IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.10.2017
COM(2017) 633 final
2015/0289(COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008
2015/0289 (COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008
1.Sfond
|
Id-data ta’ meta l-proposta ntbagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(id-dokument COM(2015) 636 final – 2015/0289 COD):
|
L-10 ta’ Diċembru 2015
|
|
Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:
|
Il-25 ta’ Mejju 2016
|
|
Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew wara l-ewwel qari:
|
It-2 ta’ Frar 2017
|
|
Id-data ta’ meta ntbagħtet il-proposta emendata:
|
L-14 ta’ Lulju 2017
|
|
Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:
|
Is-17 ta’ Ottubru 2017
|
2.L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni
Bħala parti integrali tar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), fil-Komunikazzjoni tagħha dwar id-Dimensjoni Esterna tal-PKS tal-2011 il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tar-Regolament dwar l-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd (FAR). Il-proposta għal Regolament dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni se ssaħħaħ is-superviżjoni tal-flotta tas-sajd esterna tal-UE kull fejn topera.
Din il-proposta għandha l-għan li tirrevedi r-regoli attwali tar-Regolament dwar l-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd, sabiex tittejjeb il-governanza tal-oċeani, sabiex jiġu indirizzati l-objettivi tal-PKS il-ġdida, u sabiex ikun hemm konsistenza mar-Regolament dwar il-Kontroll u mar-Regolament dwar is-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat (IUU). Il-proposta għandha wkoll l-għan li tikseb kundizzjonijiet ekwi bejn il-flotot differenti, b’mod li l-flotta tas-sajd tal-UE li tistad barra l-ilmijiet tal-UE tkun soġġetta għall-istess regoli li huma soġġetti għalihom bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jistadu fl-ilmijiet tal-UE.
Jeżistu regoli ġodda li jirregolaw l-awtorizzazzjonijiet diretti (magħrufa wkoll bħala “ftehimiet privati”) li għandhom l-għan li jiskoraġġixxu l-bdil abbużiv tal-bandiera tal-bastiment, li jirregolaw il-kiri ta’ bastimenti tal-Unjoni u li jipprevedu l-ħolqien ta’ bażi ta’ dejta għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd, li tinkludi parti sigura u parti pubblika.
Il-proposta hija bbażata fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-istat tal-bandiera u tistabbilixxi dispożizzjonijiet li permezz tagħhom l-Istati Membri tal-bandiera jwettqu kontrolli fuq bastimenti abbażi ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti qabel dawn il-bastimenti jingħataw l-awtorizzazzjoni biex jistadu barra l-ilmijiet tal-UE. Dispożizzjonijiet sodi dwar il-monitoraġġ tal-flotot se jippermettu li bastimenti tal-UE ma jibqgħux jiġu awtorizzati jistadu jekk ma jikkonformawx mar-regoli.
3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
3.1
Kummenti ġenerali dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim politiku li ntlaħaq mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-20 ta’ Ġunju 2017. Il-Kummissjoni tappoġġa dan il-ftehim.
3.2
Emendi li għamel il-Parlament Ewropew wara l-ewwel qari
Il-Parlament Ewropew qabel dwar elementi ġodda li ġejjin minn kompromessi li ntlaħqu mal-Kunsill matul it-trilogi, iżda l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew wara l-ewwel qari dejjem inżammet u hija riflessa fil-ftehim politiku finali.
3.3
Dispożizzjonijiet li ddaħħlu abbażi tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill f’dan ir-rigward
Il-pożizzjoni tal-Kunsill ma ssegwix il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta, id-definizzjonijiet użati, u l-proċeduri għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd. Il-pożizzjoni tal-Kunsill kompliet issaħħaħ id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ugwali, biex jiġi żgurat li bastimenti tal-UE li joperaw kemm ġewwa kif ukoll barra l-ilmijiet tal-UE jiġu trattati b’mod ugwali u li bastimenti ta’ pajjiżi terzi f’ilmijiet tal-UE josservaw l-istess kondizzjonijiet li josservaw il-bastimenti tal-UE. Għalhekk, ġie żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi effettivi għal kulħadd.
Il-Kummissjoni tqis li dawn il-bidliet jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-konsistenza tal-proposta, filwaqt li jissimplifikaw il-proċeduri previsti, inaqqsu l-piż amministrattiv u jirreferu kemm jista’ jkun għar-regoli eżistenti fil-qafas tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd u għall-Ftehimiet Internazzjonali dwar is-Sajd, inklużi l-Ftehimiet tat-Tramuntana u Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli.
Għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni ġiet emendata biex tipprevedi l-miżuri li ġejjin li huma riflessi fil-ftehim politiku:
L-inklużjoni ta’ Taqsima 2 ġdida dwar “attivitajiet tas-sajd skont ftehimiet dwar skambju jew ġestjoni konġunta”. Din it-taqsima ġiet inkluża sabiex jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta u biex jiġi żgurat li l-bastimenti kolha tas-sajd ta’ pajjiżi terzi li jistadu fl-ilmijiet tal-UE huma koperti b’dan ir-Regolament.
L-Artikolu 5(1)(d) dwar il-Kriteriji ta’ eliġibbiltà: “In-nuqqas ta’ ksur serju fl-aħħar 12-il xahar qabel l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd”. Dan il-kriterju ta’ eliġibbiltà ġie propost bħala prekundizzjoni għall-ksib ta’ aċċess għal awtorizzazzjoni tas-sajd għal bastimenti minn pajjiżi terzi li beħsiebhom jistadu barra mill-ilmijiet tal-UE. Madankollu, il-Kunsill kien tal-fehma li dan il-kriterju ta’ eliġibbiltà jikkostitwixxi sistema ta’ sanzjonament doppju, u għaldaqstant wera oppożizzjoni qawwija ħafna kontrih. Madankollu, il-Parlament Ewropew appoġġah. Bħala parti minn kompromess ġenerali, il-Kummissjoni taċċetta li tneħħi dan il-kriterju ta’ eliġibbiltà mit-test, bil-kundizzjoni li jsir qbil dwar bażi ġuridika li tippermetti lill-Kummissjoni tintervjeni sabiex twaqqaf bastiment milli jistad skont l-Artikolu 7.
L-Artikolu 7(6) dwar il-“Is-sorveljanza tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd”: Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kummissjoni tintervjeni, bħala l-aħħar rimedju, sabiex twaqqaf bastiment milli jistad meta l-Istat Membru tal-bandiera ma jiħux azzjoni (il-klawżola ta’ “rkupru”). Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni mhijiex aċċettabbli għall-Kunsill minħabba li hi meqjusa bħala inferenza b’rabta mal-kompetenzi tal-Istati Membri tal-bandiera. Il-Parlament Ewropew jappoġġa bażi ġuridika soda biex il-Kummissjoni tkun tista’ tintervjeni sabiex twaqqaf bastiment milli jistad meta dak il-bastiment ma josservax ir-regoli.
Bħala parti minn kompromess ġenerali, il-Kummissjoni aċċettat li l-intervent mill-Kummissjoni biex bastiment jitwaqqaf milli jistad ikun limitat għal żoni fejn hemm fis-seħħ ftehim internazzjonali dwar is-sajd li jorbot lill-Unjoni fir-rigward ta’ Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd, jew ftehim internazzjonali dwar is-sajd li jorbot lil pajjiżi terzi skont Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli.
L-Artikolu 6(2) dwar Operazzjonijiet ta’ għoti ta’ bandiera ġdida: Il-bastimenti tal-UE ma għandhomx jistadu f’ilmijiet ta’ pajjiż terz li ma jikkooperax skont l-Artikoli 31 u 33 tar-Regolament IUU. L-Artikolu 31 jikkonċerna “l-identifikazzjoni” mill-Kummissjoni, filwaqt li l-Artikolu 33 jikkonċerna “l-istabbiliment ta’ lista” mill-Kunsill. Il-Kunsill huwa tal-fehma li huwa kompitu tal-Kunsill (permezz tad-Deċiżjoni tiegħu) li jniżżel pajjiż fil-lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx, u għalhekk l-identifikazzjoni mill-Kummissjoni ma għandu jkollha ebda effett fil-kuntest ta’ din il-proposta.
Bħala parti minn kompromess ġenerali, il-Kummissjoni aċċettat li bastiment jingħata perjodu ta’ avviż ta’ sitt ġimgħat biex jitlaq mill-ilmijiet ta’ pajjiż terz, ladarba l-pajjiż terz jiġi identifikat bħala pajjiż li ma jikkooperax skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU.
L-Artikoli 13 sa 15 dwar “Allokazzjoni mill-ġdid ta’ opportunitajiet tas-sajd mhux użati”: Skont ir-regoli attwali, il-Kummissjoni għandha talloka mill-ġdid l-opportunitajiet tas-sajd mhux użati (l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008) permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-proposta għall-flotot esterni tipprevedi l-għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex twettaq din l-allokazzjoni mill-ġdid. Il-Kunsill jinsisti li l-allokazzjoni mill-ġdid għandha ssir abbażi tal-Artikolu 43(3) tat-TFUE.
Bħala parti minn kompromess ġenerali, il-Kummissjoni taċċetta din il-bażi ġuridika għall-allokazzjoni mill-ġdid ta’ opportunitajiet tas-sajd mhux użati.
L-Artikolu 26a dwar it-“trasbord”: il-Parlament Ewropew esprima li kellu diffikultajiet biex jaċċetta d-definizzjoni tal-Kunsill ta’ “attivitajiet tas-sajd” fl-Artikolu 3(g), u stqarr li fil-fehma tiegħu din mhijiex olistika daqs dik li hemm fil-PKS. Il-Parlament Ewropew huwa prinċipalment interessat fl-inklużjoni ta’ “ħatt l-art” u ta’ “trasbord” fid-definizzjoni, iżda madankollu dan kieku jinvolvi piżijiet amministrattivi sostanzjali għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet għal dawn l-attivitajiet. Bħala kompromess, il-Kunsill aċċetta li jespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 26a għat-trasbord fl-ibħra miftuħa u għall-awtorizzazzjonijiet diretti, bl-inklużjoni ta’ notifika minn qabel lill-Istat Membru tal-bandiera u rappurtar annwali għall-Istati Membri lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni aċċettat dan il-kompromess għaliex għandu jgħin lill-Kummissjoni tikseb informazzjoni dwar it-trasbordi.
L-Artikolu 39(2) informazzjoni pubblika fil-bażi ta’ dejta: Il-proposta tal-Kummissjoni u l-approċċ ġenerali tal-Kunsill qablu li d-dejta dwar l-isem u l-bandiera tal-bastiment, it-tip ta’ awtorizzazzjoni u l-ħin u ż-żona li fihom il-bastmenti huma awtorizzati jistadu tiġi ppubblikata. Il-Parlament Ewropew kien tal-fehma li għandhom jiġu inklużi: (1) in-numru tas-CFR u dak tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, (2) l-isem, il-belt u l-pajjiż ta’ residenza ta’ sid il-kumpanija u tas-sid benefiċjarju tal-kumpanija, u (3) it-tip ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd u tal-opportunitajiet tas-sajd.
La l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma jistgħu jappoġġaw it-talba ta-Parlament Ewropew, u dan minħabba tħassib fir-rigward tad-dritt għall-privatezza, il-protezzjoni tad-dejta u l-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali. Il-koleġiżlaturi laħqu kompromess li permezz tiegħu id-dejta dwar sid il-kumpanija u s-sid benefiċjarju tal-kumpanija tinħażen fil-parti sigura tal-bażi ta’ dejta. Barra minn hekk, se tiġi ppubblikata wkoll id-dejta li ġejja: (1) in-numru tas-CFR u dak tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, (2) it-tip ta’ awtorizzazzjoni, inkluż l-ispeċi jew il-grupp ta’ speċijiet fil-mira, u (3) il-ħin u ż-żona li fihom huma awtorizzati l-attivitajiet tas-sajd. Il-Kummissjoni aċċettat dan il-kompromess għaliex iżid it-trasparenza b’konformità sħiħa mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta.
Il-pożizzjoni wara l-ewwel qari adottata mill-Kunsill fis-17 ta’ Ottubru 2017 issaħħaħ l-elementi ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni u tippreżenta test ibbilanċjat li jqis il-konsiderazzjonijiet prinċipali tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill.
4.Konklużjoni
Is-servizzi legali u l-ġuristi lingwisti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ingħataw il-mandat jagħmlu l-aġġustamenti kollha rilevanti fit-test. Għalhekk id-dokument finali jirrappreżenta l-ftehim politiku li l-koleġiżlaturi laħqu fl-20 ta’ Ġunju 2017.