IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.12.2017
COM(2017) 759 final
2017/0342(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar is-soġġezzjoni tas-sustanza psikoattiva l-ġdida N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-yl]ossolan-2-karbossammid (tetraidrofuranilfentanil; THF-F) għal miżuri ta’ kontroll
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1KUNTEST TAL-PROPOSTA
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda tipprovdi għal proċedura ta' tliet passi li tista' twassal biex sustanza psikoattiva ġdida tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni.
Fl-4 ta’ Lulju 2017, ġie ppubblikat rapport konġunt taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA - European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction) u l-Europol, imħejji f'konformità mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI. Fil-15 ta’ Settembru 2017, wara t-talba li saret mill-Kummissjoni u seba’ Stati Membri u skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija hawn fuq, il-Kunsill talab li ssir valutazzjoni tar-riskji kkawżati mill-użu, il-manifattura u t-traffikar tas-sustanza psikoattiva l-ġdida N-phenyl-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-yl]ossolan-2-karbossammid (tetraidrofuranilfentanil THF-F), l-involviment tal-kriminalità organizzata u l-konsegwenzi possibbli tal-miżuri ta’ kontroll introdotti dwar din is-sustanza.
Ir-riskji tat-tetraidrofuranilfentanil ġew ivvalutati mill-Kumitat Xjentifiku tal-EMCDDA, li jaġixxi f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill. Ir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju ġie ppreżentat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fl-14 ta’ Novembru 2017. Ir-riżultati ewlenin tal-valutazzjoni tar-riskju huma dawn li ġejjin:
·It-tetraidrofuranilfentanil hija oppjojde sintetika u hija strutturalment relatata mal-fentanil, sustanza kkontrollata f’livell internazzjonali. Hija d-derivat saturat tal-furanilfentanil.
·It-tetraidrofuranilfentanil ilha disponibbli fl-Unjoni Ewropea mill-inqas minn Settembru 2016 u ġiet ikkonfiskata fi Stat Membru wieħed. 14-il mewta ġew irrapportati minn Stat Membru wieħed fejn ġiet ikkonfermat l-esponiment għat-tetraidrofuranilfentanil. F’mill-inqas 12-il mewta, it-tetraidrofuranilfentanil kienet il-kawża tal-mewt jew x’aktarx li kkontribwixxiet għall-mewt.
Skont l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI, fi żmien sitt ġimgħat mid-data li fiha tirċievi r-rapport tal-valutazzjoni tar-riskju, il-Kummissjoni tippreżenta lill-Kunsill inizjattiva biex is-sustanzi psikoattivi l-ġodda jiġu soġġetti għal miżuri ta’ kontroll madwar l-Unjoni kollha, jew rapport li jispjega l-opinjonijiet tagħha dwar għaliex inizjattiva bħal din ma titqiesx meħtieġa. Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' April 2015 fil-Kawżi Konġunti C-317/13 u C-679/13 il-Parlament Ewropew għandu jiġi kkonsultat qabel ma att ibbażat fuq l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI jiġi adottat.
Abbażi tas-sejbiet tar-rapport tal-valutazzjoni tar-riskju, il-Kummissjoni tqis li hemm raġunijiet biex is-sustanza tiġi soġġetta għal miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni kollha. Skont ir-rapport tal-valutazzjoni tar-riskju, it-tossiċità akuta tat-tetraidrofuranilfentanil hija tali li tista' tikkawża ħsara kbira għas-saħħa tal-individwi.
2
OBJETTIV TAL-PROPOSTA
L-objettiv ta' din il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill huwa li l-Istati Membri jintalbu jissottomettu t-tetraidrofuranilfentanil għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali, kif stipulat mil-leġiżlazzjoni tagħhom bis-saħħa tal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar Drogi Narkotiċi kif emendata mill-Protokoll tal-1972.
2017/0342 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar is-soġġezzjoni tas-sustanza psikoattiva l-ġdida N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-yl]ossolan-2-karbossammid (tetraidrofuranilfentanil; THF-F) għal miżuri ta’ kontroll
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda, u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1)Tfassal rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju dwar is-sustanza psikoattiva l-ġdida N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-yl]ossolan-2-karbossammid (tetraidrofuranilfentanil; THF‑F) b'mod konformi mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI minn sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), li sussegwentement intbagħat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fl-14 ta’ Novembru 2017.
(2)It-tetraidrofuranilfentanil hija oppjojde sintetika u hija strutturalment marbuta mal-fentanil, sustanza kkontrollata użata ħafna fil-mediċina bħala adittiv fl-anestesija ġenerali waqt il-kirurġija u għall-immaniġġjar tal-uġigħ. Hija d-derivat saturat tal-furanilfentanil.
(3)It-tetraidrofuranilfentanil hija disponibbli fl-Unjoni mill-inqas minn Settembru 2016 u ġiet konfiskata fi Stat Membru wieħed li rraporta 53 qabda matul l-2016 u l-ewwel nofs tal-2017. Is-sejbiet inġenerali x’aktarx li mhumiex rapportati biżżejjed billi s-sustanza ma tiġix skrinjata permezz ta’ rutina. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, is-sustanza ġiet ikkonfiskata bħala likwidu, iżda din inqabdet ukoll fuq livell aktar limitat, f’forma ta’ trab. Il-kwantitajiet misjubin huma relattivament żgħar. Madankollu, dawn għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-potenza għolja li hija tipika għall-fentanils.
(4)14-il mewta ġew irrapportati minn Stat Membru wieħed fejn l-esponiment għat-tetraidrofuranilfentanil kien ikkonfermat. F’ħafna mill-każijiet, instabu wkoll drogi oħra flimkien mat-tetraidrofuranilfentanil. F’mill-inqas tnax-il mewta t-tetraidrofuranilfentanil kienet il-kawża tal-mewt jew x’aktarx li kkontribwixxiet għall-mewt. Barra minn hekk, ġie rrappurtat każ uniku ta’ intossikazzjoni akuta mhux fatali assoċjat mat-tetraidrofuranilfentanil mill-istess Stat Membru. Huwa probabbli li n-nalasson iservi bħala rimedju kontra l-ivvelenar ikkawżat mit-tetraidrofuranilfentanil. Kemm l-intossikazzjoni mhux fatali kif ukoll l-imwiet x’aktarx ma jinstabux biżżejjed u huma sottorappurtati peress li ma jiġux skrinjati permezz ta’ rutina. L-esponiment aċċidentali għat-tetraidrofuranilfentanil jista’ joħloq riskju għall-infurzar tal-liġi, lill-persunal ta’ emerġenza, lill-persunal mediku u tal-laboratorji forensiċi, kif ukoll lil dawk f’ambjent ta’ kustodja u tas-servizzi postali.
(5)Ma hemm l-ebda informazzjoni li tissuġġerixxi l-involviment tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, id-distribuzzjoni (it-traffikar) u l-forniment tat-tetraidrofuranilfentanil fl-Unjoni. Id-dejta disponibbli tissuġġerixxi li t-tetraidrofuranilfentanil hija prodotta minn kumpaniji kimiċi fiċ-Ċina, imma l-kapaċità għall-manifattura tal-fentanils tista’ teżisti wkoll fl-Unjoni.
(6)It-tetraidrofuranilfentanil tinbiegħ online (fuq is-surface web) f’ammonti żgħar u permezz ta’ bejgħ bl-ingrossa, bl-iskuża ta’ “kimika għar-riċerka” jew bħala sostitut “legali” għal oppjojdi illeċiti, tipikament bħala likwidu (eż. bħala sprej għall-imnieħer lest għall-użu) jew bħala trab. L-informazzjoni minn qbid tissuġġerixxi li t-tetraidrofuranilfentanil jaf kienet mibjugħa fis-suq tal-oppjojdi illeċiti. It-tetraidrofuranilfentanil xi drabi tinbiegħ bħala eroina jew imħallta mal-eroina jew tintuża fil-falsifikazzjoni ta’ analġeżiċi u benzodiażepini mfittxa ħafna. Minħabba dan, l-utenti jistgħu ma jkunux konxji li huma qegħdin jużaw fentanil.
(7)It-tetraidrofuranilfentanil ma għandha l-ebda użu mediku veterinarju jew għall-bniedem fl-Unjoni, u lanqas apparentement barra l-Unjoni. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li t-tetraidrofuranilfentanil tista’ tintuża għal xi skop ieħor minbarra bħala standard analitiku ta’ referenza u fir-riċerka xjentifika.
(8)Ir-rapport tal-valutazzjoni tar-riskju juri li bosta mill-mistoqsijiet marbuta mat-tetraidrofuranilfentanil li jinqalgħu, konsegwenza tan-nuqqas ta’ dejta dwar ir-riskji għas-saħħa individwali, ir-riskji għas-saħħa pubblika, u r-riskji soċjali, jistgħu jitwieġbu permezz ta’ iktar riċerka. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji tas-saħħa u dawk soċjali li toħloq din is-sustanza, anki minħabba s-similaritajiet tagħha mal-fentanil u l-furanilfentanil, jipprovdu biżżejjed bażi biex il-furanilfentanil tiġi soġġetta għal miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni kollha.
(9)It-tetraidrofuranilfentanil mhijiex elenkata għall-kontroll skont il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar Drogi Narkotiċi jew skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. Is-sustanza bħalissa qed tiġi vvalutata mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti u ġiet rieżaminata waqt it-39 laqgħa tal-Kumitat tal-Esperti tal-WHO dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (ECDD) li saret mis-6 sal-10 ta’ Novembru 2017 f’Ġinevra. Dan ma jipprekludix li l-Unjoni tieħu deċiżjoni biex tissoġġetta s-sustanza għal miżuri ta’ kontroll.
(10)Billi ħames Stati Membri jikkontrollaw iIt-tetraidrofuranilfentanil fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-kontroll tad-drogi u ħames Stati Membri jikkontrollaw it-tetraidrofuranilfentanil taħt leġiżlazzjoni oħra, is-sottopożizzjoni ta’ din is-sustanza għal miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni kollha tista' tgħin biex tiġi evitata l-emerġenza ta’ ostakli fl-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntieri, u tkun tjgħin fil-protezzjoni mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħha jistgħu joħolqu.
(11)Id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI tikkonferixxi s-setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kunsill bil-ħsieb li jkun hemm reazzjoni rapida u bbażata fuq kompetenza esperta fil-livell tal-Unjoni fil-każ li jfiġġu sustanzi psikoattivi ġodda individwati u rrappurtati mill-Istati Membri, billi dawn is-sustanzi jkunu soġġetti għal miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni kollha. Billi l-kondizzjonijiet u l-proċedura biex jiġi attivat l-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni ġew issodisfati, jenħtieġ li tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni sabiex it-tetraidrofuranilfentanil tkun soġġetta għal miżuri ta’ kontroll madwar l-Unjoni kollha.
(12)Id-Danimarka hija marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikkazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
(13)L-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
(14)Ir-Renju Unit mhuwiex marbut bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-sustanza psikoattiva l-ġdida N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-yl]ossolan-2-karbossammid (tetraidrofuranilfentanil; THF-F) għandha tiġi soġġetta għal miżuri ta’ kontroll madwar l-Unjoni kollha.
Artikolu 2
Sa mhux aktar tard minn [ sena mid-data li fiha tiġi ppubblikata din id-Deċiżjoni] l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, biex is-sustanza psikoattiva l-ġdida msemmija fl-Artikolu 1 tkun soġġetta għal miżuri ta’ kontroll u pieni kriminali, kif previst fil-leġiżlazzjoni tagħhom, b'mod konformi mal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar Drogi Narkotiċi kif emendata permezz tal-Protokoll tal-1972.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika b'konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President