Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0624

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’isem l-Unjoni Ewropea

COM/2017/0624 final - 2017/0273 (NLE)

Brussell, 26.10.2017

COM(2017) 624 final

2017/0273(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’isem l-Unjoni Ewropea


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 1 u d-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE 2 jipprevedu l-qafas legali biex l-Istati Membri jikkooperaw sabiex tkun evitata l-frodi u sabiex jiġġilduha u sabiex jirkupraw it-talbiet fil-qasam tal-VAT.

Madankollu, mill-esperjenza tal-Istati Membri, dawk li jwettqu l-frodi ta’ spiss jisfruttaw in-nuqqasijiet fil-kontroll tat-tranżazzjonijiet li fihom ikunu involuti kumpaniji li jinsabu f’pajjiżi terzi.

Għalhekk, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi hija essenzjali fil-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tal-VAT. B’mod partikulari, in-Norveġja hija membru taż-Zona Ekonomika Ewropea u għandha sistema tal-VAT li tixbah lil dik li tintuża fl-UE, u għandha tradizzjoni tajba ta’ kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE fil-qasam tal-VAT.

Fl-2009, in-Norveġja kellha rwol ewlieni meta avżat lill-Istati Membri dwar il-frodi tal-VAT li kienu qed jagħmlu ċerti negozjanti neqsin fil-qasam tal-krediti tal-karbonju. Bejn l-2009 u l-2012, l-awtoritajiet tat-taxxa Norveġiżi bagħtu tagħrif lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar tranżazzjonijiet frodulenti li b’kollox kienu jammontaw għal EUR 2,703 miljun. L-uffiċjali Norveġiżi ħadu sehem ukoll f’kontrolli multilaterali fil-qasam tal-enerġija ma’ ċerti Stati Membri u ġew mistiedna jieħdu sehem fl-osservatorju tal-VAT bħala osservaturi (il-qasam ta’ ħidma numru 4 tal-Eurofisc 3 ). In-Norveġja avżat ukoll lil diversi Stati Membri dwar it-tranżazzjonijiet ta’ ċerti negozjanti neqsin li kienu qed jisfruttaw il-Pjattaformi ta’ pagamenti alternattivi tan-Norveġja.

Dan juri l-benefiċċji li jkollhom l-Istati Membri jekk jikkooperaw man-Norveġja. Madankollu, bil-qafas legali attwali, il-kooperazzjoni amministrattiva man-Norveġja ssir biss darba fil, u tista’ ssir biss abbażi ta’ ftehimiet bilaterali bejn in-Norveġja u Stati Membri individwali, jew fil-kuntest tal-Konvenzjoni Nordika, jew inkella f’dawk l-okkazjonijiet rari meta n-Norveġja tiġi mistiedna tieħu sehem fil-laqgħat tal-osservatorju tal-VAT bħala osservatur.

Il-Ftehim bilaterali bejn l-UE u n-Norveġja se jipprevedi qafas legali sod għal kooperazzjoni tajba bejn in-Norveġja u l-Istati Membri kollha. Din il-kooperazzjoni se jkollha l-istess struttura bħall-kooperazzjoni li hemm bħalissa bejn l-Istati Membri tal-UE, u se tibbenefika mill-istess strumenti bħall-pjattaformi elettroniċi u l-formoli elettroniċi.

Il-konsistenza ma’ dispożizzjonijiet eżistenti tal-politika f’dan il-qasam ta’ politika

Fil-pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT mogħti fid-dokument COM(2016) 148 final tas-7 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ħabbret li kooperazzjoni aħjar ma’ pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE għandha tagħmilha possibbli li s-sistema tal-UE ta’ kooperazzjoni amministrattiva tiġi estiża għal pajjizi li mhumiex Stati Membri tal-UE, b’mod partikulari biex tiġi żgurata tassazzjoni effettiva tal-kummerċ elettroniku.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill qed issir skont l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) flimkien mal-Artikolu 218(5) u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu.

L-Artikolu 3(2) tat-TFUE jipprevedi li, minbarra fl-oqsma li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva mniżżlin fl-Artikolu 3(1) ta’ dak it-Trattat, l-Unjoni “għandha wkoll kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġiżlattiv tal-Unjoni, jew tkun meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom”.

Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża msejħa “AETR”, ftehim jidħol fil-kompetenza esklużiva tal-UE meta s-suġġett li jittratta jkun jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli interni komuni jew ikun jidħol f’qasam li jkun kopert b’mod ġenerali mit-tali regoli jew meta jkunu ġew adottati regoli f’oqsma li ma jidħlux fil-politiki komuni u, b’mod partikulari, f’oqsma li fihom ikun hemm miżuri ta’ armonizzazzjoni.

Is-suġġett tal-Ftehim ippjanat, jiġifieri l-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tal-VAT, jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli interni komuni, u b’mod partikulari tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra. Għalhekk l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva biex tikkonkludi ftehim man-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tal-VAT.

B’hekk, permezz tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tiegħu tad-9 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati man-Norveġja f’isem l-Unjoni.

Il-kontenut tal-Ftehim jirrifletti d-direttivi tan-negozjar tal-Kunsill stabbiliti fl-Addendum tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2014 li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati dwar Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tal-VAT f’isem l-Unjoni.

L-istrumenti ta’ kooperazzjoni inklużi fil-Ftehim huma l-istess bħal dawk mogħtija fil-qafas tal-UE, ħlief għall-aċċess għall-bażijiet tad-dejta. Dan l-aċċess ġie eskluż mit-test tal-Ftehim għax ma tqiesx li kien proporzjonat mal-għanijiet. Fil-fatt, is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT (il-VIES) 4 tippermetti lill-Istati Membri jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet li jsiru fl-UE, li mhumiex rilevanti fil-kuntest tal-kooperazzjoni man-Norveġja.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATTI

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati

Il-Ftehim ikopri l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri tal-UE u tan-Norveġja fil-qasam tal-VAT. It-test ġie nnegozjat mal-awtoritajiet Norveġiżi fil-perjodu mill-2015 sal-2016.

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar Kwistjonijiet ta’ Taxxa mwaqqaf mill-Kunsill kien avżat dwar il-progress tan-negozjati u ġie kkonsultat dwar ir-riżultati tagħhom matul il-proċess kollu.

4.ELEMENTI OĦRAJN

Spjegazzjoni ddettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Titolu I – Dispożizzjonijiet ġenerali

L-għan huwa li jiġi stabbilit qafas għall-kooperazzjoni amministrattiva għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT u għall-assistenza għall-irkupru tat-talbiet relatati mal-VAT (l-Artikolu 1).

Id-definizzjonijiet (mogħtija fl-Artikolu 3) huma skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. Għalhekk il-Ftehim jinkludi d-definizzjoni tal-“awtorità rikjedenti” għall-kooperazzjoni amministrattiva u għall-ġlieda kontra l-frodi fil-kuntest tat-Titolu II (skont id-definizzjoni mogħtija fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010), filwaqt li t-terminu “awtorità applikanti” se japplika għall-assistenza għall-irkupru fil-kuntest tat-Titolu III (skont id-definizzjoni mogħtija fid-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE). L-istess definizzjonijiet huma riflessi wkoll fil-formoli elettroniċi li l-Istati Membri qed jużaw bħalissa fil-kuntest tal-qafas tal-UE għall-assistenza amministrattiva. Għalhekk, jekk jintużaw l-istess definizzjonijiet ikunu jistgħu jintużaw l-istess formoli elettroniċi għall-kooperazzjoni man-Norveġja mingħajr ma jkun hemm emendi sostanzjali fit-tqassim tagħhom.

L-organizzazzjoni (stabbilita fl-Artikolu 4) ukoll tirrepeti l-istruttura stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 u fid-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE. Dwar dan, ta’ min jinnota li dan il-Ftehim ma jipprevedix il-possibbiltà li jinħatru “uffiċċji ta’ kollegament” li jkunu responsabbli għal tipi ta’ taxxi speċifiċi kif previst fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE, minħabba li dan il-Ftehim japplika biss għall-VAT.

Il-Partijiet għandhom jiżguraw li s-sistemi ta’ komunikazzjoni meħtieġa għall-iskambju tal-informazzjoni jkunu qed jaħdmu. Għalhekk jenħtieġ li jiġi konkluż ftehim dwar il-livell tas-servizz (imsemmi fl-Artikolu 5) sabiex jistabbilixxi l-kwalità teknika u l-kwantità għall-funzjonament tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u ta’ skambju tal-informazzjoni. Fost l-istrumenti ta’ kooperazzjoni man-Norveġja, il-ftehim dwar il-livell tas-servizz mhux se jirreferi għall-VIES, li mhijiex inkluża fil-Ftehim.

Il-Partijiet iridu jiżguraw li d-dejta personali titħares u tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali hekk kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE (jiġifieri fid-Direttiva 95/46/KE). L-Artikolu 6 jipprevedi l-kundizzjonijiet li bihom id-dejta tista’ tiġi żvelata lill-awtoritajiet nazzjonali milqutin mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT biss u l-kundizzjonijiet biex tintuża dik id-dejta, il-kundizzjonijiet għall-użu għal għanijiet oħrajn biss jekk il-liġijiet tal-istati involuti jkunu jippermettu dan u wara li l-istat li jkun qed jgħaddi l-informazzjoni jagħti l-approvazzjoni tiegħu, il-kundizzjonijiet għall-użu tad-dejta li tkun ġiet skambjata, il-kundizzjonijiet li bihom l-informazzjoni tingħadda lil stat terz u lil pajjiż terz u l-kundizzjonijiet għat-trażmissjoni tal-informazzjoni li jkun bagħat pajjiż terz.

Titolu II – Il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi

It-Titolu II jipprevedi l-istess strumenti ta’ kooperazzjoni bħal dawk imniżżlin fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010, ħlief għall-aċċess għall-bażijiet tad-dejta permezz tal-VIES (jiġifieri l-iskambju ta’ informazzjoni u l-inkjesti amministrattivi, l-iskambju spontanju tal-informazzjoni, il-feedback, l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni, in-notifiki amministrattivi, il-preżenza f’uffiċċji amministrattivi u l-parteċipazzjoni f’inkjesti amministrattivi, il-kontrolli simultanji u l-Eurofisc). Il-limiti taż-żmien li fihom wieħed għandu jipprovdi l-informazzjoni wkoll huma bħal dawk imniżżlin fil-qafas legali Ewropew.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-iskambju tal-informazzjoni fuq talba, l-Artikolu 7(4) jirreferi għall-każijiet li fihom il-provvista tkun taxxabbli fl-Istat tal-awtorità rikjedenti, iżda l-persuna taxxabbli tkun stabbilita fl-Istat tal-awtorità rikjesta. F’dawk il-każijiet, l-awtorità rikjedenti tista’ tivvaluta l-VAT biss billi titlob l-għajnuna tal-awtorità rikjesta. Għalhekk l-Artikolu jipprevedi sett minimu ta’ dejta li l-awtorità rikjesta trid tibgħat lill-awtorità rikjedenti. Il-kategoriji koperti minn din id-dispożizzjoni u mniżżlin fl-Anness 1 tal-Ftehim huma l-importazzjonijiet ta’ valur negliġibbli, is-servizzi relatati mal-proprjetà immobbli, is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, is-servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni u s-servizzi fornuti b’mod elettroniku.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni (imsemmi fl-Artikolu 11), il-Partijiet fil-Kumitat Konġunt (stabbilit fl-Artikolu 41) se jistabbilixxu l-kategoriji tal-informazzjoni li għandhom jiġu skambjati.

Il-parteċipazzjoni tan-Norveġja fl-Eurofisc (imsemmija fl-Artikolu 15) mhux se tagħti aċċess għall-bażijiet tad-dejta ta’ stat partikulari lill-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc maħturin mill-awtorità kompetenti ta’ stat ieħor. Barra minn hekk, l-uffiċjal ta’ kollegament tal-Eurofisc tan-Norveġja mhux se jkollu r-rwol ta’ president jew ta’ koordinatur tal-oqsma ta’ ħidma u mhux se jkollu d-dritt tal-vot.

Skont l-Artikolu 17, l-awtoritajiet tat-taxxa jistgħu jirrifjutaw li jwettqu inkjesti amministrattivi meta t-talba tkun tinvolvi piż amministrattiv mhux proporzjonat għall-awtorità rikjesta u meta l-awtorità rikjedenti ma tkunx eżawriet is-sorsi domestiċi kollha tal-informazzjoni. Barra minn hekk, l-assistenza amministrattiva ma tistax tiġi rrifjutata abbażi tas-sigriet bankarju.

Il-Kumitat Konġunt se jadotta l-formoli għall-iskambju tal-informazzjoni. Il-formoli elettroniċi li l-Istati Membri jużaw skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 u skont id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE wkoll jistgħu jintużaw għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim jekk isirulhom xi emendi lingwistiċi żgħar. Fil-fatt attwalment dawn il-formoli jirreferu biss għall-“Istati Membri” u għat-tranżazzjonijiet “intra-Komunitarji”.

Titolu III - L-irkupru

It-Titolu III jipprevedi strumenti għall-assistenza għall-irkupru li jixbhu lil dawk mogħtija fid-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE, jiġifieri l-iskambju tal-informazzjoni (inkluża l-preżenza f’uffiċċji amministrattivi u l-parteċipazzjoni f’inkjesti amministrattivi fl-istat rikjest), l-assistenza għan-notifika ta’ dokumenti u l-miżuri ta’ rkupru u ta’ prekawzjoni.

Il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li jirregolaw lil din it-tip ta’ assistenza għall-irkupru wkoll huma bħall-kundizzjonijiet u l-modalitajiet stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE.

Madankollu, (skont l-Artikolu 2(1)(b) tal-Ftehim) il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim huwa limitat għat-talbiet tal-VAT u għall-pieni amministrattivi, għall-multi, għat-tariffi u għall-ħlasijiet addizzjonali, għall-imgħax u għall-ispejjeż relatati mat-tali talbiet. Għall-kuntrarju tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma jkoprix taxxi u dazji oħrajn. It-tali restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu hija konformi mal-mandat ta’ negozjar mogħti mill-Kunsill.

Madankollu, sabiex tiġi ffaċilitata l-assistenza għall-irkupru fil-każ ta’ taxxi oħrajn u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, l-Artikolu 40(4) jipprevedi li n-netwerk tal-komunikazzjoni elettronika u l-formoli standard adottati għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim (li jikkorrispondu mal-formoli standard li qed jintużaw dal-ħin bejn l-Istati Membri tal-UE għall-assistenza għall-irkupru) jistgħu jintużaw ukoll għall-assistenza għall-irkupru b’rabta ma’ talbiet oħrajn jekk it-tali assistenza għall-irkupru tkun tista’ tingħata skont strumenti bilaterali jew multilaterali oħrajn dwar il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-istati li jkunu legalment vinkolanti. Din il-possibbiltà, u mhux obbligu, li jintużaw in-netwerk ta’ komunikazzjoni u l-formoli standard għal taxxi oħrajn tista’ tkun utli fil-prattika, minħabba li n-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa s-soltu ma jkunx limitat biss għad-djun tal-VAT. Għalhekk il-Ftehim jippermetti li wieħed juża formola waħda tat-talba għall-assistenza għall-irkupru b’rabta mat-talbiet tal-VAT (abbażi ta’ dan il-Ftehim) u b’rabta ma’ taxxi oħrajn (abbażi ta’ ftehimiet oħrajn). Kull Stat Membru se jkun jista’ jiddeċiedi hu stess, b’konsultazzjoni man-Norveġja, jekk iridx juża l-possibbiltà mogħtija fl-Artikolu 40(4) u, jekk iva, kif se jagħmel dan.

L-Artikolu 23 ta’ dan il-Ftehim ikopri l-iskambju tal-informazzjoni mingħajr talba minn qabel. Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, l-istati jistgħu jgħarrfu lill-istat tal-istabbiliment jew tar-residenza li persuna stabbilita jew residenti fi stat ieħor għad trid tingħata rifużjoni ta’ “taxxi jew dazji”. Din id-dispożizzjoni tixbah lil dik mogħtija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE, li għandu x’jaqsam mal-iskambju tal-informazzjoni mingħajr talba minn qabel dwar rifużjonijiet li jkunu ġejjin ta’ “taxxi jew dazji, minbarra t-taxxa fuq il-valur miżjud”.

L-istrumenti uniformi li daħħlet id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE (fl-Artikoli 8 u 12 tagħha) (jiġifieri l-formola uniformi għan-notifika u l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-Istat rikjest), iddaħħlu wkoll f’dan il-Ftehim (fl-Artikoli 25 u 29 tiegħu). Dawn il-formoli standard, li diġà qed jintużaw fl-iskambji bejn l-Istati Membri kollha tal-UE, se jibdew jiġu applikati wkoll għall-għanijiet tan-notifika u tal-irkupru fir-relazzjonijiet man-Norveġja. Dawn il-formoli se jibdew jinqalbu b’mod awtomatiku wkoll għan-Norveġiż.

Sabiex l-assistenza għall-irkupru man-Norveġja tkun tista’ tiġi implimentata malajr u bla problemi, l-Artikolu 40(5) tal-Ftehim jipprevedi li sakemm il-Kumitat Konġunt ma jadotta l-ebda regola ddettaljata dwar l-implimentazzjoni tat-Titolu III, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw ir-regoli li diġà ġew adottati għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE, inklużi l-formoli standard.

Titolu IV – L-implimentazzjoni u l-applikazzjoni

L-Artikolu 41 jistabbilixxi Kumitat Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet. Il-Kumitat Konġunt għandu jiżgura l-funzjonament tajjeb u l-implimentazzjoni tajba tal-Ftehim. Huwa għandu jaġixxi bl-unanimità u jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, in-Norveġja se tuża l-formoli elettroniċi u n-NKK u l-ISK 5 , li huma komponenti tas-Sistema ta’ Informazzjoni Ewropea msemmijin fil-punt A tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1286/2013 (dwar il-programm Fiscalis 2020) 6 . Il-Kumitat Konġunt se jiddeċiedi l-kontribut finanzjarju li n-Norveġja għandha tagħti lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont is-soluzzjoni teknika li tiġi adottata biex in-Norveġja titqabbad man-NKK u mal-ISK.

Il-Kummissjoni se tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt u l-Istati Membri wkoll jistgħu jieħdu sehem fih. Madankollu, biex il-Kumitat Konġunt jadotta deċiżjoni, trid tiġi adottata l-ewwel il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 113 tat-TFUE (bl-unanimità). Imbagħad il-Kummissjoni ssegwi t-tali deċiżjonijiet fil-Kumitat Konġunt u tiddefendihom fih.

Titolu V – Dispożizzjonijiet finali

Dan il-Ftehim se jkun jifforma parti mill-acquis tal-UE u se jirbaħ fuq strumenti bilaterali jew multilaterali oħrajn dwar il-kooperazzjoni amministrattiva f’dan il-qasam li huma legalment vinkolanti. Dan ifisser li f’każ ta’ nuqqas ta’ kompatibbiltà, se japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

2017/0273 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’isem l-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 113 tiegħu flimkien mal-Artikolu 218(5) u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fid-9 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati dwar Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tal-VAT.

(2)It-test tal-Ftehim, li ħareġ min-negozjati, jirrifletti kif xieraq id-direttivi tan-negozjar li ħareġ il-Kunsill.

(3)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 .

(4)Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud b’dan huwa awtorizzat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill b’dan huwa awtorizzat jaħtar lill-persuna jew lill-persuni li għandhom is-setgħa jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 41 tal-Ftehim, megħjuna minn rappreżentanti tal-Istati Membri.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1).
(3) L-Eurofisc huwa netwerk għall-iskambju multilaterali u fil-pront ta’ informazzjoni mmirata bejn l-Istati Membri tal-UE. Huwa maqsum f’oqsma tematiċi msejħin oqsma ta’ ħidma. Dan huwa rregolat mill-Kapitolu X tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010.
(4) Il-VIES hija s-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT. L-informazzjoni disponibbli permezz tal-VIES u l-użu ta’ din is-sistema huma rregolati mill-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010.
(5) In-netwerk komuni ta’ komunikazzjoni u l-interfaċċja ta’ sistemi komuni (in-NKK u l-ISK).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni biex jittejjeb it-tħaddim tas-sistemi ta’ tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (Fiscalis 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1482/2007/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 25).
(7) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
Top

Brussell, 26.10.2017

COM(2017) 624 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’isem l-Unjoni Ewropea


Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

u

R-RENJU TAN-NORVEĠJA, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “in-Norveġja”,

minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-Partijiet”,

FILWAQT LI JIXTIEQU jiżguraw li t-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) u l-irkupru tat-talbiet relatati mal-VAT jiġu stabbiliti, jiġu vvalutati u jinġabru kif suppost, u filwaqt li jixtiequ jevitaw it-tassazzjoni doppja jew in-nuqqas ta’ tassazzjoni u jiġġieldu l-frodi fil-qasam tal-VAT,

FILWAQT LI HUMA KONXJI li, biex jiġu miġġildin il-frodi u l-evażjoni transkonfinali tal-VAT, hemm bżonn ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti li għandhom ir-responsabbiltà japplikaw il-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-frodi u l-evażjoni transkonfinali tal-VAT għandhom karatteristiċi u mekkaniżmi speċifiċi li jiddistingwuhom minn tipi ta’ frodi oħrajn u għalhekk hemm bżonn ta’ għodod legali speċifiċi għall-kooperazzjoni amministrattiva, b’mod partikulari għall-iskambju reċiproku tal-informazzjoni,

FILWAQT LI JIMMIRAW li jikkontribwixxu għan-netwerk tal-Eurofisc għall-iskambju ta’ informazzjoni mmirata biex tiġi miġġielda l-frodi transkonfinali tal-VAT, suġġett għar-restrizzjonijiet imposti minn dan il-Ftehim,

FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Partijiet Kontraenti kollha għandhom japplikaw ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-dejta personali skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data 1 , inkluż fil-kuntest tal-Eurofisc,

BILLI l-valutazzjoni tal-applikazzjoni t-tajba tal-VAT fuq is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, fuq is-servizzi tax-xandir u fuq is-servizzi fornuti b’mod elettroniku tista’ ssir b’mod effettiv biss jekk ikun hemm kooperazzjoni internazzjonali,

FILWAQT LI JQISU li l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja huma ġirien u huma sħab kummerċjali dinamiċi, u huma wkoll Partijiet tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), li għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tal-kummerċ u tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-Partijiet Kontraenti b’kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni u l-ħarsien tal-istess regoli, bil-ħsieb li tinħoloq Żona Ekonomika Ewropea omoġenja,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li, minkejja li l-kwistjonijiet tat-taxxa ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE, il-kooperazzjoni mmirata lejn applikazzjoni u infurzar iktar effettivi tal-VAT hija fl-interess kemm tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tan-Norveġja,

FTEHMU KIF ĠEJ:

Titolu I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

L-għan

L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li jistabbilixxi qafas għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u n-Norveġja sabiex l-awtoritajiet li għandhom ir-responsabbiltà japplikaw il-leġiżlazzjoni dwar il-VAT ikunu jistgħu jgħinu lil xulxin biex jiżguraw il-konformità ma’ dik il-leġiżlazzjoni u jħarsu d-dħul mill-VAT.

Artikolu 2

Il-kamp ta’ applikazzjoni

1.Dan il-Ftehim jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għall-kooperazzjoni:

(a)biex tiġi skambjata l-informazzjoni kollha li tista’ tgħin biex tiġi vvalutata kif suppost il-VAT, biex tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni t-tajba tal-VAT u biex tiġi miġġielda l-frodi fil-qasam tal-VAT;

(b)biex jiġu rkuprati:

(i)it-talbiet relatati mal-VAT;

(ii)il-pieni amministrattivi, il-multi, it-tariffi u l-ħlasijiet addizzjonali relatati mat-talbiet imsemmijin fil-punt (i) imposti mill-awtoritajiet amministrattivi li għandhom il-kompetenza jimponu l-VAT jew iwettqu l-inkjesti amministrattivi b’rabta magħha, jew li kkonfermawhom il-korpi amministrattivi jew il-korpi ġudizzjarji fuq talba ta’ dawk l-awtoritajiet amministrattivi;

(iii)l-imgħaxijiet u l-ispejjeż relatati mat-talbiet imsemmijin fil-punt (i) u fil-punt (ii).

2.Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, dwar il-ġlieda kontra l-frodi u dwar l-assistenza għall-irkupru tat-talbiet fil-qasam tal-VAT bejn l-Istati Membri tal-Unjoni.

3.Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-assistenza reċiproka f’materji kriminali.

Artikolu 3

Id-definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“VAT” tfisser taxxa fuq il-valur miżjud skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għall-Unjoni u taxxa fuq il-valur miżjud skont l-Att Norveġiż Nru 58 tad-19 ta’ Ġunju 2009 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud għan-Norveġja;

(b)“stat” tfisser Stat Membru tal-Unjoni jew in-Norveġja;

(c)“stati” tfisser l-Istati Membri tal-Unjoni u n-Norveġja;

(d)“pajjiż terz” tfisser pajjiż li la huwa Stat Membru tal-Unjoni u lanqas ma huwa n-Norveġja;

(e)“awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità maħtura skont l-Artikolu 4(1);

(f)“uffiċċju ċentrali ta’ kollegament” tfisser l-uffiċċju maħtur skont l-Artikolu 4(2) li jkun responsabbli b’mod ewlieni mill-kuntatti għall-applikazzjoni tat-Titolu II u tat-Titolu III;

(g)“dipartiment ta’ kollegament” tfisser kull uffiċċju ieħor, minbarra l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament, maħtur bħala tali skont l-Artikolu 4(3) biex jagħti assistenza reċiproka skont it-Titolu II jew it-Titolu III jew biex jitlob it-tali assistenza reċiproka skont dawn it-Titoli;

(h)“uffiċjal kompetenti” tfisser uffiċjal maħtur skont l-Artikolu 4(4) li jista’ jiskambja l-informazzjoni direttament skont it-Titolu II;

(i)“awtorità rikjedenti” tfisser uffiċċju ċentrali ta’ kollegament, dipartiment ta’ kollegament jew uffiċjal kompetenti li jagħmel talba għall-assistenza skont it-Titolu II f’isem awtorità kompetenti;

(j)“awtorità applikanti” tfisser uffiċċju ċentrali ta’ kollegament jew dipartiment ta’ kollegament ta’ stat li jagħmel talba skont it-Titolu III;

(k)“awtorità rikjesta” tfisser l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament, id-dipartiment ta’ kollegament jew, f’dak li għandu x’jaqsam mal-kooperazzjoni skont it-Titolu II, l-uffiċjal kompetenti li jirċievi talba mingħand awtorità rikjedenti jew awtorità applikanti;

(l)“persuna” tfisser:

(i)persuna fiżika;

(ii)persuna ġuridika;

(iii)meta l-leġiżlazzjoni fis-seħħ tkun tipprevedi dan, assoċjazzjoni ta’ persuni rrikonoxxuti bħala persuni li kapaċi jwettqu atti legali iżda li ma għandhomx l-istatus legali ta’ persuni ġuridiċi; jew

(iv)kull arranġament legali ieħor, ta’ kwalunke natura u tip, li għandu l-istatus legali ta’ persuna ġuridika jew le, u li huwa suġġett għall-VAT jew li għalih għandhom jitħallsu t-talbiet imsemmijin fl-Artikolu 2(1)(b);

(m)“Kumitat Konġunt” tfisser il-kumitat li għandu r-responsabbiltà jiżgura l-funzjonament it-tajjeb u l-implimentazzjoni t-tajba ta’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 41;

(n)“inkjesta amministrattiva” tfisser il-kontrolli, il-verifiki u l-azzjonijiet l-oħrajn kollha li l-istati jieħdu fil-qadi ta’ dmirijiethom sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-VAT;

(o)“skambju spontanju” tfisser il-komunikazzjoni mhux sistematika ta’ informazzjoni lil stat ieħor fi kwalunkwe waqt u mingħajr talba minn qabel għal dik l-informazzjoni;

(p)“skambju awtomatiku” tfisser il-komunikazzjoni sistematika ta’ informazzjoni ddefinita minn qabel lil stat ieħor mingħajr talba minn qabel għal dik l-informazzjoni;

(q)“kontroll simultanju” tfisser il-kontroll ikkoordinat tal-obbligazzjonijiet tat-taxxa ta’ persuna taxxabbli jew ta’ diversi persuni taxxabbli li jkunu kkollegati bejniethom, organizzat minn żewġ stati jew aktar li jkollhom interessi komuni jew kumplimentari;

(r)“b’mezzi elettroniċi” tfisser l-użu ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (fosthom il-kompressjoni diġitali) u għall-ħażna tad-dejta, u l-użu ta’ wajers, tax-xandir bir-radju, tat-teknoloġiji ottiċi jew ta’ mezzi elettromanjetiċi oħrajn;

(s)“NKK u ISK” tfisser il-pjattaforma komuni bbażata fuq in-netwerk komuni ta’ komunikazzjoni (“in-NKK”) u l-interfaċċja ta’ sistemi komuni (“l-ISK”) li l-Unjoni żviluppat biex tiżgura t-trażmissjonijiet kollha b’mezzi elettroniċi bejn l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tat-tassazzjoni;

(t)“servizzi tat-telekomunikazzjoni, servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni u servizzi fornuti b’mod elettroniku” tfisser is-servizzi ddefiniti fl-Artikoli 6a, 6b u 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 2 .

Artikolu 4

L-organizzazzjoni

1.Kull stat għandu jaħtar awtorità kompetenti li jkollha r-responsabbiltà tapplika dan il-Ftehim.

2.Kull stat għandu jaħtar:

(a)uffiċċju ċentrali ta’ kollegament li jkun responsabbli b’mod ewlieni biex japplika t-Titolu II ta’ dan il-Ftehim; u

(b)uffiċċju ċentrali ta’ kollegament li jkun responsabbli b’mod ewlieni biex japplika t-Titolu III ta’ dan il-Ftehim.

3.Kull awtorità kompetenti tista’ taħtar, b’mod dirett jew permezz ta’ delega:

(a)dipartimenti ta’ kollegament biex jiskambjaw direttament l-informazzjoni skont it-Titolu II ta’ dan il-Ftehim;

(b)dipartimenti ta’ kollegament biex jagħtu l-assistenza reċiproka skont it-Titolu III ta’ dan il-Ftehim jew biex jitolbu t-tali assistenza reċiproka skont dan it-Titolu b’rabta mal-kompetenzi territorjali jew operattivi speċifiċi tagħhom.

4.Kull awtorità kompetenti tista’ taħtar, b’mod dirett jew permezz ta’ delega, uffiċjali kompetenti li jistgħu jiskambjaw direttament l-informazzjoni abbażi tat-Titolu II ta’ dan il-Ftehim.

5.L-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament għandhom iżommu l-lista tad-dipartimenti ta’ kollegament u tal-uffiċjali kompetenti aġġornata u jqiegħduha għad-dispożizzjoni tal-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament l-oħrajn.

6.Meta dipartiment ta’ kollegament jew uffiċjal kompetenti jibgħat talba għall-assistenza skont dan il-Ftehim jew jirċievi talba bħal din, huwa għandu jgħarraf lill-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tiegħu b’dan.

7.Meta uffiċċju ċentrali ta’ kollegament, dipartiment ta’ kollegament jew uffiċjal kompetenti jirċievi talba għall-assistenza reċiproka li tkun teħtieġ azzjoni li ma tidħolx fil-kompetenza tiegħu, huwa għandu jgħaddi din it-talba lill-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament jew lid-dipartiment ta’ kollegament kompetenti mingħajr dewmien u għandu jgħarraf lill-awtorità rikjedenti jew lill-awtorità applikanti b’dan. F’każ bħal dan, il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 8 għandu jibda l-għada li t-talba tkun intbagħtet lill-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament jew lid-dipartiment ta’ kollegament kompetenti.

8.Kull stat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni Ewropea bl-awtorità kompetenti tiegħu għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim fi żmien xahar minn meta dan jiġi ffirmat u mingħajr dewmien meta din tinbidel. Il-Kummissjoni Ewropea għandha żżomm il-lista tal-awtoritajiet kompetenti aġġornata u tqiegħedha għad-dispożizzjoni tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 5

Il-ftehim dwar il-livell tas-servizz

Għandu jiġi konkluż ftehim dwar il-livell tas-servizz li jiżgura l-kwalità teknika u l-kwantità tas-servizzi għall-funzjonament tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u ta’ skambju tal-informazzjoni skont il-proċedura stabbilita mill-Kumitat Konġunt.

Artikolu 6

Il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-dejta personali

1.Kull informazzjoni li stat jikseb fil-kuntest ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali u titħares bl-istess mod bħall-informazzjoni li tinkiseb skont il-liġijiet domestiċi tiegħu u sal-punt li jkun meħtieġ biex titħares id-dejta personali skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE 3 , kif ukoll skont is-salvagwardji li jista’ jkun speċifika l-istat li jkun ta l-informazzjoni, kif ikun meħtieġ bil-liġijiet tiegħu.

2.Din l-informazzjoni tista’ tiġi żvelata lill-persuni jew lill-awtoritajiet involuti fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-VAT (fosthom il-qrati u l-korpi amministrattivi jew il-korpi ta’ sorveljanza), bil-għan li ssir valutazzjoni korretta tal-VAT, kif ukoll biex jiġi applikat l-infurzar b’rabta mat-talbiet tal-VAT, fosthom il-miżuri ta’ rkupru u ta’ prekawzjoni.

3.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tintuża wkoll għall-valutazzjoni u għall-infurzar, fosthom għall-irkupru ta’ taxxi oħrajn u tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali. Jekk l-informazzjoni skambjata tiżvela li hemm ksur tal-liġi tat-taxxa jew tgħin biex dan jiġi ppruvat, hija tista’ tintuża wkoll biex jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali. Il-persuni jew l-awtoritajiet imsemmijin hawn fuq biss jistgħu jużaw l-informazzjoni, u jistgħu jagħmlu dan biss għall-għanijiet speċifikati hawn fuq. Huma jistgħu jiżvelawha fi proċeduri tal-qrati pubbliċi jew f’deċiżjonijiet ġudizzjarji.

4.Minkejja l-paragrafi 1 u 2, l-istat li jkun qed jipprovdi l-informazzjoni għandu jippermetti li l-istat li jirċeviha jużaha għal għanijiet oħrajn minbarra dawk imsemmijin fl-Artikolu 2(1) abbażi ta’ talba motivata għal dan jekk dik l-informazzjoni tkun tista’ tintuża għal għanijiet simili skont il-leġiżlazzjoni tal-istat li jkun qed jipprovdiha. L-awtorità rikjesta għandha taċċetta jew tirrifjuta talba bħal din fi żmien xahar.

5.Ir-rapporti, id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti l-oħrajn kollha jew il-kopji tagħhom iċċertifikati bħala awtentiċi jew l-estratti minnhom li stat jikseb permezz tal-assistenza pprovduta bis-saħħa ta’ dan il-Ftehim jistgħu jintużaw bħala evidenza f’dak l-istat bl-istess mod bħal dokumenti simili pprovduti minn awtorità oħra ta’ dak l-istat.

6.L-informazzjoni li stat jagħti lil stat ieħor tista’ tintbagħat minn dan l-istat tal-aħħar lil stat ieħor, dejjem jekk l-awtorità kompetenti tal-istat minn fejn tkun oriġinat l-informazzjoni tawtorizza dan minn qabel. L-istat tal-oriġini tal-informazzjoni jista’ jopponi t-tali kondiviżjoni tal-informazzjoni fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi t-talba tal-istat li jkun jixtieq jaqsam dik l-informazzjoni.

7.L-istati jistgħu jibagħtu l-informazzzjoni li jiksbu skont dan il-Ftehim lil pajjiżi terzi bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)it-trażmissjoni tal-informazzjoni tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-istat li jkun qed jibgħatha li timplimenta l-Artikolu 25 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, b’mod speċjali f’dak li għandu x’jaqsam mal-livell ix-xieraq ta’ protezzjoni pprovdut fil-pajjiż terz ikkonċernat;

(b)l-awtorità kompetenti li tkun bagħtet l-informazzjoni oriġinarjament tkun qablet mat-tali trażmissjoni;

(c)l-arranġamenti ta’ assistenza li hemm bejn l-istat li qed jibgħat l-informazzjoni u dak il-pajjiż terz partikulari jippermettu t-tali trażmissjoni.

8.Meta stat jirċievi informazzjoni mingħand pajjiż terz, l-istati jistgħu jiskambjaw dik l-informazzjoni safejn l-arranġamenti dwar l-assistenza li jkun hemm ma’ dak il-pajjiż terz partikulari jkunu jippermettu dan.

9.Kull stat għandu javża minnufih lill-istati kkonċernati l-oħrajn dwar kull ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u dwar kull nuqqas li tiġi ssalvagwardjata d-dejta personali, kif ukoll dwar is-sanzjonijiet u l-azzjonijiet ta’ rimedju imposti minħabba f’hekk.

10.Il-persuni akkreditati kif xieraq mill-Awtorità ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea jista’ jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni biss safejn dan ikun meħtieġ biex jieħdu ħsieb, imantnu u jiżviluppaw in-NKK.

Titolu II

Il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi

Kapitolu 1

L-iskambju tal-informazzjoni fuq talba

Artikolu 7

L-iskambju ta’ informazzjoni u l-inkjesti amministrattivi

1.Fuq talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tibgħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) dwar każ jew każijiet speċifiċi.

2.Sabiex tibgħat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità rikjesta għandha tagħmel l-arranġamenti biex jitwettqu l-inkjesti amministrattivi li hemm bżonn sabiex tinkiseb it-tali informazzjoni.

3.It-talba msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tinkludi talba motivata biex issir inkjesta amministrattiva. Jekk l-awtorità rikjesta tkun tal-fehma li m’hemmx bżonn issir inkjesta amministrattiva, għandha tavża minnufih lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għal dan.

4.F’każ li l-awtorità rikjesta tirrifjuta inkjesta amministrattiva dwar l-ammonti li persuna taxxabbli stabbilita fl-istat tagħha tkun iddikjarat b’rabta mal-provvisti tal-oġġetti u tas-servizzi mniżżlin fl-Anness 1 li jkunu taxxabbli fl-istat tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tibgħat lill-awtorità rikjedenti tal-inqas id-dati u l-valuri ta’ kull provvista rilevanti li l-persuna taxxabbli tkun għamlet fl-istat tal-awtorità rikjedenti matul is-sentejn ta’ qabel.

5.Sabiex l-awtorità rikjesta jew l-awtorità amministrattiva li lejha tkun irrikorriet tikseb l-informazzjoni mfittxija jew twettaq l-inkjesta amministrattiva mitluba, hija għandha tipproċedi daqslikieku qed taġixxi f’isimha stess jew fuq talba ta’ awtorità oħra fl-istat tagħha stess.

6.Fuq talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tibagħtilha l-informazzjoni rilevanti kollha li tkun kisbet jew li jkollha fil-pussess tagħha kif ukoll ir-riżultati tal-inkjesti amministrattivi fil-forma ta’ rapporti, dikjarazzjonijiet u dokumenti oħrajn jew ta’ kopji tagħhom iċċertifikati bħala awtentiċi jew ta’ estratti minnhom.

7.Id-dokumenti oriġinali għandhom jintbagħtu biss meta dan ma jmurx kontra d-dispożizzjonijiet li jkunu fis-seħħ fl-istat tal-awtorità rikjesta.

Artikolu 8

Il-limiti taż-żmien għall-forniment tal-informazzjoni

1.L-awtorità rikjesta għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 malajr kemm jista’ jkun u sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-data li fiha tasal it-talba. Madankollu, meta l-awtorità rikjesta jkollha diġà dik l-informazzjoni fil-pussess tagħha, il-limitu taż-żmien għandu jitnaqqas għal perjodu massimu ta’ xahar.

2.F’ċerti kategoriji ta’ każijiet speċjali, l-awtorità rikjesta u dik rikjedenti jistgħu jiftehmu bejniethom dwar limiti taż-żmien li jkunu differenti minn dawk previsti fil-paragrafu 1.

3.Meta l-awtorità rikjesta ma tkunx tista’ twieġeb għat-talba fil-limiti taż-żmien imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, hija għandha tavża minnufih lill-awtorità rikjedenti bil-miktub bir-raġunijiet għaliex ma tistax tagħmel dan u meta taħseb li se tkun tista’ tirrispondi.

Kapitolu 2

L-iskambju tal-informazzjoni mingħajr talba minn qabel

Artikolu 9

It-tipi ta’ skambju tal-informazzjoni

L-iskambju tal-informazzjoni mingħajr talba minn qabel għandu jsir jew b’mod spontanju, kif previst fl-Artikolu 10, jew b’mod awtomatiku, kif previst fl-Artikolu 11.

Artikolu 10

L-iskambju spontanju tal-informazzjoni

L-awtorità kompetenti ta’ stat partikulari għandha tibgħat lill-awtorità kompetenti ta’ xi stat ieħor, mingħajr talba minn qabel, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) li ma tkunx intbagħtet b’mod awtomatiku kif imsemmi fl-Artikolu 11 u li hija tkun taf biha fil-każijiet li ġejjin:

(a)meta t-tassazzjoni titqies li sseħħ fl-istat tad-destinazzjoni u l-informazzjoni pprovduta mill-istat tal-oriġini tkun meħtieġa għall-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-istat tad-destinazzjoni;

(b)meta stat ikollu raġunijiet biex jemmen li fl-istat l-ieħor seħħ ksur tal-leġiżlazzjoni tal-VAT jew x’aktarx seħħ it-tali ksur;

(c)meta jkun hemm riskju ta’ telf ta’ taxxa fl-istat l-ieħor.

Artikolu 11

L-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni

1.Il-Kumitat Konġunt għandu jistabbilixxi l-kategoriji tal-informazzjoni li dwarhom trid tiġi skambjata l-informazzjoni b’mod awtomatiku skont l-Artikolu 41.

2.Stat jista’ jiddeċiedi li ma jiħux sehem fl-iskambju awtomatiku ta’ kategorija tal-informazzjoni waħda jew iktar imsemmija fil-paragrafu 1 meta l-ġbir tal-informazzjoni għat-tali skambju jkun jitlob li jiġu imposti obbligi ġodda fuq il-persuni li għandhom iħallsu l-VAT jew meta dan il-ġbir ikun se jkunlu ta’ piż amministrattiv sproporzjonat.

3.Kull Stat għandu jgħarraf bil-miktub lill-Kumitat Konġunt bid-deċiżjoni tiegħu, li jkun ħa skont il-paragrafu ta’ qabel.

Kapitolu 3

Forom ta’ kooperazzjoni oħrajn

Artikolu 12

In-notifiki amministrattivi

1.Fuq talba tal-awtorità rikjedenti u skont ir-regoli li jirregolaw in-notifika ta’ strumenti simili fl-istat tal-awtorità rikjesta, l-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lid-destinatarju bl-istrumenti u bid-deċiżjonijiet kollha li joħorġu mill-awtoritajiet rikjedenti u li għandhom x’jaqsmu mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT fl-istat tal-awtorità rikjedenti.

2.It-talbiet għal notifika, li fihom għandu jissemma s-suġġett tal-istrument jew tad-deċiżjoni li għandha tiġi nnotifikata, għandu jkun fihom l-isem u l-indirizz tad-destinatarju u kull informazzjoni oħra li hija rilevanti biex dan jiġi identifikat.

3.L-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lill-awtorità rikjedenti minnufih bit-tweġiba tagħha għat-talba għal notifika u tavżaha b’mod partikulari dwar id-data meta d-destinatarju ġie mgħarraf bid-deċiżjoni jew bl-istrument.

Artikolu 13

Il-preżenza f’uffiċċji amministrattivi u l-parteċipazzjoni f’inkjesti amministrattivi

1.Bi qbil bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u skont l-arranġamenti li tkun stabbiliet din tal-aħħar, l-awtorità rikjesta tista’ tippermetti lill-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità rikjedenti jkunu preżenti fl-uffiċċji tagħha jew fi kwalunkwe post fejn hija twettaq dmirijietha sabiex isir l-iskambju tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 2(1)(a). Meta l-informazzjoni mitluba tkun qiegħda f’dokumenti li għandhom aċċess għalihom l-uffiċjali tal-awtorità rikjesta, l-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti għandhom jingħataw kopji tagħhom.

2.Bi qbil bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u skont l-arranġamenti li tkun stabbiliet din tal-aħħar, l-awtorità rikjesta tista’ tippermetti lill-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità rikjedenti jkunu preżenti waqt l-inkjesti amministrattivi li jsiru fit-territorju tal-istat tagħha sabiex isir l-iskambju tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 2(1)(a). L-uffiċjali tal-awtorità rikjesta biss għandhom iwettqu t-tali inkjesti amministrattivi. L-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti ma għandhomx jużaw is-setgħat ta’ spezzjoni mogħtija lill-uffiċjali tal-awtorità rikjesta. Madankollu, permezz tal-uffiċjali tal-awtorità rikjesta, huma għandu jkollhom aċċess għall-istess postijiet u għall-istess dokumenti bħalhom, għall-għan waħdieni li jwettqu l-inkjesta amministrattiva.

3.L-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti li jkunu jinsabu fi stat ieħor skont il-paragrafi 1 u 2 għandhom dejjem ikunu jistgħu juru l-awtorizzazzjoni tagħhom bil-miktub u fuqha jrid ikun hemm imniżżel min huma u l-kariga uffiċjali tagħhom.

Artikolu 14

Il-kontrolli simultanji

1.L-istati jistgħu jiftehmu li jwettqu kontrolli simultanji kull meta jqisu li t-tali kontrolli huma iktar effettivi mill-kontrolli mwettqin minn stat wieħed waħdu.

2.Stat partikulari għandu jidentifika b’mod indipendenti l-persuni taxxabbli li beħsiebu jipproponi biex isirulhom kontrolli simultanji. L-awtorità kompetenti ta’ dak l-istat għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-istat l-ieħor ikkonċernat bil-każijiet proposti għal kontroll simultanju. Hija għandha tagħti r-raġunijiet tagħha għall-għażla tagħha billi tipprovdi kemm jista’ jkun l-informazzjoni li tkun wasslitha għad-deċiżjoni tagħha. Hija għandha tispeċifika l-perjodu taż-żmien li matulu għandhom jitwettqu t-tali kontrolli.

3.Awtorità kompetenti li tirċievi proposta għal kontroll simultanju għandha tikkonferma li hija taqbel mat-tali kontroll jew tibgħat ir-raġunijiet għar-rifjut tagħha lill-awtorità kontroparti, fil-prinċipju fi żmien ġimagħtejn minn meta tirċiecvi l-proposta, iżda mhux aktar tard minn xahar wara li tirċievi l-proposta.

4.Kull awtorità kompetenti kkonċernata għandha taħtar rappreżentant li għandu jkun responsabbli biex jissorvelja u jikkoordina l-attività ta’ kontroll.

Kapitolu 4

L-Eurofisc

Artikolu 15

Il-parteċipazzjoni tan-Norveġja fl-Eurofisc

1.Sabiex tiġi promossa u ffaċilitata l-kooperazzjoni multilaterali fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, in-Norveġja għandha tiġi mistiedna tieħu sehem fin-netwerk imsejjaħ “Eurofisc” previst fil-Kapitolu X tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud 4 bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

2.Il-parteċipazzjoni tan-Norveġja fl-Eurofisc mhux se tagħti lill-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc maħturin mill-awtorità kompetenti ta’ stat partikulari aċċess għall-bażijiet tad-dejta ta’ stat ieħor.

Artikolu 16

L-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc

1.L-awtorità kompetenti tan-Norveġja għandha taħtar tal-inqas uffiċjal wieħed ta’ kollegament tal-Eurofisc li jkun responsabbli għall-iskambju tal-informazzjoni fl-oqsma ta’ ħidma tal-Eurofisc li fihom tieħu sehem in-Norveġja.

2.L-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc għandhom ikunu uffiċjali kompetenti fit-tifsira tal-Artikolu 4(4). Huma għandhom ikomplu jagħtu rendikont biss lill-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom.

3.L-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc tan-Norveġja ma għandhomx jinħatru bħala koordinaturi tal-oqsma ta’ ħidma jew bħala presidenti tal-Eurofisc u ma għandhomx jieħdu sehem fil-proċeduri ta’ votazzjoni previsti fir-regoli ta’ proċedura tal-Eurofisc.

Kapitolu 5

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 17

Il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-iskambju tal-informazzjoni

1.L-awtorità rikjesta għandha tibgħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) jew in-notifika amministrattiva msemmija fl-Artikolu 12 lill-awtorità rikjedenti dejjem jekk:

(a)l-għadd ta’ talbiet għall-informazzjoni li tagħmel l-awtorità rikjedenti u t-tip tagħhom ma jkunux jimponu piż amministrattiv sproporzjonat fuqha;

(b)l-awtorità rikjedenti tkun eżawriet is-sorsi kollha tal-informazzjoni li hija setgħet tuża s-soltu f’dawk iċ-ċirkustanzi biex tikseb l-informazzjoni mitluba mingħajr ma tirriskja li tipperikola l-kisba tal-għan mixtieq.

2.Dan il-Ftehim ma għandu jimponi l-ebda obbligu biex wieħed iwettaq xi inkjesta jew biex wieħed jipprovdi l-informazzjoni dwar xi każ partikulari jekk il-liġijiet u l-prattiki amministrattivi tal-istat li jkollu jagħti dik l-informazzjoni ma jawtorizzawhx iwettaq dawk l-inkjesti jew jiġbor dik l-informazzjoni jew jużaha għall-għanijiet tiegħu.

3.Awtorità rikjesta tista’ tirrifjuta li tipprovdi l-informazzjoni meta, għal raġunijiet legali, l-awtorità rikjedenti ma tkunx tista’ tipprovdi informazzoni simili. L-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lill-Kumitat Konġunt bir-raġunijiet għar-rifjut.

4.Meta l-provvista tal-informazzjoni tkun se twassal biex jiġi żvelat sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew biex jiġi żvelat proċess kummerċjali, jew meta din il-provvista tkun se twassal biex tiġi żvelata informazzjoni li l-iżvelar tagħha jkun imur kontra l-politika pubblika, jista’ jiġi rrifjutat li tingħata din l-informazzjoni.

5.Il-paragrafi 2, 3 u 4 ma għandhom jiġu interpretati bl-ebda mod bħala paragrafi li jawtorizzaw lill-awtorità rikjesta tirrifjuta li tagħti l-informazzjoni biss minħabba li din l-informazzjoni tkun informazzjoni ta’ bank, ta’ istituzzjoni finanzjarja oħra, ta’ mandatarju jew ta’ xi persuna li taġixxi bħala aġenzija jew fil-kapaċità ta’ fiduċjarju jew minħabba li din ikollha x’taqsam ma’ interessi ta’ sjieda f’persuna ġuridika.

6.L-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għar-rifjut ta’ talba għall-assistenza.

Artikolu 18

Il-feedback

Meta awtorità kompetenti tipprovdi l-informazzjoni skont l-Artikolu 7 jew 10, hija tista’ titlob lill-awtorità kompetenti li tirċievi dik l-informazzjoni tibagħtilha l-feedback dwarha. Jekk issir talba bħal din, l-awtorità kompetenti li tirċievi l-informazzjoni għandha tibgħat il-feedback tagħha malajr kemm jista’ jkun, dejjem jekk dan ma jkunx se jkunilha ta’ piż amministrattiv sproporzjonat, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar is-segretezza fiskali u l-protezzjoni tad-dejta li japplikaw fl-istat tagħha.

Artikolu 19

Il-lingwa

It-talbiet għall-għajnuna għandhom isiru b’lingwa li jkunu qablu dwarha l-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti, inklużi t-talbiet għal notifika u d-dokumenti mehmużin magħhom.

Artikolu 20

Dejta statistika

Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Partijiet għandhom jibagħtu lista tad-dejta statistika dwar l-applikazzjoni ta’ dan it-Titolu lill-Kumitat Konġunt b’mod elettroniku.

Artikolu 21

Il-formoli standard u l-mezzi tal-komunikazzjoni

1.L-informazzjoni kollha li tintbagħat skont l-Artikoli 7, 10, 11, 12 u 18 u l-istatistika li tintbagħat skont l-Artikolu 20 għandhom jintbagħtu bl-użu tal-formola standard imsemmija fl-Artikolu 41(2)(d).

2.Il-formoli standard għandhom jintbagħtu kemm jista jkun b’mod elettroniku.

3.Meta t-talba ma tkunx saret kollha kemm hi permezz tas-sistemi elettroniċi, l-awtorità rikjesta għandha tikkonferma li tkun irċeviet it-talba b’mod elettroniku mingħajr dewmien u, fi kwalunkwe każ, fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tkun irċeviet it-talba.

4.Meta awtorità tirċievi talba jew informazzjoni li mhux suppost tkun waslet għandha, hija għandha tavża lil min ikun bagħat it-talba jew l-informazzjoni b’mod elettroniku mingħajr dewmien u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tkun irċeviet it-talba jew l-informazzjoni.

Titolu III

L-assistenza għall-irkupru

Kapitolu 1

L-iskambju tal-informazzjoni

Artikolu 22

Talba għall-informazzjoni

1.Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha li tista’ titqies li hija rilevanti għall-awtorità applikanti fl-irkupru tat-talbiet tagħha hekk kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)(b).

Sabiex tibgħat dik l-informazzjoni, l-awtorità rikjesta għandha tagħmel l-arranġamenti biex jitwettqu l-inkjesti amministrattivi li hemm bżonn sabiex tinkiseb dik l-informazzjoni.

2.L-awtorità rikjesta ma għandhiex tkun obbligata tibgħat informazzjoni:

(a)li ma tkunx kapaċi tikseb biex tirkupra talbiet simili għaliha stess;

(b)li tkun tiżvela sigrieti kummerċjali, industrijali jew professjonali;

(c)li l-iżvelar tagħha x’aktarx li jippreġudika s-sigurtà tal-istat tagħha jew ikun imur kontra l-politika pubblika ta’ dak l-istat.

3.Il-paragrafu 2 ma għandu jiġi interpretat bl-ebda mod bħala paragrafu li jawtorizza lill-awtorità rikjesta tirrifjuta li tagħti l-informazzjoni biss minħabba li din l-informazzjoni tkun informazzjoni ta’ bank, ta’ istituzzjoni finanzjarja oħra, ta’ mandatarju jew ta’ xi persuna li taġixxi bħala aġenzija jew fil-kapaċità ta’ fiduċjarju jew minħabba li din ikollha x’taqsam ma’ interessi ta’ sjieda f’persuna.

4.L-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lill-awtorità applikanti bir-raġunijiet għar-rifjut ta’ talba għall-informazzjoni.

Artikolu 23

L-iskambju tal-informazzjoni mingħajr talba minn qabel

Meta rifużjoni tat-taxxi jew tad-dazji jkollha x’taqsam ma’ persuna stabbilita jew residenti fi stat ieħor li fih japplika dan il-Ftehim, l-istat minn fejn għandha ssir ir-rifużjoni jista’ jgħarraf lill-istat ta’ stabbiliment jew ta’ residenza bir-rifużjoni pendenti.

Artikolu 24

Il-preżenza f’uffiċċji amministrattivi u l-parteċipazzjoni f’inkjesti amministrattivi

1.Bi qbil bejn l-awtorità applikanti u l-awtorità rikjesta, u skont l-arranġamenti li tkun stabbiliet din tal-aħħar, l-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità applikanti, bil-ħsieb li jippromwovu l-assistenza reċiproka prevista f’dan it-Titolu, jistgħu:

(a)ikunu preżenti fl-uffiċċji fejn l-uffiċjali tal-istat rikjest iwettqu dmirijiethom;

(b)ikunu preżenti waqt l-inkjesti amministrattivi li jsiru fit-territorju tal-istat rikjest;

(c)jgħinu lill-uffiċjali kompetenti tal-istat rikjest waqt il-proċeduri tal-qrati f’dak l-istat.

2.Safejn tkun tippermetti l-leġiżlazzjoni tal-istat rikjest, il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1(b) jista’ jipprevedi li l-uffiċjali tal-awtorità applikanti jistgħu jintervistaw lill-individwi jew jeżaminaw ir-rekords.

3.L-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità applikanti li jużaw il-possibbiltà mogħtija mill-paragrafi 1 u 2 iridu jkunu jistgħu juru dejjem l-awtorizzazzjoni tagħhom bil-miktub u fuqha jrid ikun hemm imniżżel min huma u l-kariga uffiċjali tagħhom.

Kapitolu 2

L-assistenza għan-notifika ta’ dokumenti

Artikolu 25

Talba għan-notifika ta’ ċerti dokumenti marbutin mat-talbiet

1.Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lid-destinatarju bid-dokumenti kollha li joħorġu mill-istat tal-awtorità applikanti u li għandhom x’jaqsmu ma’ talba kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)(b) jew mal-irkupru tagħha, inklużi dawk ta’ natura ġudizzjarja.

Mat-talba għal notifika għandha tintbagħat formola standard li jkun fiha tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)l-isem u l-indirizz tad-destinatarju u kull informazzjoni oħra li hija rilevanti għall-identifikazzjoni tiegħu;

(b)l-għan tan-notifika u l-perjodu li fih għandha ssir in-notifika;

(c)deskrizzjoni tad-dokument mehmuż u n-natura tat-talba kkonċernata u l-ammont tagħha;

(d)l-isem u l-indirizz u dettalji oħrajn ta’ kuntatt dwar:

(i)l-uffiċċju responsabbli b’rabta mad-dokument mehmuż, u, jekk ikun differenti;

(ii)l-uffiċċju minn fejn wieħed jista’ jikseb iktar informazzjoni dwar id-dokument innotifikat jew dwar il-possibbiltà li wieħed jikkontesta l-obbligu tal-ħlas.

2.L-awtorità applikanti għandha tagħmel talba għal notifika skont dan l-Artikolu biss meta hija ma tkunx tista’ tagħmel notifika skont ir-regoli li jirregolaw in-notifika tad-dokument ikkonċernat fl-istat tagħha stess jew meta t-tali notifika twassal għal diffikultajiet sproporzjonati.

3.L-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lill-awtorità applikanti minnufih b’kull azzjoni li tkun ħadet b’rabta mat-talba tagħha għal notifika u b’mod partikulari bid-data meta d-destinatarju jkun ġie mgħarraf bid-dokument.

Artikolu 26

Il-mezzi ta’ notifika

1.L-awtorità rikjesta għandha tiżgura li n-notifika fl-istat rikjest issir skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi nazzjonali applikabbli.

2.Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kull forma oħra ta’ notifika li awtorità kompetenti tal-istat applikanti tagħmel skont ir-regoli li jkunu fis-seħħ f’dak l-istat.

Awtorità kompetenti stabbilita fl-istat applikanti tista’ tinnotifika kull dokument lil persuna li tkun tinsab fi stat ieħor li fih japplika dan il-Ftehim b’mod dirett permezz ta’ ittra rreġistrata jew inkella b’mod elettroniku.

Kapitolu 3

Il-miżuri ta’ rkupru u ta’ prekawzjoni

Artikolu 27

Talba għall-irkupru

1.Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tirkupra t-talbiet li dwarhom ikun hemm strument li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità applikanti.

2.Malli l-awtorità applikanti jkollha xi informazzjoni rilevanti dwar il-kwistjoni li tkun wasslet għat-talba għall-irkupru, hija għandha tgħaddiha lill-awtorità rikjesta.

Artikolu 28

Il-kundizzjonijiet li jirregolaw talba għall-irkupru

1.L-awtorità applikanti ma tistax tagħmel talba għall-irkupru jekk it-talba u/jew l-istrument li jippermetti l-infurzar tagħha jkunu qed jiġu kkontestati fl-istat tagħha u sakemm dawn ikun għadhom qed jiġu kkontestati, ħlief fil-każijiet li fihom japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(4).

2.Qabel ma l-awtorità applikanti tagħmel talba għall-irkupru, għandhom jiġu applikati l-proċeduri x-xierqa tal-irkupru disponibbli fl-istat tagħha, ħlief fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)meta jkun ovvju li ma hemm l-ebda assi għall-irkupru f’dak l-istat jew li t-tali proċeduri mhux se jwasslu għall-ħlas sħiħ tat-talba u l-awtorità applikanti jkollha informazzjoni speċifika li tindika li l-persuna kkonċernata għandha assi fl-istat tal-awtorità rikjesta;

(b)meta r-rikors għat-tali proċeduri fl-istat tal-awtorità applikanti jkun se jwassal għal diffikultajiet sproporzjonati.

Artikolu 29

L-istrument li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità rikjesta u dokumenti ta’ akkumpanjament oħrajn

1.Ma’ kull talba għall-irkupru għandu jkun hemm strument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità rikjesta.

Dan l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar għandu jirrifletti l-kontenut sostanzjali tal-istrument oriġinali li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità applikanti u għandu jkun l-unika bażi għall-miżuri ta’ rkupru u ta’ prekawzjoni fl-istat tal-awtorità rikjesta. F’dak l-istat ma għandu jkun hemm bzonn tal-ebda att ta’ rikonoxximent, att li jissupplimentah jew att ta’ sostituzzjoni.

L-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar għandu jkun fih tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)informazzjoni li hija rilevanti għall-identifikazzjoni tal-istrument oriġinali li jippermetti l-infurzar, deskrizzjoni tat-talba li jkun fiha n-natura tat-talba, il-perjodu li tkopri t-talba, kull data li hija rilevanti għall-proċess tal-infurzar, u l-ammont tat-talba u l-elementi differenti li jiffurmaw dan l-ammont, bħall-kapital, l-imgħax, eċċ.;

(b)l-isem tad-debitur u kull informazzjoni oħra li hija rilevanti għall-identifikazzjoni tiegħu;

(c)l-isem u l-indirizz u dettalji oħrajn ta’ kuntatt dwar:

(i)l-uffiċċju responsabbli biex jivvaluta t-talba, u, jekk ikun differenti;

(ii)l-uffiċċju minn fejn wieħed jista’ jikseb iktar informazzjoni dwar it-talba jew dwar il-possibbiltà li wieħed jikkontesta l-obbligu tal-ħlas.

2.It-talba għall-irkupru ta’ talba jista’ jkollha magħha dokumenti oħrajn relatati mat-talba li jkun ħariġhom l-istat tal-awtorità applikanti

Artikolu 30

L-eżekuzzjoni tat-talba għall-irkupru

1.Għall-għan tal-irkupru fl-istat tal-awtorità rikjesta, kull talba li għaliha tkun saret talba għall-irkupru għandha tiġi ttrattata daqslikieku kienet talba ta’ dak l-istat, ħlief fejn hu previst mod ieħor f’dan il-Ftehim. L-awtorità rikjesta għandha tuża s-setgħat u l-proċeduri pprovduti mil-liġijiet, mir-regolamenti u mid-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dak l-istat li japplikaw għall-istess talbiet, ħlief fejn hu previst mod ieħor f’dan il-Ftehim.

L-istat tal-awtorità rikjesta ma għandux ikun obbligat jagħti l-preferenzi li jingħataw lil talbiet simili li jinqalgħu f’dak l-istat lit-talbiet li għalihom jintalab l-irkupru, ħlief fejn hu miftiehem mod ieħor jew fejn hu previst mod ieħor fil-liġijiet ta’ dak l-istat. Stat li jagħti preferenzi lit-talbiet li jinqalgħu fi stat ieħor huwa u jimplimenta dan il-Ftehim ma jistax jirrifjuta li jagħti l-istess preferenzi lill-istess talbiet jew lil talbiet simili ta’ Stati Membri oħrajn tal-Unjoni bl-istess kundizzjonijiet.

L-istat tal-awtorità rikjesta għandu jirkupra t-talba fil-munita tiegħu stess.

2.L-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lill-awtorità applikanti bid-diliġenza dovuta b’kull azzjoni li tkun ħadet dwar it-talba għall-irkupru.

3.Mid-data li fiha tirċievi t-talba għall-irkupru, l-awtorità rikjesta għandha titlob imgħax fuq il-pagamenti li jsiru tard skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li japplikaw għat-talbiet tagħha stess.

4.Meta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli jkunu jippermettu dan, l-awtorità rikjesta tista’ tagħti ammont ta’ żmien lid-debitur biex iħallas, jew tawtorizzah iħallas bin-nifs u titolbu l-imgħax għal dan. Hija għandha tgħarraf lill-awtorità applikanti b’kull deċiżjoni ta’ dan it-tip.

5.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 37(1), l-awtorità rikjesta għandha tgħaddi l-ammonti rkuprati b’rabta mat-talba u l-imgħax imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu lill-awtorità applikanti.

Artikolu 31

It-tilwim

1.It-tilwim dwar it-talba, dwar l-istrument oriġinali li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità applikanti, jew dwar l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità rikjesta, u t-tilwim dwar il-validità ta’ notifika li tkun għamlet awtorità applikanti, għandu jidħol fil-kompetenza tal-korpi kompetenti tal-istat tal-awtorità applikanti. Jekk waqt il-proċedura tal-irkupru, parti interessata tikkontesta t-talba, jew tikkontesta l-istrument oriġinali li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità applikanti jew l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità rikjesta, l-awtorità rikjesta għandha tavża lil dik il-parti li hija għandha tressaq it-tali azzjoni quddiem il-korp kompetenti tal-istat tal-awtorità applikanti skont il-liġijiet li huma fis-seħħ f’dak l-istat.

2.It-tilwim dwar il-miżuri ta’ infurzar li jkun ħa l-istat tal-awtorità rikjesta, jew dwar il-validità ta’ notifika li tkun għamlet awtorità tal-istat rikjest għandu jitressaq quddiem il-korp kompetenti ta’ dak l-istat skont il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.

3.Meta titressaq azzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità applikanti għandha tgħarraf lill-awtorità rikjesta b’dan u għandha tindika l-punt safejn it-talba ma tkunx qed tiġi kkontestata.

4.Malli l-awtorità rikjesta tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 mingħand l-awtorità applikanti jew inkella mingħand il-parti interessata, hija għandha tissospendi l-proċedura tal-infurzar safejn din ikollha x’taqsam mal-parti kkontestata tat-talba sakemm il-korp kompetenti jkun iddeċieda dwar din il-kwistjoni u sakemm l-awtorità applikanti ma titlobx mod ieħor skont it-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Fuq talba tal-awtorità applikanti jew kull meta l-awtorità rikjesta tqis li dan ikun meħtieġ, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 33, l-awtorità rikjesta tista’ tieħu miżuri ta’ prekawzjoni biex tiżgura l-irkupru safejn il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli jkunu jippermettu dan.

L-awtorità applikanti tista’ titlob lill-awtorità rikjesta tirkupra talba kkontestata jew il-parti kkontestata ta’ talba skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi li huma fis-seħħ fl-istat tagħha, safejn il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi li huma fis-seħħ fl-istat tal-awtorità rikjesta jkunu jippermettu dan. Kull talba ta’ dan it-tip għandha tkun motivata. Jekk, wara, ir-riżultat tal-kontestazzjoni jkun favur id-debitur, l-awtorità applikanti għandha tirrimborża s-somom kollha rkuprati flimkien ma’ kull kumpens li jkun dovut skont il-liġijiet li jkunu fis-seħħ fl-istat tal-awtorità rikjesta.

Jekk l-istat tal-awtorità applikanti u dak tal-awtorità rikjesta jkunu nedew proċedura ta’ ftehim reċiproku bejniethom, u l-eżitu tal-proċedura jkun jista’ jaffettwa t-talba li għaliha tkun intalbet l-assistenza, il-miżuri ta’ rkupru għandhom jiġu sospiżi jew jitwaqqfu sakemm tintemm dik il-proċedura, dejjem jekk din ma jkollhiex x’taqsam ma’ każ ta’ urġenza immedjata minħabba frodi jew insolvenza. Jekk jiġu sospiżi jew jitwaqqfu l-miżuri ta’ rkupru, għandu japplika t-tieni subparagrafu.

Artikolu 32

L-emendar tat-talba għall-assistenza għall-irkupru jew l-irtirar tagħha

1.L-awtorità applikanti għandha tgħarraf lill-awtorità rikjesta minnufih dwar kull emenda sussegwenti tat-talba tagħha għall-irkupru jew dwar l-irtirar tat-talba tagħha, u għandha tagħti r-raġunijiet tagħha għal dan.

2.Jekk l-emenda tat-talba ssir minħabba deċiżjoni tal-korp kompetenti msemmi fl-Artikolu 31(1), l-awtorità applikanti għandha tibgħat dik id-deċiżjoni flimkien ma’ strument uniformi rivedut li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità rikjesta. L-awtorità rikjesta mbagħad għandha tkompli twettaq iktar miżuri ta’ rkupru abbażi tal-istrument rivedut.

Il-miżuri ta’ rkupru jew ta’ prekawzjoni li jkunu diġà ttieħdu abbażi tal-istrument uniformi oriġinali li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità rikjesta jistgħu jitkomplew abbażi tal-istrument rivedut, sakemm it-talba ma tkunx ġiet emendata minħabba li l-istrument oriġinali li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità applikanti jew l-istrument uniformi oriġinali li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità rikjesta ma jkunux validi.

L-Artikoli 29 u 31 għandhom japplikaw għall-istrument rivedut.

Artikolu 33

It-talba għall-miżuri ta’ prekawzjoni

1.Fuq talba tal-awtorità applikanti u jekk tkun tista’ tagħmel dan skont il-liġijiet nazzjonali tagħha u skont il-prattiki amministrattivi tagħha, l-awtorità rikjesta għandha tieħu miżuri ta’ prekawzjoni biex tiżgura l-irkupru meta t-talba jew l-istrument li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità applikanti jkunu qed jiġu kkontestati fiż-żmien meta ssir it-talba, jew meta jkun għad m’hemmx strument li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità applikanti għal dik it-talba, safejn il-liġijiet u l-prattiki amministrattivi fl-istat tal-awtorità applikanti jkunu jippermettu li jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni f’sitwazzjonijiet simili.

Id-dokument li jitfassal biex jiġu permessi l-miżuri ta’ prekawzjoni fl-istat tal-awtorità applikanti u li jkollu x’jaqsam mat-talba li għaliha tintalab l-assistenza reċiproka għandu jinhemeż mat-talba għall-miżuri ta’ prekawzjoni fl-istat tal-awtorità rikjesta. Fl-istat tal-awtorità rikjesta ma għandu jkun hemm l-ebda att ta’ rikonoxximent jew att ta’ sostituzzjoni b’rabta ma’ dan id-dokument, u l-ebda att li jissupplimentah.

2.It-talba għall-miżuri ta’ prekawzjoni jista’ jkollha magħha dokumenti oħrajn relatati mat-talba.

Artikolu 34

Ir-regoli li jirregolaw it-talba għall-miżuri ta’ prekawzjoni

Sabiex l-Artikolu 33 jidħol fis-seħħ, l-Artikoli 27(2), 30(1) u (2), 31 u 32 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 35

Limiti fuq l-obbligi tal-awtorità rikjesta

1.L-awtorità rikjesta ma għandhiex tkun obbligata tagħti l-assistenza prevista fl-Artikoli 27 sa 33 jekk l-irkupru tat-talba jkun se jwassal għal diffikultajiet ekonomiċi jew soċjali serji fl-istat tagħha minħabba s-sitwazzjoni tad-debitur, safejn il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi li huma fis-seħħ f’dak l-istat ikunu jippermettu t-tali eċċezzjoni għat-talbiet nazzjonali.

2.L-awtorità rikjesta ma għandhiex tkun obbligata tagħti l-assistenza prevista fl-Artikolu 22 u fl-Artikoli 24 sa 33 jekk it-talba oriġinali għall-assistenza skont l-Artikolu 22, 24, 25, 27 jew 33 issir għal talbiet li jkollhom iktar minn ħames snin, li jkunu jibdew mid-data dovuta tat-talba fl-istat tal-awtorità applikanti sad-data tat-talba oriġinali għall-assistenza.

Madankollu, f’każijiet fejn ikunu qed jiġu kkontestati t-talba jew l-istrument oriġinali li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità applikanti, il-perjodu ta’ ħames snin għandu jitqies li jibda minn meta jiġi stabbilit, fl-istat tal-awtorità applikanti, li t-talba jew l-istrument li jippermetti l-infurzar ma jistgħux jiġu kkontestati iktar.

Barra minn hekk, f’każijiet fejn l-istat tal-awtorità applikanti jkun ippermetta li l-pagament jew il-pjan ta’ ħlas bin-nifs jiġi pospost, il-perjodu ta’ ħames snin għandu jitqies li jibda minn meta jkun intemm il-perjodu kollu tal-pagament.

Madankollu, f’dawk il-każijiet, l-awtorità rikjesta ma għandhiex tkun obbligata tagħti l-assistenza għal talbiet li jkollhom iktar minn għaxar snin, li jkunu jibdew mid-data dovuta tat-talba fl-istat tal-awtorità applikanti.

3.Stat ma għandux ikun obbligat jagħti l-assistenza jekk it-talbiet koperti minn dan il-Ftehim li għalihom tintalab l-assistenza b’kollox ikunu jammontaw għal inqas minn EUR 1 500.

4.L-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lill-awtorità applikanti bir-raġunijiet għar-rifjut ta’ talba għall-assistenza.

Artikolu 36

Il-kwistjonijiet marbutin mal-limitazzjoni

1.Il-kwistjonijiet marbutin mal-perjodi tal-limitazzjoni għandhom ikunu rregolati biss mil-liġijiet li jkunu fis-seħħ fl-istat tal-awtorità applikanti.

2.F’dak li għandu x’jaqsam mas-sospensjoni, mal-interruzzjoni jew mat-titwil tal-perjodi tal-limitazzjoni, kull pass li tieħu l-awtorità rikjesta fl-irkupru tat-talbiet jew li jittieħed f’isimha b’segwitu għal talba għall-assistenza u li jwassal biex jiġi sospiż, interrott jew imtawwal il-perjodu tal-limitazzjoni skont il-liġijiet li jkunu fis-seħħ fl-istat tal-awtorità rikjesta għandu jkollu l-istess effett fl-istat tal-awtorità applikanti, dejjem jekk il-liġijiet ta’ dan l-istat ikunu jipprevedu l-effett korrispondenti.

Jekk il-liġijiet li jkunu fis-seħħ fl-istat tal-awtorità rikjesta ma jippermettux li jiġi sospiż, interrott jew imtawwal il-perjodu tal-limitazzjoni, kull pass li tieħu l-awtorità rikjesta fl-irkupru tat-talbiet jew li jittieħed f’isimha b’segwitu għal talba għall-assistenza li, kieku wettqitu l-awtorità applikanti fl-istat tagħha stess jew kieku twettaq f’isimha f’dak l-istat, kien iwassal biex jiġi sospiż, interrott jew imtawwal il-perjodu tal-limitazzjoni skont il-liġijiet ta’ dak l-istat, għandu jitqies li jkun ittieħed f’dan l-istat tal-aħħar safejn għandu x’jaqsam ma’ dak l-effett.

L-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhomx jaffettwaw id-dritt tal-istat tal-awtorità applikanti li jieħu miżuri li jwasslu biex jiġi sospiż, interrott jew imtawwal il-perjodu tal-limitazzjoni skont il-liġijiet li jkunu fis-seħħ f’dak l-istat.

3.L-awtorità applikanti u l-awtorità rikjesta għandhom javżaw lil xulxin b’kull azzjoni li tinterrompi, tissospendi jew ittawwal il-perjodu tal-limitazzjoni tat-talba li għaliha jkunu ntalbu l-miżuri ta’ rkupru u ta’ prekawzjoni, jew li tista’ twassal għal dan.

Artikolu 37

L-ispejjeż

1.Minbarra l-ammonti msemmija fl-Artikolu 30(5), l-awtorità rikjesta għandha tfittex li tirkupra mingħand il-persuna kkonċernata wkoll l-ispejjeż marbutin mal-irkupru li hija tkun ġarrbet skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-istat tagħha u li żżomm dan l-ammont.

2.L-istati għandhom jirrinunzjaw it-talbiet kollha li jkunu għamlu lil xulxin għar-rimborż tal-ispejjeż li joħorġu minn kull assistenza reċiproka li jkunu taw lil xulxin skont dan il-Ftehim.

Madankollu, meta l-irkupru joħloq problema speċifika jew ikun jinvolvi spejjeż kbar ħafna jew ikollu x’jaqsam mal-kriminalità organizzata, l-awtorità applikanti u l-awtorità rikjesta jistgħu jiftehmu bejniethom dwar arranġamenti speċifiċi tar-rimborż għall-każijiet ikkonċernati.

3.Minkejja l-paragrafu 2, l-istat tal-awtorità applikanti għandu jħallas lill-istat tal-awtorità rikjesta l-ispejjeż kollha u t-telf kollu li dan iġarrab minħabba azzjonijiet li jitqiesu li ma kinux motivati, f’dak li għandu x’jaqsam mas-sustanza tat-talba jew mal-validità tal-istrument li jippermetti l-infurzar u/jew mal-miżuri ta’ prekawzjoni maħruġin mill-awtorità applikanti.

Kapitolu 4

Ir-regoli ġenerali li jirregolaw kull tip ta’ talba għall-assistenza għall-irkupru

Artikolu 38

L-użu tal-lingwi

1.It-talbiet kollha għall-assistenza, il-formoli standard għan-notifiki u l-istrumenti uniformi li jippermettu l-infurzar fl-istat tal-awtorità rikjesta għandhom jintbagħtu bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istat tal-awtorità rikjesta jew għandu jkollhom magħhom traduzzjoni f’dik il-lingwa jew f’waħda minn dawk il-lingwi. Il-fatt li ċerti partijiet tagħhom ikunu miktubin b’lingwa li mhijiex dik uffiċjali jew li mhijiex waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dak l-istat ma għandux jaffettwa l-validità tagħhom jew il-validità tal-proċedura, safejn dik il-lingwa tkun waħda li jkunu qablu dwarha l-istati kkonċernati.

2.Id-dokumenti li għalihom tintalab notifika skont l-Artikolu 25 jistgħu jintbagħtu lill-awtorità rikjesta b’lingwa uffiċjali tal-istat tal-awtorità applikanti.

3.Meta ma’ talba jintbagħtu dokumenti oħrajn minbarra dawk imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2, l-awtorità rikjesta tista’ titlob lill-awtorità applikanti tibagħtilha traduzzjoni tat-tali dokumenti fil-lingwa uffiċjali tal-istat tagħha jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tiegħu jew f’lingwa oħra li jkunu qablu dwarha l-istati kkonċernati, fejn ikun hemm bżonn.

Artikolu 39

Dejta statistika

Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Partijiet għandhom jibagħtu lista tad-dejta statistika dwar l-applikazzjoni ta’ dan it-Titolu lill-Kumitat Konġunt b’mod elettroniku.

Artikolu 40

Il-formoli standard u l-mezzi tal-komunikazzjoni

1.It-talbiet għall-informazzjoni li jsiru skont l-Artikolu 22(1), it-talbiet għal notifika li jsiru skont l-Artikolu 25(1), it-talbiet għall-irkupru li jsiru skont l-Artikolu 27(1) jew it-talbiet għall-miżuri ta’ prekawzjoni li jsiru skont l-Artikolu 33(1) u d-dejta statistika li tintbagħat skont l-Artikolu 39 għandhom jintbagħtu b’mod elettroniku bl-użu ta’ formola standard, sakemm dan ma jkunx prattiku għal raġunijiet tekniċi. Safejn ikun possibbli, dawn il-formoli għandhom jintużaw ukoll għal kull korrispondenza oħra li tintbagħat wara b’rabta mat-talba.

L-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-istat tal-awtorità rikjesta, id-dokument li jippermetti l-miżuri ta’ prekawzjoni fl-istat tal-awtorità applikanti u d-dokumenti l-oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 29 u fl-Artikolu 33 ukoll għandhom jintbagħtu b’mod elettroniku, sakemm dan ma jkunx prattiku għal raġunijiet tekniċi.

Meta dan ikun xieraq, mal-formoli standard jistgħu jintbagħtu rapporti, dikjarazzjonijiet u dokumenti oħrajn jew kopji tagħhom iċċertifikati bħala awtentiċi jew estratti minnhom, li wkoll għandhom jintbagħtu b’mod elettroniku, sakemm dan ma jkunx prattiku għal raġunijiet tekniċi.

Il-formoli standard u l-korrispondenza b’mod elettroniku jistgħu jintużaw ukoll għall-iskambju tal-informazzjoni skont l-Artikolu 23.

2.Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-informazzjoni u għad-dokumenti li jinkisbu permezz tal-preżenza tal-uffiċjali f’uffiċċji amministrattivi fi stat ieħor jew permezz tal-parteċipazzjoni f’inkjesti amministrattivi fi stat ieħor skont l-Artikolu 24.

3.Jekk il-korrispondenza ma ssirx b’mod elettroniku jew billi jintużaw il-formoli standard, dan ma għandux jaffettwa l-validità tal-informazzjoni miksuba jew tal-miżuri li jittieħdu hija u tiġi implimentata talba għall-assistenza.

4.In-netwerk tal-komunikazzjoni elettronika u l-formoli standard adottati għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim jistgħu jintużaw ukoll għall-assistenza għall-irkupru b’rabta ma’ talbiet oħrajn minbarra t-talbiet imsemmijin fl-Artikolu 2(1)(b) jekk it-tali assistenza għall-irkupru tkun tista’ tingħata skont strumenti bilaterali jew multilaterali oħrajn dwar il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-istati li jkunu legalment vinkolanti.

5.Sakemm il-Kumitat Konġunt ma jadotta l-ebda regola ddettaljata dwar l-implimentazzjoni ta’ dan it-Titolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw ir-regoli li huma adottati dal-ħin għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE 5 , inklużi l-formoli standard, fejn it-terminu “Stat Membru”se jiġi interpretat bħala terminu li jinkludi lin-Norveġja wkoll.

Minkejja s-subparagrafu ta’ qabel, l-istat tal-awtorità rikjesta għandu juża l-munita tal-Ewro biex jittrasferixxi l-ammonti rkuprati lill-istat tal-awtorità applikanti, sakemm ma jkunx hemm qbil mod ieħor bejn l-istati kkonċernati. L-istati li ma għandhomx l-Ewro bħala l-munita uffiċjali tagħhom għandhom jiftehmu man-Norveġja dwar il-munita li se jużaw biex jittrasferixxu l-ammonti rkuprati bejniethom u għandhom jgħarrfu lill-Kumitat Konġunt b’dan.

Titolu IV

L-implimentazzjoni u l-applikazzjoni

Artikolu 41

Il-Kumitat Konġunt

1.Il-Partijiet b’dan qed jistabbilixxu Kumitat Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet. Il-Kumitat Konġunt għandu jiżgura l-funzjonament tajjeb u l-implimentazzjoni tajba ta’ dan il-Ftehim.

2.Il-Kumitat Konġunt għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet biex jippromwovi l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim u jadotta deċiżjonijiet:

(a)li jistabbilixxu l-frekwenza tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 11, l-arranġamenti prattiċi għal dan l-iskambju u l-kategoriji eżatti tal-informazzjoni li dwarhom trid tiġi skambjata l-informazzjoni b’mod awtomatiku;

(b)li jirrevedu r-riżultati tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni għal kull kategorija stabbilita skont il-punt (a) sabiex ikun żgurat li dan it-tip ta’ skambju jsir biss meta dan ikun l-iktar mod effiċjenti biex tiġi skambjata l-informazzjoni;

(c)li jistabbilixxu kategoriji ġodda tal-informazzjoni li għandha tiġi skambjata skont l-Artikolu 11 jekk l-iskambju awtomatiku tagħha jkun l-iktar mod effiċjenti ta’ kooperazzjoni;

(d)biex tiġi adottata l-formola standard għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 40(1);

(e)li jistabbilixxu x’għandu jiġi trażmess permezz tan-NKK u tal-ISK jew b’mezzi oħrajn;

(f)dwar l-ammont u l-modalitajiet tal-kontribut finanzjarju li n-Norveġja għandha tagħti lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż li jiġġarrbu minħabba li hija tieħu sehem fis-sistemi ta’ informazzjoni Ewropej, filwaqt li jitqiesu d-deċiżjonijiet imsemmijin fil-punti (d) u (e);

(g)li jadottaw ir-regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-arranġamenti prattiċi għall-organizzazzjoni tal-kuntatti bejn l-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament u d-dipartimenti ta’ kollegament imsemmijin fl-Artikolu 4(2)(b) u fl-Artikolu 4(3)(b);

(h)li jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi bejn l-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 4(5);

(i)li jadottaw ir-regoli ta’ implimentazzjoni dwar il-konverżjoni tal-ammonti li jridu jiġu rkuprati u dwar it-trasferiment tal-ammonti rkuprati;

(j)li jadottaw il-proċedura għall-konklużjoni tal-ftehim dwar il-livell tas-servizz imsemmi fl-Artikolu 5;

(k)biex jiġu emendati r-referenzi għall-atti legali tal-Unjoni u tan-Norveġja inklużi f’dan il-Ftehim.

3.Il-Kumitat Konġunt għandu jaġixxi bl-unanimità. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jorbtu lill-Partijiet. Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

4.Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ tal-inqas darba kull sentejn. Kull Parti tista’ titlob li tissejjaħ laqgħa. Kull Parti għandha tippresiedi l-Kumitat Konġunt b’mod alternat. Id-data u l-post ta’ kull laqgħa, kif ukoll l-aġenda, għandhom jiġu stabbiliti bi qbil bejn il-Partijiet.

5.Jekk Parti tkun tixtieq tirrevedi l-Ftehim, hija għandha tressaq proposta lill-Kumitat Konġunt, li għandu jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwarha, b’mod partikulari sabiex jinbdew in-negozjati skont ir-regoli għan-negozjati internazzjonali tal-Partijiet.

Artikolu 42

Is-soluzzjoni tat-tilwim

It-tilwim li jista’ jinqala’ bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew l-applikazzjoni tiegħu għandu jiġi solvut billi jsiru konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt. Il-Partijiet għandhom jibagħtu l-informazzjoni rilevanti kollha li hemm bżonn biex il-kwistjoni tiġi eżaminata bir-reqqa lill-Kumitat Konġunt bil-ħsieb li jissolva t-tilwim.

Titolu V

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 43

Il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju tan-Norveġja kif stabbilit fl-Artikoli 1 u 2 tal-Att Norveġiż numru 58 tad-19 ta’ Ġunju 2009 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, u għat-territorji li għalihom japplikaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk it-Trattati, ħlief għat-territorji msemmijin fl-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE.

Artikolu 44

Dħul fis-seħħ, tul ta’ żmien u terminazzjoni

1.Il-Partijiet għandhom japprovaw il-Ftehim skont il-proċeduri legali interni tagħhom.

2.Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta’ wara d-data meta l-Partijiet ikunu għarrfu lil xulxin li lestew il-proċeduri legali interni tagħhom imsemmijin fil-paragrafu 1.

3.Dan il-Ftehim għandu jkun validu għal perjodu taż-żmien mhux definit. Kull Parti tista’ tavża lill-Parti l-oħra bil-miktub li hija jkun beħsiebha twaqqaf il-Ftehim. It-terminazzjoni għandha sseħħ sitt xhur wara d-data tan-notifika.

4.In-notifiki li jsiru skont dan l-Artikolu għandhom jintbagħtu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-każ tal-Unjoni u lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fil-każ tan-Norveġja.

Artikolu 45

Annessi

L-Annessi ta’ dan il-Ftehim għandhom jiffurmaw parti integrali minnu.

Artikolu 46

Ir-rabta ma’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali oħrajn u mal-arranġamenti bejn l-istati

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kull strument bilaterali jew multilaterali ieħor dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tal-VAT li jkun legalment vinkolanti u li jkun ġie konkluż bejn Stat Membru tal-Unjoni jew diversi Stati Membri tagħha u n-Norveġja, safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istrument ma jkunux kompatibbli ma’ dawk ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 47

It-test awtentiku

Qegħdin isiru żewġ kopji ta’ dan il-Ftehim bin-Norveġiż, bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan u bl-Ungeriż, u kull wieħed minn dawn it-testi huwa awtentiku bl-istess mod.

Artikolu 48

Twessigħ tal-Ftehim għal Stati Membri ġodda tal-UE

Meta pajjiż isir Stat Membru tal-Unjoni, it-test tal-Ftehim bil-lingwa tal-pajjiż li jkun għadu kemm sar Stat Membru, kif stabbilit mill-Kunsill tal-Unjoni, għandu jiġi awtentikat permezz ta’ skambju tal-ittri bejn l-Unjoni u n-Norveġja.

Firem

ANNESS 1

Lista tal-provvisti tal-oġġetti u tas-servizzi li għalihom japplika l-Artikolu 7(4):

(1)l-importazzjonijiet ta’ valur negliġibbli (imsemmijin fl-Artikolu 23 tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE 6 );

(2)is-servizzi relatati mal-proprjetà immobbli (imsemmijin fl-Artikolu 47 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE);

(3)is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, is-servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni u s-servizzi fornuti b’mod elettroniku (imsemmijin fl-Artikolu 3(t) ta’ dan il-Ftehim).

(1) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).
(3) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1).
(6) Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (ĠU L 292, 10.11.2009, p. 5).
Top