Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AR4008

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Viċinat u d-Dinja

    COR 2018/04008

    ĠU C 86, 7.3.2019, p. 295–309 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 86/295


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Viċinat u d-Dinja

    (2019/C 86/16)

    Relatur ġenerali:

    Hans JANSSEN (NL/PPE), Sindku ta’ Oisterwijk

    Dokumenti ta’ referenza

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali

    COM(2018) 460 final

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-Assoċjazzjoni ta’ pajjiżi u territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea inklużi r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea fuq naħa, u Greenland u r-Renju tad-Danimarka fuq in-naħa l-oħra (“id-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija”).

    COM(2018) 461 final

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III)

    COM (2018) 465 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali

    Emenda 1

    (COM(2018) 460 final) Premessa 25

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Filwaqt li d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa jenħtieġ li jiġu riflessi matul l-implimentazzjoni kollha ta’ dan ir-Regolament, l-assistenza tal-Unjoni permezz tal-programmi tematiċi għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jenħtieġ li jkollha rwol speċifiku komplementari u addizzjonali minħabba n-natura dinjija tagħha, u l-indipendenza tal-azzjoni tagħha mill-kunsens tal-gvernijiet u tal-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiżi terzi kkonċernati.

    Filwaqt li d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa jenħtieġ li jiġu riflessi matul l-implimentazzjoni kollha ta’ dan ir-Regolament, l-assistenza tal-Unjoni permezz tal-programmi tematiċi għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jenħtieġ li jkollha rwol speċifiku komplementari u addizzjonali minħabba n-natura dinjija tagħha, u l-indipendenza tal-azzjoni tagħha mill-kunsens tal-gvernijiet u tal-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiżi terzi kkonċernati.

    Raġuni

    Dan l-abbozz ta’ opinjoni huwa favur li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw programm speċifiku separat b’baġit allokat għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, kif ukoll li jitqiesu bħala benefiċjarji matul il-programmazzjoni, kif kien il-każ taħt il-perjodu tal-QFP attwali, taħt l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI). Filwaqt li l-linja tal-baġit tal-awtorità lokali taħt id-DCI ma ntefqetx kollha, u ġie konkluż wisq faċilment li dan ġara minħabba kapaċità insuffiċjenti tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali. Raġunijiet oħra, bħal rekwiżiti ta’ kofinanzjament stretti u proċeduri ta’ applikazzjoni kumplessi setgħu kienu aktar importanti. Fi kwalunkwe każ, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jagħtu lok għal titjib, minflok jagħżlu l-abolizzjoni diretta.

    Barra minn hekk, huwa kruċjali li jitkomplew/jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni b’saħħithom bejn is-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u l-istituzzjonijiet tal-UE, sabiex tiġi żgurata l-kisba ta’ politika għall-iżvilupp tal-UE kif ukoll l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Għaldaqstant, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tabilħaqq għandhom jissemmew f’sentenza waħda f’dan l-artikolu.

    Emenda 2

    (COM(2018) 460 final) Premessa 26

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jenħtieġ li jinkludu firxa wiesgħa ta’ atturi bi rwoli u mandati differenti li jinkludi l-istrutturi kollha mhux Statali, mhux għall-profitt, mhux partiġġjani u mhux vjolenti, li bihom persuni jorganizzaw ruħhom sabiex isegwu għanijiet u ideali komuni, sew politiċi, kulturali, soċjali jew ekonomiċi. Huma joperaw mil-livell lokali sal-livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, u jinkludu organizzazzjonijiet urbani u rurali, formali u informali.

    L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jenħtieġ li jinkludu firxa wiesgħa ta’ atturi bi rwoli u mandati differenti li jinkludi l-istrutturi kollha mhux Statali, mhux għall-profitt, mhux partiġġjani u mhux vjolenti, li bihom persuni jorganizzaw ruħhom sabiex isegwu għanijiet u ideali komuni, sew politiċi, kulturali, soċjali jew ekonomiċi. Huma joperaw mil-livell lokali sal-livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, u jinkludu organizzazzjonijiet urbani u rurali, formali u informali.

     

    F’konformità mal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, l-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għandhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u fil-koordinazzjoni tal-atturi lokali. Kif rikonoxxut mill-Aġenda 2030, is-17-il għan kollha għandhom komponenti lokali u huma relatati mal-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali, fosthom dwar il-ġeneru u t-tibdil fil-klima.

    Raġuni

    Il-proposta tal-KE ma ssemmix ir-rwol li jaqdu l-awtoritajiet lokali fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), minkejja l-fatt li l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli ssemmi b’mod espliċitu li s-17-il SDG kollha għandhom komponenti lokali u huma relatati mal-ħidma ta’ kuljum tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp tal-2017 itenni l-ħtieġa għal-lokalizzazzjoni tal-SDGs. Dan jikkontradixxi n-nuqqas ta’ finanzjament ddedikat għall-awtoritajiet lokali fis-sett ta’ strumenti esterni ġdid, biss raġuni oħra biex terġa’ tiddaħħal bil-quddiem il-linja tal-baġit tal-awtoritajiet lokali.

    Emenda 3

    (COM(2018) 460 final) Premessa 29

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Huwa essenzjali li tiżdied il-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi sħab, ħalli jitgawdew il-benefiċċji ta’ migrazzjoni ġestita tajjeb u regolari u tiġi indirizzata effettivament il-migrazzjoni irregolari. Tali kooperazzjoni jenħtieġ li tikkontribwixxi biex jiġi żgurat l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari, it-titjib tal-ġestjoni tal-fruntieri u li jsiru sforzi fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari, it-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti, u ssir ħidma fuq ir-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni meta rilevanti, fuq il-bażi tal-akkontabbiltà reċiproka u r-rispett sħiħ tal-obbligi umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem. Għalhekk, il-kooperazzjoni effettiva tal-pajjiżi terzi mal-Unjoni f’dan il-qasam jenħtieġ li ssir element integrali mill-prinċipji ġenerali ta’ dan ir-Regolament. Aktar koerenza bejn il-migrazzjoni u l-politiki tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp hija importanti biex jiġi żgurat li l-assistenza għall-iżvilupp tappoġġa lill-pajjiżi sħab jimmaniġġaw il-migrazzjoni b’mod aktar effettiv. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkontribwixxi għal approċċ koordinat, olistiku u strutturat għall-migrazzjoni, billi jimmassimizza s-sinerġiji u japplika l-ingranaġġ meħtieġ.

    Huwa essenzjali li tiżdied il-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi sħab, f’kooperazzjoni fil-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom, ħalli jitgawdew il-benefiċċji ta’ migrazzjoni ġestita tajjeb u regolari u tiġi indirizzata effettivament il-migrazzjoni irregolari. Tali kooperazzjoni jenħtieġ li tikkontribwixxi biex jiġi żgurat l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari, speċjalment fir-rigward ta’ persuni vulnerabbli, bħall-minorenni mhux akkumpanjati, it-titjib tal-ġestjoni tal-fruntieri u li jsiru sforzi fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari, it-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti, u ssir ħidma fuq ir-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni meta rilevanti, fuq il-bażi tal-akkontabbiltà reċiproka u r-rispett sħiħ tal-obbligi umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem , anke fid-dawl tal-adozzjoni possibbli tal-Patt Globali tan-NU dwar il-Migrazzjoni. Għalhekk, il-kooperazzjoni effettiva tal-pajjiżi terzi mal-Unjoni f’dan il-qasam jenħtieġ li ssir element integrali mill-prinċipji ġenerali ta’ dan ir-Regolament. Aktar koerenza bejn il-migrazzjoni u l-politiki tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp hija importanti biex jiġi żgurat li l-assistenza għall-iżvilupp tappoġġa lill-pajjiżi sħab jimmaniġġaw il-migrazzjoni b’mod aktar effettiv. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkontribwixxi għal approċċ koordinat, olistiku u strutturat għall-migrazzjoni, imsejjes fuq il-ħtiġijiet u r-realtajiet lokali, billi jimmassimizza s-sinerġiji u japplika l-ingranaġġ meħtieġ.

    Raġuni

    Il-politiki tal-migrazzjoni u l-iżvilupp huma marbuta mill-qrib. Il-kooperazzjoni internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali hija kruċjali biex politika Ewropea komuni dwar il-migrazzjoni ssir realtà. Approċċ ta’ governanza f’diversi livelli huwa prerekwiżit sabiex jinkisbu riżultati ottimali. Huwa kruċjali li l-UE, l-awtoritajiet nazzjonali u lokali u l-awtoritajiet reġjonali jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi ta’ tranżitu u mas-soċjetà ċivili, mal-assoċjazzjonijiet tal-migranti u mal-komunitajiet lokali fil-pajjiżi ospitanti.

    Emenda 4

    (COM(2018) 460 final – Dispożizzjonijiet Ġenerali) Artikolu 3(2)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Skont il-paragrafu 1, l-għanijiet speċifiċi ta’ dan ir-Regolament huma dawn li ġejjin:

    Skont il-paragrafu 1, l-għanijiet speċifiċi ta’ dan ir-Regolament huma dawn li ġejjin:

    (a)

    li jappoġġa u jippromwovi d-djalogu u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u reġjuni fil-Viċinat, fl-Afrika sub-Saħarjana, fl-Asja u fil-Paċifiku, u fil-Kontinent Amerikan u fil-Karibew;

    (a)

    li jappoġġa u jippromwovi d-djalogu u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u reġjuni fil-Viċinat, inkluż fil-livell tal-entitajiet sottonazzjonali, fl-Afrika sub-Saħarjana, fl-Asja u fil-Paċifiku, u fil-Kontinent Amerikan u fil-Karibew;

    (b)

    fil-livell dinji, li jikkonsolida u jappoġġa d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, aktar stabbiltà u paċi u li jindirizza sfidi dinjija oħra, inkluż il-migrazzjoni u l-mobbiltà;

    (b)

    fil-livell dinji, li jikkonsolida u jappoġġa d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali , aktar stabbiltà u paċi u li jindirizza sfidi dinjija oħra, inkluż il-migrazzjoni u l-mobbiltà;

    Raġuni

    L-assistenza u l-kooperazzjoni fil-livell sottonazzjonali (lokali u reġjonali) ma’ entitajiet mill-Viċinat (speċjalment il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant), iffokati u mfassla skont il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi lokali, jistgħu f’ħafna każijiet jiksbu riżultati aħjar u aktar inklużivi, li jinħassu iktar miċ-ċittadini, milli programmi mal-awtoritajiet ċentrali tal-pajjiżi msieħba.

    Emenda 5

    (COM(2018) 460 final – Dispożizzjonijiet Ġenerali) Artikolu 4(3)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-programmi tematiċi għandhom jinkludu azzjonijiet marbuta mal-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fuq livell dinji, fl-oqsma li ġejjin:

    (a)

    Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija;

    (b)

    Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili;

    (c)

    Stabbiltà u Paċi;

    (d)

    Sfidi Dinjija.

    Il-programmi tematiċi għandhom jinkludu azzjonijiet marbuta mal-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fuq livell dinji, fl-oqsma li ġejjin:

    (a)

    Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija;

    (b)

    Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili;

    (c)

    Awtoritajiet Lokali u Reġjonali

    (d)

    Stabbiltà u Paċi;

    (e)

    Sfidi Dinjija.

     

    Il-programmi tematiċi kollha għandhom ikunu sostanzjati minn baġits allokati.

    Il-programmi tematiċi jistgħu jkopru l-pajjiżi terzi kollha kif ukoll il-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej kollha kif definit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill …/… (UE).

    Il-programmi tematiċi jistgħu jkopru l-pajjiżi terzi kollha kif ukoll il-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej kollha kif definit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill …/… (UE).

    Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3, il-programmi tematiċi għandhom ikunu bbażati fuq l-oqsma ta’ intervent elenkati fl-Anness III.

    Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3, il-programmi tematiċi għandhom ikunu bbażati fuq l-oqsma ta’ intervent elenkati fl-Anness III.

    Raġuni

    Kif imsemmi taħt l-emenda 1, dan l-abbozz ta’ opinjoni jissuġġerixxi bis-saħħa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jingħataw programm speċifiku u separat b’baġit allokat għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, kif ukoll li jitqiesu bħala benefiċjarji matul il-programmazzjoni.

    Emenda 6

    (COM(2018) 460 final – Dispożizzjonijiet Ġenerali) Artikolu 4(5)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    L-azzjonijiet skont dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati primarjament permezz ta’ programmi ġeografiċi.

    L-azzjonijiet skont dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati primarjament permezz ta’ programmi ġeografiċi. Fejn ikun xieraq, il-programmi ġeografiċi għandu jkollhom ukoll l-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali fil-pajjiżi tal-Viċinat bħala benefiċjarji diretti.

    Raġuni

    L-assistenza u l-kooperazzjoni tal-UE mal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali mill-pajjiżi tas-Sħubija m’għandhomx ibatu b’mod organizzattiv jew finanzjarju bħala riżultat ta’ flessibilità akbar fl-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji u oħrajn bejn id-diversi programmi ġeografiċi u tematiċi. Huwa rakkomandat li l-programmi ġeografiċi jimmiraw diġà lejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala benefiċjarji diretti bil-quddiem.

    Emenda 7

    (COM(2018) 460 final – Dispożizzjonijiet Ġenerali) Artikolu 6(2)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun magħmul minn:

    Il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun magħmul minn:

    (a)

    EUR 68 000 miljun għall-programmi ġeografiċi:

    Il-viċinat mill-inqas EUR 22 000 miljun,

    l-Afrika sub-Saħarjana mill-anqas EUR 32 000 miljun,

    l-Asja u l-Paċifiku EUR 10 000 miljun,

    il-kontinent Amerikan u l-Karibew EUR 4 000 miljun,

    (a)

    EUR 68 000 miljun għall-programmi ġeografiċi:

    Il-viċinat mill-inqas EUR 22 000 miljun,

    l-Afrika sub-Saħarjana mill-anqas EUR 32 000 miljun,

    l-Asja u l-Paċifiku EUR 10 000 miljun,

    il-kontinent Amerikan u l-Karibew EUR 4 000 miljun,

    (b)

    EUR 7  000 miljun għall-programmi tematiċi:

    Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija EUR 1 500 miljun,

    Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili EUR 1 500 miljun,

    Stabbiltà u Paċi EUR 1 000 miljun,

    Sfidi Dinjija EUR 3 000 miljun,

    (b)

    EUR 7  500 miljun għall-programmi tematiċi:

    Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija EUR 1 500 miljun,

    Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili EUR 1 500 miljun,

    L-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali EUR 500 miljun

    Stabbiltà u Paċi EUR 1 000 miljun,

    Sfidi Dinjija EUR 3 000 miljun,

    (c)

    EUR 4 000 miljun għal azzjonijiet ta’ rispons rapidu.

    (c)

    EUR 4 000 miljun għal azzjonijiet ta’ rispons rapidu.

    Raġuni

    F’konformità mal-emendi msemmijin hawn fuq, huwa ferm rakkomandat li komponent proporzjonat tal-baġit disponibbli għall-programmi ġeografiċi huwa allokat direttament għal programmi bl-/għall-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali, kif inhu l-każ taħt id-DCI fil-QFP 2014-2020. L-ammont propost (EUR 500 miljun) huwa bbażat fuq id-distribuzzjoni attwali tal-linja tal-baġit OSĊ-AL (66,16 % għall-OSĊ, 22,05 % għall-Awtoritajiet Lokali, 10,4 % għall-Edukazzjoni dwar l-Iżvilupp u għat-Tqajjim ta’ Kuxjenza u 1,39 % għal miżuri ta’ appoġġ (perjodu 2018-2020)) u ċertament għandhom jiġu kkalkulati bir-reqqa, filwaqt li titqies ir-rata ta’ assorbiment tal-baġit attwali tal-AL, kif ukoll jitqiesu ħafna fatturi oħra.

    Emenda 8

    (COM(2018) 460 final – Dispożizzjonijiet Ġenerali) Artikolu 8(1)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    L-Unjoni għandha tfittex li tippromwovi, tiżviluppa u tikkonsolida l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li fuqhom hija mibnija, permezz ta’ djalogu u kooperazzjoni ma’ pajjiżi u reġjuni sħab.

    L-Unjoni għandha tfittex li tippromwovi, tiżviluppa u tikkonsolida l-prinċipji tad-demokrazija fil-livelli kollha tal-gvern , l-istat tad-dritt , l-ugwaljanza bejn is-sessi u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li fuqhom hija mibnija, permezz ta’ djalogu u kooperazzjoni ma’ pajjiżi u reġjuni sħab.

    Raġuni

    Id-demokrazija fil-livell sottonazzjonali għandha tiġi inkluża fil-prinċipji gwida, peress li l-livell lokali u reġjonali huwa fejn iċ-ċittadini jistgħu jesperjenzaw id-demokrazija bl-aktar mod dirett. L-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tiżdied mal-prinċipji ewlenin.

    Emenda 9

    (COM(2018) 460 final) Artikolu 11(2)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-programmazzjoni tal-programmi ġeografiċi għandha tipprovdi qafas speċifiku, imfassal apposta għall-kooperazzjoni, ibbażat fuq:

    Il-programmazzjoni tal-programmi ġeografiċi għandha tipprovdi qafas speċifiku, imfassal apposta għall-kooperazzjoni, ibbażat fuq:

    (a)

    il-ħtiġijiet tas-sħab, stabbiliti fuq il-bażi ta’ kriterji speċifiċi li jqisu l-popolazzjoni, il-faqar, l-inugwaljanza, l-iżvilupp tal-bniedem, il-vulnerabbiltà ekonomika u ambjentali, u r-reżiljenza tal-istat u tas-soċjetà;

    (a)

    il-ħtiġijiet tas-sħab, stabbiliti fuq il-bażi ta’ kriterji speċifiċi li jqisu l-popolazzjoni, il-faqar, l-inugwaljanza, l-iżvilupp tal-bniedem, il-vulnerabbiltà ekonomika u ambjentali, u r-reżiljenza tal-istat u tas-soċjetà;

    (b)

    il-kapaċitajiet tas-sħab li jiġġeneraw u jaċċessaw riżorsi finanzjarji u l-kapaċitajiet tagħhom ta’ assorbiment;

    (b)

    il-kapaċitajiet tas-sħab li jiġġeneraw u jaċċessaw riżorsi finanzjarji u l-kapaċitajiet tagħhom ta’ assorbiment;

    (c)

    l-impenji u l-prestazzjoni tas-sħab, stabbiliti fuq kriterji bħar-riforma politika u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

    (c)

    l-impenji u l-prestazzjoni tas-sħab, stabbiliti fuq kriterji bħar-riforma politika u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u r-rieda tagħhom li jinvolvu ruħhom mal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tagħhom fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-immonitorjar tal-programmi ;

    (d)

    l-impatt potenzjali tal-finanzjament tal-Unjoni fil-pajjiżi u r-reġjuni sħab;

    (d)

    l-impatt potenzjali tal-finanzjament tal-Unjoni fil-pajjiżi u r-reġjuni sħab ; inkluż fil-forma ta’ proġetti fuq skala żgħira, aċċessibbli wkoll għal entitajiet lokali u reġjonali ;

    (e)

    il-kapaċità u l-impenn tas-sħab li jippromwovu interessi u valuri kondiviżi, u li jappoġġaw għanijiet komuni u alleanzi multilaterali, kif ukoll li l-prijoritajiet tal-Unjoni jitmexxew ’il quddiem.

    (e)

    il-kapaċità u l-impenn tas-sħab li jippromwovu interessi u valuri kondiviżi, u li jappoġġaw għanijiet komuni u alleanzi multilaterali, kif ukoll li l-prijoritajiet tal-Unjoni jitmexxew ’il quddiem.

    Raġuni

    L-Artikolu 11 propost diġà jsemmi li “… l-azzjonijiet għandhom ikunu bbażati, sal-punt possibbli, fuq djalogu bejn l-Unjoni, l-Istati Membri u l-pajjiżi sħab ikkonċernati, inklużi awtoritajiet nazzjonali u lokali…”, li huwa punt ta’ tluq tajjeb, iżda jidher li huwa importanti li jingħad li l-prinċipji ta’ programmar iħeġġu wkoll bil-qawwa l-impenn mal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali (u partijiet interessati oħra) fl-abbozzar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-programmi (anke fid-dawl tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità). Referenza espliċita hija partikolarment importanti għal ħidma f’pajjiżi fejn l-involviment tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali huwa limitat jew mhux stabbilit.

    Barra minn hekk, huwa ta’ importanza kbira li l-fondi ta’ programmazzjoni huma aċċessibbli għal kull tip u daqs ta’ Awtorità Lokali u Reġjonali, inklużi dawk f’żoni rurali, kif ukoll bliet intermedjarji, peress li kollha kemm huma joperaw fl-istess territorji u jeħtieġ li jaħdmu flimkien biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (lokali) (kif spjegat fl-Approċċ Territorjali tal-UE għall-Iżvilupp Lokali).

    F’konformità ma’ dan, l-NDICI l-ġdida għandha wkoll tħeġġeġ u tiffinanzja proġetti fuq skala żgħira (eż. il-bini fuq sħubijiet li diġà jeżistu bejn il-bliet jew sħubijiet oħrajn sottonazzjonali jew bejn diversi partijiet ikkonċernati), minbarra megaproġetti, u tiffaċilita aktar tisħiħ tal-kapaċità tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali, sabiex it-tipi kollha ta’ Awtorità Lokali u Reġjonali jkunu jistgħu jaħdmu lejn l-iżvilupp sostenibbli.

    Emenda 10

    (COM(2018) 460 final – Titolu II, kapitolu III) Art. 22(7)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u s-sħab tagħha tista’ tieħu l-forma, fost affarijiet oħra, ta’:

    Il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u s-sħab tagħha tista’ tieħu l-forma, fost affarijiet oħra, ta’:

    […]

    […]

    (b)

    miżuri ta’ kooperazzjoni amministrattivi bħal ġemellaġġ bejn istituzzjonijiet pubbliċi, awtoritajiet lokali, korpi pubbliċi nazzjonali jew entitajiet tad-dritt privat responsabbli għal kompiti ta’ servizz pubbliku ta’ Stat Membru u dawk ta’ pajjiż jew reġjun sieħeb, kif ukoll miżuri ta’ kooperazzjoni li jinvolvu esperti tas-settur pubbliku mibgħuta mill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom;

    (b)

    miżuri ta’ kooperazzjoni amministrattivi bħal ġemellaġġ bejn istituzzjonijiet pubbliċi, awtoritajiet lokali, korpi pubbliċi nazzjonali jew entitajiet tad-dritt privat responsabbli għal kompiti ta’ servizz pubbliku ta’ Stat Membru u dawk ta’ pajjiż jew reġjun sieħeb, kif ukoll miżuri ta’ kooperazzjoni li jinvolvu esperti tas-settur pubbliku mibgħuta mill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom , b’mod partikolari permezz tal-mekkaniżmu TAIEX u l-programm SIGMA ;

    Raġuni

    Ir-referenza espliċita għall-użu ta’ TAIEX u SIGMA għandha tgħin biex ikun iġġustifikat l-użu ta’ għodod ta’ assistenza teknika effettivi ħafna fil-livelli amministrattivi kollha.

    Anness II – Oqsma ta’ kooperazzjoni għall-programmi ġeografiċi

    Emenda 11

    (COM(2018) 460 final, Anness II) A.1 (a)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Tisħiħ tad-demokrazija u tal-proċessi demokratiċi, tal-governanza u tas-sorveljanza, inklużi proċessi elettorali trasparenti u kredibbli;

    Tisħiħ tad-demokrazija u tal-proċessi demokratiċi, tal-governanza u tas-sorveljanza fil-livell nazzjonali u sottonazzjonali , inklużi proċessi elettorali trasparenti u kredibbli fil-livelli kollha ;

    Raġuni

    Il-kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, kif maqbul mill-UE u l-Istati Membri tagħha fl-2017, jistieden lill-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex jeżerċitaw skrutinju u jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet (punt 83).

    Bħala l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni aħna pparteċipajna f’missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali, fil-livell lokali u reġjonali, li jikkontribwixxu għat-tisħiħ u l-kwalità tal-proċessi demokratiċi.

    Emenda 12

    (COM(2018) 460 final, Anness II) A.2 (I)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Għoti ta’ appoġġ lill-awtoritajiet lokali biex itejbu, fil-livell tal-bliet , il-forniment ta’ servizzi bażiċi u ta’ aċċess ekwu għas-sigurtà alimentari, kif ukoll għal abitazzjoni u għal kwalità tal-ħajja aċċessibbli, deċenti u affordabbli, b’mod partikolari għal dawk li jgħixu f’residenzi informali u f’bassifondi.

    Għoti ta’ appoġġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex itejbu, fil-livell tagħhom , il-forniment ta’ servizzi bażiċi u ta’ aċċess ekwu għas-sigurtà alimentari, kif ukoll għal abitazzjoni u għal kwalità tal-ħajja aċċessibbli, deċenti u affordabbli, b’mod partikolari għal dawk li jgħixu f’residenzi informali u f’bassifondi.

    Raġuni

    Dan l-artikolu jissuġġerixxi appoġġ lill-awtoritajiet lokali biex itejbu l-għoti ta’ servizzi bażiċi fil-livell tal-belt. Huwa importanti li jiġi kkjarifikat li l-għan tal-NDICI huwa li jaħdem mas-“sistema tal-ibliet” kollha. Il-bliet huma komponent wieħed biss f’sistema lokali tal-gvern nazzjonali: l-imperattivi ta’ żvilupp fil-pajjiżi terzi jeħtieġ li jkunu nazzjonali u xprunati lokalment f’livelli differenti ta’ gvern, komunitajiet u soċjetà ċivili. Dan huwa konformi wkoll mal-Approċċ Territorjali tal-KE għall-Iżvilupp Lokali, li jissottolinja li l-awtoritajiet lokali u reġjonali spiss jaqdu rwol ta’ koordinazzjoni fit-territorju tagħhom, billi jikkonsultaw u jikkooperaw mas-settur privat, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll mal-universitajiet, l-istituti tal-għarfien u livelli oħra ta’ gvern.

    Anness III – Oqsma ta’ intervent għall-programmi tematiċi

    Emenda 13

    (COM(2018) 460 final, Anness III) Żid punt 3 ġdid

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

     

     

    Tisħiħ tar-rwol tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali bħala atturi tal-iżvilupp, permezz ta’:

    (a)

    L-għoti ta’ setgħa lill-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali, notevolment permezz ta’ sħubijiet internazzjonali bejn l-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali ta’ pajjiżi Ewropej u pajjiżi sħab sabiex tiġi implimentata l-Aġenda 2030 permezz ta’ pakkett finanzjarju ddedikat sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-governanza tagħhom u l-kapaċitajiet tagħhom biex jieħdu sehem fi djalogu politiku mal-awtoritajiet nazzjonali, u jiġu appoġġati l-proċessi ta’ deċentralizzazzjoni;

    (b)

    It-trawwim tal-kooperazzjoni deċentralizzata għall-iżvilupp, fil-forom kollha tagħha;

    (c)

    Żieda fil-kapaċità tan-netwerks, tal-pjattaformi u tal-alleanzi tal-awtoritajiet lokali u regjonali Ewropej u tan-Nofsinhar, biex jiġi żgurat djalogu ta’ politika sostantiv u kontinwu fil-qasam tal-iżvilupp u biex tiġi promossa governanza demokratika, b’mod notevoli permezz tal-Approċċ Territorjali għall-Iżvilupp Lokali;

    (d)

    Żieda fl-interazzjonijiet maċ-ċittadini Ewropej dwar kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp (sensibilizzazzjoni, kondiviżjoni tal-għarfien, involviment), b’mod notevoli b’relazzjoni mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u inkluż fl-Istati Membri, fil-pajjiżi kandidati u fil-kandidati potenzjali.

    Raġuni

    Għad iridu jiġu kkjarifikati l-modalitajiet għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-programmi Ewropej lil hinn mill-fażi tal-ipprogrammar, kif ukoll il-mod ta’ kif dawn se jiġu kkonsultati fir-rigward tal-prijoritajiet tal-programmi ġeografiċi. Biż-żieda ta’ qasam ta’ intervent speċifikament għall-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali, ma jkun hemm l-ebda dubju dwar jekk jew le dan il-grupp fil-mira/il-benefiċjarju/dawn is-sħab jirċievu biżżejjed attenzjoni fl-operazzjonalizzazzjoni tal-politiki.

    Il-valur miżjud tal-kooperazzjoni deċentralizzata (jiġifieri sħubijiet internazzjonali bejn l-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali) ma jissemmiex b’mod espliċitu fil-proposti differenti dwar “Il-Viċinat u d-Dinja”. Il-kooperazzjoni deċentralizzata ġiet rikonoxxuta mill-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri bħala għodda għall-iżvilupp fil-Kunsens il-ġdid dwar l-Iżvilupp tal-2017. Hija tabilħaqq għodda effiċjenti sabiex tiżdied il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-pajjiżi sħab tal-UE biex jiżviluppaw pjani u jwasslu servizzi u biex itejbu l-kwalità tar-riformi ta’ deċentralizzazzjoni. Din it-tip ta’ kooperazzjoni internazzjonali ilha teżisti għal deċennji sħaħ u tinvolvi bosta awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej. Il-kooperazzjoni deċentralizzata m’għandhiex tinftiehem bħala sħubiji b’kamp ta’ applikazzjoni tematiku limitat (pereżempju l-provvista tal-ilma, il-ġestjoni tal-iskart u l-ippjanar urban) peress li hemm potenzjal li l-kooperazzjoni deċentralizzata ssaħħaħ il-qafas ta’ governanza usa’. Il-pilastru tal-programmi ġeografiċi għandu wkoll jipprovdi spazju għal tali attività.

    Emenda 14

    (COM(2018) 460 final, Anness III) 4. Oqsma ta’ intervent għall-isfidi globali

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    D.

    SĦUBIJIET

     

    1.

    Tisħiħ tar-rwol tal-Awtoritajiet Lokali bħala atturi tal-iżvilupp, permezz ta’:

    (a)

    Żieda fil-kapaċità tan-netwerks, tal-pjattaformi u

    tal-alleanzi tal-awtoritajiet lokali Ewropej u tan-Nofsinhar, biex jiġi żgurat djalogu ta’ politika sostantiv u kontinwat fil-qasam tal-iżvilupp u biex tiġi promossa governanza demokratika, b’mod notevoli permezz tal-Approċċ Territorjali għall-Iżvilupp Lokali;

    (b)

    Żieda fl-interazzjonijiet maċ-ċittadini Ewropej dwar kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp (sensibilizzazzjoni,

    kondiviżjoni tal-għarfien, involviment), b’mod notevoli b’relazzjoni mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u inkluż fl-Unjoni, fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi kandidati potenzjali.

     

    Raġuni

    Billi jiżdied fl-emenda 13 qasam speċifiku ta’ intervent għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali konsegwentement jitneħħew mill-qasam ta’ intervent għal sfidi globali.

    Proposta IPA III

    Emenda 15

    (COM(2018) 465 final) Artikolu 6

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

     

    5.     Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, għandha tieħu wkoll il-passi meħtieġa biex tiżgura li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti fl-identifikazzjoni tal-objettivi speċifiċi segwiti minn assistenza taħt dan ir-Regolament.

    Raġuni

    Billi l-IPA III ser ikollha għan speċifiku li ssaħħaħ l-effikaċja tal-amministrazzjoni pubblika u tappoġġja riformi strutturali u l-governanza tajba fil-livelli kollha, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti fl-ippjanar strateġiku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija mħeġġa tistabbilixxi proċeduri operattivi ad hoc li jippermettu l-użu tal-istrumenti tat-TAIEX u t-Twinning għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali.

    Emenda 16

    (COM(2018) 465 final) Artikolu 9(1)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Sa 3 % tal-pakkett finanzjarju għandu jiġi allokat b’mod indikattiv għall-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u l-Istati Membri, f’konformità mal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tagħhom.

    Sa 3 % tal-pakkett finanzjarju għandu jiġi allokat b’mod indikattiv għall-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u l-Istati Membri, f’konformità mal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tagħhom u jinkludi appoġġ għall-bini tal-kapaċità fil-livell lokali u reġjonali .

    Raġuni

    Il-bini tal-kapaċità fil-livell lokali u reġjonali għandu jkun waħda mill-prijoritajiet li jiġu riflessi fl-allokazzjoni finanzjarja.

    Emenda 17

    (COM(2018) 465 final) Anness II

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

     

    (f)

    Il-promozzjoni tal-governanza lokali u reġjonali u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-ippjanar u amministrattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

    Raġuni

    Din il-prijorità tematika m’għandhiex tidher biss taħt l-assistenza għal kooperazzjoni transkonfinali.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    Introduzzjoni

    1.

    Jinnota b’interess il-proposti tal-Kummissjoni għall-QFP 2021-2027, inklużi l-proposti taħt l-intestatura “Il-Viċinat u d-Dinja”, b’mod partikolari dawk dwar l-NDICI il-ġdid u l-estensjoni tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) fl-IPA III;

    2.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-baġit propost għall-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea se jiżdied (sa EUR 123 biljun, meta mqabbel ma’ EUR 94,5 biljun fil-perjodu 2014-2020), li huwa daqs madwar 10 % tat-total tal-QFP (kif propost); jaħseb li dan huwa direttament meħtieġ fid-dawl tal-isfidi globali; u jenfasizza l-bżonn li din iż-żieda proposta titqies bħala minimu fin-negozjati attwali tal-QFP;

    3.

    Japprezza l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li l-azzjoni esterna tal-UE ssir aktar konsistenti, koerenti u flessibbli, fid-dawl tal-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima u l-urbanizzazzjoni massiva u t-taqlib soċjali u ekonomiku, li kollha jeħtieġu soluzzjonijiet jew approċċi multidimensjonali u kumplessi;

    4.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda prevista tal-effettività billi jingħaqdu diversi strumenti ta’ azzjoni esterna fil-NDICI propost biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u tinbena r-reżiljenza, f’konformità mal-Opinjoni CoR 2017/03666, iżda jinnota li kollox jiddependi fuq l-operazzjonalizzazzjoni tal-proposti attwali – għandu, f’kull ħin, ikun evitat li d-distakk bejn il-politika u l-implimentazzjoni jitwessa’ (jiġifieri li l-modalitajiet mhumiex modifikati biex ikunu wkoll aktar flessibbli);

    5.

    Jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma inklużi fil-pilastru dwar l-isfidi globali tal-NDICI propost u jinsabu wkoll fil-parti “reġjonali” tal-pilastru ġeografiku; u jixtieq jirċievi assigurazzjoni mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE li l-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali ser tabilħaqq ikollhom aċċess faċli għal dawn il-programmi u l-baġits;

    6.

    Jaqbel li l-għoti ta’ spinta lill-investimenti għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tisħiħ tar-rwol tas-settur privat huwa essenzjali għall-iżvilupp, u għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni dwar Alleanza ġdida Afrika-Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli: nieħdu s-sħubija tagħna għall-investiment u għall-impjiegi fil-livell li jmiss li għandha l-għan li tappoġġja l-ħolqien ta’ 10 miljun impjieg fl-Afrika;

    7.

    Jinsisti li l-involviment ta’ finanzjament speċifiku u l-allokazzjoni tiegħu għal-livelli lokali u reġjonali tal-gvern ta’ pajjiżi terzi se jgħin biex jippromovi l-iżvilupp fil-livell lokali, u b’hekk jgħin lill-UE tilħaq l-għanijiet tagħha;

    8.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon it-titwil tal-Istrument ta’ Qabel l-Adeżjoni (jew IPA III), bħala strument rilevanti u bi skop, u japprezza li l-IPA III għandu jkollha bħala għanijiet speċifiċi t-tisħiħ tal-effikaċja tal-amministrazzjoni pubblika u jappoġġa r-riformi strutturali u l-governanza tajba fil-livelli kollha, u li jappoġġa l-kooperazzjoni territorjali u transkonfinali;

    Tħassib u opportunitajiet

    9.

    Iqis li l-integrazzjoni ta’ diversi strumenti ta’ azzjoni esterna f’NDICI wieħed tipprovdi kemm sfidi kif ukoll opportunitajiet, u jissottolinja li l-NDICI għandu jkompli jservi l-objettivi ta’ żvilupp fit-tul li qabel kienu qegħdin jinkisbu permezz tal-FEŻ.

    10.

    Jesprimi tħassib li peress li l-azzjoni esterna qed tiġi allokata dejjem iżjed skont il-ġeografija, l-aċċess għall-finanzjament għall-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali jista’ jsir aktar diffiċli u inqas evidenti, skont l-istrateġiji speċifiċi tal-pajjiżi, li għalissa mhumiex magħrufa; jesprimi tħassib li hemm dipendenza akbar fuq strateġiji u programmar immexxija mill-pajjiżi, abbażi ta’ prijoritajiet ewlenin u investimenti strateġiċi fl-infrastruttura, li se jwassal għal konċentrazzjoni akbar fuq il-benefiċjarji fil-livell nazzjonali, u potenzjalment anqas attenzjoni fuq it-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-parteċipazzjoni ta’ diversi partijiet interessati, fil-fażijiet kollha tal-programmazzjoni;

    11.

    Jenfasizza l-importanza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali li jkunu involuti fl-iżvilupp ta’ strateġiji u ta’ programmar u fl-implimentazzjoni tal-ipprogrammar, u tal-oqfsa ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni li qed jiġu żviluppati fil-livell lokali. Dan jiżgura li l-għajnuna tkun immirata lejn il-ħtiġijiet ta’ kandidati, inkluż fil-livell lokali u reġjonali. L-allokazzjoni ta’ finanzjament abbażi tal-prestazzjoni għandha tqis il-progress lejn ir-riformi tad-deċentralizzazzjoni u d-demokrazija lokali/governanza tajba fil-livelli kollha;

    12.

    Huwa diżappuntat li jara li qed jiġi propost li l-linja tal-baġit allokata għall-Awtoritajiet Lokali disponibbli taħt id-DCI titwaqqaf fil-perjodu tal-QFP li jmiss, u jitlob għal aktar dawl fuq dan ir-raġunament qabel ma nabbandunaw dan il-baġit allokat minkejja l-ħafna esperjenzi tajba fir-rigward ta’ għotjiet/programmi tal-Awtoritajiet Lokali; jitlob li dan il-baġit allokat jerġa’ jiġi kif kien;

    13.

    Jenfasizza li filwaqt li l-linja tal-baġit tal-Awtoritajiet Lokali taħt id-DCI attwali ma ntefqetx kollha, u ġie konkluż wisq faċilment li dan ġara minħabba kapaċità insuffiċjenti tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali. Raġunijiet oħra, bħal rekwiżiti stretti ta’ kofinanzjament u proċeduri ta’ applikazzjoni kumplessi, jistgħu, fil-fatt, ikunu aktar importanti; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu lok għal titjib tal-aċċessibilità ta’ din il-linja tal-baġit, minflok jagħżlu l-abolizzjoni diretta;

    14.

    Huwa miftuħ biex jikkondividi l-esperjenzi (varji) tajbin u ħżiena tal-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni mal-linja tal-baġit attwali għall-Awtoritajiet Lokali b’mod konformi mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, fix-xhur li ġejjin;

    15.

    Huwa lest jiffaċilita d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali f’pajjiżi tat-tkabbir u tal-viċinat permezz tal-pjattaformi u korpi eżistenti (ARLEM, CORLEAP, il-Kumitati Konsultattivi Konġunti u l-Gruppi ta’ Ħidma, u sħubijiet strateġiċi tal-Kummissjoni Ewropea ma’ assoċjazzjonijiet ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali, inkluż CEMR-PLATFOrMA), u b’hekk jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati fir-regolamenti dwar l-NDICI u l-IPA. Jissottolinja li azzjonijiet u programmi “peer-to-peer” bejn l-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali Ewropej u mhux tal-UE, bħalma hija l-inizjattiva ta’ Nikosija għal muniċipalitajiet Libjani għall-bini tal-kapaċità, juru sa liema punt il-kooperazzjoni mill-awtoritajiet lokali u reġjonali tista’ tippromovi l-istabbiltà u l-prosperità fil-viċinat tagħna.

    16.

    Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, ikun xi jkun l-eżitu, biex il-fondi jinżammu aċċessibbli għal kull tip u daqs ta’ Awtorità Lokali u Reġjonali, inklużi dawk f’żoni rurali, kif ukoll il-bliet intermedjarji, bħala ċentri għal tkabbir u innovazzjoni sostenibbli u inklużiv, u b’hekk jitħaddan l-Approċċ Territorjali tal-UE għall-Iżvilupp Lokali;

    17.

    Iħeġġeġ li l-NDICI ġdid jistimola u jiffinanzja wkoll proġetti fuq skala żgħira (eż. il-bini fuq sħubijiet bejn bejn il-bliet jew sħubijiet oħrajn sottonazzjonali jew bejn diversi partijiet ikkonċernati) u jiġi faċilitat aktar it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali sabiex ikunu aktar kapaċi jaġixxu fir-rwol ta’ koordinazzjoni tagħhom għall-iżvilupp territorjali u fit-tisħiħ tar-rabtiet urbani-rurali;

    18.

    Iħeġġeġ lil-leġislaturi tal-UE biex jadattaw l-istrumenti proposti (jiġifieri l-NDICI u l-IPA III) sabiex jiżdied aktar l-appoġġ strateġiku lill-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali u d-demokrazija fil-livell sottonazzjonali. Appoġġ imsaħħaħ għad-demokrazija lokali jżid il-viżibbiltà tal-azzjoni tal-UE billi l-proċess ta’ riforma jinġieb fuq l-għatba stess taċ-ċittadini, u jinkorpora iktar is-sjieda tal-proċess ta’ riforma f’pajjiżi sħab;

    19.

    Jinnota li raġuni oħra biex biex l-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali jiġu appoġġati u jingħataw is-setgħa b’mod konsistenti hija li 65 % tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli ma jistgħux jintlaħqu mingħajr il-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    20.

    Jenfasizza li l-kooperazzjoni deċentralizzata għall-iżvilupp (fil-forom kollha tagħha) hija għodda importanti f’dan ir-rigward, kif rikonoxxut mill-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri fil-Kunsens tal-UE dwar l-Iżvilupp; u jitlob biex dan ir-rwol u għodda jitqiesu b’mod aktar qawwi fl-NDICI;

    21.

    Iħeġġeġ li l-għanijiet ta’ politika speċifiċi għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Viċinat jiġu segwiti u jinkisbu, minkejja l-għaqda tal-istrumenti li qabel kienu separati. B’mod partikolari, l-assistenza u l-kooperazzjoni tal-UE mal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali mill-pajjiżi tas-Sħubija m’għandhomx ibatu b’mod organizzattiv jew finanzjarju bħala riżultat ta’ flessibilità akbar fl-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji u oħrajn bejn id-diversi programmi ġeografiċi u tematiċi;

    22.

    Huwa diżappuntat li l-attivitajiet TAIEX, Ġemellaġġ u Sigma ntużaw primarjament għall-benefiċċju tal-amministrazzjonijiet ċentrali tal-pajjiżi benefiċjarji, filwaqt li kull kapitolu tal-acquis għandu rabta (in)diretta mal-(mal-kompetenzi tal-)Awtoritajiet Lokali u Reġjonali, li huma f’pożizzjoni tajba ħafna, minħabba r-relazzjoni diretta tagħhom mal-pubbliku, li jikkomunikaw b’mod effettiv il-vantaġġi ta’ sħubija fl-UE u l-benefiċċji u s-salvagwardji li l-UE tipprovdi għall-popolazzjoni kollha tagħha, b’mod partikolari l-benefiċjarji ta’ IPA III. Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza espliċita fir-Regolament NDICI għall-użu tal-Ġemellaġġ kemm fil-livell ċentrali kif ukoll dak lokali u reġjonali, iżda jistenna li jintużaw ukoll għodod oħra bħat-TAIEX u s-SIGMA fl-istess livelli;

    Suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet

    23.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura fil-każijiet kollha li l-partijiet interessati rilevanti, inklużi l-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali, jiġu debitament ikkonsultati u jkollhom aċċess f’waqtu għal informazzjoni rilevanti li tippermetti li jkollhom rwol sinifikanti matul it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-proċess ta’ monitoraġġ assoċjat tal-programmi;

    24.

    Jissuġġerixxi bis-saħħa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jingħataw programm speċifiku u separat b’baġit allokat għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, kif ukoll li jitqiesu bħala benefiċjarji matul il-programmazzjoni;

    25.

    Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jiżguraw li l-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali huma mgħammra biżżejjed biex ikunu jistgħu jiġu lokalizzati l-SDGs, u li tissemma’ espliċitament din l-Aġenda fir-regolamenti li jistabbilixxu l-istrumenti. Barra minn hekk, ikun ta’ għajnuna jekk l-importanza ta’ din l-aġenda tiġi riflessa wkoll fl-ispeċifikazzjonijiet baġitarji li jmiss.

    26.

    Jappella lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi proċeduri operattivi ad hoc li jippermettu l-użu tal-istrumenti tat-TAIEX u t-Twinning għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi sħab.

    27.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex titwettaq evalwazzjoni tal-appoġġ tal-UE lill-awtoritajiet lokali f’reġjuni tat-tkabbir u tal-viċinat matul il-perjodu 2010-2018 u jirrakkomanda li l-esperjenza minn programmi/proġetti reġjonali li jappoġġjaw l-awtoritajiet lokali, bħalma huma l-Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali, Sindki għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Patt tas-Sindki tal-Lvant, għandhom jintużaw biex jiżviluppaw appoġġ simili għall-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali f’reġjuni oħra.

    28.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li “il-promozzjoni ta’ governanza lokali u reġjonali u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-ippjanar u amministrattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali” hija inkluża bħala prijorità tematika għall-assistenza għall-kooperazzjoni transkonfinali (Anness III) u jitlob li l-istess prijorità tematika hija inkluża fl-Anness II tar-regolament dwar l-IPA III;

    Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Karl-Heinz LAMBERTZ


    Top