IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.6.2018
COM(2018) 464 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar tal-evalwazzjoni interim tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna
{SWD(2018) 339 final}
{SWD(2018) 340 final}
{SWD(2018) 341 final}
1Introduzzjoni
Dan ir-rapport jippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni interim tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna kif jirrikjedi l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014.
Din l-evalwazzjoni tkopri lil dan ir-Regolament u:
·ir-Regolament Speċifiku (UE) Nru 513/2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tar-riskji (ISF-P);
·ir-Regolament Speċifiku (UE) Nru 515/2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-fruntieri esterni u l-viża (ISF-BV); kif ukoll
·ir-Regolament Speċifiku (UE) Nru 516/2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF).
Minn hawn ’il quddiem ISF-P, ISF-BV u AMIF se jissejħu b’mod kollettiv bħala, ‘il-fondi’.
L-evalwazzjoni tivvaluta l-prestazzjoni tal-fondi kontra l-kriterji ta’ evalwazzjoni ddefiniti fil-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar u skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014: (i) l-effikaċja, (ii) l-effiċjenza, (iii) il-koerenza, (iv) ir-rilevanza u (v) l-valur miżjud tal-UE, (vi) is-sostenibbiltà, u (vi) is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv. Ir-rapport huwa bbażat fuq il-kostatazzjonijiet ta’ tliet evalwazzjonijiet interim għall-fondi li jakkumpanjaw lil dan ir-rapport.
L-evalwazzjoni tkopri l-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u t-30 ta’ Ġunju 2017 u tirrapporta dwar kull programmi nazzjonali, azzjoni tal-Unjoni u assistenza ta’ emerġenza ffinanzja mill-fondi. L-Istati Membri u l-pajjiżi li jipparteċipaw fil-fondi jvarjaw minn fond għal fond skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. L-Istati Membri kollha minbarra d-Danimarka jipparteċipaw fl-AMIF. L-Istati Membri kollha tal-UE minbarra l-Irlanda u r-Renju Unit, kif ukoll l-Iżvizzera, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, li huma assoċjati mal-Fond għax jimplimentaw kompletament l-acquis ta’ Schengen, jipparteċipaw fil-Fond għas-Sigurtà Interna - Fruntieri u Viża. Fl-aħħar, l-Istati Membri kollha tal-UE minbarra d-Danimarka u r-Renju Unit jipparteċipaw fil-Fond għas-Sigurtà Interna - Pulizija.
Qabel il-fondi attwali, l-UE pprovdiet appoġġ finanzjarju taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 permezz tal-Programm Ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni” (SOLID) b’kontribuzzjoni totali ta’ kważi EUR 4 biljun, biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ politiki komuni fil-oqsma tal-asil, ir-ritorn u l-integrazzjoni, il-fruntieri esterni u l-viżi. Barra minn hekk, l-UE pprovdiet appoġġ għall-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, tipi differenti ta’ traffikar u riskji għas-sigurtà, permezz tal-programm “Is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet” (SSL) (kważi EUR 800 miljun).
It-tabella li ġejja tippreżenta ħarsa ġenerali tal-fondi attwali u preċedenti, kif ukoll l-evoluzzjoni tagħhom:
Tabella 1: Ħarsa ġenerali fil-qosor tal-Fondi u l-programmi tal-affarijiet interni matul l-2007-2013 u l-2014-2020
|
Programm ġenerali
|
Qasam ta’ politika
|
Fond / programm speċifiku
baġit, parteċipazzjoni u għanijiet
|
|
|
|
Fondi Preċedenti (2007-2013)
|
Fondi Attwali (2014-2020)
|
|
Programm ġenerali Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni
(93 % sa 96 % ġestjoni kondiviża; il-bqija taħt ġestjoni diretta ċentralizzata)
|
Asil
|
Il-Fond Ewropew għar-Refuġjati (FER III)
EUR 614-il miljun
, L-Istati Membri Kollha (Stati Membri) minbarra d-Danimarka
§Jappoġġa u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaċċettaw refuġjati u persuni spostati
§Miżuri ta’ emerġenza biex jindirizzaw influss qawwi għal għarrieda ta’ migranti u persuni jfittxu l-asil
|
Il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF)
EUR 3 137 miljun (inizjali)
L-Istati Membri kollha minbarra d-Danimarka
§Isaħħaħ u jiżviluppa l-aspetti kollha tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA)
§Jappoġġa l-migrazzjoni legali lejn l-Istati Membri u jippromwovi l-integrazzjoni effettiva ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi
§Isaħħaħ l-istrateġiji ta’ ritorn ġusti u effettivi u jgħin fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali
§Isaħħaħ is-solidarjetà u t-tqassim tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari dawk l-aktar affettwati mill-flussi tal-migrazzjoni
|
|
|
L-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-migrazzjoni legali
|
Il-Fond Ewropew għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (EIF)
EUR 825 miljun, L-Istati Membri Kollha minbarra d-Danimarka
§Jappoġġa l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fis-soċjetajiet Ewropej
|
|
|
|
Ritorn
|
Il-Fond Ewropew għar-Ritorn (RF)
EUR 676 miljun, L-Istati Membri Kollha minbarra d-Danimarka
§Itejjeb il-ġestjoni tar-ritorn
§Iħeġġeġ l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi tar-ritorn
|
|
|
|
Ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-viża
|
Il-Fond għall-Fruntieri Esterni (FFE)
EUR 1 820 miljun, L-Istati Membri Kollha (inklużi r-Rumanija u l-Bulgarija u l-istati assoċjati ma' Schengen mill-2010) minbarra r-Renju Unit u l-Irlanda
§Solidarjetà finanzjarja fost il-pajjiżi Schengen
§Ġestjoni ta’ kontrolli effiċjenti u l-flussi fil-fruntieri esterni
§Titjib fil-ġestjoni tal-awtoritajiet konsulari
|
Fond għas-Sigurtà Interna (Internal Security Fund, ISF)
EUR 3 764 miljun (inizjali)
ISF Fruntieri u Viża
L-Istati Membri kollha minbarra l-Irlanda u r-Renju Unit flimkien mal-istati assoċjati ma' Schengen li huma l-Iżvizzera, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja
§Jiżgura livell għoli ta’ sigurtà fl-UE u jiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu
§Viża u appoġġ għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri
ISF Pulizija
L-Istati Membri kollha minbarra d-Danimarka u r-Renju Unit
§Jiżgura livell għoli ta’ sigurtà fl-UE, il-ġlieda kontra l-kriminalità, il-ġestjoni ta’ riskji u kriżijiet
|
|
Programm ġenerali Is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet
(ġestjoni diretta ċentralizzata)
|
Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata
|
Programm speċifiku il-Prevenzjoni ta’ u l-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Organizzata (ISEC)
EUR 600 miljun, L-Istati Membri Kollha
§Il-prevenzjoni tal-kriminalità, l-infurzar tal-liġi, il-protezzjoni u l-appoġġ lix-xhieda, il-protezzjoni tal-vittmi
|
|
|
|
Il-ġlieda kontra t-terroriżmu u riskji oħra relatati mas-sigurtà
|
Programm speċifiku Prevenzjoni, Stat ta' Tħejjija u Maniġġar tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u Riskji Oħra Relatati mas-Sigurtà (CIPS)
EUR 140 miljun, L-Istati Membri Kollha
§Il-protezzjoni taċ-ċittadini u tal-infrastruttura kritika minn attakki terroristiċi u inċidenti oħra relatati mas-sigurtà
|
|
2Il-Fondi u l-istat ta’ implimentazzjoni tagħhom
Il-fondi jiġu implimentati bl-użu ta’ modi ta’ ġestjoni kondiviża, diretta u indiretta: taħt ġestjoni kondiviża mill-Istati Membri; direttament mill-Kummissjoni f’ġestjoni diretta; jew indirettament billi tiġi fdata parti mill-kompitu ta’ implimentazzjoni baġitarja lil parti terza (ġestjoni indiretta). Il-programmi nazzjonali pluriennali għall-AMIF u l-ISF ġew ippreparati permezz ta’ djalogu ta’ politika fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni u ġew adottati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-programmi nazzjonali jiġu emendati regolarment mill-Istati Membri u approvati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal ġestjoni diretta u indiretta l-Kummissjoni tadotta programmi ta’ ħidma annwali biex timplimenta l-baġit.
2.1AMIF
L-AMIF ġie mfassal biex jippromwovi l-ġestjoni effiċjenti ta’ flussi ta’ migrazzjoni u l-implimentazzjoni, it-tisħiħ u l-iżvilupp ta’ approċċ komuni tal-UE għall-asil u l-migrazzjoni. Waqt il-perjodu ta’ implimentazzjoni taħt rieżami, il-kundizzjonijiet tal-migrazzjoni nbidlu b’mod drastiku minħabba ż-żieda f’daqqa u mhux mistennija fil-pressjoni migratorja fil-fruntieri esterni fin-Nofsinhar u x-Xlokk tal-UE.
L-għan ġenerali tal-AMIF għandu jintlaħaq permezz ta’: (i) it-tisħiħ u l-iżvilupp ta’ Sistema Ewropea Komuni tal-Asil billi jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam tiġi applikata b’mod effiċjenti u uniformi; (ii) l-appoġġ għall-migrazzjoni legali lejn Stati tal-UE skont il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u l-promozzjoni tal-integrazzjoni effettiva ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi; (iii) it-tisħiħ ta’ strateġiji ta’ ritorn ġusti u effettivi, li jgħinu fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u jenfasizzaw is-sostenibbiltà u l-effettività tal-proċess tar-ritorn; u (iv) jiġi ġġarantit li l-Istati Membri tal-UE li huma l-iżjed affettwati mill-flussi tal-migrazzjoni u tal-asil ikunu jistgħu jiddependu fuq is-solidarjetà minn Stati Membri oħra tal-UE.
L-istat ta’ implimentazzjoni
Ir-riżorsi totali għall-perjodu ta’ implimentazzjoni 2014-2020 tal-AMIF inizjalment ġew stmati li huma EUR 3 137 miljun. B’rispons għall-bżonnijiet mhux mistennija li rriżultaw mill-kriżi tal-migrazzjoni tal-2015 u l-2016, dan il-baġit żdied sostanzjalment u laħaq il-valur ta’ EUR 6 888 miljun ta’ impenji pprogrammati biex jappoġġaw ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, l-integrazzjoni u r-ritorn u jippreparaw l-implimentazzjoni tar-reviżjoni tar-Regolament ta’ Dublin. Dawn l-ammonti ġew mgħoddija permezz tal-programmi nazzjonali, l-azzjonijiet tal-Unjoni u l-assistenza ta’ emerġenza.
B’riżultat ta’ dan, ir-riżorsi tal-AMIF attwali bejn wieħed u ieħor huma kif ġej:
-EUR 5 391 miljun jew 78 % pprogrammati għall-programmi nazzjonali;
-EUR 462 miljun jew 7 % għall-azzjonijiet tal-Unjoni ħlief assistenza ta’ emerġenza;
-EUR 1 029 miljun jew 15 % għall-assistenza ta’ emerġenza.
Fil-ġestjoni kondiviża, l-Istati Membri allokaw 17 % (EUR 738 miljun) għall-għan tal-asil, 21 % (EUR 884 miljun) għall-għan tal-integrazzjoni u l-migrazzjoni legali, 22 % (EUR 943 miljun) għall-miżuri ta’ ritorn, 0.1 % (EUR 2.3 miljun) għall-għan ta’ solidarjetà, 36 % (EUR 1 523 miljun) għar-risistemazzjoni u r-rilokazzjoni, u 4 % (EUR 151 miljun) għall-assistenza teknika. Dawn l-allokazzjonijiet (EUR 4 241 miljun) għadhom ma jqisux ir-riżorsi marbuta mar-reviżjoni tar-Regolament ta’ Dublin, li għadhom iridu jiġu allokati.
Meta wieħed iqis il-kontijiet annwali għall-2017 ppreżentati mill-Istati Membri f’nofs Frar 2018, il-livell globali ta’ pagamenti huwa 25 % (EUR 1 068 miljun) tal-allokazzjonijiet globali, filwaqt li r-rata ta’ implimentazzjoni tammonta għal 48 % (EUR 2 022 miljun).
Tabella 1: Rati ta’ implimentazzjoni u ta’ pagamenti skont għan speċifiku u bbażati fuq allokazzjonijiet globali għal programmi nazzjonali, impenji tal-Istati Membri u nefqiet li talbu l-Istati Membri (kontijiet), f’miljuni ta’ EUR.
Sa tmiem l-2017, EUR 462 miljun kienu ġew allokati permezz ta’ ġestjoni diretta u indiretta għall-azzjonijiet tal-Unjoni u l-attivitajiet tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni li jkopru l-perjodu kollu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Minn dan l-ammont, 24 % ġew allokati għal proġetti li jkopru l-għanijiet speċifiċi tal-asil u s-solidarjetà filwaqt li s-76 % li jifdal ġew assenjati għal proġetti li jkopru l-għanijiet speċifiċi tal-migrazzjoni legali, l-integrazzjoni u r-ritorn.
2.2 ISF-BV
ISF-BV għandu l-għan li jiżgura livell għoli ta’ sigurtà fl-UE filwaqt li jiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu, u jilħaq dawn iż-żewġ għanijiet permezz ta’ (i) kontroll uniformi u ta’ livell għoli tal-fruntieri esterni u (ii) l-ipproċessar effiċjenti ta’ viżi ta’ Schengen.
Mill-2009 ’l hawn, l-applikazzjonijiet għall-viżi tal-UE żdiedu b’50 % flimkien ma’ spejjeż ogħla għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viża. Il-politika komuni dwar il-viżi tal-UE wkoll ġiet affettwata mill-kriżi tal-migrazzjoni, billi wasslet għal żieda fil-pressjoni fuq il-persunal konsulari madwar id-dinja u l-bżonn dejjem akbar għal kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni irregolari u r-ritorn. L-applikazzjoni ta’ standards komuni għall-viżi saret essenzjali peress li nies li għandhom viża jew permess ta’ residenza fiż-żona Schengen jistgħu jiċċaqalqu b’mod liberu minn Stat Membru għal ieħor. Għalhekk, l-Istati Membri kollha għandhom interess komuni li jiżguraw li l-politika dwar il-viżi tiġi applikata b’mod effiċjenti u sigur. Għaldaqstant, permezz ta’ dan l-għan speċifiku l-ISF-BV jappoġġa l-bini ta’ kapaċità tal-Istati Membri sabiex jimplimentaw b’mod suffiċjenti l-politika komuni dwar il-viżi.
Il-kontroll effiċjenti fil-fruntieri huwa kruċjali biex ikun iggarantit il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni oħra li jkunu jinsabu legalment fit-territorju tal-UE kif ukoll biex tiġi ggarantita s-sigurtà interna. Peress li Stati Membri periferali jikkontrollaw parti sinifikanti mill-fruntieri esterni tal-UE, ir-responsabbiltajiet tagħhom rigward il-kontroll fil-fruntieri saru kbar wisq biex jifilħu għalihom. F’dan ir-rigward, billi jissodisfa dan l-għan speċifiku, l-ISF-BV jappoġġa aktar armonizzazzjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri, u l-iskambju tal-informazzjoni fost l-Istati Membri kif ukoll bejn Stati Membri u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (European Borders and Coast Guard Agency, EBCGA). Barra minn hekk, l-ISF-BV ikkontribwixxa biex jiżdiedu s-solidarjetà u r-responsabbiltà fost l-Istati Membri speċjalment permezz tal-kofinanzjament tat-tagħmir li se jkun disponibbli għall-operazzjonijiet tal-EBCGA, iżda wkoll permezz tal-introduzzjoni ta’ sistemi ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri u tal-iżvilupp kontinwu tal-EUROSUR.
L-istat ta’ implimentazzjoni
Ir-riżorsi totali għall-implimentazzjoni tal-ISF-BV matul il-perjodu 2014-2020 inizjalment ġew stmati li huma EUR 2 760 miljun. Aktar tard dan ġie pprogrammat mill-ġdid għal EUR 2.61 biljun biex titqies iż-żieda fl-allokazzjoni għat-tagħmir tal-EMAS u tal-Frontex (ara hawn taħt), kif ukoll it-trasferiment ta’ parti mill-fondi allokati għas-sistemi tal-IT li jappoġġaw il-ġestjoni tal-flussi tal-migrazzjoni fil-fruntieri esterni (pereż. is-sistema ta’ Dħul / Ħruġ, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (European Travel Information and Authorisation System, ETIAS)) lil eu-LISA. Madwar 65 % tat-total (EUR 1.6 biljun) huma allokati għall-programmi nazzjonali. Madanakollu, l-ammont għall-Iskema ta’ Tranżitu Speċjali għal-Litwanja baqa’ ma nbidilx. Bħala rispons għal bżonnijiet mhux previsti kkawżati mill-kriżi tal-migrazzjoni, l-ammont allokat għal assistenza ta’ emerġenza żdied b’mod sinifikanti minn 1,3 % fil-bidu għal 14,8 % tal-Fond totali. Min-naħa l-oħra, l-azzjonijiet tal-Unjoni naqsu bi kwart biex tiġi ffaċilitata ż-żieda fil-fondi għal assistenza ta’ emerġenza. L-Istati Membri rċevew ammont addizzjonali ta’ EUR 192 miljun biex jixtru tagħmir li se jintuża f’operazzjonijiet konġunti tal-EBCG-A.
L-Istati Membri allokaw 9 % (EUR 151 miljun) għall-għan tal-politika komuni dwar il-viżi, 57 % (EUR 928 miljun) għall-għan tal-ġestjoni tal-fruntieri, 21 % (EUR 333 miljun) għall-appoġġ operazzjonali, 9% (EUR 148 miljun) għall-Iskema ta’ Tranżitu Speċjali u 4 % (EUR 64 miljun) għall-assistenza teknika (Tabella 2).
Meta wieħed iqis il-kontijiet annwali għall-2017 ippreżentati mill-Istati Membri f’nofs Frar 2018, il-livell globali ta’ pagamenti huwa 24 % (EUR 391 miljun) tal-allokazzjonijiet globali, filwaqt li r-rata ta’ implimentazzjoni tammonta għal 49 % (EUR 797 miljun).
Tabella 2: Rati ta’ implimentazzjoni u ta’ pagamenti skont għan speċifiku u bbażati fuq allokazzjonijiet globali għal programmi nazzjonali, impenji tal-Istati Membri u nefqiet li talbu l-Istati Membri (kontijiet), f’miljuni ta’ EUR
Għal ġestjoni diretta, sat-30 ta’ Ġunju 2017, 123 azzjoni (46 assistenza ta’ emerġenza u 77 azzjoni tal-Unjoni) ġew iffinanzjati għal ammont totali ta’ EUR 383 miljun fil-programm ta’ ħidma annwali tal-2014-2017. Seba’ Stati Membri ħadu vantaġġ mill-fondi għall-assistenza ta’ emerġenza (il-Bulgarija, il-Greċja, Franza, il-Kroazja, l-Ungerija, l-Italja, u s-Slovenja), kif ukoll Aġenzija tal-UE waħda (l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil) u organizzazzjoni internazzjonali waħda (UNHCR). Azzjonijiet tal-Unjoni ġew ipprovduti permezz ta’ għotjiet (7 b’kollox fil-viża u fil-fruntieri) u akkwisti pubbliċi (70 b’kollox, li aktar minn nofshom kienu evalwazzjonijiet ta’ Schengen).
Fil-perjodu 2014-2017, il-Kummissjoni ddelegat il-kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja lil tliet entitajiet: eu-LISA għall-fażi ta’ ttestjar tal-“Proġett Pilota tal-Fruntieri Intelliġenti”; iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni għall-“Faċilità tal-Isħubija għall-Mobilità”; u l-UNHCR għall-“Appoġġ għall-Greċja għall-iżvilupp tal-iskema tal-hotspot / rilokazzjoni kif ukoll għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-akkoljenza tal-asil”.
2.3 ISF-P
ISF-P għandu l-għan li jiżgura livell għoli ta’ sigurtà fl-UE billi jappoġġa l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni effettiva ta’ riskji u kriżijiet. Il-Fond għandu żewġ għanijiet speċifiċi: (i) il-prevenzjoni tal-kriminalità u (ii) il-ġestjoni tar-riskji u l-kriżijiet.
Permezz tal-għan tal-prevenzjoni tal-kriminalità, l-ISF-P qed jappoġġa l-ġlieda kontra kull forma ta’ kriminalità, inkluż it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata u qed jgħin biex jiżdiedu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fost diversi awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE kif ukoll l-Europol u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.
Permezz tal-għan tal-ġestjoni tar-riskji u l-kriżijiet, l-ISF-P jiżgura li l-kapaċità tal-Istati Membri kollha għall-ġestjoni effettiva ta’ riskji relatati mas-sigurtà tiġi msaħħa, imtejba u tkun effiċjenti. Barra minn hekk, l-għan jiffoka fuq il-bżonn li infrastrutturi kritiċi u n-nies ikunu ppreparati għal kwalunkwe attakk, b’mod partikolari attakki terroristiċi. Sar ukoll progress tajjeb lejn it-tħejjija tas-sistemi li se jimplimentaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Prüm dwar l-iskambju awtomatizzat tad-data, id-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri, il-ġbir u l-iskambju ta’ data bijometrika kif ukoll l-interkonnessjoni mas-sistemi ta’ aġenziji tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni, bħall-Europol.
L-istat ta’ implimentazzjoni
Ir-riżorsi totali għall-implimentazzjoni tal-ISF-P matul il-perjodu 2014-2020 inizjalment ġew stmati li huma EUR 1 004 miljuni. Bħala rispons għat-theddidiet għas-sigurtà mhux previsti ta' dawn l-aħħar snin, il-baġit żdied b’suppliment ta’ EUR 70 miljun biex jappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri u suppliment ieħor ta’ EUR 22 miljun għall-iżvilupp ta’ għodod għall-iskambju tal-informazzjoni u l-interoperabbiltà.
Taħt ġestjoni kondiviża, l-Istati Membri allokaw 73 % (EUR 549 miljun) għall-għan tal-prevenzjoni tal-kriminalità u 22 % (EUR 169 miljun) għall-għan tal-ġestjoni ta’ kriżijiet u riskji filwaqt li l-5 % li jifdal (EUR 36 miljun) huma għall-assistenza teknika.
Barra minn dan, meta wieħed iqis il-kontijiet annwali għall-2017 ippreżentati mill-Istati Membri f’nofs Frar 2018, il-livell globali ta’ pagamenti huwa 21 % (EUR 158 miljun) tal-allokazzjonijiet globali, filwaqt li r-rata ta’ implimentazzjoni tilħaq 62 % (EUR 464 miljun).
Tabella 3: Rati ta’ implimentazzjoni u ta’ pagamenti skont għan speċifiku u bbażati fuq allokazzjonijiet globali għal programmi nazzjonali, impenji tal-Istati Membri u nefqiet li talbu l-Istati Membri (kontijiet), f’miljuni ta’ EUR
Għall-ġestjoni diretta ammont totali ta’ EUR 122.5 miljun ġie allokat għal azzjonijiet tal-Unjoni u EUR 6.5 miljun għal assistenza ta’ emerġenza fil-programm ta’ ħidma annwali tal-2014-2016. Barra minn hekk, EUR 118.5 miljun minn dak l-ammont totali kkombinat (EUR 129 miljun) ġew implimentati taħt ġestjoni diretta u EUR 10.5 miljun taħt ġestjoni indiretta. Fl-ewwel tliet snin ġew imnedija disa' proposti u ngħataw disa’ sovvenzjonijiet diretti għal total ta’ EUR 12.6 miljun. Assistenza ta’ emerġenza ġiet mogħtija fl-2016 u fl-2017 lil ħames proġetti, tnejn fil-Belġju, wieħed fi Franza u tnejn lill-Europol.
3Evalwazzjonijiet interim
3.1Limitazzjonijiet
L-evalwazzjoni qed issir tliet snin biss wara li l-fondi bdew u sentejn biss wara li ġew implimentati b’mod effettiv minħabba l-adozzjoni tardiva tal-atti legali. Il-biċċa l-kbira tal-proġetti, li prinċipalment huma pluriennali, għadhom għaddejjin, u għalhekk hija ta’ sfida kbira biex jiġu vvalutati. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni interim ma tistax tipproduċi stampa sħiħa tar-riżultati u l-impatti jew tasal għal konklużjonijiet finali.
Limitazzjoni oħra hija n-nuqqas ta’ parametri referenzjarji biex tiġi mqabbla l-prestazzjoni, l-iżjed peress li l-AMIF u l-ISF huma l-ewwel programmi tal-affarijiet interni li għandhom qafas komuni ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni u sett ta’ indikaturi (komuni, riżultat u impatt). B’mod ġenerali, il-kwalità tad-data u l-kwalità tar-rapporti ta’ implimentazzjoni annwali tal-Istati Membri wkoll setgħu kienu aħjar, parzjalment minħabba li l-qafas komuni ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni bl-indikaturi tiegħu u l-gwida kollha dwar l-evalwazzjoni sar disponibbli biss tard fil-proċess (fil-bidu tal-2017).
3.2Evalwazzjoni tal-AMIF
F'termini tal-effettività, l-AMIF kellu rwol importanti fit-titjib ta’ sistemi tal-asil u fit-tisħiħ tal-kapaċità ta’ akkoljenza fl-Istati Membri. Il-kriżi tal-migrazzjoni wasslet lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jagħtu prijorità lil investimenti fil-qasam tal-asil, b’mod partikolari biex itejbu l-infrastruttura u servizzi ta’ akkomodazzjoni sabiex jakkomodaw influssi kbar ta’ refuġjati u applikanti għall-asil. Pereżempju, bejn l-2013 u l-2017, l-għadd ta’ persuni fi gruppi fil-mira li ngħataw assistenza mill-Fond żdied minn 18 944 għal 184 122 persuna. Barra minn hekk, l-għadd ta’ persuni mħarrġa mill-Fond żdied minn anqas minn 1 000 fl-2015 għal 7 031 fl-2017.
Il-Fond irreġistra wkoll progress sinifikanti fir-rigward ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, inklużi l-minorenni mhux akkumpanjati (l-għadd ta’ postijiet adattati għal dan il-grupp żdied mill-ammont baxx ta’ 183 post fl-2014 għal 17 070 post fl-2017) u r-refuġjati u l-persuni li qed ifittxu l-asil li ġejjin minn reġjuni diffiċli bħat-Tramuntana u l-Qarn tal-Afrika, minħabba d-dimensjoni esterna tiegħu li issa hija mgħammra aħjar (16-il azzjoni f’diversi pajjiżi rċevew EUR 30 miljun permezz ta’ żewġ programmi reġjonali għall-iżvilupp u l-protezzjoni). Madanakollu, hemm evidenza limitata tal-kapaċità miżjuda għall-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ sistemi tal-asil. Minkejja li l-programm ta’ risistemazzjoni tal-UE s’issa qed jagħmel progress kbir, il-Fond ta biss kontribuzzjoni limitata għall-istabbiliment, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ risistemazzjoni nazzjonali. Sa tmiem l-2017, kważi 26 000 persuna ġew risistemati kemm taħt l-iskema ta’ risistemazzjoni tal-UE kif ukoll id-dikjarazzjoni UE-Turkija dwar l-ammissjoni legali (minn total ta’ 74 000). Illum, 81 % mis-27 Stat Membru li użaw l-AMIF qed jimplimentaw ir-risistemazzjoni, meta mqabbel ma’ 15 % biss fil-perjodu ta’ finanzjament preċedenti.
L-AMIF għamel progress tajjeb fuq kwistjonijiet relatati mal-integrazzjoni. Miżuri ta’ integrazzjoni prinċipalment fuq perjodu qasir (korsijiet introduttorji dwar l-orjentazzjoni ċivika, lingwi, eċċ.) ingħataw prijorità fuq miżuri fuq perjodu twil (taħriġ prevokazzjonali, edukazzjoni ulterjuri, eċċ.). Pereżempju, s’issa 1 432 612-il ċittadin ta’ pajjiżi terzi rċevew assistenza ta’ integrazzjoni permezz tal-Fond, filwaqt li l-proporzjon ta’ dawk li ngħataw status ta’ residenza fit-tul ukoll żdied minn 30 % fl-2013 għal 44 % fl-2016. Dwar l-għan tal-migrazzjoni legali, s’issa sar biss progress limitat, x’aktarx minħabba fatturi kuntestwali.
Il-ħtieġa għal strateġiji ta’ ritorn ġusti, sostenibbli u effettivi hija għan ta’ importanza dejjem akbar fil-maġġoranza tal-Istati Membri, u r-rati ta’ ritorn kemm volontarju kif ukoll sfurzat li jappoġġa l-fond, żdiedu b’mod konsistenti. L-għadd ta’ persuni rimpatrijati li r-ritorn tagħhom kien ikkofinanzjat mill-Fond żdied minn 5 904 fl-2014 għal 39 888 fl-2015, u niżel għal 36 735 fl-2017; l-għadd ta’ persuni li rritornaw b’mod volontarju assistiti mill-Fond żdied b’għaxar darbiet, u l-għadd ta’ tneħħijiet ikkofinanzjati mill-Fond żdied mill-ammont baxx ta’ 10 fl-2013 għall-ogħla livell ta’ 6 065 fl-2016.
It-tisħiħ tas-solidarjetà u t-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri ntlaħaq prinċipalment permezz tal-assistenza ta’ emerġenza, il-mekkaniżmi ta’ rilokazzjoni, u l-programmi ta’ risistemazzjoni tal-UE.
L-assistenza ta’ emerġenza tal-AMIF kienet strument essenzjali fl-appoġġ lill-Istati Membri fil-kriżi tal-migrazzjoni tal-2015 u s-segwitu tagħha. Din uriet li hija għodda b’saħħitha għal solidarjetà msaħħa u ffaċilitat rispons rapidu u aktar immirat għall-kriżi.
Rigward ir-rilevanza, l-evalwazzjonijiet tal-programm SOLID kkonkludew li huwa meħtieġ aktar progress fl-allinjament tal-prijoritajiet mal-bżonnijiet, speċjalment fil-qasam tal-asil. L-AMIF għamel tajjeb għal dan in-nuqqas u wera li huwa biżżejjed flessibbli, wiesa’ u jkopri kollox fir-rispons għal bżonnijiet differenti, u l-maġġoranza tal-programmi nazzjonali għadhom konformi mal-bżonnijiet tal-Istati Membri. Madanakollu, l-Istati Membri ffaċċjaw bżonnijiet diversi u li qed jinbidlu matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni li possibbilment jirrikjedu li l-arranġamenti ta’ allokazzjoni jiġu adottati matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni. Dan jista’ jinkiseb, pereżempju, billi jiġi adattat il-metodu ta’ allokazzjoni u billi jkun hemm rieżami ta’ nofs it-terminu aħjar.
Ittieħdu miżuri waqt l-istadji ta’ tfassil, ippjanar u programmazzjoni tal-Fond biex jiġu żgurati l-koerenza u l-kumplimentarjetà ma’ strumenti finanzjarji oħra tal-UE u ma’ strateġiji ta’ politika ewlenin u rilevanti tal-UE. Matul l-istadju ta’ implimentazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni kkooperaw b’mod attiv bejniethom u mal-Istati Membri, l-aktar f’kundizzjonijiet ad hoc, biex jiżguraw li l-fondi tal-UE b’għanijiet simili ntużaw b’mod ikkoordinat. Fuq livell nazzjonali, il-maġġoranza vasta tal-Istati Membri żguraw il-koerenza u l-kumplimentarjetà billi stabbilixxew mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni, prinċipalment kumitati ta’ monitoraġġ li jinvolvu awtoritajiet differenti involuti fl-implimentazzjoni tal-Fond.
Madanakollu, jidher li hemm fejn titjieb il-komunikazzjoni rigward il-koerenza interna (fost l-istrumenti tal-AMIF) għax il-benefiċjarji mhumiex daqshekk konxji mill-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-assistenza ta’ emerġenza. Minkejja dan, ftit hemm evidenza ta’ nuqqas ta’ koerenza, trikkib u duplikazzjonijiet, kemm internament kif ukoll esternament.
B’mod ġenerali l-AMIF iġġenera valur miżjud tal-UE sinifikanti, minkejja id-daqs relattivament żgħir tal-fondi meta mqabbel mal-isfidi sinifikanti imposti mill-kriżi li seħħet waqt dan il-perjodu. Il-benefiċċju prinċipali fil-livell tal-UE jirriżulta mid-dimensjoni transnazzjonali ta’ ċerti azzjonijiet (azzjonijiet speċifiċi, azzjonijiet tal-Unjoni u n-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni) kif ukoll mill-qsim tal-piżijiet fil-livell tal-UE, appoġġat b’mod partikolari minn assistenza ta’ emerġenza u l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni taħt programmi nazzjonali, li t-tnejn li huma prova ċara li l-prinċipju ta’ solidarjetà ġie applikat.
L-AMIF ġab valur miżjud tal-UE sinifikanti f’termini ta’: (i) żgura l-ġestjoni effettiva u effiċjenti ta’ flussi migratorji fil-livell tal-UE (effetti għall-volum); (ii) ottimizza proċeduri relatati mal-ġestjoni tal-migrazzjoni u żied l-għarfien u l-bini tal-kapaċità (effetti għall-proċess); (iii) ippermetta li l-Istati Membri jilħqu volum usa’ ta’ migranti, persuni li jfittxu l-asil, refuġjati u ċittadini ta’ pajjiżi terzi (effetti għall-iskop); (iv) introduċa innovazzjonijiet li nħolqu fil-livell nazzjonali u Ewropew (effetti għar-rwol), għalkemm f’livell anqas.
In-nuqqas tal-finanzjament tal-AMIF kien ikun ta’ detriment għall-kwalità tar-rispons tal-UE għall-kriżi tal-migrazzjoni u l-kapaċità tal-Istati Membri li jikkooperaw u jimplimentaw soluzzjonijiet. Interruzzjoni fl-appoġġ x’aktarx li kienet twassal għal (i) tnaqqis fl-iskop u l-kwalità tal-azzjonijiet implimentati, (ii) dewmien fl-implimentazzjoni jew (iii) anke interruzzjoni fl-azzjonijiet, inkluż l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-solidarjetà u l-fiduċja reċiproka.
Is-sostenibbiltà ġiet żgurata mill-AMIF permezz ta’ mekkaniżmi ta’ verifiki stabbiliti fl-istadji tal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni fil-biċċa l-kbira tal-istrumenti, għalkemm din ġiet żgurata sa ċertu punt minn assistenza ta’ emerġenza minħabba n-natura tal-azzjonijiet. Hemm lok għal titjib fir-rigward tal-kunsiderazzjoni ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà meta jkunu qed jiġu mfasslin l-interventi tal-AMIF, iżda wkoll f’li b’mod sistematiku l-lezzjonijiet mitgħallma ma jintesewx u jiġu ttrasformati f’leġiżlazzjoni, prattika u proċeduri nazzjonali, sabiex jiġi evitat li l-istess prodotti (anqas innovattivi) jiġu ffinanzjati b’mod ripetut.
Is-sostenibbiltà tal-effetti tal-azzjonijiet x’aktarx li tvarja skont l-oqsma li jiffokaw fuqhom (ir-riżultati tal-integrazzjoni u l-asil x'aktarx li jdumu jekk jindirizzaw il-bżonnijiet fit-tul, filwaqt li r-riżultati tar-ritorn huma aktar sostenibbli jekk ikunu bbażati fuq skemi ta’ ritorn volontarju u appoġġati minn sforzi għar-riintegrazzjoni).
3.3Evalwazzjoni tal-ISF-BV
Fir-rigward tal-effettività, l-ISF-BV huwa kkunsidrat effettiv kemm fil-qasam tal-politika komuni dwar il-viżi kif ukoll fil-qasam tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri. Dan il-Fond għen biex (i) jiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu billi jżid il-kapaċitajiet nazzjonali tal-Istati Membri billi jikkofinanzja lill-Istati Membri fix-xiri ta’ tagħmir biex tiġi ċċekkjata l-awtentiċità tad-dokumenti użati għal applikazzjonijiet għall-viża, tiġi żviluppata sistema ta’ informazzjoni għall-koordinazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-viża u (ii) jiġi akkwistat tagħmir tas-sigurtà għar-rappreżentazzjonijiet konsulari f’pajjiżi terzi. Minkejja r-rakkomandazzjoni fl-evalwazzjoni ex post tal-Fond għall-Fruntieri Esterni biex tiżdied ir-rata ta' kofinanzjament, il-kontribuzzjoni tal-Fond lejn kooperazzjoni konsulari kienet limitata f’ħafna Stati Membri minħabba dewmien biex tibda l-implimentazzjoni. L-iżvilupp ta’ politika komuni dwar il-viżi kien appoġġat ukoll permezz tal-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ sistemi tal-IT, b’attenzjoni partikolari lis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża nazzjonali.
Il-Fond ikkontribwixxa għall-effettività tal-kontrolli fil-fruntieri esterni permezz ta’ miżuri ta’ sostenn li jiffokaw fuq ix-xiri, il-modernizzazzjoni, l-aġġornament u s-sostituzzjoni ta’ tagħmir ta’ kontroll tal-fruntieri u sorveljanza (pereż. l-apparat li jiċċekkja d-dokumenti, it-tagħmir ta’ komunikazzjoni). Il-kapaċità tal-ġestjoni tal-fruntieri ġiet indirizzata permezz tal-introduzzjoni ta’ sistemi ta' kontroll awtomatizzat fil-fruntieri li jgħaġġlu l-verifiki fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri li huma marbuta ma’ sistemi tal-IT nazzjonali u internazzjonali li jagħmlu l-iskambju tal-informazzjoni aktar effiċjenti. Kontribut ewlieni biex tintlaħaq politika komuni dwar il-viżi ġie permezz tal-iżvilupp tal-VIS. It-taħriġ appoġġa wkoll l-armonizzazzjoni ta’ prattiki dwar il-ħruġ ta’ viżi, billi pprovda informazzjoni teknika u aġġornata lill-persunal konsulari dwar suġġetti relatati mal-viżi u sistemi relatati.
Il-Fond appoġġa l-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, skont l-Artikolu 3.2b tar-Regolament ISF-BV, b’mod effettiv minkejja l-kriżi tal-migrazzjoni u s-sigurtà. Sa issa madwar EUR 200 miljun intefqu fuq azzjonijiet speċifiċi biex jappoġġaw ix-xiri tat-tagħmir tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta minn 14-il Stat Membru, li se jintużaw fl-operazzjonijiet konġunti kkoordinati mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. Dan żied is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u għen fl-iżvilupp ta’ EUROSUR u sistemi tal-IT għall-ġestjoni tal-fruntieri.
Il-Fond iffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta li kienet tinkludi x-xiri ta’ tagħmir li se jintuża fl-operazzjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.
Rigward ġestjoni diretta, huwa diffiċli ħafna li jintlaħqu konklużjonijiet dwar l-effettività tas-sovvenzjonijiet għall-azzjonijiet mogħtija taħt azzjonijiet tal-Unjoni jew assistenza ta’ emerġenza peress li ftit li xejn kien hemm azzjonijiet li tlestew fil-perjodu kopert mill-evalwazzjoni interim. L-assistenza ta’ emerġenza ntużat f’seba’ Stati Membri, prinċipalment il-Greċja, l-Italja u l-Bulgarija, u kellha rwol importanti fl-indirizzar tal-bżonnijiet ta’ emerġenza fil-bidu tal-perjodu u fl-indirizzar tad-diskrepanza fil-finanzjament sal-adozzjoni ta’ programmi nazzjonali (pereżempju, fil-każ ta’ Stat Membru wieħed, l-ammont ta’ appoġġ tal-assistenza ta’ emerġenza fis-snin 2014-2017 kien tliet darbiet ogħla mill-allokazzjoni mill-programm nazzjonali li jkopri l-perjodu 2014-2020 kollu).
Ir-raġunament u l-għanijiet oriġinali tal-Fond għadhom rilevanti fil-perjodu wara l-kriżi tal-migrazzjoni. Mekkaniżmi xierqa biex jindirizzaw il-bżonnijiet li qed jinbidlu ddaħħlu fis-seħħ kemm matul l-istadju tal-programmazzjoni kif ukoll matul dak tal-implimentazzjoni. Il-flessibilità li joffri l-Fond, li tikkonsisti fi trasferimenti ta’ flus bejn għanijiet differenti, għenet biex tindirizza dawn il-bżonnijiet li qed jinbidlu. Madanakollu, l-Istati Membri ikunu jeħtieġu saħansitra aktar flessibilità, li tista’ tinkiseb billi ma jibqgħux jiġu imposti allokazzjonijiet minimi ta’ fondi għal għanijiet u billi jitnaqqas l-għadd ta’ għanijiet nazzjonali.
Il-Fond huwa kkunsidrat koerenti ma’ interventi oħra tal-UE u nazzjonali. Il-koerenza u l-komplementarjetà ma’ strumenti ta’ finanzjament oħra tal-UE ġew żgurati permezz ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni fl-istadju tal-programmazzjoni, li mbagħad tpoġġew fis-seħħ fl-istadju ta’ implimentazzjoni. Ħafna Stati Membri adottaw mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni differenti biex jiżguraw il-koerenza ma’ interventi simili li saru taħt fondi oħra tal-UE. Ma nstab l-ebda trikkib bejn l-ISF-BV u l-interventi nazzjonali fil-qasam tal-viża u l-fruntieri. Il-koerenza fl-implimentazzjoni ma’ programmi oħra tal-UE tista’ tittejjeb. Peress li l-programm Dwana 2020 tal-UE u l-ISF-BV għandhom għanijiet komuni kemm dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà kif ukoll dwar taħriġ, ġew osservati oqsma potenzjali għal sinerġiji. Madanakollu, il-koordinazzjoni bejn iż-żewġ inizjattivi tista’ titjieb.
Il-Fond żgura valur miżjud għall-UE permezz ta’ investimenti innovattivi fl-infrastruttura u t-tagħmir. Dan appoġġa l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Attivitajiet ta’ taħriġ permessi mill-Fond ikkontribwixxew għall-armonizzazzjoni tal-prattiki bejn l-Istati Membri. Valur miżjud ogħla għall-UE seta’ kien mistenni fl-oqsma tal-kooperazzjoni konsulari, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u s-sistemi tal-IT.
Minħabba li s-sistemi tal-IT fuq skala kbira jirrikjedu investimenti kbar, huwa probabbli li, mingħajr intervent tal-UE, is-sistemi tal-IT nazzjonali kienu se jkomplu jkunu diversi, u b’hekk jaffettwaw il-kapaċità tal-UE li tilħaq l-għanijiet ġenerali fil-politika tagħha dwar il-fruntieri u l-viża. Fil-qasam tal-viża, l-użu ta’ teknoloġiji ġodda żied il-valur f’termini ta’ effiċjenza fl-ipproċessar tal-viżi, biex b’hekk tejjeb l-iskambju tad-data u l-informazzjoni fl-Istati Membri u bejniethom. Fil-qasam tal-fruntieri, il-valur miżjud tal-UE rriżulta fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji moderni interoperabbli, li tejbu l-effiċjenza u l-veloċità tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża. Dan saħħaħ l-interkonnessjoni mal-imsieħba ta' Schengen, li kkontribwixxiet għal verifiki u monitoraġġ aktar b’saħħithom fil-fruntieri. Għalhekk, investimenti fl-upgrading tal-interoperabbiltà tas-sistemi tal-IT huma meqjusa neċessarji.
Is-sostenibbiltà ta’ azzjonijiet iffinanzjati mill-ISF-BV tiddependi fuq il-kontinwità tal-finanzjament mill-UE peress li finanzjament nazzjonali jidher li mhuwiex biżżejjed biex jiġi żgurat l-istess livell ta’ investimenti. B’mod partikolari, investimenti fl-infrastruttura, fil-faċilitajiet, u fis-sistemi tal-IT għandhom sostenibbiltà relattivament għolja, peress li normalment jirrikjedu spejjeż iżgħar ta’ manutenzjoni meta mqabbel ma’ investimenti inizjali. Attivitajiet ta’ taħriġ ukoll għandhom rwol importanti biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ta’ azzjonijiet fuq perjodu twil.
3.4Evalwazzjoni tal-ISF-P
Ta’ min jinnota li l-ISF-P huwa l-ewwel programm ta’ finanzjament tal-UE li jindirizza l-kooperazzjoni tal-pulizija, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata serja u t-terroriżmu, u l-ġestjoni tal-kriżijiet u r-riskji li hija implimentata wkoll permezz tal-responsabbiltà kondiviża mal-Istati Membri (mod ta’ ġestjoni kondiviża), għax il-fondi preċedenti CIPS u ISEC ġew implimentati biss direttament mill-Kummissjoni (ġestjoni diretta).
Il-Fond kien prinċipalment effettiv u kkontribwixxa biex titjieb is-sigurtà fl-UE permezz tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transfruntiera serja, inkluż it-terroriżmu, kif ukoll billi għen il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Il-kooperazzjoni saret permezz tal-iskambju tal-informazzjoni dwar il-kriminalità transfruntiera, l-istabbiliment ta’ networks u proġetti transnazzjonali, u l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri f’timijiet ta’ investigazzjoni konġunti u fiċ-Ċiklu ta’ Politika tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT). Azzjonijiet nazzjonali ffinanzjati mill-ISF-P ukoll ikkontribwixxew għal titjib fil-kapaċitajiet umani u r-riżorsi umani, speċjalment bil-finanzjament ta’ taħriġ u l-l-ħatra ta’ aktar persunal.
F’termini ta’ riżultati, l-azzjonijiet ta’ hawn fuq iffinanzjati taħt ġestjoni kondiviża taw kontribut għal azzjonijiet biex jiġu sfrattati gruppi ta’ kriminalità organizzata, speċjalment permezz ta’ (i) il-ħtif ta’ flus (aktar minn EUR 1.6 biljun); (ii) it-tneħħija ta’ siti web; (iii) arresti; (iv) il-ħtif ta’ oġġetti misruqa (aktar minn EUR 90 miljun f’valur); u (v) il-ħtif ta’ drogi bħal eroina u kokaina (aktar minn 4 miljuni).
Il-Fond għen ukoll biex itejjeb il-kapaċità tal-Istati Membri li jiġġestixxu b’mod effettiv ir-riskji u l-kriżijiet relatati mas-sigurtà u, f’livell anqas, jipproteġi n-nies u l-infrastrutturi kritiċi kontra attakki terroristiċi u inċidenti oħra relatati mas-sigurtà.
L-evidenza disponibbli tindika li l-Fond ikkontribwixxa għal żieda fil-kapaċitajiet tal-Istati Membri li jiżviluppaw valutazzjonijiet komprensivi tat-theddid u tar-riskju, għalkemm l-għadd ta’ proġetti iffinanzjati mill-ISF-P fil-livell nazzjonali u tal-UE huwa relattivament baxx. Il-proġetti ffokaw, pereżempju, fuq: il-ħarsien tal-infrastruttura kritika; l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni u għarfien dwar l-isplussivi; taħriġ dwar l-identifikazzjoni ta’ “ġellieda barranin” possibbli; u l-iżvilupp ta’ analiżijiet dwar theddid ta’ CBRN-E (Splussivi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari).
Il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-Europol jew korpi rilevanti oħra tal-UE kienu ffaċilitati permezz tal-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni, interkonnessjonijiet bejn bażijiet tad-data u applikazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi, u l-iżvilupp ta’ pjattaformi għall-iskambju tal-informazzjoni. B’mod partikolari, l-Istati Membri użaw il-Fond biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom relatati mal-implimentazzjoni tal-istrumenti legali tal-UE, bħat-Trattat ta’ Prüm u d-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri.
Fir-rigward tal-azzjonijiet tal-Unjoni, diversi azzjonijiet ġew iffinanzjati fil-qasam tat-twissija bikrija u l-kooperazzjoni rigward il-prevenzjoni ta’ kriżijiet: pereż. in-netwerk ATLAS, li għandu l-għan li jsaħħaħ l-istat ta’ tħejjija u l-effettività tal-unitajiet ta’ intervent speċjali permezz ta’ eżerċizzji u skambji transfruntiera oħra, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u fl-akkwist u t-tqassim ta’ tagħmir tattiku biex jappoġġa operazzjonijiet speċjali.
Minkejja l-finanzjament disponibbli mill-ISF-P, sa issa sar biss progress limitat mill-Istati Membri f’dak li jirrigwarda (i) it-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u tal-operazzjonali tal-Istati Membri biex jipproteġu l-infrastruttura kritika, (ii) il-ħarsien tal-vittmi, u (iii) l-iżvilupp ta’ skemi ta’ taħriġ u programmi ta’ skambju. Barra minn hekk sar biss progress limitat f’dak li jirrigwarda kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, għalkemm il-maġġoranza tal-proġetti rigward dawn l-għanijiet operazzjonali għadhom għaddejjin. F’termini tal-ħarsien tal-vittmi, l-azzjonijiet implimentati ffokaw fuq it-traffikar tal-bnedmin, segwit minn vittmi ta’ terroriżmu u ta’ abbuż tat-tfal, vjolenza domestika, traffikar tad-droga u kriminalità finanzjarja.
Ir-raġunament u l-għanijiet oriġinali tal-Fond għadhom rilevanti fil-perjodu wara l-kriżi tal-migrazzjoni u s-sigurtà. Mekkaniżmi xierqa biex jindirizzaw il-bżonnijiet li qed jinbidlu tpoġġew fis-seħħ kemm fl-istadju tal-programmazzjoni kif ukoll fl-istadju tal-implimentazzjoni. Fil-programmi nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri identifikaw l-oqsma ta' politika rilevanti li ġew inklużi fiċ-Ċiklu ta’ Politika tal-EMPACT. Madanakollu, xi wħud jagħżlu wkoll li jiffokaw fuq qasam li jippreżentalhom sfidi: id-drogi, it-traffikar ta’ bnedmin, iċ-ċiberkriminalità, il-kriminalità finanzjarja jew il-korruzzjoni.
Il-flessibilità li joffri l-Fond, li tikkonsisti fi trasferimenti ta’ finanzjament bejn għanijiet differenti, għenet biex tindirizza l-bżonnijiet li qed jinbidlu. Madanakollu, l-Istati Membri japprezzaw li kieku kellu jkun hemm saħansitra aktar flessibilità, li tirriżulta mill-fatt li ma jibqgħux jiġu imposti allokazzjonijiet minimi ta’ fondi għal għanijiet u minn tnaqqis fl-għadd ta’ għanijiet nazzjonali.
Il-Fond huwa kkunsidrat koerenti u l-għanijiet tiegħu huma komplementarji għal politiki nazzjonali oħra. Il-koerenza u l-kumplimentarjetà tal-Fond ma’ strumenti ta’ finanzjament oħra tal-UE ġew żgurati matul l-istadji tat-tfassil, programmazzjoni u implimentazzjoni. Mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni tpoġġew fis-seħħ biex jiżguraw koerenza u komplementarjetà fl-istadju tal-implimentazzjoni. Il-kumitati ta’ monitoraġġ u l-awtoritajiet responsabbli għandhom rwoli ewlenin fl-iżgurar tal-koerenza u modi ta’ implimentazzjoni differenti kienu komplementarji għal xulxin. Madanakollu, jidher li hemm lok għal titjib rigward aġenziji tal-UE u koerenza interna għax fost il-benefiċjarji ftit hemm għarfien dwar l-azzjonijiet u l-proġetti mwettqa fil-qafas tal-ISF.
B’mod ġenerali, il-Fond żgura valur miżjud tal-UE f’termini tat-titjib fil-kooperazzjoni transfruntiera, l-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattiki, il-fiduċja fost awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki ewlenin tal-UE (effetti ta' proċess).
Il-Fond għen biex jitwessa’ l-iskop u titjieb il-kwalità tal-azzjonijiet f'termini ta’ investimenti f’oqsma li ma jingħatawx ħafna prijorità jew li huma speċjalizzati ħafna. Ix-xiri ta’ tagħmir tal-ogħla livell żied il-kapaċitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu interventi speċjalizzati bi skop aktar wiesa’. Il-Fond ippermetta wkoll it-twessigħ tat-tipi ta’ skambju ta’ għarfien u taħriġ dwar l-infurzar tal-liġi (effetti ta' ambitu).
Il-Fond wera bil-provi li kkontribwixxa għall-armonizzazzjoni tar-riċerka fil-livell tal-UE fuq il-prevenzjoni tal-kriminalità, kif ukoll ippermetta żieda fl-investimenti u ffoka fuq miżuri fuq perjodu twil f’dan il-qasam. Ippermetta wkoll li jsiru investimenti b’volum għoli, speċjalment f’sistemi tal-IT, taħriġ u tagħmir speċjalizzat (effetti ta' volum).
In-nuqqas tal-finanzjament tal-ISF-P kien ikun ta’ detriment kemm għall-kwalità tar-rispons tal-UE għal kooperazzjoni transfruntiera kif ukoll għall-kapaċità tal-Istati Membri li jimplimentaw soluzzjonijiet innovattivi (effetti ta' rwol).
Matul il-perjodu ta’ finanzjament preċedenti, il-programmi ISEC u CIPS kellhom dimensjoni transnazzjonali b’saħħitha għax il-kooperazzjoni transnazzjonali kienet prerekwiżit għall-finanzjament. Madanakollu, id-distribuzzjoni ġeografika ta’ organizzazzjonijiet li jikkoordinaw u organizzazzjonijiet imsieħba li rċeviet finanzjament ma kinitx ibbilanċjata u kienet ikkonċentrata fi ftit Stati Membri. Bl-istabbiliment tal-mod ta’ ġestjoni kondiviża fl-ISF-P (inizjalment 60 % tal-programm totali u aktar minn 70 % wara s-supplimenti), l-ISF-P kellu firxa ġeografika akbar madwar l-Istati Membri kollha, għalkemm l-azzjonijiet tal-Unjoni għadhom ikkaratterizzati mill-istess żbilanċ ġeografiku li kien hemm fil-fondi preċedenti.
Is-sostenibbiltà tal-Fond ġiet żgurata permezz tal-allinjament u l-komplementarjetà tal-azzjonijiet tiegħu ma’ azzjonijiet żviluppati bħala rispons għall-prijoritajiet nazzjonali jew għar-rekwiżiti tal-UE. Miżuri u mekkaniżmi komprensivi li jiżguraw is-sostenibbiltà tpoġġew fis-seħħ fl-istadji tal-programmazzjoni u tal-implimentazzjoni kemm taħt ġestjoni kondiviża kif ukoll taħt ġestjoni diretta. Madanakollu, l-implimentazzjoni tal-maġġoranza tal-proġetti li tinsab għadejja tagħmilha diffiċli li jiġi stabbilit jekk l-effetti fuq il-gruppi fil-mira u fuq oqsma speċifiċi hux se jdumu għal żmien twil.
3.5Effiċjenza, simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż amministrattiv
Rigward l-effiċjenza, b’mod ġenerali u fil-limiti tad-data disponibbli, l-evalwazzjoni indikat li r-riżultati tal-fondi nkisbu bi spejjeż raġonevoli f’termini kemm tar-riżorsi umani kif ukoll tar-riżorsi finanzjarji. Madanakollu, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tiffaċċja problemi bil-gwida tal-UE, l-indikaturi komuni u l-kalendarju ta’ rapportar / monitoraġġ. Minkejja t-titjib li sar fis-simplifikazzjoni, il-piż amministrattiv perċepit jista’ jiġi kkunsidrat bħala fattur li jdgħajjef l-effiċjenza.
Is-sett uniku ta’ proċeduri stipulat fir-Regolament Orizzontali (UE Nru 514/2014) għall-oqsma kollha koperti mill-fondi u kemm għall-AMIF kif ukoll għall-ISF instab li wassal għal simplifikazzjoni. L-għażla tal-ispiża ssimplifikata ntużat biss fi ftit Stati Membri li rrikonoxxew l-effiċjenza tagħha fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv. Madanakollu, miżuri implimentati mill-fondi għas-simplifikazzjoni u għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv irnexxielhom jiksbu biss parzjalment l-għanijiet intenzjonati tagħhom. Minkejja titjibiet fis-simplifikazzjoni, f’dan l-istadju ftit hemm evidenza li l-piż amministrattiv tnaqqas b’mod sinifikanti. Għad hemm il-perċezzjoni li l-miżuri ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika huma ta’ piż, u l-Istati Membri talbu għal aktar gwida dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-UE. Kien irrappurtat ukoll li r-rekwiżiti tar-rapportar u n-nuqqas ta’ rilevanza ta’ xi indikaturi komuni wkoll kienu qed iżidu mal-piż amministrattiv.
4Rieżami ta’ nofs it-terminu
Dan ir-rapport dwar l-evalwazzjoni interim jinkludi, skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, valutazzjoni tar-rieżami ta’ nofs it-terminu ppjanat għat-tliet fondi kollha.
Il-proċess ġenerali tnieda f’Ġunju 2017 meta ntbagħat kwestjonarju għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet lill-Istati Membri. L-għan kien li jippermetti lill-Istati Membri jikkunsidraw jekk il-programmi nazzjonali għandhomx bżonn reviżjoni, u jekk iva sa liema punt, u wkoll li jivvalutaw il-bżonnijiet (finanzjarji) tagħhom għall-bqija tal-perjodu 2018-2020. Il-kwestjonarju kien akkumpanjat minn memo li ddeskriva l-iżviluppi prinċipali fil-politiki tal-UE matul dawn l-aħħar snin, li jeħtieġ li jitqiesu meta jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet fil-futur. Imbagħad il-Kummissjoni wettqet analiżi dettaljata tar-risposti tal-Istati Membri u ġew organizzati djalogi bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-maġġoranza tal-Istati Membri biex jiddiskutu fid-dettall l-istat ta’ implimentazzjoni tal-fondi, il-ħtiġijiet espressi u l-prospettiva għas-snin tal-aħħar.
Wara dawn id-diskussjonijiet, allokazzjoni addizzjonali speċifika ta’ EUR 128 miljun għall-programmi nazzjonali, li kellha titqassam fil-qafas tar-rieżami ta’ nofs it-terminu, kienet intenzjonata biss għall-istrument tal-fruntieri u tal-viża, f’konformità mal-bażi ġuridika ta’ dan l-istrument. B’mod partikolari dan kien minħabba l-fatt li l-ebda finanzjament addizzjonali ma kien ippjanat għall-AMIF u l-ISF-P u għax il-maġġoranza tal-programmi nazzjonali tal-Istati Membri taħt dawn iż-żewġ fondi ġew riveduti kemm-il darba f'dawn l-aħħar snin minħabba l-kriżi tal-migrazzjoni u s-sigurtà.
Bħala konklużjoni, ir-rieżami ta’ nofs it-terminu ppermetta l-allinjament mill-ġdid tal-prijoritajiet tal-programmi nazzjonali mal-inizjattivi ta' politika ġodda u għall-adattament għas-sitwazzjoni l-ġdida fl-oqsma tas-sigurtà, il-fruntieri u l-migrazzjoni. Madanakollu, kienet l-iżjed rilevanti għall-ISF-BV fejn saret disponibbli allokazzjoni finanzjarja addizzjonali, li ppermettiet attenzjoni mġedda fuq ċerti prijoritajiet u bżonnijiet speċifiċi fil-livell ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, il-ħtiġijiet finanzjarji tal-Istati Membri espressi f’dan il-kuntest (talba għal finanzjament addizzjonali fl-abbozz tal-baġit tal-2019 għall-qasam tar-ritorn u l-hotspots) se jiġu vvalutati b’attenzjoni matul il-proċeduri tal-baġit annwali.
5Konklużjonijiet u t-triq ’il quddiem
5.1Effettività
Il-Fondi ġew meqjusa prinċipalment effettivi u wrew li huma b’mod ġenerali strumenti importanti biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni diffiċli f’termini ta’ migrazzjoni u sigurtà, minkejja ż-żieda sinifikanti fl-isfidi li kellhom bżonn jindirizzaw.
L-AMIF wera li huwa strument importanti biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni diffiċli, billi pprovda kemm appoġġ ta’ emerġenza fuq perjodu qasir kif ukoll bini ta’ kapaċità aktar fit-tul għall-asil, l-integrazzjoni u r-ritorn. L-AMIF ikkontribwixxa b’mod speċjali għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-akkoljenza u l-ipproċessar tal-Istati Membri meta kkonfrontati bl-isfidi tal-flussi ta’ migrazzjoni. Filwaqt li s’issa kien hemm progress limitat fil-qasam tal-migrazzjoni legali, l-Istati Membri għamlu progress moderat fil-qasam tal-integrazzjoni, inkluż fil-bini ta’ kapaċità. Il-miżuri ta’ integrazzjoni fuq perjodu qasir ngħataw prijorità fuq dawk fuq perjodu twil, u r-riżultati tagħhom għadhom mhumiex viżibbli għax l-integrazzjoni hija proċess fit-tul. Il-Fond għen biex jiżdiedu b’mod kostanti r-rati ta’ ritorn.
L-ISF-BV wera l-effettività tiegħu billi għen jiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu. Il-kontribut tal-Fond għall-kooperazzjoni konsulari u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi kien limitat. Il-Fond appoġġa wkoll l-iżvilupp ta’ politika komuni dwar il-viżi permezz ta’ taħriġ u tal-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ sistemi tal-IT (b’mod partikolari s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża).
L-ISF-P ikkontribwixxa biex tissaħħaħ is-sigurtà fl-UE billi saħħaħ il-kapaċitajiet tal-Istati Membri li jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata transfruntiera sejra, inkluż it-terroriżmu, permezz ta’: (i) azzjonijiet li jiġġieldu kontra l-kriminalità finanzjarja u ekonomika, iċ-ċiberkriminalità u t-traffikar tad-drogi, (ii) investiment f’sistemi tal-IT u tagħmir operazzjonali, (iii) kooperazzjoni bejn l-Istati Membri bħall-parteċipazzjoni f’timijiet ta’ investigazzjoni konġunti; u (iv) iċ-Ċiklu ta’ Politika tal-EMPACT.
Fil-qasam tar-riskji u l-kriżijiet relatati mas-sigurtà, l-ISF-P għen biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri tal-ġestjoni effettiva tar-riskji u l-kriżijiet relatati mas-sigurtà permezz ta’ (i) l-iżvilupp ta’ valutazzjonijiet komprensivi tat-theddid u tar-riskju, (ii) l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ twissija bikrija speċifiċi għas-settur, (iii) mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u (iv) l-aġġornament u l-akkwist ta’ tagħmir li jippermetti rispons aħjar għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi jew emerġenza.
5.2Effiċjenza
Id-data disponibbli tissuġġerixxi li r-riżultati tal-Fondi b’mod ġenerali nkisbu bi spiża raġonevoli f’termini kemm ta’ riżorsi umani kif ukoll riżorsi finanzjarji, b’xi limitazzjonijiet. L-effiċjenza ġiet żgurata permezz ta’ għarfien u għarfien espert konsiderevoli li nkisbu minn esperjenza ta’ proġetti preċedenti u permezz tal-flessibilità tal-programmi nazzjonali.
Hemm ukoll għadd ta’ kwistjonijiet li skont l-Istati Membri qed jaffettwaw l-effiċjenza b’mod negattiv: ir-rekwiżit li jiġu allokati perċentwali minimi għal għanijiet nazzjonali; rapporti kumplessi u rikorrenti; indikaturi komuni li mhumiex żviluppati biżżejjed; u l-allinjament ħażin tal-kalendarji ta’ monitoraġġ u rapportar.
B’mod ġenerali, l-azzjonijiet ta’ assistenza ta’ emerġenza u l-azzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll l-azzjonijiet ta’ ġestjoni indiretta kisbu l-għanijiet tagħhom bi spiża raġonevoli f’termini ta’ riżorsi umani u riżorsi finanzjarji.
5.3Simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż amministrattiv
L-AMIF u l-ISF wasslu għal simplifikazzjoni meta mqabbla mal-passat, għalkemm f’dan l-istadju ftit hemm evidenza li turi li l-piż amministrattiv tnaqqas b’mod sinifikanti. Il-programmazzjoni pluriennali ppermettiet li jiġu indirizzati ħtiġijiet emerġenti matul il-perjodu ta’ seba’ snin u li jiġu ġestiti investimenti kbar fuq perjodu twil. B’mod ġenerali, ġie meqjus li l-maġġoranza tal-miżuri innovattivi (pereż. għażliet tal-ispejjeż issimplifikati, programmazzjoni pluriennali, ġestjoni ssimplifikata u sistema ta’ kontroll issimplifikata) huma ta’ benefiċċju partikolari u wasslu għal simplifikazzjoni, għalkemm ġiet mitluba aktar gwida (pereż. l-għażla tal-ispiża ssimplifikata hija meqjusa bħala pożittiva iżda l-benefiċċji tagħha mhumiex ċari għall-benefiċjarji li, għalhekk, mhumiex ħerqana li jużawha). Minkejja t-titjib fis-simplifikazzjoni, ir-regoli u l-proċeduri nazzjonali applikabbli taħt il-programmi nazzjonali dehru li wasslu għal ammont moderat ta’ piż amministrattiv. Fir-rigward tal-ġestjoni diretta, il-proċeduri wrew li huma xierqa, ċari, u trasparenti, mingħajr ma joħolqu piż addizzjonali għall-Istati Membri jew għall-benefiċjarji.
5.4Rilevanza
Il-fondi, il-prijoritajiet u l-għanijiet tagħhom kif stabbiliti fir-Regolamenti Speċifiċi, kif ukoll fil-ħidma annwali dehru li għadhom rilevanti. Huma indirizzaw il-bżonnijiet tal-Istati Membri minkejja d-diversità u l-bidliet fil-kuntesti nazzjonali. Minħabba l-kriżijiet tal-migrazzjoni u s-sigurtà, ta’ min jinnota li kien hemm bżonn rinforzi baġitarji sinifikanti, bil-baġit disponibbli ta’ EUR 6,9 biljun għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 jiżdied għal EUR 10,8 biljun. L-assistenza ta’ emerġenza (fi skala ogħla milli oriġinarjament intenzjonata) għenet tiżgura r-rilevanza tal-fondi.
Il-mekkaniżmi prinċipali identifikati biex jiżguraw ir-rilevanza tal-fondi kienu jinkludu (i) id-djalogu ta’ politika u l-metodu konsultattiv adottati matul l-istadju ta’ programmazzjoni, (ii) ir-rwol ta’ monitoraġġ li kellhom kemm l-awtoritajiet responsabbli kif ukoll il-kumitati ta’ monitoraġġ, (iii) il-possibbiltà li jsiru aġġustamenti baġitarji u trasferimenti, u (iv) ir-rieżami ta’ nofs it-terminu.
Minkejja l-evidenza miġbura dwar ir-rilevanza tal-fondi, ġie nnotat li hemm bżonn aktar flessibilità fejn tidħol l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali. Instab li l-kwistjoni prinċipali kienet dwar il-frammentazzjoni ta’ azzjonijiet taħt diversi għanijiet nazzjonali li ma ppermettietx il-ġbir flimkien ta’ riżorsi madwar prijoritajiet ewlenin u għamlitha diffiċli li jiġu implimentati proġetti li jkopru għanijiet b'mod trasversali. Barra minn hekk, l-iffissar ta’ allokazzjonijiet fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni, abbażi ta’ data statistika, ma jirriflettix tibdil fil-bżonnijiet tal-Istati Membri matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni.
5.5Koerenza u Komplementarjetà
Il-fondi kienu koerenti u komplementarji għal fondi u inizjattivi oħra u ma nstabu l-ebda trikkib u duplikazzjonijiet. L-istrumenti interni (programmi nazzjonali, assistenza ta’ emerġenza, eċċ.) jikkomplementaw lil xulxin kif ukoll lil strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE (bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej - FSIE) u baġits nazzjonali.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri adottaw mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni differenti fl-istadju ta’ implimentazzjoni biex jiżguraw li l-fondi jkunu koerenti u komplementarji għal interventi simili mwettqa taħt fondi oħra tal-UE. Dawn il-mekkaniżmi jinkludu l-iskambju interistituzzjonali tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għal fondi differenti tal-UE u arranġamenti istituzzjonali speċifiċi biex jiżguraw il-koordinazzjoni u s-sinerġiji tagħhom. Il-kumitati ta’ monitoraġġ u l-awtoritajiet responsabbli għandhom rwol fundamentali biex jiġu żgurati s-sinerġiji u evitati t-trikkib u l-finanzjament doppju, permezz ta’ kooperazzjoni regolari ma’ istituzzjonijiet nazzjonali oħrajn li qed jimplimentaw fondi oħra (inklużi fondi tal-UE) u ma’ kontropartijiet fi Stati Membri oħra.
Rigward il-ġestjoni diretta, kemm l-assistenza ta’ emerġenza kif ukoll l-azzjonijiet tal-Unjoni juru koerenza ma’ u komplementarjetà għal azzjonijiet appoġġati minn fondi oħra tal-UE jew azzjonijiet appoġġati minn Aġenziji tal-UE. Madanakollu, instab li hemm lok għal titjib għax il-benefiċjarji tal-proġetti ma kellhomx daqshekk għarfien dwar azzjonijiet oħra mwettqa globalment taħt il-fondi.
5.6Il-valur miżjud tal-UE
B’mod ġenerali, u minkejja d-daqs relattivament żgħir tagħhom ikkomparati mal-isfidi imposti mill-kriżi, il-Fondi ġġeneraw valur miżjud tal-UE sinifikanti billi (i) jappoġġaw l-azzjonijiet b’dimensjoni transnazzjonali, (ii) jaqsmu l-piżijiet bejn l-Istati Membri, (iii) iżidu l-kapaċitajiet nazzjonali, (iv) jottimizzaw il-proċeduri relatati mal-ġestjoni tal-migrazzjoni, (v) jiżguraw is-sinerġiji, (vi) iżidu l-kooperazzjoni bejn l-atturi li jindirizzaw l-ipproċessar tal-viżi, (vii) jaqsmu l-informazzjoni u l-aħjar prattiki, (viii) proġetti transfruntiera, (ix) fiduċja bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u (x) taħriġ tal-persunal, eċċ. Mingħajr il-Fondi, il-kwalità tar-rispons tal-UE għall-kriżi tal-migrazzjoni kienet tonqos (pereż. b’inqas persunal u b'servizzi mnaqqsa, il-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali li jipprovdu assistenza effettiva lill-persuni li jfittxu asil, ir-refuġjati u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi kienet tkun limitata).
Minn perspettiva finanzjarja, mingħajr dawn il-Fondi tal-UE, il-finanzjament nazzjonali ma kienx se jippermetti l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-azzjonijiet, jiġifieri fil-qasam tar-risistemazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu jew it-tagħmir fil-fruntieri inkluż għall-EBCG-A. L-azzjonijiet kienu jiġu implimentati b’ħafna aktar diffikultà u mhux fuq l-iskala jew fil-perjodu ta’ żmien ippjanati minħabba riżorsi nazzjonali insuffiċjenti.
Rigward il-ġestjoni diretta, mingħajr ir-riżorsi pprovduti għal assistenza ta’ emerġenza u azzjonijiet tal-Unjoni, il-finanzjament nazzjonali waħdu kien jirriżulta f’implimentazzjoni ħafna aktar diffiċli u fuq skala iżgħar, b’impatt ġenerali aktar baxx. Il-vantaġġi prinċipali li rriżultaw minn dawn il-miżuri inkludew aktar kooperazzjoni kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll fihom, inkluż l-iskambju tal-informazzjoni, l-għarfien u l-prattiki tajba. Dan ippermetta l-ġestjoni effiċjenti u f’waqtha ta’ flussi tal-migrazzjoni u emerġenzi relatati.
Azzjonijiet iffinanzjati taħt ġestjoni indiretta pprovdew valur miżjud tal-UE billi saħħew sinerġiji eżistenti bejn partijiet ikkonċernati f’livelli differenti (internazzjonali, UE, Stati Membri), biex b’hekk żviluppaw rispons koerenti tal-UE għal sfidi emerġenti.
5.7Sostenibbiltà
Is-sostenibbiltà ġiet indirizzata mill-mekkaniżmi eżekuttivi kollha tal-Fond, għalkemm f’livell anqas minn assistenza ta’ emerġenza minħabba n-natura ta’ emerġenza tal-azzjonijiet.
Rigward l-AMIF, is-sostenibbiltà ta’ effetti li jibqgħu wara t-tmiem tal-intervent tvarja bejn l-istrumenti differenti tiegħu u bejn l-Istati Membri:
·ir-riżultati tal-integrazzjoni u l-asil x’aktarx li jdumu aktar, jekk mill-bidu nett jindirizzaw bżonnijiet aktar fit-tul; u
·r-riżultati tar-ritorn ikunu sostenibbli jekk ikunu bbażati fuq skemi ta’ ritorn volontarju u appoġġati minn sforzi għar-riintegrazzjoni.
Rigward l-ISF, ħafna azzjonijiet huma azzjonijiet fuq perjodu twil fin-natura tagħhom, għax normalment jiġu mfassla biex jibqgħu operazzjonali lil hinn mill-appoġġ tal-Fond (investimenti fl-infrastruttura, faċilitajiet, u sistemi tal-IT). Azzjonijiet oħra (taħriġ u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni) ikkontribwixxew għas-sostenibbiltà tal-azzjonijiet permezz ta’ titjib fl-għarfien espert, fl-għarfien, u fil-kwalifiki tal-persunal involut fil-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti.
Is-sostenibbiltà finanzjarja (azzjonijiet li jistgħu jkomplu wara li jispiċċa l-finanzjament mill-fondi) ukoll tvarja. Xi azzjonijiet, bħall-proġetti pluriennali jew ta’ taħriġ lil min iħarreġ, jidhru li huma aktar awtosostenibbli, filwaqt li oħrajn jidhru li mhumiex awtosostenibbli (eż. in-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni). Barra minn hekk, is-sostenibbiltà ta’ ċerti azzjonijiet oħra (azzjonijiet tal-Unjoni, programmi nazzjonali, assistenza ta’ emerġenza) tiddependi fuq il-livell jew prijorità u / jew urġenza tagħhom u fuq id-disponibbiltà ta’ riżorsi alternattivi.
5.8Kwistjonijiet biex jiġu kkunsidrati fil-futur
·Id-disinn u l-istruttura olistiċi tal-mekkaniżmi tal-fondi (jiġifieri programmi nazzjonali bl-għan li jibnu kapaċitajiet fit-tul, assistenza ta’ emerġenza bl-għan li tnaqqas il-pressjoni immedjata, u azzjonijiet tal-Unjoni mfassla b’mod ċar u loġiku biex jappoġġaw lil xulxin) għandhom jinżammu u jintużaw bħala mudell għall-perjodu ta’ programmazzjoni futur. Is-separazzjoni bejn il-fruntieri esterni u l-viża wkoll għandha tinżamm.
·Sabiex tiżdied l-effettività tal-Fond u biex l-Istati Membri jagħtu prijorità lil xi għanijiet li jistgħu jwasslu għal riżultati aħjar, il-programmi nazzjonali jeħtieġ li jkunu aktar iffokati.
·Fondi Futuri (u l-iskop tagħhom) jeħtieġ li jiġu mfassla b’tali mod li jippermettilhom jindirizzaw sett komprensiv ta’ bżonnijiet, kif ukoll jiżguraw il-flessibilità jekk ikun hemm tibdil. Il-frammentazzjoni ta’ programmi nazzjonali taħt diversi għanijiet b’perċentwali minimi ta’ finanzjament jeħtieġ li terġa’ tiġi kkunsidrata sabiex tiżdied il-flessibilità.
·Jista’ jkun hemm bżonn li l-iskop tal-ISF jiġi adattat aktar fil-futur biex jindirizza l-inizjattivi tal-politika ġodda għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni operazzjonali u l-iskambju tal-informazzjoni.
· Il-programmazzjoni pluriennali jeħtieġ li tinżamm għall-perjodu ta’ finanzjament futur.
·Jeħtieġ li jinżamm strument ta’ emerġenza u l-kapaċità tiegħu msaħħa aktar sabiex ikun jista’ jirrispondi b’mod rapidu u effiċjenti għal ċirkostanzi li jinbidlu.
·Jeħtieġ li qafas komuni sħiħ ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni jiġi ppjanat kmieni fil-fażi ta’ tfassil biex jiżgura monitoraġġ konsistenti u uniformi tal-progress u l-effettività mill-bidu nett. Dan jeħtieġ li jinkludi indikaturi ddefiniti aħjar b’valuri tal-linja bażi u fil-mira, u proċessi ssimplifikati, gwida u kalendarji.
·Sistema għat-tqassim tal-fondi (il-metodu ta’ allokazzjoni u r-rieżami ta’ nofs it-terminu) jeħtieġ li tkun adattabbli sabiex tirrispondi b’mod xieraq għal bżonnijiet li jinbidlu.
·Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex jitjiebu l-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u t-tmexxija strateġika fl-implimentazzjoni tal-fondi, it-tipi differenti ta’ azzjonijiet tagħhom, u inizjattivi oħra fil-livell tal-UE.
·Jeħtieġ li jkompli jingħata appoġġ permezz tal-fondi u l-istrumenti kollha tagħhom, biex b'hekk jinbagħat messaġġ ċar dwar l-importanza tas-solidarjetà u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.
·Jeħtieġ li jittieħed kont tas-sostenibbiltà, kemm fis-sens ta’ sostenibbiltà finanzjarja kif ukoll ta' sostenibbiltà tal-effetti, fl-istadju tat-tfassil tal-proġett u tal-għażla.