EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0044

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 94/80/KE dwar id-dritt tal-vot u tal-kandidatura f'elezzjonijiet muniċipali

COM/2018/044 final

Brussell, 25.1.2018

COM(2018) 44 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 94/80/KE dwar id-dritt tal-vot u tal-kandidatura f'elezzjonijiet muniċipali


1.    Introduzzjoni

Il-futur tal-Ewropa jiddependi mill-ħila tan-nies tagħha li jħaddnu l-valuri komuni li jgħaqqduhom flimkien: id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. L-elezzjonijiet liberi u ġusti huma espressjoni bażika tad-demokrazija, u l-elezzjonijiet fl-UE jridu jsegwu l-ogħla standards demokratiċi. Bħala President tal-Kummissjoni, Juncker iddikjara fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru 2017 1 li issa wasal iż-żmien biex tinbena Ewropa aktar magħquda, b'saħħitha u demokratika għall-2025.

Il-gvern muniċipali u lokali hu l-livell ta’ governanza li hu l-eqreb għaċ-ċittadini Ewropej u parti essenzjali mill-ħajja politika Ewropea li taffettwa lin-nies direttament. Il-parteċipazzjoni demokratika fl-elezzjonijiet muniċipali tirrifletti involviment akbar fil-komunità lokali. Din hi marbuta wkoll ma’ inklużjoni aħjar fis-soċjetà, ma’ sens ta’ appartenenza u ma’ involviment demokratiku akbar. Madankollu, iċ-ċittadini tal-UE li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jmorru u jirresjedu liberament fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri (“ċittadini mobbli tal-UE”) jissugraw li jinqatgħu mill-kultura politika lokali meta jbiddlu l-pajjiż fejn jgħixu.

1.1.Id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet muniċipali

Iċ-ċittadinanza tal-UE tagħti lil kull ċittadin tal-UE d-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali u tal-Parlament Ewropew irrispettivament minn jekk dan ikunx ċittadin tal-pajjiż tal-UE fejn jirresjedi, u dan bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali. Din l-inizjattiva hi mnaqqxa fl-Artikolu 22(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 2 . L-arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huma stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE (“id-Direttiva”) 3 .

Madankollu, jeżistu żewġ restrizzjonijiet. L-ewwel nett, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ċ-ċittadini tiegħu stess biss huma eliġibbli li joħorġu bħala kandidati għal mexxejja tal-korp eżekuttiv ta’ unità tal-gvern lokali bażika 4 . It-tieni, jekk aktar minn 20 % tal-popolazzjoni eliġibbli tivvota jkunu barranin, Stat Membru jista’ jitlob perjodu addizzjonali ta’ residenza biex wieħed jieħu sehem fl-elezzjonijiet muniċipali.

1.2.Kontenut tar-rapport

B’dan it-tielet rapport 5 , li jagħti segwitu għar-rapport tal-2017 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE, il-Kummissjoni tieħu inkonsiderazzjoni kemm fil-fatt iċ-ċittadini tal-UE eżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza mill-2012 ’l hawn.

Fil-parti l-kbira tiegħu r-rapport hu bbażat fuq data li l-Istati Membri pprovdew direttament fi kwestjonarju mibgħut lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. Il-kwestjonarju fittex li jsib informazzjoni dwar id-daqs tal-elettorat mobbli fost iċ-ċittadini tal-UE f’kull Stat Membru u dwar ir-rappreżentazzjoni ta’ dawn fir-reġistri elettorali għall-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. Tfittxet ukoll informazzjoni dwar kemm ħarġu jivvutaw minn dawn iċ-ċittadini fl-aktar elezzjonijiet muniċipali riċenti u dwar x’sar biex it-tali ammont ta’ nies jiġu mħeġġa biex jivvutaw. Din l-informazzjoni ngħaqdet u ġiet ikkomplimentata ma’ data oħra tal-Kummissjoni. Peress li r-reġistri elettorali u tal-popolazzjoni nazzjonali u muniċipali lkoll għandhom il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, ma kienx hemm data disponibbli fil-każijiet kollha.

2.    Is-sensibilizzazzjoni u l-parteċipazzjoni

Mindu l-moviment liberu tnaqqax għall-ewwel darba fit-Trattati, sar ferm aktar faċli li wieħed jgħix, jaħdem, jistudja u jivvjaġġa fl-Unjoni Ewropea. L-akbar numru assolut ta’ ċittadini mobbli tal-UE nstab fil-Ġermanja, fir-Renju Unit, fi Franza, fi Spanja u fl-Italja. L-akbar ishma mill-popolazzjoni totali rrappreżentati minn ċittadini mobbli tal-UE kienu fil-Lussemburgu, f’Ċipru, fl-Irlanda, fil-Belġju u fl-Awstrija.



Illustrazzjoni 1: Il-popolazzjoni fl-01.01.2016 ta’ ċittadini mobbli tal-UE ta’ età eliġibbli għall-vot (15-il sena u akbar) għal kull Stat Membru 6

Data tal-Eurostat għall-2016 dwar il-popolazzjoni skont il-grupp ta’ età, is-sess u ċ-ċittadinanza [migr_pop1ctz], meħuda fil-31.10.17. 

Ħafna minn dawn iċ-ċittadini mobbli tal-UE jirresjedu f’ċentri urbani, iżda anki barra l-ibliet ewlenin, fejn l-opportunitajiet tax-xogħol jaġixxu bħala fattur deċiżiv 7 . Il-pajjiżi ewlenin tan-nazzjonalità taċ-ċittadini mobbli huma diversi u jvarjaw minn pajjiż għal ieħor u minn post għal ieħor. F’ċerti postijiet, bħaż-żoni tal-fruntieri, nazzjonalità waħda jew ftit nazzjonalitajiet biss huma rrappreżentati; f’postijiet oħra l-istampa hi aktar kumplessa.

Iċ-ċittadini tal-UE jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirresjedu fi Stati Membri oħra, speċjalment biex jaħdmu. Dawn ibiddlu l-pajjiż ukoll biex jistudjaw, jirtiraw jew jingħaqdu ma’ membri tal-familja. Ħafna ċittadini mobbli tal-UE ma jiħdux iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti 8 iżda jistgħu jinvestu ħafna minn ħajjithom u mir-riżorsi tagħhom hemmhekk.

1.3.Sensibilizzazzjoni dwar id-dritt tal-vot jew tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali

Stħarriġiet riċenti tal-Ewrobarometru jindikaw li 87 % taċ-ċittadini tal-UE mhumiex familjari mat-terminu “Ċittadin tal-Unjoni Ewropea” 9 . Bħala medja, 54 % taċ-ċittadini tal-UE jafu dwar id-dritt tagħhom li jivvutaw u li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. Dan hu tnaqqis sinifikanti meta mqabbel mal-2012 10 u jista’ jiġi osservat fl-Istati Membri kollha (ħlief fil-Kroazja, li għaliha ma hemm ebda data disponibbli għall-2012). Filwaqt li l-għarfien dwar dan id-dritt hu sostanzjalment ogħla issa milli kien fl-2007, meta kien fl-anqas livell tiegħu (37 %), dan naqas f’aktar minn nofs tal-Istati Membri mill-2010 ’l hawn.

Illustrazzjoni 2: Sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet elettorali fl-UE fost iċ-ċittadini, 2007-2015

Ċittadin tal-UE li jgħix f’[PAJJIŻNA], għandu d-dritt li jivvota jew li jikkandida ruħu fl-elezzjonijiet muniċipali — Veru

Sors: Ewrobarometru Flash Nru 430 dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea (Marzu 2016)

1.4.Parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet muniċipali

Fost aktar minn 16-il miljun ċittadin mobbli tal-UE fl-2016, kważi 14-il miljun għalqu l-età tal-vot u huma eliġibbli biex jivvtaw. Dawn kienu jirrappreżentaw 3,25 % tal-popolazzjoni eliġibbli għall-vot.

L-għadd ta’ ċittadini mobbli tal-UE ta’ età tal-vot żdied b’mod sinifikanti f’ħafna Stati Membri mindu ħareġ ir-rapport tal-2012. Mill-2014 ’l hawn 11 , l-Istati Membri esperjenzaw żieda f’dan il-grupp tal-popolazzjoni, u n-numru ġenerali żdied bi 11,1 % (minn 12,6 għal kważi 14-il miljun) 12 .

Biex jieħu sehem f'elezzjoni muniċipali, ċittadin irid ikun irreġistrat fir-reġistru elettorali. Madankollu, huma ftit iċ-ċittadini mobbli li jidhru li eżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom fl-elezzjonijiet muniċipali fis-snin riċenti fl-istati ta’ residenza tagħhom — filwaqt li ċ-ċifri relatati mal-ammont ta’ votanti fl-elezzjonijiet muniċipali kienu disponibbli biss għall-ftit stati li jiġbru din id-data, ir-rati baxxi ta’ reġistrazzjoni tal-votanti fl-istati li pprovdew id-data jissuġġerixxu li dan hu l-każ 13 . In-numru baxx ta’ Stati Membri li jistgħu jipprovdu data jagħmilha diffiċli li jinħarġu konklużjonijiet ulterjuri. L-Illustrazzjonijiet 3 u 4 jippruvaw jipprovdu l-aktar stampa sħiħa possibbli tar-reġistrazzjoni billi jużaw data tal-Eurostat u t-tweġibiet tal-kwestjonarju bħala bażi.

Il-formalitajiet biex iċ-ċittadini mobbli tal-UE jirreġistraw fuq ir-reġistru elettorali jvarjaw 14 . Fuq il-portal tal-Kummissjoni L-Ewropa Tiegħek, iċ-ċittadini mobbli faċilment jistgħu jsibu informazzjoni aċċessibbli dwar dawn il-formalitajiet elettorali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

Fl-Istati Membri fejn ir-reġistrazzjoni fir-reġistru elettorali mhix awtomatika, id-data pprovduta wriet li 18,5 % biss miċ-ċittadini mobbli tal-UE li kienu residenti talbu li jiddaħħlu fir-reġistri elettorali. Il-perċentwal ta’ ċittadini mobbli tal-UE fuq ir-reġistru elettorali jiżdied b'aktar mid-doppju għal 51,2% fl-Istati Membri li jużaw ir-reġistrazzjoni awtomatika. Ċerti Stati Membri li jipprattikaw ir-reġistrazzjoni awtomatika jobbligaw liċ-ċittadini mobbli jirreġistraw ir-residenza tagħhom, filwaqt li oħrajn ma jagħmlux dan. Għaldaqstant, fl-Istati Membri fejn ir-reġistrazzjoni mhix obbligatorja, l-għadd ta’ ċittadini mobbli tal-UE fir-reġistru elettorali jvarja mill-għadd ta’ ċittadini mobbli tal-UE li huma residenti.



Illustrazzjoni 3: Il-perċentwal ta’ ċittadini mobbli tal-UE rreġistrati biex jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali (l-Istati Membri bl-abjad ma jirreġistrawx iċ-ċittadini b’mod awtomatiku)

Din it-tabella tħejjiet bid-data tal-Eurostat għall-popolazzjoni taċ-ċittadini tal-UE mobbli b'età tal-vot għal kull Stat Membru, minħabba li f'bosta każijiet, id-data tal-popolazzjonijiet tal-vot irrappurtati għall-kwestjonarju tagħna ma kinitx konsistenti mad-data tal-Eurostat. Madankollu, dan ta riżultati irrazzjonali f'erba' każijiet. Hawn taħt hawn ukoll graff li tuża d-data tal-popolazzjoni oriġinali.

Fuq il-bażi tad-data tal-Eurostat għall-2016 dwar il-popolazzjoni skont il-grupp ta’ età, is-sess u ċ-ċittadinanza [migr_pop1ctz], meħuda fil-31.10.17 u fuq id-data pprovduta mill-Istati Membri

Illustrazzjoni 4: Il-perċentwal ta’ ċittadini mobbli tal-UE rreġistrati biex jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali (l-Istati Membri bl-abjad ma jirreġistrawx iċ-ċittadini b’mod awtomatiku — id-data tal-Istati Membri biss)

 

Fuq il-bażi tad-data tal-Istati Membri biss (Data dwar ir-reġistrazzjoni biss ġiet ipprovduta għall-Portugall).

Ftit li xejn hemm data disponibbli dwar l-għadd ta’ ċittadini tal-UE li huma barranin li joħorġu bħala kandidati. Mal-20 Stat Membru indikaw li t-tali data mhix miġbura jew diffiċli li tinkiseb.

Spanja rrapportat l-akbar numru ta’ ċittadini tal-UE li huma barranin li joħorġu bħala kandidati: Mal-1 913-il ċittadin mobbli tal-UE ħarġu għall-elezzjoni hemmhekk.

Illustrazzjoni 5: Ċittadini mobbli tal-UE li ħarġu bħala kandidati u li ġew eletti fl-Istat ta’ residenza tagħhom

Abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri. (Mhix disponibbli d-data għall-kandidati eletti fi Spanja)

L-akbar perċentwali ta’ ċittadini mobbli tal-UE eletti meta mqabbla ma’ dawk li ħarġu bħala kandidati kienu f’Malta (22,2 %) u fl-Iżvezja (20,8 %). Bħala medja, ġew eletti 15,5 % taċ-ċittadini tal-UE li ppreżentaw il-kandidatura tagħhom fl-elezzjonijiet muniċipali tal-Istat Membru ospitanti tagħhom.

3.    Implimentazzjoni tad-Direttiva

1.5.Aġġornament dwar it-traspożizzjoni

Seba’ Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni ġdida dwar it-traspożizzjoni mindu ħareġ l-aħħar rapport 15 . Il-livell ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri kollha jidher li hu ġeneralment sodisfaċenti. Kważi l-kwistjonijiet kollha relatati mat-traspożizzjoni tad-Direttiva ġew riżolti b’suċċess, minkejja li hemm xi kwistjonijiet relatati mat-traspożizzjoni mhux korretta jew mhux kompluta, li jistgħu jirrappreżentaw ostaklu għall-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet elettorali, li għadhom qed jiġu diskussi ma’ Stati Membri speċifiċi.

Definizzjonijiet u prinċipji komuni

L-Istati Membri ttrasponew b’mod effettiv id-definizzjonijiet tat-termini fl-Artikolu 2 16 tad-Direttiva. Ġew adottati prattiki differenti fil-livell nazzjonali, primarjament għad-definizzjoni ta’ “reġistru elettorali”. Il-leġiżlazzjoni ta’ ċerti Stati Membri tistabbilixxi reġistru separat (Ċipru) jew parti mir-reġistru (il-Bulgarija, il-Polonja, Franza, l-Italja, ir-Repubblika Ċeka u r-Rumanija) għaċ-ċittadini mobbli tal-UE.

Il-benefiċjarji tad-dritt tal-vot

Ċerti Stati Membri kienu ttrasponew b’mod mhux korrett l-Artikolu 3 tad-Direttiva u kienu jirrikjedu li ċ-ċittadini mobbli tal-UE jkollhom residenza permanenti għal ħames (5) snin biex jivvutaw jew joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali. Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-Istati Membri kollha emendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u neħħew kwalunkwe rekwiżit bħal dan 17 . Fi Stat Membru partikolari, iċ-ċittadini mobbli tal-UE mingħajr indirizz fiss ma setgħux jirreġistraw biex jivvutaw, anki jekk iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru setgħu. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tbiddlet u l-kwistjoni ġiet solvuta.

Il-kundizzjonijiet tar-residenza

L-Artikolu 4 tad-Direttiva jistabbilixxi li meta ċ-ċittadini ta’ Stat Membru jkollhom jirresjedu fit-territorju ta’ dak l-Istat għal ċertu perjodu minimu biex jivvutaw u joħorġu għall-elezzjoni, dawn jitqiesu li ssodisfaw dik il-kundizzjoni jekk ikunu rrisjedew għal perjodu ekwivalenti fi Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni għadha qed tivvaluta kif din id-dispożizzjoni qed tiġi implimentata minn Stat Membru partikolari.

Esklużjonijiet speċfiċi

Id-Direttiva tippermetti li l-Istati Membri jċaħħdu liċ-ċittadini mid-dritt tagħhom li joħroġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali jekk, permezz ta’ deċiżjoni individwali, dawn ikunu ġew imċaħħda mid-dritt tagħhom li joħorġu bħala kandidati skont il-liġi tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom.

L-inkompatibilità tal-mandati

Il-persuni li joħorġu bħala kandidati huma soġġetti għall-istess kundizzjonijiet dwar l-inkompatibilità bħal dawk li japplikaw għaċ-ċittadini tal-Istat Membru ta’ residenza. Din id-dispożizzjoni tidher li ġiet trasposta kif suppost fl-Istati Membri kollha.

Il-kundizzjonijiet ġenerali għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot

L-Artikolu 7 jipprevedi li ċ-ċittadini tal-UE jistgħu jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza jekk dawn jitolbu hekk. Ħafna mill-Istati Membri jadottaw sistema favorevoli ta’ reġistrazzjoni awtomatika fuq ir-reġistru elettorali 18 .

It-tniżżil fir-reġistru elettorali

L-Istati Membri jridu jissodisfaw ċerti obbligi stabbiliti mid-Direttiva biex jagħmluha faċli għaċ-ċittadini mobbli tal-UE biex jirreġistraw fir-reġistru elettorali.

B’mod partikolari, l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri neċessarji biex il-votanti jkunu jistgħu jiddaħħlu fir-reġistru elettorali minn biżżejjed żmien qabel jum il-votazzjoni. Barra minn hekk, ċittadini barranin li jitolbu li jiddaħħlu fir-reġistru elettorali jenħtieġ li jkollhom jipprovdu biss l-istess dokumenti bħal ċittadin nazzjonali. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lil ċittadin barrani biex jipproduċi dokument tal-identità validu, flimkien ma’ dikjarazzjoni formali li tiddikjara ċ-ċittadinanza tiegħu, u l-indirizz tiegħu fl-Istat Membru ta’ residenza.

Id-dokumenti ta’ sostenn għall-kandidatura

Iċ-ċittadini tal-UE intitolati li joħorġu bħala kandidati jenħtieġ li jkollhom jipproduċu biss l-istess dokumenti ta’ sostenn bħaċ-ċittadini nazzjonali. Numru limitat ta’ dokumenti fakultattivi jistgħu jkunu meħtieġa mill-Istati Membri apparti dikjarazzjoni formali li tiddikjara n-nazzjonalità u l-indirizz fl-Istat Membru ta’ residenza.

Ma tkunx konformi mad-Direttiva leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi s-sottomissjoni ta’ ċertifikat mill-Istat Membru tad-domiċilju li jikkonferma li ċ-ċittadin ma ġiex imċaħħad mid-dritt li joħroġ bħala kandidat. Ċertifikat bħal dan jista’ jintalab biss jekk ikun hemm dubju dwar l-awtentiċità tad-dikjarazzjoni. Inkella, dan ikun jikkostitwixxi piż addizzjonali fuq iċ-ċittadini mobbli tal-UE. Ir-rekwiżit tan-numru ta’ referenza ta’ ċertifikat ta’ residenza lanqas ma tkun konformi mad-Direttiva. Il-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra Stat Membru li impona rekwiżiti addizzjonali bħal dawn, li warajhom il-leġiżlazzjoni nazzjonali ġiet emendata u saret konformi mad-Direttiva.

Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-Istati Membri

Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istat Membru tar-residenza jgħarraf liċ-ċittadini mobbli tal-UE dwar il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti ddettaljati biex jeżerċitaw id-drittijiet elettorali fl-elezzjonijiet muniċipali “fi żmien adegewat u b’mod xieraq”. In-Netherlands, bħala membru tal-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet elettorali, ipproponew formola multilingwi biex tagħmel dan l-iskambju tal-informazzjoni eħfef. Bħalissa l-formola qed tiġi kkunsidrata minn esperti ta' Stati Membri oħra.

B’mod partikolari, iċ-ċittadini mobbli għandhom id-dritt li jiġu infurmati dwar l-azzjoni meħuda fuq l-applikazzjonijiet tagħhom biex jiddaħħlu fir-reġistru elettorali jew joħorġu bħala kandidati. Jekk talba għat-tniżżil fir-reġistru elettorali jew għall-kandidatura tiġi miċħuda mill-Istat Membru ta’ residenza, id-Direttiva tirrikjedi li ċ-ċittadini mobbli jingħataw l-istess rimedji legali bħaċ-ċittadini nazzjonali.

L-Istati Membri kollha kkomunikaw azzjonijiet u inizjattivi istituzzjonali biex jinfurmaw liċ-ċittadini dwar id-drittijiet elettorali tagħhom, u b’hekk implimentaw dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

Derogi, fejn iġġustifikati mis-sitwazzjoni speċifika ta’ Stat Membru

L-Artikolu 12 tad-Direttiva jippermetti eċċezzjonijiet għall-prinċipju tat-trattament ugwali fejn dan ikun iġġustifikat minn problemi speċifiċi għal Stat Membru. Stat Membru fejn is-sehem ta’ ċittadini mobbli tal-UE ta’ età eliġibbli għall-vot jaqbeż l-20 % tal-elettorat totali jista’ jenħtieġ li kemm il-votanti kif ukoll il-kandidati jkollhom perjodu minimu ta’ residenza. Jista’ jieħu wkoll miżuri biex jimmodifika s-sura tal-listi ta’ kandidati. Jagħmel dan biex jintegra aħjar lill-barranin u jevita l-polarizzazzjoni bejn il-listi ta’ kandidati “nazzjonali” u “barranin”.

Il-Lussemburgu hu l-uniku Stat Membru li juża din id-deroga. Dan jagħti d-dritt tal-vot biss lil ċittadini mobbli tal-UE li kellhom id-domiċilju legali tagħhom fil-Lussemburgu u li rrisjedew hemm mill-inqas ħames (5) snin qabel ir-reġistrazzjoni. Il-Lussemburgu jirrikjedi ukoll li ċ-ċittadini mobbli tal-UE jkunu rrisjedew hemm mill-inqas ħames (5) snin qabel ma japplikaw biex joħorġu bħala kandidati. Skont il-proċedura stabbilita fid-Direttiva, il-Lussemburgu kkomunika lill-Kummissjoni x-xewqa tiegħu li jkompli juża din id-deroga. Skont id-data pprovduta mill-awtoritajiet tal-Lussumburgu, l-għadd ta’ ċittadini barranin tal-UE ta’ età eliġibbli għall-vot li bħalissa jgħixu fil-Lussumburgu kien ta’ 159 485. In-numru totali ta’ ċittadini tal-UE ta’ età eliġibbli għall-vot li jgħixu hemmhekk kien ta’ 481 358. Jirriżulta li l-proporzjon bejn tal-ewwel u tal-aħħar kien ta’ 33,1 %, lil hinn mil-limitu ta’ 20 % stipulat mid-Direttiva. Għalhekk, l-għotja ta’ deroga lil-Lussemburgu għadha ġustifikata.

1.6.Restrizzjoni ta’ wħud mill-funzjonijiet għaċ-ċittadini nazzjonali

Id-Direttiva tippermetti li l-Istati Membri jirrestrinġu għadd ta’ karigi fl-amministrazzjoni lokali għaċ-ċittadini proprji tagħhom, jiġifieri għal kap, deputat jew membru tal-kulleġġ governattiv tal-eżekuttiv ta’ unità tal-gvern lokali bażika. Dan japplika jekk iċ-ċittadin tal-Istat Membru jiġi elett b’mandat għal terminu sħiħ jew għall-eżekuzzjoni temporanja jew interim tal-funzjonijiet.

Fi żmien l-aħħar rapport fl-2012, 14-il Stat Membru 19 ma rrestrinġew l-ebda kariga fl-amministrazzjoni lokali tagħhom għaċ-ċittadini proprji tagħhom, u tliet (3) Stati Membri 20 imponew restrizzjonijiet għall-kapijiet fl-amministrazzjoni lokali tagħhom biss. Sitt Stati Membri rrestrinġew il-karigi kollha f’livell ogħla minn dak ta’ membru tal-kumitat eżekuttiv 21 , u żewġ (2) Stati Membri adottaw ir-restrizzjonijiet permessi kollha 22 . Mindu ħareġ dak ir-rapport, l-Ungerija u r-Rumanija nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar tibdil fil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni tagħhom li jneħħi r-restrizzjonijiet preċedenti.

Il-Kummissjoni evalwat l-attitudnijiet taċ-ċittadini dwar din il-kwistjoni. F’Ewrobarometru u f’konsultazzjoni pubblika mwettqa fl-2015 23 , il-Kummissjoni talbet liċ-ċittadini biex jagħtu l-fehmiet tagħhom. Iċ-ċifri tal-Ewrobarometru juru li nofs jaqblu u nofs ma jaqblux li ċ-ċittadini mobbli tal-UE jingħataw id-dritt li joħorġu bħala kandidati għal ċerti karigi eżekuttivi f’pajjiżhom: Mas-47 % jaħsbu li jenħtieġ li jingħataw u mat-48 % jaħsbu li ma għandhomx jingħataw.

Illustrazzjoni 6: Karigi li jistgħu jiġu eletti għalihom iċ-ċittadini tal-UE f’unitajiet tal-gvern lokali bażiċi

* L-Awstrija u l-Ġermanja huma repubbliki federali — id-dispożizzjonijiet ivarjaw skont l-istat federali.

Madankollu, aktar minn tmien rispondenti minn kull 10 (83 %) fil-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni fl-2015 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE kienu jaħsbu li ċ-ċittadini tal-UE li jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE jenħtieġ li jkunu jistgħu jsiru membri tal-korpi eżekuttivi ta’ muniċipalità.

Illustrazzjoni 7: Il-fehmiet taċ-ċittadini — jenħtieġ li ċ-ċittadini mobbli tal-UE jkunu jistgħu jsiru membri tal-korpi eżekuttivi ta’ muniċipalità fl-Istat Membru li jospitahom

1.7.Id-dritt ta' sħubija jew ta' twaqqif ta' partiti politiċi fl-Istat ta’ residenza

Skont il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, jenħtieġ li ċ-ċittadini tal-UE jgawdu minn drittijiet elettorali bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru fejn jirresjedu. Dan jirrikjedi, pereżempju, l-aċċess għall-istess proċeduri ta’ appell għal kwalunkwe omissjoni jew żball fir-reġistru elettorali jew fid-dikjarazzjoni tal-kandidatura jew fl-estensjoni tal-votazzjoni obbligatorja lill-barranin. Il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni jfisser ukoll li jenħtieġ li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-ħajja politika tal-Istat Membru ta’ residenza u jissieħbu f’partiti politiċi fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom.

Il-Kummissjoni daħlet f’kuntatt mal-Istati Membri u għadha qed tiddjaloga ma’ ċerti Stati Membri fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li ċ-ċittadini mobbli tal-UE jkollhom l-istess drittijiet għall-partiti politiċi. Għadd ta’ Stati Membri diġà emendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom. Għaddejjin diskussjonijiet ma’ oħrajn.

1.8.“Unitajiet tal-gvern lokali bażiċi” — id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva

Id-Direttiva tinkludi Anness b'lista ta’ definizzjonijiet nazzjonali ta’ “unità tal-gvern lokali bażika” 24 , li huwa l-mod li bih id-Direttiva tistabbilixxi x’inhi elezzjoni muniċipali fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni ġiet infurmata mid-Danimarka, l-Ungerija, l-Irlanda, ir-Renju Unit u in-Netherlands 25 li huma meħtieġa emendi u qed tħejji l-azzjoni neċessarja.

4.    L-iżgurar tal-appoġġ għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot

Għalkemm b’mezzi differenti, ħafna Stati Membri jwettqu attivitajiet biex jinfurmaw liċ-ċittadini mobbli tal-UE dwar id-drittijiet elettorali tagħhom fl-elezzjonijiet muniċipali 26 . Pereżempju, 10 Stati Membri jibagħtu skedi informattivi dwar il-votazzjoni jew ittri individwali li jinfurmaw liċ-ċittadini mobbli tal-UE dwar il-proċess elettorali. Għaxar Stati Membri jipprovdu informazzjoni elettorali fuq sit web uffiċjali. Il-Lussemburgu, Spanja u Malta jorganizzaw kampanji mmirati b’mod speċifiku għaċ-ċittadini barranin biex iqajmu s-sensibilizzazzjoni tal-elettorat. Il-Latvja u r-Renju Unit iddedikaw “linji telefoniċi għall-għajnuna”. Ħames stati jipprovdu informazzjoni f’fuljetti jew fil-gazzetti lokali.

Pereżempju, fl-Irlanda, l-awtoritajiet lokali f’Dublin ipprovdew appoġġ liċ-ċittadini mobbli tal-UE biex jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali tal-2014. Dawn kienu elezzjonijiet muniċipali u tal-Parlament Ewropew ikkombinati. Dawn użaw diversi tipi ta’ reklamar barra d-dar u ta’ informazzjoni online. Kampanja online mmirata lejn ir-residenti kollha — jiġifieri Irlandiżi u mhux Irlandiżi — biex tħeġġeġ liż-żgħażagħ fl-Irlanda jirreġistraw għall-vot. Il-fuljetti ġew ippubblikati wkoll fi 17-il lingwa biex jiġu spjegati r-reġistru u s-sistemi elettorali għar-reġistrazzjoni fil-pajjiż.

Ċerti Stati Membri għandhom prattiki speċifiċi biex gruppi speċifiċi joħorġu jivvutaw. F’Malta hemm faċilitajiet biex tkun eħfef għall-votanti b’diżabilità biex jivvutaw, inklużi ċittadini mobbli tal-UE (mudelli bil-braille tal-polza tal-votazzjoni, awdjorikorders fil-kabina tal-vot, u struzzjonijiet dwar il-votazzjoni miktubin u moqrijin bil-Malti u bl-Ingliż). L-Att dwar il-Kunsilli Lokali ġie emendat biex iċ-ċittadini nazzjonali u mobbli tal-UE li jirrisjedu fi djar tal-anzjani jivvutaw fid-djar tagħhom u biex il-pazjenti fl-isptarijiet jivvutaw mill-isptar tagħhom. Barra minn hekk, jekk dan ikun iġġustifikat, iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jivvutaw ġimgħa qabel Jum l-Elezzjoni 27 .

Il-Kummissjoni ħadet ukoll inizjattivi speċifiċi biex ittejjeb l-għarfien dwar id-drittijiet elettorali wkoll. Dawn jinkludu l-għoti ta’ informazzjoni liċ-ċittadini tal-UE permezz tal-portal L-Ewropa Tiegħek, li bħalissa jirċievi aktar minn 1,4 miljun żjara fix-xahar 28 .

Permezz tal-Programm ta' Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza, il-Kummissjoni allokat b’kollox EUR 3,5 miljuni f’għotjiet għal azzjoni għal proġetti fl-2014, fl-2016 u fl-2017 biex trawwem l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni b’suċċess taċ-ċittadini mobbli tal-UE fil-pajjiżi ospitanti tagħhom, inkluża l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet muniċipali. Il-proġetti twettqu minn organizzazzjonijiet madwar l-UE kollha u laħqu lil eluf kbar ta’ ċittadini mobbli tal-UE. .

Pereżempju, il-proġett “Welcome Europe” għaqqad il-bliet ta’ Amsterdam, ta’ Brussell, ta’ Copenhagen, ta’ Dublin, ta’ Gothernburg u ta’ Hamburg flimkien ma’ universitajiet u mas-settur mhux governattiv. Il-proġett, li sar bejn Jannar 2015 u Diċembru 2016, fittex li jħeġġeġ l-iskambju ta’ prattiki tajba dwar it-tfassil ta’ “politiki ta’ akkoljenza” għaċ-ċittadini mobbli tal-UE. Ir-riżultati tal-proġetti xxerrdu permezz ta’ sensiela ta’ konferenzi transnazzjonali u permezz tal-produzzjoni ta’ sett ta’ għodod 29 .

Il-proġett wera li kien importanti biex l-awtoritajiet muniċipali jinfurmaw attivament liċ-ċittadini mobbli tal-UE dwar id-drittijiet, id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom u dwar il-prattikalitajiet tal-ħajja fil-komunità l-ġdida tagħhom. Dan jista’ jsir, pereżempju, permezz ta’ punt uniku ta’ kuntatt u permezz ta’ fuljetti. Jenħtieġ li l-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-awtoritajiet muniċipali jsiru aċċessibbli għal nies li ma jkollhomx ħiliet perfetti fil-lingwa lokali. Jenħtieġ li l-awtoritajiet muniċipali jippruvaw jinkludu wkoll rappreżentanti ta’ gruppi ta’ ċittadini mobbli tal-UE f’korpi konsultattivi u fi gruppi ta’ diskussjoni lokali. Finalment, jenħtieġ li l-popolazzjoni lokali tkun imħeġġa tinteraġixxi maċ-ċittadini mobbli tal-UE li jgħixu fil-belt.

5.    Konklużjonijiet

Elezzjonijiet liberi u universali huma l-pedament ta’ governanza demokratika leġittima, u l-għoti ta’ appoġġ biex in-nies joħorġu jivvutaw f’kull livell tal-poter hu prijorità. Fir-rapport tal-2017 tagħha dwar iċ-ċittadinanza tal-UE, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jippromwovu l-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika billi jinfurmaw aħjar liċ-ċittadini dwar id-drittijiet elettorali tagħhom u billi jneħħu l-ostakli għall-parteċipazzjoni tagħhom. Dan kien appoġġat fil-Konklużjonijiet maħruġa mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-11 ta’ Mejju 2017 30 . Il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni huma mistennija jadottaw l-opinjoni tagħhom fuq ir-rapport dwar iċ-ċittadinanza tard fl-2017.

Iċ-ċittadini tal-UE qed imorru u jirresjedu dejjem aktar fi Stati Membri oħra. Mindu ħarġu ż-żewġ rapporti preċedenti, il-popolazzjoni taċ-ċittadini mobbli tal-UE rdoppjat, b’madwar 14-il miljun b’età eliġibbli għall-vot fl-2016, iżda l-livelli ta’ reġistrazzjoni tal-votanti għaċ-ċittadini mobbli tal-UE fl-elezzjonijiet muniċipali għadhom baxxi. In-numru ta’ nies li joħorġu jivvutaw hu sfida kontinwa għad-demokraziji kollha. In-numru baxx ħafna ta' dawk li ħarġu jivvutaw fost iċ-ċittadini mobbli hu inkwetanti peress li hemm periklu reali li dawn ma jeżerċitawx id-drittijiet elettorali tagħhom kemm fil-pajjiżi ta’ oriġini u ospitanti tagħhom. Dan jeskludihom għalkollox minn kwalunkwe parteċipazzjoni demokratika. Il-votazzjoni hija drawwa li jenħtieġ li tiġi mħeġġa 31 .

Jidher li hemm bżonn ta’ ġbir aħjar ta’ data. Data aktar kwantitattiva u kwalitattiva dwar l-għarfien u l-eżerċitar miċ-ċittadini mobbli tal-UE tad-drittijiet politiċi, u dwar kwalunkwe diffikultà li jesperjenzaw waqt il-parteċipazzjoni fil-komunitajiet lokali tagħhom tgħin biex jiġi indirizzat l-ammont baxx ta’ ċittadini mobbli tal-UE li joħorġu jivvutaw. Id-data dwar in-numru ta’ ċittadini mobbli spiss tinġabar biss f’livell nazzjonali, u mhux f’livell reġjonali jew lokali. Minkejja dan, data reġjonali u lokali bħal din hi meħtieġa biex tassisti fit-tfassil immirat ta’ politiki tal-UE u tiżdied il-viżibilità taċ-ċittadini mobbli tal-UE fost il-partijiet ikkonċernati lokali.

Filwaqt li ġew solvuti ħafna kwistjonijiet, il-Kummissjoni qed tkompli tissorvelja l-implimentazzjoni tad-Direttiva u għadha tiddjaloga ma’ xi Stati Membri.

Ir-restrizzjonijiet fuq iċ-ċittadini mobbli tal-UE li jkollhom karigi eżekuttivi fl-amministrazzjonijiet lokali tagħhom qed jonqsu bil-mod fl-Istati Membri.

Il-Kummissjoni tqis li t-talba tal-Lussemburgu biex ikompli bid-deroga tiegħu skont id-Direttiva għadha ġġustifikata. Din se tieħu wkoll il-passi neċessarji biex temenda l-Anness tad-Direttiva, filwaqt li taġġorna l-lista ta’ definizzjonijiet nazzjonali ta’ unità tal-gvern lokali bażika fid-dawl tat-tibdiliet riċenti f’ċerti Stati Membri.

L-involviment imsaħħaħ taċ-ċittadini mobbli tal-UE fl-elezzjonijiet muniċipali u b’mod aktar ġenerali fil-ħajja politika Ewropea hu sfida li teħtieġ sforz konġunt mill-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom, mill-istituzzjonijiet tal-UE, mis-soċjetà ċivili u mill-partiti politiċi. Dan hu essenzjali biex tiġi żgurata l-inklużjoni taċ-ċittadini mobbli tal-UE fil-ħajja soċjali u politika tal-komunitajiet ospitanti tagħhom.

Il-Kummissjoni se timplimenta l-azzjonijiet li ġejjin:

Għarfien aħjar

B’ħarsa lejn il-ġejjieni għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-UE fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istati Membri u fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, fl-2018 il-Kummissjoni se tagħmel stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru dwar il-parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini mobbli tal-UE. L-għan se jkun li jittejbu l-eżerċitar tad-drittijiet elettorali u l-istandards demokratiċi fl-Unjoni. Il-Kummissjoni se tfittex li ttejjeb il-ġbir ta’ data demografika fil-livell reġjonali għaċ-ċittadini mobbli tal-UE. Se tinkariga wkoll lin-netwerk ta’ akkademiċi dwar id-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE biex jikkompila aktar evidenza kwalitattiva dwar x’jeħtieġu ċ-ċittadini mobbli biex jieħdu sehem politikament fl-elezzjonijiet muniċipali u Ewropej u dwar il-kuntest demokratiku, u dwar il-prattiki biex tiġi sostnuta l-parteċipazzjoni.

L-infurmar u s-sensibilizzazzjoni

Bi tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej li jmiss, il-Kummissjoni se tinkorpora informazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE, inklużi d-drittijiet elettorali fil-kampanji ta’ informazzjoni tagħha. Se jsiru wkoll attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni sabiex tiġi promossa r-registrazzjoni tal-votanti u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini mobbli fl-Istati Membri fejn għandhom isiru l-elezzjonijiet muniċipali 32 .

Il-Kummissjoni se tippromwovi l-portal “L-Ewropa Tiegħek” b’mod attiv, fejn iċ-ċittadini tal-UE se jsibu informazzjoni faċilment aċċessibbli dwar il-formalitajiet elettorali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

L-iffaċilitar tal-proċess tal-votazzjoni

L-iffaċilitar tar-reġistrazzjoni u tal-votazzjoni għall-votanti hu partikolarment importanti. L-istudji juru li ċ-ċittadini tal-UE nfushom, b’mod partikolari dawk li jivvutaw f’pajjiż li mhuwiex il-pajjiż tan-nazzjonalità tagħhom, jilqgħu prattiki li jagħmluha aktar faċli għalihom biex jivvutaw f’dawn l-elezzjonijiet bħala barranin (pereż. ittri individwali, reġistrazzjoni onlajn fir-reġistru elettorali, eċċ.) 33 .

Se tiġi promossa r-reġistrazzjoni awtomatika tal-votanti, inkluż permezz tan-netwerk ta’ esperti tal-Istati Membri fi kwistjonijiet elettorali.

Fl-2018 se jitlesta studju dwar il-votazzjoni mill-bogħod (inkluża votazzjoni postali u elettronika). Se tikkunsidra modi oħra kif tiffaċilita r-reġistrazzjoni tal-votanti u l-votazzjoni fit-tipi kollha ta’ elezzjonijiet.

Finalment, fl-2018 se jiġi organizzat atività ta’ livell għoli dwar il-parteċipazzjoni demokratika b’enfasi partikolari fuq it-tħeġġiġ tal-aħjar prattiki biex tiżdied il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u ta’ gruppi vulnerabbli u sottorappreżentati.

L-involviment tal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni biħsiebha tikkoopera mal-Kumitat tar-Reġjuni (permezz tal-Kummissjoni CIVEX tiegħu 34 ) u man-netwerk tagħha ta’ awtoritajiet reġjonali u lokali. L-għan hu li tippromwovi l-attivitajiet li jżidu l-parteċipazzjoni fil-ħajja politika billi tiġbor informazzjoni dwar l-esperjenza tal-awtoritajiet lokali u tippromwovi l-aħjar prattiki fil-livell lokali. Il-Kummissjoni se tikkoordina din il-ħidma man-netwerk tagħha ta’ esperti tal-Istati Membri fi kwistjonijiet elettorali.

Il-Kummissjoni se tindirizza l-kwistjoni ta’ parteċipazzjoni politika taċ-ċittadini mobbli tal-UE, inklużi dawk b’diżabilitajiet jew li jappartjenu għal minoranzi, bħala parti mill-avveniment ta’ livell għoli tagħha tal-2018 dwar kwistjonijiet demografiċi. Il-Kummissjoni organizzat ukoll sessjoni ta’ ħidma dwar “id-dimensjoni tas-sessi fid-demokraziji tagħna” matul il-Kollokju annwali tagħha dwar id-Drittijiet Fundamentali f’Novembru 2017. Hawnhekk l-għan kien li ssir kontribuzzjoni għall-prattiki biex jitrawwem impenn politiku fost in-nisa u impenn għal ugwaljanza akbar bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fl-elezzjonijiet Ewropej.

Il-Kummissjoni se tkompli tuża l-programm ta’ drittijiet, ugwaljanza u ċittadinanza biex tiffinanzja proġetti li jippromwovu l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni b’suċċess taċ-ċittadini mobbli tal-UE fil-pajjiżi ospitanti tagħhom, inkluża l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet muniċipali. Dawn il-proġetti jitwettqu minn organizzazzjonijiet madwar l-UE u jilħqu lil ħafna ċittadini mobbli tal-UE.



ANNESS

Tabelli bid-data

Tabella 1.1: Reġistrazzjoni taċ-ċittadini tal-UE għall-elezzjonijiet muniċipali*

 

L-Istat Membru rrapporta li japplika r-reġistrazzjoni awtomatika għall-elezzjonijiet muniċipali (data tal-Istati Membri)

Il-popolazzjoni tal-Istat Membru b’età eliġibbli għall-vot (15-il sena jew aktar) fl-01.01.2016 (data tal-Eurostat tal-2016)

L-għadd ta’ ċittadini tal-UE (15-il sena jew aktar) residenti fl-Istat Membru fl-01.01.2016 (data tal-Eurostat tal-2016)

L-għadd ta’ ċittadini tal-UE rrappurtati bħala intitolati biex jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali (data tal-Istati Membri)

L-għadd ta’ ċittadini tal-UE rreġistrati biex jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali (data tal-Istati Membri)

Il-perċentwal ta’ ċittadini tal-UE (15-il sena jew aktar) irreġistrati biex jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali fl-01.01.2016 (data tal-Eurostat u tal-Istati Membri)

Il-perċentwal ta’ ċittadini tal-UE rreġistrati biex jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali (data tal-Istati Membri)

Il-popolazzjoni eliġibbli għall-vot tal-Istati Membri apparagun tal-età tal-vot taċ-ċittadini tal-UE (%)

Il-Finlandja

x

4 591 285

80 608

81 062

81 062

-

100.0

1,76

Il-Latvja

x

1 668 697

5 523

15 452

15 452

-

100.0

0,33

In-Netherlands

x

14 179 348

405 499

430 985

430 985

-

100,0

2,86

L-Ungerija

(x)

8 406 037

79 865

105 061

104 805

-

99,8

0,95

Malta

x

372 514

14 021

14 021

14 021

100.0

100.0

3,76

Il-Litwanja

x

2 464 811

4 528

4 870

4 524

99,9

92,9

0,18

Id-Danimarka

x

4 746 977

168 754

178 909

113 773

67,4

63,6

3,55

L-Irlanda

 

3 687 782

318 565

323 460

78 648

24,7

24,3

8,64

Franza

 

54 431 181

1 328 334

1 248 807

279 488

21,0

22,4

2,44

Il-Lussemburgu

 

481 358

189 921

159 485

28 342

14,9

17,8

39,46

Il-Belġju

 

9 389 775

744 658

765 490

104 683

14,1

13,7

7,93

Il-Portugall

x

8 880 498

96 391

 

12 992

13,5

-

1,09

Il-Ġreċja

 

9 226 985

180 025

19 413

19 413

10,8

100,0

1,95

* Fuq il-bażi tad-data tal-Eurostat għall-2016 dwar il-popolazzjoni skont il-grupp ta’ età, is-sess u ċ-ċittadinanza [migr_pop1ctz], meħuda fil-31.10.17 u fuq id-data pprovduta mill-Istati Membri



Tabella 1.2 Ħarsa ġenerali lejn id-data dwar iċ-ċittadini mobbli tal-UE**

 

L-għadd ta' ċittadini tal-UE (b'età ta' 15-il sena u aktar) residenti fl-Istat Membru fl-01.01.2016 (Data tal-Eurostat tal-2016)

L-għadd ta’ ċittadini tal-UE murija bħala intitolati biex jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali (data tal-Istati Membri)

L-għadd ta’ ċittadini tal-UE rreġistrati biex jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali (data tal-Istati Membri)

Il-perċentwal ta’ ċittadini tal-UE rreġistrati biex jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali (data tal-Istati Membri)

Il-popolazzjoni tal-Istati Membri bl-età tal-vot (b'età ta' 15-il sena u aktar) fl-01.01.2016 (data tal-Eurostat tal-2016)

Il-popolazzjoni eliġibbli għall-vot tal-Istati Membri apparagun tal-età tal-vot taċ-ċittadini tal-UE (%)

L-għadd ta' ċittadini tal-UE rreġistrati biex joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali (data tal-Istati Membri)

Il-perċentwal ta' ċittadini tal-UE li joħorġu bħala kandidati eletti fl-elezzjonijiet muniċipali

Pajjiż

 

 

 

 

 

 

 

 

Il-Belġju

744,658

765,490

104,683

14,1

9,389,775

7,93

 

 

Il-Bulgarija

12,544

 

 

 

6,155,578

0,20

 

 

Ir-Repubblika Ċeka

183,497

 

 

 

8,930,127

2,05

 

 

Id-Danimarka

168,754

178,909

113,773

67,4

4,746,977

3,55

65

9,2

Il-Ġermanja

3,437,834

1,885,464*

 

 

71,294,558

5,33

 

 

L-Estonja

14,188

 

 

 

1,104,499

1,28

 

 

L-Irlanda

318,565

323,460

78,648

24,7

3,687,782

8,64

 

 

Il-Greċja

180,025

19,413

19,413

10,8

9,226,985

1,95

 

 

Spanja

1,731,468

2,074,248

 

 

39,414,699

4,39

1,913

 

Franza

1,328,334

1,248,807

279,488

21,0

54,431,181

2,44

 

 

Il-Kroazja

12,438

 

 

 

3,579,197

0,35

 

 

L-Italja

1,281,928

 

 

 

52,383,692

2,45

 

 

Ċipru

96,362

 

 

 

708,781

13,60

 

 

Il-Latvja

5,523

15,452

15,452

279,8

1,668,697

0,33

10

20,0

Il-Litwanja

4,528

4,870

4,524

99,9

2,464,811

0,18

5

20,0

Il-Lussemburgu

189,921

159,485

28,342

14,9

481,358

39,46

225

7,6

L-Ungerija

79,865

105,061

104,805

131,2

8,406,037

0,95

41

12,2

Malta

14,021

14,021

14,021

100,0

372,514

3,76

9

22,2

In-Netherlands

405,499

430,985

430,985

106

14,179,348

2,86

 

 

L-Awstrija

525,361

 

 

 

7,444,897

7,06

 

 

Il-Polonja

21,898

 

 

 

32,258,354

0,07

 

 

Il-Portugall

96,391

 

12,992

13,5

8,880,498

1,09

 

 

Ir-Rumanija

46,434

 

 40,846

 

16,695,321

0,28

 53

15

Is-Slovenja

16,697

 

 

 

1,757,798

0,95

 

 

Is-Slovakkja

47,747

 

 

 

4,594,209

1,04

 

 

Il-Finlandja

80,608

81,062

81,062

100,6

4,591,285

1,76

 

 

L-Iżvezja

265,042

 

 

 

8,133,874

3,26

419

20,8

Ir-Renju Unit

2,677,936

 

 

 

53,795,166

4,98

 

 

*Tmintax-il sena u aktar fil-Ländern Bayern, Berlin, Brandenburg, Bremen, Hessen, Niedersachsen, Mecklenburg-Vorpommern, Rheinland-Pfalz, Sachsen u Sachsen-Anhalt

** Fuq il-bażi tad-data tal-Eurostat għall-2016 dwar il-popolazzjoni skont il-grupp tal-età, is-sess u ċ-ċittadinanza [migr_pop1ctz], maħruġa fil-31.10.17 u fuq id-data pprovduta mill-Istati Membri

Tabella 1.3 Ħarsa ġenerali lejn it-tweġibiet kwalitattivi sottomessi mill-Istati Membri għall-kwestjonarju użat biex jitħejja dan ir-rapport

(1)   http://europa.eu/rapid/press-release_SPEECH-17-3165_mt.htm  
(2) Din hi wkoll id-dritt fundamentali stabbilit mill-Artikolu 40 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE tad-19 ta' Diċembru 1994 li tistipula arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura f'elezzjonijiet muniċipali minn ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini (ĠU L 368, 31.12.1994, p. 38).
(4) Dawn it-termini huma ddefiniti fid-Direttiva, u jkunu pereżempju s-sindku ta’ belt żgħira.
(5) L-ewwel rapport dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva skont l-Artikolu 13 ġie adottat mill-Kummissjoni fl-2002 (COM(2002) final, 260). It-tieni rapport ġie adottat fl-2012 (COM(2012) 99, 9.3.2012). Dan ivvaluta l-istat tat-traspożizzjoni u tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri li kienu ssieħbu fl-UE mill-2002 u rrapporta dwar il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tad-dikjarazzjonijiet għad-Direttiva skont l-Artikolu 14.
(6) Id-data rilevanti tal-Eurostat dwar il-popolazzjoni hi disponibbli skont it-tliet gruppi ta’ età (0-14, 15-64 u 65+). Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, il-popolazzjoni ta’ età eliġibbli għall-vot tingħadd minn 15-il sena ’l quddiem.
(7) Mhux dejjem tkun tista’ tinkiseb id-data eżatta dwar ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet fejn jgħixu ċ-ċittadini mobbli tal-UE.
(8)   http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Migration_and_migrant_population_statistics .
(9) Ewrobarometru Flash Nru 430 dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea, 2016.
(10) Mas-66 % kienu jafu bl-istess dritt fl-2012. Ewrobarometru Flash Nru 364 dwar id-Drittijiet Elettorali, 2012.
(11) L-aktar perjodu bikri li għalih id-data fil-parti l-kbira kompluta saret disponibbli mill-Eurostat għal dan il-grupp ta’ età ta’ ċittadini mobbli.
(12) Mat-13-il Stat Membru esperjenzaw żidiet fil-perċentwal b’ċifra doppja: ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Kroazja, l-Estonja, Malta, in-Netherlands, il-Litwanja, l-Awstrija, ir-Rumanija, is-Slovakkja, il-Finlandja u r-Renju Unit.
(13) Dan hu rifless fl-istudju mħejji għar-rapport tal-2014 dwar l-elezzjonijiet Ewropej http://ec.europa.eu/justice/citizen/document/files/final_report_2014_ep_elections_study_cses_10_march_2015.pdf
(14) Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Latvja, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Iżvezja u s-Slovenja jirreġistraw iċ-ċittadini tagħhom b’mod awtomatiku fir-reġistri elettorali.
(15) Il-Finlandja, l-Ungerija, Malta, is-Slovenja, ir-Renju Unit, il-Lussemburgu u l-Iżvezja.
(16) L-Artikolu 2 jiddefinixxi “unità tal-gvern lokali bażika”, “elezzjonijiet muniċipali”, “Stat Membru ta’ residenza”, “Stat Membru ta’ oriġini”, “reġistru elettorali”, “data ta’ referenza”, “dikjarazzjoni formali”.
(17) Minkejja dan, għal aktar referenza ara l-punt 3.3.
(18) Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Latvja, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Iżvezja u s-Slovenja.
(19) Id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija,is-Slovakkja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.
(20) L-Ungerija, il-Polonja u s-Slovenja.
(21) Il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, Franza, l-Italja u l-Litwanja.
(22) Il-Bulgarija u l-Greċja.
(23) Ewrobarometru Flash Nru 431, id-Drittijiet Elettorali, 2015.
(24) L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva jiddefinixxi “unità tal-gvern lokali bażika” bħala l-entitajiet amministrattivi elenkati fl-Anness.
(25) Il-kwestjonarju mqassam lill-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet elettorali.
(26) Sors: Il-kwestjonarju mqassam lill-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet elettorali.
(27) Dawn iridu jiddikjaraw li jkunu jew barra l-pajjiż, jew tkun se ssirilhom operazzjoni medika, jew ikunu tqal u l-ħlas ikun mistenni f’Jum l-Elezzjoni. Sors: Il-kwestjonarju mqassam lill-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet elettorali.
(28) COM(2017) 30 final.
(29) Il-ħidma ta’ dan il-proġett, u dik ta’ oħrajn iffinanzjati permezz tas-sejħiet tal-2014 għal għotja għall-azzjoni tal-programm tad-drittjiet, l-ugwaljanza u ċ-ċittadinanza, ġiet murija riċentement matul il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u tal-Bliet, koospitata mill-Kummissjoni u mill-Kumitat tar-Reġjuni. Il-kontributi kienu jinkludu: il-proġett ONTHEMOVE tas-Centre for European Constitutional Law (iċ-Ċentru għal-Liġi Kostituzzjonali Ewropea) — il-Fondazzjoni Themistocles & Dimitris Tsatsos; il-proġett “Living Rights” tal-Law Centres Network (in-Netwerk taċ-Ċentri Legali); l-ACT Active Citizens Together tal-East of England and Local Government Association; u punti uniċi ta’ kuntatt għall-parteċipazzjoni politika ta’ ċittadini mobbli tal-UE mill-Migration Policy Group (il-Grupp għall-Politika ta' Migrazzjoni).
(30) https://www.consilium.europa.eu/media/22130/st09008en17.pdf.
(31) “Jien dejjem nivvota” ġiet irrapportata bħala l-ewwel raġuni assoluta għall-votazzjoni, skont studju tal-Parlament Ewropew. http://www.europarl.europa.eu/pdf/eurobarometre/2014/post/post_2014_survey_analitical_overview_mt.pdf .
(32) L-elezzjonijiet muniċipali se jsiru fl-2018 fil-Belġju, fl-Ungerija, f’Malta, fil-Polonja, fis-Slovakkja, fis-Slovenja, fl-Iżvezja, fir-Repubblika Ċeka, fin-Netherlands u fir-Renju Unit. Fl-2019 se jsiru fil-Bulgarija, fil-Greċja, fl-Irlanda u fil-Litwanja.
(33) Ara l-Ewrobarometru Flash 430 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE, u l-konsultazzjoni pubblika tal-2015 rigward ir-rapport dwar iċ-ċittadinanza tal-UE.
(34) Il-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza, il-Governanza u l-Affarijiet Istituzzjonali u Esterni, il-Kumitat tar-Reġjuni.
Top