Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2791

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi” (COM(2018) 375 final — 2018/0196 (COD))

    EESC 2018/02791

    ĠU C 62, 15.2.2019, p. 83–89 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.2.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 62/83


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi”

    (COM(2018) 375 final — 2018/0196 (COD))

    (2019/C 62/13)

    Relatur:

    Stefano MALLIA

    Konsultazzjonijiet

    Parlament Ewropew, 11.6.2018

    Kunsill Ewropew, 19.6.2018

    Bażi legali

    Artikoli 177, 304 u 322(1) tat-TFUE

     

     

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni

    3.10.2018

    Adottata fil-plenarja

    17.10.2018

    Sessjoni plenarja Nru

    538

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    111/0/2

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-politika ta’ koeżjoni hija waħda mill-iktar politiki tanġibbli tal-UE li għandha impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. Fid-dawl ta’ dan, il-KESE jopponi bil-qawwa l-proposta tal-Kummissjoni li tnaqqas il-baġit tal-UE b’10 % f’termini reali. F’dan ir-rigward, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex isibu soluzzjonijiet li jippermettu li dan il-baġit jinżamm fl-istess livell bħal dak tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 fil-valuri tal-2020.

    1.2.

    Il-KESE jemmen li hemm il-ħtieġa għal strateġija politika ċara li tkun allinjata mal-impenji globali tal-UE. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni ġġedded l-Istrateġija Ewropa 2020 u tallinja l-prijoritajiet tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) il-ġdid ma’ din l-istrateġija l-ġdida. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tintegra b’mod effettiv l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) f’regolamenti relatati mal-politika ta’ koeżjoni billi tiżgura l-inklużjoni trasversali tagħhom fil-prijoritajiet kollha tal-fondi.

    1.3.

    Il-KESE jsib li ċ-ċirkostanzi ekonomiċi stabbiliti mis-CPR (kondizzjonalitajiet makroekonomiċi, kofinanzjament imnaqqas, eċċ.) joħolqu ambjent riġidu wisq u jistgħu jagħmlu ħsara lill-investiment. Għalhekk, il-KESE:

    jirrifjuta l-kondizzjonalità makroekonomika biex jiġu penalizzati r-reġjuni u ċ-ċittadini li ma jkunux ħatja għal deċiżjonijiet makroekonomiċi li jittieħdu fil-livell nazzjonali jew Ewropew;

    jistieden lill-Kummissjoni żżomm ir-regola ta’ diżimpenn f’N+3;

    jappella lill-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra li żżid ir-rati ta’ kofinanzjament.

    1.4.

    Il-KESE japprezza ħafna l-isforzi fir-rigward tas-semplifikazzjoni, il-flessibbiltà u l-effettività — dawn jippontaw fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, sfortunatament il-ġabra tar-regoli l-ġdida mhijiex sett wieħed ta’ regoli.

    1.5.

    Il-KESE jsib li r-regoli relatati mal-konċentrazzjoni tematika huma stretti wisq. Il-KESE jipproponi li wieħed mill-objettivi politiċi għandu jintgħażel mill-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-objettiv politiku 5 bħala dak il-PO li jista’ jiggarantixxi l-aktar soluzzjoni mfassla apposta għall-isfidi speċifiċi tagħhom.

    1.6.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppa l-għodod meħtieġa li jippermettu ż-żoni bi żvantaġġi strutturali u permanenti (gżejjer, reġjuni muntanjużi eċċ. (1)) sabiex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi speċifiċi u kumplessi tagħhom. Din ma tistax tibqa’ l-unika kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-proġetti implimentati f’dawn l-oqsma jkunu appoġġjati minn rati ogħla ta’ kofinanzjament.

    1.7.

    Il-KESE jirrakkomanda li jinstabu soluzzjonijiet ad hoc biex tkun indirizzata s-sitwazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi jew reġjuni li kienu kklassifikati bħala reġjuni ta’ konverġenza matul il-programm 2007-2013 li jibbenefikaw minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 80 % matul il-perjodu 2014-2020 u li issa se jiġu kklassifikati bħala reġjuni ta’ tranżizzjoni matul il-perjodu 2021-2027 li jibbenefikaw minn rata ta’ finanzjament ta’ 55 %.

    1.8.

    Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tkompli ssaħħaħ is-sinerġiji billi ssib mod kif tintegra mill-ġdid il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali fil-ġabra ta’ regoli kif ukoll billi ssaħħaħ ir-rabtiet mal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+). Il-KESE huwa wkoll favur integrazzjoni akbar ma’ u bejn programmi u għodod oħrajn ta’ finanzjament (Orizzont 2020, InvestEU eċċ.).

    1.8.1.

    Dawn ir-rabtiet għandhom jidhru wkoll fl-ipprogrammar tal-fondi. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iħejju u jimplimentaw programmi plurifondi li jindirizzaw l-isfidi b’mod integrat. Il-KESE jemmen li l-integrazzjoni għandha tidher ukoll f’termini ta’ kooperazzjoni territorjali; rabtiet raġonevoli bejn rurali-urbani, urbani-peri-urbani eċċ., jiġifieri approċċ ibbażat fuq il-post huwa essenzjali.

    1.9.

    L-implimentazzjoni ta’ “governanza f’diversi livelli u b’diversi atturi” bl-involviment tal-imsieħba ekonomiċi u soċjali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tal-implimentazzjoni hija waħda mill-aktar kundizzjonijiet importanti għas-suċċess tal-politika ta’ koeżjoni. Fir-rigward tal-Kodiċi ta’ Kondotta, il-KESE jinnota n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-Imsieħba Soċjali Ewropej u jitlob li dan jiġi rivedut u aġġornat f’konsultazzjoni diretta magħhom. Il-KESE jappella wkoll li l-Kodiċi ta’ Kondotta jsir vinkolanti.

    1.10.

    Il-KESE jirrifjuta t-tneħħija tal-prinċipji tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, in-nondiskriminazzjoni, l-aċċessibbiltà tal-persuni b’diżabilità, kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli mill-proposta l-ġdida tas-CPR. Għalhekk huwa jirrakkomanda bil-qawwa li l-Artikolu 7 tas-CPR attwali 2014-2020 jiġi inkorporat fis-CPR il-ġdid propost, u li dan il-prinċipju jiġi inkorporat direttament fit-test ewlieni tar-regolament propost tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (FEŻR u FK). Barra minn hekk, il-KESE jipproponi li jiġu inklużi l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità fl-Artikolu 67 — fuq għażla tal-operazzjonijiet — tas-CPR propost.

    1.11.

    Il-KESE jqis li sforz ta’ komunikazzjoni ġenerali iktar effettiv huwa essenzjali. Ta’ spiss jiġri li proġetti ffinanzjati mill-UE jsiru bi ftit jew l-ebda għarfien taċ-ċittadini tal-involviment tal-UE. Il-KESE għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi strateġija ta’ informazzjoni aktar effettiva mmirata lejn iċ-ċittadini tagħha u t-tipi differenti ta’ benefiċjarji.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    Il-KESE jiddispjaċih ħafna li l-baġit tal-politika ta’ koeżjoni tnaqqas b’10 % f’termini reali. F’dan ir-rigward, il-KESE jopponi bil-qawwa t-tnaqqis propost tal-baġit tal-UE u jipproponi li l-Istati Membri jsibu soluzzjonijiet li permezz tagħhom il-baġit jista’ jinżamm fil-livell attwali fil-valuri tal-2020.

    2.2.

    Il-politika ta’ koeżjoni hija waħda mill-iktar elementi importanti biex iċ-ċittadini jitressqu iktar qrib il-viżjoni tal-integrazzjoni Ewropea. Din għandha valur miżjud ċar fil-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir sostenibbli u l-infrastruttura moderna, sabiex jingħelbu l-ostakli strutturali, jissaħħaħ il-kapital uman u tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni. Għal din ir-raġuni l-KESE jilqa’ bis-sħiħ il-fatt li r-reġjuni kollha huma eliġibbli għal finanzjament.

    2.2.1.

    Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE għandha tkun parti integrali minn strateġija ta’ investiment Ewropea, b’approċċ territorjali qawwi, li għandu l-għan li jawtonomizza kull reġjun bl-għodod neċessarji biex tiżdied il-kompetittività tagħhom. Din għandha twassal għal trasformazzjoni ekonomika u strutturali, li tiżgura bażi reżiljenti f’kull reġjun, abbażi tal-qawwiet tagħhom stess (2).

    2.3.

    Il-KESE jinnota li l-approċċ il-ġdid, li għadu bbażat fuq tliet kategoriji (inqas żviluppat, tranżizzjoni, iktar żviluppat), huwa approċċ imfassal iktar apposta. Filwaqt li l-metodu ta’ allokazzjoni għall-fondi fil-parti l-kbira għadu bbażat fuq il-PDG per capita, żdiedu kriterji ġodda (il-qgħad fost iż-żgħażagħ, livell baxx tal-edukazzjoni, it-tibdil fil-klima, u l-akkoljenza u l-integrazzjoni tal-migranti). Il-KESE huwa tal-fehma li dan jirrifletti aħjar ir-realtà fil-prattika, għalkemm — f’konformità mal-Valutazzjoni tal-Impatt meħtieġa mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (3) — il-KESE jħoss li dan l-approċċ jista’ jkun irfinat ulterjorment.

    2.4.

    Il-KESE huwa mħasseb ferm dwar il-proposta tal-Kummissjoni li jitnaqqsu r-rati ta’ kofinanzjament u l-effett ta’ dan fuq l-impenn tal-benefiċjarji f’sitwazzjonijiet finanzjarji inqas favorevoli. L-inklużjoni tal-VAT bħala spiża eliġibbli hija milqugħa, għalkemm diġà jeżisti xi element tagħha fil-perjodu attwali.

    2.5.

    Għandu jiġi nnotat ukoll li jeżistu sitwazzjonijiet li fihom il-pajjiżi jew ir-reġjuni kklassifikati bħala reġjuni ta’ konverġenza matul il-programm tal-2007-2013 li jibbenefikaw minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 80 % matul il-perjodu tal-2014-2020 issa se jiġu kklassifikati bħala reġjuni ta’ tranżizzjoni matul il-perjodu tal-2021-2027 li jibbenefikaw minn rata ta’ finanzjament ta’ 55 %, li tfisser nuqqas kbir fil-kofinanzjament għalihom. Il-KESE jħoss li dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jiġu indirizzati b’mod speċifiku. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li fi proġetti b’finanzjament privat, il-benefiċjarji se jirċievu biss il-kofinanzjament tal-akkwist pubbliku.

    2.6.

    Il-prijorità tal-UE fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi għandha tkun li ssaħħaħ ir-rabtiet li jgħaqqduhom mal-Ewropa kontinentali u s-sens ta’ appartenenza taċ-ċittadini tagħhom fil-proġett Ewropew (4). Il-KESE jilqa’ l-fatt li r-reġjuni ultraperiferiċi se jkomplu jibbenefikaw minn appoġġ speċjali tal-UE.

    2.7.

    Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-politika ta’ koeżjoni għadha ma toffrix soluzzjonijiet komprensivi għall-isfidi tat-territorji speċifiċi msemmija fl-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (5). L-istudji juru li l-awtoritajiet ċentrali mhux dejjem jindirizzaw l-oqsma speċifiċi kif imsemmi fl-Artikolu 174. Għalhekk, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tħeġġeġ l-involviment tal-partijiet ikkonċernati reġjonali u lokali fil-mod li bih jiġu indirizzati t-territorji speċifiċi mill-Istati Membri filwaqt li tirrispetta l-oqfsa istituzzjonali u legali fis-seħħ fit-territorji rispettivi.

    3.   Prinċipji ġenerali

    3.1.

    Il-KESE jirrifjuta t-tneħħija tal-prinċipji tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, in-nondiskriminazzjoni, l-aċċessibbiltà tal-persuni b’diżabilità, kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli mill-proposta l-ġdida tas-CRP. L-acquis Ewropew żviluppa approċċ trasversali għal dawn fil-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-fondi (l-Artikolu 7 tas-CPR attwali u l-Artikolu 16 tas-CPR tal-2007-2013).

    3.1.1.

    Għalhekk huwa jirrakkomanda bil-qawwa li l-Artikolu 7 tas-CPR attwali 2014-2020 jiġi inkorporat fis-CPR il-ġdid propost, u li dan il-prinċipju jiġi inkorporat direttament fit-test ewlieni tar-regolament tal-FEŻR u tal-FK propost. Barra minn hekk, il-KESE jipproponi b’konvinzjoni li tkun inkluża l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità fl-Artikolu 67 — fuq għażla tal-operazzjonijiet — tas-CPR propost.

    3.2.

    Peress li l-UE hija Stat parti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD), il-KESE jikkunsidra li huwa xieraq li l-UNCRPD tkun inkorporata fil-bażi ġuridika tar-regolament tas-CPR propost.

    3.3.

    Il-KESE jemmen bil-qawwa li sħubija ġenwina fil-livelli kollha mal-imsieħba ekonomiċi u soċjali u mal-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili organizzata fit-tħejjija, fl-eżekuzzjoni u fl-evalwazzjoni ex-post tal-programmi u tal-proġetti fil-politika ta’ koeżjoni tal-UE ttejjeb il-kwalità u t-twassil effiċjenti tagħhom. Fid-dawl tal-fatt li talab għal Kodiċi ta’ Kondotta Tajba, il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-inizjattiv tal-Kummissjoni u jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet proposti tagħha (Artikolu 6) (6). Il-KESE jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni tista’ teħtieġ li tiġi rfinata ħalli tindirizza l-isfidi speċifiċi għas-settur (b’mod partikolari sfidi relatati mas-sigurtà nazzjonali) indirizzati mill-programmi tal-migrazzjoni u tas-sigurtà.

    3.4.

    Il-KESE jemmen bil-qawwa li s-sħubija bejn l-awtoritajiet amministrattivi u l-imsieħba ekonomiċi u soċjali fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali, fil-forma ta’ governanza f’diversi livelli u b’diversi atturi, hija waħda mill-kriterji essenzjali għas-suċċess tal-politika ta’ koeżjoni. Din għandha tkun il-kundizzjoni bażika sabiex jingħataw Ftehimiet ta’ Sħubija u fondi Ewropej. Il-KESE jilqa’ l-kliem vinkolanti l-ġdid u jistieden espressament lil-leġislatur iżomm il-kliem attwali “għandu jinvolvi”.

    3.5.

    Fir-rigward tal-Kodiċi ta’ Kondotta, il-KESE nnota n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-Imsieħba Soċjali Ewropej u jappella li dan jiġi rivedut u aġġornat f’konsultazzjoni diretta magħhom. Il-KESE jappella li l-Kodiċi ta’ Kondotta jsir vinkolanti.

    3.6.

    Sabiex jissaħħu l-ħiliet u l-effettività tas-sħubija, il-KESE jappella li jkun hemm l-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ bini tal-kapaċità u ta’ assistenza teknika għall-imsieħba imsemmija fl-Artikolu 6. Il-KESE jixtieq jara wkoll l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni annwali mal-imsieħba rilevanti.

    3.7.

    Il-KESE jaqbel li kull membru tal-kumitat ta’ monitoraġġ ikollu vot wieħed. Sabiex jiġi żgurat bilanċ tajjeb fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-piż tal-voti għandu jkun 50 % għall-awtoritajiet amministrattivi u għall-awtoritajiet maħtura fl-Artikolu 6(1)(a) u 50 % għall-imsieħba ekonomiċi u soċjali fil-punti (b) u (c). Il-KESE jinnota li din il-proposta jista’ jkollha l-bżonn li tiġi rfinata sabiex tindirizza kwistjonijiet sensittivi bħal dawk tas-sigurtà nazzjonali.

    4.   Semplifikazzjoni

    4.1.

    Il-KESE jqis li huwa importanti ferm li l-piż amministrattiv mhux neċessarju jitnaqqas b’mod sostanzjali għall-benefiċjarji filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ assigurazzjoni tal-legalità u tar-regolarità. Il-KESE jirrikonoxxi u jilqa’ l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni indirizzat diversi kwistjonijiet fir-rigward tas-simplifikazzjoni.

    4.2.

    Il-KESE jipproponi l-applikazzjoni sistematika tal-prinċipju ta’ “darba biss” tas-Small Business Act għall-Ewropa, li jiżgura li l-formalitajiet amministrattivi, tal-awditjar u tal-kontroll jintbagħtu darba biss mill-maniġers tal-proġetti lill-awtorità maniġerjali kompetenti diretta li se tkun responsabbli biex tibgħathom lill-awtoritajiet maniġerjali nazzjonali u Ewropej.

    4.3.

    Il-KESE jirrakkomanda wkoll l-istabbiliment ta’ sistema ta’ kontroll/awditjar semplifikata żżejjed “de minimis” għal proġetti żgħar ħafna: jekk l-awtorità maniġerjali immedjata ssib u tiddikjara li r-riżultati mistennija jkunu nkisbu, m’għandux jintalab kontroll jew awditjar ulterjuri.

    4.4.

    Hija dikjarazzjoni eċċessiva li s-CPR jissejjaħ sett wieħed ta’ regoli. Minkejja li hemm seba’ fondi inklużi, minħabba l-għadd konsiderevoli ta’ “eċċezzjonijiet għar-regoli” hemm nuqqas ta’ koerenza; spiss ikun hemm dispożizzjonijiet differenti, pereżempju għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Viża. F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Semplifikazzjoni għal wara l-2020 (7), il-KESE jemmen li l-pakkett regolatorju għandu jkun ħafna iktar sempliċi u jevita l-mikroġestjoni tal-fondi.

    4.5.

    Filwaqt li l-KESE jinnota l-integrazzjoni tal-fondi l-ġodda allokati sabiex jiġu indirizzati l-kriżi tal-migrazzjoni u l-kwistjonijiet ta’ sigurtà (8) fi ħdan is-CPR, huwa jiddispjaċih ħafna li l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali ma jagħmilx parti mill-ġabra ta’ regoli kif ukoll li r-rabtiet mal-FSE+ huma iktar dgħajfa milli mal-predeċessur tiegħu. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra din id-deċiżjoni.

    4.6.

    Il-KESE jaqbel li għandha tingħata prijorità lis-sospensjoni tal-impenji u mhux tal-ħlasijiet biex jevita li s-sitwazzjonijiet jiġu aggravati. Il-ħlasijiet għandhom jiġu sospiżi biss meta tiġi mfittxija azzjoni immedjata u fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità sinifikanti.

    5.   Flessibbiltà

    5.1.

    Sabiex jiġu ffaċilitati l-ħolqien u t-tkabbir tan-negozji, l-UE għandha tappoġġja riformi għal ambjent li jiffavorixxi l-investiment li fih in-negozji jkunu jistgħu jiffjorixxu u jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-intraprenditorija. Il-fondi ta’ koeżjoni għandhom jintużaw biex jipprovdu kundizzjonijiet aħjar għat-tkabbir ta’ negozji ġodda u SMEs innovattivi ġodda u biex jiffaċilitaw is-suċċessjoni ta’ negozji tal-familja. F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li l-politika ta’ koeżjoni trid tipprovdi qafas stabbli iżda flessibbli (9).

    5.2.

    Fir-rigward tat-trasferimenti obbligatorji għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), il-KESE jinnota li l-ammont ġenerali ta’ finanzjament li għandu jiġi ttrasferit baqa’ fl-istess livell attwali, minkejja li kien hemm tnaqqis ta’ 10 % fil-finanzjament ġenerali. Għalhekk, il-perċentwal ta’ fondi ġenerali li jkunu qed jiġu ttrasferiti fil-fatt ikun ogħla milli hu għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali. Il-KESE jaqbel mal-approċċ ġenerali sakemm il-baġit ġenerali tal-politika ta’ koeżjoni jibqa’ fil-livell tal-2014-2020.

    5.3.

    Barra minn hekk, bħalissa 100 % tal-fondi li jiġu ttrasferiti lill-FNE huma delimitati għal kull Stat Membru. Il-proposta għall-perjodu l-ġdid hija li 70 % se jiġu delimitati għall-Istat Membru speċifiku, filwaqt li t-30 % li jifdal imorru lejn proġetti li tagħżel il-Kummissjoni. Il-KESE jirrifjuta bil-qawwa dan l-approċċ propost.

    5.4.

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li mhux se jkun hemm iktar regoli speċifiċi għal investimenti li jiġġeneraw dħul. Il-KESE jinnota wkoll li mhu se jkun hemm l-ebda proċess għal “proġetti maġġuri” (minflok, il-proġetti strateġiċi se jiġu segwiti mill-kumitat ta’ monitoraġġ). Filwaqt li dan minnu nnifsu huwa żvilupp milqugħ, il-KESE għandu tħassib dwar kif il-validità tal-proġetti maġġuri xorta tkun tista’ tiġi ggarantita.

    5.5.

    Il-KESE jilqa’ wkoll il-possibbiltà li l-objettivi u r-riżorsi tal-programm jiġu aġġustati fid-dawl taċ-ċirkostanzi li qegħdin jinbidlu li jagħmluha possibbli li l-finanzjament tal-UE jiġi mobilizzat mill-ewwel ġurnata fil-każ ta’ diżastru naturali (10).

    5.6.

    Il-KESE jaqbel li għotjiet waħedhom ma jistgħux jindirizzaw id-diskrepanzi sinifikanti fl-investiment. Dawn jistgħu jiġu kkomplementati b’mod effiċjenti minn strumenti finanzjarji, li għandhom effett ta’ ingranaġġ u li huma eqreb tas-suq. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-fatt li jsir iktar faċli biex l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji jingħaqdu flimkien u li l-qafas il-ġdid jinkludi wkoll dispożizzjonijiet speċjali sabiex jattira iktar kapital privat.

    5.7.

    Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-assistenza teknika tal-Istati Membri ġiet issemplifikata u jispeċifika li l-imsieħba tal-Artikolu 6 għandhom jibbenefikaw minnha wkoll.

    6.   Effettività

    6.1.

    Il-KESE jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni ma neditx proċess parteċipattiv li jwassal għal strateġija globali u integrata għal Ewropa sostenibbli fl-2030 u lil hinn. Hemm xi dubji dwar liema prijoritajiet il-Kummissjoni tipproponi li tallinja mal-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi operattivi tal-Istati Membri.

    6.2.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tallinja l-politika ta’ koeżjoni mal-Aġenda tan-NU għall-2030 u li l-SDGs tagħha jiġu inkorporati fit-test ewlieni tas-CPR, li jkopri l-fondi kollha.

    6.3.

    Il-KESE huwa mħasseb dwar ir-regoli l-ġodda dwar il-konċentrazzjoni tematika. Il-KESE jemmen li l-konċentrazzjoni taż-żewġ fondi fuq żewġ prijoritajiet hija restrittiva wisq. Il-KESE huwa mħasseb dwar l-approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd li ttieħed mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Il-KESE jemmen li l-konċentrazzjoni tematika għandha tkun flessibbli biżżejjed biex il-prijoritajiet ta’ finanzjament ikunu jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ żvilupp differenti fil-livell nazzjonali u reġjonali.

    6.4.

    Il-KESE jilqa’ r-rabta iktar mill-qrib mas-Semestru Ewropew permezz tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (11). Madankollu, huwa jirrifjuta l-kondizzjonalità makroekonomika biex jiġu penalizzati r-reġjuni u ċ-ċittadini li ma jkunux ħatja ta’ deċiżjonijiet makroekonomiċi li jittieħdu fil-livell nazzjonali jew Ewropew (12). Il-KESE jaqbel li huwa importanti wkoll li tiġi żgurata komplementarjetà u koordinazzjoni sħiħa mal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi ġdid u mtejjeb.

    6.5.

    Peress li dan jista’ jikkontribwixxi għal aċċess simplifikat għall-finanzjament, il-KESE japprezza s-sinerġiji msaħħa bejn ċerti programmi (“L-approċċ tas-siġill ta’ eċċellanza”), iżda fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-proposta mhijiex ċara biżżejjed (pereżempju, jekk, fil-każ tal-għodda taż-Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità, il-fondi strutturali jistgħux jingħaqdu mal-FAEŻR).

    6.6.

    Fir-rigward tar-regoli dwar id-diżimpenn, il-KESE jiddispjaċih li din il-proposta temenda r-regola attwali N+3 għal regola N+2 u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex terġa’ tikkunsidraha. Il-KESE jixtieq jikkunsidra l-ħtiġijiet tal-pajjiżi li kellhom diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-programmi u joffrilhom iktar, u mhux inqas, flessibbiltà.

    6.7.

    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-kapaċità amministrattiva, speċjalment tal-Istati Membri u tar-reġjuni iktar żgħar, tista’ titqiegħed taħt pressjoni enormi matul il-fażijiet tal-bidu tal-perjodu 2021-2027. Dan għandu jitqies fid-dawl tal-fatt li filwaqt li l-Istati Membri għadhom qed jagħlqu l-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, huma se jkunu taħt pressjoni biex jibdew jimplimentaw l-aħħar sentejn tal-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid (minħabba l-approċċ 5 + 2) u permezz ta’ regola ta’ N+2 kif ukoll ammont imnaqqas ta’ prefinanzjament.

    6.8.

    Minħabba l-fatt li intrapriżi żgħar u mikro u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista’ jkollhom diffikultajiet sabiex jibbenefikaw mill-opportunitajiet offruti mill-fondi Ewropej b’mod ġenerali, il-KESE jappella għal appoġġ fir-rigward ta’ azzjonijiet li jsaħħu l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni, jipprovdu coaching u mentoring u jagħtu spinta lill-kapaċitajiet ta’ intervent tagħhom.

    7.   Programmazzjoni u implimentazzjoni

    7.1.

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li hemm inqas objettivi ta’ politika (PO) li jidhru li huma iktar flessibbli mill-predeċessuri tagħhom, iżda jiddispjaċih li dawn mhumiex marbuta ma’ kuntest strateġiku usa’.

    7.2.

    Il-KESE jilqa’ b’mod speċjali l-objettiv ta’ politika l-ġdid imsejjaħ “Ewropa qrib iċ-ċittadini tagħha” (PO5). Il-KESE jittama li, f’konformità mal-isem tiegħu (u mar-rekwiżiti tal-Artikolu 17(3)(g)), l-Istati Membri se jħejju u jimplimentaw il-programmi tagħhom skont dan l-objettiv f’kooperazzjoni mill-qrib maċ-ċittadini, mal-imsieħba ekonomiċi u soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

    7.3.

    Il-KESE għandu tħassib rigward il-fatt li l-ewwel ħames snin biss jiġu pprogrammati għall-bidu. Il-KESE jara l-vantaġġi ta’ dan l-approċċ iżda jibża’ li dan jista’ jsarraf f’piż amministrattiv kbir għall-awtoritajiet, li jinsabu f’riskju wkoll li ma jissodisfawx ir-regoli dwar id-diżimpenn.

    7.4.

    Is-semplifikazzjoni tad-dokumenti tal-programmazzjoni (Ftehim ta’ Sħubija (PA), programmi operattivi) hija milqugħa. B’mod partikolari, il-KESE jaqbel mas-semplifikazzjoni tal-PA u jemmen li dan għandu jkun dokument strateġiku ta’ livell għoli. Għalhekk, huwa importanti li jsir sforz sabiex jiġi żgurat li l-programmi tal-Istati Membri jibqgħu konformi mal-prijoritajiet tal-UE u f’sinerġija ma’ xulxin. Il-KESE jilqa’ wkoll is-semplifikazzjoni tal-atti delegati. Sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ regolamentazzjoni żejda minn awtoritajiet maniġerjali, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi l-atturi ekonomiċi u soċjali Ewropej fil-formulazzjoni tal-atti delegati.

    7.5.

    Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jkun hemm soluzzjonijiet sempliċi proposti li jgħaqqdu l-inizjattivi differenti relatati mal-politika ta’ koeżjoni (strateġiji u programmi) tal-livelli territorjali differenti b’mod orizzontali (eż. strateġiji makroreġjonali bi programmi transnazzjonali) u b’mod vertikali (bejn il-livelli territorjali differenti). Għal din ir-raġuni, il-KESE jilqa’ l-Artikolu 17 u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tagħha f’din id-direzzjoni.

    7.6.

    Iktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja issa tgħix fil-bliet, u din iċ-ċifra hija mistennija li tiżdied għal 70 % sal-2050 (13). Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-allokazzjoni miżjuda tal-FEŻR għall-iżvilupp urban sostenibbli integrat, iżda jiddispjaċih li din ma ġietx estiża għall-FSE+.

    7.7.

    Il-KESE jemmen li l-approċċ it-tajjeb huwa li l-iżvilupp territorjali jkun ibbażat fuq strateġiji territorjali integrati, li jippermetti lil-livell lokali jidentifika l-potenzjali u l-ħtiġijiet tiegħu u jniedi azzjonijiet fi sħubija bejn l-atturi lokali kollha sabiex jissodisfa ħtiġijiet speċifiċi identifikati. Il-KESE jemmen li dan huwa approċċ ta’ governanza tajba li għandu jiġi msaħħaħ u imħeġġeġ ħafna. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-imsieħba, skont l-Artikolu 6, għandhom ikunu involuti fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji territorjali.

    7.8.

    Il-KESE jilqa’ wkoll l-“għodod integrati l-oħra”, kif imsemmi skont l-Artikolu 22(c), għaliex dawn jistgħu jippermettu l-identifikazzjoni u l-użu ta’ soluzzjonijiet imfassla apposta u li jaħdmu lokalment, iżda jiddispjaċih li l-użu tagħhom huwa limitat għall-PO5. Għodda bħal din għandha tkun miftuħa għall-POs kollha. Peress li l-ispjegazzjonijiet li jirrigwardaw din l-għodda l-ġdida għadhom pjuttost vagi, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni telabora iktar dwarha sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġu mħeġġa jużaw b’mod sħiħ din l-għażla.

    7.9.

    Il-KESE jemmen li sabiex ir-realtà tiġi riflessa aħjar u sabiex jiġi żgurat li l-interess lokali jiġi rrappreżentat fl-azzjonijiet tal-Inizjattiva Ewropea Urbana l-ġdida, is-soċjetà ċivili għandha tkun involuta u rappreżentata bil-qawwa fil-mekkaniżmu ta’ governanza tagħha. Il-KESE jiffavorixxi ħafna t-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ governanza bħal dan fuq skala Ewropea bl-involviment tal-atturi tas-soċjetà ċivili rilevanti.

    7.10.

    Il-KESE jemmen bil-qawwa li l-fondi taħt il-politika ta’ koeżjoni huma l-aktar viżibbli għaċ-ċittadini u l-atturi ekonomiċi u soċjali. L-azzjonijiet appoġġjati jikkostitwixxu waħda mill-aqwa difiżi kontra l-ewroxettiċiżmu u l-movimenti kontra l-Ewropa. Għalhekk huwa meħtieġ li tkun ipprovduta informazzjoni faċilment aċċessibbli, immirata skont l-attività professjonali tal-persuni kkonċernati, pereżempju b’linji gwida ta’ prattika tajba. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan strateġiku ta’ komunikazzjoni fi sħubija mal-imsieħba kollha kkonċernati.

    Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  L-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    (2)  https://www.businesseurope.eu/sites/buseur/files/media/position_papers/ecofin/2017-06-09_eu_cohesion_policy.pdf

    (3)  SEC(2018) 268.

    (4)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 52.

    (5)  ĠU C 209, 30.6.2017, p. 9.

    (6)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 23.

    (7)  http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/newsroom/pdf/simplification_proposals.pdf

    (8)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 63.

    (9)  ĠU C 81, 02.3.2018, p. 1.

    (10)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 38.

    (11)  https://www.eesc.europa.eu/sites/default/files/resources/docs/qe-02-17-362-en-n.pdf u https://www.eesc.europa.eu/sites/default/files/resources/docs/qe-01-14-110-en-c.pdf.

    (12)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 30.

    (13)  http://www.un.org/en/development/desa/news/population/world-urbanization-prospects-2014.html


    Top