Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0524

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-ewwel Rapport Biennali dwar il-Progress fl-Iżvilupp tal-Unjoni Doganali tal-UE u l-Governanza tagħha

COM/2018/524 final

Brussell, 5.7.2018

COM(2018) 524 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

L-ewwel Rapport Biennali dwar il-Progress fl-Iżvilupp tal-Unjoni Doganali tal-UE u l-Governanza tagħha


1.INTRODUZZJONI

Għadda ftit iktar minn sena minn meta l-Kummissjoni nediet dibattitu 1  b’ħames xenarji possibbli dwar kif l-Unjoni Ewropea (UE) tista’ tiżviluppa matul is-snin biex tilqa’ l-bosta sfidi li qed taffaċċja, li jvarjaw mill-globalizzazzjoni, għall-impatt ta’ teknoloġiji ġodda fuq is-soċjetà, għal tħassib dwar is-sigurtà u l-qawmien tal-populiżmu. Il-Kummissjoni temmen li l-Unjoni Doganali 2 , li se tiċċelebra l-50 anniversarju tagħha din is-sena, għandha rwol importanti fl-indirizzar ta’ dawn l-isfidi u għalhekk temmen li l-iżvilupp ulterjuri tagħha huwa vitali.

L-Unjoni Doganali hija waħda mill-kisbiet bikrin tal-UE u tista’ titqies bħala waħda mill-istejjer ta’ suċċess ewlenin tagħha. Din ippermettiet li l-UE mhux biss tneħħi l-fruntieri interni iżda wkoll tikkompeti mal-bqija tad-dinja. Is-suq uniku tal-UE, li jippermetti lil kwalunkwe negozju stabbilit fl-UE li jbigħ il-merkanzija tiegħu u jinvesti fl-UE kollha mingħajr fruntieri interni, ikun impossibbli mingħajr l-ambjent ħieles mit-tariffi pprovdut mill-Unjoni Doganali u r-rwol li din tal-aħħar għandha fis-sorveljanza fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet. Fuq livell internazzjonali, l-UE issa hija l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja, u tirrappreżenta 15 % tal-kummerċ dinji 3 , u għalhekk għandha pożizzjoni ħafna iktar soda fin-negozjati kummerċjali ma’ pajjiżi terzi milli kieku jkollu kwalunkwe Stat Membru jekk jinnegozja waħdu.

L-Unjoni Doganali evolviet b’mod konsiderevoli fl-aħħar ħamsin sena u l-awtoritajiet doganali issa jwettqu b’suċċess varjetà wiesgħa ta’ kompiti fil-fruntieri. Billi jaġixxu flimkien, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jaħdmu biex jiffaċilitaw il-kummerċ u jnaqqsu l-burokrazija żejda, jiġbru d-dħul għall-baġits nazzjonali u tal-UE 4 u jipproteġu lill-pubbliku kontra theddid terroristiku, tas-saħħa, ambjentali u theddid ieħor. Minħabba dan il-mandat wiesa’, l-awtoritajiet doganali issa b’mod effettiv huma l-awtorità li tmexxi l-kontroll tal-merkanzija fil-fruntieri esterni tal-UE.

Madankollu, quddiemna hemm ħafna sfidi. Tendenzi u teknoloġiji ġodda – id-diġitalizzazzjoni, il-konnettività, l-internet tal-oġġetti, l-analiżi tad-data, l-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġija blockchain – jippreżentaw kemm opportunitajiet kif ukoll theddid. Qed jitfaċċaw mudelli kummerċjali ġodda bħall-kummerċ elettroniku u l-ottimizzazzjoni tal-katina tal-provvista u dawn għandhom jiġu ffaċilitati. Fl-istess waqt, il-finanzi pubbliċi jinsabu taħt pressjoni, il-volumi tal-kummerċ dinji qegħdin jiżdiedu 5 , il-frodi u l-kuntrabandu baqgħu tħassib kostanti dejjem jikber 6 7 u hemm theddid persistenti ta’ kriminalità transnazzjonali u tas-sigurtà. L-istrateġiji adottati f’oqsma ta’ politika oħrajn għandhom impatt fuq il-kompiti doganali u jespanduhom. Ir-riżorsi u l-fondi huma meħtieġa, b’mod partikolari biex jiġu żviluppati u miżmuma fis-seħħ is-sistemi elettroniċi li issa huma kruċjali għall-operat tal-Unjoni Doganali. Sadanittant, il-ħidma fuq il-bosta implikazzjonijiet relatati mad-dwana tal-irtirar tar-Renju Unit mill-UE trid tiġi prijoritizzata. Dan kollu qiegħed ipoġġi lill-awtoritajiet doganali tal-UE taħt pressjoni dejjem akbar.

Fl-aħħar snin, kien hemm sejħiet għal approċċ aktar unifikat għall-Unjoni Doganali u għal ġestjoni ġenerali aktar effettiva u aktar koerenti sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Il-Parlament Ewropew 8 enfasizza r-riskju li sistemi elettroniċi doganali differenti fl-Istati Membri jistgħu joħolqu frammentazzjoni, piżijiet amministrattivi addizzjonali u dewmien li jxekklu l-fluss tal-merkanzija bejn il-fruntieri. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri 9 ddikjarat li l-implimentazzjoni ineffikaċi tal-proċeduri tal-importazzjoni kif ukoll in-nuqqasijiet fil-qafas legali qed jaffettwaw ħażin l-interessi finanzjarji tal-UE. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 10 argumenta, fost l-oħrajn, li l-applikazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni doganali teħtieġ sforzi biex tiġi mminimizzata l-possibbiltà ta’ varjazzjonijiet fl-interpretazzjonijiet mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri.

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2016 dwar l-iżvilupp tal-Unjoni Doganali tal-UE u l-Governanza tagħha (“il-Komunikazzjoni dwar il-Governanza”) 11 , il-Kummissjoni ssuġġeriet soluzzjonijiet biex tindirizza dawn l-isfidi li inkludew applikazzjoni aktar koeżiva u uniformi tar-regoli doganali komuni taħt strutturi politiċi u operattivi mtejba bbażati fuq sħubiji; koperazzjoni doganali aħjar ma’ awtoritajiet oħrajn tal-ġestjoni u tas-sigurtà tal-fruntieri; u strateġija fit-tul aktar komprensiva għall-iżvilupp u għall-manutenzjoni ta’ sistemi elettroniċi doganali. F’Marzu 2017, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea laqa’ 12 l-Komunikazzjoni dwar il-Governanza u stieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi aġġornament f’rapport biennali, b’mod partikolari f’ċerti oqsma li l-Kunsill identifika li jeħtieġu attenzjoni partikolari.

F’dan l-isfond, il-Komunikazzjoni preżenti qed tirrevedi l-operat tal-Unjoni Doganali sal-lum u qed tidentifika l-kwistjonijiet prijoritarji li għandha quddiemha. Il-Komunikazzjoni għandha sservi biex issaħħaħ id-djalogu mal-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż iċ-ċittadini, in-negozji, l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u Istituzzjonijiet Ewropej oħrajn, li l-kontribut tagħhom għat-tkomplija tas-suċċess tal-Unjoni Doganali huwa vitali.

2.SFOND

Ir-rwol tad-dwana

Id-dinja nbidlet b’mod drammatiku matul il-ħamsin sena tal-eżistenza tal-Unjoni Doganali u bl-istess mod ukoll inbidel ir-rwol tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Matul dak iż-żmien, minbarra li komplew jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, l-awtoritajiet doganali refgħu r-responsabbiltà b’suċċess konsiderevoli għall-implimentazzjoni tal-aspetti relatati mal-fruntieri ta’ bosta politiki komuni oħra tal-UE. Il-merkanzija kollha li tidħol jew toħroġ mill-UE hija soġġetta għal superviżjoni doganali u tista’ tkun soġġetta għal kontrolli doganali.

B’mod partikolari, l-awtoritajiet doganali ħadu pożizzjoni minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Wara l-attakk tal-2001 fuq il-World Trade Centre fi New York, l-UE rrispondiet billi introduċiet emenda ta’ sigurtà għal-leġiżlazzjoni doganali 13 . Din ipprovdiet għall-adozzjoni fl-UE kollha ta’ kriterji ta’ riskju komuni qabel l-analiżi tar-riskju tal-merkanzija u għal Qafas Komuni għall-Ġestjoni tar-Riskju 14 biex jgħin lill-awtoritajiet doganali jaqsmu informazzjoni u riżultati dwar ir-riskju operazzjonali, u b’hekk jingħata appoġġ għal reazzjoni rapida għal kwalunkwe avveniment ta’ kriżi fil-katina tal-provvista. Barra minn hekk, l-awtoritajiet doganali jikkontrollaw il-movimenti ta’ ammonti kbar ta’ flus kontanti fl-UE u ’l barra minnha minn vjaġġaturi individwali, bħala parti integrali mill-azzjonijiet tal-UE biex tiġġieled kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u jikkoperaw ukoll mill-qrib ma’ awtoritajiet oħra tal-fruntiera u s-sigurtà biex jikkumbattu dan it-theddid.

Id-dwana f’ċifri 15

Il-ġbir tad-dħul

·Fl-2016, l-awtoritajiet doganali nazzjonali sabu ammont ta’ EUR 537 miljun 16 ta’ dazji mhux imħallsa li kellhom jiġu rritornati lill-baġit tal-UE.

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata

·Fl-2016, l-awtoritajiet doganali tal-UE ssekwestraw kważi 6 300 arma tan-nar, aktar minn miljun biċċa munizzjon u ’l fuq minn 1 500 biċċa ta’ splussivi fl-UE.

·Fl-istess sena l-awtoritajiet doganali ssekwestraw kważi 300 tunnellata ta’ droga (b’konfiski akbar ta’ kokaina u ta’ drogi sintetiċi); il-kwantità ta’ drogi li ssekwestraw l-awtoritajiet doganali f’kunsinni express u postali żdiedet bi 23 % meta mqabbla mal-2015, b’kollox 13-il tunnellata.

·L-awtoritajiet doganali jittrattaw, bħala medja, 100 000 dikjarazzjoni ta’ kontroll fuq flus kontanti kull sena, li jirrappreżentaw ammont totali ddikjarat ta’ bejn EUR 60 u 70 biljun, filwaqt li fl-istess ħin identifikaw ammont ta’ flus kontanti mhux iddikjarati jew iddikjarati b’mod skorrett, bħala medja, ta’ madwar EUR 300 miljun kull sena 17 .

Protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – sekwestri ta’ merkanzija falza u kulturali

·L-awtoritajiet doganali kienu kapaċi jżommu aktar minn 41 miljun oġġett ta’ merkanzija falza li kienu jirrappreżentaw ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’valur stmat ta’ kważi EUR 672 miljun fl-2016 (prinċipalment sigaretti, ġugarelli u oġġetti tal-ikel).

·Fl-istess sena, l-awtoritajiet doganali kixfu 96 każ fejn frodisti kienu qed jippruvaw jittraffikaw teżori Ewropej ’il barra mill-UE.

Il-ġestjoni tal-flussi tal-kummerċ mal-fruntieri tal-UE

·Madwar l-UE, l-awtoritajiet doganali jittrattaw aktar minn 9 dikjarazzjonijiet doganali u aktar minn EUR 100 000 ta’ valur kull sekonda u jiġbru dazji li jammontaw għal EUR 25 biljun fis-sena. 

·Illum, in-negozjanti tal-UE jissottomettu 99 % tad-dikjarazzjonijiet doganali b’mod elettroniku u se jkunu jistgħu jużaw sistemi doganali elettroniċi għal elementi oħrajn tal-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom, b’konformità mal-implimentazzjoni kontinwa tas-sistemi elettroniċi tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

·Il-veloċità tal-proċess tal-iżdoganar issa hija għolja ħafna: anke dikjarazzjonijiet doganali sottomessi taħt proċedura standard (jiġifieri fejn ma jintużawx proċeduri simplifikati) ġeneralment jiġu żdoganati fi żmien siegħa (93 % fl-2016).

Qafas legali 

Il-leġiżlazzjoni doganali tiġi adottata fil-livell tal-UE, għad li l-implimentazzjoni tagħha hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri permezz tal-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali. Mill-2016, il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni pprovda qafas legali aġġornat u komprensiv għar-regoli u għall-proċeduri doganali fit-territorju doganali tal-UE li huwa adattat għar-realtajiet kummerċjali moderni u għal standards globali sabiex jiġu ffaċilitati n-negozji tal-UE fl-attivitajiet internazzjonali tagħhom. Inkiseb progress kbir biex il-proċessi doganali kollha jsiru kompletament elettroniċi kif meħtieġ taħt dan il-Kodiċi ġdid 18 . L-awtoritajiet doganali japplikaw ukoll aktar minn 60 biċċa leġiżlazzjoni mhux doganali bħala parti mir-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni tal-aspetti relatati mal-fruntieri ta’ politiki komuni oħra tal-UE. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni u l-għodod mhux leġiżlattivi jippermettu li l-awtoritajiet doganali tal-UE jikkoperaw ma’ xulxin sabiex jikkumbattu r-riskji tas-sigurtà u finanzjarji u hemm fis-seħħ ftehimiet ta’ koperazzjoni internazzjonali ma’ bosta pajjiżi terzi.

Sistemi elettroniċi

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ilhom jaħdmu flimkien fuq l-iżvilupp u t-tħaddim ta’ sistemi elettroniċi biex isostnu l-operazzjonijiet doganali sa mill-2008 19 . Dawn is-sistemi jkopru diversi proċessi doganali li jinkludu dikjarazzjonijiet doganali, moviment tal-merkanzija inkluż tranżitu ġewwa u barra mill-UE u flussi tal-informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet u mal-Kummissjoni 20 . Jinkludu wkoll xi bażijiet ta’ data komuni bħal dik dwar it-tariffi. L-iżvilupp ta’ sbatax-il sistema elettronika 21 biex jimmaniġġaw il-proċessi stabbiliti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni huwa pass kbir ’il quddiem fl-istrateġija tad-dwana elettronika u huwa wieħed vitali jekk l-amministrazzjonijiet doganali tassew iridu jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom filwaqt li jiffaċilitaw il-flussi tal-kummerċ.

Faċilitazzjoni tal-kummerċ

Taħt il-missjoni doganali 22 , hemm prinċipju sempliċi u kumplessiv li jeħtieġ li l-awtoritajiet doganali jibbilanċjaw il-kontrolli doganali tagħhom bil-faċilitazzjoni ta’ kummerċ leġittimu, sabiex l-UE tkun tista’ tistagħna u tiżviluppa negozji kompetittivi. Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu l-għan li jikseb dan il-bilanċ, jissimplifika r-regoli u l-proċeduri filwaqt li jintroduċi karatteristiċi bħal garanziji obbligatorji u regoli tas-sikurezza u tas-sigurtà msaħħa.

Strument importanti kemm għall-kontrolli doganali kif ukoll għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ li ġie introdott bħala parti mill-emenda tas-sigurtà kien ir-reġim ta’ “Operatur Ekonomiku Awtorizzat” 23 . L-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati jingħataw xi benefiċċji (eż. inqas kontrolli fil-fruntiera, rapportar aktar faċli, klassifikazzjoni tar-riskju mnaqqsa, eċċ.) jekk jikkooperaw mill-qrib ma’ awtoritajiet doganali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-katina tal-provvista. Il-kumpaniji li jixtiequ jibbenefikaw minn dan ir-reġim għandhom jgħaddu minn proċess strett ta’ ċertifikazzjoni, previst mil-liġi tal-UE, u għandhom ikunu lesti jieħdu passi addizzjonali sabiex juru lill-awtoritajiet doganali b’mod kontinwu li jkunu jistgħu jissodisfaw bis-sħiħ l-obbligi tagħhom u jikkontribwixxu b’mod attiv għas-sikurezza u għas-sigurtà tal-ktajjen internazzjonali tal-provvista. Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni saħħaħ il-benefiċċji tar-reġim filwaqt li kien jeħtieġ ukoll li l-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati prospettivi jikkonformaw ma’ kundizzjonijiet stretti addizzjonali. L-għadd ta’ operaturi bħal dawn laħaq kważi 16 000 fi tmiem l-2016 u l-involviment tagħhom fil-katina tal-provvista laħaq il-livell ta’ 77 % fl-istess sena.

Qed jittieħdu miżuri b’mod kontinwu biex tkompli tittejjeb il-ġestjoni ġenerali tar-reġim u biex jiġi żgurat approċċ uniformi fi ħdan l-Unjoni Doganali. Madankollu dan ir-reġim jista’ biss ikun kredibbli u effettiv jekk l-Istati Membri jaġixxu biex jiżguraw li dan ikollu kontroll sod, b’mod partikolari billi jieħdu azzjoni fil-pront fejn jiġu identifikati d-diffikultajiet jew in-nuqqas ta’ konformità. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni b’mod kontinwu dwar riskji speċifiċi relatati mal-istadji kollha fil-proċess tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati.

3.ANALIŻI TAL-OPERAZZJONIJIET TAL-UNJONI DOGANALI F’OQSMA PRIJORITARJI

Minkejja l-bosta kisbiet ta’ matul l-aħħar ħamsin sena, il-Kummissjoni taqbel mal-Parlament Ewropew, mal-Qorti tal-Awdituri u mal-Kunsill li jenħtieġ isir aktar biex jiġi żgurat li l-Unjoni Doganali tkun tista’ tkompli taffaċċja l-isfidi li ġejjin. Dan il-kapitolu jirrapporta dwar żviluppi li saru fl-aħħar snin fit-titjib tal-operat tal-Unjoni Doganali, kif issuġġerit mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni dwar il-Governanza, u kif approvat mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Marzu 2017. Il-kapitolu jiffoka fuq l-oqsma prijoritarji li ġew identifikati mill-Kunsill f’dawk il-konklużjonijiet. Jirreferi wkoll għal ħidma li għadha għaddejja biex isir aktar progress f’kull wieħed mill-oqsma speċifiċi eżaminati.

I.L-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

L-implimentazzjoni sħiħa ta’ qafas legali modern u effettiv hija kruċjali jekk l-Unjoni Doganali trid topera b’suċċess. Dan l-aħħar il-Kummissjoni rrappurtat 24  dwar il-qagħda attwali tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni li beda japplika mill-1 ta’ Mejju 2016. Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi qed joperaw bla xkiel, b’diskussjonijiet regolari ma’ negozji u mal-Istati Membri biex tiġi solvuta kwalunkwe problema fl-interpretazzjoni jew fl-applikazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni użat ħmistax-il modulu ta’ tagħlim elettroniku (eLearning) dwar il-Kodiċi fl-2016 biex tappoġġa l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni uniformi ta’ din il-leġiżlazzjoni. Id-dokumenti ta’ gwida li jispjegaw l-aspetti prattiċi tal-applikazzjoni tar-regoli għandhom ukoll rwol importanti fl-implimentazzjoni korretta tal-Kodiċi. L-Istati Membri u r-rappreżentanti kummerċjali kkollaboraw mal-Kummissjoni biex jikkompletaw il-linji gwida kollha meħtieġa bħal dawn u għadhom jikkollaboraw dwar l-aġġornamenti ta’ dawn id-dokumenti meta jkun meħtieġ.

Il-biċċa l-kbira tal-ħidma fuq l-aġġornament jew il-ħolqien ta’ sistemi elettroniċi (sbatax b’kollox) previsti mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni se titlesta sal-2020. Madankollu, xi sistemi se jiġu skjerati b’mod aktar gradwali sal-2025 25  u jiddependu mill-finanzjament taħt il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmi ta’ finanzjament doganali tal-UE. It-twettiq tas-sistemi elettroniċi kollha huwa vitali sabiex l-amministrazzjonijiet doganali jkunu jistgħu jimmaniġġaw ir-riskji finanzjarji u ta’ sigurtà filwaqt li jiffaċilitaw il-kummerċ.

Wieħed mill-kompiti sinifikanti li għandhom l-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri huwa l-evalwazzjoni mill-ġdid ta’ ħafna mill-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont il-qafas legali doganali preċedenti, jiġifieri l-Kodiċi Doganali Komunitarju, li għandha titlesta sa Mejju 2019. L-awtorizzazzjonijiet jingħataw lill-operaturi ekonomiċi għal finijiet differenti, l-aktar biex jippermettulhom japplikaw xi proċeduri doganali simplifikati jew inqas ikkomplikati. Eżempju tajjeb huwa l-awtorizzazzjoni li tagħti l-istatus ta’ Operatur Ekonomiku Awtorizzat. Peress li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet setgħu nbidlu taħt il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, u saru aktar stretti u aktar uniformi f’xi każi, jenħtieġ li l-awtorizzazzjonijiet eżistenti jiġu vvalutati mill-ġdid biex tiġi żgurata l-applikazzjoni stretta tar-regoli l-ġodda.

Il-Kummissjoni qed tassisti lill-Istati Membri u lir-rappreżentanti kummerċjali billi tipprovdi fora għad-diskussjoni dwar kwistjonijiet li jinqalgħu f’dan il-proċess ta’ rivalutazzjoni ta’ awtorizzazzjonijiet li nħarġu fil-perjodu sa Mejju 2019. Il-proċess ta’ implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u dak tal-ħolqien ta’ dispożizzjonijiet ġodda u ta’ sistemi tal-IT ġodda għandhom jibqgħu prijorità fis-snin li ġejjin.

II.L-iżvilupp ta’ strateġija komprensiva fuq terminu medju u twil għal sistemi doganali tal-IT

Kif innotat il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni dwar il-Governanza, il-kost għas-snin li ġejjin għaż-żamma tas-sistemi doganali elettroniċi mal-UE kollha, li kulma jmur qed isiru dejjem aktar sofistikati, se jkun wieħed sinifikanti u jenħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet dwar kif dan jista’ jiġi mmaniġġat. Barra minn hekk, hemm kwistjonijiet li jħarsu iżjed fil-bogħod rigward kif se tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u tar-riżorsi fl-aġġornament ta’ sistemi elettroniċi qodma f’kull wieħed mill-Istati Membri. Fl-istess ħin is-sistemi elettroniċi huma indispensabbli għall-operazzjoni effiċjenti u modernizzata tal-unjoni doganali.

Minn dak iż-żmien, l-Istati Membri u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom f’bosta diskussjonijiet biex jippruvaw jaslu għal approċċ aktar effiċjenti, kosteffikaċi u razzjonalizzat għall-ġestjoni tas-sistemi elettroniċi. Sar xi progress fl-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet potenzjali, fir-rigward tal-Aġenda Diġitali, tal-potenzjal għal approċċi interoperabbli bejn is-setturi u tal-implikazzjonijiet tal-innovazzjonijiet teknoloġiċi matul is-snin li ġejjin.

Il-Kummissjoni dan l-aħħar adottat rapport tal-progress 26 dwar strateġija tal-IT għad-dwana biex tgħin fl-iffokakar tad-dibattitu meħtieġ matul is-snin li ġejjin. Il-prijorità hija l-ħolqien ta’ “grupp katalist” minn Stati Membri interessati u mill-Kummissjoni biex jesplora l-kwistjonijiet speċifiċi msemmija fir-rapport ta’ progress. L-objettiv, kif indikat fir-rapport tal-progress, għandu jkun li jistabbilixxi xenarju fattibbli għal terminu twil u triq li twassal għalih, inkluż permezz ta’ aktar “proġetti pilota” u ta’ ħidma ta’ diliġenza dovuta fuq sinerġiji ma’ atturi oħrajn, kif ukoll permezz ta’ analiżijiet legali xierqa u eżerċizzji tal-paragun kostijiet/benefiċċji. Il-Kummissjoni lesta tieħu sehem f’din il-ħidma b’mod attiv.

III.L-iżvilupp tal-governanza tal-Unjoni Doganali

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu fuq il-ħtieġa ta’ politika kumplessiva fuq medda ta’ żmien twil u viżjoni ta’ ġestjoni operattiva komuni għall-Unjoni Doganali. Dan se jippermetti li d-deċiżjonijiet meħtieġa fil-politiki differenti mal-partijiet ikkonċernati differenti jittieħdu b’mod inklużiv u fi spirtu ta’ sħubija, billi jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ kulħadd.

Wieħed mill-gruppi li se jintużaw għall-fini ta’ din il-ġestjoni konġunta tal-Unjoni Doganali huwa l-grupp konsultattiv tal-Kummissjoni tad-Diretturi Ġenerali tad-Dwana (il-Grupp tal-Politika Doganali). L-involviment tal-Grupp tal-Politika Doganali fir-reviżjoni tad-dati tal-implimentazzjoni għas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni huwa eżempju reċenti ta’ kif is-sħubija msaħħa bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri tista’ tgħin fil-ġestjoni effettiva tal-prijoritajiet doganali. Il-Kummissjoni qed tipproponi li tagħti lil dan il-grupp rwol iktar ċar u iktar speċifiku fir-rigward tal-ħidma fuq l-Unjoni Doganali.

Il-Kummissjoni nediet il-proċess biex tibdel il-Grupp tal-Politika Doganali fi grupp ta’ esperti formali, b’kompiti u b’regoli ta’ proċedura aktar ċari 27 .

IV.It-tkomplija tal-iżvilupp tal-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali

Il-monitoraġġ kontinwu fuq il-politika, l-analiżi u l-valutazzjoni tal-impatti possibbli huma partijiet essenzjali tal-governanza tal-Unjoni Doganali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni bdiet taħdem fuq l-iżvilupp ta’ għodda tal-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali biex tgħin fit-tmexxija tat-tfassil tal-politika u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi. Din l-għodda għandha tippermetti l-valutazzjoni sistematika tal-prestazzjoni tal-Unjoni Doganali fir-rigward tal-objettivi strateġiċi tagħha f’termini ta’ effiċjenza, effettività u uniformità permezz ta’ analiżi tat-tendenzi ewlenin u b’hekk jiġu identifikati oqsma li jistgħu jittejbu. Din hija għodda indispensabbli biex titqajjem kuxjenza dwar il-kisbiet u l-valur miżjud tal-Unjoni Doganali fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin u l-pubbliku ġenerali.

L-għodda tal-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali taħdem billi tevalwa l-funzjonament tal-Unjoni Doganali, abbażi tal-Indikaturi tal-Prestazzjoni Ewlenin f’firxa ta’ oqsma bħall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji, l-iżgurar tas-sikurezza u tas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u l-valutazzjoni tal-importanza tad-dwana għat-tkabbir u l-kompetittività tal-UE. Filwaqt li l-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali diġà tat xhieda tal-valur tagħha, jenħtieġ li din tiġi żviluppata aktar sabiex jissaħħaħ it-tfassil tal-politika mmexxija mid-data, inkluż billi jiġu żviluppati Indikaturi ta’ Prestazzjoni Ewlenin u billi jittejjeb l-użu tas-sistema ta’ valuri referenzjarji kif ukoll ta’ metodi u għodod analitiċi ġodda. F’din il-ħidma huwa essenzjali li nibnu fuq sinerġiji bejn l-awtoritajiet doganali, il-Kummissjoni, awtoritajiet oħra b’responsabbiltajiet ta’ ġestjoni konfinali u organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex ikun possibbli jsir użu mill-ġdid mis-sorsi tad-data u tiġi evitata d-duplikazzjoni possibbli. 

Il-Presidenza Awstrijaka li ġejja daħlet fl-impenn li tappoġġa din il-ħidma u li ssaħħaħ id-dimensjoni strateġika tal-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali bl-organizzar ta’ seminar ta’ livell għoli dwar dan is-suġġett fil-ħarifa tal-2018. Il-Kummissjoni qed tkompli tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati u teżamina l-ħtieġa u l-fattibbiltà ta’ bażi ġuridka li tappoġġa l-proġett tal-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali, kif diġà indikat fil-Komunikazzjoni dwar il-Governanza.

V.Tieqa Unika

Il-Kummissjoni qed tiżviluppa ħidma fuq ambjent ta’ Tieqa Unika Doganali tal-UE li għandha tippermetti li operatur ekonomiku jissottometti data meħtieġa għal firxa wiesgħa ta’ finijiet regolatorji (eż. veterinarji, sanitarji, ambjentali, eċċ.) f’format standardizzat għal diversi riċevituri u permezz ta’ punti ta’ aċċess armonizzati. Tieqa Unika Doganali tal-UE tista’ twassal għal diversi kisbiet, li huma ta' benefiċċju kemm għall-komunità kummerċjali kif ukoll għall-awtoritajiet regolatorji. Dan huwa qasam kumpless fejn jenħtieġ tingħata attenzjoni biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u kostijiet mhux meħtieġa. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni u l-Istati Membri qablu li jimplimentaw l-ambjent tat-Tieqa Unika Doganali permezz ta’ approċċ b’diversi fażijiet. L-ewwel fażi tikkonsisti fil-provvista ta’ għodod li jikkollegaw iċ-ċertifikati tal-UE ma’ sistemi nazzjonali sabiex issir possibbli l-aċċettazzjoni awtomatizzata mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta’ ċertifikati elettroniċi maħruġin minn awtoritajiet oħrajn, li għalihom għandha tiġi stabbilita bażi tad-data fil-livell tal-UE. Fażi sussegwenti possibbli tista’ timmira li tipprovdi qafas li jappoġġa l-ħolqien ta’ ambjent integrat u koerenti għas-servizzi doganali tat-Tieqa Unika fl-UE.

Il-Kummissjoni qed tkompli taħdem lejn ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-dwana u, abbażi ta’ dan, se tqis passi oħra possibbli.

VI.Titjib fil-koperazzjoni doganali u fiskali

Il-ħtieġa għal titjib fil-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u fiskali hija kruċjali, b’mod partikolari minħabba li l-awtoritajiet doganali jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-VAT u tad-dazji tas-sisa fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija. Il-merti tal-koperazzjoni, enfasizzati bosta drabi mill-Kunsill, mill-Parlament Ewropew, mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u mill-Kummissjoni jinkludu l-kisba ta’ bilanċ aħjar bejn il-kontrolli u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ, it-tneħħija ta’ diskrepanzi bejn ir-regoli, l-assistenza fil-ġlieda kontra l-frodi u amministrazzjonijiet aktar razzjonalizzati. Tul l-aħħar sena kien hemm żviluppi importanti f’dan ir-rigward.

L-Istati Membri qablu f’Diċembru 2017 28 li jipprovdu regoli tal-VAT aktar sempliċi u aktar effiċjenti għan-negozji li jbigħu l-merkanzija online lill-konsumaturi, kif ukoll li jneħħu l-eżenzjoni attwali mill-VAT għal importazzjonijiet ta’ kunsinni żgħar minn barra l-UE; ħaġa li twassal għal kompetizzjoni inġusta u distorsjoni għad-detriment tal-kumpaniji tal-UE. Għadhom għaddejjin diskussjonijiet mal-awtoritajiet doganali u fiskali peress li l-awtoritajiet doganali se jkollhom responsabbiltajiet sinifikanti fil-ġestjoni tal-applikazzjoni tal-VAT għall-importazzjonijiet skont ir-regoli l-ġodda.

F’Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat proposta 29 biex is-sistema tal-VAT issir aktar reżistenti għall-frodi u biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT fuq skala kbira. Il-proposta għandha l-għan li ttejjeb il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u fiskali rigward il-ġbir tal-VAT fuq importazzjonijiet minn barra l-UE sabiex tipprevjeni l-abbuż minn miżura ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ magħrufa bħala l-Proċedura 42. Din il-proposta tindirizza d-dgħufijiet żvelati mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u mill-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ din il-proċedura doganali.

In-negozjati fil-Kunsill għadhom għaddejjin u ftehim dwar din l-inizjattiva huwa parti importanti mill-aġenda doganali għas-snin li ġejjin. Il-miżuri leġiżlattivi għandhom ikunu akkumpanjati b’impenn konkret mill-awtoritajiet fiskali u doganali tal-Istati Membri biex jistabbilixxu l-kanali ta’ koperazzjoni meħtieġa.

Barra minn hekk, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) 30  tal-ġejjieni se jkollu s-setgħa li jinvestiga u jressaq każ ta’ frodi tal-UE u reati oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inklużi frodi doganali u frodi serja tal-VAT. Id-Direttiva PIF 31  adottata fil-5 ta’ Lulju 2017 tarmonizza d-definizzjonijiet, is-sanzjonijiet u l-perjodi ta’ limitazzjoni tal-istess reati.

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jridu jkomplu jaħdmu b’mod intensiv biex iħejju ruħhom għall-2021, meta se tintemm l-eżenzjoni attwali tal-VAT 32 għal merkanzija stmata taħt EUR 22 li jiġu minn barra l-UE u għaldaqstant l-awtoritajiet doganali jista’ jkollhom jiġbru l-VAT fuq għadd ikbar ta’ merkanzija importata.  

VII.It-tkomplija tal-involviment kummerċjali fil-leġiżlazzjoni doganali tal-UE

Il-kummerċ għad għandu rwol kruċjali biex jgħin fl-iżgurar li l-proċeduri u r-regoli doganali jkunu jistgħu jitħaddmu u jibbilanċjaw b’mod xieraq ir-rekwiżiti tan-negozjanti leġittimi b’kontrolli effettivi. Il-Kummissjoni bdiet tiżviluppa aktar il-mekkaniżmu biex issaħħaħ il-kontribut kummerċjali fi stadji differenti tal-proċeduri billi rrevediet it-termini referenzjarji tal-korp konsultattiv ewlieni – il-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ. Minbarra l-pjattaforma ewlenija, il-Kummissjoni tippromwovi wkoll diskussjonijiet konġunti dwar il-kummerċ doganali fl-istadji varji tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

It-Termini Referenzjarji Rreveduti tal-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ ġew miftiehma u ppubblikati fl-2017 33 . Se jkun meħtieġ approċċ proattiv mill-kummerċ biex jiġi żgurat li jkun jista’ jinkiseb l-ogħla valur minn dawn l-arranġamenti iktar stretti tal-ħaddiema. Il-Kummissjoni min-naħa tagħha se tkompli torganizza konsultazzjonijiet regolari ma’ rappreżentanti tal-kummerċ billi tuża dawn l-arranġamenti ġodda.

VIII.Żieda fl-integrazzjoni tal-operazzjonijiet u tal-ġestjoni bejn l-awtoritajiet doganali

Il-Kummissjoni temmen li l-koperazzjoni operattiva aktar profonda bejn l-awtoritajiet doganali nazzjonali hija kruċjali. B’mod partikolari, mill-perspettiva tal-Qafas Komuni ta’ Ġestjoni tar-Riskju għall-kontrolli doganali, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kapaċitajiet organizzattivi għall-kollaborazzjoni, sabiex jinkiseb l-aħjar redditu possibbli fuq investimenti f’data, f’sistemi u f’regoli ġodda.

Filwaqt li l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali hija responsabbiltà tal-Istati Membri individwali, l-implimentazzjoni uniformi hija kompitu u kwistjoni tal-Unjoni Doganali kollha kemm hi. Il-programm Dwana 2020 jipprovdi l-qafas organizzattiv, metodoloġiku u baġitarju għall-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali nazzjonali sabiex jista’ jkun hemm integrazzjoni iktar profonda fil-livell operattiv. Il-valur miżjud jinsab preżenti l-aktar fil-qasam tas-sistemi elettroniċi fejn il-programm jippermetti l-iżvilupp u t-tmexxija tas-sistemi trans-Ewropej. Iżda l-programm għandu wkoll valur miżjud sinifikanti f’termini ta’ attivitajiet ta’ koperazzjoni bħal gruppi ta’ proġetti, li bosta minnhom taw eżitii siewja għall-Unjoni Doganali 34 .

Novità taħt il-programm Dwana 2020 huma gruppi ta’ esperti maħsuba biex jiksbu riżultati permezz ta’ kollaborazzjoni aktar intensiva fost għadd limitat ta’ pajjiżi fir-rigward ta’ xi kwistjoni partikolari. Diversi timijiet ta’ esperti stabbiliti fl-2016 taw riżultati promettenti fl-2017, pereżempju laboratorji doganali nazzjonali li jgħaqqdu l-kompetenza u t-tagħmir għall-analiżi tal-kampjuni u għall-qsim tar-riżultati u għas-CELBET – ara t-tabella ta’ hawn taħt. Minkejja dawn ir-riżultati promettenti, ma ntużax il-potenzjal sħiħ ta’ xi wħud mit-timijiet ta’ esperti. Stħarriġ li sar fis-sajf tal-2017 issuġġerixxa li r-raġunijiet jistgħu jinkludu t-toqol tal-piż amministrattiv fl-istabbiliment u fit-tmexxija ta’ timijiet esperti.

CELBET (Tim ta’ Esperti tal-Fruntieri tal-Art tal-Lvant 35 )

Dan il-grupp ta’ esperti jlaqqa’ 11-il Stat Membru tal-fruntiera tal-art tal-Lvant u tax-Xlokk 36 tul 18-il xahar b’kost ta’ kofinanzjament tal-UE ta’ EUR 927 000. Ir-riżultati promettenti jinkludu:

·Il-ġestjoni tar-riskji: il-ħolqien konġunt ta’ profili ta’ riskju u l-valutazzjoni tagħhom wara l-użu

·Il-kontrolli operazzjonali: l-immappjar ta’ punti ta’ qsim tal-fruntieri mhux kummerċjali; it-twettiq ta’ Azzjonijiet Intensifikati Konġunti f’postijiet ta’ kontroll magħżula fuq il-fruntiera fuq l-art

·It-tagħmir u l-akkwist: inventarju magħmul mit-tagħmir kollu ta’ kontroll u ta’ kxif disponibbli fil-postijiet ta’ kontroll tal-fruntiera, mit-tipoloġija u mill-eżerċizzji ta’ analiżi tad-diskrepanzi stabbiliti

·It-taħriġ: it-twettiq ta’ analiżi tad-diskrepanzi fit-taħriġ u t-tħejjija ta’ materjal ta’ taħriġ għall-gwardji tal-Fruntiera u għad-Dwana.

·L-evalwazzjoni/il-kejl tal-prestazzjoni il-ħidma fuq Indikaturi ta’ Prestazzjoni Ewlenin għall-punti ta’ qsim tal-fruntiera.

·Koperazzjoni mal-gwardjani tal-fruntiera u mal-pajjiżi ġirien: rakkomandazzjonijiet dwar it-titjib fl-iskambju tal-informazzjoni li jsir fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera.

Il-funzjonament tal-Unjoni Doganali u l-integrazzjoni ulterjuri tal-awtoritajiet doganali nazzjonali li jmexxuha baqgħu dipendenti għalkollox fuq il-programm tad-Dwana. Fid-dawl tal-isfidi li qed jaffaċċjaw id-dinja, l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Doganali, huwa kruċjali li dan il-programm ikompli wara l-2020.

Il-Kummissjoni dan l-aħħar ippreżentat proposti li jistabbilixxu i) programm Doganali ġdid li għandu l-għan li jipprovdi bażi solida biex jintlaqgħu l-isfidi li qed taffaċċja l-Unjoni Doganali, b’mod partikolari bit-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ koperazzjoni attwali u tal-karatteristiċi tal-bini tal-kapaċità u ii) fond għat-Tagħmir tal-Kontrolli Doganali mmirat biex jappoġġa kontrolli doganali ekwivalenti.

4.KWISTJONIJIET PRIJORITARJI GĦAL LI ĠEJ

L-Unjoni Doganali ma tistax tkun statika. Is-swieq, il-kummerċ u t-teknoloġiji huma dinamiċi u l-Unjoni Doganali għandha tappoġġa dawn l-iżviluppi. Sabiex isir dan, l-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri m’għandhomx biss javvanzaw fl-oqsma deskritti fil-kapitolu preċedenti, iżda jridu jikkunsidraw ukoll strateġiji għal żvilupp fil-ġejjieni, approċċi ġodda u modi differenti ta’ ħidma, fid-dawl ukoll tal-pressjonijiet ikkaġunati minn riżorsi aktar stretti u mill-possibbiltà ta’ responsabbiltajiet akbar fil-ġejjieni. F’dak l-ispirtu, il-Kummissjoni qed tressaq din il-lista ta’ kwistjonijiet prijoritarji li għandhom jitqiesu fi ħdan fora ta’ politika doganali fil-futur qrib:

a) Il-ġestjoni tal-Brexit. L-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni u mill-Unjoni Doganali tagħha u l-bidla konsegwenti f’pajjiż terz se jkollhom impatt sostanzjali fuq il-proċessi doganali kollha. L-iżgurar ta’ rtirar ordnat u tal-implimentazzjoni ta’ ċerti bidliet bħall-modifiki fil-proċessi doganali se jkollhom impatt fuq ir-riżorsi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, b’mod partikolari minħabba l-inċertezzi konsiderevoli relatati mal-irtirar innifsu. Il-Kummissjoni tikkopera mill-qrib fil-proċessi u fil-proċeduri tal-iskrinjar doganali tal-Istati Membri biex jiġu identifikati l-aspetti legali, tal-IT u kwalunkwe aspett ieħor li għandu jiġu indirizzat fid-dawl ta’ dan l-irtirar. Huwa ċar li dawk il-miżuri se jeħtieġu aġġustamenti fis-sistemi doganali tal-IT, li jistgħu jwasslu għal kostijiet addizzjonali u għal domanda akbar għar-riżorsi u għall-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni kif ukoll bejn l-Istati Membri nfushom. Bl-istess mod, jenħtieġ isiru aġġustamenti min-naħa tal-operaturi ekonomiċi. Bħala l-ewwel pass biex jiġu infurmati l-partijiet ikkonċernati, ġie ppubblikat avviż dwar il-konsegwenzi tal-irtirar tar-Renju Unit fil-qasam doganali u dwar l-aspetti rilevanti għat-tassazzjoni indiretta (VAT u dazji tas-sisa).

b) It-tisħiħ tal-kontrolli u l-ġlieda kontra l-frodi. Peress li l-evażjoni tad-dazji doganali u tal-VAT għandha tiġi kkumpensata b’kontribuzzjonijiet ogħla mill-Istati Membri fil-baġit tal-UE, u għalhekk fl-aħħar mill-aħħar l-ispiża tinġarr mill-kontribwenti tal-UE, huwa vitali li l-Istati Membri jaraw kif se jtejbu l-effiċjenza tal-kontrolli. Sabiex jiġi żgurat approċċ komuni għall-immaniġġar tar-riskji finanzjarji tad-dwana mal-UE kollha, il-Kummissjoni dan l-aħħar adottat Deċiżjoni dwar kriterji u standards komuni għar-riskji finanzjarji 37 . Minħabba l-volum tal-attività transfruntiera, l-indirizzar b’suċċess tal-frodi jista’ jeħtieġ li jinkludi modi ġodda u differenti ta' kontroll tal-prodotti, pereżempju billi jiġi ottimizzat l-użu tas-sistemi tal-IT biex jiġu mmirati aħjar tranżazzjonijiet riskjużi għall-kontrolli u b’aktar dipendenza fuq negozjanti fdati u fuq id-data tagħhom, mingħajr ma jitwarrbu metodi ta’ kontroll ippruvati u fdati f’sitwazzjonijiet fejn dawn ikunu adegwati.

 

c) Iż-żieda fl-użu tal-monitoraġġ fuq il-liġi doganali tal-UE. L-implimentazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali mill-Istati Membri hija kruċjali minħabba li l-frodisti jistgħu jisfruttaw in-nuqqasijiet fuq fruntiera esterna waħda biex joħolqu problemi għall-Unjoni Doganali kollha. Il-Kummissjoni mistennija timmonitorja l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-regoli doganali komuni u tieħu azzjoni, jekk ikun meħtieġ, biex tiżgura l-konformità magħhom. Għalkemm il-proċeduri ta’ ksur huma għodda importanti għal dan il-għan, għandhom jitqiesu bħala l-aħħar opzjoni. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni twettaq ukoll attivitajiet ta’ koperazzjoni u ta’ bini ta’ kapaċità fost l-Istati Membri, inklużi monitoraġġ mill-pari, immirati biex jippromwovu l-aħjar prattiki u biex iqajmu koxjenza ġenerali dwar ir-regoli doganali. Il-politika attwali tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-Unjoni Doganali qed tiġi riveduta, bil-għan li jkun hemm fehim aħjar rigward il-proċess min-naħa tal-partijiet kollha u użu aħjar mir-riżorsi.

d) It-titjib fl-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet doganali. Aktar koperazzjoni bejn is-servizzi operattivi fuq l-art, inkluż bejn l-amministrazzjonijiet fiskali u doganali, tista’ tippermetti li r-riżorsi skarsi jintużaw b’mod aktar effiċjenti. It-tagħlimiet mitgħallma minn proġetti kurrenti taħt id-Dwana 2020 jindikaw li l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni f’dan il-qasam iġġib valur miżjud għoli u għalhekk għandha tiġi segwita, eż. bil-għan li jiġu esplorati tekniki ġodda ta’ analiżi tad-data, jiġu ttestjati metodi ta’ ħidma kollaborattivi u jiġu identifikati l-ħtiġijiet possibbli tal-kapaċità biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri fl-immirar tagħhom ta’ riskji transnazzjonali fl-iżdoganar u fil-ħidma ta’ kontroll tagħhom ta’ wara r-rilaxx.

e) L-appoġġ għall-innovazzjoni. Ir-realtà diġitali ġdida bil-mudelli kummerċjali ġodda tagħha, bil-modi ta’ ħidma, bl-awtomatizzazzjoni, bil-frammentazzjoni u bil-bidliet fil-katina tal-valur qed tinfluwenza l-kompetittività tal-UE, il-ġustizzja li tipprova tikseb u s-sikurezza u s-sigurtà tagħha. Huwa kruċjali li jinżamm il-pass mat-teknoloġiji li qed jevolvu u li dawn jiġu sfruttati, inkluż b’mod partikolari fl-analiżi tad-data u fl-approċċ tal-blockchain li jmiss kif diġà ġie diskuss mal-Istati Membri f’diversi okkażjonijiet. Il-koperazzjoni transsettorjali u l-interoperabilità huma r-rekwiżiti ewlenin li jsejsu l-iżviluppi teknoloġiċi kollha. Jistgħu jkunu meħtieġa wkoll standards Ewropej u internazzjonali ġodda.

f) L-ottimizzazzjoni tas-sistemi elettroniċi doganali u tal-użu tagħhom. Żieda fil-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-sistemi elettroniċi hija vitali biex jitnaqqsu l-kostijiet globali u biex tiġi eliminata d-duplikazzjoni tal-kostijiet fl-iżvilupp, fil-manutenzjoni u fl-operat tas-sistemi. Diġà hemm domanda qawwija mill-Istati Membri għal aktar ċentralizzazzjoni fis-sistemi kif ukoll għal soluzzjonijiet ta’ kollaborazzjoni, kif deskritt fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija tal-IT għad-dwana 38 . Abbażi tar-rapport, il-Kummissjoni se tieħu sehem b’mod attiv, dalwaqt, fl-analiżi ta’ alternattivi differenti f’dan il-qasam.

g) L-indirizzar tal-kummerċ elettroniku. L-isfidi tal-kummerċ elettroniku għall-awtoritajiet doganali issa huma magħrufa sew. L-awtoritajiet doganali llum ikollhom jittrattaw żieda fenomenali fil-volum ta’ merkanzija li tinxtara online barra mill-UE f’termini ta’ kontrolli u ta’ ġbir tad-dazji applikabbli. B’mod partikolari l-volum ta’ merkanzija b’valur baxx importata fl-UE qed jikber kull sena b’10-15 %. Filwaqt li jiġu applikati kontrolli effettivi biex il-frodi tiġi indirizzata bħala prijorità u jinġabru d-dazji applikabbli għal din il-merkanzija fuq l-importazzjoni, l-awtoritajiet doganali għandhom fl-istess ħin jappoġġaw u jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ din il-forma ta’ kummerċ li ġġib tant benefiċċji għan-negozji u għaċ-ċittadini. Il-Kummissjoni kienet qed tappoġġa b’mod attiv lin-negozjanti biex jippreparaw għall-għoti elettroniku ta’ informazzjoni ta’ qabel il-wasla għal finijiet ta’ sigurtà u sikurezza sal-2020 kif previst fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

h) Il-kapitalizzazzjoni fuq l-Unjoni Doganali biex tittejjeb is-sigurtà tal-UE. L-azzjoni biex tittejjeb is-sigurtà tal-UE timplika l-kunsiderazzjoni li politiki komuni fil-pulizija, fil-ġestjoni tal-fruntieri u fiż-żoni doganali jkunu jistgħu jaħdmu flimkien aħjar biex jappoġġaw il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata u t-terroriżmu u biex itejbu l-protezzjoni, b’mod partikolari fil-fruntieri esterni tal-UE. Oqsma għal koperazzjoni prattika fil-livell operattiv mal-gwardji tal-fruntieri u mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandhom ukoll jiġu esplorati aktar. Bħala l-awtoritajiet ewlenin għas-superviżjoni fuq il-moviment tal-merkanzija mal-fruntieri esterni, b’responsabbiltà speċjali fl-eżerċizzji ta’ analiżi bil-quddiem dwar ir-riskji tal-merkanzija, l-awtoritajiet doganali huma sħab ewlenin tal-awtoritajiet tas-sigurtà u tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra t-theddidiet transnazzjonali.

i) It-tkomplija tal-ħidma fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali. Fl-2017, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi fl-UE laħqu EUR 1 879 biljun u l-esportazzjonijiet mill-UE għal pajjiżi terzi laħqu EUR 1 859 biljun 39 . Il-volum ta’ dak il-kummerċ estern qed jikber b’mod kontinwu. Dan jeħtieġ koperazzjoni kontinwa u dejjem tikber bejn l-UE u pajjiżi terzi biex titjieb il-konformità mar-regolamenti doganali u, fl-istess ħin, biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ tal-UE mad-dinja ta’ barra. Dan għandu jkun akkumpanjat b’ħidma fuq ktajjen ta’ provvista aktar robusti fuq il-livell internazzjonali, fi ħdan il-forum tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, permezz tat-tisħiħ ulterjuri tal-istatus ta’ Operatur Ekonomiku Awtorizzat. L-iżvilupp ulterjuri tar-rikonoxximent reċiproku tal-programmi ta’ Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati ma’ pajjiżi sħab, li diġà jinsabu fis-seħħ mal-Istati Uniti, maċ-Ċina, mal-Ġappun, mal-Iżvizzera u man-Norveġja, huwa wkoll kruċjali sabiex titħeġġeġ l-adozzjoni usa’ tal-istatus ta’ Operatur Ekonomiku Awtorizzat.

5.KONKLUŻJONI

L-Unjoni Doganali tinsab f’salib it-toroq. Għandna qafas legali ġdid, metodi ġodda ta’ ħidma u għodod tal-IT ġodda. Dawn issa jridu jingħaqdu fil-ftit snin li ġejjin f’implimentazzjoni koerenti li tħeġġeġ il-konformità u li timmira oqsma ta’ riskju filwaqt li tilħaq oqsma oħra ta’ politika, b’mod partikolari s-sigurtà, biex isaħħu l-politiki komuni tal-UE.

L-iżvilupp tal-Unjoni Doganali huwa proċess dinamiku u f’dawn l-aħħar snin għamilna progress f’bosta oqsma marbuta mal-ġestjoni aħjar tal-Unjoni Doganali. Il-ħidma fuq dawn l-oqsma għandha tkompli. Madankollu, fl-istess ħin il-Kummissjoni temmen li l-awtoritajiet doganali tal-UE għandhom iħarsu lejn kwistjonijiet prijoritarji ġodda sabiex jindirizzaw l-isfidi li ġejjin. Dawn huma kif ġej:

·Il-ġestjoni tal-Brexit

·It-tisħiħ tal-kontrolli u l-ġlieda kontra l-frodi

·Iż-żieda fl-użu tal-monitoraġġ fuq il-liġi doganali tal-UE

·It-titjib fl-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet doganali

·L-appoġġ għall-innovazzjoni

·L-ottimizzazzjoni tas-sistemi elettroniċi doganali u tal-użu tagħhom

·L-indirizzar tal-isfidi tal-kummerċ elettroniku

·Il-kapitalizzazzjoni fuq l-Unjoni Doganali biex tittejjeb is-sigurtà tal-UE

·It-tkomplija tal-ħidma fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw dan ir-rapport u tistenna bil-ħerqa li tinvolvi ruħha b’mod attiv ma’ dawk l-istituzzjonijiet fuq is-segwitu tiegħu.

(1)

 COM(2017) 2025

(2)

 L-Unjoni Doganali tikkonsisti fit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, xi territorji tar-Renju Unit li mhumiex parti mill-Unjoni Ewropea u Monako. 

(3)

 Il-valur statistiku totali tal-fluss kummerċjali tal-EU-28 kien ta’ EUR 3.5 triljuni fl-2016 jew EUR 9.5 biljuni kuljum (sors: Eurostat).

(4)

 Id-dazji doganali jirrappreżentaw sehem ta’ 14 % tal-baġit totali tal-UE – EUR 20 biljun fl-2016 minn EUR 25 biljun ta’ dazji miġbura.

(5)

 Il-kummerċ dinji beda jirkupra b’mod qawwi u kostanti fit-tieni nofs tal-2016, bi tkabbir kummerċjali annwali ta’ 4,5 % fl-2017 apparagun ma’ 1,5 % biss fl-2016 – Tbassir tar-rebbiegħa 2018, nota Nru 1: Dokument ta’ Pożizzjoni (Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, il-Kummissjoni Ewropea).

(6)

 Ir-rapport ta’ progress tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi tas-sisa (11760/17 tat-8 ta’ Settembru 2017) jinnota li “skont stimi konservattivi, il-kuntrabandu tal-prodotti tat-tabakk jolqot lill-baġits nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea b’telf ta’ aktar minn EUR 10 200 miljun fid-dħul pubbliku kull sena”. Fl-istess waqt il-punti tal-qsim tal-fruntiera doganali tal-Unjoni Ewropea għandhom nuqqas gravi ta’ tagħmir u ta’ sistemi ta’ kontroll.

(7)

 Iċ-ċifri reġistrati minn studji magħmula mill-Europol u mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea juru li prodotti ffalsifikati u ppiratati jirrappreżentaw sa 5 % tal-importazzjonijiet kollha fl-Unjoni Ewropea, li jiswew sa EUR 85 000 miljun. Il-marki li jbatu l-aktar mill-ksur tal-Proprjetà Intellettwali huma reġistrati primarjament fl-Unjoni Ewropea (2017 Situation Report on Counterfeiting and Piracy in the European Union, Europol and European Union Intellectual Property Office, June 2017).

(8)

Riżoluzzjoni dwar l-indirizzar tal-isfidi tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-UE – 2016/3024

(9)

Rapport Speċjali 19/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

(10)

INT/814

(11)

 COM(2016) 813 final.

(12)

 Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iżvilupp tal-Unjoni Doganali tal-UE u l-Governanza tagħha (doc. 7585/1/17 REV 1)

(13)

 Il-Kodiċi Doganali Komunitarju, li issa ġie sostitwit mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jippermetti li jitwettqu kontrolli bbażati fuq ir-riskju fir-rigward ta’ firxa ta’ theddidiet (inklużi riskji għas-sikurezza, għas-sigurtà u għall-protezzjoni tal-ambjent, tas-saħħa u tal-konsumaturi) u jappoġġa l-kontribuzzjonijiet doganali għad-detezzjoni u għall-prevenzjoni ta’ reati serji u tat-terroriżmu sa fejn għandu x’jaqsam il-moviment tal-merkanzija, irrispettivament minn jekk ikunx hemm reat “doganali”.

(14)

 Il-Qafas Komuni għall-Ġestjoni tar-Riskju għammar lill-awtoritajiet doganali b’għodod komuni ġodda, inkluża Sistema ta’ Ġestjoni tar-Riskji Doganali, biex jaqsmu informazzjoni dwar ir-riskju operattiv u r-riżultati, jgħinu fl-identifikazzjoni u fir-reazzjoni għal kriminalità trasnazzjonali mobbli ħafna u fl-appoġġ għal rispons rapidu għal kwalunkwe avveniment ta’ kriżi fil-katina tal-provvista. Abbażi tal-esperjenza tas-Sistema ta’ Ġestjoni tar-Riskji Doganali, ġew identifikati oqsma ewlenin għat-titjib u l-Pjan ta' Azzjoni u Strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-ġestjoni tar-riskji doganali, approvat mill-Kunsill f’Diċembru 2014, jipprovdi aġenda komprensiva għat-tisħiħ tal-ġestjoni tar-riskju f’seba’ oqsma. 

(15)

https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/facts_figures_en.pdf

(16)

 Il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Il-ġlieda kontra l-frodi, Rapport Annwali 2016, SWD(2017)266 final, 21.07.2017

(17)

 Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Valutazzjoni tal-Impatt - Li takkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli fir-rigward tal-flus deħlin jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005, SWD(2016)470 final

(18)

Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-KDU –

(19)

 Id-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (ĠU L 23, 26.1.2008, p. 21).

(20)

Fosthom, pereżempju, interfaċċa mas-Sistema ta’ Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS) - umbrella ta’ applikazzjonijiet li jippermettu li l-awtoritajiet doganli tal-Istati Membri jidentifikaw u jikkumbattu l-frodi doganali.

(21)

 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/578 tal-11 ta’ April 2016 li tistabbilixxi Programm ta’ Ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

(22)

 L-Artikolu 3 tal-KDU

(23)

Introdott permezz tal-Qafas tal-Istandards SAFE (FoS) tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) fl-2005 u rikonoxxut fuq livell internazzjonali bħala strument effettiv għas-sigurtà tal-katina tal-provvista li għad għandu l-għan li jiffaċilita l-kummerċ internazzjonali, il-kunċett ta’ Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO) qed jintuża dejjem aktar bħala valur referenzjarju biex jiġu stabbiliti programmi ta’ negozjanti fdati f’oqsma oħrajn, b’mod partikolari fis-sigurtà tal-avjazzjoni Ċivili, fis-Sigurtà Marittima, u fil-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju, u t-tassazzjoni.

(24)

 Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu adottati atti delegati f’konformità mal-Artikolu 284 tiegħu -

(25)

COM(2018) 85 final, 2 ta’ Marzu 2018.

(26)

COM(2018) 178 final

(27)

Agħti referenza jekk dan jitlesta qabel l-adozzjoni tar-rapport.

(28)

http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2017/12/05/vat-on-electronic-commerce-new-rules-adopted/ 

(29)

 COM(2017) 706 finali 

(30)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2017/1939, (OJ L 283, 31.10.2017, p. 1.

(31)

Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29)

(32)

Id-Direttiva (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017.

(33)

  https://ec.europa.eu/taxation_customs/general-information-customs/customs-trade-consultations_en

(34)

- eżerċizzji ta’ analiżi tat-traffiku, tat-theddid u tar-riżorsi bejn il-fruntieri esterni tal-art;

- ħolqien ta’ netwerks ta’ esperti, eż. għat-trasport bl-ajru, marittimu u fuq l-art, li jaqsmu prattiki tajbin u janalizzaw kwistjonijiet operattivi/teknoloġiċi li jsejsu l-analiżi tar-riskji;

- prototip ta’ servizz kondviż li jappoġġa l-iffokar tad-dwana fuq il-kontejners marittimi;

- il-programm ta’ riforma tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni li jipprovdi pjattaforma ġdida għall-koperazzjoni bejn id-dwana u funzjonijiet oħrajn ta’ infurzar tal-liġi f’eżerċizzji ta’ analiżi bil-quddiem dwar ir-riskji tal-merkanzija, bil-għan li jtejjeb il-kwalità tad-data ddikjarata u li jippermetti skambju f’ħin reali ta’ data u informazzjoni rilevanti għar-riskji (inklużi r-riżultati tal-kontrolli).

(35)

 Fir-rapport tal-proġett CELBET 26.09.2017 dwar il-Pakkett ta’ Ħidma 3.1 “Nagħmlu inventarju tat-tagħmir ta’ kontroll u detezzjoni attwalment skjerat”, ir-riżultati tas-Sottokompitu 3.2.1, L-Analiżi tad-Diskrepenzi għal kull Punt ta’ Qsim tal-Fruntieri (BCP) ġiet irrapportata. Il-konklużjoni kienet din (p.15 tar-rapport): “Is-sejba ewlenija tal-inventarju [ta’ 174 punt ta’ qsim tal-fruntiera fuq l-art tal-fruntiera esterna tal-UE] hija li s-sitwazzjoni tat-tagħmir u tal-infrastruttura mhix ideali. L-iktar aspett inkwetanti tal-analiżi huwa li 53 % tan-nuqqas tal-BCPs ta’ sistemi awtomatizzati tal-għarfien tan-numru tal-pjanċi/kontejners (ANPRS) li jkunu bażi solida u għodda effettiva għall-ġestjoni tar-riskji. Barra minn hekk, 46 % tal-BCPs m’għandhomx skaners għall-ispezzjoni tal-merkanzija u tal-vetturi għal trakkijiet u vaguni, u saħansitra ma hemmx disponibbli għodod personali ta’ kontroll li jitħaddmu bl-idejn f’51 % tal-Punti ta’ Qsim tal-Fruntiera.”

(36)

 l-Estonja (koordinatur), il-Finlandja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Ungerija, ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Greċja u l-Kroazja

(37)

Agħti referenza jekk dan jitlesta qabel l-adozzjoni tar-rapport.

(38)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istrateġija tal-IT għad-dwana - COM(2018) 178 final

(39)

Il-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali – Rapport Annwali tal-2016

Top