Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0273

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-iżvilupp ta' faċilitajiet ta' indukrar għal tfal żgħar, bl-intenzjoni li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, jinstab bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għal ġenituri li jaħdmu u biex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklussiv fl-Ewropa ("l-objettivi ta' Barċellona")

COM/2018/273 final

Brussell, 8.5.2018

COM(2018) 273 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-iżvilupp ta' faċilitajiet ta' indukrar għal tfal żgħar, bl-intenzjoni li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, jinstab bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għal ġenituri li jaħdmu u biex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklussiv fl-Ewropa ("l-objettivi ta' Barċellona")


Sommarju eżekuttiv

Id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-prezz raġjonevoli ta’ faċilitajiet ta’ indukrar tat-tfal ta’ kwalità għolja huma essenzjali biex jippermettu lin-nisa u l-irġiel b’responsabbiltajiet ta’ indukrar li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol 1 . Is-servizzi ta’ kwalità għolja għall-indukrar u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal huma wkoll għodda importanti sabiex jitwarrbu l-iżvantaġġi soċjali fost it-tfal 2 u jiswew għall-iżvilupp konjittiv u soċjali tat-tfal sa minn età żgħira 3 .

Sa mis-sena 2002 li l-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona 4 rrikonoxxa din is-sitwazzjoni u stabbilixxa objettivi rigward id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet ta’ indukrar tat-tfal ta’ kwalità għolja u bi prezz raġonevoli għat-tfal qabel l-età tal-iskola primarja, permezz ta’ żewġ miri, jiġifieri 90% tat-tfal mill-età ta’ tliet snin sal-età tal-iskola obbligatorja u 33% tat-tfal taħt it-tliet snin.

L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jevalwa, bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġja l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għal dawk li jindukraw 5 , liema progress għamlu l-Istati Membri lejn l-implimentazzjoni tal-objettivi ta’ Barċellona mindu sar l-aħħar rapport fl-2013.

Kollox ma’ kollox, il-mira ta’ Barċellona b’mod kumplessiv intlaħqet fil-każ ta’ tfal taħt l-età ta’ tliet snin għall-UE-28, hekk kif 32,9% tat-tfal fl-UE huma koperti, anki jekk baqa’ differenzi kbar fost l-Istati Membri.

Il-mira ta’ 33% tista’ tgħid li ntlaħqet fi 12-il Stat Membru skont l-aktar dejta riċenti tal-2016, filwaqt li f’seba' Stati Membri tal-UE minn 12, bejn 33% u 49% tat-tfal għandhom aċċess għal servizzi ta’ indukrar ta’ tfal u f’ħames Stati Membri tal-UE, 50% jew aktar tat-tfal għandhom aċċess għal servizzi ta’ indukrar. Fis-16-il Stat Membru li jifdal, anqas minn 33% tat-tfal għandhom aċċess għall-indukrar tat-tfal, u f’għaxar Stati Membru hemm anqas minn 25% tat-tfal fil-grupp tal-iżgħar età li jipparteċipaw f’servizzi ta’ indukrar.

Il-mira ta’ Barċellona sa issa għadha ma ntlaħqitx għal tfal li għandhom minn tliet snin sal-età tal-iskola obbligatorja. Fl-2016, 86.3 % tat-tfal minn tliet snin sal-età tal-iskola obbligatorja jipparteċipaw f’ċentri formali tal-indukrar tat-tfal jew jattendu f’ċentri preskolari. Il-mira ta’ Barċellona ntlaħqet fi 12-il Stat Membru u l-ebda wieħed mis-16-il Stat Membru l-ieħor ma għandu laħaq il-mira.

Id-disponibbiltà u l-użu tas-servizzi ta’ indukrar ta’ tfal huma influwenzati minn diversi fatturi: jiġifieri l-intitolament bil-liġi għall-indukrar tat-tfal, l-aċċessibbiltà u l-kwalita. Barra minn hekk, l-adattabbiltà tas-servizzi għall-ħtiġijiet tal-ġenituri, inkluża d-distanza sal-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal u l-ħinijiet tal-ftuħ adattati għal ħtiġijiet tar-ritmi tal-ħinijiet tax-xogħol, għandhom rwol importanti.

Peress li r-responsabbiltajiet ta’ indukrar huma r-raġuni ewlenija għall-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol, li jissarrfu fi 370 biljun euro fis-sena telf għall-Ewropa, l-objettivi ta’ Barċellona, adottati mill-Kunsill tal-Ewropea fl-2002, għadhom ta’ importanza kruċjali fl-2018. 

1. Il-kuntest tal-politika

In-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa hija waħda mill-aktar problemi persistenti li qegħdin jaffettwaw is-suq tax-xogħol f’kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE). Id-distakk fl-impjiegi bejn is-sessi, jiġifieri d-differenza fir-rati ta’ impjieg bejn l-irġiel u n-nisa, huwa ta’ 11,6 punti perċentwali, li jitilgħu sa 18,2 punti perċentwali f’ekwivalenti full-time. 6 It-telf ekonomiku li jirriżulta jammonta għal EUR 370 biljun fis-sena. 7

Ir-raġuni ewlenija għall-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija r-responsabbiltà għall-indukrar ta’ dipendenti, li jkollha tinġarr b’mod mhux proporzjonali min-nisa, meta mqabbel mal-irġiel. In-nisa jkollhom responsabbilitajiet ta’ indukrar ta’ dipendenti f’diversi punti f'ħajjithom, iżda l-aktar meta jkollhom tfal żgħar. Fl-2016, ir-rata ta’ impjieg medja tan-nisa b’wild wieħed taħt is-sitt snin kienet ta’ disa’ punti perċentwali anqas minn dik ta’ nisa mingħajr tfal żgħar, u f’diversi Stati Membri din id-differenza kienet ta’ aktar minn 30 punt perċentwali. F’xi Stati Membri, 25 % tan-nisa inattivi huma inattivi minħabba responsabbiltajiet ta’ indukrar.

Id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-prezz raġjonevoli ta’ faċilitajiet ta’ indukrar tat-tfal ta’ kwalità għolja huma essenzjali biex jippermettu lin-nisa u l-irġiel b’responsabbiltajiet ta’ indukrar li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol.

Ilu sa mis-sena 2002 li l-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona 8 rrikonoxxa din is-sitwazzjoni u stabbilixxa objettivi rigward id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet ta’ indukrar tat-tfal ta’ kwalità għolja u bi prezz raġonevoli 9 għat-tfal qabel l-età tal-iskola primarja, permezz ta’ żewġ miri:

L-Istati Membri għandhom ineħħu d-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jistinkaw, fil-kunsiderazzjoni tad-domanda għal faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal u f’konformità max-xejriet nazzjonali tal-provvistsa, biex jiġi pprovdut indukrar tat-tfal sal-2010

olil 90 % tat-tfal mill-età ta’ tliet snin sal-età tal-iskola obbligatorja; kif ukoll

olil 33 % tat-tfal taħt l-età ta' tliet snin.”

Il-Kunsill Ewropew kien stabbilixxa l-obbligu li dawn il-miri jintlaħqu sal-2010. Fir-rapport tagħha tal-2013 li jivvaluta l-qagħda f’dak il-mument, il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet li dawn ma kienu ntlaħqu għall-ebda kategorija ta’ tfal, la għal dawk sa tliet (0 sa 3) snin u lanqas għal dawk bejn tliet snin u l-età li fiha jibdew l-iskola obbligatorja 10 .

Fl-2013, ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-objettivi ta’ Barċellona 11 ddikjara li, minkejja l-progress li sar mill-2002, il-provvista ta’ indukrar tat-tfal kienet għadha mhix konformi mal-miri ta’ Barċellona, u li kien hemm bżonn titjib sinifikanti biex jinkiseb livell sodisfaċenti ta’ disponibbiltà, speċjalment għal tfal taħt it-tliet snin:    

·Kienu biss sitt Stati Membri li rnexxielhom jilħqu l-miri għaż-żewġ kategoriji ta’ etajiet (0–3; minn tliet snin sal-età tal-iskola obbligatorja) fl-2011 12 ;

·Tliet Stati Membri laħqu biss il-mira għal tfal minn tlieta (3) sal-età skolastika obbligatorja 13 ;

·Erba' Stati Membri laħqu biss il-mira għal tfal sa tliet snin (0 sa 3) 14 .

Ir-rapport tal-Kummissjoni ma kienx iffukat biss fuq id-disponibbiltà tal-indukrar tat-tfal, iżda kien jinkludi l-aċċessibbiltà, il-prezz raġjonevoli u l-kwalità tal-indukrar tat-tfal disponibbli.

Tabilħaqq, parteċipazzjoni sħiħa min-nisa fis-suq tax-xogħol tkun tirrekjedi li l-indukrar tat-tfal ikun jingħata l-ġurnata kollha u li jkun jilqa’ għall-ħtiġijiet tax-xogħol matul il-ħinijiet tax-xogħol tal-ġenituri kif ukoll tal-btajjel tal-iskola. Barra minn hekk, l-indukrar tat-tfal ikun tassew għażla realistika biss jekk il-ħaddiema nisa jkunu jistgħu jlaħħqu mal-prezz tiegħu u jkunu jistgħu jserrħu rashom li jkun ta’ kwalità għolja.

Din hija r-raġuni għaliex l-objettivi ta’ Barċellona, u l-miri inklużi fiha, kienu wkoll dikjarati mill-ġdid fil-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) u sar referenza għalihom fl-Istrateġija Ewropa 2020.

Minbarra l-monitoraġġ regolari tal-implimentazzjoni tal-objettivi ta’ Barċellona, id-disponibbiltà ta’ indukrar tat-tfal ta’ kwalità għolja u bi prezz raġonevoli hija mmonitorjata bħala mod kruċjali għaż-żieda tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa fil-proċess tas-Semestru Ewropew. Dan huwa l-qafas tal-governanza ekonomika annwali tal-UE immirat lejn il-monitoraġġ, il-prevenzjoni, u l-korrezzjoni ta’ xejriet ekonomiċi problematiċi 15 .

Fil-kuntest tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni adottat, fit-26 ta’ April 2017, l-inizjattiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, ġabra ta’ miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li jimmodernizzaw l-oqfsa legali u ta’ politika attwali li jolqtu l-liv tal-familja 16 , l-arranġamenti flessibbli ta’ xogħol u s-servizzi ta’ indukrar formali, u li jindirizzaw id-diżinċentivi ekonomiċi li huma ta’ tfixkil għal dawk li jkunu jixtiequ jaħdmu biex ikunu t-tieni sors ta’ dħul tal-familja. It-titjib fil-kwalità, il-prezz raġjoneevoli u l-aċċessibbiltà tal-kura tat-tfal hija parti importanti ta’ din l-inizjattiva, li jsir permezz ta’ monitoraġġ regolari tal-miri, it-titjib fil-ġbir tad-dejta u l-promozzjoni tal-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej biex isir investiment f’infrastruttura soċjali 17 .

Servizzi ta’ indukrar tat-tfal ta’ kwalità għolja u bi prezz li jista’ jintlaħaq mhux biss huma ta’ għajnuna fir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja tal-familja li twassal biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa u għat-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Huma jgħinu wkoll biex it-tfal jintegraw b’mod soċjoekonomiku u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom minn età bikrija 18 .

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2013 dwar “L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ” 19 , li ġiet approvata mill-Kunsill f’Novembru 2013, tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinvestu iktar f’politiki dwar it-tfal biex isaħħu d-drittijiet tagħhom, jitnaqqas il-faqar tat-tfal u jitjieb il-benessri tat-tfal. Hija parti minn “pakkett ta’ investiment soċjali” (SIP) ferm usa’ li jagħti gwida ta’ politika lill-Istati Membri dwar l-investiment soċjali tul il-ħajja. Ir-Rakkomandazzjoni tenfasizza li hemm biżżejjed evidenza li tfal żvantaġġati u li jkunu bbenefikaw minn servizzi għall-indukrar tat-tfal huma inqas probabbli li jitilqu mill-iskola sekondarja u li jkunu qiegħda, u b’hekk jiġu evitati għadd ta’ problemi soċjali oħra.

Barra minn hekk, il-Kunsill tal-Edukazzjoni tal-2009 adotta valuri referenzjarji dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ taħt il-Qafas Strateġiku tal-2020 għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET2020) 20 , inkluż wieħed għat-tfal bejn l-erba' snin u l-età tal-iskola obbligatorja 21 . Skont dan il-valur referenzjarju jew mira, mill-inqas 95 % tat-tfal minn erbgħa (4) sal-età tal-iskola obbligatorja jmisshom jipparteċipaw f’edukazzjoni u indukrar minn kmieni fit-tfulija 22 . L-objettiv tal-ET2020 huwa li jitjiebu s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ nazzjonali sabiex l-UE ssir dik l-ekonomija fid-dinja li tkun l-aktar kompetittiva u l-aktar dinamika bbażata fuq l-għarfien fid-dinja.

Barra l-objettivi ta’ Barċellona, il-Kummissjoni tissorvelja b’mod regolari l-implimentazzjoni tal-miri tal-edukazzjoni u t-taħriġ li hemm fl-ET2020, inkluża l-mira għal tfal minn erba' snin sal-età tal-iskola obbligatorja. 23 Fl-2017, hija rrilevat li 94,8 % tat-tfal kienu qegħdin jipparteċipaw fi programmi ta’ edukazzjoni u indokrar bikri tat-tfal bħala medja fl-Unjoni Ewropea. Jista’ wieħed iqis li, b’mod ġenerali, il-mira fl-ET 2020 intlaħqet. Fid-dawl ta’ din il-kostatazzjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol, il-Kummissjoni ħabbret reviżjoni tal-mira eżistenti tal-ET2020. Hija kkonfermat dan fil-Komunikazzjoni tagħha tat-17 ta’ Novembru 2017 dwar it-tisħiħ tal-identità Ewropea 24 u ssuġġeriet li l-mira ta’ 95 % tista’ tiġi estiża għal tfal minn tliet snin sa l-età tal-iskola obbligatorja. Tali reviżjoni tkun tinvolvi żieda tal-mira eżistenti ta’ Barċellona għal tfal ta’ bejn it-tliet snin u l-età tal-iskola obbligatorja b’5 %. Barra minn hekk, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tikkunsidra l-kwalità tas-sistemi ta’ indukrar tat-tfal.

F’Mejju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Sistemi ta’ Kwalità Għolja ta’ Edukazzjoni u Indukrar Bikrija, bħala parti mill-Pakkett dwar l-Edukazzjoni 25 , akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni. L-għan ta’ din il-proposta huwa li tħeġġeġ u tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-aċċess għas-sistemi tagħhom ta’ edukazzjoni u indukrar bikrija tat-tfal, u jtejbulhom il-kwalità. Il-loġika sottostanti hija dik li l-ewwel snin tal-ħajja ta’ persuna huma dawk l-aktar formattivi għall-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi u tal-kapaċitajiet ta’ tagħlim li jistgħu jinfluwenzaw bil-kbir il-prospetti futuri fl-edukazzjoni u fl-impjieg kif ukoll iwessgħu il-kisbiet fil-ħajja u s-sodisfazzjoni tal-għixien.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, approvat mill-Istati Membri fis-17 ta’ Novembru 2017, ikkonferma l-importanza ta’ strutturi ta’ indokrar tat-tfal formali. It-“Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali” li takkumpanja l-Pilastru tissorvelja l-implimentazzjoni tal-prinċipju 11 tal-Pilastru dwar l-indukrar tat-tfal, b’mod partikulari ta’ tfal taħt it-tliet snin.

Dan kollu li ssemma hawn fuq juri li l-aċċess għal servizzi bi prezz raġjonevoli u ta’ kwalità għolja għall-indukrar u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal iservi tliet skopijiet:

·biex jissaħħaħ il-potenzjal fis-suq tax-xogħol tan-nisa bit-tfal;

·biex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet konjittivi u soċjali tat-tfal qabel l-iskola;

·biex tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali ta’ tfal minn ambjenti żvantaġġati 26 .

L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jevalwa, bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġja l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għal dawk li jindukraw, liema progress għamlu l-Istati Membri lejn l-implimentazzjoni tal-objettivi ta’ Barċellona mindu sar ir-rapport tal-2013 ‘l hawn. Din l-evalwazzjoni, flimkien mal-konklużjoni li l-ET2020 ġie b’mod ġenerali milħuq, turi li jista’ jkun li wasal iż-żmien biex jiġi kkunsidrat rieżami koerenti kumplessiv tal-miri kollha għat-tfal mit-twelid sal-età tal-iskola obbligatorja.

2. L-importanza tal-indukrar tat-tfal biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol

Filwaqt li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol żdiedet, għad hemm distakk fl-impjiegi bejn l-irġiel u n-nisa fl-Istati Membri kollha. Għall-UE-28, id-differenza hija ta’ 11,6 punti perċentwali u ta’ 18,2 punti perċentwali f’termini ta’ ekwivalenti full-time. Il-Litwanja għandha l-inqas distakk (2 %) u Malta l-ogħla (27 %).

[Grafika Nru 1: Ir-rata ta’ impjieg tan-nisa u l-irġiel ta’ bejn il-15 u l-64 sena, 2016, %]

Sors: LFS 2016

Id-distakk fl-impjiegi bejn is-sessi huwa marbut mill-qrib mar-responsabbiltajiet ta’ indukrar.

Anki jekk fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-mudell ta’ koppji fejn jaħdmu t-tnejn (b’impjieg full-time), jew il-mudell ta’ xogħol modifikat (persuna waħda taħdem part-time u l-oħra full-time), issa ssostitwew il-mudell fejn ikun ir-raġel biss li jaħdem, id-distakk bejn is-sessi fejn jidħlu l-inattività u x-xogħol part-time għadu sinifikanti - 31% tan-nisa jaħdmu part-time, imqabbel ma’ 8% tal-irġiel. Fin-Netherlands hemm l-ogħla rata ta’ ħaddiema part-time, b’76,4% tan-nisa u 26,2% tal-irġiel li jaħdmu part-time.

Id-differenzi fost l-Istati Membri huma impressjonanti ħafna meta wieħed iqis ir-raġunijiet li minħabba fihom in-nisa jirtiraw mis-suq tax-xogħol jew jaħdmu part-time (Grafika 1 u 2). Tabilħaqq, aktar minn 10 % tan-nisa f’Malta, l-Irlanda, Ċipru, ir-Rumanija, il-Polonja, l-Italja, Spanja, il-Kroazja u l-Bulgarija huma inattivi minħabba r-responsabbiltajiet personali jew familjari tagħhom, l-iżjed minħabba l-indukrar tat-tfal jew ta’ adulti b’xi diżabbiltà (Figura 2 hawn taħt). Barra minn hekk, aktar minn 10 % tan-nisa jaħdmu part-time fin-Netherlands, l-Awstrija, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Irlanda minħabba responsabbiltajiet ta’ indukrar (Grafika 3 hawn taħt).


[Grafika Nru 2: Ir-rata ta’ inattività minħabba responsabbiltajiet personali u tal-familja (indukrar ta’ tfal jew adulti b’diżabbiltà u responsabbiltajiet tal-familja jew personali oħrajn), nisa,%]

Sors: LFS 2006-2013

[Grafika Nru 3: Ir-rata ta’ xogħol part-time minħabba responsabbiltajiet personali u tal-familja (indukrar ta’ tfal jew adulti b’diżabbiltà u responsabbiltajiet tal-familja jew personali oħrajn), nisa,%]

Sors: LFS 2006-2013

Ħarsa aktar mill-qrib lejn ir-raġunijiet sottostanti għall-inattività u xogħol part-time turi li madwar 20 % tal-persuni b’responsabbiltajiet ta’ indukrar huma inattivi jew jaħdmu part-time minħabba nuqqas ta’ infrastruttura ta’ indukrar. Din tvarja minn aktar minn 80 % tal-persuni li huma jew inattivi jew jaħdmu part-time fir-Rumanija u l-Latvja sa aktar minn 30 % tal-persuni fil-Kroazja, f’Ċipru, il-Greċja, Spanja, l-Irlanda, il-Portugall, il-Litwanja, l-Ungerija, is-Slovenja u l-Polonja għal inqas minn 10 % tan-nies fin-Netherlands, il-Finlandja u l-Iżvezja.



[Grafika Nru 4: Nisa li huma inattivi jew jaħdmu part-time minħabba responsabbiltajiet ta’ indukrar li jilmentaw minn nuqqas ta’ servizzi adegwati ta’ indukrar, %]

Sors: LFS 2006-2013

In-nuqqas ta’ infrastruttura suffiċjenti għall-indukrar tat-tfal jaffettwa l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. L-impatt negattiv tat-twelid tat-tfal fuq l-impjiegi tan-nisa ġiet rikonoxxuta bħala sfida sinifikanti fl-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Finlandja u r-Renju Unit 27 .

[Grafika Nru 5: Impatt fuq l-impjiegi meta n-nisa jkollhom it-tfal, %]

Sors: LFS 2006-2013

Parteċipazzjoni aktar baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol u n-nuqqas ta’ infrastruttura formali ta’ indukrar tat-tfal huma marbuta wkoll mal-perċezzjoni tradizzjonali tar-rwol tan-nisa fis-soċjetà. Kważi tliet kwarti taċ-ċittadini Ewropej jikkonfermaw li n-nisa jqattgħu iktar ħin mill-irġiel fuq xogħol tad-dar u attivitajiet ta’ indukrar. Ta’ sikwit dan ikun riżultat ta’ normi fis-soċjetà li jattribwixxu lin-nisa r-rwol ta’ dik li prinċipalment tindokra t-tfal u d-dar matrimonjali. Fi stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru, aktar minn 4 minn kull 10 Ewropej (44 %) jemmnu li l-aktar rwol importanti tal-mara huwa dak li tieħu ħsieb id-dar u l-familja. F’terz tal-Istati Membri tal-UE, dan jitla’ għal 70 % jew aktar 28 . Kważi tliet kwarti jindikaw li n-nisa jqattgħu iktar ħin mill-irġiel fuq xogħol tad-dar u l-attivitajiet ta’ indukrar. 22 % jemmnu li l-irġiel u n-nisa jgħaddu l-istess ammont ta’ ħin fuq dawn l-attivitajiet. Madankollu, hemm bidla bil-mod bejn il-ġenerazzjonijiet. Huwa ftit aktar probabbli li l-iżgħar persuni minn fost dawk li wieġbu jgħidu li l-irġiel u n-nisa jqattgħu l-istess ammont ta’ żmien fuq l-attivitajiet domestiċi u dawk marbutin mal-indukrar: dan huwa l-każ għal 26 % ta’ dawk li wieġbu ta’ bejn il-15 u l-24 sena, meta mqabbel ma’ 21 % ta’ dawk li wieġbu li għandhom 40 sena jew aktar.

[Grafika Nru 6: Liema minn dawn l-istqarrijiet li ġejjin dwar is-sehem ta’ xogħol tad-dar u l-attivitajiet ta’ indukrar taħseb li l-aktar li japplikaw għall-ġurnata tal-lum? (% - EU)

Sors: Ewrobarometer Speċjali 465 (2017).

L-istħarriġ juri li għad fadal ħafna xogħol xi jsir fl-Istati Membri kollha. L-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi, ippubblikat mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-2017 enfasizza li, meta mqabbel ma’ 10 sena ilu, 12-il pajjiż marru lura fir-rigward tal-bilanċ bejn is-sessi fejn jidħol ħin iddedikat għall-indukrar, ix-xogħol tad-dar u attivitajiet soċjali. Huwa biss raġel wieħed minn kull tlieta li jsajjar u jagħmel ix-xogħol tad-dar ta’ kuljum, filwaqt li l-biċċa l-kbira tan-nisa jagħmlu dan kuljum (79 %). B’punteġġ medju ta’ 66,2 għall-ugwaljanza bejn is-sessi, l-UE għadha ‘l bogħod ferm milli tilħaq soċjetà fejn ikun hemm bilanċ bejn is-sessi. 29  

Ir-responsabbiltajiet tal-indukrar huma wkoll imqassma b’mod inugwali bejn in-nisa u l-irġiel li għandhom impjieg bi ħlas. L-Istħarriġ Ewropew tal-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-2015 juri li f’unitajiet domestiċi fejn l-iżgħar wild għandu anqas minn seba' snin, in-nisa fuq medja jqattgħu 32 siegħa fil-ġimgħa f’xogħol bi ħlas u 39 siegħa f’xogħol mhux bi ħlas, filwaqt li l-irġiel iqattgħu 41 siegħa fil-ġimgħa f’xogħol bi ħlas u 19-il siegħa f’xogħol mhux bi ħlas 30 . Filwaqt li kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa jżidu s-sigħat tax-xogħol mhux imħallas tagħhom meta jkollhom l-ulied, il-proporzjon tax-xogħol tad-dar magħmul u l-indukrar mogħti minn kull wieħed altru li mhux ugwali. Dan jibqa’ l-każ matul il-ħajja, inkluż lejn tmiem il-ħajja tax-xogħol. Il-ħajja tax-xogħol tan-nisa hi għalhekk aktar probabbli li tkun affettwata minn dawn ir-responsabbiltajiet.

Ir-rwol inugwali tan-nisa bħala dawk li jindukraw huwa msaħħaħ minħabba l-provvista insuffiċjenti ta’ servizzi ta’ indukrar tat-tfal ta’ kwalità għolja, affordabbli u aċċessibbli għal tfal taħt it-tliet snin. L-NHO Ewropea tal-organizzazzjonijiet tal-familja, COFACE 31 , tenfasizza l-importanza ta’ dan, u tissuġġerixxi tliet modi biex jgħinu lin-nisa jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata: (1) riżorsi finanzjarji li jgħinu lill-ġenituri b’diversi modi; (2) arranġamenti ta’ xogħol li jiffavorixxu l-familja; (3) servizzi ta’ indukrar tat-tfal aċċessibbli, ta’ kwalità għolja u bi prezz raġjonevoli.

In-nuqqas ta’ faċilitajiet disponibbli għall-indukrar tat-tfal jiddetermina ħafna jekk in-nisa bit-tfal ikunux jistgħu jibqgħu jaħdmu 32 . Studju riċenti mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) jikkonferma r-rabta ewlenija bejn l-indukrar tat-tfal u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol:

“Indukrar u edukazzjoni bikrija tat-tfal, affordabbli u ta’ kwalità għolja, b’numru adegwat ta’ sigħat fil-ġimgħa, jistgħu jkunu ta’ kontribut għal żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol. Ġenituri li jaħdmu, l-ommijiet b’mod partikolari, huma aktar probabbli li jitilqu mis-suq tax-xogħol jew li jaħdmu inqas sigħat biex jieħdu ħsieb it-tfal, b’mod speċjali meta t-tfal ikunu żgħar. Għalhekk, in-nisa jeħtieġu indukrar u edukazzjoni bikrija tat-tfal, bi prezz raġjonevoli u ta’ kwalità għolja, biex ikunu jistgħu jirritornaw għax-xogħol b’fiduċja li t-tfal tagħhom ikunu qegħdin jiġu indukrati tajjeb, u sabiex ikunu jistgħu jiksbu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata”.  33  

Servizzi li jgħinu lill-ġenituri biex isibu bilanċ bejn il-xogħol u l-ħajja privata għalhekk għandhom rwol kruċjali, minbarra miżuri importanti oħra bħalma huma sistemi attraenti tal-liv tal-familja u arranġamenti tax-xogħol li jiffavorixxu l-familja, adattati għas-sitwazzjoni privata tal-ħaddiema u sistemi ta’ taxxa u ta’ benefiċċji li ma jiskoraġġux lit-tieni persuna fil-koppja li tkun trid toħroġ taħdem. L-objettivi ta’ Barċellona għandhom l-għan li jkissru ċ-ċirku viżżjuz li jżomm lin-nisa milli jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol fuq bażi indaqs bħall-irġiel. Barra minn dan, il-linji ta’ politika li jiffavorixxu lill-familji jista’ jkollhom ukoll impatt biex jaqilbu x-xejra negattiva tar-rata tat-twelid fl-Unjoni.

3. Il-kisba tal-mira ta’ Barċellona għal tfal minn 0 sa tliet snin

Għall-ewwel darba minn mindu l-UE bdiet iżżomm għajnejha fuq il-kisba tal-objettivi fejn jidħol l-indukrar tat-tfal, il-mira fejn jidħol l-indukrar tat-tfal minn 0 sa tliet snin, bħala medja, intlaħaq fl-EU-28. Ir-rata kumplessiva milħuqa fl-2016 kienet ta’ 32.9 %.

Madankollu, hemm differenzi kbar fost l-Istati Membri, kif turi t-tabella ta’ hawn taħt dwar il-provvista ta’ infrastruttura ta’ indukrar tat-tfal għal tfal minn 0 sa tliet snin.

Il-mira ta’ 33 % kienet fil-biċċa l-kbira milħuqa fi 12-il Stat Membru sal-2016: id-Danimarka, in-Netherlands, l-Iżvezja, il-Lussemburgu, il-Portugall, Franza, il-Belġju, is-Slovenja, Spanja, l-Italja, il-Ġermanja u l-Finlandja. F’seba' Stati Membri tal-UE (il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Italja, Spanja, is-Slovenja, il-Belġju u Franza) bejn 33 % u 49 % tat-tfal għandhom aċċess għal servizzi ta’ indukrar tat-tfal (ara ċ-ċelloli bl-aħdar). F’ħames Stati Membri tal-UE (id-Danimarka, in-Netherlands, l-Iżvezja, il-Lussemburgu u l-Portugall) 50 % jew aktar tat-tfal għandhom aċċess għal servizzi ta’ indukrar tat-tfal (ara ċ-ċelloli bl-ikħal). Id-Danimarka tirbaħ lil kulħadd hekk kif hija leħqet aktar mid-doppju tal-mira (70 %).

L-istampa hija inqas pożittiva fis-16-il Stat Membru l-ieħor. Iċ-ċelloli bl-oranġjo juru li f’sitt Stati Membri (Malta, l-Estonja, l-Irlanda, ir-Renju Unit, il-Latvja u Ċipru) bejn 25 % u 33 % tat-tfal fl-età ta’ bejn 0 u tliet snin għandhom aċċess għal servizzi ta’ indukrar tat-tfal. F’10 Stati Membri, anqas minn 25 % tat-tfal fl-iżgħar grupp ta’ età jipparteċipaw f’servizzi ta’ indukrar (ara ċelloli bl-aħmar). Dawn jinkludu l-Greċja, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja b’rata ta’ inqas minn 10 %.

Bħala konklużjoni, il-mira ta’ Barċellona għall-indukrar tat-tfal għal tfal minn 0 sa tliet snin ġeneralment intlaqħet fl-UE. Dan huwa dovut l-aktar għal rata ta’ kopertura kbira fl-Istati Membri li laħqu l-mira.

[Tabella 1: It-tfal indukrati fi strutturi formali tal-indukrar tat-tfal, minn 0 sa 3 snin, %]

 
Sors: EU-SILC 2016

Jidher li sa mill-2011 kien hemm żieda konsiderevoli fil-kopertura ta’ indukrar tat-tfal taħt it-tliet snin f’għadd ta’ pajjiżi. Dan jidher bl-aktar mod notevoli f’Malta (żieda ta’ 20 punti perċentwali, minn 11 % għal 31 %), fir-Rumanija (15-il punt perċentwali, minn 2 % għal 17 %), fl-Estonja (11-il punti perċentwali, minn 19 % għal 30 %), fl-Italja (9 punti perċentwali, minn 25 % għal 34 %), fil-Ġermanja (9 punti perċentwali, minn 24 % għal 33 %) u fl-Irlanda (8 punti perċentwali, minn 21 % għal 29 %). Min-naħa l-oħra, kien hemm tnaqqis sinifikanti fil- kopertura tal-indukrar tat-tfal għal dan il-grupp ta’ età fil-Greċja (10 punti perċentwali, minn 19 sa 9 %) u fis-Slovakkja (3 punti perċentwali, minn 4 sa inqas minn 0.5 %).

Madwar l-Istati Membri, hemm differenzi fl-għadd ta’ sigħat li t-tfal normalment iqattgħu fil-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal: f’nofs il-pajjiżi studjati, l-indukrar tat-tfal għal tfal minn 0 sa tliet snin jintuża prinċipalment fuq bażi part-time (inqas minn 30 siegħa fil-ġimgħa). Dan huwa l-każ fin-Netherlands (fejn tliet nisa minn erbgħa jaħdmu part-time), fir-Renju Unit, fl-Irlanda u fl-Awstrija. Min-naħa l-oħra, l-indukrar full-time (30 siegħa jew aktar fil-ġimgħa) jintuża l-aktar fost tfal li jattendu ċentri tal-indukrar tat-tfal fil-Bulgarija, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Latvja, id-Danimarka, il-Portugall, is-Slovenja, l-Isvezja, il-Lussemburgu, il-Belġju, il-Polonja u l-Greċja.

[Grafika Nru 7: It-tfal f’ċentri formali tal-indukrar tat-tfal jew tal-edukazzjoni skont il-grupp tal-età, 0-3, % u l-ħin imqatta’ f’ċentri tal-indukrar tat-tfal]


Sors: EU-SILC 2016 

4. Il-kisba tal-mira ta’ Barċellona għal tfal minn tliet snin, sal-età tal-iskola obbligatorja

Fl-2016, 86.3 % tat-tfal minn tliet snin sal-età tal-iskola obbligatorja jipparteċipaw f’ċentri formali tal-indukrar tat-tfal jew jattendu f’ċentri preskolari, li jfisser li l-mira ta’ Barċellona sa issa għadha ma ntlaħaqx, minkejja li sar xi progress mill-2011.

Il-mira ta’ Barċellona ntlaħqet fi 12-il Stat Membru: fil-Belġju, l-Iżvezja, id-Danimarka, Spanja, Franza, in-Netherlands, l-Irlanda, l-Estonja, l-Italja, il-Portugall, il-Ġermanja u s-Slovenja (ara ċ-ċelloli ħodor u blu fit-Tabella 2). Il-Belġju, l-Iżvezja, id-Danimarka u Spanja, qabżu l-mira b’95 % (ara ċ-ċelluli l-blu). Fi tmien Stati Membri (Franza, in-Netherlands, l-Irlanda, l-Estonja, l-Italja, il-Portugall, il-Ġermanja, is-Slovenja), bejn 90 % u 95 % tat-tfal jipparteċipaw f’ċentri tal-indukrar jew preskolari (ara ċ-ċelloli bl-aħdar fit-Tabella 2).

Min-naħa l-oħra, 16-il Stat Membru għadhom ma laħqux il-mira. Fl-Awstrija, Malta, il-Lussemburgu u l-Ungerija, iktar minn 85 % tat-tfal jipparteċipaw f’ċentru tal-indukrar jew preskolari (ara ċ-ċelloli bl-oranġjo fit-Tabella 2). Fil-Finlandja, il-Latvja, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, il-Litwanja, is-Slovakkja, il-Bulgarija, ir-Renju Unit, il-Polonja, ir-Rumanija, il-Greċja u l-Kroazja, anqas minn 85 % tat-tfal jipparteċipaw f’ċentri tal-indukrar jew preskolari (ara ċ-ċelloli bl-aħmar fit-Tabella 2). Anqas minn 65 % tat-tfal fil-Kroazja, il-Greċja, ir-Rumanija u l-Polonja jipparteċipaw f’ċentri tal-indukrar jew preskolari.



[Tabella 2: It-tfal indukrati f’ċentri formali tal-indukrar tat-tfal, minn 3 snin sal-età tal-iskola obbligatorja, % matul iż-żmien]

Sors: EU-SILC 2016

Ir-rata kumplessiva żdiedet biss bi ftit mill-2011 ‘l hawn, iżda kien hemm żieda konsiderevoli fir-rata tal-parteċipazzjoni f’ċentri tal-indukrar tat-tfal għal tfal minn tliet snin sa l-età tal-iskola obbligatorja f’għadd ta’ Stati Membri. Dan huwa l-aktar notevoli fir-Rumanija (żieda ta’ 20 punt perċentwali minn 41 % għal 61 %), fil-Polonja (18-il punt perċentwali, minn 43 % għal 61 %), f’Malta (15-il punt perċentwali, minn 73 % għal 88 %), fl-Ungerija (15-il punt perċentwali, minn 73 % għal 88 %), fil-Lussemburgu (14-il punt perċentwali, minn 73 % għal 87 %), fl-Irlanda (11-il punt perċentwali, minn 82 % għal 93 %), fil-Portugall (11-il punt perċentwali, minn 81 % għal 92 %), fi Spanja (10 punti perċentwali, minn 85 % għal 95 %), fil-Latvja (10 punti perċentwali, minn 72 % għal 82 %) u fil-Litwanja (8 punti perċentwali, minn 70 % għal 78 %).

Min-naħa l-oħra, kien hemm ukoll tnaqqis fir-rati ta’ indukrar f’dan il-grupp ta’ età f’diversi Stati Membri tal-UE, bħal fir-Renju Unit (20 punti perċentwali, minn 93 sa 73 %) u fil-Greċja (19 %, minn 75 sa 56 %).

Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, 52 % ta’ tfal f’dan il-grupp ta’ età preskolari jattendu xi ċentru tal-indukrar jew preskolari għal 30 siegħa jew aktar fil-ġimgħa, filwaqt li 34 % tat-tfal f’dan il-grupp ta’ età, b’mod partikolari l-maġġoranza tat-tfal fir-Rumanija, ir-Renju Unit, l-Awstrija, l-Irlanda u n-Netherlands, jattendu xi ċentru tal-indukrar tat-tfal jew preskolari għal inqas minn 30 siegħa fil-ġimgħa.  



[Grafika Nru 8: Tfal f’ċentri formali tal-indukrar tat-tfal fl-edukazzjoni, minn 3 snin sal-età tal-iskola obbligatorja, % u l-ħin imqatta’ f’ċentri tal-indukrar tat-tfal jew fl-edukazzjoni] 

Sors: EU-SILC 2016

Peress li l-mira fejn jidħlu l-edukazzjoni u t-taħriġ, li kienet ġiet stabbilita fl-2009, intlaħqet (kura formali ta’ attendenza ta’ 95 % tat-tfal minn erba' snin sa l-età tal-iskola obbligatorja), dan ifisser li l-isfida ewlenija f’dan il-grupp fil-mira ta’ Barċellona hija għat-tfal ta’ bejn it-tlieta (3) u l-erba' snin. Bħala riżultat, fil-Komunikazzjoni dwar l-Identità Ewropea tagħha ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni ssuġġeriet li testendi l-Mira tal-Edukazzjoni ta’ 95 % għat-tfal kollha bejn l-tliet snin u l-età tal-iskola obbligatorja. 34

5. Fatturi li jaffettwaw l-ilħuq tal-miri ta’ Barċellona

5. 1 Nefqa fuq l-indukrar tat-tfal

In-nefqa pubblika jista’ jkollha rwol importanti fir-rigward tad-disponibbiltà, il-prezz raġjonevoli, l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi ta’ kura tat-tfal. Il-persentaġġ tal-PDG li jintnefaq fuq l-indukrar tat-tfal ivarja b’mod konsiderevoli madwar l-UE. Jilħaq l-ogħla livell fl-Iżvezja, id-Danimarka, Franza u l-Bulgarija. L-attenzjoni dwar fejn tkun ikkonċentrata n-nefqa tvarja wkoll. F’xi pajjiżi, l-attenzjoni tkun l-aktar fuq indukrar għal tfal minn tliet snin sal-età tal-iskola obbligatorja.

[Tabella 3: In-nefqa pubblika fuq l-indukrar tat-tfal u l-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja u nefqa pubblika totali fuq l-edukazzjoni u l-indukrar bikrija tat-tfal,% tal-PDG, 2013]

Sors: OECD Family database

Xi pajjiżi għażlu li jinvestu f’sistema komprensiva ta’ indukrar tat-tfal.

Is-sistema Daniża tal-indukrar tat-tfal, pereżempju, hija pjuttost komprensiva. Il-muniċipalitajiet jipprovdu lill-ġenituri b’servizzi ta’ indukrar tat-tfal, irrispettivament mill-istatus ta’ impjieg tagħhom, sa minn meta t-tfal tagħhom ikollhom 26 ġimgħa sakemm jilħqu l-età tal-iskola obbligatorja. L-indukrar tat-tfal jinqasam bejn skejjel tan-nuna (minn 0 sa sentejn) u kindergartens (tliet snin sa sitta), kif ukoll persuni privati li normalment jindukraw it-tfal fi djarhom. Il-muniċipalità tissorvelja l-faċilitajiet privati jew lill-persuni privati li jindukraw it-tfal. L-indukrar tat-tfal jitqies importanti sabiex jiġu żgurati l-benessri, is-saħħa u t-tagħlim tat-tfal, u l-inklużjoni soċjali tagħhom. Jiġu stabbiliti standards ta’ kwalità għolja għall-indukrar tat-tfal. Huwa ffinanzjat prinċipalment mill-Istat. Il-ġenituri jħallsu biss tariffa bbażata fuq id-dħul tagħhom u fuq in-numru ta’ tfal. Il-ħinijiet tal-ftuħ jistgħu jiġu adattat għall-ħtiġijiet lokali. Id-Danimarka hija wieħed mill-pajjiżi bl-ogħla nfiq fuq l-indukrar tat-tfal f’termini tal-PDG, u din hija għażla intenzjonata sabiex it-tfal kollha jingħataw opportunità ugwali fil-ħajja kmieni kemm jista’ jkun.

Il-Belġju għandu sistema simili ta’ skejjel tan-nuna, biswit persuni privati li jipprovdu indukrar għall-grupp tal-iżgħar età (bejn 0 sa 2,5), u ta’ kindergarten, minn sentejn u nofs sa l-età tal-iskola obbligatorja. Għal grupp fl-iżgħar età, fejn jidħol il-prezz raġjonevoli, it-tariffi jitnaqqsu mit-taxxa u spiss ikunu relatati mad-dħul u jiġu limitat għal ċertu ammont fil-każ ta’ tfal taħt is-sentejn u nofs li jattendu servizzi ta’ indukrar. L-aċċess għall-kindergarten, li ġeneralment ikun ibbażat fil-bini tal-iskejjel primarji, huwa bla ħlas matul is-sigħat tal-iskola. Madankollu, barra minn dawn il-ħinijiet, jista’ jiġri li l-indukrar tat-tfal ikun ta’ problema għall-ġenituri li jaħdmu. Teżisti sistema għall-monitoraġġ tal-kwalità tas-servizzi kollha tal-indukrar formali tat-tfal, li hija pjuttost estensiva u li żżomm għajnejha fuq servizzi kemm pubbliċi kif ukoll privati. Aċċess preferenzjali għal faċilitajiet ta’ indukrar tat-tfal jistgħu jingħataw lil ċerti gruppi żvantaġġati, pereżempju lil dawk li qegħdin ifittxu x-xogħol fir-reġjun ta’ Brussell.

Indukrar tat-tfal fis-Semestru Ewropew u l-finanzjament tal-UE

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, l-indukrar tat-tfal huwa meqjus bħala fattur ewlieni li jmexxi ’il quddiem l-impjieg tan-nisa. Jingħataw rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri fejn in-nuqqas ta’ indukrar tat-tfal jikkostitwixxi ostaklu għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

Fl-2017, in-nuqqas ta’ indukrar tat-tfal bi prezz raġjonevoli u ta’ kwalità għolja ġie rrapportat fl-12-il rapporti tal-pajjiż u sitt Stati Membri rċevew rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż dwar is-suġġett jew fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol b’mod ġenerali. 35 Fl-2018, l-indukrar tat-tfal kien imsemmi fi 17-il rapport tal-pajjiż, fi tnejn minnhom, Franza u l-Belġju, f’sens pożittiv, fl-oħrajn bħala xi ħaġa ta’ preokkupazzjoni. 36  

L-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jagħtu prijorità lill-finanzjament għall-indukrar tat-tfal billi jużaw il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE), bħal ma hu l-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, kif ukoll il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Madwar EUR 1.2 biljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) ġew allokati għall-edukazzjoni bikrija tat-tfal u għall-infrastruttura tal-indukrar fil-perijodu 2014-2020 biex jiġu indirizzati l-problemi ta’ kapaċità nazzjonali jew reġjonali kif ukoll biex tiġi żgurata l-kwalità ta’ bini u tagħmir għal edukazzjoni bikrija tat-tfal u servizzi ta’ indukrar. Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jippromwovi l-aċċess ugwali għal edukazzjoni u indukrar ta’ kwalità għolja lit-tfal sa minn età żgħira. 37 Dawn l-investimenti huma effettivi kemm fil-ħolqien ta’ impjiegi għan-nisa kif ukoll biex tiġi ffaċilitata r-riintegrazzjoni ta’ ommijiet bit-tfal fis-suq tax-xogħol u t-titjib tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ġenituri, kif muri b’eżempji ta’ proġetti tal-FSE fl-Estonja (fejn se jinħolqu 1 200 post għall-indukrar tat-tfal) u fir-Repubblika Ċeka (fejn se jinħolqu 20 000 post għall-indukrar tat-tfal). Ir-Repubblika Ċeka indirizzat mill-ġdid il-fondi b’reazzjoni għal rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż dwar il-kwistjoni, u sa issa inħolqu 9 000 post fi skejjel tan-nuna u tal-kindergarten. Iż-żieda kontinwa fid-domanda għal faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal li qiegħda tidher tindika li din il-miżura għandha impatt qawwi fuq ir-(ri)integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ ġenituri bi tfal żgħar. Barra minn hekk, permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), fil-kuntest tal-inizjattiva LEADER, jista’ jiġi allokat appoġġ finanzjarju għall-provvediment ta’ faċilitajiet għall-kura tat-tfal f’żoni rurali bħala parti minn strateġija ta’ żvilupp lokali.

Barra minn hekk, il-Fondi Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) huma disponibbli għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ indukrar u edukazzjoni bikrija (proġetti ECEC) (kemm investimenti privati kif ukoll pubbliċi). Madankollu, sa issa għadhom ma daħlu l-ebda talbiet speċifiċi għal xi proġetti ECEC b’mod partikolari.

5.2 Ir-ritmu tal-ħinijiet tax-xogħol u l-mudelli ta’ familja

Madwar l-Unjoni Ewropea jeżistu mudelli differenti ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, li jirriflettu mudelli differenti ta’ familja u prattiċi differenti ta’ trobbija tat-tfal. Il-mudelli ta’ familja għandhom rwol importanti fil-livell ta’ kemm jipparteċipaw in-nisa fis-suq tax-xogħol. Anki jekk il-mudell tradizzjonali tar-raġel bħala dak li jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ġie sostitwit jew bil-mudell fejn jaħdmu ż-żewġ membri tal-koppja, jew inkella b’mudell modifikat (fejn it-tnejn jaħdmu, iżda wieħed minnhom part-time), ir-ritmu tal-ħinijiet tax-xogħol wara t-twelid tal-ulied ivarja aktar meta niġu għal-liv tal-familja u l-parteċipazzjoni tal-ommijiet fis-suq tax-xogħol wara l-liv tal-maternità. B’mod partikolari f’dan il-mument meta n-nisa jkunu vulnerabbli f’dak li għandu x’jaqsam mal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, id-disponibbiltà ta’ indukrar tat-tfal ta’ kwalità għolja huwa parti essenzjali mis-sostenn tal-impjieg tagħhom.

Barra mill-indukrar tat-tfal, politiki mfassla tajjeb dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fejn jidħol il-liv u arranġamenti tax-xogħol flessibbli għandhom rwol importanti biex titjieb il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. F’dan il-kuntest, fis-26 ta’ April 2017, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Direttiva 38 biex il-missirijiet jitħeġġu jieħdu liv tal-familja, permezz ta’ perjodi ddedikati u mhux trasferibbli għal kull ġenitur flimkien ma’ livell adegwat ta’ kumpens. L-użu konġunt tal-liv tal-ġenituri bejn in-nisa u l-irġiel wera li bil-prova iżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. L-arranġamenti flessibbli tax-xogħol għandhom ukoll rwol fl-għajnuna lill-ħaddiema biex jirrikonċiljaw l-impjieg tagħhom ma’ dak li hu mitlub minnhom fil-ħin privat tagħhom.

5.3 Indukrar tat-tfal organizzat privatament jew informali

L-indukrar tat-tfal informali jista’ jew jissupplimenta jew inkella jieħu post l-indukrar formali. L-indukrar tat-tfal informali huwa indukrar tat-tfal ipprovdut minn persuni oħra li ma jkunux ill-ġenituri tat-tfal, ġeneralment ikunu qraba bħal nanniet, kif ukoll ħbieb, ġirien, persuni li ma jkunux reġistrati biex jindukraw it-tfal, babysitters u l-au pairs. Jista’ wkoll jinkludi indukrar organizzat fuq livell privat li jingħata minn persuna professjonali fl-indukrar tat-tfal li tkun ingaġġjata direttament mill-ġenituri, sikwit fid-dar tat-tfal u li ma jkunx reġistrat jew monitorjat mill-awtoritajiet. Skont il-Eurostat 39 , il-kura informali ġie pprovduta lil 30,2 % tat-tfal (taħt l-età ta’ tliet snin) u 28.7 % tat-tfal bejn it-tliet snin u l-età tal-iskola obbligatorja fl-2016. L-użu ta’ indukrar informali u privat huwa għoli, iżda dan tipikament jintuża fuq bażi part-time, li jindika li ħafna minnu huwa supplimentari. L-indukrar informali l-aktar li jintuża fin-Netherlands (madwar 60 % għal tfal fiż-żewġ gruppi ta’ età), iżda kważi kollu kemm hu jingħata fuq bażi part-time, u warajhom hemm ir-Rumanija, il-Greċja, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Polonja, Ċipru u l-Portugall, fejn aktar minn 40 % tat-tfal jirċievu indukrar informali jew privat. F’ħafna minn dawn il-pajjiżi, huwa taħlita ta’ indukrar full-time u part-time fil-każ tal-grupp tal-iżgħar età, ħlief f’Ċipru, fejn aktar minn nofs l-indukrar informali u privat mogħti lit-tfal taħt it-tliet snin jingħata fuq bażi ta’ full-time. Fil-każ ta’ tfal fil-grupp tal-ogħla età, jingħata l-aktar fuq bażi part-time. Fil-pajjiżi Nordiċi, l-indukrar informali kważi ma jintuża xejn.

Anke jekk il-ġenituri jista’ jkun li ma jħossux xi bżonn kbir li jużaw servizzi pubbliċi ta’ indukrar tat-tfal meta jkunu jeżistu biżżejjed possibiltajiet ta’ indukrar informali u privati, id-dejta ta’ hawn fuq tindika li huma qegħdin jikkumpensaw in-nuqqas ta’ provvista pubblika permezz ta’ arranġamenti ta’ indukrar informali u privati u li jista’ jkun li fil-fatt teżisti domanda għal forom iżjed formali ta’ indukrar 40 .

5.4 Il-qafas ġuridiku għall-għoti ta’ servizzi ta’ indukrar

Mod wieħed ta’ kif jiġi żgurat forniment adegwat ta’ indukrar tat-tfal ta’ kwalità għolja, aċċessibbli u bi prezz li jintlaħaq huwa billi jiġi stabbilit intitolament bil-liġi għall-indukrar tat-tfal. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, jeżisti intitolament bil-liġi għall-indukrar tat-tfal meta dawn jilħqu xi età partikolari. Madankollu, l-età li fiha jidħol fis-seħħ dan id-dritt hija differenti fid-diversi pajjiżi tal-Ewropa. L-intervall ta’ żmien bejn meta jintemm il-liv tal-familja 41 u meta jibda l-intitolament għall-indukrar tat-tfal, xi kultant imsejjaħ “id-distakk tal-indukrar”, ħafna drabi jkun problema 42 .

Jeżisti d-dritt għall-indukrar tat-tfal minn età żgħira ħafna f’Malta (sa mill-età ta’ tliet xhur; l-indukrar huwa bla ħlas għall-ġenituri li jaħdmu u għall-istudenti), id-Danimarka u l-Ungerija (sa minn sitt xhur), il-Ġermanja (iżda b’għadd limitat ta’ sigħat għall-ġenituri li ma jaħdmux fuq bażi full-time), l-Isvezja u s-Slovenja (minn 12-il xahar) u l-Estonja (sa minn 18-il xahar). Wieħed jista’ jikklassifika dan il-provvediment ta’ indukrar tat-tfal bħala intitolament komprensiv minn età bikrija.

Fit-tieni grupp ta’ pajjiżi, id-dritt għall-indukrar tat-tfal jibda f’età iktar tard, meta t-tfal jibdew il-perjodu ta’ skola preobbligatorja. F’termini prattiċi, dan ifisser mill-età ta’ sentejn u nofs (2½) fil-Belġju, u ta’ tliet snin fil-Finlandja (fuq bażi part-time sakemm il-ġenituri ma jkunux jaħdmu full-time), Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu (part-time), Spanja, is-Slovakkja u r-Renju Unit (part-time, mill-età ta’ sentejn (2) għal tfal minn sfond żvantaġġat) u mill-età ta’ erba' snin fin-Netherlands.

Fit-tielet grupp, it-tfal huma intitolati għal indukrar mill-età ta’ ħames snin, normalment sena qabel l-età tal-iskola obbligatorja. Dan huwa l-każ fl-Awstrija (bażi part-time biss), il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja u l-Portugall. Fil-Polonja, id-dritt għal indukrar tat-tfal (qabel l-iskola obbligatorja) jibda mill-età ta’ sitt snin. Wieħed jista’ jikklassifika dan bħala intitolament eżatt qabel l-età tal-iskola obbligatorja.

Fir-raba’ grupp ta’ Stati Membri - il-Litwanja, il-Latvja u r-Rumanija - ma hemm l-ebda intitolament għal indukrar tat-tfal.

Meta wieħed iħares lejn id-dejta ta’ hawn fuq kollha flimkien mal-livell ta’ kumpens għal-liv tal-familja, jidher li huwa biss fi grupp żgħir ta’ Stati Membri fejn ma hemmx distakk bejn it-tmiem tal-liv tal-familja mħallas tajjeb u l-intitolament għal post għall-indukrar tat-tfal (id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, Malta, is-Slovenja u l-Isvezja). Fi grupp ieħor ta’ Stati Membri, jeżisti perjodu ta’ żmien bejn il-liv tal-familja aktar estiż, normalment mhux imħallas jew imħallas ħażin ħafna, u l-indukrar tat-tfal ipprovdut (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Franza, l-Ungerija u Spanja). Fil-bqija tal-Istati Membri, hemm distakk ta’ żmien bejn il-liv tal-familja u l-intitolament għal-indukrar tat-tfal.

Madankollu, intitolament bil-liġi mhux bilfors jiggarantixxi post f’xi faċilita tal-indukrar tat-tfal. Dan jispjega għaliex anki fl-Istati Membri fejn jeżisti intitolament bil-liġi, jista’ jiġri li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tibqa’ baxxa u/jew l-użu ta’ indukrar informali u privati jista’ jibqa’ għoli.

5.4 Ir-rata ta’ imjieg u l-provvista tal-indukrar

Hemm rabta bejn il-parteċipazzjoni fl-impjieg u r-rati tal-indukrar tat-tfal, anke jekk mhux dejjem ikun ċar sa liema punt din ir-rabta tista’ tiġi spjegata minn nuqqas ta’ domanda jew provvista. Bosta huma r-raġunijiet li jinfluwenzaw jekk it-tfal jipparteċipawx fl-indukrar. Madankollu, hemm għadd ta’ pajjiżi fejn kemm ir-rati tal-impjiegi tan-nisa u kif ukoll ir-rati ta’ indukrar tat-tfal fil-każ ta’ dawk taħt it-tliet snin huma baxxi immens, bħal ma hu l-każ fil-Greċja, il-Kroazja, ir-Rumanija, Malta u l-Italja.

[Grafika Nru 9: Rata ta’ impjieg u rati ta’ indukrar tat-tfal għat-tfal minn 0 sa 3, %]

Sors: LFS 2016 u EU-SILC 2016

5.6. Id-disponibbiltà, il-kost, l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi ta’ indukrar tat-tfal

5.6.1 Disponibbiltà ta’ postijiet għall-indukrar tat-tfal

Hemm diversi fatturi li jinfluwenzaw l-użu tas-servizzi formali ta’ indukrar tat-tfal f’kuntesti lokali differenti. L-istatistika pprovduta mill-Eurostat tagħmilha possibbli li tingħata l-ewwel indikazzjoni dwar jekk il-faċilitajiet preżenti ta’ indukrar tat-tfal jissodisfawx id-domanda u biex jiġi identifikat x’jeħtieġ li jitjieb.

Skont l-Eurostat, 2016, in-nuqqas ta’ postijiet disponibbli ġie msemmi bħala raġuni ewlenija li minħabba fiha ma jintużax l-indukrar tat-tfal fil-Latvja, il-Finlandja, Franza, l-Estonja, il-Greċja, is-Slovenja, il-Polonja u r-Repubblika Ċeka.

[Tabella 4: Ir-raġunijiet li minħabba fihom ma jintużawx servizzi ta’ indukrar formali tat-tfal taħt l-età tal-iskola obbligatorja]

Sors: Modulu ad hoc tal-UE-SILC fuq is-servizzi 2016

5.6.2 Il-kost tal-indukrar tat-tfal

Kumplessivament, fl-UE28, il-biċċa l-kbira tal-ġenituri jħallsu għall-kura tat-tfal minn 0 sa tliet snin bi prezz massimu jew imnaqqas 43 . F’xi pajjiżi dan huwa anki l-każ sal-età tal-iskola obbligatorja, b’mod partikolari jekk ma jkun hemm l-ebda intitolament għall-indukrar tat-tfal.

Skont l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku, l-ispiża medja għall-indukrar tat-tfal hija ta’ 15 % tad-dħul nett tal-familja għall-pajjiżi tal-OECD. L-ispiża ta’ nefqa diretta mill-but tvarja minn 2,7 % fl-Awstrija għal 33,7 % fir-Renju Unit għal familja medja fejn jaħdmu t-tnejn u minn 2,9 % fid-Danimarka u 41,6 % fl-Irlanda għal ġenitur waħdu 44 .

Il-gradjent soċjali għandu rwol fil-possibbiltajiet li tfal taħt it-tliet snin jipparteċipaw f’ċentri formali tal-indukrar tat-tfal, kif muri mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi 45 . Fi Franza u l-Irlanda, din l-inugwaljanza hija partikolarment sinifikanti peress li r-rati ta’ parteċipazzjoni tat-tfal minn familji bi dħul baxx huma, rispettivament ta’ 18 % u 12 %, inqas minn kwart ta’ dawk għal tfal minn familji bi dħul għoli (81 % u 57 %).

Il-kosti għoljin jaġixxu bħala ostaklu kontra l-użu ta’ faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal, u dan effettivament jiskoraġġixxu effettivament lill-ġenituri, speċjalment lill-ommijiet, milli jaħdmu. Dan ġie kkonfermat reċentement permezz ta’ dejta mill-Eurostat għall-2016 (it-tabella 4 hawn fuq), li turi li l-element tal-kost għandu rwol sinifikanti fid-deċiżjoni li ma jintużawx il-faċilitajiet tal-indukrar formali tat-tfal f’ħafna pajjiżi, b’mod partikolari l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, in-Netherlands, ir-Rumanija, is-Slovakkja u r-Renju Unit.

Jidher li madwar l-UE, 4 % tal-ġenituri għandhom diffikultà kbira biex ikunu jistgħu jħallsu għal servizzi ta’ indukrar formali tat-tfal. Dan huwa l-każ speċjalment fl-Ungerija, Ċipru, ir-Rumanija u l-Greċja, fejn il-maġġoranza assoluta għandha diffikultajiet biex tkun tista’ tħallas għalihom, b’20 % jew aktar ta’ ġenituri li għandhom diffikultà kbira. Fl-UE, 8 % tal-ġenituri jkollhom diffikultà moderata u 19 % għandhom xi diffikultà biex iħallsu l-ispejjeż għall-indukrar tat-tfal.

[Tabella 5: Livell ta’ diffikultà biex jitħallsu s-servizzi ta’ indukrar formali tat-tafal, għal tfal taħt l-età tal-iskola obbligatorja, %]

Sors: Modulu ad hoc tal-UE-SILC fuq is-servizzi 2016

L-Istati Membri jadottaw approċċi differenti sabiex jiġu indirizzati l-ispejjeż tal-indukrar tat-tfal. Xi Stati Membri jipprovdu livelli minimi ta’ indukrar tat-tfal b’xejn, jew għaż-żewġ grupp ta’ età (pereż. Malta) jew inkella għall-grupp mill-età ta’ tliet snin sal-età tal-iskla obbligatorja (pereż. il-Ġermanja, ir-Renju Unit). Mill-2017 ‘l hawn, Malta tipprovdi indukrar tat-tfal mingħajr ħlas għal tfal li l-ġenituri tagħhom jaħdmu jew li jinsabu fl-edukazzjoni. Il-gvern iħallas l-ispejjeż fi tmiem kull xahar. Il-ġenituri jitħallew jibagħtu t-tfal tagħhom f’ċentru tal-indukrar tat-tfal tal-għażla tagħhom, u jibbenefikaw minn indukrar tat-tfal mingħajr ħlas “ekwivalenti għall-ammont ta’ sigħat maħduma mill-ġenitur bl-inqas ammont ta’ sigħat, b’żieda ta’ siegħa minħabba l-ivvjaġġar”. Din il-miżura għandha l-għan li toħloq inċentiv biex l-ommijiet jirritornaw għax-xogħol jew jibqgħu f’impjieg formali. Statistika riċenti dwar l-impjiegi diġà qiegħda tindika li l-provvediment ta’ indukrar tat-tfal mingħajr ħlas ikabbar il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ommijiet. Jeżistu pjanijiet biex l-aċċess għall-indukrar tat-tfal jiġi estiż għall-familji kollha.

Fl-Irlanda, fejn l-ispiża ġiet identifikata bħala ostaklu ewlieni, iddaħħlet skema ġdida fl-2010, l-hekk imsejħa skema għall-indukrar u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal (ECCE), li pprovdiet għadd limitat ta’ postijiet b’xejn fuq bażi part-time (15-il siegħa b’kollox, jiġifieri ħames darbiet, tliet siegħat fil-ġimgħa) f’ċentri privati tal-indukrar tat-tfal għal tfal mill-età ta’ tliet snin u xahrejn (2). Fl-2016, l-offerta ġiet estiża għal tfal mill-età ta’ sentejn (2) snin u tmien (8) xhur. Il-ġenituri li jużaw din l-iskema jistgħu jżidu l-għadd ta’ sigħat billi jħallsu aktar. Filwaqt li dan l-iżvilupp huwa pass’ il quddiem, mhuwiex possibbli li l-familji kollha jkopru l-ispejjeż addizzjonali u dan b’mod partikolari jillimita l-possibbiltajiet ta’ familji bi dħul baxx biex jużaw l-iskema.

Sussidji għall-ġenituri ġodda (eż. fil-Belġju, fin-Netherlands, fir-Renju Unit), u tnaqqis fit-taxxi għal familji (eż. fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fi Franza, fin-Netherlands) huma miżuri addizzjonali biex jindirizzaw l-ispejjeż tal-kura tat-tfal. Fil-Ġermanja, it-tariffi jvarjaw skont il-fornitur, iżda huma relatati mad-dħul. Il-familji bi dħul baxx jistgħu japplikaw għal tnaqqis u jistgħu jkunu intitolati għal indukrar tat-tfal mingħajr ħlas. Il-familji kollha jistgħu jagħmlu użu minn konċessjonijiet fiskali, taħt il-forma ta’ tnaqqis fit-taxxa jew eżenzjoni għal ċertu ammont ta’ spejjeż marbutin mal-indukrar.

Pereżempju, fil-Belġju, il-Ġermanja, Franza, in-Netherlands, l-Iżvezja u s-Slovakkja, peremzz ta’ approċċ ikkombinat ta’ sistema ta’ tariffi għall-indukrar marbuta ma’ eżami tal-mezzi iwassal biex familji bi dħul baxx iħallsu ftit ħafna għall-użu tas-servizzi ta’ indukrar tat-tfal, filwaqt li l-ispiża għandha wkoll “limitu massimu” fil-każ tal-familji l-oħra kollha. F’diversi Stati Membri tal-UE, l-infrastruttura privata tal-indukrar tat-tfal tfal hija wkoll issussidjata pubblikament. Fl-Isvezja, pereżempju, l-Att dwar l-Edukazzjoni jistipula li t-tariffi għall-indukrar tat-tfal għandhom ikunu “raġjonevoli”. Kull tifel u tifla mill-età ta’ tliet snin għandu/ha d-dritt għal 525 siegħa ta’ indukrar mingħajr ħlas. Il-muniċipalitajiet kollha japplikaw ukoll sistema ta’ tariffi massimi, b’limitu massimu għal kull familja. Il-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal huma intitolati għal għotja mill-gvern bħala kumpens għat-telf ta’ dħul, u biex jiġu żgurati servizzi ta’ indukrar ta’ kwalità għolja.

Ġabra oħra ta’ miżuri tiffoka fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal minn familji bi dħul baxx jew familji kbar, bħal ma huma ikliet b’xejn jew imraħħsa fl-iskejjel tan-nuna u fil-kindergartens, pereżempju fl-Ungerija, jew iffinazjar għal ikliet bnini għal tfal foqra fil-Belġju.

Xi Stati Membri, bħal pereżempju fir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, il-Portugall, is-Slovakkja, żviluppaw programmi mmirati biex jgħinu lil gruppi soċjalment żvantaġġati jkollhom aċċess għal servizzi ta’ indukrar tat-tfal. Fis-Slovakkja, il-miżuri ffukaw fuq tfal minn familji bi dħul baxx li jkunu eżenti milli jħallsu, u l-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal jaħdmu ma’ ċentri tal-komunità biex jiżviluppaw programmi ta’ sensibilizzazzjoni speċifiċi għal komunitajiet marġinalizzati.

Fi Stati Membri oħrajn, bħal fil-Belġju, il-Finlandja, l-Iżvezja u d-Danimarka, l-attenzjoni tingħata fuq l-aċċess universali. Fil-Finlandja, pereżempju, hemm il-prinċipju tal-universalità fil-każ ta’ servizzi sussidjati, fejn il-muniċipalitajiet iridu jipprovdu post għat-tfal kollha tal-età ta’ qabel l-iskola obbligatorja, kemm jekk il-ġenituri tagħhom jaħdmu kif ukoll jekk le. Dawn is-servizzi għandhom ukoll jakkomodaw ritmi ta’ ħinijiet tax-xogħol tal-ġenituri li ma jkunux tipiċi. Proġett kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew jiffoka fuq is-servizzi tal-indukrar tat-tfal għal tfal li l-ġenituri tagħhom jaħdmu x-xiftijiet ta’ bil-lejl.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2013 dwar “L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ” turi li l-provvista ta’ servizzi ta’ indukrar tat-tfal ta’ kwalità għolja bi prezz raġonevoli tista’ titqies bħala eżempju tajjeb ta’ strateġija ta’ investiment soċjali li jgawdi minnha kulħadd, peress li ssaħħaħ l-iżvilupp tat-tfal filwaqt li tippermetti li l-ġenituri jagħmel xogħol bi ħlas. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, id-dħul akbar mit-taxxa (tul il-ħajja) iġġenerat miż-żieda tal-parteċipazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol ikun biżżejjed biex ikopri l-ispiża tas-servizzi tal-indukrar tat-tfal. Jekk ma jkunx hemm disponibbli indukrar tat-tfal ta’ kwalità għolja bi prezz raġonevoli, l-ispejjeż ta’ servizzi formali ta’ indukrar għal żewġt itfal jistgħu, f’xi pajjiżi, jammontaw għal aktar minn wieħed minn ħamsa tad-dħul disponibbli ta’ koppja bi dħul baxx. F’April 2017, bħala parti mill-Pakkett dwar il-Pilastru Soċjali, il-Kummissjoni 46 tenniet l-importanza li titkompla l-ħidma fuq din il-kwistjoni.

Xi drabi jittieħdu inizjattivi lokali għall-benefiċċju ta’ gruppi speċifiċi bi żvantaġġi soċjali. Hemm grupp ta’ bliet li adottaw strateġija biex jindirizzaw il-ħtiġijiet partikolari tagħhom. L-NGO Eurocities ġabret eżempji ta’ prattika tajba li jistgħu jintużaw bħala ispirazzjoni. Wieħed minn dawn l-eżempji huwa tal-belt ta’ Nantes, fi Franza, li ħaddnet kunċett tal-provvista ta’ servizzi integrati tal-indukrar tat-tfal, partikolarment biex jitkisser iċ-ċiklu tal-iżvantaġġ. Fl-ifqar naħat tal-belt jiġu stabbiliti servizzi tal-indukrar tat-tfal, bi skopijiet multipli, li joffru sensiela ta’ servizzi ta’ indukrar tat-tfal. Biswit l-indukrar regolari jew flessibbli tat-tfal ikun hemm ukoll indukrar tat-tfal ta' “emerġenza”, disponibbli għal ġenituri li jkollhom jattendu għal xi intervista għax-xogħol, pereżempju.

Xi Stati Membri daħħlu wkoll inċentivi fiskali lill-intrapriżi, marbuta mal-forniment ta’ servizzi ta’ indukrar tat-tfal għall-impjegati tagħhom. L-Awstrija tippermetti tnaqqis mid-dħul taxxabbli għall-kumpaniji meta dawn jew jipprovdu servizzi ta’ indukrar tat-tfal internament jew inkella meta jagħtu benefiċċji lill-impjegati fil-forma ta’ servizzi tal-indukrar 47 ; Franza, il-Ġermanja u l-Polonja jsegwu approċċ simili. L-Italja dan l-aħħar daħħlet tibdil fit-tassazzjoni tal-bonusijiet tal-produttività fl-2017 li issa jistgħu jiġu kkonvertiti fil-forma ta’ miżuri ta’ benesseri mill-kumpaniji lill-impjegati tagħhom 48 . Fi Franza u fir-Renju Unit, min iħaddem jista’ jipprovdi lill-impjegati tagħhom rispettivament b’“vawċers ta’ servizz universali” (CESU) u vawċers għall-indukrar tat-tfal, li jkunu jistgħu jintużaw bħala pagament għal indukrar tat-tfal ibbażat id-dar 49 . Fil-Finlandja, inċentivi oħra ta’ kumpens għall-ispejjeż ta’ min iħaddem marbuta mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huma bbażati fuq sistema ta’ sigurtà soċjali bbażata fuq l-assigurazzjoni; barra minn hekk, jekk min iħaddem jorganizza indukrar temporanju tat-tfal meta ħaddiema ikollu xi wild ma jiflaħx, il-benefiċċju li jieħu l-impjegat ma jitqiesx bħala dħul taxxabbli (il-perjodu massimu ta’ benefiċċju għall-kura tat-tfal ħieles mit-taxxa huwa ta’ erbat ijiem ta’ mard).

5.6.3 L-aċċessibbilta tal-indukrar tat-tfal

L-aċċess għall-indukrar tat-tfal ma jiddependix biss fuq l-eżistenza ta’ strutturi formali, iżda wkoll fuq il-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi, bħalma huma l-ħinijiet tal-ftuħ, il-post, u lingwi mitkellma, kif ukoll l-aċċess għat-trasport. It-Tabella 4 tindika li d-distanza lejn il-faċilità tal-indukrar tat-tfal u l-ħinijiet tal-ftuħ huma anqas sinifikanti milli l-ispiża u d-disponibbiltà tal-postijiet bħala raġunijiet li minħabba fihom ma jużawx is-servizzi formali għall-indukrar tat-tfal. Filwaqt li 15-il pajjiż jinsabu ’il fuq mill-medja tal-UE ta’ 1,5 % fir-rigward tad-distanza lejn il-faċilità għall-indukrar tat-tfal, il-Litwanja (9 %), ir-Rumanija (6.7 %) u s-Slovakkja (6.2 %) għandhom l-ogħla rati. Fil-Portugall, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej kienu pjuttost strumentali biex, matul dawn l-aħħar 15-il sena, setgħet tiġi estiża lejn żoni rurali l-infrastruttura mtejba ta’ indukrar tat-tfal, bir-riżultat madankollu, bħal ma ġara f’ħafna pajjiżi, li jeżisti nuqqas f’żoni urbani.

Anki l-ħinijiet tal-ftuħ tal-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal ma jissodisfawx għal kollox il-ħtiġijiet ta’ indukrar tat-tfal. Filwaqt li seba' pajjiżi jinsabu ’il fuq mill-medja tal-UE ta’ 2,5 %, ir-rati huma partikolarment għolja fi Franza (5,3 %), il-Finlandja (4,3 %), l-Italja (4,2 %) u Spanja (3,9 %).

Ir-rapport ta’ Eurofound "Early Childhood Care: Accessibility and Quality of Service” 50 juri li d-diversi inizjattivi jistgħu jkunu ta’ għajnuna fl-integrazzjoni ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali f’faċilitajiet ta’ indukrar tat-tfal. Il-kwalità tal-indukrar tat-tfal tiddependi fuq rikonoxximent politiku u l-iffinanzjar sostenibbli u suffiċjenti ta’ miżuri inklużivi bħalma huma s-sjieda u l-impenn tal-edukaturi u r-rieda tagħhom daqskemm fuq l-appoġġ amministrattiv biex kontinwament jiġi segwit taħriġ dwar metodi inklużivi. It-tagħlim inklużiv u ambjent inklużiv jistrieħu wkoll fuq il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u l-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal kif ukoll bejn il-ġenituri u l-edukaturi. Barra mill-finanzjament nazzjonali, il-FSE jipprovdi appoġġ finanzjarju għal proġetti inklużivi f’faċilitajiet ta’ indukrar tat-tfal. Fil-Polonja, proġett kofinanzjat mill-FSE, imsejjaħ “tfal żgħar” kienet disponibbli biex jiġi żviluppat indukrar formali għal tfal taħt l-età ta’ tliet snin. Il-proġett jieħu f’kunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ tfal b’diżabilità.

5.6.4 Miżuri biex tiżdied il-kwalità

Nuqqas fil-kwalità tas-servizzi ta’ indukrar tat-tfal jista’ ikun ta’ ostakolu għall-ġenituri u jkollu impatt negattiv fuq l-użu ta’ dawk is-servizzi. Il-kwalità tas-servizzi tiddependi fuq in-numru ta’ tfal fil-faċilitajiet, il-livell ta’ professjonalità tal-għalliema u tal-programm ta’ tagħlim, kif ukoll fuq l-istandards ta’ kwalità tal-bini, bħal ma huma l-ambjent fiżiku, u l-iġjene. Qafas ta’ kwalita żviluppat tajjeb jista’ jinkludi miżuri bħall-użu ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni u spezzjoni għall-fornituri reġistrati kollha tas-servizzi ta’ indukrar tat-tfal, miżuri li jtejbu l-professjonalizzazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja tal-persunal, miżuri li jagħmluha aktar attraenti li wieħed jaħdem fis-settur tal-indukrar tat-tfal, pereżempju billi jiġu pprovduti kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol.

F’Mejju 2018, fil-proposta tagħha għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Edukazzjoni u Indukrar Bikrija ta’ Kwalità Għolja, il-Kummissjoni ppreżentat qafas ta’ kwalità komprensiv għal sistemi ta’ edukazzjoni u indukrar bikrija (ECEC) 51 , ibbażat fuq ħames prinċipji. l-aċċess u prezz raġjonevoli għall-familji kollha; kwalifika u żvilupp kontinwu tal-forza tax-xogħol; żvilupp tal-kurrikulu b’valuri olistiċi għat-tagħlim b’mod parteċipattiv mat-tfal u l-ġenituri; monitoraġġ u evalwazzjoni tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal u tas-servizzi u faċilitajiet tal-indukrar; kif ukoll dwar il-governanza u l-finanzjament. Dan il-qafas ġie żviluppat bl-għajnuna ta’ esperti fl-edukazzjoni minn għadd ta’ Stati Membri. L-għan tal-qafas ta’ kwalità huwa dak li jissaħħu l-faċilitajiet ta’ indukrar tat-tfal u dawk preskolari, sabiex tiġi żgurata edukazzjoni u servizzi ta’ indukrar ta’ kwalità għolja, kif ukoll l-inklużjoni ta’ tfal minn sfondi żvantaġġati u ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali. Għandu wkoll l-għan li tiżdied il-fiduċja fil-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal, sabiex jiġu garantiti lin-nisa opportunitajiet reali li jidħlu jew jibqgħu fis-suq tax-xogħol meta jkollhom it-tfal.

6. Konklużjonijiet: Biex jintlaħqu l-miri ta’ Barċellona - pedament għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, u bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ġenituri li jaħdmu

L-objettivi ta’ Barċellona, adottati mill-Kunsill Ewropew fl-2002, għadhom ta’ importanza kruċjali fl-2018. Il-miri fejn jidħlu l-impjiegi għadhom ma ntlaħqux fil-każ tan-nisa u għadu jeżisti distakk konsiderevoli bejn ir-rati ta’ impjieg tal-irġiel u tan-nisa. Hemm ħafna x’juri li dan huwa l-aktar dovut għar-responsabbiltajiet ta’ indukrar. L-objettivi ta’ Barċellona għadhom rilevanti ħafna għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jiffurmaw parti importanti tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli bil-ħsieb li titjieb il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol. L-indukrar tat-tfal huwa element kruċjali biex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja tal-ġenituri li jaħdmu taħt il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-indikaturi dwar ir-rati tal-indukrar tat-tfal huma mmonitorjat fis-Semestru Ewropew u inklużi fit-tabella ta’ valutazzjoni soċjali. Fejn relevanti, il-finanzjament mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej huwa mmirat biex jindirizza nuqqasijiet fl-Istati Membri.

Il-mira ta’ Barċellona b’mod kumplessiv intlaħqet fil-każ ta’ tfal taħt l-età ta’ tliet snin għall-UE-28, peress li 32,9 % tat-tfal taħt l-età ta’ tliet snin jipparteċipaw fil-kura tat-tfal. Madankollu, din il-medja globali taħbi differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri. Filwaqt li sar progress konsiderevoli f’pajjiżi bħal Malta, ir-Rumanija, l-Estonja, l-Italja, il-Ġermanja u l-Irlanda, ir-rata ta’ indukrar tat-tfal f’uħud minn dawk li jinsabu minn ta’ quddiem tinfluwenza ħafna r-riżultat kumplessiv għall-UE. Tabilħaqq, erba' Stati Membri jaqbżu l-50 %: Id-Danimarka, in-Netherlands, l-Iżvezja u l-Lussemburgu. Fuq in-naħa l-oħra tal-miżien hemm rati preokkupanti ta’ anqas minn 10 % fil-Greċja, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja.

Il-mira ta’ Barċellona sa issa għadha ma ntlaħqitx fil-każ ta’ tfal li għandhom minn tliet snin sal-età tal-iskola obbligatorja. Madankollu, ir-rata miexja ‘l quddiem: din żdiedet minn 83 % fl-2011 għal 86,3 % bħala medja fl-UE. Grupp ta’ Stati Membri huma prekursuri u jilħqu mira ta’ aktar minn 95 %, jiġifieri, il-Belġju, l-Iżvezja, id-Danimarka u Spanja. Sar progress konsiderevoli fir-Rumanija, il-Polonja, Malta, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Portugall, Spanja, il-Latvja u l-Litwanja. L-aktar rati baxxi, jiġifieri anqas minn 65 %, jinsabu fil-Polonja, ir-Rumanija, il-Greċja u l-Kroazja li għadhom lura b’mod konsiderevoli.

Hemm diversi fatturi li jinfluwenzaw id-disponibbiltà u l-użu ta’ faċilitajiet ta’ indukrar tat-tfal. Wieħed mill-ewwel elementi ta’ importanza huwa l-intitolament bil-liġi għal servizzi ta’ indukrar, li jeżisti fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, iżda l-età ta’ meta dan id-dritt jibda jgħodd ivarja ħafna (jibda minn tmiem il-liv tal-maternità tal-omm, sa mhux qabel l-eta’ ta’ sentejn u nofs (2,5) jew tliet snin, jew saħansitra qabel ma t-tfal jilħqu l-età tal-iskola obbligatorja). L-eżistenza ta’ intitolament bil-liġi madankollu mhuwiex neċessarjament garanzija sħiħa li l-Istati Membri jipprovdu servizzi ta’ indukrar formali.

Barra minn intitolament bil-liġi, id-disponibbiltà, il-prezz raġonevoli u l-kwalità għolja tas-servizzi tal-indukrar tat-tfal jinfluwenzaw ħafna kemm ikun hemm użu mis-servizzi ta’ indukrar tat-tfal mill-ġenituri. L-ispejjeż ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u f’xi Stat Membru jistgħu jkunu projbittivi, bħal fl-Irlanda. Spejjeż projbittivi ma jaffettwawx biss tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, iżda wkoll jaffettwaw b’mod sproporzjonat lit-tfal li ġejjin minn familji bi dħul baxx. Barra minn hekk, l-adattabbiltà ta’ servizzi għall-ħtiġijiet tal-ġenituri, inkluża d-distanza sal-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal u l-ħinijiet tal-ftuħ adattati għal ħtiġijiet tat-ritmi tal-ħinijiet tax-xogħol, għandhom rwol importanti.

Barra minn dan, kura ta’ kwalità għolja għandha tinkludi għanijiet u valuri pedagoġiċi kif ukoll professjonaliżmu u żvilupp kontinwu tal-persunal inkarigat mill-indukrar tat-tfal. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi huma kruċjali; dawn l-elementi huma indirizzati fil-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Sistemi ta’ Kwalità Għolja ta’ Edukazzjoni u Indukrar Bikri tat-Tfal. .

Il-Kummissjoni se tkompli żżomm għajnejha fuq is-sitwazzjoni fir-rigward tal-indukrar tat-tfal fis-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fil-każ ta’ dawk l-Istati Membri li għadhom lura. Hija ser tkompli tidentifika l-problemi speċifiċi fir-rigward tad-disponibbiltà, il-prezz raġjonevoli u l-kwalità għolja f’kull wieħed mill-Istati Membri. Hija ser tkompli tippromwovi l-użu ta’ finanzjament Ewropew biex jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw xi wħud mill-isfidi.

Barra minn hekk, issa li l-ewwel fost il-miri ta’ Barċellona b’mod ġenerali ntlaħqet, u qiegħed isir progress tajjeb dwar it-tieni mira, u li l-Mira għall-Edukazzjoni 2020 b’mod ġenerali ntlaħqet, jista’ jkun li wasal iż-żmien li jiġi kkunsidrat rieżami ta’ dawn il-miri wara konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri. Tali rieżami, jekk isir, ikun ta’ kontribut għall-isforzi tal-Unjoni Ewropea biex jitrawwem tkabbir intelliġenti, inklussiv u sostenibbli; b’mod partikolari dan jikkontribwixxi biex tkun tista’ tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 ta’ rata ta’ impjiegi ta’ 75 % u l-ħolqien ta’ ekonomija kompetittiva u dinamika msejsa fuq l-għarfien u fuq livell għoli ta’ edukazzjoni nazzjonali u taħriġ. Dan jirrikjedi l-indirizzar tal-impatt fuq l-impjiegi ta’ meta n-nisa jkollhom it-tfal, il-ħtieġa ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għal ġenituri li jaħdmu, it-tisħiħ tal-faċilitajiet eżistenti għall-indukrar tat-tfal u billi tiżdied id-disponibbiltà ta’ servizzi bi prezz raġjonevoli u ta’ kwalità għolja b’mod ġenerali.

(1)

  Strategic Engagement for Gender Equality 2016/-2019, tal-Kummissjoni

(2)

 Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni “L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ”, COM(2013), 112 finali, tal-20.2.2013 u SWD(2017) 258 finali.

(3)

 Qafas Strateġiku tal-2020 dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET2020), ĠU 2009/C 119/02.

(4)

 Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza, il-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona, 15-16 ta’ Marzu 2002

(5)

 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Inizjattiva ta’ appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw li jaħdmu”, COM(2017) 252 finali tas-26.4.2017.

(6)

Eurostat, Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol 2016.

(7)

Eurofound (2016), The gender employment gap: challenges and solutions.

(8)

Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza, il-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona, 15-16 ta’ Marzu 2002, disponibbli fuq: http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/71025.pdf.

(9)

Ir-referenza għal “indukrar”, “indukrar tat-tfal” u “indukrar formali tat-tfal” fl-objettivi ta’ Barċellona jinkludu l-edukazzjoni, sakemm it-tfal jiġu indukrati mhux biss f’faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal iżda wkoll fl-iskejjel ta’ qabel il-primarji, qabel l-età tal-iskola obbligatorja. Faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal għal tfal taħt l-età obbligatorja tal-iskola għalhekk jinkludu skejjel tan-nuna ta’ matul il-jum u ċentri oħra ta’ indukrar ta’ matul il-jum bħal ma huma indukrar fil-familja matul il-ġurnata, persuni professjonali li jieħdu ħsieb it-tfal fejn joqogħdu t-tfal jew min jieħu ħsiebhom, edukazzjoni preskolastika jew xi edukazzjoni skolastika obbligatorja ekwivalenti kif ukoll servizzi bbażati f’ċentri, barra l-ħinijiet tal-iskola. L-indukrar u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni preskolastika jintużaw bl-istess mod bħala sinonimi f’dan ir-rapport.

(10)

 F’dan ir-rapport, sabiex tinżamm konformità mat-terminoloġija użata fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Barċellona, l-età ta’ skola obbligatorja jew l-età li fiha tfal huma obbligati li jmorru l-iskola, tirreferi għall-età li fiha t-tfal ikunu obbligati li jattendu l-iskola primarja, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi din hija l-età ta’ sitt snin.

(11)

Il-Kummissjoni Ewropea, l-objettivi ta’ Barċellona (2013), disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/130531_barcelona_en_0.pdf.

(12)

Il-Belġju, id-Danimarka, Franza, l-Isvezja, is-Slovenja u r-Renju Unit..

(13)

 Il-Ġermanja, l-Italja u l-Estonja. 

(14)

Il-Lussemburgu, in-Netherlands, Spanja u l-Portugall.

(15)

 Fl-2017 kien hemm sitt pajjiżi li rċevew rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż biex jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-indukrar tat-tfal bħala wieħed mill-ostakoli għall-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xogħol. Fl-2018, l-indukrar tat-tfal ġie enfasizzat bħala punt ta’ attenzjoni fi 17-il rapport tal-pajjiż, b’attenzjoni fuq aspetti speċifiċi relevanti għall-pajjiż, bħal ma huma d-disponibbiltà, il-prezz ġust, l-aċċessibbiltà tal-indukrar tat-tfal u l-parteċipazzjoni ta’ nisa li jaħdmu.

(16)

 Il-liv tal-familja jinkludi dak tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri kif ukoll il-liv tal-persuni li jindukraw.

(17)

Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Inizjattiva ta’ appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw li jaħdmu”, COM(2017) 252 finali tas-26.4.2017.

(18)

L-evidenza dwar l-importanza ta’ indukrar tat-tfal ta’ kwalità għolja tiġi pprovduta wkoll minn għadd ta’ proġetti ta’ riċerka ffinanzjati taħt is-Seba' Programm ta’ Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Programm Orizzont 2020, l-Isfida għas-Soċjetà 6 (L-Ewropa f’dinja li qed tinbidel, soċjetajiet inklużivi, innovattivi u riflessivi). Dawn il-proġetti jindirizzaw ir-rwol tal-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal f’dak li għandu x’jaqsam mal-inugwaljanzi u l-faqar u l-benesseri u l-iżvilupp tat-tfal, kif ukoll l-għażla ta’ opzjonijiet differenti għall-indukrar tat-tfal, fil-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-familji (dawk soċjoekonomiċi, kulturali) u kuntesti istituzzjonali differenti.

(19)

Ara SWD(2017) 258 finali.

(20)

Qafas Strateġiku tal-2020 dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET2020), ĠU 2009/C 119/02.

(21)

 Fil-Qafas Strateġiku għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET2020), issir referenza għall-età tal-attendenza obbligatorja tal-iskola bħala l-età li fiha tibda l-edukazzjoni primarja obbligatorja. 

(22)

 L-edukazzjoni u l-indukrar bikrija tat-tfal, it-terminu użat fl-Impenn Strateġiku dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, jintuża f’dan ir-rapport bħala sinonimu ta’ indukrar tat-tfal, it-terminu użat fl-objettivi ta’ Barċellona. 

(23)

Il-Kummissjoni Ewropea (2017), Il-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2017, disponibbli hawn: https://ec.europa.eu/education/sites/education/files/monitor2017_en.pdf .

(24)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-PE, lill-Kunsill, lill-KESE u lill-KtR dwar it-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura – il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxejja f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017, COM (2017) 673 finali.

(25)

Proposta tal-Kummissjoni għal Rakkommandazzjoni tal-Kunsill dwar Sistemi ta' Kwalità Għolja ta' Edukazzjoni u ta' Indukrar Bikrija.

(26)

Filwaqt li titqies ir-Rakkomandazzjoni tal-2013 dwar “L-Investiment fit-Tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ, SWD(2017), 258 finali.

(27)

Ara r-Rapporti Speċifiċi għall-Pajjiż 2017 relevanti fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/info/publications/2017-european-semester-country-reports_mt.

(28)

Ewrobarometru Speċjali 465 (2017), l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2017, [EBS 465], disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/index.cfm/Survey/getSurveyDetail/instruments/SPECIAL/surveyKy/2154.

(29)

F’dawn l-aħħar 10 sena, il-punteġġ żdied biss b’erba' punti. L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) (2017), “Gender Equality Index 2017 — Measuring gender equality in the European Union 2005-2015, disponibbli fuq: http://eige.europa.eu/rdc/eige-publications/gender-equality-index-2017-measuring-gender-equality-european-union-2005-2015-report.

(30)

Eurofound (2016), Sixth European Working Conditions Survey, disponibbli hawn: https://www.eurofound.europa.eu/surveys/european-working-conditions-surveys/sixth-european-working-conditions-survey-2015.

(31)

COFACE (2017), Who cares? A study on the challenges and needs of family carers in Europe.

(32)

Esping-Andersen fl-2009 fissru kif in-nuqqas ta’ servizzi li jgħinu lin-nisa jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jwassal jew għal “ekwilibriju ta’ bla tfal u fertilità baxxa” jew “ekwilibriju ta’ dħul baxx u impjieg ta’ kwalità baxxa”. De Heneu, Meulders u O‘Dorchai (2010), li analizzaw l-effett ta’ diversi politiki pubbliċi mmirati lejn koppji bit-tfal fejn jaħdmu t-tnejn fi 15-il Stat Membru tal-UE, inkluż il-provvediment ta’ indukrar tat-tfal, liv marbut mat-tfal u benefiċċji ta’ taxxa u bi flus kontanti, ikkonkludew li l-provvista pubblika ta’ servizzi ta’ indukrar tat-tfal għandha l-akbar impatt fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Fl-2013, Ehrel u Guergoat-Larivière studjaw l-effett tal-fatturi individwali u istituzzjonali fuq ir-rati ta’ impjieg tan-nisa fi 22 Stat Membru u sabu li l-indukrar tat-tfal fuq bażi formali (permezz ta’ xi assistent responsabbli għat-tfal jew indukrar pubbliku tat-tfal) u x-xogħol part-time ikollhom effett pożittiv fuq l-impjieg tan-nisa.

(33)

OECD (2017), Starting Strong, disponibbli hawn: http://www.oecd.org/education/starting-strong-2017-9789264276116-en.htm

(34)

Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-PE, lill-Kunsill, lill-KESE u lill-KtR dwar it-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura – il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxejja f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017, COM (2017) 673 finali u l-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Sistemi ta’ Kwalità Għolja ta’ Edukazzjoni u Indukrar Bikri tat-Tfal.

(35)

Ir-Rapporti tal-pajjiżi għall-2017, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/info/publications/2017-european-semester-country-reports_mt.

(36)

Ir-Rapporti tal-pajjiżi għall-2018, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/info/publications/2018-european-semester-country-reports_en.

(37)

Din hija waħda mill-prijoritajiet ta’ investiment taħt l-objettiv tematiku “L-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ vokazzjonali għal ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja”.

(38)

COM(2017) 252 final, “Inizjattiva ta’ Appoġġ għal Bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw li jaħdmu”; disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1311&langId=en. Ara wkoll il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE, li tinsab hawn: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52017SC0202&from=MT.

(39)

Il-valur varjabbli fl-istħarriġ tal-Eurostat (2016) UE-SILC “Tipi oħra ta’ indukrar’ jirreferi għall-arranġamenti diretti bejn min jindokra u l-ġenituri (il-ġenituri spiss ikunu dawk li jimpjegaw u jħallsu direttament lil min jindokra) u għall-indukrar bla ħlas (b’xejn jew arranġamenti informali bħal ma hu l-iskambju ta’ servizzi). L-indukrar ipprovdut minn dawk li jieħdu ħsieb it-tfal ‘il barra minn xi struttura bejn il-persuna li tieħu ħsieb it-tfal u l-ġenituri (arranġamenti diretti) ġew esklużi mid-definizzjoni ta’ “indukrar formali” sabiex jittieħed f’kunsiderazzjoni biss l-indukrar tat-tfal rikonoxxuti bħala li jissodisfa ċerti xejriet tal-kwalità.

(40)

Heejung Chung and Bart Meuleman 2017, European Parent's attitudes towards public childcare provision – the role of current provisions, interests and ideologies, in: European Societies, 19:1, 49-68, DOI:

10.1080/14616696.2016.1235218.

(41)

Ir-referenza għal-liv tal-familja jinkludi dak tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri. Forom oħra ta’ liv tal-familja, bħalma hu l-liv tal-indukraturi, mhumiex inklużi hawn.

(42)

LEAVE network (April 2017), 'Information between Leave and ECEC entitlements', disponibbli hawn: http://www.leavenetwork.org/fileadmin/Leavenetwork/overviews_2017/Relationship_between_Leave_and_ECEC_-_Final.pdf.

(43)

Stħarriġ UE-SILC 2016, disponibbli fuq: https://data.europa.eu/euodp/data/dataset/Zktkst5yjl0Yav1iKET7w.

(44)

 OECD (2016), Society at a glance, OECD social indicators.

(45)

 OECD (2016), Who uses childcare? Informazzjoni ta’ sfond dwar l-inugwaljanzi fl-użu tal- edukazzjoni u indukrar formali fl-ewwel snin tat-tfulija fost it-tfal iż-żgħar.

(46)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni. Dokument li jikkundsira r-riżultati tar-Rakkomandazzjoni tal-2013 dwar “L-Investiment fit-Tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ, SWD(2017), 258 finali.

(47)

 Benefiċċji lill-impjegati sa EUR 1 000 għal kull tifel u tifla kull sena għall-indukrar tat-tfal ma humiex taxxabbli u lanqas ma jitħallsu fuqhom il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

(48)

 F’dan il-każ hemm limitu massimu għall-ammont tal-investiment eliġibbli (peress li dan hu marbut mal-bonus tal-produttività).

(49)

 Fir-Renju Unit, l-iskema taċ-Childcare Voucher tipprovdi opportunità għal min iħaddem biex joffri indukrar tat-tfal (inklużi vawċers li jitpattew bi tnaqqis fil-paga tal-ħaddiema – proċess magħruf bħala “sagrifiċċju tas-salarju”). Dan jista’ jaffettwa l-ammont ta’ krediti tat-taxxa li impjegat ikun jista’ jirċievi.

(50)

Eurofound (2015), Early Childhood Care: Accessibility and Quality of Services, disponibbli hawn: https://www.eurofound.europa.eu/publications/report/2015/social-policies/early-childhood-care-accessibility-and-quality-of-services.

(51)

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Indukrar Bikrija ta’ Kwalità Għolja (ECEC) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha.

Top