Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0418

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tan-Netherlands u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tan-Netherlands tal-2018

COM/2018/418 final

Brussell, 23.5.2018

COM(2018) 418 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tan-Netherlands

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tan-Netherlands tal-2018


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tan-Netherlands

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tan-Netherlands tal-2018

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 3 ,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew 4 ,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fit-22 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Hija ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fit-22 ta’ Novembru 2017, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lin-Netherlands bħala wieħed mill-Istati Membri li fir-rigward tiegħu kellha ssir analiżi fil-fond. Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fl-14 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill adotta r-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (“rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro”).

(2)Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li n-Netherlands jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-rakkomandazzjonijiet dwar il-politika ekonomika għaż-Żona tal-Euro kif riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) hawn taħt.

(3)Ir-rapport tal-pajjiżi tal-2018 dwar in-Netherlands 5 ġie ppubblikat fis-7 ta’ Marzu 2018. Dan ivvaluta uħud mill-progress li għamlu n-Netherlands biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta’ Lulju 2017, is-segwitu li kien hemm għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tan-Netherlands rigward il-miri nazzjonali tagħhom ta’ Europa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-7 ta’ Marzu 2018 6 . L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha għall-konklużjoni li n-Netherlands qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, minn fost l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro, in-Netherlands għandhom l-akbar surplus fil-kont kurrenti fuq medja ta’ tliet snin, f’termini ta’ PDG. Is-surplus jissuġġerixxi allokazzjoni mhux ottimali tar-riżorsi, u tista’ tittieħed l-opportunità biex it-tkabbir u l-ġid jiżdiedu. Id-dejn privat huwa għoli, speċifikament l-ammont tad-dejn ipotekarju tal-unitajiet domestiċi u tal-impriżi multinazzjonali. Il-karti bilanċjali twal tal-unitajiet domestiċi jżidu l-vulnerabbiltà quddiem ħasdiet finanzjarji.

(4)Fit-30 ta’ April 2018, in-Netherlands ippreżentaw il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tagħhom u fis-26 ta’ April 2018 il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 tagħhom. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(5)Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif kien previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 , fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji ulterjuri dwar kif tista' tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew ma' governanza ekonomika tajba 8 .

(6)In-Netherlands bħalissa jinsabu fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-Gvern, fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2018 qed jippjana tnaqqis fil-bilanċ pożittiv tal-gvern ġenerali, minn 1,1 % tal-PDG fl-2017 għal 0,3 % tal-PDG fl-2021. L-objettiv baġitarju ta’ terminu medju – defiċit strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG – jibqa’ jiġi ssodisfat matul il-perijodu tal-programm. Skont il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern hu mistenni li jonqos gradwalment għal 44,0 % tal-PDG fl-2021. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-proġettazzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Fuq il-bażi tat-tbassir għar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa projettat li jonqos minn surplus ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2017 għal defiċit ta’ 0,1 % tal-PDG fl-2018 u ta’ 0,3 % tal-PDG fl-2019, ‘il fuq mill-għan baġitarju fuq terminu medju. Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa mbassar li se jibqa’ fuq xejra soda ’l isfel u taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat. Kollox ma’ kollox il-Kunsill huwa tal-opinjoni li n-Netherlands huma previsti li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2018 u fl-2019. Fl-istess ħin, filwaqt li jiġi rrispettat l-objettiv fuq terminu medju, għad hemm lok biex jintużaw politiki fiskali u strutturali biex joħolqu l-investiment pubbliku u privat fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

(7)In-Netherlands għandhom settur tar-riċerka u l-iżvilupp effiċjenti u b’sistema edukattiva u bażi xjentifika bi prestazzjoni għolja jipprovdu bażi soda biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u t-tkabbir tal-kapaċità permezz tal-edukazzjoni u attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp. Investiment addizzjonali sostanzjali ġie mħabbar li jista’ jgħin jistabbilizza l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp pubbliċi u privati. Jekk in-Netherlands humiex se jilħqu l-miri tagħhom ta’ Ewropa 2020, b’mod partikolari fuq l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u fuq l-enerġija rinnovabbli, jibqa’ inċert.

(8)Sfida ċentrali fl-indirizzar tal-livelli għolja ta' dejn tal-unitajiet domestiċi hija s-suq tad-djar, fejn riġiditajiet u inċentivi li joħolqu distorsjonijiet li akkumulaw matul deċennji jagħtu l-forma lix-xejriet tal-finanzjament tad-djar u dawk tat-tfaddil settorjali. Sa mill-2012, sensiela ta’ miżuri ġew implimentati li, parzjalment, jindirizzaw din is-sitwazzjoni. Fl-2017, il-gvern ħabbar pjanijiet biex jaċċellera t-tnaqqis fid-deduċibbiltà tat-taxxa fuq l-imgħax ipotekarju li jibda fl-2020. Madankollu, in-nuqqas ta’ suq li jiffunzjona tajjeb għas-segment tan-nofs tas-suq tal-kiri jinkoraġġixxi lill-familji biex jixtru pjuttost milli jikru, li jwassal għal proporzjonijiet għoljin ta’ dejn meta mqabbel mad-dħul u tal-vulnerabbiltà finanzjarja f’età żgħira. Is-settur tal-akkomodazzjoni soċjali huwa wieħed mill-akbar fl-Unjoni iżda l-akkomodazzjoni mhijiex dejjem okkupata minn dawk verament fil-bżonn. Unitajiet domestiċi bi dħul għoli jibqgħu f’akkomodazzjoni soċjali, billi l-korporazzjonijiet tal-akkomodazzjoni soċjali ma jżidux il-kirjiet malajr daqskemm legalment jistgħu. Filwaqt li l-gvern ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jappoġġa l-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli fis-suq privat tal-kera, pjanijiet konkreti għal tali appoġġ għadhom ma ġewx ikkomunikati sa issa.

(9)Kif indikat fir-rakkomandazzjoni taż-Żona tal-Euro 2018, il-ġlieda kontra strateġiji ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa hija essenzjali biex timpedixxu d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn id-ditti, tipprovdi trattament ġust għal min iħallas it-taxxa u tissalvagwardja l-finanzi pubbliċi. L-effetti sekondarji ta’ strateġiji ta’ ppjanar aggressiv tal-persuna taxxabbli bejn l-Istati Membri jirrikjedu azzjoni koordinata ta’ politiki nazzjonali biex jikkumplementaw il-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-livell għoli ta’ dividendi, royalties u pagamenti ta’ imgħax li jsiru permezz tan-Netherlands ikompli jissuġġerixxi li r-regoli tat-taxxa tal-pajjiż huma użati minn kumpaniji li jinvolvu ruħhom f’ippjanar aggressiv tat-taxxa. Proporzjon kbir tal-istokk tal-investiment dirett barrani huwa miżmum mill-“entitajiet bi skop speċjali”. In-nuqqas ta’ taxxi minn ras il-għajn fuq outbound royalties (jiġifieri minn residenti tal-UE għal residenti ta’ pajjiż terz) u l-pagamenti ta’ imgħax jista’ jwassal biex dawk il-pagamenti jevadu t-taxxa kompletament, jekk huma wkoll mhux soġġetti għat-taxxa fil-ġurisdizzjoni riċeventi. In-nuqqas ta’ regoli kontra l-abbuż, speċjalment fil-każ ta’ entitajiet ibridi, jista’ jiffaċilita wkoll l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-impenn tan-Netherlands biex jiġġieldu kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa kif stabbilit fl-aġenda ta’ riforma dwar it-tassazzjoni, inkluż taxxi minn ras il-għajn fuq pagamenti ta’ dividendi, imgħax u royalties f’każ ta’ abbuż jew ħlasijiet għal ġurisdizzjonijiet b’taxxa baxxa, huwa pass importanti sabiex jitnaqqas l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u għandu jiġi implimentat malajr u segwit mill-qrib. Fuq il-bażi ta’ skambji riċenti, il-Kummissjoni se tkompli bid-djalogu kostruttiv tagħha biex tiġġieled kontra strateġiji ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa.

(10)Minkejja r-rata baxxa ta’ qgħad u rati għolja ta’ postijiet tax-xogħol battala, it-tkabbir tal-pagi nominali kien moderat għal 1,5 % fl-2017. Dan huwa taħt il-livell li seta’ jkun mistenni bbażat fuq l-inflazzjoni, il-produttività u l-qgħad. Tkabbir moderat tal-pagi jista’ jkun parzjalment marbut maż-żidiet bil-mod fil-produttività, impjiegi vakanti fis-suq tax-xogħol u ż-żieda fis-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol. Fl-2017, il-gvern adotta diversi miżuri fiskali, li jnaqqsu l-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol u jimmiraw għal żieda netta tad-dħul disponibbli ta’ unità domestika ta’ dawk li jaħdmu. Aktar tisħiħ tad-dħul disponibbli nett ta’ unità domestika billi jinħolqu l-kundizzjonijiet biex jiġi promoss it-tkabbir tal-pagi u r-riforma tat-tieni pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet sabiex tagħmilhom aktar trasparenti, aktar ġusti bejn il-ġenerazzjonijiet u aktar reżiljenti għax-xokkijiet iwasslu biex tiġi appoġġata d-domanda domestika u jikkontribwixxu għall-ibbilanċjar mill-ġdid fiż-Żona tal-Euro.

(11)It-tkabbir reċenti fl-impjiegi jista’ jiġi attribwit fil-biċċa l-kbira tiegħu għal żieda fl-għadd ta’ persuni impjegati b’kuntratti temporanji u l-persuni li jaħdmu għal rashom. Il-perċentwal għoli u li qed jiżdied ta’ kuntratti temporanji kif ukoll iż-żieda rapida ta’ persuni li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati magħhom jistgħu jiġu spjegati fil-kuntest tad-differenzi kbar fir-regolamenti li japplikaw għax-xogħol, fil-protezzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll tad-differenzi bejn il-leġislazzjoni tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali. Għalkemm ittieħdu xi miżuri u riċentement ġew imħabbra xi oħrajn, xi wħud minn dawn il-fatturi għadhom jagħtu inċentivi finanzjarji lill-impjegati biex jibdew jaħdmu għal rashom jew jiffavorixxu biex dawn jiġu ingaġġati b’kuntratt temporanju. Barra minn hekk, l-infurzar ta’ miżuri li jindirizzaw l-impjiegi indipendenti fittizji ġie sospiż sal-2020. Il-persuni li jaħdmu għal rashom bosta drabi ma jkunux assigurati biżżejjed kontra d-diżabbiltà, il-qgħad u x-xjuħija. Dan jista’ jaffettwa s-sostenibbiltà tas-sistema tas-sigurtà soċjali fuq medda twila ta’ żmien.

(12)Minkejja suq tax-xogħol li jaħdem tajjeb b’mod ġenerali, għad hemm potenzjal mhux sfruttat tax-xogħol. B’mod partikolari l-għadd kbir ta’ xogħol part-time tan-nisa u s-sitwazzjoni tal-impjieg ta’ persuni bi sfond ta’ migrazzjoni jibqgħu sfida importanti. Ir-rata ta’ impjieg tal-migranti mhux imwielda fl-UE hija 20,6 punt perċentwali inqas minn dik għal persuni li twieldu fin-Netherlands, u differenza saħansitra ikbar għan-nisa li ma twieldux fl-UE.

(13)Iż-żieda f’dawn l-aħħar snin fir-rata tat-tfaddil tal-unitajiet domestiċi seħħet parzjalment għax żdied l-iffrankar fit-tieni pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet (l-iskemi privati supplimentari obbligatorji), li kkontribwixxa għalih l-ambjent regolatorju. It-tqassim intraġenerazzjonali u interġenerazzjonali adegwat tal-ispejjeż u tar-riskji lil hinn mir-regoli adottati dwar l-indiċjar u l-ilqugħ finanzjarju (il-qafas ta’ valutazzjoni finanzjarja) jgħin lill-unitajiet domestiċi biex jallokaw il-mezzi finanzjarji tagħhom b’modi li jgħinu aktar it-tkabbir. Il-gvern ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jirriforma b’mod sostanzjali t-tieni pilastru tal-pensjonijiet biex itejjeb il-kopertura u joħloq ambjent aktar trasparenti, aktar flessibbli u sistema statistikament aktar ġusta. Fir-rigward tas-sostenibbiltà fiskali, Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2018 jindika li hemm riskju medju għas-sostenibbiltà fiskali fit-tul, billi l-infiq fil-kura fit-tul huwa pprojjettat li jiżdied minn 3,5 % għal 6,0 % tal-PDG sal-2070.

(14)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tan-Netherlands u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiżi tal-2018 9 . Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 u l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lin-Netherlands fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fin-Netherlands imma qieset ukoll il-grad tal-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(15)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 u huwa tal-opinjoni 10 li n-Netherlands huma mistennijin jikkonformaw mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(16)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet 1 u 2 hawn taħt.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li n-Netherlands jieħdu azzjoni fl-2018 u l-2019 biex:

1.Filwaqt li jiġi rrispettat l-objettiv fuq terminu medju, jużaw politiki fiskali u strutturali biex ikabbru l-investiment pubbliku u privat fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Jieħdu miżuri biex titnaqqas id-distorsjoni favur id-dejn għall-unitajiet domestiċi u d-distorsjonijiet li jifdal fis-suq tad-djar, b’mod partikolari billi jiġi appoġġat l-iżvilupp tas-settur tal-kiri privat.

2.Inaqqsu l-inċentivi għall-użu ta’ kuntratti temporanji u dawk li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati, filwaqt li jippromwovu protezzjoni soċjali adegwata għal dawk li jaħdmu għal rashom, u jindirizzaw l-impjieg indipendenti fittizju. Joħolqu kundizzjonijiet biex jippromwovu aktar tkabbir fil-pagi reali, b’rispett tar-rwol tas-sħab soċjali. Jieħdu miżuri biex jagħmlu t-tieni pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet aktar trasparenti, aktar ġust bejn il-ġenerazzjonijiet u aktar reżiljenti għax-xokkijiet.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    COM (2018) 418 finali.
(4)    P8_TA(2018)0077 u P8_TA(2018)0078.
(5)    SWD(2018) 217 final.
(6)    COM (2018) 120 final.
(7)    Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(8)    COM (2014) 494 final.
(9)    https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/2018-european-semester-country-report-netherland-en.pdf
(10)    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.
Top