IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.12.2017
COM(2017) 783 final
2017/0349(CNS)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tal-obbligu li tiġi rispettata rata standard minima
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
It-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) hija l-aktar taxxa fuq il-konsum li ilha teżisti fl-Ewropa. Fl-1967, sar impenn sabiex tiġi stabbilita sistema definittiva tal-VAT li topera fil-Komunità Ewropea kollha bl-istess mod li kieku topera f’pajjiż wieħed mingħajr ma sar qbil dwar regoli speċifiċi dwar ir-rati tal-VAT għajr għall-applikazzjoni ta’ rata standard tal-VAT, iżda ma ġew imposti l-ebda limiti massimi jew minimi tar-rata.
It-tneħħija tal-fruntieri tat-taxxa bejn l-Istati Membri sa tmiem l-1992 ġabet magħha l-ħtieġa li jerġa’ jiġi kkunsidrat il-mod li bih il-kummerċ fil-merkanzija kien intaxxat fil-Komunità. L-għan kien li l-oġġetti jiġu ntaxxati fil-pajjiż ta’ oriġini, u dan jirrifletti perfettament l-idea ta’ suq intern ġenwin. Peress li l-kundizzjonijiet politiċi u tekniċi ma kinux lesti għal sistema ta’ dan it-tip, ġew adottati arranġamenti tranżitorji tal-VAT.
Is-sistema tranżitorja kienet teħtieġ regoli dwar ir-rati tal-VAT biex jiġu evitati distorsjonijiet fix-xiri u l-kummerċ transfruntiera wara t-tneħħija tal-fruntieri tat-taxxa. F’Ottubru 1992, il-Kunsill laħaq ftehim dwar regoli li jillimitaw id-diskrezzjoni tal-Istati Membri biex jiffissaw ir-rati tal-VAT. L-Istati Membri ntalbu japplikaw rata standard minima tal-VAT ta’ 15 % sal-31 ta’ Diċembru 1996.
Il-minimu ta’ 15 % għar-rata standard tal-VAT ġie estiż sitt darbiet minn dak iż-żmien. Bħalissa, l-Artikolu 97 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Direttiva tal-VAT”) jistipula li mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2017 ir-rata standard ma għandhiex tkun inqas minn 15 %.
Fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT tagħha tal-2016, il-Kummissjoni pproponiet li tissostitwixxi l-arranġamenti tranżitorji attwali għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri b’arranġamenti definittivi bbażati fuq il-prinċipju tat-tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni sabiex tinħoloq żona tal-VAT Ewropea unika b’saħħitha. Sadanittant, mill-2010 il-post tat-tassazzjoni tas-servizzi kien inbidel progressivament għall-pajjiż ta’ destinazzjoni wkoll. Id-deċiżjoni ttieħdet fl-2008, meta l-Kunsill adotta proposta bl-għan li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri li joperaw b’rati tal-VAT differenti.
Fl-4 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni adottat l-ewwel proposta li tintroduċi s-sistema definittiva għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri u fis-segwitu tagħha għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT ddeskriviet il-passi u l-passi sekondarji suċċessivi biex tiġi introdotta din is-sistema. Ħabbret ukoll li se tipproponi riforma tar-rati tal-VAT, li se jkunu konsistenti mal-arranġamenti definittivi bbażati fuq il-prinċipju tad-destinazzjoni li bil-mod il-mod se jissostitwixxu l-arranġamenti tranżitorji attwali.
Għalkemm sistema definittiva tal-VAT ibbażata fuq il-prinċipju tat-tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tista’ tagħti aktar flessibbiltà lill-Istati Membri fl-iffissar tar-rati tal-VAT, jenħtieġ li tinżamm rata standard minima tal-VAT f’sistema tal-VAT bħal din u għalhekk din issir permanenti.
Meta wieħed iqis li l-Istati Membri kollha japplikaw rata standard ta’ mill-inqas 17 %, l-arranġament attwali għal rata standard minma ta’ 15 % għadu xieraq. Dan l-arranġament se jimplimenta b’mod permanenti limitu miftiehem li jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li fl-istess ħin titħalla flessibbiltà lill-Istati Membri biex jiffissaw ir-rata standard tal-VAT.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Jekk dispożizzjoni temporanja eżistenti tinbidel f’waħda permanenti (l-Artikolu 97 tad-Direttiva tal-VAT), il-proposta tkun konsistenti mal-leġiżlazzjoni attwali.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Mhux rilevanti.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Id-Direttiva temenda d-Direttiva tal-VAT. Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan l-Artikolu jipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jadotta d-dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika billi l-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu sew mill-Istati Membri għar-raġunijiet li ġejjin:
L-Unjoni diġà stabbiliet id-dispożizzjonijiet armonizzati dwar l-applikazzjoni tar-rati tal-VAT fid-Direttiva tal-VAT. Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu emendati jew estiżi biss b’att tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma tistax tiddevja mir-regoli armonizzati.
Għalhekk, azzjoni mill-Unjoni biss tista’ tilħaq l-għanijiet tal-proposta u tiżgura t-trattament indaqs taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea. Il-proposta b’hekk hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
•Proporzjonalità
Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, minħabba li żżomm il-qagħda attwali fejn l-Istati Membri japplikaw rata standard minima tal-VAT ta’ 15 %.
•Għażla tal-istrument
Tinħtieġ Direttiva biex id-Direttiva tal-VAT attwali tiġi emendata.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux rilevanti.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Ġiet organizzata konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar ir-rati tal-VAT għal 12-il ġimgħa mill-21 ta’ Diċembru 2016 sal-21 ta’ Marzu 2017 u din irriżultat f’327 kontribut. Aktar minn nofs ir-rispondenti (52 %) qablu li jinżamm il-minimu attwali ta’ 15 % filwaqt li 16 % kienu kontra li jinżamm. 32 % ma esprimewx opinjoni dwar din il-kwistjoni.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt ekonomiku, soċjali, reġjonali jew ambjentali, minħabba li l-Istati Membri kollha jikkonformaw mar-rekwiżit minimu u ma huma meħtieġa l-ebda bidliet fil-liġijiet nazzjonali.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-proposta mhijiex marbuta mar-REFIT u ma tinvolvi l-ebda piż regolatorju.
•Drittijiet fundamentali
Mhux applikabbli.
4.IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT
Din il-proposta ma għandhiex implikazzjoni fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja li l-Istati Membri jirrispettaw il-minimu ta’ 15 % għar-rata standard tal-VAT.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Bħalissa l-Istati Membri kollha jikkonformaw mar-rata minima tal-VAT ta’ 15 %. Ma hemmx bżonn ta’ dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 97 jevita li l-minimu ta’ 15 % għar-rata standard jiskadi fl-1 ta’ Jannar 2018 u jiżgura li l-Istati Membri kollha japplikaw rata standard minima ta’ 15 % fuq bażi permanenti.
2017/0349 (CNS)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tal-obbligu li tiġi rispettata rata standard minima
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1)L-Artikolu 97 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE jipprevedi li mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2017 ir-rata standard ma tistax tkun inqas minn 15 %.
(2)L-applikazzjoni ta’ rata standard tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-sistema komuni tal-VAT u għalhekk għandha tinżamm fis-seħħ.
(3)Huwa xieraq li tinżamm ir-rata standard minima attwali ta’ 15 %, anki f’sistema definittiva tal-VAT bbażata fuq il-prinċipju ta’ tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, u li ssir permanenti.
(4)Għaldaqstant jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Artikolu 97 tad-Direttiva 2006/112/KE jinbidel b’dan li ġej:
“Artikolu 97
Ir-rata standard ma għandhiex tkun inqas minn 15 %.”
Artikolu 2
1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2018. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President