IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.7.2018
COM(2018) 562 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
li jivvaluta l-programmi ta’ miżuri tal-Istati Membri skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina
{SWD(2018) 393 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
li jivvaluta l-programmi ta’ miżuri tal-Istati Membri skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina
Il-ħajja u r-riżorsi tal-baħar: riżorsi essenzjali għall-pjaneta tagħna
L-importanza tal-ibħra u tal-oċeani għall-benesseri tal-pjaneta tagħna llum huwa fatt magħruf. L-attivitajiet tal-bniedem jeżerċitaw pressjonijiet li jaffettwaw il-ħajja tal-baħar u tal-ħabitats tiegħu kif ukoll il-funzjonijiet essenzjali tal-oċeani tagħna. Inizjattivi riċenti ħolqu sensibilizzazzjoni dwar is-saħħa u l-istat tal-ibħra u tal-oċeani tagħna. Dawn jinkludu l-adozzjoni tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 14 għall-konservazzjoni u għall-użu sostenibbli tal-oċeani, tal-ibħra u tar-riżorsi tal-baħar, il-Komunikazzjoni konġunta dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani; "Il-Konferenza dwar l-Oċeani" dwar l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 14; u s-serje ta’ konferenzi L-Oċean Tagħna, bl-aktar waħda reċenti ospitata mill-Unjoni f’Ottubru 2017.
L-Istati Membri tal-UE ilhom għal dawn l-aħħar sitt snin jiżviluppaw strateġiji marini sabiex jikkonformaw mad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina. Id-Direttiva titlobhom jivvalutaw l-istatus tal-kwalità tal-ambjent tal-baħar, jiddeterminaw status ambjentali tajjeb, jistabbilixxu miri ambjentali xierqa u jfasslu programmi xierqa ta’ monitoraġġ u jimplimentaw miżuri biex jintlaħaq l-għan ewlieni tad-Direttiva li jiġi żgurat l-"istatus ambjentali tajjeb" tal-ibħra kollha tal-UE sal-2020. Il-kunċett ta’ "status ambjentali tajjeb" huwa definit mid-Direttiva permezz ta’ deskritturi, bħall-konservazzjoni tal-bijodiversità jew l-indirizzar ta’ pressjonijiet antropoġeniċi li jinkludu s-sajd, il-ħsara lilqiegħ il-baħar, l-iskart fil-baħar u l-kontaminanti. Deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni, li ilha fis-seħħ minn Ġunju 2017, titlob lill-Istati Membri jirrispettaw kriterji u standards metodoloġiċi komuni meta jiddefinixxu l-kunċett ta’ "status ambjentali tajjeb" f’termini kwantitattivi għall-ilmijiet marittimi taħt il-kompetenza territorjali tagħhom. Huwa importanti li jiġi nnotat li d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina teżiġi espliċitament li l-Istati Membri jaħdmu mal-ġirien tagħhom f’kull reġjun jew sottoreġjun marittimu.
Dan ir-rapport jibni fuq il-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-2014 u tal-2017 dwar l-istrateġiji marini tal-Istati Membri u jivvaluta l-programmi ta’ miżuri, li l-Istati Membri kollha kellhom jirrapportaw lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2016. Fl-aħħar ta’ din il-valutazzjoni ġiet inkluża gwida ġeneralment applikabbli fil-forma ta’ sett ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar il-modifiki meħtieġa biex titjieb il-koerenza u l-effikaċja tal-miżuri tagħhom. Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż huma inklużi fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.
Sfortunatament, sitt Stati Membri biss irrapportaw il-programm ta’ miżuri nazzjonali tagħhom fil-ħin. Għalhekk, il-Kummissjoni nediet il-proċeduri ta’ ksur xierqa. Eventwalment sad-data ta’ skadenza ta’ Frar 2017, total ta’ 16 mit-23 Stat Membru tal-UE f’reġjun marittimu kienu rrapportaw il-programmi nazzjonali tagħhom. Il-programmi li ġew ippreżentati mis-seba’ Stati Membri l-oħra wara dik id-data ta’ skadenza ma setgħux jiġu vvalutati fil-ħin għal dan ir-rapport.
Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-2014 kienet ikkonkludiet li d-definizzjonijiet u l-miri marbuta mal-għan ta’ "status ambjentali tajjeb" kienu jvarjaw b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri. Għalhekk, il-valutazzjoni attwali tħares ukoll lejn il-punt sa fejn il-miżuri tal-Istati Membri jippermettu komparabbiltà aħjar tal-isforzi tagħhom fl-indirizzar tal-pressjonijiet rilevanti fuq l-ambjent tal-baħar. Għal kull deskrittur rilevanti tivvaluta wkoll il-grad ta’ probabbiltà li l-Istati Membri jiksbu status ambjentali tajjeb sal-2020, kif meħtieġ mid-Direttiva.
Liema miżuri ħadu l-Istati Membri s’issa biex jiksbu status ambjentali tajjeb?
Ħafna drabi fil-programmi ta’ miżuri tagħhom, l-Istati Membri jippreżentaw inizjattivi eżistenti jew l-implimentazzjoni ta’ politiki kurrenti bħala miżuri. Dan, pereżempju, jinkludi azzjonijiet meħuda taħt il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE jew taħt liġijiet oħra bħad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar l-Għasafar, id-Direttiva dwar il-Ħabitats, id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, jew ir-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd. Anke impenji internazzjonali eżistenti, bħal dawk taħt l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, ġew inklużi fil-programmi tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-Istati Membri jagħmlu referenza frekwenti għal inizjattivi meħuda taħt il-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali. Huwa fatt pożittiv li wieħed jara lill-Istati Membri, f’ċertu każijiet, jagħmlu referenza għal miżuri miftehma speċifikament mal-ġirien f’reġjun marittimu tal-UE, notevolment permezz tal-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali rilevanti, jew f’sottoreġjun. Madwar 25 % tal-miżuri ġew definiti bħala miżuri "ġodda", li jfisser li ddaħħlu fis-seħħ speċifikament għall-finijiet tad-Direttiva. Huwa wkoll pożittiv li wieħed jara li, grazzi għad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, l-Istati Membri mxew b’mod progressiv minn approċċ frammentat għall-ħarsien tal-ambjent tal-baħar lejn approċċ aktar strateġiku, permezz tal-integrazzjoni ta’ diversi linji ta’ ħidma.
Eċċezzjonijiet
Id-Direttiva tippermetti wkoll li, f’ċirkostanzi definiti tajjeb, l-Istati Membri japplikaw eċċezzjonijiet għall-kisba f’kull aspett, jew fi ħdan l-iskeda ta’ żmien rilevanti, tal-miri ambjentali jew tal-istatus ambjentali tajjeb previsti. Tali ċirkostanzi definiti sew jinkludu l-fatt li l-kisba ta’ tali miri hija relatata ma’ azzjoni jew ma’ nuqqas ta’ azzjoni lil hinn mir-responsabbiltà tagħhom, minn avvenimenti force majeure, jew mill-fatt li kundizzjonijiet naturali ma jippermettux titjib f’ħin opportun fl-istatus tal-ilmijiet marini tagħhom. Tmienja mis-16-il Stat Membru kkonċernati rrapportaw eċċezzjonijiet. Stati Membri oħra ddikjaraw li ma applikawx eċċezzjonijiet minħabba li lakuni fl-għarfien u fid- ma jippermettulhomx li jikkonkludu jekk f’dan l-istadju ta’ implimentazzjoni hemmx bżonn ta’ eċċezzjoni jew le.
Tipi ta’ miżuri
Prinċipalment l-Istati Membri fasslu miżuri li, permezz ta’ intervent legali jew tekniku, jgħinu direttament biex titnaqqas il-pressjoni (imsejħa "miżuri diretti" fil-Figura 1). Dawn jinvolvu, pereżempju, soluzzjonijiet tekniċi (eż. magni ta’ bastimenti inqas storbjużi) jew restrizzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni spazjali ta’ ċerti attivitajiet (eż. permezz ta’ proċeduri ta’ liċenzjar). Madankollu, xi Stati Membri rrapportaw ukoll miżuri li ser jgħinu indirettament sabiex tiġi indirizzata l-pressjoni inkwistjoni (imsejħa "miżuri indirett" fil-Figura 1). Dawn jinkludu azzjonijiet ta’ governanza, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni jew ta’ komunikazzjoni (eż. biex jitnaqqas ir-rimi ta’ skart f’postijiet pubbliċi). Fejn l-Istati Membri ma għandhomx għarfien biżżejjed dwar pressjoni partikolari (eż. speċi mhux indiġeni, storbju sottomarin), identifikaw il-ħtieġa għal aktar riċerka sabiex ikollhom l-informazzjoni meħtieġa fuq liema jibbażaw miżuri futuri u/jew idaħħlu fis-seħħ monitoraġġ ulterjuri. Kien ikun aktar xieraq kieku tali miżuri ġew irrapportati bħala parti mill-programmi ta’ monitoraġġ tagħhom.
F’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, fil-programmi ta’ miżuri tagħhom, l-Istati Membri kollha jirrapportaw dwar l-użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni spazjali. Dawn huma miżuri li l-intenzjoni tagħhom hija li jinħolqu netwerks koerenti u rappreżentattivi ta’ żoni protetti tal-baħar, bħal żoni speċjali ta’ konservazzjoni konformi mad-Direttiva dwar il-Ħabitats, żoni ta’ protezzjoni speċjali skont id-Direttiva dwar l-Għasafar jew żoni protetti oħra miftiehma fi ftehimiet reġjonali jew internazzjonali. Ħafna drabi dawn il-miżuri spazjali li ġew irrapportati b’rabta mas-sajd, jew mal-protezzjoni ta’ ċerti ħabitats; qed jiġu ttrattati fit-taqsimiet rilevanti hawn taħt u deskritti aktar fil-valutazzjonijiet tekniċi. Filwaqt li żewġ Stati Membri jelenkaw b’mod ċar żoni protetti tal-baħar, tmienja oħra rrapportaw li kienu qed jippjanaw jew qed ifasslu żoni protetti ġodda tal-baħar bħala miżuri. Il-kopertura globali żdiedet b’mod sinifikanti permezz tal-leġiżlazzjoni dwar l-Għasafar u dik dwar il-Ħabitats u konvenzjonijiet internazzjonali.
Figura 1 Is-sehem ta’ miżuri diretti u indiretti fil-programmi ta’ miżuri madwar l-UE
Miżuri meħuda biex jiġu indirizzati l-pressjonijiet fuq l-ambjent tal-baħar
Din it-taqsima tħares lejn miżuri stabbiliti biex jiġu indirizzati d-deskritturi tad-Direttiva li jittrattaw speċifikament tali pressjonijiet antropoġeniċi.
Speċi mhux indiġeni
Speċi mhux indiġeni jistgħu jheddu l-bijodiversità tal-baħar meta jsiru "invażivi". Fl-ilmijiet tal-Unjoni, l-Istati Membri identifikaw it-tbaħħir u l-akkwakultura bħala ż-żewġ attivitajiet ewlenin li jistgħu jwasslu għall-introduzzjoni u għat-tixrid ta’ speċi mhux indiġeni.
13-il Stat Membru jużaw l-immaniġġjar tal-ilma tas-saborra bħala mod kif jimmaniġġjaw l-ispeċi introdotti mit-tbaħħir. Miżuri addizzjonali, bħall-aderenza mal-linji gwida dwar il-Bijoinkrostazzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, jistgħu, madankollu, jindirizzaw aħjar il-pressjoni peress li jillimitaw l-inkrostazzjoni fuq il-buq ta’ vapur. Ħafna mill-miżuri msemmija mis-16-il Stat Membru fil-programmi ta’ miżuri tagħhom huma bbażati fuq il-ħidma reġjonali u l-liġi eżistenti tal-UE, bħar-regolamenti tal-UE dwar speċi eżotiċi invażivi u speċi aljeni fl-akkwakultura. Xi Stati Membri diġà introduċew miżuri mmirati għat-tnaqqis tar-riskju tal-introduzzjoni ta’ speċi mhux indiġeni mill-farms tal-akkwakultura, filwaqt li ħafna oħrajn irrapportaw li għad fadlilhom jagħmlu aktar riċerka biex jifhmu aħjar il-pressjoni.
Il-miżuri li għadhom kemm ġew introdotti jvarjaw mill-immirar dirett ta’ speċi mhux indiġeni mis-sajjieda sal-għoti ta’ inċentivi għal bastimenti "ekoloġiċi" u/jew it-twettiq ta’ inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni, immirati l-aktar lejn attivitajiet rikreattivi.
Ma jistax jiġi kkonfermat jekk sal-2020 l-Istati Membri humiex ser jiksbu status ambjentali tajjeb għall-pressjonijiet minn speċi mhux indiġeni, kif meħtieġ mid-Direttiva, peress li l-Istati Membri jew ma setgħux jew ma rrapportawx dwar dan. Il-Polonja, Ċipru u Malta rrapportaw eċċezzjonijiet ġustifikati għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb, billi ddikjaraw li l-introduzzjoni ta’ speċi mhux indiġeni hija dovuta għal sitwazzjonijiet lil hinn mill-kontroll tagħhom (pereżempju fil-każ tal-Baħar Mediterran, tali speċi jistgħu jidħlu mill-Kanal ta’ Suez).
Miżura → L-Iżvezja: sistema nazzjonali ta’ twissija u ta’ rispons għad-detezzjoni bikrija, pjanijiet ta’ mmaniġġjar u ta’ emerġenza
L-Iżvezja waqqfet sistema nazzjonali ta’ twissija u ta’ rispons fl-ibħra tagħha li tgħarraf minnufih lill-awtoritajiet meta jintlemħu speċi mhux indiġeni ġodda. Din tiskatta miżuri ta’ reazzjoni rapida għall-qerda, għall-kontroll tagħhom jew għal kwalunkwe azzjoni oħra li titqies xierqa, marbuta mal-pjanijiet ta’ kontinġenza. Is-sistema ser tkun marbuta mal-programm ta’ monitoraġġ tal-Iżvezja.
L-isfruttament kummerċjali tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra
Is-sajd eċċessiv jista’ jkollu konsegwenzi serji li jwasslu għat-tnaqqis progressiv u l-kollass eventwali tal-istokkijiet ta’ ħut. Is-16-il Stat Membru li l-programmi tagħhom ġew ivvalutati f’dan ir-rapport introduċew miżuri biex tiġi minimizzata l-pressjoni mis-sajd kummerċjali. Erbatax-il Stat Membru inkludew ukoll miżuri speċifiċi għat-tnaqqis tal-impatti mis-sajd rikreattiv.
Il-pressjoni tas-sajd taffettwa r-reġjuni kollha tal-baħar tal-UE, għalkemm hija partikolarment akuta fil-Baħar Mediterran. Fil-programmi nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jirreferu b’mod konsistenti għall-miżuri li jkunu ħadu biex jikkonformaw mal-politika komuni tas-sajd, li titlob li sal-2020 jintlaħaq rendiment massimu sostenibbli għall-istokkijiet tas-sajd, li jgħin biex jintlaħaq l-għan ta’ status ambjentali tajjeb stabbilit mid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina. Tali miżuri nazzjonali jinkludu t-tnaqqis tad-daqs tal-flotta tas-sajd, it-tnaqqis tal-qabdiet totali, il-projbizzjoni tas-sajd jew ta’ ċerti tipi ta’ prattiki tas-sajd (eż. tkarkir) f’ċerti żoni.
Ħafna mill-Istati Membri introduċew ukoll miżuri ġodda biex titnaqqas il-pressjoni fuq stokkijiet sfruttati żżejjed, pereżempju billi jeħtieġu l-użu ta’ rkaptu speċifiku, jew billi introduċew restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet temporali/spazjali mmirati. Ħafna mill-Istati Membri waqqfu miżuri ta’ protezzjoni spazjali, jew fi ħdan in-netwerk Natura 2000 jew billi saħħew il-pjanijiet ta’ ġestjoni għaż-żoni protetti eżistenti tal-baħar. Diversi Stati Membri introduċew ukoll miżuri biex tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar prattiki tas-sajd distruttivi. Ħafna minnhom jorbtu espliċitament il-miżuri meħuda ma’ ftehimiet li saru fuq livell reġjonali u internazzjonali, bħal fil-kuntest tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fil-Baħar Mediterran jew il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn Atlantiku. Il-programmi jsemmu wkoll azzjonijiet meħuda permezz tal-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali, notevolment il-HELCOM u l-Konvenzjoni ta’ Barċellona.
Għalkemm id-Direttiva titlob li sal-2020 l-Istati Membri jkunu kisbu status ambjentali tajjeb għall-pressjoni mis-sajd, għandu jkun hemm ukoll sinerġija tajba mal-ħtiġijiet tal-politika komuni tas-sajd fil-programmi nazzjonali tagħhom, u ħafna Stati Membri għadhom ma ddeterminawx meta ser tintlaħaq din il-mira. Tliet Stati Membri rrapportaw eċċezzjonijiet, b’dikjarazzjonijiet ġustifikabbli għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb wara l-2020: Il-Finlandja u r-Renju Unit ddikjaraw li minħabba kundizzjonijiet naturali mhumiex ser jiksbu status ambjentali tajjeb għall-isfruttament kummerċjali tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra, filwaqt li Malta semmiet il-ħtieġa għal sforzi transfruntiera u reġjonali biex jintlaħaq l-objettiv.
Miżura→ Il-Belġju: kontroll u monitoraġġ aħjar tas-sajd rikreattiv
Reċentement il-Belġju introduċa miżura legali li tiffaċilita l-monitoraġġ tas-sajd rikreattiv, attività li jista’ jkollha impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar iżda li ħafna drabi mhijiex regolata mill-Istati Membri. Din il-miżura nazzjonali, li tmur lil hinn mir-rekwiżiti tal-politika komuni tas-sajd, għandha ttejjeb il-ġbir ta’ data, li huwa kruċjali mhux biss għall-fehim tal-istat tal-istokkijiet tal-ħut iżda wkoll sabiex , jekk meħtieġ u b’mod aktar immirat, ċerti attivitajiet ta’ sajd jiġu regolati.
L-influss ta’ nutrijenti
L-influss eċċessiv ta’ nutrijenti u ta’ sustanzi organiċi fil-baħar jippromwovi l-proliferazzjoni tal-algi, li jwassal għall-ewtrofikazzjoni. Din il-pressjoni tista’ toħnoq il-ħajja tal-baħar, speċjalment madwar żoni kostali u f’ilmijiet aktar fondi. Filwaqt li jaffettwa l-ilmijiet marini kollha fl-UE sa ċertu punt, l-impatti tiegħu huma l-aktar evidenti fil-Baħar Baltiku. L-arrikkiment tan-nutrijenti ġie prinċipalment attribwit għall-agrikoltura, għall-industrija, għall-iskariku urban, għall-akkwakultura u, sa ċertu punt, għat-tbaħħir. Il-problema hija aggravata mill-akkumulazzjoni ta’ dawn in-nutrijenti f’qiegħ il-baħar.
Fil-programmi nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri kollha rreferew għall-miżuri meħuda fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar tagħhom sabiex ikunu konformi mal-għan ta’ "status ekoloġiku tajjeb" stabbilit mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u sabiex jikkonformaw mal-parametri stabbiliti minn leġiżlazzjoni oħra relatata mal-ilma. Xi Stati Membri inkludew ukoll miżuri aktar speċifiċi fl-istrateġiji marini tagħhom, bħall-promozzjoni ta’ prattiki sostenibbli ta’ akkwakultura u agrikoli, it-twaqqif ta’ żoni ta’ kontroll ta’ emissjonijiet ta’ Ossidi tan-Nitroġenu (NOx) għat-tbaħħir, il-bini ta’ infrastrutturi portwali xierqa għall-gass naturali likwifikat u l-kontroll tar-rimi ta’ drenaġġ mhux trattat mill-bastimenti.
Il-prospetti għall-Istati Membri biex jiksbu status ambjentali tajjeb għall-immaniġġjar ta’ influssi ta’ nutrijenti sal-2020 huma koerenti fir-reġjuni marittimi individwali. Pereżempju, ħafna mill-Istati Membri fil-Baħar Baltiku ma jistennewx li jilħqu din il-mira sal-2020, filwaqt li fil-Baħar Mediterran ħafna mill-Istati Membri indikaw li din il-mira diġà ntlaħqet.
Mhux inqas minn ħames Stati Membri invokaw eċċezzjonijiet għall-pressjoni mill-influss ta’ nutrijenti. Madankollu, issemmew raġunijiet differenti, li juru approċċ reġjonali inqas konsistenti minkejja n-natura transfruntiera tal-pressjoni. Fil-Baħar Baltiku, il-Finlandja, il-Latvja u l-Polonja rreferew għal sitwazzjonijiet ġustifikati lil hinn mill-kontroll tagħhom, bil-Polonja tinvoka kundizzjonijiet naturali bħala ġustifikazzjoni addizzjonali, l-istess bħalma għamlet l-Iżvezja. Għall-Atlantiku tal-Grigal, l-Iżvezja u n-Netherlands jużaw argumenti simili għal dawk invokati biex jiġu ġustifikati eċċezzjonijiet fil-Baħar Baltiku.
Miżura→ Il-Finlandja: it-tnaqqis tal-influss ta’ nutrijenti fl-ambjent
Permezz tat-tixrid ta’ ġibs fl-għelieqi, l-għan ta’ din il-miżura diretta huwa li titnaqqas il-konċentrazzjoni ta’ fosfru fil-ħamrija — nutrijent li jintuża fl-agrikoltura li jista’ jwassal għall-ewtrofikazzjoni. L-użu tal-ġibs inaqqas il-lissija tal-fosfru fis-sistemi tal-ilma ħelu u b’hekk fl-ambjent tal-baħar. Il-vantaġġ tiegħu huwa li jtejjeb il-karatteristiċi tal-ħamrija u bħala riżultat inaqqas l-erożjoni.
Tibdil idrografiku
Attivitajiet tal-bniedem bħall-iżvilupp infrastrutturali tal-kosta, it-tħammil, l-estrazzjoni tar-ramel u d-desalinizzazzjoni jista’ jkollhom impatt fuq il-karatteristiċi fiżiċi tal-ilmijiet marini. L-impatti jistgħu jidhru fit-tibdil fil-kurrenti tal-baħar jew fl-azzjoni tal-mewġ, fis-sistemi tal-marea, fit-temperatura, fil-livelli tal-pH, fis-salinità jew fit-turbidità u kollha jistgħu jaffettwaw ħażin l-ispeċi u l-ħabitats tal-baħar. Ħafna mill-miżuri rrapportati mill-Istati Membri huma relatati ma’ oqfsa regolatorji eżistenti, bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika u proċeduri ta’ liċenzjar li normalment għandhom ikopru l-pressjonijiet u l-impatti kollha possibbli. Madankollu, mhuwiex dejjem ċar kif l-Istati Membri biħsiebhom japplikaw il-miżuri meħuda taħt dawn id-Direttivi fil-kuntest tal-baħar. Xi Stati Membri rrapportaw ukoll li bħala parti mill-miżuri tagħhom qegħdin fil-proċess li jiżviluppaw gwida għal proġetti infrastrutturali rilevanti. Madankollu, żewġ Stati Membri biss jindirizzaw b’mod ċar l-impatti kumulattivi ta’ tali infrastrutturi.
Fil-każ ta’ pressjonijiet antropoġeniċi li jwasslu għal tibdil idrografiku, l-Istati Membri ma invokaw ebda eċċezzjoni mill-Artikolu 14 għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb. Mis-16-il Stat Membru li l-programmi nazzjonali qed jiġu vvalutati f’dan ir-rapport, erba' Stati Membri ddikjaraw li diġà kisbu status ambjentali tajjeb, filwaqt li żewġ Stati Membri jsostnu li dan ser jintlaħaq sal-2020. Stati Membri oħra jew ma speċifikawx meta ser jinkiseb status ambjentali tajjeb jew ma jistgħux jagħtu stima ta’ dan.
Miżura→ Franza: valutazzjoni tal-impatti kumulattivi
Attwalment Franza qiegħda tiżviluppa dokument ta’ gwida li jgħin lill-awtoritajiet u lill-partijiet interessati rilevanti jivvalutaw l-impatti kumulattivi tal-attivitajiet tal-bniedem, speċjalment għal dawk il-proġetti li jkunu jeħtieġu valutazzjoni tal-impatt ambjentali jew valutazzjoni ambjentali strateġika. Dan ser ikun partikolarment rilevanti għal pressjonijiet idroloġiċi li s’issa l-impatti kumulattivi tagħhom rarament kienu indirizzati.
Kontaminanti fil-baħar u fil-frott tal-baħar
Ħafna mill-kontaminanti, l-aktar minn pestiċidi agrikoli, minn sistemi tal-vapuri kontra l-inkrostazzjoni, minn farmaċewtiċi, mill-industrija u minn effluwenti urbani, inklużi metalli tqal, jispiċċaw fil-baħar. Dan l-iskariku jbiddel l-ibħra u l-oċeani f’ambjent li jista’ jagħmel ħsara lill-ħajja tal-baħar, u fl-aħħar mill-aħħar jikkontamina l-frott tal-baħar għall-konsum mill-bniedem. Għalhekk kemm għal raġunijiet ambjentali kif ukoll dawk marbuta mas-saħħa tal-bniedem huwa importanti li jiġi żgurat li l-livelli ta’ kontaminanti fl-ambjent marittimu jibqgħu baxxi u f’limiti li ma jagħmlux ħsara.
Mis-sorsi kollha ta’ kontaminanti, id-depożizzjoni atmosferika fl-ambjent tal-baħar hija s-sors l-inqas indirizzat fil-programmi nazzjonali rrapportati mill-Istati Membri.
Barra minn hekk il-programmi tagħhom ftit li xejn fihom miżuri li jimmiraw direttament il-kontaminanti fil-frott tal-baħar maħsuba għall-konsum mill-bniedem minħabba l-argumenti li l-miżuri meħuda għall-kontaminanti inġenerali x’aktarx inaqqsu wkoll kwalunkwe impatt negattiv fuq il-frott tal-baħar. Fost il-miżuri rrapportati f’dan il-kuntest, l-Istati Membri jirreferu għal dawk meħtieġa biex tiġi żgurata konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza alimentari u ma’ standards regolatorji oħra applikabbli għall-prodotti tas-sajd u tal-akwakultura, b’mod partikolari dwar it-traċċabbiltà, ir-rekwiżiti dwar il-kwalità tas-saħħa, il-kundizzjonijiet tat-trobbija u tal-biedja, valutazzjonijiet tar-riskju u miżuri ta’ ġestjoni.
Fil-każ ta’ azzjonijiet immirati b’mod aktar ġenerali lejn it-tnaqqis tal-preżenza ta’ kontaminanti fil-baħar, għadd ta’ Stati Membri rrapportaw diversi miżuri bħala riżultat tar-rekwiżiti tal-UE, bħal dawk meħtieġa għall-konformità mad-Direttivi dwar in-nitrati, dwar l-ilma urban mormi, dwar l-emissjonijiet fl-arja, it-tniġġis mill-bastimenti, u r-regolament REACH, . Jissemmew ukoll impenji internazzjonali jew taħt MARPOL jew taħt il-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali, għalkemm ħafna drabi l-programmi nazzjonali mhumiex ċari dwar liema azzjonijiet konkreti huma speċifikament ippjanati għal dawn l-impenji internazzjonali. Minbarra dawn ir-rekwiżiti tal-UE jew internazzjonali eżistenti, 10 Stati Membri introduċew xi miżuri diretti, bħar-regolamentazzjoni ulterjuri tal-iskariku ta’ kontaminanti, it-tnaqqis tal-użu ta’ pestiċidi, it-titjib tal-prattiki ta’ akkwakultura u ta’ tħammil, u xi miżuri indiretti, bħal attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ riċerka.
Intalbu ċċezzjonijiet għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb għall-kontaminanti mill-Polonja u mill-Iżvezja fil-Baltiku u min-Netherlands, mir-Renju Unit u mill-Iżvezja fir-reġjun tal-Oċean Atlantiku tal-Grigal. Il-ġustifikazzjonijiet invokati biex jibbenefikaw minn dawn l-eċċezzjonijiet mhux dejjem jidhru teknikament konvinċenti, pereżempju fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ kostijiet sproporzjonati mingħajr ġustifikazzjoni suffiċjenti, inkluża analiżi tal-kost-benefiċċju u analiżi tal-vantaġġi u tal-iżvantaġġi ta’ azzjonijiet ta’ rimedju alternattivi. B’żieda ma’ dan, l-iskeda ta’ żmien għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb tvarja bejn ir-reġjuni, li hija inkwetanti għal tali pressjoni referenzjata tajjeb —soġġetta għal lista twila ta’ liġijiet u inizjattivi ta’ politika kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak internazzjonali.
Żewġ Stati Membri ġġustifikaw l-eċċezzjonijiet tagħhom għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb għall-kontaminanti fil-frott tal-baħar abbażi tal-fatt li s-sorsi niġġiesa rilevanti jinstabu wkoll barra mill-ilmijiet marini tagħhom. Fost ħafna mill-Istati Membri tal-Atlantiku tal-Grigal jidher li hemm qbil li sal-2020 ser jinkiseb status ambjentali tajjeb, filwaqt li fit-tliet ibħra reġjonali oħra dan jew ma jistax jiġi stmat jew huwa mistenni li jseħħ biss wara l-2020.
Miżura → Il-Polonja: l-immirar ta’ sorsi differenti ta’ kontaminanti
Il-Polonja adottat taħlita ta’ miżuri biex timmira kontaminanti differenti li jirnexxilhom jidħlu fl-ibħra marini tagħha. Il-programm tagħha jinkludi miżuri li jirregolaw il-kontaminanti bħall-materjali mħammlin, il-paraffina u d-derivattivi tagħhom. Qed taħdem ukoll fuq ir-rikostruzzjoni tas-sistemi tal-ilma tal-maltemp u tad-drenaġġ tagħha, filwaqt li tintroduċi miżuri għat-tnaqqis tal-kontaminanti mill-ilma skarikat mis-sistemi tat-trattament tal-egżost. Irrapportat ukoll azzjonijiet ġodda għat-tnaqqis tar-riskji mit-tniġġis taż-żejt u minn sustanzi oħra ta’ ħsara. Miżuri oħra jinkludu pjanijiet għall-immodernizzar tal-flotta tal-passaġġi fuq l-ilma interni tagħha, li jippermettu l-possibbiltà tal-iskariku tal-ilma mormi industrijali u t-titjib tal-immaniġġjar tal-ilma ta’ seba' baċini ta’ xmajjar.
Skart fil-baħar
L-iskart huwa pressjoni fuq l-ambjent tal-baħar li eventwalment isib triqtu lejn qiegħ il-baħar u fuq il-bajjiet. L-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina wasslet għal fehim aħjar tal-iskart makro u dak mikro, b’mod partikolari mill-plastik. Is-sorsi ta’ skart fil-baħar ġew l-aktar attribwiti għall-attivitajiet tal-bniedem li ġejjin: attivitajiet rikreattivi u dawk marbuta mat-turiżmu, l-iskart urban, attivitajiet industrijali, it-tbaħħir u s-sajd kummerċjali. Biex jiġġieldu kontra l-iskart fil-baħar, l-Istati Membri jibbażaw ruħhom fuq għadd ta’ liġijiet eżistenti tal-UE, l-aktar dwar l-immaniġġjar tal-iskart, dwar l-ilma urban mormi jew dwar il-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet, kif ukoll fuq ftehimiet internazzjonali u l-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali. Abbażi tal-programmi nazzjonali tagħhom, jidher li s-16-il Stat Membru qed jieħdu, jew qed jippjanaw li jieħdu, miżuri għat-titjib tal-immaniġġjar tal-iskart fis-settur tas-sajd. Il-miżuri l-aktar komuni notifikati huma t-tindif tal-bajjiet, is-"sajd għall-iskart" u inizjattivi ta’ komunikazzjoni. Filwaqt li l-impatt tagħhom fuq it-tnaqqis tal-pressjoni huwa wieħed modest, jgħinu biex tinħoloq sensibilizzazzjoni u b’hekk biex jiġi evitat tniġġis futur. Madankollu, miżuri mmirati lejn l-iskart fuq il-bajjiet, bħal-limitazzjoni tal-proliferazzjoni tal-plastik li jintuża darba biss jew it-tnaqqis tal-mikroplastik u tal-iskart mill-akwakultura, jidhru li mhumiex żviluppati sew. Pereżempju, ħames Stati Membri biss indirizzaw l-akkwakultura b’mod speċifiku.
Miżura → Franza: it-tnaqqis tal-iskart fil-baħar u tal-pixxikultura tal-frott tal-baħar bil-qoxra
Franza għandha żewġ miżuri notevoli għall-iskart fil-baħar. L-ewwel waħda hija parti mill-programm nazzjonali għall-prevenzjoni tal-iskart u tikkonsisti f’erba’ azzjonijiet: (1) l-estensjoni tar-responsabbiltà tal-produtturi; (2) il-limitazzjoni ta’ ċerti prodotti, bħal basktijiet tal-plastik li jintużaw darba biss; (3) il-promozzjoni ta’ azzjonijiet volontarji għat-tnaqqis u għar-riċiklar tal-iskart fil-baħar; u (4) l-allinjament ta’ pjanijiet reġjonali dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart mal-għodod ta’ politika dwar l-ilma u l-ilma baħar, u mal-pjanijiet dwar it-trattament u ta’ akkoljenza tal-iskart fil-portijiet. It-tieni miżura tindirizza l-akkwakultura tal-frott tal-baħar bil-qoxra, attività li tista’ tkun sors sinifikanti ta’ skart, iżda waħda rarament indirizzata fil-programmi ta’ miżuri tal-Istati Membri l-oħra. Franza qed tippjana li tillimita d-degradazzjoni tal-ħabitats milquta billi tillimita l-aċċess għall-plottijiet rilevanti ta’ kulturi tal-baħar f’żoni tal-marea, u billi tiġbor u tirriċikla l-iskart iġġenerat minnhom.
Il-programmi ta’ miżuri għall-iskart fil-baħar għandhom jitqiesu fil-kuntest usa' ta’ żviluppi fil-livell tal-UE, li wasslu għall-adozzjoni tal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari, l-Istrateġija Ewropea għall-Plastik u proposta leġiżlattiva dwar l-iskart fil-baħar u dwar il-plastik li jintuża darba biss.
Mis-16-il Stat Membru, sitta biss jistennew li jiksbu status ambjentali tajjeb għall-iskart sal-2020. Malta hija l-uniku Stat Membru li applika għal eċċezzjoni abbażi tal-fatt li azzjonijiet minn pajjiżi ġirien allegatament ser ifixklu l-isforzi tagħha; madankollu, din il-ġustifikazzjoni proposta ma tidhirx li hija kompletament sostanzjata u ma ġietx irrapportata skeda alternattiva.
L-enerġija, inkluż l-istorbju sottomarin
L-użu tal-enerġija, pereżempju fil-forma ta’ sistemi ta’ tisħin u tal-elettriku, storbju, radjazzjonijiet elettromanjetiċi, mewġ jew vibrazzjonijiet tar-radju, jista’ jkun ukoll pressjoni fuq l-ambjent tal-baħar. S’issa, ħafna mill-Istati Membri ffokaw l-isforzi tagħhom fuq l-istorbju sottomarin, li l-effetti tiegħu huma kumplessi u għadhom mhumiex mifhuma għal kollox. L-istorbju jista’, pereżempju, igerrex lill-ispeċi tal-baħar mill-post tat-trobbija, iħalli impatt fuq is-smigħ tagħhom u għalhekk jagħmilhom aktar vulnerabbli. L-effett jiddependi wkoll fuq it-tip ta’ storbju, jekk huwiex kontinwu jew impulsiv, u l-frekwenza. L-istorbju jista’ jiġi mit-tbaħħir, mir-riċerka marittima, minn pjattaformi tal-enerġija lil hinn mill-kosta, minn operazzjonijiet ta’ kostruzzjoni u minn attivitajiet ta’ difiża. Għal darb’oħra l-Istati Membri bbażaw ruħhom fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE bħad-Direttiva dwar il-Ħabitats u d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali. Mill-ġdid, il-programmi ta’ miżuri tagħhom jinkludu ftehimiet u inizjattivi internazzjonali li ttieħdu permezz tal-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali. Il-miżuri jinkludu l-protezzjoni ta’ żoni speċifiċi kemm minn ħoss impulsiv u dak kontinwu; l-iżvilupp ta’ vapuri "ekoloġiċi"; il-limitazzjoni tal-użu ta’ ċerti tipi ta’ dwal fuq pjattaformi taż-żejt u tal-gass; u l-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni, it-twettaq ta’ riċerka u l-iżvilupp ta’ linji gwida għall-valutazzjonijiet tal-istorbju. Filwaqt li ħafna mill-pressjonijiet ġew indirizzati, ħafna drabi dawn huma koperti indirettament permezz ta’ riċerka li l-Istati Membri rrapportaw flimkien mal-miżuri tagħhom.
Sitt Stati Membri, l-aktar mir-reġjun tal-Oċean Atlantiku tal-Grigal, jistennew li jiksbu status ambjentali tajjeb sal-2020. Madankollu, minħabba l-lakuni attwali fl-għarfien, uħud minnhom ma jistgħux jagħtu stima meta dan ser jintlaħaq jew ma speċifikawx data meta ser jintlaħaq. L-ebda Stat Membru ma applika għal eċċezzjoni.
Miżura → Ċipru: l-istorbju mill-esplorazzjoni tal-idrokarburi
Ċipru rrapporta miżura li tindirizza l-istorbju sottomarin impulsiv, billi jeżiġi kundizzjonijiet ta’ "irrankar bil-mod/irrankar kajman" fl-esplorazzjoni u fl-esplojtazzjoni tal-idrokarburi. Dan jinkludi stħarriġ sismiku fuq il-baħar, kif definit fid-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika u dik dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u fil-Protokoll dwar l-Offshore tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona.
Miżuri meħuda biex jiġi indirizzat l-istat tal-bijodiversità tal-baħar
It-tnaqqis tal-impatti negattivi ta’ pressjonijiet fuq l-ambjent tal-baħar għandu jtejjeb il-kundizzjonijiet għall-ispeċi u għall-ħabitats tal-baħar. Għalhekk, il-miżuri deskritti fit-taqsimiet preċedenti għandhom jgħinu sabiex jinżamm jew jitjieb l-istat tal-bijodiversità tal-baħar. Madankollu, il-maġġoranza tal-Istati Membri ma jagħmlux biżżejjed rabtiet bejniethom it-tnejn, u dan jillimita l-effikaċja tal-programmi. Madankollu, l-Istati Membri identifikaw miżuri li jittrattaw diversi ħabitats tal-baħar, bħal miżuri ta’ protezzjoni spazjali, għalkemm dawn huma limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni spazjali u jistgħu ma jkunux qed jilħqu żoni fejn il-pressjonijiet huma l-aktar predominanti (eż. tkarkir f’qiegħ il-baħar barra minn żoni protetti).
Għasafar
Il-qbid aċċessorju inċidentali minn attivitajiet ta’ sajd kummerċjali kien il-pressjoni ewlenija li l-Istati Membri rrapportaw li kienet qed taffettwa l-għasafar. Pressjonijiet oħra li rrapportaw kienu jinkludu r-rimi ta’ skart fil-baħar, speċi mhux indiġeni, tniġġis taż-żejt u disturbi mid-dawl viżwali. Minkejja l-prevalenza tat-telf ta’ ħabitats minħabba l-attività tal-bniedem, il-kontaminanti fil-baħar u l-kaċċa, l-Istati Membri ċċitawhom inqas ta’ spiss bħala pressjonijiet. Mhuwiex sorprendenti li ħafna mill-miżuri huma relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għasafar u mad-Direttiva dwar il-Ħabitats, u għalhekk mal-ħolqien ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali u ta’ żoni ta’ konservazzjoni speċjali sabiex jiġu mħarsa l-ħabitats tal-għasafar, il-postijiet fejn jgħammru, ibejtu u jieklu. L-Istati Membri rrapportaw ukoll li qegħdin japplikaw ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd biex jindirizzaw il-qbid aċċessorju, li jfisser li jiġi ristrett l-użu ta’ ċertu rkaptu, pereżempju, biex jonqos iċ-ċans li jinqabdu l-għasafar jew il-promozzjoni ta’ rkaptu u ta’ tekniki sostenibbli ta’ sajd. L-Istati Membri jirreferu biss okkażjonalment għad-Direttiva dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu, li tista’ tgħin biex jiġu identifikati żoni għas-sajd filwaqt li jitnaqqsu l-impatti fuq l-għasafar.
L-Istati Membri kollha fl-Atlantiku tal-Grigal jorbtu wkoll il-miżuri tagħhom mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSPAR dwar il-konservazzjoni, filwaqt li wħud mill-Istati Membri tal-Baħar Baltiku jirreferu għall-"Pjan ta’ Azzjoni tal-Baħar Baltiku" tal-HELCOM. Fil-Mediterran, ħafna mill-Istati Membri normalment jirreferu għall-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona għall-ispeċi ta’ għasafar u għaż-żoni protetti tal-baħar.
Għaxar Stati Membri ma rrapportawx meta ser jiksbu status ambjentali tajjeb, jew minħabba r-raġuni ta’ lakuni fl-għarfien jew ma pprovdewx ġustifikazzjoni ulterjuri. Ma ġiet irrapportata l-ebda eċċezzjoni.
Miżura → Malta: il-ħarsien tal-għasafar mill-predaturi
Malta qed tapplika miżura għall-ħarsien tal-Garnija (Puffinus yelkouan) minn firien predaturi. Skart tal-ikel minn attivitajiet rikreattivi tal-bniedem f’żona ta’ protezzjoni speċjali wasslet għall-preżenza akbar ta’ firien, li jikkawżaw pressjonijiet sinifikanti ta’ predazzjoni fuq l-għasafar. L-għan tal-proġett huwa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tan-nies dwar il-problema u b’hekk tinbidel l-imġiba tagħhom f’siti protetti biex jonqos ir-rimi tal-iskart u l-preżenza tal-pesti li għandu jwassal għal ħarsien aktar effettiv ta’ din l-ispeċi ta’ għasfur u tal-ħabitats tiegħu. Il-miżura tmur lil hinn minn dak li huwa diġà indirizzat taħt id-Direttiva dwar l-Għasafar.
Ħut u ċefalopodi
Minbarra l-pressjoni ovvja mis-sajd għall-ispeċi kummerċjali, il-qbid aċċessorju huwa wieħed mill-iktar pressjonijiet importanti, segwit mill-kontaminanti. Fil-programmi tagħhom l-Istati Membri jsemmgħu t-telf u l-ħsara lill-ħabitats, ir-rimi tal-iskart fil-baħar u l-istorbju sottomarin inqas ta’ spiss bħala pressjonijiet. L-ispeċi kummerċjali huma ġeneralment indirizzati tajjeb permezz tal-miżuri mmirati lejn il-ħut u l-frott tal-baħar bil-qoxra kummerċjali, kif diskuss hawn fuq. Dawn il-miżuri jinkludu l-projbizzjoni ta’ sajd f’ċerti żoni u/jew il-projbizzjoni ta’ prattiki ta’ sajd bħat-tkarkir. Madankollu, l-ispeċi mhux kummerċjali mhumiex dejjem koperti. Tlettax-il Stat Membru jirrestrinġu wkoll l-użu ta’ ċerti tekniki tas-sajd, u b’hekk jimmiraw ukoll il-qbid aċċessorju. Ħafna mill-Istati Membri rrapportaw li jużaw miżuri ta’ protezzjoni spazjali bbażati fuq in-netwerk Natura 2000 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats għall-ħarsien ta’ ċerti speċi ta’ ħut u sa ċertu punt, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għall-ħarsien ta’ mogħdijiet migratorji għall-ħut. Miżuri spazjali intużaw ukoll għall-ħarsien ta’ ċerti ħabitats ta’ qiegħ il-baħar li jaġixxu bħala żoni ta’ trobbija u ta’ tkabbir għall-ħut. Minbarra li jorbtu l-miżuri tagħhom mal-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali, bħal fil-każ tal-għasafar, l-Istati Membri tal-Mediterran, b’mod partikolari, jirreferu wkoll għal inizjattivi ma’ organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd. Kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, bħal dawk li jgħarrfu lill-konsumaturi dwar prattiki sostenibbli tas-sajd jew li jimmiraw lis-sajjieda professjonali u dawk rikreattivi, jipprovdu valur miżjud għall-miżuri l-oħra aktar diretti. Xi Stati Membri jsemmu l-ħtieġa għal aktar riċerka, speċjalment biex jifhmu x’impatti qed ikollhom il-pressjonijiet li jaffettwaw dan il-grupp ta’ speċi.
Il-Polonja ddikjarat eċċezzjoni għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb, peress li ssostni li fatturi ambjentali oħra, bħat-tibdil fil-klima u fis-salinità, iwaqqfuha milli tagħmel dan. L-informazzjoni pprovduta tiġġustifika biss parti minn din id-dikjarazzjoni (mingħajr evidenza ta’ tibdil fit-tendenzi f’indikaturi marbuta ma’ tibdil prevedibbli fit-temperatura u fis-salinità). Ir-Renju Unit irrapporta eċċezzjoni ġustifikata minħabba ż-żmien meħtieġ sabiex il-popolazzjonijiet tal-ħut (bijomassa) jirreaġixxu għal tibdil fir-rati tas-sajd, flimkien ma’ kundizzjonijiet bijoloġiċi u klimatiċi oħrajn. Tliet Stati Membri rrapportaw li ser jiksbu status ambjentali tajjeb sal-2020.
Miżura → Il-Ġermanja: il-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni fost il-konsumaturi dwar is-sajd sostenibbli
Miżura ġdida fil-Ġermanja tikkonsisti f’kampanja ta’ informazzjoni mmirata lejn varjetà ta’ konsumaturi tal-frott tal-baħar sabiex tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar "sajd sostenibbli u li ma jagħmilx ħsara lill-ekosistema". Il-kampanja ser tiżviluppa materjal ta’ tagħlim u ta’ informazzjoni bbażat fuq l-aħjar data xjentifika disponibbli u fuq l-istat attwali tar-riċerka. L-għan huwa li l-konsumaturi jġibu ruħhom b’mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent u li jappoġġja tekniki sostenibbli ta’ sajd. Indirettament, l-għan tagħha huwa li tuża d-domanda tal-konsumatur bħala inċentiv sabiex l-industrija tas-sajd tadotta prattiki aktar sostenibbli ta’ sajd.
Mammiferi u rettili
Il-mammiferi u r-rettili marini, bħall-balieni, il-foki u l-fkieren, huma affettwati minn qbid aċċessorju inċidentali minn attivitajiet ta’ sajd kummerċjali, u mit-telf ta’ ħabitats, minn kontaminanti, skart fil-baħar, ħabtiet ma’ bastimenti u minn storbju sottomarin. Ħafna mill-Istati Membri rrapportaw li ħadu miżuri ta’ protezzjoni spazjali permezz tad-Direttiva dwar il-Ħabitats sabiex jipproteġu l-ħabitats, inklużi s-siti fejn jgħammru, jieklu u jbejtu. Fil-fatt, ħafna mill-miżuri l-ġodda jiffokaw fuq il-protezzjoni spazjali, inklużi dawk għat-tnaqqis tal-istorbju sottomarin. Il-qbid aċċessorju inċidentali huwa regolat permezz tal-politika komuni tas-sajd b’miżuri ġodda dwar l-użu ta’ rkaptu aktar selettiv. Madankollu, ftit huma l-Istati Membri li jagħmlu r-rabta bejn l-iskart fil-baħar u l-mammiferi u l-fkieren, minkejja l-probabbiltà li dawn l-ispeċi jispiċċaw jibilgħu l-iskart jew jitħabblu fi rkaptu tas-sajd mitluf jew abbandunat. Diversi Stati Membri rabtu wkoll miżuri mad-Direttiva dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu u mad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali. Minbarra r-rabta tal-miżuri tagħhom mal-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali, ħafna mill-Istati Membri jorbtu l-miżuri mal-Ftehim dwar il-Konservazzjoni taċ-Ċetaċji Żgħar tal-Baħar Baltiku u tal-Baħar tat-Tramuntana (ASCOBANS) u l-- Ftehim dwar il-konservazzjoni taċ-ċetaċji tal-Baħar l-Iswed, tal-Baħar Mediterran u taż-żona Atlantika kontigwa (ASCOBAMS). Miżuri oħrajn jinkludu t-tnaqqis tal-impatt minn irkaptu tas-sajd mitluf u miżuri ta’ mitigazzjoni fil-każ ta’ tniġġis taż-żejt. Attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni bħall-għoti ta’ informazzjoni lis-sajjieda dwar l-impatt ta’ tekniki tas-sajd aggressivi fuq il-mammiferi u l-fkieren jew attivitajiet sabiex it-turisti jiġu mħeġġa jagħżlu attivitajiet turistiċi sostenibbli huma wkoll fost il-miżuri rrapportati.
Ftit Stati Membri biss irrapportaw li ser jiksbu status ambjentali tajjeb sal-2020. Il-Polonja rrapportat eċċezzjoni u ddikjarat li mhux ser tikseb status ambjentali tajjeb sal-2020 għad-dniefel suwed minħabba n-natura migratorja tal-ispeċi u l-fatt li ħafna mill-qbid aċċessorju jseħħ barra mill-ibħra marini tagħha, ġustifikazzjoni li ma tidhirx fondata peress li l-kwistjoni ta’ qbid aċċessorju minn barra l-ibħra tagħha tista’ tiġi kkontrollata b’mod adegwat permezz ta’ proċessi ta’ sħubiji transfruntiera.
Miżura → L-Italja: it-tnaqqis ta’ kolliżjonijiet ma’ bastimenti
Il-bastimenti huma responsabbli għal għadd sinifikanti ta’ mwiet ta’ ċetaċji fil-Mediterran. Permezz tal-proġett REPCET, l-Italja għandha l-għan li tqiegħed softwer fuq kull bastiment biex jgħin fl-identifikazzjoni tal-preżenza u tas-siti taċ-ċetaċji taħt l-ilma, biex b’hekk jonqos l-għadd ta’ kolliżjonijiet u r-rata ta’ mortalità Il-miżura ser tħarreġ ukoll lill-operaturi tal-bastimenti biex jużaw tali softwer.
Ħabitats tal-kolonna tal-ilma
Speċi li jgħixu f’ħabitats tal-kolonni tal-ilma jiffaċċjaw diversi pressjonijiet, bħal kontaminanti, ewtrofikazzjoni, speċi mhux indiġeni, estrazzjoni tal-ħut, qbid aċċessorju u rimi ta’ skart. Il-programmi tal-Istati Membri rarament jorbtu l-miżuri għal dawn il-pressjonijiet mal-ħabitats tal-kolonni tal-ilma, li jagħmilha diffiċli għall-Istati Membri biex jiddeterminaw kif ser jinkiseb status ambjentali tajjeb għal dawn il-ħabitats. Għalhekk ftit li xejn kienu l-miżuri speċifiċi li ġew irrapportati.
Madankollu, il-pjanijiet ta’ ġestjoni għaż-żoni protetti tal-baħar, l-implimentazzjoni tan-Netwerk Natura 2000 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats u l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali oħra ta’ protezzjoni spazjali jikkontribwixxu għall-benesseri ta’ dawn il-ħabitats. Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għandha wkoll rwol permezz tat-tnaqqis tal-konċentrazzjoni ta’ nutrijenti u ta’ kontaminanti u t-titjib tal-kundizzjonijiet idroloġiċi, biex b’hekk jitnaqqsu l-kundizzjonijiet ewtrofiċi u t-tniġġis tal-ilmijiet marini. Tfasslu wkoll rabtiet reġjonali għal tipi ta’ ħabitats oħra. Għal darb’oħra, tliet Stati Membri biss irrapportaw li ser jiksbu status ambjentali tajjeb sal-2020, iżda l-ebda Stat Membru ma applika għal eċċezzjoni.
Miżura → L-Iżvezja: relazzjonijiet ta’ pressjoni-stat għall-ħabitats tal-kolonna tal-ilma
L-Iżvezja rabtet sew il-miżuri tagħha dwar il-bijodiversità ma’ miżuri li jindirizzaw pressjonijiet speċifiċi fil-ħabitats tal-kolonna tal-ilma, u b’hekk tħares lejn il-pressjonijiet b’mod kumulattiv biex tiġi salvagwardjata l-bijodiversità tal-baħar. Dan l-approċċ komprensiv lejn il-kisba ta’ status ambjentali tajjeb għall-bijodiversità jsegwi wkoll il-ħsieb wara d-Deċiżjoni 2017/848/UE. Dawn il-miżuri jindirizzaw:
•il-ħut u l-frott tal-baħar bil-qoxra kummerċjali permezz ta’ regolamenti u l-immaniġġjar tas-sajd, żoni protetti tal-baħar u żoni b’għeluq staġjonali;
•l-ewtrofikazzjoni permezz tat-tnaqqis tat-tagħbija tan-nutrijenti fit-tul lokalment f’bajjiet ewtrofiċi u fil-Baħar Baltiku;
•il-kontaminanti permezz tal-immaniġġjar tal-iskariku ta’ sustanzi perikolużi, bħal sustanzi kontra l-inkrostazzjoni u d-drenaġġ;
•l-ispeċi mhux indiġeni permezz ta’ miżuri indiretti li jinkludu l-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni, pjanijiet ta’ ġestjoni u miżuri ta’ tnaqqis tar-riskji.
Ħabitats ta’ qiegħ il-baħar
Hemm diversi attivitajiet tal-bniedem li għandhom impatt fuq qiegħ il-baħar, b’mod partikolari minħabba tfixkil fiżiku, bl-aktar waħda prevalenti tkun dik tas-sajd kummerċjali li juża t-tkarkir tal-qiegħ. Maż-żmien, dan wassal għal telf sinifikanti ta’ ħabitats sensittivi ta’ qiegħ il-baħar u kkawża ħsara mifruxa fit-tul lill-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar. Attivitajiet oħra potenzjalment ta’ ħsara jinkludu r-reklamazzjoni tal-art, operazzjonijiet portwali, ir-rimi ta’ skart solidu (inkluż ħama mit-tħammil), l-estrazzjoni tar-ramel u taż-żrar mill-baħar, it-tqegħid ta’ kejbils u ta’ pajpijiet sottomarini u operazzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli. Fil-programmi ta’ miżuri ġew inklużi approċċi regolatorji sabiex jiġu indirizzati ħafna minn dawn l-attivitajiet. Pereżempju, il-miżuri ta’ protezzjoni spazjali huma l-istrument prinċipali tal-għażla, inklużi dawk taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitats. Is-16-il Stat Membru kollha rrapportaw inizjattivi għall-ħarsien ta’ ħabitats vulnerabbli mill-attivitajiet tas-sajd li huma armonizzati ma’ miżuri għas-sajd sostenibbli (l-aktar ibbażati fuq il-politika komuni tas-sajd bħall-projbizzjoni ta’ ċerti tipi ta’ sajd, inkluż is-sajd li juża t-tkarkir tal-qiegħ, u l-introduzzjoni ta’ rkaptu li jagħmel inqas ħsara lill-qiegħ il-baħar). Għodod regolatorji oħra li ssemmew jinkludu valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali għal pressjonijiet oħra bħal-livelli ta’ nutrijenti mill-akkwakultura. Fil-każ ta’ effetti oħra tat-tniġġis, l-Istati Membri semmew miżuri skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Tfasslu wkoll rabtiet reġjonali għal tipi ta’ ħabitats oħra. Il-ħsara lill-qiegħ il-baħar tista’ sseħħ ukoll bħala riżultat ta’ attivitajiet rikreattivi, bħall-ankrar ta’ dgħajjes rikreattivi jew għas-sajd rikreattiv, li għalihom erba' Stati Membri rrapportaw miżuri. Madankollu, ħafna drabi dawn il-miżuri kienu limitati għal żoni speċifiċi. Bħala riżultat, proporzjon sinifikanti ta’ ħabitats ta’ qiegħ il-baħar barra miż-żoni ta’ protezzjoni spazjali u li huma milquta minn attivitajiet tal-bniedem fil-biċċa l-kbira tagħhom x’aktar ser jibqgħu ma jiġux indirizzati mill-Istati Membri.
Diversi Stati Membri wettqu wkoll attivitajiet biex tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar l-effetti distruttivi ta’ ċerti metodi ta’ sajd kummerċjali fuq il-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar u wettqu riċerka li kienet tinkludi, pereżempju, l-immappjar tal-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar.
Ħames Stati Membri rrapportaw li ser jiksbu status ambjentali tajjeb sal-2020, filwaqt li l-Polonja talbet għal eċċezzjoni u rabtitha ma’ kundizzjonijiet naturali bħall-irkupru bil-mod tal-ambjent marittimu, speċi mhux indiġeni li nfirxu b’mod sinifikanti fl-ilmijiet Pollakki u żoni b’livelli staġjonali naturalment baxxi ta’ ossiġenu. Madankollu, il-ġustifikazzjoni ssostni biss parzjalment l-eċċezzjoni peress li ma sar l-ebda sforz biex jiġu identifikati ħabitats speċifiċi affettwati mill-ispeċi mhux indiġeni u l-fatt li maġġoranza kbira tat-tnaqqis tal-ossiġenu fil-Baltiku hija meqjusa li hija dovuta għall-arrikkiment tan-nutrijenti.
Miżura → Spanja: linji gwida għall-attivitajiet marittimi rikreattivi
L-ankraġġ ta’ dgħajjes jikkawża ħsara fiżika lill-qiegħ il-baħar u jista’ saħansitra jwassal għat-telf ta’ ħabitats ta’ qiegħ il-baħar minħabba l-istat vulnerabbli tiegħu. Dawn l-impatti huma aktar severi f’qigħan tal-algi (Posidonia oceanica u Cymodocea nodosa) u fuq ċerti speċi inklużi fil-katalgu Spanjol ta’ speċi mhedda, bħan-nakkra tal-ħarir (Pinna nobilis) u l-istilla tal-baħar (Asterina pancerii). Għal din ir-raġuni, Spanja nediet linji gwida għall-awtoritajiet biex din l-attività tiġi rregolata f’ħabitats protetti ta’ qiegħ il-baħar. Dawn imorru lil hinn mill-attivitajiet li normalment huma indirizzati taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitats.
Kif sejrin l-Istati Membri?
Miżuri kontra l-pressjonijiet
Fil-programmi ta’ miżuri tagħhom, l-Istati Membri indirizzaw talanqas parzjalment għadd ta’ pressjonijiet: l-introduzzjoni ta’ speċi mhux indiġeni, is-sajd kummerċjali, l-influss ta’ nutrijenti, il-pressjonijiet fuq il-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar, it-tibdil idrografiku, il-kontaminanti u r-rimi tal-iskart fil-baħar. Il-Figura 2 turi l-ammont ta’ pressjonijiet li l-Istati Membri rrapportaw fil-valutazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 8 li ġew indirizzati b’mod xieraq permezz ta’ miżuri.
Figura 2 L-adegwatezza tal-miżuri tal-Istati Membri kontra l-pressjonijiet (l-Istati Membri huma ppreżentati f’ordni ġeografika għal kull reġjun tal-baħar)
Għal kull Stat Membru, l-għadd ta’ drabi li l-miżuri speċifiċi għad-deskrittur ġew ivvalutati bħala li indirizzaw (aħdar), indirizzaw parzjalment (oranġjo) u ma indirizzawx (aħmar) dak li l-Istat Membru rrapportata fl-Artikolu 8 (eż "indirizzaw il-pressjonijiet" 100 % tfisser li l-programm jindirizza l-pressjonijiet irrapportati għad-deskritturi kollha).
Skedi ta’ żmien, l-implimentazzjoni tal-miżuri u l-effikaċja tagħhom
L-iskedi ta’ żmien irrapportata mill-Istati Membri jipprovdu stampa mħallta dwar meta ser jinkiseb status ambjentali tajjeb, kif spjegat fit-taqsimiet rilevanti hawn fuq u kif ippreżentat fil-qosor fil-Figura 3. Dan jista’ jkun parzjalment dovut għall-fatt li l-Istati Membri rrapportaw li xi miżuri kienu għadhom mhumiex fis-seħħ fl-2016 kif mitlub mid-Direttiva. Għandu jiġi nnotat ukoll li l-miżuri rrapportati mhumiex dejjem marbuta direttament mad-determinazzjonijiet ta’ status ambjentali tajjeb u mal-miri ambjentali. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ konsistenza fuq livell (sotto)reġjonali fid-definizzjoni tal-istatus ambjentali tajjeb tagħhom u d-diversi livelli ta’ ambizzjoni tal-Istati Membri, iżidu mal-inċertezza dwar jekk il-miżuri humiex biżżejjed għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb sal-2020. L-implimentazzjoni sħiħa tad-Deċiżjoni 2017/848/UE hija mistennija tipprovdi approċċ aktar komparabbli u koerenti għal aġġornamenti sussegwenti ta’ dawn id-determinazzjonijiet u b’hekk tappoġġja l-valutazzjoni tas-suffiċjenza tal-miżuri.
Figura 3 Skedi ta’ żmien għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb kif irrapportat mill-Istati Membri
It-tieni osservazzjoni tirrigwarda l-probabbiltà tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, speċjalment il-miżuri l-ġodda (peress li l-miżuri l-oħra ġew irrapportati li huma għaddejjin, pereżempju, permezz ta’ oqfsa ta’ politika oħra). Jistgħu jiġu osservati tliet gruppi ta’ Stati Membri.
|
Probabbli ħafna
|
Il-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit
|
Dawn l-Istati Membri għamlu analiżi tal-kost-benefiċċji meta introduċew miżuri ġodda u indikaw dawk l-entitajiet li ser ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom. Irrapportaw ukoll li l-implimentazzjoni kienet diġà bdiet fl-2016, għalkemm xi miżuri ġew ftit aktar tard (2017 jew 2018).
|
|
Probabbli
|
Il-Bulgarija, il-Latvja, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall
|
L-analiżi tal-kost-benefiċċju kif irrapportata ma tkoprix il-miżuri l-ġodda kollha u dawn l-Istati Membri ma indikawx l-iskedi ta’ żmien kollha. Minn dawk li ġew irrapportati, għadd kbir huwa mistenni li jiġi implimentat wara l-2018, b’xi wħud minnhom wara l-2020. Ġeneralment l-Istati Membri indikaw l-entitajiet responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri.
|
|
L-ebda konklużjoni
|
Ċipru, l-Irlanda
|
L-informazzjoni pprovduta minn dawn l-Istati Membri ma tippermettix li tintlaħaq konklużjoni.
|
Tabella 1 — Il-probabbiltà tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ġodda
Madankollu, il-valutazzjonijiet tal-kost-benefiċċju, meta saru, ma jgħidux l-istorja kollha. Barra minn hekk, l-awtorità ta’ implimentazzjoni, il-finanzjament u l-allokazzjonijiet baġitarji ma kinux dejjem indikati, li jqajjem dubju dwar il-probabbiltà tal-implimentazzjoni tal-miżuri inkwistjoni. Lanqas ma ġew ikkwantifikati l-impatti potenzjali tal-miżuri u l-aktar l-aktar dawn ġew deskritti b’mod kwalitattiv.
Kieku r-rapportar sar f’livell xieraq ta’ dettall dan kien jippermetti fehim aħjar ta’ dak li l-miżura kienet qed timmira li tilħaq. Barra minn hekk, l-effetti tal-miżuri li kienu għaddejjin fuq l-ambjent tal-baħar ma setgħux jiġu mkejla. Għalhekk, ma kienx possibbli li jiġi kkwantifikat l-ammont tal-pressjoni li ser jitnaqqas u jekk il-miżuri nfushom humiex biżżejjed biex jinkiseb status ambjentali tajjeb. Filwaqt li huwa rikonoxxut li fil-każ ta’ ċerti miżuri dan ma setax isir minħabba, pereżempju, lakuni fl-għarfien, kieku l-isforzi tal-Istati Membri setgħu jiġu tradotti f’valutazzjoni tanġibbli tal-effetti pożittivi li ser ikollhom fuq l-ambjent marittimu dan kien isaħħaħ il-valutazzjoni.
Osservazzjoni oħra hija li filwaqt li ħafna mill-Istati Membri jirreferu għall-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali rispettivi tagħhom u għal ftehimiet internazzjonali, xi Stati Membri jsemmu pjanijiet ta’ azzjoni reġjonali u l-impenji reġjonali jew internazzjonali biss f’termini ġenerali mingħajr ma jispeċifikaw liema tip ta’ miżuri qed jiġu implimentati. Għal darb’oħra, l-objettiv intiż ta’ dawn il-miżuri ma setax jiġi determinat. F’ħafna każijiet, il-miżuri ma jħarsux lejn reġjun jew sottoreġjun iżda huma limitati għal ambitu ġeografiku f’ibħra nazzjonali.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
L-Istati Membri għamlu sforzi konsiderevoli biex jiżviluppaw il-programmi ta’ miżuri tagħhom. Integraw politiki u proċessi nazzjonali, tal-UE u internazzjonali differenti bl-iskop uniku li jitħares l-ambjent tal-baħar. Ħafna mill-Istati Membri waqqfu wkoll miżuri ġodda biex jilħqu b’mod speċifiku pressjonijiet fuq l-ambjent tal-baħar li kieku ma kinux ikunu koperti, u dan juri l-valur miżjud tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina. Madankollu, fil-każ ta’ ċerti pressjonijiet ta’ natura transfruntiera, in-nuqqas ta’ koordinazzjoni reġjonali jew tal-UE jista’ potenzjalment iwassal għal approċċ frammentat u ineffettiv biex tiġi trattata l-pressjoni. Fil-każ tar-rimi tal-iskart ta’ plastik fil-baħar, issa l-problema qed tiġi indirizzata permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-istrateġija Ewropea għall-plastik f’ekonomija ċirkolari u l-azzjonijiet sussegwenti tagħha.
Madankollu, il-valutazzjoni turi li l-miżuri adottati mill-Istati Membri ma jkoprux tajjeb biżżejjed il-pressjonijiet kollha fuq l-ambjent tal-baħar. Il-programmi nfushom għandhom livelli differenti ta’ ambizzjoni. Il-kisba ta’ status ambjentali tajjeb sal-2020 fir-reġjuni marittimi Ewropej kollha u għall-11-il deskrittur tad-Direttiva tibqa’ improbabbli. Minkejja li huwa fatt magħruf li l-ekosistemi jirrispondu bil-mod għat-tibdil, dan huwa diżappuntanti għaliex ifisser li l-obbligu prinċipali tad-Direttiva — status ambjentali tajjeb — li huwa improbabbli li jiġi ssodisfat fil-ħin. Fl-2018, l-Istati Membri huma mistennija jirrapportaw dwar l-istat ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ miżuri tagħhom. Dan għandu jwassal għal fehim aktar ċar ta’ fejn waslu bl-implimentazzjoni tal-miżuri kollha tagħhom.
Barra minn hekk sa Ottubru 2018 l-Istati Membri huma mistennija jippreżentaw rapport li jinkludi aġġornament tad-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb, tal-miri, u tal-valutazzjoni tal-istatus ambjentali tagħhom. Il-Kummissjoni ser tibni fuq dawn l-elementi differenti biex fl-2019 toħroġ rapport ta’ implimentazzjoni li ser jirrevedi l-progress, qabel l-iskadenza tal-2020 lejn il-kisba ta’ status ambjentali tajjeb.
Bħala konklużjoni, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija li hemm il-ħtieġa għal titjib fil-programmi ta’ miżuri kollha - f’livelli varji għal pajjiżi differenti - sabiex dawn jitqiesu bħala qafas adegwat biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tad-Direttiva. Gwida applikabbli dwar il-modifiki meħtieġa hija inkluża bħala sett ta’ rakkomandazzjonijiet fit-tabella hawn taħt. Il-gwida speċifika għal kull pajjiż qed tingħata fil-forma ta’ rakkomandazzjonijiet inklużi fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport:
|
Kategorija
|
Rakkomandazzjonijiet
|
|
Il-kejl tal-effikaċja:
Referenzi internazzjonali u reġjonali
|
Fil-kejl tal-effikaċja tal-miżuri l-Istati Membri għandhom:
·jidentifikaw il-miżuri għal kull reġjun jew sottoreġjun marittimu kkonċernat, pereżempju, billi jużaw pjanijiet ta’ azzjoni reġjonali;
·jispjegaw liema miżuri speċifiċi li joħorġu minn inizjattivi reġjonali jew internazzjonali qed jiġu implimentati bħala parti mill-programm tagħhom u ma għandhomx jirreferu għal pjanijiet ta’ azzjoni reġjonali u internazzjonali f’termini ġenerali;
|
|
Il-kejl tal-effikaċja:
L-iskedi ta’ żmien għall-implimentazzjoni, il-finanzjament u l-entità responsabbli
|
·jidentifikaw l-iskedi ta’ żmien għall-implimentazzjoni, il-finanzjament assigurat, u l-entitajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri kollha tagħhom;
·jipprovdu stima tad-dati alternattivi li fihom ser jinkiseb status ambjentali tajjeb jekk dan ma jkunx mistenni li jinkiseb sal-2020;
|
|
Il-kejl tal-effikaċja:
Rabta mal-miri
|
·jużaw il-miri b’mod sistematiku bħala stadji importanti lejn il-kisba ta’ status ambjentali tajjeb permezz tal-miżuri;
|
|
Il-kejl tal-effikaċja:
Rabta ma’ programmi ta’ monitoraġġ
|
·jorbtu aħjar il-miżuri tagħhom mal-programmi ta’ monitoraġġ tagħhom meta dawn jerġgħu jiġu aġġornati fl-2020, biex jiġu vvalutati l-effetti tagħhom u għalhekk l-effiċjenza u l-effikaċja tagħhom fil-kisba tal-miri u ta’ status ambjentali tajjeb;
|
|
Il-kejl tal-effikaċja:
Kwantifikazzjoni tal-pressjonijiet u r-rabta ma’ status ambjentali tajjeb
|
·jikkwantifikaw il-pressjonijiet preżenti fl-ilmijiet tagħhom u l-livell mistenni ta’ tnaqqis tagħhom bħala riżultat tal-miżuri stabbiliti. Din tista’ tiġi ffaċilitata permezz ta’ sforzi ulterjuri biex jiġu indirizzati lakuni fl-għarfien u tiġi definita l-metodoloġija għal dawn l-istimi fuq livell reġjonali jew tal-UE. Barra minn hekk tali kwantifikazzjoni għandha tgħin biex torbot il-miżuri mal-kisba ta’ status ambjentali tajjeb.
|
|
L-indirizzar tal-pressjonijiet:
L-indirizzar ta’ pressjonijiet li ma ġewx koperti b’mod adegwat
|
Fl-indirizzar tal-pressjonijiet, l-Istati Membri għandhom:
·ikopru l-pressjonijiet u l-attivitajiet tal-bniedem assoċjati aħjar, fosthom: l-introduzzjoni ta’ speċi mhux indiġeni mit-tbaħħir minħabba l-inkrostazzjoni bijoloġika, mis-sajd rikreattiv, l-arrikkiment tan-nutrijenti minn sorsi atmosferiċi, l-impatti kumulattivi minn proġetti individwali fuq il-kundizzjonijiet idrografiċi, l-influss ta’ kontaminanti minn sorsi atmosferiċi, l-introduzzjoni ta’ skart makro u mikro fl-ambjent tal-baħar minn attivitajiet kostali u dawk lil hinn mill-kosta, u l-ġenerazzjoni ta’ storbju sottomarin (kif ukoll is-sħana u l-enerġija jekk fattibbli) fl-ambjent marittimu minn diversi sorsi;
·jiżguraw li kull Stat Membru fir-reġjun ikopri l-pressjonijiet prevalenti fl-istess reġjun jew sottoreġjun marittimu;
|
|
L-indirizzar tal-pressjonijiet:
Kopertura spazjali għall-ispeċi u għall-ħabitats
|
·jiżguraw kopertura ġeografika usa’ meta jindirizzaw il-pressjonijiet fuq l-ispeċi u l-ħabitats marittimi, speċjalment fl-ibħra miftuħa, sabiex il-miżuri ma jkunux limitati biss għal żoni spazjalment protetti;
|
|
L-indirizzar tal-pressjonijiet:
Kombinazzjoni ta’ miżuri diretti u indiretti (intervent vs governanza/sensibilizzazzjoni)
|
·jimplimentaw miżuri li jirregolaw jew li jiggwidaw dawk l-attivitajiet li għandhom impatt fuq l-ambjent tal-baħar, minbarra l-miżuri aktar orizzontali li jtejbu l-governanza, il-koordinazzjoni u li jippromwovu s-sensibilizzazzjoni;
|
|
L-indirizzar tal-pressjonijiet:
L-Art.11 vs l-Art.13
|
·jirrapportaw il-ġbir ta’ data u l-isforzi ta’ monitoraġġ taħt il-programmi ta’ monitoraġġ tagħhom għad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (l-Artikolu 11) u mhux taħt il-programm ta’ miżuri (l-Artikolu 13). Madankollu, meta l-għarfien ikun skars wisq biex jitfasslu miżuri effettivi, huwa utli li jindikaw azzjonijiet li jkunu ħadu permezz ta’ inizjattivi ta’ riċerka biex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet;
|
|
L-indirizzar tal-pressjonijiet:
Ir-relazzjoni pressjoni-stat
|
·itejbu r-rabtiet bejn il-gruppi ta’ miżuri rrapportati għad-deskritturi tal-pressjonijiet u l-benefiċċji potenzjali tagħhom għad-deskritturi tal-istat, sabiex tkun tista’ tinkiseb ħarsa ġenerali komprensiva tal-impatti;
|
|
L-indirizzar tal-pressjonijiet:
Kamp ta’ applikazzjoni spazjali tal-miżuri
|
·jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni spazjali tal-miżuri fid-dettall;
·jespandu l-kamp ta’ applikazzjoni spazjali tal-miżuri biex ikopri l-ilmijiet marini lil hinn mill-ilmijiet kostali, fejn hemm pressjonijiet rilevanti preżenti;
|
|
L-indirizzar tal-pressjonijiet:
Eċċezzjonijiet
|
·jipprovdu ġustifikazzjoni ulterjuri għall-eċċezzjonijiet skont l-Artikolu 14 li huma meqjusa teknikament infondati jew parzjalment fondati fil-valutazzjoni.
|