EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0827

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment ta’ Fond Monetarju Ewropew

COM/2017/0827 final - 2017/0333 (APP)

Brussell, 6.12.2017

COM(2017) 827 final

2017/0333(APP)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-istabbiliment ta’ Fond Monetarju Ewropew


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Għaddew kważi sittax-il sena minn mindu l-ewwel muniti u karti tal-euro daħlu fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej. Issa l-munita qed tintuża ta' kuljum minn 340 miljun Ewropew f’19-il Stat Membru (“iż-żona tal-euro”). L-euro hija t-tieni munita l-aktar użata fid-dinja. Sittin pajjiż u territorju ieħor madwar id-dinja, li fihom jgħixu 175 miljun persuna, iddeċidew li jużaw l-euro bħala l-munita tagħhom jew li jorbtu l-munita tagħhom magħha.

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika li laqtet l-Ewropa fl-2008, li l-konsegwenzi tagħha għadhom jinħassu sal-lum, ma bdietx fiż-żona tal-euro iżda kixfet ċerti nuqqasijiet istituzzjonali tagħha. Bħala reazzjoni ta' emerġenza għall-isfidi immedjati, ġew adottati diversi strumenti. Dawn ipprovdew firewalls finanzjarji ġodda assistiti mill-pajjiżi l-aktar affettwati u żiedu l-koordinazzjoni tal-politika fil-livell tal-UE. Apparti l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (European Financial Stabilisation Mechanism, “EFSM”) ibbażat fuq ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010, ħafna minnhom ġew stabbiliti barra mill-qafas legali tal-Unjoni. L-Istati Membri pprovdew assistenza finanzjarja bilaterali lill-Greċja u waqqfu Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (European Financial Stability Facility, “FESF”). Fl-2010 ukoll, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li l-FESF, stabbilita bħala mekkaniżmu temporarju biss, kellha tiġi sostitwita b’istituzzjoni permanenti, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (“MES”). Saħħew ir-regoli fiskali u finanzjarji sabiex jipprevjenu l-kriżi milli tkompli tiskala. L-azzjoni ta’ politika monetarja deċiżiva li ħa l-Bank Ċentrali Ewropew wkoll kienet deċiżiva.

Wara snin ta’ ftit tkabbir jew tkabbir żero, l-isforzi determinati li saru fil-livelli kollha bdew juru riżultati pożittivi. L-Ewropa issa qed tesperjenza rkupru sod. L-Istati Membri kollha issa qed jikbru u b’mod ġenerali t-tkabbir tal-UE kien f’livell ta’ madwar 2 % bħala medja għal diversi snin konsekuttivi 1 . L-indikatur tas-sentiment ekonomiku fl-UE u fiż-żona tal-euro qiegħed fl-ogħla livell tiegħu mill-2000. Il-qgħad jinsab fl-aktar livell baxx tiegħu mill-aħħar tal-2008. L-appoġġ popolari għall-euro huwa l-ogħla fiż-żona tal-euro minn meta bdew jintużaw il-karti u l-muniti tal-euro fl-2002 2 . Madankollu, kif qalet il-Kummissjoni attwali meta bdiet il-mandat tagħha, il-kriżi għadha ma għaddietx sakemm il-qgħad jibqa’ daqstant għoli, b’14,3-il miljun persuna għadhom qiegħda fiż-żona tal-euro f’Ottubru 2017.

Kien meħtieġ li jittieħdu tagħlimiet importanti mis-snin tal-kriżi. Il-kwistjonijiet rilevanti kienu diġà identifikati b’mod ċar fir-Rapport tal-Ħames Presidenti ta’ Ġunju 2015 3 . Minn dak iż-żmien ‘l hawn, sar ħafna xogħol sabiex “napprofondixxu” l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (“UEM”) “permezz tal-azzjoni”. Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-UE ġie msaħħaħ bi gwida aktar ċara għaż-żona tal-euro kollha kemm hi u enfasi aktar b’saħħitha fuq l-aspetti soċjali. Ittejbet il-governanza ekonomika, bil-ħolqien ta’ Bord Fiskali Ewropew u ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Produttività. L-assistenza teknika għall-Istati Membri ngħatat spinta bil-ħolqien tas-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali. Ittieħdu passi importanti lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja 4 u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali 5 , speċjalment billi sar progress b’mod parallel fil-miżuri tat-tnaqqis tar-riskji u tal-kondiviżjoni tar-riskji fis-settur bankarju. Sabiex tiżdied is-sjieda fil-livelli kollha, ġie intensifikat ukoll id-djalogu mal-atturi politiċi u mas-sħab soċjali nazzjonali u Ewropej.

B’riżultat ta’ dan, l-arkitettura taż-żona tal-euro hija ħafna aktar robusta minn qatt qabel iżda dan ma jfissirx li hija kompluta. Id-Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja 6 , kif ukoll id-Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE 7 , ippreżentati mill-Kummissjoni bħala parti mis-segwitu tal-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, 8 ifakkar is-sitwazzjoni attwali u jenfasizza mezzi possibbli 'l quddiem għall-2025.

Huwa ċar li l-Ewropa issa qiegħda tirpilja. Kemm ekonomikament kif ukoll politikament, hemm tieqa ta’ opportunità u l-iżviluppi pożittivi huma inkoraġġamenti ulterjuri għall-azzjoni. Ma għandniex inkomplu nkaxkru saqajna: i-bejt issewwih meta jkun bnazzi.

Fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fit-13 ta’ Settembru 2017, 9 il-President Juncker ippreżenta l-fehmiet tiegħu dwar Unjoni aktar Unita, aktar b’Saħħitha u aktar Demokratika u għamilha ċara li t-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa hija parti essenzjali mill-pjan direzzjonali li jwassal għal-laqgħa tal-Mexxejja f’Sibiu, imsejħa mill-President Tusk għad-9 ta’ Mejju 2019, meta għandhom jittieħdu deċiżjonijiet importanti dwar il-ġejjieni tal-Ewropa.

Dan huwa rifless ukoll fl-Aġenda tal-Mexxejja 10 , bil-Mexxejja tal-UE jippjanaw Summit tal-Euro fil-15 ta’ Diċembru 2017 biex tiġi diskussa skeda ta’ żmien għal deċiżjonijiet dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Unjoni Bankarja, u fit-28 u fid-29 ta’ Ġunju 2018 hemm laqgħa ddedikata ppjanata bil-ħsieb li jaslu għal deċiżjonijiet konkreti.

Is-sejħa għall-unità, l-effiċjenza u r-responsabbiltà demokratika fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni hija partikolarment rilevanti għat-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja:

   Unità: L-euro hija l-munita unika tal-UE u jenħtieġ li dak li huwa maħsub għaż-żona tal-euro jkun maħsub ukoll għal, u ma’, dawk l-Istati Membri li huma mistennija jingħaqdu fiż-żona tal-euro fil-futur. Bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u tad-Danimarka, l-Istati Membri kollha li mhumiex fiż-żona tal-euro huma impenjati legalment li eventwalment jidħlu fiż-żona tal-euro 11 . Barra minn hekk, mat-tluq tar-Renju Unit, l-ekonomiji taż-żona tal-euro se jirrappreżentaw madwar 85 % tal-Prodott Domestiku Gross totali tal-UE. L-integrazzjoni politika u ekonomika tal-UE, li fil-qalba tagħha għandna s-suq uniku, tfisser li l-futur tal-Istati Membri li jużaw l-euro kif ukoll ta’ dawk li ma jużawhx huma diġà minsuġin flimkien, u żona tal-euro b’saħħith u stabbli hija essenzjali għall-membri tagħha kif ukoll għall-UE kollha kemm hi.

Dan jispjega għaliex huwa importanti li l-Istati Membri taż-żona tal-euro, permezz tal-Fond Monetarju Ewropew (“FME”) flimkien mal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja, jipprovdu miżura ta' garanzija ta’ kontinġenza għall-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (Single Resolution Board, “SRB”) b’termini u kundizzjonijiet ekwivalenti biex il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jkun jista' juża dawn il-mezzi jekk ikun meħtieġ biex titwettaq b’suċċess azzjoni ta’ riżoluzzjoni fl-Unjoni bankarja.

   Effiċjenza: Unjoni Ekonomika u Monetarja iktar b'saħħitha teħtieġ governanza aktar b’saħħitha u użu aktar effiċjenti tar-riżorsi disponibbli. Is-sistema attwali għadha tirrifletti taħlita ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu biex tiġi affaċċjata l-kriżi mingħajr preċedent. Dan kultant wassal għal multiplikazzjoni ta’ strumenti u żieda fis-sofistikazzjoni tar-regoli, u dan huwa sors ta’ kumplessità u joħloq riskji ta’ duplikazzjonijiet. Bis-saħħa ta’ sinerġiji aktar b’saħħithom, proċeduri ssimplifikati u integrazzjoni ta’ arranġamenti intergovernattivi fil-qafas legali tal-UE, il-governanza u t-teħid tad-deċiżjonijiet jissaħħu. Huwa wkoll minħabba raġunijiet ta’ effiċjenza li l-bidliet kollha proposti mill-Kummissjoni bħala parti mill-pakkett tal-lum jistgħu jiġu implimentati fil-qafas tat-Trattati tal-UE attwali.

L-esperjenza wriet li huwa diffiċli u inkrepattiv li tiġi artikolata azzjoni kollettiva tal-Istati membri bil-kompetenzi ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika mogħtija lill-Unjoni. B’mod aktar ġenerali, il-koeżistenza tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u ta’ mekkaniżmu intergovernattiv permanenti bħall-MES tiġġenera xenarju kumpless fejn il-protezzjoni ġudizzjarja, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u r-responsabbiltà demokratika huma frammentati u implimentati b’mod inkonsistenti. Barra minn hekk, il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet b'metodu intergovernattiv normalment jirrikjedi proċeduri nazzjonali problematiċi u għaldaqstant huwa diffiċli li jiġi rikonċiljat mal-ħeffa meħtieġa biex tiġi żgurata ġestjoni effettiva tal-kriżijiet, kif deher bl-użu tal-EFSM f’Lulju 2015 għal finanzjament temporanju għal appoġġ ta’ MES għall-Greċja: emenda ta’ Regolament tal-UE u deċiżjoni li jintuża kienu aktar effiċjenti fil-prattika milli tittieħed deċiżjoni ordinarja ta’ żborż tal-MES. Dan jiġi estiż ukoll għall-adattament ta’ azzjonijiet għal ċirkustanzi ġodda. Ladarba saħansitra modifiki żgħar jiddependu fuq il-firma tal-partijiet kontraenti kollha fl-ogħla livell politiku, tista’ tkun meħtieġa l-approvazzjoni tal-Parlamenti nazzjonali biex jiġu modifikati. Dawn il-proċeduri jieħdu l-ħin u jistgħu jżommu l-azzjoni milli tittieħed fil-waqt li tkun meħtieġa. Min-naħa l-oħra, il-qafas legali tal-UE joffri firxa potenzjali ta’ metodi biex jiġu mmodifikati atti eżistenti, bil-kumplessità tagħhom li tikkorrispondi għall-gravità tal-kwistjoni kkonċernata u l-forma tal-miżura li trid tiġi adattata. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-qafas tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE tagħmel il-proċess tal-aġġustamenti tad-dispożizzjonijiet rilevanti aktar rapidu, jekk dan ikun meħtieġ. Sinerġiji akbar u teħid tad-deċiżjonijiet aktar simplifikat isaħħu l-governanza u l-proċeduri.

   Responsabbiltà demokratika: It-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tfisser ukoll aktar responsabbiltà politika u trasparenza dwar min jiddeċiedi xiex u meta fil-livelli differenti. Dan jirrikjedi li d-dimensjoni Ewropea tat-teħid tad-deċiżjonijiet tinġieb eqreb lejn iċ-ċittadini u iktar fuq quddiem fid-dibattiti nazzjonali u jiġi żgurat li kemm il-parlamenti nazzjonali kif ukoll il-Parlament Ewropew ikollhom biżżejjed setgħat ta’ sorveljanza fuq il-ġestjoni tal-governanza ekonomika tal-UE. Jenħtieġ li dan iwassal ukoll għal aktar sjieda ta’ deċiżjonijiet kollettivi u ftuħ dwar il-mod li jittieħdu u jiġu kkomunikati. Dan huwa partikolarment minnu għall-FME bħala s-suċċessur tal-MES. Ir-responsabbiltà demokratika hija aspett ewlieni tad-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-Ewropa. Tul is-snin, il-MES kiseb rwol importanti ħafna. Jenħtieġ li t-trasformazzjoni tiegħu f’FME tiġi akkumpanjata bi sforz biex il-funzjonament tiegħu jiġi ankrat fil-qafas sod tar-responsabbiltà tal-Unjoni flimkien ma’ kontroll ġudizzjarju bl-għeruq u x-xniexel. L-involviment tal-Parlament Ewropew b’mod partikolari jtejjeb is-sorveljanza demokratika, filwaqt li r-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali jibqa’ ppriżervat bis-sħiħ, fid-dawl tal-kontribuzzjonijiet kbar tal-Istati Membri għall-FME.

Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha msemmija hawn fuq, l-aħjar post għall-istrutturi meħtieġa biex tingħata għajnuna għall-istabbiltà finanzjarja lill-Istati Membri taż-żona tal-euro huwa fil-qafas tal-Unjoni u f’idejn korp tal-Unjoni maħluq għal dak l-iskop. Madankollu, minħabba l-limitazzjonijiet finanzjarji u l-isfidi li tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni stess u l-kompetenza li akkumula l-MES f’dan il-qasam, li jitwaqqaf korp bħal dan mix-xejn ma jkun kosteffiċjenti xejn. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-FME propost minflok jinkorpora u jassorbi l-MES li diġà jeżisti bl-objettivi, funzjonijiet u strumenti attwali tiegħu. Il-FME li qed tipproponi issa l-Kummissjoni jista’ jiġi implimentat fil-qafas tat-Trattati attwali. Lil hinn minn dan l-isforz, dan joffri wkoll l-okkażjoni ideali biex tinħoloq garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-SRB. Il-ħolqien ta’ garanzija ta’ kontinġenza għall-Fond Uniku ta’ Riżluzzjoni (Single Resolution Fund, “SRF”) kien diġà ġie miftiehem mill-Istati Membri fl-2013, u kien jakkumpanja l-ftehim politiku dwar ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni 12 . Garanzija ta’ kontinġenza tal-aħħar istanza komuni tkun isservi l-iskop li tagħti fiduċja msaħħa lill-partijiet ikkonċernati kollha fir-rigward tal-kredibbiltà tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-SRB u biex iżżid il-kapaċità finanzjarja tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Bħala għodda tal-aħħar istanza, tiġi attivata biss f’każ li l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ma jkunx biżżejjed biex tiġi ffinanzjata r-riżoluzzjoni tal-bank jew tal-banek ikkonċernati. Il-garanzija ta’ kontinġenza tkun fiskalment newtrali maż-żmien, billi kwalunkwe fondi użati jiġu rkuprati mis-setturi bankarji fl-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja.

Is-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri taż-żona tal-euro hija l-ħsieb li jgħaqqad l-SRB mal-FME, u l-predeċessur tiegħu, il-MES, maħluq sabiex jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro. Fil-fatt, ir-relazzjoni li issa hija stabbilita sew bejn is-sovrani u l-banek timplika li mhux is-solidità finanzjarja tas-sovrani biss iżda anke dik tal-banek ta’ importanza sistemika hija element kritiku għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro u l-munita unika stess. Għaldaqstant, huwa iktar u iktar naturali li din il-proposta se tipprovdi l-ħolqa bejn l-attivitajiet tal-SRB u tal-FME fil-forma ta’ strument li jippermetti li tingħata linja ta’ kreditu jew garanziji lill-SRB b’appoġġ għall-attivitajiet tiegħu.

F’dawn l-aħħar snin, ġew espressi ħafna fehmiet dwar it-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. L-opinjonijiet jistgħu jvarjaw iżda hemm kunsens wiesa’ dwar il-ħtieġa li jsir aktar progress. Saru wkoll diversi kontribuzzjonijiet sinifikanti mill-Parlament Ewropew 13 u diskussjonijiet importanti fil-Grupp tal-Euro 14 .

Ir-Regolament propost dwar l-istabbiliment tal-FME huwa wieħed mill-inizjattivi mħabbra fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Passi lejn l-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja”. Din il-Komunikazzjoni tagħti sommarju tar-raġunament u l-kontenut tal-inizjattivi kollha ppreżentati mill-Kummissjoni. Imbagħad ifakkar kif dan il-pakkett huwa inkluż fi pjan direzzzjonali wiesa’ biex l-Unjoni Ekonomika u Monetarja titlesta sal-2025 u jipprovdi skeda ta’ żmien għal azzjoni matul it-18-il xahar li ġejjin.

Din il-proposta tibni fuq l-istruttura stabbilita sew tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà billi toħloq Fond Monetarju Ewropew ankrat fil-qafas legali tal-UE. Dan kien diġà tħabbar fir-Rapport tal-Ħames Presidenti u ntalab mill-Parlament Ewropew li enfasizza l-ħtieġa li l-Fond Monetarju Ewropew ikun mgħammar b’kapaċitajiet adegwati ta’ għoti ta’ self u ta’ teħid b’self u mandat definit b’mod ċar 15 .

Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà twaqqaf f’Ottubru 2012 fl-eqqel tal-kriżi. Il-pressjoni tal-avvenimenti ta’ dak iż-żmien wasslet biex tinstab soluzzjoni intergovernattiva. Madankollu, kien diġà ċar dak iż-żmien li dan seta’ jintlaħaq fil-qafas tat-Trattati tal-UE, kif indikat, pereżempju, fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina 16

Matul is-snin, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà kellu rwol deċiżiv fl-għajnuna biex tiġi ppreżervata l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro. Dan għamlu billi pprovda appoġġ finanzjarju addizzjonali lill-Istati Membri taż-żona tal-euro f’diffikultà. It-trasformazzjoni tiegħu f’Fond Monetarju Ewropew se tkompli ssaħħaħ l-ankraġġ istituzzjonali tiegħu. Dan se jgħin biex joħloq sinerġiji ġodda fil-qafas tal-UE, speċjalment f’termini tat-trasparenza, tal-istħarriġ ġudizzjarju u tal-effiċjenza tar-riżorsi finanzjarji tal-UE u għaldaqstant joffri appoġġ aħjar lill-Istati Membri. Se jgħin ukoll biex ikompli jtejjeb il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni u r-responsabbiltà lill-Parlament Ewropew. Dan isir mingħajr ma jaffettwa l-mod li bih il-gvernijiet nazzjonali jinżammu responsabbli mill-Parlamenti nazzjonali tagħhom u jippreżerva l-impenji tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà.

L-inizjattiva tieħu l-forma ta’ proposta għal Regolament tal-Kunsill, li hija soġġetta għall-kunsens tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 352 jippermetti l-integrazzjoni tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà fil-qafas tal-Unjoni, billi din l-azzjoni hija meħtieġa għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro 17 u t-Trattati ma pprovdew l-ebda bażi ġuridika oħra biex l-UE tilħaq dan l-objettiv preċiż 18 . Il-Paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jipprevedi b’mod espliċitu rwol għall-Parlamenti nazzjonali. Storikament, diversi deċiżjonijiet sinifikanti li wittew it-triq lejn l-istabbiliment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja kienu bbażati fuq l-ekwivalent tal-Artikolu 352. Pereżempju, ittieħdu deċiżjonijiet dwar il-Fond Ewropew ta’ Kooperazzjoni Monetarja, l-Unità Monetarja Ewropea u l-ewwel bilanċ tal-mekkaniżmi ta’ pagament skont l-Artikolu 235 tat-Trattat dwar il-Komunità Ekonomika Ewropea, il-predeċessur tal-Artikolu 352.

Il-proposta hija akkumpanjata minn abbozz ta’ dak li jista’ jsir ftehim intergovernattiv għall-Istati Membri taż-żona tal-euro biex jaqblu bejniethom dwar it-trasferiment ta’ fondi mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà għall-Fond Monetarju Ewropew. Dan jipprevedi wkoll li l-Fond isegwi u jissostitwixxi l-MES, inkluż fil-pożizzjoni legali tiegħu, bid-drittijiet u l-obbligi kollha tiegħu.

Skont il-proposta tal-lum, il-Fond Monetarju Ewropew se jiġi stabbilit bħala entità ġuridika unika skont id-dritt tal-Unjoni. Se jsegwi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, u essenzjalment l-istrutturi finanzjarji u istituzzjonali attwali tiegħu se jiġu ppreżervati. Dan ifisser li l-Fond Monetarju Ewropew se jkompli jipprovdi għajnuna għall-istabbiltà finanzjarja lill-Istati Membri fil-bżonn, jiġbor fondi billi joħroġ strumenti tas-suq tal-kapital u jinvolvi ruħu fi tranżazzjonijiet tas-suq monetarju. Is-sħubija mhux se tinbidel u l-parteċipazzjoni ta’ Stati Membri addizzjonali se tibqa’ possibbli, ladarba jadottaw l-euro.

Billi l-Fond Monetarju Ewropew isir korp tal-Unjoni, jenħtieġu xi aġġustamenti mmirati għall-istruttura attwali tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Dawn jinkludu approvazzjoni mill-Kunsill ta’ deċiżjonijiet diskrezzjonali meħuda mill-Fond Monetarju Ewropew 19 .

Barra minn hekk, il-proposta tal-lum iżżid għadd ta’ karatteristiċi ġodda.

L-ewwel nett, il-Fond Monetarju Ewropew se jkun kapaċi jipprovdi l-garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Dan huwa komponent essenzjali għat-tieni pilastru tal-Unjoni Bankarja, l-hekk imsejjaħ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni 20 . Meta l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni ġie adottat fl-2013, l-Istati Membri qablu wkoll li jiżviluppaw garanzija ta’ kontinġenza għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Din kienet maħsuba li tiġi attivata fl-aħħar istanza jekk jiġi ppruvat li r-riżorsi disponibbli immedjatament tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ma jkunux biżżejjed għall-iskopijiet ta’ kapital jew ta’ likwidità. L-Istati Membri qablu wkoll li jenħtieġ li tkun fiskalment newtrali fuq terminu medju ħalli kull skjerament potenzjali tal-garanzija ta’ kontinġenza jiġi rkuprat mis-settur bankarju fiż-żona tal-euro.

Ir-regoli ġodda tal-UE dwar is-superviżjoni u r-riżoluzzjoni bankarja li ġew żviluppati wara l-kriżi naqqsu b’mod sinifikanti il-probabbiltà u l-impatt potenzjali tal-fallimenti bankarji. Madankollu, għad hemm bżonn garanzija ta’ kontinġenza fiskali biex tittejjeb il-kapaċità finanzjarja tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Din il-garanzija ta’ kontinġenza se tnissel fiduċja fis-sistema bankarja billi tirfed il-kredibbiltà tal-azzjonijiet li jieħu l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Min-naħa l-oħra, din fil-fatt se tnaqqas il-probabbiltà ta’ sitwazzjoni li fiha tissejjaħ garanzija ta’ kontinġenza.

Bħalissa hemm kunsens mifrux li l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà – dak li fil-futur se jkun il-Fond Monetarju Ewropew – jinsab fl-aħjar post biex jipprovdi din il-garanzija ta’ kontinġenza fil-forma ta’ linja ta’ kreditu jew garanzija għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Dan huwa rifless fil-proposta tal-lum li tistabbilixxi wkoll proċessi xierqa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet biex jiġi żgurat li l-garanzija ta’ kontinġenza tista’ tiġi skjerata malajr, jekk dan ikun meħtieġ. Ġew proposti wkoll arranġamenti speċjali li jissodisfaw l-interessi leġittimi tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li jkunu ssieħbu fl-Unjoni Bankarja.

It-tieni, f’termini ta’ governanza, il-proposta tinkludi l-possibbiltà li jittieħdu deċiżjonijiet aktar malajr f’sitwazzjonijiet urġenti speċifiċi. Ġie propost li tinżamm l-unanimità fil-votazzjonijiet għad-deċiżjonijiet kollha ewlenin b’impatt finanzjarju (pereżempju sejħiet ta’ kapital). Madankollu, ġiet proposta maġġoranza kwalifikata msaħħa, fejn ikunu meħtieġa 85 % tal-voti, għal deċiżjonjiet speċifiċi dwar l-għajnuna għall-istabbiltà, l-iżborżi u l-iskjerament tal-garanzija ta’ kontinġenza.

It-tielet, fir-rigward tal-ġestjoni tal-programmi ta’ assistenza finanzjarja, il-proposta tipprevedi involviment aktar dirett tal-FME, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea.

Ir-raba’, il-proposta tirreferi għall-possibbiltà li l-Fond Monetarju Ewropew jiżviluppa strumenti finanzjarji ġodda. Maż-żmien, dawn l-istrumenti jistgħu iżidu jew jappoġġaw strumenti u programmi finanzjarji tal-UE oħrajn. Dawn is-sinerġiji jistgħu jkunu utli b’mod partikolari jekk il-Fond Monetarju Ewropew jkollu rwol li jappoġġja funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni possibbli fil-futur.

B'dawn il-bidliet, il-Fond Monetarju Ewropew se jistabbilixxi lilu nnifsu bħala korp sod ta’ ġestjoni tal-kriżijiet fil-qafas tal-Unjoni, li jaħdem f’sinerġija sħiħa ma’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE. Il-Kunsill u l-Kummissjoni se jżommu l-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tagħhom f’termini ta’ sorveljanza ekonomika u baġitarja u koordinazzjoni tal-politika, kif stabbilit fit-Trattati tal-UE.

Il-kooperazzjoni prattika tista’ tiżdied biex isservi aħjar lill-Istati Membri, tinvolvi ruħha ma’ parteċipanti fis-suq u tevita duplikazzjonijiet ta’ attivitajiet. Tista’ tintalab aktar kooperazzjoni fid-dawl ta’ progress ulterjuri biex tissaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Titjib propost għall-istruttura tal-MES

Ir-Regolament propost u l-Anness tiegħu li jinkludi l-Istatut tal-FME huwa bbażat fuq it-Trattat dwar il-MES u d-Digrieti tal-MES.

B’mod partikolari, l-Anness jirrifletti fil-parti l-kbira tiegħu t-test tat-Trattat dwar il-MES. Iħalli għadd ta’ artikli tat-Trattat dwar il-MES fil-parti l-kbira tagħhom mhux mibdula. Jikkonċerna artikoli relatati mal-istokk kapitali, mas-sejħiet ta’ kapital kif ukoll il-kjavi tal-kontribuzzjoni (l-Artikoli 8, 9 u 11), l-artikoli relatati mal-istrumenti għall-għoti ta’ appoġġ ta’ stabbiltà finanzjarja lill-Membri tal-FME (l-Artikoli 14 sa 18), il-politika ta’ pprezzar (l-Artikolu 20), l-operazzjonijiet ta’ teħid b'self (l-Artikolu 21), il-ġestjoni finanzjarja (mill-Artikolu 25 sal-Artikolu 28), il-verifika interna (l-Artikolu 33), u l-korrezzjoni temporanja tal-kjavi tal-kontribuzzjoni (l-Artikolu 44).

Il-proposta titbiegħed mit-test tat-Trattat attwali dwar il-MES għal żewġ raġunijiet: il-konsistenza legali mal-qafas legali tal-UE, u bidliet limitati bil-ħsieb li jitjiebu l-operazzjonijiet u t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-FME.

1) Konsistenza legali mal-qafas legali tal-UE:

L-ewwel nett, ir-Regolament propost innifsu jinkludi artikoli b’bidliet li huma meħtieġa minħabba raġunijiet ta’ konsistenza mad-dritt tal-UE: l-istabbiliment tal-FME (l-Artikolu 1), is-suċċessjoni legali tiegħu għall-FME u s-sostituzzjoni tiegħu (l-Artikolu 2), l-introduzzjoni ta’ proċess ta’ approvazzjoni mill-Kunsill għal deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tal-Gvernaturi jew il-Bord tad-Diretturi li juru diskrezzjoni politika (l-Artikolu 3) u r-rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni relatati (l-Artikolu 4), u dispożizzjonijiet ta’ responsabbiltà ddedikati (l-Artikoli 5 u 6) lejn il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali. Huma previsti wkoll żewġ dispożizzjonijeit finali (l-Artikoli 7 u 8).

It-tieni, l-Anness tar-Regolament propost jinkludi l-Istatut tal-FME. Dan fih bidliet sabiex jiżgura l-konsistenza mad-dritt tal-UE bħal: id-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ self (l-Artikolu 8), il-prinċipji għall-operazzjonijiet ta’ stabbiltà (l-Artikolu 12), l-inklużjoni tal-istrument biex tingħata assistenza għar-rikapitalizzazzjoni diretta tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (l-Artikolu 19), il-proċedura relatata mal-baġit tal-FME (l-Artikoli 29 u 30), il-kontijiet annwali (l-Artikolu 31), ir-rapporti finanzjarji u r-rapporti annwali (l-Artikolu 32), il-verifika esterna (l-Artikolu 34), il-Bord tal-Awdituri (l-Artikolu 35), il-ftehim dwar is-sede (l-Artikolu 37), il-privileġġi u l-immunitajiet (l-Artikolu 38), id-dispożizzjonijiet tal-persunal (l-Artikolu 39), is-segretezza professjonali u l-iskambju tal-informazzjoni (l-Artikolu 40), l-awtonomizzazzjoni tal-maniġment b'rabta mal-FESF (l-Artikolu 42), il-miżuri kontra l-frodi (l-Artikolu 45), l-aċċess għad-dokumenti (l-Artikolu 46), ir-rekwiżiti tal-lingwa (l-Artikolu 47).

2) Titjib tal-operazzjonijiet u tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-FME:

Barra minn hekk, ġie introdott tibdil fl-artikoli tat-Trattat dwar il-MES biex jintlaħqu ċerti objettivi addizzjonali: it-titjib tal-proċeduri ta’ votazzjoni (l-Artikoli 5 u 6), il-proċedura ta’ ħatra għad-direttur maniġerjali (l-Artikolu 7), l-istabbiliment tal-funzjoni l-ġdida li tappoġġja l-SRB u li temenda l-obettivi u l-prinċipji tal-FME skont dan (l-Artikoli 3, 22 sa 24), l-għoti ta’ aktar flessibbiltà fir-rigward tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (l-Artikolu 41).

3) Tabella ta’ ekwivalenza

Din it-tabella ta’ korrelazzjoni tipprovdi ħarsa ġenerali tal-istruttura kkomparata tat-Trattat dwar il-MES fuq ix-xellug u tar-Regolament propost u l-Istatut tal-FME fuq il-lemin:

Numerazzjoni tat-Trattat dwar il-MES

Dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament tal-FME propost u l-Istatut tal-FME (“Statut”)

Artikolu 1 (stabbiliment tal-FME)

Artikolu 1 tar-Regolament propost (stabbiliment tal-FME)

-

Artikolu 2 tar-Regolament propost (suċċessjoni u sostituzzjoni tal-MES)

-

Artikolu 3 tar-Regolament propost (rwol tal-Kunsill)

-

Artikolu 4 tar-Regolament propost (pubblikazzjoni)

-

Artikolu 5 tar-Regolament propost (il-Parlament Ewropew)

-

Artikolu 6 tar-Regolament propost (il-Parlamenti nazzjonali)

-

Artikolu 7 tar-Regolament propost (referenzi għall-MES fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni)

-

Artikolu 1 tal-Istatut (status ġuridiku tal-FME)

Artikolu 2 (sħubija)

Artikolu 2 tal-Istatut (sħubija)

Artikolu 3 (għan)

Artikolu 3 tal-Istatut (għan u kompiti)

Artikolu 4 (struttura u regoli tal-votazzjoni)

Artikolu 4 tal-Istatut (struttura u regoli tal-votazzjoni)

Artikolu 5 tal-Istatut (il-bord tal-gvernaturi)

Artikolu 5 tal-Istatut (il-bord tal-gvernaturi)

Artikolu 6 tal-Istatut (il-bord tad-diretturi)

Artikolu 6 tal-Istatut (il-bord tad-diretturi)

Artikolu 7 (id-direttur maniġerjali)

Artikolu 7 tal-Istatut (id-direttur maniġerjali)

Artikolu 8 (stokk ta’ kapital awtorizzat)

Artikolu 8 tal-Istatut (stokk ta’ kapital awtorizzat inizjali)

Artikolu 9 (eżerċitar tal-kapital)

Artikolu 9 tal-Istatut (eżerċitar tal-kapital)

Artikolu 10 (bidliet fl-istokk ta’ kapital awtorizzat)

Artikolu 10 tal-Istatut (żidiet fil-kapital)

Artikolu 11 (il-kjavi ta’ kontribuzzjoni)

Artikolu 11 tal-Istatut (kjavi ta’ kontribuzzjonijiet)

Artikolu 12 (prinċipji)

Artikolu 12 tal-Istatut (prinċipji sottostanti għall-operazzjonijiet ta’ stabbiltà tal-FME)

Artikolu 13 (proċedura għall-għoti ta’ sostenn għall-istabbiltà)

Artikolu 13 tal-Istatut (proċedura għall-għoti ta’ sostenn għall-istabbiltà lill-Membri tal-FME)

Artikolu 14 tal-Istatut (assistenza finanzjarja prekawzjonarja mill-MES)

Artikolu 14 tal-Istatut (assistenza finanzjarja prekawzjonarja tal-FME)

Artikolu 15 tal-Istatut (assistenza finanzjarja għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ Membru fil-MES)

Artikolu 15 tal-Istatut (assistenza finanzjarja għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ Membru tal-FME)

Artikolu 16 (self mill-MES)

Artikolu 16 tal-Istatut (self tal-FME)

Artikolu 17 tal-Istatut (faċilità ta’ sostenn fis-suq primarju)

Artikolu 17 tal-Istatut (faċilità ta’ sostenn fis-suq primarju)

Artikolu 18 tal-Istatut (faċilità ta’ sostenn fis-suq sekondarju)

Artikolu 18 tal-Istatut (faċilità ta’ sostenn fis-suq sekondarju)

Artikolu 19 (reviżjoni tal-lisa ta’ strumenti ta’ assistenza finanzjarja)

-

-

Artikolu 19 tal-Istatut (strument għar-rikapitalizzazzjoni diretta tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu)

Artikolu 20 (il-politika tal-ipprezzar)

Artikolu 20 tal-Istatut (il-politika tal-ipprezzar)

Artikolu 21 (operazzjonijiet ta’ teħid b’self)

Artikolu 21 tal-Istatut (operazzjonijiet ta’ teħid b’self)

-

Artikolu 22 tal-istatut (linja ta’ kreditu jew garanziji għall-SRB)

-

Artikolu 23 tal-Istatut (regoli li japplikaw għall-FME)

-

Artikolu 24 tal-Istatut (regoli li japplikaw għall-Istati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013)

Artikolu 22 (politika ta’ investiment)

Artikolu 25 tal-Istatut (politika ta’ investiment)

Artikolu 23 (politika ta’ investiment)

Artikolu 26 tal-Istatut (politika ta’ dividendi)

Artikolu 24 (fondi ta’ riżerva u fondi oħra)

Artikolu 27 tal-Istatut (fondi ta’ riżerva u fondi oħra)

Artikolu 25 (il-kopertura tat-telf)

Artikolu 28 tal-Istatut (il-kopertura tat-telf)

Artikolu 26 (il-baġit)

Artikolu 29 tal-Istatut (il-baġit)

-

Artikolu 30 tal-Istatut (tħejjija tal-baġit)

Artikolu 27 (kontabbiltà annwali)

Artikolu 31 tal-Istatut (kontabbiltà annwali)

-

Artikolu 32 tal-Istatut (rapporti finanzjarji u rapport annwali)

Artikolu 28 (verifika interna)

Artikolu 33 tal-Istatut (verifika interna)

Artikolu 29 (verifika esterna)

Artikolu 34 tal-Istatut (verifika esterna)

Artikolu 30 tal-Istatut (il-bord tal-awdituri)

Artikolu 35 tal-Istatut (il-bord tal-awdituri)

Artikolu 31 (sede)

Artikolu 36 tal-Istatut (sede)

-

Artikolu 37 tal-Istatut (ftehim dwar is-sede)

Artikolu 32 (privileġġi u immunitajiet)

Artikolu 38 tal-Istatut (privileġġi u immunitajiet)

Artikolu 33 (il-persunal tal-MES)

Artikolu 39 tal-Istatut (il-persunal tal-FME)

Artikolu 34 (segretezza professjonali)

Artikolu 40 tal-Istatut (segretezza professjonali u skambju tal-informazzjoni)

Artikolu 35 (immunità ta’ persuni)

-

Artikolu 36 (eżenzjoni mit-taxxa)

-

Artikolu 37 (interpretazzjoni u riżoluzzjoni ta’ disputi)

-

Artikolu 38 (kooperazzjoni internazzjonali)

Artikolu 41 tal-Istatut (kooperazzjoni)

Artikolu 39 (relazzjoni mas-self tal-FESF)

-

Artikolu 40 (trasferiment ta’ sostenn mill-FESF)

-

-

Artikolu 42 tal-Istatut (ġestjoni tal-FESF)

Artikolu 41 (il-ħlas tal-kapital inizjali)

Artikolu 43 tal-Istatut (il-ħlas tal-kapital inizjali)

Artikolu 42 (korrezzjoni temporanja tal-kjavi ta’ kontribuzzjoni)

Artikolu 44 tal-Istatut (korrezzjoni temporanja tal-kjavi ta’ kontribuzzjonijiet)

Artikolu 43 (l-ewwel ħatriet)

-

Artikolu 44 (adeżjoni)

-

Artikolu 45 (annessi)

-

Artikolu 46 (depożitu)

-

Artikolu 47 (ratifika, approvazzjoni jew aċċettazzjoni)

-

Artikolu 48 (dħul fis-seħħ)

Artikolu 8 tar-Regolament propost

-

Artikolu 45 tal-Istatut (miżuri kontra l-frodi)

-

Artikolu 46 tal-Istatut (aċċess għad-dokumenti)

-

Artikolu 47 tal-Istatut (rekwiżiti tal-lingwa)

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

Permezz tal-proposta tagħha biex tistabbilixxi l-FME, l-Unjoni tkun qed tipprovdi lilha nfisha korp tal-Unjoni biex jaġixxi b’mod deċiżiv sabiex jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri tagħha. B’mod iktar speċifiku, flimkien mal-faċilità permanenti għall-forniment tal-bilanċ tal-pagament fit-terminu medju għall-appoġġ tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro, l-Unjoni se tkun mgħammra b’firxa sħiħa ta’ faċilitajiet permanenti ta’ stabbilizzazzjoni li jkopru l-Istati Membri kollha kemm huma, u li jieħdu minn riżorsi finanzjarji konsiderevoli, lil hinn minn dawk aċċessibbli permezz tal-EFSM.

Ir-Regolament propost dwar it-twaqqif tal-FME huwa wkoll pass loġiku flimkien mar-Regolament (UE) Nru 472/2013. F’dan ir-Regolament tal-aħħar, l-Unjoni asseriet il-kompetenza tagħha fil-qasam tal-għajnuna finanzjarja u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika relatata tagħha, filwaqt li wriet ukoll il-kapaċità tagħha li tipprovdi għall-arranġamenti xierqa fejn ikkombinat il-leġittimità demokratika tal-qafas tagħha mal-effiċjenza tal-istrutturi tagħha tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. It-twaqqif tal-FME fi ħdan il-qafas tal-Unjoni għalhekk huwa f’konformità sħiħa mal-inizjattivi tal-politika tal-Unjoni tal-passat u tikkomplementa dak li sar qabel f’dak il-qasam.

Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ garanzija ta’ kontinġenza għall-appoġġ tal-SRB jikkomplementa l-inizjattivi riċenti biex tiddgħajjef ir-rabta bejn il-finanzi tal-Istati Membri u s-sistemi bankarji tagħhom. Bl-għoti lill-SRB tat-tfassil u l-eżekuzzjoni ta’ skemi għar-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ krediti, ir-Regolament (UE) Nru 806/2014, flimkien mad-Direttiva 2014/59/UE kien pass kbir f’din id-direzzjoni. Ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-SRB biex jagħmel arranġamenti finanzjarji biex ikun jista’ jistabbilixxi arranġamenti ta’ finanzjament. Il-proposta timplimenta dan filwaqt li tikkjarifika li kwalunkwe finanzjament li l-SRB jissellef mill-FME għandu jkun irkuprat bis-sħiħ mis-sistema bankarja.

Barra minn hekk, inizjattivi futuri ta’ politika, bħal, pereżempju, it-twaqqif ta’ funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni jistgħu jitqiesu f’dan il-kuntest. Funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni hija definita bħala l-possibbiltà li jiġu attivati malajr riżorsi b’mod awtomatiku, soġġetti għall-kriterji ta’ eliġibbiltà li huma definiti iktar ’il quddiem. L-objettiv ikun li dawn ir-riżorsi jintużaw biex jittaffew l-effetti ta’ xokkijiet asimettriċi. F’każ ta’ tnaqqis fir-ritmu, l-Istati Membri għall-ewwel jużaw l-istabbilizzaturi awtomatiċi u l-politika fiskali diskrezzjonarja tagħhom, f’konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST). Il-PST jipprovdi għal bafers addizzjonali u l-ħtieġa ta’ sforz fiskali iżgħar li għandu jsir f’kundizzjonijiet ekonomiċi diffiċli. Tiskatta l-funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni f’każ biss li dawn il-bafers u stabbilizzaturi ma jkunux suffiċjenti fil-każ ta’ xokkijiet kbar asimetriċi. Il-FME jista’ jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ tali funzjoni billi jorganizza u jagħmel disponibbli kwalunkwe finanzjament tas-suq neċessarju assoċjat mal-attivazzjoni tal-funzjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 352 tat-TFUE. Biex jintuża dak l-Artikolu għandhom jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet. L-ewwel żewġ kundizzjonijiet huma li ma tkun teżisti l-ebda bażi legali fit-Trattati u li l-azzjoni taqa’ fi ħdan il-qafas tal-politiki tal-Unjoni. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ġew issodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet fir-rigward tal-MES (fil-każ Pringle 21 ). Fil-qasam tal-politika ekonomika tal-Unjoni, kif previst fit-Titolu VIII “Politika Ekonomika u Monetarja” tal-Parti III tat-TFUE, is-setgħat neċessarji għall-Unjoni biex tistabbilixxi korp tal-Unjoni inkarigat bl-għoti ta’ appoġġ finanzjarju għall-iżgurar tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro ma ġewx imnaqqxin. Fl-assenza ta’ kwalunkwe setgħa minn dawn, l-Artikolu 352 tat-TFUE jippermetti lill-Kunsill biex, b’mod unanimu jadotta, fuq proposta mill-Kummissjoni, u wara li jkun akkwista l-kunsens tal-Parlament, il-miżuri xierqa. It-tielet kundizzjoni hija n-neċessità sabiex jinkiseb objettiv ta’ Trattat. Il-ħtieġa ta’ korp bħall-MES li jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro hija bbażata fuq l-elementi fattwali u hija kkonfermata mill-Artikolu 136 (3) tat-TFUE u t-tieni premessa tat-Trattat MES) li jirreferu għall-MES attwali bħala “mekkaniżmu ta’ stabbiltà li jkun attivat jekk ikun indispensabbli biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha.” It-twaqqif tal-FME huwa neċessarju fil-kontribuzzjoni għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha, tal-Istati Membri tagħha u tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro u li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja abbażi ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013.

L-integrazzjoni tal-MES fil-qafas tal-Unjoni permezz ta’ Regolament abbażi tal-Artikolu 352 tat-TFUE tkun tiżgura kontinwazzjoni bla xkiel tal-attivitajiet u suċċessjoni legali diretta bejn il-MES eżistenti u l-korp il-ġdid tal-Unjoni (il-FME). L-Istati Membri taż-żona tal-euro jkunu jaqblu li l-kapital tal-MES jkun marbut ma’ dan il-korp, permezz ta’ att multilaterali simplifikat.

L-Artikolu 352 tat-TFUE jista’ jintuża wkoll biex jagħti kompiti addizzjonali lill-MES meta dan jiġi integrat fl-Unjoni.

Minkejja li miżura bbażata fuq l-Artikolu 352 tat-TFUE tiġi adottata mill-Kunsill b’unanimità (UE28), l-applikazzjoni ta’ tali miżura tista’ tkun limitata għal grupp sekondarju ta’ Stati Membri fejn il-limitazzjoni tkun ibbażata fuq raġuni oġġettiva. Il-fatt li l-MES jaġixxi biss biex jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro huwa ġustifikazzjoni li l-isħubija tiegħu hija limitata għall-Istati Membri taż-żona tal-euro. B’riżultat ta’ dan, il-FME propost jista’ jopera bħalma qed jopera l-MES bħalissa, u l-appoġġ tiegħu jkun disponibbli biss għall-Istati Membri li taż-żona tal-euro u l-istruttura tiegħu ta’ governanza interna tkun magħmula minn dawk l-istess Stati Membri.

   Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

L-istabbiltà finanzjarja tal-unjoni ekonomika u bankarja u tal-Istati Membri li huma parteċipanti fl-Unjoni Bankarja għandha dimensjoni mal-Unjoni kollha. Minħabba l-interkonnessjonijiet b’saħħithom bejn l-Istati Membri fiż-żona tal-euro, riskji kbar għall-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri jistgħu jpoġġu l-istabbiltà finanzjarja ta’ Stati Membri oħra u taż-żona tal-euro kollha kemm hi f’riskju.

Ir-Regolament propost jistipula l-qafas għall-għoti ta’ għajnuna għall-istabbiltà finanzjarja lill-Istati Membri li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom u jipprevedi wkoll rwol ġdid li jikkonsisti mill-għoti ta’ mezzi finanzjarji lill-SRB. Fir-rigward ta’ dan ir-rwol tal-aħħar, il-FME se jkun intitolat li jipprovdi linji ta’ kreditu u garanziji lill-SRB li jistgħu jaġixxu bħala miżura ta’ garanzija ta’ kontinġenza għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni.

L-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux isolvu unilateralment ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja li jiffaċjaw Stati Membri minħabba swieq finanzjarji li joperaw fuq bażi transfruntiera lil hinn mill-iskop ta’ ġurisdizzjonijiet nazzjonali. Barra minn hekk, l-Istati Membri isibu diffikultajiet biex jimmitigaw ir-riskji waħedhom. L-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jindirizzaw waħedhom ir-riskji sistemiċi li jistgħu joħolqu Stati Membri oħra jew l-istituzzjonijiet ta’ kreditu tagħhom għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni kollha kemm hi.

L-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwalment u għalhekk, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 (3) tat-TFUE.

Proporzjonalità

Il-proposta għandha l-għan li tiżgura l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro u fl-UE kollha kemm hi, fl-Istati Membri u f’dawk l-Istati Membri li huma parteċipanti fl-Unjoni Bankarja. Il-proposta tistipula qafas issimplifikat għall-proviżjoni ta’ għajnuna għall-istabbiltà finanzjarja għall-Membri tal-FME u l-proviżjoni ta’ linji ta’ kreditu u garanziji bħala appoġġ tal-SRB fir-rigward tal-finanzjament ta’ azzjonijiet potenzjali ta’ riżoluzzjoni mwettqa fl-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja.

Il-proposta tistipula r-rwoli u r-responsabbiltajiet differenti għall-korpi kollha ta’ governanza tal-FME u l-istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni involuti. Tipprovdi wkoll għall-istrumenti finanzjarji għad-dispożizzjoni tal-FME sabiex ikun jista’ jikseb l-objettivi tiegħu.

Bit-twaqqif ta’ awtorità ċentrali fi ħdan l-Unjoni, li tkun inkarigata mill-għoti ta’ għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri, il-proposta tikkontribwixxi għall-indirizzar tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro u l-Istati Membri tagħha billi tirrikjedi lill-Membru benefiċjarju tal-FME biex jikkonforma mal-kundizzjonijiet stretti tal-politika, xierqa għall-istrument ta’ għajnuna finanzjarja li ntgħażel u n-nuqqasijiet li jridu jiġu indirizzati. Barra minn hekk, il-FME jiġi inkarigat ukoll li jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-SRB. L-involviment tal-FME se jikkontribwixxi biex jitkissru ċ-ċrieki vizzjużi bejn is-sovrani, l-banek u l-ekonomija reali, li huwa kruċjali għall-funzjonament bla xkiel tal-UEM.

Fl-istess ħin, il-proposta ma telaborax fuq x’inhu neċessarju biex jintlaħaq l-objettiv tal-UEM għat-tnaqqis ta’ riskji għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro u l-Istati Membri tagħha. Kwalunkwe appoġġ mogħti mill-FME lill-Membri tal-FME huwa soġġett għall-kundizzjonijet ta’ politika mmirati lejn l-indirizzar tad-dgħufijiet preżenti f’dak l-Istat Membru bil-ħsieb li terġa’ tiġi stabbilita malajr sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika xierqa u tiġi restawrata jew tissaħħaħ il-kapaċità tal-Membru biex jiffinanzja lilu nnifsu fis-swieq finanzjarji.

Għażla tal-istrument

Dan l-att jieħu l-għamla ta’ Regolament minħabba li l-att joħloq korp ġdid fil-qafas tal-Unjoni li jikkontribwixxi għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja u għandu jkun kollu kemm hu vinkolanti u japplika direttament fl-Istati Membri.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Drittijiet fundamentali

L-UE hija impenjata favur standards għoljin tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u hija firmatarja għal sett wiesa’ ta’ konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem. F’dan il-kuntest, il-proposta jista’ jkollha impatt dirett fuq dawn id-drittijiet, kif elenkati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“Il-Karta”), li hija parti integrali mit-Trattati tal-UE u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ("KEDB"). 

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta u, b’mod partikolari, id-dritt li jiġu nnegozjati, konklużi u infurzati ftehimiet kollettivi jew li jittieħdu azzjonijiet kollettivi, il-protezzjoni ta’ dejta personali, id-dritt tal-aċċess għal dokumenti, u għandu jiġi implimentat f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u prinċipji. Billi jintegra l-MES attwali fi ħdan il-qafas tal-Unjoni, huwa jespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta skont dan.

4.IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT

Il-proposta mhix mistennija li jkollha implikazzjoni għall-baġit. Il-kapitali tal-FME se jkun sottoskritt mill-Istati Membri taż-żona tal-euro. Il-baġit tal-Unjoni mhuwiex se jkun responsabbli għall-ebda spiża jew telf tal-FME. IL-FME se jkollu wkoll baġit awtofinanzjat.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijet speċifiċi tal-proposta

Il-Parti I tar-Regolament propost (l-Artikoli 1 u 2) tipprovdi għat-twaqqif tal-FME fi ħdan il-qafas tal-Unjoni. Barra minn hekk, din il-parti tipprovdi wkoll għal dispożizzjoni li tkopri kwistjonijiet relatati mas-suċċessjoni tal-FME għall-MES. L-Istati Membri taż-żona tal-euro jkollhom bżonn jaqblu li l-kapital tal-MES huwa marbut ma’ dan il-korp, permezz ta’ wegħdiet individwali jew ta’ att multilaterali simplifikat. Kif inhuwa żviluppat iktar fl-Istatut, il-kapital awtorizzat tal-FME jibqa’ l-istess meta mqabbel mal-kapital tal-MES.

Il-Parti II tar-Regolament propost (l-Artikoli 3 sa 6), għal raġunijiet legali u bil-għan li tirrispetta l-ġurisprudenza Meroni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tinkludi rwol għall-Kunsill. Jenħtieġ li dan tal-aħħar japprova deċiżjonijiet diskrezzjonali meħuda mill-Bord tal-Gvernaturi u mill-Bord tad-Diretturi. Jipprovdi wkoll għall-arranġamenti ta’ responsabbiltà tal-FME lejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Tali arranġamenti bħalissa ma jeżistux għall-MES fit-Trattat dwar il-MES. Il-FME għandu jkun meħtieġ li jissottometti rapport annwali lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni msemmija qabel, flimkien mal-kontijiet annwali tiegħu u r-rapporti finanzjarji tiegħu. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiġi mistieden mill-Parlament jew jista’ jitlob li jiġi mistieden. Il-FME għandu jwieġeb ukoll għal mistoqsijiet orali u bil-miktub li jsiru mill-Parlament. Jeħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li jiġu organizzati diskussjonijiet orali kunfidenzjali, bħalma hu l-każ għall-SBB u l-MSU minħabba n-natura sensittiva u kunfidenzjali tad-diskussjonijiet li jirrelataw mal-qadi tal-kompiti tal-FME. Barra minn hekk, ir-Regolament jipprovdi wkoll għal rwol ta’ skrutinju iktar espliċitu ta’ Parlamenti nazzjonali meta mqabbel mas-sitwazzjoni attwali kurrenti fit-Trattat dwar il-MES. Tali rwol huwa ġġustifikat minħabba l-impatt tad-deċiżjonijiet tal-FME fuq il-kostitwenzi politiki tal-Membri tiegħu.

Il-Parti III tar-Regolament propost (l-Artikolu 7 u 8) hija responsabbli mir-referenzi għall-MES fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kif ukoll mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament propost.

Il-Parti I tal-Istatut tal-FME anness ma’ dan ir-Regolament propost (l-Artikoli 1 sa 3) tirreferi għall-istatus legali tal-FME. Il-FME għandu jkun korp tal-Unjoni b’personalità legali. Barra minn hekk, issir referenza għall-isħubija tal-FME (l-Artikolu 2). Dan tal-aħħar għandu jikkonsisti fi Stati Membri taż-żona tal-euro. Dan jirrifletti l-isħubija attwali tal-MES. Barra minn hekk, hemm prevista dispożizzjoni rigward l-objettivi u l-kompiti tal-FME. Kif jiġri fl-arkitettura tal-MES, il-FME jipprovdi għajnuna għall-istabbiltà finanzjarja lill-membri tiegħu (Stati Membri taż-żona tal-euro). Barra mill-missjoni unika attwali tal-MES, il-FME jingħata wkoll il-kompitu l-ġdid tal-għoti ta’ linji ta’ kreditu jew garanziji bħala appoġġ lill-SRB talli appoġġa lill-SRF. Dan tal-aħħar jista’ jservi ta’ arranġament finanzjarju pubbliku (garanzija ta' kontinġenza) fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 806/2014.

Il-Parti II tal-Istatut tal-FME annessa ma’ dan ir-Regolament propost (l-Artikoli 4 sa 7) tikkonċerna l-organizzazzjoni u l-proċedimenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, inklużi ir-regoli ta’ votazzjoni tal-FME applikabbli. B’mod simili għall-MES, il-FME se jkollu Bord tal-Gvernaturi, Bord tad-Diretturi, u Direttur Maniġerjali li se jiġi assistit minn bord tal-ġestjoni. Il-kategoriji tar-regoli ta’ votazzjoni minquxin fit-Trattat dwar il-MES se jibqgħu l-istess fil-FME. Għandha ssir distinzjoni bejn erba’ tipi ta’ regoli tal-votazzjoni: (i) l-unanimità; (ii) il-maġġoranza kwalifikata msaħħa (85 %), (iii) il-maġġoranza kwalifikata (80 %), u (iv) maġġoranza sempliċi. B’mod simili għar-regoli tat-Trattat dwar il-MES, inżammet l-unanimità għal deċiżjonijiet li għandhom impatt finanzjarju dirett maġġur fuq l-Istati Membri (pereżempju, deċiżjonijiet dwar il-kapaċità ta’ self, dwar sejħiet ta’ kapital li mhumiex meħtieġa urġentement). Madankollu, deċiżjonijiet relatati mal-għoti ta’ appoġġ finanzjarju jew żborżi lill-Membri tal-FME inbidlu minn ftehim unanimu għal maġġoranza kwalifikata msaħħa (85 %). Barra minn hekk, b’kuntrast għall-proċess attwali ta’ ħatra tad-Direttur Maniġerjali, ġie previst rwol konsultattiv għall-Parlament Ewropew. Ġew introdotti iktar kjarifiki li ħarġu mid-digrieti tal-MES dwar ir-rwol tad-Direttur Maniġerjali u l-bord maniġerjali tal-MES. Finalment, il-Parti II tipprovdi wkoll għar-regoli dwar ir-remunerazzjoni tal-membri u s-sostituti tal-Bord tal-Gvernaturi u tal-Bord tad-Diretturi.

Il-Parti III tal-Istatut tal-FME annessa mar-Regolament propost (l-Artikoli 8 sa 11) tikkonċerna l-istokk kapitali awtorizzat tal-FME u l-kapaċità ta’ self. Il-kapaċità ta’ self u l-istokk kapitali awtorizzat tal-FME għandhom ikunu totalment ippreservati meta mqabblin mas-sitwazzjoni attwali fil-MES. Tinżamm il-possibbiltà eżistenti li jiġi emendat l-istokk kapitali u l-kapaċità ta’ self tal-FME.

Il-Parti IV tal-Istatut tal-FME annessa mar-Regolament propost (l-Artikoli 12 sa 21) tipprovdi għall-prinċipji li jirfdu l-operazzjonijiet għall-appoġġ tal-istabbiltà tal-FME, il-proċedura għall-għoti ta’ għajnuna għall-istabbiltà finanzjarja lill-Membri tal-FME u l-istrumenti finanzjarji relatati għad-dispożizzjoni tal-FME. Dawn il-prinċipji u l-proċeduri huma l-istess bħal dawk preveduti fit-Trattat dwar il-MES bl-eċċezzjoni li l-FME se jingħata rwol fin-negozjati u fl-iffirmar tal-memorandum ta’ qbil li jakkumpanja l-operazzjoni ta’ appoġġ għall-istabbiltà finanzjarja. Hemm imnaxxqa wkoll referenza espliċita għall-Artikolu 152 tat-TFUE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li tikkonferma li, fil-kuntest tal-għoti ta’ appoġġ ta’ stabbiltà finanzjarja lill-Membri tal-FME, ir-Regolament ma jaffetwax id-dritt ta' negozjar u ta' azzjoni kollettivi. Barra mill-istrumenti diġà previsti fit-Trattat dwar il-MES fir-rigward tal-proviżjoni ta’ għajnuna għall-istabbiltà finanzjarja lill-Istati Membri taż-żona tal-euro, hemm ukoll integrazzjoni tal-istrument għar-rikapitalizzazzjoni diretta tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dan l-istrument inħoloq biss wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-MES abbażi tal-klawżola abilitanti prevista fl-Artikolu 19.

Il-Parti V (l-Artikoli 22 sa 24) tal-Istatut anness ma’ dan ir-Regolament propost tikkonċerna l-proviżjoni ta’ garanzija ta’ kontinġenza mill-FME u mill-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja. Il-proviżjoni ta’ linji ta’ kreditu u garanziji lill-SRB tkun funzjoni totalment ġdida għall-FME meta mqabbla mal-objettiv u l-kompiti kurrenti tal-MES. L-ammont ikkombinat ta’ impenji pendenti għall-mekkaniżmu ta’ garanzija ta’ kontinġenza tal-SRF huwa soġġett għal limitu ta’ EUR 60 000 miljun. Dan il-limitu jista’ jiżdied. Il-Bord tal-Gvernaturi, fi ftehim ma’ Stati Membri tal-Unjoni Bankarja li mhumiex fiż-żona tal-euro, għandu jadotta t-termini u l-kundizzjonijiet finanzjarji ta’ tali appoġġ lill-SRB. Sabiex ikun hemm disponibbiltà malajr kemm jista’ jkun, id-Direttur Eżekuttiv se jkun awtorizzat li jiddeċiedi fuq il-prelevament tal-linja ta’ kreditu jew il-proviżjoni ta’ garanziji fuq obbligazzjonijiet tal-SRB. F’każ li jintalab l-appoġġ fir-rigward ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, l-SRB jista’ jitlob tali appoġġ qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

Il-Parti VI (l-Artikoli 25 sa 28) tal-Istatut tal-FME annessa mar-Regolament propost titratta l-ġestjoni finanzjarja tal-FME. Dawn id-dispożizzjonijiet jirriflettu dawk tat-Trattat dwar il-MES.

Il-Parti VII (l-Artikoli 29 sa 35) tal-Istatut tal-FME annessa mar-Regolament propost tikkonċerna d-dispożizzjonijiet finanzjarji tal-FME. Tali regoli jirriflettu dawk tat-Trattat dwar il-MES u d-digrieti tal-MES. Dawn ir-regoli jikkonċernaw il-baġit tal-FME u t-twaqqif tiegħu, il-kontijiet annwali, id-dikjarazzjonijet finanzjarji u r-rapport annwali, il-funzjoni tal-verifika interna u estern u r-rwol tal-Bord tal-Awdituri.

Il-Parti VIII (l-Artikoli 36 sa 41) tal-Istatut tal-FME annessa ma’ dan ir-Regolament propost tipprevedi għadd ta’ dispożizzjonijiet rigward il-post tal-FME u l-possibbiltà tiegħu li jagħmel Ftehim dwar is-Sede. Barra minn hekk, il-FME se jibbenifika mill-privileġġi u l-immunitajiet stabbiliti fil-Protokoll Nru 7. Ir-reġim attwali tal-privileġġi u l-immunitajiet previsti fit-Trattat dwar il-MES ma jistgħux jinżammu għal raġunijiet legali. Il-Parti VIII tkopri wkoll ir-regoli tal-persunal applikabbli għall-persunal tal-FME. Ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità u l-iskambju ta’ informazzjoni għandhom jiġu inklużi wkoll. Tali regoli, li jvarjaw fin-natura tagħhom, jinsabu wkoll fid-digrieti tal-MES.

Il-Parti IX (l-Artikoli 42 sa 44) tal-Istatut tal-FME anness ma’ dan ir-Regolament propost tipprevedi għall-arranġamenti tranżizzjonali fir-rigward tal-pagament ta’ membri ġodda tal-FME tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-istokk kapitali awtorizzat. Id-dispożizzjoni tirrifletti dik prevista għall-Membri tal-MES fit-Trattat dwar il-MES bil-fehim li l-artikolu f’dan ir-Regolament japplika għal Membri ġodda tal-FME li jissieħbu ladarba jadottaw l-euro fil-futur. Ir-regola dwar il-korrezzjoni temporanja tal-iskema kapitali prevista fit-Trattat dwar il-MES se tibqa’ sħiħa wkoll fil-kuntest tal-FME.

Il-Parti X (l-Artikoli 45 sa 47) tal-Istatut tal-FME anness ma’ dan ir-Regolament propost tikkonċerna għadd ta’ dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza. Huma previsti regoli dwar miżuri kontra l-frodi, l-aċċess għal dokumenti u r-rekwiżiti lingwistiċi huma previsti.

 

2017/0333 (APP)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-istabbiliment ta’ Fond Monetarju Ewropew

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 22 ,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Il-kriżi finanzjarja u ekonomika mingħajr preċedent li laqtet lid-dinja u lill-Unjoni mill-2007 ’l hawn heddet serjament l-istabbiltà finanzjarja u għamlet ħsara lit-tkabbir ekonomiku, bir-riżultat li kien hemm deterjorament qawwi fid-defiċit tal-gvern u fil-pożizzjoni tad-dejn ta’ ħafna Stati Membri, li wassal biex għadd minnhom ifittxu assistenza finanzjarja fil-qafas tal-Unjoni kif ukoll barra minnu.

(2)Din il-kriżi wriet li l-Unjoni ma kellhiex strumenti solidi biżżejjed sabiex taġixxi malajr u b’mod deċiżiv biex twieġeb għall-isfidi lill-istabbiltà finanzjarja tagħha. Dawn l-istrumenti huma essenzjali għall-istabbiltà taż-żona tal-euro, għall-Istati Membri tagħha, għaċ-ċittadini tagħha u għal atturi ekonomiċi oħra, u huma ta’ importanza kbira għat-tisħiħ tal-fiduċja fil-munita unika.

(3)Bħala reazzjoni għas-sitwazzjoni eċċezzjonali ta’ deterjorament qawwi fil-kundizzjonijiet tat-teħid ta’ self f’ħafna Stati Membri, lil hinn minn dak li seta’ jiġi spjegat mill-elementi fundamentali tal-ekonomija, li kienet qed thedded l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, ġew adottati għadd ta’ miżuri, uħud minnhom barra mill-qafas tal-Unjoni.

(4)L-ewwel nett, fl-2010 ġie stabbilit Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (“EFSM”) li permezz tiegħu l-Unjoni setgħet tipprovdi assistenza finanzjarja lill-Istati Membri. Dan il-mekkaniżmu ppermetta lill-Unjoni tirreaġixxi b’mod ikkoordinat, rapidu u attiv għal diffikultajiet akuti fi Stat Membru partikolari iżda b’kapaċità finanzjarja limitata u fuq bażi purament temporanja.

(5)It-tieni, fl-2010 l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro waqqfu wkoll bejniethom il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (European Financial Stability Facility, "FESF"), fuq bażi temporanja. Il-FESF ipprovdiet assistenza finanzjarja lill-Irlanda, lill-Portugall u lill-Greċja. L-assistenza ġiet iffinanzjata mill-FESF permezz tal-ħruġ ta’ bonds u ta’ strumenti oħra ta’ dejn fis-swieq kapitali. Il-FESF ma tipprovdix xi assistenza finanzjarja ulterjuri, peress li dan il-kompitu bħalissa jsir biss mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (“MES”).

(6)It-tielet, fis-17 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-bżonn li l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistabbilixxu mekkaniżmu ta' stabbiltà permanenti li jissostitwixxi l-FESF għall-għoti ta’ appoġġ finanzjarju possibbli.

(7)L-MES ġie stabbilit bħala istituzzjoni finanzjarja internazzjonali mit-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà tat-2 ta’ Frar 2012, li ġie konkluż barra mill-qafas tal-Unjoni. L-MES assuma l-kompitu tal-FESF li tingħata assistenza finanzjarja lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u sar operazzjonali f’Ottubru 2012.

(8)Matul is-snin, intwera li l-MES kien deċiżiv biex jgħin tiġi ppreżervata l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro. Dan għamlu billi prrovda appoġġ finanzjarju addizzjonli lil dawk l-Istati Membri taż-żona tal-euro li jsibu ruħhom f’diffikutà. It-trasformazzjoni tiegħu f’Fond Monetarju Ewropew (“FME”) se tkompli jsaħħaħ l-ankrar istituzzjonali tiegħu. Huwa se jgħin biex jinħolqu sinerġiji ġodda fil-qafas tal-UE, l-aktar f’termini ta’ trasparenza, effiċjenza tar-riżorsi finanzjarji tal-UE u stħarriġ ġuridiku, biex b’hekk joffri appoġġ aħjar lill-Istati Membri., Se jgħin ukoll biex tkompli titjieb il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni u r-responsabbiltà lejn il-Parlament Ewropew. Dan se jsir mingħajr ma jiġi affettwat il-mod li bih il-gvernijiet nazzjonali jinżammu responsabbli mill-Parlamenti nazzjonali tagħhom filwaqt li jippreżerva l-impenji tal-MES.

(9)L-integrazzjoni tal-MES fil-qafas tal-Unjoni bit-twaqqif tal-FME tikkontribwixxi wkoll biex ikun hemm aktar trasparenza u responsabbiltà fl-unjoni ekonomika u monetarja ("UEM"). Fl-eqqel tal-kriżi ttieħdu deċiżjonijiet estensivi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u għaċ-ċittadini tagħhom. Ir-rwol ċentrali li kellu l-MES biex jipprovdi stabbiltà finanzjarja soġġetta għal kondizzjonalità stretta jiġġustifika l-integrazzjoni tiegħu fil-qafas tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li jkun hemm iktar djalogu, fiduċja reċiproka u aktar responsabbiltà demokratika u leġittimità fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni. Għaldaqstant l-FME jeħtieġ li jkollu l-obbligu ta’ rendikont lejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

(10)Sabiex jissaħħaħ il-kontroll demokratiku mill-Parlament Ewropew, jenħtieġ li kull sena l-FME jirrapporta dwar it-twettiq tal-kompiti tiegħu. Jenħtieġ li l-Parlament ikollu d-dritt li jagħmel mistoqsijiet orali u bil-miktub u jorganizza seduti ta’ smigħ. Minħabba n-natura sensittiva tal-attivitajiet tal-FME u l-impatt tagħhom fuq is-swieq finanzjarji, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Parlament jorganizza diskussjonijiet orali kunfidenzjali mad-Direttur Maniġerjali tal-FME dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tal-proċess li jingħata jew jiġi implimentat appoġġ finanzjarju ta’ stabbiltà lil Membru tal-FME kif ukoll fir-rigward tal-għoti ta’ appoġġ finanzjarju lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (Single Resolution Board, "SRB").

(11)Għal raġunijiet ta’ trasparenza u ta’ kontroll demokratiku, jenħtieġ li l-Parlamenti nazzjonali jkollhom ċerti drittijiet sabiex jiksbu informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-FME u jidħlu fi djalogu miegħu. Jenħtieġ li l-Parlament nazzjonali ta’ Membru tal-FME jkun jista’ jistieden lid-Direttur Maniġerjali sabiex jipparteċipa f’diskussjoni dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ operazzjoni ta’ għajnuna għall-istabbiltà finanzjarja fid-dawl tal-impatt ta’ tali miżura fuq il-Membru tal-FME ikkonċernat. Skambju ta’ opinjonijiet bħal dan jista’ jgħin biex jitrawwem il-fehim bejn il-FME u l-Membru tal-FME ikkonċernat.

(12)It-TUE u t-TFUE ma pprovdewx is-setgħat meħtieġa, fil-forma ta’ bażi ġuridika speċifika, sabiex jiġi stabbilit korp permanenti tal-Unjoni li jkollu l-inkarigu li jipprovdi appoġġ finanzjarju biex tkun żgurata l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro u tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro iżda li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja.

(13)Fin-nuqqas ta’ bażi ġuridika bħal din, il-Kunsill, bil-kunsens tal-Parlament Ewropew, jista’ jistabbilixxi FME bħala miżura li hija neċessarja sabiex jintlaħaq wieħed mill-objettivi stipulati fit-Trattati skont it-tifsira tal-Artikolu 352 TFUE.

(14)Minħabba r-rabtiet b’saħħithom li hemm bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, riskji kbar għall-istabbiltà finanzjarja ta’ dawn l-Istati Membri jistgħu jipperikolaw l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Għalhekk, jeħtieġ li l-FME jipprovdi stabbilta finanzjarja lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro fejn ikun indispensabbli li tiġi salvagwardata l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro jew tal-Istati Membri tagħha.

(15)Għaldaqstant hemm bżonn li jinkisbu l-objettivi li titwaqqaf unjoni ekonomika u monetarja li l-munita tagħha hija l-euro b’konformità mal-Artikolu 3(4) TUE, u li jiġi ggarantit żvilupp sostenibbli tal-Ewropa abbażi ta’ tkabbir ekonomiku bbilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, kif ukoll ekonomija tas-suq kompetittiva ħafna, bil-għan li jinkiseb livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali b’konformità mal-Artikolu 3(3) TUE. B’mod iżjed konkret, is-salvagwardja tal-istabbiltà taż-żona tal-euro, tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, u tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja għandha l-għan li tikseb unjoni ekonomika u monetarja aktar profonda, aktar ġusta u aktar reżiljenti.

(16)Peress li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti jekk l-Istati Membri jaġixxu individwalment iżda jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-unjoni tista’ taddotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 TUE.

(17)Jinħtieġ li l-FME jiġi stabbilit, skont id-dritt tal-Unjoni, bħala korp tal-Unjoni b’personalità ġuridika.

(18)Jenħtieġ li l-FME jkun regolat minn dan ir-Regolament u mill-Istatut tal-FME, li jifforma parti integrali minnu. L-Istatut tal-FME jeħtieġ li jkun jinkludi d-dispożizzjonijiet rilevanti dwar l-istatus ġuridiku, is-sħubija, l-objettivi u l-kompiti tal-FME, l-organizzazzjoni tiegħu u kif jittieħdu d-deċiżjonijiet internament, il-kapaċita ta’ self u l-kapital tal-FME, ir-regoli li jirregolaw l-għoti tal-għajnuna għall-istabbiltà lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u l-appoġġ tal-FME lill-SRB, ir-regoli relatati mad-dispożizzjonijiet finanzjarji u l-ġestjoni finanzjarja tal-FME, u l-arranġamenti tranżizzjonali li jirregolaw il-ħlas tal-kapital inizjali ta’ Membri ġodda tal-FME kif ukoll ir-regoli li jirrigwardaw il-korrezzjoni temporanja tal-kjavi tal-kontribuzzjoni tal-FME u għadd ta’ dispożizzjonijiet ġenerali.

(19)Sabiex jiġu żgurati l-kontinwità armonjuża tal-attivitajiet kif ukoll iċ-ċertezza tad-dritt rekwiżita, l-FME jeħtieġ li jissostitwixxi l-MES u jiret il-pożizzjoni legali tiegħu, inklużi d-drittijiet u l-obbligi kollha tiegħu.

(20)Is-suċċessjoni tal-FME mill-MES ma toħloq ebda obbligi finanzjarji ġodda għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro fir-rigward tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-istokk kapitali awtorizzat tal-FME, li huma jkunu diġà ssottoskrivew.

(21)Minħabba n-natura ġuridika tal-MES bħala istituzzjoni finanzjarja internazzjonali bbażata fuq ftehim internazzjonali bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, hemm bżonn li l-Bord tal-Gvernaturi, bħala l-ogħla korp deċiżjonali tal-MES li jirrappreżenta l-Partijiet Kontraenti għat-Trattat dwar il-MES, jagħti l-kunsens tiegħu minn qabel għal tali suċċessjoni u trasferiment tal-kapital sottoskritt. Is-suċċessjoni jeħtieġ li titlesta mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u l-kunsens tal-MES, liem minnhom ikun l-aħħar

(22)Jenħtieġ li l-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro u li bħalissa huma l-Partijiet Kontraenti għat-Trattat dwar il-MES ikunu membri tal-FME fil-mument meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament. Bħala konsegwenza tal-adozzjoni tal-euro, jenħtieġ li Stat Membru jsir Membru tal-FME b’kull dritt u obbligu, konformi ma' dawk tal-Membri tal-FME eżistenti.

(23)Id-drittijiet ta’ Membru ġdid tal-FME skont dan ir-Regolament, inklużi d-drittijiet tal-vot, jeħtieġ li jkunu bil-kundizzjoni tas-sottoskrizzjoni tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-kapital tal-ishma awtorizzat.

(24)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli tranżizzjonali, simili għal dawk previsti fit-Trattat dwar il-MES, fir-rigward tal-Membri ġodda tal-FME li jadottaw l-euro wara li jkun daħal fis-seħħ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li jkun possibbli għal dawn il-Membri li jħallsu l-kontribuzzjoni tagħhom għall-kapital tal-FME fi ħlasijiet parzjali. Dawk il-Membri l-ġodda tal-FME li, fis-sena preċedenti għal dik li fiha jidħlu fl-FME, il-PDG per capita tagħhom ikun inqas minn 75 fil-mija tal-PDG per capita tal-Unjoni, jenħtieġ li jibbenefikaw minn korrezzjoni temporanja tal-kjavi tal-kontribuzzjoni għall-ħlas tal-kapital tal-FME. F’dawn il-każi, il-korrezzjoni temporanja jenħtieġ li tapplika għal perjodu ta’ tnax-il sena.

(25)L-għajnuna għall-istabbiltà pprovduta mill-FME jeħtieġ li tkun soġġetta għal kundizzjonijiet ta’ politika stretti . Tali kundizzjonijiet jeħtieġ li jkunu xierqa għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul.

(26)Il-kundizzjonijiet tal-politika marbutin mal-assistenza finanzjarja jenħtieġ li jiġu ddefiniti f’memorandum ta' qbil ("MtQ") u jenħtieġ li jkunu totalment konsistenti ma’ kwalunkwe miżura ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika adottata abbażi tat-TFUE. In-negozjar tal-MtQ jenħtieġ li jkun infurmat minn valutazzjoni tal-impatt soċjali, u jintħieġ li din tiggwida s-segwitu u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu.

(27)Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (Single Supervisory Mechanism, “SSM”) stabbilit permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE Nru 1024/2013 23 u l-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (Single Resolution Mechanism, “SRM”) stabbilit permezz tar-Regolament Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 inħolqu b’reazzjoni għall-kriżi, bħala passi lejn Unjoni Bankarja, sabiex ikopru lil dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u lil dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro iżda li jagħżlu li jipparteċipaw fl-SSM (“l-Istati Membri parteċipanti”) b’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, biex b’hekk isiru soġġetti għas-setgħat superviżorji tal-BĊE u għas-setgħat ta' riżoluzzjoni tal-SRB f’dak li jirrigwarda l-istituzzjonijiet ta’ kreditu tagħhom.

(28)L-operazzjonijiet ta’ kontroll superviżorju u ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-Unjoni jirfdu t-twaqqif ta’ Unjoni Bankarja. Il-FME jeħtieġ għalhekk li jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-SRB, l-awtorità ċentrali ta' riżoluzzjoni stabbilita bir-Regolament Nru 806/2014, permezz ta’ linji ta’ kreditu jew garanziji għall-kompiti li l-SRB iwettaq fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Unjoni Bankarja.

(29)Bħala parti mill-ħolqien tal-SRM, twaqqaf il-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (Single Resolution Fund, “SRF”). Dan huwa ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet bankarji ġġenerati fil-livell nazzjonali u ppuljati fil-livell tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 806/2014 l-SRB jista’ jikkuntratta għall-SRF arranġamenti finanzjarji pubbliċi ta’ mezzi finanzjarji addizzjonali biex jintużaw fejn il-kontribuzzjonijiet ex ante u ex post ma jkunux biżżejjed biex jiġu ssodisfati l-obbligi tal-Fondi.

(30)Jenħtieġ li l-FME jkollu biżżejjed mezzi biex iwettaq dmirijietu effettivament. Peress li r-riżorsi proprji tal-Unjoni huma limitati, jenħtieġ li l-Membri tal-FME jipprovdu l-mezzi neċessarji għad-drittijiet previsti f’dan ir-Regolament. Dan jeħtieġ li jkun rifless f’arranġamenti ta’ governanza xierqa u regoli dwar il-votazzjoni li jiżguraw li l-Membri jkollhom biżżejjed sorveljanza fuq kif jintużaw il-fondi li jipprovdu.

(31)Fid-dawl tal-istruttura finanzjarja speċifika tal-FME, jenħtieġ li d-drittijiet tal-vot ta’ kull Membru tal-FME jkunu jirriflettu l-piż ta’ kull kontribuzzjoni individwali tagħhom lill-FME. Jinħtieġ għalhekk li t-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-korpi ta’ governanza tal-FME jseħħ b’konformità ma’ regoli ta’ votazzjoni li jibnu fuq dawk li jeżistu diġà fit-Trattat dwar il-MES, sabiex tiġi żgurata sa fejn hu l-aktar possibbli l-kontinwità tal-prassi eżistenti ta’ votazzjoni.

(32)Sal-punt li l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja, jenħtieġ li r-rappreżentanti tagħhom jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi għal kwalunkwe diskussjoni fir-rigward tal-użu tal-linji ta’ kreditu jew garanziji b’appoġġ għall-SRB.

(33)Jenħtieġ li l-Bord tal-Gvernaturi u l-Bord tad-Diretturi jkunu jistgħu jistabbilixxu kumitati jew korpi sussidjarji permanenti jew ad hoc kif jikkunsidraw meħtieġ jew xieraq sabiex jagħtuhom pariri jew b’mod ieħor jassistu lilhom jew lid-Direttur Eżekuttiv fit-twettiq tad-dmirijiet rispettivi tagħhom. Jenħtieġ li r-regoli dwar il-kompiti, il-kompożizzjoni u l-operat tagħhom jiġu definiti internament. Jenħtieġ li tali kumitati jew korpi sussidjarji ma jkollhomx setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

(34)B’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-qafas tal-FME li jkunu jirrigwardaw il-politika ekonomika u li jkunu jinvolvu ammont konsiderevoli ta’ setgħa diskrezzjonali jenħtieġ li jittieħdu biss bl-approvazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Konformi mas-setgħat minquxin fit-Trattati għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u ma’ atti oħrajn ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni, is-setgħa tal-approvazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet skont l-Artikolu 291 TFUE jenħtieġ li tingħata lill-Kunsill.

(35)Rigward l-istrumenti li għandhom l-għan li jagħtu għajnuna għall-istabbiltà lill-Membri tal-FME, dan ir-Regolament huwa adottat skont l-Artikolu 352 TFUE bħala miżura neċessarja li tikkomplementa s-setgħat stipulati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat li huma speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (l-Artikoli 136 sa 138 TFUE). Skont dawn id-dispożizzjonijiet, għal dak li jirrigwarda l-miżuri tal-Kunsill, huma dawk il-membri li jirrappreżentaw lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, li jieħdu sehem fil-vot. Għal dawn l-istrumenti, dan ir-Regolament jirrigwarda esklussivament l-użu ta’ riżorsi li jqiegħdu għad-dispożizzjoni l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għall-benefiċċju uniku ta’ dawn l-Istati Membri, bil-għan li tiġi ggarantita l-istabbiltà fiż-żona tal-euro. Bħala konsegwenza ta’ dan, għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li jirrigwardaw l-approvazzjoni tal-atti msemmija fil-premessa preċedenti, il-voti tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro jenħtieġ li jiġu sospiżi u jkunu biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro li jieħdu sehem fil-vot.

(36)Jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura ta’ emerġenza sabiex il-Kunsill ikun jista’ japprova jew joġġezzjona għal deċiżjonijiet tal-korpi ta’ tmexxija tal-FME meta jkun meħtieġ l-għoti urġenti ta’ għajnuna għall-istabbiltà finanzjarja lill-Membri tal-FME. F’każ bħal dan, jenħtieġ li l-President tal-Bord tal-Gvernaturi jkun jista’ jitlob lill-Kunsill sabiex japprova deċiżjoni jew joġġezzjona kontriha fi żmien 24 siegħa minn meta tiġi trażmessa d-deċiżjoni. Il-proċedura ta’ emerġenza tista’ tintuża għall-approvazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijeit finanzjarji u għall-ftehimiet dwar il-faċilità ta' assistenza finanzjarja rigward appoġġ lill-SRB permezz ta’ linji ta’ kreditu jew garanziji tal-FME.

(37)Jenħtieġ li l-Bord tal-Gvernaturi jkun intitolat li jadotta Regoli ta’ Proċedura li jirregolaw l-aspetti prattiċi tal-operazzjonijiet tal-FME. Jenħtieġ li dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jisostitwixxu d-digrieti tal-MES u r-regoli ta’ proċedura tal-Bord tal-Gvernaturi u tal-Bord tad-Diretturi.

(38)Jenħtieġ li l-kapaċità ta’ self tal-FME tkun mhux inqas minn EUR 500 000 miljun. Dan l-ammont jirrifletti l-kapaċità attwali ta’ self tal-MES. Jenħtieġ li l-Bord tal-Gvernaturi jkun jista’ jżid il-kapaċità ta’ self, jekk iqis li tali reviżjoni hija xierqa sabiex l-FME ikun jista’ jsegwi l-objettivi tiegħu u l-kompiti relatati magħhom. Peress li deċiżjoni bħal din għandha impatt finanzjarju sinifikanti għall-Membri tal-FME, jenħtieġ li din tittieħed unanimament mill-Bord tal-Gvernaturi. F’każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati, il-Bord tal-Gvernaturi jista’ wkoll inaqqas il-kapaċità ta’ self b’mod provviżorju jekk dan ikun meħtieġ biex tiġi żgurata l-kapaċità li l-FME jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu.

(39)Fil-bidu tiegħu, jenħtieġ li l-istokk kapitali inizjali awtorizzat tal-FME jkun jirrifletti l-istokk kapitali awtorizzat tal-MES. Jenħtieġ li l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro biss jissottoskrivu għall-istokk kapitali awtorizzat tal-FME, li jenħtieġ li jkun jammonta għal EUR 704 798,7 miljun, maqsum f’ammont indaqs ta’ ishma. Jenħtieġ li l-obbligazzjoni ta’ Membru tal-FME tkun limitata għas-sehem tiegħu mill-istokk kapitali awtorizzat. Il-Membri tal-FME ma għandhomx ikunu responsabbli għall-obbligazzjonijiet tal-FME. Il-baġit tal-Unjoni ma għandux ikun responsabbli għall-ispejjeż jew għat-telf tal-FME.

(40)Jenħtieġ li l-Bord tal-Gvernaturi jkun jista’ jżid il-kapital tal-istokk kapitali inizjali awtorizzat jekk ikun jidhirlu li tali żieda hija xierqa sabiex il-FME ikun jista’ jsegwi l-objettivi u l-kompiti tiegħu. Il-kapital u l-ishma li joħorġu l-Istati Membri tal-FME jeħtieġ li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(41)L-istess bħall-MES, jenħtieġ li l-FME jipprovdi għajnuna għall-istabbiltàlill-Membri tiegħu meta l-aċċess regolari tagħhom għall-finanzjament mis-suq jiġi ostakolat jew ikun hemm ir-riskju li jiġi ostakolat.

(42)Jenħtieġ li l-FME jkun involut fin-negozjati u fl-iffirmar tal-MtQ fid-dawl tal-importanza tal-kundizzjonalità marbuta mal-għajnuna finanzjarja għall-kontribuzzjoni tal-iżgurar tal-pagament mill-ġdid tal-għajnuna finanzjarja tal-FME.

(43)Il-firxa ta’ strumenti finanzjarji li huma disponibbli bħalissa għall-MES jenħtieġ li jkunu wkoll disponibbli għall-FME, inkluża l-possibbiltà li tingħata għajnuna finanzjarja prekawzjonarja, għajnuna finanzjarja għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’Membru tal-FME, ir-rikapitalizzazzjoni diretta tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’Membru tal-FME, il-provvediment ta’ self u x-xiri ta’ bonds ta’ Membru tal-FME fis-swieq primarji u sekondarji.

(44)L-objettiv li jingħata għajnuna għall-istabbiltà finanzjarja fil-forma ta’ għajnuna finanzjarja prekawzjonarja huwa li jingħata appoġġ lil politiki sodi u jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ kriżi, biex b’hekk ikun hemm il-possibbilta li l-Membri tal-FME ikollhom aċċess għall-għajnuna tal-FME qabel ma jiffaċċjaw diffikultajiet kbar biex jiġġeneraw fondi fis-swieq kapitali. L-għajnuna finanzjarja prekawzjonarja għandha l-għan li tgħin lill-Membri tal-FME li l-kundizzjonijiet ekonomiċi tagħhom ikunu għadhom sodi sabiex iżommu aċċess kontinwu għall-finanzjament tas-suq billi tirrinforza l-kredibbiltà tal-prestazzjoni makroekonomika tagħhom filwaqt li tiżgura xibka ta’ sikurezza adegwata.

(45)L-assistenza finanzjarja għall-Membri tal-FME fil-forma ta’ self biex jiġu rikapitalizzati istituzzjonijiet ta’ kreditu benefiċjarji jintħtieġ li tindirizza l-każijiet fejn is-sitwazzjoni finanzjarja jew ekonomika ħażina tkun marbuta mas-settur finanzjarju u ma tkunx direttament relatata mal-politiki fiskali jew strutturali. Għalhekk, l-assistenza finanzjarja għall-iskop ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji jinħtieġ li tingħata lil Membru tal-FME barra l-qafas ta' programm ta’ aġġustament makroekonomiku.

(46)L-istrument ta’ rikapitalizzazzjoni diretta ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu għandu l-għan li jippreserva l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro b’mod ġenerali u tal-Istati Membri tagħha billi jkopri l-każijiet speċifiċi li fihom Membru tal-FME jesperjenza diffikultajiet qawwija bis-settur finanzjarju tiegħu li ma jistgħux jiġu rimedjati mingħajr ma tiġi pperikolata sew is-sostenibbiltà fiskali tiegħu minħabba riskju qawwi ta’ kontaġju mis-settur finanzjarju għas-settur sovran. L-użu ta’ dan l-istrument jista’ jiġi kkunsidrat ukoll jekk alternattivi oħra jkollhom l-effett li jipperikolaw l-aċċess kontinwu għas-suq għal Membru tal-FME. Sakemm l-użu ta’ strument ta’ self tal-FME għar-rikapitalizzazzjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji ma jkunx possibbli, assistenza finanzjarja bħal din tfittex li tgħin biex jitneħħa r-riskju ta’ kontaġju mis-settur finanzjarju għas-sovran billi tippermetti rikapitalizzazzjoni diretta tal-istituzzjonijiet, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ ċirku vizzjuż bejn settur finanzjarju fraġli u kredibilità kreditizja dejjem tiddeterjora tas-sovrani.

(47)Jenħtieġ li jkun hemm għajnuna għall-istabbiltà finanzjarja fil-forma ta’ self biex jassisti lil Membri tal-FME li għandhom bżonnijiet finanzjarji sinifikanti u li fil-maġġor parti tilfu l-aċċess għall-iffinanzjar tas-suq, jew minħabba li ma jistgħux isibu selliefa jew minħabba li s-selliefa jipprovdu biss l-iffinanzjar bi prezzijiet eċċessivi li jaffettwaw b’mod negattiv is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

(48)L-istess bħas-self tal-MES, jenħtieġ li s-self futur tal-FME u self pendenti tal-MES igawdu minn status ta’ kreditur preferut b'mod simili għal dak tal-Fond Monetarju Internazzjonali (“FMI”). Madankollu, jenħtieġ li jiġu t-tieni wara s-self tal-FMI. Dan l-istatus jenħtieġ li jkun effettiv mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(49)Biex il-Membri tal-FME jżommu jew jirrestawraw l-aċċess għas-suq tagħhom, il-FME jenħtieġ li jkun kapaċi jinvolvi ruħu f’xiri fuq is-suq primarju ta’ bonds jew titoli ta’ dejn oħra maħruġa mill-Membri tal-FME taħt il-faċilità ta’ appoġġ għas-suq primarju, barra minn self regolari taħt programm ta' aġġustament makroekonomiku jew għal prelevament ta’ fondi taħt l-istrument ta’ għajnuna finanzjarja prekawzjonarja.

(50)Jenħtieġ li l-FME jkun kapaċi jixtri bonds ta’ Membru tal-FME fuq is-suq sekondarju. Il-faċilità ta’ appoġġ tas-suq sekondarju jenħtieġ li jkollha l-għan li tappoġġja l-funzjonament tajjeb tas-swieq tad-dejn tal-gvern ta’ Membri tal-FME f’ċirkostanzi eċċezzjonali fejn in-nuqqas ta’ likwidità tas-suq jhedded l-istabbiltà finanzjarja bir-riskju li r-rati ta’ interess sovrani jiġu mbuttati lejn livelli mhux sostenibbli u joħolqu problemi ta’ rifinanzjament għas-sistema bankarja tal-Membru tal-FME kkonċernat. Intervent fis-suq sekondarju tal-FME jenħtieġ li jippermetti l-ġenerazzjoni tas-suq li tiżgura likwidità fis-suq tad-dejn u tinċentiva lill-investituri biex ikomplu jipparteċipaw fil-finanzjament tal-Membri tal-FME.

(51)L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jenħtieġ li jappoġġaw l-istatus ta’ kreditur ekwivalenti tal-FME u dak ta’ Stati Membri oħra li jsellfu bilateralment f’koordinazzjoni mal-FME.

(52)Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwax l-impenn maqbul bejn il-Partijiet Kontraenti għat-Trattat li jistabbilixxi l-MES skont l-Artikolu 12(3) ta’ dak it-Trattat, jiġifieri li l-klawżoli ta' azzjoni kollettiva jridu jiġu inklużi fit-titoli ġodda kollha tal-gvernijiet taż-żona tal-euro, b’maturità ta’ aktar minn sena, b’tali mod li jiżguraw li l-impatt legali tagħhom ikun identiku.

(53)F’sitwazzjonijiet li fihom l-ammonti miġbura skont l-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 ma jkunux biżżejjed biex ikopru t-telf, il-kostijiet jew spejjeż oħra mġarrba bl-użu tal-SRF b’rabta ma’ azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni u fejn il-kontribuzzjonijiet ex-post straordinarji previsti fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 ma jkunux aċċessibbli immedjatament, jenħtieġ li jsir disponibbli appoġġ lill-SRB permezz ta’ linji ta’ kreditu jew garanziji.

(54)Sabiex jiġi żgurat it-trattament ekwivalenti xieraq fi ħdan l-Unjoni Bankarja, l-Istati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jenħtieġ li joffru lill-SRB, b'mod parallel għall-FME, linji ta’ kreditu jew garanziji fuq termini u kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk tal-FME.

(55)Stati Membri oħra li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jenħtieġ li jipprevedu linji ta’ kreditu jew garanziji meta jinnotifikaw lill-Istati Membri l-oħrajn, lill-Kummissjoni, lill-BĊE u lill-Awtorità Bankarja Ewropea t-talba biex jidħlu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE b’rabta mal-qadi ta’ dmirijiet mogħtija lilu skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, soġġett għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-BĊE.

(56)Mill-1 ta’ Jannar 2024, ir-riżorsi fl-SRF se jkunu mutwalizzati għalkollox. Minn dik id-data, ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 jistipula li l-banek fl-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja għandhom jikkontribwixxu għall-SRF u jipprovdu kontribuzzjonijiet straordinarji ex post biex iħallsu lura t-teħid b’self minn partijiet terzi, f’konformità mal-kjavi stabbilits fuq il-bażi tad-daqs u fuq il-profil tar-riskju tagħhom. Minħabba li l-appoġġ għall-SRB huwa maħsub li jikkumplimenta r-riżorsi tal-SRF, l-istess kjavi applikat għal-livell tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro u li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja u l-FME jenħtieġ li jkun il-bażi għad-determinazzjoni tal-parteċipazzjoni rispettiva tagħhom fl-appoġġ li għandu jingħata.

(57)Jenħtieġ li l-Bord tal-Gvernaturi jadotta t-termini u kundizzjonijiet finanzjarji applikabbli għall-istabbiliment tal-mekkaniżmu ta’ garanzija ta’ kontinġenza mill-FME. Bl-għan li jiġi żgurat l-involviment xieraq tagħhom, jinħtieġ li l-FME u l-Istati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jaqblu fuq it-termini u kundizzjonijiet finanzjarji marbuta mal-linji ta’ kreditu jew garanziji li għandhom jingħataw lill-SRB kif ukoll il-limitu massimu applikabbli, li jenħtieġ li jiġu riveduti proporzjonalment meta Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro jingħaqad mal-Unjoni Bankarja.

(58)Id-Direttur Eżekuttiv jenħtieġ li jkollu l-awtorità li jiddeċiedi fi żmien 12-il siegħa minn meta jirċievi t-talba tal-SRB, dwar il-prelevament tal-linja ta’ kreditu jew il-provvediment ta’ garanziji fuq l-obbligazzjonijiet tal-SRB.

(59)Biex tiġi żgurata d-disponibbiltà immedjata ta’ mezzi finanzjarji addizzjonali għall-SRF, l-SRB jenħtieġ li jkun kapaċi joħroġ talba għal appoġġ qabel l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni speċifika. Dan jenħtieġ li jsir b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, f’konformità mal-proċedura taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014. Għal deċiżjonijiet relatati mal-iskemi ta’ riżoluzzjoni, id-deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv għandha ssir effettiva biss ladarba tidħol fis-seħħ skema ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ dak ir-Regolament. Is-sekwenzjar tat-talba u tad-deċiżjoni jenħtieġ li ma jżidx mal-iskeda ta’ żmien eżistenti tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni kif stabbilita fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

(60)Id-deċiżjoni tad-Direttur Maniġerjali fir-rigward tal-iżborż tal-fondi jew tal-għoti ta’ garanziji għandha biss tkun kontinġenti fuq it-twettiq tal-attivitajiet tiegħu min-naħa tal-SRB skont ir-Regolament (UE) 806/2014 inklużi r-regoli ta’ rikapitalizzazzjoni interna applikabbli. Ma għandhom japplikaw l-ebda kundizzjonijiet oħra.

(61)Sabiex jiġi żgurat li l-FME fejn ikun hemm bżonn jkompli jkun kapaċi jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Membri tiegħu, l-ammont disponibbli għall-iskopijiet ta’ appoġġ għall-SRB jenħtieġ li jkun soġġett għal limitu massimu ta’ EUR 60 000 miljun. Madankollu, l-FME jenħtieġ li jkun kapaċi jwieġeb b’mod flessibbli għal bżonnijiet ta’ ffinanzjar mhux previsti li jiġu minn operazzjonijiet ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, il-Bord tal-Gvernaturi jenħtieġ li jkollu s-setgħa li jżid il-limitu massimu skont dan.

(62)Kull appoġġ finanzjarju mogħti lill-SRB mill-FME u kull appoġġ finanzjarju li jingħata mill-Istati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jenħtieġ li jitħallas lura kompletament mill-SRB mir-riżorsi tiegħu stess, inklużi kontribuzzjonijiet mill-industrija.

(63)Għandhom jiġu stabbiliti regoli xierqa fir-rigward tal-baġit tal-FME u l-verifika interna u esterna tal-kontijiet tiegħu. Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-FME għandhom jiġu verifikati u ċċertifikati minn awdituri esterni indipendenti minħabba li l-FME hija attur fis-swieq finanzjarji. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun hemm Bord tal-Awdituri indipendenti li għandu jkollu l-kompiti li jispezzjona u jivverifika l-kontijiet tal-FME u jiżgura l-konformità, il-prestazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju korretta tal-FME. Jenħtieġ ukoll li dan jimmonitorja u jirrevedi l-proċessi ta’ reviżjoni tal-verifiki interni u esterni.

(64)Is-setgħa tal-awdituri esterni indipendenti u tal-Bord tal-Awdituri huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bis-saħħa tal-Artikolu 287 TFUE.

(65)Il-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea annessi mat-TUE u mat-TFUE jenħtieġ li jkun applikabbli għal-FME. Il-President tal-Bord tal-Gvernaturi u b’mod partikolari l-Gvernaturi, il-Gvernaturi alternati, id-Diretturi u d-Diretturi alternati jenħtieġ li bħala rappreżentanti tal-Membri tal-FME jgawdu mill-privileġġi u l-immunitajiet mogħtija bis-setgħa tal-Artikolu 10 tal-Protokoll.

(66)Biex il-FME jitħalla jissodisfa l-kompiti mwettqa fil-preżent mill-MES kif ukoll il-kompiti l-ġodda tiegħu, għandhom jiġu stabbiliti miżuri tranżizzjonali b’mod partikolari fir-rigward tad-Direttur Maniġerjali, il-Bord tat-Tmexxija u l-persunal li bħalissa huma impjegati b’kuntratt mal-MES. Dan jenħtieġ li jinkludi wkoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi li bħalissa huma impjegati mill-MES. L-arranġamenti kuntrattwali eżistenti għandhom ikomplu japplikaw għall-persunal impjegat mill-MES qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-persunal li jingħaqad mal-FME, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandu jkun soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Aġenti oħra u r-regoli ta’ applikazzjoni.

(67)Biex tinżamm il-kunfidenzjalità tal-ħidma tal-FME, il-membri tal-korpi governattivi tiegħu u l-persunal tagħhom, inkluż il-persunal skambjat ma’ jew issekondat minn Membri tal-FME għall-iskop li jwettaq il-kompiti tal-FME, għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ segretezza professjonali, anke wara li jintemmu d-doveri tagħhom. F’dan ir-rigward jenħtieġ li jiġi stabbilit kodiċi ta’ kondotta.

(68)Jenħtieġ li l-obbligu ta’ kunfidenzjalità japplika wkoll għall-osservaturi mistiedna biex jattendu l-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi u għall-parteċipanti f’laqgħat bħal dawn fejn jipparteċipaw Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro. Għall-iskop li jitwettqu l-kompiti mogħtija lilu minn dan ir-Regolament, l-FME jenħtieġ li jkun awtorizzat, soġġett għall-kundizzjonijiet li jiskambja informazzjoni mal-Membri tiegħu, awtoritajiet u korpi oħra tal-Unjoni kif ukoll ma xi awtoritajiet nazzjonali.

(69)Għall-iskop tal-issodisfar tal-għanijiet tiegħu, l-FME jenħtieġ li jikkoopera mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll korpi, uffiċċji jew aġenziji oħra u ma’ Stati terzi li jipprovdu assistenza finanzjarja għal Membru tal-FME. Jenħtieġ li l-FME jkun intitolat ukoll li jikkoopera ma’ organizzazzjonijiet jew entitajiet internazzjonali li għandhom responsabbiltajiet speċjali fl-oqsma relatati mal-attivitajiet tal-FME. Dan fost l-oħrajn jinkludi l-FMI u banek ċentrali.

(70)L-FME jenħtieġ li jkun soġġett għar-regoli tal-Unjoni dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti. Fil-valutazzjoni tar-raġunijiet għaċ-ċaħda għal aċċess għal dokument stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 , l-FME jenħtieġ li jikkunsidra kif xieraq il-bżonn li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-proċedimenti tal-Bord tal-Gvernaturi, il-Bord tad-Diretturi, kull kumitat rispettiv tagħhom, il-Bord Maniġerjali u l-Bord tal-Awdituri, il-finanzi interni tal-FME u l-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji fiż-żona tal-euro, ta’ Membru tal-FME jew ta’ Stat Membri parteċipanti kif definit mill-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, kif ukoll tar-relazzjonijiet internazzjonali, finanzjarji, monetarji jew ekonomiċi.

(71)Fil-futur, il-FME jista’ wkoll jingħata strumenti finanzjarji ġodda, pereżempju biex jappoġġja inizjattivi ta’ politika relatati mat-twaqqif ta’ funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni. Funzjoni ta’ stabilizzazzjoni hija maħsuba biex jittaffew l-effetti ta’ xokkijiet asimetriċi kbar. Għal dan l-għan, hija tattiva malajr riżorsi kontroċikliċi b’mod awtomatiku, soġġetti għall-kriterji ta’ eliġibbiltà li huma definiti iktar ’il quddiem. Il-FME jista’ jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ tali funzjoni billi jorganizza u jagħmel disponibbli kwalunkwe finanzjament tas-suq neċessarju assoċjat mal-attivazzjoni tal-funzjoni.

(72)Forma possibbli ta’ appoġġ simili mill-FME għal funzjoni ta’ stabilizzazzjoni tkun li malli tiġi attivata, l-FME jipprovdi self lill-Membru benefiċjarju tal-FME. Is-self provdut mill-FME jista’ jingħata mingħajr il-kundizzjonalità filwaqt li l-attivazzjoni tal-funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni nnifisha issir soġġetta għall-aderenza ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà definiti minn qabel,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

PARTI I

IL-FOND MONETARJU EWROPEW

Artikolu 1

Twaqqif

1. Dan ir-Regolament iwaqqaf il-Fond Monetarju Ewropew (“FME”).

2. L-Istatut tal-FME huwa stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament u jifforma parti integrali minnu.

Artikolu 2

Suċċessjoni u sostituzzjoni tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà

1. Il-FME għandu jkun is-suċċessur u jissostitwixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (“MES”), inkluża l-pożizzjoni ġuridika tiegħu u jassumi d-drittijiet u l-obbligi kollha tiegħu. Il-proċess għandu jitlesta mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew mal-kunsens tal-MES, skont liema minnhom jiġi l-aħħar.

2. Il-ħatriet u l-mandati kollha eżistenti fl-MES għandhom jinżammu għall-perjodu li jifdal tat-terminu tal-mandat tagħhom fi ħdan il-qafas tal-FME.

PARTI II

RWOL TAL-KUNSILL U R-RESPONSABBILTÀ

Titolu I

Rwol tal-Kunsill

Artikolu 3

Rwol tal-Kunsill

1. Deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tal-Gvernaturi bis-saħħa tal-Artikolu 8(6), l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 10, l-Artikolu 11(4), l-Artikolu 11(5), l-Artikolu 11(6), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 13(4), l-Artikolu 14(1), l-Artikolu 14(2), l-Artikolu 15(1), l-Artikolu 15(2), l-Artikolu 19(1), l-Artikolu 19(4), l-Artikolu 16(1), l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 17(1), l-Artikolu 17(2), l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 18(3), l-Artikolu 22(4), l-Artikolu 22(5), u l-Artikolu 23(1) tal-Istatut tal-FME, deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tal-Gvernaturi fir-rigward il-ftehimiet ta’ faċilità tal-assistenza finanzjara bis-saħħa tal-Artikolu 13(3) tal-istatut tal-FME, u deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tad-Diretturi bis-saħħa tal-Artikolu 9(2), l-Artikolu 14(4), l-Artikolu 15(4), l-Artikolu 19(5), l-Artikolu 16(4), l-Artikolu 17(4), l-Artikolu 18(5), u l-Artikolu 23(3) tal-Istatut tal-FME, għandhom jiġu trażmessi lill-Kunsill minnufih wara l-adozzjoni tagħhom, flimkien mar-raġunijiet li jkunu bbażati fuqhom. Dawn jistgħu jidħlu fis-seħħ biss jekk jiġu approvati mill-Kunsill.

2. Fejn iċ-ċirkostanzi jeħtieġu l-għoti urġenti ta’ għajnuna għall-istabbiltà ta’ Membru tal-FME f’konformità mal-Artikolu 16, id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu permezz ta’ proċedura ta’ emerġenza. F’okkazjoni bħal din, id-deċiżjoni li tittieħed mill-Bord tal-Gvernaturi jew il-Bord tad-Diretturi għandha tingħadda lill-Kunsill immedjatament wara l-adozzjoni tagħha flimkien mar-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata. Fuq talba mill-President Eżekuttiv, il-Kunsill għandu jiddiskuti d-deċiżjoni fi żmien 24 siegħa mit-trażmissjoni tagħha. Il-Kunsill jista' joġġezzjona għad-deċiżjoni. Fil-każ ta’ oġġezzjoni, il-Kunsill jista’ jadotta deċiżjoni oħra hu stess dwar il-kwistjoni, jew jirreferiha lura għall-Bord tal-Gvernaturi għal deċiżjoni oħra.

Il-proċedura ta’ emerġenza tista’ tintuża wkoll mill-Bord tal-Gvernaturi għal deċiżjoni skont l-Artikolu 22(4) u (5), u l-Artikolu 23(1).

3. Il-Kunsill għandu jipprovdi għal-eżerċitar tal-poteri tiegħu imsemmija fil-paragrafu 1 fejn ma japprovax deċiżjoni jew l-eżerċitar tal-poteri tiegħu msemmija fil-paragrafu 2 fejn joġġezzjona għal deċiżjoni. Kull deċiżjoni ġdida li l-Bord tal-Gvernaturi jew il-Bord tad-Diretturi jieħu dwar l-istess kwistjoni għandha tirrispetta r-raġunijiet mogħtija mill-Kunsill.

4. F’każijiet fejn il-Kunsill jaġixxi f’konformità mal-paragrafi 1 jew 2 u bl-eċċezzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda bis-saħħa tal-Artikoli 22 u 23 ta’ dan l-Istatut, il-voti tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro għandhom jiġu sospiżi. Maġġoranza kwalifikata għandha tiġi definita f’konformità mal-Artikolu 238(3) TFUE. Il-President tal-Bord tal-Gvernaturi jista’ jattendi l-laqgħat tal-Kunsill.

Artikolu 4

Pubblikazzjoni

Deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tal-Gvernaturi u approvati mill-Kunsill skont l-Artikolu 3(1) għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Titolu II

Responsabbiltà

Artikolu 5

Responsabbiltà lejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill

1. L-FME għandu jwieġeb lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

2. L-FME għandu jissottometti rapport kull sena lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar it-twettiq tal-kompiti tiegħu, flimkien mal-kontijiet annwali u r-rapport finanzjarju tiegħu. Id-Direttur Maniġerjali għandu jippreżenta dawn id-dokumenti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li t-tnejn li huma jistgħu jagħmlu dibattitu ġenerali fuq dik il-bazi.

3. Id-Direttur Maniġerjali, fuq talba tal-Parlament Ewropew jew fuq l-inizjattiva tiegħu jew tagħha stess, jista’ jinstema’ mill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew dwar it-twettiq tal-kompiti tal-FME.

4. L-FME għandu jwieġeb oralment jew bil-miktub għal mistoqsijiet li jsirulu mil-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’konformità mal-proċeduri tal-FME stess.

5. Meta ssir talba, id-Direttur Eżekuttiv għandu jagħmel diskussjonijiet orali kunfidenzjali bil-magħluq mal-President u mal-Viċi Presidenti tal-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew dwar il-kompiti tiegħu, inkluża l-valutazzjoni tal-impatt soċjali, l-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-istabbiltà finanzjarja u d-dispożizzjoni ta’ linji ta’ kreditu jew it-twaqqif ta’ garanziji b’appoġġ għall-SRB. Għandu jintlaħaq ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-FME li jistipula arranġamenti dettaljati għall-organizzazzjoni ta’ diskussjonijiet bħal dawn, biex tiġi żgurata kunfidenzjalità sħiħa.

Artikolu 6

Responsabbiltà lejn il-Parlamenti Nazzjonali

1. Meta jissottometti r-rapport previst fl-Artikolu 5(2), l-FME għandu jibagħtu fl-istess ħin direttament lill-Parlamenti nazzjonali tal-Membri tal-FME u tal-Istati Membri parteċipanti kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Il-Parlamenti Nazzjonali jistgħu jindirizzaw l-osservazzjonijiet raġonati tagħhom dwar dak ir-rapport lill-FME.

2. Il-Parlamenti Nazzjonali tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu lill-FME biex iwieġeb bil-miktub għal kwalunkwe osservazzjonijiet jew domandi sottomessi minnhom lill-FME fir-rigward tal-kompiti tal-FME.

3. Il-Parlament nazzjonali ta’ Membru tal-FME jista' jistieden lid-Direttur Maniġerjali biex jipparteċipa fi skambju ta’ ideat b’rabta mal-progress magħmul fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-istabbiltà finanzjarja.

PARTI III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 7

Referenzi fid-dritt tal-Unjoni

Ir-referenzi għall-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jew għall-MES f’atti tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għall-Fond Monetarju Ewropew jew FME.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Tbassir Ekonomiku Ewropew Ħarifa 2017; Dokument Istituzzjonali 63.
(2)    Ewrobarometru Flash 458, 4 ta’ Diċembru 2017.
(3)    “Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa”, Rapport minn Jean-Claude Juncker, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ Donald Tusk, Jeroen Dijsselbloem, Mario Draghi u Martin Schulz, it-22 ta’ Ġunju 2015.
(4)    Ara b’mod partikolari COM(2017) 592 final, il-11 ta’ Ottubru 2017.
(5)    COM(2017) 292 final, it-8 ta’ Ġunju 2017.
(6)    COM(2017) 291, il-31 ta’ Mejju 2017.
(7)    COM(2017) 358, it-28 ta’ Ġunju 2017.
(8)    COM (2017) 2025, l-1 ta’ Marzu 2017.
(9)    Id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 tal-President Jean-Claude Juncker, it-13 ta’ Settembru 2017.
(10)    Aġenda tal-Mexxejja: Nibnu l-ġejjieni tagħna flimkien, approvata mill-Kunsill Ewropew fl-20 ta’ Ottubru 2017.
(11)    Ta’ min jinnota li fost l-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro, id-Danimarka u l-Bulgarija rabtu l-munita tagħhom mal-euro sa mill-introduzzjoni ta’ din tal-aħħar fl-1999. Għall-kuntrarju tad-Danimarka, il-Bulgarija ma tipparteċipax fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju II iżda l-lev huwa marbut mal-euro fil-qafas ta’ arranġament tal-bord tal-valuta.
(12)    Id-Dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro u l-Ministri tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji dwar il-garanzija ta’ kontinġenza tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni, it-18 ta’ Diċembru 2013.
(13)    Ara b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Frar 2017 dwar i) il-kapaċita baġitarja għaż-żona tal-euro (2015/2344(INI)), ii) evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea (2014/2248(INI)) u iii) it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona (2014/2249(INI)).
(14)    Ara b’mod partikolari l-Grupp tal-Euro tas-6 ta’ Novembru 2017 dwar “Kapaċità fiskali u regoli fiskali għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja”, il-Grupp tal-Euro tad-9 ta’ Ottubru 2017 dwar “L-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja - Ir-rwol tal-MES” (ecfin.cef.cpe(2017)5598799) jew il-Grupp tal-euro tal-10 ta’ Lulju 2017 dwar “Segwitu dwar approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja” (ecfin.cef.cpe(2017)3980511).
(15)    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Frar 2017 dwar il-kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro (2015/2344(INI)).
(16)    COM(2012)777 “Pjan ta’ Azzjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina”, it-28 ta’ Novembru 2012.
(17)    Il-ħtieġa li jkun hemm korp bħall-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà li jissalvagwardja l-istabbiltà taż-żona tal-euro hija bbażata fuq elementi fattwali u kkonfermata bl-Artikolu 136(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, kif ukoll it-tieni premessa tat-Trattat dwar il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà li jirreferu għall-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà attwali bħala “mekkaniżmu ta’ stabbiltà li jiġi attivat jekk ikun indispensabbli biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà taż-żona tal-euro komplessivament”.
(18)    Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea diġa qieset il-possibbiltà li l-Artikolu 352 jista’ jintuża biex jistabbilixxi korp tal-Unjoni li jkun responsabbli li jipprovdi appoġġ finanzjarju biex jassigura l-istabbiltà taż-żona tal-euro. Ara l-“Kawża Pringle”- is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, il-Kawża C-370/12, EU:C:2012:756, il-paragrafu 67.
(19)    Dan se jiżgura konformità mad-“duttrina Meroni”. Id-duttrina Meroni, li qamet mill-Kawżi 9/56 u10/56 (Meroni v High Authority [1957/1958] ECR 133), hija relatata mal-firxa u l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jiddelegaw il-kompiti tagħhom lil aġenziji regolatorji.
(20)    Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014. Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (Single Resolution Board, SRB) huwa l-awtorità ta riżoluzzjoni għall-banek sistemiċi fiż-żona tal-euro, u ilu jopera minn Jannar tal-2016. Il-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (Single Resolution Fund, SRF) huwa ffinanzjat permezz ta’ kontribuzzjonijiet mis-settur bankarju taż-żona tal-euro. Jista’ jintuża biex jiffinanzja spejjeż ta’ riżoluzzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha tal-qafas regolatorju, inkluż ir-rikapitalizzazzjoni interna ta’ 8 % tal-obbligazzjonijiet totali tal-bank ikkonċernat.
(21)    Il-Każ C-370/12 Pringle EU:C:2012:756. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija mill-Qorti Suprema tal-Irlanda dwar jekk l-Istati membri kinux miżmumin milli jikkonkludu t-Trattat MES bejniethom permezz ta’ bosta dispożizzjonijiet fit-Trattati, inklużi l-Artikoli 119 sa 123 tat-TFUE u 125 sa 127 tat-TFUE.
(22)    ĠU C , , p. .
(23)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).
(24)    Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).
(25)    Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 145, 31.5.2001, p. 43).
Top

Brussell,6.12.2017

COM(2017) 827 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Regolament tal-Kunsill

dwar l-istabbiliment ta' Fond Monetarju Ewropew


STATUT TAL-FOND MONETARJU EWROPEW

PARTI I

SĦUBIJA U AMBITU

Artikolu 1

Status ġuridiku tal-Fond Monetarju Ewropew

Il-FME għandu jkollu personalità ġuridika. Għandu jgawdi fl-Istati Membri kollha l-kapaċità ġuridika l-aktar wiesgħa mogħtija lill-persuni ġuridiċi skont il-liġijiet nazzjonali. Huwa jista’, b’mod partikolari, jakkwista proprjetà mobbli jew immobbli jew jiddisponi minnha u jista’ jkun parti fi proċedimenti legali.

Artikolu 2

Sħubija

1. Membri tal-FME għandhom ikunu l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2. Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro għandu jsir Membru tal-FME mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 140(2) TFUE, li jirrevoka d-deroga tiegħu milli jadotta l-euro. Huwa għandu jsir Membru tal-FME fuq l-istess termini u kundizzjonijiet bħall-Membri eżistenti tal-FME.

3. L-eżerċizzju mill-Membri tal-FME tad-drittijiet kollha mogħtija b’dan ir-Regolament, inklużi d-drittijiet tal-vot, għandu jkun kundizzjonali mas-sottoskrizzjoni tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-istokk kapitali awtorizzat. 

4. Membru ġdid tal-FME għandu jirċievi ishma mill-FME bi skambju għall-kontribuzzjoni kapitali tiegħu, ikkalkulata skont il-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni prevista fl-Artikolu 14.

Artikolu 3

Għan u kompiti

1. Il-FME għandu jikkontribwixxi biex jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro, kif ukoll l-istabbiltà finanzjarja tal-”Istati Membri parteċipanti” fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

2. Sabiex jintlaħaq l-objettiv tiegħu, il-FME għandu:

(a) jimmobilizza l-finanzjament u jipprovdi appoġġ għall-istabbiltà f'kundizzjonijiet ta’ politika stretti, adatti għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul, għall-benfiċċju tal-Membri tiegħu li qed jesperjenzaw, jew jinsabu mhedda minn problemi finanzjarji serji, jekk ikun indispensabbli li tiġi ssalvagwardata l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro b’mod ġenerali jew tal-Membri tagħha;

(b) jipprovdi linji ta’ kreditu jew garanziji stabbiliti bil-għan li jiġi appoġġat il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (Single Resolution Board, "l-SRB" ) stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 għal kull kompitu assenjat lilu.

PARTI II

ORGANIZZAZZJONI U TEĦID TA’ DEĊIŻJONIJIET

Artikolu 4

Struttura u regoli tal-votazzjoni

1. Il-FME għandu jkollu Bord tal-Gvernaturi u Bord tad-Diretturi, kif ukoll Direttur Maniġerjali u persunal ieħor, kif ikun meħtieġ. Il-Gvernaturi, id-Diretturi u s-sostituti rispettivi tagħhom għandhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom mingħajr remunerazzjoni mill-FME.

2. Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Gvernaturi u tal-Bord tad-Diretturi għandhom jittieħdu b’unanimità, b’maġġoranza kwalifikata msaħħa, b’maġġoranza kwalifikata jew b’maġġoranza sempliċi, kif speċifikat f’dan ir-Regolament. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet kollha, għandu jkun preżenti kworum ta’ żewġ terzi tal-Membri tal-FME, bi drittijiet tal-vot li jirrappreżentaw tal-anqas żewġ terzi tad-drittijiet tal-vot.

3. L-astensjonijiet ta' membri preżenti jew rappreżentati ma għandhomx iżommu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tkun tinħtieġ unanimità.

4. L-adozzjoni ta’ deċiżjoni permezz ta’ maġġoranza kwalifikata msaħħa tirrikjedi 85 % tal-voti mitfugħa.

5. L-adozzjoni ta’ deċiżjoni permezz ta’ maġġoranza kwalifikata tirrikjedi 80 % tal-voti mitfugħa.

6. L-adozzjoni ta’ deċiżjoni permezz ta’ maġġoranza sempliċi tirrikjedi maġġoranza tal-voti mitfugħa.

7. Id-drittijiet tal-vot ta’ kull Membru tal-FME, kif eżerċitati mir-rappreżentattiva tiegħu fil-Bord tal-Gvernaturi jew il-Bord tad-Diretturi, għandhom ikunu daqs l-għadd ta’ ishma allokati għall-istokk kapitali awtorizzat tal-FME.

8. Fil-każ li Membru tal-FME jonqos milli jħallas parti mill-ammont dovut b’rabta mal-obbligi tiegħu rigward ishma żborżati jew il-kost tal-kapital skont l-Artikoli 8, 9 u 10 ta’ dan l-Istatut, jew fir-rigward tar-rimborż tal-assistenza finanzjarja skont l-Artikoli 16 jew 17 ta’ dan l-Istatut, id-drittijiet tal-vot tal-Membru tal-FME għandu jiġi sospiż għat-tul ta’ dan in-nuqqas. Il-livelli ta' limitu tal-vot għandhom jiġu kkalkulati mill-ġdid kif meħtieġ.

Artikolu 5

Il-Bord tal-Gvernaturi

1. Kull Membru tal-FME għandu jaħtar Gvernatur u Gvernatur sostitut. Dawn il-ħatriet għandhom ikunu revokabbli f’kull ħin. Il-Gvernatur għandu jkun membru tal-gvern ta’ dak il-Membru tal-FME li jkollu r-responsabbiltà għall-affarijiet finazjarji. Il-Gvernatur sostitut għandu jkollu setgħa sħiħa biex jaġixxi f’isem il-Gvernatur, fil-każ li dan ma jkunx preżenti.

2. Il-President tal-Bord tal-Gvernaturi (“il-President”) għandu jkun il-President tal-Grupp tal-Euro, kif imsemmi fil-Protokoll Nru 14 dwar il-Grupp tal-Euro anness mat-TUE u mat-TFUE. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jeleġġi Viċi President minn fost il-membri tiegħu, għal terminu ta’ sentejn. Il-Viċi President jista’ jerġa’ jiġi elett. Elezzjoni ġdida għandha tiġi organizzata mingħajr dewmien jekk il-President fil-kariga ma jibqax jissodisfa r-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 1.

3. Membru tal-Kummissjoni u l-President tal-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”) għandhom jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi bħala membri mingħajr vot.

4. Rappreżentanti tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro u li jipparteċipaw fuq bażi ad hoc flimkien mal-FME f'operazzjoni ta' għajnuna għall-istabbiltà għal Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro, għandhom ikunu mistiedna biex jieħdu sehem bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi, fejn jiġu diskussi din l-għajnuna għall-istabbiltà u l-monitoraġġ tagħha

5. Persuni oħrajn, inkluż rappreżentanti tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, għall-finijiet minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 4, istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet jistgħu jiġu mistiedna mill-Bord tal-Gvernaturi biex jattendu l-laqgħat bħala osservaturi fuq bażi ad hoc.

6. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jieħu d-deċiżjonijet li ġejjin, kif stipulat f dan l-Istatut b’unanimità:

(a) iżid jew inaqqas il-kapaċità ta' self minima skont l-Artikolu 8(6).

(b) jagħmel sejħiet ta’ kapital, skont l-Artikolu 9 (1);

(c) iżid l-istokk kapitali awtorizzat skont l-Artikolu 10(1);

(d) jikkunsidra aġġornament possibbli tal-fattur ewlieni għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-BĊE u t-tibdil li għandhom isiru għall-kontribuzzjoni ewlenija għas-sottoskrizzjoni tal-istokk kapitali awtorizzat tal-FME skont l-Artikolu 11(4);

(e) japprova t-tibdil li għandu jsir għad-distribuzzjoni tal-kapital fost il-Membri tal-FME u l-kalkolu ta’ tali distribuzzjoni bħala konsegwenza diretta ta’ Stat Membru li jsir Membru ġdid tal-FME, skont l-Artikolu 11(3);

(f) jikkonferma jew jirrevedi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-provvediment ta’ linji ta’ kreditu jew l-istabbilment ta’ garanziji f’appoġġ tal-SRB u jiddeċiedi li jżid il-limitu massimu għall-appoġġ għall-SRB, skont l-Artikolu 22(5);

(g) jadotta t-termini u l-kundizzjonijiet finanzjarji għall-provvediment ta’ linji ta’ kreditu jew l-istabbilment ta’ limitu massimu f’appoġġ għall-SRB, skont l-Artikoli 22(5) u 23(1).

7. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jieħu d-deċiżjonijet li ġejjin, kif stipulat f’dan l-Istatut b’maġġoranza kwalifikata msaħħa:

(a) jipprovdi għajnuna għall-istabbiltà għall-Membri tal-FME, inkluż il-kundizzjonijiet ta’ politika, kif stipulat fil-memorandum ta’ qbil imsemmi fl-Artikolu 13(3), u jistabbilixxi l-għażla ta’ strumenti u t-termini u l-kundizzjonijiet finanzjarji, skont l-Artikoli 14 sa 18;

(b) jitlob lill-Kummissjoni biex tinnegozja, flimkien mal-BĊE, il-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ politika marbutin ma’ kull assistenza finanzjarja, skont l-Artikolu 13(3);

(c) jibdel il-politika tal-ipprezzar u l-linji gwida tal-ipprezzar għall-assistenza finanzjarja, skont l-Artikolu 20;

8. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jieħu d-deċiżjonijet li ġejjin, kif stipulat fl-Istatut b’maġġoranza kwalifikata:

(a) jistabbilixxi t-termini tekniċi dettaljati meta Stat Membru jsir Membru tal-FME;

(b) jeleġġi l-Viċi President, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(c) jiddetermina l-lista ta’ attivitajiet mhux kompatibbli mad-dmirijiet ta’ Direttur jew Direttur sostitut, skont l-Artikolu 6(8);

(d) jadotta l-lista ta’ kandidati għall-pożizzjoni ta’ Direttur Maniġerjali u jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tneħħija tal-aħħar, skont l-Artikolu 7;

(e) jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tal-FME;

(f) jistabbilixxi fondi oħrajn, skont l-Artikolu 27;

(g) jiddeċiedi l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu għall-irkupru ta’ dejn minn Membru tal-FME, skont l-Artikolu 28(2) u (3);

(h) japprova l-kontijiet annwali u r-rapport annwali tal-FME, skont l-Artikoli 31 u 32, rispettivament;

(i) japprova l-awdituri esterni, skont l-Artikoli 34;

(j) jaħtar il-membri tal-Bord tal-Awdituri, skont l-Artikoli 35(1);

(k) jiddeċiedi l-lingwa ta’ ħidma tal-FME skont l-Artikolu 47.

9. Il-President għandu jsejjaħ u jippresiedi fuq il-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi. Il-Viċi President għandu jippresiedi fuq dawn il-laqgħat meta l-President ma jkunx jista’ jipparteċipa.

Artikolu 6

Il-Bord tad-Diretturi

1. Kull Gvernatur għandu jaħtar Direttur wieħed u Direttur sostitut wieħed minn fost in-nies ta’ kompetenza għolja fl-ekonomija u kwistjonijiet finanzjarji. Dawn il-ħatriet għandhom ikunu revokabbli f’kull ħin. Il-Diretturi sostituti għandu jkollhom setgħa sħiħa biex jaġixxu f’isem id-Direttur, fil-każ li dan ma jkunx preżenti.

Kull Direttur u Direttur sostitut għandu jiddedika ħin u attenzjoni lill-attivitajiet tal-FME, kif meħtieġ. Waqt il-kariga tal-FME, u għal perjodu ta’ sitt xhur wara li jkun temm din il-kariga, Direttur jew Direttur sostitut jista’ ma jinvolvix ruħu fl-attivitajiet determinati mill-Bord tal-Gvernaturi skont il-paragrafu 8.

2. Il-Kummissjoni tista’ taħtar membru wieħed mingħajr vot. Il-BĊE jista’ jaħtar osservatur.

3. Rappreżentant ta’ kull Stat Membru li l-munita tagħhom mhijiex l-euro li jipparteċipa fuq bażi ad hoc flimkien mal-FME f'operazzjoni ta' għajnuna u assistenza għall-istabbiltà finanzjarja għal Stat Membru taż-żona tal-euro, għandhom ikunu mistiedna wkoll biex jieħdu sehem bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi, meta din l-assistenza finanzjarja u l-monitoraġġ tagħha jiġu diskussi.

4. Persuni oħrajn, inklużi rappreżentanti tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro għall-finijiet minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet jistgħu jiġu mistiedna mill-Bord tal-Gvernaturi biex jattendu l-laqgħat bħala osservaturi fuq bażi ad hoc.

5. Il-Bord tad-Diretturi għandu jieħu d-deċiżjonijiet b’maġġoranza kwalifikata, sakemm ma jkunx pprovdut mod ieħor f’dan l-Istatut.

6. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Bord tal-Gvernaturi, kif stabbilit fl-Artikolu 5, il-Bord tad-Diretturi għandu jiżgura li l-FME jaħdem skont ir-Regolament u r-regoli ta’ proċedura tal-FME.

7. Kull post vakanti fil-Bord tad-Diretturi għandu jimtela immedjatament skont il-paragrafu 1.

8. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jistabbilixxi liema attivitajiet ma jkunux kompatibbli mad-dmirijiet ta’ Direttur jew Direttur sostitut.

Artikolu 7

Id-Direttur Maniġerjali

1. Id-Direttur Maniġerjali għandu jinħatar mill-Kunsill fuq il-bażi ta’ mertu mill-kandidati li jkollhom in-nazzjonalità ta’ Membru tal-FME, esperjenza internazzjonali rilevanti u ħiliet ta’ livell għoli, għarfien u kompetenza fi kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji.

Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jfassal lista ta’ kandidati għal pożizzjoni ta’ Direttur Maniġerjali. Huwa għandu jaħdem sabiex il-prinċipju ta’ bilanċ bejn is-sessi jiġi rrispettat.

Il-Kunsill, wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, għandu jaħtar id-Direttur Maniġerjali. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata. Il-membri tal-Kunsill biss li jirrappreżentaw l-Istati Membri, li huma fiż-żona tal-euro għandhom jivvutaw.

Id-Direttur Maniġerjali għandu jkun f’pożizzjoni full time. Barra minn hekk, huwa għandu jeżerċita r-rwol ta’ Uffiċjal Kap Maniġerjali tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja. Id-Direttur Maniġerjali m’għandux ikollu kariga oħra, fil-livell nazzjonali, tal-Unjoni jew internazzjonali u ma jistax ikun Gvernatur jew Direttur jew sostitut ta’ xi wieħed minn dawn.

2. It-tul tal-mandat tad-Direttur Maniġerjali għandu jkun ħames snin. Huwa jista’ jinħatar mill-ġdid darba. Id-Direttur Maniġerjali għandu jibqa’ fil-kariga sakemm jinħatar is-suċċessur tiegħu. Fil-każ li d-Direttur Maniġerjali ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-prestazzjoni tad-dmirijiet tiegħu jew jinstab ħati ta’ mġiba ħażina serja, il-Qorti tal-Ġustizzja, b'talba tal-Bord tal-Gvernaturi u wara li tgħarraf lill-Parlament Ewropew tadotta deċiżjoni biex jitneħħa mill-kariga.

3. Id-Direttur Maniġerjali għandu jippresiedi l-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi u għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi.

 

4. Id-Direttur Maniġerjali għandu jkun il-Kap tal-persunal tal-FME u għandu jkun responsabbli għal-organizzazzjoni, il-ħatra u t-tkeċċija ta’ membri tal-persunal skont l-Artikolu 39 ta’ dan l-Istatut.

5. Id-Direttur Maniġerjali għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-FME.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13(4), l-Artikolu 14(3), l-Artikolu 15(3), l-Artikolu 16(3), l-Artikolu 17(3), l-Artikolu 18(4) u l-Artikolu 23(2) ta’ dan l-Istatut, il-FME għandu jkun irrappreżentat b’mod validu fi kwistjonijiet ma’ terzi persuni, kif ġej:

(a) mid-Diretturi Maniġerjali, jew fl-assenza tiegħu, minn kwalunkwe żewġ membri tal-bord maniġerjali li jaġixxu b’mod konġunt, u

(b) minn kull persuna li taġixxi fil-limiti ta’ setgħat speċifiċi ddelegati mid-Direttur Maniġerjali.

6. Id-Direttur Maniġerjali għandu jmexxi, taħt id-direzzjoni tal-Bord tad-Diretturi, in-negozju attwali tal-FME u għandu jiġi assistit minn bord maniġerjali.

Il-bord maniġerjali għandu jikkonsisti mid-Direttur Maniġerjali, li għandu jippresiedi fuqu, u tali membri oħrajn tal-persunal tal-FME, kif id-Direttur Maniġerjali għandu jinnomina minn żmien għal żmien.

KAPITAL U KAPAĊITÀ TA’ SELF

Artikolu 8

Stokk kapitali awtorizzat inizjali u kapaċità ta’ self

1. L-istokk kapitali inizjali awtorizzat tal-FME għandu jkun EUR 704 798,7 miljun. Dan għandu jiġi diviż f’seba’ miljuni sebgħa u erbgħin elf disa’ mija u sebgħa u tmenin ishma, li jkollhom valur nominali ta’ EUR 100 000 kull wieħed, li jkun disponibbli għas-sottoskrizzjoni permezz ta’ trasferiment tal-kapital tal-FME skont il-kjavi tal-kontribuzzjoni inizjali stipulata fit-Tabella I u kkalkulat skont l-Artikolu 11 ta’ dan l-Istatut. Is-sottoskrizzjonijiet għall-istokk kapitali awtorizzat inizjali jiġu stabbilit fit-Tabella II.

2. L-istokk kapitali awtorizzat inizjali tal-FME għandu jiġi diviż f’ishma mħallsa u ishma eżerċitabbli. Il-valur nominali aggregat totali inizjali ta’ ishma mħallsa għandu jkun EUR 80 548,4 miljun. L-ishma tal-istokk kapitali awtorizzat inizjalment sottoskritti għandhom jinħarġu b'parità. Ishma oħra għandhom jinħarġu b'parità.

3. L-ishma ta’ stokk kapitali awtorizzat ma għandhomx jiġu mxekkla jew mogħtija b'rahan b'kull mod possibbli, u dawn ma għandhomx ikunu trasferibbli, għajr għal trasferimenti għall-finijiet tal-aġġustamenti ta’ implimentazzjoni tal-kjavi tal-kontribuzzjonijiet, kif definit fl-Artikolu 11(5) sa fejn ikun meħtieġ biex jiġi żgurat li d-distribuzzjoni tal-ishma tikkorrispondi mal-kjavi aġġustat.

 

4. L-obbligazzjoni ta’ kull Membru tal-FME għandha tkun limitata, fiċ-ċirkostanzi kollha, għas-sehem tiegħu tal-istokk kapitali awtorizzat bil-prezz tal-ħruġ tiegħu. L-ebda Membru tal-FME ma għandu jkun responsabbli, minħabba s-sħubija tiegħu, għall-obbligazzjonijiet tal-FME. L-obbligazzjonijiet tal-Membri tal-FME li jikkontribwixxu għall-istokk kapitali awtorizzat skont dan ir-Regolament ma għandhomx ikunu affettwati jekk kwalunkwe tali Membru tal-FME jsir eliġibbli għall-assistenza finanzjarja jew ikun qed jirċeviha mill-FME.

5. Il-baġit tal-Unjoni ma għandux jinżamm responsabbli għal-ispejjeż jew it-telf tal-FME.

6. Il-kapaċità ta' self inizjali tal-FME għandha tkun mhux anqas minn EUR 500 000 miljun. L-ammont ta’ impenji finanjarji tal-FME ma għandux jeċċedi l-kapaċità ta' self minima f’kull ħin. Il-Bord tal-Gvernaturi jista’ jiddeċiedi biex iżid il-kapaċità ta’ self. F’każijiet eċċezzjonali ġustifikati, il-Bord tal-Gvernaturi jista’ wkoll inaqqas proviżorjament il-kapaċità ta’ self jekk dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat li l-FME jkun jista’ jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu.

Artikolu 9

Eżerċitar ta’ kapital

1. Il-Bord tal-Gvernaturi jista’ jeżerċita kapital awtorizzat mhux imħallas f’kull ħin u jistabbilixxi perjodu ta’ żmien xieraq għall-pagament tiegħu mill-Membri tal-FME.

2. Il-Bord tad-Diretturi jista’ jeżerċita kapital awtorizzat mhux imħallas b’deċiżjoni ta’ maġġoranza sempliċi biex iġib lura l-livell ta’ kapital imħallas jekk dan tal-aħħar jitnaqqas bl-assorbiment tat-telf stabbilit fl-Artikolu 8(2) ta’ dan l-Istatut, kif jista’ jkun emendat mill-Bord tal-Gvernaturi wara l-proċedura stipulata fl-Artikolu 10 ta’ dan l-Istatut, u jistabbilixxi perjodu ta’ żmien xieraq għall-pagament tiegħu mill-Membri tal-FME.

3. Id-Direttur Maniġerjali għandu jeżerċita kapital awtorizzat mhux imħallas fi żmien xieraq jekk meħtieġ biex jiġi evitat li l-FME ikun kontumaċi fir-rigward ta’ kull obbligu skedat jew ta' ħlas ieħor dovut lill-kredituri tal--FME. Id-Direttur Maniġerjali għandu jgħarraf lill-Bord tad-Diretturi u l-Bord tal-Gvernaturi ta’ tali eżerċitar. Jekk jiġi identifikat nuqqas potenzjali fil-fondi tal-FME, id-Direttur Maniġerjali għandu jagħmel tali sejħa jew sejħiet ta’ kapital mill-aktar fis possibbli bl-intenzjoni li jiġi żgurat li l-FME ikollu fondi suffiċjenti biex isiru l-pagamenti dovuti lill-kredituri b’mod sħiħ fid-data ta' maturità tagħhom. Il-Membri tal-FME għandhom irrevokabilment u inkondizzjonalment jintrabtu li jħallsu fuq talba kwalunkwe sejħa ta’ kapital magħmula f'isimhom mid-Direttur Maniġerjali skont dan il-paragrafu, fejn tali talba trid titħallas fi żmien sebat ijiem minn meta tasal.

 

4. Il-Membri tal-FME għandu jissodisfa s-sejħiet kapitali kollha f’waqthom.

5. Il-Bord tad-Diretturi għandu jadotta t-termini u kundizzjonijiet dettaljati li għandhom japplikaw għal sejħiet kapitali skont dan l-Artikolu.

Artikolu 10

Żidiet fil-kapital

1. Il-Bord tal-Gvernaturi jista’ jiddeċiedi li jżid l-istokk kapitali awtorizzat tal-FME stipulat fl-Artikolu 11. L-ishma ġodda għandhom ikunu allokati lill-Membri tal-FME skont il-kjavi tal-kontribuzzjoni stipulata fl-Artikolu 11.

2. Meta Stat Membru jsir Membru tal-FME, l-istokk kapitali awtorizzat tal-FME għandu awtomatikament jiżdied billi jiġu mmultiplikati l-ammonti li jeżistu f'dak iż-żmien skont il-proporzjon, fil-livell tal-kjavi tal-kontribuzzjoni aġġustata stipulat fl-Artikolu 11 ta’ dan l-Istatut, bejn il-piż tal-Membru l-ġdid tal-FME u l-piż tal-Membri eżistenti tal-FME.

Artikolu 11

Kjavi tal-kontribuzzjonijiet

1. Il-kjavi tal-kontribuzzjonijiet għas-sottoskrizzjoni għall-istokk ta’ kapital awtorizzat tal-FME minn Membri tal-FME, li huma Stati Membri fiż-żona tal-euro, għandha, soġġett għall-paragrafi 2 u 3, tkun ibbażata fuq il-kjavi għas-sottoskrizzjoni, tal-kapital tal-BĊE, mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Membri tal-FME, skont l-Artikolu 29 tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (l-"Istatut tas-SEBĊ") anness mat-TUE u t-TFUE.

2. Il-kjavi tal-kontribuzzjoni inizjali għas-sottoskrizzjoni tal-istokk kapitali awtorizzat tal-FME hija speċifikata fit-Tabella I ta' dan l-Istatut.

3. Il-kjavi tal-kontribuzzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-istokk kapitali awtorizzat tal-FME għandha tiġi aġġustata meta:

(a) Stat Membru jsir Membru ġdid tal-FME u l-istokk kapitali awtorizzat tal-FME jiżdied awtomatikament; jew

(b) tintemm il-korrezzjoni temporanja ta’ tnax-il sena applikabbli għal Membru tal-FME, stabbilita skont l-Artikolu 44.

4. Il-Bord tal-Gvernaturi jista' jiddeċiedi li jqis aġġornamenti possibbli għall-kjavi għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-BĊE imsemmi fil-paragrafu 1 meta l-kjavi tal-kontribuzzjoni tiġi aġġustata skont il-paragrafu 3.

5. Meta l-kjavi tal-kontribuzzjoni għas-sottoskrizzjoni tal-istokk kapitali awtorizzat tal-FME tiġi aġġustata, il-Membri tal-FME għandhom jittrasferixxu bejniethom biżżejjed stokk kapitali awtorizzat biex jiżguraw li d-distribuzzjoni tal-istokk kapitali awtorizzat tikkorrispondi għall-kjavi aġġustat.

6. Il-Bord tad-Diretturi għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta dan l-Artikolu.

PARTI IV

OPERAZZJONIJIET TA’GĦAJNUNA GĦALL-ISTABBILTÀ TAL-FME

Titolu I

Prinċipji bażi tal-operazzjonijiet għall-istabbiltà tal-FME

Artikolu 12

Prinċipji

1. Fil-każ li jkun indispensabbli li l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro jew tal-Istati Membri tagħha tiġi ssalvagwardjata, il-FME jista’ jipprovdi għajnuna għall-istabbiltà permezz tal-istrumenti stipulati fl-Artikoli minn 14 sa 19 għal Membru tal-FME, soġġett għal kundizzjonijiet ta’ politika stretti, xierqa għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul. Tali kundizzjonijiet ta’ politika jistgħu ivarjaw minn programm ta' aġġustament makroekonomiku skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 sa osservanza kontinwa ta’ kundizzjonijiet prestabbiliti ta’ eliġibbiltà.

2. Il-FME, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom josservaw b’mod sħiħ l-Artikolu 152 TFUE u għandhom jikkunsidraw ir-regoli nazzjonali u l-prassi u l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Kif meħtieġ, l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma taffettwax id-dritt li wieħed jinnegozja, jikkonkludi jew jinforza ftehimiet kollettivi jew li jieħu azzjoni kollettiva f’konformità mad-dritt u l-prattiki nazzjonali.

Titolu II

Għajnuna għall-istabbiltà Finanzjarja għall-Membri tal-FME

Artikolu 13

Proċedura għall-għoti ta' sostenn għall-istabbiltà finanzjarja lill-Membri tal-FME

1. Membru fil-FME jista’ jindirizza talba għal għajnuna għall-istabbiltà lill-President tal-Bord tal-Gvernaturi. Tali talba għandha tindika l-istrument tal-assistenza finanzjarja jew l-istrumenti li għandhom jiġu kkunsidrati. Meta jirċievi tali talba, il-President tal-Bord tal-Gvernaturi għandu jitlob lill-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mal-BĊE, biex twettaq il-kompiti li ġejjin:

(a) tivvaluta l-eżistenza ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro globalment jew tal-Istati Membri, sakemm il-BĊE ikun diġà ppreżenta analiżi skont l-Artikolu 18(2) ta’ dan l-Istatut;

 

(b) tivvaluta jekk id-dejn pubbliku huwiex sostenibbli;

(c) tivvaluta l-ħtiġijiet ta’ finanzjament attwali jew potenzjali għall-Membru tal-FME ikkonċernat.

 

2. Fuq il-bażi tat-talba mill-Membru fil-FME u l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Bord tal-Gvernaturi jista’ jiddeċiedi li jagħti, fil-prinċipju, għajnuna għall-istabbiltà lill-Membru fil-FME kkonċernat fl-għamla ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja.

3. Fil-każ li tiġi adottata deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jitlob lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-BĊE u mal-FME, biex tinnegozja memorandum ta' qbil (“MtQ”) mal-Membru tal-FME kkonċernat, li jagħti dettalji dwar il-kundizzjonijiet ta’ politika marbutin mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja. Il-kontenut tal-MtQ għandu jirrifletti s-severità tad-dgħufijiet li għandhom jiġu indirizzati u l-istrument magħżul tal-assistenza finanzjarja. B’mod parallel, id-Direttur Maniġerjali għandu jħejji proposta għal ftehim dwar faċilità ta' assistenza finanzjarja, inklużi t-termini u l-kundizzjonijiet finanzjarji u l-għażla ta’ strumenti, li għandhom jiġu adottati mill-Bord tal-Gvernaturi.

Il-MtQ għandu jkun kompletament konsistenti mal-miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika previsti fit-TFUE, partikolarment ma’ kull att fil-liġi tal-Unjoni, inkluża kull opinjoni, twissija, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni indirizzata lill-Membru fil-FME kkonċernat u mal-programm ta' aġġustament makroekonomiku li għandu jiġi approvat mill-Kunsill skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013. Dan għandu jiġi preċedut b’valutazzjoni tal-impatt soċjali.

 

4. Il-Kummissjoni u l-FME għandhom jiffirmaw il-MtQ, soġġett għal konformità minn qabel mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 u approvati mill-Bord tal-Gvernaturi.

5. Il-MtQ għandu jsir pubbliku.

6. Il-Bord tad-Diretturi għandu japprova l-ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja, li jagħti dettalji dwar l-aspetti finanzjarji tal-għajnuna għall-istabbiltà li gћandha tingħata u, fejn applikabbli, l-iżborż tal-ewwel parti tal-assistenza.

7. Il-FME għandu jistabbilixxi sistema ta' twissija xierqa biex jiġi żgurat li jirċievi f’waqtu kwalunkwe ħlas lura dovut mill-Membru fil-FME skont l-għajnuna għall-istabbiltà.

8. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-BĊE, għandha timmonitorja l-konformità mal-kundizzjonijiet ta’ politika marbutin mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja.

Artikolu 14

Assistenza finanzjarja prekawzjonarja tal-FME

1. Il-Bord tal-Gvernaturi jista' jiddeċiedi li jagħti assistenza finanzjarja prekawzjonarja fl-għamla ta' linja ta' kreditu b'kundizzjonijiet prekawzjonarji jew fl-għamla ta' linja ta' kreditu b'kundizzjonijiet imsaħħa skont l-Artikolu 12(1) ta’ dan l-Istatut.

2. Il-kundizzjonijiet ta’ politika marbutin mal-assistenza finanzjarja prekawzjonarja tal-FME għandhom ikunu dettaljati fil-MtQ, skont l-Artikolu 13(3).

3. It-termini u l-kundizzjonijiet finanzjarji tal-assistenza finanzjarja prekawzjonarja tal-FME għandhom ikunu speċifikati fi ftehim dwar faċilità ta' assistenza finanzjarja, li għandu jiġi ffirmat mid-Direttur Maniġerjali.

4. Il-Bord tad-Diretturi għandu jadotta l-linji gwida dettaljati dwar il-modalitajiet għall-implimentazzjoni tal-assistenza finanzjarja prekawzjonarja tal-FME.

5. Il-Bord tad-Diretturi għandu jiddeċiedi permezz ta’ maġġoranza kwalifikata msaħħa, abbażi ta’ proposta mid-Direttur Maniġerjali u wara li jkun wasal ir-rapport ta’ monitoraġġ mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13(8), jekk il-linja ta’ kreditu għandhiex tinżamm.

6. Wara li l-Membru tal-FME ikun fassal il-fondi għall-ewwel darba, permezz ta’ self jew xiri fis-suq primarju, il-Bord tad-Diretturi għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata msaħħa, abbażi ta’ proposta mid-Direttur Maniġerjali u wara valutazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni, f'koordinazzjoni mal-BĊE, jekk il-linja tal-kreditu għadhiex xierqa u jekk hijiex meħtieġa forma oħra ta' assistenza finanzjarja.

Artikolu 15

Assistenza finanzjarja għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu ta’ Membru tal-FME

1. Il-Bord tal-Gvernaturi jista’ jiddeċiedi li jagħti assistenza finanzjarja permezz ta’ self lil Membru tal-FME għall-finijiet speċifiċi ta’ rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu ta’ dak il-Membru tal-FME.

2. Il-kundizzjonijiet ta’ politika marbutin mal-assistenza finanzjarja għar-rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta' kreditu ta’ Membru tal-FME għandhom jiġu stabbiliti fil-MtQ, skont l-Artikolu 13(3).

3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 TFUE, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-assistenza finanzjarja għar-rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta' kreditu ta’ Membru tal-FME għandhom jiġu speċifikati fi ftehim dwar faċilità ta' assistenza finanzjarja, li jiġi ffirmat mid-Direttur Maniġerjali.

4. Il-Bord tad-Diretturi għandu jadotta l-linji gwida dettaljati dwar il-modalitajiet għall-implimentazzjoni tal-assistenza finanzjarja għar-rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta' kreditu tal-Membru tal-FME.

5. Fejn applikabbli, il-Bord tad-Diretturi għandu jiddeċiedi permezz ta’ maġġoranza kwalifikata msaħħa, dwar proposta mid-Direttur Maniġerjali u wara li jkun wasal ir-rapport ta’ monitoraġġ mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13(8), l-iżborż tas-segmenti tal-assistenza finanzjarja wara l-ewwel segment.

Artikolu 16

Self tal-FME

1. Il-Bord tal-Gvernaturi jista’ jiddeċiedi li jagħti assistenza finanzjarja fl-għamla ta’ self lil Membru tal-FME, skont l-Artikolu 12(1).

 

2. Il-kundizzjonijiet ta’ politika marbutin mas-self tal-FME għandhom jinkludu programm ta' aġġustament makroekonomiku fil-MtQ, skont l-Artikolu 13(3).

3. It-termini u l-kundizzjonijiet finanzjarji ta’ kull self tal-FME għandhom ikunu speċifikati fi ftehim dwar faċilità ta' assistenza finanzjarja, li għandu jiġi ffirmat mid-Direttur Maniġerjali.

 

4. Il-Bord tad-Diretturi għandu jadotta l-linji gwida dettaljati dwar il-modalitajiet għall-implimentazzjoni ta’ self tal-FME.

 

5. Il-Bord tad-Diretturi għandu jiddeċiedi permezz ta’ maġġoranza kwalifikata msaħħa, dwar proposta mid-Direttur Maniġerjali u wara li jkun wasal ir-rapport ta’ monitoraġġ mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13(8), l-iżborż tas-segmenti tal-assistenza finanzjarja wara l-ewwel segment.

Artikolu 17

Faċilità ta’ sostenn fis-suq primarju

1. Il-Bord tal-Gvernaturi jista’ jiddeċiedi li jagħmel arranġamenti għax-xiri ta’ bonds ta’ Membru tal-FME tas-suq primarju, skont l-Artikolu 12(1) u bl-għan li jimmassimizza l-kosteffiċjenza tal-assistenza finanzjarja.

 

2. Il-kundizzjonijiet ta’ politika marbutin mal-faċililità ta’ sostenn tas-suq primarju għandhom ikunu dettaljati fil-MtQ, skont l-Artikolu 13(3).

3. It-termini u l-kundizzjonijiet finanzjarji li bihom jitmexxa x-xiri tal-bonds għandhom jiġu speċifikati fil-ftehim ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja, li jiġi ffirmat mid-Direttur Maniġerjali.

4. Il-Bord tad-Diretturi għandu jadotta linji gwida dettaljati dwar il-proċedura għall-implimentazzjoni tal-faċilità ta’ sostenn fis-suq primarju.

5. Il-Bord tad-Diretturi għandu jiddeċiedi permezz ta’ maġġoranza kwalifikata msaħħa, fuq il-bażi ta’ proposta mid-Direttur Maniġerjali u wara li jkun wasal ir-rapport ta’ monitoraġġ mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13(8), l-iżborż tas-segmenti tal-assistenza finanzjarja wara l-ewwel segment.

Artikolu 18

Faċilità ta’ sostenn fis-suq sekondarju

1. Il-Bord tal-Gvernaturi jista’ jiddeċiedi li jagħmel arranġamenti għal operazzjonijiet fis-suq sekondarju b’rabta mal-bonds ta’ Membru tal-FME, skont l-Artikolu 12(1).

2. Id-deċiżjonijiet dwar interventi fis-suq sekondarju biex jiġi indirizzat il-kontaġju jittieħdu abbażi ta' analiżi tal-BĊE li tagħraf l-eżistenza ta' ċirkostanzi eċċezzjonali tas-suq finanzjarju u r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja.

3. Il-kundizzjonijiet ta’ politika marbutin mal-faċilità ta’ sostenn tas-suq sekondarju għandhom ikunu dettaljati fil-MtQ, skont l-Artikolu 13(3).

4. It-termini u l-kundizzjonijiet finanzjarji li bihom jitmexxew l-operazzjonijiet tas-suq sekondarju għandhom jiġu speċifikati fil-ftehim ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja, li jiġi ffirmat mid-Direttur Maniġerjali.

5. Il-Bord tad-Diretturi għandu jadotta linji gwida dettaljati dwar il-proċedura għall-implimentazzjoni tal-faċilità ta’ sostenn tas-suq sekondarju.

6. Il-Bord tad-Diretturi għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata msaħħa, abbażi ta’ proposta mid-Direttur Maniġerjali, biex jagħti bidu għal operazzjonijiet fis-suq sekondarju.

Artikolu 19

Strument għar-rikapitalizzazzjoni diretta tal-istituzzjonijiet ta' kreditu

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 TFUE, l-Artikoli 18(4)(d) u 27(9) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 u l-Artikoli 56, 57, u 58 tad-Direttiva 2014/59/UE, il-Bord tal-Gvernaturi tal-FME jista’ jiddeċiedi li jagħti assistenza finanzjarja biex l-istituzzjonijiet ta' kreditu jiġu rikapitalizzati direttament b'talba ta’ Membru tal-FME. L-assistenza għandha tkopri każijiet speċifiċi li fihom il-Membru tal-FME jesperjenza diffikultajiet serji fis-settur finanzjarju tiegħu li ma jkunx jista’ jirrimedjahom mingħajr ma jipperikola b’mod sinifikanti s-sostenibbiltà fiskali tiegħu minħabba riskju serju ta’ kontaġju mis-settur finanzjarju għas-sovran jew jekk alternattivi oħrajn ikollhom l-effett li jipperikolaw l-aċċess għas-suq kontinwu tal-Membru tal-FME.

2. L-istituzzjoni ta' kreditu kkonċernata għandha tkun ta’ relevanza sistemika jew għandha tpoġġi theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro b’mod globali jew tal-Membru rikjedenti tal-FME.

3. Il-Membru tal-FME li fit-territorju tiegħu tinsab l-istituzzjoni ta' kreditu msemmija f’paragrafu 2, għandu jikkontribwixxi għal kapital ta’ volum xieraq u kwalità flimkien mal-FME.

4. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jadotta linji gwida dettaljati dwar il-proċedura għall-implimentazzjoni tal-istrument għar-rikapitalizzazzjoni diretta ta’ istituzzjoni ta' kreditu.

5. Il-Bord tad-Diretturi għandu japprova r-rikapitalizzazzjoni. Fejn applikabbli, tali approvazzjoni tista’ ssir soġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi għall-istituzzjoni benefiċjarja.

6. L-impenji finanzjarji li jinħolqu minn deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 1 ma għandhomx jeċċedu t-total ta’ EUR 60 000 miljun.

Titolu III

Politika ta’ pprezzar u operazzjonijiet ta' teħid b'self tal-FME

Artikolu 20

Politika tal-ipprezzar

1. Meta jagħti l-għajnuna għall-istabbiltà, billi jipprovdi linji ta’ kreditu jew l-istabbilment ta’ garanziji, il-FME għandu jkollu l-għan li jkopri l-ispejjeż finanzjarji u operatorji u għandu jinkludi marġni xieraq.

2. Għall-istrumenti l-oħra kollha, l-ipprezzar għandu jkun dettaljat fil-linji gwida tal-ipprezzar, li għandhom jiġu adottati mill-Bord tal-Gvernaturi.

3. Il-politika tal-ipprezzar tista’ tiġi eżaminata mill-ġdid mill-Bord tal-Gvernaturi.

Artikolu 21

Operazzjonijiet ta' teħid b'self

1. Il-FME jista’ jiġġenera l-fondi billi joħroġ strumenti finanzjarji jew billi jidħol fi ftehimiet jew arranġamenti finanzjarji jew ta’ tip ieħor mal-Membri tiegħu, istituzzjonijiet finanzjarji jew partijiet terzi oħra.

2. Il-modalitajiet tal-operazzjonijiet ta' teħid b'self għandhom jiġu determinati mid-Direttur Maniġerjali, skont linji gwida li għandhom jiġu adottati mill-Bord tad-Diretturi.

3. Il-FME għandu juża għodod xierqa għall-immaniġġjar tar-riskju, li għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid regolarment mill-Bord tad-Diretturi.

PARTI V

APPOĠĠ GĦALL-SRB

Artikolu 22

Linja ta’ kreditu jew garanziji għall-SRB

1. L-appoġġ finanzjarju għall-SRB għandu jingħata b’mod konġunt mill-FME u mill-Istati Membri parteċipanti fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, fuq termini u kundizzjonijiet ekwivalenti, permezz ta’ linji jew limiti ta’ kreditu, jew it-tnejn, għall-garanziji fuq l-obbligazzjonijiet tal-SRB.

L-ammonti ta’ appoġġ ipprovdut lill-SRB f’konformità mal-paragrafu 1 għandhom ikunu mġarrba mill-FME u mill-Istati Membri parteċipanti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu bi proporzjon ma’ kjavi li jiġi kkomunikat mill-SRB meta jitlob l-appoġġ. Sabiex jiddetermina dak il-kjavi, l-SRB għandu jikkalkula l-kontribuzzjonijiet straordinarji ex post li se jkun hemm bżonn jinġabru biex jitħallas lura l-ammont totali tal-appoġġ, u għandu jaggrega r-riżultati fil-livell rispettiv tat-territorju tal-Membri FME kollha u t-territorji ta’ kull Stat Membru parteċipanti fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 li l-munita tiegħu mhijiex l-euro. L-SRB għandu jagħmel dan il-kalkolu abbażi tal-aħħar informazzjoni disponibbli għalih għall-finijiet tal-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014. Għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, l-SRB ma għandux japplika l-Artikolu 5(1) tal-ftehim dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għall-Fond.

2. L-ammont kombinat ta’ impenji pendenti li jirriżultaw minn deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu soġġetti għal limitu massimu ta’ EUR 60 000 miljun.

3. Fondi pprovduti lill-SRB għandhom jitħallsu lura mill-SRB f’konformità mal-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

4. Il-Bord tal-Gvernaturi, filwaqt li jaġixxi bi qbil mal-Istati Membri parteċipanti msemmija fil-paragrafu 1:

(a) għandu jadotta t-termini u kundizzjonijiet finanzjarji tal-appoġġ;

(b) jista’ jiddeċiedi li jżid il-limitu massimu msemmi fil-paragrafu 2.

5. Meta Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro jsir Stat Membru parteċipanti fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, dan l-Istat Membru għandu jaqbel mal-FME u l-Istati Membri parteċipanti l-oħrajn fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, li jiġu kkonfermati jew riveduti, kif meħtieġ, it-termini u kundizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 4.

Meta Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro jsir Stat Membru parteċipanti fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-limitu massimu msemmi fil-paragrafu 3 għandu jiżdied bl-istess proporzjon bħaż-żieda fil-livell fil-mira li sseħħ f'konformità mal-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 meta Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro jsir Stat Membru parteċipanti fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

6. It-termini u kundizzjonijiet msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 4 għandhom ikunu ddettaljati ulterjorment fi ftehim jew iktar dwar faċilità ta' assistenza finanzjarja, li għandu jiġi konkluż bejn l-SRB, min-naħa l-waħda, u l-FME u l-Istati Membri parteċipanti msemmija fil-paragrafu 1, min-naħa l-oħra.

7. Deċiżjonijiet dwar il-prelevament tal-linja ta’ kreditu jew il-provvediment ta’ garanziji fuq obbligazzjonijiet tal-SRB għandhom jiġu adottati mhux aktar tard minn 12-il siegħa wara li tasal it-talba mill-SRB.

8. Meta t-talba tal-SRB tkun b’rabta ma’ skema ta’ riżoluzzjoni, l-SRB jista’, wara li jikkonsulta mal-Kummissjoni, jitlob l-appoġġ qabel l-adozzjoni ta’ tali skema ta’ riżoluzzjoni. F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet dwar il-prelevament tal-linja ta’ kreditu jew il-provvediment ta’ garanziji fuq obbligazzjonijiet tal-SRB għandu jkollhom effett fl-istess waqt li l-iskema ta’ riżoluzzjoni tidħol fis-seħħ.

Artikolu 23

Regoli li japplikaw għall-FME

1. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jadotta t-termini u kundizzjonijiet finanzjarji tal-appoġġ tal-FME. 

2. Id-Direttur Maniġerjali għandu:

(a) jiffirma l-ftehim, wara l-approvazzjoni mill-Bord tad-Diretturi;

(b) ikollu l-awtorità li jiddeċiedi dwar il-prelevament tal-linja ta’ kreditu jew il-provvediment ta’ garanziji fuq l-obbligazzjonijiet tal-SRB.

3. Il-Bord tad-Diretturi għandu jadotta l-linji gwida dettaljati dwar il-modalitajiet għall-implimentazzjoni tal-linji ta’ kreditu tal-FME jew il-garanziji lill-SRB.

Artikolu 24

Regoli li japplikaw għall-Istati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013

Qabel ma Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro jsir Stat Membru parteċipanti fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, dan l-Istat Membru għandu jipprovdi linji ta’ kreditu jew garanziji b’appoġġ tal-SRB f’konformità mal-Artikolu 22 ta’ dan l-Istatut, soġġett għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-BĊE li tistabbilixxi kooperazzjoni mil-qrib bejn il-BĊE u l-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ dan l-Istat Membri f'konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Dawn l-Istati Membri għandhom iħejju l-proċeduri biex jippermettu lil dawn il-linji ta’ kreditu u garanziji jiġu attivati f’konformità mal-Artikolu 22 ta’ dan l-Istatut.

PARTI VI

ĠESTJONI FINANZJARJA

Artikolu 25

Politika ta' investiment

1. Id-Direttur Maniġerjali għandu jimplimenta politika ta’ investiment prudenti għall-FME, sabiex tiġi żgurata l-ogħla affidabbiltà kreditizja tagħha, f’konformità ma’ linji gwida li għandhom jiġu adottati u rieżaminati regolarment mill-Bord tad-Diretturi. Il-FME għandu jkun intitolat li juża parti mir-redditu fuq il-portafoll tal-investimenti tiegħu biex ikopri l-ispejjeż operattivi u amministrattivi tiegħu.

2. L-operat tal-FME għandu jkun konformi mal-prinċipji tal-ġestjoni soda finanzjarja u tar-riskji.

Artikolu 26

Politika ta' dividendi

1. Il-Bord tad-Diretturi, permezz ta’ maġġoranza sempliċi, jista’ jiddeċiedi li jqassam dividend lill-Membri tal-FME meta l-ammont ta’ kapital imħallas u l-fond ta’ riżerva jeċċedu l-livell meħtieġ biex il-FME jkun jista’ jżomm il-kapaċità ta' self tiegħu u meta d-dħul mill-investiment ma jkunx meħtieġ biex jiġi evitat li ma jkunx hemm biżżejjed biex jitħallsu l-kredituri. Id-dividendi jitqassmu pro rata għall-kontribuzzjonijiet għall-kapital imħallas, b’kont meħud tal-aċċellerazzjoni possibbli msemmija fl-Artikolu 44(3).

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(6) u l-Artikolu 9(1) ta’ dan l-Istatut, u bil-kundizzjoni li l-FME ma jkunx ta assistenza finanzjarja lil wieħed mill-membri tiegħu, id-dħul mill-investiment tal-kapital imħallas tal-FME għandu jintradd lura lill-Membri tal-FME skont il-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom għall-kapital imħallas, wara li jsir tnaqqis għall-kostijiet operazzjonali.

3. Id-Direttur Maniġerjali għandu jimplimenta l-politika dwar id-dividendi għall-FME f’konformità ma’ linji gwida li għandhom jiġu adottati mill-Bord tad-Diretturi.

Artikolu 27

Fondi ta’ riżerva u fondi oħra

1. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jistabbilixxi fond ta’ riżerva u, fejn xieraq, fondi oħrajn.

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26 ta’ dan l-Istatut, l-introjtu nett iġġenerat mill-operazzjonijiet tal-FME u d-dħul mis-sanzjonijiet finanzjarji rċevuti mill-Membri tal-FME taħt il-proċedura ta’ sorveljanza multilaterali, il-proċedura ta' defiċit eċċessiv u l-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi stabbiliti taħt l-Artikolu 121(6) u l-Artikolu 126 TFUE għandu jiġi merfugħ f’fond ta’ riżerva.

3. Ir-riżorsi tal-fond ta’ riżerva għandhom jiġu investiti f’konformità ma’ linji gwida li għandhom jiġu adottati mill-Bord tad-Diretturi.

4. Il-Bord tad-Diretturi għandu jadotta tali regoli skont il-ħtieġa għall-istabbiliment, l-amministrazzjoni u l-użu ta’ fondi oħra.

Artikolu 28

Kopertura tat-telf

1. Telf li jirriżulta tul l-operat tal-FME għandu jiġi miżmum:

(a) l-ewwel, kontra l-fond ta’ riżerva;

(b) it-tieni, kontra l-kapital imħallas; u

(c) l-aħħar, kontra ammont xieraq tal-kapital mhux eżerċitat awtorizzat, li għandu jiġi eżerċitat skont l-Artikolu 9(3).

2. Meta Membru tal-FME jonqos milli jagħmel il-ħlas meħtieġ taħt sejħa għall-kapital li ssir skont l-Artikolu 9(2) jew (3) għandha ssir sejħa għal kapital riveduta għall-Membri kollha tal-FME bl-għan li jiġi żgurat li l-FME jirċievi l-ammont totali meħtieġ ta’ kapital imħallas. Wara li jkun informa lill-Kummissjoni, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiddeċiedi dwar liema azzjoni għandu jieħu biex jiżgura li l-Membru tal-FME kkonċernat isalda d-dejn tiegħu mal-FME fi żmien raġonevoli. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jkun intitolat li jirrekjedi l-ħlas ta’ imgħax ta' inadempjenza fuq l-ammont li jkunu għadu dovut.

3. Meta Membru tal-FME jsalda d-dejn tiegħu mal-FME, kif imsemmi fil-paragrafu 2, il-kapital żejjed għandu jiġi ritornat lill-Membri l-oħrajn tal-FME f’konformità mar-regoli adottati mill-Bord tal-Gvernaturi.

PARTI VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 29

Baġit

1. Il-FME għandu jkollu baġit awtonomu u awtofinanzjat li ma jkunx parti mill-baġit tal-Unjoni.

2. Is-sena finanzjarja tal-FME tibda fl-1 ta’ Jannar u tispiċċa fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.

Artikolu 30

Tħejjija tal-baġit

1. Id-Direttur Maniġerjali għandu jfassal baġit amministrattiv għal kull sena finanzjarja u jippreżentaha lill-Bord tad-Diretturi mhux iktar tard mill-15 ta’ Novembru tas-sena finanzjarja preċedenti.

Il-Bord tad-Diretturi għandu japprova l-baġit amministrattiv mhux iktar tard mill-15 ta’ Diċembru tas-sena finanzjarja preċedenti.

2. Il-baġit annwali, kif approvat mill-Bord tad-Diretturi, għandu jiġi ppreżentat lill-Bord tal-Gvernaturi fil-laqgħa annwali tiegħu li jkun imiss.

Artikolu 31

Kontabbiltà annwali

1. Il-Bord tad-Diretturi għandu jżomm il-kontijiet annwali tal-FME u għandu jagħmel il-kontijiet annwali tiegħu, kif ukoll ir-rapport sommarju trimestrali u r-rapport tal-introjtu, it-tnejn espressi f’euro, f’konformità mal-prinċipji tal-kontabilità ġeneralment aċċettati u l-konvenzjonijiet kontabilistiċi rikjesti mill-Bord tad-Diretturi u approvati mill-Bord tal-Awdituri.

Il-FME, fil-kontabilità interna tiegħu għandu jżomm kontijiet separati għall-attivitajiet tiegħu li jsiru skont l-Artikolu 19 ta’ dan l-Istatut, f’konformità mal-prinċipji tal-kontabilità ġeneralment aċċettati u l-konvenzjonijiet kontabilistiċi addizzjonali adottati f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3. Il-kontijiet tal-MES għandhom jiġu awditjati f’konformità ma’ standards tal-awditjar ġeneralment aċċettati tal-anqas darba fis-sena f'konformità mal-Artikolu 34 ta’ dan l-Istatut.

4. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu japprova l-kontijiet annwali tal-FME.

5. Id-Direttur Maniġerjali għandu jdawwar rapport sommarju trimestrali mal-Membri tal-FME dwar il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu u rapport tal-introjtu li juri r-riżultati tal-operazzjonijiet tal-FME.

Artikolu 32

Rapporti finanzjarji u rapport annwali

1. Il-Bord tad-Diretturi għandu jħejji r-rapporti finanzjarji fir-rigward ta’ sena finanzjarja mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu tas-sena segwenti fil-forma ta’ karta bilanċjali, rapport tal-introjtu, u noti ta’ spjegazzjoni. In-noti ta’ spjegazzjoni għandu jkun fihom sommarju tal-karta bilanċjali rilevanti u rapport tal-entrati tal-qligħ u t-telf fir-rigward tal-attivitajiet li jkunu saru taħt l-istrument għar-rikapitalizzazzjoni diretta tal-istituzzjoni, estratti mill-kontijiet imsemmijin fl-Artikolu 31(2).

2. Id-Direttur Maniġerjali għandu jħejji rapport annwali fir-rigward ta’ kull sena finanzjarja u jippreżentah lill-Bord tal-Gvernaturi għall-approvazzjoni fil-laqgħa annwali tiegħu.

Ir-rapport annwali għandu jkun fih:

(a) deskrizzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tal-FME;

(b) ir-rapporti finanzjarji għas-sena finanzjarja rilevanti;

(c) ir-rapport tal-awdituri esterni fir-rigward tal-awditu tagħhom tar-rapporti finanzjarji skont l-Artikolu 34; u

(d) ir-rapport tal-Bord tal-Awdituri fir-rigward tar-rapporti finanzjarji skont l-Artikolu 35.

5. Ladarba jiġi approvat mill-Bord tal-Gvernaturi, ir-rapport annwali għandu jiġi ppublikat fuq is-sit web tal-FME.

Artikolu 33

Verifika interna

Għandu jiġi stabbilit uffiċċju tal-awditjar intern skont standards internazzjonali.

Artikolu 34

Verifika esterna

1. Il-kontijiet tal-FME għandhom jiġu awditjati minn awdituri esterni indipendenti approvati mill-Bord tal-Gvernaturi għal terminu ta’ tliet snin minn fost ditti tal-awditjar li għandhom reputazzjoni internazzjonali tajba, approvati u soġġetti għas-sorveljanza pubblika f’konformità mad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 .

Għandu jkun hemm rotazzjoni mandatorja tad-ditta tal-awditjar kull sitt snin.

2. L-awdituri esterni għandhom ikunu responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni tal-kontijiet annwali u għandu jkollhom is-setgħat sħaħ li jeżaminaw il-kotba u l-kontijiet kollha tal-FME u li jiksbu l-informazzjoni sħiħa dwar it-tranżazzjonijiet tagħha.

Artikolu 35

Il-Bord tal-Awdituri

1. Il-Bord tal-Awdituri għandu jkun jikkonsisti minn ħames membri maħturin għal terminu ta’ tliet snin li ma jistax jiġġedded mill-Bord tal-Gvernaturi u għandu jkun kompost kif ġej:

(a) żewġ membri proposti mill-President;

(b) żewġ membri deżinjati mill-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar ta’ żewġ Membri tal-FME, wieħed mill-grupp ta’ nofs il-Membri tal-FME li jkollhom l-ogħla għadd ta’ ishma tal-FME, imqarreb ’l isfel għall-eqreb numru integru, u l-ieħor mill-grupp tal-Membri tal-FME li jifdal, skont sistema ta’ rotazzjoni li ssegwi l-ordni alfabetiku tal-ismijiet tal-Membri tal-FME ta’ kull grupp bl-Ingliż, kif imniżżel fit-Tabella I ta’ dan l-Istatut;

(c) membru wieħed iddeżinjat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Biex ikunu eliġibbli għall-ħatra fil-Bord tal-Awdituri, il-persuni maħturin irid ikollhom kompetenza fi kwistjonijiet ta’ awditjar u finanzjarji u jrid ikollhom l-għarfien u l-ħiliet professjonali u l-esperjenza fl-awditjar li jkunu meħtieġa għat-twettiq xieraq tal-kompiti tal-Bord.

Il-Bord tal-Awdituri għandu jagħżel President u Viċi President minn fost il-membri tiegħu, kull wieħed għal terminu li jiġġedded ta’ sena.

Il-Bord tal-Awdituri għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura biex jirregolaw il-proċedimenti tiegħu.

2. Il-membri tal-Bord tal-Awdituri għandhom ikunu indipendenti fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom. La għandhom ifittxu, u lanqas jieħdu struzzjonijiet mingħand il-korpi li jiggvernaw il-FME, il-Membri tal-FME u l-ebda korp pubbliku jew privat ieħor.

Il-membri tal-Bord tal-Awdituri għandhom, f’konformità mal-istandards internazzjonali, jieħdu ħsieb li jevitaw kull kunflitt ta’ interess u għandhom joqogħdu lura milli jagħmlu kwalunkwe azzjoni li ma tkunx kompatibbli mad-dmirijiet tagħhom, fil-waqt tal-ħatra tagħhom kif ukoll waqt u wara l-mandat tagħhom. 

3. Il-Bord tal-Awdituri għandu jħejji awditi indipendenti. Huwa għandu jispezzjoni l-kontijiet tal-FME u jivverifika l-korrettezza tal-kontijiet operazzjonali u l-karta bilanċjali. Huwa għandu jawditja r-regolarità, il-konformità, il-prestazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju tal-FME f’konformità ma’ standard internazzjonali tal-awditjar. Huwa għandu jimmonitorja u jeżamina l-proċessi interni u esterni tal-awditjar tal-FME u r-riżultati tagħhom.

Il-Bord tal-Awdituri għandu jkollu aċċess sħiħ għal kwalunkwe dokument jew informazzjoni tal-FME, u inkluża dejta rigward proċessi tal-awditjar interni u esterni li jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-kompiti tiegħu.

4. Il-Bord tal-Awdituri jista’ jinforma lill-Bord tad-Diretturi f’kull ħin dwar dak li jkun sab. Huwa għandu, fuq bażi annwali, jħejji rapport li jiġi ppreżentat lill-Bord tal-Gvernaturi, dwar is-sejbiet tal-awditi tiegħu b’rabta mal-kontijiet operazzjonali u l-karta bilanċjali u l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

5. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jagħmel ir-rapport annwali aċċessibbli għall-Parlamenti nazzjonali u l-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-Membri tal-FME u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri mhux iktar minn 30 jum wara li jkun wasal mingħand il-Bord tal-Awdituri. Fl-istess ħin, għandu jibgħat ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

6. Il-Bord tal-Awdituri jista’ jiddeċiedi li jħejji rapporti addizzjonali fuq talba tal-Bord tal-Gvernaturi jew id-Direttur Maniġerjali.

7. Il-membri tal-Bord tal-Awdituri u l-esperti maħtura minnu għandhom iżommu kunfidenzjalità stretta u ma għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni li mhix pubblika li kisbu fil-qadi ta’ dmirijiethom, inkluż wara tmiem il-mandat jew il-ħatra tagħhom.

PARTI VIII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 36

Sede

1. Il-FME għandu jkollu s-sede u l-uffiċċju prinċipali tiegħu fil-Lussemburgu.

2. Il-FME jista’ jwaqqaf uffiċċji ta’ kollegament soġġett għal deċiżjoni mill-Bord tad-Diretturi bis-saħħa tal-Artikolu 6(5) ta’ dan l-Istatut.

Artikolu 37

Ftehim dwar is-sede

L-arranġamenti rigward l-akkomodazzjoni u l-faċilitajiet li se jiġu pprovduti għall-FME mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandhom ikunu stipulati fi ftehim dwar is-sede bejn il-FME u l-Lussemburgu. Sakemm jidħol fis-seħħ il-ftehim dwar is-sede, il-ftehim dwar il-kwartieri ġenerali bejn il-MES u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu tat-8 ta’ Ottubru 2012 għandu jibqa’ applikabbli għall-FME.

Artikolu 38

Privileġġi u immunitajiet

1. Il-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u t-TFUE, għandu japplika għall-FME u l-persunal tiegħu.

2. Il-FME għandu jkun eżenti minn kull rekwiżit li jkun awtorizzat jew liċenzjat bħala istituzzjoni ta' kreditu, fornitur ta’ servizzi ta’ investiment jew entità liċenzjata awtorizzata jew regolata skont id-dritt tal-Unjoni u l-liġijiet tal-Istati Membri tagħha.

Artikolu 39

Persunal tal-FME

1. Ir-Regolamenti tal-Persunal, il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea u r-regoli tal-applikazzjoni adottati konġuntament mill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jagħtu effett lir-Regolamenti tal-Persunal u lill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea għandhom japplikaw għall-persunal tal-FME skont l-Artikolu 1a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, bl-eċċezzjoni tal-persunal li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, ikunu impjegati b'kuntratt konkluż mal-MES. Tali kuntratti, inklużi dawk ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, għandhom ikomplu jkunu rregolati mill-arranġament kuntrattwali applikabbli fid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

F’konformità mal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra, l-awtorità intitolata li tikkonkludi kuntratti msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu għandha toffri impjieg ta’ żmien indefinit bħala membru tal-persunal temporanju jew kuntrattwali lil kwalunkwe persuna li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, tkun impjegata taħt kuntratt ta’ durata indefinita konkluż mill-MES. L-offerta ta' impjieg għandha tkun ibbażata fuq il-kompiti li għandhom jitwettqu mill-impjegat bħala membru tal-persunal temporanju jew kuntrattwali.

Il-kuntratti ta’ żmien definit konklużi mill-MES għandhom jiskadu fid-data stipulata u ma għandhomx jiġu mġedda skont l-arranġamenti kuntrattwali applikabbli fil-waqt li jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

2. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, id-Direttur Maniġerjali għandu jkun fuq l-istess livell tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ emolumenti u l-età tal-pensjoni, kif definit fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 300/2016 3 . Il-membri tal-bord maniġerjali għandhom ikunu fl-istess livell ta’ Membru ta’ Tribunal Speċjalizzat, kif definit fir-Regolament (UE) Nru 300/2016. Għal aspetti li mhumiex koperti mir-Regolament (UE) Nru 300/2016, għandhom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg.

3. Il-persunal tal-FME għandu jkunu jikkonsisti minn uffiċjali, persunal temporanju u persunal kuntrattwali. Il-Bord Maniġerjali għandu jkun infurmat kull sena dwar kuntratti ta’ żmien indefinit li jingħataw mid-Direttur Maniġerjali.

4. Il-Bord tad-Diretturi għandu jadotta l-miżuri ta' implimentazzjoni neċessarji skont f'konformità mal-arranġamenti previsti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

5. Fir-rigward tal-persunal tal-FME, id-Direttur Maniġerjali għandu jeżerċita s-setgħat mogħtija lill-awtorità tal-ħatra mir-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-awtorità intitolata li tikkonkludi kuntratti mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra.

Artikolu 40

Segretezza professjonali u skambju tal-informazzjoni.

1. Il-Membri u l-eks Membri tal-Bord tal-Gvernaturi jew tal-Bord tad-Diretturi u kwalunkwe persuni oħrajn li jaħdmu jew li kienu jaħdmu għal jew b’rabta mal-FME ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni li hija soġġetta għas-segretezza professjonali bis-saħħa tal-Artikolu 339 TFUE u għad-dispożizzjonijiet applikabbli fid-dritt tal-Unjoni, saħansitra wara li jintemmu d-dmirijiet tagħhom. B’mod partikolari, huma għandhom ikunu meħtieġa ma jiżvelawx informazzjoni akkwistata tul l-attivitajiet professjonali tagħhom tat-tip koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali lill-ebda persuna jew awtorità, sakemm ma jkunx fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament.

2. Il-Bord tad-Diretturi għandu jadotta kodiċi ta' kondotta li għandu jorbot lid-Direttur Maniġerjali u d-diretturi kollha, diretturi li jalternaw u membri tal-persunal tal-FME, u għandu jistipula l-obbligi tagħhom fir-rigward ta’ oqsma bħall-kunfidenzjalità, dikjarazzjonijiet pubbliċi u l-kuntatti mal-media, investimenti personali, u l-iżvelar ta’ interessi finanzjarji u tan-negozju.

3. Il-Bord tad-Diretturi għandu jadotta l-miżuri meħtieġa rigward it-trattar, l-ipproċessar, l-iżvelar u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali.

4. Id-Direttur għandu jiżgura li qabel kwalunkwe informazzjoni tiġi żvelata, din ma jkun fiha l-ebda informazzjoni kunfidenzjali, b’mod partikolari billi jivvaluta l-effetti li dan l-iżvelar jista’ jkollu fuq l-interess pubbliku fir-rigward tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro, ta’ Membru tal-FME jew ta’ Stat Membru parteċipanti fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, fuq il-politika internazzjonali, finanzjarja jew monetarja, jew il-politika u r-relazzjonijiet ekonomiċi, fuq l-interessi kummerċjali ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, fuq proċeduri tal-qorti, fuq l-iskop tal-ispezzjonijiet, fuq l-ispezzjonijiet u fuq l-awditi. Il-proċedura biex jiġu ċċekkjati l-effetti tal-iżvelar tal-informazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni speċifika tal-effetti ta’ kwalunkwe żvelar tal-kontenut u dettalji ta’ kwalunkwe dokument rigward il-provvediment ta’ għajnuna għall-istabbiltà finanzjarja msemmi fl-Artikolu 16 ta’ dan l-Istatut jew il-provvediment ta’ linji ta’ kreditu jew l-istabbiliment ta’ garanziji f’appoġġ tal-SRB imsemmija fl-Artikoli minn 22 sa 24 ta’ dan l-Istatut.

5. Soġġett għal salvagwardji xierqa biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità stabbiliti bis-saħħa tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Bord tad-Diretturi ma għandux jipprevjeni lill-FME, lill-Membri tiegħu, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-BĊE, inklużi l-impjegati u l-esperti rispettivi tagħhom, milli jaqsmu xi informazzjoni, inkluża informazzjoni kunfidenzjali, ma’ xulxin u ma’ banek ċentrali, ma’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, ma’ skemi ta’ garanzija tad-depożitu, ma’ skemi ta' kumpens għall-investituri, mal-SRB, ma’ awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, ma’ awtoritajiet responsabbli għal proċedimenti ta' insolvenza normali, u ma’ Stati Membri parteċipanti fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom li jwettqu funzjonijiet ekwivalenti għal dawk imsemmija f'dan il-paragrafu, għat-twettiq tal-kompiti tal-FME. id-Direttur Maniġerjali għandu jissottometti l-qsim ta’ informazzjoni għall-miżuri neċessarji previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

8. Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzjoni għar-rekwiżiti tar-responsabbiltà tal-FME mal-Parlament Ewropew f’konformità mal-Artikolu 5 u mal-parlamenti nazzjonali tal-Membri tal-FME f'konformità mal-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-Regolament.

9. Ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-osservaturi bis-saħħa tal-Artikolu 5(3), (4), u (5) jew parteċipanti li jattendu l-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi bis-saħħa tal-Artikolu 22.

Artikolu 41

Kooperazzjoni

1. Il-FME jista’ jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni f’konformità mal-għanijiet rispettivi tagħhom, u mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi li jagħtu assistenza finanzjarja lil Membru tal-FME fuq bażi ad hoc, u organizzazzjonijiet internazzjonali jew entitajiet li jkollhom responsabbiltajiet speċjalizzati f’oqsma relatati.

2. Għall-finijiet stipulati fil-paragrafu 1, il-FME jista’ jikkonkludi arranġamenti ta’ ħidma, b’mod partikolari mal-Kummissjoni u mal-Bank Ċentrali Ewropew. Dawn l-arranġamenti ta’ ħidma għandhom ikunu ta’ natura teknika u/jew operazzjonali u għandhom b’mod partikolari jkollhom il-mira li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni bejn il-partijiet tagħhom f’konformità mal-Artikolu 40(5) ta’ dan l-Istatut. Dawn l-arranġamenti ta’ ħidma ma għandhomx ikollhom effetti legalment vinkolanti.

PARTI IX

ARRANĠAMENTI TRANŻIZZJONALI

Artikolu 42

Ġestjoni tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja

Il-FME jista’ jimmaniġja l-EFSF fuq il-bażi ta’ ftehim ta’ ġestjoni mal-EFSF inklużi t-termini ta’ remunerazzjoni. Meta l-MES jikkonkludi kwalunkwe ftehim bl-istess effett, għandu japplika l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament għal tali ftehim.

Artikolu 43

Ħlas tal-kapital inizjali għal membri ġodda tal-FME

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(4) u l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Membri ġodda tal-FME mogħtija minn dan ir-Regolament, inklużi d-drittijiet tal-vot, għandhom ikunu kondizzjonali fuq is-sottoskrizzjoni tal-kontribuzzjoni inizjali tiegħu lill-istokk kapitali awtorizzat.

2. Meta jissottoskrivi l-kontribuzzjoni inizjali tiegħu, il-ħlas ta’ ishma mħallsa tal-Membru tal-FME għandu jsir f’ħames pagamenti akkont annwali indaqs ta’ 20 % tal-ammont totali. L-erba’ ħlasijiet li jifdal għandhom jitħallsu rispettivament fl-ewwel, it-tieni, ir-raba’, u l-ħames anniversarju tad-data tal-ħlas tal-ewwel ħlas parzjali.

 

3. Tul il-perjodu ta’ ħames snin ta’ ħlasijiet parzjali tal-kapital, il-Membri ġodda tal-FME għandhom jaċċelleraw il-pagament ta’ ishma mħallsin fil-ħin qabel id-data tal-ħruġ sabiex jinżamm proporzjon minimu ta’ 15 % bejn il-kapital imħallas u l-ammont pendenti ta’ ħruġ tal-FME u tiġi garantita kapaċità ta' self tal-FME ta’ EUR 500 000 miljun.

4. Membru tal-FME ġdid jista’ jiddeċiedi li jaċċellera l-ħlas tas-sehem tiegħu ta’ kapital imħallas.

Artikolu 44

Korrezzjoni temporanja tal-kjavi tal-kontribuzzjoni

1. Il-korrezzjoni temporanja inkluża fil-kjavi tal-kontribuzzjoni inizjali għandha tapplika għal perjodu ta’ 12-il sena wara d-data tal-adozzjoni tal-euro mill-membru tal-FME kkonċernat.

 

2. Jekk il-prodott domestiku gross per capita (PDG) ta’ Membru tal-FME fi prezzijiet tas-suq fl-euro fis-sena immedjatament qabel id-dħul tiegħu fil-FME ikun inqas minn 75 % tal-PDG per capita medju tal-Unjoni fi prezzijiet tas-suq, allura l-kjavi tal-kontribuzzjoni tiegħu għas-sottoskrizzjoni għall-istokk kapitali awtorizzat tal-FME, determinat f’konformità mal-Artikolu 8, għandu jibbenefika minn korrezzjoni temporanja u jkun daqs is-somma ta’:

(a) 25 % tas-sehem ta’ perċentwal fil-kapital tal-BĊE tal-bank ċentrali nazzjonali ta’ dak il-Membru tal-FME, determinat f’konformità mal-Artikolu 29 tal-Istatut tas-SEBĊ; u

(b) 75 % tas-sehem perċentwal ta’ dak il-Membru tal-FME fl-introjtu nazzjonali gross fi prezzijiet tas-suq f'euro fiż-żona tal-euro fis-sena immedjatament preċedenti d-dħul tiegħu fil-FME.

Il-perċentwali msemmija fil-punti (a) u (b) għandhom jitqarrbu ’l isfel jew ’il fuq għall-eqreb multiplu ta 0,0001 punt perċentwali. It-termini statistiċi għandhom ikunu dawk ippubblikati mill-Eurostat.

3. Il-korrezzjoni temporanja msemmija fil-paragrafu 2 għandha tapplika għal perjodu ta’ 12-il sena wara d-data tal-adozzjoni tal-euro mill-membru tal-FME kkonċernat.

4. B’riżultat tal-korrezzjoni temporanja tal-kjavi, il-proporzjon relevanti ta’ ishma allokati lil Membru tal-FME f'konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi riallokat fost il-Membri tal-FME li ma jibbenefikawx minn korrezzjoni temporanja fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni azzjonarja tagħhom fil-BĊE, determinata f’konformità mal-Artikolu 29 tal-Istatut tas-SEBĊ, li tkun preżenti immedjatament qabel ma jinħarġu l-ishma għall-Membru tal-FME l-ġdid.

PARTI X

DISPOŻIZZJONIJIET OĦRAJN

Artikolu 45

Miżuri kontra l-frodi

1. Għall-finijiet li jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni, u kull attività illegali oħra msemmija fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 , fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-FME għandu jaċċedi għall-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (“OLAF”) u għandu immedjatament jadotta dispożizzjonijiet xierqa applikabbli għall-persunal kollu tal-FME bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness ta’ dak il-Ftehim Interistituzzjonali.

2. Il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha s-setgħa li tawditja lill-benefiċjarji, lill-kuntratturi u lis-sottokuntratturi li jkunu rċevew fondi mill-FME fuq il-bażi ta’ dokumenti u verifiki fil-post.

3. L-OLAF jista’ jagħmel investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fil-post bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea b’rabta ma’ kuntratt iffinanzjat mill-FME f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 5 u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

Artikolu 46

Aċċess għad-dokumenti

1. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 għandu japplika għal dokumenti miżmuma mill-FME.

2. Il-FME għandu, fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jadotta miżuri interni għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

3. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-FME f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta’ lment mal-Ombudsman Ewropew jew ta’ proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 228 u 263 TFUE rispettivament.

4. Persuni li huma soġġetti għad-deċiżjonijiet tal-FME għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-FME, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali jew dokumenti ta’ tħejjija interni tal-FME.

Artikolu 47

Rekwiżiti tal-lingwa

1. Sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor f'dan ir-Regolament, għandu japplika r-Regolament tal-Kunsill 1/1958 7 għall-FME.

2. Il-lingwa jew lingwi ta’ ħidma għall-FME, inkluża għat-tmexxija tal-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi, il-Bord tad-Diretturi, il-Bord Maniġerjali, u l-Bord tal-Awdituri, għandu jiġi determinat mill-Bord tal-Gvernaturi f’konformità mal-Artikolu 5(8) ta’ dan l-Istatut.

3. Il-FME jista’ jiddeċiedi liem lingwa uffiċjali għandu juża meta jibgħat dokumenti lill-istituzzjonijiet, aġenziji jew organi tal-Unjoni.

4. Il-verżjoni awtentika ta’ kull rekord tal-MES għandha tkun il-verżjoni bl-Ingliż, sakemm:

(a) il-Bord tad-Diretturi ma jiddeċidix mod ieħor fir-rigward ta’ tranżazzjoni partikolari;

(b) id-Direttur Maniġerjali, fuq talba u bi spiża għal Membru tal-FME, jivvalida bħala awtentika t-traduzzjoni ta’ deċiżjoni partikolari meħuda mill-Bord tal-Gvernaturi jew mill-Bord tad-Diretturi fil-lingwa jew lingwi uffiċjali ta’ dak il-Membru tal-FME jekk ikun meħtieġ għat-tlestija tal-proċeduri nazzjonali applikabbli.

TABELLA I


Kjavi tal-kontribuzzjoni inizjali tal-FME

Membru tal-FME

Kjavi tal-FME (%)

Ir-Renju tal-Belġju

3,4534

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

26,9616

Ir-Repubblika tal-Estonja

0,1847

L-Irlanda

1,5814

Ir-Repubblika Ellenika

2,7975

Ir-Renju ta’ Spanja

11,8227

Ir-Repubblika Franċiża

20,2471

Ir-Repubblika Taljana

17,7917

Ir-Repubblika ta' Ċipru

0,1949

Ir-Repubblika tal-Latvja

0,2746

Ir-Repubblika tal-Litwanja

0,4063

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

0,2487

Malta

0,0726

Ir-Renju tan-Netherlands

5,6781

Ir-Repubblika tal-Awstrija

2,7644

Ir-Repubblika Portugiża

2,4921

Ir-Repubblika tas-Slovenja

0,4247

Ir-Repubblika Slovakka

0,8184

Ir-Repubblika tal-Finlandja

1,7852

Total

100,0

Il-figuri ta’ hawn fuq ġew imqarrba għal erba’ deċimali.

TABELLA II

Sottoskrizzjoni għall-istokk kapitali awtorizzat inizjali

Membru tal-FME

Għadd ta’ ishma

Sottoskrizzjoni għall-kapital

(EUR)

Ir-Renju tal-Belġju

243 397

24 339 700 000

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

1 900 248

190 024 800 000

Ir-Repubblika tal-Estonja

13 020

1 302 000 000

L-Irlanda

111 454

11 145 400 000

Ir-Repubblika Ellenika

197 169

19 716 900 000

Ir-Renju ta’ Spanja

833 259

83 325 900 000

Ir-Repubblika Franċiża

1 427 013

142 701 300 000

Ir-Repubblika Taljana

1 253 959

125 395 900 000

Ir-Repubblika ta' Ċipru

13 734

1 373 400 000

Ir-Repubblika tal-Latvja

19 353

1 935 300 000

Ir-Repubblika tal-Litwanja

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

28 634

17 528

2 863 400 000

1 752 800 000

Malta

5 117

511 700 000

Ir-Renju tan-Netherlands

400 190

40 019 000 000

Ir-Repubblika tal-Awstrija

194 838

19 483 800 000

Ir-Repubblika Portugiża

175 644

17 564 400 000

Ir-Repubblika tas-Slovenja

29 932

2 993 200 000

Ir-Repubblika Slovakka

57 680

5 768 000 000

Ir-Repubblika tal-Finlandja

125 818

12 581 800 000

Total

7 047 987

704 798 700 000

(1)    Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1).
(2)    Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).
(3)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300 tad-29 ta' Frar 2016 li jiddetermina l-emolumenti ta' persuni f'karigi pubbliċi għolja tal-UE (ĠU L 58, 4.3.2016, p. 1).
(4)    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (EURATOM, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
(6)    Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(7)    Ir-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).
Top