IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell,23.5.2018
COM(2018) 314 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill
dwar l-għanijiet tas-sikurezza u r-rekwiżiti funzjonali għall-vapuri tal-passiġġieri ta’ inqas minn 24 metru tul
{SWD(2018) 238 final}
ANNESS
Gwida għall-Vapuri Żgħar tal-Passiġġieri
IDispożizzjonijiet Ġenerali
I.1.Definizzjonijiet
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, għall-iskopijiet ta’ din il-Gwida japplikaw id-definizzjonijiet fid-Direttiva 2009/45/KE.
Id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll:
(a)"sistemi ta’ sopravivenza" tfisser sistemi indipendenti mill-vapur prinċipali li jistgħu jakkomodaw lill-persuni kollha abbord biex jipproteġuhom minn perikli għall-ħajja jew relatati mas-saħħa f’każ li l-vapur ikollu bżonn jiġi evakwat;
(b)"ħin tal-evakwazzjoni" tfisser il-ħin li hemm bżonn biex il-persuni abbord kollha jitqiegħdu f’sistemi ta’ sopravivenza.
I.2.Kamp ta’ applikazzjoni
Din il-Gwida tikkonċerna vapuri tal-passiġġieri ġodda bi gverta sħiħa ta’ inqas minn 24 metru fit-tul, meta jkunu involuti fuq vjaġġi domestiċi.
Din il-Gwida ma tikkonċernax vapuri tal-passiġġieri li huma:
(i)
vapuri tal-gwerra u tat-truppi;
(ii)
vapuri tat-tbaħħir;
(iii)
vapuri li ma jaħdmux b’mezzi mekkaniċi;
(vii)
jottijiet tad-divertiment;
(viii)
vapuri imħaddma esklussivament f’żoni portwarji;
(ix)
vapuri tas-servizzi offshore;
(x)
offerti;
(xi)
inġenji ta’ veloċità għolja;
(xii)
vapuri tradizzjonali;
(xiii) ferries bil-kejbil; jew
(xiv) vapuri tal-injam b'binja primittiva.
I.3.Għanijiet
L-għanijiet prinċipali ta’ din il-Gwida huma dawn li ġejjin:
(1)Id-disinn, il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-vapur u s-sistemi tiegħu għandhom jiżguraw is-sikurezza fuq il-baħar, il-prevenzjoni tal-korriment tal-bnedmin jew it-telf tal-ħajja u l-evitar tal-ħsara għall-ambjent, b’mod partikolari għall-ambjent marittimu u għall-proprjetà.
(2)In-nar għandu jiġi evitat, skopert, miżmum u mitfi, filwaqt li jinżammu sistemi ta’ sikurezza essenzjali waqt u wara li jkun hemm nar.
(3)It-tnaqqis tar-riskju għall-ħajja, għall-vapur, għall-merkanzija tiegħu u għall-ambjent minħabba nar.
(4)Issalva u tgħin lill-ħajja tal-bnedmin waqt u wara sitwazzjoni ta’ emerġenza, inkluż evakwazzjoni potenzjali tal-vapur.
(5)L-iżgurar ta’ komunikazzjonijiet u trażmissjoni u riċeviment effettivi ta' allerti ta’ periklu.
(6)L-iżgurar ta’ navigazzjoni sikura.
I.4.Kundizzjonijiet tat-tħaddim
(1)Il-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati (kemm il-parametri kif ukoll il-limitazzjonijiet) u l-limiti tal-istess rotta tat-tbaħħir għandhom jiġu definiti għal kull vapur. Dawk il-kundizzjonijiet jiddeterminaw l-istandards li għandu jissodisfa l-vapur.
(2)Vapur għandu jopera biss fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati li għandhom jiġu riflessi fid-dokumentazzjoni uffiċjali tal-vapur.
I.5.Sistema ta’ Ġestjoni tas-Sikurezza
Kull vapur għandu jkun soġġett għal sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza adattata għall-operazzjonijiet imwettqa. Din is-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza għandha tiżgura s-sikurezza fuq il-baħar, il-prevenzjoni tal-korriment tal-bnedmin jew it-telf tal-ħajja u l-evitar tal-ħsara għall-ambjent, b’mod partikolari għall-ambjent tal-baħar u għall-proprjetà.
I.6.Trasport tal-Merkanzija
Meta t-trasport tal-merkanzija u ta' oġġetti perikolużi jkun permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-vapuri tal-passiġġieri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Gwida, għandhom jiġu kkunsidrati l-prinċipji li ġejjin:
(1)Il-merkanzija ttrasportata fuq vapuri għandha tiġi mmaniġġjata b’tali mod li s-sikurezza ta’ dawk abbord, il-vapur u l-inħawi fejn jinsab ma tiġix ipperikolata.
(2)Il-merkanzija għandha tiġi stivata u marbuta b’tali mod li jiġi mminimizzat ir-riskju li l-merkanzija tiċċaqlaq waqt it-trasport. Żoni ta’ merkanzija, trasportaturi tat-tagħbija u arranġamenti ta' rbit tal-merkanzija għandhom jitfasslu u jinżammu sabiex ikunu jistgħu jassorbu l-forzi li jistgħu jirriżultaw minħabba aċċellerazzjoni waqt it-trasport.
(3)Oġġetti perikolużi għandhom jiġu ttrasportati b’tali mod li s-sikurezza ta’ dawk abbord, tal-vapur u taż-żona fejn jinsab ma tiġix ipperikolata u biex l-impatt fuq l-ambjent tal-madwar ikun imminimizzat.
I.7.Innovazzjoni Teknika
Meta soluzzjoni innovattiva timplika perikli addizzjonali għal dawk identifikati f’din il-Gwida, għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi biex jindirizzaw dawn il-perikli.
I.8.Tagħmir tal-Baħar li jinġarr fuq il-Vapuri
Ħlief għaż-żoni koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għall-armonizzazzjoni tal-prodotti u sa fejn din tkun applikabbli għat-tagħmir tal-baħar li jinġarr fuq il-vapuri, it-tagħmir tal-baħar installat fuq vapuri tal-passiġġieri fl-ambitu ta’ din il-Gwida għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. F’ċirkostanzi eċċezzjonali u ġġustifikati kif xieraq, fejn l-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera kompetenti tippermetti l-installazzjoni ta’ tagħmir li ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva, għandha tiżgura li dan it-tagħmir jipprovdi livell ekwivalenti ta’ sikurezza fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati.
II-1Kostruzzjoni, stabbiltà, kontroll tal-vapur u installazzjonijiet tal-enerġija
II-1.1.Saħħa strutturali
Rekwiżiti Funzjonali
L-istruttura tal-vapur għandha tkun imfassla, mibnija u miżmuma sabiex tipprovdi s-saħħa meħtieġa biex tkun tiflaħ it-tagħbijiet u l-istressijiet li jkun soġġett għalih il-vapur fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati.
Perikli Indirizzati
Falliment strutturali minħabba serratizzi li ma jifilħux għat-tagħbijiet u għall-istressijiet li se jkun soġġett għalihom il-vapur.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
Id-disinn, il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-istruttura għandhom jikkonformaw mal-istandards speċifikati għall-klassifikazzjoni bir-regoli ta’ organizzazzjoni rikonoxxuta jew regoli ekwivalenti użati minn Amministrazzjoni tal-Istat bandiera, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
II-1.2.L-Ankrar
Rekwiżiti Funzjonali
Vapur għandu jkun kapaċi jinżamm f'postu marbut ma' post f'qiegħ tal-baħar mingħajr l-użu tal-enerġija.
Perikli Indirizzati
Telf ta’ kontroll – il-vapur ikun jista' jinġarr mal-kurrent waħdu, u potenzjalment dan jista' jirriżulta f’ħabta jew f'li l-vapur jinkalja.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex jippermettu li jżommu l-vapur marbut ma' qiegħ tal-baħar indipendentament mid-disponibbiltà tal-enerġija jew tal-propulsjoni jew tat-tnejn li huma.
II-1.3.Rmiġġ
Rekwiżiti Funzjonali
Vapur għandu jkun jista’ jiġi rmiġġat u, wara, mingħajr l-użu tal-enerġija, jibqa’ marbut mal-moll jew ma' kwalunkwe post ta’ rmiġġ.
Perikli Indirizzati
·Ġarr mal-kurrent b'mod liberu tal-vapur fil-port.
·It-tkissir tal-elementi ta’ rmiġġ.
·Is-sikurezza tal-persuni li jimbarkaw u jiżbarkaw.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex bihom ikun jista' jsir l-irbit tal-vapur mal-moll jew ma' kwalunkwe post ta’ rmiġġ ieħor, indipendentament mid-disponibbiltà tal-enerġija jew propulsjoni, jew it-tnejn.
(b)L-iktar element dgħajjef fis-sistema rispettiva għandu jkun kapaċi jiflaħ it-tagħbijiet mistennija meta l-vapur ikun irmiġġat miegħu.
(c)Għandu jiġi żgurat li l-vapur jinżamm fil-pożizzjoni waqt li l-passiġġieri jimbarkaw u jiżbarkaw.
II-1.4.Sistema ta’ Rmunkar
Rekwiżiti Funzjonali
Għandhom jiġu pprovduti faċilitajiet biex jippermettu li l-vapur jiġi rmunkat.
Perikli Indirizzati
Telf ta’ kontroll – għandu jkun possibbli li l-vapur jiġi rmunkat f’każ ta’ telf ta’ propulsjoni jew ta' direzzjoni, jew it-tnejn.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
Il-qawwa tas-sistema għandha tkun biżżejjed biex tiflaħ tagħbijiet ta’ rmunkar taħt l-agħar każ ta’ kundizzjonijiet tat-tħaddim.
II-1.5.Tankijiet
Rekwiżiti Funzjonali
L-arranġamenti tat-tankijiet għandhom jiġu ddisinjati u l-likwidi għandhom jinħażnu b’tali mod li tiġi pprevenuta l-ħsara fuq il-persuni abbord u fuq il-vapur.
Perikli Indirizzati
·Splużjoni minħabba konċentrazzjoni ta’ gassijiet perikolużi fit-tankijiet.
·Tixrid ta’ likwidi maħżuna fit-tankijiet.
·Ħsara strutturali minħabba pressjoni eċċessiva fit-tankijiet.
·Telf ta’ enerġija: id-dħul tal-ilma fit-tankijiet li jkun fihom karburant jew żejt ta’ lubrifikazzjoni, li jikkawża l-falliment ta’ propulsjoni jew il-ġenerazzjoni tal-enerġija.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti biex jipprevjenu t-tqabbid tal-fwar f’tank.
(b)Għandu jkun possibbli li jiġi ddeterminat il-livell ta’ fluwidu f’tank u fi spazji vojta mhux aċċessibbli.
(c)Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti biex jipprevjenu nuqqas ta’ pressjoni jew pressjoni eċċessiva.
(d)Id-dħul tax-xita jew tal-ilma tal-baħar fit-tankijiet li jkun fihom il-karburant jew iż-żejt tal-lubrifikazzjoni għandu jiġi evitat anke jekk jinkisru l-arranġamenti biex tiġi evitata pressjoni eċċessiva jew it-tqabbid tal-fwar.
(e)Meta jkun hemm bżonn għandu jiġi pprovdut dħul sikur fit-tank.
II-1.6.Imbark u żbark
Rekwiżiti Funzjonali
Il-passiġġieri u l-ekwipaġġ għandhom ikunu jistgħu jimbarkaw b’mod sikur fuq il-vapur u jiżbarkaw b’mod sikur mill-vapur.
Perikli Indirizzati
·Korrimenti ta’ persuni waqt l-imbark u l-iżbark
·Persuni li jweġġgħu b’vetturi waqt li jimbarkaw u jiżbarkaw.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex jiġi evitat li l-ekwipaġġ u l-passiġġieri jweġġgħu waqt li jkunu qegħdin jimbarkaw jew jiżbarkaw, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-possibbiltà li wieħed jaqa’ bejn il-vapur u l-moll jew kwalunkwe post ta’ rmiġġ ieħor.
(b)L-art użata għall-imbark u għall-iżbark għandha tkun reżistenti għaż-żlieq, speċjalment meta tkun imxarrba.
(c)Il-persuni li jkunu mexjin għandhom jiġu sseparati mit-traffiku tal-vetturi.
(d)Il-faċilitajiet tal-imbark u tal-iżbark għall-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa għandhom ikunu mfassla għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.
II-1.7.Freeboard
Rekwiżiti Funzjonali
(1)Il-vapur għandu jkollu freeboard u għoli tal-pruwa biżżejjed għall-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati:
1.1.Biex jipprovdi riserva ta’ kapaċità taż-żamma fil-wiċċ.
1.2.Biex jipprevjeni t-tbaħħir żejjed tal-ibħra.
(2)Is-saħħa u l-istabbiltà strutturali tal-vapur għandhom ikunu biżżejjed għall-fundar tal-baħar li jikkorrispondi għall-freeboard assenjat.
Perikli Indirizzati
·Għarqa jew qlib.
·Ħsara strutturali minħabba tagħbija eċċessiva.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Il-vapur, fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati għandu jkollu freeboard li:
a.1.tippermetti l-vapur jibqa’ fil-wiċċ b’riserva ta’ kapaċità ta' żamma f'wiċċ l-ilma;
a.2.tipprevjeni li t-tbaħħir ifixkel il-kapaċità ta' żamma f'wiċċ l-ilma tal-vapur, b’mod partikolari fil-parti ta’ quddiem.
(b)Il-pixka (draught) li tikkorrispondi mal-freeboard assenjata (pixka massima) għandha tiġi mmarkata b’tali mod li tkun viżibbli għal osservatur estern.
(c)Il-pixka ta’ quddiem u ta’ wara għandhom jiġu mmarkati b’tali mod li jkunu viżibbli għall-osservatur estern.
(d)Għandu jiġi vverifikat li l-istabbiltà u s-saħħa strutturali huma biżżejjed għall-kundizzjoni ta' tagħbija li tikkorrispondi għall-freeboard assenjata (pixka).
II-1.8.Stabbiltà
Rekwiżiti Funzjonali
(1)Il-vapur għandu jkollu reżistenza għall-inklinazzjoni sabiex ma jinqalibx meta jiġi disturbat u enerġija ta’ restawr biżżejjed biex jerġa’ lura għal pożizzjoni wieqfa ladarba jitneħħa d-disturb, fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati.
(2)Wara li kwalunkwe spazju singolu li mhuwiex intenzjonat li jidħol ilma fih u li huwa f’kuntatt mal-qoxra jimtela bl-ilma, il-vapur għandu jkun jista’ jibqa’ fil-wiċċ f’kundizzjoni tali li tippermetti lin-nies kollha abbord jevakwaw il-vapur.
Perikli Indirizzati
·Għarqa jew qlib f’kundizzjoni intatta
·Għarqa jew qlib f’kundizzjoni ta’ ħsara.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Fil-kundizzjonijiet ta’ tagħbija previsti, fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati ta’ mewġ u riħ il-vapur għandu:
a.1.jirreżisti l-irroljar jew il-mejl ikkawżat mid-disturbi;
a.2.jerga’ lura għall-pożizzjoni wieqfa minn rolljar jew mejl ikkawżati minn disturb, wara t-tneħħija tad-disturb.
(b)Wara li kwalunkwe spazju singolu li mhuwiex intenzjonat li jidħol ilma fih u li huwa f’kuntatt mal-qoxra jimtela bl-ilma, il-vapur għandu jibqa’ fil-wiċċ u jżomm stabbiltà adegwata:
b.1.f’angolu kompatibbli mal-iskjerament tas-sistemi ta’ sopravivenza rilevanti kif indikat fil-Kapitolu III.
b.2.f’angolu kompatibbli mal-possibbiltà tal-passiġġieri li jiċċaqalqu tul il-vapur.
(c)Meta tiġi kkalkulata l-kundizzjoni li fiha l-vapur jibqa’ fil-wiċċ u jżomm stabbiltà adegwata wara ħsara, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-mumenti ta’ inklinazzjoni li jseħħu relatati ma’ din is-sitwazzjoni f'termini tal-pożizzjoni tal-passiġġieri, l-użu ta’ apparat li jsalva l-ħajja u kundizzjonijiet tal-istat tat-temp u l-baħar.
II-1.9.Reżistenza għall-Ilma u t-Temp
Rekwiżiti Funzjonali
Il-vapur għandu jkun iddisinjat biex jipprovdi livell ta’ reżistenza għall-ilma u t-temp li jipproteġi lill-vapur mill-ħalel u mid-dħul tal-ilma li jista’ jipperikola l-kapaċità taż-żamma fil-wiċċ jew l-istabbiltà, fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati.
Perikli Indirizzati
L-għarqa jew il-qlib minħabba akkumulazzjoni mhux intenzjonata ta’ ilma fil-vapur.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Il-vapur għandu jkollu ġonot li jifilħu għad-dħul tal-ilma u li jifilħu għat-temp biex jipprevjenu l-akkumulazzjoni tal-ilma fi spazji li jistgħu jipperikolaw l-istabbiltà ddisinjata jew il-parametri taż-żamma fil-wiċċ fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim maħsuba.
(b)Il-vapuri kollha għandhom jiġu ddisinjati b’livell li taħtu għandu jkun tali li ma jidħolx ilma fih fil-kundizzjonijiet operattivi intenzjonati: il-livell li ma jidħolx ilma fih.
(c)L-istruttura esterna u l-fittings esterni tal-vapur għandhom ikunu jifilħu għat-temp ’il fuq mil-livell li ma jidħolx ilma fih, għallinqas, sal-gverta jew il-livell ta’ wara.
(d)Il-parti ta’ quddiem tal-vapur għandha tipprovdi protezzjoni kontra d-dħul tal-ilma għall-bqija tal-vapur mill-konsegwenzi ta’ kolliżjoni.
(e)Għandha tkun installata sistema li tkun kapaċi tneħħi likwidu akkumulat minn kwalunkwe spazju li mhux suppost jidħol ilma fih fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati. Fl-ispazji tal-makkinarju, għandha tiġi pprovduta sistema ta’ allarm ta’ livell għoli ħafna.
(f)Il-gvieret esposti kollha għandhom ikunu b'tali mod li jbattlu l-ilma b’mod awtomatiku.
II-1.10.Il-protezzjoni tal-persuni abbord
Rekwiżiti Funzjonali
Kwalunkwe sistema, apparat jew tagħmir installat fuq il-vapur għandu jkun iddisinjat u installat b’tali mod li ma jikkawżax korriment lil xi persuna abbord.
Perikli Indirizzati
Korriment lil persuni abbord.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Il-persuni abbord għandhom jiġu protetti minn dan kollu li ġej:
a.1.partijiet li jiċċaqalqu;
a.2.elementi li jaħarqu;
a.3.partijiet li jistgħu jikkawżaw xokk elettriku;
a.4.uċuh li jiżolqu;
a.5.livelli eċċessivi ta’ storbju u vibrazzjonijiet;
a.6.elementi taħt tagħbija;
a.7.sustanzi tossiċi.
(b)Għandhom jiġu pprovduti mezzi li jipproteġu lill-persuni kollha abbord milli jaqgħu fil-baħar.
II-1.11.Propulsjoni u Tmun
Rekwiżiti Funzjonali
Għandu jkun possibbli li jiġu kkontrollati kemm il-veloċità kif ukoll id-direzzjoni tal-vapur fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati, inkluż xenarji ta’ falliment potenzjali.
Perikli indirizzati
Inabbiltà ta' manuvrar minħabba nuqqas ta’ kapaċità ta’ għoti ta' direzzjoni jew propulsjoni, li potenzjalment tirriżulta f’kolliżjoni jew inkaljar.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Għandu jiġi pprovdut eċċess tat-tagħmir ta’ propulsjoni u ta' għoti ta' direzzjoni, inkluż kwalunkwe servizz awżiljarju, filwaqt li jitqies id-daqs tal-vapur u ż-żona operattiva.
(b)Għandu jkun possibbli li tikkontrolla l-funzjonijiet prinċipali tal-makkinarju ta’ propulsjoni (mekkaniku, elettriku, eċċ.) mill-pont tan-navigazzjoni, inkluż il-veloċità u d-direzzjoni tal-forza propulsiva, fi kwalunkwe valur ta’ mejl u inklinazzjoni lonġitudinali fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati.
(c)Indikaturi operattivi li jipprovdu allert bikri ta’ kwalunkwe modalità ta’ falliment fil-propulsjoni jew it-tmun għandhom ikunu disponibbli għall-kaptan fil-pont tan-navigazzjoni.
(d)Il-modalitajiet ta’ falliment li jistgħu jħallu lill-vapur mingħajr il-kontroll tal-propulsjoni jew għoti ta' direzzjoni għandhom jiġu indikati b'allarm viżibbli u li jinstema’ fil-pont tan-navigazzjoni u jekk ikun bl-ekwipaġġ, fl-ispazju tal-makkinarju rilevanti.
(e)Għandu jkun possibbli li jkun hemm kontroll lokali tal-veloċità u l-għoti ta' direzzjoni.
(f)Għandhom jiġu pprovduti mezzi ta’ ordnijiet ta’ komunikazzjoni mill-pont tan-navigazzjoni għall-pożizzjonijiet tal-kontroll lokali għall-propulsjoni u t-tmun.
(g)Għandu jkun possibbli li tibda u twaqqaf is-sistema ta’ propulsjoni prinċipali u li toperaha, minn pożizzjoni ta’ vapur wieqaf, mingħajr rikors għal sorsi ta’ enerġija esterni.
(h)Id-disinn, il-bini u l-manutenzjoni tal-makkinarju prinċipali u awżiljarju meħtieġ biex jikkontrolla l-veloċità u d-direzzjoni tal-vapur għandhom jikkonformaw mal-istandards speċifikati għall-klassifikazzjoni mir-regoli ta’ organizzazzjoni rikonoxxuta jew regoli ekwivalenti użati minn Amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 391/2009.
II-1.12.Sors ta’ Enerġija ta’ Emerġenza
Rekwiżiti Funzjonali
Is-sistemi ta’ sikurezza essenzjali għandhom jingħataw l-enerġija minn mill-inqas żewġ sorsi ta’ enerġija differenti indipendenti minn xulxin, waħda minnhom is-sors ta’ enerġija ta’ emerġenza li huwa esklussivament iddedikat għal sistemi ta’ sikurezza essenzjali.
Perikli indirizzati
·Il-falliment ta’ sistemi ta’ sikurezza essenzjali minħabba nuqqas ta’ enerġija.
·Il-falliment li tixgħel jew tħaddem sorsi ta’ enerġija ta’ emerġenza minħabba kundizzjonijiet ta’ temperatura jew mejl u inklinazzjoni lonġitudinali.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Is-sors ta’ enerġija ta’ emerġenza għandu jiġi attivat awtomatikament f’każ li jkun hemm falliment fis-sorsi tal-enerġija l-oħrajn li jagħtu l-enerġija lil sistemi ta’ sikurezza essenzjali.
(b)Is-sors ta’ enerġija ta’ emerġenza u s-sistema ta’ distribuzzjoni assoċjata għandhom ikunu ppożizzjonati b’tali mod li s-sistema tibqa' taħdem f’każ ta’ nar, f’każ ta' dħul tal-ilma jew f’każ ta' inċident ieħor li jaffettwa s-sorsi tal-enerġija li jagħtu l-enerġija lis-sistemi ta’ sikurezza essenzjali.
(c)Is-sistemi ta’ sikurezza essenzjali, meta jkunu mwaħħlin, huma dawn kollha li ġejjin:
c.1.tagħmir tad-drenaġġ;
c.2.tagħmir tad-detezzjoni tan-nar;
c.3.pompa tat-tifi tan-nar ta’ emerġenza u, fejn ikun rilevanti, sistemi ta’ bexxiexa;
c.4.it-tagħmir ta’ komunikazzjoni meħtieġ biex javża lill-persuni kollha abbord, biex iwissi u jitkellem mas-servizzi ta’ tiftix u ta' salvataġġ u jittrażmetti sinjali attivi li jippermettu l-lokalizzazzjoni tal-vapur;
c.5.allarmi u allerti;
c.6.dwal tan-navigazzjoni u t-tagħmir meħtieġ għaż-żamma ta' funzjonijiet tan-navigazzjoni;
c.7.dwal ta’ emerġenza inkluż dak meħtieġ għal rotot ta’ ħrib f'emerġenza;
c.8.kwalunkwe sistema oħra meħtieġa biex tippermetti lill-persuni kollha abbord jevakwaw il-vapur.
(d)Is-sistemi ta’ sikurezza essenzjali għandhom mill-inqas jinżammu għaż-żmien mistenni biex tiġi riċevuta assistenza jew biex isir salvataġġ minn mezzi esterni.
(e)Is-sorsi ta’ enerġija ta’ emerġenza għandhom:
e.1.joperaw b’mod effiċjenti fi kwalunkwe mejl u inklinazzjoni lonġitudinali fil-kundizzjonijiet ta’ ħsara previsti u operattivi intenzjonali u
e.2.jkunu kapaċi jiġu operati minnufih fi kwalunkwe temperatura fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati.
(f)Id-disinn, il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tas-sorsi tal-enerġija ta' emerġenza u tas-sistema ta' distribuzzjoni tagħhom għandhom jikkonformaw mal-istandards speċifikati għall-klassifikazzjoni bir-regoli ta’ organizzazzjoni rikonoxxuta jew regoli ekwivalenti użati minn Amministrazzjoni tal-Istat bandiera, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
II-2Sikurezza kontra n-Nar
II-2.1.It-Tqabbid
Rekwiżiti Funzjonali
(1)Għandu jiġi evitat it-tqabbid ta’ materjali kombustibbli u likwidi, gassijiet u fwar fjammabbli.
(2)Materjali kombustibbli, likwidi fjammabbli u żoni fejn jistgħu jakkumulaw gassijiet fjammabbli jew fwar għandhom jiġu identifikati, kif ukoll sorsi ta’ tqabbid potenzjali bħal batteriji għall-propulsjoni.
Perikli indirizzati
It-tqabbid ta’ materjal kombustibbli jew likwidi u gassijiet u fwar fjammabbli.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex jevitaw u jikkontrollaw tnixxijiet ta’ likwidi fjammabbli.
(b)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex jillimitaw l-akkumulazzjoni tal-gassijiet u fwar fjammabbli.
(c)Is-sorsi ta’ tqabbid għandhom jiġu separati mill-materjali kombustibbli, likwidi u gassijiet fjammabbli.
(d)Il-likwidi u l-gassijiet fjammabbli għandhom jinħażnu fi spazji ddedikati.
(e)Għandhom jittieħdu miżuri ta’ sikurezza addizzjonali, inkluż l-użu tal-Kodiċi Internazzjoni tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b'Punt ta' Fjammabilità Baxx (Kodiċi IGF), jekk jintuża karburant b’punt ta’ fjammabbiltà taħt is-60°C.
II-2.2.It-tixrid tan-Nirien
Rekwiżiti Funzjonali
(1)Għandu jiġi pprovdut mezz ta’ kontroll għall-provvediment tal-arja għal kull spazju magħluq.
(2)Għandu jiġi pprovdut mezz ta’ kontroll biex iwaqqaf il-fluss tal-likwidi fjammabbli.
(3)It-tagħbija tan-nirien tal-ispazji abbord għandha tkun limitata.
Perikli indirizzati
Tixrid tan-nirien.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Għandu jkun possibbli li jingħalqu l-kanali ta’ ventilazzjoni kollha ta’ spazji b’riskju għoli ta’ nirien u ta' spazji li jeħtieġu protezzjoni kbira min-nirien minn pożizzjoni barra l-ispazju.
(b)Għandu jkun possibbli li twaqqaf kwalunkwe ventilazzjoni b’mutur minn pożizzjoni barra l-ispazju fejn hija installata l-ventilazzjoni.
(c)Il-ventilazzjoni tal-ispazji ta’ akkomodazzjoni għandha tkun indipendenti mill-ventilazzjoni minn kwalunkwe spazju b’riskju kbir ta’ nar.
(d)Għandu jiġi pprovdut mezz ta’ kontroll biex tkun tista' titwaqqaf kwalunkwe sistema li tuża likwidi fjammabbli, eż. pompi tal-karburant, pompi taż-żejt lubrifikant, pompi taż-żejt termali u separaturi taż-żejt (purifikaturi).
(e)L-uċuh esposti li ġejjin għandu jkollhom karatteristiċi ta’ tixrid tal-fjamma baxxi ħafna.
e.1.kurituri u turġien li jiffurmaw parti minn rotta ta’ ħruġ mill-periklu;
e.2.soqfa u kisi fl-ispazji ta’ akkomodazzjoni, spazji ta’ servizz u stazzjonijiet ta’ kontroll.
(f)Materjal kombustibbli, meta jiġi installat għandu jkollu valur kalorifiku limitat. Dan il-limitu għandu jiddependi fuq il-materjal tal-kostruzzjoni tal-vapur, iżda fl-ebda każ m’għandu jkun ogħla minn 45MJ/m2.
(g)It-tagħbija ta’ nar massima f’kull spazju għandha tkun limitata f’konformità mal-MSC.1/Circ. 1003 jew standard ekwivalenti ieħor.
II-2.3.Il-Ġenerazzjoni tad-duħħan u t-Tossiċità
Rekwiżiti Funzjonali
Il-kwantità ta’ duħħan u ta' prodotti tossiċi rilaxxati minn materjali waqt nar għandha tkun limitata, inkluż fil-każ ta' finituri tal-uċuħ.
Perikli indirizzati
Periklu għall-ħajja minn duħħan u minn prodotti tossiċi ġġenerati waqt nar fi spazji fejn il-persuni għandhom l-aċċess.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Żebgħa, verniċ u finituri oħrajn użati fuq uċuh interni esposti m’għandhomx ikunu jipproduċu kwantitajiet eċċessivi ta’ duħħan u prodotti tossiċi.
(b)Il-kisi tal-gverta primarja, jekk jiġi applikat fl-ispazji tas-servizzi u l-akkomodazzjoni u l-istazzjonijiet ta’ kontroll, għandu jkun ta’ materjal approvat li m’għandux jagħti lok għal perikli splussivi jew tossiċi jew ta’ duħħan f’temperaturi elevati.
II-2.4.Detezzjoni tan-Nar u Allarm
Rekwiżiti Funzjonali
Installazzjonijiet fissi ta’ sistemi ta’ detezzjoni tan-nar u sistemi ta’ allarm ta' nar għandhom ikunu xierqa għan-natura tal-ispazju, il-potenzjal tat-tkabbir tan-nar u ġenerazzjoni potenzjali ta’ duħħan u gassijiet.
Perikli indirizzati
In-nuqqas ta’ detezzjoni tan-nar abbord fi stadju bikri biex jiġi pprovdut biżżejjed ħin għat-tifi tan-nar jew l-abbandun sikur, jew it-tnejn.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Għandhom jiġu pprovduti mezzi ta’ detezzjoni tan-nar fi spazji ta’ riskju għoli u spazji klassifikati bħala li jeħtieġu protezzjoni kbira min-nar f’konformità mal-punt II-2.5(a).
(b)Il-mezzi ta’ detezzjoni tan-nar għandhom jipprovdu sinjal fil-pont tan-navigazzjoni f’każ ta’ nar. Dan is-sinjal għandu jkun akkumpanjat minn allarm li jinstema’.
(c)Jekk l-allarm li jinstema’ fil-pont tan-navigazzjoni ma jiġix rikonoxxut f’ħin raġjonevoli, imbagħad għandu jinstema’ f’kull spazju tal-vapur fejn l-ekwipaġġ għandu aċċess.
(d)Il-livell tal-ħoss tal-allarm għandu jkun aġġustat skont il-livell ta’ storbju fuq il-vapur f’operazzjoni normali, sabiex ikun jista’ jinstema' mill-ekwipaġġ.
(e)Għandu jkun possibbli li tidentifika l-ispazju fejn ikun ġie skopert in-nar.
II-2.5.Protezzjoni Kontra Nirien Strutturali
Rekwiżiti Funzjonali
(1)In-nirien għandhom jinżammu fl-ispazju tal-oriġini, sabiex jiġi pprovdut ħin biżżejjed għat-tifi tan-nar jew biex il-persuni kollha abbord jevakwaw il-vapur, jew għat-tnejn.
(2)Kull vapur għandu jiġi subdiviż b’konfini termali u strutturali.
Perikli indirizzati
Persuni abbord feruti minn nar qabel jaslu f’sistema ta’ sopravivenza.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)L-ispazji abbord għandhom jiġu klassifikati kif ġej:
a.1.Spazji b’riskju ta’ nar għoli, inkluż:
·spazji li fihom makkinarju ta’ kombustjoni intern;
·spazji ro-ro;
·spazji li fihom likwidi fjammabbli;
·ċerti kompartamenti tal-batteriji tal-elettriku ta’ kapaċità għolja.
a.2.Spazji li jeħtieġu protezzjoni għolja min-nar, inkluż:
·rotot ta’ ħruġ mill-periklu, inkluż turġien u kurituri;
·stazzjonijiet ta’ kontroll;
·spazji ta’ akkomodazzjoni;
·spazji fejn jinġemgħu in-nies u spazji tal-imbarkazzjoni;
·spazji ta’ makkinarju ta’ propulsjoni u ta' għoti ta' direzzjoni;
·kompartamenti użati għall-konverżjoni tal-enerġija elettrika, id-distribuzzjoni u t-tagħmir tal-ħżin (batteriji).
(b)Bejn spazju b’riskju għoli ta’ nar u spazju li jeħtieġ protezzjoni għolja kontra nar għandu jkun hemm konfini termali li jipprovdu protezzjoni strutturali kontra n-nirien (SFP, structural fire protection).
(c)L-SFP tal-konfini termali għandha tevita l-passaġġ tal-fjamma u tad-duħħan għal 60 minuta bħala regola ġenerali. Dan il-ħin jista’ jitnaqqas bħala funzjoni tal-ħin tal-evakwazzjoni kkalkulat f’konformità mal-punt II-2.6, iżda fl-ebda każ m’għandu jkun inqas minn 30 minuta.
(d)F’konfini termali magħmula mill-azzar, it-temperatura medja tal-parti mhux esposta m’għandhiex togħla iktar minn 140 °C ’il fuq mit-temperatura oriġinali u t-temperatura fl-ebda punt, inkluż kwalunkwe ġonta, m’għandha togħla iktar minn 180°C ’il fuq mit-temperatura oriġinali waqt il-ħin tal-SPF meta soġġetti għat-test tan-nar standard.
(e)Meta materjali differenti mill-azzar jintużaw fil-konfini termali, l-iżolament għandu jkun wieħed fejn il-qalba strutturali ma tilħaqx temperatura li titlef il-proprjetajiet strutturali tagħha waqt il-ħin tal-SFP. Pereżempju, it-temperatura tal-aluminju li għandha titqies hija 200 oC.
(f)Għall-vapuri li mhumiex tal-azzar, kull limitu ta’ spazju ta’ riskju għoli ta’ nar f’kuntatt mal-qoxra għandu jiġi pprovdut b’konfini termali.
(g)Il-protezzjoni kontra nirien tal-kanali ta’ ventilazzjoni għandha tkun l-istess bħal dik tal-ispazju fejn ikunu installati.
II-2.6.Ħin tal-Evakwazzjoni
Rekwiżiti Funzjonali
Il-ħin meħtieġ biex jiġi evakwat il-vapur għandu jiġi kkalkulat jew muri abbord, jew it-tnejn, għal kull vapur.
Perikli indirizzati
Imwiet jew korrimenti f’każ ta’ emerġenza li teħtieġ l-evakwazzjoni tal-vapur.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Fid-determinazzjoni tal-ħin tal-evakwazzjoni, il-mezzi ta’ ħruġ mill-periklu għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jistgħu jintużaw.
(b)Il-ħin ta’ evakwazzjoni espress f’minuti għandu jkun taħt il-valur li ġej:
Ħin massimu = (SFP-7)/3
Fejn SFP huwa l-ħin tal-protezzjoni kontra nar strutturali f’minuti.
II-2.7.It-Tifi tan-Nar
Rekwiżiti Funzjonali
In-nirien għandhom jitrażżnu u jintfew fl-ispazju tal-oriġini.
Perikli indirizzati
Tixrid tan-nirien.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Għandu jkun possibbli li tilħaq kull spazju tal-vapur fejn il-persuni jkollhom aċċess u gvieret miftuħa b’ġett ta’ ilma bi pressjoni effettiva u kapaċità adattata għall-vapur inkunsiderazzjoni.
(b)Għandhom jiġu installati mill-inqas żewġ pompi tan-nar tal-ilma fuq il-vapur, waħda minnhom titħaddem mis-sors ta’ enerġija ta’ emerġenza (pompa tan-nar ta’ emerġenza).
(c)Il-pompa tan-nar ta’ emerġenza u l-ġbid tal-arja tagħha għandha tkun lokalizzata fi spazju separat minn dawk b’pompi tan-nar oħrajn u separati b’barriera termali minn spazji ta’ makkinarju ta’ propulsjoni.
(d)L-ispazji kollha b’riskju kbir ta’ nar għandhom jiġu pprovduti b’sistema ta’ tifi tan-nar fissa.
(e)Għandu jkun hemm sistemi ta’ bexxiexa fl-ispazji tal-akkomodazzjoni tal-irqad.
(f)Għandu jkun hemm apparat tat-tifi tan-nar portabbli fil-viċinanza tad-daħla tal-ispazji b’riskju kbir ta’ nar jew li għandhom bżonn ta’ protezzjoni min-nar għoli.
(g)Il-mezz użat għall-mezz tat-tifi tan-nar fiss jew portabbli:
g.1.għandu jkun xieraq skont it-tip ta’ nar li x’aktarx ikun hemm fl-ispazju protett u
g.2.m’għandux ikun ta’ ħsara għall-ħajja tal-bniedem sakemm ikun hemm:
·mezzi biex jiġi żgurat li l-ispazju jista’ jkun magħluq totalment u kwalunkwe fetħa tingħalaq minn barra tal-ispazju; u
·mezzi biex jiżguraw li l-ebda persuna ma tkun ġewwa l-ispazju qabel ma jinbeda t-tifi tan-nar rilevanti.
II-2.8.Mezzi ta’ Ħrib
Rekwiżiti Funzjonali
Il-persuni abbord għandhom ikunu jistgħu jilħqu sistema ta’ sopravivenza permezz ta’ rotot ta’ ħrib aċċessibbli, li huma mmarkati b’mod viżibbli, ħielsa minn ostakoli u protetti min-nirien u għargħar.
Perikli indirizzati
Persuni abbord li ma jkunux jistgħu iħallu l-vapur f’każ ta’ evakwazzjoni.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Il-vapuri għandhom jiġu pprovduti b’mill-inqas żewġ mezzi ta’ ħrib minn kull spazju okkupat normalment, li eventwalment iwasslu għall-pożizzjonijiet ta’ imbarkazzjoni.
(b)Iż-żewġ mezzi ta’ ħrib għandhom ikunu b’tali mod li fi kwalunkwe xenarju ta' nar plawżibbli, iż-żewġ mezzi ta’ ħruġ mill-periklu ma jkunux imblukkati.
(c)Il-mezzi ta’ evakwazzjoni għandhom:
c.1.għandhom jiġu pprovduti b’puġġamani;
c.2.m’għandhomx jiġu ostakolati;
c.3.għandhom jiġu mmarkati b’mod ċar, b’marki viżibbli f’kundizzjonijiet ta’ viżibbiltà baxxa.
c.4.għandhom jiġu pprovduti b’illuminazzjoni mħaddma minn żewġ sorsi ta’ enerġija, waħda minnhom tkun is-sors ta’ enerġija ta’ emerġenza. u
c.5.għandhom ikunu wesgħin biżżejjed biex jippermettu l-moviment ħieles tal-persuni abbord, inkluż persuni libsin tagħmir protettiv, it-trasport ta’ persuni fuq streċers u persuni b’diżabbiltà.
(d)Pjanijiet li juru r-rotot ta’ ħrib għandhom jintwerew fuq ġewwa ta’ kull kabina, jekk ikun applikabbli u fl-ispazji pubbliċi.
IIIApparat u Arranġamenti tas-Salvataġġ
III.1.Prontezza Ġenerali Biex Jintuża l-Apparat ta’ Salvataġġ
Rekwiżiti funzjonali
L-apparat kollu tas-salvataġġ (LSA) għandu jkun fi stat ta’ prontezza kontinwa, indipendentament mill-provvisti tal-vapur fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati.
Perikli Indirizzati
·Il-korriment tal-persuni abbord waqt operazzjonijiet normali, taħriġ, manutenzjoni jew sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.
·Malfunzjoni jew dewmien meta jintuża LSA f’emerġenza vera jew waqt taħriġ jew eżerċizzji ta’ prattika.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
L-apparat tas-salvataġġ għandu jkun:
(a)faċilment aċċessibbli;
(b)mhux ostakolat u mhux imsakkar;
(c)operabbli u kapaċi jintuża indipendentament mill-provvisti tal-enerġija tal-vapur;
(d)miżmum fi stat ta’ prontezza kontinwa;
(e)kapaċi jopera fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati; u
(f)kapaċi jiġi skjerat fi kwalunkwe mejl u inklinazzjoni lonġitudinali fil-kundizzjonijiet ta’ ħsara previsti u operattivi intenzjonati.
III.2.Provvediment tal-Informazzjoni ta’ Emerġenza
Rekwiżiti funzjonali
Jiġu pprovduti informazzjoni u istruzzjonijiet ta’ emerġenza diġà disponibbli lill-persuni kollha abbord, skont l-assenjazzjoni tagħhom għall-apparat li jsalva l-ħajja.
Perikli Indirizzati
Nuqqas ta’ informazzjoni u istruzzjonijiet xierqa għall-passiġġieri rigward il-proċeduri ta’ emerġenza, li potenzjalment jikkawża dewmien addizzjonali, konfużjoni jew paniku.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)L-istruzzjonijiet u l-informazzjoni lill-persuni kollha abbord għandhom ikunu:
a.1.ppreżentati b’tali mod li jagħmilhom possibbli li jinftiehmu (eż. l-istil u l-lingwa); u
a.2.distribwiti b’mod ċar mal-vapur kollu.
(b)L-informazzjoni u l-istruzzjonijiet rigward il-proċeduri ta’ emerġenza, il-post u l-użu tat-tagħmir għandhom mill-inqas jinkludu:
b.1.direzzjonijiet għall-istazzjonijiet fejn jinġemgħu in-nies;
b.2.il-post tal-LSA; u
b.3.it-tħaddim u l-użu tal-LSA.
(c)L-istruzzjonijiet għal-LSA għandhom ikunu jinqraw u jinftiehmu f’kundizzjonijiet ta’ viżibbiltà baxxi (eż. dwal ta’ emerġenza) u l-postijiet tal-istivar għal-LSA għandhom ikunu mmarkati b’mod ċar.
III.3.Komunikazzjoni
Rekwiżiti funzjonali
(1)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex iwissu u jiggwidaw is-servizzi tat-Tfittix u s-Salvataġġ (SAR, Search and Rescue) għall-post tal-vapur u s-sistemi ta’ sopravivenza.
(2)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex jippermettu lill-kaptan jew lill-ekwipaġġ biex jikkomunikaw simultanjament mal-persuni kollha abbord waqt emerġenzi.
(3)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex iwissu lill-persuni kollha abbord dwar l-emerġenzi.
Perikli Indirizzati
·Id-diffikultajiet biex jiġu skoperti mis-SAR f’każ ta’ emerġenza (kemm il-vapur jew kwalunkwe sistema ta’ sopravivenza fil-baħar).
·L-inabbiltà li tiġi stabbilita komunikazzjoni effettiva bejn iż-żewġ naħat bejn il-membri tal-ekwipaġġ biex jappoġġjaw attivitajiet ta’ salvataġġ, ħruġ mill-periklu u ta’ evakwazzjoni.
·Inabbiltà li informazzjoni u istruzzjonijiet effettivi rigward kwalunkwe emerġenza jiġu pprovduti fil-ħin lill-persuni abbord.
·Inabbiltà li l-persuni abbord jiġu mwissija fil-ħin għal sitwazzjoni ta’ emerġenza.
·Dewmien u fallimenti organizzazzjonali.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Għandhom jiġu pprovduti l-mezzi li ġejjin biex jiggwidaw lis-servizzi tas-SAR għall-vapur u għas-sistemi ta’ sopravivenza:
a.1.sinjal elettroniku li jista’ jiġi skopert awtomatikament u mill-bogħod mis-servizzi tas-SAR (inkluż sinjali emessi minn sistemi ta’ navigazzjoni satellitari bħall-Galileo);
a.2.sinjal li jista’ jiġi perċepit b’mod viżiv fil-viċinanza; u
a.3.sistema ta’ komunikazzjoni portabbli biex tintuża bejn is-sistemi ta’ sopravivenza u s-SAR.
(b)Il-mezzi għall-komunikazzjoni interna għandhom:
b.1.jipprovdu komunikazzjoni fuq iż-żewġ naħat bejn il-membri tal-ekwipaġġ, indipendentament mill-ispazju tal-vapur fejn jinstabu;
b.2.jipprovdu informazzjoni u istruzzjonijiet kontinwi li jinstemgħu fl-ispazji kollha fejn il-persuni għandhom aċċess.
(c)Il-mezzi għat-twissija tal-persuni kollha abbord għandhom:
c.1.ikunu jistgħu jinstemgħu fl-ispazji kollha fejn għandhom aċċess għalihom il-persuni; u
c.2.ikunu adegwati għall-komunikazzjoni verbali abbord.
III.4.Evakwazzjoni
Rekwiżiti funzjonali
(1)Kull vapur għandu jkollu stazzjonijiet ta' ġemgħa tal-persuni kollha abbord, fejn dawn il-persuni għandhom jinġemgħu qabel jiġu trasferiti għas-sistemi ta’ sopravivenza.
(2)Għandu jkun possibbli li kwalunkwe persuna tiġi trasferita mill-istazzjon ta' ġemgħa għal sistema ta’ sopravivenza mingħajr korriment u “b’saqajn xotti”, jiġifieri, minħajr il-bżonn li tidħol fl-ilma anke għal żmien limitat.
(3)Għandhom jiġu pprovduti mezzi għas-sopravivenza tal-persuni kollha wara l-evakwazzjoni.
Perikli Indirizzati
·Sistemi ta’ sopravivenza inadegwati li la huma suffiċjenti, xierqa u lanqas aċċessibbli għall-persuni kollha abbord.
·Persuni li ma jinġemgħux kif suppost, li jikkawżaw dewmien u konfużjoni fl-evakwazzjoni.
·Possibbiltà li ċerti sistemi ta’ sopravivenza ma jkunux disponibbli b’riżultat ta’ telf minħabba nar, għargħar u ħsarat oħra.
·Ħsarat fis-sistemi ta’ sopravivenza jew għall-persuni, jew it-tnejn, waqt il-varar.
·Għarqa.
·Ipotermja.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Kull vapur għandu jġorr sistemi ta’ sopravivenza distribwiti mal-vapur b’kapaċità suffiċjenti, sabiex f’każ li sistema ta’ sopravivenza tintilef jew titqies li m’għadhiex taħdem, is-sistemi ta’ sopravivenza li jibqa’ jkunu jistgħu jakkomodaw in-numru totali ta’ persuni li l-vapur huwa ċċertifikat li jġorr.
(b)Id-distribuzzjoni, l-arranġamenti ta’ skjerament u l-kapaċità tas-sistemi ta’ sopravivenza għandhom jippermettu lill-persuni kollha li l-vapur huwa ċertifikat li jġorr biex jiġu akkomodati fuq kull naħa tal-vapur.
(c)L-istazzjonijiet tal-ġemgħa għandhom jipprovdu biżżejjed spazju biex jinġemgħu l-persuni kollha abbord.
(d)L-ebda persuna m’għandha tkun mistennija taqbeż iktar minn 1 metru għoli għas-sistema ta’ sopravivenza. Għal għoli ikbar, għandu jiġi pprovdut tagħmir biex jiffaċilita l-imbarkazzjoni (eż. żurżieqa tal-evakwazzjoni jew sellum tal-imbarkazzjoni).
(e)Il-varar tas-sistema ta’ sopravivenza għandu jsir mingħajr l-ebda ostakolu jew interferenza ma’ strutturi oħra, speċjalment mal-iskrun.
(f)Kull vapur għandu jġorr tagħmir ta’ żamma fil-wiċċ individwali adegwat għal kull persuna abbord.
(g)Għandha tiġi pprovduta protezzjoni termali adegwata skont il-kundizzjonijiet tat-tħaddim.
III.5.Salvataġġ
Rekwiżiti funzjonali
Għandhom jiġu pprovduti mezzi għall-irkupru tal-persuni mill-ilma.
Perikli Indirizzati
L-inabbiltà li tiġi rkuprata persuna mill-ilma b’mod effettiv u ta’ malajr, li tista’ tikkawża deterjorament tal-ħajja tas-superstitu jew anke t-telf tal-ħajja.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Il-vapur għandu jġorr għajnuniet ta' żamma fil-wiċċ li jistgħu jitwaddbu mill-vapur lil persuna fl-ilma.
(b)L-irkupru ta’ persuna mill-ilma għandu jitwettaq mill-vapur jew minn unità ddedikata.
IVKomunikazzjonijiet bir-radju
Rekwiżiti Funzjonali
(1)Il-vapur għandu jkun jista’ jittrażmetti u jirċievi informazzjoni dwar is-sikurezza marittima rilevanti.
(2)Kull vapur għandu jkun jista’ jittrażmetti u jirċievi allerti ta’ diffikultà.
(3)Għandu jkun possibbli li tikkomunika ma’ mezzi ta’ assistenza esterni, kemm tal-ajru jew marittimi, waqt l-operazzjoni tas-SAR.
Perikli Indirizzati
·L-inkapaċità li tirċievi u tittrażmetti informazzjoni ta’ sikurezza marittima rilevanti.
·Nuqqas ta’ komunikazzjoni mal-mezzi esterni f’każ ta’ emerġenza.
·Inkapaċità ta’ assistenza lill-vapuri tal-madwar f’diffikultà.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
Kull vapur għandu jkun jista’:
(a)jittrażmetti allerti ta’ diffikultà mill-vapur għax-xatt;
(b)jirċievi allerti ta’ diffikultà mix-xatt għall-vapur;
(c)jittrażmetti u jirċievi allerti ta’ diffikultà mill-vapur għall-vapur (anke permezz ta’ sistemi satellitari);
(d)jittrażmetti u jirċievi komunikazzjonijiet ta’ koordinazzjoni ta’ tiftix u salvataġġ;
(e)jittrażmetti u jirċievi komunikazzjonijiet fuq ix-xena;
(f)jittrażmetti u jirċievi informazzjoni dwar is-sikurezza marittima;
(g)jittrażmetti u jirċievi komunikazzjonijiet bir-radju ġenerali lejn jew min-netwerks jew sistemi tar-radju fuq ix-xatt. u
(h)jittrażmetti u jirċievi komunikazzjonijiet minn pont għal pont.
VNavigazzjoni
Rekwiżiti Funzjonali
Il-vapur għandu jkun iddisinjat, mibni, mgħammar u miżmum sabiex waqt li jkun fuq il-baħar ikun jista’:
(1)jiġi nnavigat b’mod indipendenti; u
(2)jipprovdi allerti lill-ekwipaġġ dwar il-perikli tan-navigazzjoni kollha, fissi jew mobbli.
Perikli Indirizzati
·Kolliżjonijiet jew inkaljar.
·Nuqqas milli tiġi aċċertata l-pożizzjoni tal-vapur.
Rekwiżiti tal-Prestazzjoni
(a)Għandha tkun disponibbli informazzjoni dettaljata dwar iż-żona tal-baħar ġeografika fejn ikun qed jopera l-vapur.
(b)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex jiġu stabbiliti l-pożizzjoni, id-direzzjoni u l-veloċità tal-vapur (bħal sistemi ta’ navigazzjoni satellitari inkluż Galileo).
(c)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex jassistu fin-navigazzjoni u fl-evitar ta’ kolliżjoni (bħal sistemi ta’ navigazzjoni satellitari inkluż Galileo).
(d)Il-konfigurazzjoni tal-pont tan-navigazzjoni għandha tipprovdi viżibbiltà sħiħa għall-arloġġ tan-navigazzjoni.
(e)Għandhom jiġu stabbiliti mezzi biex tiġi stabbilita d-direzzjoni tar-rotazzjoni tal-iskrun u d-domanda għall-enerġija u l-pożizzjoni tat-tmun fir-rigward tad-direzzjoni prinċipali tal-vapur.
(f)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex jiġi ddeterminat il-fond tal-ilma.
(g)Għandu jkun possibbli li tiskopri l-vapur mill-vapuri tal-madwar.