EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0232

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Komunikazzjoni “Għal spazju tad-dejta komuni Ewropew”

COM/2018/232 final

Brussell, 25.4.2018

COM(2018) 232 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Komunikazzjoni “Għal spazju tad-dejta komuni Ewropew”

{SWD(2018) 125 final}


1) Introduzzjoni

L-innovazzjoni mmexxija mid-dejta hi mutur ewlieni tat-tkabbir u tal-impjiegi li jista’ jagħti spinta ġmielha lill-kompetittività Ewropea fis-suq dinji. Jekk jinħolqu l-kundizzjonijiet ta’ qafas it-tajba, l-ekonomija tad-dejta Ewropea tista’ tirdoppja sal-2020 1 .

Il-Kummissjoni diġà implimentat għadd ta’ miżuri ewlenin biex ittejjeb il-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-industriji intensivi fid-dejta. Skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta 2 , l-UE ħolqot qafas sod għall-fiduċja diġitali li jservi ta’ prekundizzjoni għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija tad-dejta. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta. Dawk kollha affettwati mir-regoli l-ġodda, li se jidħlu fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 2018, jeħtieġ jiżguraw konformità sħiħa. Biex jinfirxu l-pedamenti għal vantaġġ kompetittiv futur li jissejjes fuq teknoloġiji tad-dejta ta’ fiduċja u aċċettati, il-moviment liberu tad-dejta personali fi ħdan l-UE previst mir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta se jiġi kkumplimentat bil-fluss liberu tad-dejta mhux personali permezz ta’ proposta għal Regolament ippreżentata f’Settembru 2017 3 .

Iżda hemm bżonn tittieħed aktar azzjoni biex jitjieb l-użu effiċjenti tad-dejta madwar l-UE. Bħala parti mill-istrateġija tagħha għal Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni ħadet passi importanti f’din id-direzzjoni. F’Jannar 2017, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni “Il-ħolqien ta’ ekonomija Ewropea bbażata fuq id-dejta” 4 li nediet konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet konċernati, inkluż konsultazzjoni online pubblika 5 . Ir-rieżami nofsani sussegwenti tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali 6 ħareġ b’inizjattivi dwar il-fluss liberu tad-dejta mhux personali u dwar l-aċċessibbiltà u l-użu mill-ġdid tad-dejta pubblika u ffinanzjata mis-settur pubbliku. Dan indika wkoll xi miżuri oħrajn fil-qasam tad-dejta tas-settur privat li għandhom interess pubbliku.

Filwaqt li tibni fuq il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta fis-seħħ, il-Kummissjoni issa qed tipproponi pakkett ta’ miżuri bħala pass importanti għal spazju komuni tad-dejta fl-UE – żona diġitali bla interruzzjonijiet u bi skala li tippermetti l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda bbażati fuq id-dejta. Fost il-miżuri mressqa flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni hemm:

·proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (id-Direttiva PSI)  7 ;

·aġġornament tar-Rakkomandazzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha 8 ; u

·gwida dwar il-qsim tad-dejta tas-settur privat 9 .

Din il-gwida hi bbażata fuq il-prinċipji għall-qsim tad-dejta bejn in-negozji, u bejn in-negozji u s-settur pubbliku, li huma stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni. Il-miżuri previsti jkopru tipi differenti ta’ dejta u għalhekk għandhom livelli differenti ta’ intensità. Fl-istess ħin, dawn ilkoll jaħdmu għall-għan usa’ li d-dejta tinġieb flimkien, bħala sors ewlieni tal-innovazzjoni u tat-tkabbir, mingħand diversi setturi, pajjiżi u dixxiplini fi spazju komuni tad-dejta.

2) Naħsdu l-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-innovazzjoni mmexxija mid-dejta

Id-dejta hi l-materja prima tas-Suq Uniku Diġitali. Din tista’ toħloq rivoluzzjoni f’ħajjitna u tiftaħ bibien ġodda ta’ opportunitajiet għal tkabbir, inkluż għall-intrapriżi żgħar u medji. Id-disponibbiltà ta’ kwantitajiet kbar ħafna ta’ dejta, li ħafna minnha tiġi ġġenerata minn magni u sensuri, tħalli impatt fuqna lkoll. Fil-fatt, hemm uħud mill-oqsma ta’ ħajjitna li għadhom ma ġewx affettwati mir-rivoluzzjoni tad-dejta li qed issir. Jekk id-dejta nużawha bl-aqwa mod, dan jista’ jgħinna ngħixu ħajja itwal u aktar b’saħħitha, b’inqas stress u b’aktar rispett lejn l-ambjent. Dan jista’ jgħin ukoll lix-xjenzati tagħna biex jiżviluppaw mudelli li jbassru aħjar it-tibdil fil-klima u l-katastrofi naturali.

L-użu intelliġenti tad-dejta jħalli effett trasformattiv fuq kull settur tal-ekonomija u fuq is-settur pubbliku:

Ngħidu aħna, fis-settur agrikolu, analiżi aġġornata tad-dejta dwar it-temp jew l-umdità fil-ħamrija tista’ tgħin biex tiżdied kemm jista’ jkun il-produzzjoni tal-ħxejjex. Fil-manifattura, id-dejta mis-sensuri f’ħin reali tgħin lill-manutenzjoni mbassra.

L-innovazzjoni mmexxija mid-dejta tista’ ttejjeb ukoll it-tfassil tal-politika pubblika, il-provvista tas-servizz pubbliku u ttaffi l-piż amministrattiv. Din tista’ tgħin fil-ġestjoni tal-kriżijiet u fl-iżvilupp ta’ politiki ambjentali u finanzjarji. Bil-qsim tad-dejta tar-riċerka dwar it-tifqigħat ta’ epidemiji, ir-riċerka rilevanti tista’ tagħmel avvanz aktar malajr u tkun tista’ tittieħed reazzjoni aktar f’waqtha.

Id-dejta satellitari ta’ riżoluzzjoni kbira mis-satelliti Sentinel ta’ Copernicus tikkontribwixxi għall-monitoraġġ f’ħin reali tar-riżorsi naturali tal-ilma biex issir prevenzjoni min-nixfa jew mit-tniġġis. Din id-dejta hi ta’ ġid konsiderevoli għall-awtoritajiet pubbliċi, għar-riċerkaturi u għall-kumpaniji privati fejn tidħol il-provvista ta’ servizzi innovattivi.

L-impatt ekonomiku tad-dejta hu enormi. Fl-2016 kien hemm 254 850 kumpanija tad-dejta 10 madwar l-UE, iżda din iċ-ċifra tista’ tiżdied għal madwar 360 000 sal-2020 f’xenarju ta’ tkabbir qawwi.

B’mod ġenerali, il-kapaċità li nanalizzaw id-dejta u nitgħallmu minnha qed issir malajr ingredjent ewlieni għas-suċċess fin-negozju u għall-effiċjenza governattiva. Il-kumpaniji li għandhom ammont enormi ta’ dejta u l-kapaċità teknika u l-impjegati kwalifikati biex janalizzaw id-dejta, se jkollhom vantaġġ kompetittiv 11 .

Minbarra dan, id-dejta qed kulma jmur titqies aktar bħala assi kruċjali biex jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda bħall-Intelliġenza Artifiċjali (AI) u l-Internet tal-Oġġetti (IoT). Is-soluzzjonijiet tal-Intelliġenza Artifiċjali għandhom potenzjal qawwi ta’ benefiċċji għas-settur pubbliku u privat. L-użu tat-teknoloġiji tal-Intelliġenza Artifiċjali jappoġġa l-produttività u l-kompetittività f’firxa wiesgħa ta’ setturi. L-Intelliġenza Artifiċjali tgħin anki biex jingħelbu l-isfidi soċjetali u ambjentali, filwaqt li tindirizza l-isfidi tagħha wkoll fl-istess ħin. F’dan il-kuntest, paripassu ma’ dan il-pakkett dwar id-dejta, il-Kummissjoni qed tadotta l-Komunikazzjoni “Nimmassimizzaw il-benefiċċji tal-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa”, li tispjega l-istrateġija tal-UE dwar l-Intelliġenza Artifiċjali. L-istrateġija għandha tliet dimensjonijiet: tixpruna l-kapaċità industrijali u teknoloġika Ewropea, tħejji għall-bidliet soċjoekonomiċi, u tiżgura qafas etiku u ġuridiku xierqa. Wieħed mill-għanijiet ewlenin hu li tiġi demokratizzata t-teknoloġija tal-Intelliġenza Artifiċjali ħalli ma jitwiżnux biss in-negozji ġodda tal-Intelliġenza Artifiċjali iżda anki l-utenti tal-Intelliġenza Artifiċjali, fosthom il-kumpaniji mhux teknoloġiċi ta’ kull daqs. Fl-2019, il-Kummissjoni se tniedi pjattaforma AI-on-demand biex il-kumpaniji u r-riċerkaturi Ewropej isibuha eħfef jaċċessaw għodod, dejta u servizzi tal-Intelliġenza Artifiċjali ta’ kwalità għolja.

Ma’ dan il-pakkett dwar id-dejta, il-Kummissjoni qed tadotta wkoll inizjattiva oħra li hi importanti għall-ekonomija tad-dejta – il-“Komunikazzjoni dwar l-iffaċilitar tat-trasformazzjoni diġitali tal-kura u tas-saħħa fis-Suq Uniku Diġitali, l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u l-bini ta’ soċjetà aktar b’saħħitha”, li tittratta l-potenzjal tad-dejta bħala xprunatur ewlieni għat-trasformazzjoni diġitali fl-oqsma tas-saħħa u tal-kura. Id-dejta ttejjeb il-benessri ta’ miljuni ta’ ċittadini u tbiddel il-mod kif jingħataw is-servizzi tas-saħħa u tal-kura, inkluż il-mediċina personalizzata, l-identifikazzjoni bikrija tat-tifqigħat infettivi u l-iżvilupp imħaffef ta’ mediċini u tagħmir mediku.

Biex jiġi sfruttat dan il-potenzjal fl-ekonomija tad-dejta, l-UE trid taħtaf l-opportunitajiet biex tħeġġeġ l-innovazzjoni fis-soluzzjonijiet tal-kura tas-saħħa bħalma huma t-telemediċina u l-applikazzjonijiet tas-saħħa mobbli, kif dikjarat fir-rieżami nofsani tas-Suq Uniku Diġitali, u b’konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta. Ġew identifikati tliet oqsma ewlenin:

·l-aċċess sigur taċ-ċittadini għad-dejta dwar is-saħħa u l-qsim ta’ din id-dejta;

·dejta aħjar li tippromwovi r-riċerka, il-prevenzjoni tal-mard, u l-kura u s-saħħa personalizzata;

·għodod diġitali għal għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u għal kura li tiffoka fuq il-pazjent.

Fil-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni ddeskriviet l-azzjonijiet li jridu jittieħdu f’kull waħda mit-tliet oqsma. Dawn jinkludu rakkomandazzjoni dwar format ta’ skambju Ewropew għar-rekords elettroniċi tas-saħħa, mekkaniżmu għal koordinazzjoni volontarja fil-qsim tad-dejta, inkluż id-dejta ġenomika għall-prevenzjoni u għar-riċerka dwar il-mediċina personalizzata, kif ukoll proposti dwar l-iskambju ta’ kontributi innovattivi u l-aqwa prattiki, it-tiswir tal-kapaċità u l-assistenza teknika tal-awtoritajiet tas-saħħa u tal-kura.

Mal-miżuri msemmija hawn fuq qed tinhemeż ukoll analiżi preliminari tal-kwistjonijiet li tqajmu fir-rigward tas-sikurezza u r-responsabbiltà 12 li jġibu magħhom it-teknoloġiji diġitali ġodda mmexxija mid-dejta, ħalli jkun żgurat ambjent ta’ fiduċja u kontabbiltà permezz ta’ ambjent ġuridiku prevedibbli għan-negozji u għall-investituri u lqugħ li jħares id-drittijiet tal-konsumaturi u taċ-ċittadini. Flimkien mal-inizjattivi rilevanti stabbiliti bl-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali s’issa, dawn il-miżuri se jwasslu biex l-UE tikseb pożizzjoni unika li tgawdi mill-frott tar-rivoluzzjoni tad-dejta u li tiżviluppa ekonomija tad-dejta ta’ suċċess, sostenibbli u sigura, imsejsa fuq l-iskala tas-suq intern, il-kapaċità innovattiva tal-kumpaniji Ewropej, u b’rispett sħiħ tal-valuri Ewropej.

3) Dejta pubblika u ffinanzjata mis-settur pubbliku għas-servizz ta’ innovazzjoni mmexxija mid-dejta

L-aċċess għad-dejta pubblika u ffinanzjata mis-settur pubbliku u l-użu mill-ġdid tagħha jibnu l-pedamenti l-kbar ta’ spazju tad-dejta Ewropew komuni. Fir-rieżami nofsani tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni ħabbret li, abbażi ta’ evalwazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti u soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt 13 , se tħejji inizjattiva dwar l-aċċessibbiltà u l-użu mill-ġdid tad-dejta pubblika u ffinanzjata mis-settur pubbliku. Din it-taqsima tiddeskrivi l-elementi ta’ din l-inizjattiva.

a) L-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku

Il-korpi tas-settur pubbliku jipproduċu u jiġbru kwantitajiet kbar ta’ dejta li jsawru materja prima prezzjuża għall-iżvilupp ta’ servizzi diġitali innovattivi u tfassil ta’ politika aħjar.

L-informazzjoni tas-settur pubbliku tista’ tintuża bħala l-bażi għal firxa wiesgħa ta’ prodotti u servizzi. Pereżempju, l-applikazzjoni iMar tuża informazzjoni li ppubblikaw portijiet Spanjoli li huma proprjetà tal-Istat u tgħaqqadha ma’ previżjonijiet tar-riħ mogħtija mis-servizzi nazzjonali tat-temp Spanjoli. B’hekk, l-utenti tal-applikazzjoni jiksbu informazzjoni f’ħin reali u kif ukoll previżjonijiet tat-tbaħħir biex ikunu jistgħu jippjanaw il-vjaġġi tagħhom bil-baħar b’mod sikur. Bl-istess mod, id-dejta batimetrika li nġabret oriġinarjament minn aġenziji idrografiċi nazzjonali għan-navigazzjoni sikura reġgħet intużat f’mapep topografiċi mis-sħubija EMODnet biex jitjiebu ferm il-previżjonijiet tal-maltempati qawwija fil-Baħar tat-Tramuntana.

L-UE diġà ħadet għadd ta’ miżuri biex tagħmel id-dejta tal-gvern aċċessibbli madwar l-Unjoni bħala assi ewlieni għall-ekonomija tad-dejta. Id-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku 14 ħolqot qafas mifrux mal-UE kollha li jħeġġeġ l-użu transfruntier tad-dejta ffinanzjata mis-settur pubbliku u jgħin fl-iżvilupp ta’ servizzi u prodotti tad-dejta pan-Ewropej. Biex jikkumplimentawh, ittieħdu miżuri biex ikun aktar faċli li d-dejta tas-settur pubbliku tinstab u tintuża bejn il-fruntieri u lingwi differenti, fosthom bit-tnedija tal-Portal Ewropew tad-Dejta Miftuħa 15 . Il-Kummissjoni tagħti l-eżempju permezz ta’ qafas ġuridiku għall-użu mill-ġdid tad-dejta tagħha stess 16 . Dan hu kkumplimentat bil-Portal tad-Dejta Miftuħa li jagħti aċċess għal dejta mill-istituzzjonijiet tal-UE u korpi oħra tal-UE 17 . Dan il-qafas hu wieħed mill-aktar reġimi avvanzati fid-dinja fejn jidħol l-użu mill-ġdid, b’regola prestabbilita biex id-dejta tal-Kummissjoni tkun tista’ tintuża mill-ġdid għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali mingħajr il-ħtieġa ta’ applikazzjoni individwali, mingħajr tariffi għall-utenti li jużaw mill‑ġdid, mingħajr kundizzjonijiet fuq l-użu mill-ġdid u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti li jużaw mill-ġdid, għajr xi ftit eċċezzjonijiet ġustifikati kif xieraq.

Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku 18 tinsab fil-qalba ta’ dan il-pakkett dwar id-dejta. Il-bidliet proposti se jagħmlu differenza reali għax aktar dejta se ssir disponibbli u għax id-dejta se ssir aktar riutilizzabbli. Ir-reviżjoni għandha l-għan li:

·tnaqqas ix-xkiel għad-dħul fis-suq, l-aktar għall-intrapriżi żgħar u medji, billi tnaqqas it-tariffi għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku;

·iżżid id-disponibbiltà tad-dejta billi tinkludi tipi ġodda ta’ dejta pubblika u ffinanzjata mis-settur pubbliku fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva: (i) dejta miżmuma minn impriżi pubbliċi fis-setturi tat-trasport u tal-utilitajiet, u (ii) dejta tar-riċerka;

·tnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ vantaġġi eċċessivi tal-innovatur, u dan hu ta’ benefiċċju għall-kumpaniji kbar u b’hekk jillimita l-għadd ta’ utenti potenzjali li jużaw id-dejta inkwistjoni mill-ġdid, billi teżiġi proċess aktar trasparenti għall-istabbiliment ta’ arranġamenti pubbliċi privati 19 ;

·iżżid l-opportunitajiet tan-negozju billi tħeġġeġ il-pubblikazzjoni ta’ dejta dinamika u l-adozzjoni ta’ interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs).

Hu partikolarment importanti li jingħata aċċess għad-dejta dinamika permezz tal-interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, għax dan jappoġġa l-ekosistema tad-dejta miftuħa, jiffranka l-ħin u l-ispejjeż b’awtomazzjoni tal-proċess tad-download, u jħaffef bil-qawwa l-użu mill-ġdid tad-dejta għal firxa wiesgħa ta’ prodotti u servizzi ġodda. Il-qsim tad-dejta bl-użu tajjeb u sigur tal-interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet jista’ joħloq valur miżjud sinifikanti lil atturi differenti fil-katina tal-valur tad-dejta. Dan jista’ jikkontribwixxi wkoll biex jitwaqqfu ekosistemi ta’ valur madwar assi tad-dejta li l-potenzjal tagħhom ħafna drabi ma jiġix sfruttat mid-detenturi tad-dejta.

Daż-żmien, il-korpi tas-settur pubbliku mhumiex qed jużaw l-interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet biżżejjed, u bosta dokumenti għadhom disponibbli bħala PDFs. Dan iwassal għal użu subottimu tad-dejta dinamika mis-settur pubbliku għall-ħolqien ta’ servizzi tal-valur miżjud. Il-bidliet proposti fid-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku għandhom l-għan li jħaffu t-tranżizzjoni tal-korpi tas-settur pubbliku madwar l-Ewropa lejn funzjonalitajiet ibbażati fuq l-internet u lejn pubblikazzjoni aktar mifruxa tad-dejta dinamika u l-użu tal-interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet.

Il-pakkett fih ukoll ir-riżultati tal-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar id-Databases 20 . L-evalwazzjoni 21 tkopri l-funzjonament ġenerali taż-żewġ partijiet tad-Direttiva, id-drittijiet tal-awtur u l-protezzjoni tal-bażijiet tad-dejta bi dritt sui generis, b’aktar enfasi fuq il-valutazzjoni tal-prestazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Din tinkludi analiżi tar-relazzjoni bejn id-dritt sui generis stabbilit fid-Direttiva u l-ekonomija tad-dejta.

Waħda mill-konklużjonijiet ewlenin tal-evalwazzjoni hi li d-dritt sui generis ma għandux ikopri sistematikament is-sitwazzjonijiet tal-big data u l-bażijiet tad-dejta bħala sors wieħed 22 , biex b’hekk ma jimpedix każijiet problematiċi meta ċerti detenturi tad-drittijiet jistgħu jiddikjaraw drittijiet ta’ proprjetà indiretta fuq dejta diġitali. Madankollu, l-evalwazzjoni tindika li din is-suppożizzjoni jenħtieġ tiġi segwita mill-qrib fil-futur għax iċ-ċrieki akkademiċi u tal-partijiet konċernati għamlu mistoqsijiet, imnebbħa minn kawżi okkażjonali quddiem il-qrati, dwar jekk id-dritt sui generis jistax fil-fatt jiġi applikat b’mod usa’ minn kif inhu preżunt ġeneralment, pereżempju għad-dejta ġġenerata mill-magni. L-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar id-Databases tindirizza wkoll l-interazzjonijiet possibbli bejn id-dritt sui generis u d-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku, kwistjoni li kienet ġiet koperta wkoll fl-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku 23 . Filwaqt li tikkunsidra li din l-interazzjoni tista’ sseħħ fil-prattika, ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku għandha l-għan li tiċċara l-allinjament tad-dispożizzjonijiet taż-żewġ strumenti.

Ir-reviżjoni proposta fiha wkoll kjarifiki dwar ir-relazzjoni bejn id-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku u d-Direttiva li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika (INSPIRE) 24 biex tiżgura koerenza sħiħa bejn dawn iż-żewġ strumenti legali.

Minbarra dan, permezz tal-programm Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Kummissjoni se tibqa’ tappoġġa l-iskjerament ta’ infrastruttura tad-dejta miftuħa u mgħammra b’kollox bħala segwitu tal-iskjerament tal-Portal Ewropew tad-Dejta Miftuħa 25 . Dan l-ambjent jista’ jagħmel disponibbli għodod u dejta interoperabbli, kif ukoll għarfien u appoġġ, ħalli kemm jista’ jkun id-dejta miftuħa terġa’ tintuża mill-ġdid mill-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej u min-negozji, l-aktar l-intrapriżi żgħar u medji, u biex tinbena l-kapaċità tal-kontenut għall-iżvilupp tal-Intelliġenza Artifiċjali Ewropea. Il-Kummissjoni pproponiet 26 li l-qsim tad-dejta mis-settur pubbliku se jitwieżen bl-għajnuna ta’ Ċentru ta’ Appoġġ għall-qsim tad-dejta permezz tal-programm Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa mill-2019 ’il quddiem.

Il-Kummissjoni qed tikkunsidra wkoll aktar azzjonijiet ta’ finanzjament biex tappoġġa d-disponibbiltà ta’ dejta tas-settur pubbliku għall-użu mill-ġdid wara l-2020, bil-għan li jitwaqqaf spazju tad-dejta Ewropew komuni u komprensiv.

Fl-aħħar nett, il-prinċipji dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku qed jitqiesu wkoll meta l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 27 (SIE) jintużaw biex jappoġġaw u jikkumplimentaw il-ħtiġijiet lokali u dan iwassal għal gwadann fejn tidħol l-effiċjenza bis-saħħa ta’ soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku u l-immodernizzar tas-sistemi tal-informazzjoni pubblika u tal-amministrazzjoni.

b) Aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha

Ix-Xjenza Miftuħa ġie identifikata 28 , fil-kuntest tal-aċċess għar-riżultati tar-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku, u l-użu mill-ġdid tagħha, l-aktar bħala ingredjent kruċjali biex ix-xjenza tavvanza u biex is-soċjetà tibbenefika. Dan saħquh il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tranżizzjoni lejn sistema ta’ Xjenza Miftuħa 29 , li fihom il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex b’koperazzjoni mal-Pjattaforma tal-Politika tax-Xjenza Miftuħa u b’koperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet konċernati, tiżviluppa aktar l-Aġenda Ewropea tax-Xjenza Miftuħa. Ix-Xjenza Miftuħa tħeġġeġ lil kull tip ta’ riċerkatur (inkluż lix-xjentisti ċittadini) biex il-proċessi tar-riċerka tagħhom jagħmluhom miftuħa f’kull stadju, mid-disinn, il-metodoloġiji u l-flussi tal-proġett, sad-disseminazzjoni tar-riżultati, ħalli r-riċerka tkun tista’ tinbena fuq ir-riċerka preċedenti aktar faċilment. Din iżżid il-kwalità, tevita d-duplikazzjoni u tagħmel l-użu mill-ġdid eħfef, li fl-aħħar mill-aħħar isaħħu l-impatt tax-xjenza fuq is-soċjetà. Il-Kummissjoni jidhrilha li wasal iż-żmien biex jingħata aċċess għall-informazzjoni xjentifika u tiġi konservata fil-kuntest ta’ Xjenza Miftuħa, b’mod li ssejjes fuq il-politika tagħha dwar l-aċċess miftuħ mill-2012.

Il-Kummissjoni tagħti l-eżempju dwar il-politika tal-aċċess miftuħ permezz tar-regoli tal-programm Orizzont 2020. Din tappoġġa wkoll l-iżvilupp ta’ għodod u servizzi li jirfdu x-Xjenza Miftuħa, permezz ta’ finanzjament ta’ portal pan-Ewropew għall-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa 30 .

Fl-2012, il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ politika li jinkludi serje ta’ miżuri li jtejbu l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika ġġenerata fl-Unjoni. Bħala parti minn dan il-pakkett, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/417/UE dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha 31 tistrieħ fuq il-premessa li l-informazzjoni xjentifika li tiġi ġġenerata bil-fondi pubbliċi jenħtieġ tkun aċċessibbli u tista’ terġa’ tintuża mill-ġdid bl-inqas restrizzjonijiet possibbli.

L-evalwazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tikkonferma li din kienet għodda prezzjuża u ħalliet impatt u għalhekk tibqa’ rilevanti għall-politika. Iżda biex tkun valida għall-ġejjieni, hemm bżonn issir reviżjoni li tirrifletti l-iżviluppi riċenti fil-prattiki tar-riċerka u anki l-iżviluppi politiċi riċenti tal-UE. Kif tħabbar fl-Inizjattiva Ewropea tal-Cloud Computing 32 , bħala parti mill-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa u mir-rieżami nofsani tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali 33 , il-pakkett attwali dwar id-dejta jinkludi reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha 34 .

Ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni hi ppreżentata fl-istess waqt mar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku 35 , li tipproponi li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jiġi estiż għad-dejta tar-riċerka, u li bejn il-politiki tal-UE dwar l-aċċess miftuħ u dwar id-dejta miftuħa jkunu żgurati l-koerenza u l-kumplimentarjetà. Għalhekk din tisfrutta l-potenzjal tal-informazzjoni tas-settur pubbliku u tad-dejta tar-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku fl-istess ħin. Abbażi tar-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, l-Istati Membri jkunu obbligati jiżviluppaw politiki li jindirizzaw il-qasam tal-aċċess miftuħ għad-dejta tar-riċerka pubblika u miżmuma pubblikament, filwaqt li r-Rakkomandazzjoni riveduta dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha tagħti gwida għall-implimentazzjoni tal-aċċess miftuħ għad-dejta tar-riċerka pubblika u miżmuma pubblikament.

4) Id-dejta tas-settur privat bħala mutur ewlieni tal-innovazzjoni u tal-kompetittività fl-Ewropa

L-aċċess għad-dejta tas-settur privat u l-użu mill-ġdid tagħha jsawru aktar pedamenti kbar tal-ispazju tad-dejta Ewropew komuni. Skont ir-rieżami nofsani tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, u abbażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni mal-partijiet konċernati, jistgħu jiġu definiti għadd ta’ prinċipji għall-qsim tad-dejta tas-settur privat li għandhom jitqiesu 36 .

a) Il-qsim tad-dejta bejn in-negozji (B2B)

Il-Komunikazzjoni “Il-Bini ta’ Ekonomija Ewropea tad-Dejta” ħarġet b’għadd ta’ kwistjonijiet dwar l-ammont dejjem akbar ta’ dejta. Dan ħafna drabi jinħoloq b’mod awtomatiku b’magni jew bi proċessi bbażati fuq teknoloġiji emerġenti, bħall-Internet tal-Oġġetti. Biex jinkiseb il-valur massimu minn dan u minn tipi oħra ta’ dejta tas-settur privat, l-atturi tas-suq jeħtieġ ikunu kapaċi jaċċessaw u jużaw din id-dejta, anki bejn il-fruntieri f’xenarji differenti. Kif tidentifika dik il-Komunikazzjoni, id-dejta mhux personali ġġenerata minn oġġetti tal-Internet tal-Oġġetti b’mod awtomatizzat iġġib magħha mistoqsijiet speċifiċi, għax normalment il-manifatturi ta’ dawn l-oġġetti jinsabu f’pożizzjoni privileġġata biex jiddeterminaw l-aċċess għad-dejta ġġenerata u l-użu tagħha. Skont in-natura tas-suq rispettiv li jagħti jew ma jagħtix drittijiet tal-aċċess u l-użu lill-utent tal-oġġett li jaf isib ruħu miżmum milli juża d-dejta li jkun wassal għall-ġenerazzjoni tagħha.

Mid-djalogu tal-partijiet konċernati u mit-tweġibiet tal-istħarriġ online 37 ħareġ fid-dieher li ħafna mill-partijiet konċernati jaqblu li aktar qsim tad-dejta bejn in-negozji hu ta’ benefiċċju. Fl-istess waqt, dawn huma tal-fehma li f’dan l-istadju tal-iżvilupp tal-ekonomija tad-dejta, il-qafas regolatorju attwali hu adattat għall-iskop tiegħu u li għadu kmieni wisq għal leġiżlazzjoni orizzontali dwar il-qsim tad-dejta bejn in-negozji. Jenħtieġ li l-punt tat-tluq ikun li jiġi żgurat li s-swieq tad-dejta jkollhom l-aħjar kundizzjonijiet possibbli biex jiżviluppaw waħedhom, bil-libertà kuntrattwali bħala pedament. B’mod ġenerali, in-negozji jenħtieġ ikunu liberi biex jiddeċiedu lil min u b’liema kundizzjonijiet jista’ jingħata aċċess għad-dejta mhux personali tagħhom. B’mod ġenerali, il-partijiet konċernati ma jaqblux ma’ tip ta’ dritt ġdid għal “sjieda tad-dejta”, b’firxa ta’ kontributi li juru li l-kwistjoni kruċjali fil-qsim bejn in-negozji mhix daqstant dwar is-sjieda iżda dwar kif l-aċċess ikun organizzat.

Min-naħa l-oħra, hemm appoġġ qawwi mill-partijiet konċernati għal miżuri mhux regolatorji, bħal li (i) jitrawwem l-użu ta’ APIs għal aċċess aktar sempliċi u aktar awtomatizzat għas-settijiet tad-dejta, u l-użu tagħhom; (ii) jinħolqu termini kuntrattwali standard rakkomandati; u (iii) tingħata gwida fil-livell tal-UE.

Filwaqt li tqis l-evidenza kollha disponibbli bħalissa u filwaqt li ssejjes fuq il-prinċipji żviluppati fil-Komunikazzjoni “Il-Bini ta’ Ekonomija Ewropea tad-Dejta” 38 , il-Kummissjoni jidhrilha li importanti jingħaraf il-fatt li d-dejta tista’ terġa’ tintuża mingħajr telf fil-kwalità tad-dejta u, f’ħafna każijiet, mingħajr ma jitlef il-vantaġġ kompetittiv għax l-istess dejta tista’ tirfed jew ittejjeb bis-sħiħ il-prodotti jew is-servizzi differenti. Dan japplika b’mod partikolari f’li d-dejta rilevanti ssir disponibbli għat-taħriġ ta’ applikazzjonijiet tal-Intelliġenza Artifiċjali — sfida industrijali kbira fl-Ewropa. Aktar kumpaniji jistgħu jitħeġġu jieħdu sehem fi sħubijiet tad-dejta, jiġifieri f’arranġamenti ma’ kumpaniji oħra maħsuba biex isir l-aħjar użu tad-dejta mill-akbar għadd possibbli ta’ atturi kummerċjali.

Il-Kummissjoni jidhrilha wkoll li biex ikunu żgurati swieq ġusti u kompetittivi għall-oġġetti tal-IoT u għall-prodotti u s-servizzi li jistrieħu fuq dejta mhux personali ġġenerata mill-magni maħluqa minn dawn l-oġġetti, il-ftehimiet kuntrattwali jenħtieġ jirrispettaw dawn il-prinċipji ewlenin li ġejjin:

a)    It-trasparenza: Il-ftehimiet kuntrattwali rilevanti jenħtieġ jidentifikaw b’mod trasparenti u li jinftiehem (i) il-persuni jew l-entitajiet li se jkollhom aċċess għad-dejta li tiġi ġġenerata mill-prodott jew mis-servizz, it-tip ta’ din id-dejta, u f’liema livell ta’ dettall; u (ii) l-iskopijiet għall-użu ta’ din id-dejta.

b)    Insawru valur komuni: Il-ftehimiet kuntrattwali rilevanti jenħtieġ jagħrfu li, meta d-dejta tiġi ġġenerata bħala prodott sekondarju tal-użu ta’ prodott jew servizz, ikun hemm diversi partijiet li taw kontribut tagħhom favur il-ħolqien tad-dejta.

c)    Nirrispettaw l-interessi kummerċjali ta’ xulxin: Il-ftehimiet kuntrattwali rilevanti jenħtieġ jindirizzaw l-ħtieġa li jitħarsu l-interessi kummerċjali u s-sigrieti tad-detenturi tad-dejta u tal-utenti tad-dejta.

d)    Niżguraw kompetizzjoni mhux imxekkla: Il-ftehimiet kuntrattwali rilevanti jeħtieġ li jindirizzaw il-ħtieġa li tkun żgurata kompetizzjoni mhux imxekkla waqt l-iskambju ta’ dejta kummerċjalment sensittiva.

e)    Innaqqsu kemm jista’ jkun l-intrappolament tad-dejta: Il-kumpaniji li joffru prodott jew servizz li jiġġenera d-dejta bħala prodott sekondarju jenħtieġ jippermettu u jiffaċilitaw l-portabbiltà tad-dejta kemm jista’ jkun 39 . Jenħtieġ li dawn iqisu wkoll, meta possibbli u b’konformità mal-karatteristiċi tas-suq fejn joperaw, li joffru l-istess prodott jew servizz mingħajr trasferimenti tad-dejta jew bi trasferimenti limitati tad-dejta flimkien mal-prodotti jew mas-servizzi li jinkludu dawn it-trasferimenti tad-dejta.

Hekk kif għaddej id-dibattitu dwar il-qsim tad-dejta bejn negozji, u matul iż-żmien qed tinkiseb iżjed esperjenza, din il-Komunikazzjoni se tniedi proċess ta’ aktar konsultazzjoni mal-partijiet konċernati. Abbażi tal-analiżi tal-informazzjoni miġbura, dawn il-prinċipji jistgħu jevolvu aktar. Il-Kummissjoni se tibqa’ tivvaluta jekk dawn il-prinċipji emendati u l-kodiċijiet ta’ kondotta possibbli humiex biżżejjed biex jinżammu swieq ġusti u miftuħa u se tindirizza s-sitwazzjoni jekk ikun meħtieġ billi tieħu azzjoni xierqa. Minħabba d-differenza fl-istruttura tas-swieq individwali, dawn jaf ikollhom bżonn jiġu kkumplimentati b’miżuri speċifiċi għas-settur.

Bħala parti mill-inizjattiva dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea 40 , il-Kummissjoni diġà ħadet azzjoni biex tappoġġa lill-industrija, fost l-oħrajn billi tagħti għajnuna finanzjarja lill-pjattaformi tad-dejta industrijali u liċ-ċentri tal-innovazzjoni permezz tal-programm Orizzont 2020. Biex jissoktaw dawn l-isforzi, il-miżuri tar-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-programm Orizzont 2020 fl-2020-2018 41 (b’mod partikolari “il-pjattaformi tad-dejta industrijali u personali”) jippromwovu l-iżvilupp ta’ pjattaformi fdati u siguri u metodi analtiċi li jirrispettaw il-privatezza għall-iskambju sigur tad-dejta tal-proprjetà industrijali u tad-dejta personali b’mod espliċitu, filwaqt li jiffaċilitaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti (bħal pereżempju l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta).

Iċ-Ċentru ta’ Appoġġ għall-qsim tad-dejta permezz tal-programm Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) se jistabbilixxi sett ta’ miżuri biex jeħfief il-qsim tad-dejta tas-settur privat u tad-dejta tas-settur pubbliku. Dan se joffri għarfien u assistenza dwar il-qsim tad-dejta billi jipprovdi eżempji tal-aqwa prattika u informazzjoni dwar l-APIs, mudelli ta’ kuntratti eżistenti, u aspetti ġuridiċi u tekniċi oħrajn. Minbarra dan, din se tgħin biex tkompli tiġi żviluppata l-gwida li hemm fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż ma’ din il-Komunikazzjoni 42 ; jistgħu jiġu żviluppati listi tal-kontroll u, jekk meqjus utli, mudelli ta’ klawżoli kuntrattwali. Il-ħidma se tqis ir-riżultati għall-perjodu 2016-2020 tal-Programm tal-Interoperabbiltà (ISA2).

Il-Kummissjoni se tesplora wkoll aktar it-trawwim ta’ interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, pereżempju fil-gvern elettroniku u f’azzjonijiet b’rabta mal-użu tal-prinċipju ta’ darba biss. Fi żmienna, ħafna kumpaniji għandhom assi kbar ta’ dejta mhux użata u ma għandhomx ir-riżorsi jew il-kapaċità biex janalizzaw id-dejta jew biex joħolqu servizzi interessanti kummerċjalment b’rabta mad-dejta tagħhom. B’użu xieraq tal-interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, dan jista’ jiftaħ opportunitajiet biex jinħolqu ekosistemi ta’ negozji ġodda, filwaqt li jinkiseb valur minn assi mhux użat u tingħata għajnuna lill-kumpaniji ospitanti biex jinħolqu servizzi u prodotti ġodda. Dan kien il-każ fis-settur finanzjarju għax l-aċċess għal ċerta dejta tal-banek, bl-użu ta’ interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet imfassla sew, fetaħ il-bibien għal ekosistema sħiħa ġdida ta’ servizzi finanzjarji, fosthom il-konsulenza personalizzata fuq ix-xejriet tal-infiq ta’ kuljum, ilkoll fil-kontroll u bl-immaniġġar tal-istituzzjonijiet finanzjarji li, b’mod ieħor, ma joffrux dawn is-servizzi. It-twaqqif u l-użu tal-interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet jeħtieġ jistrieħu fuq diversi prinċipji: l-istabbiltà, il-manutenzjoni tul iċ-ċiklu tal-ħajja, l-uniformità tal-użu u tal-istandards, il-faċilità tal-użu għall-utent, u s-sigurtà.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tibqa’ tiffaċilita t-testijiet u d-dimostrazzjonijiet f’oqsma magħżula, pereżempju għall-iskjerament fuq skala kbira ta’ mobbiltà konnessa u awtomatizzata fuq kurituri transfruntieri diġitali. Il-ħidma fuq dawn il-kurituri toħroġ mill-Ittra ta’ Intenzjoni ffirmata minn 29 Stat Membru u pajjiżi taż-ŻEE, mill-Frankfurt Round Table mal-industrija u mal-Istati Membri, u mill-Jum Diġitali 2018, fejn dawn l-azzjonijiet ġew iffirmati mill-Istati Membri tal-UE, mill-pajjiżi taż-ŻEE u mill-partijiet konċernati rilevanti tal-industrija. Fost l-oħrajn, l-esperjenza b’dawn il-kurituri se tittestja l-mezzi ġuridiċi u tekniċi għall-aċċess għad-dejta fil-vetturi u għal dejta kummerċjali rilevanti oħra, u għall-użu mill-ġdid tagħhom, fl-ekosistema tal-mobbiltà konnessa u awtomatizzata u l-esperjenzi jistgħu jikkontribwixxu għal aktar gwida mill-UE li tindirizza dan l-aspett tas-Suq Uniku Diġitali.

b) L-aċċess għad-dejta tas-settur privat għal finijiet ta’ interess pubbliku – il-qsim tad-dejta bejn in-negozji u l-gvern (B2G)

Il-Kummissjoni qed teżamina wkoll il-qsim tad-dejta bejn in-negozji u s-settur pubbliku. Il-korpi tas-settur pubbliku bdew jivvalutaw il-potenzjal ta’ analitika tad-dejta biex jiġu gwidati d-deċiżjonijiet politiċi jew jitjiebu s-servizzi pubbliċi billi jintużaw għadd sinifikanti ta’ proġetti pilota.

Id-dejta miżmuma mill-kumpaniji, bħall-operaturi tat-telekomunikazzjoni, il-pjattaformi online, il-manifatturi tal-karozzi, il-bejjiegħa bl-imnut jew il-midja soċjali hija rilevanti ħafna f’dan il-kuntest. Pereżempju l-użu tagħha jista’ jwassal għal rispons aktar immirat għall-epidemiji, ippjanar urban aħjar, aktar sikurezza fit-toroq u immaniġġar tat-traffiku aħjar, kif ukoll titjib fil-protezzjoni ambjentali, fis-sorveljanza tas-suq u fil-protezzjoni tal-konsumaturi.

Meta tkun qed tinġabar l-istatistika uffiċjali, l-analiżi ta’ din id-dejta tista’ tkun aktar kosteffiċjenti u tipproduċi riżultati aktar malajr fuq aspetti bħalma huma l-movimenti tal-popolazzjoni, il-prezzijiet, l-inflazzjoni, l-ekonomija tal-internet, l-enerġija jew it-traffiku. Din tista’ tnaqqas ukoll il-piż minn fuq il-kumpaniji u ċ-ċittadini għax tevita l-istħarriġiet bi kwestjonarji. Il-Komunikazzjoni tal-2017 “Il-Bini ta’ Ekonomija Ewropea tad-Dejta” 43 tiddiskuti dawn l-opportunitajiet, u fir-rieżami nofsani tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tkompli tesplora din il-kwistjoni.

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni li saret fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l‑użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku 44 juru appoġġ għall-idea ta’ titjib fl-aċċess għad-dejta tas-settur privat għall-awtoritajiet pubbliċi u għal skopijiet xjentifiċi ġenerali. Iżda d-detenturi tad-dejta saħqu fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati għadd ta’ kwistjonijiet, fosthom il-kumpens, li permezz tagħhom ikunu jistgħu jiġu rkuprati l-investimenti li saru fil-ġbir u fl-adattament tad-dejta.

Kull azzjoni meħuda f’dan ir-rigward għandha tkun konformi bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali.

Filwaqt li titqies l-esperjenza eżistenti u r-riżultati tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati, il-Kummissjoni hi tal-fehma li r-rispett lejn dawn li l-prinċipji ewlenin li ġejjin jista’ jappoġġa l-forniment ta’ dejta tas-settur privat lil korpi tas-settur pubbliku b’kundizzjonijiet preferenzjali għall-użu mill-ġdid.

a)    Il-proporzjonalità fl-użu tad-dejta tas-settur privat: It-talbiet għall-forniment ta’ dejta tas-settur privat b’kundizzjonijiet preferenzjali għall-użu mill-ġdid jenħtieġ jiġu ġġustifikati b’interess pubbliku ċar u dimostrabbli. It-talba għal dejta tas-settur privat jenħtieġ tkun adegwata u rilevanti għall-iskop maħsub ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonat mil-lat ta’ dettalji, rilevanza u protezzjoni tad-dejta. L-ispiża u l-isforz meħtieġa għall-forniment u l-użu mill-ġdid tad-dejta tas-settur privat jenħtieġ ikunu raġonevoli meta mqabbla mal-benefiċċji pubbliċi mistennija.

b)    Limitazzjoni tal-iskop: L-użu tad-dejta tas-settur privat jenħtieġ jiġi limitat b’mod ċar għal wieħed jew diversi skopijiet li jridu jiġu speċifikati b’mod ċar kemm jista’ jkun fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jistabbilixxu l-kollaborazzjoni bejn in-negozji u l-gvern. Dawn jistgħu jinkludu limitazzjoni b’rabta mat-tul taż-żmien għall-użu ta’ din id-dejta. Il-kumpanija tas-settur privat jenħtieġ tirċievi assigurazzjonijiet speċifiċi li d-dejta miksuba mhux se tintuża għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji mhux relatati; id-dispożizzjonijiet legali u etiċi stretti li jirregolaw il-kunfidenzjalità tal-istatistika fis-Sistema Statistika Ewropea jistgħu jservu bħala mudell f’dan ir-rigward.

c)    “Tagħmilx ħsara”: Kollaborazzjoni bejn negozju u l-gvern b’rabta mad-dejta jenħtieġ tiżgura li jiġu rispettati l-interessi leġittimi, l-aktar il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u informazzjoni oħra kummerċjalment sensittiva. Kollaborazzjoni bejn negozju u l-gvern b’rabta mad-dejta jenħtieġ tippermetti li l-kumpaniji jibqgħu jkunu jistgħu jimmonetizzaw l-għarfien miksub mid-dejta inkwistjoni fir-rigward ta’ partijiet interessati oħrajn.

d)    Kundizzjonijiet għall-użu mill-ġdid tad-dejta Kollaborazzjoni bejn negozju u l-gvern b’rabta mad-dejta jenħtieġ tara li tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat filwaqt li tagħraf l-għan aħħari ta’ interess pubbliku billi tagħti trattament preferenzjali lill-korp tas-settur pubbliku fuq klijenti oħrajn.

Jenħtieġ li din toħroġ fid-dieher b’mod partikolari fil-livell ta’ kumpens miftiehem billi dan ikun jista’ jintrabat mal-iskop maħsub ta’ interess pubbliku.

Jenħtieġ li kollaborazzjoni bejn negozju u l-gvern li tinvolvi l-istess awtoritajiet pubbliċi li jwettqu l-istess funzjonijiet, tiġi trattata b’mod mhux diskriminatorju.

Kollaborazzjoni bejn negozju u l-gvern jenħtieġ tnaqqas il-bżonn ta’ tipi oħra ta’ ġbir tad-dejta, bħall-istħarriġiet. Dan jenħtieġ inaqqas il-piż ġenerali minn fuq iċ-ċittadini u l-kumpaniji.

e)    Intaffu l-limitazzjonijiet tad-dejta tas-settur privat: Biex jindirizzaw il-limitazzjonijiet potenzjali tad-dejta tas-settur privat, inkluż il-preġudizzju inerenti potenzjali, il-kumpaniji li jfornu d-dejta jenħtieġ jagħtu appoġġ raġonevoli u proporzjonat biex jgħinu fil-valutazzjoni tal-kwalità tad-dejta għall-iskopijiet speċifikati, inkluż permezz tal-possibbiltà li jawditjaw jew inkella jivverifikaw id-dejta, meta dan ikun xieraq. Jenħtieġ li l-kumpaniji ma jintalbux itejbu l-kwalità tad-dejta inkwistjoni. Min-naħa tagħhom, il-korpi pubbliċi jenħtieġ jiżguraw li d-dejta mingħand sorsi differenti tiġi pproċessata b’mod li tkun evitata l-possibbiltà ta’ “preġudizzju fl-għażla”.

f)    It-trasparenza u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà: Kollaborazzjoni bejn negozju u l-gvern jenħtieġ tkun trasparenti dwar il-partijiet għall-ftehim u l-għanijiet tagħhom. L-intwizzjonijiet tal-korpi pubbliċi u l-aqwa prattiki tal-kollaborazzjoni bejn negozju u l-gvern jenħtieġ ikunu disponibbli għall-pubbliku sakemm dawn ma jkunux jikkompromettu l-kunfidenzjalità tad-dejta.

Il-Kummissjoni se torganizza diskussjoni ta’ livell għoli dwar l-aċċess għad-dejta tas-settur privat għal raġunijiet ta’ interess pubbliku li tirrifletti aktar dwar dan is-suġġett. F’ċerti oqsma se tingħata attenzjoni xierqa lil-livell avvanzat ta’ maturità tad-diskussjoni, pereżempju fejn jidħol l-użu mill-ġdid ta’din id-dejta għal statistika uffiċjali. Il-prinċipji msemmija hawn fuq se jiġu proposti bħala bażi għal aktar diskussjonijiet mal-partijiet konċernati. Il-Kummissjoni se tibqa’ tivvaluta jekk dawn il-miżuri jurux li huma biżżejjed biex jiffaċilitaw il-qsim tad-dejta bejn negozju u l-gvern u se tindirizza s-sitwazzjoni jekk ikun meħtieġ billi tieħu azzjoni xierqa, inkluż miżuri possibbli f’setturi speċifiċi.

5) Konklużjoni

F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ppreżentat miżuri li se jagħmluha eħfef għan-negozjanti u għas-settur pubbliku biex jaċċessaw u jużaw mill-ġdid id-dejta mingħand sorsi, setturi u dixxiplini differenti fl-UE. Flimkien mal-inizjattivi li diġà jeżistu, bħall-qafas regolatorju l-ġdid għall-protezzjoni tad-dejta personali li jidħol fis-seħħ f’Mejju 2018, mal-proposta dwar il-fluss liberu tad-dejta mhux personali u mal-inizjattivi li jagħtu spinta lill-konnettività u l-inkoraġġiment ta’ computing ta’ prestazzjoni għolja, dawn il-miżuri se joħolqu spazju tad-dejta komuni tassew Ewropew u mwieżen b’miżuri ta’ politika fil-livell tal-UE u b’finanzjament immirat tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dawn hemm bżonnhom għat-tkabbir ekonomiku u għall-kompetittività tal-UE.

Il-Kummissjoni tappella lill-koleġiżlaturi biex jaħdmu għal adozzjoni malajr tal-element leġiżlattiv tal-pakkett dwar id-dejta propost 45 biex ikun żgurat li l-UE tkun tista’ tgawdi bis-sħiħ mill-opportunitajiet li toffri l-ekonomija tad-dejta. Tappella wkoll lill-Istati Membri u kull parti konċernata oħra biex jikkontribwixxu għall-miżuri u l-inizjattivi mħabbra.

(1)

Minn 1,99 % tal-PDG fl-2016 għal 4 % fl-2020, IDC 2017, ir-Rapport Finali tal-European Data Market Study.

(2)

ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(3)

COM(2017) 495 final.

(4)

COM(2017) 9 final.

(5)

  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/public-consultation-building-european-data-economy  

(6)

COM(2017) 228 final.

(7)

COM(2018) 234.

(8)

C(2018) 2375.

(9)

SWD(2018) 125.

(10)

Organizzazzjonijiet li l-attività ewlenija tagħhom hi li jipproduċu prodotti, servizzi u teknoloġiji relatati mad-dejta.

(11)

L-OECD, Data-driven innovation. Big Data for Growth and Well-being, 2015.

(12)

Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal dwar l-evalwazzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Makkinarju u tad-Direttiva dwar ir-Responsabilità għall-Prodotti Difettużi, u Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar ir-responsabbiltà għal teknoloġiji diġitali emerġenti.

(13)

SWD(2018) 127.

(14)

  Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku .

(15)

  https://www.europeandataportal.eu/  

(16)

  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/833/UE dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni .

(17)

  https://data.europa.eu/euodp/en/home  

(18)

COM(2018) 234.

(19)

Il-problema prinċipali ta’ dawn l-arranġamenti hi li fil-prattika dawn iwasslu biex ftit utenti jużaw id-dejta mill-ġdid, u għalhekk din il-limitazzjoni fl-użu mill-ġdid mhix dovuta għall-ispeċifiċitajiet tas-suq iżda għall-mod kif ikun ġie konkluż l-arranġament pubbliku privat. Iż-żieda fit-trasparenza tal-proċess għandha l-għan li tillimita “il-vantaġġ eċċessiv tal-innovatur” billi a) tippermetti li kull kumpanija tkun taf dwar id-dejta disponibbli u b) iżżid il-possibbiltà ta’ firxa usa’ ta’ utenti li jużaw id-dejta inkwistjoni mill-ġdid.

(20)

  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9/KE tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases .

(21)

SWD(2018) 146.

(22)

Bażi tad-dejta bħala sors wieħed tfisser li ma jkun hemm l-ebda sors ieħor tad-dejta għajr bażi tad-dejta waħda.

(23)

SWD(2018) 145.

(24)

  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 .

(25)

  http://data.europa.eu/europeandataportal .

(26)

  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/connecting-europe-facility-cef-telecom-work-programme-2018-adopted .

(27)

  https://cohesiondata.ec.europa.eu .

(28)

COM(2018) 22 final.

(29)

http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9526-2016-INIT/en/pdf.

(30)

 SWD(2018) 83 final.

(31)

C(2012) 4890 final.

(32)

COM(2016) 178 final.

(33)

COM(2017) 228 final.

(34)

C(2018) 2375.

(35)

COM(2018) 234.

(36)

SWD(2018) 125 “Gwida dwar il-kondiviżjoni tad-dejta fis-settur privat fl-ekonomija Ewropea tad-dejta” li fiha żewġ partijiet: waħda li tittratta l-qsim tad-dejta bejn in-negozji (B2B), u waħda li tindirizza l-qsim tad-dejta bejn in-negozji u l-gvern (B2G).

(37)

  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/public-consultation-building-european-data-economy  

(38)

COM(2017) 9 final, p. 11.

(39)

Eż. Id-dejta ġġenerata mir-robots fil-kuntest tal-proċessi industrijali, rilevanti għall-forniment tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ (eż. it-tiswija u l-manutenzjoni), jew id-dejta dwar l-għoti tar-rata tal-klassifika tal-fornituri tas-servizzi.

(40)

COM(2016) 180 final.

(41)

  http://ec.europa.eu/research/participants/data/ref/h2020/wp/2018-2020/main/h2020-wp1820-leit-ict_en.pdf .

(42)

SWD(2018) 125.

(43)

Ara wkoll: Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, SWD(2017) 2 final.

(44)

COM(2018) 234.

(45)

COM(2018) 234.

Top