Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE4675

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2007/198/Euratom li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi” (COM (2018) 445 final — 2018/0235 (NLE))

EESC 2018/04675

ĠU C 110, 22.3.2019, p. 136–140 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/136


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2007/198/Euratom li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi”

(COM (2018) 445 final — 2018/0235 (NLE))

(2019/C 110/25)

Relatur:

Ulrich SAMM

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 12.7.2018

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

20.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

202/0/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jinnota li l-kisba ta’ enerġija nadifa hija prijorità għolja u għal dan il-għan l-enerġija mill-fużjoni hija rikonoxxuta bħala soluzzjoni fit-tul potenzjali bl-Ewropa fuq quddiem nett tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-fużjoni li huma ħielsa mill-karbonju, sostenibbli u jgħinu sabiex jiżguraw it-taħlita tagħna ta’ provvisti tal-enerġija.

1.2.

Il-KESE jenfasizza li l-livell għoli ta’ investiment fit-tul meħtieġ sabiex jiġi żviluppat impjant tal-enerġija mill-fużjoni għadha tinvolvi xi riskju industrijali, iżda fil-każ ta’ suċċess, is-seħħ ta’ impjant tal-enerġija mill-fużjoni ikun fattur li jkun għadu kemm ġie introdott li jbiddel b’mod sinifikanti l-provvista eżistenti ta’ enerġija billi tiġi pprovduta innovazzjoni fixkiela, hekk kif il-fjuwil għall-fużjoni huwa abbundanti u kważi ineżawribbli.

1.3.

Il-proposta tindirizza l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja l-QFP li jmiss sabiex isostni l-momentum pożittiv tal-proġett ITER. Kollaborazzjoni ta’ seba’ msieħba globali (l-UE, l-Istati Uniti, ir-Russja, il-Ġappun, iċ-Ċina, il-Korea t’Isfel, u l-Indja) bħalissa qed tibni f’Cadarache, fi Franza, l-ewwel reattur ta’ fużjoni ITER bi produzzjoni termali ta’ 500 MW. Il-bidu tal-operazzjonijiet huwa fl-2025 u l-operat bi prestazzjoni sħiħa (500 MW) huwa ppjanat għall-2035. Il-KESE japprezza l-progress pożittiv li sar matul l-aħħar snin, wara li ngħelbu l-problemi permezz ta’ reviżjoni maġġuri tal-proġett ITER (maniġment superjuri ġdid u skeda bażi riveduta tal-ITER).

1.4.

Il-KESE iħeġġeġ lill-Kummissjoni tenfasizza aktar l-importanza tal-ħtieġa li torbot il-proġett ITER mar-riċerka Ewropea dwar il-fużjoni organizzata mill-EUROfusion, li hija ffinanzjata taħt il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ (Euratom) u topera l-Joint European Torus (JET), faċilità sperimentali importanti li tinsab f’Culham, ir-Renju Unit. Minbarra l-kostruzzjoni, l-ITER jeħtieġ tħejjija bir-reqqa u komunità tar-riċerka Ewropea b’saħħitha biss tista’ żżomm il-programmi u t-tmexxija li jakkumpanjaw.

1.5.

Il-KESE jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-UE, kif jista’ jidher mis-suċċess tal-EUROfusion. Dan huwa l-programm ta’ riċerka fl-Ewropa li jinvolvi b’mod ċar l-akbar għadd ta’ Stati Membri (ħlief il-Lussemburgu u Malta), li jikkontribwixxu bi proġetti essenzjali, li flimkien jagħmlu lill-UE mexxejja dinjija f’dan il-qasam.

1.6.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon li l-Pjan Direzzjonali Ewropew il-ġdid għar-realizzazzjoni tal-enerġija mill-fużjoni, żviluppat mill-EUROfusion, jipprovdi triq definita tajjeb għall-ewwel impjant tal-enerġija mill-fużjoni bbażata fuq involviment industrijali intensifikat, l-edukazzjoni ta’ xjenzati u inġiniera tal-fużjoni madwar l-Ewropa kollha u kollaborazzjoni b’saħħitha barra mill-Ewropa. Il-pjan direzzjonali jipprevedi li l-ITER ikun qiegħed jaħdem b’mod regolari bi prestazzjoni għolja fl-2035 u fuq il-bażi tar-riżultati, it-tfassil tal-ewwel impjant tal-enerġija mill-fużjoni (DEMO), li jforni għall-ewwel darba l-elettriku lill-grilja, se jitlesta bejn wieħed u ieħor fl-2040 meta tibda l-kostruzzjoni.

1.7.

Il-KESE jifhem li l-ITER għandu kwistjonijiet importanti li jistgħu jiġu indirizzati biss fil-JET u għalhekk jerġa’ jsostni t-tħassib dwar l-effetti tal-Brexit fuq il-kontinwazzjoni tal-JET. Sabiex jiġu minimizzati r-riskji fit-tħaddim tal-ITER u jiġi ottimizzat il-pjan ta’ riċerka tiegħu, il-KESE jqis li huwa importanti li l-JET ikompli jitħaddem (bħala faċilità tal-UE, jew bħala faċilità konġunta tal-UE u r-Renju Unit) fil-perjodu bejn l-2020 u l-ewwel tħaddim tal-ITER, billi ma hemmx soluzzjonijiet ta’ riżerva għat-telf tal-JET matul dan il-perjodu.

1.8.

Il-proposta tal-Kummissjoni tagħti l-baġit għall-ITER, iżda ma jissemma xejn dwar l-adegwatezza tal-baġit meħtieġ għall-programm ta’ riċerka dwar il-fużjoni li jakkumpanja. Il-KESE jenfasizza li l-baġit riżervat għall-EUROfusion fil-perjodu 2021-2025 irid ikun kompatibbli mal-għanijiet tal-pjan direzzjonali tal-fużjoni, fejn il-ħidma tal-ITER hija essenzjali.

1.9.

Il-KESE huwa sodisfatt dwar ir-rilevanza tal-investimenti fit-teknoloġija tal-fużjoni għall-industrija u l-SMEs. Fil-perjodu mill-2008 sal-2017, Fużjoni għall-Enerġija tat kuntratti u għotjiet għall-valur ta’ madwar EUR 3,8 biljun madwar l-Ewropa. Mill-anqas 500 kumpanija li jinkludu SMEs, u aktar minn 70 organizzazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp, minn madwar 20 Stat Membru differenti tal-UE u l-Iżvizzera bbenefikaw mill-investiment fl-attivitajiet tal-ITER. Barra minn hekk, il-Partijiet tal-ITER li mhumiex fl-UE ffirmaw ukoll kuntratti mal-industrija Ewropea biex jappoġġjaw il-manifattura tal-komponenti proprji tagħhom għall-ITER, li jġib impjiegi ġodda u tkabbir addizzjonali għall-kumpaniji Ewropej. Il-KESE jinnota li l-akbar kontributur għall-impatt nett mill-investimenti fl-ITER huwa l-iżvilupp ta’ spin-offs u t-trasferimenti tat-teknoloġija, li joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ negozju f’setturi oħra.

1.10.

Il-KESE huwa konvint li r-riċerka Ewropea dwar il-fużjoni b’mod ġenerali u s-seħħ ta’ ITER b’mod partikolari jistgħu jservu bħala eżempju eċċellenti li juri s-setgħa ta’ proġetti Ewropej konġunti. Huwa importanti li r-riżultati miksuba permezz tal-finanzjament u l-isforzi konġunti fuq skala Ewropea jiġu mħabbra liċ-ċittadini. Dan ser iżid il-fiduċja tal-poplu fix-xjenza u r-riċerka, kif ukoll ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-Unjoni Ewropea.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-ITER (International Thermonuclear Experimental Reactor) huwa proġett ta’ kollaborazzjoni xjentifika internazzjonali mniedi fl-2005 bejn seba’ msieħba globali (il-Partijiet tal-ITER huma: l-UE, l-Istati Uniti, ir-Russja, il-Ġappun, iċ-Ċina, il-Korea t’Isfel, u l-Indja). Il-proġett għandu l-għan li juri l-fattibbiltà xjentifika u teknoloġika tal-enerġija mill-fużjoni għal skopijiet paċifiċi permezz tal-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-ewwel reattur ta’ fużjoni ITER ta’ 500 MW f’Cadarache, fi Franza. Il-KESE diġà appoġġja dan il-proġett b’diversi opinjonijiet (1). L-ITER huwa l-pass li jmiss fit-triq lejn l-enerġija mill-fużjoni, l-aktar sors ta’ enerġija sostenibbli innovattiv u promettenti li kapaċi jlaħħaq mad-domanda dejjem tiżdied għall-enerġija, flimkien mal-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

2.2.

Fl-2015, riforma maġġuri tal-proġett ITER kienet tinkludi l-ħatra ta’ maniġment superjuri ġdid fl-organizzazzjoni ITER kif ukoll fl-impriża konġunta “Fużjoni għall-Enerġija” (F4E). Fid-19 ta’ Novembru 2016, il-Kunsill ITER approva skeda ta’ referenza riveduta tal-ITER. Din l-iskeda tistabbilixxi Diċembru 2025 bħala l-ewwel data teknikament realizzabbli għall-ewwel plażma u tistabbilixxi d-data mmirata għat-tħaddim bi prestazzjoni sħiħa (500 MW), bl-użu tal-fjuwil dewterju-tritju, fl-2035. L-apprezzament pożittiv tal-progress tal-ITER f’dawn l-aħħar snin ġie kkonfermat minn valutazzjonijiet indipendenti, li rrikonoxxew l-istabbilizzazzjoni tal-proġett u bażi realistika għat-tlestija tiegħu.

2.3.

Il-kontribut Ewropew għall-organizzazzjoni ITER huwa pprovdut mill-Aġenzija Domestika tal-UE “Fużjoni għall-Enerġija” (F4E) li tinsab f’Barċellona, fi Spanja. L-F4E hija impriża konġunta stabbilita skont il-Kapitolu 5 tat-Trattat Euratom. Skont l-Istatuti tagħha, l-F4E għandha l-proċedura ta’ kwittanza baġitarja proprja tagħha mill-Parlament Ewropew, wara rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-UE. Fl-2015, ġie adottat regolament finanzjarju ġdid tal-F4E; ir-responsabbiltà għas-superviżjoni tal-ITER, u għalhekk tal-F4E, ġiet trasferita mid-DĠ RTD għad-DĠ ENER.

2.4.

Minbarra l-kostruzzjoni tal-ITER, appoġġ xjentifiku profond u wiesa’ għar-riċerka dwar il-fużjoni huwa mogħti mill-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ (2), li jikkomplementa l-programm ġenerali ta’ riċerka “Orizzont Ewropa” (3). Minbarra l-attivitajiet klassiċi ta’ riċerka nukleari, dan il-programm ikopri l-attivitajiet ta’ riċerka fundamentali dwar l-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni skont il-Pjan Direzzjonali għar-Riċerka dwar il-Fużjoni, li jiddeskrivi perkors ottimizzat li jgħaddi mill-ITER u impjant Dimostrattiv tal-Elettriku (DEMO) għall-użu kummerċjali tal-impjanti ta’ fużjoni. Il-Pjan Direzzjonali għar-Riċerka dwar il-Fużjoni mhux biss jiddeskrivi l-faċilitajiet ewlenin li huma meħtieġa, iżda wkoll ir-riċerka li għandha titwettaq b’appoġġ għall-ITER u d-DEMO.

2.5.

Il-Pjan Direzzjonali għar-Riċerka dwar il-Fużjoni ġie żviluppat mill-EUROfusion, li huwa responsabbli sabiex jikkoordina l-attivitajiet Ewropej ta’ riċerka dwar il-fużjoni. Dan il-konsorzju jlaqqa’ flimkien 30 Istitut Nazzjonali tar-Riċerka u madwar 150 Università minn 26 pajjiż tal-UE flimkien mal-Iżvizzera u l-Ukrajna. Il-Kwartieri Ġenerali tal-EUROfusion jinsab f’Garching, fil-Ġermanja, filwaqt li l-esperiment emblematiku tal-Joint European Torus (JET) jinsab f’Culham, fir-Renju Unit.

3.   Kontenut essenzjali tal-proposta

3.1.

Il-proposta (4) tindirizza l-isfidi ewlenin biex il-QFP li jmiss isostni l-momentum pożittiv fil-proġett, jiżgura l-progress kostanti tal-kostruzzjoni u l-assemblaġġ, u jżomm l-impenn tal-Partijiet kollha tal-ITER. Biex jintlaħqu dawn l-isfidi se tkun meħtieġa tmexxija sostnuta tal-proġett mill-UE, li trid tkun appoġġjata minn prestazzjoni eċċellenti tal-F4E u konformità sħiħa tal-UE bis-sehem tagħha ta’ obbligi ta’ finanzjament u kontribuzzjonijiet in natura.

3.2.

Ir-riżorsi meħtieġa mill-Euratom sabiex jippermettu t-tlestija b’suċċess tal-faċilità u l-bidu tal-fażi ta’ tħaddim/sperimentali huma dettaljati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-Kontribuzzjoni tal-UE lejn il-Proġett ITER Riformat” li ġiet adottata mill-Kummissjoni f’Ġunju 2017.

3.3.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jistabbilixxu l-livell massimu tal-impenji tal-Euratom għall-ITER fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2021-2027 għal EUR 6 070 000 000 (bil-valuri attwali). Din hija meqjusa bħala l-massa kritika ta’ finanzjament li hija meħtieġa biex l-azzjoni tal-UE relatata mal-ITER taħdem b’mod effettiv, li tikkorrespondi għal-linja bażi ġdida għall-kostruzzjoni tal-ITER. Il-baġit propost huwa bbażat fuq l-ewwel data teknikament realizzabbli għall-kostruzzjoni tal-ITER mingħajr kontinġenzi u għalhekk jassumi li r-riskji prinċipali kollha jistgħu jiġu mitigati.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE jinnota li l-iżgurar tal-kompetittività u l-assigurazzjoni tal-provvisti enerġetiċi tagħna huwa ta’ interess primarju iżda huwa sostenibbli biss meta jiġi kombinat mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Għall-prosperità u l-benesseri futuri tagħna għalhekk huma kruċjali sorsi ta’ enerġija li huma ħielsa mill-karbonju u sostenibbli. Il-kisba ta’ enerġija nadifa hija prijorità għolja u għal dan il-għan, l-enerġija mill-fużjoni hija rikonoxxuta bħala soluzzjoni fit-tul potenzjali, bl-Ewropa fuq quddiem nett tal-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-fużjoni.

4.2.

Il-KESE jenfasizza li l-livell għoli ta’ investiment fit-tul meħtieġ sabiex jiġi żviluppat impjant tal-enerġija mill-fużjoni għadha tinvolvi xi riskju industrijali, iżda fil-każ ta’ suċċess, is-seħħ ta’ impjant tal-enerġija mill-fużjoni ikun fattur li jkun għadu kemm ġie introdott li jbiddel b’mod sinifikanti l-provvista eżistenti ta’ enerġija billi tiġi pprovduta innovazzjoni fixkiela. Il-fjuwil għall-fużjoni huwa abbundanti u kważi ineżawribbli: it-tritju jista’ jiġi prodott mil-litju, metall li jinstab kullimkien fil-qoxra tad-Dinja u fl-ilma baħar u d-dewterju jinstab fl-ilma naturali.

4.3.

Il-KESE jixtieq jirrimarka l-karatteristiċi ta’ sikurezza distinti tal-fużjoni meta mqabbla mal-fissjoni nukleari konvenzjonali. Impjant tal-enerġija mill-fużjoni huwa intrinsikament sigur: ftit grammi biss ta’ fjuwil jagħmlu l-plażma, li malajr tintefa f’każ ta’ funzjonament ħażin. Ir-reazzjonijiet tad-dewterju u t-tritju jerħu n-newtroni li jattivaw il-materjali tal-ħitan. Il-prodotti sekondarji radjuattivi li jirriżultaw għandhom ħajja qasira, għalhekk il-maġġoranza tal-materjali jistgħu jiġu riċiklati wara ċertu żmien ta’ diżintegrazzjoni u ma hija meħtieġa ebda ħażna ġdida ta’ skart nukleari.

4.4.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tenfasizza aktar l-importanza tal-ħtieġa ta’ kollegament tal-proġett ITER u r-riċerka Ewropea dwar il-fużjoni organizzata mill-EUROfusion. Minbarra l-kostruzzjoni, l-ITER jeħtieġ tħejjija bir-reqqa u programmi ta’ akkumpanjament. Fl-Ewropa, programm ikkoordinat li juża l-JET u apparati oħra, flimkien ma’ mmudellar u simulazzjonijiet, jgħin biex jiġu ttestjati u żviluppati x-xenarji operattivi tal-ITER, u tiġi proġettata u ottimizzata l-prestazzjoni tal-ITER u t-tfassil tad-DEMO. It-tħaddim tat-tokamak JET b’taħlita ta’ dewterju-tritju u b’ħajt qisu tal-ITER huwa fundamentali għat-tħejjija tat-tħaddim tal-ITER.

4.5.

Il-KESE jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-UE, kif jista’ jidher mis-suċċess tal-EUROfusion. Dan huwa l-programm ta’ riċerka fl-Ewropa li jinvolvi b’mod ċar l-akbar għadd ta’ Stati Membri (ħlief il-Lussemburgu u Malta) li jikkontribwixxu bi proġetti essenzjali, li flimkien jagħmlu lill-UE mexxejja dinjija f’dan il-qasam. L-investimenti u l-finanzjament tar-riċerka kienu għall-benefiċċju tal-industriji, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-universitajiet.

4.6.

Il-KESE huwa konvint li r-riċerka Ewropea dwar il-fużjoni b’mod ġenerali u s-seħħ ta’ ITER b’mod partikolari jistgħu jservu bħala eżempju eċċellenti li juri s-setgħa ta’ proġetti Ewropej konġunti. Huwa importanti li r-riżultati miksuba permezz tal-finanzjament u l-isforzi konġunti fuq skala Ewropea jiġu mħabbra liċ-ċittadini. Dan ser iżid il-fiduċja tal-poplu fix-xjenza u r-riċerka, kif ukoll ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-Unjoni Ewropea biex tikseb għan imbiegħed u diffiċli li ma jkunx possibbli permezz tal-isforzi u l-finanzjament ta’ pajjiżi individwali u li ser ikollu riperkussjonijiet importanti fuq perjodu twil, mhux biss f’termini teknoloġiċi u industrijali, iżda wkoll fuq ir-riċerka, l-industrija u l-SMEs, b’impatt sinifikanti fuq l-ekonomija u l-ħolqien tal-impjiegi, anke fuq perjodu qasir u medju.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-Pjan Direzzjonali Ewropew il-ġdid għar-realizzazzjoni tal-enerġija mill-fużjoni jipprovdi triq definita tajjeb għall-ewwel impjant tal-enerġija mill-fużjoni bbażata fuq involviment industrijali intensifikat, l-edukazzjoni ta’ xjenzati u inġiniera tal-fużjoni madwar l-Ewropa kollha u kollaborazzjoni b’saħħitha barra mill-Ewropa. Il-pjan direzzjonali jkopri l-perjodu ta’ terminu qasir sakemm l-ITER jibda jopera (2025), it-terminu medju sakemm l-ITER ikun qiegħed jopera b’mod regolari bi prestazzjoni għolja (2035) u t-terminu twil lejn l-ewwel impjant tal-enerġija mill-fużjoni (DEMO), li jforni l-elettriku lill-grilja għall-ewwel darba.

5.2.

L-ITER huwa l-faċilità ewlenija tal-pjan direzzjonali billi huwa mistenni li jilħaq il-biċċa l-kbira tal-istadji importanti fit-triq lejn l-enerġija mill-fużjoni. Għalhekk, il-maġġoranza kbira tar-riżorsi proposti fuq terminu qasir għall-EUROfusion huma ddedikati għall-ITER u l-esperimenti li jakkumpanjawh, li wieħed minnhom huwa l-Joint European Torus (JET) f’Culham, l-Ingilterra. Il-KESE jirrikonoxxi li l-JET wera li l-bini u t-tħaddim ta’ infrastruttura kbira ta’ riċerka dwar il-fużjoni huwa effiċjenti u jimmassimizza l-benefiċċji xjentifiċi u industrijali.

5.3.

Il-KESE jappoġġa t-talba mill-organizzazzjoni ITER għal input prezzjuż mir-riżultati li għandhom jinkisbu dwar il-JET matul il-perjodu qabel l-ewwel plażma fl-ITER. Billi l-JET għandu kapaċitajiet uniċi peress li huwa l-uniku tokamak li kapaċi jaħdem bit-tritju, għandu l-ewwel materjali tal-ħitan tal-ITER u jipprovdi mmaniġġar sħiħ mill-bogħod, it-tħaddim tiegħu jista’ jikkontribwixxi għall-pjan ta’ riċerka tal-ITER bil-għan li jitnaqqsu r-riskji, jiġu ffrankati l-ispejjeż, u jinkiseb il-liċenzjar operattiv għall-ITER. Dan huwa partikolarment importanti minħabba li l-baġit għall-ITER propost mill-Kummissjoni huwa mingħajr kontinġenzi u għalhekk jassumi li r-riskji prinċipali kollha jistgħu jiġu mitigati.

5.4.

Il-KESE jifhem li l-ITER għandu kwistjonijiet importanti li jistgħu jiġu indirizzati biss fil-JET u għalhekk jissieħeb fit-tħassib dwar l-effetti tal-Brexit fuq il-kontinwazzjoni tal-JET. Sabiex jiġu minimizzati r-riskji fit-tħaddim tal-ITER u biex jiġi ottimizzat il-pjan ta’ riċerka tiegħu, il-KESE jqis li huwa importanti li l-JET ikompli jitħaddem (bħala faċilità tal-UE, jew bħala faċilità konġunta tal-UE u r-Renju Unit) fil-perjodu bejn l-2020 u l-ewwel tħaddim tal-ITER, billi ma hemmx soluzzjonijiet ta’ riżerva għat-telf tal-JET matul dan il-perjodu.

5.5.

Il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi l-baġit għall-ITER, iżda ma jissemma xejn dwar l-adegwatezza tal-baġit meħtieġ għall-programm ta’ riċerka dwar il-fużjoni li jakkumpanja. Dan tal-aħħar huwa indirizzat fi proposta separata (5), madankollu, f’din il-proposta ma jissemma xejn dwar il-ħtiġijiet tal-ITER. Il-KESE jenfasizza li l-baġit riżervat għall-EUROfusion fil-perjodu 2021-2025 irid ikun kompatibbli mal-għanijiet tal-pjan direzzjonali tal-fużjoni, fejn il-ħidma għall-ITER hija essenzjali, filwaqt li hemm bżonn li jissaħħu l-attivitajiet ta’ tfassil tad-DEMO.

5.6.

Il-KESE huwa sodisfatt bir-rilevanza tal-investimenti fit-teknoloġija tal-fużjoni għall-industrija u l-SMEs. L-investiment tal-UE fil-kostruzzjoni tal-ITER iġib benefiċċji importanti għall-industrija Ewropea u l-komunità tar-riċerka tagħtihom l-opportunità li jinvolvu ruħhom fir-riċerka u l-iżvilupp, it-teknoloġija, id-disinn u x-xogħol ta’ manifattura avvanzati għall-komponenti tal-ITER. Il-ħolqien li jirriżulta ta’ għarfien ġdid u spin-offs jiġġenera tkabbir ekonomiku u jippromovi l-impjiegi. Fil-perjodu mill-2008 sal-2017, Fużjoni għall-Enerġija tat 839 kuntratt u għotjiet b’valur ta’ madwar EUR 3,8 biljun madwar l-Ewropa. Mill-anqas 500 kumpanija li jinkludu SMEs, u aktar minn 70 organizzazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp, minn madwar 20 Stat Membru differenti tal-UE u l-Iżvizzera bbenefikaw mill-investiment fl-attivitajiet tal-ITER. Barra minn hekk, il-partijiet tal-ITER li mhumiex fl-UE ffirmaw ukoll kuntratti mal-industrija Ewropea biex jappoġġjaw il-manifattura tal-komponenti proprji tagħhom għall-ITER, li jġib impjiegi ġodda u tkabbir addizzjonali għall-kumpaniji Ewropej.

5.7.

Il-KESE jieħu nota tal-informazzjoni komprensiva pprovduta mill-Kummissjoni (6), li tiżvela li l-akbar kontributur għall-impatt nett mill-investimenti fl-ITER huwa l-iżvilupp ta’ spin-offs u t-trasferimenti tat-teknoloġija. It-teknoloġiji żviluppati għall-ITER joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ negozju f’setturi oħra, minħabba li l-ħidma fuq l-ITER iżżid il-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej fl-ekonomija globali, hija tipprovdi opportunità għall-kumpaniji tradizzjonali biex jidħlu fis-suq tat-teknoloġija avvanzata u toffri wkoll lill-industriji u lill-SMEs Ewropej tat-teknoloġija avvanzata opportunità unika sabiex jinnovaw u jiżviluppaw prodotti għal sfruttament barra l-fużjoni.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 302, 7.12.2004, p. 27; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 127; ĠU C 229, 31.7.2012, p. 60.

(2)  L-Opinjoni TEN/678 Il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ 2021-2025 (Euratom), Relatur: Giulia Barbucci (ara paġna 132 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  L-Opinjoni INT/858 Orizzont Ewropa, Relatur: Lobo Xavier (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 33).

(4)  COM(2018) 445 final.

(5)  COM (2018) 437 final u l-Opinjoni TEN/678, Relatur: Giulia Barbucci (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).

(6)  “Study on the impact of the ITER project activities in the EU” (Studju dwar l-impatt tal-attivitajiet tal-proġett ITER fl-UE), (2018), ENER/D4/2017-458, Trinomics (Rotterdam) u Cambridge Econometrics


Top