IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.5.2018
COM(2018) 364 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2018
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018DC0364
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN CENTRAL BANK, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS The 2018 EU Justice Scoreboard
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2018
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2018
COM/2018/364 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.5.2018
COM(2018) 364 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2018
1. INTRODUZZJONI
Sistemi ġudizzjarji effettivi għandhom rwol kruċjali biex jiddefendu l-istat tad-dritt u l-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE. Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017, il-President tal-Kummissjoni Ewropea ddikjara b’mod ċar li “L-istat tad-dritt mhuwiex fakultattiv fl-Unjoni Ewropea. Huwa imperattiv. L-istat tad-dritt ifisser li l-liġi u l-ġustizzja huma milqugħa minn ġudikatura indipendenti” ( 1 ). L-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, issottolinja wkoll li “Ir-rispett għall-istat tad-dritt mhuwiex biss prerekwiżit għall-protezzjoni tal-valuri fundamentali kollha elenkati fl-Artikolu 2. Huwa wkoll prerekwiżit għas-sostenn tad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mit-Trattati u mil-liġi internazzjonali, u għall-istabbiliment ta' fiduċja reċiproka taċ-ċittadini, in-negozji u l-awtoritajiet nazzjonali fis-sistemi legali tal-Istati Membri l-oħrajn” ( 2 ).
L-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji huma essenzjali għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u għat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka. Dawn jikkontribwixxu b’mod sinifikanti sabiex jinbena ambjent li jiffavorixxi l-investiment u jinżamm it-tkabbir sostenibbli. Għalhekk, it-titjib fl-effettività tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali sar prijorità stabbilita sew tas-Semestru Ewropew — iċ-ċiklu annwali tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-UE. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018, li jidentifika l-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali għall-UE u l-Istati Membri tagħha għas-sena segwenti, jirrikonoxxi, minn naħa waħda, ir-rabta bejn ambjent li jiffavorixxi n-negozju u min-naħa l-oħra, l-istat tad-dritt u t-titjib fl-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji ( 3 ).
Meta japplikaw id-dritt tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali jaġixxu bħala qrati tal-UE u jiżguraw illi d-drittijiet u l-obbligi previsti skont id-dritt tal-Unjoni jiġu infurzati b’mod effettiv ( 4 ). L-eżistenza nnifisha ta’ dik il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, imfassla biex tiżgura konformità mad-dritt tal-Unjoni, hija l-essenza tal-istat tad-dritt. Fid-deċiżjoni riċenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ssottolinjat li sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja, l-indipendenza tal-qrati nazzjonali hija essenzjali ( 5 ). Minħabba li protezzjoni ġudizzjarja effettiva minn qrati indipendenti hija wkoll prekundizzjoni essenzjali għal ġestjoni finanzjarja soda, fit-2 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni pproponiet Regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri ( 6 ).
It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2018 (“it-Tabella ta’ Valutazzjoni”) tiżviluppa l-ħarsa ġenerali tal-indikaturi li jikkonċernaw l-indipendenza, l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali. B’mod partikolari, din l-edizzjoni:
-Tiżviluppa l-indikaturi dwar l-indipendenza ġudizzjarja, b’mod partikolari dwar il-Kunsilli għall-Ġudikatura u dwar l-involviment tal-eżekuttiv u tal-parlament fil-ħatra u t-tkeċċija tal-imħallfin u tal-presidenti tal-qrati.
-Tiżviluppa t-taqsimiet dwar is-sistemi tal-ġustizzja kriminali billi tippreżenta datadata aġġornata dwar ir-reati kriminali relatati mal-ħasil tal-flus u tintroduċi xi indikaturi dwar l-organizzazzjoni tas-servizzi tal-prosekuzzjoni fl-Istati Membri.
-Tiżviluppa ulterjorment il-perspettiva tal-utenti aħħarin billi tippreżenta indikaturi dwar kif il-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi ta’ utenti tas-sistemi ġudizzjarji (pereżempju t-tfal, il-persuni neqsin mid-dawl, dawk li ma jitkellmux il-lingwa nattiva) qegħdin jitqiesu fl-għoti ta’ informazzjoni pubblika dwar is-sistema ġudizzjarja, fit-taħriġ tal-imħallfin, u fl-istħarriġ tal-utenti tal-qrati jew tal-professjonisti legali. Din tippreżenta wkoll indikaturi dwar kif il-qrati jużaw il-midja soċjali biex jikkomunikaw dwar il-ħidma tagħhom.
-Tippreżenta ħarsa ġenerali ġdida tal-użu tal-fondi strutturali għar-riformi ġudizzjarji.
-Tippreżenta għall-ewwel darba datadata dwar it-tul tal-proċedimenti fl-istanzi kollha tal-qrati (l-ewwel, it-tieni u t-tielet istanza tal-qrati) għall-kawżi ċivili u kummerċjali kontenzjużi, kif ukoll kawżi amministrattivi.
-Tkompli l-eżaminazzjoni tal-istandards u tippreżenta eżaminazzjoni aktar fil-fond tal-perjodi ta’ żmien bħala miri jew prattiki li jistgħu jitkejlu relatati mal-ġestjoni tal-ammont tal-kawżi tal-qrati u mal-prattiki magħżula b’rabta mal-ġestjoni tax-xogħol b’lura.
Għalkemm għad ma mhemmx data dwar xi Stati Membri, id-diskrepanza fid-data qiegħda tkompli tonqos, b’mod partikolari għall-indikaturi dwar l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji. Il-kooperazzjoni b’suċċess bejn il-punti ta’ kuntatt tal-Istati Membri fuq is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u diversi kumitati u netwerks ġudizzjarji Ewropej kabbru d-data b’mod sinifikanti. Id-diffikultajiet li jifdal fil-ġbir tad-data sikwit ikunu dovuti għal kapaċità statistika insuffiċjenti jew għall-fatt li l-kategoriji nazzjonali li għalihom tinġabar id-data ma jikkorrespondux eżattament għal dawk użati għat-Tabella ta’ Valutazzjoni. F’każijiet rari, id-diskrepanza fid-data hija dovuta għan-nuqqas ta’ rieda ta’ ċerti awtoritajiet nazzjonali biex jikkontribwixxu. Il-Kummissjoni ser tkompli tinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex inaqqsu aktar din id-diskrepanza fid-data.
X’inhi t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE?
It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE hija għodda komparattiva tal-informazzjoni li għandha l-għan li tassisti lill-UE u lill-Istati Membri biex itejbu l-effettività tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom billi tipprovdi data oġġettiva, affidabbli u komparabbli dwar għadd ta’ indikaturi rilevanti għall-valutazzjoni tal-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji fl-Istati Membri kollha. It-Tabella ta’ Valutazzjoni ma tippreżentax klassifikazzjoni unika globali iżda ħarsa ġenerali lejn kif jiffunzjonaw is-sistemi ġudizzjarji kollha, abbażi ta’ diversi indikaturi li huma ta’ interess komuni għall-Istati Membri kollha.
It-Tabella ta’ Valutazzjoni ma tippromwovi ebda tip partikolari ta’ sistema ġudizzjarja u tittratta lill-Istati Membri kollha b’mod ugwali.
L-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza huma parametri essenzjali ta’ sistema ġudizzjarja effettiva, ikun xi jkun il-mudell tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali jew it-tradizzjoni legali li fiha tkun ankrata. Il-figuri dwar dawn it-tliet parametri għandhom jinqraw flimkien, għaliex it-tliet elementi huma meħtieġa għall-effettività ta’ sistema ġudizzjarja u ta’ spiss huma marbutin flimkien (inizjattivi li għandhom l-għan li jtejbu xi wieħed minnhom jistgħu jkollhom influwenza fuq l-ieħor).
It-Tabella ta’ Valutazzjoni tiffoka primarjament fuq kawżi ċivili u kummerċjali kontenzjużi, kif ukoll fuq kawżi amministrattivi sabiex tgħin lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex joħolqu ambjent li jiffavorixxi aktar lill-investiment, lin-negozji u liċ-ċittadini. It-Tabella ta’ Valutazzjoni hija għodda komparattiva li tevolvi fi djalogu mal-Istati Membri u l-Parlament Ewropew ( 7 ). L-għan tagħha huwa li tidentifika l-parametri essenzjali ta’ sistema ġudizzjarja effettiva.
X’inhi l-metodoloġija tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE?
It-Tabella ta’ Valutazzjoni tuża diversi sorsi ta’ informazzjoni. Il-biċċa l-kbira tad-data kwantitattiva hija provduta mill-Kummissjoni Ewropea għall-Effikaċja tal-Ġustizzja (CEPEJ) li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonkludiet kuntratt biex twettaq studju speċifiku annwali. Din id-data hija mifruxa bejn l-2010 u l-2016 u ġiet mogħtija mill-Istati Membri skont il-metodoloġija tas-CEPEJ. L-istudju jipprovdi wkoll kummenti dettaljati u skedi informattivi speċifiċi għall-pajjiż li jagħtu aktar kuntest. Dawn għandhom jinqraw flimkien mal-figuri ( 8 ).
Id-data dwar it-tul tal-proċedimenti miġbura mic-CEPEJ turi “ż-żmien għat-tlestija” li huwa t-tul kalkolat tal-proċedimenti tal-qorti (ibbażat fuq proporzjon bejn il-kawżi pendenti u dawk magħluqa). Id-data dwar l-effiċjenza tal-qrati fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni turi illi t-tul medju tal-proċedimenti ġej mit-tul attwali tal-kawżi tal-qorti. Għandu jiġi nnotat li t-tul tal-proċedimenti tal-qorti jista’ jvarja sostanzjalment f’termini ġeografiċi fi Stat Membru, b’mod partikolari f’ċentri urbani fejn l-attivitajiet kummerċjali jistgħu jwasslu għal ammont akbar ta’ kawżi.
Sorsi oħrajn tad-data huma: il-grupp ta’ persuni ta’ kuntatt dwar is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, ( 9 ) in-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura (ENCJ),( 10 ) in-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi tal-UE (NPSJC) ( 11 ), l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-UE (ACA-Europe) ( 12 ), in-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK) ( 13 ), il-Kumitat tal-Komunikazzjoni (COCOM) ( 14 ), l-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali ( 15 ), in-Netwerk tal-Kooperazzjoni għall-Ħarsien tal-Konsumatur (CPC) ( 16 ), il-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (EGMLTF) ( 17 ), il-Eurostat ( 18 ), in-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN) ( 19 ), il-Kunsill tal-Għaqdiet Ewropej tal-Avukati (CCBE) ( 20 ) u l-Forum Ekonomiku Dinji (WEF) ( 21 ).
Il-metodoloġija għat-Tabella ta’ Valutazzjoni ġiet żviluppata aktar b’kooperazzjoni mill-qrib mal-grupp ta’ persuni ta’ kuntatt dwar is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, b’mod partikolari permezz ta’ kwestjonarju u ġbir ta’ data dwar ċerti aspetti tal-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji.
It-tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE kif tikkontribwixxi għas-Semestru Ewropew?
It-Tabella ta’ Valutazzjoni tipprovdi elementi għall-valutazzjoni tal-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u b’hekk timmira li tgħin lill-Istati Membri jtejbu l-effettività tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom. Din tagħmilha aktar faċli sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet u l-aħjar prattiki u sabiex jinżamm kont tal-isfidi u tal-progress. Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-valutazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jsiru permezz ta’ djalogu bilaterali mal-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati. Din il-valutazzjoni hija bbażata wkoll fuq analiżi kwalitattiva u tqis il-karatteristiċi tas-sistema legali u l-kuntest tal-Istati Membri kkonċernati. Din tista’ twassal lill-Kummissjoni biex tipproponi sabiex il-Kunsill jadotta rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar it-titjib tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali.
Għaliex sistemi ġudizzjarji effettivi huma rilevanti għas-Semestru Ewropew?
L-impatt ekonomiku pożittiv tas-sistemi ġudizzjarji li jiffunzjonaw tajjeb jiġġustifika wkoll dawn l-isforzi. Studju li sar fl-2017 miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka jidentifika korrelazzjonijiet bejn it-titjib fl-effiċjenza tal-qorti u r-rata ta’ tkabbir tal-ekonomija u bejn il-perċezzjoni tan-negozji tal-indipendenza ġudizzjarja u t-tkabbir fil-produttività ( 22 ). Fejn is-sistemi ġudizzjarji jiggarantixxu l-infurzar tad-drittijiet, ikun aktar probabbli li l-kredituri jsellfu l-flus, in-negozji jkunu dissważi minn imġiba opportunistika, l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet jonqsu u jkun ukoll aktar probabbli li n-negozji innovattivi jinvestu.
L-importanza tal-effikaċja tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, small and medium-sized enterprises) ġiet enfasizzata fi stħarriġ tal-2015 ta’ kważi 9 000 SME Ewropea dwar l-innovazzjoni u d-drittijiet ta’ proprjetà intelletwatli (IPR - intellectual property rights) ( 23 ). L-istħarriġ sab b'mod partikolari illi l-ispiża u t-tul eċċessiv tal-proċedimenti ġudizzjarji kienu fost ir-raġunijiet ewlenin għalfejn ma nbdewx proċedimenti tal-qorti minħabba ksur tal-IPR. L-impatt benefiċjarju ta' sistemi ġudizzjarji nazzjonali li jiffunzjonaw tajjeb għall-ekonomija hu enfasizzat f’firxa ta’ letteratura u riċerka ( 24 ), inkluż mill-Fond Monetarju Internazzjonali ( 25 ), il-Bank Ċentrali Ewropew ( 26 ), l-OECD ( 27 ), il-Forum Ekonomiku Dinji ( 28 ), u l-Bank Dinji ( 29 ).
2. Kuntest: Ir-riformi ġudizzjarji jridu jirrispettaw l-Istat tad-Dritt
L-UE ilha tħeġġeġ lill-Istati Membri mill-2013 sabiex itejbu l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja tagħhom. Ir-riformi m’għandhomx jitwettqu għall-fini ta’ riforma, iżda b’mod li jirrispetta l-istat tad-dritt u jikkonforma ma’ standards Ewropej dwar l-indipendenza ġudizzjarja.
2.1. Ir-riformi ġudizzjarji għadhom għaddejjin f’bosta Stati Membri
Fl-2017, għadd kbir ta’ Stati Membri ssoktaw bl-isforzi tagħhom sabiex itejbu l-effettività tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom. Il-Figura 1 tippreżenta ħarsa ġenerali lejn ir-riformi ġudizzjarji adottati u dawk previsti. Hija preżentazzjoni fattwali ta’ “min jagħmel xiex”, mingħajr evalwazzjoni kwalitattiva.
Figura 1: Attività leġiżlattiva u regolatorja li tikkonċerna s-sistemi ġudizzjarji fl-2017(miżuri/inizjattivi adottati li qegħdin jiġu nnegozjati għal kull Stat Membru) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea ( 30 ))
Figura 1 turi li l-liġi proċedurali tibqa’ qasam ta’ fokus partikolari f’bosta Stati Membri u li ġew adottati jew imħabbra ammont sinifikanti ta’ riformi ġodda għall-iżvilupp ulterjuri tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), għal aktar metodi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR), għajnuna legali, riformi tal-mapep ġudizzjarji u leġiżlazzjoni dwar l-imħallfin u l-professjonijiet legali. Tqabbil mat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-2017 juri li l-livell ta’ attività żdied ulterjorment, kemm għar-riformi adottati kif ukoll għall-miżuri ppjanati għall-futur. Dan jeħtieġ li jiġi stabbilit abbażi tal-fatt li r-riformi ġudizzjarji jieħdu ż-żmien − xi drabi bosta snin mill-ewwel tħabbira ta’ riformi ġodda sal-adozzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi u regolatorji u l-implimentazzjoni attwali tagħhom.
2.2. Monitoraġġ tar-riformi ġudizzjarji fil-livell tal-UE
Fil-livell tal-UE, qegħdin jintużaw għadd ta’ strumenti u mekkaniżmi mill-Kummissjoni sabiex jiġu mmonitorjati l-isforzi għar-riformi mwettqa mill-Istati Membri. Dan isir f’kooperazzjoni mill-qrib man-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura, man-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi tal-Unjoni Ewropea u mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-UE.
− Monitoraġġ permezz tas-Semestru Ewropew–
Is-Semestru Ewropew huwa ċ-ċiklu annwali tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u fiskali tal-UE u parti mill-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE. Ir-riforma ġudizzjarja hija prijorità stabbilita sew tar-riformi strutturali mħeġġa permezz tas-Semestru Ewropew. Din il-prijorità tirriżulta mill-fatt li l-istat tad-dritt u t-titjib fl-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji huma kruċjali għal ambjent li jiffavorixxi n-negozju ( 31 ).
Iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew jibda kull sena f’Novembru meta l-Kummissjoni tippreżenta l-prijoritajiet tagħha għas-sena li jmiss (Komunikazzjoni dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir). F’Marzu, is-servizzi tal-Kummissjoni jippreżentaw valutazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li jkopru l-kwistjonijiet kollha ttrattati mis-Semestru fir-Rapporti tal-Pajjiżi. F’Mejju, il-Kummissjoni tippreżenta l-proposti tagħha għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li jiġu indirizzati mill-Istati Membri. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu adottati mill-Kunsill f’Lulju wara li jkunu ġew approvati mill-Kunsill Ewropew.
Il-monitoraġġ tar-riformi ġudizzjarji jiddependi fuq żewġ għodod: (i) l-għodda komparattiva, it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, u (ii) il-valutazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, ir-Rapporti tal-Pajjiżi, li jikkuntestwalizzaw u jqisu l-karatteristiċi tas-sistemi legali tal-Istati Membri kkonċernati. Il-valutazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jsiru permezz ta’ djalogu bilaterali mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-partijiet ikkonċernati. L-eżitu kkombinat ta’ dawn iż-żewġ għodod jista’ jwassal lill-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill sabiex jadotta rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar it-titjib tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali.
Fis-Semestru Ewropew tal-2017, fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill bagħat rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiz lil ħames Stati Membri relatati mas-sistema ġudizzjarja tagħhom( 32 ). Minbarra dawk l-Istati Membri soġġetti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, ħdax-il Stat Membru ieħor għadhom qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi partikolari u qegħdin jiġu ssorveljati mill-Kummissjoni permezz tas-Semestru Ewropew ( 33 ). Għandu jiġi nnotat ukoll li r-riformi ġudizzjarji fil-Greċja qegħdin jiġu mmonitorjati mill-qrib fil-kuntest tat-Tielet Programm ta' Aġġustament Ekonomiku għall-Greċja.
L-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-appoġġ tekniku tal-Kummissjoni permezz tas-Servizz ta’ Appoġġ għar-Riforma Strutturali. Fl-2017, disa’ Stati Membri ( 34 ) rċivew jew talbu appoġġ tekniku minn dan is-servizz, pereżempju dwar l-effiċjenza tas-sistema tal-amministrazzjoni tal-qorti, ir-riforma tal-mappa ġudizzjarja, dwar it-tfassil jew l-implimentazzjoni tal-programmi tal-ġustizzja elettronika u dwar l-għażla u l-proċess ta’ promozzjoni għall-imħallfin. F’Diċembru 2017, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll għodda għat-twassil tar-riforma biex tappoġġja l-isforzi għar-riforma tal-Istati Membri abbażi tal-isfidi identifikati fil-proċess tas-Semestru Ewropew.
− Il-Qafas tal-Istat tad-Dritt –
Lil hinn mill-monitoraġġ regolari tar-riformi ġudizzjarji fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, fl-2014 il-Kummissjoni stabbilixxiet mekkaniżmu ta’ kriżi biex tindirizza t-theddid sistemiku għall-Istat tad-Dritt fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tal-UE-28 ( 35 ). Dan il-Qafas tal-Istat tad-Dritt jippermetti lill-Kummissjoni tidħol fi djalogu mal-Istat Membru kkonċernat sabiex jiġi evitat li t-theddid sistemiku għall-istat tad-dritt jiskala. L-iskop tal-Qafas huwa li jippermetti lill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri kkonċernati jsibu soluzzjoni sabiex jipprevjenu li tinħoloq theddida sistemika għall-istat tad-dritt li tista’ tiżviluppa f’sitwazzjoni li potenzjalment tista’ tiskatta l-użu tal-“Artikolu 7 Proċedura”.
Il-Kummissjoni nediet djalogu mal-awtoritajiet Pollakki f’Jannar 2016 skont il-Qafas tal-Istat tad-Dritt. Minkejja t-tliet Rakkomandazzjonijiet dwar l-Istat tad-Dritt u l-isforzi ripetuti, għal kważi sentejn, sabiex l-awtoritajiet Pollakki jiġu involuti fi djalogu kostruttiv fil-kuntest tal-Qafas tal-Istat tad-Dritt, fl-20 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm riskju ċar ta’ ksur serju tal-istat tad-dritt fil-Polonja. Il-Kummissjoni adottat ir-raba’ Rakkomandazzjoni dwar l-Istat tad-Dritt fir-rigward tal-istat tad-dritt fil-Polonja, li ppreżentat it-tħassib tal-Kummissjoni u rrakkomandat kif jista’ jiġi indirizzat dan it-tħassib ( 36 ). Il-Kummissjoni pproponiet ukoll lill-Kunsill biex jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar id-determinazzjoni ta’ riskju ċar ta’ ksur serju tal-istat tad-dritt ( 37 ).
− Il-Mekkaniżmi għall-Koperazzjoni u l-Verifika –
Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (MKV) twaqqaf waqt l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-Unjoni Ewropea fl-2007 ( 38 )sabiex jindirizza nuqqasijiet fir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u, għall-Bulgarija, il-kriminalità organizzata. Minn dak iż-żmien 'l hawn, ir-rapporti tal-MKV ippruvaw jgħinu biex jiffukaw l-isforzi tal-awtoritajiet Rumeni u Bulgari permezz ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi u segwew il-progress li sar ( 39 ). Kif issottolinjat mill-Kunsill ( 40 ), l-MKV ser jintemm meta l-punti ta’ riferiment kollha li japplikaw għall-Bulgarija u għar-Rumanja rispettivament jiġu ssodisfati b’mod sodisfaċenti.
Fir-rapport dwar il-MKV ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni ta’ għaxar snin ta’ MKV b’ħarsa ġenerali lejn il-kisbiet, l-isfidi li kien għad fadal, u stipulat il-passi ewlenin li fadal meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet tal-MKV. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għamlet rakkomandazzjonijiet ewlenin li jekk jiġu segwiti se jwasslu għall-konklużjoni tal-proċess tal-MKV, ħlief f’każ li l-iżviluppi jreġġgħu lura b’mod ċar il-progress. Ir-rapport enfasizza l-fatt li l-ħeffa tal-proċess tiddependi fuq kemm iridu żmien ir-Rumanija u l-Bulgarija biex ikunu jistgħu jwettqu r-rakkomandazzjonijiet b’mod irreversibbli, u anke fuq il-fatt li dawn iridu jevitaw passi negattivi li jitfgħu dubju fuq il-progress li sar fl-aħħar 10 snin.
− Proċedimenti ta' ksur –
Il-Kummissjoni hija impenjata li tieħu passi fejn il-liġi nazzjonali tipprevjeni lis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali milli jiżguraw li d-dritt tal-Unjoni jiġi applikat b’mod effettiv f’konformità mar-rekwiżiti tal-istat tad-dritt u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE ( 41 ).
F’dan il-kuntest, f’Diċembru tal-2017, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirreferi lill-Gvern Pollakk quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal ksur tad-dritt tal-Unjoni mil-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji. L-ewwel nett, din il-proċedura ta’ ksur tirrelata mad-diskriminazzjoni abbażi tas-sess minħabba l-introduzzjoni ta’ etajiet ta’ rtirar differenti għall-imħallfin nisa (60 sena) u għall-imħallfin irġiel (65 sena). Dan imur kontra l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u d-Direttiva 2006/54 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-impjiegi. It-tieni, il-proċedura ta’ ksur tirrelata mal-indipendenza tal-qrati Pollakki li hija mminata mis-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Ministru tal-Ġustizzja biex itawwal il-mandat tal-imħallfin li laħqu l-età mnaqqsa tal-irtirar (ara l-Artikolu 19(1) tat-TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) ( 42 ).
L-importanza għall-Istati Membri biex jiżguraw l-indipendenza tal-qrati nazzjonali, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, ġiet enfasizzata mill-kawża riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssemmiet hawn fuq ( 43 ) u minn talba riċenti għal deċiżjoni preliminari mill-Qorti Għolja Irlandiża lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar Mandat ta' Arrest Ewropew maħruġ fil-Polonja ( 44 ).
2.3. Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jappoġġjaw is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali
Il-Kummissjoni tappoġġja finanzjarjament ċerti riformi ġudizzjarji permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE).
Mill-2007, 16-il Stat Membru użaw il-Fondi SIE biex itejbu l-effettività tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom. Bejn l-2007 u l-2023, dawn l-Istati Membri ser ikunu nefqu aktar minn EUR 900 miljun biex iżidu l-effiċjenza u jtejbu l-kwalità tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom ( 45 ). L-attivitajiet iffinanzjati jinkludu:
·it-titjib tal-proċessi tan-negozju fil-qrati billi jiġu introdotti sistemi ta’ ġestjoni tal-kawżi jew strateġija tar-riżorsi umani;
·id-diġitalizzazzjoni tal-ġudikatura billi jiġu stabbiliti servizzi elettroniċi għaċ-ċittadini u għan-negozji;
·l-għoti ta’ taħriġ lill-persunal tal-qrati u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom.
Il-Figura 2 t’hawn taħt turi li l-attivitajiet tal-Fondi SIE ġew raggruppati b’mod wiesa’ f’kategoriji li jirriflettu l-objettivi tal-proġetti. Ta’ spiss, proġett individwali kopra diversi tipi ta’ attivitajiet (pereżempju metodi ADR/ODR, Diġitalizzazzjoni u ICT, u taħriġ). L-attività l-aktar importanti finanzjarjament kienet id-diġitalizzazzjoni u l-ICT tas-sistema ġudizzjarja li għaliha 14-il Stat Membru minn 16 allokaw fondi. Sa nofs l-2017, il-Kroazja u Malta biss kienu għadhom ma allokaw l-ebda Fond SIE għad-diġitalizzazzjoni u l-ICT. Filwaqt li l-attivitajiet li jikkontribwixxu għat-titjib tal-proċessi interni u li jappoġġjaw it-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni kellhom importanza finanzjarja ferm inqas, l-għadd ta’ Stati Membri li allokaw il-fondi kien madankollu sinifikanti (12 minn 16).
Figura 3 turi li l-maġġoranza tal-Istati Membri għażlu li jxerrdu l-Fondi SIE ddedikati għas-sistema ġudizzjarja fuq għadd ta’ tipi differenti ta’ attivitajiet, filwaqt li kienu biss ftit dawk li ffukaw fuq kategorija waħda. Spanja u l-Portugall allokaw il-fondi esklussivament għad-diġitalizzazzjoni u l-ICT u Malta u l-Kroazja għat-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni. Il-maġġoranza ta’ dawk l-Istati Membri li attribwixxew sehem sinifikanti tal-Fondi SIE tagħhom għad-diġitalizzazzjoni u l-ICT huma fost dawk fejn l-avukati rrapportaw użu pjuttost frekwenti tal-ICT fi skambji bejn il-qrati u l-avukati ( 46 ). Għall-kuntrarju, f’dawk l-Istati Membri b’allokazzjoni baxxa jew mingħajr allokazzjoni għad-diġitalizzazzjoni u l-ICT, l-użu tal-ICT għall-iskambji mal-qrati huwa limitat ħafna.
Il-Kummissjioni ser tagħti attenzjoni partikolari biex tiżgura li l-fondi tal-UE jintużaw b’mod adegwat għar-riformi xierqa f’konformità mal-istat tad-dritt. Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza li jittieħed approċċ orjentat lejn ir-riżultati meta jiġu implimentati l-prijoritajiet tal-fondi u titlob lill-Istati Membri jevalwaw l-impatt tal-appoġġ mill-Fondi SIE.
Il-figuri t'hawn taħt juru l-ammonti li ntefqu u li ġew allokati għas-sistema ġudizzjarja mill-2007 ( 47 ) fis-16-il Stat Membru li użaw il-Fondi SIE biex jappoġġjaw is-sistemi ġudizzjarji tagħhom.
Figura 2: Appoġġ għas-sistemi ġudizzjarji mill-Fondi Strutturali skont l-objettiv mill-2007 (f'miljun EUR) (sors: Studju mħejji għall-Kummissjoni Ewropea)
Figura 3: Appoġġ għas-sistemi ġudizzjarji mill-Fondi Strutturali skont l-objettiv u l-Istat Membru mill-2007 (sors: Studju mħejji għall-Kummissjoni Ewropea)
3. Is-sejbiet ewlenin tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2018
L-effiċjenza, il-kwalità u l-indipendenza huma l-parametri prinċipali għal sistema ġudizzjarja effettiva, u t-Tabella ta' Valutazzjoni tippreżenta indikaturi dwar it-tlieta li huma.
3.1. L-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji
It-Tabella ta’ Valutazzjoni tippreżenta indikaturi għall-effiċjenza tal-proċedimenti fl-oqsma wiesgħa tal-kawżi ċivili, kummerċjali u amministrattivi u f’oqsma speċifiċi fejn l-awtoritajiet amministrattivi l-qrati japplikaw id-dritt tal-Unjoni ( 48 ).
3.1.1. Żviluppi fl-ammont ta’ kawżi
L-ammont ta’ kawżi tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri huwa għoli iżda pjuttost stabbli, anke jekk dan ivarja b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri (Figura 4). Dan juri l-importanza ta’ aktar sforzi biex jiżguraw l-effettività tas-sistema ġudizzjarja. Għall-ewwel darba, it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2018 tippreżenta wkoll data dwar il-kawżi amministrattivi li jidħlu (Figura 6).
Figura 4: L-għadd ta’ kawżi ċivili, kummerċjali, amministrattivi u oħrajn li jidħlu (*) (il-prim’istanza/għal kull 100 abitant) (sors: studju tas-CEPEJ ( 49 ))
(*) Skont il-metodoloġija tas-CEPEJ, din il-kategorija tinkludi l-kawżi ċivili u kummerċjali kontenzjużi u mhux kontenzjużi kollha, il-kawżi tar-reġistru tal-artijiet u tan-negozju mhux kontenzjużi, kawżi tar-reġistru oħrajn, kawżi mhux kontenzjużi oħrajn, il-kawżi tal-liġi amministrattiva u kawżi mhux kriminali oħrajn. Bidliet fil-metodoloġija f’SK.
Figura 5: L-għadd ta’ kawżi ċivili u kummerċjali kontenzjużi li jidħlu (*) (il-prim’istanza/għal kull 100 abitant) (sors: studju tas-CEPEJ)
* Skont il-metodoloġija tas-CEPEJ, il-kawżi ċivili/kummerċjali kontenzjużi jikkonċernaw tilwim bejn il-partijiet, pereżempju, tilwim rigward kuntratti. Il-kawżi ċivili/kummerċjali mhux kontenzjużi jikkonċernaw proċedimenti mhux ikkontestati, pereżempju, ordnijiet ta’ ħlas mhux ikkontestati. Bidliet fil-metodoloġija f’EL u SK. Id-data għal NL tinkludi l-kawżi mhux kontenzjużi.
Figura 6: L-għadd ta’ kawżi amministrattivi li jidħlu (*) (il-prim’istanza/għal kull 100 abitant) (sors: studju tas-CEPEJ)
* Skont il-metodoloġija tas-CEPEJ, il-kawżi tal-liġi amministrattiva jikkonċernaw tilwim bejn iċ-ċittadini u l-awtoritajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali. Bidliet fil-metodoloġija f’EL u SK. DK u IE ma jirreġistrawx il-kawżi amministrattivi separatament.
3.1.2. Data ġenerali dwar l-effiċjenza
L-indikaturi dwar l-effiċjenza tal-proċedimenti fl-oqsma wiesgħa tal-kawżi ċivili, kummerċjali u amministrattivi huma: it-tul tal-proċedimenti (iż-żmien għat-tlestija); ir-rata tal-għeluq tal-kawżi; u l-għadd ta’ kawżi pendenti.
− It-tul tal-proċedimenti –
It-tul tal-proċedimenti jindika ż-żmien stmat (fi ġranet) meħtieġ biex tiġi riżolta kawża l-qorti, jiġifieri ż-żmien meħud mill-qorti biex tasal għal deċiżjoni fil-prim’istanza. L-indikatur taż-“żmien għat-tlestija” huwa n-numru ta’ kawżi mhux riżolti diviż bin-numru ta’ kawżi riżolti sa tmiem is-sena mmultiplikat bi 365 (jum) ( 50 ). Prinċipalment, il-figuri jikkonċernaw proċedimenti fil-prim’istanza u jqabblu, fejn disponibbli, data għall-2010, 2014, 2015 u 2016 ( 51 ). Iż-żewġ figuri juru ż-żmien għat-tlestija fl-2016 fil-kawżi ċivili u kummerjali kontenzjużi u l-kawżi amministrattivi fl-istanzi kollha tal-qorti.
Figura 7: Iż-żmien meħtieġ biex jiġu riżolti kawżi ċivili, kummerċjali, amministrattivi u kawżi oħrajn(*) (il-prim'istanza/f'jiem) (sors: studju tas-CEPEJ)
* Skont il-metodoloġija tas-CEPEJ, din il-kategorija tinkludi l-kawżi ċivili u kummerċjali kontenzjużi u mhux kontenzjużi kollha, il-kawżi tar-reġistru tal-artijiet u tan-negozju mhux kontenzjużi, kawżi tar-reġistru oħrajn, kawżi mhux kontenzjużi oħrajn, il-kawżi tal-liġi amministrattiva u kawżi mhux kriminali oħrajn. Bidliet fil-metodoloġija f’SK. Il-kawżi pendenti jinkludi l-istanzi kollha f’CZ u, sal-2016, f’SK.
Figura 8: Iż-żmien meħtieġ biex jiġu riżolti kawżi ċivili u kummerċjali kontenzjużi (*) (il-prim'istanza/f'jiem) (sors: studju tas-CEPEJ)
(*) Skont il-metodoloġija tas-CEPEJ, il-kawżi ċivili/kummerċjali kontenzjużi jikkonċernaw tilwim bejn il-partijiet, pereżempju, tilwim rigward kuntratti. Il-kawżi ċivili/kummerċjali mhux kontenzjużi jikkonċernaw proċedimenti mhux ikkontestati, pereżempju, ordnijiet ta’ ħlas mhux ikkontestati. Bidliet fil-metodoloġija f’EL u SK. Il-kawżi pendenti jinkludi l-istanzi kollha f’CZ u, sal-2016, f’SK. Id-data għal NL tinkludi kawżi mhux kontenzjużi.
Figura 9: Iż-żmien meħtieġ biex ġew riżolti kawżi ċivili u kummerċjali kontenzjużi (*) fl-istanzi kollha tal-qorti fl-2016 (l-ewwel, it-tieni u t-tielet istanza/f’jiem (sors: studju tas-CEPEJ)
(*) L-ordni huwa ddeterminat skont l-istanza tal-qorti bl-itwal proċedimenti f’kull Stat Membru. Ma hemm l-ebda data disponibbli għall-qrati tal-ewwel u t-tieni istanza f’BE, BG u IE, għall-qrati tat-tieni u t-tielet istanza f’NL u AT, għall-qrati tat-tielet istanza f’DE, EL, HR u SK. L-ebda qorti tat-tielet istanza f’MT. L-aċċess għall-qorti tat-tielet istanza jista’ jkun limitat f’xi Stati Membri.
Figura 10: Iż-żmien meħtieġ biex jiġu riżolti il-kawżi amministrattivi (*)(il-prim’istanza/f’jiem) (sors: studju tas-CEPEJ)
(*) Il-kawżi tal-liġi amministrattiva jikkonċernaw tilwim bejn iċ-ċittadini u l-awtoritajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali, skont il-metodoloġija tas-CEPEJ. Bidliet fil-metodoloġija f’EL u SK. Il-kawżi pendenti jinkludu l-istanzi kollha tal-qorti f’CZ u, sal-2016, f’SK. DK u IE ma jirreġistrawx il-kawżi amministrattivi separatament.
Figura 11: Iż-żmien meħtieġ biex ġew riżolti kawżi amministrattivi (*) fl-istanzi kollha tal-qrati fl-2016 (il-prim’istanza u, fejn applikabbli, it-tieni u t-tielet istanza/f’jiem) (sors: studju tas-CEPEJ)
(*) L-ordni huwa ddeterminat skont l-istanza tal-qorti bl-itwal proċedimenti f’kull Stat Membru. Ma hemm l-ebda data disponibbli: għall-qorti tal-ewwel istanza f’LU, għall-qrati tat-tieni istanza f'MT u RO, u għall-qorti tat-tielet istanza f’NL. Il-qorti suprema jew qorti oħra superjuri hija l-unika istanza ta’ appell f’CZ, IT, CY, AT, SI u FI. L-ebda qorti tat-tielet istanza għal dawn it-tipi ta’ kawżi f’HR, LT, LU, MT u PL. L-ogħla Qorti Amministrattiva hija l-ewwel u l-unika istanza għal ċerti kawżi f’BE. L-aċċess għall-qorti tat-tielet istanza jista’ jkun limitat f’xi Stati Membri. DK u IE ma jirreġistrawx il-kawżi amministrattivi separatament.
− Ir-rata tal-għeluq tal-kawżi –
Ir-rata tal-għeluq tal-kawżi hija l-proporzjon tal-għadd ta’ kawżi riżolti fuq l-għadd ta’ kawżi deħlin. Hija tkejjel jekk qorti hijiex tlaħħaq mal-ammont ta’ kawżi deħlin. Meta r-rata tal-għeluq tal-kawżi tkun madwar 100 % jew ogħla, dan ifisser li, s-sistema ġudizzjarja għandha l-kapaċità li tal-inqas issolvi daqstant kawżi bl-istess rata ta’ dawk deħlin. Meta r-rata tal-għeluq tal-kawżi tkun taħt il-100 %, dan ifisser li l-qrati qegħdin isolvu inqas kawżi mill-ammont ta’ kawżi deħlin.
Figura 12: Ir-Rata ta' riżoluzzjoni ta' kawżi ċivili, kummerċjali, amministrattivi u oħrajn (*)(il-prim’istanza f’% — valuri ogħla minn 100 % jindikaw illi jiġu riżolti aktar kawżi milli dawk li jidħlu, filwaqt li valuri taħt il-100 % jindikaw illi jiġu riżolti inqas kawżi milli dawk li jidħlu) (sors: studju tas-CEPEJ)
(*) Bidliet fil-metodoloġija f’SK. L-IE: in-numru ta’ kawżi riżolti huwa mistenni li jkun inqas minħabba l-metodoloġija.
Figura 13: Ir-rata ta’ riżoluzzjoni ta’ kawżi ċivili u kummerċjali kontenzjużi (*) (il-prim’istanza/f’%) (sors: studju tas-CEPEJ)
(*) Bidliet fil-metodoloġija f’EL u SK. IE: l-għadd ta’ kawżi riżolti huwa mistenni li jkun inqas minħabba l-metodoloġija. Id-data għal NL tinkludi l-kawżi mhux kontenzjużi.
Figura 14: Ir-rata ta’ riżoluzzjoni tal-kawżi amministrattivi (*) (l-ewwel istanza/f'%) (sors: studju tas-CEPEJ)
(*) Il-valuri passati għal xi Stati Membri tnaqqsu għal skopijiet ta’ preżentazzjoni (MT fl-2015=411 %; IT fl-2010=316 %); Bidliet fil-metodoloġija f’EL u SK. DK u IE ma jirreġistrawx il-kawżi amministrattivi separatament.
− Kawżi pendenti –
L-għadd ta’ kawżi pendenti jindika l-għadd ta’ kawżi li għadhom ma ġewx deċiżi sal-aħħar tas-sena kkonċernata. Dan jinfluwenza wkoll iż-żmien għat-tlestija.
Figura 15: L-għadd ta’ kawżi ċivili, kummerċjali u amministrattivi u kawżi oħrajn pendenti (*) (il-prim istanza/għal kull 100 abitant) (sors: studju tas-CEPEJ)
(*) Bidliet fil-metodoloġija f’SK. Il-kawżi pendenti jinkludu l-istanzi kollha f’CZ u, sal-2016, f’SK.
Figura 16: L-għadd ta’ kawżi ċivili u kummerċjali kontenzjużi pendenti (*) (il-prim’istanza/għal kull 100 abitant) (sors: studju tas-CEPEJ)
(*) Bidliet fil-metodoloġija f’EL u SK. Il-kawżi pendenti jinkludu l-istanzi kollha tal-qorti f’CZ u, sal-2016, f’SK. Id-data għal NL tinkludi kawżi mhux kontenzjużi.
Figura 17: L-għadd ta’ kawżi amministrattivi pendenti (*) (il-prim’istanza/għal kull 100 abitant ) (sors: studju tas-CEPEJ)
(*) Il-valuri passati għal xi Stati Membri tnaqqsu għal skopijiet ta’ preżentazzjoni (EL fl-2010=3.7). Bidliet fil-metodoloġija f’EL u SK. Il-kawżi pendenti jinkludu l-istanzi kollha f’CZ u, sal-2016, f’SK. DK u IE ma jirreġistrawx il-kawżi amministrattivi separatament.
3.1.3. L-effiċjenza f’oqsma speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni
Din it-taqsima tikkumplimenta d-data ġenerali dwar l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji u tippreżenta t-tul medju tal-proċedimenti ( 52 ) f’oqsma speċifiċi meta jkun involut id-dritt tal-Unjoni. It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-2018 tibni fuq id-data preċedenti fl-oqsma tal-kompetizzjoni, il-komunikazzjoni elettronika, it-trademark tal-UE, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. L-oqsma jintgħażlu minħabba r-rilevanza tagħhom għas-suq uniku u għall-ambjent tan-negozju. B’mod ġenerali, id-dewmien twil fil-proċedimenti ġudizzjarji jista’ jkollu konsegwenzi negattivi fuq id-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, pereżempju, meta ma jkunx għad hemm rimedji adegwati jew meta d-danni finanzjarji serji jsiru rrekuperabbli.
– Il-kompetizzjoni –
L-infurzar effettiv tal-liġi tal-kompetizzjoni jiżgura kundizzjonijiet ekwi għan-negozji u, għalhekk, huwa essenzjali għal ambjent tan-negozju attraenti. Il-figura 18 t’hawn taħt tippreżenta t-tul medju tal-kawżi kontra deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali għall-kompetizzjoni li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE ( 53 ).
Figura 18 Il-kompetizzjoni: It-tul medju tal-istħarriġ ġudizzjarju (*) (il-prim’istanza/f’jiem) (sors: il-Kummissjoni Ewropea man-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni)
(*) EE: ebda kawża. IE u AT: ix-xenarju mhuwiex applikabbli minħabba li l-awtoritajiet ma għandhomx setgħat sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet rispettivi. AT: id-data tinkludi kawżi deċiżi mill-Qorti Cartel li jinvolvu l-ksur tal-Artikoli 101 u 201 tat-TFUE, iżda li mhumiex ibbażati fuq appelli kontra l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni. F’BG u IT intużat stima tat-tul. Kolonna vojta tindika illi l-Istat Membru ma rrappurtax kawżi għal dik is-sena. L-għadd ta’ kawżi huwa baxx (inqas minn 5 fis-sena) għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, li bih id-data annwali tista’ tkun dipendenti fuq kawża eċċezzjonalment twila jew qasira. L-għadd tal-itwal kawżi fis-sett tad-data inkluda ż-żmien meħtieġ għal referenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (pereżempju LT), rieżami kostituzzjonali (pereżempju SK) jew dewmien proċedurali speċifiku (pereżempju CZ, EL, HU).
– Il-komunikazzjonijiet elettroniċi –
L-objettiv tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi huwa li żżid il-kompetizzjoni, tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq uniku u tiġġenera l-investiment, l-innovazzjoni u t-tkabbir. L-effetti pożittivi għall-konsumaturi jistgħu jinkisbu permezz ta’ infurzar effettiv ta’ din il-leġiżlazzjoni li tista’ twassal għal prezzijiet tal-utent aħħari aktar baxxi u servizzi ta’ kwalità aħjar. Il-Figura 19 t’hawn taħt tippreżenta t-tul medju tal-kawżi ta’ stħarriġ ġudizzjarju kontra deċiżjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li japplikaw il-liġi tal-UE dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi ( 54 ). Hija tkopri firxa wiesgħa ta’ każijiet, li jvarjaw mill-istħarriġ aktar kumpless ta’ “analiżi tas-suq” għal kwistjonijiet iffukati fuq il-konsumatur.
Figura 19 Il-komunikazzjonijiet elettroniċi: It-tul medju tal-kawżi dwar stħarriġ ġudizzjarju (*) (il-prim’istanza/f’jiem) (sors: il-Kummissjoni Ewropea mal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet)
(*) L-għadd ta’ kawżi jvarja skont l-Istat Membru. Kolonna vojta tindika illi l-Istat Membru ma rrappurtax kawżi għal dik is-sena. F'ċerti sitwazzjonijiet, l-għadd limitat ta’ kawżi rilevanti (LT, MT, SE, LV, SK) jista’ jfisser illi d-data annwali jkollha tiddependi fuq kawża waħda twila jew qasira żżejjed u tirriżulta f’varjazzjonijiet kbar minn sena għal oħra. DK: korp kważi-ġudizzjarju responsabbli mill-appelli fil-prim'istanza. ES, AT, u PL: qrati differenti responsabbli skont is-suġġett. MT: fl-2016 ġie rrapportat każ eċċezzjonalment twil ta’ 2 500 jum, li kien jirrelata ma’ kwistjoni kumplessa fejn awtorità lokali, flimkien ma’ diversi residenti, nedew proċedimenti fir-rigward ta’ allegati emissjonijiet perikolużi minn stazzjonijiet bażi tal-komunikazzjonijiet mobbli.
– It-trademark tal-UE–
L-infurzar effettiv tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali huwa essenzjali sabiex jistimola l-investiment f’innovazzjoni. Il-leġiżlazzjoni al-UE dwar it-trademarks ( 55 ) tagħti rwol sinifikanti lill-qrati nazzjonali, li jaġixxu bħala qrati tal-UE u jieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw lis-suq uniku. Il-figura 20 t’hawn taħt turi t-tul medju tal-kawżi litiġjużi ta’ ksur tat-trademark tal-UE fost partijiet privati.
Figura 20 It-trademark tal-UE: It-tul medju tal-kawżi ta’ ksur tat-trademark tal-UE (*)(il-prim’istanza/f’jiem) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea mal-Osservatorju Ewropew dwar il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali)
(*) FR, IT, LT, LU: kampjun ta’ kawżi użat għal data ta’ ċerti snin. BG: stima mill-qrati użata għall-2016. PL: stima mill-qrati użata għall-2015. L-għadd ta’ kawżi rilevanti kien limitat (inqas minn 5) f’EE, IE, HR, LU u SI. Ġew irrapportati kważi partikolarment twal li jaffettwaw il-medja fi EE, IE, LV and SE. EL: data bbażata fuq it-tul medju peżat minn żewġ qrati. ES: il-kawżi li jikkonċernaw titoli oħrajn tal-IP tal-UE huma inklużi fil-kalkolu tat-tul medju.
– Il-protezzjoni tal-konsumatur –
L-infurzar effettiv tal-liġi tal-konsumatur jiżgura li l-konsumaturi jibbenifikaw mid-drittijiet tagħhom u li l-kumpaniji li jiksru r-regoli tal-konsumatur ma jiksbu ebda vantaġġ inġust. L-awtoritajiet tal-konsumatur u l-qrati għandhom rwol ewlieni fl-infurzar tal-liġi tal-konsumatur tal-UE ( 56 ) fi ħdan id-diversi sistemi tal-infurzar nazzjonali. Il-Figura 21 turi t-tul medju tal-kawżi ta’ stħarriġ ġudizzjarju kontra deċiżjonijiet tal-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-konsumatur li japplikaw id-dritt tal-Unjoni.
Għall-konsumaturi jew għall-kumpaniji, l-infurzar effettiv jista’ jinvolvi katina ta’ atturi, mhux biss il-qrati iżda anke l-awtoritajiet amministrattivi. Sabiex titkompla l-eżaminazzjoni ta’ din il-katina ta’ infurzar, it-tul tal-proċedimenti mill-awtoritajiet tal-konsumaturi huwa ppreżentat mill-ġdid. Il-Figura 22 turi t-tul medju tad-deċiżjonijiet amministrattivi meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur mill-2014 sal-2016 mill-mument li tinfetaħ kawża. Id-deċiżjonijiet rilevanti jinkludu d-dikjarazzjoni ta’ ksur tar-regoli sostantivi, il-miżuri interim, l-ordnijiet ta’ waqfien u ta’ ebda tkomplija, il-bidu ta’ proċedimenti fil-qorti jew l-għeluq tal-kawżi.
Figura 21 Il-protezzjoni tal-konsumatur: It-tul medju tal-istħarriġ ġudizzjarju (*) (il-prim’istanza/f’jiem) (sors: il-Kummissjoni Ewropea man-Netwerk ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur)
(*) BE, LU, AT, FI, SE u UK: ix-xenarju mhuwiex applikabbli minħabba li l-awtoritajiet tal-konsumatur ma għandhomx is-setgħa li jiddeċiedu fuq il-ksur tar-regoli rilevanti tal-konsumatur. F’xi wħud minn dawn l-Istati Membri (pereżempju; FI u SE), l-awtoritajiet tal-konsumatur jistgħu jibdew azzjonijiet fil-qorti, jew jikkuntattjaw lill-prosekutur pubbliku (BE). DE: l-awtoritajiet amministrattivi jistgħu jadottaw deċiżjonijiet f’kawżi transkonfinali biss, iżda ma kien hemm ebda kawża rilevanti hekk kif il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur ta struzzjonijiet lil entitajiet kwalifikati oħrajn sabiex jieħdu miżuri ta’ infurzar. Xi Stati Membri għandhom sistemi mħalltin (BG, DK, EE, IE, ES u LT), fejn l-awtoritajiet tal-konsumatur iridu jieħdu azzjonijiet fil-qorti fuq xi regoli (pereżempju; klawżoli kuntrattwali inġusti f’BG u CY). DE u AT: L-aktar l-infurzar ċivili fil-liġi tal-konsumatur permezz tal-konsumaturi jew ta’ korpi privati/semi-privati. ES: id-data tkopri għadd limitat ta’ Komunitajiet Awtonomi. L-għadd ta’ kawżi rilevanti huwa baxx (inqas minn ħamsa) f’DK, EE u IE. Stima tat-tul medju ngħatat minn EL, PL and RO. Is-setgħat ta’ xi awtoritajiet jinkludu biss partijiet mil-liġi rilevanti tal-konsumatur tal-UE.
Figura 22 Il-protezzjoni tal-konsumatur: It-tul medju tad-deċiżjonijiet amministrattivi meħuda mill-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-konsumatur (*) (il-prim’istanza/f’jiem) (sors: il-Kummissjoni Ewropea man-Netwerk ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur)
(*) BE, DE, LU, AT: ix-xenarju mhuwiex applikabbli. SE: bidla fir-regolament ippermettiet lil awtorità tadotta deċiżjoni rilevanti li toħroġ multa kondizzjonali. CZ: Id-deċiżjonijiet kollha, inklużi d-deċiżjonijiet mhux finali tal-awtorità, ġew inklużi fil-kalkolu tat-tul medju. PL: id-data tinkludi biss proċedimenti fejn inħarġet deċiżjoni u ma tinkludix proċedimenti li twaqqfu formalment. DK: varjazzjoni fit-tul medju meta mqabbel mas-snin preċedenti tista’ tiġi spjegata permezz ta’ bidla fil-metodoloġija. NL: id-data tkopri d-deċiżjonijiet li fihom ġiet imposta multa amministrattiva minħabba ksur tar-regoli sostantivi. ES: id-data tkopri għadd limitat ta’ Komunitajiet Awtonomi. Xi Stati Membri indikaw li dawn użaw ukoll strumenti informali biex jinfurzaw il-liġi tal-konsumatur, li ġeneralment ikunu ta’ suċċess (NL, LU) jew tinkiseb konformità mingħajr deċiżjoni ta’ awtorità (MT). Stima jew firxa ta’ tul medju ngħatat minn EL, IE, RO u FI. F’każ ta’ firxa minima u massima, il-figura turi l-medja. Xi awtoritajiet huma kompetenti għal partijiet biss mid-dritt tal-Unjoni rilevanti.
– Miżuri proviżorji –
Il-miżuri proviżorji deċiżi mill-qrati jinkludu inibizzjonijiet temporanji u s-sekwestu tal-beni bl-għan li jiskoraġġixxu jew jipprevjenu ksur imminenti qabel ir-riżoluzzjoni finali tal-kawża. L-effiċjenza tal-proċedimenti għal miżuri proviżorji hija partikolarment importanti, għaliex jintużaw ta’ spiss f’każijiet urġenti fejn id-dewmien jista’ jikkawża ħsara irreparabbli għar-rikorrent. Il-Figura 23 t’hawn taħt turi ż-żmien medju meħtieġ biex tinkiseb deċiżjoni minn qorti nazzjonali fuq talba għall-applikazzjoni ta’ miżuri proviżorji jew interim biex jitwaqqaf il-ksur tat-trademarks tal-UE ( 57 ) u tar-regoli tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ( 58 ). Il-figura turi t-tul medju tal-proċedimenti f’dawn l-oqsma fejn ittieħdu deċiżjonijiet fl-2015 u fl-2016.
Figura 23 Miżuri proviżorji: It-tul medju tal-miżuri proviżorji fl-2015 u fl-2016 (*) (il-prim’istanza/f’jiem) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea mal-Osservatorju Ewropew dwar il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u mal-Kumitat tal-Komunikazzjoni)
(*) Trademark tal-UE: DK ma rrapportat l-ebda kawża. BE, DE, FR, HR, CY, MT, LU, AT, AK, UK ma pprovdew l-ebda data. F’EL ġew irrapportati ċirkostanzi speċifiċi li għamlu t-tul medju itwal mis-soltu. Il-komunikazzjonijiet elettroniċi: BE, CY, DK, EE, IE, LV, MT, NL, RO, SK u UK ma rrapportaw ebda każ. LU ma pprovda ebda data. L-għadd ta’ kawżi huwa baxx (inqas minn 5 fis-sena) għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri f’kull qasam, li jista’ jagħmel id-data annwali dipendenti fuq kawża waħda eċċezzjonalment twila jew qasira.
– Il-ħasil tal-flus –
Minbarra l-kontribuzzjoni lejn il-ġlieda kontra l-kriminalità, l-effettività tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus hija kruċjali għas-solidità, l-integrità u l-istabbilità tas-settur finanzjarju, il-fiduċja fis-sistema finanzjarja u l-kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku ( 59 ). Kif issottolinjat mill-Fond Monetarju Internazzjonali, il-ħasil tal-flus jista’ jiskoraġġixxi l-investiment barrani, ifixkel il-flussi tal-kapital internazzjonali u jkollu konsegwenzi negattivi għall-prestazzjoni makroekonomika ta’ pajjiż, li jirriżulta f’telf tal-benesseri, tnaqqis tar-riżorsi minn attivitajiet ekonomiċi aktar produttivi ( 60 ). Id-Direttiva kontra l-ħasil tal-flus titlob lill-Istati Membri jżommu statistika dwar l-effettività tas-sistemi tagħhom biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu ( 61 ). F’kooperazzjoni mal-Istati Membri, stħarriġ aġġornat ġabar data dwar il-fażijiet ġudizzjarji tas-sistemi nazzjonali kontra l-ħasil tal-flus. Il-Figura 24 turi t-tul medju tal-kawżi tal-qorti tal-prim’istanza li jittrattaw reati ta’ ħasil tal-flus.
Figura 24: Ħasil tal-flus: It-tul medju tal-kawżi tal-qorti (*) (il-prim’istanza/f’jiem) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Grupp Espert dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu)
(*) ES: stima tat-tul. LV: Minħabba għadd relattivament baxx ta’ kawżi fl-2016, hemm diversi fatturi li possibbilment jaffettwaw it-tul ta’ proċediment, pereżempju sospensjoni ta’ kawża waħda minħabba raġunijiet oġġettivi. PL: Il-kalkolu tat-tul għall-2016 ibbażat fuq kampjun ta’ kawżi magħżul b’mod każwali.
|
3.1.4. Sommarju dwar l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji Sistema ġudizzjarja effiċjenti tiġġestixxi l-ammont ta’ kawżi u l-kawżi pendenti tagħha u tieħu deċiżjonijiet mingħajr dewmien żejjed. Il-parametri ewlenin użati mit-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-UE għall-eżaminazzjoni tal-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji huma għalhekk it-tul tal-proċedimenti (iż-żmien stmat jew medju f’jiem meħtieġ sabiex tinqata’ kawża), ir-rata tal-għeluq tal-kawżi (il-proporzjon tal-għadd ta’ kawżi li jinqatgħu fuq l-għadd ta’ kawżi li jidħlu) u l-għadd ta’ kawżi pendenti (li għadhom iridu jiġu indirizzati sa tmiem is-sena). Data ġenerali dwar l-effiċjenza It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2018 tinkludi data dwar l-effiċjenza li tkopri seba’ snin (2010-2016). Dan l-ammont ta’ żmien jippermetti li jiġu identifikati ċerti tendenzi. Dan huwa partikolarment rilevanti meta wieħed iqis li spiss ir-riformi ġudizzjarji jieħdu ż-żmien biex juru l-effett tagħhom. Meta wieħed iqis id-data ġenerali f’kawżi ċivili, kummerċjali u amministrattivi, it-Tabella ta’ Valutazzjoni turi li tul il-perjodu ta’ seba’ snin, b’mod ġenerali tipprevali tendenza pożittiva fuq l-effiċjenza. Skont id-data disponibbli mill-2010, l-effiċjenza tjiebet u baqgħet stabbli fi kważi l-Istati Membri kollha b’għadd żgħir ħafna ta’ eċċezzjonijiet. B’mod partikolari, huwa inkoraġġanti li jiġu osservati żviluppi pożittivi fl-Istati Membri li kienu identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew jew tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku bħala li jaffaċċjaw sfidi ( 62 ): ·Mill-2010, fi kważi l-Istati Membri kollha, it-tul tal-proċedimenti tal-qorti tal-ewwel istanza fil-kategorija wiesgħa “kawżi kollha” (Figura 7) u l-kawżi ċivili u kummerċjali kontenzjużi (Figura 8) naqas jew baqa’ stabbli. Fil-kawżi amministrattivi (Figura 10), it-tul tal-proċedimenti mill-2010 naqas jew baqa’ stabbli fil-maġġoranza ta’ dawn l-Istati Membri. Madankollu, xi wħud mill-Istati Membri li jaffaċċjaw l-aktar sfidi sostanzjali, fl-2016 urew żieda fit-tul tal-proċedimenti. ·Għall-ewwel darba, it-Tabella ta' Valutazzjoni tippreżenta data dwar it-tul tal-proċedimenti fl-istanzi kollha tal-qorti għall-kawżi ċivili u kummerċjali (Figura 9) u amministrattivi (Figura 11) kontenzjużi. Id-data turi li l-Istati Membri identifikati bħala li jaffaċċjaw sfidi bit-tul tal-proċedimenti fil-qrati tal-ewwel istanza, għandhom kwistjonijiet simili fil-qrati superjuri. Barra minn hekk, it-tul medju tal-proċedimenti fil-qrati superjuri huwa ġeneralment itwal milli fil-qrati tal-ewwel istanza fil-maġġoranza tal-Istati Membri fejn hemm data disponibbli. ·Fil-kategorija wiesgħa “kawżi kollha” u f’dik tal-kawżi ċivili u kummerċjali kontenzjużi (Figuri 12 u 13), l-għadd globali tal-Istati Membri fejn ir-rata tal-għeluq tal-kawżi hija inqas minn 100 %, naqas mill-2010. Fl-2016, kważi l-Istati Membri kollha, inklużi dawk li jaffaċċjaw sfidi, irrapportaw rata għolja tal-għeluq tal-kawżi (aktar minn 97 %), li jfisser li b’mod ġenerali l-qrati għandhom il-kapaċità li jittrattaw il-kawżi li jidħlu f’dawn il-kategoriji. Fil-kawżi amministrattivi (Figura 14), tista’ tiġi osservata varjazzjoni akbar tar-rata tal-għeluq tal-kawżi minn sena għall-oħra u b’mod globali din tibqa’ baxxa milli f’kategoriji oħrajn tal-kawżi. ·Mill-2010, il-progress huwa ċar fl-Istati Membri kollha li jaffaċċjaw l-aktar sfidi sostanzjali bil-kawżi pendenti tagħhom, irrispettivament mill-kategorija tal-kawżi. L-akbar titjib fit-tnaqqis tal-kawżi pendenti sar għall-kawżi ċivili u kummerċjali kontenzjużi (Figura 16) u l-kawżi amministrattivi (Figura 17). Minkejja dan it-titjib, id-differenza bejn l-Istati Membri bi ftit kawżi pendenti u dawk b’għadd kbir ta’ kawżi pendenti tibqa’ importanti ħafna. L-effiċjenza f’oqsma speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni Id-data dwar it-tul medju tal-proċedimenti f’oqsma speċifiċi (il-Figuri 18-24) tipprovdi għarfien dwar il-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji f’tip ta’ tilwim relatat man-negozju kopert mid-dritt tal-Unjoni. Għaċ-ċittadini jew għan-negozji, l-infurzar effettiv jista’ jinvolvi katina ta’ atturi, mhux biss il-qrati iżda anke l-awtoritajiet amministrattivi. It-Tabella ta' Valutazzjoni tippreżenta data dwar din il-katina ta' infurzar fil-qasam tal-liġi tal-konsumatur (Figuri 21 u 22). Id-data dwar l-effiċjenza f'oqsma speċifiċi tal-liġi tinġabar abbażi ta' xenarji ddefiniti b'mod ristrett u l-għadd ta' kawżi rilevanti jista' jkun baxx. Madankollu, meta mqabbla mat-tul ikkalkolat tal-proċedimenti ppreżentat fid-data ġenerali dwar l-effiċjenza, dawn il-figuri jipprevedu tul medju attwali tal-kawżi kollha rilevanti f'sena. Għalhekk, ta' min jinnota li diversi Stati Membri li ma jidhrux li qegħdin jaffaċċjaw sfidi abbażi tad-data ġenerali dwar l-effiċjenza, jirrapportaw tul medju ta' kawżi ferm itwal f'oqsma speċifiċi tal-liġi. Fl-istess ħin, it-tul tal-proċedimenti f'oqsma speċifiċi differenti jista' wkoll ivarja b'mod konsiderevoli fl-istess Stat Membru. Il-figuri f'oqsma speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni jikkonfermaw li: ·Għall-kawżi ta' kompetizzjoni (Figura 18), aktar minn terz tal-Istati Membri (11) jirrapportaw kawżi tal-ewwel istanza li jdumu aktar minn tliet snin. Spjegazzjoni tista' tkun li l-għadd ta' dawn il-kawżi huwa baxx u ġeneralment huma kumplessi ħafna, li spiss jirrikjedu passi proċedurali addizzjonali u speċifiċi. Tista' tiġi osservata tendenza simili fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (Figura 19), fejn bħala medja, il-kawżi jieħdu aktar żmien milli fil-kategorija wiesgħa ta' kawżi amministrattivi kif ukoll f'oqsma oħrajn speċifiċi tal-liġi, pereżempju, fil-liġi tal-konsumatur (Figura 21). ·L-effett possibbli kkombinat tal-katina ta' infurzar li jikkonsisti kemm fi proċedimenti ta' reviżjoni amministrattiva kif ukoll f'dawk ta’ stħarriġ ġudizzjarju huwa ppreżentat fil-qasam tal-liġi tal-konsumatur (Figuri 21 u 22). Fi kwart biss tal-Istati Membri, bħala medja, awtorità tal-protezzjoni tal-konsumatur tieħu deċiżjoni f’kawża koperta mil-liġi tal-konsumatur tal-UE f’inqas minn tliet xhur. Stati Membri oħra jirrapportaw bħala medja tul ta’ tliet xhur sa aktar minn sena. Xi awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur jittrattaw għadd sostanzjali ta’ kawżi u l-maġġoranza tad-deċiżjonijiet tagħhom mhumiex ikkontestati fil-qrati. Madankollu, meta jsir stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni amministrattiva, bħala medja, dan idum aktar minn sena fil-maġġoranza tal-Istati Membri. L-effett kumulattiv kemm tal-proċedimenti amministrattivi kif ukoll ta’ dawk ġudizzjarji jista’ għalhekk ikun tassew sostanzjali, b’mod partikolari għal konsumatur li jkun qiegħed ifittex rimedju. ·Hija ppreżentata wkoll data dwar it-tul tal-miżuri interim maħsuba biex jipprevjenu l-ksur jew id-danni imminenti fl-oqsma tal-komunikazzjoni elettronika u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (Figura 23). Din turi varjetà kbira fost l-Istati Membri, kif ukoll skont it-tip ta’ kawża fl-istess pajjiż. L-għadd ta’ kawżi fejn ġiet adottata deċiżjoni dwar miżura proviżorja huwa ferm aktar baxx mill-għadd ta’ proċedimenti ewlenin f’dawk l-oqsma tal-liġi. ·Il-ġlieda effettiva kontra l-ħasil tal-flus hija kruċjali biex tipproteġi s-sistema finanzjarja, il-kompetizzjoni ġusta u tipprevjeni l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi. Bl-għan li jikkonformaw mal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva kontra l-ħasil tal-flus minn Ġunju 2017, l-Istati Membri tejbu l-kapaċità tagħhom li jiġbru data dwar il-fażijiet ġudizzjarji tas-sistemi nazzjonali kontra l-ħasil tal-flus. It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2018 tippreżenta data aġġornata dwar it-tul tal-proċedimenti ġudizzjarji li jittrattaw ir-reati tal-ħasil tal-flus (Figura 24), li turi li waqt li fi kawżi nofs l-Istati Membri l-proċedimenti tal-qorti tal-ewwel istanza jdumu sena bħala medja, dawn il-proċedimenti jdumu madwar sentejn bħala medja f’diversi Stati Membri li jaffaċċjaw sfidi. |
3.2. Il-kwalità tas-sistemi ġudizzjarji
Ma hemmx mod wieħed ta’ kif titkejjel il-kwalità tas-sistemi ġudizzjarji. It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2018 tibqa’ teżamina fatturi li ġeneralment huma aċċettati bħala rilevanti biex itejbu l-kwalità tal-ġustizzja. Dawn huma miġbura f’erba’ kategoriji:
1) l-aċċessibbiltà tal-ġustizzja għaċ-ċittadini u n-negozji;
2) materjal u riżorsi umani adegwati;
3) l-implimentazzjoni ta’ għodod għall-valutazzjoni; u
4) l-użu ta’ standards ta’ kwalità.
3.2.1. L-aċċessibbiltà
L-aċċessibbiltà hija meħtieġa matul il-katina kollha tal-ġustizzja biex tippermetti l-kisba ta’ informazzjoni rilevanti — dwar is-sistema ġudizzjarja, kif tinbeda talba u l-aspetti finanzjarji relatati, l-istat attwali tal-proċedimenti sat-tmiem tagħhom — sabiex is-sentenza tkun tista’ tiġi aċċessata malajr onlajn ( 63 ).
– L-għoti ta’ informazzjoni dwar is-sistema ġudizzjarja –
Ġustizzja li tiffavorixxi ċ-ċittadini tirrikjedi li l-informazzjoni dwar is-sistema ġudizzjarja tingħata b’tali mod li mhux biss ikun faċilment aċċessibbli iżda li jirrappreżenta wkoll l-informazzjoni f’forma mfassla apposta għal gruppi speċifiċi tas-soċjetà li inkella jkollhom diffikultajiet biex jaċċessaw l-informazzjoni. Il-Figura 25 turi d-disponibbiltà ta’ informazzjoni online dwar aspetti speċifiċi tas-sistema ġudizzjarja u għal gruppi speċifiċi tas-soċjetà.
Figura 25:Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni online dwar is-sistema ġudizzjarja għall-pubbliku ġenerali (*) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea ( 64 ))
(*) DE: Kull stat federali u l-livell federali jiddeċiedu liema informazzjoni jipprovdu onlajn.
– L-għajnuna legali u t-tariffi tal-qrati –
L-aċċess għall-għajnuna legali huwa dritt fundamentali stabbilit fil-Karta ( 65 ). Il-maġġoranza tal-Istati Membri jagħtu l-għajnuna legali abbażi tal-introjtu tal-applikant ( 66 ). Sabiex tinġabar data kumparabbli, ġew ippreżentati żewġ xenarji li jinvolvu tilwim tal-konsumatur fil-kuntest tal-introjtu u l-kundizzjonijiet ta’ għajxien ta’ kull Stat Membru. Il-Figura 26 turi d-disponibbiltà tal-għajnuna legali għal dawn iż-żewġ xenarji, li huma bbażati fuq żewġ valuri differenti tat-talba: (i) talba b’valur għoli (jiġifieri EUR 6 000) u (ii) talba b’valur baxx (jiġifieri l-livell minimu tal-Eurostat għall-faqar ta’ kull Stat Membru mibdul f’introjtu fix-xahar ) ( 67 ).
Il-Figura 26 tqabbel f'perċentwal il-livell limitu tal-introjtu għall-għoti tal-għajnuna legali mal-livell limitu tal-Eurostat għall-faqar f’kull Stat Membru. Pereżempju, jekk l-eliġibbiltà għall-għajnuna legali hija ta’ 20%, dan ifisser illi l-applikant b’introjtu ta’ 20 % aktar mil-livell limitu rispettiv tal-Eurostat għall-faqar jista’ jirċievi l-għajnuna legali. Min-naħa l-oħra, jekk l-eliġibbiltà għall-għajnuna legali hija ta’ -20 %, dan ifisser illi l-livell limitu ta’ introjtu għall-għajnuna legali huwa ta’ 20 % inqas mil-livell limitu tal-Eurostat għall-faqar. Xi Stati Membri jħaddmu sistema ta’ għajnuna legali li tipprovdi għal kopertura ta’ 100 % tal-ispejjeż marbuta mal-litigazzjoni (għajnuna legali sħiħa), ikkumplimentata minn sistema li tkopri spejjeż parzjali (għajnuna legali parzjali). Stati Membri oħrajn iħaddmu jew sistema ta’ għajnuna legali sħiħa biss jew parzjali biss.
Figura 26: Livell limitu tal-introjtu għall-għajnuna legali f’każ speċifiku tal-konsumatur (*) (differenzi f’% mil-livell limitu tal-Eurostat għall-faqar) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea mas-CCBE ( 68 ))
(*)“It-talba ta’ valur baxx” hija talba li tikkorrespondi għal-livell limitu tal-Eurostat għall-faqar għal persuna waħedha f’kull Stat Membru, mibdul f’introjtu fix-xahar (pereżempju fl-2015, dan il-valur kien ivarja bejn EUR 116 f’RO u EUR 1 764 f’LU). Il-figura tirrapreżenta l-livelli limitu għall-għajnuna legali li jvarjaw minn 40 % sa -30 %. DK, DE, EE, ES, FR, HR, LT, NL, FI, u SE jagħtu l-għajnuna legali għal livell limitu ta’ introjtu li jvarja bejn 40 % u 357 %. HU: l-għajnuna legali tingħata għal livell limitu ta’ introjtu ta’ -40 %. BG: il-livell limitu ta’ għajnuna legali jinsab fil-livell limitu tal-faqar. IE u SK: ma hija disponibbli l-ebda għajnuna legali għal valur tat-talba fil-livell limitu rispettiv tal-AROP, minħabba li l-ammont huwa żgħir wisq. DE: il-livell limitu tal-introjtu huwa bbażat fuq il-Prozesskostenhilfebekanntmachung tal-2017 u l-ispejjeż annwali medji għall-abitazzjoni (SILC). LV: firxa ta’ introjtu bejn EUR 128.06 u EUR 320 skont il-post ta’ residenza tal-applikant. Ir-rata hija bbażata fuq il-medja aritmetika. ** EE: tingħata għajnuna legali sħiħa fuq id-diskrezzjoni tal-qorti. MT: Id-data tirreferi għall-2016.
Ħafna mill-Istati Membri jitolbu lill-partijiet iħallsu tariffa tal-qorti meta jibdew proċediment ġudizzjarju. Il-benefiċjarji tal-għajnuna legali spiss ikunu eżentati milli jħallsu tariffi tal-qrati. BE, EE, IE, NL u SI biss jirrikjedu li benefiċjarju tal-għajnuna legali jħallas tariffa tal-qorti. F’CZ, il-qorti tiddeċiedi fuq bażi individwali li teżenta lil benefiċjarju tal-għajnuna legali milli jħallas tariffi tal-qrati. Il-Figura 27 tqabbel, għaż-żewġ xenarji, il-livell tat-tariffa tal-qorti ppreżentat bħala sehem tal-valur tat-talba. Jekk, pereżempju, fil-figura t’hawn taħt, it-tariffa tal-qorti tidher bħala 10 % ta’ talba ta’ EUR 6 000, il-konsumatur se jkollu jħass tariffa tal-qorti ta’ EUR 600 biex jibda proċediment ġudizzjarju. It-talba b’valur baxx hija bbażata fuq il-livell limitu tal-Eurostat għall-faqar għal kull Stat Membru.
Figura 27: Tariffa tal-qorti sabiex jinbeda proċediment ġudizzjarju f’kawża speċifika ta’ konsumatur (*) (il-livell ta’ tariffa tal-qorti bħala sehem tal-valur tat-talba) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea mas-CCBE( 69 ))
(*) “Talba b’valur baxx”: ara l-ispjegazzjoni taħt il-Figura 26. LU: Il-litiganti jridu jħallsu tariffi ta’ uffiċjal ġudizzjarju biex jibdew proċedimenti bħala rikorrenti. NL* Tariffi tal-qorti għal introjtu ta’ <€2200/xhur. NL** Tariffi tal-qorti għal introjtu > €2200/xahar.
– Is-sottomissjoni u s-segwitu ta’ talba onlajn –
Il-kapaċità li wieħed ilesti passi speċifiċi fil-proċedura ġudizzjarja b’mezzi elettroniċi hija parti importanti mill-kwalità tas-sistemi ġudizzjarji minħabba li s-sottomissjoni elettronika tat-talbiet, il-possibbiltà li wieħed jimmonitorja u javvanza proċediment onlajn jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja u jnaqqsu d-dewmien u l-ispejjeż. Is-sistemi tal-ICT fil-qrati wkoll għandhom rwol dejjem akbar fil-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u jiffaċilitaw ukoll l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, pereżempju, fir-rigward ta’ proċeduri għal talbiet żgħar. Wieħed mill-għanijiet tal-politika tal-Kummissjoni huwa li jiġu ssimplifikati u jitħaffu t-talbiet għal proċeduri żgħar billi tittejjeb il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u billi jsir użu intelliġenti mill-ICT.
Figura 28: Disponibbiltà tal-mezzi elettroniċi (*) (0 = disponibbli f’0 % tal-qrati, 4 = disponibbli f’100 % tal-qrati ( 70 )) (sors: studju tas-CEPEJ)
(*) DK u RO: il-kawżi jistgħu jitressqu quddiem il-qrati permezz ta’ posta elettronika.
Figura 29: Valutazzjoni komparattiva tal-proċeduri għal talbiet żgħar online (*) (sors: Il-15-il Rapport dwar il-Valutazzjoni Komparattiva għall-Gvern elettroniku, studju mħejji għall-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għan-Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija ( 71 ))
(*) L-Istati Membri rċevew biss 100 punt għal kull kategorija jekk is-servizz kien kompletament disponobbli onlajn permezz ta' portal ċentrali.
– Skambji bejn il-qrati u l-avukati –
Il-frekwenza tal-użu ta’ diversi għodod tal-ICT fl-iskambji bejn il-qrati u l-avukati u r-raġunijiet sottostanti għall-użu u n-nuqqas ta’ użu jvarjaw konsiderevolment bejn l-Istati Membri ( 72 ). Il-Figuri 30 u 31 jippreżentaw ir-riżultati ta’ stħarriġ ta’ avukati mwettaq fl-2017 dwar l-użu attwali tal-ICT.
Figura 30: L-użu tal-ICT bejn il-qrati u l-avukati (*) (sors: stħarriġ tas-CCBE)
(*) Data għal DK, NL, MT u LU mill-2016. Is-sottomissjonijiet lill-qrati jkopru: “is-sottomissjoni elettronika ta’ talba”, “is-sottomissjoni elettronika taċ-ċitazzjoni biex wieħed jidher il-qorti” u “is-sottomissjoni elettronika tal-provi/dokumenti ta’ sostenn”.
(**) Is-Sottomissjonijiet lill-qrati jkopru l-għażliet għat-tweġiba li ġejjin:’ “is-sottomissjoni elettronika ta’ talba”, “is-sottomissjoni elettronika taċ-ċitazzjoni biex wieħed jidher il-qorti”, “is-sottomissjoni elettronika tal-provi/dokumenti ta’ sostenn”.
Figura 31: Ir-raġunijiet għall-użu jew (in-nuqqas) ta’ użu tal-ICT bejn il-qrati u l-avukati (sors: stħarriġ tas-CCBE)
(*) Data għal DK, NL, LU u MT mill-2016.
– L-użu tal-midja soċjali u l-komunikazzjoni mal-midja –
Għall-pubbliku ġenerali, il-midja soċjali u l-midja inġenerali jservu bħala mezz li jikkontribwixxi għall-aċċessibbiltà tas-sistemi ġudizzjarji u l-ħidma ġudizzjarja.
Figura 32: L-użu tal-midja soċjali u linji gwida għar-relazzjonijiet mal-istampa/il-midja (*) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea ( 73 ))
(*) Għal kull waħda mit-tliet istanzi, jistgħu jingħataw żewġ punti jekk ikunu koperti l-kawżi ċivili/kummerċjali u l-kawżi amministrattivi. Jekk waħda miż-żewġ kategoriji ta’ kawżi biss hija koperta allura jingħata punt wieħed biss. Il-massimu possibbli: 7 punti. DE: kull stat federali għandu l-linji gwida tiegħu stess għall-użu tal-midja soċjali.
– L-aċċess għas-sentenzi –
L-iżgurar tal-aċċess għas-sentenzi onlajn iżid it-trasparenza tas-sistemi ġudizzjarji, jgħin liċ-ċittadini u lin-negozji jifhmu d-drittijiet tagħhom u jista’ jikkontribwixxi għall-konsistenza fil-ġurisprudenza. L-arranġamenti għall-publikazzjoni onlajn tas-sentenzi huma essenzjali sabiex jinħolqu faċilitajiet ta’ tiftix faċli għall-utent ( 74 ), li jagħmlu l-ġurisprudenza aktar aċċessibbli għall-professjonijiet legali u l-pubbliku ġenerali.
Figura 33: Aċċess lill-pubbliku ġenerali għas-sentenzi ppubblikati onlajn (*) (kawżi ċivili/kummerċjali u amministrattivi, l-istanzi kollha) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea ( 75 ))
(*) Għal kull istanza tal-qorti, jingħata punt wieħed meta jkunu disponibbli s-sentenzi kollha għall-kawżi ċivili/kummerċjali u amministrattivi, rispettivament (0.5 punti meta jkunu disponibbli wħud mis-sentenzi). Għall-Istati Membri li għandhom żewġ istanzi biss tal-qorti, ingħataw punti għal tliet istanzi billi ġiet riflessa l-ogħla istanza rispettiva tal-qorti tal-istanza mhux eżistenti. Għal dawk l-Istati Membri li ma jagħmlu ebda distinzjoni bejn iż-żewġ oqsma tal-liġi, ingħata l-istess numru ta’ punti għaż-żewġ oqsma. Il-massimu possibbli: 6 punti. LU u SE: il-qrati ma jippubblikawx is-sentenzi tagħhom onlajn b'mod regolari (il-kawżi storiċi biss). LV: Għal sentenzi adottati f’seduti ta’ smigħ mhux pubbliċi, il-partijiet imħabbra pubblikament biss huma ppubblikati onlajn. DE: kull stat federali jiddeċiedi dwar id-disponibbiltà onlajn tas-sentenzi tal-qorti tal-prim'istanza.
Figura 34: Arranġamenti għall-pubblikazzjoni onlajn tas-sentenzi fl-istanzi kollha(*) (kawżi ċivili/kummerċjali u amministrattivi, l-istanzi kollha) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea ( 76 ))
(*) Għal kull waħda mit-tliet istanzi, jistgħu jingħataw żewġ punti jekk ikunu koperti l-kawżi ċivili/kummerċjali u l-kawżi amministrattivi. Jekk tkun koperta waħda biss miż-żewġ kategoriji ta’ kawżi, jingħata punt wieħed biss għal kull istanza. Il-massimu possibbli: 30 punt. NL: l-ebda kelma ewlenija iżda jiġi inkluż werrej ma’ kull sentenza ppubblikata. LV: Is-sentenzi kollha adottati wara l-aħħar ta’ Settembru 2017 jiġu assenjati ECLI.
– Aċċess għal metodi alternattivi ta’ soluzzjoni għat-tilwim –
Il-Figura 35 turi l-isforzi tal-Istati Membri fil-promozzjoni tal-użu volontarju ta’ metodi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim permezz ta’ inċentivi speċifiċi, li jistgħu jvarjaw skont il-qasam tal-liġi ( 77 ). Il-Figura 36 turi l-għadd ta’ lmenti tal-konsumaturi sottomessi permezz tal-pjattaforma Ewropea għas-soluzzjoni online għat-tilwim (ODR) ( 78 ), li tiżvela żieda qawwija fl-użu tagħha. Il-fatt li wieħed iżur il-pjattaforma ODR jgħin ukoll lill-konsumaturi jaċċessaw il-korpi tal-ADR, peress li l-pjattaforma — minbarra li tipprovdi informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, korpi tal-ADR u għażliet alternattivi disponibbli biex wieħed ifittex rimedju — tittrażmetti t-tilwim lill-korp tal-ADR li l-partijiet ikunu għażlu.
Figura 35: Il-promozzjoni ta’ u inċentivi għall-użu ta’ metodi ADR (*) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea ( 79 ))
* Data aggregata bbażata fuq l-indikaturi li ġejjin: 1) sit elettroniku li jipprovdi l-informazzjoni dwar l-ADR; 2) kampanji pubbliċitarji fil-midja; 3) fuljetti lill-pubbliku ġenerali; 4) il-qorti tipprovdi sessjonijiet ta’ informazzjoni speċifika dwar l-ADR fuq talba; 5) koordinatur tal-ADR/medjazzjoni fil-qrati; 6) pubblikazzjoni tal-evalwazzjonijiet dwar l-użu tal-ADR; 7) pubblikazzjoni tal-istatistika dwar l-użu tal-ADR; 8) l-għajnuna legali tkopri spejjeż (parzjali jew sħaħ) imġarrba mill-ADR; 9) rifużjoni sħiħa jew parzjali tat-tariffi tal-qorti; (inklużi t-taxxi tal-boll), 11) jekk l-ADR hija ta’ suċċess, mhuwa meħtieġ l-ebda avukat għall-proċedura tal-ADR; 12) l-imħallef jista’ jaġixxi bħala medjatur, u 13) il-ftehim milħuq mill-partijiet isir infurzabbli fil-qorti. Għal kull wieħed minn dawn it-13-il indikatur, ingħata punt wieħed għal kull qasam tal-liġi Il-massimu possibbli: 39 punt. DK: Kull qorti għandha ambaxxatur responsabbli għall-promozzjoni tal-użu tal-medjazzjoni. ES: L-ADR hija obbligatorja fil-kawżi dwar il-liġi tax-xogħol. LT: segretarju fl-Amministrazzjoni tal-Qrati Nazzjonali jikkoordina l-proċessi ġudizzjarji tal-medjazzjoni fil-qrati. PT: għat-tilwim ċivili/kummerċjali, it-tariffi tal-qorti jiġu rifużi biss fil-każ tal-Kummissarji tal-Ġustizzja. SE: l-imħallfin għandhom diskrezzjoni proċedurali fuq l-ADR; it-tiftix ta’ riżoluzzjoni paċifika huwa kompitu obbligatorju għall-imħallef sakemm dan ma jkunx inadegwat.
Figura 36: L-għadd ta’ lmenti tal-konsumaturi lill-pjattaforma ODR għal kull 100 000 abitant, 2016 u 2017 (*) (sors: Pjattaforma ODR - estratt tal-05/01/2018)
* Il-figura turi l-għadd ta’ lmenti mressqa lill-pjattaforma tal-ODR, mhux l-għadd ta’ tilwim li rċevew l-entitajiet tal-ADR permezz tal-pjattaforma tal-ODR. L-għadd ta’ każijiet imressqa lill-pjattaforma tal-ODR sussegwentement jiġu riżolti b’mod bilaterali bejn il-partijiet barra l-pjattaforma, mingħajr ebda involviment ulterjuri minn entità ta’ ADR.
3.2.2. Riżorsi
Riżorsi adegwati u persunal ikkwalifikat huma meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tas-sistema ġudizzjarja. Mingħajr għadd suffiċjenti ta’ persunal bil-kwalifiki u l-ħiliet meħtieġa u b’aċċess għal taħriġ kontinwu, il-kwalità tal-proċedimenti u d-deċiżjonijiet ikunu f’riskju.
– Riżorsi finanzjarji –
Il-figuri t’hawn taħt juru l-baġit effettivament minfuq fuq il-qrati, l-ewwel skont l-abitant (Figura 37) u t-tieni bħala sehem tal-prodott domestiku gross (PDG) (Figura 38) ( 80 ).
Figura 37: In-nefqa ġenerali totali tal-gvern fuq il-qrati (*) (f’EUR għal kull abitant) (sors: Eurostat)
(*) Id-data għal ES, FR, NL u SK għall-2016 hija proviżorja.
Figura 38: Nefqa totali ġenerali tal-gvern fuq il-qrati (*) (bħala perċentwali tal-PDG) (sors: Eurostat)
(*) Id-data għal ES, FR, NL u SK għall-2016 hija proviżorja.
Il-Figura 39 turi liema poter tal-Istat (il-ġudikatura, il-leġiżlatura jew l-eżekuttiv) jistabbilixxi l-kriterji għad-determinazzjoni tar-riżorsi finanzjarji għall-ġudikatura u t-tip ta’ kriterji li jintużaw.
Figura 39: Kriterji għad-determinazzjoni tar-riżorsi finanzjarji għall-ġudikatura (*) ( 81 )
(*) DK: jittieħed inkunsiderazzjoni l-għadd ta’ kawżi li jidħlu u ta’ kawżi riżolti fil-qrati tal-prim’istanza; DE: biss għall-baġit tal-Qorti Federali Suprema — fir-rigward tal-qrati tal-prim’istanza u tat-tieni istanza; Is-sistemi ġudizzjarji jvarjaw bejn l-istati federali; EE: l-għadd ta’ kawżi li jidħlu u ta’ kawżi riżolti għall-qrati tal-prim’istanza u tat-tieni istanza. FR: l-għadd ta’ kawżi li jidħlu u ta’ kawżi riżolti għall-qrati tal-istanzi kollha. IT: il-Ministeru tal-Ġustizzja jiddefinixxi kriterji għall-qrati ċivili u kriminali, filwaqt li l-Kunsill għall-Ġudikatura (CPGA) jiddefinixxi kriterji għall-qrati amministrattivi. HU: il-liġi tipprovdi illi s-salarji tal-imħallfin jridu jiġu determinati fl-att dwar il-baġit ċentrali b’mod illi l-ammont ma jridx ikunx inqas minn dak li kien is-sena ta’ qabel. NL: jittieħed inkunsiderazzjoni l-għadd ta’ kawżi riżolti abbażi ta’ evalwazzjoni tal-ispejjeż għall-qrati.
– Ir-riżorsi umani –
Riżorsi umani adegwati huma essenzjali għall-kwalità ta’ sistema ġudizzjarja. Id-diversità fost l-imħallfin, inkluż il-bilanċ bejn is-sessi, iżżid l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza kumplimentari u tirrifletti r-realtà tas-soċjetà.
Figura 40: L-għadd ta’ mħallfin (*) (għal kull 100 000 abitant) (sors: studju tas-CEPEJ)
(*) Din il-kategorija tikkonsisti minn imħallfin li jaħdmu fuq bażi full-time, skont il-metodoloġija tas-CEPEJ. Dan ma jinkludix Rechtspfleger/l-iskrivani tal-qorti li hemm f’ċerti Stati Membri. EL: l-għadd totali ta’ mħallfin jinkludi l-kategoriji differenti matul is-snin kif muri hawn fuq, li parzjalment jispjega l-varjanza tagħhom. UK: il-medja peżata tat-tliet ġurisdizzjonijiet. Id-data għall-2010 tinkludi d-data għall-2012 għal UK (NI). LU: l-għadd ġie rivedut abbażi ta’ metodoloġija mtejba.
Figura 41: Il-proporzjon ta’ mħallfin professjonali nisa fil-qrati tal-prim’istanza u tat-tieni istanza fl-2016 (sors: studju tas-CEPEJ)
(*) UK u EL: data għall-2014.
Figura 42: Proporzjon ta’ mħallfin professjonali nisa fil-Qrati Supremi fl-2017 (*) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea ( 82 ))
(*) L-Istati Membri qegħdin fl-istess ordni bħal fil-Figura 41.
Figura 43: L-għadd ta’ avukati (*) (għal kull 100 000 abitant) (sors: studju tas-CEPEJ)
(*) Skont il-metodoloġija tas-CEPEJ, avukat huwa persuna kkwalifikata u awtorizzata skont il-liġi nazzjonali sabiex tinvoka u taġixxi f’isem il-klijenti tagħha, sabiex tinvolvi ruħha fil-prattika tal-liġi, sabiex tidher quddiem il-qrati jew tagħti pariri u tirrappreżenta lill-klijenti tagħha fi kwistjonijiet legali (Rakkomandazzjoni Rec(2000)21 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-libertà tal-eżerċitar tal-professjoni ta’ avukat).
– It-Taħriġ –
It-taħriġ ġudizzjarju huwa importanti sabiex jikkontribwixxi għall-kwalità tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u s-servizz tal-ġustizzja li jitwassal liċ-ċittadini. Id-data stabbilita hawn taħt tkopri t-taħriġ ġudizzjarju f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, inkluż dwar il-komunikazzjoni mal-partijiet u l-istampa u dwar il-ħiliet ġudizzjarji. Il-maġġoranza tal-Istati Membri għadhom bl-istess tip ta’ taħriġ obbligatorju għall-imħallfin bħas-sena l-oħra bl-eċċezzjoni ta’ ES, CY, HU u PT li estendew il-kamp ta’ applikazzjoni tat-taħriġ u EL li naqqsitu.
Figura 44Error! No sequence specified.: L-imħallfin li pparteċipaw f'attivitajiet kontinwi ta' taħriġ fid-dritt tal-Unjoni jew fil-liġi ta' Stat Membru ieħor (*) (bħala perċentwal tanl-għadd totali ta’ mħallfin) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea ( 83 ))
(*) Il-valuri għal xi Stati Membri tnaqqsu għal skopijiet ta’ preżentazzjoni (SI=243%). F’xi ftit Stati Membri il-proporzjon ta’ parteċipanti jaqbeż 100 %, li jfisser li xi parteċipanti jattendu aktar minn attività waħda ta’ taħriġ. DK: tinkludi l-persunal tal-qorti. AT: tinkludi prosekuturi. Id-data ta’ SE hija għall-2015.
Figura 45: Is-sehem ta’ taħriġ kontinwu tal-imħallfin dwar diversi tipi ta’ ħiliet (*) (bħala perċentwal tal-għadd totali ta’ mħallfin li jingħataw dan it-tip ta’ taħriġ) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea ( 84 ))
(*) It-tabella turi d-distribuzzjoni tal-imħallfin li pparteċipaw f’attivitajiet ta’ taħriġ kontinwu (jiġifieri dawk li jseħħu wara l-perjodu ta’ taħriġ inizjali sabiex wieħed isir imħallef) f’kull wieħed mill-erba’ oqsma identifikati bħala perċentwal tal-għadd totali ta’ mħallfin imħarrġa f’dan it-tip ta’ taħriġ. L-attivitajiet ta’ taħriġ legali ma jiġux ikkunsidrati. L-awtoritajiet ta’ taħriġ ġudizzjarju f’MT, UK (NI) u UK (EN+WL) ma pprovdewx attivitajiet ta’ taħriġ speċifiku dwar il-ħiliet magħżula. Id-data ta’ SE għall-2015. Taħriġ dwar is-sengħa tal-imħallfin tkopri wkoll l-etika ġudizzjarja. AT: tinkludi l-prosekuturi. DK: tinkludi l-persunal tal-qorti.
Figura 46: Id-disponibbiltà ta’ taħriġ għall-imħallfin dwar il-komunikazzjoni mal-partijiet u mal-istampa (*) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea ( 85 ))
(*) DK: ma jingħata l-ebda taħriġ dwar il-komunikazzjoni mal-persuni li huma neqsin mid-dawl jew mis-smigħ minħabba li l-istat joffri lill-persuni neqsin mid-dawl jew mis-smigħ appoġġ f’forma ta’ għodod jew assistent fl-awla tal-qorti, pereżempju interpretu għal persuna nieqsa mis-smigħ.
3.2.3. Għodod ta’ valutazzjoni
Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-qorti jgħinu sabiex jiġu identifikati nuqqasijiet u ħtiġijiet, u għalhekk jgħinu lis-sistema ġudizzjarja jżidu l-kwalità tagħha. Evalwazzjoni regolari tista’ ttejjeb ir-rispons tas-sistema ġudizzjarja għall-isfidi attwali u futuri. Għodod adegwati tal-ICT jistgħu jipprovdu sistemi ta’ ġestjoni tal-każijiet f’ħin reali u jistgħu jgħinu sabiex jipprovdu statistika tal-qorti standardizzata fuq livell nazzjonali. Barra minn hekk, huma jistgħu jintużaw għall-ġestjoni tax-xogħol b’lura u tas-sistemi awtomatizzati ta’ twissija bikrija. L-istħarriġ huwa essenzjali biex jiġi valutat kif is-sistemi ġudizzjarji joperaw mill-perspettiva tal-professjonisti legali u l-utenti tal-qrati. Segwitu adegwat tal-istħarriġ huwa prerekwiżit sabiex tittejjeb il-kwalità tas-sistemi ġudizzjarji.
Figura 47: Id-disponibbiltà ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-qorti (*) (sors: studju tas-CEPEJ ( 86 ))
(*) Is-sistema ta’ evalwazzjoni tirreferi għall-prestazzjoni tas-sistemi tal-qrati, billi jintużaw indikaturi u miri. Fl-2016, l-Istati Membri kollha rrapportaw li kellhom sistema li tippermettilhom jissorveljaw l-għadd ta' kawżi li jidħlu u n-numru ta' deċiżjonijiet mogħtija, kif ukoll it-tul tal-proċedimenti li jagħmlu dawn il-kategoriji superfluwi għall-figura t’hawn fuq. Bl-istess mod, il-ħidma aktar profonda fuq l-istandards tal-kwalità ssostitwixxiet l-użu tagħhom bħala kategorija ta’ evalwazzjoni. Data dwar “elementi oħra” tinkludi pereżempju rati ta’ għeluq tal-kawżi (AT, FR), l-għadd ta’ kawżi appellati u l-proċeduri ta’ infurzar (ES), l-eżitu tal-kawża, pereżempju ssodisfar totali jew parzjali (SK), kundanni finali (RO) u l-għadd ta’ sessjonijiet tal-qorti (PL).
Figura 48: Id-disponibbiltà tal-ICT għall-ġestjoni tal-każijiet u l-istatistika dwar l-attivitajiet tal-qorti
(0 = disponibbli f’0 % tal-qrati, 4 = disponibbli f’100 % tal-qrati (
87
)) (sors: studju tas-CEPEJ)
Figura 49: Suġġetti ta’ stħarriġ li saru fost l-utenti tal-qorti jew il-professjonisti legali (*) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea ( 88 ))
(*) L-Istati Membri ngħataw punt wieħed għal kull suġġett tal-istħarriġ irrispettivament minn jekk l-istħarriġ twettaqx fil-livell nazzjonali, reġjonali jew tal-qorti. “Suġġetti oħrajn” jinkludu: l-adegwatezza tal-bini fir-rigward tad-drittijiet tal-vittmi u tal-persuni b’diżabbiltà (MT). Id-disponibbiltà tal-informazzjoni tal-qrati onlajn (DK). Id-dritt li wieħed jinstema’, struzzjonijiet dwar rimedji legali (DE). Din il-kategorija tkopri wkoll stħarriġ fost il-persunal tal-qorti, pereżempju dwar l-organizzazzjoni tal-qrati (IE), ir-riżorsi umani (IE, MT), l-integrità tal-imħallfin (HU), l-ammont ta’ xogħol (MT). Il-profil tal-proprjetà tal-ġudikatura (AT), l-istruttura tal-karrieri u l-għażliet ta’ taħriġ (DE). Is-suġġett “sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet” ma ġiex inkluż fl-istħarriġ fl-ebda Stat Membru fil-perjodu rispettiv. BE ma wettaqx stħarriġ fl-2014.
Figura 50: Is-segwitu ta’ stħarriġ li sar fost l-utenti tal-qorti jew il-professjonisti legali (*) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea ( 89 ))
(*) L-Istati Membri ngħataw punt wieħed għal kull tip ta’ segwitu. Il-kategorija “segwitu ieħor speċifiku” inkludiet: il-kontribut fl-istrateġija tas-servizzi onlajn tas-servizzi tal-qrati (IE), it-tagħrif dwar id-deliberazzjonijiet tal-Grupp ta’ Reviżjoni tas-Servizzi ta’ Probazzjoni (IE), l-evalwazzjoni tal-użu ta’ portal onlajn fir-rigward tal-qrati tat-taxxa u dawk amministrattivi (PT), l-editjar tas-sit web eżistenti (DK).
3.2.4. L-Istandards
L-istandards jistgħu jgħollu l-kwalità tas-sistemi ġudizzjarji. Wara l-eżaminazzjoni tal-istandards dwar it-twaqqit u l-informazzjoni lill-partijiet fl-edizzjoni preċedenti, it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2018 tiffoka fuq il-perjodi ta’ żmien u x-xogħol b’lura bħala għodda ta’ ġestjoni fil-ġudikatura ( 90 ). Il-Figura 51 tippreżenta ħarsa ġenerali lejn liema Stati Membri jużaw l-istandards dwar il-limiti ta’ żmien, il-perjodi taż-żmien u x-xogħol b’lura. Il-limiti ta’ żmien huma skadenzi kwantitattivi, pereżempju għadd massimu ta’ jiem bejn ir-reġistrazzjoni ta’ kawża sal-ewwel seduta ta' smigħ. Il-perjodi ta’ żmien huma miri/prattiki li jistgħu jitkejlu, pereżempju, li jispeċifikaw sehem definit minn qabel ta’ kawżi li jridu jitlestew f’ċertu perjodu ta’ żmien partikolari. L-istandards dwar ix-xogħol b’lura koperti fil-Figura 51 ifissru jekk teżistix definizzjoni dwar meta kawża pendenti titqies bħala xogħol b’lura. Il-Figura 52 tippreżenta liema korpi jistabbilixxu, jimmonitorjaw u jsegwu l-istandards dwar il-perjodi ta’ żmien u l-Figura 53 turi ċerti aspetti aktar dettaljati dwar l-issettjar, il-monitoraġġ u s-segwitu tax-xogħol b’lura.
Figura 51: Standards dwar it-twaqqit (*) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea ( 91 ))
(*) L-Istati Membri ngħataw punt wieħed jekk huma ddefiniti l-istandards, irrispettivament mill-qasam (ċivili/kummerċjali, amministrattiv, jew oħrajn).
Il-Figura 52 tiffoka fuq il-perjodi ta’ żmien, li jistgħu jkunu għodda ta’ ġestjoni effettiva fil-ġudikatura, peress li dawn jgħinu sabiex jiġu identifikati kwistjonijiet potenzjali dwar l-effiċjenza u jgħinu sabiex jinstabu soluzzjonijiet (pereżempju riżorsi umani jew finanzjarji addizzjonali, riorganizzazzjoni tal-proċess tal-ġestjoni tal-qorti, għajnuna temporanja lil qorti). Il-figura turi l-kompetenzi tal-poteri differenti tal-istat sabiex jistabbilixxi, jimmonitorja u jsegwi l-istandards dwar il-perjodi ta’ żmien.
Figura 52: L-iffissar u l-monitoraġġ tal-istandards dwar il-perjodi ta’ żmien (*)(sors: Il-Kummissjoni Ewropea ( 92 ))
* L-Istati Membri huma ppreżentati skont l-ordni fil-Figura 52. L-iffissar tal-istandards “skont il-parlament” jindika li ċertu standard jiġi stabbilit biss fil-liġi. L-“eżekuttiv” jinkludi l-istituzzjonijiet taħt kontroll dirett jew indirett mill-gvern. “Oħrajn” tirreferi għall-Uffiċċju Nazzjonali għall-Ġudikatura f’HU, immexxi mill-president tiegħu elett minn maġġoranza kwalifikata tal-Parlament minn fost imħallfin għal perjodu ta’ disa’ snin. Il-“ġudikatura” tinkludi l-korpi bħal l-presidenti tal-qorti, il-Kunsilli għall-Ġudikatura, il-korpi tal-imħallfin. BE: Abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-2014, l-istandards dwar il-perjodi ta’ żmien huma mistennija li jsiru effettivi fl-2019. FR: Il-Kunsill tal-Istat (Conseil d’Etat) jimmonitorja r-rispett tal-istandards dwar il-perjodi ta’ żmien li jikkonċernaw kawżi amministrattivi. HU: L-Uffiċċju Nazzjonali għall-Ġudikatura huwa involut fl-issettjar, il-monitoraġġ u s-segwitu tal-istandards dwar il-perjodi ta’ żmien.
Figura 53: Xogħol b’lura: definizzjoni, monitoraġġ u segwitu awtomatiċi (*) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea ( 93 ))
*Diversi Stati Membri indikaw li dawn m’għandhomx sistema awtomatika għas-segwitu tax-xogħol b’lura, inklużi struzzjonijiet li jistgħu jiġu introdotti manwalment (DK, MT, ES). DE indikat li jeżistu sistemi differenti fil-livell tal-istat federali, bħas-sistema ta’ informazzjoni bbażata fuq l-indikaturi KISS fil-Bavarja, inklużi l-indikazzjonijiet tad-dawl tat-traffiku u twissijiet bikrija. LT: is-sistema tal-informazzjoni mal-qorti LITEKO hija ppjanata li tintroduċi b’mod gradwali tali sistema awtomatika fl-2018. BE: l-istandards dwar ix-xogħol b’lura ma jinkludux definizzjoni, monitoraġġ jew segwitu awtomatiċi.
– Informazzjoni lill-partijiet –
Il-Figura 54 turi l-istandards dwar kif jiġu infurmati l-partijiet u t-tip ta’ informazzjoni li jirċievu fuq il-progress tal-kawża tagħhom. Ċerti Stati Membri għandhom sistema b’notifika awtomatika permezz ta’ posta elettronika jew SMS li tipprovdi informazzjoni dwar id-dewmien, l-iskedi ta’ żmien jew il-progress ġenerali tal-kawżi. Oħrajn sempliċement jagħtu aċċess onlajn għall-informazzjoni matul il-kawża, filwaqt li wħud iħallu f’idejn id-diskrezzjoni tal-qrati.
Figura 54: Standards dwar l-informazzjoni dwar il-progress tal-kawżi (*) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea ( 94 ))
(*) L-Istati Membri ngħataw punti skont il-metodu użat sabiex jipprovdu kull tip ta’ informazzjoni. 1,5 punti għal notifika awtomatika permezz ta’ posta elettronika jew SMS, 1 punt għal aċċess onlajn matul il-kawża, 0,5 punti għal kull informazzjoni mogħtija fuq talba mill-partijiet, b’diskrezzjoni tal-qorti jew kwalunkwe metodu ieħor użat. LU: data għall-2016. MT: Aċċess kontinwu għad-dokumentazzjoni relattiva mal-kawżi ċivili huwa disponibbli permezz tas-sistema “myCases”. SI: Il-president tal-qorti jista’ jordna trattament ta’ prijorità ta’ kawża jew jordna li jitwettqu atti proċedurali sabiex jiġi evitat id-dewmien f’każ ta’ applikazzjoni ġustifikata tal-parti u tiġi informata l-parti. Ir-Regoli l-ġodda tal-Qrati jipprevedu l-obbligu għall-qrati li jippermettu li tingħata stampa onlajn tad-data rreġistrata f’sistemi tar-reġistru tal-kawżi. Dan għad irid jiġi implimentat.
|
Aċċess faċli, riżorsi adegwati, għodod ta' valutazzjoni effettivi u standards xierqa huma fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għal kwalità għolja tas-sistemi ġudizzjarji. Deċiżjonijiet ta’ kwalità għolja huwa dak li ċ-ċittadini u n-negozji qegħdin jistennew minn sistema ġudizzjarja effettiva. It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2018 tiżviluppa l-eżaminazzjoni kumparattiva tagħha ta’ dawn il-fatturi. L-aċċessibbiltà Din l-edizzjoni teżamina l-elementi li jikkontribwixxu għal sistema ġudizzjarja li tiffavorixxi liċ-ċittadini. ·Kważi l-Istati Membri kollha jipprovdu informazzjoni onlajn dwar is-sistema ġudizzjarja tagħhom, inkluż portal tal-web ċentralizzat b’formoli online u edukazzjoni dwar id-drittijiet legali (Figura 25). Id-differenzi jidhru dwar il-kontenut tal-informazzjoni u kemm dawn huma adegwati fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-persuni. Pereżempju, tmien Stati Membri biss jipprovdu għodda onlajn interattiva li tippermetti lill-persuni jsiru jafu jekk humiex eliġibbli għall-għajnuna legali. Filwaqt li informazzjoni għal kelliema mhux nattivi hija disponibbli fil-maġġoranza tal-Istati Membri, inqas minn nofs jipprovdu informazzjoni mmirata speċifikament lejn it-tfal u lejn persuni neqsin mid-dawl jew mis-smigħ. ·Id-disponibbiltà tal-għajnuna legali u l-livell tat-tariffi tal-qrati għandhom impatt ewlieni fuq l-aċċess għall-ġustizzja, b’mod partikolari għall-persuni li jgħixu fil-faqar. Il-figura 26 turi li, f’xi Stati Membri, il-konsumaturi li l-introjtu tagħhom huwa taħt il-livell limitu tal-Eurostat għall-faqar ma jirċievu ebda għajnuna legali. Matul is-snin, l-għajnuna legali saret inqas aċċessibbli f’xi Stati Membri peress li l-livell limitu tal-introjtu għall-għajnuna legali baqa’ ma nbidilx filwaqt li l-livell tal-faqar żdied. Il-livell tat-tariffi tal-qrati (Figura 27) baqa’ fil-parti l-kbira tiegħu stabbli sa mill-2016. Madankollu, id-diffikultà li wieħed jibbenefika minn għajnuna legali flimkien ma’ livelli parzjalment sinifikanti ta’ tariffi tal-qrati f’xi Stati Membri jistgħu jkollhom effett dissważiv fuq il-persuni foqra biex jaċċessaw il-ġustizzja. ·Id-disponibbiltà tal-mezzi elettroniċi matul il-proċedura ġudizzjarja tikkontribwixxi għal aċċess aktar faċli għall-ġustizzja u għat-tnaqqis tad-dewmien u l-ispejjeż. Il-Figura 28 turi li f’aktar minn nofs l-Istati Membri, is-sottomissjoni elettronika tat-talbiet mhijiex implimentata jew hija possibbli biss f’estent limitat u mhux l-Istati Membri kollha jippermettu li jiġi segwit il-progress tal-proċedimenti tal-qrati onlajn. Madankollu, dwar il-kwalità ta’ proċeduri għal talbiet żgħar onlajn, sett ta’ għodod konsiderevoli huwa disponibbli fil-maġġoranza tal-Istati Membri (Figura 29). Stħarriġ dwar l-użu attwali tal-ICT bejn il-qrati u l-avukati juri li l-għodda tal-ICT jintużaw ħafna f’12 minn 22 Stat Membru koperti mill-istħarriġ (Figura 30). Dawn jintużaw l-aktar għall-komunikazzjoni ġenerali mal-qrati, filwaqt li l-firem tad-dokumenti u s-sottomissjonijiet tat-talbiet, iċ-ċitazzjonijiet u l-provi jsiru inqas spiss b’mezzi elettroniċi. Meta mqabbel mal-istħarriġ tas-sena l-oħra, għadd akbar ta’ avukati rrapportaw li l-użu tal-ICT huwa obbligatorju fil-pajjiż tagħhom. B’mod ġenerali, il-livell irrapportat ta’ esperjenza pożittiva naqas filwaqt li n-nuqqas ta’ fiduċja rrapportat żdied. ·Meta mqabbel ma’ snin preċedenti, l-aċċess onlajn għas-sentenzi tal-qrati tjieb f’għadd ta’ Stati Membri (Figura 33). Madankollu, hemm lok għal titjib, peress li 16-il Stat Membru biss jippubblikaw is-sentenzi kollha ċivili/kummerċjali u amministrattivi tal-ogħla istanza, filwaqt li dawn id-deċiżjonjiet għandhom rwol importanti għall-konsistenza tal-ġurisprudenza. Peress li diversi arranġamenti għal pubblikazzjoni onlajn (Figura 34) jistgħu jiffaċilitaw tiftix għal ġurisprudenza rilevanti, l-itteggjar ta’ sentenzi bi kliem ewlieni u użu akbar tal-Identifikatur Ewropew tal-Każistika (ECLI) jistgħu jiġu żviluppati ulterjorment. ·Il-maġġoranza tal-Istati Membri komplew jippromwovu l-użu volontarju ta’ metodi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) (Figura 35) għal tilwim privat meta mqabbel mas-snin preċedenti. Primarjament, dan jintlaħaq billi jiġu introdotti aktar inċentivi għall-użu tal-ADR fost oqsma differenti tal-liġi. Fil-liġi tal-konsumatur, żieda ċara fl-użu tal-pjattaforma għas-soluzzjoni onlajn għat-tilwim (ODR) stabbilita riċentement hija viżibbli fl-Istati Membri kollha (Figura 36). ·Indikatur ġdid (Figura 32) juri li l-qrati fl-istanzi kollha jużaw il-midja soċjali biex jikkomunikaw dwar il-ħidma tagħhom f’terz tal-Istati Membri, filwaqt li fi Stati Membri oħra l-midja soċjali tintuża biss f’xi istanzi tal-qrati jew ma tintuża bl-ebda mod. Riżorsi Sistemi ġudizzjarji ta’ kwalità għolja fl-Istati Membri jirrikjedu livelli adegwati ta’ riżorsi finanzjarji u umani, taħriġ inizjali xieraq u kontinwu kif ukoll diversità fost l-imħallfin, inkluż bilanċ bejn is-sessi. It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2018 turi dan li ġej: ·F’termini ta’ riżorsi finanzjarji, id-datadata turi li fl-2016, b’mod ġenerali, in-nefqa ġenerali tal-gvern fuq is-sistema ġudizzjarja baqgħet stabbli fil-maġġoranza tal-Istati Membri filwaqt li jippersistu differenzi sinifikanti fl-ammonti allokati (Figuri 37 u 38). Stat Membru wieħed biss li jaffaċċja sfidi partikolari naqqas in-nefqa, filwaqt li għadd ta’ Stati Membri żiedu l-baġit tagħhom. L-Istati Membri ġeneralment jużaw l-ispiża storika jew attwali biex jiddeterminaw ir-riżorsi finanzjarji għall-ġudikatura minflok jistrieħu fuq il-piż tax-xogħol attwali jew it-talbiet tal-qorti (Figura 39). ·B’mod ġenerali, il-livell ta’ bilanċ bejn is-sessi fost l-imħallfin fil-qrati tal-ewwel jew tat-tieni istanza baqa’ adegwat (Figura 41). Il-proporzjon tan-nisa huwa ġeneralment ferm inqas fil-Qrati Supremi meta mqabbel ma’ istanzi tal-qrati aktar baxxi (Figura 42), iżda dan żdied f’madwar terz tal-Istati Membri meta mqabbel ma’ snin preċedenti. ·Fir-rigward tat-taħriġ tal-imħallfin, filwaqt li l-maġġoranza tal-Istati Membri jipprovdu taħriġ kontinwu fid-dritt tal-Unjoni, il-liġi ta’ Stat Membru ieħor u dwar is-sengħa tal-imħallfin, huma inqas dawk l-Istati Membri li joffru taħriġ dwar il-ħiliet fl-IT, il-ġestjoni tal-qrati u l-etika ġudizzjarja (Figuri 45 u 46). It-taħriġ dwar il-komunikazzjoni mal-partijiet huwa offrut fil-maġġoranza tal-Istati Membri (Figura 46). Madankollu, jeħtieġ li jiġu intensifikati l-isforzi sabiex l-imħallfin jiġu mħarrġa fil-komunikazzjoni ma’ gruppi speċifiċi ta’ partijiet (inklużi persuni neqsin mid-dawl jew mis-smigħ) meta jittrattaw prattiki sensittivi għall-ġeneru fi proċedimenti ġudizzjarji, u dwar ir-rwol tal-interpreti. Għodod ta’ valutazzjoni ·Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-qrati (Figura 48) jeżistu fl-Istati Membri kollha. Ġeneralment, dawn jinkludi indikaturi differenti tal-prestazzjoni u tal-kwalità u rapportar regolari. Kważi l-Istati Membri kollha jimmonitorjaw l-għadd u t-tul tal-kawżi tal-qrati u għandhom sistemi ta’ evalwazzjoni regolari. Meta mqabbla mas-snin preċedenti, diversi Stati Membri estendew il-monitoraġġ għal elementi aktar speċifiċi u xi wħud involvew membri tal-persunal aktar speċjalizzati għall-kwalità. ·Il-potenzjal sħiħ tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-kawżi tal-ICT għad irid jintlaħaq f’bosta Stati Membri (Figura 48). Tali sistema għandha sservi diversi skopijiet, inkluż li tiġġenera statistika, u li tiġi implimentata b’mod konsistenti fis-sistema ġudizzjarja kollha kemm hi. Pereżempju, f’xi Stati Membri, l-għodod tal-ICT ma jittrattawx il-ġestjoni tax-xogħol b’lura, inkluża l-identifikazzjoni ta’ kawżi partikolarment antiki. B’kuntrast ma’ dan, ċerti Stati Membri għandhom sistemi ta’ twissija bikrija maħsuba sabiex jiskopru problemi jew nuqqas ta’ konformità mal-istandards tal-ipproċessar tal-kawżi, li jippermettu li jinstabu soluzzjonijiet f’waqthom. F’xi Stati Membri, għadu mhux possibbli li jiġi żgurat il-ġbir tad-datadata fuq livell nazzjonali fl-oqsma kollha tal-ġustizzja. ·L-użu tal-istħarriġ fost l-utenti tal-qrati u l-professjonisti legali (Figura 49) żdied, b’aktar minn nofs l-Istati Membri jwettqu stħarriġ u jespandu l-firxa tas-suġġetti fl-2016. L-aċċessibbiltà, is-servizz lill-klijenti, is-seduti tas-smigħ u s-sentenzi tal-qrati, kif ukoll il-fiduċja ġenerali fis-sistema ġudizzjarja baqgħu s-suġġetti ewlenin tal-istħarriġ. Xi ftit Stati Membri investigaw ukoll is-sodisfazzjon tal-gruppi bi bżonnijiet speċjali, b’mod partikolari l-persuni neqsin mid-dawl, it-tfal u dawk li ma jitkellmux il-lingwa nattiva. Kważi l-Istati Membri kollha li użaw l-istħarriġ żguraw ukoll segwitu (Figura 50), filwaqt li l-estent tas-segwitu kompla jvarja bil-bosta. Ġeneralment, ir-riżultati ġew ippubblikati u inklużi f’rapporti, filwaqt li f’nofs l-Istati Membri, ir-riżultati tal-istħarriġ wasslu għal tibdiliet fil-funzjonament tal-qrati. L-Istandards L-istandards jistgħu jgħollu l-kwalità tas-sistemi ġudizzjarji. Din l-edizzjoni tkompli teżamina f’akar dettall ċerti standards li għandhom l-għan li jtejbu t-twaqqit tal-proċedimenti u l-informazzjoni mogħtija lill-partijiet. ·Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jużaw standards dwar it-twaqqit. Madankollu, ċerti Stati Membri li jiffaċċjaw sfidi partikolari fuq l-effiċjenza bħalissa mhumiex qed jużaw dawn l-istandards. L-istandards li jistabbilixxu l-perjodi ta’ żmien (pereżempju żmien fiss mir-reġistrazzjoni ta’ kawża sal-ewwel seduta ta’ smigħ) huma mifruxa ħafna, filwaqt li dawk dwar skadenza ta’ żmien (pereżempju li jispeċifikaw proporzjon definit minn qabel ta’ kawżi li jridu jitlestew sa ċertu żmien) u x-xogħol b’lura jintużaw inqas (Figura 51). ·Din l-edizzjoni teżamina l-estent sa fejn il-ġudikatura hija responsabbli jew involuta bis-sħiħ fl-istabbiliment u l-monitoraġġ ta’ standards sabiex tiġi evitata interferenza bla bżonn mill-eżekuttiv. Din turi li fil-parti l-kbira tagħhom, il-perjodi ta’ żmien (Figura 52) huma stabbiliti mill-ġudikatura jew f’kooperazzjoni mal-eżekuttiv. Il-monitoraġġ tal-perjodi ta’ żmien jaqa’ primarjament taħt ir-responsabbiltà tal-ġudikatura. In-nuqqas ta’ konformità mal-perjodi ta’ żmien jista’ jwassal għal diversi tipi ta’ segwitu, jew mill-ġudikatura jew, ħafna drabi mill-ġudikatura u l-eżekuttiv. ·L-istandards dwar ix-xogħol b’lura (Figura 53) huma għodda siewja li tista’ tikkontribwixxi għal ġestjoni aħjar tal-kawżi u effiċjenza mtejba. Il-maġġoranza tal-Istati Membri għandhom standards dwar ix-xogħol b’lura, iżda l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ivarja b’mod konsiderevoli. Filwaqt li l-maġġoranza tal-Istati Membri għandhom proċeduri biex jindirizzaw ix-xogħol b’lura permezz ta’ firxa ta’ miżuri, nofs l-Istati Membri biss għandhom definizzjoni sostantiva dwar meta kawża pendenti titqies bħala xogħol b’lura. Madwar terz tal-Istati Membri għandhom sistemi għas-segwitu tax-xogħol b’lura, li awtomatikament jibagħtu twissijiet dwar il-kawżi pendenti ta’ ċertu żmien jew ladarba x-xogħol b’lura jilħaq ċertu perċentwal tal-kawżi kollha. ·Il-maġġoranza tal-Istati Membri għandhom standards dwar kif il-partijiet jiġu infurmati dwar il-progress tal-kawża tagħhom, l-iskeda ta’ żmien tal-qorti jew id-dewmien potenzjali (Figura 54). Meta mqabbla mas-sena l-oħra, ftit Stati Membri tejbu dawn l-istandards. Id-differenzi bejn l-Istati Membri huma relatati primarjament mal-metodi użati. Ċerti Stati Membri għandhom sistema b’notifika awtomatika permezz ta’ posta elettronika jew SMS li tipprovdi informazzjoni dwar id-dewmien, l-iskedi ta’ żmien jew il-progress ġenerali tal-kawżi. Oħrajn sempliċement jagħtu aċċess onlajn għall-informazzjoni matul il-kawża, filwaqt li wħud iħallu f’idejn id-diskrezzjoni tal-qrati. Mill-perspettiva tal-persuni li jaċċessaw il-ġustizzja, l-informazzjoni awtomatizzata mill-qrati hija preferibbli għal dik li tirrikjedi azzjoni mill-partijiet. |
Għandu jiġi nnotat li l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi (ACA) ppubblikat studju trasversali dwar “ Access to administrative supreme courts and to their decisions ” (L-aċċess għall-qrati amministrattivi supremi u għad-deċiżjonijiet tagħhom): http://www.juradmin.eu/images/media_kit/aca_surveys/Transversal-Analysis---Annex-1.pdf
Id-data tikkonċerna s-sena 2016. Ir-rata tat-tagħmir minn 100% (tagħmir kompletament attivat) għal 0% (tagħmir ma jeżistix) tindika l-preżenza funzjonali fil-qrati tat-tagħmir kopert mill-grafika, skont l-iskala li ġejja: (100 % = 4 punti jekk applikabbli għall-kwistjonijiet kollha / 1.33 punti għal kull kwistjoni speċifika; 50-99 % = 3 punti jekk applikabbli għall-kwistjonijiet kollha / 1 punt għal kull kwistjoni speċifika; 10-49 % = 2 punti jekk applikabbli għall-kwistjonijiet kollha / 0.66 punt għal kull kwistjoni speċifika; 1-9 % = 1 punt jekk applikabbli għall-kwistjonijiet kollha / 0.33 punt għal kull kwistjoni speċifika; Il-kwistjoni tirrigwarda t-tip ta’ litigazzjoni ġestita (ċivili/kummerċjali, kriminali, amministrattiva jew oħra).
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.5.2018
COM(2018) 364 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2018
3.3. Indipendenza
L-indipendenza ġudizzjarja hija rekwiżit li joħroġ mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva msemmija fl-Artikolu 19 tat-TUE, u mid-dritt għal rimedju effettiv quddiem tribunal stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (l-Artikolu 47) ( 1 ). Tiggarantixxi l-ġustizzja, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza tas-sistema legali, li huma elementi importanti għal ambjent li huwa attraenti għall-investiment. Minbarra indikaturi dwar l-indipendenza ġudizzjarja perċeputa minn diversi sorsi, it-Tabella ta’ Valutazzjoni tippreżenta għadd ta’ indikaturi dwar kif is-sistemi ġudizzjarji huma organizzati sabiex jipproteġu l-indipendenza ġudizzjarja f’ċerti tipi ta’ sitwazzjonijiet fejn l-indipendenza tagħhom tista’ tkun f’riskju. Wara li kompliet il-kooperazzjoni tagħha man-netwerks ġudizzjarji Ewropej, b’mod partikolari man-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura (ENCJ), man-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi tal-Unjoni Ewropea (NPSJC) u mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-Unjoni Ewropea (ACA-Ewropa), it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2018 turi grafiki ġodda jew aġġornati dwar il-ħatra u t-tneħħija ta’ mħallfin, ta’ presidenti tal-qrati u ta’ mħallfin-membri tal-Kunsilli għall-Ġudikatura, kif ukoll dwar l-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ prosekuzzjoni, u s-setgħat u l-attività ġudizzjarja tal-qrati superjuri nazzjonali f’sitwazzjonijiet marbuta mal-imħallfin.
3.3.1. Indipendenza ġudizzjarja perċeputa
Figura 55: L-indipendenza perċeputa tal-qrati u tal-imħallfin fost il-pubbliku ġenerali (sors: Ewrobarometru ( 2 ) — kuluri ċari: 2016 u 2017, kuluri skuri: 2018)
Il-Figura 56 turi r-raġunijiet ewlenin mogħtija mir-rispondenti għan-nuqqas perċeput ta’ indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin. Ir-rispondenti minn fost il-pubbliku ġenerali, li kklassifikaw l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja bħala li hija ‘pjuttost ħażina’ jew ‘ħażina ħafna’, setgħu jagħżlu minn fost tliet raġunijiet sabiex jispjegaw il-klassifikazzjoni tagħhom. L-Istati Membri huma elenkati fl-istess ordni bħal fil-Figura 55.
Figura 56: Ir-raġunijiet ewlenin fost il-pubbliku ġenerali għan-nuqqas perċeput ta’ indipendenza (is-sehem tar-rispondenti kollha — valur ogħla jfisser aktar influwenza) (sors: Ewrobarometru ( 3 ))
Figura 57: L-indipendenza perċeputa tal-qrati u tal-imħallfin fost il-kumpaniji (sors: Ewrobarometru ( 4 ) — kuluri ċari: 2016 u 2017, kuluri skuri: 2018)
Il-Figura 58 turi r-raġunijiet ewlenin mogħtija mir-rispondenti għan-nuqqas perċeput ta’ indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin. Ir-rispondenti minn fost il-kumpaniji, li kklassifikaw l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja bħala li hija ‘pjuttost ħażina’ jew ‘ħażina ħafna’, setgħu jagħżlu minn fost tliet raġunijiet sabiex jispjegaw il-klassifikazzjoni tagħhom. L-Istati Membri huma elenkati fl-istess ordni bħal fil-Figura 57.
Figura 58: Ir-raġunijiet ewlenin fost il-kumpaniji għan-nuqqas perċeput ta’ indipendenza (ir-rata tar-rispondenti kollha — valur ogħla jfisser aktar influwenza) (sors: Ewrobarometru ( 5 ))
Figura 59: Il-perċezzjoni tan-negozji dwar l-indipendenza ġudizzjarja (perċezzjoni — valur ogħla jfisser perċezzjoni aħjar) (sors: Il-Forum Ekonomiku Dinji ( 6 ))
Figura 60: Il-perċezzjoni tal-imħallfin dwar l-indipendenza ġudizzjarja fl-2017 (perċezzjoni — valur ogħla jfisser perċezzjoni aħjar) (sors: In-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura ( 7 ))
3.3.2. Indipendenza strutturali
Il-garanziji ta’ indipendenza strutturali jeħtieġu regoli, inklużi dawk dwar il-ħatra tal-imħallfin ( 8 ). F’ċerti tipi ta’ sitwazzjonijiet, fejn l-indipendenza tista’ tkun f’riskju, ġew żviluppati standards Ewropej, b’mod partikolari mill-Kunsill tal-Ewropa, pereżempju fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2010 dwar l-imħallfin: indipendenza, effiċjenza u responsabbiltajiet (‘ir-Rakkomandazzjoni tal-2010’) ( 9 ). It-Tabella ta’ Valutazzjoni tippreżenta għadd ta’ indikaturi dwar il-mod kif inhuma organizzati s-sistemi ġudizzjarji sabiex jipproteġu l-indipendenza ġudizzjarja f’dawn it-tipi ta’ sitwazzjonijiet.
Din l-edizzjoni tinkludi indikaturi addizzjonali relatati mal-livell ta’ involviment tal-eżekuttiv u tal-parlament fil-ħatra u fit-tneħħija ta’ mħallfin (Figuri 61-64), fil-ħatra u fit-tneħħija ta’ presidenti tal-qrati (Figura 65), u fil-ħatra ta’ mħallfin-membri tal-Kunsilli għall-Ġudikatura (Figura 66) ( 10 ). Għall-ewwel darba, it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tipprovdi ħarsa ġenerali dwar il-mod kif inhuma organizzati s-servizzi ta’ prosekuzzjoni fl-Istati Membri (Figura 67) ( 11 ), u s-setgħat u l-attività ġudizzjarja tal-ogħla qrati f’sitwazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-imħallfin (Figura 68) ( 12 ). Il-figuri jippreżentaw l-oqfsa nazzjonali kif kienu fis-seħħ f’Diċembru 2017.
Il-figuri ppreżentati fit-Tabella ta’ Valutazzjoni ma jipprovdu ebda valutazzjoni u ma jippreżentaw ebda data kwantitattiva dwar l-effikaċja tas-salvagwardji. Dawn mhumiex maħsuba biex jirriflettu l-kumplessità u d-dettalji tas-salvagwardji. Li jkun hemm aktar salvagwardji mhuwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja ta’ sistema ġudizzjarja. Għandu jiġi nnotat ukoll li l-implimentazzjoni ta’ politiki u ta’ prattiki li jippromwovu l-integrità u li jipprevjenu l-korruzzjoni fil-ġudikatura hija essenzjali wkoll sabiex tiġi garantita l-indipendenza ġudizzjarja. Fl-aħħar nett, il-protezzjoni effettiva tal-indipendenza ġudizzjarja teħtieġ kultura ta’ integrità u ta’ imparzjalità, kondiviża mill-maġistrati u rispettata mis-soċjetà usa’.
– Salvagwardji relatati mal-ħatra u mat-tneħħija ta’ mħallfin u ta’ presidenti tal-qrati –
Il-Figura 61 tippreżenta ħarsa ġenerali aġġornata tal-korpi u tal-awtoritajiet li jinnominaw lill-imħallfin għall-ewwel ħatra tagħhom fil-qrati tal-prim’istanza u l-awtoritajiet li jaħtruhom. Turi wkoll jekk ir-reklutaġġ tal-imħallfin isirx permezz ta’ eżami speċifiku jew kompetizzjoni għall-imħallfin, jew inkella permezz ta’ avviż ta’ post battal mingħajr eżami speċifiku.
Figura 61: Il-ħatra tal-imħallfin: awtoritajiet li jipproponu u li jaħtru (*) ( 13 )
(*) F’diversi pajjiżi awtoritajiet jew korpi oħra (pereżempju presidenti tal-qrati, imħallfin) jistgħu jew għandhom jiddeċiedu jew jiġu kkonsultati dwar il-kandidati mħallfin (pereżempju f’BE, CZ, DE, EE, LT, HU, NL, AT, UK (EN+WL), u UK (SC)). F’xi pajjiżi (pereżempju f’LT u PL) ċerti kandidati huma eżentati mill-eżami speċjali għall-imħallfin minħabba l-esperjenza preċedenti jew il-kwalifiki tagħhom. CZ: il-president jaħtar formalment lill-imħallfin, il-Ministru tal-Ġustizzja jiddeċiedi dwar l-assenjazzjoni ta’ mħallef f’qorti partikolari. Fil-prattika, il-kandidati mħallfin għall-ħatra jiġu nnominati mill-presidenti tal-qrati reġjonali. Wara, il-lista ta’ kandidati tintbagħat lill-Ministeru tal-Ġustizzja, li min-naħa tiegħu jgħaddi l-lista ta’ kandidati (wara li jqis iċ-ċirkostanzi kollha) lill-Kap tal-Istat. DE: il-proċedimenti fil-livell tal-istati federali jvarjaw ħafna. F’nofs is-16-il stat federali, il-kumitati elettorali ġudizzjarji jipparteċipaw fir-reklutaġġ. Fi wħud mill-istati federali, din il-materja tiġi indirizzata kompletament mill-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Istat tagħhom, filwaqt li fi stati federali oħrajn l-awtorità sabiex jiddeċiedu dwar ir-reklutaġġ u dwar l-(ewwel) ħatra ġiet ittrasferita lill-presidenti tal-qrati reġjonali superjuri. Xi stati federali jipprevedu l-parteċipazzjoni obbligatorja ta’ kunsill tal-imħallfin. Oħrajn jirrikjedu ħatra konġunta mill-ministru kompetenti u kumitat ta’ konċiljazzjoni jekk il-kunsill tal-imħallfin joġġezzjona. F’xi stati federali, l-imħallfin jiġu eletti mill-parlamenti tal-istat u għandhom jinħatru mill-eżekuttiv tal-istat. IE: il-Bord Konsultattiv tal-Ħatriet Ġudizzjarji jirrakkomanda talanqas seba’ kandidati lill-gvern għall-ħatra. Wara d-deċiżjoni tal-gvern, il-president jaħtar l-imħallef b’mod formali u ma jistax jirrifjuta li jaħtar il-kandidat propost. FR: il-kandidati mħallfin jiġu magħżula permezz ta’ eżami speċifiku biex isiru mħallfin u jiġu kklassifikati skont ir-riżultati li jiksbu. Wara diskussjoni bejn il-kandidat u l-Ministru tal-Ġustizzja dwar l-assenjazzjoni għal qorti partikolari, il-Conseil Supérieur de la Magistrature (Kunsill Superjuri tal-Maġistratura) għandu jagħti opinjoni dwar l-ewwel ħatra ta’ dawn il-kandidati u mbagħad il-Ministru tal-Ġustizzja jgħaddi l-lista lill-President tar-Repubblika, li jrid jaħtar formalment lill-kandidati mħallfin permezz ta’ digriet mingħajr diskrezzjoni fuq il-kwistjoni. LV: wara tliet snin, il-Bord tal-Kwalifiki Ġudizzjarji, li huma magħmul minn u elett mill-imħallfin, jagħti opinjoni fil-valutazzjoni tal-ħidma professjonali ta’ mħallef. NL: Id-deċiżjoni biex jiġi propost imħallef għall-ħatra ssir b’mod formali minn president tal-qorti, li jistrieħ fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv Indipendenti ta’ Għażla. RO: Il-figura hija relatata mal-ħatra ta’ mħallfin anzjani. UK (EN+WL): Japplikaw proċeduri differenti għall-ewwel ħatra tal-ġudikatura għolja (Imħallfin tal-Qorti Superjuri u karigi ogħla), li huma ppreżentati hawn fuq, kif ukoll għall-ħatra tal-ġudikatura subalterna (Imħallfin imsejħa ‘Circuit Judges’ u f’karigi aktar baxxi).
Il-Figura 62 tippreżenta l-kompetenza tas-setgħa eżekuttiva (pereżempju l-president tar-repubblika, il-gvern) u tal-parlament fil-ħatra ta’ mħallfin għall-ewwel ħatra tagħhom fil-qrati tal-prim’istanza wara sottomissjoni mill-awtoritajiet proponenti (pereżempju l-Kunsill għall-Ġudikatura, il-qorti) ( 14 ). L-għoli tal-kolonna jiddependi fuq jekk l-eżekuttiv jew il-parlament jistax tabilħaqq jirrifjuta mħallef kandidat, jekk jistax jagħżel biss minn fost il-kandidati proposti, jew jekk jistax jagħżel u jaħtar kwalunkwe kandidat ieħor, anki jekk dan ma jkunx propost mill-awtorità kompetenti. Salvagwardja importanti fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħatra hija l-obbligu li jiġu pprovduti raġunijiet u l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Il-figura hija preżentazzjoni fattwali tas-sistema legali u ma tagħmel ebda valutazzjoni kwalitattiva tal-effikaċja tas-salvagwardji. Pereżempju, għandu jiġi nnotat li f’diversi Stati Membri fejn l-eżekuttiv jew il-parlament għandu s-setgħa li jirrifjuta mħallef kandidat, tali setgħa jew qatt ma tkun ġiet eżerċitata (pereżempju f’HU, NL, AT, SK, SE, UK (EN+WL) u UK (SC)), jew inkella ġiet eżerċitata biss f’għadd żgħir ħafna ta’ każijiet (pereżempju f’LV, SI u FI).
Figura 62: Il-ħatra tal-imħallfin: kompetenza tal-eżekuttiv u tal-parlament (*) ( 15 )
(*) Il-figura tippreżenta l-oqfsa nazzjonali kif kienu fis-seħħ f’Diċembru 2017. Għal kull Stat Membru, ingħata punt wieħed jekk l-eżekuttiv/parlament jista’ jirrifjuta kandidat propost u jagħżel kandidat ieħor minn fost dawk proposti, ingħata punt wieħed jekk ma hemmx obbligu fuq l-eżekuttiv/parlament biex jagħti r-raġunijiet għaliex ma ħatarx imħallef kandidat, ingħataw żewġ punti jekk l-eżekuttiv jista’ jirrifjuta kandidat u jagħżel kwalunkwe kandidat ieħor, u ngħataw żewġ punti jekk ma hemmx stħarriġ ġudizzjarju fil-każ li ma ssir ebda ħatra. Bl-eċċezzjoni tal-Istati Membri, fejn imħallfin tal-qorti tal-prim’istanza jinħatru minn Kunsill għall-Ġudikatura, u f’LV u f’SI fejn jinħatru mill-parlament, fl-Istati Membri l-oħra kollha fil-figura l-eżekuttiv jaħtar l-imħallfin tal-qorti tal-prim’istanza. DE: L-ebda data. Ara l-ispjegazzjonijiet taħt il-Figura 61. IE: Il-Gvern jista’ jaħtar persuna li ma tkunx fuq il-lista mibgħuta mill-Bord Konsultattiv għall-Ħatriet Ġudizzjarji iżda fil-prattika ma jagħmilx hekk. Il-ħatra finali ssir mill-President, li ma jistax jirrifjuta. Il-Gvern mhuwiex meħtieġ jipprovdi raġunijiet lil kandidat li ma jkunx intgħażel għaliex ma jkunx ta parir lill-President biex jaħtar lil dak il-kandidat. Ma hemm l-ebda proċedura ta’ appell/rieżami fir-rigward ta’ deċiżjoni mill-Gvern li ma jirrakkomandax/jagħtix parir lill-President dwar il-ħatra ta’ kandidat. EL: Il-ħatra finali ssir mill-president, li ma jistax jirrifjuta. ES: Il-Kunsill għall-Ġudikatura jipproponi mħallfin tal-qorti tal-prim’istanza għall-ħatra u dawn jinħatru formalment permezz ta’ Digriet Reġju mill-Kap tal-Istat (ir-Re). Il-Ministeru tal-Presidenza huwa responsabbli għall-abbozzar tad-Digriet Reġju u biex jippreżentah lill-Re u lill-Ministru tal-Ġustizzja. Il-Ministru tal-Ġustizzja għandu japprova d-Digriet Reġju iżda la r-Re u lanqas il-Ministru ma għandhom ebda setgħa li joġġezzjonaw għad-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Ġudikatura u huwa obbligatorju li jiffirma d-Digriet Reġju. LT: Mingħajr il-parir tal-Kunsill Ġudizzjarju, il-President ma jistax jaħtar imħallef. Jekk il-Kunsill Ġudizzjarju jagħti parir pożittiv lill-president, dan tal-aħħar jista’ liberament jadotta d-deċiżjoni finali. Jekk il-Kunsill Ġudizzjarju jagħti parir negattiv lill-president, allura l-president għandu jsegwi dan il-parir meta jadotta d-deċiżjoni finali. LU: Ma hemm l-ebda test vinkolanti dwar din il-kwistjoni, iżda s’issa, l-awtorità tal-ħatra qatt ma rrifjutat imħallef kandidat propost għall-ħatra mill-Commission du recrutement et de la formation des attaches de justice. AT: Skont il-Kostituzzjoni, il-proposti tal-qrati għall-kandidati mħallfin mhumiex vinkolanti. Madankollu, hija prattika ġenerali li jinħatru biss kandidati proposti mill-qrati rilevanti. PL: Id-deċiżjoni tal-President ma tistax tiġi appellata quddiem il-Qorti Suprema. RO: Il-president jista’ jirrifjuta l-ħatra ta’ prosekutur jew ta’ mħallef anzjan darba biss. Ir-rifjut motivat jintbagħat lill-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura. SK: Il-president jista’ possibbilment jirrifjuta li jaħtar kandidat imħallef iżda dan qatt ma seħħ. FI: jekk il-president ma jaħtarx lill-kandidat propost, ma jistax jagħżel kandidat ieħor iżda jipposponi l-ħatra għal darba biss għal aktar preparazzjoni. SE: Jekk il-gvern ikun irid jaħtar kandidat illi ma ġiex propost mill-Bord għall-Ħatra tal-Imħallfin, huwa legalment obbligat li jikseb opinjoni ġdida tal-Bord dwar dak il-kandidat. UK(EN+WL) u UK(NI): l-awtorità tal-ħatra msemmija hija l-Lord Chancellor (il-Ministru tal-Ġustizzja għar-RU), li jirrakkomanda kandidat imħallef għall-ħatra formali mir-Reġina. UK(SC): L-awtorità tal-ħatra msemmija hija l-Ewwel Ministru tal-Iskozja, li jirrakkomanda kandidat imħallef għall-ħatra formali mir-Reġina. F’każ li l-Ewwel Ministru tal-Iskozja jirrifjuta kandidat imħallef, l-awtorità proponenti (il-Bord għall-Ħatriet Ġudizzjarji għall-Iskozja) tista’ terġa tipproponi dan il-kandidat imħallef lill-Ewwel Ministru. F’sitwazzjoni fejn kandidat li ma jkunx ġie aċċettat iqis li kien hemm xi irregolaritajiet proċedurali jew li kien hemm irrazzjonalità min-naħa tal-bord meta għamel ir-rakkomandazzjoni tiegħu skont it-taqsima 19(3) tal-Att dwar il-Ġudikatura u l-Qrati tal-2008 (l-Iskozja) jew min-naħa tal-Ewwel Ministru fid-deċiżjoni dwar min jinnomina skont it-taqsima 19(5), dik il-persuna tista’ tippreżenta petizzjoni għal stħarriġ ġudizzjarju fil-Court of Session (Qorti Suprema fi proċedimenti Ċivili).
Il-Figuri 63 u 64 jippreżentaw oqfsa dwar it-tneħħija ta’ mħallfin. Ma jurux is-sitwazzjoni ta’ tneħħija ta’ mħallfin minħabba rtirar furzat wara t-tnaqqis fl-età tal-irtirar.
Figura 63: It-tneħħija ta’ mħallfin fil-qrati tal-prim’istanza u tat-tieni istanza (*) ( 16 )
(*) L-Istati Membri jidhru fl-ordni alfabetika tal-ismijiet ġeografiċi tagħhom fil-lingwa oriġinali. L-għoli tal-kolonni mhux bilfors jirrifletti l-effikaċja tas-salvagwardji. In-numri jindikaw kemm kien hemm imħallfin li tneħħew fl-2016 minn korp speċifiku u kemm minnhom appellaw kontra t-tneħħija tagħhom (jekk ma ngħata l-ebda numru, ifisser li ma hemmx data disponibbli). “Proposta” tkopri wkoll it-tnedija ta’ proċeduri dixxiplinari. F’ċertu pajjiżi, l-eżekuttiv għandu obbligu, jew bil-liġi jew bil-prattika, li jsegwi l-proposta tal-Kunsill għall-Ġudikatura għat-tneħħija ta’ mħallef (pereżempju f’ES u LT). UK (EN+WL): Ma tneħħa ebda mħallef bis-salarju fuq bażi full-time. Tneħħew erba' mħallfin tal-qorti u tat-tribunal fuq bażi part-time (li jitħallsu permezz ta’ onorarji) kif ukoll ħmistax-il maġistrat onorarju.
Figura 64: It-tneħħija ta’ mħallfin: kompetenza tal-eżekuttiv u tal-parlament (*) ( 17 )
(*) L-Istati Membri jidhru fl-ordni alfabetika tal-ismijiet ġeografiċi tagħhom fil-lingwa oriġinali. Il-figura tippreżenta l-oqfsa nazzjonali kif kienu fis-seħħ f’Diċembru 2017. EE: Il-figura tirrifletti l-kompetenza tal-Kumitat tad-Dixxiplina dwar l-Imħallfin li jneħħi mħallfin. Barra minn hekk il-Qorti Suprema en banc (l-imħallfin kollha) tista’ tippreżenta proposta lill-President għat-tneħħija ta’ mħallef mill-kariga. Id-deċiżjoni tal-President hija soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. SI: Il-figura tirrifletti l-kompetenza tal-Qorti tad-Dixxiplina biex tiddeċiedi dwar sanzjoni dixxiplinarja, u l-kompetenza tal-Kunsill għall-Ġudikatura biex tivvaluta mħallef bħala ‘mhux adatt għal servizz ġudizzjarju’. Jekk imħallef iwettaq reat kriminali permezz tal-abbuż tal-kariga ġudizzjarja, il-Kunsill jgħarraf lill-Parlament, li jneħħi l-imħallef. UK (EN+WL): Fir-rigward tal-ġudikatura anzjana (Imħallfin tal-Qorti Superjuri u f’karigi ogħla), it-tneħħija teħtieġ ukoll li fuq rakkomandazzjoni tal-Lord Chancellor u wara investigazzjoni mill-Uffiċċju għall-Investigazzjonijiet tal-Kondotta Ġudizzjarja ż-żewġ Kmamar tal-Parlament jippreżentaw Indirizz lill-Maestà Tagħha r-Reġina. UK (NI): Detentur ta’ kariga ġudizzjarja (inklużi presidenti tat-tribunali) jista’ jiġi sospiż/jitneħħa biss meta jitlaqqa’ tribunal statutorju skont it-taqsimiet 7 u 8 tal-Att dwar il-Ġustizzja (l-Irlanda ta’ Fuq) tal-2002, kif emendat. Il-Prim Ministru jista’ jissospendi imħallef tal-Qorti tal-Appell (Lord Justice of Appeal) jew tal-Qorti Superjuri, bl-approvazzjoni tal-Kap tal-Ġudikatura (Lord Chief Justice), fejn il-Prim Ministru u l-Lord Chancellor ikunu qed jikkunsidraw jippreżentaw mozzjoni formali f’indirizz lill-Maestà Tagħha R-Reġina. Id-detenturi ta’ karigi ġudizzjarji li fadal jistgħu jitneħħew mill-Kap tal-Ġudikatura (Lord Chief Justice) fejn tribunal statutorju jirrakkomanda li jsir dan.UK (SC): Imħallef tal-Court of Session u l-President tal-Qorti Skoċċiża tal-Artijiet (Scottish Land Court) jistgħu jitneħħew mill-kariga biss mill-Maestà Tagħha r-Reġina fuq rakkomandazzjoni tal-Ewwel Ministru tal-Iskozja. L-Ewwel Ministru għandu jagħmel tali rakkomandazzjoni jekk (u unikament jekk) il-Parlament Skoċċiż, fuq il-mozzjoni mill-Ewwel Ministru, jiddeċiedi li għandha ssir tali rakkomandazzjoni u, fejn il-persuna kkonċernata hija l-Lord President jew l-Iskrivan tal-Lord Justice, l-Ewwel Ministru jkun ikkonsulta lill-Prim Ministru.
Il-presidenti tal-qrati huma mħallfin u għalhekk huma parti mill-ġudikatura. Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom (li jvarjaw bejn l-Istati Membri), il-presidenti tal-qrati jipproteġu l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qorti u ta’ mħallfin individwali. Skont l-istandards Ewropej, b’mod partikolari l-Opinjoni Nru 19 (2016) tal-Kunsill Konsultattiv tal-Imħallfin Ewropej (CCJE - Consultative Council of European Judges) dwar ir-rwol tal-presidenti tal-qrati, il-proċeduri għall-ħatra tal-presidenti tal-qorti għandhom ikunu l-istess bħal dawk għall-għażla u għall-ħatra tal-imħallfin. Dan jinkludi proċess ta’ valutazzjoni tal-kandidati u tal-korp li jkollu l-awtorità li jagħżel u/jew li jaħtar imħallfin skont l-istandards stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-2010 ( 18 ). Is-sistema tal-għażla u tal-ħatra ta’ presidenti tal-qrati għandha, bħala regola, tinkludi proċess kompetittiv ta’ għażla bbażat fuq sejħa miftuħa għall-applikazzjonijiet ta’ kandidati li jissodisfaw kundizzjonijiet predeterminati stabbiliti fil-liġi ( 19 ).
L-istandards Ewropej jeħtieġu li s-salvagwardji ta’ irremovabilità ta’ mħallef mill-kariga japplikaw bl-istess mod għall-kariga ta’ president tal-qorti, li l-proċedura fil-każ ta’ tneħħija ta’ presidenti tal-qrati qabel iż-żmien tkun trasparenti, li kwalunkwe riskju ta’ influwenza politika għandu jiġi eskluż għal kollox, u li għandha tiġi evitata l-parteċipazzjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja f’dan il-proċess ( 20 ).
Figura 65: Il-ħatra u t-tneħħija ta’ presidenti tal-qrati (*) (
21
)
(*) L-Istati Membri jidhru fl-ordni alfabetika tal-ismijiet ġeografiċi tagħhom fil-lingwa oriġinali. Is-simbolu [O] jfisser li l-parlament ineħħi (IE u MT) jew jipproponi t-tneħħija ta’ presidenti tal-qrati (IE u UK (SC)). Il-figura tippreżenta l-oqfsa nazzjonali kif kienu fis-seħħ f’Diċembru 2017. DK, DE, IE, AT u UK: Ma hemm l-ebda possibbiltà ta’ tneħħija ta’ president tal-qorti unikament fil-funzjoni tiegħu bħala president tal-qorti - it-tneħħija dejjem tinkludi wkoll it-tneħħija mill-funzjoni ta’ mħallef. CZ: Il-figura tirrifletti l-qafas fis-seħħ dwar il-presidenti u l-viċi presidenti tal-qrati distrettwali, tal-qrati reġjonali u tal-qrati superjuri. DE: Il-ħatra ta’ presidenti tal-qrati tvarja bejn l-istati federali. ES: Għalkemm il-ħatra formali tal-presidenti tal-qorti ssir permezz ta’ Digriet Reġju ffirmat mir-Re (fil-kapaċità ta’ Kap tal-Istat) u mill-Ministru tal-Ġustizzja, la r-Re u lanqas il-Ministru ma jistgħu joġġezzjonaw għall-proposta vinkolanti għall-ħatra li ssir mill-Kunsill għall-Ġudikatura. LT: Il-Parlament jaħtar l-imħallfin (presidenti) tal-Qorti tal-Appell. HU: Il-figura tirrifletti l-ħatra tal-presidenti tal-qrati distrettwali, u tat-tribunali industrijali u tal-qrati amministrattivi, li jinħatru mill-presidenti tal-qorti reġjonali. Il-President tal-Uffiċċju Nazzjonali għall-Ġudikatura jaħtar il-presidenti tal-qorti reġjonali u l-presidenti tal-qorti tal-appell reġjonali. AT: Il-figura tirrifletti l-ħatra tal-presidenti tal-qorti distrettwali (Bezirksgerichte). Il-President Federali, li bil-liġi jaħtar il-presidenti tal-qrati fuq parir tal-Ministru tal-Ġustizzja, fil-prattika ddelega d-dritt li jaħtar presidenti tal-qrati distrettwali lill-Ministru tal-Ġustizzja, li min-naħa tiegħu ddelega s-setgħa tal-ħatra lill-presidenti tal-qrati superjuri reġjonali. Il-gvern jaħtar il-presidenti tal-qrati superjuri reġjonali.
– Salvagwardji dwar in-nomina ta’ membri tal-Kunsilli għall-Ġudikatura –
Il-Kunsilli għall-ġudikatura huma korpi essenzjali sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-ġustizzja. Standards Ewropej stabbiliti sew, b’mod partikolari r-Rakkomandazzjoni tal-2010, jistabbilixxu li “mhux inqas min-nofs il-membri tal-[Kunsilli għall-Ġudikatura] għandhom ikunu mħallfin magħżula mill-kollegi tagħhom minn kull livell tal-ġudikatura u b’rispett għall-pluraliżmu fil-ġudikatura” ( 22 ). Hija responsabbiltà tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ġudizzjarji tagħhom, inkluż li jiddeċiedu jekk għandhomx iwaqqfu Kunsill għall-Ġudikatura. Madankollu, jekk Kunsill għall-Ġudikatura jkun twaqqaf minn Stat Membru, l-indipendenza tal-Kunsill għandha tiġi ggarantita skont l-istandards Ewropej.
Figura 66: Il-ħatra ta’ mħallfin-membri tal-Kunsilli għall-Ġudikatura: l-involviment tal-ġudikatura (*) ( 23 )
(*) L-Istati Membri jidhru fl-ordni alfabetika tal-ismijiet ġeografiċi tagħhom fil-lingwa oriġinali. Il-figura tippreżenta l-oqfsa nazzjonali kif kienu fis-seħħ f’Diċembru 2017. DK: l-imħallfin-membri tal-Kunsill jintgħażlu mill-imħallfin. Il-membri kollha jinħatru formalment mill-Ministru tal-Ġustizzja. EL: l-imħallfin-membri jintgħażlu bix-xorti. ES: l-imħallfin-membri jinħatru mill-Parlament — il-Kunsill jikkomunika lill-Parlament il-lista ta’ kandidati li jkunu rċevew l-appoġġ ta’ assoċjazzjoni tal-imħallfin jew ta’ ħamsa u għoxrin imħallef. NL: l-imħallfin-membri jintgħażlu mill-ġudikatura u jinħatru fuq il-proposta tal-Kunsill, ibbażata fost oħrajn fuq il-parir ta’ kumitat tal-għażla (magħmul prinċipalment minn imħallfin u persunal tal-qorti). Il-membri kollha tal-Kunsill jinħatru formalment minn Digriet Reġju, att amministrattiv li ma jħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni għall-eżekuttiv. PL: Il-kandidati mħallfin-membri jiġu proposti minn gruppi ta’ mill-inqas 2 000 ċittadin jew 25 imħallef. Minn fost il-kandidati, il-gruppi tad-deputati jagħżlu sa disa' kandidati, li minnhom kumitat tal-kamra inferjuri tal-Parlament (Sejm) jistabbilixxi lista finali ta’ 15-il kandidat, li jinħatru mis-Sejm. RO: Il-kampanja u l-elezzjoni tal-imħallfin-membri jiġu organizzati mill-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura. Ladarba tiġi kkonfermata l-lista finali tal-imħallfin-membri, is-Senat jivvalidaha “en bloc”. Is-Senat jista’ jirrifjuta li jivvalida l-lista biss f’każ ta’ ksur tal-liġi fil-proċedura għall-elezzjoni tal-membri tal-kunsill u biss jekk il-ksur kellu influwenza fuq ir-riżultat tal-elezzjoni. Is-Senat ma jistax jeżerċita diskrezzjoni fuq l-għażla ta’ kandidati UK: l-imħallfin-membri jintgħażlu mill-imħallfin.
– Salvagwardji relatati mal-funzjonament tas-servizz ta’ prosekuzzjoni –
Il-prosekuzzjoni pubblika għandha rwol ewlieni fis-sistema ġudizzjarja kriminali kif ukoll fil-kooperazzjoni fi kwistjonijiet kriminali. Il-funzjonament xieraq tas-servizz ta’ prosekuzzjoni huwa importanti għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u tal-korruzzjoni. Għall-finijiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jista’ jitqies bħala awtorità ta’ Stat Membru responsabbli għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ( 24 ).
L-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ prosekuzzjoni tvarja madwar l-UE u ma hemmx mudell uniformi għall-Istati Membri kollha. Madankollu, hemm tendenza komuni favur uffiċċju tal-prosekutur aktar indipendenti, pjuttost milli wieħed subordinat jew marbut mal-eżekuttiv ( 25 ). Ikun xi jkun il-mudell tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali jew it-tradizzjoni legali li fiha tkun ankrata, l-istandards Ewropej jeħtieġu li l-Istati Membri jieħdu miżuri effettivi biex jiggarantixxu li l-prosekuturi pubbliċi jkunu kapaċi jaqdu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet professjonali tagħhom taħt kundizzjonijiet legali u organizzazzjonali adegwati ( 26 ) u mingħajr interferenza mhux ġustifikata ( 27 ). B’mod partikolari, fejn il-gvern jagħti struzzjoni ta’ natura ġenerali, pereżempju dwar politika kriminali, tali struzzjonijiet għandhom ikunu bil-miktub u jiġu ppubblikati b’mod adegwat ( 28 ). Fejn il-gvern ikollu s-setgħa li jagħti struzzjoni għall-prosekuzzjoni f’każ speċifiku, dawn l-istruzzjonijiet għandhom iġorru magħhom garanziji adegwati ( 29 ). Il-partijiet interessati (inklużi l-vittmi) għandhom ikunu jistgħu jikkontestaw deċiżjoni ta’ prosekutur pubbliku sabiex ma jipproċedix bil-prosekuzzjoni ( 30 ).
Il-Figura 67 tippreżenta ħarsa ġenerali ta’ ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ prosekuzzjoni. Il-figura turi min għandu s-setgħat ta’ ġestjoni fuq is-servizzi ta’ prosekuzzjoni, bħas-setgħa li jiddeċiedi dwar miżura dixxiplinarja fir-rigward ta’ prosekutur, is-setgħa li l-prosekuturi jiġu ttrasferiti mingħajr il-kunsens tagħhom, is-setgħa li l-prosekutur jiġi vvalutat u li tingħata promozzjoni lil prosekutur, u setgħat oħra ta’ kontroll. Il-figura tippreżenta l-awtoritajiet inkarigati mill-ġestjoni tas-servizz ta’ prosekuzzjoni: i) il-Prosekutur Ġenerali biss; ii) kombinazzjoni ta’ setgħat tal-Prosekutur Ġenerali u Kunsill għall-Ġudikatura / Kunsill għall-Prosekuzzjoni; iii) ir-rwol tal-Ministeru tal-Ġustizzja fil-ġestjoni tas-servizz ta’ prosekuzzjoni. Il-figura turi wkoll jekk l-eżekuttiv jew il-parlament għandux il-possibbiltà li jagħti gwida ġenerali dwar il-politika kriminali jew struzzjonijiet dwar prosekuzzjoni f’każijiet individwali. Il-figura ma tippreżentax l-arranġamenti fis-seħħ dwar l-indipendenza interna tal-prosekuturi fir-rigward tal-Prosekutur Ġenerali. Il-Figura 67 tippreżenta biss ħarsa ġenerali fattwali ta’ ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ prosekuzzjoni u ma tivvalutax il-funzjonament effettiv tagħhom, li jeħtieġ valutazzjoni speċifika għal kull pajjiż ( 31 ).
Figura 67: Organizzazzjoni tas-servizzi ta’ prosekuzzjoni (*) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Grupp Espert dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu)
(*) L-Istati Membri jidhru fl-ordni alfabetika tal-ismijiet ġeografiċi tagħhom fil-lingwa oriġinali. BE: Il-Ministru tal-Ġustizzja joħroġ id-direttivi dwar il-politika ta’ prosekuzzjoni u kriminali fuq parir tal-Bord tal-prosekuturi ġenerali. BG: Il-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jipproponi l-ħatra, il-promozzjoni, id-demozzjoni, it-trasferiment u r-rilaxx mill-kariga tal-prosekuturi CZ: Il-Ministru tal-Ġustizzja għandu l-kompetenza li jiddeċiedi dwar il-promozzjoni ta’ prosekuturi. DK: Il-Ministru tal-Ġustizzja għandu l-kompetenza li jiddeċiedi dwar il-promozzjoni u dwar miżuri dixxiplinarji fir-rigward ta’ prosekuturi. FR: Il-Ministru tal-Ġustizzja għandu l-kompetenza li jiddeċiedi dwar miżuri dixxiplinarji għall-prosekuturi, wara li jkun kiseb l-opinjoni tal-Kunsill Suprem tal-Maġistratura. CY: Il-Kunsill għall-Ġudikatura jneħħi l-Prosekutur Ġenerali. LT: Il-Parlament (Seimas) jistabbilixxi l-prijoritajiet operattivi tas-Servizz ta’ Prosekuzzjoni u jwettaq skrutinju parlamentari ta’ azzjonijiet mhux proċedurali. LU: Il-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jordna lis-servizzi ta’ prosekuzzjoni sabiex jipprosegwixxu f’każ (iżda ma jistax jagħti struzzjonijiet biex ma jipprosegwixxux). Madankollu, tali struzzjonijiet ilhom ma jingħataw aktar minn 20 sena. Ma hemm l-ebda rekwiżit legali li l-Ministru tal-Ġustizzja jikkonsulta prosekutur jew ifittex l-opinjoni tal-Prosekutur Ġenerali dwar tali struzzjoni. Il-Gran Duka, bħala l-Kap ta’ Stat, għandu l-kompetenza li jiddeċiedi dwar il-promozzjoni ta’ prosekuturi. NL: Il-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jordna lis-servizzi ta’ prosekuzzjoni biex jipprosegwixxu jew biex ma jipprosegwixxux f’każ, iżda jeħtieġ li qabel jikseb opinjoni motivata bil-miktub tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali (College van procureurs-generaal) dwar l-istruzzjonijiet suġġeriti. Madankollu, s’issa, kien hemm każ wieħed biss bħal dan li seħħ aktar minn għoxrin sena ilu. Il-Ministru tal-Ġustizzja għandu l-kompetenza li jiddeċiedi dwar ċerti miżuri dixxiplinarji dwar prosekuturi. AT: Il-Ministru tal-Ġustizzja għandu jippreżenta kwalunkwe struzzjoni lill-prosekuturi subordinati lil ‘Kunsill ta’ Struzzjoni’ (Weisungsrat) għall-konsultazzjoni. PL: Il-Prosekutur Ġenerali, li huwa wkoll il-Ministru tal-Ġustizzja, għandu l-kompetenza li jiddeċiedi dwar il-promozzjoni ta’ prosekuturi. PT: Il-Parlament jista’ joħroġ gwida ġenerali dwar il-politika ta’ prosekuzzjoni. RO: Is-setgħat ta’ ġestjoni tal-Ministru tal-ġustizzja jikkonsistu fil-verifika tal-effiċjenza maniġerjali tal-prosekuturi, il-mod li bih il-prosekuturi jeżerċitaw is-setgħat tagħhom u r-relazzjonijiet tagħhom mal-partijiet u ma’ oħrajn. Il-kontroll ma jistax jikkonsisti fil-verifika tal-miżuri jew tad-deċiżjonijiet meħuda mill-prosekuturi. Il-Ministru tal-Ġustizzja, meta jqis li huwa meħtieġ, fuq inizjattiva propja jew fuq talba tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, għandu jeżerċita l-kontroll tiegħu fuq il-prosekuturi pubbliċi permezz ta’ prosekuturi maħtura mill-Prosekutur Ġenerali tal-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku anness mal-Qorti Superjuri tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, jew, skont kif ikun il-każ, mill-Kap Prosekutur tad-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni, mill-Kap Prosekutur tad-Direttorat għall-Investigazzjoni tal-Kriminalità Organizzata u t-Terroriżmu, jew mill-ministru tal-ġustizzja. Il-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jitlob informazzjoni dwar l-attività tal-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku u jista’ joħroġ linji gwida bil-miktub dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-kriminalità. SK: Is-setgħat tal-Kunsill għall-Prosekuzzjoni ma jinkludux ġestjoni diretta fuq is-servizz ta’ prosekuzzjoni kif imsemmi fit-tabella. SE: Il-gvern jista’ joħroġ gwida ġenerali dwar il-politika ta’ prosekuzzjoni.
– Attività ġudizzjarja tal-qrati superjuri –
Il-qrati superjuri nazzjonali huma importanti sabiex jiġi żgurat ir-rispett lejn l-indipendenza ġudizzjarja f’sitwazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-imħallfin. F’kooperazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u l-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-UE (ACA-Ewropa) u n-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi tal-UE (NPSJC), il-Kummissjoni żviluppat kwestjonarju li għalih wieġbu l-Qrati Supremi u l-Qrati Amministrattivi Supremi.
Il-Figura 68 tippreżenta ħarsa ġenerali tas-setgħat u tal-attività ġudizzjarja ta’ dawn il-qrati f’ċerti sitwazzjonijiet relatati mal-imħallfin, fejn l-indipendenza ġudizzjarja tista’ tkun f’riskju. Fejn hemm data disponibbli, iċ-ċifri jirriflettu l-għadd ta’ każijiet trattati mill-qrati superjuri bejn l-2012 u l-2017 jew qabel, f’każijiet importanti.
Figura 68: Setgħat u attività ġudizzjarja tal-qrati superjuri f’sitwazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-imħallfin (*) (sors: Il-Kummissjoni Ewropea mal-ACA-Ewropa u l-NPSJC)
(*) L-Istati Membri jidhru fl-ordni alfabetika tal-ismijiet ġeografiċi tagħhom fil-lingwa oriġinali. Miżuri dixxiplinarji li jikkonċernaw imħallef jinkludu miżuri preventivi. Appelli kontra d-deċiżjoni mogħtija mill-imħallef ikkonċernat ma jittieħdux inkunsiderazzjoni anke jekk iqajmu kwistjonijiet dwar l-indipendenza jew l-imparzjalità ġudizzjarja. Istanzi tal-qorti involuti f’attività ġudizzjarja bejn l-2012 u l-2017 u każijiet importanti preċedenti (l-ismijiet b’tipa grassa huma dawk tal-qrati li l-ġurisprudenza tagħhom hija espressa fil-figura; l-ebda numru jfisser li ma hemm ebda każ irrappurtat). BE: Conseil d’État (Kunsill tal-Istat). BG: Върховен административен съд (Qorti Amministrattiva Suprema). CZ: Nejvyšší správní soud (Qorti Amministrattiva Suprema). DK: Højesteret (Qorti Suprema). DE: Bundesverwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva Federali), Dienstgerichte (Qrati tas-Servizz), Bundesverfassungsgericht (Qorti Kostituzzjonali Federali), il-qorti federali tal-ġurisdizzjoni rilevanti. EE: Riikohus (Qorti Suprema). IE: Chúirt Uachtarach (Qorti Suprema). EL: Συμβούλιο της Επικρατείας (Kunsill tal-Istat), kamra tal-imħallef ikkonċernat. ES: Tribunal Supremo (Qorti Suprema), (speċjali) kamra tal-qorti partikolari. FR: Conseil d'État (Kunsill tal-Istat), Cour de Cassation (Qorti Suprema), l-ewwel president tal-qorti tal-appell. HR: Vrhovni Sud (Qorti Suprema), Ústavní Sud (Qorti Kostituzzjonali), president tal-qorti superjuri speċifika, president tal-qorti. IT: Consiglio de Stato (Kunsill tal-Istat), Corte Suprema di Cassazione (Qorti Suprema). CY: f’dawn is-sitwazzjonijiet id-deċiżjonijiet jittieħdu mill-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura (SCJ), magħmul mill-imħallfin tal-Qorti Suprema; id-deċiżjonijiet tal-SCJ mhumiex soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. LV: Augstākā tiesa (Qorti Suprema), Disciplinārtiesa (qorti dixxiplinari), qorti amministrattiva superjuri. LT: Vyriausiasis Administracinis Teismas (Qorti Amministrattiva Suprema), Aukščiausiasis Teismas (Qorti Suprema). LU: Cour administrative (Qorti Amministrattiva) Cour de Cassation (Qorti Suprema). HU: Fővárosi Törvényszék (Qorti Reġjonali ta’ Budapest), szolgálati bíróságok (Qrati tas-Servizz), bord ieħor tal-istess qorti. MT: Qorti tal-Appell Qorti Kostituzzjonali. NL: Hoge Raad (Qorti Suprema), Centrale Raad van Beroep (l-ogħla qorti amministrattiva f’każijiet soċjali), Raad van State (Kunsill tal-Istat). AT: Verwaltungsgerichtshof (Qorti Amministrattiva Suprema), Personalsenat (bord speċjali ta’ valutazzjoni) tal-qorti superjuri, Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema). PL: Naczelny Sąd Administracyjny (Qorti Amministrattiva Suprema), qorti speċjalizzata ġurisdizzjonali oħra tal-istess qorti, Sąd Najwyższy (Qorti Suprema); L-għadd ta’ sfidi dwar l-allegata nuqqas ta’ imparzjalità tal-imħallfin jirrifletti l-għadd totali ta’ lmenti kontra rifjuti ta’ rikużi fi qrati amministrattivi, PT: Supremo Tribunal Administrativo (Qorti Amministrattiva Suprema), Supremo Tribunal de Justiça (Qorti Suprema). RO: Înalta Curte de Casație și Justiție (Qorti Suprema). SI: Vrhovno sodišče (Qorti Suprema), president tal-qorti. SK: Najvyšší súd (Qorti Suprema), Ústavný súd (Qorti Kostituzzjonali). FI: korkein hallinto-oikeus (Qorti Amministrattiva Suprema), korkein oikeus (Qorti Suprema). SE: Arbetsdomstolen (Tribunal Industrijali), tingsrätt (Qorti Distrettwali), Högsta domstolen (Qorti Suprema), Högsta förvaltningsdomstolen (Qorti Amministrattiva Suprema). UK: Il-Qorti Suprema.
|
3.3.3. Sommarju dwar l-indipendenza ġudizzjarja L-indipendenza ġudizzjarja hija element fundamentali ta’ sistema ġudizzjarja effettiva. Hija vitali għaż-żamma tal-istat tad-dritt, il-ġustizzja fi proċedimenti ġudizzjarji u l-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozji fis-sistema legali. Għal din ir-raġuni, kwalunkwe riforma tal-ġustizzja għandha tiddefendi l-istat tad-dritt u tikkonforma mal-istandards Ewropej dwar l-indipendenza ġudizzjarja. It-Tabella ta’ Valutazzjoni turi x-xejriet fl-indipendenza ġudizzjarja perċeputa kif ukoll ħarsiet ġenerali dwar il-kompetenza u l-influwenza tal-eżekuttiv fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet fejn l-indipendenza ġudizzjarja tista’ tkun f’riskju. ·It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-2018 tippreżenta l-iżviluppi fl-indipendenza perċeputaminn stħarriġ fost iċ-ċittadini (l-Ewrobarometru), il-kumpaniji (l-Ewrobarometru u l-Forum Ekonomiku Dinji) u l-imħallfin (ENCJ): -L-istħarriġ kollu ġeneralment juri riżultati simili, b’mod partikolari fost l-Istati Membri bl-anqas u bl-ogħla indipendenza ġudizzjarja perċeputa. -L-istħarriġ tal-Forum Ekonomiku Dinji (Figura 59), ippreżentat għas-sitt darba, juri li l-perċezzjoni tan-negozji dwar l-indipendenza tjiebet jew baqgħet stabbli f’madwar żewġ terzi tal-Istati Membri, kemm meta mqabbel mas-sena ta’ qabel jew mill-2010. Meta mqabbel mal-2010, kien hemm titjib f’diversi Stati Membri b’livell baxx ta’ indipendenza perċeputa. -Fost ir-raġunijiet għan-nuqqas perċeput ta’ indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin, l-interferenza jew il-pressjoni mill-gvern u mill-politiċi kienet l-aktar raġuni ddikjarata, segwita mill-pressjoni minn interessi ekonomiċi jew interessi speċifiċi oħrajn. Iż-żewġ raġunijiet għadhom notevoli għal diversi Stati Membri fejn l-indipendenza perċeputa hija baxxa ħafna (Figuri 55 u 57). -Fost ir-raġunijiet għal perċezzjoni tajba tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin, kważi erbgħa minn kull ħames kumpaniji u ċittadini (ekwivalenti għal 38 % jew 44 % tar-rispondenti kollha, rispettivament) semmew il-garanziji pprovduti mill-istatus u mill-pożizzjoni tal-imħallfin. ·It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2018 tippreżenta ħarsiet ġenerali dwar il-kompetenza tal-ġudikatura, tal-eżekuttiv u tal-parlament fil-ħatra u fit-tneħħija ta’ mħallfin, ta’ presidenti tal-qorti, fl-għażla ta’ mħallfin-membri tal-Kunsilli għall-Ġudikatura, u f’ċerti aspetti organizzazzjonali tas-servizzi ta’ prosekuzzjoni: -Il-figuri 61-64 juru l-kompetenza tal-ġudikatura, tal-eżekuttiv u tal-parlament fil-ħatra u fit-tneħħija ta’ mħallfin. F’ħafna mill-Istati Membri, teżisti sistema ta’ kontrolli u bilanċi u korp indipendenti jipproponi kandidati mħallfin għall-ħatra. Għal din ir-raġuni, fi Stati Membri fejn ġie stabbilit Kunsill għall-Ġudikatura, din is-sistema hija kruċjali biex tiġi ggarantita l-indipendenza tiegħu skont l-istandards Ewropej. -Il-Figura 65 turi l-kompetenza tal-ġudikatura, tal-eżekuttiv u tal-parlament fil-ħatra u fit-tneħħija ta’ presidenti tal-qorti. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, hemm garanziji qawwija fil-ħatra u fit-tneħħija ta’ presidenti tal-qorti. F’għadd żgħir ħafna ta’ Stati Membri, l-eżekuttiv għandu influwenza qawwija fuq il-ħatra u fuq it-tneħħija ta’ presidenti tal-qorti. -Il-Figura 66 turi l-involviment tal-ġudikatura fil-ħatra ta’ mħallfin-membri tal-Kunsill għall-Ġudikatura. Hija responsabbiltà tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ġudizzjarji tagħhom, inkluż jekk għandhomx jistabbilixxu Kunsill għall-Ġudikatura. Madankollu, meta Kunsill għall-Ġudikatura jkun twaqqaf minn Stat Membru, l-indipendenza tal-Kunsill għandha tiġi ggarantita skont l-istandards Ewropej. Fi kważi l-Istati Membri kollha, l-imħallfin-membri tal-Kunsilli jiġu proposti u eletti jew magħżula mill-imħallfin. -Għall-ewwel darba, il-Figura 67 tippreżenta xi elementi tal-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ prosekuzzjoni. -Il-qrati superjuri nazzjonali għandhom rwol ewlieni vitali fl-iżgurar tal-indipendenza ġudizzjarja. Għall-ewwel darba, il-Figura 68 tippreżenta s-setgħat u l-attività ġudizzjarja tal-ogħla qrati f’ċerti sitwazzjonijiet relatati mal-imħallfin fejn l-indipendenza tagħhom tista’ tkun f’riskju. F’ċerti Stati Membri, kien hemm livell għoli ta’ attività ġudizzjarja f’dawn l-oqsma matul l-aħħar ħames snin. |
4. KONKLUŻJONIJIET
Is-sitt edizzjoni tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE turi x-xejriet fil-funzjonament tas-sistemi tal-ġustizzja nazzjonali b’mod aktar ċar: għadd ta’ Stati Membri wrew id-determinazzjoni tagħhom li jwettqu riformi ġudizzjarji u rnexxielhom ikomplu jtejbu aktar l-effikaċja tas-sistema ġudizzjarja tagħhom. Madankollu, għad hemm sfidi mhux biss fil-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji iżda wkoll fir-rigward tal-kontenut ta’ ċerti riformi li saru fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura li kwalunkwe riforma ġudizzjarja tirrispetta l-istat tad-dritt u l-istandards Ewropej dwar l-indipendenza ġudizzjarja.