Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE5386

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-intelliġenza artifiċjali għall-Ewropa”(COM(2018) 795 final)

    EESC 2018/05386

    ĠU C 240, 16.7.2019, p. 51–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.7.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 240/51


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-intelliġenza artifiċjali għall-Ewropa”

    (COM(2018) 795 final)

    (2019/C 240/12)

    Relatur: Tellervo KYLÄ-HARAKKA-RUONALA

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni, 18.2.2019

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adottata fis-sezzjoni

    2.4.2019

    Adottata fil-plenarja

    15.5.2019

    Sessjoni plenarja Nru

    543

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    210/2/1

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan ikkoordinat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) u jappella li jiġi implimentat b’mod urġenti, meta wieħed iqis il-progress rapidu fl-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-IA barra mill-UE. Biex tirnexxi fil-kompetizzjoni globali, l-UE għandha tkun minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni u l-investiment, billi ssegwi l-prinċipju tal-“bniedem fil-kmand” u l-affidabbiltà tal-IA.

    1.2.

    Il-KESE jenfasizza li l-iżvilupp u l-adozzjoni tal-IA għandhom ikunu inklużivi fir-rigward tal-atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi l-intrapriżi, il-ħaddiema u l-konsumaturi. L-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-IA għandha għalhekk tiffoka attenzjoni kif imiss dwar kif tista’ tagħmel l-aqwa użu mill-opportunitajiet tal-IA għas-soċjetà kollha.

    1.3.

    Il-KESE japprova l-inizjattivi biex jiġi allokat aktar finanzjament għall-innovazzjoni, l-infrastruttura, l-edukazzjoni u t-taħriġ relatati mal-IA, permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-UE. Il-Kumitat iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa lejn l-għanijiet komuni.

    1.4.

    Sabiex isaħħaħ l-iżvilupp u l-użu tal-IA mis-settur privat, il-KESE jappella għal ambjent kummerċjali favorevoli inkluż qafas ta’ politika u regolatorju abilitanti u stabbli li jistimula l-innovazzjoni u l-investiment tal-IA, li jqis il-ħtiġijiet speċjali tal-SMEs, in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu.

    1.5.

    Il-KESE jqis li huwa kruċjali li tiġi żgurata l-kwalità, id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-interoperabbiltà u l-fluss bla xkiel tad-data fis-suq uniku, filwaqt li jiġu żgurati l-protezzjoni tad-data u l-privatezza. Il-Kumitat iħeġġeġ l-iffaċilitar tal-aċċess għad-data pubblika u jitlob li jkun hemm kundizzjonijiet ta’ appoġġ għall-istabbiliment ta’ pjattaformi diġitali Ewropej.

    1.6.

    Il-KESE japprova l-inizjattivi dwar il-kooperazzjoni, is-sħubijiet u n-netwerks transkonfinali għat-trawwim tal-innovazzjoni u l-użu tal-IA u jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni wiesgħa bejn l-atturi differenti tas-soċjetà.

    1.7.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jadattaw is-sistemi edukattivi tagħhom għad-domanda ġdida għall-ħiliet, liema ħaġa titlob riformi mill-iskejjel tal-pimarja sal-università. Barra minn hekk, it-tagħlim tul il-ħajja u t-tagħlim kontinwu huma neċessità, u se jseħħu dejjem aktar fil-kuntest tax-xogħol. Id-djalogu soċjali jaqdi rwol essenzjali fit-tbassir tat-tibdil u l-ħtiġijiet relatati max-xogħol.

    1.8.

    Rigward il-ġestjoni tat-tibdil strutturali relatat mal-IA, il-KESE kkunsidra t-tisħiħ tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni bħala pass lejn fond Ewropew ta’ tranżizzjoni Ewropea komplut biex jgħin fil-ġestjoni tat-trasformazzjoni diġitali.

    1.9.

    Il-KESE jenfasizza li l-iżvilupp u l-użu tal-IA għandhom isiru f’konformità mal-valuri u mal-leġislazzjoni tal-konsumatur, tax-xogħol u tal-kumpaniji. Jeħtieġ li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jiġu involuti fit-tħejjija tal-politiki u l-miżuri relatati mal-IA. Jinħtieġ ukoll l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-IA biex tissaħħaħ il-fiduċja fost in-nies.

    1.10.

    Peress li l-IA għandha taqdi lis-soċjetà b’mod ġenerali u tikkunsidra l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali fl-istess ħin, il-KESE jissuġġerixxi li l-UE tadotta l-qafas ta’ żvilupp sostenibbli bħala approċċ gwida għal żviluppi futuri tal-IA. Il-KESE jitlob ukoll l-implimentazzjoni sostenibbli tal-IA minn organizzazzjonijiet individwali, inklużi prattiki adatti ta’ informazzjoni u konsultazzjoni.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    Wara l-istrateġija dwar l-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa ppubblikata f’April 2018, il-Kummissjoni Ewropea ħadmet mal-Istati Membri biex tħejji pjan koordinat dwar l-IA bil-għan li jkun hemm l-aqwa impatt globali tal-miżuri, b’mod partikolari l-investiment, fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, u li jiġi żgurat li l-UE tkun tista’ tlaħħaq mal-kompetizzjoni globali.

    2.2.

    Il-pjan koordinat jipproponi azzjonijiet konġunti f’erba’ oqsma: iż-żieda fl-investiment, it-tisħiħ tad-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data, it-trawwim tat-talent u tal-ħiliet, u l-iżgurar tal-fiduċja. Il-pjan koordinat jitlob ukoll lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom b’rabta mal-IA sa nofs l-2019.

    2.3.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan koordinat bħala pass importanti biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-istrateġija. Il-Kumitat ipprovda l-kummenti tiegħu dwar l-istrateġija f’Opinjoni preċedenti (1). Il-Kumitat ressaq ukoll Opinjoni dwar il-programm Ewropa Diġitali (2). Barra minn hekk, il-KESE ħejja Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja dwar aspetti differenti tal-IA (3), kif ukoll diversi Opinjonijiet oħra relatati mal-IA.

    2.4.

    Il-KESE jemmen li huwa importanti li l-miżuri ta’ implimentazzjoni jiġu ppjanati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri, meta wieħeq iqis li l-kompetenzi tal-UE u tal-Istati Membri jvarjaw f’oqsma ta’ politika differenti. Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni jinħtieġu wkoll sabiex ikun hemm l-aqwa riżultati u l-effiċjenza mill-perspettiva tal-UE kollha kemm hi. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jieħdu l-passi meħtieġa lejn l-għanijiet komuni, filwaqt li jirrikonoxxu l-kundizzjonijiet differenti f’pajjiżi differenti.

    2.5.

    Minbarra l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika f’livelli differenti, tinħtieġ kooperazzjoni bejn l-atturi kollha tas-soċjetà. Dan huwa meħtieġ biex jiġu evitati l-inkonsistenzi, id-duplikazzjonijiet u l-lakuni fl-azzjoni u b’hekk jiżdiedu l-effiċjenza u l-impatt tal-miżuri.

    2.6.

    Il-KESE jappella għal urġenza fl-implimentazzjoni tal-istrateġija, minħabba li l-progress fl-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-IA jsir b’pass rapidu lil hinn mill-UE. Fl-istess ħin, l-UE u l-Istati Membri għandhom iżommu sod mal-miri fit-tul tal-istrateġija. Il-KESE japprova l-ambizzjoni għall-Ewropa “ssir reġjun minn ta’ quddiem fid-dinja fejn tiġi żviluppata u varata IA mill-aktar avvanzata, sigura u etika, li tħeġġeġ approċċ fejn il-bniedem huwa ċentrali fil-kuntest globali” (4).

    2.7.

    Biex tirnexxi fil-kompetizzjoni globali, l-UE għandha ssegwi l-mod tagħha b’mod determinat, filwaqt li fl-istess ħin tirrikonoxxi l-iżviluppi u x-xejriet esterni. Il-KESE jqis li huwa importanti li l-kompetittività u l-fiduċja jitqiesu flimkien. L-affidabbiltà għandha l-potenzjal li ssir vantaġġ kompetittiv għall-UE, għalkemm komponenti oħra tal-kompetittività għandhom ukoll ikunu fis-seħħ.

    2.8.

    Peress li l-IA għandha taqdi lis-soċjetà b’mod ġenerali, il-KESE jissuġġerixxi li l-UE tadotta l-qafas ta’ żvilupp sostenibbli bħala approċċ gwida għal żviluppi futuri tal-IA. L-iżvilupp sostenibbli bit-tliet dimensjonijiet tiegħu jitlob politiki u miżuri li jsaħħu l-ekonomija u jiġġeneraw il-benessri għas-soċjetà, filwaqt li jgħin ukoll biex jitnaqqsu l-impatti klimatiċi u ambjentali.

    2.9.

    Il-KESE josserva li l-politiki relatati mal-IA għandhom jitfasslu mill-perspettiva tal-atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi l-intrapriżi, il-ħaddiema u l-konsumaturi. Għandha tingħata attenzjoni dovuta fuq kif isir l-aqwa użu possibbli mill-opportunitajiet tal-IA għas-soċjetà kollha u kif jiġu minimizzati r-riskji, inkluża l-manipulazzjoni tal-proċessi demokratiċi.

    2.10.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-inklużività u l-prinċipju li “ħadd ma jitħalla lura” fl-iżvilupp u l-użu tal-IA. Dan japplika għall-aċċessibbiltà tad-data u l-infrastruttura, id-disponibbiltà ta’ prodotti li faċli jintużaw mill-utenti u aċċess għall-għarfien u l-ħiliet. L-inklużività hija importanti kemm għan-nies kif ukoll għan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs. Għandhom jittieħdu miżuri speċjali biex jiżdiedu l-ħiliet tan-nisa fl-IA u jitħeġġu jidħlu f’impjiegi u jwettqu kompiti relatati mal-IA, inkluż fl-industrija.

    2.11.

    Minħabba l-isfidi kbar tas-soċjetà u l-iżvilupp estremament mgħaġġel tat-teknoloġiji, l-UE għandha tagħmel użu sħiħ mill-IA fl-analiżi ta’ tbassir dwar setturi bħall-kura tas-saħħa u t-trasport, inkluża l-kwistjoni tax-xogħol. Barra minn hekk, l-UE għandha tantiċipa l-opportunitajiet inerenti fit-teknoloġiji fixkiela (disruptive technologies) bħat-teknoloġija tal-kwantum.

    3.   L-iffaċilitar tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp tan-negozju

    3.1.

    Minbarra li tipprovdi l-operazzjonijiet ta’ negozju b’aktar effiċjenza u produttività, l-IA ġġib magħha wkoll opportunitajiet ġodda ta’ negozju għal varjetà wiesgħa ta’ industriji u servizzi. Dan jgħodd kemm għall-kumpaniji l-kbar kif ukoll għall-SMEs, in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu. Barra minn hekk, se jinħolqu negozji kompletament ġodda.

    3.2.

    Meta jitqies li ħafna qed iseħħ barra l-UE dwar l-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-IA, l-UE għandha wkoll issaħħaħ l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kompetittività tagħha. Hawnhekk, mhux qed nitkellmu dwar “li jintgħażlu r-rebbieħa” iżda pjuttost dwar l-identifikazzjoni tal-problemi u l-isfidi li jridu jiġu indirizzati, bil-għan li jinħolqu u jinżammu l-kundizzjonijiet ideali biex isir użu mill-opportunitajiet u jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji relatati mal-IA.

    3.3.

    L-investiment fl-innovazzjoni u l-infrastruttura u l-iżvilupp ulterjuri tas-suq uniku huma l-oqsma ewlenin ta’ azzjoni li għandu jsir enfasi fuqhom. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-importanza tal-ambjent tan-negozju imġenerali, bħat-tassazzjoni, ir-regolazzjoni u d-disponibbiltà tal-fatturi ta’ produzzjoni, għall-attivitajiet ta’ innovazzjoni u d-deċiżjonijiet dwar l-investiment mill-intrapriżi.

    3.4.

    Il-KESE japprova l-inizjattivi biex jiġi allokat aktar finanzjament għall-iżvilupp u l-adozzjoni tal-IA. Strumenti bħal Orizzont Ewropa, Ewropa Diġitali, InvestEU u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi huma kollha strumenti siewja u meħtieġa biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u lill-investiment fl-IA.

    3.5.

    Filwaqt li s-settur pubbliku għandu rwol sinifikanti x’jaqdi permezz tal-investiment proprju tiegħu fl-IA u l-akkwist pubbliku, jinħtieġ ħafna investiment privat biex jiġġenera progress adegwat kemm fl-iżvilupp kif ukoll fl-adozzjoni tal-IA f’diversi setturi. Il-finanzjament pubbliku jipprovdi ingranaġġ għall-investiment privat u bħala tali huwa essenzjali. Madankollu, il-prattiki ta’ finanzjament għandhom ikunu aktar faċli għall-utent. Għandhom jiġu żviluppati wkoll ir-regoli dwar il-finanzjament biex jitħeġġeġ it-teħid ta’ riskji.

    3.6.

    L-ekosistemi tan-negozju, magħmula minn kumpaniji ta’ daqsijiet differenti u minn setturi differenti u minn partijiet differenti tal-ktajjen tal-valur, huma meħtieġa għall-iżvilupp u l-użu tal-IA, l-istess bħall-koordinazzjoni bejn in-negozji u l-partijiet interessati differenti. Il-KESE jappoġġja l-pjani tal-Kummissjoni li ttejjeb il-kooperazzjoni, is-sħubijiet u n-netwerks transkonfinali permezz ta’ ċentri konnessi ta’ eċċellenza fir-riċerka, faċilitajiet tal-ittestjar u ċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ffaċilitati l-konnessjonijiet mal-SMEs u jitlob il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fil-qafas taċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali.

    3.7.

    Il-kompetenzi u l-ħiliet jaqdu rwol sinifikanti bħala faċilitatur tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp tan-negozju relatat mal-IA. Hemm domanda mhux biss għal “ħiliet tal-IA” speċifiċi iżda wkoll għal ħiliet biex tiġi applikata l-IA f’negozji speċifiċi, inklużi l-ħiliet intraprenditorjali. Peress li t-talent il-ġdid għan-negozju u l-industrija jiġi promoss l-aħjar permezz ta’ proġetti ta’ riċerka, il-KESE jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament adegwat għal dan it-tip ta’ riċerka.

    3.8.

    Il-pass mgħaġġel tal-iżviluppi jitlob aġilità fl-iffaċilitar tal-innovazzjoni fl-IA. Dan jirrikjedi siti ta’ ttestjar u “sandboxes” regolatorji li jippermettu li jiġu sperimentati ideat ġodda u ttestjati permezz ta’ proġetti pilota. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġu żgurati l-kondiviżjoni u r-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati tat-testijiet.

    3.9.

    Il-KESE jappella għal aktar investiment fit-teknoloġija u l-infrastruttura meħtieġa mill-IA u mill-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-IA, inklużi l-kompjuters bi prestazzjoni għolja u n-netwerks mobbli 5G, flimkien ma’ miżuri għat-titjib taċ-ċibersigurtà. Barra minn hekk, l-UE għandha tkun fuq quddiem nett fl-iżvilupp tat-teknoloġija tal-kwantum, speċjalment il-quantum computing u l-komunikazzjonijiet tal-kwantum.

    3.10.

    Peress li l-IA hija bbażata primarjament fuq id-data, il-KESE jqis li huwa kruċjali li jiġu żgurati l-kwalità, id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-interoperabbiltà u l-fluss bla xkiel tad-data, filwaqt li jiġu żgurati l-protezzjoni tad-data u l-privatezza. Suq uniku tad-data li jiffunzjona sew qed isir dejjem aktar importanti, meta wieħed iqis li huwa interkonness mas-suq uniku tal-beni, il-kapital u s-servizzi.

    3.11.

    Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni favur il-ħolqien ta’ Spazju Ewropew komuni tad-Data. Il-Kumitat iħeġġeġ il-ftuħ u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-big data ġġenerata mis-settur pubbliku għall-utenti kollha, u għat-tisħiħ tal-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs). Il-KESE jitlob ukoll li jinħolqu kundizzjonijiet ta’ appoġġ għat-twaqqif ta’ pjattaformi Ewropej għall-kondiviżjoni tad-data. It-tisħiħ tal-aċċessibbiltà u l-użu mill-ġdid tad-data għandu jkun allinjat ma’ kompetizzjoni ġusta u protezzjoni adatta tad-data u l-proprjetà intellettwali.

    3.12.

    Il-mudelli ta’ negozju bbażati fuq id-data, il-pjattaformi u l-ekosistemi qed isiru n-“normalità l-ġdida”. Filwaqt li llum il-ġurnata l-pjattaformi min-negozju għall-konsumatur huma dominati prinċipalment minn kumpaniji kbar minn barra l-Ewropa, l-UE jkollha potenzjal sinifikanti biex tikkompeti b’suċċess fl-oqsma tal-pjattaformi mill-pubbliku għaċ-ċittadin u minn negozju għal negozju. Fi kwalunkwe każ, huwa kruċjali li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-kompetituri barranin.

    3.13.

    Il-KESE jappella għal qafas ta’ abilitazzjoni li jistimula l-innovazzjoni u jevita li l-iżvilupp jixxekkel b’regoli u rekwiżiti dettaljati żżejjed, filwaqt li tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-IA. Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni tivvaluta, flimkien mal-industriji u l-partijiet ikkonċernati, jekk hemmx biċċiet ta’ regolamentazzjoni li jistgħu jfixklu l-iżvilupp jew l-adozzjoni ta’ IA affidabbli, inkluża l-analiżi tal-idoneità tal-liġi tal-kompetizzjoni.

    3.14.

    Il-KESE jistieden ukoll lil dawk li jfasslu l-politika biex jikkunsidraw strumenti ta’ politika mill-perspettiva tas-settur ikkonċernat. Ma hemm l-ebda soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd, iżda s-setturi differenti għandhom il-ħtiġijiet u l-isfidi proprji tagħhom x’jegħlbu. Għandu jsir użu sħiħ tal-opportunitajiet ipprovduti mill-istandardizzazzjoni, pereżempju fil-promozzjoni tal-interoperabbiltà, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-veloċità tat-tibdil u l-ħtieġa għal titjib kontinwu.

    4.   Nagħmlu possibbli li n-nies jippreparaw għall-ġejjieni

    4.1.

    Huwa ovvju li n-nies mhumiex konxji ħafna mill-opportunitajiet li tipprovdi l-IA biex jgħinuhom, filwaqt li ħareġ fid-dieher tħassib ċar dwar il-kontroll tal-magna. Il-KESE għalhekk huwa tal-fehma li hemm bżonn ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet ippreżentati mill-IA għas-soċjetà inġenerali. Jinħtieġu wkoll aktar għarfien u fehim dwar in-natura u l-funzjonament tal-IA biex tissaħħaħ il-fiduċja tan-nies abbażi ta’ ħsieb kritiku. Barra minn hekk, il-KESE jappella għal data statistika mtejba u aktar riċerka dwar l-implikazzjonijiet tal-IA għall-impjieg u x-xogħol, inklużi studji dwar l-impatti speċifiċi għas-settur.

    4.2.

    Minħabba li l-IA għandha l-potenzjal li ġġib magħha implikazzjonijiet konsiderevoli għall-ħajja ta’ kuljum tan-nies bħala konsumaturi, kif ukoll għall-iżvilupp tal-impjiegi u x-xogħol tal-futur, huwa essenzjali li n-nies jingħataw l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jitħejjew għat-tibdil. L-imsieħba soċjali jaqdu rwol essenzjali biex jantiċipaw it-tibdil fix-xogħol, jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u jsaħħu l-impjegabbiltà tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

    4.3.

    L-użu tal-IA jimplika tibdil konsiderevoli fid-domanda għall-ħiliet. Minħabba n-natura profonda u mgħaġġla tal-iżvilupp tal-IA, iridu jiġu identifikati kemm il-ħtiġijiet immedjati kif ukoll dawk fit-tul għat-taħriġ u l-edukazzjoni. L-edukazzjoni għandha tissodisfa l-ħtiġijiet tal-ħiliet diġitali bażiċi kif ukoll avvanzati. Minbarra li jiżguraw il-litteriżmu bażiku tal-IA, il-ħiliet ġenerali għandhom jipprovdu lin-nies bil-kapaċità li japplikaw l-IA fil-ħolqien u l-użu ta’ soluzzjonijiet innovattivi fil-ħajja ta’ kuljum u fix-xogħol tagħhom, flimkien ma, pereżempju, sistemi ta’ kooperazzjoni bejn il-bniedem u r-robots.

    4.4.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrispondu għad-domanda ġdida għall-ħiliet billi jadattaw is-sistemi edukattivi tagħhom. Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza tal-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet, l-istituzzjonijiet edukattivi, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili kkonċernati kemm fit-tfassil kif ukoll fl-implimentazzjoni ta’ programmi edukattivi u ta’ taħriġ ġodda, sabiex jittejbu l-ħiliet rilevanti fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà b’mod ġenerali. L-IA għandha tintuża wkoll fl-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet kif ukoll fl-organizzazzjoni u l-forniment tal-kontenut għall-edukazzjoni u t-taħriġ.

    4.5.

    Jinħtieġu riformi fil-kurrikuli mill-iskejjel primarji sal-universitajiet. Hemm bżonn ta’ bażi b’saħħitha fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika, filwaqt li jiġi rikonoxxut li kemm l-iżvilupp kif ukoll l-użu tal-IA jirrikjedu kompetenzi wiesgħa. Dan jenfasizza s-sinifikat tal-edukazzjoni fix-xjenzi soċjali u l-arti, fost affarijiet oħra.

    4.6.

    Minbarra l-iżvilupp tal-edukazzjoni bażika, hemm ħtieġa evidenti għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-persuni, inklużi l-għalliema. It-tagħlim tul il-ħajja u t-tagħlim kontinwu huma neċessità għal kulħadd biex ilaħħqu mal-iżviluppi attwali u futuri. It-tagħlim se jseħħ dejjem aktar fil-kuntest tax-xogħol u jkun ibbażat fuq ambizzjonijiet individwali.

    4.7.

    Il-KESE jemmen li l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ għandu jkun parti ċentrali tal-istrateġiji nazzjonali tal-IA, u li l-prattiki tajba tal-inizjattivi nazzjonali għandhom jiġu kondiviżi fil-livell Ewropew. Il-KESE jappella għal aktar allokazzjoni tal-fondi tal-UE biex jiġu appoġġjati r-riformi u l-inizjattivi ġodda meħtieġa fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

    4.8.

    Huwa importanti wkoll li jiġu ttrattati l-bidliet strutturali relatati mal-IA fir-reġjuni u s-setturi l-aktar milquta mill-użu tal-IA. L-Istati Membri għandhom iħejju approċċi dwar kif titnaqqas id-diskrepanza fil-ħiliet u jitnaqqsu l-impatti soċjali negattivi, inkluża l-protezzjoni ta’ dawk li ma jistgħux jiġu impjegati. L-aċċess għall-Internet irid jiġi żgurat ukoll fl-oqsma kollha sabiex jiġi evitat id-distakk diġitali. Il-KESE jara t-tisħiħ tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni propost mill-Kummissjoni bħala pass lejn l-istabbiliment ta’ fond Ewropew ta’ tranżizzjoni komplut li jgħin fil-ġestjoni tat-trasformazzjoni diġitali b’mod soċjalment responsabbli.

    5.   It-trawwim tal-fiduċja fl-IA

    5.1.

    Il-KESE jemmen bis-sħiħ li biex jinħatfu l-opportunitajiet b’suċċess li tipprovdi l-IA, tinħtieġ fiduċja soda fiha. L-affidabbiltà hija mistennija mill-konsumaturi u l-impjegati, kif ukoll min-negozji – min iħaddem, l-intraprendituri, l-investituri u l-finanzjaturi.

    5.2.

    X’aktarx li t-tħassib relatat mal-IA se jonqos bis-saħħa ta’ aktar għarfien u fehim ta’ xi tfisser l-IA, kif tista’ tintuża u kif jittieħdu d-deċiżjonijiet tagħha. Dan se jqiegħed il-pedament għall-fiduċja fl-IA billi jippermetti l-ħsieb kritiku u l-kunsiderazzjoni ta’ kwistjonijiet fundamentali bħall-prinċipju tal-“bniedem fil-kmand” u l-prospetti għall-persuni li jkollhom kontroll fuq ħajjithom. Min-naħa l-oħra, il-fiduċja tiddependi minn aspetti prattiċi ħafna bħall-faċilità tal-użu għall-utent.

    5.3.

    Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli Ewropew dwar l-IA dan l-aħħar nieda linji gwida dwar l-etika għal IA affidabbli. Il-KESE jieħu nota ta’ dawn il-linji gwida u jiġbed l-attenzjoni għar-rwol kruċjali ta’ data miftuħa, adegwata u affidabbli, it-trasparenza tad-deċiżjonijiet tal-IA u l-inklużività tal-iżvilupp u l-użu tal-IA. Il-KESE jappella wkoll għal diskussjonijiet wesgħin dwar kwistjonijiet bħall-implikazzjonijiet tat-tfassil tal-profili tal-persuni u l-prerekwiżiti biex jiġu sfidati d-deċiżjonijiet b’rabta mal-IA.

    5.4.

    Jekk jitqiesu fil-qafas tal-iżvilupp sostenibbli, l-aspetti etiċi diskussi prinċipalment jinkludu aspetti relatati mal-bniedem u għalhekk jagħmlu parti mid-dimensjoni soċjali tas-sostenibbiltà. Barra minn hekk, l-IA għandha tikkunsidra aspetti ambjentali bħal dawk relatati mat-tibdil fil-klima u r-riżorsi naturali, inkluż l-użu sostenibbli tal-enerġija u l-materja prima u l-evitar tal-obsolexxenza prematura tal-prodotti, fost l-oħrajn. Barra minn hekk, is-sostenibbiltà ekonomika teħtieġ li s-soluzzjonijiet tal-IA jkunu ekonomikament sodi, jiġifieri produttivi, profittabbli u kompetittivi.

    5.5.

    L-impatt tal-applikazzjonijiet tal-IA huwa element ieħor ta’ fiduċja. Jekk l-IA tibbenefika lis-soċjetà – fl-ispirtu tal-iżvilupp sostenibbli — billi tiġġenera l-prosperità ekonomika, il-benessri soċjali u s-saħħa, kif ukoll benefiċċji ambjentali, tista’ tiġi rikonoxxuta bħala “li tagħmel il-ġid”.

    5.6.

    Il-KESE jemmen li l-fiduċja fl-IA tista’ tiżdied permezz ta’ politika pubblika ċċentrati fuq iċ-ċittadin billi jiġu involuti r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija tal-politiki u l-miżuri relatati mal-IA. Is-settur pubbliku jista’ jżid il-fiduċja fl-IA anke permezz ta’ amministrazzjoni ċċentrata fuq iċ-ċittadin, fejn l-IA jista’ jkollha rwol sinifikanti x’taqdi billi l-proċessi amministrattivi jsiru aktar faċli u mfassla apposta. Barra minn hekk, wieħed għandu jikkunsidra l-opportunitajiet ipprovduti, pereżempju, mit-teknoloġiji tal-blockchain, sabiex jittejbu s-servizzi diġitali fdati.

    5.7.

    L-iżvilupp u l-użu tal-IA għandhom isiru f’konformità sħiħa mal-liġi, kemm jekk tkun leġislazzjoni tal-konsumatur, tax-xogħol jew tal-kumpaniji. Hemm ħafna leġislazzjoni li hija rilevanti għall-iżvilupp u l-użu tal-IA. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza u tikkomplementa l-evalwazzjoni tagħha tal-partijiet rilevanti tal-leġislazzjoni, pereżempju fil-qasam tas-sikurezza u r-responsabbiltà, fir-rigward tal-adegwatezza tagħhom għall-iskop fir-rigward ta’ IA affidabbli. Il-fattibilità ta’ regolament settorjali rilevanti għandha tiġi riveduta wkoll.

    5.8.

    Madankollu, huwa importanti ħafna li l-approċċ u l-prinċipji ta’ IA affidabbli jiġu adottati u introdotti bħala parti integrali mill-kultura ta’ kull organizzazzjoni, kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku. L-etika tal-IA ma għandhiex titqies bħala xi ħaġa separata jew differenti mill-etika inġenerali. L-organizzazzjonijiet għandhom jintegraw l-etika tal-IA fl-istrateġiji globali tagħhom, il-kodiċijiet ta’ kondotta ġenerali u l-prattiki ta’ ġestjoni regolari, inklużi l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati, kif ukoll is-sistemi ta’ monitoraġġ u awditjar.

    5.9.

    L-adozzjoni proattiva ta’ IA affidabbli tista’ tittejjeb billi jiġu inklużi l-aspetti etiċi fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-iżviluppaturi u l-utenti tal-IA, kif ukoll billi jiġu pprovduti u implimentati linji gwida etiċi. Il-KESE huwa lest, min-naħa tiegħu, li jxerred l-informazzjoni dwar l-aspetti etiċi fost l-atturi tas-soċjetà ċivili.

    Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 51.

    (2)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 292.

    (3)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 43; ĠU C 440, 6.12.2018, p. 1; ĠU C 345, 13.10.2017, p. 52; ĠU C 190, 5.6.2019, p. 17.

    (4)  COM(2018) 795 final ANNESS.


    Top