewlenija, inklużi l-broadband u l-infrastrutturi elettroniċi. Se tingħata attenzjoni partikolari lis-setturi li jinkludu l-enerġija sostenibbli, it-trasport, l-ekonomija tad-data, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-ekonomija ċirkolari, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, il-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma u t-tkabbir blu; dan jista’ jinkludi l-offerta ta’ sħubiji mal-industrija tal-UE, b’mod partikolari fejn l-UE tkun mexxejja dinjija. Dan se jkun marbut mal-appoġġ ipprovdut għal investimenti permezz ta’ finanzjament imħallat u garanzija.
L-għajnuna tal-UE għall-Kummerċ għall-Afrika
L-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar fornitur dinji tal-Għajnuna għall-Kummerċ b’EUR 13,2-il biljun f’impenji (29% taċ-ċifri globali tal-Għajnuna għall-Kummerċ), li minnhom l-Afrika tkompli tirċievi l-akbar sehem, jiġifieri EUR 4,8 biljun fl-2015 (36% tal-Għajnuna għall-Kummerċ kollettiva tal-UE). L-Afrika hija l-ewwel riċevitur ta’ għotjiet fir-rigward ta’ reġjuni oħra li t-tip ta’ flussi tagħhom ivarja aktar (għotjiet, self u ekwità). Dan jinkludi l-Assistenza Relatata mal-Kummerċ tal-UE (inklużi l-politika u r-regolamentazzjoni kummerċjali, il-promozzjoni u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ, u ħtiġijiet oħra relatati mal-kummerċ) kif ukoll Għajnuna usa’ għal kategoriji ta’ Kummerċ, bħall-infrastruttura relatata mal-kummerċ (infrastruttura fiżika inklużi t-trasport u l-ħażna, il-komunikazzjoni, il-ġenerazzjoni u l-provvista tal-enerġija), il-bini ta’ kapaċitajiet produttivi (l-iżvilupp tal-kummerċ u setturi produttivi bħall-agrikoltura, is-sajd, il-forestrija, l-industrija, ir-riżorsi minerali u l-estrazzjoni minerarja), aġġustamenti relatati mal-kummerċ (kontribuzzjoni għall-baġits tal-gvern f’pajjiżi li jimplimentaw riformi tal-politika kummerċjali).
Madagaskar - Pjan ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika
Skont il-Pjan ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika Nazzjonali tal-Madagaskar, il-kumpaniji tal-Madagaskar fis-settur tat-tessuti gawdew mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika mal-UE u l-appoġġ assoċjat miegħu (sa EUR 10 miljun). Pereżempju, il-kumpanija tat-tessuti ta’ Madagaskar EPSILON ħatfet l-opportunitajiet tal-aċċess bla dazju u bla kwoti għas-suq tal-UE b’aktar regoli vantaġġjużi ta’ oriġini, li jippermettu trasformazzjoni waħda u l-opportunità li tuża materja prima mid-dinja kollha. Il-Pjan żied ir-rikonoxximent dinji tiegħu b’mod rapidu bis-saħħa tal-konformità tiegħu mal-istandards tal-UE u dawk internazzjonali, filwaqt li saret kollaborazzjoni ma’ ditti mexxejja biex jippromwovu r-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva fl-industrija. Il-kumpanija ġiet stabbilita fl-1999 b’100 impjegat. Illum, tgħodd 2 000. 75 % tal-ħaddiema tagħha għandhom kontijiet bankarji; 100 % tat-tfal tal-impjegati huma skolarizzati; 50 % tal-impjegati huma sidien ta’ djarhom; 98 % tal-maniġers ġejjin minn promozzjoni interna.
5. Il-mezzi u l-metodi:
Azzjoni #10. Sabiex l-Alleanza tirnexxi, jenħtieġ djalogu kostanti bejn is-sħab Ewropej u Afrikani, aktar involviment mas-settur privat u konsultazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili. L-Alleanza tenħtieġ ukoll li tkun appoġġata b’pakkett sinifikanti ta’ riżorsi finanzjarji. L-UE u l-Istati Membri tagħha diġà huma l-ewwel sieħeb tal-Afrika, li fl-2016 kienu jirrappreżentaw 55 % tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp kollha lill-Afrika, li tammonta għal EUR 23 biljun.
Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali futur tal-UE tipprevedi Strument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali ambizzjuż b’valur ta’ EUR 89,2 biljun għall-2021-2027, bil-prijoritajiet tiegħu jkunu l-Afrika u l-Viċinat. Mill-inqas EUR 32 biljun ta’ għotjiet għall-Afrika sub-Saħarjana u EUR 7,7 biljun mistennija għall-Afrika ta’ Fuq se jkunu kkomplementati aktar b’finanzjament addizzjonali mill-pilastru tematiku, ir-rispons rapidu u l-“kuxin” tal-Istrument. Filwaqt li jibni fuq il-Pjan ta’ Investiment Estern u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli tiegħu, l-istrument jipprevedi wkoll żieda sostanzjali fl-użu ta’ finanzjament imħallat u garanziji, biex jixpruna ammont imdaqqas ta’ fondi mis-settur pubbliku u dak privat. Skont l-arkitettura l-ġdida proposta ta’ investiment estern, fejn il-Garanzija għall-Azzjoni Esterna żdiedet għal EUR 60 biljun globalment, l-Afrika se tkun reġjun ta’ prijorità. Ir-Rappreżentant Għoli bl-appoġġ tal-Kummissjoni ppropona wkoll li tiġi stabbilita l-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’valur ta’ EUR 10,5 biljun għall-2021-2027, li se tkompli ssaħħaħ il-ħidma tagħna mal-Afrika biex jiġu żgurati l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà madwar il-kontinent Afrikan, li huma kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku.
Sommarju tal-azzjonijiet
|
#1
|
Spinta għall-investimenti strateġiċi permezz ta’ finanzjament imħallat u garanziji
|
|
#2
|
Appoġġ għall-opportunitajiet ta’ manifattura u pproċessar fil-livell nazzjonali u reġjonali permezz ta’ Patti dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir
|
|
#3
|
Stabbiliment ta’ gruppi settorjali ta’ operaturi pubbliċi, privati u finanzjarji u akkademiċi Afrikani u Ewropej, taħt it-tmexxija ta’ Kummissarju, biex jipprovdu għarfien espert, konsulenza u rakkomandazzjonijiet
|
|
#4
|
Appoġġ għall-edukazzjoni u għall-iżvilupp tal-ħiliet fil-livell kontinentali
|
|
#5
|
Appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet fil-livell nazzjonali biex dawn ikunu mqabbla mal-għażliet strateġiċi tal-iżvilupp għal kull pajjiż
|
|
#6
|
It-tisħiħ tad-djalogu, tal-kooperazzjoni u tal-appoġġ dwar l-investiment u l-klima tan-negozju
|
|
#7
|
Appoġġ għaż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Kontinentali tal-Afrika
|
|
#8
|
Tisħiħ fil-kummerċ intra-Afrikan u kummerċ UE-Afrika fil-perspettiva fit-tul ta’ ftehim ta’ kummerċ ħieles interkontinentali
|
|
#9
|
Appoġġ għall-konnettività kemm intra-Afrikana kif ukoll bejn l-UE u l-Afrika
|
|
#10
|
Mobilizzazzjoni ta’ pakkett sostanzjali ta’ riżorsi finanzjarji
|