IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.6.2018
COM(2018) 492 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja
1.Introduzzjoni
Id-Direttiva 2014/61/UE dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja (“id-Direttiva dwar it-Tnaqqis fl-Ispiża tal-Broadband”, minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva”) għandha l-għan li tiffaċilita u tinċentivizza l-introduzzjoni mifruxa ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja billi tbaxxi l-kostijiet permezz ta’ sett ta’ miżuri armonizzati.
Id-Direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri sal-1 ta’ Jannar 2016 sabiex issir applikabbli fl-Istati Membri kollha sal-1 ta’ Lulju 2016.
L-Artikolu 12 tad-Direttiva jirrikjedi lill-Kummissjoni li sal-1 ta’ Lulju 2018 tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tagħha, inklużi sommarju tal-impatt tal-miżuri u valutazzjoni tal-progress li sar fir-rigward tal-kisba tal-objettivi tad-Direttiva, inkluż kif u jekk id-Direttiva tistax tikkontribwixxi aktar sabiex jintlaħqu miri tal-broadband aktar ambizzjużi minn dawk tal-Aġenda Diġitali.
Il-Kummissjoni rrevediet l-implimentazzjoni tad-Direttiva bl-għajnuna ta’:
·studju estern dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-miżuri ta’ din id-Direttiva;
·rapport BEREC dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva;
·L-Indiċi u r-Rapport tal-2018 dwar l-Ekonomija Diġitali u s-Soċjetà - Il-Kapitoli dwar it-Telekomunikazzjonijiet;
·sorsi oħrajn ta’ data, bħal missjonijiet ta’ ġbir ta' informazzjoni fl-Istati Membri u analiżi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mwettqa mill-Kummissjoni.
Dan ir-rapport kien abbozzat anqas minn sentejn wara li l-liġijiet nazzjonali li ttrasponew id-Direttiva kellhom jiġu applikabbli, b’dewmien sinifikanti f’ħafna mill-Istati Membri. Konsegwentement, l-evidenza użata bħala bażi għall-valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri tagħha u l-progress li sar sabiex jinkisbu l-objettivi tagħha kienet relattivament limitata. Madankollu r-rapport jimmira li jħejji l-pedamenti sabiex jiġi stabbilit xenarju ta’ referenza li jista’ jintuża sabiex issir evalwazzjoni fil-futur.
2.Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u d-dispożizzjonijiet ewlenin
Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva
Sabiex jiġu mmassimizzati s-sinerġiji bejn in-netwerks, id-Direttiva mhijiex indirizzata biss lill-operaturi ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika iżda anki lil impriżi oħrajn li jipprovdu infrastrutturi fiżiċi adattati sabiex jospitaw elementi tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika, bħall-elettriku, il-gass, l-ilma u d-drenaġġ, u servizzi ta’ tisħin u trasport.
Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jkopri “netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja”, jiġifieri netwerks li kapaċi jwasslu l-broadband b’veloċità li tlaħħaq tal-anqas it-30 Mbps.
Barra minn hekk, id-Direttiva tapplika biss għall-“infrastruttura fiżika” li hija ddefinita bħala “kwalunkwe element ta' netwerk li huwa maħsub biex jospita elementi oħra ta' netwerk mingħajr ma jsir huwa nnifsu element attiv tan-netwerk.”
Dispożizzjonijiet prinċipali
Id-Direttiva tikkonsisti minn erba’ pilastri u rekwiżiti addizzjonali sabiex jiġi stabbilit punt uniku ta’ informazzjoni u korp għar-riżoluzzjoni tat-tilwim. Dawn japplikaw għall-pilastri kollha, kif ukoll rekwiżiti sabiex jiġu stabbiliti l-penali.
Id-Direttiva tipprevedi armonizzazzjoni minima, u għalhekk l-Istati Membri jistgħu jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi tad-Direttiva sabiex jilħqu l-objettivi tagħha aħjar. Madankollu, jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jieħdu miżuri bħal dawn, huma għandhom jiżguraw li jkun hemm konformità mad-dritt tal-Unjoni, inkluż mal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi.
Pilastru 1: Aċċess għal infrastruttura fiżika eżistenti u trasparenza
Skont l-ewwel pilastru, l-operaturi kollha tan-netwerk (komunikazzjonijiet elettroniċi, utilitajiet tal-enerġija, eċċ.) huma mitluba li jagħtu aċċess għall-infrastruttura fiżika tagħhom (eż. kanali, toqob tal-ispezzjonar, kabinetti, arbli) b’termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli lill-operaturi li jkunu beħsiebhom jintroduċu b’mod wiesa’ netwerks tal-broadband b’veloċità għolja. L-aċċess jista’ jiġi miċħud abbażi ta’ kriterji oġġettivi, transparenti u proporzjonati.
Pilastru 2: Koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili u trasparenza
It-tieni pilastru jippermetti lil kwalunkwe operatur tan-netwerk li jikkoordina x-xogħlijiet ċivili mal-fornituri tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Barra minn hekk, l-operaturi tan-netwerk li jwettqu xogħlijiet ċivili li jkunu ffinanzjati kompletament jew parzjalment b’mod pubbliku għandhom jissodisfaw kull talba raġonevoli għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili.
Pilastru 3: Proċedura tal-għoti ta' permessi
Skont it-tielet pilastru, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għal xogħlijiet ċivili bil-għan li jiġu introdotti netwerks ta’ komunikazzjoni b’veloċità għolja tkun disponibbli minn punt uniku ta’ informazzjoni u li, fil-prinċipju, id-deċiżjonijiet marbuta mal-permessi għandhom isiru fi żmien erba’ xhur.
Pilastru 4: Infrastruttura fiżika fil-bini
Ir-raba’ pilastru jirrikjedi li l-binjiet kollha li nbnew reċentement u li saritilhom rinnovazzjoni kbira jiġu mgħammra b’infrastruttura fiżika, bħal kanali żgħar, li tkun kapaċi tospita netwerks b’veloċità għolja u punt ta’ aċċess aċċessibbli faċilment fil-każ ta’ binjiet b’ħafna unitajiet ta’ abitazzjoni. Il-fornituri tan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi għandu jkollhom aċċess għall-punt ta’ aċċess u għall-infrastruttura fiżika fil-bini b’termini u kundizzjonijiet ġusti u mhux diskriminatorji, jekk id-duplikazzjoni tkun teknikament impossibbli jew ekonomikament ineffiċjenti.
Dispożizzjonijiet oħra
Finalment, l-Istati Membri jeħtieġ li jaħtru korp wieħed jew aktar sabiex jipprovdu informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika, ix-xogħlijiet ċiviċi u l-permessi u korp indipendenti wieħed jew aktar sabiex jirriżolvu t-tilwim bejn l-operaturi tan-netwerk rigward l-aċċess għall-infrastruttura, l-aċċess għall-informazzjoni u talbiet sabiex jiġu kkoordinati x-xogħlijiet ċivili.
3.Kontribut lejn l-għanijiet tas-soċjetà tal-gigabits
L-għanijiet strateġiċi tal-UE għas-soċjetà tal-gigabits sal-2025 huma bbażati fuq il-ħtiġijiet ta’ konnettività prevedibbli tas-soċjetà diġitali Ewropea għas-snin li ġejjin.
L-aċċess għal konnessjonijiet tan-netwerk b’kapaċità għolja ħafna huwa meħtieġ għall-cloud computing, diversi użi simultanji u applikazzjonijiet avvanzati oħrajn u tad-djar intelliġenti, kif ukoll f’għadd ta’ industriji għal użu professjonali, ħafna drabi flimkien mal-aċċess għall-mowbajl (eż. manifattura, kura tas-saħħa, enerġija, servizzi tal-ewwel għajnuna).
Applikazzjonijiet ġodda mhux se jkollhom bżonn biss ta’ veloċitajiet aktar mgħaġġla, iżda anki ta’ medda tal-banda b’konnessjoni ma’ satellita, reżiljenza u parametri tal-iżball jew tal-latenza. L-installazzjoni ta’ netwerks ta’ kapaċità u kwalità daqstant għoljin, li jeħtieġ li jkunu bbażati primarjament fuq il-fibra ottika, se tirrikjedi investiment addizzjonali sinifikanti.
Billi tikkontribwixxi sabiex iżżid il-kopertura tal-infrastruttura tal-fibra, id-Direttiva tista’ tgħin sabiex il-broadband ta’ 100 Mbit/s, li tista’ tittejjeb għal veloċitajiet tal-gigabits, issir disponibbli b’mod universali.
Bl-istess mod, il-kondiviżjoni tal-infrastruttura u l-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili wkoll jistgħu jikkontribwixxu għall-installazzjoni ta’ qafas ta’ kapaċità għolja u konnessjonijiet ta’ aċċess għal fatturi kontribwenti soċjoekonomiċi, bħal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, skejjel jew sptarijiet, anki f’żoni li ma għandhomx servizzi adegwati jew dawk remoti.
Minħabba r-rwol tagħhom fil-backhaul taċ-ċelloli tal-5G, in-netwerks ibbażati fuq il-fibra qed isiru dejjem aktar vitali sabiex jintlaħqu l-miri korrispondenti tal-5G għall-2025.
L-aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti skont id-Direttiva għandu l-potenzjal li jippermetti li jkun hemm kompetizzjoni fir-rigward tal-infrastruttura bbażata fuq il-fibra, li twassal għal broadband ta’ kwalità ogħla u għażla akbar għall-konsumaturi u n-negozji, inkluż f’żoni b’densità tal-popolazzjoni għolja. Id-Direttiva tista’ għalhekk tagħti spinta wkoll lill-investiment fil-fibra b’appoġġ għal ċelloli b’densità għolja, u b’hekk ikun hemm kopertura tal-5G fiċ-ċentri urbani kollha, kif ukoll tul ir-rotot tat-trasport, u tistimula l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet tal-5G mingħajr fili, inklużi l-karozzi konnessi u s-sewqan awtomatizzat.
Id-Direttiva jista’ jkollha wkoll rwol sinifikanti b’rabta mal-Internet tal-Oġġetti (IoT), minħabba li timmira li tistimola l-kollaborazzjoni bejn benefiċjarji potenzjali tal-IoT - bħal sistemi ta’ trasport, enerġija u ilma - u l-operaturi tat-telekomunikazzjoni li jistgħu jipprovdu l-konnettività.
Min-naħa tiegħu dan kollu jista’ jirriżulta fl-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet tal-ibliet intelliġenti, grilji u kejl tal-fluss intelliġenti u sistemi tat-trasport intelliġenti, li jwitti t-triq għal innovazzjoni futura.
4.Traspożizzjoni u implimentazzjoni tad-Direttiva
Skont l-Artikolu 13, l-Istati Membri kienu mitluba jadottaw u jippubblikaw miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva sal-1 ta’ Jannar 2016 u japplikaw dawn il-miżuri mill-1 ta’ Lulju 2016.
Wara l-adozzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni organizzat diversi avvenimenti għall-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati u kellha diversi kuntatti ma’ awtoritajiet nazzjonali sabiex tqajjem għarfien u tipprovdi gwida dwar ir-rekwiżiti tat-traspożizzjoni.
Madankollu, l-Istati Membri kollha ħlief l-Italja kienu tard bl-adozzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, u dan wassal lill-Kummissjoni sabiex tibgħat ittri ta' intimazzjoni lis-27 Stat Membru l-oħrajn fit-23 ta’ Marzu 2016. Sussegwentement, il-Kummissjoni bagħtet opinjonijiet motivati lil 19-il Stat Membru fit-30 ta’ Settembru 2016, fejn ħeġġithom jadottaw miżuri sabiex inaqqsu l-kost tal-installazzjoni ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja. Sadanittant, l-Istati Membri kollha ħlief il-Belġju nnotifikaw it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva f’liġi nazzjonali.
Minħabba li d-Direttiva tittratta kompetenzi transsettorjali u ma timponix biss obbligi fuq is-settur tat-telekomunikazzjoni, iżda tikkonċerna wkoll l-utilitajiet, il-liġijiet tal-bini, il-liġi amministrattiva eċċ, it-traspożizzjoni ħafna drabi kienet waħda kumplessa u li tirrikjedi l-adattament ta’ diversi miżuri (anki fil-livelli reġjonali u lokali) fl-Istati Membri.
Minħabba li d-Direttiva ħadet l-aħjar prattiki f’ċerti Stati Membri u espandiethom fil-livell tal-UE, ħafna mill-Istati Membri diġà kellhom leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti fis-seħħ, li f’xi każijiet jew aspetti kienet tmur lil hinn sew mir-rekwiżiti tad-Direttiva.
Id-Direttiva tinkludi għadd ta’ possibbiltajiet għall-Istati Membri sabiex jeżentaw ċerta infrastruttura jew ċerti binjiet mill-obbligi tagħha (eż. mill-obbligi ta’ trasparenza) jekk it-tali eżenzjonijiet ikunu debitament raġunati.
Kienu biss uħud mill-Istati Membri li għamlu użu estensiv mill-eżenzjonijiet. Ħafna mill-Istati Membri kompletament ma użawhomx jew għamluhom soġġetti għal leġiżlazzjoni sekondarja li għadha ma ġietx adottata.
Id-Direttiva tinkludi wkoll diversi dispożizzjonijiet fakultattivi, li tħallihom għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri sabiex jittrasponuhom. Hawn taħt tingħata ħarsa lejn kif l-Istati Membri użaw dawn id-dispożizzjonijiet fakultattivi:
·Diversi Stati Membri bħall-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Finlandja, il-Lussemburgu, is-Slovenja u Spanja stabbilixxew dritt reċiproku li permezz tiegħu jista’ jintalab aċċess għall-infrastruttura tal-operaturi tan-netwerk tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għall-installazzjoni ta’ infrastruttura li ma tkunx tat-telekomunikazzjoni (l-Artikolu 3(1)).
·L-obbligu li l-korpi tas-settur pubbliku jintalbu jagħmlu l-informazzjoni minima dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti disponibbli permezz tal-punt uniku ta’ informazzjoni, jekk dan ikollu informazzjoni bħal din mill-operaturi tan-netwerk f’format elettroniku u minħabba l-kompiti tiegħu, jeżisti fost l-oħrajn fl-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, il-Finlandja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall u s-Slovakkja (l-Artikolu 4(2)).
·Regoli dwar it-tqassim tal-kost tal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili ġew stabbiliti pereżempju fl-Awstrija, il-Portugall u Franza (l-Artikolu 5(2)).
·Is-sottomissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet għal permess permezz tal-punt uniku ta’ informazzjoni hija possibbli fil-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu u Malta (l-Artikolu 7(2)).
·Il-Portugall u l-Italja introduċew tikketti li jindikaw tħejjija għall-broadband u Spanja u l-Ġermanja qed jikkunsidraw li jimxu fuq il-passi tagħhom. Fi Franza jeżisti standard sabiex jiġu indikati żoni bil-fibra (l-Artikolu 8(3)).
Id-Direttiva tistipula li l-Istati Membri għandhom jaħtru korp indipendenti ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim wieħed jew aktar u korp wieħed jew aktar sabiex jaġixxu bħala punt uniku ta’ informazzjoni.
Il-kompiti tal-korp ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim kienu assenjati lill-awtorità regolatorja nazzjonali responsabbli mir-riżoluzzjoni tat-tilwim skont il-qafas regolatorju tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (NRA), jew parzjalment lill-NRA, f’ħafna mill-Istati Membri, u lil korpi oħrajn f’żewġ Stati Membri biss.
Il-kompiti tal-punt uniku ta’ informazzjoni ġew assenjati lill-NRA, jew parzjalment lill-NRA, f’14-il Stat Membru. F’10 Stati Membri, korpi oħrajn ġew fdati bit-twettiq tal-funzjoni ta’ punt ta’ kuntatt uniku, f’ħafna mill-każijiet ministeru.
Figura 1 — Kompiti, stipulati mid-Direttiva, assenjati lil NRAs fl-UE
Sors: Il-BEREC
5.Impatt u progress
Minħabba li dan ir-rapport kien miktub anqas minn sentejn wara l-iskadenza għall-applikazzjoni tad-Direttiva u ħafna mill-Istati Membri kienu tard fit-traspożizzjoni tad-Direttiva, bdiet tapplika fil-prattika biss reċentement u l-esperjenza sa issa hija limitata.
Madankollu, l-evidenza mill-Istati Membri li qabel applikaw dispożizzjonijiet simili għal dawk stipulati fid-Direttiva u minn impriżi li kienu involuti f’kollaborazzjoni transsettorjali tikkonferma li jista’ jkun hemm benefiċċji sinifikanti, inkluża l-espansjoni tal-broadband ta’ kapaċità għolja f'żoni li ma għandhomx servizzi adegwati, jekk Stati Membri oħrajn jagħmlu l-istess.
Ir-rispons għall-istħarriġ li twettaq għall-istudju li jappoġġja lil dan ir-rapport juri li l-operaturi tal-komunikazzjoni elettronika jemmnu li kien hemm titjib fl-aċċess għall-infrastruttura fiżika (inkluż fil-bini) u l-informazzjoni marbuta magħhom minn meta ġiet applikata d-Direttiva. Madankollu, jista’ jsir aktar titjib, bl-operaturi jindikaw li sar progress limitat fl-appoġġ tal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili, fl-iffaċilitar tal-proċess tal-applikazzjoni għal permessi għal xogħlijiet ċivili, jew fl-iffaċilitar tal-aċċess għall-binjiet għall-installazzjoni ta’ infrastruttura fil-bini.
Figura 2: Is-sodisfazzjon tal-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bl-iffaċilitar tal-aċċess għall-infrastruttura eżistenti u l-possibbiltajiet tal-installazzjoni - vs il-bidla perċeputa fl-iffaċilitar tal-aċċess u l-installazzjoni mill-applikazzjoni tad-Direttiva
Sors: WIK/VVA abbażi tar-rispons mingħand l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet fi stħarriġ onlajn f’Awwissu 2017.
Dawn ir-riżultati għandhom jitqiesu bħala l-linja ta’ referenza, minħabba li l-istħarriġ sar biss sena wara l-iskadenza għall-applikazzjoni tad-Direttiva. Ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ sodisfazzjon jistgħu jvarjaw ukoll skont l-interessi tal-partijiet.
It-taqsimiet li ġejjin jidħlu f’aktar dettall dwar kull suġġett, abbażi tal-istudju li twettaq għal dan ir-rapport.
Pilastru 1: Aċċess għal infrastruttura fiżika eżistenti u trasparenza (l-Artikoli 3 u 4)
Id-data dwar l-użu tal-aċċess għal infrastruttura fiżika eżistenti tidentifika l-Istati Membri li fihom sa issa kien hemm użu limitat (il-Ġermanja, l-Irlanda u Spanja), kif ukoll Stati Membri li fihom l-użu tat-tali aċċess huwa żviluppat sew (Franza, l-Italja u l-Portugall). F’dawn it-tliet pajjiżi tal-aħħar, id-domanda kienet hemm minn qabel l-implimentazzjoni tad-Direttiva.
Figura 3: L-aċċess mitlub (km) għall-kanali u t-tubi kull sena, l-ewwel nofs tal-2015 2017
Sors: WIK-Consult/VVA abbażi ta’ stħarriġiet ta’ operaturi tat-telekomunikazzjoni (minbarra Franza - meħud mill-utilitajiet)
Madankollu, interess li qed jiżdied fl-aċċess għall-infrastruttura fiżika qed jinbet f’xi Stati Membri fejn id-domanda qabel kienet baxxa. Dawn jinkludu l-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Iżvezja u Spanja.
L-operaturi huma tal-fehma li din id-Direttiva ffaċilitat l-aċċess għall-infrastruttura fiżika u l-kost totali tal-installazzjoni ta’ netwerk bl-użu ta’ infrastruttura fiżika ta’ parti terza huwa ħafna aktar baxx jew pjuttost aktar baxx mill-installazzjoni tagħhom stess.
L-użu baxx tal-aċċess f’xi pajjiżi, bħall-Ġermanja u l-Iżvezja, jista’ jkun marbut ukoll mal-fatt li l-muniċipalitajiet u l-utilitajiet, f’diversi każijiet, qed jipprovdu infrastruttura ta’ komunikazzjoni b’kapaċità għolja ħafna, u għalhekk għażlu li ma jagħtux lil kompetituri potenzjali aċċess għall-infrastruttura fiżika, iżda pproponew alternattivi bħall-fibra skura jew aċċess għall-bitsream.
Fir-rigward tat-trasparenza, kien hemm numru partikolarment għoli ta’ talbiet għall-informazzjoni dwar infrastruttura fiżika eżistenti fil-Portugall u numru konsiderevoli ta’ talbiet fl-Awstrija, l-Italja, il-Ġermanja u Franza.
Figura 4: Numru stmat ta’ talbiet għall-informazzjoni dwar infrastruttura eżistenti kull sena abbażi tad-data tal-operaturi tal-2016 u r-rapport BEREC tal-2017
Sors: WIK/VVA abbażi tad-data mill-istħarriġ ta’ operaturi tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni għall-2016 għal FR, IT, PT u r-rapport BEREC BoR (17) 245, AT, DE, SE
Għadd ta’ partijiet ikkonċernati kkunsidraw li l-kundizzjonijiet sabiex tiġi aċċessata l-informazzjoni dwar infrastruttura eżistenti kienu tjiebu wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva, iżda oħrajn indikaw li f’ċerti Stati Membri l-punt uniku ta’ informazzjoni jista’ jkun li mhux operazzjonali b’mod effettiv jew inkella li ġie implimentat biss b’mod superfiċjali.
L-akbar użu tal-aċċess għall-infrastruttura huwa fi Stati Membri b’għoti ta’ informazzjoni effettiv u regoli jew rakkomandazzjonijiet żviluppati sew dwar l-ipprezzar u/jew it-termini kuntrattwali. Il-fatturi speċifiċi li kkontribwew għal eżiti pożittivi f’dawn il-pajjiżi jinkludu l-iżvilupp ta’ punt uniku ta’ informazzjoni komprensiv, regoli (fil-forma ta’ leġiżlazzjoni, linji gwida jew riżoluzzjoni tat-tilwim) dwar l-ipprezzar tal-aċċess, offerti ta’ referenza u regoli li jippermettu lill-kumpaniji tal-utilitajiet rregolati li jibbenefikaw, tal-anqas b’mod parzjali, mill-profitti tal-għoti tal-aċċess.
L-użu tal-aċċess għall-infrastruttura fi Stati Membri oħrajn, għaldaqstant, jista’ jiżdied ladarba t-termini kuntrattwali u l-prinċipji tal-ipprezzar jiġu stabbiliti b’mod aktar ċar. L-iżvilupp sħiħ ta’ punti uniċi ta’ informazzjoni fi Stati Membri fejn dan għadu mhuwiex il-każ ukoll jista’ jikkontribwixxi għal użu akbar.
Pilastru 2: Koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili u trasparenza (l-Artikoli 5 u 6)
B’mod ġenerali, il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili jidher li rċeviet anqas attenzjoni, kemm mill-NRAs u kemm mill-partijiet ikkonċernati, mill-aċċess għall-infrastruttura eżistenti f’din id-Direttiva.
Kienet disponibbli biss informazzjoni tassew limitata dwar l-għadd ta’ ftehimiet dwar il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili u l-ebda informazzjoni dwar l-estent tan-netwerk involut f’tali talbiet. Abbażi tad-data disponibbli, kien hemm attività sinifikanti fil-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili (aktar minn 200 talba għal kull pajjiż irrappurtata bħala li saret jew li waslet fl-2016) fil-Belġju, is-Slovenja u l-Italja, u xi attività fi Spanja, il-Portugall, l-Awstrija u Franza. Fi kważi dawn il-każijiet kollha, saru wkoll talbiet ta’ koordinazzjoni fl-2015, qabel id-data ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Għad ma kienx hemm tendenza ’l fuq viżibbli fil-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili minn meta ġiet adottata d-Direttiva.
Il-fornituri tal-komunikazzjoni elettronika jikkunsidraw li l-kost totali tal-installazzjoni tan-netwerks permezz tal-koordinazzjoni tan-netwerks huwa aktar baxx milli jekk din issir f’iżolament. Madankollu, b’mod ġenerali, l-iffrankar kien ikkunsidrat bħala inqas minn dak li seta’ jsir permezz tal-kondiviżjoni tal-infrastruttura fiżika.
Anqas Stati Membri ħadu approċċi proattivi lejn it-trasparenza fl-installazzjoni konġunta milli lejn l-informazzjoni dwar infrastruttura eżistenti. L-operaturi esprimew it-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta’ trasparenza u n-nuqqas ta’ punt uniku ta’ informazzjoni, li jista’ jkun li qed jaffettwa l-livell li fih issir l-installazzjoni konġunta.
Il-kondiviżjoni tal-kostijiet fil-kuntest tal-installazzjoni konġunta tista’ tkun sors partikolari li minnu jirriżulta nuqqas ta’ sodisfazzjon u tilwim. F’dan il-kuntest, il-prattiki jvarjaw minn pajjiż għal ieħor u anki fi ħdan l-istess pajjiż, u jvarjaw mill-impożizzjoni tal-kost inkrimentali sa kostijiet kondiviżi b’mod ugwali. Filwaqt li l-kostijiet kondiviżi b’mod ugwali jistgħu jagħtu lill-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi l-idea li jkunu qed iġarrbu sehem sproporzjonat mill-kostijiet meta mqabbel mal-utilitajiet, il-kost inkrimentali jista’ jqajjem tħassib fost l-utilitajiet li huma attivi wkoll fil-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jkunu qed jintalbu jagħmlu offerti lill-kompetituri li jdgħajfu l-każ tan-negozju tagħhom.
It-twaqqif ta’ punt uniku ta’ informazzjoni dettaljat, it-twaqqif ta’ proċeduri speċifiċi għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili u l-elaborazzjoni (kummerċjali jew b’mod regolat) ta’ regoli dwar it-tqassim tal-kostijiet jistgħu jżidu l-interess fl-installazzjoni konġunta. Xi wħud minn dawn il-miżuri jew il-miżuri kollha ttieħdu f’pajjiżi bħall-Belġju, l-Italja u l-Portugall, li jużaw l-implimentazzjoni konġunta ħafna.
Pilastru 3: Proċedura tal-għoti tal-permessi (l-Artikolu 7)
Id-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-permessi u l-proċeduri tal-għoti tal-permessi ma ttejbitx sa issa. Jidher li anki fejn jeżistu punti uniċi ta’ informazzjoni li jirrigwardaw il-proċeduri tal-applikazzjoni, l-operaturi jista’ jkun li ma jkunux konxji minnhom jew inkella jkollhom xi riżervi dwar l-effettività tagħhom. L-iskadenzi taż-żmien għall-applikazzjonijiet għall-permessi ma ġewx infurzati fl-Istati Membri kollha, u huma biss ftit Stati Membri li għażlu li jagħmluha possibbli li tapplika għal permess b’mod elettroniku.
Fejn l-informazzjoni kienet disponibbli, il-permessi għax-xogħlijiet ċivili kienu pproċessati fuq medja ta’ erba’ xhur. Madankollu, l-operaturi f’ċerti Stati Membri esprimew tħassib dwar varjazzjonijiet sinifikanti fiż-żmien għall-ipproċessar tal-permessi, skont l-awtoritajiet lokali kkonċernati. F’ċerti każijiet, l-operaturi fil-Ġermanja għamlu referenza għal dewmien ta’ aktar minn sitt xhur , filwaqt li varjazzjonijiet fiż-żmien kienu osservati wkoll fi Spanja u l-Italja.
Figura 5: Iż-żmien medju (ġimgħat) meħud sabiex jingħata permess għax-xogħlijiet ċivili (abbażi ta’ stħarriġ tal-operaturi)
Sors: WIK/VVA abbażi ta’ stħarriġ tal-operaturi
Pilastru 4: Infrastruttura fiżika fil-bini (l-Artikoli 8 u 9)
L-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet dwar l-infrastruttura fil-bini jidher li hija marbuta mad-definizzjoni tal-istandards li jistabbilixxu x’inhu mifhum b’infrastruttura fil-bini lesta għal veloċità għolja u l-punt ta’ aċċess assoċjat u l-mekkaniżmi sabiex tiġi mmonitorjata u infurzata l-konformità ma’ dawn l-istandards.
Pereżempju, fi Franza, il-Portugall u Spanja standards obbligatorji jistabbilixxu kif għandha tkun installata l-infrastruttura u fejn għandu jitqiegħed il-punt ta’ aċċess. Infrastruttura lesta għall-broadband ġiet installata b’mod relattivament wiesgħa f’dawn il-pajjiżi, bl-istandards imsemmijin hawn fuq jikkontribwixxu għal rati għoljin ta’ installazzjoni tal-FTTH/B fil-Portugal u Spanja.
Maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati jikkunsidraw it-tikketti li jindikaw tħejjija għall-broadband bħala mod tajjeb ta’ kif tiġi appoġġjata l-installazzjoni u l-adozzjoni ta’ netwerks b’veloċità għolja, iżda t-tali tikketti ġew introdotti biss fi ftit Stati Membri. Barra minn hekk, billi t-tikketti li jindikaw tħejjija għall-broadband ġew introdotti biss reċentement, għadu kmieni wisq sabiex tiġi evalwata l-adozzjoni tagħhom.
Fir-rigward tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika fil-bini, il-partijiet ikkonċernati ma nnutawx bidla sinifikanti minn meta ġiet implimentata d-Direttiva minħabba li d-dispożizzjonijiet kienu diġà fis-seħħ jew kienu ġew trasposti reċentement. Ġie rrappurtat xi titjib fi Spanja u l-Italja, f’termini ta’ tnaqqis fin-numru ta’ każijiet fejn sid il-bini rrifjuta li jagħti aċċess. Madankollu, l-operaturi f’xi Stati Membri affaċċjaw xi problemi sabiex jingħataw permess sabiex jaċċessaw l-binjiet tal-appartamenti (mingħand is-sidien tal-binjiet) sabiex jinstallaw u jtejbu l-infrastruttura fil-bini għal broadband b’veloċità għolja.
L-Istati Membri li għandhom ma stabbilixxewx regoli jew solvew tilwimiet marbuta mal-aċċess għal infrastruttura fil-bini jistgħu jitgħallmu minn Franza, il-Portugall u Spanja, li l-esperjenza tagħhom tissuġġerixxi li standards tekniċi fis-seħħ dwar il-punt ta’ aċċess, akkumpanjati minn regoli dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-infrastruttura fil-bini, jistgħu jgħinu sabiex ikun hemm aktar ċertezza u żieda fl-użu tal-aċċess għall-infrastruttura fil-bini.
Proċess għar-riżoluzzjoni ta' tilwim
Bejn l-2015 u l-ewwel nofs tal-2017, ġew irrappurtati 40 tilwima, li kienu ġew irriferuti quddiem il-korp ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim skont id-Direttiva, jew reġimi preċedenti, fejn applikabbli. Kien hemm żieda fin-numru ta’ tilwim mill-applikazzjoni tad-Direttiva, bi 23 irrappurtati li ġew riferuti quddiem il-korp ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim fl-ewwel nofs tal-2017 biss. Il-maġġoranza assoluta ta’ tilwim kienet tirrigwarda l-aċċess għal infrastruttura eżistenti (83 % fl-2017) jew informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti (14 %).
Figura 6: Għadd ta’ tilwimiet
Sors: WIK-Consult/VVA abbażi ta’ kwestjonarji lil NRA - 24 rispondent
Ħafna mill-Istati Membri stabbilixxew skadenzi leġiżlattivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet f’konformità mal-iskadenzi speċifikati fid-Direttiva. F’ċerti każijiet stabbilixxew saħansitra skadenzi iqsar. Madankollu, fil-prattika, l-iskadenzi nqabżu f’diversi każijiet minħabba raġunijiet interni (eż. il-kumplessità fir-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet prinċipali bħall-ipprezzar) jew esterni (eż. l-użu tal-medjazzjoni, sforzi ta’ koordinazzjoni) u xi operaturi huma kkonċernati li l-proċeduri ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim setgħu fil-fatt ikkontribixxew għal dewmien addizzjonali.
F’diversi Stati Membri, l-NRAs bdew jiżviluppaw regoli jew linji gwida dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim (eż. il-proċess li l-NRA x’aktarx li ssegwi fir-riżoluzzjoni tat-tilwim), li jistgħu jtejbu ċ-ċertezza legali u jnaqqsu l-isforzi u l-ħin involuti fir-riżoluzzjoni tat-tilwim.
6.Azzjonijiet rakkomandati
L-implimentazzjoni effettiva u f’waqtha tad-Direttiva hija kruċjali, mhux biss biex jiġi żgurat li l-għanijiet tagħha jintlaħqu, iżda anki sabiex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tas-Soċjetà tal-Gigabits, flimkien ma’ azzjonijiet oħrajn previsti mill-Kummissjoni sabiex jappoġġjaw l-installazzjoni tal-broadband, bħas-sett ta’ għodda għall-broadband fiż-żoni rurali.
L-esperjenza sa issa tissuġġerixxi li għandhom jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin sabiex tiġi mmassimizzata l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva u tiġi ffaċilitata l-kisba tal-għanijiet tagħha:
1.L-iżgurar tat-trasparenza bħala prerekwiżit għall-użu kondiviż tal-infrastruttura fiżika u l-installazzjoni konġunta
Għal dan il-għan, il-punti uniċi ta’ informazzjoni ma għandhomx jiġu stabbiliti biss fl-Istati Membri kollha, iżda għandhom ikunu mgħammra b’mod adattat sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv. Għall-infrastruttura eżistenti, il-punt uniku ta’ informazzjoni jista’ jkompli jittejjeb sabiex jinkludi eżerċizzju ta’ mmappjar u jinkludi data dwar id-disponibbiltà u l-kapaċità. Fil-każ ta' installazzjoni konġunta, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw approċċ proattiv, fejn l-atturi pubbliċi rilevanti (u jekk ikun rilevanti dawk privati) jintalbu jinnotifikaw minn qabel l-pjanijiet ta’ installazzjoni u jistiednu lill-partijiet interessati jagħtu r-rispons tagħhom. L-Uffiċċji tal-Kompetenza tal-Broadband nazzjonali u reġjonali jistgħu jkunu sors addizzjonali ta’ informazzjoni, koordinazzjoni u skambju tal-aħjar prattiki.
2.It-titjib taċ-ċertezza regolatorja b’rabta mat-termini u l-kundizzjonijiet, inklużi l-prezzijiet u t-tqassim tal-kostijiet
L-NRAs jew korpi oħrajn jistgħu jagħmlu dan billi jfasslu linji gwida, li jindikaw liema metodoloġija għandha tintuża għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, kif għandhom jitqassmu l-kostijiet tal-kondiviżjoni tal-infrastruttura jew tal-installazzjoni konġunta u sa fejn l-utilitajiet regolati jistgħu jibbenefikaw minn kwalunkwe ffrankar tal-kostijiet jew profitti li jirriżultaw mill-kollaborazzjoni.
3.L-iżgurar ta’ effiċjenza ġenerali akbar tal-proċeduri għall-għoti tal-permessi
L-ewwel nett, huwa kruċjali li l-informazzjoni dwar il-permessi tkun disponibbli b’mod ċentrali minn punti uniċi ta’ informazzjoni. It-tieni nett, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jinfurzaw b’mod strett l-infurzar tal-iskadenzi għall-għoti tal-permessi. It-tielet nett, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-introduzzjoni tal-applikazzjoni elettronika għall-permessi permezz ta’ punt uniku ta’ informazzjoni.
4.L-iżvilupp ta’ standards għall-aċċess għal infrastruttura fiżika fil-bini u regoli ċari dwar l-aċċess
L-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan, jistgħu jikkunsidraw li jdaħħlu fis-seħħ standards għall-infrastruttura fil-bini u skemi ta’ ttikkettar tal-broadband assoċjat. Għandhom jittieħdu miżuri proattivi (pereżempju mill-NRAs) sabiex jiġi żgurat li jiġu stabbiliti regoli ċari rigward it-termini, il-kundizzjonijiet u l-prezz tal-aċċess għal infrastruttura fil-bini.
5.Il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni aħjar fost ir-regolaturi
Il-koordinazzjoni fost l-awtoritajiet reġjonali u lokali u r-regolaturi settorjali hija partikolarment importanti għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili jew għall-aċċess għall-infrastruttura muniċipali. Il-BEREC, l-ACER u gruppi regolatorji settorjali oħrajn fil-livell tal-UE jistgħu jikkunsidraw ukoll l-iżvilupp ta’ linji gwida dwar it-termini kuntrattwali tal-aħjar prattika u l-approċċi lejn it-tqassim tal-prezzijiet/kostijiet.
6.L-iżgurar tal-ġbir effiċjenti tad-data dwar indikaturi tal-prestazzjoni prinċipali
Sabiex ikunu jistgħu jsiru monitoraġġ kontinwu u evalwazzjoni futura tal-implimentazzjoni tad-Direttiva, l-NRAs u/jew il-korpi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim għandhom jiġbru d-data dwar l-iskala tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika skont id-Direttiva, kif ukoll il-proporzjon ta’ netwerks ta’ veloċità għolja installati f’installazzjoni konġunta. L-Istati Membri għandhom jiġbru d-data mingħand l-awtoritajiet lokali fir-rigward tal-iskadenzi għall-għoti tal-permessi u l-għadd ta’ binjiet iċċertifikati bħala mgħammra b’infrastruttura fil-bini lesta għal veloċità għolja.