Välj vilka experimentfunktioner du vill testa

Det här dokumentet är ett utdrag från EUR-Lex webbplats

Dokument 52017SC0149

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument PROPOSTA GĦAL REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rappurtar, it-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi barra l-borża mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet

SWD/2017/0149 final - 2017/090 (COD)

Brussell, 4.5.2017

SWD(2017) 149 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

PROPOSTA GĦAL REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rappurtar, it-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi barra l-borża mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet

{COM(2017) 208 final}
{SWD(2017) 148 final}












Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar emendi possibbli għar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet

A. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għalfejn? X’inhi l-problema li qiegħda tiġi indirizzata?

Ir-Regolament (UE) No 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiets (“EMIR”) irrisponda għall-impenn mill-mexxejja tal-G20, magħmul f’Settembru 2009, biex jimplimentaw ċerti rekwiżiti għall-kuntratti derivattivi barra l-borża fuq bażi globali. EMIR għandu l-objettiv li jnaqqas ir-riskju sistemiku billi jżid it-trasparenza tas-suq tad-derivattivi barra l-borża u jnaqqas ir-riskju tal-kreditu tal-kontropartijiet u r-riskju operazzjonali assoċjat mad-derivattivi barra l-borża. Xi wħud mir-rekwiżiti introdotti għal dan l-għan daħlu fl-applikazzjoni, filwaqt li oħrajn għadhom mhumiex fis-seħħ. Il-monitoraġġ mill-Kummissjoni tas-suq u l-input riċevut mill-partijiet ikkonċernati u mill-korpi tal-UE u l-awtoritajiet wera appoġġ wiesa’ għall-objettivi globali tal-EMIR iżda indika numru ta’ kwistjonijiet li jwasslu biex l-objettivi tal-EMIR ma jintlaħqux bl-aktar mod effettiv u effiċjenti. Dawn jikkonċernaw, b’mod partikolari (i) spejjeż sproporzjonati ta’ konformità li f’numru ta’ każijiet huma akbar mill-benefiċċji prudenzjali, (ii) trasparenza insuffiċjenti ta’ pożizzjonijiet u skoperturi ta’ derivattivi barra mill-borża u (iii) aċċess insuffiċjenti għall-ikklerjar għal ċerti kontropartijiet.

X'mistenni jinkiseb b’din l-inizjattiva?

L-għażliet previsti, filwaqt li jżommu l-qafas stabbilit mill-EMIR, għandhom il-mira li jagħmlu l-applikazzjoni tal-EMIR aktar effettiva u effiċjenti billi jżidu l-proporzjonalità tar-regoli, iżidu t-trasparenza tal-pożizzjonijiet u l-iskoperturi derivattivi barra l-borża u jnaqqsu l-impedimenti għall-aċċess għall-ikklerjar. Għal dan l-għan, numru ta’ aġġustamenti mmirati għall-EMIR huma kkunsidrati u indirizzati fid-dawl tal-objettiv globali tal-EMIR li jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

Ir-Regolament EMIR jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. L-aġġustamenti mmirati għad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-EMIR previsti minn din l-inizjattiva jistgħu jsiru biss fil-livell tal-UE abbażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva ġew ikkunsidrati? Hemm xi għażla ppreferuta jew le? Għalfejn?

L-inizjattiva tikkonsisti f’rieżami tar-Regolament EMIR eżistenti. Konsegwentement, l-għażliet ikkunsidrati jikkunsidraw aġġustamenti mmirati ta’ dispożizzjonijiet (leġiżlattivi) speċifiċi. Sabiex jinkisbu l-objettivi mixtieqa, ġew identifikati numru ta’ għażliet ta’ politika preferuti:

·li jkun hemm dispożizzjoni għal eżenzjoni tranżizzjonali ġdida għal Arranġamenti għal Skema tal-Pensjonijiet mill-obbligu tal-ikklerjar;

·li jitnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar għall-Kontropartijiet Mhux Finanzjarji (“NFCs” - Non-Financial Counterparties);

·li jitneħħew kontropartijiet finanzjarji żgħar ħafna mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar;

·li jitneħħa l-obbligu ta’ “backloading”;

·li jiġu eżentati l-NFCs mill-obbligu tar-rappurtar tat-tranżazzjonijiet intragrupp;

·għal tranżazzjonijiet ta’ derivattivi skambjati fuq il-borża, li jiġi introdott rappurtar b’naħa waħda (single-sided) għall-kontropartijiet ċentrali;

·għal tranżazzjonijiet għajr id-derivattivi nnegozjati fil-borża, li jiġi stipulat rappurtar mill-kontroparti finanzjarja tan-negozju b’NFC żgħira;

·li jkomplu jiġu armonizzati r-regoli u l-proċeduri tar-rappurtar u li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jiġu obbligati biex jiżguraw il-kwalità tad-dejta;

·li jiġu miżjuda l-limiti massimi tal-ammonti bażiċi tal-multi għall-ksur tar-rekwiżiti tal-EMIR mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet;

·li tiġi ċċarata l-interazzjoni bejn l-għodod tal-ġestjoni awtomatiċi tal-EMIR u l-liġijiet nazzjonali tal-insolvenza u li jiġi introdott prinċipju li jiġu pprovduti servizzi ta’ kklerjar skont termini kummerċjali Ġusti, Raġonevoli u Mhux Diskriminatorji (il-prinċipju “FRAND” - Fair, Reasonable And Non-Discriminatory) fl-EMIR.

Min jappoġġa liema għażla?

Ir-reazzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati dwar il-funzjonament tal-EMIR inkisbu permezz ta’ żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni. Il-konsultazzjoni qajmet numru ta’ mistoqsijiet speċifiċi iżda ma indikat l-ebda għażliet konkreti ta’ politika li setgħu jiġu kkunsidrati. Kien hemm appoġġ wiesa’ mill-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati għaż-żieda tal-proporzjonalità tar-regoli. Ir-rappurtar tan-negozju rċieva ħafna attenzjoni. Ir-rispondenti, l-aktar impriżi korporattivi u assoċjazzjonijiet tal-industrija, talbu tnaqqis għar-rekwiżiti tar-rappurtar għall-kontropopartijiet mhux finanzjarji. Numru kbir ta’ rispondenti madwar klassijiet differenti ta’ partijiet ikkonċernati wkoll qiesu li r-rappurtar b’żewġ naħat għandu jiġi sostitwit mir-rappurtar b’naħa waħda - għażla vvalutata, iżda mwarrba f’din il-valutazzjoni tal-impatt. Ir-rispondenti wkoll qajmu l-ħtieġa li jiġu introdotti eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tal-ikklerjar u tal-marġinazzjoni għall-kontropartijiet li mhumiex sistematikament importanti.

Id-diskussjonijiet miżmuma mal-esperti tal-Istati Membri fi stadju aktar tard kienu jinkludu l-għażliet ta’ politika speċifiċi kkunsidrati. Maġġoranza tal-esperti tal-Istati Membri kienu favur l-għażliet preferuti miżmuma f’din il-valutazzjoni tal-impatt.

C. L-impatti tal-għażla ppreferuta

X'inhuma l-benefiċċji  tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)?

L-ewwel nett, il-modifiki proposti se jnaqqsu l-kostijiet tal-konformità u l-piż impost fuq il-parteċipanti tas-suq, mingħajr ma jaffettwaw b’mod negattiv l-istabbiltà finanzjarja. Proporzjonalità akbar fl-applikazzjoni tar-regoli tal-ikklerjar se tkun ta’ benefiċċju għall-NFCs billi l-miżuri previsti se jiżguraw kundizzjonijiet aktar ekwi billi limitu minimu ogħla jpoġġi biss lill-akbar NFCs fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-ikklerjar. Rikalibrar ta’ dak li jikkostitwixxi SFC li tkun suġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar jippermetti tħaffif tal-piż għal dawk il-kontropartijiet finanzjarji żgħar (ħafna) li għalihom l-ikklerjar ċentrali mhuwiex ekonomikament fattibbli. Arranġamenti tal-Iskemi tal-Pensjonijiet se jibbenefikaw minn eżenzjoni ġdida tranżizzjonali tal-ikklerjar minħabba li sa issa għadha ma tfaċċat l-ebda soluzzjoni teknika vijabbli tal-ikklerjar. Il-kontropartijiet kollha se jibbenefikaw mit-tħaffif ta’ ċerti rekwiżiti tar-rappurtar, bħat-tneħħija tal-obbligu tal-“backloading”. It-tieni, trasparenza akbar tal-pożizzjonijiet u l-iskoperturi tad-derivattivi barra l-borża se tippermetti lill-awtoritajiet sabiex jidentifikaw kull problema potenzjali fi stadju aktar bikri u sabiex jieħdu azzjoni f’waqtha li tindirizza kull riskju, u dan jikkontribwixxi għar-reżiljenza tas-swieq finanzjarji. It-tielet, titjib fl-aċċess għall-ikklerjar jippermetti lil parteċipanti addizzjonali fis-suq sabiex jimmaniġġaw u jiħħeġġjaw ir-riskji tagħhom u, billi jnaqqas il-probabbiltà ta’ xokkijiet f’daqqa u ta’ tfixkil tan-negozju, jikkontribwixxi għal tnaqqis fil-volatilità tal-iżvilupp tan-negozju u għal sigurtà tal-impjieg għall-impjegati tagħhom.

X'inhuma l-kostijiet tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)?

B’mod ġenerali, ma għandu jkun hemm l-ebda kost soċjali u ekonomiku rilevanti. Is-simplifikazzjoni prevista u l-proporzjonalità miżjuda ta’ regoli dwar ir-rappurtar se jippermettu li jintlaħqu l-objettivi tal-EMIR filwaqt li jitnaqqas b’mod konsiderevoli l-piż amministrattiv ġenerali sostnut minn kontropartijiet li huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ rappurtar skont l-EMIR. Fejn jiġi kkunsidrat trasferiment tal-obbligu tar-rappurtar, l-entitajiet li għandhom jieħdu f’idejhom l-obbligu tar-rappurtar fil-futur huma attrezzati aħjar għal dan il-kompitu u, minħabba l-ekonomiji tal-iskala involuti, l-ispejjeż aggregati globali rilevanti għandhom jitnaqqsu. L-armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli u l-proċeduri tar-rappurtar tista’, l-aktar, tinvolvi xi spejjeż amministrattivi addizzjonali limitati fl-istadji inizjali tal-implimentazzjoni, iżda għandha twassal għal effiċjenzi akbar u tnaqqas il-piż ġenerali fuq perjodu ta’ tul medju. Bl-istess mod, rekwiżit li jiġu osservati termini kummerċjali ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji fil-provvista tas-servizzi tal-ikklerjar, li se jkun ta’ beneffiċċju għal bosta kontropartijiet, huwa mistenni li jinvolvi biss spejjeż amministrattivi addizzjonali limitati.

L-effett ikkombinat tal-għażliet preferuti kollha huwa tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż. Stimi tas-self potenzjali, ikkalkulati biss għall-finijiet ta’ din il-valutazzjoni tal-impatt u li jqisu l-preżunzjonijiet kollha sottostanti deskritti fl-anness 8, ivarjaw minn EUR 2,3 biljun sa EUR 6,9 biljun fi spejjeż fissi (ta’ darba) u minn EUR 1,1 biljun sa EUR 2,66 biljun fi spejjeż operazzjonali. Numru ta’ limitazzjonijiet jaffettwaw l-affidabilità ta’ dan it-tnaqqis stmat fl-ispejjeż. L-ewwel nett, dawn l-istimi huma validi biss f’dan il-punt preżenti fiż-żmien. Rekwiżiti li se japplikaw fi stadju aktar tard, bħall-applikazzjoni introdotta gradwalment tar-rekwiżiti tal-marġini, ma tqisux fil-kalkoli. It-tieni, il-kalkoli huma bbażati fuq l-ammont limitat ta’ dejta li hija disponibbli pubblikament u fuq intelliġenza anedottali tas-suq, li ma tistax tirrifletti b’mod preċiż id-diversità u l-ispeċifiċità tal-kontropartijiet involuti. It-tielet, il-kalkoli huma bbażati fuq il-preżunzjoni li t-tnaqqis fl-ispejjeż se jiġi mgħoddi b’mod sħiħ lill-utenti finali. Ir-raba’, aġġustamenti minimi fl-ispejjeż li jirriżultaw, pereżempju, mill-introduzzjoni ta’ termini FRAND (l-impatt mistenni fuq il-membri tal-ikklerjar) u minn miżuri biex tiżdied il-kwalità tad-dejta (l-impatt mistenni fuq it-TRs) ma ġewx inklużi f’dan il-kalkolu.

Kif se jiġu affettwati n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

In-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi, b’mod partikolari, se jibbenefikaw mill-għażliet immirati (i) li jnaqqsu r-rekwiżiti regolatorji f’każijiet fejn l-ispejjeż sproporzjonati tal-konformità jidhru li huma akbar mill-benefiċċji prudenzjali u (ii) li jtejbu l-aċċess għall-ikklerjar. Il-kontropartijiet mhux finanzjarji se jibbenefikaw mill-aġġustament fl-ambitu tal-obbligu tal-ikklerjar. Is-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar se tkun ta’ benefiċċju għall-kontropartijiet kollha, inklużi l-SMEs. Fl-aħħar nett, il-prinċipji FRAND ġodda se jagħmluha aktar faċli biex jinstab aċċess għall-ikklerjar għal bosta kontropartijiet.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Le. L-emendi kkunsidrati ma għandhomx jikkawżaw spejjeż rilevanti għall-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?  

Le.

D. Segwitu

Meta se tiġi riveduta l-politika?  

Fid-dawl tal-fatt li r-rekwiżiti tal-EMIR daħlu fl-applikazzjoni f’punti differenti fiż-żmien u li xi wħud minnhom għadhom mhumiex fis-seħħ, għandha ssir evalwazzjoni tal-EMIR kollu kemm hu, b’enfasi partikolari fuq l-effikaċja u l-effiċjenza tiegħu biex jissodisfa l-objettivi oriġinali tal-EMIR. Din l-evalwazzjoni għandha tinkludi l-emendi mmirati kkunsidrati fl-inizjattiva preżenti u sseħħ mill-inqas tliet snin wara l-applikazzjoni ta’ dawn l-emendi. F’ċerti każijiet, b’mod partikolari għall-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet, huwa importanti li jiġi mmonitorjat il-progress fid-disponibilità tas-soluzzjonijiet għall-ikklerjar tal-PSA fuq bażi kurrenti.

Upp