IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.9.2018
COM(2018) 627 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Dwar l-operazzjoni kollox ma’ kollox tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fl-Istati Membri (2014-2016) biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi dwar l-ikel u l-għalf, kif ukoll mar-regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali
{SWD(2018) 402 final}
WERREJ
1.SOMMARJU EŻEKUTTIV
2.INTRODUZZJONI
3.QAFAS LEGALI
4.RIEŻAMI TAR-RAPPORTI ANNWALI TAL-ISTATI MEMBRI
4.1. IRĊEVUTA U RIEŻAMI TAR-RAPPORTI ANNWALI TAL-ISTATI MEMBRI
4.2 ORGANIZZAZZJONI U TWETTIQ TA’ KONTROLLI UFFIĊJALI
4.3 NUQQAS TA’ KONFORMITÀ IDENTIFIKATA
4.4 INFURZAR: AZZJONI MEĦUDA F’KAŻ TA’ NUQQAS TA’ KONFORMITÀ
4.5 SISTEMI NAZZJONALI TAL-AWDITJAR
4.6 RIŻORSI
5.ATTIVITAJIET TA’ KONTROLL TAS-SERVIZZI TAL-KUMMISSJONI FL-ISTATI MEMBRI
6.SEGWITU U INFURZAR MILL-KUMMISSJONI
7.KONKLUŻJONIJIET
1.SOMMARJU EŻEKUTTIV
Dan ir-rapport jiddeskrivi l-eżitu globali tal-attivitajiet ta’ kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u fiduċja fl-oqsma tas-sikurezza alimentari, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, it-trattament xieraq tal-annimali, il-biedja organika u l-iskemi ta’ kwalità. Dawn l-oqsma huma ta’ importanza kritika fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea (UE) u huma essenzjali wkoll għat-tħaddim mingħajr intoppi tal-kummerċ tal-ikel, tal-annimali u tal-pjanti, kemm fl-UE nfisha kif ukoll ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Ir-rapport ikopri s-snin 2014 sal-2016 u jikkonkludi li l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri wrew, fir-rapporti annwali tagħhom dwar il-kontrolli uffiċjali, li għadhom jissodisfaw ir-rwol importanti tagħhom skont il-liġi dwar l-ikel u l-għalf. Inizjattivi mmirati lejn it-titjib tal-effettività tal-kontrolli uffiċjali u tal-infurzar, li jvarjaw minn riorganizzazzjoni tas-servizzi sa titjib fl-użu ta’ għodda tal-IT, huma partikolarment pożittivi u qed ikunu essenzjali fl-indirizzar tal-isfida biex jinstabu effiċjenzi fl-infiq pubbliku.
Minkejja dan, il-Kummissjoni tinnota wkoll is-sinjali ċari mill-Istati Membri li r-riżorsi tal-persunal għall-kontrolli qed ikunu dejjem aktar limitati, u li tnaqqis ulterjuri potenzjali jġib miegħu r-riskju ta’ effetti negattivi fuq il-livelli u l-kwalità tal-kontrolli, kif ukoll fuq il-kapaċità ta’ reazzjoni għal emerġenzi. Din x’aktarx tkun kwistjoni importanti fl-iżvilupp ta’ kontrolli uffiċjali fil-futur, li l-Kummissjoni se tqis b’attenzjoni meta tiżviluppa leġiżlazzjoni fil-kuntest tal-inizjattiva tagħha ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, u li l-Istati Membri x’aktarx jippruvaw jindirizzawha, fost l-oħrajn b’sistemi tal-IT ġodda, riorganizzazzjoni u proċeduri ottimizzati.
Abbażi ta’ analiżi tal-kontrolli tal-Kummissjoni, li jingħata eżempju tagħhom fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport, jista’ jiġi stabbilit li, kumplessivament, l-Istati Membri għandhom is-sistemi ta’ kontroll meħtieġa stabbiliti li jiżguraw livelli ta’ konformità aċċettabbli b’mod ġenerali. Madankollu, il-kontrolli tal-Kummissjoni jkomplu jidentifikaw nuqqasijiet fil-kontrolli uffiċjali u jenfasizzaw li għad hemm lok għal titjib, u li għandha tiġi evitata l-kompjaċenza. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tilqa’ bi pjaċir l-isforzi enormi li saru mill-Istati Membri biex, pereżempju, ikomplu jsaħħu l-kontrolli tagħhom ibbażati fuq ir-riskju u kontrolli mmirati kif ukoll biex jappoġġawhom b’sistemi tal-IT effettivi.
Is-segwitu sistematiku mill-Kummissjoni tas-sejbiet ta’ kontroll tagħha, ikkomplementat fejn xieraq minn għodod ta’ infurzar oħra, inkluż l-użu ġudizzjuż tal-proċedura ta’ ksur, ikompli jkun mezz effettiv għall-indirizzar tan-nuqqasijiet f’konformità mar-rekwiżiti tal-UE u huwa importanti, flimkien mal-isforz imsaħħaħ tal-Kummissjoni, kemm għal suq intern aktar profond u aktar ġust kif ukoll għal tfassil aħjar tal-liġijiet, li t-tnejn huma prijoritajiet politiċi għoljin għall-Kummissjoni attwali. Il-Kummissjoni tappoġġa wkoll lill-Istati Membri u lil pajjiżi mhux tal-UE fl-implimentazzjoni tagħhom tar-regoli tal-UE, u dan b’varjetà ta’ mezzi, bħall-forniment ta’ assistenza teknika u taħriġ permezz tal-għodda Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel (BTSF) u bil-promozzjoni attiva ta’ konformità bħal din.
Il-kontrolli tal-Kummissjoni u l-attivitajiet ta’ segwitu tagħhom jipprovdu lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-partijiet ikkonċernati bi stampa ċara tal-livell ta’ implimentazzjoni tal-liġi dwar l-ikel u l-għalf, kif ukoll tar-regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali. Barra minn hekk, huma jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-proċess ta’ rieżami leġiżlattiv immirat lejn l-iżgurar li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun “adatta għall-iskop”. Meta r-Regolament (UE) 2017/625 isir applikabbli f’Diċembru 2019, l-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati previsti minn dan ir-Regolament se tipprovdi opportunitajiet biex jintuża l-għarfien miksub mill-attivitajiet ta’ kontroll u ta’ segwitu tal-Kummissjoni, u dan biex il-kontrolli uffiċjali jiġu rinforzati u appoġġati fis-snin li ġejjin. L-għan huwa li permezz tar-regoli l-ġodda, in-negozji u l-awtoritajiet jibbenefikaw minn inqas piż amministrattiv, proċessi aktar effiċjenti u kontrolli msaħħa. Il-konsumaturi se jibbenefikaw minn aktar trasparenza dwar kif jitwettqu l-kontrolli biex jiġu żgurati s-sikurezza alimentari u standards għoljin għas-saħħa tal-pjanti, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, kif ukoll il-prevenzjoni ta’ frodi.
2.INTRODUZZJONI
Jeżisti qafas legali komprensiv tal-UE li għandu l-għan li jiżgura livelli għolja ta’ protezzjoni tas-saħħa u fiduċja fl-oqsma tas-sikurezza alimentari, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, it-trattament xieraq tal-annimali, il-biedja organika u l-iskemi ta’ kwalità. Dawn l-oqsma għandhom impatt qawwi fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-UE, li bir-raġun jistennew standards għoljin. Standards għoljin huma essenzjali wkoll għat-tħaddim mingħajr intoppi tal-kummerċ tal-ikel, tal-annimali u tal-pjanti kemm fl-UE nfisha kif ukoll ma’ pajjiżi mhux tal-UE. L-implimentazzjoni effettiva ta’ kontrolli uffiċjali li fuqhom huma msejsa dawn l-istandards hija essenzjali biex tinżamm il-kredibbiltà ta’ dan il-qafas.
Il-Kummissjoni għandha rwol importanti fil-qafas ta’ kontroll globali fil-livell tal-UE, li huwa stipulat fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u jinkludi l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ trasparenza. L-Artikolu 44(4) u (6) ta’ dak ir-Regolament jeħtieġ li l-Kummissjoni tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u tagħmel disponibbli għall-pubbliku, rapport annwali dwar l-operazzjoni kollox ma’ kollox tal-kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri, fid-dawl ta’:
·ir-rapporti annwali ppreżentati mill-awtoritajiet nazzjonali dwar l-attivitajiet ta’ kontroll tagħhom;
·l-eżitu tal-kontrolli tal-Kummissjoni mwettqa fl-Istati Membri; u
·kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.
Dan ir-rapport ikopri l-perjodu bejn l-2014 u l-2016.
3.QAFAS LEGALI
Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002, il-“liġi ġenerali dwar l-ikel”, jattribwixxi r-responsabbiltà primarja għall-iżgurar li l-ikel ikun tajjeb lin-negozji tal-ikel/tal-għalf tul il-katina kollha tal-ikel/tal-għalf. Ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 jinkludi rekwiżiti għall-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi. Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jinkludi rekwiżiti għal skemi ta’ kwalità għal prodotti agrikoli u prodotti alimentari.
L-Istati Membri huma meħtieġa jivverifikaw li l-operaturi ta’ negozju jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, it-trattament xieraq tal-annimali, il-produzzjoni organika u l-iskemi ta’ kwalità. Għal dan il-għan, huma meħtieġa joperaw sistemi ta’ kontrolli uffiċjali. Min-naħa tiegħu, ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi rekwiżiti għal dawn is-sistemi ta’ kontroll, u għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali.
L-Istati Membri huma meħtieġa jfasslu Pjanijiet Pluriennali ta’ Kontroll Nazzjonali (MANCP) u rapporti annwali dwar it-twettiq ta’ dawn il-kontrolli. Huma jridu jippreżentaw il-MANCP u r-rapporti annwali tagħhom lill-Kummissjoni.
Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula wkoll regoli dwar il-kontrolli mill-Kummissjoni biex jiġi vverifikat li l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.
4.RIEŻAMI TAR-RAPPORTI ANNWALI TAL-ISTATI MEMBRI
4.1. IRĊEVUTA U RIEŻAMI TAR-RAPPORTI ANNWALI TAL-ISTATI MEMBRI
Matul il-perjodu mill-2014 sal-2016, kienu biss ftit Stati Membri li bagħtu r-rapport annwali tagħhom lis-servizzi tal-Kummissjoni qabel l-iskadenza preskritta fl-Artikolu 44(3) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 (“fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena li għaliha r-rapporti jirrelataw”). Dan in-nuqqas ta’ konformità mal-iskadenza preskritta jirrifletti, fost l-oħrajn, xi diffikultajiet li l-Istati Membri jesperjenzaw biex jiġbru f’livell ċentrali d-data kollha meħtieġa għar-rapport annwali. Bħala eżempju: sal-10 ta’ Lulju 2017, ir-rapport annwali tal-2016 kien ġie ppreżentat minn 3 Stati Membri (minn 28), ir-rapport annwali tal-2015 kien ġie ppreżentat minn 25 Stat Membru, u r-rapport annwali tal-2014 kien ġie ppreżentat mit-28 Stat Membru kollha. Ir-rapporti annwali tal-Istati Membri jvarjaw ukoll b’mod sinifikanti fil-preżentazzjoni tad-data u fin-natura tad-data ppreżentata.
Dawn iż-żewġ fatti jippreżentaw sfida sinifikanti għas-servizzi tal-Kummissjoni inkarigati mill-produzzjoni tar-rapport meħtieġ mill-Artikolu 44(4) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 biex jiġu rieżaminati r-rapporti annwali kollha rċevuti għall-perjodu inkwistjoni, bil-ħsieb li jiġu identifikati kemm xejriet sinifikanti fit-twettiq tal-kontrolli uffiċjali kif ukoll kwalunkwe nuqqas ta’ konformità identifikat minn dawn il-kontrolli. Il-ħidma attwali fuq l-iżvilupp tal-att ta’ implimentazzjoni previst fl-Artikolu 113(2) tar-Regolament (UE) Nru 2017/625 mistennija tgħin fl-indirizzar ta’ din il-problema fil-futur, billi jiġu introdotti mudelli standard għall-preżentazzjoni tar-rapporti annwali tal-Istati Membri. Dawn jippermettu wkoll li l-Istati Membri jiġbru flimkien, aktar faċilment u b’aktar ħeffa, l-informazzjoni tar-rapport annwali f’livell ċentrali u li jippreżentawha lis-servizzi tal-Kummissjoni.
4.2 ORGANIZZAZZJONI U TWETTIQ TA’ KONTROLLI UFFIĊJALI
Ir-rapporti tal-Istati Membri ppreżentaw evidenza li, kumplessivament, għadha għaddejja x-xejra stabbilita fl-Istati Membri lejn kontrolli dejjem aktar ibbażati fuq ir-riskju. Dan jiżgura li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi billi jkun hemm fokus fuq l-oqsma li jippreżentaw l-akbar riskji. Madankollu, kif ġie kkonfermat mill-awditi li saru mis-servizzi tal-Kummissjoni, il-kontrolli bbażati fuq ir-riskju ma jiġux applikati fl-oqsma kollha fejn huma ġġustifikati dawn il-kontrolli.
Hemm diffikultà partikolari waqt l-interpretar jew it-tqabbil ta’ data dwar in-nuqqas ta’ konformità li tidher matul il-kontrolli uffiċjali mwettqa skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004. L-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament jeħtieġ li l-kontrolli jitwettqu bi frekwenza li tqis ir-riskju. B’riżultat ta’ dan, rata li tidher għolja ta’ identifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità mhux bilfors tindika livell ta’ konformità ġeneralment baxx, iżda tista’ tkun tindika mmirar tajjeb tal-kontrolli li huwa bbażat fuq ir-riskju. Sempliċiment mill-eżaminar tar-rapport annwali, mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk rata għolja ta’ nuqqas ta’ konformità tirriflettix kontrolli effettivi u mmirati tajjeb jew inkella livell ta’ konformità baxx. Dawn id-determinazzjonijiet iridu jsiru permezz ta’ valutazzjonijiet fuq il-post, bħal dawk imwettqa matul l-awditi mis-servizzi tal-Kummissjoni (ara l-Kapitolu 5).
Effett ulterjuri ieħor ta’ kontrolli dejjem aktar ibbażati fuq ir-riskju huwa li d-data dwar in-nuqqas ta’ konformità mhijiex direttament kumparabbli minn sena għal oħra, billi kontrolli aktar immirati jistgħu tabilħaqq iwasslu biex jinstabu (relattivament) aktar każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità. Għadd ta’ rapporti annwali tal-Istati Membri jenfasizzaw dan il-punt.
Wieħed mill-benefiċċji ċari ta’ kontrolli aktar immirati huwa li jkunu potenzjalment disponibbli aktar riżorsi għas-segwitu u l-infurzar, u għadd ta’ rapporti pprovdew evidenza ta’ progress f’dan il-qasam. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu l-ewwel jiffukaw aktar fuq segwitu sistematiku tal-problemi relatati mal-kontrolli uffiċjali u mal-infurzar, u t-tieni fuq l-attività ta’ kontroll u ta’ infurzar fuq operaturi bi storja ta’ konformità insodisfaċenti, li jtejjeb is-sikurezza globali tal-prodotti u jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi kollha, u b’hekk ikun ukoll ta’ benefiċċju għall-funzjonament tas-Suq Intern.
Xi rapporti jipprovdu informazzjoni dwar attivitajiet oħra mwettqa biex, ġeneralment, il-kontrolli u l-infurzar isiru aktar effettivi u effiċjenti. Dawn l-attivitajiet jinkludu r-riorganizzazzjoni u l-konsolidazzjoni tas-servizzi ta’ kontroll, it-titjib tal-kooperazzjoni bejn is-servizzi u l-koordinazzjoni tal-kontrolli, kif ukoll l-attribuzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli. B’mod partikolari għandu jissemma l-użu msaħħaħ tas-sistemi tal-IT, li jappoġġa l-ġbir, id-disseminazzjoni u l-analiżi tad-data dwar il-kontroll u l-infurzar. Min-naħa tiegħu, dan jassisti f’koordinazzjoni u mmirar/ippjanar aħjar tal-kontrolli. Il-pressjoni fuq ir-riżorsi u l-infiq pubbliku fl-Istati Membri kollha qed tixpruna dawn l-isforzi għat-titjib tal-effiċjenza.
Fl-aħħar nett, il-biċċa l-kbira tar-rapporti jsemmu t-titjib li sar fit-twettiq tal-kontrolli permezz tar-rieżami tal-proċeduri, l-organizzazzjoni ta’ taħriġ, u disponibbiltà akbar ta’ dokumentazzjoni rilevanti (inkluż online). Ir-rapporti identifikaw ukoll l-eżitu ta’ awditi nazzjonali (ara taħt Sistemi nazzjonali tal-awditjar, il-Kapitolu 4.4) bħala sors rilevanti għat-titjib u l-effiċjenza. Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu awditi fl-Istati Membri biex jiksbu informazzjoni dwar il-miżuri stabbiliti biex tiġi vverifikata l-effettività tal-kontrolli tagħhom, kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 882/2004. Dan kien importanti biex tiġi enfasizzata l-ħtieġa li, bħala miżura ta’ effettività globali, ikun hemm aktar fokus fuq il-kwalità minflok fuq l-għadd ta’ kontrolli.
4.3 NUQQAS TA’ KONFORMITÀ IDENTIFIKATA
L-oqsma prinċipali ta’ nuqqas ta’ konformità identifikati mill-Istati Membri jinkludu: ir-rekwiżiti ta’ iġjene operazzjonali, strutturali jew ibbażati fuq it-tagħmir; Analiżi tal-Perikli u Punti ta’ Kontroll Kritiċi (HACCP); it-tikkettar ta’ ikel u għalf; l-addittivi fl-ikel u l-għalf; l-ebda żamma ta’ rekords jew inkella żamma ta’ livell baxx, u il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika. Filwaqt li l-identifikazzjoni tal-kawżi sottostanti għal dawn il-problemi hija limitata, xi wħud jindikaw ir-rotazzjoni għolja tal-persunal fl-operaturi ta’ negozji tal-ikel u tal-għalf, li spiss tkun relatata ma’ pagi baxxi u taffettwa l-użu kontinwu ta’ prattika ta’ iġjene tajba, in-nuqqas ta’ taħriġ fl-operaturi ta’ negozji tal-ikel, u/jew in-nuqqas ta’ għarfien tar-rekwiżiti. Dan tal-aħħar iqajjem xi tħassib, meta jitqies li fi ħdan il-qafas tal-liġi dwar l-ikel/l-għalf, l-operaturi huma primarjament responsabbli għall-applikazzjoni xierqa tar-regoli.
Minħabba l-kontribut li l-HACCP tagħmel biex tiżgura l-produzzjoni ta’ ikel sikur, u sabiex a) jiksbu stampa ġenerali tajba tas-sitwazzjoni, u b) jidentifikaw opportunitajiet għal titjib, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu sensiela ta’ awditi dwar l-HACCP fl-2014. Ir-riżultati ta’ din is-sensiela nġabru flimkien f’rapport ġenerali li ġie ppubblikat f’Ġunju 2015. Min-naħa tiegħu, dan wassal għal inizjattivi dwar it-taħriġ, skambju ta’ informazzjoni dwar prattika tajba u rieżami tar-rekwiżiti attwali tal-HACCP, kif ukoll għal gwida dwar dawn ir-rekwiżiti. B’mod simili, u rigward l-iġjene, is-servizzi tal-Kummissjoni bdew rieżami tal-iġjene operazzjonali u tal-kontrolli uffiċjali fil-biċċeriji, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, biex jaraw kif tista’ tiġi żgurata aħjar l-iġjene tal-qtil. Dan ix-xogħol għandu l-għan li jidentifika problemi komuni, jifrex il-prattika tajba, u jinkludi elementi ta’ taħriġ.
4.4 INFURZAR: AZZJONI MEĦUDA F’KAŻ TA’ NUQQAS TA’ KONFORMITÀ
L-Istati Membri huma meħtieġa jindikaw, fir-rapporti tagħhom, x’miżuri ta’ infurzar ittieħdu. Filwaqt li ġiet ipprovduta data dwar l-infurzar, irrispettivament mill-kwalità jew id-dettall tal-informazzjoni, huwa diffiċli ħafna biex isir tqabbil sinifikattiv bejn ir-rapporti tal-Istati Membri. Minkejja dan, ir-rapporti tabilħaqq jissuġġerixxu enfasi globali akbar fuq is-segwitu u l-infurzar. Xi Stati Membri rrappurtaw l-introduzzjoni ta’ multi amministrattivi (għall-kuntrarju ta’ infurzar permezz tal-qrati nazzjonali), jew inkella żieda f’dawn il-multi biex ikunu deterrent aħjar. Xi eżempji interessanti ta’ mezzi alternattivi u allegatament effettivi biex titjieb il-konformità jinkludu l-irtirar tal-multi jekk it-trasgressur isegwi taħriġ, aktar spezzjonijiet uffiċjali u multi ogħla għat-trasgressuri, u l-forniment ta’ taħriġ segwit minn spezzjonijiet biex titkejjel l-effettività.
4.5 SISTEMI NAZZJONALI TAL-AWDITJAR
Kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-awditi li l-Istati Membri jwettqu fuq is-sistemi ta’ kontroll uffiċjali huma importanti fil-ġestjoni globali ta’ dawn il-kontrolli, billi jipprovdu assigurazzjoni li l-kontrolli jitwettqu kif meħtieġ b’informazzjoni dwar l-effettività tagħhom u, kif xieraq, b’suġġerimenti għal titjib. L-Istati Membri kollha jikkonfermaw li hemm awditi stabbiliti, iżda għadd ta’ Stati Membri rrappurtaw li r-restrizzjonijiet fir-riżorsi llimitaw l-implimentazzjoni ta’ programmi tal-awditjar ippjanati. Teżisti varjazzjoni konsiderevoli bejn l-Istati Membri, iżda din hija plawżibbli billi dawn kollha joperaw iċ-ċikli tal-awditjar tagħhom stess u għandhom tendenza li jiffukaw fuq oqsma ta’ prijorità differenti. Min-naħa tagħhom, is-servizzi tal-Kummissjoni jkomplu jorganizzaw laqgħat regolari tal-esperti nazzjonali tal-awditjar tal-Istati Membri (in-Netwerk tas-Sistemi Nazzjonali tal-Awditjar - Netwerk NAS), biex jiġu kondiviżi u diskussi esperjenzi u problemi komuni, kif ukoll biex tiġi identifikata prattika tajba/l-aħjar prattika biex jiġi indirizzat ir-rekwiżit tal-awditjar. Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni implimentaw sensiela ta’ awditi ta’ NAS, sabiex jiksbu stampa komprensiva ta’ kif jitħaddmu (ara l-Kapitolu 5 għal aktar dettalji).
4.6 RIŻORSI
Minħabba l-pressjonijiet fuq l-infiq pubbliku, is-servizzi tal-Kummissjoni ffukaw b’mod partikolari fuq dak li r-rapporti tal-Istati Membri ddikjaraw dwar ir-riżorsi ta’ kontroll disponibbli, minkejja li attwalment l-Istati Membri mhumiex meħtieġa jirrapportaw speċifikament dwar dan l-aspett. Minkejja dan, għadd ta’ rapporti indirizzaw il-kwistjoni. Xi wħud iddikjaraw b’mod inekwivoku li l-persunal tagħhom ma jilħaqx dak li huwa meħtieġ biex jiġu żgurati l-kontrolli kollha kif huwa meħtieġ. Oħrajn jindikaw li, jew f’oqsma speċifiċi jew inkella f’ċerti livelli ta’ kontroll, kien intlaħaq limitu fejn tnaqqis ulterjuri jjipperikola l-livelli u/jew il-kwalità tal-kontrolli, kif ukoll il-kapaċità ta’ reazzjoni għal emerġenzi. Il-massimizzazzjoni tal-effiċjenza hija identifikata wkoll bħala objettiv ċar tal-istrateġija ta’ kontroll f’għadd ta’ Stati Membri. In-nuqqas ta’ riżorsi ma kienx jikkonċerna l-persunal biss, iżda f’xi Stati Membri kien jikkonċerna wkoll it-tagħmir (eż. għal-laboratorji jew mezzi ta’ trasport għall-persunal ta’ kontroll, li jaffettwa t-twettiq tal-kontrolli).
5.ATTIVITAJIET TA’ KONTROLL TAS-SERVIZZI TAL-KUMMISSJONI FL-ISTATI MEMBRI
Fi ħdan il-qafas għall-kontrolli tal-UE, is-servizzi tal-Kummissjoni jwettqu awditi biex jivverifikaw il-konformità mal-liġi dwar l-ikel u l-għalf, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, kif ukoll ir-rekwiżiti għall-kontrolli uffiċjali. Ir-rapporti tal-awditjar jinkludu rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati. Ir-rapporti, il-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Istati Membri biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet, u l-profili tal-pajjiż li jiddokumentaw il-progress fit-twassil ta’ dawn il-pjanijiet jiġu ppubblikati, biex il-partijiet ikkonċernati u ċ-ċittadini jingħataw stampa fattwali u trasparenti ta’ kif l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni b’mod korrett.
L-attivitajiet ta’ kontroll tal-Kummissjoni fl-Istati Membri, li jingħata eżempju aktar dettaljat tagħhom fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport, iffukaw fuq il-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni, bħal pereżempju fuq is-sistemi ta’ kontroll uffiċjali għal Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti (PPPs), għat-trattament xieraq tal-annimali u għar-reżistenza għall-antimikrobiċi, iżda wkoll fuq ħafna oqsma oħra li huma kruċjali għas-sikurezza alimentari u għas-saħħa tal-annimali jew tal-pjanti.
Diversi sensieli tal-awditjar tal-Kummissjoni fl-Istati Membri koprew kontrolli fuq il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu, l-awtorizzazzjoni u l-użu sostenibbli ta’ PPPs,,. Dawn identifikaw dgħufijiet fl-awtorizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ PPPs f’diversi oqsma, iżda sabu wkoll sistemi ta’ kontrolli uffiċjali fuq l-utenti li kienu dejjem aktar żviluppati sew. Sar progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi, bl-istabbiliment ta’ sistemi ta’ taħriġ u ta’ ċertifikazzjoni għall-professjonisti u bl-ittestjar tat-tagħmir għall-bexx. Madankollu, il-Ġestjoni Integrata tal-Organiżmi ta’ Ħsara, element prinċipali tad-Direttiva, għadha ma tintużax biżżejjed. Dan irid jiġi indirizzat mill-Istati Membri fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali riveduti tagħhom, li se jiġu awditjati mill-Kummissjoni. L-attivitajiet kollha ta’ hawn fuq għandhom l-għan li jtejbu s-sistemi ta’ kontroll attwali tal-Istati Membri u li jipprovdu assigurazzjoni lill-konsumaturi dwar użu ta’ PPPs dejjem aktar responsabbli u sostenibbli.
Fil-qasam tat-trattament xieraq tal-annimali, il-Kummissjoni bdiet proġett ta’ tliet snin biex tiffaċilita u tiżgura trattament aktar xieraq tal-annimali matul it-trasport. Dan kien jinkludi l-ħolqien ta’ gwidi għal prattika tajba għal ħames speċi ta’ annimali prinċipali (ifrat, żwiemel, ħnieżer, pollam u nagħaġ) kif ukoll il-valutazzjoni tal-użu tagħhom għal konformità aħjar mar-regoli tal-UE dwar it-trattament xieraq. Żjarat li saru fl-Istati Membri bi prattika tajba fil-kontrolli fuq vetturi tal-bhejjem, flimkien ma’ skambju ffaċilitat mill-Kummissjoni bejn il-punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istati Membri, għenu fil-protezzjoni ulterjuri tal-annimali matul it-trasport. Studju fl-uffiċċju u sensiela tal-awditjar dwar il-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tal-qtil kienu utli wkoll, u ppermettew li tiġi kondiviża l-aħjar prattika u li jiġu organizzati avvenimenti ta’ taħriġ speċjali.
Fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2011 tal-Kummissjoni kontra t-theddid emerġenti mir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR), il-Kummissjoni wettqet awditi dwar l-implimentazzjoni tal-monitoraġġ u r-rappurtar obbligatorji tal-AMR fl-annimali u fl-ikel, kif ukoll attivitajiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni dwar il-politiki biex tħeġġeġ l-użu prudenti tal-antibijotiċi fl-annimali. Xi opportunitajiet għal titjib u prattika tajba li ġew identifikati matul dawn l-attivitajiet intużaw ukoll meta ġie żviluppat il-pjan kompensiv “Pjan ta’ Azzjoni tal-UE Saħħa Waħda kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi”.
Tajjeb li jiġu enfasizzati żewġ attivitajiet oħra tal-Kummissjoni.
L-ewwel nett, issa qed jiġu prodotti “rapporti ġenerali” għall-biċċa l-kbira mis-sensieli tal-awditjar. L-għan tagħhom kien li jipprovdu stampa komprensiva tal-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri f’qasam partikolari, u biex jiġu identifikati kwistjonijiet li huma rilevanti għall-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, dawn jenfasizzaw xi diffikultajiet li ġew affaċċjati fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti, kif ukoll il-prattika tajba identifikata. It-tieni nett, qed isir aktar użu minn analiżi fl-uffiċċju u missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni biex jiġi kkomplementat ix-xogħol tal-awditjar, biex il-Kummissjoni tingħata fehim ċar dwar il-funzjonament tad-dritt tal-Unjoni u dwar kwalunkwe problema li tista’ tirriżulta fl-applikazzjoni tagħha. Rapporti ġenerali ta’ dawn l-attivitajiet jiġu prodotti u ppubblikati wkoll.
Dawn iż-żewġ attivitajiet huma mfassla speċifikament biex jappoġġaw il-politika tal-Kummissjoni ta’ rieżami leġiżlattiv bl-għan li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun aġġornata, prattikabbli u infurzabbli bi spiża raġonevoli, b’mod li jirrifletti l-iżviluppi fil-prattika, u għalhekk “adatta għall-iskop”. Għalhekk, il-kontrolli mwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni jikkontribwixxu direttament għall-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar. Ir-rapporti ġenerali jinkludu wkoll indikazzjoni tal-azzjonijiet ippjanati b’rispons għas-sejbiet tar-rapporti. Biex tinxtered l-informazzjoni dwar il-konklużjonijiet, il-prattika tajba jew it-tagħlimiet miksuba deskritti f’dawn ir-rapporti, huma jiġu kondiviżi wkoll fil-kuntest tal-programm BTSF.
6.SEGWITU U INFURZAR MILL-KUMMISSJONI
It-teħid ta’ azzjoni effettiva u kontinwa biex jiġi żgurat li d-dritt tal-Unjoni jiġi implimentat u applikat b’mod korrett fl-Unjoni kollha tibqa’ prijorità tal-Kummissjoni fl-oqsma koperti minn dan ir-rapport. Ir-rapport preċedenti ddeskriva kif il-Kummissjoni tagħti segwitu sistematiku għas-sejbiet tal-awditjar tagħha u r-rakkomandazzjonijiet relatati. Dawn il-proċessi komplew ikunu effettivi fl-indirizzar tal-maġġoranza vasta tan-nuqqasijiet identifikati. Fi tmiem Diċembru 2016, l-Istati Membri ħadu azzjoni korrettiva jew inkella għamlu impenji sodisfaċenti biex jindirizzawhom f’perjodi ta’ żmien aċċettabbli:
·għal 97 % tar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-awditi fiċ-ċiklu ta’ rappurtar tal-2012-2014; u
·għal 94 % tar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-awditi fiċ-ċiklu ta’ rapportar tal-2013-2015.
Il-politika ta’ infurzar tal-Kummissjoni tinvolvi l-monitoraġġ ta’ kif jiġi applikat u implimentat id-dritt tal-Unjoni, li ssolvi problemi mal-Istati Membri biex tirrimedja kwalunkwe ksur tal-liġi possibbli, u fejn xieraq tieħu azzjoni għal ksur skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. It-tnedija ta’ proċedimenti bħal dawn kontra Stati Membri li naqsu milli jiżguraw l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti li jikkonċernaw it-trattament xieraq tat-tiġieġ tal-bajd u l-projbizzjoni ta’ gaġeġ mhux arrikkiti fl-2012, wasslet biex bosta Stati Membri ħadu azzjoni korrettiva aċċellerata, li fil-biċċa l-kbira evitaw il-ħtieġa li tkompli l-azzjoni bil-qorti. Dan juri li użu ġudizzjuż tal-proċedura ta’ ksur f’oqsma ta’ importanza prevalenti fejn il-leġiżlazzjoni tistipula rekwiżiti legali ċari jista’ jkun effettiv ħafna biex jinkisbu l-azzjonijiet korrettivi meħtieġa. Il-Kummissjoni adottat approċċ simili rigward it-trattament xieraq tal-ħnieżer fl-azjendi agrikoli u l-abitazzjoni fi grupp ta’ ħnieżer.
Minkejja dawn l-isforzi, l-applikazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni għadhom jippreżentaw sfida, u jirrikjedu fokus akbar fuq l-infurzar sabiex jinqeda l-interess ġenerali. L-infurzar jappoġġa u jikkumplimenta t-twassil tal-prijoritajiet ta’ politika. Ix-xogħol li sar biex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tad-dritt eżistenti tal-Unjoni jrid jiġi rikonoxxut minn dawk kollha involuti fl-infurzar tad-dritt tal-Unjoni, bħala element essenzjali biex jiġi żgurat li x-xogħol iddedikat għall-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni ġdida jilħaq l-objettiv tiegħu.
Jenħtieġ li tissaħħaħ is-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, li għandhom rwol kruċjali fl-implimentazzjoni, biex il-benefiċċji tad-dritt tal-Unjoni jaslu għand il-pubbliku. L-infurzar irid jiġi indirizzat minnufih. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jkomplu bl-isforzi tagħhom fl-infurzar tad-dritt tal-Unjoni u fil-qbid ta’ ksur tal-liġi.
Il-Kummissjoni se tħeġġeġ u tgħin lill-Istati Membri biex itejbu l-kapaċità tagħhom li jinfurzaw id-dritt tal-Unjoni, u jipprovdu rimedji sabiex jiġi żgurat li l-utenti aħħarin tad-dritt tal-Unjoni, kemm jekk individwi privati jew inkella negozji, ikunu jistgħu jgawdu d-drittijiet tagħhom bis-sħiħ. In-netwerks u l-iskambju tal-aħjar prattika huma aspetti ewlenin ta’ dan l-isforz.
Awtoritajiet jew spettorati amministrattivi indipendenti meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-UE għandhom rwol essenzjali fl-implimentazzjoni u fl-infurzar. Għalhekk, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari biex tiżgura li dawn ikunu mgħammra b’mod suffiċjenti u adegwat biex iwettqu l-kompiti tagħhom.
Fl-aħħar nett, f’konformità mal-prinċipji tal-aġenda tagħha għal “Regolamentazzjoni Aħjar”, il-Kummissjoni se tiffoka fuq l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni aħjar tad-dritt tal-Unjoni, li fl-aħħar mill-aħħar jappoġġaw ukoll infurzar aħjar, għall-benefiċċju kemm taċ-ċittadini kif ukoll tan-negozji.
7.KONKLUŻJONIJIET
L-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri wrew, fir-rapporti annwali tagħhom dwar il-kontrolli uffiċjali, li huma għadhom jissodisfaw ir-rwol importanti tagħhom skont il-liġi dwar l-ikel u l-għalf. Inizjattivi mmirati lejn it-titjib tal-effettività tal-kontrolli uffiċjali u tal-infurzar, li jvarjaw minn riorganizzazzjoni tas-servizzi sa titjib fl-użu ta’ għodda tal-IT, huma partikolarment pożittivi u qed ikunu essenzjali fl-indirizzar tal-isfida biex jinstabu effiċjenzi fl-infiq pubbliku.
Minkejja dan, il-Kummissjoni tinnota wkoll is-sinjali ċari mill-Istati Membri li r-riżorsi tal-persunal għall-kontrolli qed ikunu dejjem aktar limitati, u li tnaqqis ulterjuri potenzjali jġib miegħu r-riskju ta’ effetti negattivi fuq il-livelli u l-kwalità tal-kontrolli, kif ukoll fuq il-kapaċità ta’ reazzjoni għal emerġenzi. Din x’aktarx tkun kwistjoni dejjem aktar importanti fl-iżvilupp ta’ kontrolli uffiċjali fil-futur, li l-Kummissjoni se tqis b’attenzjoni meta tiżviluppa leġiżlazzjoni fil-kuntest tal-inizjattiva tagħha ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, u li l-Istati Membri x’aktarx jippruvaw jindirizzawha, fost l-oħrajn b’sistemi tal-IT ġodda, riorganizzazzjoni u proċeduri ottimizzati.
Abbażi ta’ analiżi tal-kontrolli tal-Kummissjoni, li jingħata eżempju tagħhom fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport, jista’ jiġi stabbilit li, kumplessivament, l-Istati Membri għandhom is-sistemi ta’ kontroll meħtieġa stabbiliti li jiżguraw livelli ta’ konformità aċċettabbli b’mod ġenerali. Madankollu, il-kontrolli tal-Kummissjoni jkomplu jidentifikaw nuqqasijiet fil-kontrolli uffiċjali u jenfasizzaw li għad hemm lok għal titjib, u li għandha tiġi evitata l-kompjaċenza. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tilqa’ bi pjaċir l-isforzi enormi li saru mill-Istati Membri biex, pereżempju, ikomplu jsaħħu l-kontrolli tagħhom ibbażati fuq ir-riskju u mmirati kif ukoll biex jappoġġawhom b’sistemi tal-IT effettivi.
Is-segwitu sistematiku mill-Kummissjoni tas-sejbiet ta’ kontroll tagħha, ikkomplementat fejn xieraq minn għodod ta’ infurzar oħra, inkluż l-użu ġudizzjuż tal-proċedura ta’ ksur, ikompli jkun mezz effettiv għall-indirizzar tan-nuqqasijiet fil-konformità mar-rekwiżiti tal-UE u huwa importanti, flimkien mal-isforz imsaħħaħ tal-Kummissjoni, kemm għal suq intern aktar approfondit u aktar ġust kif ukoll għal tfassil aħjar tal-liġijiet, li t-tnejn huma prijoritajiet politiċi għoljin għall-Kummissjoni attwali. Il-Kummissjoni tappoġġa wkoll lill-Istati Membri u lil pajjiżi mhux tal-UE fl-implimentazzjoni tagħhom tar-regoli tal-UE, u dan b’varjetà ta’ mezzi, bħall-forniment ta’ assistenza teknika u taħriġ permezz tal-għodda Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel (BTSF) u bil-promozzjoni attiva ta’ konformità bħal din.
Il-kontrolli tal-Kummissjoni u l-attivitajiet ta’ segwitu tagħhom jipprovdu lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-partijiet ikkonċernati bi stampa ċara tal-livell ta’ implimentazzjoni tal-liġi dwar l-ikel u l-għalf, kif ukoll tar-regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali. Barra minn hekk, jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-proċess ta’ rieżami leġiżlattiv immirat lejn l-iżgurar li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun “adatta għall-iskop”. Bid-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/625 f’Diċembru 2019, l-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati previsti minn dan ir-Regolament se tipprovdi opportunitajiet biex jintuża l-għarfien miksub mill-attivitajiet ta’ kontroll u ta’ segwitu tal-Kummissjoni, u dan biex il-kontrolli uffiċjali jiġu rinforzati u appoġġati fis-snin li ġejjin. L-għan huwa li permezz tar-regoli l-ġodda, in-negozji u l-awtoritajiet jibbenefikaw minn inqas piż amministrattiv, proċessi aktar effiċjenti u kontrolli msaħħa. Il-konsumaturi se jibbenefikaw minn aktar trasparenza dwar kif jitwettqu l-kontrolli biex jiġu żgurati s-sikurezza alimentari u standards għoljin għas-saħħa tal-pjanti is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, kif ukoll il-prevenzjoni ta’ frodi.