EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0536

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Ir-Regolament Emendatorju (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea); ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol); ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq); ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju; ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej; ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji; ir-Regolament (UE) Nru 2015/760 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil; ir-Regolament (UE) Nru 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; u r-Regolament (UE) Nru 2017/1129 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat

COM/2017/0536 final - 2017/0230 (COD)

Brussell, 2017 09 20

COM(2017) 536 final

2017/0230(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

Ir-Regolament Emendatorju (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea); ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol); ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq); ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju; ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej; ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji; ir-Regolament (UE) Nru 2015/760 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil; ir-Regolament (UE) Nru 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; u r-Regolament (UE) Nru 2017/1129 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2017) 308 final}

{SWD(2017) 309 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Is-swieq finanzjarji integrati jġibu benefiċċji sinifikanti għall-finanzjament tal-ekonomija Ewropea u għall-promozzjoni tal-impjiegi u t-tkabbir fuq bażi soda u sostenibbli. Sabiex jiġu promossi l-integrazzjoni finanzjarja u l-integrità tas-suq, filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja, is-suq intern tal-UE għas-servizzi finanzjarji jirrikjedi regoli komuni u koordinazzjoni superviżorja b’saħħitha. Għalhekk, meta l-UE rrevediet is-sistema finanzjarja tagħha b’reazzjoni għall-kriżi finanzjarja, u skont l-isforzi globali, hija introduċiet Ġabra Unika tar-Regoli għar-regolamentazzjoni finanzjarja fl-Ewropa u ħolqot l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (“ASE”). L-ASE jikkostitwixxu l-pedament istituzzjonali tal-pakkett ta’ riforma komprensiv u kellhom rwol ewlieni fl-iżgurar li s-swieq finanzjarji madwar l-UE jkunu rregolati sewwa, b’saħħithom u stabbli. Huma jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-applikazzjoni konsistenti tal-Ġabra Unika tar-Regoli, isolvu l-problemi transfruntieri u, b’hekk, jippromwovu kemm il-konverġenza regolatorja kif ukoll dik superviżorja.

Minkejja l-miżuri meħuda wara l-kriżi, għad hemm potenzjal sinifikanti sabiex tissaħħaħ il-konverġenza regolatorja u superviżorja fis-suq intern. Is-swieq finanzjarji integrati jirrikjedu arranġamenti superviżorji aktar integrati sabiex jiffunzjonaw b’mod effettiv, filwaqt li arranġamenti superviżorji aktar ċentralizzati jistgħu, min-naħa tagħhom, irawmu l-integrazzjoni tas-suq.

Għal din ir-raġuni, l-UE involviet ruħha f’integrazzjoni ulterjuri fis-settur finanzjarju usa’ fuq bażi soda u stabbli. B’mod partikolari, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (“CMU”) tnediet sabiex tistabbilixxi s-sisien għal suq intern kompletament funzjonali għas-swieq kapitali. F’dan il-kuntest, ir-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar l-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa ta’ Ġunju 2015 1 enfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-qafas superviżorju tal-UE, li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal superviżur uniku tas-swieq kapitali. Aktar riċenti, id-Dokument ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja 2 jissuġġerixxi li rieżami tal-qafas superviżorju tal-UE – b’mod partikolari tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) - jenħtieġ li twassal l-ewwel passi lejn tali superviżur uniku sal-2019. Id-Dokument ta’ Riflessjoni talab ukoll għall-ikkompletar tal-Unjoni Finanzjarja - li tinkludi kemm Unjoni Bankarja kif ukoll Unjoni tas-Swieq Kapitali - sal-2019 sabiex tiġi garantita l-integrità tal-euro u jittejjeb il-funzjonament taż-żona tal-euro u tal-UE b’mod ġenerali. Is-swieq finanzjarji globali huma interkonnessi ħafna u l-qafas regolatorju tal-UE huwa prinċipalment ibbażat fuq l-istandards internazzjonali miftiehma wara l-kriżi finanzjarja, b'mod partikolari fost il-pajjiżi tal-G20. Billi l-UE qed tagħmel ħilitha biex tħaffef l-ikkompletar tas-CMU, huwa għalhekk essenzjali li l-arranġamenti superviżorji tal-UE jkomplu jiżviluppaw b’mod li jippermetti li jitgawda l-potenzjal sħiħ tas-swieq finanzjarji integrati f’livell internazzjonali, filwaqt li jiġi żgurat li r-riskji transfruntieri bejn l-UE u l-bqija tad-dinja jkunu jistgħu jiġu mmonitorjati u ġestiti b’mod effettiv. L-ASE għandhom rwol ewlieni x’jaqdu f’dan ir-rigward.

Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni tar-Renju Unit li jitlaq mill-UE ssaħħaħ dawn l-isfidi għall-arranġamenti superviżorji fil-bqija tal-UE27. It-tluq fil-ġejjieni ta’ dak li bħalissa huwa l-akbar ċentru finanzjarju tal-UE jfisser li jeħtieġ li s-swieq kapitali tal-UE27 jissaħħu aktar sabiex ikun żgurat li s-swieq finanzjarji jkomplu jappoġġjaw l-ekonomija fuq bażi soda u adegwata.

L-objettiv tal-proposta preżenti huwa li taġġusta u ttejjeb il-qafas tal-ASE sabiex ikun żgurat li dawn ikunu jistgħu jassumu responsabbiltà msaħħa għas-superviżjoni tas-swieq finanzjarji. L-ASE għandhom ikunu mgħammra b’mod adegwat f’termini tas-setgħat, il-governanza u l-finanzjament.

L-ewwel nett, fejn is-setgħat eżistenti tal-ASE wrew li kienu parzjalment insuffiċjenti u mhux definiti b’mod ċar, pereżempju fir-rigward tal-applikazzjoni konsistenti tal-liġi tal-UE, it-tfassil ta’ pariri tekniċi jew il-provvediment ta’ appoġġ kontinwu għal deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza, huma jridu jissaħħu u jittejbu. Il-kamp ta’ applikazzjoni attwali tal-mandat tal-ASE għandu jiġi kkunsidrat mill-ġdid ukoll fid-dawl tal-objettivi ta’ politika tas-CMU. Hija meħtieġa superviżjoni diretta aktar komuni f’oqsma mmirati bil-għan li jiġu żgurati prassi superviżorji aktar konsistenti, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-regoli tas-servizzi finanzjarji tal-UE. Ir-rieżami tar-Regolamenti dwar l-ASE fl-2017 ikkonkluda li s-superviżjoni ta’ ċerti attivitajiet u entitajiet b’importanza partikolari għall-Unjoni kollha kemm hi jew bi grad sinifikanti ta’ negozju transfruntier jenħtieġ li titwettaq mill-ASE minflok mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Bl-istess mod, l-ASE jenħtieġ li jkunu aktar involuti fl-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-entitajiet minn pajjiżi terzi li huma attivi fl-Unjoni.

It-tieni, din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi governanza aktar effettiva tal-ASE. L-istruttura tal-inċentivi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-ASE kif inhi bħalissa twassal għal nuqqas ta’ deċiżjonijiet, b’mod partikolari fil-qasam tal-konverġenza regolatorja u l-konverġenza superviżorja, jew inkella tippromwovi deċiżjonijiet li huma orjentati wisq lejn l-interessi nazzjonali minflok l-interessi usa’ tal-UE. Sa ċertu punt, dan jirrifletti tensjoni inerenti bejn il-mandat Ewropew tal-ASE u l-mandat nazzjonali tal-awtoritajiet kompetenti li huma membri tal-Bordijiet tal-ASE 3 . Din il-pożizzjoni mhijiex allinjata sewwa mal-objettiv ta’ konverġenza superviżorja. Rwol akbar għall-ASE fl-approfondiment tal-integrazzjoni finanzjarja jew fit-tisħiħ tal-istabbiltà tas-suq intern se jkun jirrikjedi wkoll setgħat ta’ konverġenza aktar effettivi 4 .

It-tielet, l-ASE jeħtieġu bażi ta’ finanzjament xierqa li tippermettilhom jallokaw ir-riżorsi fir-rigward tal-ħtiġijiet tagħhom sabiex jissodisfaw l-objettiv tagħhom. L-arranġamenti baġitarji attwali qegħdin u se jkomplu jirrestrinġu l-attivitajiet tal-ASE, minħabba li l-Istati Membri, għal raġunijiet differenti, jistgħu ma jkunux lesti li jżidu aktar il-kontribuzzjonijiet nazzjonali.

Il-proposta preżenti tistabbilixxi l-emendi speċifiċi għar-Regolamenti dwar l-ASE 5 u diversi atti settorjali 6 sabiex jissaħħu s-setgħat, il-governanza u l-qafas tal-finanzjament tal-ASE, billi dawn huma oqsma li jeħtieġ li jissaħħu sabiex l-ASE jkunu jistgħu jilqgħu għall-isfidi deskritti hawn fuq.

Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja din il-proposta jikkunsidra l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ dawn l-emendi. Huwa jistabbilixxi għadd ta’ għażliet ta’ miżuri maħsuba sabiex isaħħu s-setgħat tal-ASE fil-livell tal-UE, itejbu l-governanza tagħhom (inkluż it-teħid tad-deċiżjonijiet) u jiżguraw li l-qafas ta’ finanzjament tagħhom ikun sostenibbli u proporzjonat mal-kompiti attwali u futuri. Il-valutazzjoni tal-impatt tipprovdi evidenza komprensiva li l-emendi proposti jikkontribwixxu b’mod effettiv għat-tisħiħ tal-qafas tal-ASE u, b’hekk, għall-istabbiltà globali tas-sistema finanzjarja tal-UE, filwaqt li l-kostijiet għall-Baġit Ġenerali tal-UE u għall-partijiet ikkonċernati jinżammu minimi. L-emendi proposti jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp u l-approfondiment ulterjuri tas-CMU, skont il-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta hija konsistenti ma’ għadd ta’ dispożizzjonijiet eżistenti oħrajn tal-politika tal-UE u inizjattivi li għaddejjin bħalissa li għandhom l-għan li jiżguraw arranġamenti superviżorji effettivi u effiċjenti fil-livell tal-UE.

Mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom f’tiġdid fundamentali tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni finanzjarja. L-UE nediet għadd ta’ riformi sabiex toħloq sistema finanzjarja aktar sikura, soda, trasparenti u responsabbli li taħdem għall-ekonomija u għas-soċjetà kollha kemm hi. Dawn kienu jinkludu l-ħolqien tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni, kif ukoll Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni għal responsabbiltajiet speċifiċi u diskreti fuq is-superviżjoni. Din il-proposta hija konsistenti u komplimentarja mal-kompiti u l-funzjonijiet ta’ dawn il-korpi.

Din il-proposta hija konsistenti wkoll mal-Ġabra Unika tar-Regoli għal-leġiżlazzjoni finanzjarja li għaliha l-ASE jipprovdu kontribuzzjoni sinifikanti permezz tal-ħidma tagħhom. L-iskop tal-Ġabra Unika tar-Regoli huwa li tistabbilixxi regoli komuni madwar l-UE, li jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja u kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, kif ukoll livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri. Pereżempju, il-proposta hija konsistenti mar-Regolament / mad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (għall-banek) u mad-Direttiva dwar Solvibbiltà II (għall-impriżi tal-assigurazzjoni) li għandhom l-għan li jagħmlu s-settur finanzjarju aktar stabbli. Din il-proposta hija konsistenti wkoll mal-qafas eżistenti għas-servizzi ta’ ħlas u l-ipoteki fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

Fir-rigward tal-inizjattivi li għaddejjin, il-Kummissjoni llum qiegħda tipproponi wkoll inizjattiva leġiżlattiva sabiex issaħħaħ il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (“BERS”), li flimkien mal-ASE jifforma s-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja li ġiet introdotta wara l-kriżi finanzjarja. Eżempji riċenti oħrajn jinkludu: il-proposta tal-Kummissjoni għal emendi mmirati għall-EMIR 7 sabiex tissaħħaħ is-superviżjoni fil-livell tal-UE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-Kontropartijiet Ċentrali (“CCPs”) u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent tas-CCPs ta’ pajjiżi terzi; u l-proposta tal-Kummissjoni rigward il-prodotti tal-pensjoni personali 8 sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-EIOPA billi din tingħata setgħat li tawtorizza dawn il-prodotti ġodda sabiex tagħtihom tikketta ta’ kwalità għolja fil-livell pan-Ewropew u tippermetti d-distribuzzjoni tagħhom madwar l-UE kollha.

Fl-aħħar nett, din il-proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-politika tal-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi fil-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-UE kif stabbilit fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-ekwivalenza 9 . Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-proċess ta’ ekwivalenza ma’ pajjiżi terzi fil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-UE. Huwa jistabbilixxi l-esperjenza rilevanti u jidentifika ċerti oqsma li jeħtieġu attenzjoni akbar u li huma parzjalment indirizzati f’din il-proposta. Fid-dawl tal-objettivi tal-politika tal-UE, il-governanza fiskali tajba u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus ibbażati fuq standards globali huma elementi importanti għall-iżvilupp ulterjuri tal-politika. Sabiex tiżgura l-koerenza politika u ssaħħaħ is-salvagwardji kontra l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, il-Kummissjoni se tkompli tintegra dawn il-kwistjonijiet fil-leġiżlazzjoni xierqa tal-UE, inkluż għas-servizzi finanzjarji, u tista’ tikkunsidra l-integrazzjoni tagħhom fil-proċessi tal-ekwivalenza

Il-konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Din il-proposta hija konsistenti mal-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni sabiex tkompli tiżviluppa s-CMU. Qafas superviżorju aktar effettiv huwa element ewlieni għal swieq kapitali aktar integrati minħabba li jikkontribwixxi għal implimentazzjoni aktar konsistenti tar-regoli għas-settur finanzjarju. F’dan il-kuntest, ir-Rapport tal-Ħames Presidenti ta’ Ġunju 2015 10 jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-qafas superviżorju tal-UE, li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal superviżur uniku tas-swieq kapitali. Il-ħtieġa li s-swieq kapitali tal-UE jiġu żviluppati u integrati aktar hija enfasizzata fil-Komunikazzjoni dwar is-CMU ta’ Settembru 2016 11 u fil-Komunikazzjoni dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tas-CMU 12 .

Din il-proposta hija konsistenti wkoll mal-impenji tal-Kummissjoni mwettqa fis-CMU sabiex twieġeb għal żewġ sfidi ġodda fis-swieq tal-lum: il-finanzi sostenibbli u t-teknoloġija finanzjarja (“FinTech”).

Fir-rigward tal-finanzi sostenibbli, il-Kummissjoni impenjat ruħha, fil-qafas tal-inizjattiva tas-CMU, li ssaħħaħ it-tmexxija tal-UE fuq l-investiment u l-finanzi sostenibbli. Ir-riskji u l-opportunitajiet relatati mal-governanza u dawk soċjali u ambjentali ġodda qegħdin ibiddlu s-settur finanzjarju u jirrikjedu adattamenti għall-approċċ u l-qafas superviżorju. Barra minn hekk, is-settur finanzjarju għandu rwol ewlieni li jiżgura t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju. Koordinazzjoni u konverġenza aktar b’saħħithom tal-attitudnijiet superviżorji lejn is-sostenibbiltà huma meħtieġa fil-livell tal-UE. F’dan ir-rigward, din il-proposta hija konsistenti mal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija, mal-impenji tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

L-ASE jenħtieġ li jikkontribwixxu wkoll sabiex jisfruttaw il-potenzjal u l-opportunitajiet tat-Teknoloġija Finanzjarja (“FinTech”), filwaqt li jindirizzaw ir-riskji possibbli f’dan il-qasam, pereżempju permezz ta’ prattiki aktar konsistenti fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti regolatorji. Dan jimplika integrazzjoni aħjar tal-aspetti relatati mal-FinTech fil-ħidma superviżorja tal-ASE. F’dan il-kuntest, din il-proposta hija konsistenti wkoll mal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali. It-teknoloġiji ġodda qegħdin ibiddlu s-settur finanzjarju. Dan jirrikjedi wkoll adattamenti għall-approċċ u l-qafas superviżorju. Is-superviżuri nazzjonali ħadu diversi inizjattivi, li jistgħu jagħmlu ħsara lill-funzjonament tajjeb tas-suq intern jekk ma jiġux ikkoordinati kif suppost. Koordinazzjoni u konverġenza aktar b’saħħithom tal-attitudnijiet superviżorji lejn l-innovazzjoni teknoloġika huma meħtieġa fil-livell tal-UE, pereżempju permezz tat-twaqqif ta’ ċentru ta’ innovazzjoni tal-UE fl-ASE.

Il-bidliet immirati fil-mudell ta’ governanza attwali huma konformi wkoll mal-isforzi tal-Kummissjoni li tagħmel il-fora tat-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan l-aġenziji deċentralizzati tal-UE aktar operazzjonali u indipendenti. Fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, aġenziji jew istituzzjonijiet Ewropej oħrajn, bħall-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, għandhom korp preparatorju permanenti u indipendenti, li għandu s-setgħat u l-kompiti tiegħu u li jista’ jiddeċiedi fuq ċerti kwistjonijiet jew jipparteċipa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-istabbiliment ta’ Bordijiet Eżekuttivi għall-ASE b’membri permanenti u b’mandat esklussiv huwa konformi mas-salvagwardji eżistenti għat-tisħiħ tad-dimensjoni tal-UE fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-aġenziji.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-finanzjament, filwaqt li l-maġġoranza tal-aġenziji deċentralizzati tal-UE huma ffinanzjati mill-Baġit tal-UE, hemm bosta aġenziji tal-UE li jirċievu taħlita ta’ finanzjament kompletament privat. F’dak ir-rigward, it-tranżizzjoni għall-kontribuzzjonijiet tal-industrija għall-baġit tal-ASE hija konformi mal-prattika eżistenti tal-UE.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika tal-emendi kollha hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Din id-dispożizzjoni hija l-bażi ġuridika tar-Regolamenti kollha koperti minn din il-proposta.

Huwa propost li r-Regolamenti ta’ twaqqif tal-ASE jiġu adattati għall-iżviluppi ġodda, bl-għan li jittejjeb il-funzjonament tal-ASE fl-interess tal-konverġenza fis-suq intern u b’hekk ikun hemm funzjonament bla xkiel ta’ dan tal-aħħar. L-analiżi mwettqa bħala parti mir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt tidentifika l-oqsma tal-qafas tal-ASE li jeħtieġ li jiġu emendati sabiex jissaħħu l-istabbiltà u l-effettività tal-arranġamenti superviżorji tal-UE u, b’hekk, tas-sistema finanzjarja tal-UE.

Huma meħtieġa bidliet ulterjuri fil-leġiżlazzjoni settorjali sabiex l-ASE jkunu jistgħu jużaw il-potenzjal sħiħ tas-setgħat imsaħħa tagħhom. Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt u l-evalwazzjoni li takkumpanjah juru li l-azzjoni tal-UE hija ġustifikata u neċessarja sabiex jiġu indirizzati l-problemi identifikati fil-qasam tas-setgħat disponibbli għall-ASE, il-qafas ta’ governanza tagħhom u l-qafas tal-finanzjament tagħhom.

Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Minħabba li l-ASE huma korpi tal-Unjoni, ir-regolamenti li jirregolawhom jistgħu jiġu emendati biss mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-emendi jservu għal funzjonament aktar konsistenti tas-suq intern, objettiv li ma jistax jintlaħaq jekk l-Istati Membri jaġixxu individwalment.

Fil-każ ta’ fondi koperti mir-Regolamenti tal-EuVECA, l-EuSEF u l-ELTIF, l-istabbiliment tal-ESMA bħala korp superviżorju uniku jiżgura li r-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet uniformi tat-tliet Regolamenti jiġu applikati b’mod konsistenti madwar l-Istati Membri kollha. Is-superviżjoni unika tnaqqas l-ammont, u d-diversità, tal-kostijiet u l-ħin fuq l-amministrazzjoni u b’hekk tippermetti lill-maniġers inaqqsu l-kostijiet operattivi u tat-tranżazzjonijiet. Hija se tissimplifika l-proċessi amministrattivi li jirfdu l-awtorizzazzjoni/ir-reġistrazzjoni tal-fondi EuVECA, EuSEF u ELTIF, kif ukoll issaħħaħ il-kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni billi tiċċentralizza s-superviżjoni tagħhom, irrispettivament minn fejn huma stabbiliti l-fondi. Is-superviżjoni unika se tkompli tappoġġja l-integrazzjoni tas-suq f’dawn is-setturi u ssaħħaħ il-finanzjament tas-suq għall-ekonomija tal-UE permezz ta’ dawk il-fondi.

Fir-rigward tas-Swieq fir-Regolament/fid-Direttiva dwar l-Istrumenti Finanzjarji u, bl-istess mod, għall-valuri referenzjarji kritiċi, is-servizzi ta’ rapportar tad-data huma negozju intrinsikament mifrux mal-Unjoni kollha u l-problemi superviżorji u regolatorji li jirriżultaw ma jistgħux jiġu indirizzati biss permezz ta’ azzjoni meħuda mill-Istati Membri.

Fir-rigward tal-funzjoni ta’ koordinazzjoni ġdida tal-ESMA, din hija diġà definita fir-Regolament dwar l-ESMA u fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni rispettivi. Għalhekk, hija tista’ tittejjeb biss permezz ta’ bidliet fid-dritt tal-Unjoni.

Fir-rigward tar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji, il-parametri referenzjarji kritiċi huma ta’ importanza ekonomika kbira minħabba li jintużaw fi strumenti finanzjarji (speċjalment derivattivi), kuntratti finanzjarji u minn fondi ta’ investiment fl-Unjoni kollha. Ir-rekwiżit li jiġu fformati kulleġġi tas-superviżuri għal uħud mill-parametri referenzjarji kritiċi mill-inqas mill-Istati Membri tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji u tal-kontributuri ssorveljati tal-parametri referenzjarji diġà juri l-fatt li tali parametri referenzjarji ma jistgħux jiġu ssorveljati minn superviżur nazzjonali wieħed u, għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-arranġamenti neċessarji fil-livell tal-Unjoni.

Iż-żamma tal-amministraturi kollha tal-parametri referenzjarji kritiċi taħt is-superviżjoni diretta tal-ESMA hija proporzjonata, minħabba li dawn il-parametri referenzjarji huma ta’ importanza kruċjali għall-Unjoni u l-kulleġġi superviżorji attwali huma kbar u qegħdin jirriskjaw li ma jkunux flessibbli biżżejjed f’sitwazzjoni ta’ kriżi.

Il-parametri referenzjarji pprovduti f’pajjiżi terzi jistgħu jintużaw fl-Unjoni jekk ikunu rikonoxxuti jew approvati minn awtorità kompetenti fl-Unjoni jew inkella r-reġim superviżorju jew regolatorju tal-pajjiż fejn ikunu jinsabu għandu jiġi rikonoxxut bħala ekwivalenti għar-reġim stabbilit mir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji. Filwaqt li d-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza tittieħed mill-Kummissjoni u s-superviżur tal-pajjiż terz irid jistabbilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-ESMA, l-approvazzjoni u r-rikonoxximent jiġu deċiżi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Dan jesiġi li bosta awtoritajiet nazzjonali kompetenti jittrattaw talbiet bħal dawn u jinvolvi r-riskji li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji minn pajjiżi terzi jipprovaw jagħżlu awtorità nazzjonali kompetenti li tkun tidher li hija aktar liberali fid-deċiżjonijiet tagħha u fis-superviżjoni li tirriżulta mill-amministratur (“forum shopping”). Billi l-amministratur jinsab f’pajjiż terz, l-argument ewlieni għas-superviżjoni nazzjonali, jiġifieri l-prossimità għall-entitajiet issorveljati, ma japplikax. L-istabbiliment tal-ESMA bħala l-awtorità kompetenti għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi jżid l-effiċjenza u jnaqqas ir-riskju tal-forum shopping u tad-diverġenzi fis-superviżjoni ta’ dawn l-entitajiet. Madankollu, dan ma jistax jinkiseb permezz ta’ azzjoni mill-Istati Membri biss.

Sabiex jiġi żgurat li l-ESMA tkun tista’ tissorvelja direttament ċerti amministraturi tal-parametri referenzjarji, jeħtieġ li r-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji jiġi emendat b’għadd ta’ atti delegati sabiex jiġu speċifikati aktar uħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.

Fir-rigward tar-Regolament dwar il-Prospetti, sa mill-2011, l-ESMA investiet ħin u sforzi sinifikanti sabiex trawwem il-konverġenza regolatorja fost l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward tal-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-prospetti. Dan wassal għall-ħolqien ta’ “Briefings Superviżorji” li jistabbilixxu prinċipji maqbula b’mod komuni li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma mistiedna japplikaw meta japprovaw il-prospetti. L-ESMA wettqet ukoll żewġ rieżamijiet bejn il-pari dwar il-proċess tal-approvazzjoni tal-prospett fl-2012 u fl-2015, hekk kif tfaċċat evidenza ta’ prattiki diverġenti fost l-Istati Membri. Filwaqt li kienu utli ħafna, dawk l-azzjonijiet ma laħqux kompletament l-objettiv tagħhom li jippromwovu konverġenza superviżorja sħiħa u, minħabba l-abbiltà tal-emittenti, f’ċertu numru ta’ każijiet, li jagħżlu liema awtorità kompetenti se tapprova l-prospett tagħhom, il-persistenza ta’ prattiki diverġenti fost l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti xorta tħalli lok għal arbitraġġ regolatorju u għal telf tal-effiċjenza.

Il-Kummissjoni identifikat ċerti tipi ta’ prospetti li, minħabba n-natura tat-titoli u l-emittenti kkonċernati, jinvolvu dimensjoni transfruntiera fl-Unjoni, livell ta’ kumplessità teknika u riskji potenzjali ta’ arbitraġġ regolatorju li huma tali li s-superviżjoni ċentralizzata tagħhom mill-ESMA tikseb riżultati aktar effettivi u effiċjenti mis-superviżjoni tagħhom f’livell nazzjonali. Dawn huma l-prospetti mhux ta’ ekwità tal-operaturi offruti biss lil investituri kkwalifikati, il-prospetti li jirrigwardjaw tipi speċifiċi ta’ titoli kumplessi, bħal titoli garantiti b’assi, jew li jitfasslu minn emittenti speċjalisti, kif ukoll il-prospetti li jitfasslu minn entitajiet ta’ emittenti minn pajjiżi terzi f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1129.

Iċ-ċentralizzazzjoni tal-approvazzjoni tagħhom, kif ukoll l-attivitajiet ta’ infurzar u superviżjoni kollha relatati fil-livell tal-ESMA se jtejbu l-kwalità, il-konsistenza u l-effiċjenza tas-superviżjoni fl-Unjoni, joħolqu kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-emittenti u jwasslu għal tnaqqis fl-iskeda ta’ żmien għall-approvazzjonijiet. Dan kollu jelimina l-ħtieġa li jintgħażel “Stat Membru tad-domiċilju” u jipprevjeni għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni.

Proporzjonalità

Din il-proposta tagħmel bidliet immirati sabiex issaħħaħ il-qafas superviżorju tal-UE bl-għan li jittejbu b’mod sostenibbli l-istabbiltà u l-effettività tas-sistema finanzjarja madwar l-UE kollha u tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri. Għal dan l-għan, hija tistabbilixxi bidliet immirati u kkalibrati sewwa fil-qafas superviżorju fil-livell tal-UE b’governanza aktar effettiva u effiċjenti. Hija tikkalibra mill-ġdid il-kompiti u s-setgħat eżistenti tal-ASE u tagħti lill-ASE setgħat ġodda sabiex huma jkunu jistgħu jindirizzaw l-iżviluppi ġodda, inkluż fil-qasam tat-teknoloġija, iżda wkoll sabiex jindirizzaw aktar iż-żieda fl-attivitajiet transfruntieri ġewwa l-UE u l-integrazzjoni ulterjuri probabbli bejn is-swieq finanzjarji tal-UE u l-bqija tad-dinja. Barra minn hekk, il-proposta tinkludi sistema ta’ finanzjament adattata maħsuba sabiex tiżgura li l-finanzjament tal-ASE jkun sostenibbli, proporzjonat kif ukoll proporzjonat mal-kompitu tagħhom.

Fir-rigward tal-atti speċifiċi għas-settur, l-emendi proposti huma essenzjalment limitati għall-introduzzjoni ta’ superviżjoni diretta mill-ESMA. Huma ntgħażlu b’rabta mal-ispeċifiċitajiet tas-setturi kkonċernati. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li l-emendi għall-hekk imsejjaħ Regolament MiFIR jiġu sinkronizzati ma’ bidliet limitati fid-Direttiva 2009/138/KE (“Solvibbiltà II”). Għalhekk, hija proposta wkoll proposta separata li temenda dik id-direttiva.

Ebda wieħed mill-elementi proposti ma jmur ’lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti.

Barra minn hekk, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit fit-Trattat, il-kontenut u l-forma tal-azzjonijiet u l-miżuri tal-ASE ma għandhomx jeċċedu dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u għandhom ikunu proporzjonati man-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fl-attività finanzjarja jew l-operat tal-istituzzjonijiet jew tal-impriża li hija affettwata mill-azzjoni tal-ASE rilevanti.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta titlob li jiġu emendati r-Regolamenti attwali dwar l-ASE u d-diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni finanzjarja settorjali 13 . L-atti kollha li jridu jiġu emendati mill-proposta preżenti jieħdu l-forma ta’ Regolamenti; għalhekk, l-emendi korrispondenti huma proposti bħala Regolament emendatorju (omnibus) wieħed.

Barra minn hekk, huwa propost li tiġi emendata d-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji 14 , (primarjament sabiex tkun tirrifletti l-emendi għall-hekk imsejjaħ Regolament MiFIR) u li jiġu introdotti bidliet limitati fid-Direttiva 2009/138/KE (“Solvibbiltà II”). Għal dawn iż-żewġ għanijiet, hija proposta separatament Direttiva emendatorja.

Fl-aħħar nett, u ugwalment permezz ta’ dokument separat, il-Kummissjoni taġġusta l-proposta riċenti tagħha għal Regolament li jemenda kemm l-ESMA kif ukoll l-EMIR 15 . .

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-valutazzjoni tal-impatt u l-evalwazzjoni li takkumpanja din il-proposta tipprovdi analiżi tal-qafas tal-ASE eżistenti sabiex jiġi evalwat jekk hija ppermettietx lill-ASE jilħqu l-objettiv tagħhom li jsaħħu b’mod sostenibbli l-istabbiltà u l-effettività tas-sistema finanzjarja u jtejbu l-protezzjoni tal-investituri u tal-konsumaturi.

Fir-rigward tal-effettività u l-effiċjenza tal-ASE, l-analiżi li saret tikkonkludi li, b’mod ġenerali, l-ASE laħqu l-objettivi attwali tagħhom. Madankollu, huwa meħtieġ titjib immirat sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi futuri. B’mod partikolari, l-analiżi tikkonkludi li:

a.is-setgħat tal-ASE jistgħu jittejbu f’ċerti oqsma sabiex ikun żgurat li l-kompiti jkunu jistgħu jitwettqu aħjar. B’riżultat ta’ dan, jistgħu jkunu mistennija eżiti superviżorji u regolatorji aħjar għall-parteċipanti fis-suq u l-konsumaturi kollha madwar l-UE, kif ukoll immaniġġjar effiċjenti u effettiv tar-riskju transfruntier;

b.il-qafas ta’ governanza attwali tal-ASE jagħmilha diffiċli li jiġu ġestiti l-kunflitti bejn l-interessi nazzjonali u dawk tal-UE, tant li jwassal biex jinħoloq ir-riskju li d-deċiżjonijiet tal-ASE mhux dejjem jittieħdu fl-interess komuni tal-UE, li jkun hemm dewmien fit-teħid tad-deċiżjonijiet jew li jkun hemm preġudizzju lejn nuqqas ta’ azzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet mhux regolatorji (medjazzjoni vinkolanti, ksur tal-proċeduri tal-liġi tal-UE, bidu ta’ rieżamijiet bejn il-pari);

c.il-qafas tal-finanzjament attwali mhuwiex proporzjonat mal-kompiti li jwettqu l-ASE u saħansitra daqstant inqas iħares ’il quddiem, anki meta wieħed iqis il-kompiti li l-ASE se jerfgħu fil-ġejjieni; jidher ukoll li dan se jwassal għal kontribuzzjonijiet irregolari mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li mhux faċli jiġu ġġustifikati.

F’termini ta’ koerenza, il-ħidma tal-ASE fuq kwistjonijiet regolatorji hija kompletament koerenti mal-bini tal-qafas superviżorju usa’ tal-UE. Hija koerenti wkoll mal-ikkompletar tal-Ġabra Unika tar-Regoli. Madankollu, il-limitazzjonijiet li ġejjin mill-governanza u l-istruttura ta’ finanzjament u l-effettività tas-setgħat tal-ASE ma ppermettewx lill-ASE jiffokaw biżżejjed fuq il-promozzjoni tal-applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji rilevanti adottata mill-UE.

F’termini ta’ rilevanza, l-analiżi kkonkludiet li l-qafas tal-ASE huwa rilevanti.

Fl-aħħar nett, jidher b’mod ċar li l-qafas tal-ASE ħoloq valur miżjud għall-UE, minħabba li l-ħidma tagħhom hija indispensabbli għall-promozzjoni tas-Suq Uniku għas-servizzi finanzjarji.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Is-servizz tal-Kummissjoni wettaq konsultazzjoni pubblika estensiva fir-rebbiegħa tal-2017 dwar l-operazzjonijiet tal-ASE. Il-konsultazzjoni attirat kważi 230 tweġiba. Il-kontribuzzjonijiet ġew minn varjetà wiesgħa ta’ gruppi ta’ rispondenti: 26 % awtoritajiet pubbliċi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, 71 % organizzazzjonijiet jew kumpaniji u 3 % individwi privati.

Ġew riċevuti wkoll għadd ta’ kummenti, dokumenti ta’ pożizzjoni u kontribuzzjonijiet barra mill-konsultazzjoni pubblika, inklużi pożizzjonijiet uffiċjali pprovduti minn xi gvernijiet. Minkejja li mhumiex riflessi fl-istatistika mill-istħarriġ tal-UE, huma ttieħdu f’kunsiderazzjoni fl-analiżi sottostanti għal din il-proposta.

B’mod ġenerali, ir-rispondenti jqisu l-istabbiliment tal-ASE bħala titjib kbir u pass importanti lejn konverġenza superviżorja fl-Unjoni. Il-maġġoranza tagħhom huma favur rwol akbar għall-ASE fit-titjib tal-konverġenza superviżorja. Ħafna partijiet ikkonċernati jirrikonoxxu li l-implimentazzjoni tas-CMU u d-deċiżjoni tar-Renju Unit li jitlaq mill-Unjoni joħolqu sitwazzjoni ġdida li tirrikjedi riflessjonijiet dwar it-tisħiħ tas-superviżjoni fil-livell tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet transfruntieri u l-ekwivalenza ma’ pajjiżi terzi.

Fir-rigward tas-setgħat tal-ASE, filwaqt li f’dan l-istadju ħafna rispondenti joġġezzjonaw għas-setgħat tal-ASE li qegħdin jiżdiedu b’mod sinifikanti, xi wħud jirrikonoxxu l-limitazzjonijiet tagħhom u jixtiequ jaraw titjib immirat. Ħafna mir-rispondenti jsostnu li l-għodod disponibbli ġeneralment ikunu biżżejjed u li dawn jenħtieġ li jintużaw aħjar u b’mod aktar komplet. Hemm appoġġ wiesa’ għall-estensjoni/kjarifika tas-setgħat fuq il-monitoraġġ tal-ekwivalenza.

L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jaraw nuqqasijiet sinifikanti fl-infurzar tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, li huma jqisu bħala ineffiċjenti jew maqtugħin mill-aktar problemi detrimentali fil-livell nazzjonali. Huma jaraw ħtieġa għall-estensjoni tal-oqsma ta’ attività tal-ASE fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Ħafna mir-rispondenti jsostnu li huwa diffiċli li jiġi żgurat bilanċ xieraq fil-gruppi ta’ partijiet ikkonċernati tal-ASE flimkien mal-bilanċ ġeografiku. Ir-rappreżentanti tal-konsumaturi u l-utenti jilmentaw li huma kienu inqas numerużi mir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet finanzjarji u li, b’hekk, l-opinjonijiet tal-gruppi ta’ partijiet ikkonċernati mhumiex bilanċjati. Għadd ta’ organizzazzjonijiet isibu li s-setgħat tal-ASE li jipprojbixxu l-prodotti għandhom jiġu estiżi għal dawk li huma suxxettibbli għad-detriment tal-konsumaturi.

Dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika tal-ASE jappoġġjaw espliċitament is-superviżjoni diretta fil-livell tal-UE tal-kmamar tal-ikklerjar tal-kontropartijiet ċentrali (“CCPs”) 16 u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data (“DRSPs”) li jservu lill-UE kollha minflok lil swieq nazzjonali speċifiċi. Ħafna mir-rispondenti ma jweġbux għall-mistoqsija dwar is-superviżjoni diretta. Xi wħud iwieġbu għall-mistoqsija dwar jekk l-ESMA għandhiex tiġi fdata bis-superviżjoni diretta tal-fondi ta’ investiment kollettiv pan-Ewropej u jekk għandhiex tappoġġjaha, iżda l-biċċa l-kbira tagħhom ma jagħmlux distinzjoni bejn it-tipi differenti ta’ fondi.

Il-fehmiet espressi kontra l-estensjoni tas-superviżjoni diretta mill-ESMA għal oqsma ġodda jirreferu primarjament għall-argumenti li ġejjin: is-superviżjoni nazzjonali titqies bħala l-aktar addattata sabiex tittratta l-istrutturi tas-swieq differenti tal-Istati Membri. Is-superviżjoni mill-ESMA tista’ tkun konfliġġenti mal-kompetenza nazzjonali għall-protezzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumaturi u l-istabbiltà finanzjarja, kif ukoll it-tassazzjoni, il-litigazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti. Jitqajmu wkoll diffikultajiet operattivi bħall-kontroll tar-rekwiżiti lokali relatati mal-arranġamenti tad-distribuzzjoni jew mal-kummerċjalizzazzjoni. Minflok, l-għodod eżistenti maħsuba biex jiżguraw il-konverġenza superviżorja għandhom jiġu esplorati aħjar bil-għan li jiġu żviluppati swieq kapitali integrati.

L-argumenti ewlenin favur is-superviżjoni diretta mill-ESMA msemmija huma: xi rispondenti jirrikonoxxu l-merti potenzjali fis-superviżjoni tal-ESMA fuq l-entitajiet jew l-istrumenti b’dimensjoni pan-Ewropea li tippermetti l-eliminazzjoni tad-differenzi bejn il-prassi superviżorji, iżda ma tipprevjenix l-istrutturi tas-suq differenti milli jiġu kkunsidrati, fejn ikun rilevanti. Huma jqisu li soluzzjonijiet bħal dawn huma xierqa sabiex jindirizzaw il-problema tal-frammentazzjoni minħabba l-applikazzjoni diverġenti tar-regoli rilevanti tal-UE u l-iżgurar tar-riskji ta’ arbitraġġ regolatorju, li jikkaratterizzaw ir-reġim attwali.

Fil-qasam tal-governanza tal-ASE b’mod ġenerali, il-partijiet ikkonċernati huma tal-fehma li l-bordijiet u l-presidenti tal-ASE kellhom prestazzjoni tajba. Madwar nofs ir-rispondenti jaraw valur miżjud fil-bidliet fil-governanza msemmija fid-dokument dwar il-konsultazzjoni pubblika. Filwaqt li l-maġġoranza tal-awtoritajiet pubbliċi ma jappoġġjawx il-bidliet fil-governanza tal-ASE, sa ċertu punt, uħud minn dawn il-fehmiet jistgħu jiġu attribwiti għall-fatt li huma ma jridux jaraw l-influwenza tagħhom tonqos.

Hemm gradi differenti ta’ appoġġ għaż-żieda ta’ membri indipendenti bi drittijiet tal-vot u kompiti speċifiċi fil-Bordijiet tal-ASE. Filwaqt li s-settur pubbliku fil-biċċa l-kbira tiegħu jopponih (għalkemm nofshom lanqas biss iwieġbu), il-fehmiet tas-settur privat huma maqsuma, b’bosta jenfasizzaw il-kunflitti ta’ interess inerenti fl-istruttura attwali. Fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-Presidenti, il-maġġoranza, prinċipalment l-awtoritajiet pubbliċi, jopponuh, filwaqt li l-maġġoranza tal-assoċjazzjonijiet tal-industrija jisħqu li hemm bżonn titjib.

Fir-rigward tal-finanzjament, ħafna mill-partijiet ikkonċernati jirrikonoxxu l-limitazzjonijiet tar-riżorsi attwali tal-ASE, kif ukoll il-limitazzjonijiet fuq il-baġits nazzjonali u tal-UE. Għadd kbir ta’ rispondenti jaqblu li l-ASE se jkunu jeħtieġu finanzjament sostenibbli u adegwat sabiex jilħqu miri ambizzjużi u jtejbu l-operazzjonijiet tagħhom. Ħafna rispondenti jinnotaw li l-livell ta’ finanzjament għall-ASE għandu jiddependi fuq ir-responsabbiltajiet tagħhom u jkun ibbażat fuq l-eżitu tar-rieżami tal-ASE.

Madwar nofs ir-rispondenti jieħdu pożizzjoni dwar jekk l-ASE għandhomx ikunu ffinanzjati parzjalment jew kompletament mill-industrija. Maġġoranza ċara ma jappoġġjawx ir-reviżjoni tal-qafas ta’ finanzjament attwali li jissostitwixxi l-kontribuzzjonijiet mill-awtorità nazzjonali kompetenti b’kontribuzzjonijiet mill-industrija. Għalkemm għadu f’minoranza, hemm appoġġ akbar għal sistema parzjalment iffinanzjata mill-industrija.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt tal-għażliet ta’ politika rilevanti. Dawn l-għażliet ġew ivvalutati fl-isfond tal-objettiv ġenerali ewlieni tat-tisħiħ b’mod sostenibbli tal-istabbiltà u l-effettività tas-sistema finanzjarja madwar l-UE kollha u t-titjib tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri.

Fit-tħejjija tal-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-operazzjonijiet tal-ASE li enfasizzaw xi nuqqasijiet importanti. Dawn kienu jinkludu: (a) setgħat definiti b’mod insuffiċjenti sabiex jiżguraw is-superviżjoni effettiva għall-istess standards madwar l-UE; (b) in-nuqqas ta’ setgħat sabiex jittrattaw b’mod effettiv ir-riskji transfruntieri relatati mal-interkonnettività fl-UE u bejn l-UE u l-bqija tad-dinja; (c) qafas ta’ governanza li jwassal għal allinjament ħażin tal-inċentivi fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet; u (d) qafas ta’ finanzjament li mhux qed jiżgura suffiċjenza fir-rigward tal-kompiti allokati lill-ASE.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-valutazzjoni tal-impatt kopra l-oqsma ta’: (1) is-setgħat; (2) il-governanza; u (3) il-finanzjament tal-ASE, sabiex jissodisfaw in-nuqqasijiet identifikati u l-isfidi ġodda, bħall-konverġenza superviżorja u regolatorja. In-nuqqasijiet għall-governanza u l-finanzjament huma komuni għat-tliet ASE, minħabba li dawn għandhom l-istess regoli. Il-bidliet fis-setgħat tagħhom huma mmirati prinċipalment għal setturi speċifiċi għall-ESMA u għas-sorveljanza tal-konverġenza superviżorja għall-ASE kollha.

L-għażliet ivvalutati kienu:

Fil-governanza: (a) ebda azzjoni ta’ politika; ma hija prevista ebda modifika fl-istruttura ta’ governanza attwali; (b) bidliet immirati fil-mudell ta’ governanza attwali, bħal differenzazzjoni tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet min-natura tagħhom, li jtejbu l-proċedura tal-għażla tal-President u (c) il-ftuħ tal-Bord tas-Superviżuri għal membri (bla vot) permanenti u indipendenti.

Fis-setgħat: (a) ebda azzjoni ta’ politika; kemm is-setgħat attwali fir-rigward tal-kompiti ta’ konverġenza superviżorja u regolatorja, kif ukoll ir-responsabbiltajiet superviżorji diretti tal-ESMA jibqgħu l-istess; (b) għażla li jiġu ċċarati ċerti setgħat eżistenti u li tissaħħaħ is-sorveljanza; (c) għażla li jiġu ċċarati ċerti setgħat eżistenti u li l-ESMA tiġi pprovduta b’setgħat superviżorji diretti addizzjonali f’oqsma mmirati; u (d) iċ-ċentralizzazzjoni tas-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji, tas-settur bankarju u tal-assigurazzjoni fit-tliet ASE.

Fil-finanzjament: (a) ebda azzjoni ta’ politika 17 ; (b) finanzjament pubbliku aġġustat sabiex jittieħed f’kunsiderazzjoni d-daqs tas-settur finanzjarju domestiku fi kwalunkwe Stat Membru partikolari; (c) finanzjament pubbliku-privat imħallat li fih il-kontribuzzjonijiet mis-setturi privati domestiċi jissostitwixxu l-kontribuzzjonijiet mill-AK nazzjonali; u (d) sistema ta’ finanzjament kompletament iffinanzjata mis-settur privat.

L-għażliet imsemmija hawn fuq imbagħad tqabblu bl-użu ta’ diversi kriterji 18 sabiex jiġu identifikati dawk li jindirizzaw bl-aħjar mod in-nuqqasijiet identifikati fid-definizzjoni tal-problema tal-valutazzjoni tal-impatt u fl-evalwazzjoni.

Wara din l-analiżi,

·l-għażla ppreferuta fir-rigward tal-governanza tinkludi membri indipendenti bis-setgħat tal-vot, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; din tintroduċi proċess ta’ ħatra ġdid u rwol għall-President u tissostitwixxi l-Bord tat-Tmexxija b’Bord Eżekuttiv indipendenti magħmul minn membri fuq bażi full-time li jinħatru esternament.

·l-għażla ppreferuta fir-rigward tas-setgħat tiċċara xi setgħat, bħall-għoti ta’ rwol formali lill-ASE fil-monitoraġġ kontinwu tal-proċess ta’ ekwivalenza, it-titjib tal-kapaċità tal-ASE li jiżguraw l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni u t-trasferiment tas-setgħat superviżorji lill-ASE f’oqsma fil-mira b’rilevanza transfruntiera jew ta’ pajjiż terz predominanti.

·l-għażla ppreferuta fir-rigward tal-finanzjament iżżomm il-kontribuzzjoni annwali attwali tal-UE għall-baġit tal-UE, iżda tissostitwixxi l-finanzjament residwu mill-AK nazzjonali b’finanzjament mis-settur privat.

L-għażliet ippreferuti identifikati kienu dawk li żguraw bl-aħjar mod li l-ASE jkunu jistgħu jlaħħqu mal-ammont ta’ xogħol dejjem jikber u jantiċipaw il-bidliet fil-qafas superviżorju li ġejjin mil-leġiżlazzjoni settorjali. Barra minn hekk, l-għażliet ippreferuti kienu qegħdin jiffokaw l-aktar fuq bidliet immirati għar-reġim attwali, aktar milli riforma sħiħa. Dan kien konformi mal-konklużjoni fl-evalwazzjoni li l-qafas tal-ASE kien qed jaħdem relattivament tajjeb fir-rigward tal-isfidi sinifikanti li kellhom jiffaċċjaw u l-mezzi disponibbli sabiex jissodisfaw il-mandati tagħhom.

Il-valutazzjoni tal-impatt irrevediet ukoll l-impatt kumulattiv tal-għażliet ippreferuti, kemm f’termini kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi. L-analiżi indikat li permezz tal-applikazzjoni tal-għażliet ippreferuti, l-ASE se jkunu jistgħu jissodisfaw il-mandati eżistenti tagħhom aħjar u jiżguraw konverġenza superviżorja akbar, minbarra t-tħejjija ta’ prodotti regolatorji.

B’mod aktar speċifiku, hemm tliet raġunijiet għall-prestazzjoni aħjar mistennija mill-ASE: l-ewwel nett, l-istruttura ta’ inċentivi fil-governanza tal-ASE se tittejjeb permezz tal-ibbilanċjar tal-inċentivi sabiex jiġu protetti l-interessi nazzjonali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet bl-għan li, b’mod partikolari, is-setgħat tal-promozzjoni tal-konverġenza superviżorja u regolatorja jkunu jistgħu jintużaw b’mod aktar effettiv. It-tieni, id-deċiżjoni li titnaqqas id-dipendenza fuq il-finanzjament pubbliku mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li għandha tkun ikkomplementata bi flus mis-settur privat, tista’ tiżgura li l-ASE jkollhom riżorsi adegwati sabiex iwettqu l-kompiti eżistenti tagħhom u sabiex jadattaw b’mod aktar faċli għall-bidliet futuri. Fl-aħħar nett, l-emendi mmirati għal ċerti partijiet tas-setgħat tal-ASE jistgħu jiżguraw li l-ASE jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effiċjenti u effettiv fid-dawl tal-esperjenza miġbura matul is-sitt snin tal-eżistenza tagħhom, kif ukoll l-iżviluppi fid-diversi swieq finanzjarji u fil-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE. Dawn il-bidliet immirati huma allinjati wkoll mal-fehma tal-partijiet ikkonċernati li huwa ġustifikat rwol ta’ koordinazzjoni akbar mill-ASE u li l-ASE jenħtieġ li jagħmlu użu aħjar mis-setgħat eżistenti tagħhom.

Fir-rigward tal-impatt nett f’termini tal-kostijiet għad-diversi partijiet ikkonċernati u bl-eċċezzjoni tal-għoti ta’ setgħat diretti lill-ESMA, l-għażliet ippreferuti mistennija jkollhom impatt limitat għas-settur privat, minħabba li l-kontribut tagħhom għall-awtoritajiet nazzjonali ffinanzjati mis-settur privat se jonqos hekk kif l-AK nazzjonali mhux se jkunu aktar meħtieġa li jikkontribwixxu għall-baġit annwali tal-ASE. L-impatt nett fuq il-baġit tal-UE se jkun newtrali – għalkemm il-prefinanzjament mill-baġit tal-UE se jkun meħtieġ fl-ewwel snin wara l-adozzjoni tal-proposta, l-ammonti prefinanzjati sussegwentement jitħallsu lura lill-baġit tal-UE mad-dħul fis-seħħ ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament ġodda. Barra minn hekk, l-impatt nett fuq l-AK nazzjonali se jkun newtrali wkoll minħabba li, minn naħa waħda, l-AK nazzjonali jieqfu jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-ASE u, min-naħa l-oħra, huma jenħtieġ li jnaqqsu (b’mod proporzjonat) il-ħtiġijiet tagħhom għad-dħul sabiex ikopru din in-nefqa. Ma huwa mistenni ebda impatt, f’termini ta’ kostijiet, fuq il-konsumaturi.

Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet sottomessa lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (“RSB”) fl-14 ta’ Ġunju 2017. L-RSB ta opinjoni negattiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt u għamel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għal titjib. Id-dokument ġie rivedut kif xieraq u sottomess mill-ġdid fid-19 ta’ Lulju. Fis-27 ta’ Lulju, l-RSB ipprovda opinjoni pożittiva b’riżervi u kunsiderazzjonijiet elenkati għal titjib li ġew ikkunsidrati sa fejn kien possibbli. Il-bidliet ewlenin introdotti fil-valutazzjoni tal-impatt sabiex jiġu kkunsidrati l-kummenti tal-RSB kienu dawn li ġejjin:

1. Jenħtieġ li titlesta l-analiżi tal-isfidi għas-sistemi superviżorji relatati mal-evoluzzjoni probabbli tas-swieq bankarji, tal-assigurazzjoni u tat-titoli matul is-snin li ġejjin. Għandhom jiġu inklużi d-diversi impatti tal-irtirar tar-Renju Unit mill-UE fuq l-attivitajiet ewlenin tal-ASE.

Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet riveduta sabiex tispjega b’mod aktar ċar li l-inizjattiva tal-politika hija għall-fini tas-Suq Uniku tal-UE u l-integrazzjoni tiegħu u ssegwi l-impenn imħabbar fir-Rapport tal-Ħames Presidenti u l-impenn espress l-aktar riċenti fid-dokument ta’ riflessjoni dwar l-approfondiment tal-UEM 19 , jiġifieri li nimxu lejn Unjoni Finanzjarja ġenwina, inkluż superviżur wieħed għas-swieq kapitali. L-isfidi li jistabbilixxu dawn id-dokumenti għall-UEM b’mod ġenerali u għas-swieq finanzjarji tagħha b’mod partikolari jipprovdu l-qafas ta’ referenza għall-valutazzjoni tal-impatt. Fil-kapitoli ewlenin tal-Valutazzjoni tal-Impatt saret enfasi aktar qawwija fuq it-tluq tar-Renju Unit u l-konsegwenzi ta’ dan.

2. Jenħtieġ li titlesta l-valutazzjoni tal-kostijiet u tad-diskrepanzi tal-finanzjament tal-ASE implikati mil-linja bażi u l-għażliet varji.

Ġew ipprovduti aktar diskussjoni u kwantifikazzjoni tar-riżorsi meħtieġa sabiex l-ASE jkunu jistgħu jassumu kompiti addizzjonali (setgħat diretti u indiretti); l-impatt fuq ir-riżorsi li jirriżulta mill-modifiki fil-governanza u l-impatt fuq ir-riżorsi li jirriżulta mill-bidliet fil-metodoloġija tal-finanzjament għal superviżjoni indiretta.

Il-kostijiet bejn is-superviżjoni diretta u indiretta u attivitajiet oħrajn ġew differenzjati u ġie spjegat aħjar min qed iġorr il-kost tal-għażliet ippreferuti.

Id-diskussjoni dwar l-impatti netti (f’termini ta’ kostijiet) tal-għażliet ippreferuti ġiet żviluppata aktar sabiex tindirizza aħjar il-kwistjoni tad-diskrepanzi tal-finanzjament u l-impatt tal-kostijiet superviżorji globali għas-settur.

B’mod partikolari,

1.It-tabella li tagħti ħarsa ġenerali lejn il-kostijiet ġiet aġġornata skont l-iskeda finanzjarja leġiżlattiva. Issa għandna stima dettaljata ħafna tal-kostijiet u l-impatt taż-żewġ bidliet fil-qafas attwali tal-ASE u għas-setgħat diretti ġodda.

2.It-taqsima dwar l-għażliet tat-tqabbil fil-finanzjament ġiet abbozzata kompletament mill-ġdid, kif mitlub, sabiex tkun tirrifletti l-ispejjeż u l-benefiċċji kollha tal-għażla 3 imqabbla mal-linja bażi u, b’mod partikolari, mal-għażla 2.

3.It-taqsima dwar il-mekkaniżmu tal-ġbir ġiet abbozzata kompletament mill-ġdid sabiex tissodisfa l-istandards tal-valutazzjoni tal-impatt u ġiet miżjuda mat-test prinċipali minħabba li hija parti mill-proposta leġiżlattiva.

Fir-rigward tal-impatt nett fuq is-setturi individwali, dan ma setax jiġi vvalutat b’mod eżawrjenti f’dan l-istadju minħabba li jiddependi fuq il-mudell użat sabiex jiġu ffinanzjati l-AK nazzjonali fi Stat Membru. Pereżempju, jekk il-parteċipanti fis-suq fi Stat Membru partikolari bħalissa mhumiex qegħdin iħallsu għas-superviżjoni tagħhom (jiġifieri bħal fil-każ tal-AK nazzjonali ffinanzjati kompletament minn fondi pubbliċi), mela allura, minnha nnifisha, il-metodoloġija tal-allokazzjoni tal-għażla ppreferuta tirriżulta f’kost akbar għal dawn il-parteċipanti fis-suq għall-benefiċċju tal-kontribwenti u tal-baġits nazzjonali f’dawk l-Istati Membri. Fl-istess ħin, jekk il-parteċipanti fis-suq diġà qegħdin iħallsu għall-ASE permezz ta’ kontribuzzjonijiet għall-baġits tal-AK nazzjonali tagħhom, mela l-impatt nett (kost/benefiċċju inkrementali) jkun jiddependi fuq id-diversi metodoloġiji li jużaw l-AK nazzjonali sabiex jitolbu ħlasijiet lil entitajiet individwali, kif ukoll fuq il-piżijiet li japplikaw għall-entitajiet għall-finanzjament tal-ASE. F’dan il-każ, sabiex tiġi prodotta stima preċiża u affidabbli tal-kost/benefiċċju inkrementali madwar l-UE, hija meħtieġa analiżi komparattiva bir-reqqa, li tkun tirrikjedi l-involviment ta’ dawk l-AK nazzjonali li japplikaw metodoloġiji proprji fuq l-allokazzjoni tat-tariffi. Madankollu, fi kwalunkwe każ, jista’ jiġi sostnut b’mod raġonevoli li, fl-aħħar mill-aħħar, l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq uniku b’mekkaniżmu uniformi li jistabbilixxi t-tariffi fost l-entitajiet finanzjarji jkun ta’ benefiċċju għall-parteċipanti kollha fis-suq. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, fil-prinċipju, l-ammonti meħtieġa għall-finanzjament tal-ASE ma għandhom joħolqu ebda theddida għall-mudelli operattivi tal-entitajiet individwali.

3. It-tqabbil tal-għażliet jenħtieġ li jitjieb u l-għażla tal-għażla ppreferuta jenħtieġ li tiġi appoġġjata aħjar permezz tal-evidenza u l-analiżi disponibbli.

Safejn possibbli, ġew ipprovduti deskrizzjonijiet aktar dettaljati u żidiet ulterjuri mad-deskrizzjoni tal-għażliet u l-analiżi, speċjalment fil-partijiet dwar is-setgħat u l-finanzjament, iżda wkoll fil-parti li tittratta l-governanza.

Id-diskussjoni dwar is-setgħat hija ssostanzjata minn informazzjoni u argumentazzjoni ulterjuri fl-anness għall-valutazzjoni tal-impatt. Kwalunkwe nuqqas ta’ evidenza sabiex tiġi appoġġjata l-għażla ppreferuta fit-taqsima dwar is-setgħa jista’ jiġi spjegat mill-fatt li, f’xi każijiet, id-direzzjoni tal-politika kienet motivata minn deċiżjoni politika.

Id-diskussjoni dwar l-għażliet fit-taqsima dwar il-governanza ġiet spjegata u ssostanzjata b’mod estensiv b’eżempji u evidenza aneddotali, filwaqt li ġiet imsejsa fuq ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet magħmula kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kummissjoni. In-natura tal-problema definita fil-governanza tagħmilha diffiċli ħafna li tinkiseb data fundamentali verifikabbli.

B’rabta mal-finanzjament, pereżempju, it-taqsima dwar l-għażla 3 ippreferuta fil-finanzjament ittejbet sabiex iżżid elementi ta’ valutazzjoni addizzjonali u tiċċara aħjar l-argumentazzjoni eżistenti.

4. L-evalwazzjoni jenħtieġ li tkun aktar ibbażata fuq l-evidenza u ssostanzjata.

L-evalwazzjoni ġiet riveduta sabiex tiddistingwi aħjar bejn il-valutazzjoni u l-argumentazzjoni relatati max-xogħol klerikali minn opinjonijiet li jirriżultaw minn konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati. Żdiedet aktar diskussjoni u, fejn fattibbli, ġiet inkluża aktar evidenza sabiex tittejjeb l-evalwazzjoni. Hemm limitazzjonijiet fir-rigward tat-tip ta’ evidenza użata; xi partijiet tal-evalwazzjoni jistrieħu ħafna fuq l-evidenza aneddotali u l-esperjenzi tal-partijiet ikkonċernati mal-ASE. Bil-għan li dan ikun ikkumpensat, kien hemm tentattiv li jiġu pprovduti ħafna eżempji minn diversi sorsi ta’ informazzjoni differenti, ara, pereżempju, it-taqsima dwar il-governanza. Partijiet oħrajn, bħall-finanzjament, jistrieħu fuq aktar referenzi u argumenti ssostanzjati.

L-evalwazzjoni hija wkoll eżerċizzju retrospettiv, jiġifieri eżerċizzju li jħares lura u li jqabbel l-aħħar snin max-xenarju bażi, li huwa wieħed fejn l-ASE ma jeżistux. Għalhekk, minnha nnifisha, l-evalwazzjoni tiffoka inqas fuq il-ħtieġa għal setgħat superviżorji diretti ġodda u addizzjonali neċessarji għall-ESMA.

Idoneità u simplifikazzjoni regolatorja

Din il-proposta mhijiex marbuta ma’ REFIT jew ma’ eżerċizzju ta’ simplifikazzjoni. L-għan ta’ din il-proposta huwa li ttejjeb il-qafas tal-ASE u ssaħħaħ l-arranġamenti superviżorji attwali. Il-bidliet proposti fis-setgħat tal-ASE, fil-qafas tal-governanza u fis-sistema tal-finanzjament għandhom jagħmlu s-superviżjoni fil-livell tal-UE aktar effettiva u effiċjenti. Qafas imsaħħaħ għall-ASE jtejjeb iċ-ċertezza legali u ekonomika flimkien mal-istabbiltà finanzjarja u t-trażżin tar-riskji. Dan huwa konformi mal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni.

Safejn din il-proposta twassal għaċ-ċentralizzazzjoni fil-livell tal-UE ta’ parti mill-ħidma superviżorja mal-ESMA, l-inizjattiva tneħħi d-duplikazzjoni tal-kompiti fost l-awtoritajiet nazzjonali. Dan għandu joħloq ekonomiji ta’ skala fil-livell tal-UE u jnaqqas il-ħtieġa ta’ riżorsi ddedikati fil-livell nazzjonali. Safejn huma kkonċernati l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, huma għandhom jibbenifikaw prinċipalment minn tnaqqis fil-piż amministrattiv permezz tal-introduzzjoni ta’ superviżur uniku f’ċerti oqsma.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, hija tikkontribwixxi għall-objettiv ta’ livell għoli ta’ ħarsien ambjentali f’konformità mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 20 .

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-finanzjament attwali tal-ASE jiddependi fuq kontribuzzjoni ġenerali mill-Baġit Ġenerali tal-UE (40%) u kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (60%). Għall-ESMA, din id-distribuzzjoni hija kemmxejn differenti, billi l-entitajiet li huma direttament issorveljati mill-ESMA (bħal aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u repożitorji tat-tranżazzjonijiet) iħallsu wkoll tariffi superviżorji lil din l-Aġenzija. Din il-proposta se tbiddel l-istruttura tal-finanzjament tal-ASE. Il-baġit tal-ASE issa se jkun jiddependi fuq tliet sorsi ta’ finanzjament differenti:

·Il-kontribuzzjonijiet annwali mħallsin minn istituzzjonijiet finanzjarji li huma ssorveljati indirettament mill-ASE;

·It-tariffi superviżorji mħallsin minn entitajiet li huma ssorveljati direttament mill-ASE. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-ESMA, minħabba li l-proposta leġiżlattiva tipprevedi t-trasferiment ta’ setgħat superviżorji diretti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti lill-ESMA (għal xi fondi tal-UE, fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data, xi amministraturi ta’ parametri referenzjarji u xi prospetti);

·Kontribuzzjoni ta’ bilanċ mill-UE li ma taqbiżx l-40 % tad-dħul globali ta’ kull aġenzija. L-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni ta' bilanċ se jiġi stabbilit minn qabel fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).

Madankollu, is-sors ġdid ta’ dħul għall-ASE (jiġifieri l-kontribuzzjonijiet annwali mħallsin mill-istituzzjonijiet finanzjarji ssorveljati indirettament) se jkun jeħtieġ l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ att delegat li jipprevedi: (i) distribuzzjoni tal-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet annwali fost il-kategoriji differenti ta’ istituzzjonijiet finanzjarji; u (ii) kriterji oġġettivi li jippermettu l-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali individwali li trid titħallas minn kull istituzzjoni finanzjarja. Matul il-perjodu tranżitorju (jiġifieri sal-adozzjoni tal-att delegat li jiddetermina xi parametri tal-kontribuzzjonijiet annwali) se tinżamm l-istruttura ta’ finanzjament attwali li tiddependi fuq il-kontribuzzjonijiet mill-UE (40%) u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (60%). Dan se jkollu impatt fuq il-baġit tal-UE kif ukoll fuq il-baġit tad-diversi awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Il-bidliet proposti fl-istruttura ta’ governanza, is-setgħat superviżorji indiretti, is-sistema ta’ finanzjament u s-setgħat superviżorji diretti tal-ASE se jkunu jeħtieġu riżorsi ġodda. L-EBA, l-EIOPA u l-ESMA, rispettivament, se jkunu jeħtieġu 29, 35 u 156 impjegat full-time addizzjonali meta jiddaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet differenti tal-proposta. Għandu jiġi nnotat li, għall-ESMA, ħafna mill-FTEs addizzjonali jirrigwardjaw kompiti superviżorji diretti (97 minn 156). L-ASE se jġarrbu wkoll kostijiet tal-IT addizzjonali (stmati bħala EUR 10.2 miljun għall-perjodu 2019-2020) u kostijiet tat-traduzzjoni (stmati bħala EUR 1.8 miljun għall-perjodu 2019-2020).

Għandu jiġi nnotat li kwalunkwe talbiet baġitarji mill-ASE xorta se jkunu soġġetti għall-mekkaniżmi kollha ta’ akkontabilità u verifika implimentati fir-Regolamenti dwar l-ASE, għat-tħejjija, l-adozzjoni u l-eżekuzzjoni tal-baġits annwali tagħhom. Barra minn hekk, id-deċiżjoni annwali dwar il-kontribuzzjoni ta' bilanċ tal-UE lill-ASE u l-pjanijiet ta’ stabbiliment tagħhom (eż. deċiżjoni dwar il-livell tal-persunal) xorta se tkun awtorizzata mill-Parlament u mill-Kunsill u soġġetta għal kwittanza mill-Parlament fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

L-impatt finanzjarju u baġitarju ta’ din il-proposta huwa spjegat fid-dettall fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva annessa ma’ din il-proposta.

Għandu jiġi nnotat li l-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva hija mingħajr preġudizzju għall-proposta tal-QFP wara l-2020 li trid tiġi ppreżentata sa Mejju 2018. F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat ukoll li filwaqt li l-ammont ta’ persunal meħtieġ għas-superviżjoni diretta se jkun jiddependi fuq iż-żmien imqatta’ fuq l-iżvilupp tal-għadd u d-daqs tal-parteċipanti fis-swieq kapitali li jridu jiġu ssorveljati, in-nefqa rispettiva fil-prinċipju se tkun iffinanzjata mit-tariffi li jridu jinġabru mingħand dawk il-parteċipanti fis-swieq.

L-impatt finanzjarju u baġitarju ta’ din il-proposta huwa spjegat fid-dettall fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva annessa ma’ din il-proposta.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni u l-arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament se tiġi riveduta b’żewġ modi: bħala parti mir-reviżjonijiet regolari tal-ASE kull tliet snin u bħala parti mir-reviżjonijiet tar-Regolamenti settorjali, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet sentejn jew tliet snin wara d-data ta’ applikazzjoni rispettiva.

·Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

(1)Emendi għar-Regolamenti dwar l-ASE 21  

Skont il-11-il premessa tar-Regolamenti dwar l-ASE, l-ASE jaġixxu bl-għan li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern, b’mod partikolari billi jiżguraw livell għoli, effettiv u konsistenti ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni.

Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolamenti dwar l-ASE, l-Awtoritajiet jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti msemmija fihom, jiġifieri f’qafas proporzjonat stabbilit u aġġornat regolarment mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

Il-bidliet fir-Regolament dwar l-EBA, fir-Regolament dwar l-EIOPA u fir-Regolament dwar l-ESMA huma ttrattati fl-Artikoli 1, 2 u 3, rispettivament, tar-Regolament propost.

(a) Is-setgħat

Il-bidliet enfasizzati hawn taħt jappartjenu għas-setgħat ġenerali tal-ASE msaħħa permezz ta’ din il-proposta. Is-setgħat superviżorji diretti ġodda fdati lill-ESMA huma indirizzati fit-Taqsimiet 2 sa 5.

Oqsma ta’ attivitajiet ġodda u attenzjoni

L-Artikolu 1 tar-Regolamenti dwar l-ASE jelenka atti li jaqgħu fil-mandat tal-ASE. L-Artikolu 1 huwa mibni b’mod li jimplika li jeħtieġ li jiġu elenkati biss l-atti adottati qabel l-istabbiliment tal-ASE u l-atti li ma jipprevedux kompiti għall-ASE. L-atti kollha adottati sussegwentement għar-Regolamenti dwar l-ASE, inklużi l-emendi u l-atti bbażati fuq l-istrumenti legali li jaqgħu fi ħdan il-mandat tal-ASE, kif ukoll l-atti li jipprevedu l-kompiti għall-ASE, jaqgħu awtomatikament fi ħdan il-mandat tal-ASE u ma hemmx bżonn li jiġu elenkati fl-Artikolu 1 sabiex ikunu jaqgħu fi ħdan il-mandat tal-ASE.

L-emendi proposti fir-rigward tal-Artikolu 1 ta’ kull wieħed mir-Regolamenti dwar l-ASE huma dawn li ġejjin: huwa propost li d-Direttiva 2008/48 dwar il-kreditu għall-konsumaturi u d-Direttiva 2014/92 dwar il-kontijiet tal-pagamenti jinġiebu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-EBA; li d-Direttiva 2009/103 dwar l-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur tinġieb fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-EIOPA; u li d-Direttiva 2013/34 dwar il-Kontabbiltà tinġieb fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-ESMA.

L-emendi għall-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-EBA jikkomplimentaw il-lista ta’ definizzjonijiet li jridu jintużaw għall-fini tal-applikazzjoni tar-Regolamenti. B’mod aktar speċifiku, huwa jbiddel id-definizzjoni ta’ “istituzzjoni finanzjarja” sabiex jiġi żgurat li l-entitajiet kollha koperti mil-leġiżlazzjoni tas-settur rilevanti jkunu jaqgħu taħt il-mandat tal-EBA. Id-definizzjoni ġdida ta’ “awtoritajiet kompetenti” li ġiet proposta tiżgura li s-superviżuri u l-awtoritajiet kollha rilevanti jkunu koperti, anki jekk mhux definiti bħala “awtoritajiet kompetenti”, fil-leġiżlazzjoni applikabbli.

Huwa propost li l-Artikolu 8 tar-Regolamenti dwar l-EIOPA u l-ESMA jiġi emendat sabiex ikun jinkludi l-kompitu tal-iżvilupp u l-aġġornar ta’ manwal superviżorju tal-Unjoni dwar is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni kollha kemm hi. Dan jallinja ż-żewġ Regolamenti mar-Regolament dwar l-EBA. Barra minn hekk, fir-rigward tal-EBA, huwa propost li din tkun responsabbli mill-iżvilupp u l-aġġornar ta’ manwal ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni dwar ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni kollha kemm hi.

L-emendi għall-Artikoli 8 u 9 tar-Regolamenti dwar l-ASE jispeċifikaw li l-ASE jenħtieġ li jikkontribwixxu sabiex irawmu l-protezzjoni tal-konsumaturi. It-tliet ASE kollha se jkunu obbligati wkoll li jikkunsidraw l-innovazzjoni teknoloġika u l-fatturi ambjentali, soċjali u dawk relatati mal-governanza meta jwettqu l-kompiti tagħhom. Barra minn hekk, fil-każ tal-EIOPA u l-ESMA, kien speċifikat li meta jwettqu l-kompiti tagħhom, għandhom jiġu applikati l-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar. Dan jallinja dawk ir-Regolamenti mar-Regolament dwar l-EBA. Fl-aħħar nett, żdied li l-kompiti għandhom jinkludu t-twettiq ta’ rieżamijiet tematiċi fil-fond tal-imġiba tas-suq, il-bini ta’ fehim komuni tal-prattiki tas-suq, l-identifikazzjoni ta’ problemi potenzjali u l-analiżi tal-impatt tagħhom, kif ukoll l-iżvilupp ta’ indikaturi tar-riskju fil-livell tal-konsumaturi għall-identifikazzjoni f’waqtha tal-kawżi potenzjali ta’ detriment għall-konsumaturi. 

L-innovazzjoni teknoloġika

L-Artikolu 8(1a) jirrikjedi espliċitament li, meta jwettqu l-kompiti tagħhom skont ir-Regolamenti dwar l-ASE, l-ASE jieħdu kont tal-innovazzjoni teknoloġika, filwaqt li jwettqu l-kompiti tagħhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament. L-innovazzjoni teknoloġika tikkontribwixxi għal aċċess aħjar u aktar konvenjenza. Hija tbaxxi l-kostijiet operattivi u tnaqqas l-ostakoli għad-dħul u tali innovazzjonijiet jenħtieġ li jiġu appoġġjati mill-ASE. Ir-realizzazzjoni tal-potenzjal tal-innovazzjoni teknoloġika tesiġi wkoll li l-integrità tiġi żgurata f’termini tal-użu tad-data, swieq ordnati u ġusti, l-evitar tal-użu tas-sistema finanzjarja għal finijiet illeċiti u ċ-ċibersigurtà.

Barra minn hekk, l-emendi għall-Artikolu 29 tar-Regolamenti dwar l-ASE jsaħħu r-rwol ta’ koordinazzjoni tal-ASE rigward id-dħul fis-suq ta’ impriżi u servizzi innovattivi, b’mod partikolari permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn is-superviżuri nazzjonali u l-ASE.

Fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza

It-tliet ASE kollha se jkunu obbligati li jikkunsidraw ir-riskji relatati mal-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza meta jwettqu l-kompiti tagħhom. Dan jippermetti wkoll lill-ASE jissorveljaw kif l-istituzzjonijiet finanzjarji jidentifikaw, jirrapportaw u jindirizzaw ir-riskji li l-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza jistgħu jikkawżaw għall-istabbiltà finanzjarja, sabiex b’hekk jagħmlu l-attivitajiet tas-swieq finanzjarji aktar konsistenti ma’ objettivi sostenibbli.

L-ASE jistgħu jipprovdu wkoll gwida dwar kif il-kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà jistgħu jiġu inkorporati b’mod effettiv fil-leġiżlazzjoni finanzjarja rilevanti tal-UE u jippromwovu l-implimentazzjoni koerenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-adozzjoni tagħhom.

Linji Gwida u Rakkomandazzjonijiet

Filwaqt li s-setgħa li jiġu żviluppati linji gwida u rakkomandazzjonijiet uriet li hija għodda importanti u ta’ suċċess tal-konverġenza superviżorja, il-partijiet ikkonċernati enfasizzaw il-ħtieġa li jibqgħu fl-ambitu tal-kompetenza tal-ASE u li jiżguraw valutazzjoni sħiħa tal-ispejjeż u l-benefiċċji meta jiżviluppaw tali strumenti. L-emendi għall-Artikolu 16 tar-Regolamenti dwar l-ASE jimplikaw li t-twettiq tal-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji għandu jitqies bħala r-regola. L-emendi għandhom l-għan ukoll li jiżguraw li tinħareġ opinjoni lill-Kummissjoni jekk il-maġġoranza tal-membri tal-Gruppi ta’ Partijiet Ikkonċernati rilevanti tal-ASE jqisu li l-ASE qabżu l-kompetenzi tagħhom meta ħarġu linji gwida jew rakkomandazzjonijiet. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida u tista’ titlob lill-ASE rilevanti sabiex tirtira l-linji gwida kkonċernati.

Barra minn hekk, l-emendi f’dawn l-Artikoli jipprevedu l-possibbiltà li l-ASE jindirizzaw linji gwida lill-awtoritajiet li mhumiex definiti bħala awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolamenti dwar l-ASE, iżda li għandhom is-setgħa li jiżguraw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni skont il-mandat tal-ASE sabiex jistabbilixxu prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi fi ħdan is-SESF.

Ksur tad-dritt tal-Unjoni

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll emendi għall-Artikolu 17 tar-Regolamenti dwar l-ASE b’rabta mal-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Sabiex is-setgħa tal-ASE li jsegwu l-ksur tal-liġi tkun effettiva, intwera li huwa essenzjali li l-ASE jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha. L-emendi jiżguraw li, fil-kuntest tal-ksur tal-investigazzjonijiet tal-liġi tal-UE, l-ASE se jkunu jistgħu jindirizzaw talba debitament ġustifikata u motivata għall-informazzjoni direttament lil awtoritajiet kompetenti oħrajn jew lill-istituzzjonijiet finanzjarji/parteċipanti fis-swieq finanzjarji rilevanti. F’każ li l-ASE jiddeċiedu li jagħmlu talba għal informazzjoni direttament mingħand l-istituzzjoni finanzjarja/parteċipant fis-swieq finanzjarji rilevanti, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiġi infurmata u għandha tgħin lill-ASE fil-ġbir tal-informazzjoni mitluba. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Bord Eżekuttiv se jkun responsabbli għall-ksur tal-liġi (ara hawn taħt), li jkompli jtejjeb l-effettività ta’ din l-għodda.

Riżoluzzjoni tan-nuqqasijiet ta’ qbil

Huma proposti emendi għall-Artikolu 19 tar-Regolamenti dwar l-ASE b’rabta mar-riżoluzzjoni tan-nuqqasijiet ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti. L-objettiv huwa li jiġi żgurat li, meta jkunu jeżistu tali nuqqasijiet ta’ qbil, l-ASE jkunu jistgħu jieħdu azzjoni u jintervjenu b’mod deċiżiv. L-emendi jikkjarifikaw li r-riżoluzzjonijiet tan-nuqqasijiet ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti f’sitwazzjonijiet transfruntieri jistgħu jinbdew ukoll fuq l-inizjattiva tal-ASE stess meta, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, ikun jista’ jiġi ddeterminat nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti. Fil-każ tal-aħħar, għandu jiġi preżunt nuqqas ta’ qbil jekk il-leġiżlazzjoni taħt il-mandat tal-ASE tirrikjedi li tittieħed deċiżjoni konġunta, iżda din id-deċiżjoni ma titteħidx fil-limitu ta’ żmien preskritt fil-leġiżlazzjoni rilevanti. F’dan il-kuntest, l-emendi jintroduċu wkoll obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jinnotifikaw lill-ASE meta ma jkunx intlaħaq qbil. Barra minn hekk, il-Bord Eżekuttiv se jkun responsabbli għas-soluzzjoni tat-tilwim (ara hawn taħt), li se jtejjeb l-effettività ta’ din l-għodda.

Konverġenza u koordinazzjoni superviżorja

L-emendi għall-Artikolu 29 tar-Regolamenti dwar l-EIOPA u l-ESMA jispeċifikaw li dawk iż-żewġ ASE jenħtieġ li jiżviluppaw u jaġġornaw manwal superviżorju sabiex ikomplu jiżviluppaw kultura superviżorja komuni fost l-awtoritajiet superviżorji. Dan huwa bbażat fuq is-setgħat diġà eżistenti għall-EBA. Fil-qasam bankarju, l-emendi jispeċifikaw li l-EBA jenħtieġ li tiżviluppa manwal simili fil-qasam tar-riżoluzzjoni.

Skont l-Artikolu 29a ġdid propost, l-ASE jingħataw setgħat ta’ koordinazzjoni ġenerali akbar sabiex jippromwovu l-konverġenza tas-superviżjoni ta’ kuljum mill-awtoritajiet kompetenti kollha b’mod ferm aktar sinifikanti u effiċjenti madwar l-UE. L-ASE se jkunu meħtieġa li jistabbilixxu prijoritajiet madwar l-UE kollha għas-superviżjoni fil-forma ta’ “Pjan Superviżorju Strateġiku” li abbażi tiegħu se jiġu vvalutati l-awtoritajiet kompetenti kollha. L-awtoritajiet kompetenti se jintalbu jfasslu programmi ta’ ħidma annwali skont il-Pjan Strateġiku. Dan se jippermetti lit-tliet ASE kollha jiżguraw il-konverġenza fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji li huma primarjament attivi fl-Istati Membri, għajr dawk fejn huma stabbiliti u ssorveljati; dan se jkun partikolarment importanti għall-EIOPA.

Din il-proposta temenda wkoll l-Artikolu 30 attwali tar-Regolamenti dwar l-ASE b’rabta mar-rieżamijiet bejn il-pari. Sabiex jittejjeb il-valur miżjud ta’ dawn ir-rieażmijiet u tiġi żgurata l-imparzjalità, ir-rieażamijiet mhux se jibqgħu rieażmijiet “bejn il-pari” iżda se jsiru rieażamijiet “indipendenti” taħt ir-responsabbiltà tal-Bord Eżekuttiv il-ġdid. L-ASE għandhom jipproduċu rapport li jistabbilixxi r-riżultati tar-rieżami u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw ma’ kwalunkwe linji gwida u rakkomandazzjonijiet li l-ASE jistgħu jieħdu bħala miżuri ta’ segwitu tar-rieżamijiet bejn il-pari.

Din il-proposta tinkludi Artikolu 31a ġdid li għandu l-għan li jsaħħaħ il-funzjoni ta’ koordinazzjoni tal-ASE sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jissorveljaw b’mod effettiv l-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni, delega u trasferiment tar-riskju f’pajjiżi terzi. Il-prassi superviżorji jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. L-ASE għandhom jimmonitorjaw dawk l-arranġamenti kemm ex-ante kif ukoll fuq bażi kontinwa.

Ir-rwol ta’ koordinazzjoni għall-ESMA fir-rigward tal-investigazzjonijiet dwar abbuż tas-suq

Meta l-operaturi jwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-ESMA u li jkollhom element transfruntier b’saħħtu, l-ESMA tista’ tkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex tibda u tikkoordina l-investigazzjonijiet. Artikolu 31b ġdid propost jinkariga lill-ESMA bi rwol ta’ koordinazzjoni msaħħaħ meta tirrakkomanda lill-awtoritajiet kompetenti jibdew l-investigazzjonijiet u jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti għal dawk l-investigazzjonijiet, meta l-ESMA jkollha raġunijiet raġonevoli sabiex tissuspetta li qed isseħħ attività b’effetti transfruntieri sinifikanti li thedded il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni. Għal dan l-għan, l-ESMA għandha żżomm faċilità għall-ħażna tad-data sabiex tiġbor mingħand, u xxerred bejn, l-awtoritajiet kompetenti, l-informazzjoni kollha rilevanti.

Ittestjar tal-istress

L-emendi għall-Artikolu 32 tar-Regolamenti dwar l-ASE jiksbu żewġ affarijiet. L-ewwel nett, huma jallinjaw ir-Regolamenti dwar l-EIOPA u l-ESMA mar-Regolament dwar l-EBA dwar l-ittestjar tal-istress. It-tieni, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fuq it-testijiet tal-istress, din il-proposta tippermetti l-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-istituzzjonijiet finanzjarji jew tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji individwali. Hija tikkjarifika wkoll li l-obbligi tas-segretezza professjonali tal-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx iwaqqfuhom milli jittrażmettu l-eżiti tat-test tal-istress lill-ASE għall-fini tal-pubblikazzjoni. It-tieni emenda tapplika għat-tliet ASE kollha. Barra minn hekk, sabiex jikkontribwixxu għal deċiżjonijiet li jirrigwardjaw it-testijiet tal-istress li jittieħdu f’perspettiva li tieħu kont sħiħ tas-suq uniku, deċiżjonijiet bħal dawn, inklużi l-metodoloġiji u l-approċċi għall-komunikazzjoni tal-eżiti tat-testijiet tal-istress, huma proposti li jingħataw lill-Bord Eżekuttiv fit-tliet ASE kollha.

Ekwivalenza ta’ pajjiżi terzi

L-ekwivalenza ta’ pajjiżi terzi hija għodda importanti sabiex tippermetti l-integrazzjoni tas-suq internazzjonali, filwaqt li tiżgura s-superviżjoni effettiva (ara d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza fil-politika dwar is-servizzi finanzjarji 22 ). L-emendi għall-Artikolu 33 tar-Regolamenti dwar l-ASE jikkonfermaw li l-ASE għandhom jassistu lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ deċiżjoni dwar l-ekwivalenza meta jintalbu jagħmlu dan mill-Kummissjoni. Ladarba jkunu ttieħdu tali deċiżjonijiet, huwa importanti li jiġi żgurat li dawn jiġu aġġustati għall-iżviluppi ġodda. Għalhekk, l-emendi jafdaw ukoll lill-ASE bir-responsabbiltà li jissorveljaw fuq bażi kontinwa l-iżviluppi regolatorji u superviżorji, kif ukoll il-prattiki ta’ infurzar f’pajjiżi terzi li dwarhom il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, filwaqt li jissottomettu rapport kunfidenzjali dwar is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni fuq bażi annwali. Għal dan l-iskop, l-ASE għandhom jiżviluppaw ukoll arranġamenti amministrattivi ma’ pajjiżi terzi.

Ġbir tal-informazzjoni

L-aċċess għall-informazzjoni kollha rilevanti huwa l-bażi sabiex l-ASE jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom b’mod effettiv. L-informazzjoni normalment tiġi pprovduta mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali li huma l-eqreb għas-swieq u l-istituzzjonijiet finanzjarji, iżda bħala l-aħħar alternattiva, l-ASE jistgħu jindirizzaw it-talbiet għal informazzjoni direttament lil istituzzjoni finanzjarja jew parteċipant fis-suq. Pereżempju, meta awtorità nazzjonali kompetenti ma tipprovdix jew ma tkunx tista’ tipprovdi tali informazzjoni fi żmien debitu. Huwa xieraq li jiġi żgurat li l-ASE tkun tista’ tikseb aċċess għall-informazzjoni li tkun teħtieġ għall-kompiti tagħha. Għalhekk, din il-proposta toħloq mekkaniżmu li jsaħħaħ l-infurzar effettiv tad-dritt tal-ASE li tiġbor l-informazzjoni (ara l-Artikoli 35 sa 35h ġodda tar-Regolamenti dwar l-ASE). L-ASE se jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-mezzi neċessarji sabiex jiżguraw il-konformità ma’ talba jew deċiżjoni sabiex tintbagħat l-informazzjoni. L-emendi jafdaw lill-ASE bis-setgħa li jimponu multi u ħlasijiet ta’ penali ta’ natura amministrattiva, taħt ir-rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja u soġġetti għad-dritt li l-entità tinstema’, meta istituzzjoni finanzjarja u/jew parteċipant fis-swieq finanzjarji jonqsu milli jipprovdu informazzjoni adegwata.

Mudelli interni fis-settur tal-assigurazzjoni

Artikolu 21a ġdid propost tar-Regolament dwar l-EIOPA jsaħħaħ ir-rwol tal-EIOPA li tiżgura l-konverġenza superviżorja fuq il-mudelli interni. Id-diverġenza fis-superviżjoni u fl-approvazzjoni tal-mudelli interni tista’ twassal għal inkonsistenzi u toħloq kondizzjonijiet mhux ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. L-EIOPA se tkun tista’ tikseb, b’mod f’waqtu, l-informazzjoni kollha rilevanti fuq talba tagħha stess u toħroġ opinjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti. Meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-mudelli interni tal-grupp, l-EIOPA tkun tista’ tassisti wkoll lill-awtoritajiet sabiex jilħqu qbil skont l-Artikolu 19 tar-Regolament ta’ Twaqqif, jew fuq inizjattiva tagħha stess, jew fuq talba ta’ waħda jew aktar mill-awtoritajiet kompetenti, jew inkella, f’ċerti ċirkostanzi, fuq talba tal-grupp ikkonċernat.

Dispożizzjonijiet oħrajn

L-emendi għall-Artikolu 37 tar-Regolamenti dwar l-ASE jsaħħu r-rwol konsultattiv tal-Gruppi ta’ Partijiet Ikkonċernati tal-ASE, li l-opinjonijiet u l-pariri tagħhom huma essenzjali għall-ħidma ta’ kuljum tal-ASE. Meta l-membri tal-Grupp ta’ Partijiet Ikkonċernati ma jkunux jistgħu jaslu għal opinjoni jew parir komuni, il-membri li jirrappreżentaw grupp wieħed ta’ partijiet ikkonċernati jistgħu jissottomettu opinjoni separata jew parir separat.

L-emendi għall-Artikolu 39 tar-Regolament dwar l-ASE jispeċifikaw li d-deċiżjonijiet tal-ASE, ħlief għad-deċiżjonijiet investigattivi meħuda għan-nuqqas ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni adegwata fir-rigward ta’ talba għall-informazzjoni, għandhom isiru pubbliċi flimkien ma’ sommarju tad-deċiżjoni li jiddeskrivi r-raġunijiet tad-deċiżjoni.

(b)Governanza

Din il-proposta tipprevedi struttura ta’ governanza aktar effettiva għall-ASE billi tintroduċi Bord Eżekuttiv indipendenti b’membri fuq bażi full-time, li jissostitwixxi l-Bord tat-Tmexxija attwali (l-Artikoli 45 u 47 tar-Regolamenti dwar l-ASE) u li huwa maħsub biex jaġġusta l-kompożizzjoni tal-Bord tas-Superviżuri (l-Artikolu 40 tar-Regolamenti dwar l-ASE). Din il-proposta tikkjarifika l-kompetenzi rispettivi ta’ dawn iż-żewġ bordijiet (l-Artikoli 43 u 47). Barra minn hekk, il-pożizzjoni u s-setgħat tal-President se jissaħħu (l-Artikolu 48).

Il-Bord Eżekuttiv

Il-funzjoni ewlenija tal-Bord Eżekuttiv se tkun li jħejji d-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu mill-Bord tas-Superviżuri. Dan għandu jiżgura li t-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan il-Bord tas-Superviżuri jsir aktar malajr u jkun aktar simplifikat. Dan għandu jikkontribwixxi wkoll għal approċċ aktar orjentat lejn l-UE fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Sabiex ikun jirrifletti s-sitwazzjoni speċifika fis-settur bankarju, fejn il-maġġoranza tal-Istati Membri jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja, huwa espliċitament meħtieġ li l-Bord Eżekuttiv tal-EBA jkun bilanċjat u proporzjonat u għandu jirrifletti l-Unjoni b’mod ġenerali.

Il-Bord Eżekuttiv se jkun magħmul mill-President u għadd ta’ membri fuq bażi full-time. L-għadd se jkun differenti bejn l-ESMA fuq naħa waħda u l-EBA u l-EIOPA fuq in-naħa l-oħra, billi l-proposta qed tafda lill-ESMA b’għadd sinifikanti ta’ kompiti addizzjonali f’oqsma differenti mqabbla maż-żewġ ASE l-oħrajn. Il-membri fuq bażi full-time għandhom jinħatru abbażi ta’ sejħa miftuħa għall-kandidati organizzata mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tħejji lista mqassra tal-kandidati u tibgħatha lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni. Wara l-approvazzjoni tal-lista mqassra, il-Kunsill għandu jaħtar il-membri fuq bażi full-time permezz ta’ deċiżjoni. Il-proċedura tas-sensja tirrifletti dik dwar il-ħatra u tħalli d-deċiżjoni finali għall-Kunsill. Wieħed mill-membri permanenti jassumi l-kompiti tad-Direttur Eżekuttiv attwali li l-pożizzjoni speċifika tiegħu tiġi eliminata.

Il-Bord Eżekuttiv se jżomm ir-rwol tal-Bord tat-Tmexxija b’rabta mat-tħejjija tal-programmi ta’ ħidma u l-baġit tal-ASE.

Il-Bord Eżekuttiv se jiġi attribwit setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet f’għadd ta’ oqsma. Pereżempju, vis-a-vis l-awtoritajiet kompetenti individwali fir-rigward ta’ ċerti kwistjonijiet ta’ natura mhux regolatorja, bħal fir-rigward tas-soluzzjoni tat-tilwim, il-ksur ta’ kwistjonijiet li jirrigwardjaw id-dritt tal-Unjoni u r-rieżimijiet indipendenti. Dan għandu jiżgura li jittieħdu deċiżjonijiet effettivi, imparzjali u orjentati lejn l-UE. Il-Bord Eżekuttiv se jkun responsabbli wkoll sabiex jistabbilixxi l-prijoritajiet superviżorji għall-awtoritajiet kompetenti fi “Pjan Superviżorju Strateġiku”. Huma se jivverifikaw il-konsistenza tal-programmi ta’ ħidma tal-awtoritajiet kompetenti mal-prijoritajiet tal-UE u jirrevedu l-implimentazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-Bord Eżekuttiv se jkun responsabbli mill-monitoraġġ tal-arranġamenti ta’ delega, esternalizzazzjoni u trasferiment tar-riskju lil pajjiżi terzi sabiex ikun żgurat li jiġu indirizzati r-riskji inerenti. Huwa se jiddeċiedi fuq it-testijiet tal-istress u l-approċċi għall-komunikazzjoni dwar l-eżiti tat-testijiet tal-istress. Fl-aħħar nett, il-Bord Eżekuttiv se jkun responsabbli wkoll mid-deċiżjonijiet rigward it-talbiet għal informazzjoni. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv se jkollhom vot wieħed kull wieħed u l-President se jkollu vot deċiżiv. Il-verżjoni proposta tal-Artikolu 47 tistabbilixxi l-kompiti tal-Bord Eżekuttiv.

L-emendi jissostitwixxu wkoll ir-referenza għall-Bord tat-Tmexxija mal-Bord Eżekuttiv. Barra minn hekk, il-pożizzjoni tad-Direttur Eżekuttiv se titħassar. Ir-responsabbiltajiet tiegħu se jassumihom wieħed mill-membri tal-Bord Eżekuttiv fuq bażi full-time.

Il-Bord tas-Superviżuri

Il-Bord tas-Superviżuri għadu l-korp ewlieni tal-ASE responsabbli mill-gwida ġenerali u t-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha. Madankollu, l-emendi proposti għall-Artikolu 40 ibiddlu l-kompożizzjoni tal-Bord tas-Superviżuri sabiex jiġu inklużi l-membri tal-Bord Eżekuttiv fuq bażi full-time iżda mingħajr drittijiet tal-vot. L-emendi jiżguraw ukoll il-preżenza tal-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi, fejn rilevanti.

Kull membru bid-dritt tal-vot fil-Bord tas-Superviżuri għandu jkollu vot wieħed. Minħabba li d-deċiżjonijiet dwar ċerti kompiti ta’ natura mhux regolatorja (soluzzjonijiet tat-tilwim, ksur tad-dritt tal-Unjoni u rieżamijiet indipendenti) se jittieħdu mill-Bord Eżekuttiv, ir-regoli attwali dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet huma emendati.

Minkejja l-fatt li mat-tluq futur tar-Renju Unit, l-għadd u l-piż tal-Istati Membri li ma jipparteċipawx fl-Unjoni Bankarja se jonqsu u jista’ jkun hemm aktar Stati Membri li jissieħbu fl-Unjoni Bankarja, huwa propost li tinżamm is-sistema ta’ votazzjoni b’maġġoranza doppja għall-miżuri u d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tas-Superviżuri tal-EBA, li kienet ġiet introdotta fl-2013 bħala parti mill-pakkett tal-“Unjoni Bankarja” bħala salvagwardja sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet tal-EBA jkunu jirriflettu s-sitwazzjoni speċifika kemm tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja, kif ukoll ta’ Stati Membri oħrajn. Għalhekk, il-Bord tas-Superviżuri se jkompli jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ maġġoranza kwalifikata tal-membri tiegħu, li jenħtieġ li tinkludi mill-inqas maġġoranza sempliċi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja u maġġoranza sempliċi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li mhumiex qegħdin jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja.

Madankollu, is-sistema attwali tagħmel it-teħid tad-deċiżjonijiet fl-EBA ta’ piż eċċessiv, minħabba li d-deċiżjonijiet ma jistgħux jittieħdu, lanqas f’każijiet fejn l-ebda maġġoranza ta’ Stati Membri mhux parteċipanti ma tqis il-votazzjoni bħala importanti biżżejjed biex tkun preżenti. Sabiex jiġi żgurat li l-EBA tkun tista’ tkompli tieħu d-deċiżjonijiet b’mod effettiv, filwaqt li tħares b’mod sħiħ is-salvagwardji għall-Istati Membri mhux parteċipanti sakemm ikunu preżenti fil-votazzjoni, ir-regoli tal-votazzjoni attwali jenħtieġ li jiġu mmodifikati sabiex ikun żgurat li ma jkunx meħtieġ li l-voti jiġu posposti f’każ ta’ assenzi. Dan se joħloq ukoll inċentivi ċari għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex ikunu preżenti waqt il-laqgħat tal-EBA u b’hekk jipprovdu leġittimità akbar għad-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-laqgħat. Għalhekk, l-emenda tikkjarifika li deċiżjoni tkun teħtieġ li tiġi appoġġjata minn maġġoranza sempliċi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti minn Stati Membri mhux parteċipanti preżenti fil-votazzjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti minn Stati Membri parteċipanti preżenti fil-votazzjoni.

Diviżjoni tal-kompetenzi bejn iż-żewġ Bordijiet

L-emendi għall-Artikoli 43 u 47 tar-Regolamenti dwar l-ASE jikkjarifikaw il-prinċipju bażiku tad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn il-Bord tas-Superviżuri u l-Bord Eżekuttiv. Il-Bord tas-Superviżuri huwa responsabbli minn kull deċiżjoni, kif imsemmi fir-Regolament, ħlief jekk ikun previst mod ieħor (ara hawn fuq fir-rigward tal-Bord Eżekuttiv). F’sitwazzjonijiet fejn l-ESMA teżerċita setgħat relatati mas-superviżjoni diretta, il-Bord tas-Superviżuri tagħha jkun jista’ jirrifjuta biss proposta għal deċiżjoni mill-Bord Eżekuttiv b’maġġoranza ta’ żewġ terzi. F’każ bħal dan, l-abbozz għandu jiġi rivedut mill-Bord Eżekuttiv (l-emendi għall-Artikolu 44 tar-Regolament dwar l-ESMA).

Il-Bord tas-Superviżuri għandu jiġi rilaxxat mill-awtorità dixxiplinarja tiegħu fuq il-President minħabba li tal-ewwel mhux se jkun kompetenti biex jaħtru (ara hawn taħt).

L-emendi għall-Artikolu 41 u Artikolu 45b ġdid jippermettu lill-Bord tas-Superviżuri u lill-Bord Eżekuttiv jistabbilixxu kumitati interni għal kompiti speċifiċi. It-twaqqif ta’ bordijiet huwa abolit.

Il-President

Il-President huwa rappreżentant ewlieni tal-ASE. Għalhekk, il-pożizzjoni u s-setgħat tal-President se jissaħħu sabiex tiżdied l-awtorità statutorja tiegħu.

L-emendi għall-Artikolu 48 tar-Regolamenti dwar l-ASE jikkjarifikaw il-proċedura tal-ħatra għall-President. Huwa għandu jinħatar abbażi ta’ sejħa miftuħa għall-kandidati organizzata mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tħejji lista mqassra tal-kandidati u tibgħatha lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni. Wara l-approvazzjoni tal-lista mqassra mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill għandu jaħtar il-membri fuq bażi full-time b’deċiżjoni meħuda minn maġġoranza kwalifikata. Il-proċedura tas-sensja tirrifletti dik dwar il-ħatra u tħalli d-deċiżjoni finali għall-Kunsill. Dan għandu jżid il-leġittimità u l-awtorità tal-President. Il-President se jkollu wkoll vot deċiżiv fil-Bord Eżekuttiv.

Dispożizzjonijiet oħrajn

Il-mandat tal-azzjoni tal-Kumitat Konġunt ġie estiż sabiex jinkludi kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri permezz tal-emendi għall-Artikolu 54 tar-Regolamenti dwar l-ASE.

(c)Provvedimenti finanzjarji

Sabiex jiġi żgurat li s-sistema ta’ finanzjament tal-ASE tkun sostenibbli u proporzjonata mal-kompiti li huma jwettqu u li huma mistennija li jwettqu fil-ġejjieni, kif ukoll sabiex jiġi żgurat li s-sistema ta’ finanzjament torbot it-tariffi u l-kontribuzzjonijiet mal-attivitajiet tal-ASE b’mod proporzjonat, huwa propost li s-sistema ta’ finanzjament attwali tiġi riveduta. Is-sistema proposta żżomm l-element ta’ finanzjament pubbliku attwalment ipprovdut mill-UE u tikkombinah mal-kontribuzzjonijiet mill-industrija domestika u minn parteċipanti oħrajn fis-suq, li jissostitwixxu l-kontribuzzjonijiet attwali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-bażi ġuridika għat-twaqqif tal-ASE (l-Artikolu 114 tat-TFUE) tippermetti li s-sistema ta’ finanzjament tiġi emendata u li jinġabru l-kontribuzzjonijiet mill-industrija.

Id-distribuzzjoni fissa attwali bejn il-kontribuzzjonijiet mill-Baġit Ġenerali tal-UE u l-kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (40 % / 60 %) se tiġi eliminata.

L-emendi jistabbilixxu li d-dħul tal-ASE issa se jiġi minn tliet sorsi ewlenin:

L-emendi għall-Artikolu 62 jiddefinixxu kontribuzzjoni ta' bilanċ mill-Unjoni. Il-kontribuzzjoni annwali massima proposta mill-UE, kif stabbilita bil-quddiem fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), se tkopri sa 40 % tal-baġit annwali tal-ASE. Din se tirrispetta l-limitazzjonijiet tal-Baġit tal-UE. Din se tneħħi wkoll id-distribuzzjoni fissa applikata bħalissa (40 % / 60 %) li tista’ tillimita l-abbiltà tal-ASE li jżidu s-sorsi l-oħrajn ta’ dħul tagħhom. Għaldaqstant, għat-tħejjija ta’ kull QFP sussegwenti, l-ASE jenħtieġ li jipprovdu lill-Kummissjoni bi projezzjoni ta’ terminu medju (li tkopri mill-inqas ħames (5) snin) tal-ħtiġijiet baġitarji antiċipati tagħhom skont il-metodoloġiji li huma japplikaw għat-tħejjija tal-proposti baġitarji annwali tagħhom.

It-tieni, żdied sors ta’ dħul ġdid mis-settur privat: il-kontribuzzjonijiet annwali minn istituzzjonijiet finanzjarji. Dan is-sors ta’ dħul se jissostitwixxi l-kontribuzzjonijiet obbligatorji attwali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-baġit tal-ASE. Il-kontribuzzjonijiet annwali se jitħallsu mill-istituzzjonijiet finanzjarji li huma ssorveljati indirettament mill-ASE u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolamenti ta’ Twaqqif. L-emendi jistabbilixxu li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet annwali mill-istituzzjonijiet finanzjarji għandu jkun ibbażat fuq l-istima tal-ammont ta’ xogħol li l-Awtorità qed tippjana li twettaq għal kull kategorija ta’ parteċipanti fis-suq skont ir-Regolamenti ta’ Twaqqif u l-leġiżlazzjoni settorjali. L-emendi jindikaw li dawk il-kontribuzzjonijiet annwali se jinġabru mill-awtoritajiet nazzjonali nnominati mill-Istati Membri. L-emendi jipprevedu wkoll att delegat li se jistabbilixxi kif se jkunu kondiviżi l-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet annwali fost il-kategoriji differenti ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, abbażi tal-attività meħtieġa minn kull kategorija minnhom. Għal kull kategorija ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, l-att delegat se jistabbilixxi wkoll kriterji xierqa u oġġettivi sabiex tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni annwali proprja li trid titħallas. Dawk il-kriterji jenħtieġ li jkunu bbażati fuq id-daqs tal-istituzzjonijiet finanzjarji sabiex l-importanza tagħhom tkun riflessa fis-suq. Fl-aħħar nett, l-att delegat se jistabbilixxi limiti stabbiliti de minimis li taħthom l-istituzzjonijiet finanzjarji żgħar ma jħallsux kontribuzzjonijiet finanzjarji jew inkella jistabbilixxi kontribuzzjonijiet minimi.

It-tielet, it-tliet Regolamenti ma jbiddlux id-dispożizzjonijiet attwali li jippermettu lit-tliet ASE jirċievu tariffi mingħand l-entitajiet li huma soġġetti għal superviżjoni diretta. Bħalissa, din id-dispożizzjoni hija partikolarment importanti għall-ESMA.

Skont dan il-mekkaniżmu ta’ finanzjament ġdid, l-entitajiet ma jintalbux iħallsu darbtejn għall-istess servizz. Filwaqt li l-entitajiet li huma direttament issorveljati mill-ASE se jħallsu tariffi superviżorji kif previst mil-leġiżlazzjoni settorjali, istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (direttament issorveljati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u indirettament issorveljati mill-ASE) se jħallsu kontribuzzjoni finanzjarja.

L-emendi jipprevedu wkoll żewġ sorsi ta’ dħul kumplimentari. L-emendi jintroduċu possibbiltà għal kwalunkwe kontribuzzjonijiet finanzjarji volontarji minn Stati Membri u osservaturi, bil-kondizzjoni li kontribuzzjoni bħal din ma tikkompromettix l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ASE. Pereżempju, dawk il-kontribuzzjonijiet volontarji jistgħu jiffinanzjaw id-delegazzjonijiet tal-kompiti u tar-responsabbiltajiet mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti lill-ASE. L-emendi jintroduċu wkoll possibbiltà għall-ASE li jiġbru l-ħlasijiet għall-pubblikazzjonijiet, għat-taħriġ u għal kwalunkwe servizzi oħrajn mitluba mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

(d)Dispożizzjonijiet Ġenerali

L-emendi għall-Artikolu 70 tar-Regolamenti dwar l-ASE jestendu l-obbligu tas-segretezza professjonali għall-individwi li mhumiex membri tal-persunal tal-Awtoritajiet (jiġifieri l-individwi li jipprovdu kwalunkwe servizz, direttament jew indirettament, b’mod permanenti jew okkażjonali, fir-rigward tal-kompiti tal-Awtorità, inklużi uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-Bord Eżekuttiv u mill-Bord tas-Superviżuri jew maħtura mill-awtoritajiet kompetenti għal dak l-iskop). L-istess rekwiżiti għas-segretezza professjonali għandhom japplikaw ukoll għall-osservaturi li jattendu l-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv u tal-Bord tas-Superviżuri li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Awtorità. Din l-emenda jenħtieġ li tiżgura li l-persuni li bħalissa mhumiex koperti mill-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fl-Artikolu 70 tar-Regolamenti dwar l-ASE u li jipparteċipaw fil-laqgħat tal-bord, fil-gruppi ta’ ħidma, fis-sottokumitati, fil-bordijiet u fin-netwerks ta’ esperti jkunu koperti mir-regoli dwar is-segretezza professjonali u l-kunfidenzjalità.

Ir-Regolamenti (KE) 1093/2010, 1094/2010 u 1095/2010, kif ukoll il-leġiżlazzjoni tas-servizzi finanzjarji settorjali jirrikjedu li l-ASE jfittxu arranġamenti amministrattivi effettivi, li jinvolvu l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ superviżuri ta’ pajjiżi terzi. Il-ħtieġa għal kooperazzjoni effettiva u skambju ta’ informazzjoni jenħtieġ li ssir aktar importanti meta, skont dan ir-Regolament emendatorju, uħud mill-ASE jassumu responsabbiltajiet usa’ addizzjonali fir-rigward tas-superviżjoni tal-entitajiet u l-attivitajiet mhux tal-UE. Meta, f’dan il-kuntest, l-ASE jipproċessaw data personali, inkluż billi jittrasferixxu tali data barra mill-Unjoni, huma jkunu marbutin bir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 2018/XXX (ir-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data għall-Istituzzjonijiet u l-Korpi tal-UE). Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni dwar l-adegwatezza jew ta’ salvagwardji xierqa, pereżempju kif previst fl-arranġamenti amministrattivi skont it-tifsira tal-Artikolu 49(3) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data għall-Istituzzjonijiet u l-Korpi tal-UE, l-ASE jistgħu jiskambjaw data personali mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi f’konformità ma’ u taħt il-kondizzjonijiet tad-deroga ta’ interess pubbliku stabbilita fl-Artikolu 51(1)(d) tiegħu, li b’mod partikolari tapplika għall-każijiet ta’ skambju ta’ data internazzjonali bejn l-awtoritajiet superviżorji finanzjarji.

(2)L-Artikolu 4, l-Artikolu 5 u l-Artikolu 7 jittrattaw, rispettivament, il-bidliet fir-Regolament (UE) 345/2013 (EuVECA), fir-Regolament (UE) Nru 346/2013 (EuSEF) u fir-Regolament (UE) 2015/760 (ELTIF).

Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju 23 (EuVECA) u r-Regolament (UE) 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej 24 (EuSEF) introduċew strutturi ta’ fondi speċjalizzati sabiex jagħmluha aktar faċli għall-parteċipanti fis-suq li jiġbru u jinvestu kapital f’intrapriżi żgħar u medji (“SMEs”) innovattivi u f’intrapriżi soċjali madwar l-Ewropa kollha. Ġew stabbiliti rekwiżiti u kondizzjonijiet uniformi għall-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettiv li jkunu jixtiequ jużaw id-deżinjazzjonijiet “EuVECA” jew “EuSEF” fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jew tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti. Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil 25 introduċa fond ieħor, “ELTIF”, li jimmira għall-investimenti fl-ekonomija reali, bħal proġett ta’ infrastruttura, b’enfasi mtejba fuq investiment aktar fit-tul. Ir-Regolament (UE) 2015/760 jistabbilixxi rekwiżiti uniformi li l-fondi fit-tul għandhom jikkonformaw magħhom sabiex ikunu awtorizzati bħala “ELTIF”.

L-EuVECA, l-EuSEF u l-ELTIF huma fondi ta’ investiment kollettiv armonizzati. Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013, ir-Regolament (UE) 346/2013 u r-Regolament (UE) 2015/760 jirregolaw l-investimenti li jikkwalifikaw, l-impriżi tal-portafolli li jikkwalifikaw, ir-regoli dwar il-konċentrazzjoni u l-investituri eliġibbli. Ir-regoli jiddefinixxu wkoll is-setgħat superviżorji, inklużi r-rekwiżiti għar-reġistrazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet, is-superviżjoni kontinwa u l-irtirar tar-reġistrazzjonijiet jew tal-awtorizzazzjonijiet.

L-objettivi ewlenin tar-Regolament (UE) Nru 345/2013, tar-Regolament (UE) Nru 346/2013 u tar-Regolament (UE) 2015/760 huma t-tisħiħ tal-impjiegi u t-tkabbir, tal-finanzjament tal-SMEs, tal-investimenti soċjali u fit-tul, kif ukoll il-promozzjoni ta’ kultura ta’ investiment tal-UE. Madankollu, l-użu diverġenti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tad-diskrezzjoni tagħhom, il-prattiki amministrattivi diverġenti tagħhom u d-differenzi fil-kulturi superviżorji u l-prestazzjoni għadhom jeżistu, minkejja l-armonizzazzjoni miksuba mit-tliet Regolamenti. Dawk id-diverġenzi jfixklu l-kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni meħtieġa fost il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u tal-fondi ta’ investiment fuq terminu twil fi Stati Membri differenti, filwaqt li jżidu, fl-istess ħin, il-kostijiet operattivi u tat-tranżazzjonijiet ta’ dawk il-maniġers. Il-ħatra ta’ superviżur uniku tal-UE se tappoġġja l-objettivi ta’ dawk ir-Regolamenti minħabba li se tkompli tiffaċilita l-integrazzjoni, l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ tali strutturi ta’ fondi bejn il-fruntieri.

Din il-proposta għandha l-għan li tissimplifika aktar il-proċess amministrattiv li jirregola l-awtorizzazzjoni / ir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-fondi tat-tikketta tal-UE fl-Unjoni, kif ukoll li ssaħħaħ il-kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni billi tiċċentralizza s-superviżjoni tagħhom, irrispettivament minn fejn jiġi stabbilit jew ikkummerċjalizzat fond. L-applikazzjoni uniformi tar-regoli tippermetti lill-maniġers ibaxxu l-kostijiet operattivi u tat-tranżazzjonijiet u li jsaħħu l-għażla tal-investituri.

L-ESMA hija fdata bil-funzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni/reġistrazzjoni u bis-superviżjoni ta’ dawn il-fondi tat-tikketta tal-UE u tal-maniġers tagħhom, sabiex b’hekk tiżdied l-effiċjenza ta’ dawn il-proċessi amministrattivi. Il-maniġers ta’ tali fondi se jintalbu japplikaw għal awtorizzazzjoni / reġistrazzjoni lil awtorità kompetenti waħdanija – l-ESMA – li se tkun responsabbli wkoll sabiex tiżgura li r-regoli stipulati f’dawk ir-Regolamenti jiġu applikati b’mod konsistenti. Għalhekk, qegħdin jiġu introdotti bidliet immirati sabiex is-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiġu ttrasferiti lill-ESMA.

Dawn il-fondi tal-UE huma rregolati minn regolamenti li huma direttament applikabbli u li diġà joffru sett ta’ regoli li se tinforza l-ESMA.

Fir-rigward tal-fondi EuVECA u EuSEF li jaqbżu l-limiti stabbiliti msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva AIFMD 2011/61/UE u li, għalhekk, huma ġestiti mill-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi awtorizzati skont din id-Direttiva, l-ESMA se tkun ukoll l-awtorità kompetenti. L-ESMA se tiżgura li dawn il-maniġers jikkonformaw, minbarra mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-EuVECA jew tal-EuSEF speċifiċi għas-settur enumerati fl-Artikoli 2(2) tagħhom, mal-liġi nazzjonali li timplimenta l-AIFMD fl-Istat Membru tal-istabbiliment tal-maniġers. Dan l-approċċ għandu l-għan li jiżgura l-konsistenza superviżorja u li jtaffi l-piż amministrattiv li jirriżulta kieku dawk l-entitajiet kellhom jiġu ssorveljati simultanjament mill-ESMA u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward tal-istess fond.

Din il-proposta, fejn meħtieġ, tistabbilixxi diversi setgħat li jispeċifikaw ir-rekwiżiti skont it-tliet Regolamenti, sabiex b’hekk il-kontenut ta’ ċerti obbligi ġuridiċi u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-diskrezzjoni tal-ESMA jkunu preċiżi biżżejjed sabiex jiżguraw il-livell ta’ armonizzazzjoni mfittex.

Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 u r-Regolament (UE) 346/2013 ġew riveduti riċentament, 26 b’mod partikolari, fir-rigward tar-regoli tal-fondi speċifiċi, il-bidliet fil-kamp ta’ applikazzjoni jew l-investimenti eliġibbli. L-aspetti superviżorji ma kinux soġġetti għal dik ir-reviżjoni. Il-proposta għal Regolament li jemenda ż-żewġ Regolamenti ġiet maqbula mill-koleġiżlaturi u approvata mill-Parlament Ewropew 27 . Filwaqt li l-adozzjoni finali ta’ dik il-Proposta mill-Kunsill u l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għadhom pendenti, huwa xieraq li t-testi taż-żewġ Regolamenti bl-emendi maqbula mill-koleġiżlaturi jittieħdu bħala punt ta’ referenza għall-finijiet ta’ din il-Proposta. Jekk iseħħu kwalunkwe bidliet fl-emendi maqbula għaż-żewġ Regolamenti matul il-proċess tal-adozzjoni li mistenni jiġi ffinalizzat matul il-jiem li ġejjin, il-Kummissjoni tinsab lesta li timmodifika din il-Proposta sabiex tiżgura l-allinjament tagħha ma’ tali bidliet.

F’konformità mal-Artikolu 11, l-Artikoli 4 sa 6 jidħlu fis-seħħ 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-iżvilupp u l-adozzjoni tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni previsti fih. Il-proposta tistabbilixxi wkoll miżuri ta’ tranżizzjoni għat-trasferiment tal-kompetenzi u tad-doveri mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti lill-ESMA.

(3)Emendi għar-Regolament (UE) Nru 600/2014 (MIFIR – il-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data)

L-Artikolu 6 jintroduċi l-emendi li ġejjin:

·iżid l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-fornituri ta’ servizz ta’ rapportar tad-data mal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 (MiFIR) flimkien ma’ setgħat diretti ta’ ġbir tad-data għall-finijiet tar-rapportar u l-kalkoli tat-trasparenza;

·iżid it-tliet tipi differenti ta’ fornituri ta’ servizz ta’ rapportar tad-data mad-definizzjonijiet fil-MiFIR;

·jagħti s-setgħa lill-ESMA sabiex titlob l-informazzjoni li teħtieġ għall-kompiti superviżorji tagħha;

·jistabbilixxi lill-ESMA bħala s-superviżur tal-fornituri ta’ servizz ta’ rapportar tad-data;

·jiddefinixxi s-setgħat u l-kompetenzi li għandu jkollha l-ESMA fl-eżerċitar tar-rwol tagħha bħala l-awtorità kompetenti;

·jimponi rekwiżiti ta’ rapportar għall-Kummissjoni fuq il-funzjonament tat-tape konsolidat;

·jispeċifika t-trasferiment tal-kompetenzi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti lill-ESMA.

Din il-Proposta tagħmilha wkoll espliċita li s-setgħat ta’ intervent tal-MiFIR ikopru wkoll il-maniġers tal-UCITS 28 u l-Fondi ta’ Investiment Alternattivi (AIFs) 29 meta dik l-attività titwettaq direttament mill-maniġers tagħhom.

B’mod aktar speċifiku, l-Artikolu 40 tal-MiFIR diġà jagħti lill-ESMA setgħat ta’ interventi temporanji, li jippermettu lill-ESMA, taħt ċerti kondizzjonijiet, tipprojbixxi jew tirrestrinġi temporanjament fl-Unjoni l-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta’ ċerti strumenti finanzjarji jew strumenti finanzjarji b’ċerti karatteristiċi speċifikati, jew tip ta’ attività jew prattika finanzjarja. Dawn is-setgħat ta’ intervent tal-prodott japplikaw għad-ditti ta’ investiment u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu involuti fil-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta’ strumenti finanzjarji, inklużi unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv. Billi l-unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv jistgħu wkoll jiġu kkummerċjalizzati, distribwiti jew mibjugħa direttament minn kumpaniji maniġerjali ta’ impriżi għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u minn kumpaniji ta’ investiment ta’ UCITS awtorizzati f’konformità mad-Direttiva 2009/65/KE u maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv (AIFMs) awtorizzati f’konformità mad-Direttiva 2011/61/UE, huwa meħtieġ li jkun espliċitu li s-setgħat ta’ intervent tal-prodott imsemmija hawn fuq skont il-MiFIR japplikaw ukoll għall-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS u l-kumpaniji ta’ investiment tal-UCITS, kif ukoll għall-AIFMs taħt ċirkostanzi speċifiċi.

Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2014/65/UE (MiFID II) għandha l-għan li telimina l-fornituri ta’ servizz ta’ rapportar tad-data mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE.

(4)Emendi għar-Regolament (UE) 2016/1011 (Parametri referenzjarji).

L-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 (BMR). Il-paragrafu 11 jistabbilixxi l-ESMA bħala l-awtorità kompetenti għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji kritiċi u tal-parametri referenzjarji kollha li jintużaw fl-Unjoni iżda amministrati barra. Il-paragrafi 4, 5, 12, 13, 14, 15, 16, 17 u 19 huma aġġustamenti tekniċi li jirriflettu din id-deżinjazzjoni, bil-paragrafu 4 jipprevedi li l-Kummissjoni tindika parametri referenzjarji li jservu bħala referenza għal volum ta’ aktar minn EUR 500 biljun bħala kritiku. Il-paragrafu 18 jiddefinixxi s-setgħat u l-kompetenzi li għandu jkollha l-ESMA fl-eżerċitar tar-rwol tagħha bħala l-awtorità kompetenti.

Il-paragrafu 10 jiddetermina li l-ESMA għandha tawtorizza lill-amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi. Il-paragrafu 16 jabolixxi l-kulleġġi tas-superviżuri għall-parametri referenzjarji kritiċi, minħabba li l-ESMA, bħala s-superviżur ġdid għal dawn il-parametri referenzjarji, se jkollha perspettiva mifruxa mal-Unjoni kollha fil-valutazzjoni tar-riskji, eċċ.

Il-paragrafi 8 u 9 jistabbilixxu lill-ESMA bħala l-awtorità kompetenti għar-rikonoxximent u l-approvazzjoni tal-amministraturi ta’ pajjiżi terzi u tal-parametri referenzjarji, rispettivament.

Il-paragrafi 1, 2, 3 u 6 jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tispeċifika aktar ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/1011 bil-għan li l-ESMA tkun tista’ tapplika direttament id-dispożizzjonijiet rispettivi.

Fl-aħħar nett, l-emendi għall-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/1011 jiżguraw li l-ekwivalenza mar-Regolament (UE) 2016/1011 minn pajjiżi terzi tiġi ssorveljata fuq bażi kontinwa. Għall-fini ta’ skambju xieraq ta’ informazzjoni u kooperazzjoni fis-superviżjoni tal-amministraturi ta’ parametri referenzjarji f’pajjiżi terzi, l-ESMA se jkollha bżonn li tikkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ superviżuri minn pajjiżi terzi. Madankollu, meta pajjiż terz jiġi inkluż fuq il-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li huma ddikjarati bħala li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fil-ġlieda nazzjonali tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tar-reġimi tat-terroriżmu li joħolqu theddidiet sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, l-ESMA mhux se tkun permessa li tikkonkludi tali ftehim ta’ kooperazzjoni mas-superviżuri ta’ dak il-pajjiż terz.

(5)Emendi għar-Regolament (UE) 2017/1129 (Prospett)

L-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 sabiex is-superviżjoni ta’ ċerti tipi ta’ prospetti tiġi ttrasferita lill-ESMA.

L-emenda ewlenija tinsab fil-Paragrafu 10, li tagħti lill-ESMA r-rwol ta’ “awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju” għal erba’ kategoriji ta’ prospetti. Għal dawn il-prospetti, il-kompiti ta’ skrutinju u approvazzjoni, kif ukoll l-ipproċessar tan-notifiki tal-passaporti, huma mogħtija lill-ESMA. Hija stabbilita “regola tal-qari” sabiex id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Prospett jiġu applikati għas-sitwazzjonijiet fejn l-ESMA tassumi superviżjoni diretta. Il-paragrafu 1 jintroduċi għadd ta’ definizzjonijiet fir-rigward tal-emittenti speċjalizzati. Il-paragrafu 4 jittrasferixxi wkoll lill-ESMA s-setgħa li tissorvelja r-reklami relatati ma’ dawk il-prospetti soġġetti għall-approvazzjoni tagħha, minflok l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti. Filwaqt li l-eżerċitar attwali mill-ESMA ta’ kontroll fuq il-konformità ta’ dawk ir-reklami għadu fakultattiv, huwa jsir obbligatorju jekk awtorità kompetenti titlob formalment lill-ESMA sabiex tagħmel użu minn tali setgħa ta’ kontroll meta l-prospetti approvati mill-ESMA jintużaw għal offerta jew ammissjoni għall-kummerċ fil-ġurisdizzjoni tagħha.

Il-paragrafi 2, 3, 4, 6, 8, 11 u 12 jintroduċu l-abbozzar ta’ kjarifiki sabiex jagħtu kont tar-rwol il-ġdid tal-ESMA, f’dawk is-sitwazzjonijiet fejn ir-“regola tal-qari” tal-Paragrafu 10 tista’ ma tkunx biżżejjed sabiex tinkiseb ċarezza tad-dritt (sistema lingwistika, ftehimiet ta’ kooperazzjoni, notifiki).

Il-paragrafu 7 jikkjarifika u jtejjeb il-funzjonament tas-sistema ta’ ekwivalenza għall-prospetti mfassla skont ir-regoli nazzjonali ta’ pajjiż terz. Meta tali regoli jiġu ddikjarati bħala ekwivalenti mill-Kummissjoni f’deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, prospett ta’ pajjiż terz li huwa diġà approvat mis-superviżur ta’ pajjiż terz jiġi ppreżentat biss mal-ESMA u l-ESMA se tibgħat ċertifikat tal-preżentazzjoni (minflok ċertifikat tal-approvazzjoni, cf. il-punt (b) tal-paragrafu 5) lill-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru ospitanti meta jiġi nnotifikat tali prospett ta’ pajjiż terz “ekwivalenti”. Għall-fini tas-superviżjoni tal-prospetti minn emittenti ta’ pajjiżi tarzi, l-ESMA se jkollha bżonn tikkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ superviżuri minn pajjiżi terzi. Madankollu, meta pajjiż terz jiġi inkluż fil-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li huma ddikjarati bħala li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fil-ġlieda nazzjonali tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tar-reġimi tat-terroriżmu li joħolqu theddidiet sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, l-ESMA mhux se tkun permessa li tikkonkludi tali ftehim ta’ kooperazzjoni mas-superviżuri ta’ dak il-pajjiż terz (cf. il-punt (a) tal-paragrafu 9). Il-punt (a) tal-paragrafu 5 jikkoreġi ommissjoni fl-Artikolu 25(4) tar-Regolament (UE) 2017/1129 billi jikkjarifika li l-ESMA trid tiġi kkomunikata wkoll b’mod elettroniku mill-awtoritajiet kompetenti bit-termini finali kollha tal-prospetti bażi wara li jiġu ppreżentati dawk it-termini finali, anki meta l-prospett bażi kkonċernat ma jkunx awtorizzat lil kwalunkwe Stat Membru ospitanti, f’konformità ma’ dak li kien meħtieġ skont id-Direttiva 2003/71/KE.

Il-paragrafu 13 jikkoreġi żball fir-Regolament (UE) 2017/1129 billi jallinja d-data sa meta l-Istati Membri huma meħtieġa li jinnotifikaw ir-regoli ta’ sanzjonar tagħhom lill-Kummissjoni u lill-ESMA, bid-data stabbilita fl-Artikolu 49(3) tar-Regolament sa meta huma meħtieġa li jikkonformaw mal-Kapitolu VIII tar-Regolament

Il-paragrafu 14 jintroduċi kapitolu ġdid li jistabbilixxi s-setgħat u l-kompetenzi tal-ESMA li huma meħtieġa għas-superviżjoni u l-infurzar tar-Regolament dwar il-Prospetti, inklużi setgħat sabiex jiġu imposti multi pekunarji u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

2017/0230 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

Ir-Regolament Emendatorju (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea); ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol); ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq); ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju; ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej; ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji; ir-Regolament (UE) Nru 2015/760 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil; ir-Regolament (UE) Nru 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; u r-Regolament (UE) Nru 2017/1129 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 30 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 31 ,

Waqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja 32 ,

Billi:

(1)Wara l-kriżi finanzjarja u r-rakkomandazzjonijiet ta’ grupp ta’ esperti ta’ livell għoli mmexxija minn Jacques de Larosière, l-Unjoni għamlet progress importanti fil-ħolqien ta’ regoli mhux biss aktar b’saħħithom, iżda wkoll aktar armonizzati għas-swieq finanzjarji fil-forma tal-Ġabra Unika tar-Regoli. L-Unjoni waqqfet is-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (“SESF”), mibnija fuq sistema ta’ żewġ pilastri li tikkombina s-superviżjoni mikroprudenzjali kkoordinata mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (“ASE”) u s-superviżjoni makroprudenzjali permezz tal-istabbiliment tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (“BERS”). It-tliet ASE, jiġifieri l-Awtorità Bankarja Ewropea (“EBA”), maħluqa mir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 33 , l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (“EIOPA”), maħluqa mir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”), maħluqa mir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 34 (b’mod kollettiv “ir-regolamenti tat-twaqqif”) – bdew joperaw f’Jannar 2011. L-objettiv ġenerali tal-ASE huwa li jsaħħu b’mod sostenibbli l-istabbiltà u l-effettività tas-sistema finanzjarja madwar l-Unjoni kollha u li jtejbu l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri.

(2)L-ASE għamlu kontribut kruċjali għall-armonizzazzjoni tar-regoli tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni billi pprovdew lill-Kummissjoni b’kontribut għall-inizjattivi tagħha għar-regolamenti u d-direttivi adottati mill-Kunsill u mill-Parlament. L-ASE pprovdew ukoll lill-Kummissjoni b’abbozzi ta’ regoli tekniċi dettaljati li kienu adottati bħala atti delegati u ta’ implimentazzjoni.

(3)L-ASE kkontribwixxew ukoll għall-konverġenza fis-superviżjoni finanzjarja. Huma kkontribwixxew ukoll għal prassi superviżorja fl-Unjoni permezz ta’ linji gwida indirizzati lejn l-awtoritajiet kompetenti u billi kkoordinaw ir-reviżjonijiet tal-prassi superviżorji. Madankollu, il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet stabbiliti fir-regolamenti tat-twaqqif tagħhom, minbarra l-limitazzjonijiet fuq ir-riżorsi u n-natura ta’ dawk l-istrumenti, li l-ASE għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, waqqfuhom milli jilħqu l-objettivi ġenerali tagħhom b’mod sħiħ.

(4)Wara seba’ snin ta’ operat u wara l-evalwazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet pubbliċi mwettqa mill-Kummissjoni, jidher li l-ASE qegħdin isiru dejjem aktar limitati fil-kapaċità tagħhom li jilħqu l-objettivi tagħhom tal-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq u s-servizzi finanzjarji u tat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumaturi, fi ħdan il-qafas leġiżlattiv, kemm fl-Unjoni kif ukoll bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.

(5)Kwalunkwe setgħat imsaħħa li jridu jingħataw lill-ASE, sabiex ikunu jistgħu jilħqu dawk l-objettivi, ikunu jirrikjedu wkoll kemm governanza xierqa kif ukoll finanzjament suffiċjenti. Is-setgħat imsaħħa weħidhom ma jkunux biżżejjed sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-ASE, jekk huma ma jkollhomx finanzjament suffiċjenti jew jekk ma jkunux irregolati b’mod effettiv u effiċjenti.

(6)Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ġunju 2017 dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, kien enfasizzat li superviżjoni aktar effettiva u konsistenti tas-swieq u s-servizzi finanzjarji hija importanti ħafna għall-eliminazzjoni tal-arbitraġġ regolatorju bejn l-Istati Membri meta jeżerċitaw il-kompiti superviżorji tagħhom, għall-aċċellerazzjoni tal-integrazzjoni tas-suq u għall-ħolqien ta’ opportunitajiet fis-suq uniku għall-entitajiet finanzjarji u l-investituri.

(7)Għalhekk, il-progress ulterjuri fl-integrazzjoni superviżorja huwa partikolarment urġenti sabiex tiġi kkompletata l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Għaxar snin wara l-bidu tal-kriżi finanzjarja u l-istabbiliment tas-sistema superviżorja ġdida, is-servizzi finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali se jkunu dejjem aktar xprunati minn żewġ żviluppi ewlenin: il-finanzi sostenibbli u l-innovazzjoni teknoloġika. It-tnejn għandhom il-potenzjal li jittrasformaw is-servizzi finanzjarji u s-sistema ta’ superviżjoni finanzjarja tagħna jenħtieġ li tkun mgħammra għalihom.

(8)Għalhekk, huwa kruċjali li s-sistema finanzjarja tilgħab il-parti sħiħa tagħha sabiex tilħaq l-isfidi kritiċi tas-sostenibbiltà. Din se tirrikjedi tfassil mill-ġdid profond tas-sistema finanzjarja li għaliha l-ASE jenħtieġ li jagħmlu kontribuzzjoni attiva billi jibdew b’riformi maħsuba sabiex joħolqu l-qafas regolatorju u superviżorju xieraq bl-għan li jimmobilizzaw u jorjentaw il-flussi tal-kapital privat lejn investimenti sostenibbli.

(9)L-ASE jenħtieġ li jkollhom rwol importanti fl-identifikazzjoni u r-rapportar tar-riskji li l-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza joħolqu għall-istabbiltà finanzjarja u fir-rendiment tal-attività tas-swieq finanzjarji f’waħda aktar konsistenti ma’ objettivi sostenibbli. L-ASE jenħtieġ li jipprovdu gwida dwar kif il-kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà jistgħu jiġu inkorporati b’mod effettiv fil-leġiżlazzjoni finanzjarja rilevanti tal-UE u jippromwovu l-implimentazzjoni koerenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-adozzjoni tagħhom.

(10)L-innovazzjoni teknoloġika kellha impatt dejjem akbar fuq is-settur finanzjarju u, għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti ħadu diversi inizjattivi sabiex jittrattaw dawk l-iżviluppi teknoloġiċi. Sabiex issir promozzjoni aħjar tal-konverġenza superviżorja u jiġu skambjati l-aħjar prassi bejn l-awtoritajiet rilevanti, fuq naħa waħda, u bejn l-awtoritajiet rilevanti u l-istituzzjonijiet finanzjarji jew il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, fuq in-naħa l-oħra, jenħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tal-ASE fir-rigward tal-funzjoni ta’ sorveljanza u l-koordinazzjoni superviżorja tagħhom.

(11)L-avvanzi teknoloġiċi fis-swieq finanzjarji jistgħu jtejbu l-inklużjoni finanzjarja, jipprovdu aċċess għall-finanzi, isaħħu l-integrità tas-suq u l-effiċjenza operattiva, kif ukoll inaqqsu l-ostakoli għad-dħul f’dawk is-swieq. Safejn ikun rilevanti għar-regoli sostantivi applikabbli, it-taħriġ tal-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jiġi estiż ukoll għall-innovazzjoni teknoloġika. Dan jenħtieġ li jikkontribwixxi biex jiġi evitat li l-Istati Membri jiżviluppaw approċċi diverġenti f’dawn il-kwistjonijiet.

(12)Għadd ta’ awtoritajiet nazzjonali mhumiex definiti bħala awtoritajiet kompetenti skont ir-regolamenti tat-twaqqif, madankollu, huma għandhom is-setgħa li jiżguraw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi u s-swieq finanzjarji. Sabiex jiġu żgurati prassi superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi fi ħdan is-SESF, jenħtieġ li dawn jiġu definiti bħala tali. B’mod partikolari, dan jippermetti lill-ASE joħorġu linji gwida u rakkomandazzjonijiet lil dawk l-awtoritajiet nazzjonali.

(13)Sabiex jiġu żgurati salvagwardji xierqa għall-interessi tal-partijiet ikkonċernati, meta l-ASE jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sabiex joħorġu linji gwida jew rakkomandazzjonijiet, id-diversi Gruppi ta’ Partijiet Ikkonċernati jenħtieġ li jkunu jistgħu joħorġu opinjoni meta żewġ terzi tal-membri tagħhom iqisu li l-ASE kkonċernata qabżet il-kompetenza tagħha. F’dak il-każ, il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha l-awtorità li titlob lill-ASE, wara valutazzjoni xierqa, tirtira dawk il-linji gwida jew ir-rakkomandazzjonijiet, kif xieraq.

(14)Barra minn hekk, għall-fini tal-proċedura prevista fl-Artikolu 17 tar-regolamenti tat-twaqqif u fl-interess tal-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-Unjoni, huwa xieraq li jiġi ffaċilitat u mħaffef l-aċċess tal-ASE għall-informazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu l-informazzjoni direttament, permezz ta’ talba debitament ġustifikata u motivata, mingħand l-awtoritajiet kompetenti kollha kkonċernati, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, anki meta dawk l-awtoritajiet, l-istituzzjonijiet jew il-parteċipanti fis-swieq infushom ma jkunu kisru ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. L-ASE jenħtieġ li jinformaw lill-awtorità kompetenti kkonċernata dwar dawn it-talbiet u dik l-awtorità kompetenti għandha tgħin lill-ASE fil-ġbir tal-informazzjoni mitluba.

(15)Superviżjoni armonizzata tas-settur finanzjarju tirrikjedi approċċ konsistenti fost l-awtoritajiet kompetenti. Għaldaqstant, l-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu soġġetti għal rieżamijiet regolari u indipendenti mill-ASE, li għandhom jiġu appoġġjati minn kumitat ta’ rieżami stabbilit minn kull waħda minnhom. L-ASE jenħtieġ li jiżviluppaw ukoll qafas metodoloġiku għal rieżamijiet bħal dawn. Ir-rieżamijiet indipendenti jenħtieġ li jiffokaw mhux biss fuq il-konverġenza tal-prassi superviżorji, iżda wkoll fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jiksbu riżultati superviżorji ta’ kwalità għolja, kif ukoll fuq l-indipendenza ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti. Ir-riżultati ta’ dawk ir-rieżamijiet jenħtieġ li jiġu ppubblikati bl-għan li jinkoraġġixxu l-konformità u jżidu t-trasparenza, sakemm tali pubblikazzjoni ma tkunx tinvolvi riskji għall-istabbiltà finanzjarja.

(16)Superviżjoni armonizzata tas-settur finanzjarju tirrikjedi wkoll li n-nuqqasijiet ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri differenti f’sitwazzjonijiet transfruntieri jissolvew b’mod effiċjenti. Ir-regoli eżistenti sabiex jissolvew tali nuqqasijiet ta’ qbil mhumiex sodisfaċenti għal kollox. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu adattati sabiex ikunu aktar faċilment applikabbli.

(17)Il-promozzjoni ta’ kultura superviżorja tal-Unjoni hija integrali għall-ħidma tal-ASE fuq il-konverġenza tal-prassi superviżorji. Madankollu, l-ASE mhumiex mgħammra bl-għodod kollha meħtieġa sabiex jilħqu dan l-objettiv. Jeħtieġ li l-ASE jkunu jistgħu jistabbilixxu l-objettivi u l-prijoritajiet superviżorji ġenerali fi Pjan Superviżorju Strateġiku pluriennali, intiż biex jgħin lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw u jiffokaw fuq l-aktar oqsma ta’ tħassib importanti għall-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja fl-UE kollha, inkluż fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali tad-ditti involuti f’attivitajiet transfruntieri. Il-Pjan Superviżorju Strateġiku jenħtieġ li jkun ibbażat fuq ir-riskji u jqis l-orjentazzjonijiet regolatorji u ekonomiċi ġenerali għall-azzjonijiet superviżorji, kif ukoll ix-xejriet mikroprudenzjali rilevanti, ir-riskji potenzjali u l-vulnerabbiltajiet identifikati mill-ASE fl-evalwazzjonijiet tagħhom tal-awtoritajiet kompetenti u mit-testijiet tal-istress li jsiru madwar l-Unjoni kollha. Sussegwentement, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jfasslu programmi ta’ ħidma annwali sabiex jimplimentaw il-Pjan Superviżorju Strateġiku, li jikkonverti l-prijoritajiet u l-objettivi tal-Unjoni f’objettivi operattivi għal dawk l-awtoritajiet. L-ASE jenħieġ li jkollhom is-setgħa li jirrevedu l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali dwar is-superviżjoni ta’ kuljum, inklużi, fuq bażi ta’ kampjun, il-miżuri superviżorji meħuda f’każijiet individwali sabiex jiġi żgurat li l-ASE jkunu jistgħu jilħqu l-objettiv tagħhom li jarmonizzaw il-prassi superviżorji.

(18)Il-prassi superviżorji attwali tal-esternalizzazzjoni, tad-delega u tat-trasferiment tar-riskji (negozju “back-to-back” jew “fronting”) minn entità liċenzjata waħda għal entità oħra jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Dawk l-approċċi regolatorji diverġenti jġorru riskju ta’ arbitraġġ regolatorju madwar l-Istati Membri (“tellieqa sal-qiegħ”). Is-superviżjoni ineffiċjenti tal-attivitajiet esternalizzati, iddelegati jew ittrasferiti tesponi lill-Unjoni għal riskji ta’ stabbiltà finanzjarja. Dawk ir-riskji huma partikolarment akuti fir-rigward tal-entitajiet issorveljati li jesternalizzaw, jiddelegaw jew jittrasferixxu r-riskju lil pajjiżi terzi fejn jista’ jkun li l-awtoritajiet superviżorji ma jkollhomx l-għodda meħtieġa sabiex jissorveljaw b’mod adegwat u effettiv l-attivitajiet materjali u l-funzjonijiet ewlenin. L-ASE jenħtieġ li jkollhom rwol attiv fil-promozzjoni tal-konverġenza superviżorja billi jiżguraw fehim komuni u prassi superviżorji tal-esternalizzazzjoni, it-trasferiment tar-riskju u d-delega tal-attivitajiet materjali u tal-funzjonijiet ewlenin f’pajjiżi terzi, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u fid-dawl tal-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet li jistgħu jadottaw l-ASE. Għalhekk, l-ASE jenħtieġ li jkollhom is-setgħat meħtieġa sabiex jikkoordinaw b’mod effettiv l-azzjonijiet superviżorji mwettqa mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kemm meta jawtorizzaw jew jirreġistraw impriża, kif ukoll bħala parti minn rieżami kontinwu tal-prassi superviżorji. Fit-twettiq ta’ dan ir-rwol ta’ koordinazzjoni, l-ASE jenħtieġ li jiffokaw b’mod partikolari fuq sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal evażjoni tar-regoli u jimmonitorjaw l-istituzzjonijiet finanzjarji jew il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji li jkollhom il-ħsieb li jagħmlu użu estensiv mill-esternalizzazzjoni, id-delega u t-trasferiment tar-riskju f’pajjiżi terzi bl-intenzjoni li jibbenifikaw mill-passaport tal-UE, filwaqt li essenzjalment iwettqu attivitajiet jew funzjonijiet sostanzjali barra l-Unjoni.

(19)L-istabbiltà finanzjarja kontinwa tesiġi li d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew adottati mill-Kummissjoni jiġu ssorveljati fuq bażi kontinwa. Għalhekk, l-ASE jenħtieġ li jivverifikaw jekk il-kriterji, li abbażi tagħhom ittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza ta’ pajjiżi terzi u kwalunkwe kondizzjonijiet stabbiliti fihom, għadhomx issodisfati. Barra minn hekk, l-ASE jenħtieġ li jissorveljaw kemm l-iżviluppi regolatorji u superviżorji kif ukoll il-prattiki ta’ infurzar f’dawk il-pajjiżi terzi. F’dak il-kuntest, l-ASE jenħtieġ li jiżviluppaw ukoll arranġamenti amministrattivi mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi sabiex jiksbu informazzjoni għall-finijiet ta’ monitoraġġ u għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji. Dan ir-reġim superviżorju msaħħaħ se jiżgura li l-ekwivalenza tal-pajjiżi terzi tkun aktar trasparenti, aktar prevedibbli għall-pajjiżi terzi kkonċernati u aktar konsistenti fis-setturi kollha.

(20)Il-ġbir ta’ informazzjoni preċiża u kompluta mill-ASE huwa essenzjali għat-twettiq tal-kompiti u l-funzjonijiet tagħhom u sabiex jintlaħqu l-objettivi tagħhom. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar għall-istituzzjonijiet finanzjarji u għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, dik l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti jew mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali li huma l-eqreb għas-swieq u l-istituzzjonijiet finanzjarji. Madankollu, l-ASE jenħtieġ li jkunu jistgħu jindirizzaw talba debitament ġustifikata u motivata għall-informazzjoni direttament lill-istituzzjonijiet finanzjarji jew lill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji meta awtorità kompetenti ma tipprovdix jew ma tkunx tista’ tipprovdi dik l-informazzjoni f’perjodu speċifikat. Barra minn hekk, huwa meħtieġ għall-finijiet tal-iżgurar tal-effettività tad-dritt tal-ASE li jiġbru l-informazzjoni li huma jkollhom il-possibbiltà li jimponu ħlasijiet perjodiċi ta’ penali jew multi fuq dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji jew il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji li ma jikkonformawx b’mod preċiż, kompletament jew b’mod f’waqtu ma’ talba jew deċiżjoni li tiġi sottomessa l-informazzjoni. Id-dritt tal-istituzzjoni finanzjarja jew tal-parteċipant fis-swieq finanzjarji kkonċernati li jinstemgħu mill-ASE jenħtieġ li jiġi garantit espliċitament.

(21)Fi ħdan ir-regolamenti tat-twaqqif tal-ASE, kien stabbilit li l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom rwol ewlieni fl-istruttura ta’ governanza tagħhom. Kien speċifikat ukoll f’dawk ir-regolamenti li, sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess, il-membri tal-Bord tas-Superviżuri u tal-Bord tat-Tmexxija jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess uniku tal-Unjoni. Madankollu, l-istruttura ta’ governanza inizjali tal-ASE ma pprovdietx biżżejjed salvagwardji sabiex ikun żgurat li jiġu evitati kompletament il-kunflitti ta’ interess li jistgħu jaffettwaw l-abbiltà tal-ASE li jieħdu d-deċiżjonijiet kollha meħtieġa fil-qasam tal-konverġenza superviżorja u sabiex ikun żgurat li d-deċiżjonijiet tagħhom jikkunsidraw bis-sħiħ l-interessi usa’ tal-Unjoni. Għalhekk, sabiex jiġu żgurati l-effettività u l-effiċjenza tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-ASE, jenħtieġ li tiġi definita mill-ġdid l-allokazzjoni tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan l-ASE.

(22)Barra minn hekk, id-dimensjoni tal-Unjoni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan il-Bord tas-Superviżuri jenħtieġ li tissaħħaħ billi jiġu inklużi membri full-time indipendenti bħala membri tal-Bord, li ma jkunux soġġetti għal kunflitti ta’ interess possibbli. Is-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq kwistjonijiet ta’ natura regolatorja u fuq is-superviżjoni diretta jenħteġ li jibqgħu kompletament fil-kompetenza tal-Bord tas-Superviżuri. Il-Bord tat-Tmexxija jenħtieġ li jiġi ttrasformat f’Bord Eżekuttiv magħmul minn membri full-time u jiddeċiedi fuq ċerti kwistjonijiet mhux regolatorji, inklużi rieżamijiet indipendenti tal-awtoritajiet kompetenti, soluzzjonijiet tat-tilwim, ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-Pjan Superviżorju Strateġiku, il-monitoraġġ tal-esternalizzazzjoni, tad-delega u tat-trasferimenti tar-riskji lil pajjiżi terzi, testijiet tal-istress u talbiet għall-informazzjoni. Il-Bord Eżekuttiv għandu jeżamina u jħejji wkoll id-deċiżjonijiet kollha li jridu jittieħdu mill-Bord tas-Superviżuri. Minbarra dan, il-pożizzjoni u r-rwol tal-President jenħtieġ li jissaħħu billi l-President jingħata kompiti formali u vot deċiżiv fil-Bord Eżekuttiv. Fl-aħħar nett, id-dimensjoni tal-Unjoni fil-governanza tal-ASE jenħtieġ li tissaħħaħ ukoll billi l-proċedura tal-għażla tal-President u tal-membri tal-Bord Eżekuttiv tiġi emendata għal waħda li tkun tinkludi r-rwol tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew. Il-Bord Eżekuttiv jenħtieġ li jkollu kompożizzjoni bilanċjata.

(23)Sabiex ikun previst livell xieraq ta’ għarfien espert u responsabbiltà, il-President u l-membri tal-Bord Eżekuttiv jenħtieġ li jinħatru abbażi tal-mertu, tal-ħiliet, tal-għarfien dwar kwistjonijiet finanzjarji, ta’ kklirjar u ta’ wara n-negozjar, kif ukoll abbażi tal-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni finanzjarja. Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-kontroll demokratiku, kif ukoll jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-President u l-membri tal-Bord Eżekuttiv jenħtieġ li jintgħażlu abbażi ta’ proċedura tal-għażla miftuħa. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi lista mqassra u tippreżenta dik il-lista mqassra lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni. Wara dik l-approvazzjoni, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni sabiex jaħtar il-membri tal-Bord Eżekuttiv. Il-President u l-membri tal-Bord Eżekuttiv fuq bażi full-time jenħtieġ li jkunu responsabbli lejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għal kwalunkwe deċiżjoni li jieħdu abbażi tar-Regolamenti tat-twaqqif.

(24)Sabiex jiġu żgurati allokazzjoni aktar effiċjenti tal-kompiti operattivi, fuq naħa waħda, u l-ġestjoni tal-attivitajiet amministrattivi ta’ kuljum, fuq in-naħa l-oħra, il-kompiti attwali tad-Direttur Eżekuttiv ta’ kull waħda mill-ASE jenħtieġ li jiġu assunti minn wieħed mill-membri tal-Bord Eżekuttiv, li jintgħażlu abbażi ta’ dawk il-kompiti partikolari.

(25)Huwa xieraq li l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-ASE, minħabba li l-objettiv ġenerali tal-attivitajiet tal-ASE huwa li jikkontribwixxu għall-istabbiltà finanzjarja u, permezz tal-evitar tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, għat-tħaddim xieraq tas-suq uniku. Mill-attivitajiet tal-ASE jibbenifikaw l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji kollha, kemm jekk joperaw bejn il-fruntieri kif ukoll jekk le. L-ASE jikkontribwixxu għalihom billi jwettqu n-negozju tagħhom f’ambjent stabbli u f’kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. Għalhekk, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji li mhumiex direttament issorveljati mill-ASE jenħtieġ li jikkontribwixxu wkoll għall-finanzjament ta’ dawk l-attivitajiet tal-ASE li minnhom jibbenifikaw. Barra minn hekk, l-ASE jenħtieġ li, madankollu, jirċievu wkoll it-tariffi mħallsin mill-istituzzjonijiet finanzjarji u mill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji li huma ssorveljati direttament minnhom.

(26)Fi ħdan kull kategorija ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u parteċipanti fis-swieq finanzjarji, il-livell ta’ kontribuzzjonijiet jenħtieġ li jqisu kemm kull istituzzjoni finanzjarja u parteċipant fis-swieq finanzjarji jibbenifikaw mill-attivitajiet tal-ASE. Għaldaqstant, il-kontribuzzjonijiet individwali mill-istituzzjonijiet finanzjarji u mill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jenħtieġ li jiġu ddeterminati b’referenza għad-daqs tagħhom sabiex ikunu jirriflettu l-importanza tagħhom fis-suq rilevanti. Il-ġbir ta’ kontribuzzjonijiet żgħar ħafna jenħtieġ li jkun soġġett għal limitu stabbilit de minimis, sabiex ikun żgurat li l-ġbir tagħhom ikun ekonomiku, filwaqt li fl-istess ħin ikun żgurat li ditti akbar ma jintalbux jikkontribwixxu b’mod sproporzjonat.

(27)Sabiex tiddetermina kif għandhom jiġu kkalkolati l-kontribuzzjonijiet annwali minn istituzzjonijiet finanzjarji u parteċipanti fis-swieq finanzjarji individwali, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat. L-atti delegati se jistabbilixxu metodoloġija sabiex tiġi allokata n-nefqa stmata għal kategoriji ta’ istituzzjonijiet finanzjarji jew parteċipanti fis-swieq finanzjarji, kif ukoll kriterji sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ kontribuzzjonijiet individwali abbażi tad-daqs. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(28)Sabiex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tal-ħidma tal-ASE, ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali jenħtieġ li japplikaw ukoll għal kwalunkwe persuna li tipprovdi kwalunkwe servizz, direttament jew indirettament, b’mod permanenti jew okkażjonali, b’rabta mal-kompiti tal-ASE kkonċernata.

(29)Ir-Regolamenti (KE) 1093/2010, 1094/2010 u 1095/2010, kif ukoll il-leġiżlazzjoni tas-servizzi finanzjarji settorjali jirrikjedu li l-ASE jfittxu arranġamenti amministrattivi effettivi, li jinvolvu l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ superviżuri ta’ pajjiżi terzi. Il-ħtieġa għal kooperazzjoni effettiva u skambju ta’ informazzjoni jenħtieġ li ssir aktar importanti meta, skont dan ir-Regolament emendatorju, uħud mill-ASE jassumu responsabbiltajiet usa’ addizzjonali fir-rigward tas-superviżjoni tal-entitajiet u l-attivitajiet mhux tal-UE. Meta, f’dan il-kuntest, l-ASE jipproċessaw data personali, inkluż billi jittrasferixxu tali data barra mill-Unjoni, huma jkunu marbutin bir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 2018/XXX (ir-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data għall-Istituzzjonijiet u l-Korpi tal-UE). Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni dwar l-adegwatezza jew ta’ salvagwardji xierqa, pereżempju kif previst fl-arranġamenti amministrattivi skont it-tifsira tal-Artikolu 49(3) tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data għall-Istituzzjonijiet u l-Korpi tal-UE, l-ASE jistgħu jiskambjaw data personali mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi f’konformità ma’ u taħt il-kondizzjonijiet tad-deroga ta’ interess pubbliku stabbilita fl-Artikolu 51(1)(d) tiegħu, li b’mod partikolari tapplika għall-każijiet ta’ skambju ta’ data internazzjonali bejn l-awtoritajiet superviżorji finanzjarji.

(30)Huwa essenzjali li l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-EBA jipprovdu salvagwardji xierqa għall-Istati Membri li ma jipparteċipawx fl-unjoni bankarja, filwaqt li fl-istess ħin jippermettu lill-EBA tkompli tieħu d-deċiżjonijiet b’mod effettiv meta jonqos l-għadd ta’ Stati Membri mhux parteċipanti. Jenħtieġ li jinżammu r-regoli attwali tal-votazzjoni li jirrikjedu l-maġġoranza tal-Istati Membri parteċipanti u l-maġġoranza tal-Istati Membri mhux parteċipanti sabiex l-EBA tkun tista’ tieħu deċiżjoni. Madankollu, huma meħtieġa salvagwardji addizzjonali sabiex jiġi evitat xenarju fejn id-deċiżjonijiet ma jkunux jistgħu jittieħdu biss minħabba l-assenzi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u sabiex tiġi żgurata l-preżenza ta’ kemm jista’ jkun awtoritajiet nazzjonali kompetenti bl-għan li jkun hemm votazzjoni b’saħħitha u leġittima.

(31)Ir-regolamenti tat-twaqqif tal-ASE jistabbilixxu li l-ASE, f’kooperazzjoni mal-BERS, jenħtieġ li jibdew u jikkoordinaw testijiet tal-istress madwar l-Unjoni kollha sabiex tiġi vvalutata r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji jew tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għall-iżviluppi avversi tas-suq. Jenħtieġ li jiġi żgurat ukoll li tiġi applikata metodoloġija kemm jista’ jkun konsistenti, fil-livell nazzjonali, għal testijiet bħal dawn. Sabiex jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn it-tħassib superviżorju tal-awtoritajiet kompetenti u l-kunsiderazzjonijiet mal-Unjoni kollha, huwa xieraq li l-Bord Eżekuttiv tal-ASE jingħata s-setgħa li jiddeċiedi dwar il-bidu u l-koordinazzjoni tat-testijiet tal-istress. Jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll, fir-rigward tal-ASE kollha, li l-obbligi ta’ segretezza professjonali tal-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx iżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jibagħtu r-riżultati tat-test tal-istress lill-ASE għall-fini ta’ pubblikazzjoni.

(32)Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ konverġenza fil-qasam tas-superviżjoni u l-approvazzjoni tal-mudelli interni, l-EIOPA jenħtieġ li tkun tista’ toħroġ opinjonijiet sabiex tirrimedja l-inkonsistenzi potenzjali u tgħin lill-awtoritajiet kompetenti jilħqu qbil relatat mal-approvazzjoni tal-mudelli interni. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom f’konformità ma’ dawn l-opinjonijiet, jew inkella jispjegaw għaliex mhumiex qegħdin jikkonformaw mal-opinjoni.

(33)Bid-dimensjoni transfruntiera dejjem tiżdied tal-attività tan-negozjar u, b’mod partikolari, tal-attivitajiet ta’ ċerti ditti ta’ investiment li, min-natura sistemika tagħhom, jista’ jkollhom effetti transfruntieri li jħallu impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja, l-ESMA jenħtieġ li jkollha rwol ta’ koordinazzjoni msaħħaħ fir-rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jibdew l-investigazzjonijiet korrispondenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li tkun tista’ tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti għal dawk l-investigazzjonijiet, meta l-ESMA jkollha raġunijiet raġonevoli sabiex tissuspetta li qed isseħħ attività b’effetti transfruntieri sinifikanti li thedded il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni. Għal dan l-għan, l-ESMA jenħtieġ li żżomm faċilità għall-ħażna tad-data sabiex tiġbor mingħand, u xxerred bejn, l-awtoritajiet kompetenti, l-informazzjoni kollha rilevanti.

(34)L-objettivi ewlenin tar-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 35 , tar-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 36 u tar-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 37 huma t-tisħiħ tal-impjiegi u t-tkabbir, tal-finanzjament tal-SMEs u tal-investimenti soċjali u fit-tul, kif ukoll il-promozzjoni ta’ kultura ta’ investiment tal-UE. Madankollu, l-użu diverġenti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tad-diskrezzjoni tagħhom, il-prattiki amministrattivi diverġenti tagħhom u d-differenzi fil-kulturi superviżorji u l-prestazzjoni għadhom jeżistu, minkejja l-armonizzazzjoni miksuba mit-tliet Regolamenti. Dawk id-diverġenzi jfixklu l-kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni meħtieġa fost il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u tal-fondi ta’ investiment fuq terminu twil fi Stati Membri differenti, filwaqt li jżidu, fl-istess ħin, il-kostijiet operattivi u tat-tranżazzjonijiet ta’ dawk il-maniġers.

(35)Sabiex jitbaxxew il-kostijiet operattivi u tat-tranżazzjonijiet, tissaħħaħ l-għażla tal-investituri u tiżdied iċ-ċertezza legali, huwa xieraq li s-setgħat superviżorji, inklużi l-għoti u l-irtirar ta’ reġistrazzjonijiet u awtorizzazzjonijiet, għall-maniġers ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u dawk il-fondi msemmija fir-Regolament (UE) Nru 345/2013, il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jew dawk il-fondi msemmija fir-Regolament (UE) Nru 346/2013 u l-fondi Ewropej ta’ investiment fuq terminu twil imsemmija fir-Regolament (UE) 2015/760, jiġu ttrasferiti mill-awtoritajiet kompetenti lill-ESMA. Għal dak l-għan, l-ESMA jenħtieġ li tkun tista’ twettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post u timponi penali jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali sabiex iġġiegħel lill-persuni jwaqqfu ksur tal-liġi, jipprovdu informazzjoni sħiħa u korretta rikjesta mill-ESMA jew jissottomettu ruħhom għal investigazzjoni jew spezzjoni fuq il-post.

(36)Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil jistabbilixxi rekwiżiti uniformi li għandhom jiġu ssodisfati minn fondi fuq terminu twil sabiex jiġu awtorizzati bħala “ELTIF”. Ir-Regolament (UE) Nru 2015/760 jistabbilixxi regoli dwar l-investimenti kwalifikanti, l-impriżi tal-portafolli kwalifikanti, ir-regoli dwar il-konċentrazzjoni u l-investituri eliġibbli. Ir-regoli jiddefinixxu wkoll is-setgħat superviżorji, inklużi r-rekwiżiti għall-awtorizzazzjonijiet u s-superviżjoni kontinwa. Filwaqt li jżomm ir-regoli prudenzjali fir-Regolament (UE) 2015/760, dan ir-Regolament jagħti setgħat superviżorji, inklużi l-awtorizzazzjoni, is-superviżjoni kontinwa u l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet, lill-ESMA. Dan ir-regolament jinkariga lill-ESMA bit-tfassil ta’ abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li ma jinvolvux għażliet ta’ politika għas-sottomissjoni lill-Kummissjoni, sabiex b’hekk l-obbligi legali u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-diskrezzjoni tal-ESMA skont ir-Regolament (UE) 2015/760 ikunu ċari biżżejjed. Saru bidliet simili fir-Regolamenti (UE) 345/2013 u 346/2013 sabiex jingħataw setgħat superviżorji lill-ESMA.

(37)Sabiex teżerċita b’mod effettiv is-setgħat superviżorji tagħha fir-rigward tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u tal-fondi Ewropej ta’ investiment fuq terminu twil, kif ukoll fir-rigward tal-maniġers tagħhom, l-ESMA jenħtieġ li tkun tista’ twettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post. Sabiex jiġu appoġġjati l-kapaċitajiet ta’ sorveljanza tal-ESMA, hija jenħtieġ li tingħata s-setgħa li timponi penali jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali sabiex iġġiegħel lill-persuni jwaqqfu ksur tal-liġi, jipprovdu informazzjoni sħiħa u korretta rikjesta mill-ESMA jew jissottomettu ruħhom għal investigazzjoni jew spezzjoni fuq il-post. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiddefinixxi b’mod ċar il-konfini ta’ tali sanzjonijiet amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħrajn li għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u jiżgura approċċ komuni u effett ta’ deterrent. L-attivitajiet ta’ investigazzjoni u infurzar tal-ESMA jenħtieġ li jistrieħu fuq l-appoġġ tal-awtoritajiet nazzjonali, fejn meħtieġ u rikjest. L-ESMA jenħtieġ li jkollha s-setgħa li tiddelega wħud minn dawn il-funzjonijiet, li għadhom jistgħu jiġu ddelegati lura lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

(38)L-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 ta lill-ESMA setgħat ta’ interventi temporanji, li jippermettu lill-ESMA, taħt ċerti kondizzjonijiet, tipprojbixxi jew tirrestrinġi temporanjament fl-Unjoni l-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta’ ċerti strumenti finanzjarji jew strumenti finanzjarji b’ċerti karatteristiċi speċifikati, jew tip ta’ attività jew prattika finanzjarja. Huwa espliċitu li dawn is-setgħat ta’ intervent tal-prodott skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 japplikaw għad-ditti ta’ investiment u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu involuti fil-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta’ strumenti finanzjarji, inklużi unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv. Billi l-unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv jistgħu wkoll jiġu kkummerċjalizzati, distribwiti jew mibjugħa direttament minn kumpaniji maniġerjali ta’ impriżi għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli u minn kumpaniji ta’ investiment awtorizzati f’konformità mad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv (AIFMs) awtorizzati f’konformità mad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fl-interess tat-tisħiħ taċ-ċertezza legali, huwa meħtieġ li jkun espliċitu li s-setgħat ta’ intervent tal-prodott imsemmija hawn fuq skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 japplikaw ukoll fir-rigward tal-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS u tal-kumpaniji ta’ investiment tal-UCITS, kif ukoll għall-AIFMs.

(39)F’każijiet eċċezzjonali u definiti b’mod strett, l-ESMA tista’ tuża s-setgħat ta’ intervent tagħha sabiex tirrestrinġi jew tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni, il-bejgħ jew id-distribuzzjoni tal-unitajiet jew tal-ishma fl-UCITS jew fl-AIFs anki mill-maniġers tagħhom. Dan ikun xieraq meta l-azzjoni proposta tindirizza tħassib sinifikanti relatat mal-protezzjoni tal-investituri jew theddida għall-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni jew ta’ parti minnha; ir-rekwiżiti regolatorji skont id-dritt tal-Unjoni li huma applikabbli għall-istrument finanzjarju jew l-attività finanzjarja rilevanti ma jindirizzawx it-theddida; u awtorità jew awtoritajiet kompetenti ma jkunux ħadu azzjoni sabiex jindirizzaw it-theddida, jew l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu ma jindirizzawx it-theddida b’mod adegwat.

(40)L-inkonsistenzi fil-kwalità, fl-ifformattjar, fl-affidabilità u fil-kost tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandhom effett detrimentali fuq it-trasparenza tad-data, il-protezzjoni tal-investituri u l-effiċjenza tas-suq. Sabiex jissaħħu l-monitoraġġ u r-rikostruzzjoni tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, jittejbu l-konsistenza u l-kwalità ta’ dik id-data u d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tagħha bi spiża raġonevoli madwar l-Unjoni għaċ-ċentri tan-negozjar rilevanti, id-Direttiva 2014/65/UE introduċiet reġim legali ġdid għas-servizzi ta’ rapportar tad-data, inklużi l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data.

(41)Il-kwalità tad-data dwar it-tranżazzjonijiet u tal-ipproċessar u l-forniment ta’ dik id-data, inklużi l-ipproċessar u l-forniment ta’ data transfruntiera, hija ta’ importanza kbira ħafna sabiex jintlaħaq l-objettiv ewlieni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tat-tisħiħ tat-trasparenza tas-swieq finanzjarji. Għalhekk, il-forniment ta’ servizzi ta’ data ewlenija huwa ta’ importanza kbira għall-utenti sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-ħarsa ġenerali mixtieqa lejn l-attività tan-negozjar madwar is-swieq finanzjarji tal-Unjoni u għall-awtoritajiet kompetenti sabiex jirċievu informazzjoni preċiża u komprensiva dwar it-tranżazzjonijiet rilevanti.

(42)Barra minn hekk, id-data dwar it-tranżazzjonijiet hija għodda dejjem aktar essenzjali għall-infurzar effettiv tar-rekwiżiti li joriġinaw mir-Regolament (UE) Nru 600/2014. Minħabba d-dimensjoni transfruntiera tal-ġestjoni tad-data, tal-kwalità tad-data u tal-ħtieġa li jinkisbu ekonomiji ta’ skala, kif ukoll bil-ħsieb li jiġi evitat l-impatt avvers tad-diverġenzi potenzjali kemm fuq il-kwalità tad-data kif ukoll fuq il-kompiti tal-fornituri ta’ servizz ta’ rapportar tad-data, huwa ta’ benefiċċju u ġustifikat li s-setgħat ta’ awtorizzazzjoni u superviżjoni fir-rigward tal-fornituri ta’ servizz ta’ rapportar tad-data jiġu ttrasferiti mill-awtoritajiet kompetenti lill-ESMA u li dawk is-setgħat jiġu speċifikati fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 li jippermetti, fl-istess ħin, il-konsolidazzjoni tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-ġbir ta’ kompetenzi relatati mad-data fi ħdan l-ESMA.

(43)L-investituri fil-livell tal-konsumaturi għandhom jiġu informati b’mod adegwat dwar ir-riskji potenzjali li jeżistu meta jiddeċiedu li jinvestu fi strument finanzjarju. Il-qafas legali tal-Unjoni għandu l-għan li jnaqqas ir-riskju ta’ bejgħ inadatt meta l-investituri fil-livell tal-konsumaturi jiġu mibjugħa prodotti finanzjarji li ma jkunux adatti għall-ħtiġijiet jew l-aspettattivi tagħhom. Għal dak l-għan, id-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 isaħħu r-rekwiżiti organizzazzjonali u tal-kondotta kummerċjali sabiex jiġi żgurat li d-ditti ta’ investiment jaġixxu fl-aħjar interessi tal-klijenti tagħhom. Dawk ir-rekwiżiti jinkludu divulgazzjoni mtejba tar-riskji lill-klijenti, valutazzjoni aħjar tal-adattabilità tal-prodotti rrakkomandati, kif ukoll obbligu li l-istrumenti finanzjarji jitqassmu lis-suq fil-mira identifikat, filwaqt li jitqiesu fatturi bħas-solvenza tal-emittenti. L-ESMA jenħtieġ li tagħmel użu sħiħ mis-setgħat tagħha sabiex tiżgura l-konverġenza superviżorja u tappoġġja lill-awtoritajiet nazzjonali fil-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri u sorveljanza effettiva tar-riskji assoċjati ma’ prodotti finanzjarji.

(44)Huwa importanti li jiġu żgurati sottomissjonijiet, kompilazzjoni, analiżi u pubblikazzjoni effettivi u effiċjenti tad-data għall-finijiet tal-kalkoli sabiex jiġu ddeterminati r-rekwiżiti għas-sistemi tal-obbligi ta’ negozjar u trasparenza qabel u wara n-negozjar, kif ukoll għall-finijiet tad-data ta’ referenza f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u mar-Regolament (UE) Nru 596/2014 38 . Għalhekk, l-ESMA jenħtieġ li tingħata kompetenzi sabiex twettaq il-ġbir dirett ta’ data mill-parteċipanti fis-swieq fir-rigward tar-rekwiżiti tat-trasparenza qabel u wara n-negozjar, kif ukoll l-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data.

(45)L-għoti ta’ dawk il-kompetenzi lill-ESMA jippermetti awtorizzazzjoni u sorveljanza ġestiti ċentralment, li jgħinu sabiex tiġi evitata s-sitwazzjoni attwali fejn bosta ċentri tan-negozjar, internalizzaturi sistematiċi, APAs u CTPs huma mitluba jipprovdu lil bosta awtoritajiet kompetenti b’data li mbagħad tiġi pprovduta biss lill-ESMA. Tali sistema ġestita ċentralment jenħtieġ li tkun ta’ benefiċċju kbir għall-parteċipanti fis-swieq f’termini ta’ trasparenza akbar tad-data, protezzjoni tal-investituri u effiċjenza tas-suq.

(46)L-għoti ta’ setgħat ta’ ġbir tad-data, awtorizzazzjoni u sorveljanza mill-awtoritajiet kompetenti lill-ESMA huwa wkoll strumentali għal kompiti oħrajn li qed twettaq l-ESMA skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, bħall-monitoraġġ tas-suq, is-setgħat ta’ interventi temporanji tal-ESMA u s-setgħat ta’ ġestjoni tal-pożizzjoni, kif ukoll l-iżgurar tal-konformità konsistenti mar-rekwiżiti tat-trasparenza qabel u wara n-negozjar.

(47)Sabiex l-ESMA teżerċita s-setgħat superviżorji tagħha b’mod effettiv, fil-qasam tal-ipproċessar u l-forniment tad-data, l-ESMA jenħtieġ li tkun tista’ twettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post. L-ESMA jenħtieġ li tkun tista’ timponi penali jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali sabiex iġġiegħel lill-fornituri ta’ servizz ta’ rapportar tad-data jwaqqfu ksur tal-liġi, jipprovdu informazzjoni kompluta u korretta rikjesta mill-ESMA jew jissottomettu ruħhom għal investigazzjoni jew spezzjoni fuq il-post, kif ukoll timponi sanzjonijiet amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħrajn meta hija ssib li persuna tkun wettqet, intenzjonalment jew b’mod negliġenti, ksur tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

(48)Il-prodotti finanzjarji li jużaw parametri referenzjarji kritiċi huma disponibbli fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, dawk il-parametri referenzjarji huma ta’ importanza kruċjali għall-funzjonament tas-swieq finanzjarji u għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni. Għalhekk, is-superviżjoni ta’ parametru referenzjarju kritiku jenħtieġ li tagħti ħarsa olistika lejn l-impatti potenzjali, mhux biss fl-Istat Membru fejn ikun jinsab l-amministratur u fl-Istati Membri fejn ikunu jinsabu l-kontributuri tiegħu, iżda wkoll madwar l-Unjoni kollha. B’hekk, huwa xieraq li l-parametri referenzjarji kritiċi jiġu ssorveljati fil-livell tal-Unjoni mill-ESMA. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kompiti, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji kritiċi jenħtieġ li jiġu ssorveljati biss mill-ESMA, inklużi kwalunkwe parametri referenzjarji mhux kritiċi li jistgħu jamministraw.

(49)Madankollu, meta parametru referenzjarju jkun ta’ importanza kritika biss fi Stat Membru wieħed, il-prossimità eqreb tas-suq tal-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tista’ tagħmilha xierqa għall-ESMA li tiddelega, kompletament jew f’partijiet, is-superviżjoni ta’ dak il-parametru referenzjarju lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab l-amministratur, diment li l-ESMA tkun kisbet il-kunsens minn qabel ta’ dik l-awtorità kompetenti għal dak l-għan.

(50)Billi l-amministraturi tal-parametri referenzjarji kritiċi u l-kontributuri għalihom jinsabu taħt rekwiżiti aktar stretti mill-amministraturi ta’ parametri referenzjarji oħrajn u l-kontributuri għalihom, id-deżinjazzjoni tal-parametri referenzjarji bħala parametri referenzjarji kritiċi jenħtieġ li ssir mill-Kummissjoni jew mill-ESMA u tiġi kkodifikata mill-Kummissjoni. Billi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom l-aħjar aċċess għad-data u l-informazzjoni dwar il-parametri referenzjarji li jissorveljaw, huma jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni jew lill-ESMA dwar parametri referenzjarji li, fl-opinjoni tagħhom, jissodisfaw il-kriterji li jidentifikaw il-parametri referenzjarji kritiċi. .

(51)Il-kulleġġi tas-superviżuri għall-parametri referenzjarji kritiċi kienu previsti bħala li jikkontribwixxu għall-applikazzjoni armonizzata tar-regoli skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 u għall-konverġenza tal-prassi superviżorji. Minħabba li l-ESMA tinsab f’kuntatt dirett mas-superviżuri nazzjonali kollha jew hija magħmula minn dawk is-superviżuri, dawk il-kulleġġi tas-superviżuri mhux se jibqgħu meħtieġa aktar.

(52)Il-proċedura sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru ta’ referenza għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji li jinsabu f’pajjiżi terzi li japplikaw għal rikonoxximent fl-Unjoni hija kumplikata u tieħu ħafna ħin kemm għall-applikanti kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. L-applikanti jistgħu jipprovaw jinfluwenzaw dik id-determinazzjoni bit-tama ta’ arbitraġġ regolatorju, kif jistgħu jagħmlu amministraturi ta’ parametri referenzjarji oħrajn li jinsabu f’pajjiżi terzi li jfittxu li jiksbu aċċess għall-Unjoni permezz ta’ sistema ta’ approvazzjoni. Dawk l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jistgħu jagħżlu r-rappreżentant legali tagħhom strateġikament fi Stat Membru fejn huma jqisu li s-superviżjoni hija inqas stretta. Approċċ armonizzat mal-ESMA bħala l-awtorità kompetenti għall-parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi u l-amministraturi tagħhom jevita dawn ir-riskji u l-kostijiet sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru ta’ referenza, kif ukoll tas-superviżjoni sussegwenti. Barra minn hekk, dan ir-rwol bħala l-awtorità kompetenti għall-parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi jistabbilixxi l-ESMA bħala l-kontroparti fl-Unjoni għas-superviżuri f’pajjiżi terzi, sabiex b’hekk il-kooperazzjoni transfruntiera ssir aktar effiċjenti u effettiva.

(53)Ħafna mill-amministraturi tal-parametri referenzjarji, jekk mhux ukoll il-maġġoranza tagħhom, huma banek jew ditti ta’ servizzi finanzjarji li jittrattaw il-flus tal-klijenti. Sabiex ma tiġix imminata l-ġlieda tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li tkun prekondizzjoni għall-konklużjoni ta’ arranġament ta’ kooperazzjoni ma’ awtorità kompetenti taħt reġim ta’ ekwivalenza li l-pajjiż tal-awtorità kompetenti ma jkunx fuq il-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fil-ġlieda nazzjonali tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tar-reġimi tat-terroriżmu li joħolqu theddidiet sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

(54)Kważi l-parametri referenzjarji kollha huma referenzjati fil-prodotti finanzjarji li huma disponibbli f’diversi Stati Membri, jekk mhux fl-Unjoni kollha. Sabiex jidentifikaw ir-riskji relatati mal-provvediment ta’ parametri referenzjarji li jista’ jkun li ma jibqgħux aktar affidabbli jew rappreżentattivi tas-suq jew tar-realtà ekonomika li huma għandhom il-ħsieb li jkejlu, l-awtoritajiet kompetenti, inkluża l-ESMA, jenħtieġ li jikkooperaw u jgħinu lil xulxin, fejn xieraq.

(55)Minħabba n-natura tat-titoli u l-emittenti kkonċernati, ċerti tipi ta’ prospetti mfassla skont ir-Regolament (UE) 2017/1129 jinvolvu dimensjoni transfruntiera fl-Unjoni, livell ta’ kumplessità teknika u/jew riskji potenzjali ta’ arbitraġġ regolatorju li huma tali li s-superviżjoni ċentralizzata tagħhom mill-ESMA tikseb riżultati aktar effettivi u effiċjenti mis-superviżjoni tagħhom f’livell nazzjonali. Il-konsolidazzjoni fil-livell tal-ESMA tal-approvazzjoni ta’ tali prospetti, kif ukoll tal-attivitajiet ta’ superviżjoni u infurzar relatati fil-livell tal-ESMA, jenħtieġ li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità u l-ostakoli amministrattivi, filwaqt li ttejjeb il-kwalità, il-konsistenza u l-effiċjenza tas-superviżjoni fl-Unjoni.

(56)Il-pjazzamenti privati ta’ titoli mhux ta’ ekwità huma sors importanti ta’ kapital għall-emittenti u huma transfruntieri min-natura tagħhom. Filwaqt li pjazzament privat b’investituri kkwalifikati ma jirrikjedix prospett, l-ammissjoni għall-kummerċ sussegwenti tat-titoli f’suq regolat hija soġġetta għall-pubblikazzjoni ta’ prospett skont ir-Regolament (UE) 2017/1129. Ir-reġim tal-prospett jipprovdi lill-emittenti bil-flessibilità li jagħżlu l-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom meta d-denominazzjoni skont l-unità ta’ titoli mhux ta’ ekwità tkun aktar minn EUR 1 000. Billi t-titoli mhux ta’ ekwità kkonċernati mill-pjazzamenti privati ġeneralment juru denominazzjoni skont l-unità ta’ aktar minn EUR 1 000, dan joħloq potenzjal għal forum shopping regolatorju. L-affidament lill-ESMA bl-approvazzjoni ta’ tali prospetti mhux ta’ ekwità tal-operaturi ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew is-segment speċifiku tiegħu li għalih għandhom aċċess biss l-investituri kwalifikati għandu jilħaq l-objettiv doppju tal-iżgurar ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-emittenti u ta’ livell ogħla ta’ effiċjenza permezz ta’ simplifikazzjoni sinifikanti tal-proċeduri ta’ approvazzjoni.

(57)L-approvazzjoni tal-prospetti relatati mat-titoli garantiti b’assi, kif ukoll l-approvazzjoni tal-prospetti mfassla minn emittenti speċjalisti, bħal kumpaniji tal-proprjetà, kumpaniji tal-minerali, kumpaniji bbażati fuq ir-riċerka xjentifika jew kumpaniji marittimi, jirrikjedu li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom membri tal-persunal speċjalizzati ħafna disponibbli, li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ikunu jittrattaw volum pjuttost modest ta’ prospetti. Barra minn hekk, ċerta informazzjoni mhux finanzjarja li trid tiġi ddivulgata minn emittenti speċjalisti mhijiex stabbilita fl-atti delegati msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/1129, iżda titħalla għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Dan jirrappreżenta sors potenzjali ta’ ineffiċjenza u arbitraġġ regolatorju. L-affidament lill-ESMA bl-approvazzjoni ta’ dawn it-tipi ta’ prospetti jenħtieġ li, minn naħa waħda, jiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni f’termini ta’ divulgazzjoni tal-informazzjoni u jelimina r-riskju ta’ arbitraġġ regolatorju u, min-naħa l-oħra, jottimizza l-allokazzjoni tar-riżorsi superviżorji fil-livell tal-Unjoni billi jistabbilixxi l-ESMA bħala ċ-ċentru tal-kompetenzi, sabiex b’hekk itejjeb l-effiċjenza tas-superviżjoni tal-prospetti kkonċernati.

(58)L-emittenti ta’ pajjiżi terzi li jfasslu prospett f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jgawdu ċerta flessibilità fir-rigward tal-għażla tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom għall-fini tal-approvazzjoni tal-prospett, li ġġib magħha r-riskju li jinħoloq forum shopping superviżorju bejn l-Istati Membri. Il-konsolidazzjoni ta’ tali approvazzjonijiet fil-livell tal-ESMA tiżgura approċċ armonizzat b’mod sħiħ vis-à-vis l-emittenti ta’ pajjiżi terzi u telimina l-potenzjal għal arbitraġġ regolatorju. B’hekk, l-emittenti ta’ pajjiżi terzi se jkollhom l-ESMA bħala l-punt ta’ kuntatt waħdieni tagħhom fl-Unjoni, irrispettivament mill-Istat(i) Membru/i fejn huma joffru t-titoli tagħhom jew jitolbu ammissjoni għall-kummerċ. Dan ineħħi l-ħtieġa li jiġi ddeterminat Stat Membru tad-domiċilju għal dawn l-emittenti ta’ pajjiżi terzi.

(59)Ir-reġim ta’ ekwivalenza għall-prospetti mfassla skont il-liġijiet nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jistabbilixxi li l-valutazzjoni tal-ekwivalenza u l-adozzjoni sussegwenti ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni jkunu bbażati mhux biss fuq ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni tal-liġijiet nazzjonali ta’ tali pajjiżi terzi, iżda wkoll fuq l-eżistenza ta’ qafas għall-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-prospett mis-superviżur ta’ pajjiż terz, inklużi s-supplimenti tiegħu, fejn applikabbli, u s-superviżjoni u l-infurzar effettivi tal-offerti u tal-ammissjonijiet skont tali prospett. Sabiex tkun konsistenti mal-approċċ stabbilit mill-Kummissjoni fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tagħha “Id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza tal-UE fil-politika dwar is-servizzi finanzjarji: valutazzjoni” (SWD(2017) 102 finali), il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tissoġġetta d-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza tagħha għal kondizzjonijiet addizzjonali bl-għan li tipproteġi l-integrità tas-suq fl-Unjoni u tippromwovi s-suq intern għas-servizzi finanzjarji, kif ukoll il-valuri komuni u l-objettivi regolatorji kondiviżi fil-livell internazzjonali. Tali kondizzjonijiet jistgħu jikkonsistu f’rekwiżit għall-pajjiż terz li jipprevedi sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent tal-prospetti mfassla skont ir-Regolament (UE) Nru 2017/1129 jew il-kapaċità tal-ESMA li tikkoopera mas-superviżur ta’ pajjiż terz rilevanti sabiex tissorvelja r-regoli tal-pajjiż terz fuq bażi kontinwa.

(60)Meta l-arranġamenti legali u superviżorji ta’ pajjiż terz relatati mal-prospetti mfassla f’konformità mal-liġi nazzjonali ta’ dak il-pajjiż terz ikunu ġew iddikjarati bħala ekwivalenti mill-Kummissjoni u meta jkun ġie konkluż arranġament ta’ kooperazzjoni xieraq bejn l-ESMA u l-awtorità superviżorja ta’ dak il-pajjiż terz, kwalunkwe prospett approvat mill-awtorità superviżorja ta’ dak il-pajjiż terz li jintuża fl-Unjoni għal offerta ta’ titoli lill-pubbliku jew ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat għandu jiġi ppreżentat lill-ESMA u r-regoli għad-determinazzjoni tal-Istat Membru tad-domiċilju ma għandhomx jibqgħu jiġu applikati.

(61)Billi r-reġim ta’ ekwivalenza previst fir-Regolament (UE) 2017/1129 jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA jistrieħu fuq superviżuri minn pajjiżi terzi fir-rigward tal-offerti u l-ammissjonijiet għall-kummerċ li jseħħu fl-Unjoni abbażi ta’ prospett imfassal skont ir-regoli ta’ pajjiżi terzi, jeħtieġ li dawk l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA jkunu kunfidenti wkoll li l-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija garantita fil-pajjiż terz ikkonċernat. Għal dak l-iskop, kif ukoll sabiex ma tiġix imminata l-ġlieda tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus u/jew il-finanzjament tat-terroriżmu, għandha tkun prekondizzjoni għal konklużjoni mill-ESMA ta’ arranġament ta’ kooperazzjoni ma’ superviżur minn pajjiż terz taħt ir-reġim ta’ ekwivalenza stabbilit mir-Regolament (UE) 2017/1129 li l-pajjiż terz ma jkunx inkluż fuq il-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li huma ddikjarati bħala li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fil-ġlieda nazzjonali tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tar-reġimi tat-terroriżmu li joħolqu theddidiet sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

(62)L-ESMA jenħtieġ li tingħata s-setgħa li timponi sanzjonijiet amministrattivi jew tieħu miżuri amministrattivi oħrajn għall-ksur tar-Regolament (UE) Nru 2017/1129 b’rabta mat-tipi speċifiċi ta’ prospetti li għalihom tingħata approvazzjoni lill-ESMA. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiddefinixxi b’mod ċar il-konfini ta’ tali sanzjonijiet amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħrajn li għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(63)Is-superviżjoni tar-reklami relatati ma’ dawk il-prospetti li l-approvazzjoni tagħhom tingħata lill-ESMA jenħtieġ li tiġi ttrasferita wkoll lill-ESMA. L-ESMA jenħtieġ li jkollha l-għażla li teżerċita kontroll fuq il-konformità ta’ dawk ir-reklami. Madankollu, dan il-kontroll jenħtieġ li dejjem jitwettaq mill-ESMA fir-rigward ta’ kwalunkwe reklam imxerred fi Stat Membru li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun talbet b’mod formali lill-ESMA sabiex tagħmel użu mis-setgħa ta’ kontroll tagħha kull meta jintuża prospett approvat mill-ESMA għal offerta jew ammissjoni fil-ġurisdizzjoni tiegħu. Sabiex twettaq tali kompitu, l-ESMA jenħtieġ li jkollha riżorsi umani adegwati b’għarfien suffiċjenti tar-regoli nazzjonali rilevanti dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi.

(64)L-ESMA jenħtieġ li tiskrutinizza u tapprova l-prospetti kollha tat-tipi definiti minn dan ir-Regolament, li jiġu sottomessi għall-approvazzjoni mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-prospetti tat-tipi definiti minn dan ir-Regolament, li kienu approvati minn awtorità kompetenti qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jew li ġew sottomessi għall-approvazzjoni lil awtorità kompetenti iżda li għadhom ma ġewx approvati sa dik id-data, jenħtieġ li jkomplu jiġu ssorveljati minn dik l-awtorità kompetenti. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni, tali superviżjoni jenħtieġ li tkopri, b’mod partikolari, il-finalizzazzjoni tal-proċedura ta’ skrutinju u approvazzjoni għal dawk il-prospetti li għadhom ma ġewx approvati, kif ukoll il-kompiti kollha ta’ approvazzjoni u notifika li japplikaw għas-supplimenti relatati u t-termini finali, fejn applikabbli.

(65)Huwa xieraq li jiġi previst perjodu ta’ żmien raġonevoli sabiex isiru l-arranġamenti meħtieġa għall-istruttura ta’ governanza prevista u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni sabiex l-ASE u l-partijiet l-oħrajn ikkonċernati jkunu jistgħu japplikaw ir-regoli introdotti minn dan ir-Regolament.

(66)Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010; ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010; ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010; ir-Regolament (UE) Nru 345/2013; ir-Regolament (UE) Nru 346/2013; ir-Regolament (UE) Nru 600/2014; ir-Regolament (UE) Nru 2015/760; ir-Regolament (UE) 2016/2011; u r-Regolament (UE) 2017/1129 jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1093/2010

Ir-Regolament (UE) 1093/2010 jiġi emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 1 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Awtorità għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha b’dan ir-Regolament u fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/87/KE, tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**, tad-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill***, tar-Regolament (UE) 2015/847**** tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*****, tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill****** u, safejn dawk l-atti japplikaw għall-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu u l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljawhom, fi ħdan il-partijiet rilevanti tad-Direttiva 2002/65/KE u tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*******, inklużi d-direttivi, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawk l-atti, u ta’ kwalunkwe att tal-Unjoni legalment vinkolanti ieħor li jikkonferixxi kompiti fuq l-Awtorità. L-Awtorità għandha taġixxi wkoll f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013********.

* Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).

**Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti, Test b’rilevanza għaż-ŻEE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).

***Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, Test b’rilevanza għaż-ŻEE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214).

****Ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1).

****Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

*****Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

*****    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).”;

(2)fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 2 jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“Ir-referenzi f’dan ir-Regolament għal superviżjoni jinkludu l-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti kollha li jridu jitwettqu skont l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

(3)L-Artikolu 4 jiġi emendat kif ġej:

(a)il-punt (1) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(1) “istituzzjonijiet finanzjarji” tfisser kwalunkwe impriża soġġetta għal regolamentazzjoni u superviżjoni skont l-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2);”;

(b)fil-punt (2), il-punt (i) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(i) l-awtoritajiet kompetenti kif definiti fil-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mal-kompiti mogħtija lilu bir-Regolament (UE) Nru 1024/2013;”;

(c)il-punt (ii) tal-punt (2) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(ii) fir-rigward tad-Direttivi 2002/65/KE u (UE) 2015/849, l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti sabiex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dawk id-Direttivi mill-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu;”;

(d)fil-punt (2), il-punt (iii) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(iii) fir-rigward tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożitu, il-korpi li jamministraw l-iskemi ta’ garanzija tad-depożitu skont id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew, meta l-operat tal-iskema ta’ garanzija tad-depożitu jkun amministrat minn kumpanija privata, l-awtorità pubblika li tissorvelja dawk l-iskemi skont dik id-Direttiva u l-awtoritajiet amministrattivi rilevanti msemmija f’dik id-Direttiva; kif ukoll”;

(e)jiżdiedu l-punti (v) u (vi) tal-punt (2) li ġejjin:

“(v) l-awtoritajiet kompetenti msemmija fid-Direttiva 2014/17/UE; fir-Regolament 2015/751, fid-Direttiva (UE) 2015/2366, fid-Direttiva 2009/110/KE, fir-Regolament (KE) Nru 924/2009 u fir-Regolament (UE) Nru 260/2012;

(vi) il-korpi u l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/48/KE.”;

(4)L-Artikolu 6 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-punt (2) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(2) Bord Eżekuttiv, li għandu jeżerċita l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 47;”;

(c)jitħassar il-punt (4);

(5)L-Artikolu 8 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi emendat kif ġej:

(i)jiġi sostitwit il-punt (aa) li ġej:

“(aa) li tiżviluppa u żżomm manwal superviżorju tal-Unjoni aġġornat dwar is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni;”;

(ii)jiddaħħal il-punt (ab) li ġej:

“(ab) li tiżviluppa u żżomm aġġornat manwal ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni dwar ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni li jistabbilixxi l-aħjar prassi superviżorji u metodoloġiji u proċessi ta’ kwalità għolja;”;

(iii) il-punti (e) u (f) jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(e) li torganizza u twettaq rieżamijiet tal-awtoritajiet kompetenti u, f’dak il-kuntest, li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet u li tidentifika l-aħjar prattiki, bl-għan li tissaħħaħ il-konsistenza fl-eżiti superviżorji;

(f) li timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi tas-suq fil-qasam tal-kompetenzi tagħha, inklużi, fejn rilevanti, l-iżviluppi relatati max-xejriet fil-kreditu, b’mod partikolari, għall-unitajiet domestiċi u l-SMEs u fis-servizzi finanzjarji innovattivi;”;

(iv)il-punt (h) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(h) li trawwem il-protezzjoni tad-depożituri, tal-konsumaturi u tal-investituri;”;

(c)fil-paragrafu 1a, jiddaħħal il-punt (c) li ġej:

“(c) tqis l-innovazzjoni teknoloġika, il-mudelli kummerċjali innovattivi u sostenibbli u l-integrazzjoni tal-fatturi ambjentali, soċjali u dawk relatati mal-governanza.”;

(d)fil-paragrafu 2, jiġu emendati dawn li ġejjin:

(i) jiddaħħal il-punt (ca):

“(ca) toħroġ rakkomandazzjonijiet kif stipulat fl-Artikoli 29a u 31a;”;

ii) il-punt (h) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(h) tiġbor l-informazzjoni meħtieġa dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji kif previst fl-Artikolu 35 u fl-Artikolu 35b”;

(6)L-Artikolu 9 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Awtorità għandha tissorvelja l-attivitajiet finanzjarji ġodda u eżistenti u tista’ tadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet bl-għan li tippromwovi s-sikurezza u s-saħħa tas-swieq u l-konverġenza tal-prattiki superviżorji u regolatorji.”;

(c)il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4. L-Awtorità għandha tistabbilixxi, bħala parti integrali tal-Awtorità, Kumitat għall-innovazzjoni finanzjarja, li jiġbor flimkien l-awtoritajiet kompetenti kollha rilevanti u l-awtoritajiet responsabbli għall-protezzjoni tal-konsumaturi bl-għan li jinkiseb approċċ ikkoordinat għat-trattament regolatorju u superviżorju ta’ attivitajiet finanzjarji ġodda jew innovattivi u jipprovdi pariri biex l-Awtorità tippreżentahom lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. L-Awtorità tista’ tinkludi wkoll l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data bħala parti mill-Kumitat.”;

(7)L-Artikolu 16 jiġi emendat kif ġej:

(b)fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Awtorità tista’ tindirizza wkoll linji gwida u rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet tal-Istati Membri li mhumiex definiti bħala awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament, iżda li huma awtorizzati sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

(c)il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Awtorità għandha, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa rigward il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet li hija toħroġ u għandha tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati tal-ħruġ ta’ tali linji gwida u rakkomandazzjonijiet. Dawk il-konsultazzjonijiet u l-analiżijiet għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, in-natura u l-impatt tal-linji gwida jew tar-rakkomandazzjonijiet. L-Awtorità għandha, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, titlob ukoll opinjonijiet jew pariri mill-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati msemmi fl-Artikolu 37.”;

(d)fil-paragrafu 4, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Ir-rapport għandu jispjega wkoll kif l-Awtorità ġġustifikat il-ħruġ tal-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet tagħha u jiġbor fil-qosor ir-rispons mill-konsultazzjonijiet pubbliċi dwar dawk il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet.”;

(e)jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5. Meta żewġ terzi tal-membri tal-Grupp ta’ Partijiet Bankarji Interessati jkunu tal-opinjoni li l-Awtorità qabżet il-kompetenza tagħha permezz tal-ħruġ ta’ ċerti linji gwida jew rakkomandazzjonijiet, huma jistgħu jibagħtu opinjoni motivata lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha titlob spjegazzjoni li tiġġustifika l-ħruġ tal-linji gwida jew tar-rakkomandazzjonijiet ikkonċernati mill-Awtorità. Il-Kummissjoni għandha, malli tirċievi l-ispjegazzjoni mill-Awtorità, tivvaluta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida jew tar-rakkomandazzjonijiet fid-dawl tal-kompetenza tal-Awtorità. Meta l-Kummissjoni tqis li l-Awtorità qabżet il-kompetenza tagħha u wara li tkun tat lill-Awtorità l-opportunità li tiddikjara l-fehmiet tagħha, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li titlob lill-Awtorità tirtira l-linji gwida jew ir-rakkomandazzjonijiet ikkonċernati. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha ssir pubblika.”;

(8)fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 17 jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat stipulati fl-Artikolu 35, l-Awtorità tista’ tindirizza talba debitament ġustifikata u motivata għall-informazzjoni direttament lil awtoritajiet kompetenti oħrajn jew lill-istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti, kull meta titqies bħala neċessarja għall-fini tal-investigazzjoni ta’ allegat ksur jew nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Meta tiġi indirizzata lill-istituzzjonijiet finanzjarji, it-talba motivata għandha tispjega għaliex l-informazzjoni hija meħtieġa għall-finijiet tal-investigazzjoni ta’ allegat ksur jew nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

Id-destinatarju ta’ talba bħal din għandu jipprovdi lill-Awtorità b’informazzjoni ċara, preċiża u kompleta mingħajr dewmien bla bżonn.

Meta tkun ġiet indirizzata talba għal informazzjoni lil istituzzjoni finanzjarja, l-Awtorità għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti dwar tali talba. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħinu lill-Awtorità fil-ġbir tal-informazzjoni, meta huma jintalbu jagħmlu dan mill-Awtorità.”;

(9)L-Artikolu 19 jiġi emendat kif ġej:

(b)    il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Fil-każijiet speċifikati fl-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) u mingħajr preġudizzju għas-setgħat stipulati fl-Artikolu 17, l-Awtorità tista’ tgħin lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jilħqu ftehim f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 4 f’waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)    fuq talba ta’ waħda jew aktar mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati meta awtorità kompetenti ma taqbilx mal-proċedura jew mal-kontenut ta’ azzjoni, azzjoni proposta jew inattività ta’ awtorità kompetenti oħra;

(b)    fuq inizjattiva tagħha stess meta, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, ikun jista’ jiġi stabbilit nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti.

F’każijiet fejn l-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) jesiġu li tittieħed deċiżjoni konġunta mill-awtoritajiet kompetenti, għandu jkun preżunt nuqqas ta’ qbil fin-nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjoni konġunta minn dawk l-awtoritajiet fil-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dawk l-atti.”;

(c)jiddaħħlu l-paragrafi 1a u 1b li ġejjin:

“1a. Fil-każijiet li ġejjin, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità, mingħajr dewmien, li ma ntlaħaq ebda ftehim:

(a)    meta jkun ġie previst limitu ta’ żmien sabiex jintlaħaq ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), u meta jseħħ l-aktar kmieni minn fost dawn li ġejjin:

(i) il-limitu ta’ żmien ikun skada;

(ii) waħda jew aktar mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jikkonkludu li jeżisti nuqqas ta’ ftehim fuq il-bażi ta’ fatturi oġġettivi;

(b)    meta ma jkun ġie previst ebda limitu ta’ żmien sabiex jintlaħaq ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), u meta jseħħ l-aktar kmieni minn fost dawn li ġejjin:

(i)    waħda jew aktar mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jikkonkludu li jeżisti nuqqas ta’ ftehim fuq il-bażi ta’ fatturi oġġettivi; jew

(ii)    ikunu għaddew xahrejn mid-data li fiha awtorità kompetenti rċeviet talba minn awtorità kompetenti oħra sabiex tieħu ċerta azzjoni bl-għan li tikkonforma ma’ dawk l-atti tal-Unjoni u l-awtorità rikjesta tkun għadha ma adottat ebda deċiżjoni li tissodisfa t-talba.

1b. Il-President għandu jivvaluta jekk l-Awtorità għandhiex taġixxi f’konformità mal-paragrafu 1. Meta l-intervent ikun fuq l-inizjattiva proprja tal-Awtorità, din tal-aħħar għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati bid-deċiżjoni tagħha rigward l-intervent.

Sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-Awtorità f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 47(3a), f’każijiet fejn l-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) jesiġu li tittieħed deċiżjoni konġunta, l-awtoritajiet kompetenti kollha involuti fid-deċiżjoni konġunta għandhom jiddiferixxu d-deċiżjonijiet individwali tagħhom. Meta l-Awtorità tiddeċiedi li taġixxi, l-awtoritajiet kompetenti kollha involuti fid-deċiżjoni konġunta għandhom jiddiferixxu d-deċiżjonijiet tagħhom sakemm tiġi konkluża l-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 u 3.”;

(d)il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Meta l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jonqsu milli jilħqu ftehim matul il-fażi ta’ konċiljazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità tista’ tieħu deċiżjoni li tesiġi li dawk l-awtoritajiet jieħdu azzjoni speċifika jew joqogħdu lura minn ċerta azzjoni sabiex isolvu l-kwistjoni, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni. Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha torbot lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. . Id-deċiżjoni tal-Awtorità tista’ tesiġi li l-awtoritajiet kompetenti jirrevokaw jew jemendaw deċiżjoni li jkunu adottaw jew jagħmlu użu mis-setgħat li huma jkollhom skont id-dritt tal-Unjoni rilevanti.”;

(e)jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a. L-Awtorità għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati dwar il-konklużjoni tal-proċeduri skont il-paragrafi 2 u 3, flimkien ma’, fejn applikabbli, id-deċiżjoni tagħha meħuda skont il-paragrafu 3.”;

(f)il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 tat-Trattat, meta awtorità kompetenti ma tikkonformax mad-deċiżjoni tal-Awtorità u, b’hekk, tonqos milli tiżgura li istituzzjoni finanzjarja tikkonforma mar-rekwiżiti li japplikaw direttament għaliha bis-saħħa tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2), l-Awtorità tista’ tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil istituzzjoni finanzjarja li titlobha tieħu l-azzjoni meħtieġa bil-għan li tikkonforma mal-obbligi tagħha skont id-dritt tal-Unjoni, inkluż il-waqfien minn kwalunkwe prattika.”;

(10)L-Artikolu 22 jiġi emendat kif ġej:

(b)jitħassar il-paragrafu 1a;

(c)fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Għal dawk il-finijiet, l-Awtorità tista’ tuża s-setgħat mogħtija lilha skont dan ir-Regolament, inkluż l-Artikolu 35 u 35b.”;

(11)L-Artikolu 29 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi emendat kif ġej:

(i)jiddaħħal il-punt (aa) li ġej:

“(aa) li toħroġ il-Pjan Superviżorju Strateġiku f’konformità mal-Artikolu 29a;”;

(ii)il-punt (b) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

(b) li tippromwovi skambju bilaterali u multilaterali effettiv ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, li tkun tappartjeni għall-kwistjonijiet rilevanti kollha, inklużi ċ-ċibersigurtà u l-attakki ċibernetiċi, kif xieraq, b’rispett sħiħ għad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data previsti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni;”;

(iii) il-punt (e) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(e) li tistabbilixxi programmi ta’ taħriġ settorjali u trans-settorjali, inkluż fir-rigward tal-innovazzjoni teknoloġika, tiffaċilita skambji tal-persunal u tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jintensifikaw l-użu ta’ skemi tal-issekondar u għodod oħrajn;”;

(c)    fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-fini tal-istabbiliment ta’ kultura superviżorja komuni, l-Awtorità għandha tiżviluppa u taġġorna manwal superviżorju tal-Unjoni dwar is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni, filwaqt li tqis il-prattiki kummerċjali li qegħdin jinbidlu u l-mudelli kummerċjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji. L-Awtorità għandha wkoll tiżviluppa u żżomm manwal aġġornat tal-Unjoni dwar ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni. Kemm il-manwal superviżorju tal-Unjoni kif ukoll il-manwal ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni għandhom jistabbilixxu l-aħjar prattiki superviżorji u għandhom jispeċifikaw metodoloġiji u proċessi ta’ kwalità għolja.;

(12)jiddaħħal l-Artikolu 29a li ġej:

“Artikolu 29a

Pjan Superviżorju Strateġiku

1. Mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament [XXX daħħal referenza għar-Regolament emendatorju] u kull tliet snin minn hemm ’il quddiem sal-31 ta’ Marzu, l-Awtorità għandha toħroġ rakkomandazzjoni indirizzata lill-awtoritajiet kompetenti, li tistabbilixxi objettivi u prijoritajiet strateġiċi superviżorji (“Pjan Superviżorju Strateġiku”) u wara li tikkunsidra kwalunkwe kontribuzzjoni mill-awtoritajiet kompetenti. L-Awtorità għandha tibgħat il-Pjan Superviżorju Strateġiku għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u għandha tippubblikah fuq is-sit web tagħha.

Il-Pjan Superviżorju Strateġiku għandu jidentifika prijoritajiet speċifiċi għall-attivitajiet superviżorji sabiex jippromwovi prassi superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi u l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tad-dritt tal-Unjoni u sabiex jindirizza x-xejriet mikroprudenzjali rilevanti, ir-riskji potenzjali u l-vulnerabbiltajiet identifikati f’konformità mal-Artikolu 32.

2. Sat-30 ta’ Settembru ta’ kull sena, kull awtorità kompetenti għandha tissottometti abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali għas-sena ta’ wara lill-Awtorità għal kunsiderazzjoni u tistipula speċifikament kif l-abbozz ta’ programm huwa allinjat mal-Pjan Superviżorju Strateġiku.

L-abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali għandu jinkludi objettivi u prijoritajiet speċifiċi għall-attivitajiet superviżorji u kriterji kwalitattivi u kwantitattivi għall-għażla tal-istituzzjonijiet finanzjarji, il-prattiki u l-imġibiet tas-suq u s-swieq finanzjarji li jridu jiġu eżaminati mill-awtorità kompetenti li tissottometti l-abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali matul is-sena koperta minn dak il-programm.

3. L-Awtorità għandha tivvaluta l-abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali u, meta jkun hemm riskji materjali sabiex ma jintlaħqux il-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan Superviżorju Strateġiku, l-Awtorità għandha toħroġ rakkomandazzjoni lill-awtorità kompetenti rilevanti li timmira għall-allinjament tal-programm ta’ ħidma annwali tal-awtorità kompetenti rilevanti mal-Pjan Superviżorju Strateġiku.

Sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw il-programmi ta’ ħidma annwali tagħhom, filwaqt li jqisu kwalunkwe rakkomandazzjonijiet bħal dawn.

4. Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, kull awtorità kompetenti għandha tibgħat lill-Awtorità rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali.

Ir-rapport għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)    deskrizzjoni tal-attivitajiet superviżorji u eżamijiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji, tal-prattiki u l-imġibiet tas-swieq finanzjarji u tal-miżuri amministrattivi u s-sanzjonijiet imposti kontra l-istituzzjonijiet finanzjarji responsabbli għall-ksur tal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni;

(b)    deskrizzjoni tal-attivitajiet li twettqu u li ma kinux previsti fil-programm ta’ ħidma annwali;

(c)    rendikont tal-attivitajiet previsti fil-programm ta’ ħidma annwali li ma twettqux u tal-objettivi ta’ dak il-programm li ma ntlaħqux, kif ukoll tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawk l-attivitajiet u lħuq ta’ dawk l-objettivi.

5. L-Awtorità għandha tivvaluta r-rapporti ta’ implimentazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Meta jkun hemm riskji materjali li ma jkunux se jinkisbu l-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan Superviżorju Strateġiku, l-Awtorità għandha toħroġ rakkomandazzjoni lil kull awtorità kompetenti kkonċernata dwar kif jistgħu jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet rilevanti fl-attivitajiet tagħha.

Abbażi tar-rapporti u l-valutazzjoni tagħha tar-riskji, l-Awtorità għandha tidentifika l-attivitajiet tal-awtorità kompetenti li huma ta’ importanza kritika għall-issodisfar tal-Pjan Superviżorju Strateġiku u għandha, skont kif xieraq, twettaq rieżamijiet skont l-Artikolu 30 ta’ dawk l-attivitajiet.

6. L-Awtorità għandha tagħmel l-aħjar prassi identifikati matul il-valutazzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali disponibbli għall-pubbliku.”;

(13)L-Artikolu 30 jiġi emendat kif ġej:

(b)it-titolu tal-artikolu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Rieżamijiet tal-awtoritajiet kompetenti”;

(c)    il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Awtorità għandha, perjodikament, twettaq rieżamijiet ta’ wħud mill-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti, jew tal-attivitajiet kollha kemm huma, sabiex tkompli ssaħħaħ il-konsistenza fl-eżiti superviżorji. Għal dak l-għan, l-Awtorità għandha tiżviluppa metodi li jippermettulha tagħmel valutazzjoni u paragun oġġettivi bejn l-awtoritajiet kompetenti riveduti. Waqt it-twettiq tar-rieżamijiet, għandhom jiġu kkunsidrati l-informazzjoni eżistenti u l-evalwazzjonijiet diġà magħmula fir-rigward tal-awtorità kompetenti kkonċernata, inkluża l-informazzjoni kollha pprovduta lill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 35 u kwalunkwe informazzjoni mill-partijiet ikkonċernati.”;

(d)    jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Awtorità għandha tistabbilixxi kumitat ta’ rieżami, magħmul esklussivament minn persunal mill-Awtorità. L-Awtorità tista’ tiddelega ċerti kompiti jew deċiżjonijiet lill-kumitat ta’ rieżami.”;

(e)    il-paragrafu 2 jiġi emendat kif ġej:

(i) is-sentenza introduttorja tiġi sostitwita b’din li ġejja:

“Ir-rieżami għandu jinkludi valutazzjoni ta’, iżda ma għandux ikun limitat għal:”;

(ii)il-punt (a) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(a) l-adegwatezza tar-riżorsi, il-grad ta’ indipendenza u l-arranġamenti ta’ governanza tal-awtorità kompetenti, b’attenzjoni partikolari għall-applikazzjoni effettiva tal-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) u għall-kapaċità li tirrispondi għall-iżviluppi tas-suq;”;

(f)    il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3. L-Awtorità għandha tipproduċi rapport li jistabbilixxi r-riżultati tar-rieżami. Dak ir-rapport għandu jispjega u jindika l-miżuri ta’ segwitu li huma previsti bħala riżultat tar-rieżami. Dawk il-miżuri ta’ segwitu jistgħu jiġu adottati fil-forma ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 16 u opinjonijiet skont l-Artikolu 29(1)(a).

F’konformità mal-Artikolu 16(3), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu kull sforz biex jikkonformaw ma’ kwalunkwe linji gwida u rakkomandazzjonijiet maħruġa. Meta l-awtoritajiet kompetenti ma jeħdux azzjoni biex jindirizzaw il-miżuri ta’ segwitu indikati fir-rapport, l-Awtorità għandha toħroġ rapport ta’ segwitu.

Meta tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji jew abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikoli 10 sa 15, jew linji gwida jew rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 16, l-Awtorità għandha tqis l-eżitu tar-rieżami, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba mill-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti tagħha, sabiex tiġi żgurata l-konverġenza tal-prassi superviżorji tal-ogħla kwalità.”;

(g)    jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a. L-Awtorità għandha tissottometti opinjoni lill-Kummissjoni meta, wara li tkun qieset l-eżitu tar-rieżami jew kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba mill-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti tagħha, hija tqis li tkun meħtieġa l-armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji jew għall-awtoritajiet kompetenti.”;

(h)    il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

4. L-Awtorità għandha tippubblika r-rapporti msemmija fil-paragrafu 3, inkluż kwalunkwe rapport ta’ segwitu, sakemm il-pubblikazzjoni ma tkunx tinvolvi riskji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. L-awtorità kompetenti li hija soġġetta għar-rieżami għandha tiġi mistiedna sabiex tikkummenta qabel il-pubblikazzjoni ta’ kwalunkwe rapport. Dawk il-kummenti għandhom jiġu magħmula disponibbli għall-pubbliku sakemm il-pubblikazzjoni ma tkunx tinvolvi riskji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.”;

(14)fl-Artikolu 31 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-attività tal-awtoritajiet kompetenti maħsuba biex tiffaċilita d-dħul fis-suq tal-operaturi jew tal-prodotti li jiddependu fuq l-innovazzjoni teknoloġika, l-Awtorità għandha tippromwovi l-konverġenza superviżorja, b’mod partikolari permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki. Fejn xieraq, l-Awtorità tista’ tadotta linji gwida jew rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 16.”;

(15)jiddaħħal l-Artikolu 31a li ġej:

“Artikolu 31a

Il-koordinazzjoni fuq id-delega u l-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet, kif ukoll tat-trasferimenti ta’ riskju

1.    L-Awtorità għandha, fuq bażi kontinwa, tikkoordina l-azzjonijiet superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti bl-għan li tippromwovi l-konverġenza superviżorja fl-oqsma tad-delega u l-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet mill-istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll fir-rigward tat-trasferimenti ta’ riskju mwettqa minnhom, f’konformità mal-paragrafi 2, 3, 4 u 5.

2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità meta jkollhom il-ħsieb li jwettqu awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni relatata ma’ istituzzjoni finanzjarja li tkun taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti kkonċernata f’konformità mal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) u meta l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tal-istituzzjoni finanzjarja jinvolvi l-esternalizzazzjoni jew id-delega ta’ parti materjali mill-attivitajiet tagħha jew kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ewlenin jew it-trasferiment ta’ riskju ta’ parti materjali mill-attivitajiet tagħha f’pajjiżi terzi, sabiex tibbenifika mill-passaport tal-UE, filwaqt li essenzjalment twettaq attivitajiet jew funzjonijiet sostanzjali barra l-Unjoni. In-notifika lill-Awtorità għandha tkun iddettaljata biżżejjed sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni xierqa mill-Awtorità.

Meta l-Awtorità tqis li huwa meħtieġ li toħroġ opinjoni lil awtorità kompetenti rigward in-nuqqas ta’ konformità ta’ awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni innotifikata skont l-ewwel subparagrafu mad-dritt tal-Unjoni jew mal-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet jew l-opinjonijiet adottati mill-Awtorità, din tal-aħħar għandha tinforma lil dik l-awtorità kompetenti b’dan fi żmien 20 jum tax-xogħol minn meta dik l-awtorità kompetenti tirċievi n-notifika. F’dak il-każ, l-awtorità kompetenti kkonċernata għandha tistenna l-opinjoni tal-Awtorità qabel twettaq ir-reġistrazzjoni jew l-awtorizzazzjoni.

Fuq talba tal-Awtorità, l-awtorità kompetenti għandha, fi żmien 15-il jum tax-xogħol mill-wasla ta’ tali talba, tipprovdi informazzjoni relatata mad-deċiżjonijiet tagħha li tawtorizza jew tirreġistra istituzzjoni finanzjarja li tkun taħt is-superviżjoni tagħha f’konformità mal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2).

L-Awtorità għandha toħroġ l-opinjoni, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe limiti ta’ żmien stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni, sa mhux aktar tard minn xahrejn mill-wasla tan-notifika skont l-ewwel subparagrafu.

3. Istituzzjoni finanzjarja għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar l-esternalizzazzjoni jew id-delega ta’ parti materjali mill-attivitajiet tagħha jew kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ewlenin tagħha, u t-trasferiment ta’ riskju ta’ parti materjali mill-attivitajiet tagħha, lil entità oħra jew lill-fergħa tagħha stabbilita f’pajjiż terz. L-awtorità kompetenti kkonċernata għandha tinforma lill-Awtorità dwar tali notifiki fuq bażi semi-annwali.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35, fuq talba tal-Awtorità, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi informazzjoni fir-rigward tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni, delega jew trasferiment ta’ riskju mill-istituzzjonijiet finanzjarji.

L-Awtorità għandha tissorvelja jekk l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jivverifikawx li l-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni, delega jew trasferiment ta’ riskju msemmija fl-ewwel subparagrafu huma konklużi f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, konformi mal-linji gwida, mar-rakkomandazzjonijiet jew mal-opinjonijiet mill-Awtorità u ma jipprevenux is-superviżjoni effettiva mill-awtoritajiet kompetenti u l-infurzar f’pajjiż terz.

4. L-Awtorità tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-awtorità kompetenti kkonċernata, inklużi rakkomandazzjonijiet għar-rieżami ta’ deċiżjoni jew għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni. Meta l-awtorità kompetenti kkonċernata ma ssegwix ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità fi żmien 15-il jum tax-xogħol, l-awtorità kompetenti għandha tiddikjara r-raġunijiet u l-Awtorità għandha tagħmel ir-rakkomandazzjoni tagħha pubblika flimkien ma’ dawk ir-raġunijiet.”;

(16)L-Artikolu 32 jiġi emendat kif ġej:

(b)jiddaħħal paragrafu 2a ġdid:

“2a. Mill-inqas kull sena, l-Awtorità għandha tikkunsidra jekk ikunx xieraq li twettaq il-valutazzjonijiet mal-Unjoni kollha msemmija fil-paragrafu 2 u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bir-raġunament tagħha. Meta jitwettqu valutazzjonijiet bħal dawn mal-Unjoni kollha u l-Awtorità tqis li jkun xieraq li tagħmel dan, hija għandha tiddivulga r-riżultati għal kull istituzzjoni finanzjarja parteċipanta.

L-obbligi tas-segretezza professjonali tal-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jimpedixxu lill-awtoritajiet kompetenti milli jippubblikaw l-eżitu tal-valutazzjonijiet mal-Unjoni kollha msemmija fil-paragrafu 2 jew milli jibagħtu l-eżitu ta’ tali valutazzjonijiet lill-Awtorità għall-fini tal-pubblikazzjoni mill-Awtorità tar-riżultati tal-valutazzjonijiet mal-Unjoni kollha tar-reżiljenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji.”;

(c)il-paragrafi 3a u 3b jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“3a. L-Awtorità tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu rieżamijiet speċifiċi. Hija tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu spezzjonijiet fuq il-post u tista’ tieħu sehem f’dawn l-ispezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikolu 21 u soġġetta għall-kondizzjonijiet stipulati fih, bil-għan li jiġu żgurati l-komparabilità u l-affidabilità tal-metodi, tal-prattiki u tar-riżultati.”;

(17)L-Artikolu 33 jiġi emendat kif ġej:

(b)    il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Awtorità għandha tgħin lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza li jappartjenu għar-reġimi superviżorji u regolatorji f’pajjiżi terzi wara talba speċifika għal pariri mill-Kummissjoni jew meta tintalab tagħmel dan mill-atti msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

(c)jiddaħħlu l-paragrafi 2a, 2b u 2c li ġejjin:

“2a. L-Awtorità għandha timmonitorja l-iżviluppi superviżorji u regolatorji, il-prattiki ta’ infurzar u l-iżviluppi tas-suq rilevanti f’pajjiżi terzi li għalihom ġew adottati deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza mill-Kummissjoni skont l-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) sabiex jiġi vverifikat jekk il-kriterji, li abbażi tagħhom ittieħdu dawk id-deċiżjonijiet u kwalunkwe kondizzjonijiet stabbiliti fih, għadhomx issodisfati. L-Awtorità għandha tissottometti rapport kunfidenzjali dwar is-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni fuq bażi annwali.

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fl-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-paragrafu 1, l-Awtorità għandha tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti u, fejn xieraq, anki mal-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni, ta’ pajjiżi terzi li r-reġimi legali u superviżorji tagħhom kienu rikonoxxuti bħala ekwivalenti. Dik il-kooperazzjoni għandha tiġi segwita abbażi ta’ arranġamenti amministrattivi konklużi mal-awtoritajiet rilevanti ta’ dawk il-pajjiżi terzi. Meta tinnegozja tali arranġamenti amministrattivi, l-Awtorità għandha tinkludi dispożizzjonijiet dwar dawn li ġejjin:

(a)    il-mekkaniżmi li jippermettu lill-Awtorità tikseb informazzjoni rilevanti, inkluża informazzjoni dwar ir-reġim regolatorju, l-approċċ superviżorju, l-iżviluppi tas-suq rilevanti u kwalunkwe bidliet li jistgħu jaffettwaw id-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza;

(b)    fejn rilevanti u safejn ikun meħtieġ għas-segwitu ta’ tali deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza, il-proċeduri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji inklużi, fejn meħtieġa, spezzjonijiet fuq il-post.

L-Awtorità għandha tinforma lill-Kummissjoni meta awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz tirrifjuta li tikkonkludi tali arranġamenti amministrattivi jew meta tirrifjuta li tikkoopera b’mod effettiv. Il-Kummissjoni għandha tqis din l-informazzjoni meta tirrevedi d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza rilevanti.

2b. Meta l-Awtorità tidentifika żviluppi fir-rigward tar-regolamentazzjoni, is-superviżjoni jew il-prattiki ta’ infurzar fil-pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 2a li jistgħu jħallu impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri jew il-funzjonament tas-suq intern, hija għandha tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi kunfidenzjali u mingħajr dewmien.

L-Awtorità għandha, fuq bażi annwali, tissottometti rapport kunfidenzjali lill-Kummissjoni dwar l-iżviluppi regolatorji, superviżorji, tal-infurzar u tas-suq fil-pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 2a b’enfasi partikolari fuq l-implikazzjonijiet tagħhom għall-istabbiltà finanzjarja, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri jew il-funzjonament tas-suq intern.

2c. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lill-Awtorità bil-quddiem dwar l-intenzjonijiet tagħhom li jikkonkludu kwalunkwe arranġamenti amministrattivi mal-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi fi kwalunkwe wieħed mill-oqsma rregolati mill-atti msemmija fl-Artikolu 1(2), inkluż fir-rigward tal-fergħat tal-entitajiet ta’ pajjiżi terzi. Huma għandhom jipprovdu simultanjament lill-Awtorità abbozz ta’ arranġamenti ppjanati bħal dawn.

L-Awtorità tista’ tiżviluppa arranġamenti amministrattivi li jservu bħala mudell, bil-għan li tistabbilixxi prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi fl-Unjoni u li ssaħħaħ il-koordinazzjoni superviżorja internazzjonali. F’konformità mal-Artikolu 16(3), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu kull sforz biex isegwu tali arranġamenti li jservu bħala mudell.

Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 43(5), l-Awtorità għandha tinkludi informazzjoni dwar l-arranġamenti amministrattivi maqbula ma’ awtoritajiet superviżorji, organizzazzjonijiet internazzjonali jew amministrazzjonijiet f’pajjiżi terzi, l-assistenza pprovduta mill-Awtorità lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza u l-attività ta’ monitoraġġ segwita mill-Awtorità f’konformità mal-paragrafu 2a.”;

(18)Fl-Artikolu 34, il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. Fir-rigward tal-valutazzjonijiet skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36/KE, u li skont dik id-Direttiva, jirrikjedu konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti minn żewġ Stati Membri jew aktar, l-Awtorità tista’, fuq applikazzjoni ta’ waħda mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, toħroġ u tippubblika opinjoni dwar tali valutazzjoni, ħlief fir-rigward tal-kriterji fl-Artikolu 23(1)(e) ta’ dik id-Direttiva. L-opinjoni għandha tinħareġ fil-pront u, fi kwalunkwe każ, qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ valutazzjoni msemmi f’dik id-Direttiva. L-Artikoli 35 u 35b għandhom japplikaw għall-oqsma li fir-rigward tagħhom l-Awtorità tista’ toħroġ opinjoni.”;

(19)L-Artikolu 35 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafi 1, 2 u 3 jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1. Fuq talba tal-Awtorità, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-Awtorità bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex twettaq il-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, diment li jkollhom aċċess legali għall-informazzjoni rilevanti.

L-informazzjoni pprovduta għandha tkun preċiża, kompleta u sottomessa fil-limitu ta’ żmien preskritt mill-Awtorità.

2. L-Awtorità tista’ titlob ukoll li l-informazzjoni tiġi pprovduta f’intervalli rikorrenti u f’formati speċifikati jew permezz ta’ mudelli komparabbli approvati mill-Awtorità. Fejn possibbli, dawn it-talbiet għandhom isiru bl-użu ta’ formati tar-rapportar komuni.

3. Fuq talba debitament ġustifikata minn awtorità kompetenti, l-Awtorità għandha tipprovdi kwalunkwe informazzjoni li tkun meħtieġa biex tippermetti lill-awtorità kompetenti twettaq il-kompiti tagħha f’konformità mal-obbligi tas-segretezza professjonali stipulati fil-leġiżlazzjoni settorjali u fl-Artikolu 70.”;

(c)il-paragrafu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5. Meta l-informazzjoni mitluba f’konformità mal-paragrafu 1 ma tkunx disponibbli jew ma tkunx magħmula disponibbli mill-awtoritajiet kompetenti fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Awtorità, din tal-aħħar tista’ tindirizza talba debitament ġustifikata u motivata lil kwalunkwe wieħed jew waħda minn dawn li ġejjin:

(a) lil awtoritajiet oħrajn b’funzjonijiet superviżorji;

(b) lill-ministeru responsabbli għall-finanzi fl-Istat Membru kkonċernat fejn dan ikollu informazzjoni prudenzjali għad-dispożizzjoni tiegħu;

(c) lill-bank ċentrali nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat;

(d) lill-uffiċċju tal-istatistika tal-Istat Membru kkonċernat.

Fuq talba tal-Awtorità, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jassistu lill-Awtorità fil-ġbir tal-informazzjoni.”;

(d)jitħassru l-paragrafi 6 u 7a:

(20)jiddaħħlu l-Artikoli 35a sa 35h li ġejjin:

“Artikolu 35a

Eżerċitar tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 35b

Is-setgħat mogħtija lill-Awtorità, lil kwalunkwe wieħed mill-uffiċjali tagħha jew lil persuna oħra awtorizzata mill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 35(b) ma għandhomx jintużaw sabiex jesiġu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni jew dokumenti li huma soġġetti għal privileġġ legali.

Artikolu 35b

Talba għal informazzjoni lil istituzzjonijiet finanzjarji, kumpaniji azzjonarji jew fergħat ta’ istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti u entitajiet operattivi mhux regolati fi ħdan grupp finanzjarju jew konglomerat

1. Meta l-informazzjoni mitluba skont il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 5 tal-Artikolu 35 ma tkunx disponibbli jew ma tkunx magħmula disponibbli fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Awtorità, hija tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew deċiżjoni, titlob lill-istituzzjonijiet u l-entitajiet li ġejjin jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex l-Awtorità tkun tista’ taqdi d-doveri tagħha skont dan ir-Regolament:

(a) l-istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti;

(b) il-kumpaniji azzjonarji jew il-fergħat ta’ istituzzjoni finanzjarja rilevanti;

(c) l-entitajiet operattivi mhux regolati fi ħdan grupp finanzjarju jew konglomerat li jkunu sinifikanti għall-attivitajiet finanzjarji tal-istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti.

2. Kwalunkwe talba sempliċi għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha:

(a)    tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b)    tiddikjara l-iskop tat-talba;

(c)    tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d)    tinkludi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)    tinkludi dikjarazzjoni li ma hemm ebda obbligu fuq il-persuna li mingħandha tintalab l-informazzjoni sabiex tipprovdi dik l-informazzjoni, iżda li f’każ ta’ tweġiba volontarja għat-talba, l-informazzjoni pprovduta ma tridx tkun skorretta jew qarrieqa;

(f)    tindika l-ammont tal-multa li trid tinħareġ f’konformità mal-Artikolu 35c meta l-informazzjoni pprovduta tkun skorretta jew qarrieqa.

3. Meta titlob l-informazzjoni permezz ta’ deċiżjoni, l-Awtorità għandha:

(a)    tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b)    tiddikjara l-iskop tat-talba;

(c)    tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d)    tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)    tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 35d meta l-produzzjoni tal-informazzjoni meħtieġa ma tkunx kompluta;

(f)    tindika l-multa prevista fl-Artikolu 35c meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet ikunu informazzjoni skorretta jew qarrieqa;

(g)    tindika d-dritt għal appell tad-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell u għar-rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikoli 60 u 61.

4. L-istituzzjonijiet u l-entitajiet rilevanti elenkati fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom skont il-liġi jew il-kostituzzjoni tagħhom, għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba. L-avukati debitament awtorizzati sabiex jaġixxu jistgħu jfornu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli bis-sħiħ jekk l-informazzjoni fornuta tkun inkompleta, skorretta jew qarrieqa.

5. L-awtorità għandha tibgħat mingħajr dewmien kopja tat-talba sempliċi jew tad-deċiżjoni tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn hija domiċiljata jew stabbilita l-entità rilevanti elenkata fil-paragrafu 1 ikkonċernata mit-talba għall-informazzjoni.

6. L-Awtorità tista’ tuża l-informazzjoni kunfidenzjali li tirċievi f’konformità ma’ dan l-Artikolu għall-finijiet biss tat-twettiq tal-kompiti assenjati lilha minn dan ir-Regolament.

Artikolu 35c

Regoli proċedurali għall-impożizzjoni ta’ multi

1. Meta, fil-qadi ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-awtorità ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu ksur imsemmi fl-Artikolu 35d(1), l-Awtorità għandha taħtar uffiċjal indipendenti tal-investigazzjoni fi ħdan l-Awtorità sabiex jinvestiga l-kwistjoni. L-uffiċjal maħtur ma għandux jiġi involut jew ikun ġie involut direttament jew indirettament fis-superviżjoni diretta jew indiretta tal-istituzzjonijiet jew tal-entitajiet elenkati fl-Artikolu 35b(1) u għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu indipendentement mill-Bord tas-Superviżuri.

2. L-uffiċjal tal-investigazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinvestiga l-allegat ksur, filwaqt li jqis kwalunkwe kumment ippreżentat mill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet, u għandu jippreżenta fajl komplut bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri.

3. Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jitlob informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 35b.

4. Meta jwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha miġbura mill-Awtorità fl-attivitajiet superviżorji tagħha.

5. Meta jlesti l-investigazzjoni tiegħu u qabel jissottometti l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jagħti lill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet l-opportunità li jinstemgħu dwar il-kwistjonijiet li jkunu qegħdin jiġu investigati. L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jibbaża s-sejbiet tiegħu biss fuq fatti li l-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jikkummentaw dwarhom.

6. Id-dritt tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandu jiġi rrispettat bis-sħiħ matul l-investigazzjonijiet skont dan l-Artikolu.

7. Meta jissottometti l-fajl bis-sejba tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinnotifika lill-persuni li huma soġġetti għall-investigazzjonijiet. Il-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali li taffettwa lil partijiet terzi.

8. Abbażi tal-fajl li fih is-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni u, meta jintalab mill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet, wara li jkunu nstemgħu dawk il-persuni f’konformità mal-Artikolu 35f, l-Awtorità għandha tiddeċiedi jekk twettqux wieħed jew aktar mill-ksur imsemmi fl-Artikolu 35d(1) mill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet u, f’każ bħal dan, għandha tieħu miżura f’konformità ma’ dak l-Artikolu.

9. L-uffiċjal tal-investigazzjoni ma għandux jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri jew jintervjeni bi kwalunkwe mod fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri.

10. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 75a sabiex tispeċifika r-regoli ta’ proċedura għall-eżerċitar tas-setgħa li timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, inklużi regoli dwar dawn li ġejjin:

(a) id-drittijiet tad-difiża,

(b) dispożizzjonijiet temporali,

(c) dispożizzjonijiet li jispeċifikaw kif għandhom jinġabru l-multi jew il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali,

(d) dispożizzjonijiet li jispeċifikaw il-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali.

11. L-Awtorità għandha tirreferi l-kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali lill-awtoritjiet nazzjonali rilevanti meta, fil-qadi ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, hija ssib li jkun hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jkunu jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali. Barra minn hekk, l-Awtorità għandha żżomm lura milli timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali meta liberazzjoni mill-akkuża jew kundanna minn qabel li tirriżulta minn fatt identiku jew fatti li jkunu sostanzjalment l-istess tkun diġà saret res judicata bħala riżultat tal-proċedimenti kriminali skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 35d

Multi

1. L-Awtorità għandha tadotta deċiżjoni li timponi multa meta hija ssib li istituzzjoni jew entità elenkata fl-Artikolu 35b(1) naqset, intenzjonalment jew b’mod negliġenti, milli tipprovdi informazzjoni b’reazzjoni għal deċiżjoni li tirrikjedi informazzjoni skont l-Artikolu 35b(3) jew jekk tkun ipprovdiet informazzjoni inkompleta, skorretta jew qarrieqa b’reazzjoni għal talba sempliċi għall-informazzjoni jew deċiżjoni skont l-Artikolu 35b(2).

2. L-ammont bażiku tal-multa msemmija fil-paragrafu 1 għandu jammonta għal mill-inqas EUR 50 000 u ma għandux jaqbeż il-EUR 200 000.

3. Meta tistabbilixxi l-ammont bażiku tal-multa msemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità għandha tqis il-fatturat annwali tal-istituzzjoni jew tal-entità kkonċernata għas-sena finanzjarja preċedenti u huwa għandu jkun:

(a) fl-aktar livell baxx tal-limitu għall-entitajiet b’fatturat annwali taħt l-EUR 10 miljun;

(b) fil-livell tan-nofs tal-limitu għall-entitajiet b’fatturat annwali ta’ bejn EUR 10 miljun u EUR 50 miljun;

(c) fl-ogħla livell tal-limitu għall-entitajiet b’fatturat annwali ogħla minn EUR 50 miljun.

L-ammonti bażiċi definiti fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 2 għandhom jiġu aġġustati, fejn ikun meħtieġ, billi jitqiesu fatturi aggravanti jew mitiganti f’konformità mal-koeffiċjenti rilevanti stabbiliti fil-paragrafu 5.

Il-koeffiċjenti aggravanti rilevanti għandhom jiġu applikati wieħed wara l-ieħor għall-ammont bażiku. Meta jkunu applikabbli aktar minn koeffiċjent aggravanti wieħed, id-differenza bejn l-ammont bażiku u l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ kull koeffiċjent aggravanti individwali għandha tiżdied mal-ammont bażiku.

Il-koeffiċjenti mitiganti rilevanti għandhom jiġu applikati wieħed wara l-ieħor għall-ammont bażiku. Meta jkunu applikabbli aktar minn koeffiċjent mitiganti wieħed, id-differenza bejn l-ammont bażiku u l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ kull koeffiċjent mitiganti individwali għandha titnaqqas mill-ammont bażiku.

4. Il-koeffiċjenti tal-aġġustamenti li ġejjin għandhom jiġu applikati b’mod kumulattiv għall-ammont bażiku msemmi fil-paragrafu 2, abbażi ta’ dawn li ġejjin:

(a)    il-koeffiċjenti tal-aġġustamenti marbutin ma’ fatturi aggravanti huma dawn li ġejjin:

(i) meta l-ksur ikun twettaq ripetutament, għandu jiġi applikat koeffiċjent addizzjonali ta’ 1.1 kull darba li jkun ġie ripetut il-ksur;

(ii) meta l-ksur ikun dam għal aktar minn sitt xhur, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 1.5;

(iii) meta l-ksur ikun twettaq intenzjonalment, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 2;

(iv) meta ma tkun ittieħdet ebda azzjoni ta’ rimedju minn meta kien identifikat il-ksur, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 1.7;

(v) meta l-maniġment superjuri tal-entità ma jkunx ikkoopera mal-Awtorità, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 1.5.

(b)    il-koeffiċjenti tal-aġġustamenti marbutin ma’ fatturi mitiganti huma dawn li ġejjin:

(i) meta l-ksur ikun dam għal inqas minn 10 ijiem tax-xogħol, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 0.9;

(ii) meta l-maniġment superjuri tal-istituzzjoni jew tal-entità jkun jista’ juri li ttieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġi evitat in-nuqqas ta’ konformità ma’ talba skont l-Artikolu 35(6a), għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 0.7;

(iii) meta l-entità tkun ressqet il-ksur għall-attenzjoni tal-Awtorità malajr, b’mod effettiv u kompletament, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 0.4;

(iv) meta l-entità tkun ħadet volontarjament miżuri li jiżguraw li ma jkunx jista’ jitwettaq ksur simili fil-futur, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 0.6.

5. Minkejja l-paragrafi 2 u 3, il-multa totali ma għandhiex taqbeż l-20 % tal-fatturat annwali tal-entità kkonċernata fis-sena finanzjarja preċedenti, sakemm l-entità ma tkunx ibbenifikat finanzjarjament, direttament jew indirettament, mill-ksur. F’dak il-każ, il-multa totali għandha tkun mill-inqas ugwali għal dak il-benefiċċju finanzjarju.

Artikolu 35e

Ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1. L-Awtorità għandha tadotta deċiżjonijiet sabiex timponi ħlas perjodiku ta’ penali bl-għan li ġġiegħel lill-istituzzjonijiet jew l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 35b(1) jipprovdu l-informazzjoni li tkun intalbet permezz ta’ deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 35b(3).

2. Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jkun effettiv u proporzjonat. Il-ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost fuq bażi ta’ kuljum sakemm l-istituzzjoni jew l-entità kkonċernata tikkonforma mad-deċiżjoni rilevanti msemmija fil-paragrafu 1.

3. Minkejja l-paragrafu 2, l-ammont ta’ ħlas perjodiku ta’ penali għandu jkun 3 % tal-fatturat medju ta’ kuljum tal-istituzzjoni jew l-entità kkonċernata fis-sena finanzjarja preċedenti. Huwa għandu jiġi kkalkolat mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-ħlas perjodiku ta’ penali.

4. Ħlas perjodiku ta’ penali jista’ jiġi impost għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-Awtorità.

Artikolu 35f

Id-dritt li tinstema’

1. Qabel tieħu kwalunkwe deċiżjoni li timponi multa u ħlas perjodiku ta’ penali skont l-Artikoli 35d u 35e, l-Awtorità għandha tagħti lill-istituzzjoni jew lill-entità soġġetta għat-talba għal informazzjoni l-opportunità li tinstema’.

L-Awtorità għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq is-sejbiet li dwarhom l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet ikkonċernati kellhom l-opportunità jikkummentaw.

2. Id-dritt tad-difiża tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi rrispettat bis-sħiħ matul il-proċedura. L-istituzzjoni jew l-entità għandha tkun intitolata li jkollha aċċess għall-fajl tal-Awtorità, soġġetta għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-Awtorità.

Artikolu 35g

Id-divulgazzjoni, in-natura, l-infurzar u l-allokazzjoni tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1. Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 35d u 35e għandhom ikunu ta’ natura amministrattiva u għandhom ikunu infurzabbli.

2. L-infurzar tal-multa u tal-ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi rregolat mir-regoli ta’ proċedura fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jitwettaq l-infurzar. L-ordni ta’ infurzar għandha tiġi annessa mad-deċiżjoni li timponi multa jew ħlas perjodiku ta’ penali mingħajr il-ħtieġa għal kwalunkwe formalità oħra minbarra l-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni minn awtorità li kull Stat Membru għandu jinnomina għal dak l-għan u għandha tiġi nnotifikata lill-Awtorità u lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3. Meta l-formalitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 ikunu tlestew fuq applikazzjoni mill-parti kkonċernata, din tal-aħħar tista’ tipproċedi għall-infurzar f’konformità mal-liġi nazzjonali, billi tressaq il-kwistjoni direttament quddiem il-korp kompetenti.

4. L-infurzar tal-multa jew tal-ħlas perjodiku ta’ penali jista’ jiġi sospiż biss permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-qrati tal-Istat Membru kkonċernat għandu jkollhom ġurisdizzjoni fuq l-ilmenti dwar il-fatt li l-infurzar tal-multa jew tal-ħlas perjodiku ta’ penali jkun qed jitwettaq b’mod irregolari.

5. L-Awtorità għandha tiddivulga lill-pubbliku kull multa u ħlas perjodiku ta’ penali li jkunu ġew imposti skont l-Artikoli 35d u 35e, sakemm tali divulgazzjoni lill-pubbliku ma tipperikolax serjament is-swieq finanzjarji jew sakemm ma tikkawżax dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti.

6. L-ammonti tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandhom jiġu allokati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 35h

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni mingħajr limiti biex tirrevedi d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-Awtorità tkun imponiet multa jew ħlas perjodiku ta’ penali. Hija tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas perjodiku ta’ penali li tkun imponiet l-Awtorità.”;

(21)Fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 36, l-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Malli tirċievi twissija jew rakkomandazzjoni mingħand il-BERS indirizzata lil awtorità kompetenti, l-Awtorità għandha, fejn ikun rilevanti, tuża s-setgħat mogħtija lilha b’dan ir-Regolament sabiex tiżgura li jsir segwitu f’waqtu.”

(22)L-Artikolu 37 jiġi emendat kif ġej:

(b)    fil-paragrafu 4, l-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tiġi sostitwita b’din li ġejja:

“Il-membri tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati għandhom iservu għal perjodu ta’ erba’ snin u wara għandha ssir proċedura tal-għażla ġdida.”;

(c)    fil-paragrafu 5, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Meta l-membri tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati ma jkunux jistgħu jaslu għal opinjoni jew parir komuni, il-membri li jirrappreżentaw grupp wieħed ta’ partijiet ikkonċernati għandhom jitħallew joħorġu opinjoni separata jew parir separat.

Il-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati, il-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq, il-Grupp ta’ Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u l-Grupp ta’ Partijiet Ikkonċernati tal-Pensjonijiet tax-Xogħol jistgħu joħorġu opinjonijiet u pariri konġunti dwar kwistjonijiet relatati mal-ħidma tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej skont l-Artikolu 56 ta’ dan ir-Regolament dwar il-pożizzjonijiet konġunti u l-atti komuni.”;

(23)L-Artikolu 39 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 39

Proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet

1. L-Awtorità għandha taġixxi f’konformità mal-paragrafi 2 sa 6 meta tadotta d-deċiżjonijiet previsti f’dan ir-Regolament, ħlief għal dawk id-deċiżjonijiet adottati f’konformità mal-Artikoli 35b, 35d u 35e.

2. L-Awtorità għandha tinforma lil kwalunkwe destinatarju ta’ deċiżjoni bl-intenzjoni tagħha li tadotta d-deċiżjoni, filwaqt li tistabbilixxi limitu ta’ żmien li matulu d-destinatarju jista’ jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar is-suġġett tad-deċiżjoni, b’kunsiderazzjoni sħiħa tal-urġenza, tal-kumplessità u tal-konsegwenzi potenzjali tal-kwistjoni. Id-dispożizzjoni stipulata fl-ewwel sentenza għandha tapplika mutatis mutandis għar-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17(3).

3. Id-deċiżjonijiet tal-Awtorità għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati.

4. Id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità għandhom jiġu infurmati bir-rimedji legali disponibbli skont dan ir-Regolament.

5. Meta l-Awtorità tkun ħadet deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3) jew l-Artikolu 18(4), hija għandha tirrevedi dik id-deċiżjoni f’intervalli xierqa.

6. L-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li tieħu l-Awtorità skont l-Artikoli 17, 18 jew 19 għandha ssir pubblika. Il-pubblikazzjoni għandha tiddivulga l-identità tal-awtorità kompetenti jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, sakemm din il-pubblikazzjoni ma tkunx f’kunflitt mal-interess leġittimu ta’ dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji jew mal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom jew tkun tista’ tipperikola serjament il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha tal-Unjoni jew parti minnha.”;

(24)L-Artikolu 40 jiġi emendat kif ġej:

(b)    il-paragrafu 1 jiġi emendat kif ġej:

(i)jiddaħħal il-punt (aa) li ġej:

“(aa) il-membri tal-Bord Eżekuttiv fuq bażi full-time msemmija fl-Artikolu 45(1) ma għandux ikollhom vot;”;

(c)fil-paragrafu 7, jitħassar it-tieni subparagrafu;

(d)jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:

“8. Meta l-awtorità pubblika nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1(b) ma tkunx responsabbli għall-infurzar tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-membru tal-Bord tas-Superviżuri msemmi f’dak il-punt jista’ jiddeċiedi li jistieden rappreżentant mill-awtorità għall-protezzjoni tal-konsumaturi tal-Istat Membru, li ma għandux ikollu vot. F’każ fejn ir-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-konsumaturi tkun kondiviża minn diversi awtoritajiet fi Stat Membru, dawk l-awtoritajiet għandhom jaqblu dwar rappreżentant komuni.”;

(25)L-Artikolu 41 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 41

Kumitati interni

“Il-Bord tas-Superviżuri jista’ jistabbilixxi kumitati interni għall-kompiti speċifiċi attribwiti lilu. Il-Bord tas-Superviżuri jipprevedi d-delega ta’ ċerti kompiti u deċiżjonijiet definiti b’mod ċar lill-kumitati interni, lill-Bord Eżekuttiv jew lill-President.”;

(26)fl-Artikolu 42, l-ewwel paragrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilhom b’dan ir-Regolament, il-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi u ma għandhom la jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni, minn kwalunkwe gvern ta’ Stat Membru jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor.”;

(27)L-Artikolu 43 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Il-Bord tas-Superviżuri għandu jagħti gwida għall-ħidma tal-Awtorità. Ħlief jekk ikun stabbilit mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, il-linji gwida u d-deċiżjonijiet tal-Awtorità u joħroġ il-pariri msemmija fil-Kapitolu II abbażi ta’ proposta mill-Bord Eżekuttiv.”;

(c)jitħassru l-paragrafi 2 u 3;

(d)fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta, qabel it-30 ta’ Settembru ta’ kull sena, abbażi ta’ proposta mill-Bord Eżekuttiv, il-programm ta’ ħidma tal-Awtorità għas-sena sussegwenti, u għandu jibagħtu għall-finijiet ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.”;

(e)    il-paragrafu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5. Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta, abbażi ta’ proposta mill-Bord Eżekuttiv, ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, inkluż dwar il-qadi tad-dmirijiet tal-President, abbażi tal-abbozz ta’ rapport imsemmi fl-Artikolu 53(7) u għandu jibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sal-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.”;

(f)jitħassar il-paragrafu 8;

(28)L-Artikolu 44 jiġi emendat kif ġej:

(b)it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Fir-rigward tal-atti speċifikati fl-Artikoli 10 sa 16 u l-miżuri u d-deċiżjonijiet adottati skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(5) u l-Kapitolu VI u permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Bord tas-Superviżuri għandu jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ maġġoranza kwalifikata tal-membri tiegħu, kif definit fl-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li għandha tinkludi mill-inqas maġġoranza sempliċi tal-membri preżenti waqt il-votazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li huma Stati Membri parteċipanti kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (Stati Membri parteċipanti) u maġġoranza sempliċi tal-membri preżenti waqt il-votazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li mhumiex Stati Membri parteċipanti kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (Stati Membri mhux parteċipanti).

Il-membri fuq bażi full-time tal-Bord Eżekuttiv u l-President ma għandhomx jivvotaw fuq dawn id-deċiżjonijiet.”;

(c)fil-paragrafu 1, jitħassru t-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt subparagrafi;

(d)    il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4. Il-membri mingħajr dritt tal-vot u l-osservaturi ma għandhom jipparteċipaw f’ebda diskussjoni fi ħdan il-Bord tas-Superviżuri dwar istituzzjonijiet finanzjarji individwali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 75(3) jew fl-atti msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-President, għall-membri li huma wkoll membri tal-Bord Eżekuttiv u għar-rappreżentant tal-Bank Ċentrali Ewropew innominat mill-Bord Superviżorju tiegħu.”;

(29)fil-Kapitolu III, it-titolu tat-Taqsima 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Taqsima 2

Bord Eżekuttiv”

(30)L-Artikolu 45 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 45

Kompożizzjoni

1. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul mill-President u tliet membri fuq bażi full-time. Il-President għandu jassenja kompiti maniġerjali u ta’ politika definiti b’mod ċar lil kull wieħed mill-membri fuq bażi full-time. Wieħed mill-membri fuq bażi full-time għandu jiġi assenjat responsabbiltajiet għal kwistjonijiet baġitarji u għal kwistjonijiet li jirrigwardjaw il-programm ta’ ħidma tal-Awtorità (“Membru inkarigat”). Wieħed mill-membri fuq bażi full-time għandu jaġixxi bħala Viċi President u jwettaq il-kompiti tal-President fin-nuqqas tiegħu jew f’każ ta’ impediment raġonevoli, f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2. Il-membri fuq bażi full-time għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji u l-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja. Il-membri fuq bażi full-time għandu jkollhom esperjenza maniġerjali estensiva. L-għażla għandha tkun ibbażata fuq sejħa miftuħa għall-kandidati, li trid tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li warajha l-Kummissjoni għandha tħejji lista mqassra ta’ kandidati kkwalifikati.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-lista mqassra lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni. Wara l-approvazzjoni ta’ dik il-lista mqassra, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni sabiex jinħatru l-membri tal-Bord Eżekuttiv fuq bażi full-time, inkluż il-Membru inkarigat. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun ibbilanċjat u proporzjonat u għandu jirrifletti l-Unjoni kollha kemm hi.

3. Meta membru tal-Bord Eżekuttiv fuq bażi full-time ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 46 jew ikun instab ħati ta’ mġiba ħażina serja, il-Kunsill jista’, fuq proposta mill-Kummissjoni li tkun ġiet approvata mill-Parlament Ewropew, jadotta deċiżjoni sabiex ineħħih mill-kariga.

4. Il-mandat tal-membri fuq bażi full-time għandu jkun ta’ ħames (5) snin u jiġġedded darba. Matul id-disa’ (9) xhur li jippreċedu t-tmiem tal-mandat ta’ ħames (5) snin tal-membru fuq bażi full-time, il-Bord tas-Superviżuri għandu jevalwa:

(a) ir-riżultati miksuba fl-ewwel mandat u l-mod kif inkisbu;

(b) id-dmirijiet u r-rekwiżiti tal-Awtorità fis-snin li ġejjin.

Wara li tqis l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill il-lista tal-membri fuq bażi full-time li jrid ikollhom il-mandat tagħhom imġedded. Abbażi ta’ din il-lista u wara li jikkunsidra l-evalwazzjoni, il-Kunsill jista’ jestendi l-mandat tal-membri fuq bażi full-time.”;

(31)jiddaħħal l-Artikolu 45a li ġej:

“Artikolu 45a

Teħid tad-deċiżjonijiet

1. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord Eżekuttiv għandhom jiġu adottati minn maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Fil-każ ta’ parità, il-President għandu jkollu vot deċiżiv.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv mingħajr id-dritt li jivvota, ħlief fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 63.

3. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta u jippubblika r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

4. Il-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv għandhom jissejħu mill-President fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ wieħed mill-membri tiegħu u għandhom jiġu ppreseduti mill-President.

Il-Bord Eżekuttiv għandu jiltaqa’ qabel kull laqgħa tal-Bord tas-Superviżuri u kull meta l-Bord Eżekuttiv iqis li huwa meħtieġ. Huwa għandu jiltaqa’ mill-inqas ħames darbiet f’sena.

5. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv jistgħu, soġġetti għar-regoli ta’ proċedura, jiġu assistiti minn konsulenti jew esperti. Il-parteċipanti mingħajr id-dritt tal-vot ma għandhom jattendu għal ebda diskussjoni fi ħdan il-Bord Eżekuttiv b’rabta ma’ istituzzjonijiet finanzjarji individwali.”;

(32)jiddaħħal l-Artikolu 45b li ġej:

“Artikolu 45b

Kumitati interni

Il-Bord Eżekuttiv jista’ jistabbilixxi kumitati interni għall-kompiti speċifiċi attribwiti lilu.”;

(33)L-Artikolu 46 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 46

Indipendenza

Il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn xi korp pubbliku jew privat ieħor.

La l-Istati Membri, la l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni u lanqas kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor ma għandhom ifittxu li jinfluwenzaw lill-membri tal-Bord Eżekuttiv fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.”;

(34)L-Artikolu 47 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 47

Il-kompiti

1. Il-Bord Eżekuttiv għandu jiżgura li l-Awtorità taqdi l-missjoni tagħha u twettaq il-kompiti assenjati lilha f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Huwa għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta’ avviżi, sabiex jiżgura l-funzjonament tal-Awtorità f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2. Il-Bord Eżekuttiv għandu jipproponi programm ta’ ħidma annwali u pluriennali sabiex jiġi adottat mill-Bord tas-Superviżuri.

3. Il-Bord Eżekuttiv għandu jeżerċita s-setgħat baġitarji tiegħu f’konformità mal-Artikoli 63 u 64.

Għall-finijiet tal-Artikoli 17, 19, 22, 29a, 30, 31a, 32 u 35b sa 35h, il-Bord Eżekuttiv għandu jkun kompetenti sabiex jaġixxi u jieħu deċiżjonijiet. Il-Bord Eżekuttiv għandu jżomm lill-Bord tas-Superviżuri informat bid-deċiżjonijiet li jieħu.

3a. Il-Bord Eżekuttiv għandu jeżamina, jagħti opinjoni u jagħmel proposti dwar il-kwistjonijiet kollha li jridu jiġu deċiżi mill-Bord tas-Superviżuri.

4. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta l-pjan ta’ politika tal-persunal tal-Awtorità u, skont l-Artikolu 68(2), il-miżuri ta’ implimentazzjoni meħtieġa tar-Regolamenti dwar il-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (“ir-Regolamenti dwar il-Persunal”).

5. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta d-dispożizzjonijiet speċjali dwar id-dritt tal-aċċess għad-dokumenti tal-Awtorità, f’konformità mal-Artikolu 72.

6. Il-Bord Eżekuttiv għandu jipproponi rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, inkluż dwar id-dmirijiet tal-President, abbażi tal-abbozz ta’ rapport imsemmi fl-Artikolu 53(7) tal-Bord tas-Superviżuri għall-approvazzjoni.

7. Il-Bord Eżekuttiv għandu jaħtar u jneħħi l-membri tal-Bord tal-Appell f’konformità mal-Artikolu 58(3) u (5).

8. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jagħmlu pubbliċi l-laqgħat kollha organizzati u kwalunkwe ospitalità riċevuta. L-ispejjeż għandhom jiġu rreġistrati pubblikament f’konformità mar-Regolamenti dwar il-Persunal

9. Il-Membru inkarigat għandu jkollu l-kompiti speċifiċi li ġejjin:

(a) li jimplimenta l-programm ta’ ħidma annwali tal-Awtorità taħt il-gwida tal-Bord tas-Superviżuri u taħt il-kontroll tal-Bord Eżekuttiv;

(b) li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta’ avviżi, sabiex jiżgura l-funzjonament tal-Awtorità f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(c) li jħejji programm ta’ ħidma pluriennali, kif imsemmi fl-Artikolu 47(2);

(d) li jħejji programm ta’ ħidma sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena għas-sena ta’ wara, kif imsemmi fl-Artikolu 47(2);

(e) li jfassal abbozz ta’ baġit preliminari tal-Awtorità skont l-Artikolu 63 u li jimplimenta l-baġit tal-Awtorità skont l-Artikolu 64;

(f) li jħejji abbozz ta’ rapport annwali li jkun jinkludi taqsima dwar l-attivitajiet regolatorji u superviżorji tal-Awtorità u taqsima dwar il-kwistjonijiet finanzjarji u amministrattivi;

(g) li jeżerċita s-setgħat stipulati fl-Artikolu 68 fir-rigward tal-persunal tal-Awtorità u li jiġġestixxi l-kwistjonijiet relatati mal-persunal.”;

(35)L-Artikolu 48 jiġi emendat kif ġej:

(b)fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-President għandu jkun responsabbli mit-tħejjija tal-ħidma tal-Bord tas-Superviżuri u għandu jippresiedi l-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri u tal-Bord Eżekuttiv.”;

(c)il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. Il-President għandu jintgħażel fuq il-bażi tal-mertu, tal-ħiliet, tal-għarfien tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji u tal-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja, wara sejħa miftuħa għall-kandidati li trid tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lista mqassra ta’ kandidati għall-pożizzjoni tal-President lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni. Wara l-approvazzjoni ta’ dik il-lista mqassra, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni sabiex jaħtar il-President.

Meta l-President ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 49 jew ikun instab ħati ta’ mġiba ħażina serja, il-Kunsill jista’, fuq proposta mill-Kummissjoni li tkun ġiet approvata mill-Parlament Ewropew, jadotta deċiżjoni sabiex ineħħih mill-kariga.”;

(d)fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkunsidra l-evalwazzjoni, jista’ jestendi l-mandat tal-President darba.”;

(e)jitħassar il-paragrafu 5;

(36)L-Artikolu 49a jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 49a

Spejjeż

Il-President għandu jippubblika l-laqgħat kollha organizzati u kwalunkwe ospitalità riċevuta. L-ispejjeż għandhom jiġu rreġistrati pubblikament f’konformità mar-Regolamenti dwar il-Persunal.”;

(37)Jitħassru l-Artikoli 51, 52, 52a u 53;

(38)fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 54, jiżdied l-inċiż li ġej:

“ — kwistjonijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-depożituri, tal-konsumaturi u tal-investituri”;

(39)fl-Artikolu 55, il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. Membru wieħed tal-Bord Eżekuttiv, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni u l-BERS għandhom jiġu mistiedna għal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, kif ukoll ta’ kwalunkwe wieħed mis-Sottokumitati msemmija fl-Artikolu 57, bħala osservaturi.”;

(40)L-Artikolu 58 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3. Żewġ membri tal-Bord tal-Appell u żewġ membri supplenti għandhom jinħatru mill-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità minn lista mqassra proposta mill-Kummissjoni, wara sejħa pubblika għall-espressjonijiet ta’ interess ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u wara konsultazzjoni tal-Bord tas-Superviżuri.”;

(c)il-paragrafu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5. Membru tal-Bord tal-Appell maħtur mill-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità ma għandux jitneħħa matul il-mandat tiegħu, sakemm ma jkunx instab ħati ta’ mġiba ħażina serja u l-Bord Eżekuttiv jieħu deċiżjoni għal dak il-għan wara li jkun ikkonsulta mal-Bord tas-Superviżuri.”;

(41)fl-Artikolu 59, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom ikunu indipendenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. Huma ma għandhom ikunu marbutin b’ebda struzzjoni. Huma ma għandhom iwettqu ebda dmir ieħor fir-rigward tal-Awtorità, tal-Bord Eżekuttiv tagħha jew tal-Bord tas-Superviżuri tagħha.”;

(42)fl-Artikolu 60, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-awtoritajiet kompetenti, jistgħu jappellaw kontra deċiżjoni tal-Awtorità msemmija fl-Artikoli 17, 18, 19 u 35 u kontra kwalunkwe deċiżjoni oħra meħuda mill-Awtorità f’konformità mal-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) li tkun indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta’ deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, hija ta’ tħassib dirett u individwali għal dik il-persuna.”;

(43)L-Artikolu 62 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Id-dħul tal-Awtorità għandu jikkonsisti, mingħajr preġudizzju għal tipi oħrajn ta’ dħul, fi kwalunkwe kombinazzjoni ta’ dawn li ġejjin:

(a) kontribuzzjoni ta' bilanċ mill-Unjoni, imdaħħla fil-Baġit Ġenerali tal-Unjoni (taqsima dwar il-Kummissjoni), li ma għandhiex taqbeż 40 % tad-dħul proġettat tal-Awtorità;

(b) kontribuzzjonijiet annwali mill-istituzzjonijiet finanzjarji, abbażi tan-nefqa proġettata annwali relatata mal-attivitajiet rikjesti minn dan ir-Regolament u mill-Atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) għal kull kategorija ta’ parteċipanti fi ħdan il-mandat tal-Awtorità;

(c) kwalunkwe tariffa mħallsa lill-Awtorità fil-każijiet speċifikati fl-istrumenti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

(d) kwalunkwe kontribuzzjoni volontarja minn Stati Membri jew osservaturi;

(e) ħlasijiet għal pubblikazzjonijiet, taħriġ u għal kwalunkwe servizz ieħor mitlub mill-awtoritajiet kompetenti.”;

(c)jiżdiedu l-paragrafi 5 u 6 li ġejjin:

“5. Il-kontribuzzjonijiet annwali msemmija fil-paragrafu 1(b) għandhom jinġabru kull sena mingħand istituzzjonijiet finanzjarji individwali mill-awtoritajiet innominati minn kull Stat Membru. Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena finanzjarja, kull Stat Membru għandu jħallas lill-Awtorità l-ammont li huwa mitlub li jiġbor f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-att delegat imsemmi fl-Artikolu 62a.

6. Il-kontribuzzjonijiet volontarji minn Stati Membri u osservaturi msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1 ma għandhomx jiġu aċċettati jekk tali aċċettazzjoni tqajjem dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awtorità.”;

(44)jiddaħħal l-Artikolu 62a li ġej:

“Artikolu 62a

   Atti delegati dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali mill-istituzzjonijiet finanzjarji

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’konformità mal-Artikolu 75a, li tadotta atti delegati li jiddeterminaw kif għandhom jiġu kkalkolati l-kontribuzzjonijiet annwali mill-istituzzjonijiet finanzjarji individwali msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 62, filwaqt li jistabbilixxu dawn li ġejjin:

(a) metodoloġija għall-allokazzjoni tan-nefqa proġettata għal kategoriji ta’ istituzzjonijiet finanzjarji bħala bażi għad-determinazzjoni tas-sehem ta’ kontribuzzjonijiet li jridu jsiru mill-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ kull kategorija;

(b) kriterji xierqa u oġġettivi għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet annwali li jridu jitħallsu minn istituzzjonijiet finanzjarji individwali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) abbażi tad-daqs tagħhom sabiex ikunu jirriflettu b’mod approssimattiv l-importanza tagħhom fis-suq.

Il-kriterji msemmija fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu jistgħu jistabbilixxu jew limiti stabbiliti de minimis li taħthom ma tkun dovuta ebda kontribuzzjoni jew inkella livelli minimi li taħthom ma għandhomx jaqgħu l-kontribuzzjonijiet.”;

(45)L-Artikolu 63 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 63

Stabbiliment tal-baġit

1. Kull sena, il-Membru inkarigat għandu jfassal abbozz provviżorju tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni tal-Awtorità għat-tliet snin finanzjarji ta’ wara, li jistabbilixxi d-dħul u n-nefqa proġettati, kif ukoll informazzjoni dwar il-persunal, mill-programmazzjoni annwali u pluriennali tiegħu u jibagħtu lill-Bord Eżekuttiv u lill-Bord tas-Superviżuri, flimkien mal-pjan ta’ stabbiliment.

1a. Il-Bord Eżekuttiv għandu, abbażi tal-abbozz li kien approvat mill-Bord tas-Superviżuri, jadotta l-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni għat-tliet snin finanzjarji ta’ wara.

1b. L-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni għandu jintbagħat mill-Bord Eżekuttiv lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta’ Jannar.

2.    Abbażi tal-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit tal-Unjoni l-estimi li tqis li jkunu meħtieġa fir-rigward tal-pjan ta’ stabbiliment u l-ammont tal-kontribuzzjoni ta' bilanċ li għandu jitħallas lill-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 313 u 314 tat-Trattat.

3.    L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan ta’ stabbiliment għall-Awtorità. L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni ta' bilanċ lill-Awtorità.

4. Il-baġit tal-Awtorità għandu jiġi adottat mill-Bord tas-Superviżuri. Huwa għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn neċessarju, huwa għandu jiġi aġġustat kif xieraq.

5. Il-Bord Eżekuttiv għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lill-awtorità baġitarja bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista’ jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-baġit tiegħu, b’mod partikolari kwalunkwe proġett li jkollu x’jaqsam mal-proprjetà, bħall-kiri jew ix-xiri ta’ bini.”;

(46)L-Artikolu 64 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 64

L-implimentazzjoni u l-kontroll tal-baġit

“1. Il-Membru inkarigat għandu jaġixxi bħala uffiċjal awtorizzanti u għandu jimplimenta l-baġit tal-Awtorità.

2. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

3. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat, sal-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, l-informazzjoni kontabilistika meħtieġa għall-finijiet ta’ konsolidazzjoni lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, bil-mod u fil-format stabbiliti minn dak l-uffiċjal tal-kontabilità.

4. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat ukoll ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-membri tal-Bord tas-Superviżuri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

5. Wara li jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 148 tar-Regolament Finanzjarju, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Awtorità. Il-Membru inkarigat għandu jibgħathom lill-Bord tas-Superviżuri, li għandu jagħti opinjoni dwar dawn il-kontijiet.

6. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat il-kontijiet finali, akkumpanjati mill-opinjoni tal-Bord tas-Superviżuri, sal-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara, lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Qorti tal-Awdituri.

L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat ukoll, sal-1 ta’ Lulju, pakkett tar-rapporti lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, f’format standardizzat kif stabbilit mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ konsolidazzjoni.

7. Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara.

8. Il-Membru inkarigat għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti tal-Awdituri għall-osservazzjonijiet ta’ din tal-aħħar sat-30 ta’ Settembru. Huwa għandu jibgħat ukoll kopja ta’ dik it-tweġiba lill-Bord Eżekuttiv u lill-Kummissjoni.

9. Il-Membru inkarigat għandu jibgħat lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta’ dan tal-aħħar u kif previst fl-Artikolu 165(3) tar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe informazzjoni li tkun meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni.

10. Il-Parlament Ewropew, wara rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lill-Awtorità għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja N.”;

(47)L-Artikolu 65 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 65

Regoli finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Awtorità għandhom jiġu adottati mill-Bord Eżekuttiv wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawk ir-regoli ma jistgħux jitbiegħdu mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013* għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, sakemm il-ħtiġijiet operattivi speċifiċi għall-funzjonament tal-Awtorità ma jkunux jirrikjedu dan u biss bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

*    Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).”;

(48)fl-Artikolu 66, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill** għandu japplika għall-Awtorità mingħajr ebda restrizzjoni.

**Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).”;

(49)L-Artikolu 68 jiġi emendat kif ġej:

(b)    il-paragrafi 1 u 2 jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1. Ir-Regolamenti dwar il-Persunal, il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Uffiċjali Oħrajn u r-regoli adottati b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-fini tal-applikazzjoni tagħhom għandhom japplikaw għall-persunal tal-Awtorità, inklużi l-membri tal-Bord Eżekuttiv fuq bażi full-time u l-President tagħha.

2. Il-Bord Eżekuttiv, bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni meħtieġa, f’konformità mal-arranġamenti previsti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti dwar il-Persunal.”;

(c)il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta dispożizzjonijiet sabiex l-esperti nazzjonali minn Stati Membri jkunu jistgħu jiġu ssekondati lill-Awtorità.”;

(50)L-Artikolu 70 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Il-membri tal-Bord tas-Superviżuri u l-membri tal-persunal kollha tal-Awtorità, inklużi l-uffiċjali li jiġu ssekondati mill-Istati Membri fuq bażi temporanja u l-persuni l-oħrajn kollha li jwettqu kompiti għall-Awtorità fuq bażi kuntrattwali, għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 339 tat-TFUE u d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, anki wara li jkunu ntemmu dmirijiethom.”;

(c)fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Barra minn hekk, l-obbligu skont il-paragrafu 1 u l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux iżomm lill-Awtorità u lill-awtoritajiet kompetenti milli jużaw l-informazzjoni għall-infurzar tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) u, b’mod partikolari, għall-proċeduri legali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet.”;

(d)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a. Il-Bord Eżekuttiv u l-Bord tas-Superviżuri għandhom jiżguraw li l-individwi li jipprovdu kwalunkwe servizz, direttament jew indirettament, b’mod permanenti jew okkażjonali, fir-rigward tal-kompiti tal-Awtorità, inklużi uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-Bord Eżekuttiv u mill-Bord tas-Superviżuri jew maħtura mill-awtoritajiet kompetenti għal dak l-iskop, ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali ekwivalenti għal dawk fil-paragrafi preċedenti.

L-istess rekwiżiti għas-segretezza professjonali għandhom japplikaw ukoll għall-osservaturi li jattendu l-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv u tal-Bord tas-Superviżuri li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Awtorità.”;

(e)fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx iżommu lill-Awtorità milli tiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament u ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji.”;

(51)L-Artikolu 71 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-ipproċessar tad-data personali tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2016/679 jew l-obbligi tal-Awtorità relatati mal-ipproċessar tad-data personali tagħha skont ir-Regolament (UE) Nru 2018/XXX (ir-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data għall-Istituzzjonijiet u l-Korpi tal-UE) waqt il-qadi tar-responsabbiltajiet tagħha.”;

(52)fl-Artikolu 72, il-paragrafu 2 jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“2. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta miżuri prattiċi għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.”;

(53)fl-Artikolu 73, il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. Il-Bord Eżekuttiv għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti lingwistiċi interni għall-Awtorità.”;

(54)fl-Artikolu 74, l-ewwel paragrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li trid tiġi pprovduta għall-Awtorità fl-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede tagħha u l-faċilitajiet li għandhom ikunu disponibbli minn dak l-Istat Membru, kif ukoll ir-regoli speċifiċi applikabbli f’dak l-Istat Membru għall-persunal tal-Awtorità u għall-membri tal-familji tagħhom għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn l-Awtorità u dak l-Istat Membru konkluż wara li tkun inkisbet l-approvazzjoni tal-Bord Eżekuttiv.”;

(55)jiddaħħal l-Artikolu 75a li ġej:

“Artikolu 75a

Eżerċitar tad-delega

1. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti delegati bil-kondizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 35c u fl-Artikolu 62a għandha tingħata għal perjodu ta’ żmien indeterminat.

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 35c u fl-Artikolu 62a tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 35c jew l-Artikolu 62a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(56)L-Artikolu 76 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 76

Ir-relazzjoni mal-KSBE

L-Awtorità għandha titqies bħala s-suċċessur legali tal-KSBE. Sad-data tal-istabbiliment tal-Awtorità, l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha u l-operazzjonijiet kollha pendenti tal-KSBE għandhom jiġu ttrasferiti awtomatikament lill-Awtorità. Il-KSBE għandu jistabbilixxi dikjarazzjoni li turi s-sitwazzjoni fl-għeluq tal-assi u l-obbligazzjonijiet tiegħu sa mid-data ta’ dak it-trasferiment. Dik id-dikjarazzjoni għandha tiġi vverifikata u approvata mill-KSBE u mill-Kummissjoni.”

(57)jiddaħħal Artikolu 77a ġdid:

Artikolu 77a

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Il-kompiti u l-pożizzjoni tad-Direttur Eżekuttiv maħtur f’konformità mar-Regolament Nru 1093/2010 kif emendat l-aħħar mid-Direttiva (UE) 2015/2366 u fil-kariga tiegħu fi [PO: jekk jogħġbok daħħal id-data ta' tliet (3) xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] għandhom jieqfu f’dik id-data.

Il-kompiti u l-pożizzjoni tal-President maħtur f’konformità mar-Regolament Nru 1093/2010 kif emendat l-aħħar mid-Direttiva (UE) 2015/2366 u fil-kariga tiegħu fi [PO: jekk jogħġbok daħħal id-data ta' tliet (3) xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] għandhom ikomplu sal-iskadenza tad-data.

Il-kompiti u l-pożizzjoni tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija maħtura f’konformità mar-Regolament Nru 1093/2010 kif emendat l-aħħar mid-Direttiva (UE) 2015/2366 u fil-kariga tagħhom fi [PO: jekk jogħġbok daħħal id-data ta' tliet (3) xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] għandhom jieqfu f’dik id-data.”.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1094/2010

Ir-Regolament (UE) 1094/2010 jiġi emendat kif ġej:

(1)il-paragrafu 2 tal-Artikolu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Awtorità għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha b’dan ir-Regolament u fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE bl-eċċezzjoni tat-Titolu IV tagħha, tad-Direttivi 2002/92/KE, 2003/41/KE, 2002/87/KE, 2009/103/KE* u, sakemm dawk l-atti japplikaw għall-impriżi tal-assigurazzjoni, l-impriżi tar-riassigurazzjoni, l-istituzzjonijiet għall-provvediment tal-irtirar mix-xogħol u l-intermedjarji tal-assigurazzjoni, fil-partijiet rilevanti tad-Direttivi (UE) 2015/849 u 2002/65/KE, inklużi d-direttivi, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawk l-atti, u ta’ kwalunkwe att ieħor legalment vinkolanti tal-Unjoni li jikkonferixxi kompiti fuq l-Awtorità.

*    Id-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11).”;

(2)fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 2 jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“Ir-referenzi għas-superviżjoni f’dan ir-Regolament jinkludu l-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti kollha li jridu jitwettqu skont l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

(3)fil-punt 2 tal-Artikolu 4, il-punt (ii) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(ii) fir-rigward tad-Direttivi 2002/65/KE u (UE) 2015/849, l-awtoritajiet kompetenti sabiex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dawk id-Direttivi mill-istituzzjonijiet finanzjarji kif definit fil-punt 1;”;

(4)L-Artikolu 6 jiġi emendat kif ġej:

(b)    il-punt (2) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(2) Bord Eżekuttiv, li għandu jeżerċita l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 47;”;

(c)    jitħassar il-punt (4);

(5)L-Artikolu 8 jiġi emendat kif ġej:

(b)    il-paragrafu 1 jiġi emendat kif ġej:

(i)jiddaħħal il-punt (aa) li ġej:

“(aa) li tiżviluppa u żżomm aġġornat manwal superviżorju tal-Unjoni dwar is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni;”;

ii)il-punti (e) u (f) jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(e) li torganizza u twettaq rieżamijiet tal-awtoritajiet kompetenti u, f’dak il-kuntest, li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet u li tidentifika l-aħjar prattiki, bl-għan li tissaħħaħ il-konsistenza fl-eżiti superviżorji;

(f) li tissorvelja u tivvaluta l-iżviluppi tas-suq fil-qasam tal-kompetenzi tagħha, inklużi, fejn rilevanti, l-iżviluppi relatati max-xejriet fis-servizzi finanzjarji innovattivi;”;

(iii)il-punt (h) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(h) li trawwem il-protezzjoni tad-detenturi ta’ poloz, tal-membri u l-benefiċjarji tal-iskemi tal-pensjonijiet, tal-konsumaturi u tal-investituri”;

(iv)jitħassar il-punt (l);

(v)jiddaħħal il-punt (m) li ġej:

“(m) li toħroġ opinjonijiet fir-rigward tal-applikazzjonijiet ta’ mudelli interni, li tiffaċilita t-teħid tad-deċiżjonijiet u li tipprovdi assistenza kif previst fl-Artikolu 21a;”;

(c)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. “Meta twettaq il-kompiti tagħha f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-awtorità għandha tqis l-innovazzjoni teknoloġika, il-mudelli kummerċjali innovattivi u sostenibbli u l-integrazzjoni tal-fatturi ambjentali, soċjali u dawk relatati mal-governanza”;

(d)fil-paragrafu 2, jiġu emendati dawn li ġejjin:

(i) jiddaħħal il-punt (ca):

“(ca) toħroġ rakkomandazzjonijiet kif stipulat fl-Artikoli 29a u 31a;”;

(ii) il-punt (h) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(h) tiġbor l-informazzjoni meħtieġa dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji kif previst fl-Artikolu 35 u fl-Artikolu 35b”;

(e)    jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3. Meta twettaq il-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 u meta teżerċita s-setgħat imsemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità għandha tikkunsidra debitament il-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, inklużi r-riżultati tal-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji ġġenerati f’konformità ma’ dan ir-Regolament.”;

(6)L-Artikolu 9 jiġi emendat kif ġej:

(b)fil-paragrafu 1, jiddaħħlu l-punti (aa) u (ab) li ġejjin:

“(aa) it-twettiq ta’ rieżamijiet tematiċi fil-fond tal-imġiba tas-suq u l-bini ta’ fehim komuni tal-prattiki tas-suq sabiex jiġu identifikati l-problemi potenzjali u jiġi analizzat l-impatt tagħhom;

(ab) l-iżvilupp ta’ indikaturi tar-riskju fil-livell tal-konsumaturi għall-identifikazzjoni f’waqtha tal-kawżi potenzjali ta’ detriment għall-konsumaturi;”;

(c)fil-paragrafu 1, il-punt (d) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(d) l-iżvilupp ta’ regoli ta’ divulgazzjoni komuni.”;

(d)il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:    

“2. L-Awtorità għandha tissorvelja l-attivitajiet finanzjarji ġodda u eżistenti u tista’ tadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet bl-għan li tippromwovi s-sikurezza u s-saħħa tas-swieq u l-konverġenza tal-prattiki superviżorji u regolatorji.”;

(e)il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4. L-Awtorità għandha tistabbilixxi, bħala parti integrali mill-Awtorità, Kumitat għall-innovazzjoni finanzjarja, li jlaqqa’ flimkien l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti rilevanti kollha u l-awtoritajiet responsabbli għall-protezzjoni tal-konsumaturi bil-għan li jinkiseb approċċ ikkoordinat għat-trattament regolatorju u superviżorju ta’ attivitajiet finanzjarji ġodda jew innovattivi u sabiex jipprovdi pariri lill-Awtorità li hija tkun tista’ tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. L-Awtorità tista’ tinkludi wkoll l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data bħala parti mill-Kumitat.”;

(7)L-Artikolu 16 jiġi emendat kif ġej:

(b)fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Awtorità tista’ tindirizza wkoll linji gwida u rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet tal-Istati Membri li mhumiex definiti bħala awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament, iżda li huma awtorizzati sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

(c)il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Awtorità għandha, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa rigward il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet li hija toħroġ u għandha tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati tal-ħruġ ta’ tali linji gwida u rakkomandazzjonijiet. Dawk il-konsultazzjonijiet u l-analiżijiet għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, in-natura u l-impatt tal-linji gwida jew tar-rakkomandazzjonijiet. L-Awtorità għandha, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, titlob ukoll opinjonijiet jew pariri mill-Grupp ta’ Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u mill-Grupp ta’ Partijiet Ikkonċernati tal-Pensjonijiet tax-Xogħol.”;

(d)fil-paragrafu 4 tiżdied is-sentenza li ġejja fl-aħħar:

“Ir-rapport għandu jispjega wkoll kif l-Awtorità ġġustifikat il-ħruġ tal-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet tagħha u jiġbor fil-qosor ir-rispons mill-konsultazzjonijiet pubbliċi dwar dawk il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet.”;

(e)jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5. Meta żewġ terzi tal-membri tal-Grupp ta’ Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni jew tal-Grupp ta’ Partijiet Ikkonċernati tal-Pensjonijiet tax-Xogħol ikunu tal-opinjoni li l-Awtorità qabżet il-kompetenza tagħha permezz tal-ħruġ ta’ ċerti linji gwida jew rakkomandazzjonijiet, huma jistgħu jibagħtu opinjoni motivata lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha titlob spjegazzjoni li tiġġustifika l-ħruġ tal-linji gwida jew tar-rakkomandazzjonijiet ikkonċernati mill-Awtorità. Il-Kummissjoni għandha, malli tirċievi l-ispjegazzjoni mill-Awtorità, tivvaluta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida jew tar-rakkomandazzjonijiet fid-dawl tal-kompetenza tal-Awtorità. Meta l-Kummissjoni tqis li l-Awtorità qabżet il-kompetenza tagħha u wara li tkun tat lill-Awtorità l-opportunità li tiddikjara l-fehmiet tagħha, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li titlob lill-Awtorità tirtira l-linji gwida jew ir-rakkomandazzjonijiet ikkonċernati. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha ssir pubblika.”;

(8)fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 17, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat stipulati fl-Artikolu 35, l-Awtorità tista’ tindirizza talba debitament ġustifikata u motivata għall-informazzjoni direttament lil awtoritajiet kompetenti oħrajn jew lill-istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti, kull meta titqies bħala neċessarja għall-fini tal-investigazzjoni ta’ allegat ksur jew nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Meta tiġi indirizzata lill-istituzzjonijiet finanzjarji, it-talba motivata għandha tispjega għaliex l-informazzjoni hija meħtieġa għall-finijiet tal-investigazzjoni ta’ allegat ksur jew nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

Id-destinatarju ta’ talba bħal din għandu jipprovdi lill-Awtorità b’informazzjoni ċara, preċiża u kompleta mingħajr dewmien bla bżonn.

Meta tkun ġiet indirizzata talba għal informazzjoni lil istituzzjoni finanzjarja, l-Awtorità għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti dwar tali talba. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħinu lill-Awtorità fil-ġbir tal-informazzjoni, meta huma jintalbu jagħmlu dan mill-Awtorità.”;

(9)L-Artikolu 19 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Fil-każijiet speċifikati fl-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) u mingħajr preġudizzju għas-setgħat stipulati fl-Artikolu 17, l-Awtorità tista’ tgħin lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jilħqu ftehim f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 4 f’waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)    fuq talba ta’ waħda jew aktar mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati meta awtorità kompetenti ma taqbilx mal-proċedura jew mal-kontenut ta’ azzjoni, azzjoni proposta jew inattività ta’ awtorità kompetenti oħra;

(b)    fuq inizjattiva tagħha stess meta, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, ikun jista’ jiġi stabbilit nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti.

F’każijiet fejn l-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) jesiġu li tittieħed deċiżjoni konġunta mill-awtoritajiet kompetenti, għandu jkun preżunt nuqqas ta’ qbil fin-nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjoni konġunta minn dawk l-awtoritajiet fil-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dawk l-atti.”;

(c)jiddaħħlu l-paragrafi 1a u 1b li ġejjin:

“1a. Fil-każijiet li ġejjin, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità, mingħajr dewmien, li ma ntlaħaq ebda ftehim:

(a)    meta jkun ġie previst limitu ta’ żmien sabiex jintlaħaq ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), u meta jseħħ l-aktar kmieni minn fost dawn li ġejjin:

(i) il-limitu ta’ żmien ikun skada;

(ii) waħda jew aktar mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jikkonkludu li jeżisti nuqqas ta’ ftehim fuq il-bażi ta’ fatturi oġġettivi;

(b)    meta ma jkun ġie previst ebda limitu ta’ żmien sabiex jintlaħaq ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), u meta jseħħ l-aktar kmieni minn fost dawn li ġejjin:

i.    waħda jew aktar mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jikkonkludu li jeżisti nuqqas ta’ ftehim fuq il-bażi ta’ fatturi oġġettivi; jew

ii.    ikunu għaddew xahrejn mid-data li fiha awtorità kompetenti rċeviet talba minn awtorità kompetenti oħra sabiex tieħu ċerta azzjoni bil-għan li tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni u l-awtorità rikjesta tkun għadha ma adottat ebda deċiżjoni li tissodisfa t-talba.”;

(d)jitħassar is-subparagrafu 2 tal-paragrafu 1;

1b. Il-President għandu jivvaluta jekk l-Awtorità għandhiex taġixxi f’konformità mal-paragrafu 1. Meta l-intervent ikun fuq l-inizjattiva proprja tal-Awtorità, din tal-aħħar għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati bid-deċiżjoni tagħha rigward l-intervent.

Sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-Awtorità f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 47(3a), f’każijiet fejn l-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) jesiġu li tittieħed deċiżjoni konġunta, l-awtoritajiet kompetenti kollha involuti fid-deċiżjoni konġunta għandhom jiddiferixxu d-deċiżjonijiet individwali tagħhom. Meta l-Awtorità tiddeċiedi li taġixxi, l-awtoritajiet kompetenti kollha involuti fid-deċiżjoni konġunta għandhom jiddiferixxu d-deċiżjonijiet tagħhom sakemm tiġi konkluża l-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 u 3.”;

(e)il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Meta l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jonqsu milli jilħqu ftehim matul il-fażi ta’ konċiljazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità tista’ tieħu deċiżjoni li tesiġi li dawk l-awtoritajiet jieħdu azzjoni speċifika jew joqogħdu lura minn ċerta azzjoni sabiex isolvu l-kwistjoni, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni. Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha torbot lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. Id-deċiżjoni tal-Awtorità tista’ tesiġi li l-awtoritajiet kompetenti jirrevokaw jew jemendaw deċiżjoni li jkunu adottaw jew jagħmlu użu mis-setgħat li huma jkollhom skont id-dritt tal-Unjoni rilevanti.”;

(f)jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a. L-Awtorità għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati dwar il-konklużjoni tal-proċeduri skont il-paragrafi 2 u 3, flimkien ma’, fejn applikabbli, id-deċiżjoni tagħha meħuda skont il-paragrafu 3.”;

(g)il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 tat-Trattat, meta awtorità kompetenti ma tikkonformax mad-deċiżjoni tal-Awtorità u, b’hekk, tonqos milli tiżgura li istituzzjoni finanzjarja tikkonforma mar-rekwiżiti li japplikaw direttament għaliha bis-saħħa tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2), l-Awtorità tista’ tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil istituzzjoni finanzjarja li titlobha tieħu l-azzjoni meħtieġa bil-għan li tikkonforma mal-obbligi tagħha skont id-dritt tal-Unjoni, inkluż il-waqfien minn kwalunkwe prattika.”;

(10)L-Artikolu 21 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-Awtorità għandha tippromwovi u timmonitorja l-funzjonament effiċjenti, effettiv u konsistenti tal-kulleġġi tas-superviżuri msemmija fid-Direttiva 2009/138/KE u trawwem il-koerenza tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fost il-kulleġġi tas-superviżuri. Bl-għan li jkun hemm konverġenza tal-aħjar prattiki superviżorji, il-persunal mill-Awtorità għandu jkun jista’ jipparteċipa jew, fejn xieraq, imexxi l-attivitajiet tal-kulleġġi tas-superviżuri, inklużi eżamijiet fuq il-post, imwettqa b’mod konġunt minn żewġ awtoritajiet kompetenti jew aktar.”;

(c)fil-paragrafu 2, is-subparagrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Għall-fini ta’ dan il-paragrafu u tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Awtorità għandha titqies bħala ‘awtorità kompetenti’ jew ‘awtorità superviżorja’ skont it-tifsira tal-leġiżlazzjoni rilevanti.”;

(11)jiddaħħal l-Artikolu 21a li ġej:

“Artikolu 21a

Mudelli interni

1. Sabiex tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ standards u prassi superviżorji komuni ta’ kwalità għolja, l-Awtorità għandha, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba minn waħda jew aktar mill-awtoritajiet superviżorji:

(a) Toħroġ opinjonijiet lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati dwar l-applikazzjoni għall-użu jew it-tibdil ta’ mudell intern. Għaldaqstant, l-EIOPA tista’ titlob l-informazzjoni kollha meħtieġa mingħand l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati; u

(b) Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil relatat mal-approvazzjoni ta’ mudelli interni, tgħin lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jilħqu qbil f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19.

2. Fiċ-ċirkostanzi stabbiliti skont l-Artikolu 231(6a) tad-Direttiva 2009/138/KE, l-impriżi jistgħu jitolbu lill-EIOPA tgħin lill-awtoritajiet kompetenti jilħqu qbil f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19.

(12)fl-Artikolu 22(4), it-tieni subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Għal dawk il-finijiet, l-Awtorità tista’ tuża s-setgħat mogħtija lilha skont dan ir-Regolament, inkluż l-Artikolu 35 u 35b.”;

(13)L-Artikolu 29 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi emendat kif ġej:

(i)jiddaħħal il-punt (aa) li ġej:

“(aa) li toħroġ il-Pjan Superviżorju Strateġiku f’konformità mal-Artikolu 29a;”:

(ii)il-punt (b) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

(b) li tippromwovi skambju bilaterali u multilaterali effettiv ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, li tkun tappartjeni għall-kwistjonijiet rilevanti kollha, inklużi ċ-ċibersigurtà u l-attakki ċibernetiċi, kif xieraq, b’rispett sħiħ għad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data previsti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni;”;

(iii) il-punt (e) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(e) li tistabbilixxi programmi ta’ taħriġ settorjali u trans-settorjali, inkluż fir-rigward tal-innovazzjoni teknoloġika, tiffaċilita skambji tal-persunal u tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jintensifikaw l-użu ta’ skemi tal-issekondar u għodod oħrajn;”;

(c)fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu 2 li ġej:

“Għall-fini tal-istabbiliment ta’ kultura superviżorja komuni, l-Awtorità għandha tiżviluppa u taġġorna manwal superviżorju tal-Unjoni dwar is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni, filwaqt li tqis il-prattiki kummerċjali li qegħdin jinbidlu u l-mudelli kummerċjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-manwal superviżorju tal-Unjoni għandu jistabbilixxi l-aħjar prassi superviżorji u għandu jispeċifika metodoloġiji u proċessi ta’ kwalità għolja;

(14)Jiddaħħal l-Artikolu 29a li ġej:

“Artikolu 29a

Pjan Superviżorju Strateġiku

1. Mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament [XXX daħħal referenza għar-Regolament emendatorju] u kull tliet snin minn hemm ’il quddiem sal-31 ta’ Marzu, l-Awtorità għandha toħroġ rakkomandazzjoni indirizzata lill-awtoritajiet kompetenti, li tistabbilixxi objettivi u prijoritajiet strateġiċi superviżorji (“Pjan Superviżorju Strateġiku”) u wara li tikkunsidra kwalunkwe kontribuzzjoni mill-awtoritajiet kompetenti. L-Awtorità għandha tibgħat il-Pjan Superviżorju Strateġiku għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u għandha tippubblikah fuq is-sit web tagħha.

Il-Pjan Superviżorju Strateġiku għandu jidentifika prijoritajiet speċifiċi għall-attivitajiet superviżorji sabiex jippromwovi prassi superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi u l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tad-dritt tal-Unjoni u sabiex jindirizza x-xejriet mikroprudenzjali rilevanti, ir-riskji potenzjali u l-vulnerabbiltajiet identifikati f’konformità mal-Artikolu 32.

2. Sat-30 ta’ Settembru ta’ kull sena, kull awtorità kompetenti għandha tissottometti abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali għas-sena ta’ wara lill-Awtorità għal kunsiderazzjoni u tistipula speċifikament kif l-abbozz ta’ programm huwa allinjat mal-Pjan Superviżorju Strateġiku.

L-abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali għandu jinkludi objettivi u prijoritajiet speċifiċi għall-attivitajiet superviżorji u kriterji kwalitattivi u kwantitattivi għall-għażla tal-istituzzjonijiet finanzjarji, il-prattiki u l-imġibiet tas-suq u s-swieq finanzjarji li jridu jiġu eżaminati mill-awtorità kompetenti li tissottometti l-abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali matul is-sena koperta minn dak il-programm.

3. L-Awtorità għandha tivvaluta l-abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali u, meta jkun hemm riskji materjali sabiex ma jintlaħqux il-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan Superviżorju Strateġiku, l-Awtorità għandha toħroġ rakkomandazzjoni lill-awtorità kompetenti rilevanti li timmira għall-allinjament tal-programm ta’ ħidma annwali tal-awtorità kompetenti rilevanti mal-Pjan Superviżorju Strateġiku.

Sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw il-programmi ta’ ħidma annwali tagħhom, filwaqt li jqisu kwalunkwe rakkomandazzjonijiet bħal dawn.

4. Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, kull awtorità kompetenti għandha tibgħat lill-Awtorità rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali.

Ir-rapport għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)    deskrizzjoni tal-attivitajiet superviżorji u eżamijiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji, tal-prattiki u l-imġibiet tas-swieq finanzjarji u tal-miżuri amministrattivi u s-sanzjonijiet imposti kontra l-istituzzjonijiet finanzjarji responsabbli għall-ksur tal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni;

(b)    deskrizzjoni tal-attivitajiet li twettqu u li ma kinux previsti fil-programm ta’ ħidma annwali;

(c)    rendikont tal-attivitajiet previsti fil-programm ta’ ħidma annwali li ma twettqux u tal-objettivi ta’ dak il-programm li ma ntlaħqux, kif ukoll tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawk l-attivitajiet u lħuq ta’ dawk l-objettivi.

5. L-Awtorità għandha tivvaluta r-rapporti ta’ implimentazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Meta jkun hemm riskji materjali li ma jkunux se jinkisbu l-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan Superviżorju Strateġiku, l-Awtorità għandha toħroġ rakkomandazzjoni lil kull awtorità kompetenti kkonċernata dwar kif jistgħu jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet rilevanti fl-attivitajiet tagħha.

Abbażi tar-rapporti u l-valutazzjoni tagħha tar-riskji, l-Awtorità għandha tidentifika l-attivitajiet tal-awtorità kompetenti li huma ta’ importanza kritika għall-issodisfar tal-Pjan Superviżorju Strateġiku, u għandha, skont kif xieraq, twettaq rieżamijiet skont l-Artikolu 30 ta’ dawk l-attivitajiet.

6. L-Awtorità għandha tagħmel l-aħjar prassi identifikati matul il-valutazzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali disponibbli għall-pubbliku.”;

(15)L-Artikolu 30 jiġi emendat kif ġej:

(b)it-titolu tal-Artikolu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Rieżamijiet tal-awtoritajiet kompetenti”;

(c)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Awtorità għandha, perjodikament, twettaq rieżamijiet ta’ wħud mill-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti, jew tal-attivitajiet kollha kemm huma, sabiex tkompli ssaħħaħ il-konsistenza fl-eżiti superviżorji. Għal dak l-għan, l-Awtorità għandha tiżviluppa metodi li jippermettulha tagħmel valutazzjoni u tqabbil oġġettivi bejn l-awtoritajiet kompetenti riveduti. Waqt it-twettiq tar-rieżamijiet, għandhom jiġu kkunsidrati l-informazzjoni eżistenti u l-evalwazzjonijiet diġà magħmula fir-rigward tal-awtorità kompetenti kkonċernata, inkluża l-informazzjoni kollha pprovduta lill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 35 u kwalunkwe informazzjoni mill-partijiet ikkonċernati.”;

(d)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, l-Awtorità għandha tistabbilixxi kumitat ta’ rieżami, magħmul esklussivament minn persunal mill-Awtorità. L-Awtorità tista’ tiddelega ċerti kompiti jew deċiżjonijiet lill-kumitat ta’ rieżami.”;

(e)il-paragrafu 2 jiġi emendat kif ġej:

(i) is-sentenza introduttorja tiġi sostitwita b’din li ġejja:

“Ir-rieżami għandu jinkludi valutazzjoni ta’, iżda ma għandux ikun limitat għal:”;

(ii)il-punt (a) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(a) l-adegwatezza tar-riżorsi, il-grad ta’ indipendenza u l-arranġamenti ta’ governanza tal-awtorità kompetenti, b’attenzjoni partikolari għall-applikazzjoni effettiva tal-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) u għall-kapaċità li tirrispondi għall-iżviluppi tas-suq;”;

(f)il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3. L-Awtorità għandha tipproduċi rapport li jistabbilixxi r-riżultati tar-rieżami. Dan ir-rapport għandu jispjega u jindika l-miżuri ta’ segwitu li huma previsti bħala riżultat tar-rieżami. Dawk il-miżuri ta’ segwitu jistgħu jiġu adottati fil-forma ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 16 u opinjonijiet skont l-Artikolu 29(1)(a).

F’konformità mal-Artikolu 16(3), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw ma’ kwalunkwe linji gwida u rakkomandazzjonijiet maħruġa. Meta l-awtoritajiet kompetenti ma jeħdux azzjoni biex jindirizzaw il-miżuri ta’ segwitu indikati fir-rapport, l-Awtorità għandha toħroġ rapport ta’ segwitu.

Meta tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji jew abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikoli 10 sa 15, jew linji gwida jew rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 16, l-Awtorità għandha tqis l-eżitu tar-rieżami, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba fit-twettiq tal-kompiti tagħha, sabiex tiġi żgurata l-konverġenza tal-prassi superviżorji tal-ogħla kwalità.”;

(g)jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a. L-Awtorità għandha tissottometti opinjoni lill-Kummissjoni meta, wara li tkun qieset l-eżitu tar-rieżami jew kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba mill-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti tagħha, hija tqis li tkun meħtieġa l-armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji jew għall-awtoritajiet kompetenti.”;

(h)il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

4. L-Awtorità għandha tippubblika r-rapport imsemmi fil-paragrafu 3 u kwalunkwe rapport ta’ segwitu msemmi, sakemm il-pubblikazzjoni ma tkunx tinvolvi riskji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. L-awtorità kompetenti li hija soġġetta għar-rieżami għandha tiġi mistiedna sabiex tikkummenta qabel il-pubblikazzjoni ta’ kwalunkwe rapport. Dawk il-kummenti għandhom jiġu magħmula disponibbli għall-pubbliku sakemm il-pubblikazzjoni ma tkunx tinvolvi riskji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.”;

(16)fl-Artikolu 31 a jiddaħħal paragrafu 2 ġdid:

“2. Fir-rigward tal-attività tal-awtoritajiet kompetenti maħsuba biex tiffaċilita d-dħul fis-suq tal-operaturi jew tal-prodotti li jiddependu fuq l-innovazzjoni teknoloġika, l-Awtorità għandha tippromwovi l-konverġenza superviżorja, b’mod partikolari permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki. Fejn xieraq, l-Awtorità tista’ tadotta linji gwida jew rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 16.”;

(17)jiddaħħal Artikolu 31a ġdid:

“Artikolu 31a

Il-koordinazzjoni fuq id-delega u l-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet, kif ukoll tat-trasferiment ta’ riskju

1. L-Awtorità għandha, fuq bażi kontinwa, tikkoordina l-azzjonijiet superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti bl-għan li tippromwovi l-konverġenza superviżorja fl-oqsma tad-delega u l-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet mill-istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll fir-rigward tat-trasferimenti ta’ riskju mwettqa minnhom, f’konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4.

2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità meta jkollhom il-ħsieb li jwettqu awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni relatata ma’ istituzzjoni finanzjarja li tkun taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti kkonċernata f’konformità mal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) u meta l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tal-istituzzjoni finanzjarja jinvolvi l-esternalizzazzjoni jew id-delega ta’ parti materjali mill-attivitajiet tagħha jew kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ewlenin jew it-trasferiment ta’ riskju ta’ parti materjali mill-attivitajiet tagħha f’pajjiżi terzi, sabiex tibbenifika mill-passaport tal-UE, filwaqt li essenzjalment twettaq attivitajiet jew funzjonijiet sostanzjali barra l-Unjoni. In-notifika lill-Awtorità għandha tkun dettaljata biżżejjed sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni xierqa mill-Awtorità.

Meta l-Awtorità tqis li huwa meħtieġ li toħroġ opinjoni lil awtorità kompetenti rigward in-nuqqas ta’ konformità ta’ awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni innotifikata skont l-ewwel subparagrafu mad-dritt tal-Unjoni jew mal-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet jew l-opinjonijiet adottati mill-Awtorità, din tal-aħħar għandha tinforma lil dik l-awtorità kompetenti b’dan fi żmien 20 jum tax-xogħol minn meta dik l-awtorità kompetenti tirċievi n-notifika. F’dak il-każ, l-awtorità kompetenti kkonċernata għandha tistenna l-opinjoni tal-Awtorità qabel twettaq ir-reġistrazzjoni jew l-awtorizzazzjoni.

Fuq talba tal-Awtorità, l-awtorità kompetenti għandha, fi żmien 15-il jum tax-xogħol mill-wasla ta’ tali talba, tipprovdi informazzjoni relatata mad-deċiżjonijiet tagħha li tawtorizza jew tirreġistra istituzzjoni finanzjarja li tkun taħt is-superviżjoni tagħha f’konformità mal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2).

L-Awtorità għandha toħroġ l-opinjoni, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe limiti ta’ żmien stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni, sa mhux aktar tard minn xahrejn (2) mill-wasla tan-notifika skont l-ewwel subparagrafu.

3. Istituzzjoni finanzjarja għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar l-esternalizzazzjoni jew id-delega ta’ parti materjali mill-attivitajiet tagħha jew kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ewlenin tagħha, u t-trasferiment ta’ riskju ta’ parti materjali mill-attivitajiet tagħha, lil entità oħra jew lill-fergħa tagħha stabbilita f’pajjiż terz. L-awtorità kompetenti kkonċernata għandha tinforma lill-Awtorità dwar tali notifiki fuq bażi semi-annwali.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35, fuq talba tal-Awtorità, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi informazzjoni fir-rigward tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni, delega jew trasferiment ta’ riskju mill-istituzzjonijiet finanzjarji.

L-Awtorità għandha tissorvelja jekk l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jivverifikawx li l-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni, delega jew trasferiment ta’ riskju msemmija fl-ewwel subparagrafu huma konklużi f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, konformi mal-linji gwida, mar-rakkomandazzjonijiet jew mal-opinjonijiet mill-Awtorità u ma jipprevenux is-superviżjoni effettiva mill-awtoritajiet kompetenti [u l-infurzar] f’pajjiż terz.

4. L-Awtorità tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-awtorità kompetenti kkonċernata, inklużi rakkomandazzjonijiet għar-rieżami ta’ deċiżjoni jew għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni. Meta l-awtorità kompetenti kkonċernata ma ssegwix ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità fi żmien 15-il jum tax-xogħol, l-awtorità kompetenti għandha tiddikjara r-raġunijiet u l-Awtorità għandha tagħmel ir-rakkomandazzjoni tagħha pubblika flimkien ma’ dawk ir-raġunijiet.”;

(18)L-Artikolu 32 jiġi emendat kif ġej:

(19)jiddaħħal paragrafu 2a ġdid:

“2a. Mill-inqas kull sena, l-Awtorità għandha tikkunsidra jekk ikunx xieraq li twettaq il-valutazzjonijiet mal-Unjoni kollha msemmija fil-paragrafu 2 u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bir-raġunament tagħha. Meta jitwettqu valutazzjonijiet bħal dawn mal-Unjoni kollha u l-Awtorità tqis li jkun xieraq li tagħmel dan, hija għandha tiddivulga r-riżultati għal kull istituzzjoni finanzjarja parteċipanta.

L-obbligi tas-segretezza professjonali tal-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jimpedixxu lill-awtoritajiet kompetenti milli jippubblikaw l-eżitu tal-valutazzjonijiet mal-Unjoni kollha msemmija fil-paragrafu 2 jew milli jibagħtu l-eżitu ta’ tali valutazzjonijiet lill-Awtorità għall-fini tal-pubblikazzjoni mill-Awtorità tar-riżultati tal-valutazzjonijiet mal-Unjoni kollha tar-reżiljenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji.”;

(20)L-Artikolu 33 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Awtorità għandha tgħin lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza li jappartjenu għar-reġimi superviżorji u regolatorji f’pajjiżi terzi wara talba speċifika għal pariri mill-Kummissjoni jew meta tintalab tagħmel dan mill-atti msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

(c)jiddaħħlu l-paragrafi 2a, 2b u 2c li ġejjin:

“2a. L-Awtorità għandha timmonitorja l-iżviluppi superviżorji u regolatorji, kif ukoll il-prattiki ta’ infurzar u l-iżviluppi tas-suq rilevanti f’pajjiżi terzi li għalihom ġew adottati deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza mill-Kummissjoni skont l-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) sabiex jiġi vverifikat jekk il-kriterji, li abbażi tagħhom ittieħdu dawk id-deċiżjonijiet u kwalunkwe kondizzjonijiet stabbiliti fih, għadhomx issodisfati. Hija għandha tieħu f’kunsiderazzjoni r-rilevanza tas-suq tal-pajjiżi terzi kkonċernati. L-Awtorità għandha tissottometti rapport kunfidenzjali dwar is-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni fuq bażi annwali.

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fl-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) u soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-paragrafu 1, fejn possibbli, l-Awtorità għandha tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti u, fejn xieraq, anki mal-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni, ta’ pajjiżi terzi li r-reġimi legali u superviżorji tagħhom kienu rikonoxxuti bħala ekwivalenti. Dik il-kooperazzjoni għandha tiġi segwita abbażi ta’ arranġamenti amministrattivi konklużi mal-awtoritajiet rilevanti ta’ dawk il-pajjiżi terzi. Meta tinnegozja tali arranġamenti amministrattivi, l-Awtorità għandha tinkludi dispożizzjonijiet dwar dawn li ġejjin:

(a)    il-mekkaniżmi li jippermettu lill-Awtorità tikseb informazzjoni rilevanti, inkluża informazzjoni dwar is-sistema regolatorja, l-approċċ superviżorju, l-iżviluppi tas-suq rilevanti u kwalunkwe bidliet li jistgħu jaffettwaw id-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza;

b)    safejn ikun neċessarju għas-segwitu ta’ tali deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza, il-proċeduri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet superviżorji, inklużi spezzjonijiet fuq il-post.

L-Awtorità għandha tinforma lill-Kummissjoni meta awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz tirrifjuta li tikkonkludi tali arranġamenti amministrattivi jew meta tirrifjuta li tikkoopera b’mod effettiv. Il-Kummissjoni għandha tqis din l-informazzjoni meta tirrevedi d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza rilevanti.

2b. Meta l-Awtorità tidentifika żviluppi fir-rigward tar-regolamentazzjoni, is-superviżjoni jew il-prattiki ta’ infurzar fil-pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 2a li jistgħu jħallu impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri jew il-funzjonament tas-suq intern, hija għandha tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi kunfidenzjali u mingħajr dewmien.

L-Awtorità għandha, fuq bażi annwali, tissottometti rapport kunfidenzjali lill-Kummissjoni dwar l-iżviluppi regolatorji, superviżorji, tal-infurzar u tas-suq fil-pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 2a b’enfasi partikolari fuq l-implikazzjonijiet tagħhom għall-istabbiltà finanzjarja, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri jew il-funzjonament tas-suq intern.

2c. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lill-Awtorità bil-quddiem dwar l-intenzjonijiet tagħhom li jikkonkludu kwalunkwe arranġamenti amministrattivi mal-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi fi kwalunkwe wieħed mill-oqsma rregolati mill-atti msemmija fl-Artikolu 1(2), inkluż fir-rigward tal-fergħat tal-entitajiet ta’ pajjiżi terzi. Huma għandhom jipprovdu simultanjament lill-Awtorità abbozz ta’ arranġamenti ppjanati bħal dawn.

L-Awtorità tista’ tiżviluppa arranġamenti amministrattivi li jservu bħala mudell, bil-għan li tistabbilixxi prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi fl-Unjoni u li ssaħħaħ il-koordinazzjoni superviżorja internazzjonali. F’konformità mal-Artikolu 16(3), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu kull sforz biex isegwu tali arranġamenti li jservu bħala mudell.

Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 43(5), l-Awtorità għandha tinkludi informazzjoni dwar l-arranġamenti amministrattivi maqbula ma’ awtoritajiet superviżorji, organizzazzjonijiet internazzjonali jew amministrazzjonijiet f’pajjiżi terzi, l-assistenza pprovduta mill-Awtorità lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza u l-attività ta’ monitoraġġ segwita mill-Awtorità f’konformità mal-paragrafu 2a.”;

(21)fl-Artikolu 34, il-paragrafu 2 jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“2. Fir-rigward tal-valutazzjoni prudenzjali tal-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE u li, skont dik id-Direttiva, jirrikjedu konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti minn żewġ Stati Membri jew aktar, l-Awtorità tista’, fuq applikazzjoni ta’ waħda mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, toħroġ u tippubblika opinjoni dwar valutazzjoni prudenzjali, ħlief fir-rigward tal-kriterji fl-Artikolu 59(1)(e) tad-Direttiva 2009/138/KE. L-opinjoni għandha tinħareġ fil-ħin u, fi kwalunkwe każ, qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ valutazzjoni f’konformità mad-Direttiva 2009/138/KE. L-Artikoli 35 u 35b għandhom japplikaw għall-oqsma li fir-rigward tagħhom l-Awtorità tista’ toħroġ opinjoni.”

(22)L-Artikolu 35 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafi 1, 2 u 3 jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1. Fuq talba tal-Awtorità, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-Awtorità bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex twettaq il-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, diment li jkollhom aċċess legali għall-informazzjoni rilevanti.

L-informazzjoni pprovduta għandha tkun preċiża, kompleta u sottomessa fil-limitu ta’ żmien preskritt mill-Awtorità.

2. L-Awtorità tista’ titlob ukoll li l-informazzjoni tiġi pprovduta f’intervalli rikorrenti u f’formati speċifikati jew permezz ta’ mudelli komparabbli approvati mill-Awtorità. Fejn possibbli, dawn it-talbiet għandhom isiru bl-użu ta’ formati tar-rapportar komuni.

3. Fuq talba debitament ġustifikata minn awtorità kompetenti, l-Awtorità għandha tipprovdi kwalunkwe informazzjoni li tkun meħtieġa biex tippermetti lill-awtorità kompetenti twettaq il-kompiti tagħha f’konformità mal-obbligi tas-segretezza professjonali stipulati fil-leġiżlazzjoni settorjali u fl-Artikolu 70.”;

(c)il-paragrafu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5. Meta l-informazzjoni mitluba f’konformità mal-paragrafu 1 ma tkunx disponibbli jew ma tkunx magħmula disponibbli mill-awtoritajiet kompetenti fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Awtorità, din tal-aħħar tista’ tindirizza talba debitament ġustifikata u motivata lil kwalunkwe wieħed jew waħda minn dawn li ġejjin:

(a) lil awtoritajiet oħrajn b’funzjonijiet superviżorji;

(b) lill-ministeru responsabbli għall-finanzi fl-Istat Membru kkonċernat fejn dan ikollu informazzjoni prudenzjali għad-dispożizzjoni tiegħu;

(c) lill-bank ċentrali nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat;

(d) lill-uffiċċju tal-istatistika tal-Istat Membru kkonċernat.

Fuq talba tal-Awtorità, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jassistu lill-Awtorità fil-ġbir tal-informazzjoni.”;

(d) jitħassru l-paragrafi 6 u 7:

(23)jiddaħħlu l-Artikoli 35a sa 35h li ġejjin:

“Artikolu 35a

Eżerċitar tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 35b

Is-setgħat mogħtija lill-Awtorità, lil kwalunkwe wieħed mill-uffiċjali tagħha jew lil persuna oħra awtorizzata mill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 35(b) ma għandhomx jintużaw sabiex jesiġu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni jew dokumenti li huma soġġetti għal privileġġ legali.

Artikolu 35b

Talba għal informazzjoni lill-istituzzjonijiet finanzjarji

1. Meta l-informazzjoni mitluba skont il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 5 tal-Artikolu 35 ma tkunx disponibbli jew ma tkunx magħmula disponibbli fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Awtorità, hija tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew deċiżjoni, titlob lill-istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex l-Awtorità tkun tista’ taqdi d-doveri tagħha skont dan ir-Regolament.

2. Kwalunkwe talba sempliċi għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha:

(a)    tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b)    tiddikjara l-iskop tat-talba;

(c)    tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d)    tinkludi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)    tinkludi dikjarazzjoni li ma hemm ebda obbligu fuq il-persuna li mingħandha tintalab l-informazzjoni sabiex tipprovdi dik l-informazzjoni, iżda li f’każ ta’ tweġiba volontarja għat-talba, l-informazzjoni pprovduta ma tridx tkun skorretta jew qarrieqa;

(f)    tindika l-ammont tal-multa li trid tinħareġ f’konformità mal-Artikolu 35c meta l-informazzjoni pprovduta tkun skorretta jew qarrieqa.

3. Meta titlob l-informazzjoni permezz ta’ deċiżjoni, l-Awtorità għandha:

(a)    tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b)    tiddikjara l-iskop tat-talba;

(c)    tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d)    tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)    tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 35d meta l-produzzjoni tal-informazzjoni meħtieġa ma tkunx kompluta;

(f)    tindika l-multa prevista fl-Artikolu 35c meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet ikunu informazzjoni skorretta jew qarrieqa;

(g)    tindika d-dritt għal appell tad-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell u għar-rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikoli 60 u 61.

4. L-istituzzjonijiet finanzjarji jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom skont il-liġi jew il-kostituzzjoni tagħhom, għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba. L-avukati debitament awtorizzati sabiex jaġixxu jistgħu jfornu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli bis-sħiħ jekk l-informazzjoni fornuta tkun inkompleta, skorretta jew qarrieqa.

5. L-awtorità għandha tibgħat mingħajr dewmien kopja tat-talba sempliċi jew tad-deċiżjoni tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn hija domiċiljata jew stabbilita l-entità rilevanti elenkata fil-paragrafu 1 ikkonċernata mit-talba għall-informazzjoni.

6. L-Awtorità tista’ tuża l-informazzjoni kunfidenzjali li tirċievi f’konformità ma’ dan l-Artikolu għall-finijiet biss tat-twettiq tal-kompiti assenjati lilha minn dan ir-Regolament.”;

Artikolu 35c

Regoli proċedurali għall-impożizzjoni ta’ multi

1. Meta, fil-qadi ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-awtorità ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu ksur imsemmi fl-Artikolu 35d(1), l-Awtorità għandha taħtar uffiċjal indipendenti tal-investigazzjoni fi ħdan l-Awtorità sabiex jinvestiga l-kwistjoni. L-uffiċjal maħtur ma għandux jiġi involut jew ikun ġie involut direttament jew indirettament fis-superviżjoni diretta jew indiretta tal-istituzzjonijiet finanzjarji kkonċernati u għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu indipendentement mill-Bord tas-Superviżuri.

2. L-uffiċjal tal-investigazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinvestiga l-allegat ksur, filwaqt li jqis kwalunkwe kumment ippreżentat mill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet, u għandu jippreżenta fajl komplut bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri.

3. Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jitlob informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 35b.

4. Meta jwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha miġbura mill-Awtorità fl-attivitajiet superviżorji tagħha.

5. Meta jlesti l-investigazzjoni tiegħu u qabel jissottometti l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jagħti lill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet l-opportunità li jinstemgħu dwar il-kwistjonijiet li jkunu qegħdin jiġu investigati. L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jibbaża s-sejbiet tiegħu biss fuq fatti li l-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jikkummentaw dwarhom.

6. Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ matul l-investigazzjonijiet skont dan l-Artikolu.

7. Meta jissottometti l-fajl bis-sejba tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinnotifika lill-persuni li huma soġġetti għall-investigazzjonijiet. Il-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali li taffettwa lil partijiet terzi.

8. Abbażi tal-fajl li fih is-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni u, meta jintalab mill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet, wara li jkunu nstemgħu dawk il-persuni f’konformità mal-Artikolu 35f, l-Awtorità għandha tiddeċiedi jekk twettqux wieħed jew aktar mill-ksur imsemmi fl-Artikolu 35d(1) mill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet u, f’każ bħal dan, għandha tieħu miżura f’konformità ma’ dak l-Artikolu.

9. L-uffiċjal tal-investigazzjoni ma għandux jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri jew jintervjeni bi kwalunkwe mod fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri.

10. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti delegati f’konformità mal-Artikolu 75a sabiex tispeċifika r-regoli ta’ proċedura għall-eżerċitar tas-setgħa li timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, inklużi regoli dwar dawn li ġejjin:

(a) id-drittijiet tad-difiża,

(b) dispożizzjonijiet temporali,

(c) dispożizzjonijiet li jispeċifikaw kif għandhom jinġabru l-multi jew il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali,

(d) dispożizzjonijiet li jispeċifikaw il-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali.

11. L-Awtorità għandha tirreferi l-kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali lill-awtoritjiet nazzjonali rilevanti meta, fil-qadi ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, hija ssib li jkun hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jkunu jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali. Barra minn hekk, l-Awtorità għandha żżomm lura milli timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali meta liberazzjoni mill-akkuża jew kundanna minn qabel li tirriżulta minn fatt identiku jew fatti li jkunu sostanzjalment l-istess tkun diġà saret res judicata bħala riżultat tal-proċedimenti kriminali skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 35d

Multi

1. L-Awtorità għandha tadotta deċiżjoni li timponi multa meta hija ssib li istituzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 35b naqset, intenzjonalment jew b’mod negliġenti, milli tipprovdi informazzjoni b’reazzjoni għal deċiżjoni li tirrikjedi informazzjoni skont l-Artikolu 35b(3) jew jekk tkun ipprovdiet informazzjoni inkompleta, skorretta jew qarrieqa b’reazzjoni għal talba sempliċi għall-informazzjoni jew deċiżjoni skont l-Artikolu 35b(2).

2. L-ammont bażiku tal-multa msemmija fil-paragrafu 1 għandu jammonta għal mill-inqas EUR 50 000 u ma għandux jaqbeż il-EUR 200 000.

3. Meta tistabbilixxi l-ammont bażiku tal-multa msemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità għandha tqis il-fatturat annwali tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata għas-sena finanzjarja preċedenti u huwa għandu jkun:

(a) fl-aktar livell baxx tal-limitu għall-entitajiet b’fatturat annwali taħt l-EUR 10 miljun;

(b) fil-livell tan-nofs tal-limitu għall-entitajiet b’fatturat annwali ta’ bejn EUR 10 miljun u EUR 50 miljun;

(c) fl-ogħla livell tal-limitu għall-entitajiet b’fatturat annwali ogħla minn EUR 50 miljun.

L-ammonti bażiċi definiti fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 2 għandhom jiġu aġġustati, fejn ikun meħtieġ, billi jitqiesu fatturi aggravanti jew mitiganti f’konformità mal-koeffiċjenti rilevanti stabbiliti fil-paragrafu 5.

Il-koeffiċjenti aggravanti rilevanti għandhom jiġu applikati wieħed wara l-ieħor għall-ammont bażiku. Meta jkunu applikabbli aktar minn koeffiċjent aggravanti wieħed, id-differenza bejn l-ammont bażiku u l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ kull koeffiċjent aggravanti individwali għandha tiżdied mal-ammont bażiku.

Il-koeffiċjenti mitiganti rilevanti għandhom jiġu applikati wieħed wara l-ieħor għall-ammont bażiku. Meta jkunu applikabbli aktar minn koeffiċjent mitiganti wieħed, id-differenza bejn l-ammont bażiku u l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ kull koeffiċjent mitiganti individwali għandha titnaqqas mill-ammont bażiku.

4. Il-koeffiċjenti tal-aġġustamenti li ġejjin għandhom jiġu applikati b’mod kumulattiv għall-ammont bażiku msemmi fil-paragrafu 2, abbażi ta’ dawn li ġejjin:

(a)    il-koeffiċjenti tal-aġġustamenti marbutin ma’ fatturi aggravanti huma dawn li ġejjin:

(i) meta l-ksur ikun twettaq ripetutament, għandu jiġi applikat koeffiċjent addizzjonali ta’ 1.1 kull darba li jkun ġie ripetut il-ksur;

(ii) meta l-ksur ikun dam għal aktar minn sitt xhur, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 1.5;

(iii) meta l-ksur ikun twettaq intenzjonalment, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 2;

(iv) meta ma tkun ittieħdet ebda azzjoni ta’ rimedju minn meta kien identifikat il-ksur, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 1.7;

(v) meta l-maniġment superjuri tal-istituzzjoni finanzjarja ma jkunx ikkoopera mal-Awtorità, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 1.5.

(b)    il-koeffiċjenti tal-aġġustamenti marbutin ma’ fatturi mitiganti huma dawn li ġejjin:

(i) meta l-ksur ikun dam għal inqas minn 10 ijiem tax-xogħol, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 0.9;

(ii) meta l-maniġment superjuri tal-istituzzjoni finanzjarja jkun jista’ juri li ttieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġi evitat in-nuqqas ta’ konformità ma’ talba skont l-Artikolu 35(6a), għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 0.7;

(iii) meta l-istituzzjoni finanzjarja tkun ressqet il-ksur għall-attenzjoni tal-Awtorità malajr, b’mod effettiv u kompletament, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 0.4;

(iv) meta l-istituzzjoni finanzjarja tkun ħadet volontarjament miżuri li jiżguraw li ma jkunx jista’ jitwettaq ksur simili fil-futur, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 0.6.

5. Minkejja l-paragrafi 2 u 3, il-multa finali ma għandhiex taqbeż l-20 % tal-fatturat annwali tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata fis-sena finanzjarja preċedenti, sakemm l-istituzzjoni finanzjarja ma tkunx ibbenifikat finanzjarjament, direttament jew indirettament, mill-ksur. F’dak il-każ, il-multa totali għandha tkun mill-inqas ugwali għal dak il-benefiċċju finanzjarju.

Artikolu 35e

Ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1. L-Awtorità għandha tadotta deċiżjonijiet sabiex timponi ħlas perjodiku ta’ penali bl-għan li ġġiegħel lill-istituzzjonijiet jew l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 35b(1) jipprovdu l-informazzjoni li tkun intalbet permezz ta’ deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 35b(3).

2. Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jkun effettiv u proporzjonat. Il-ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost fuq bażi ta’ kuljum sakemm l-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata tikkonforma mad-deċiżjoni rilevanti msemmija fil-paragrafu 1.

3. Minkejja l-paragrafu 2, l-ammont ta’ ħlas perjodiku ta’ penali għandu jkun 3 % tal-fatturat medju ta’ kuljum tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata fis-sena finanzjarja preċedenti. Huwa għandu jiġi kkalkolat mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-ħlas perjodiku ta’ penali.

4. Ħlas perjodiku ta’ penali jista’ jiġi impost għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-Awtorità.

Artikolu 35f

Id-dritt li tinstema’

1. Qabel tieħu kwalunkwe deċiżjoni li timponi multa u ħlas perjodiku ta’ penali skont l-Artikoli 35d u 35e, l-Awtorità għandha tagħti lill-istituzzjoni finanzjarja soġġetta għat-talba għal informazzjoni l-opportunità li tinstema’.

L-Awtorità għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq is-sejbiet li dwarhom l-istituzzjonijiet finanzjarji kkonċernati kellhom l-opportunità jikkummentaw.

2. Id-drittijiet tad-difiża tal-istituzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ matul il-proċedura. L-istituzzjoni finanzjarja għandha tkun intitolata li jkollha aċċess għall-fajl tal-Awtorità, soġġetta għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt tal-aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-Awtorità.

Artikolu 35g

Id-divulgazzjoni, in-natura, l-infurzar u l-allokazzjoni tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1. Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 35d u 35e għandhom ikunu ta’ natura amministrattiva u għandhom ikunu infurzabbli.

2. L-infurzar tal-multa u tal-ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi rregolat mir-regoli ta’ proċedura fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jitwettaq l-infurzar. L-ordni ta’ infurzar għandha tiġi annessa mad-deċiżjoni li timponi multa jew ħlas perjodiku ta’ penali mingħajr il-ħtieġa għal kwalunkwe formalità oħra minbarra l-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni minn awtorità li kull Stat Membru għandu jinnomina għal dak l-għan u għandha tiġi nnotifikata lill-Awtorità u lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3. Meta l-formalitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 ikunu tlestew fuq applikazzjoni mill-parti kkonċernata, din tal-aħħar tista’ tipproċedi għall-infurzar f’konformità mal-liġi nazzjonali, billi tressaq il-kwistjoni direttament quddiem il-korp kompetenti.

4. L-infurzar tal-multa jew tal-ħlas perjodiku ta’ penali jista’ jiġi sospiż biss permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-qrati tal-Istat Membru kkonċernat għandu jkollhom ġurisdizzjoni fuq l-ilmenti dwar il-fatt li l-infurzar tal-multa jew tal-ħlas perjodiku ta’ penali jkun qed jitwettaq b’mod irregolari.

5. L-Awtorità għandha tiddivulga lill-pubbliku kull multa u ħlas perjodiku ta’ penali li jkunu ġew imposti skont l-Artikoli 35d u 35e, sakemm tali divulgazzjoni lill-pubbliku ma tipperikolax serjament is-swieq finanzjarji jew sakemm ma tikkawżax dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti.

6. L-ammonti tal-multa u tal-ħlas perjodiku ta’ penali għandhom jiġu allokati għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 35h

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni mingħajr limiti biex tirrevedi d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-Awtorità tkun imponiet multa jew ħlas perjodiku ta’ penali. Hija tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas perjodiku ta’ penali li tkun imponiet l-Awtorità.”;

(24)Fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 36, l-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Malli tirċievi twissija jew rakkomandazzjoni mingħand il-BERS indirizzata lil awtorità kompetenti, l-Awtorità għandha, fejn ikun rilevanti, tuża s-setgħat mogħtija lilha b’dan ir-Regolament sabiex tiżgura li jsir segwitu f’waqtu.”

(25)L-Artikolu 37 jiġi emendat kif ġej:

(b)fil-paragrafu 5, l-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-membri tal-Grupp ta’ Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u tal-Grupp ta’ Partijiet Ikkonċernati tal-Pensjonijiet tax-Xogħol għandhom iservu għal perjodu ta’ erba’ snin u wara għandha ssir proċedura tal-għażla ġdida.”;

(c)fil-paragrafu 6, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Meta l-membri tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati ma jkunux jistgħu jaslu għal opinjoni jew parir komuni, il-membri li jirrappreżentaw grupp wieħed ta’ partijiet ikkonċernati għandhom jitħallew joħorġu opinjoni separata jew parir separat.

Il-Grupp ta’ Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni, il-Grupp ta’ Partijiet Ikkonċernati tal-Pensjonijiet tax-Xogħol, il-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati u l-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq jistgħu joħorġu opinjonijiet u pariri konġunti dwar kwistjonijiet relatati mal-ħidma tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej skont l-Artikolu 56 ta’ dan ir-Regolament dwar il-pożizzjonijiet konġunti u l-atti komuni.”;

(26)L-Artikolu 39 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 39

Proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet

1. L-Awtorità għandha taġixxi f’konformità mal-paragrafi 2 sa 6 meta tadotta d-deċiżjonijiet previsti f’dan ir-Regolament, ħlief għal dawk id-deċiżjonijiet adottati f’konformità mal-Artikoli 35b, 35d u 35e.

2. L-Awtorità għandha tinforma lil kwalunkwe destinatarju ta’ deċiżjoni bl-intenzjoni tagħha li tadotta d-deċiżjoni, filwaqt li tistabbilixxi limitu ta’ żmien li matulu d-destinatarju jista’ jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar is-suġġett tad-deċiżjoni, b’kunsiderazzjoni sħiħa tal-urġenza, tal-kumplessità u tal-konsegwenzi potenzjali tal-kwistjoni. Id-dispożizzjoni stipulata fl-ewwel sentenza għandha tapplika mutatis mutandis għar-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17(3).

3. Id-deċiżjonijiet tal-Awtorità għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati.

4. Id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità għandhom jiġu infurmati bir-rimedji legali disponibbli skont dan ir-Regolament.

5. Meta l-Awtorità tkun ħadet deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3) jew l-Artikolu 18(4), hija għandha tirrevedi dik id-deċiżjoni f’intervalli xierqa.

6. L-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li tieħu l-Awtorità skont l-Artikoli 17, 18 jew 19 għandha ssir pubblika. Il-pubblikazzjoni għandha tiddivulga l-identità tal-awtorità kompetenti jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, sakemm din il-pubblikazzjoni ma tkunx f’kunflitt mal-interess leġittimu ta’ dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji jew mal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom jew tkun tista’ tipperikola serjament il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha tal-Unjoni jew parti minnha.”;

(27)L-Artikolu 40 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi emendat kif ġej:

(i)jiddaħħal il-punt (aa) li ġej:

“(aa) il-membri tal-Bord Eżekuttiv fuq bażi full-time msemmija fl-Artikolu 45(1) ma għandux ikollhom vot;”;

(c)    fil-paragrafu 7, jitħassar it-tieni subparagrafu;

(d)    jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:

“8. Meta l-awtorità pubblika nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1(b) ma tkunx responsabbli għall-infurzar tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-membru tal-Bord tas-Superviżuri msemmi f’dak il-punt jista’ jiddeċiedi li jistieden rappreżentant mill-awtorità għall-protezzjoni tal-konsumaturi tal-Istat Membru, li ma għandux ikollu vot. F’każ fejn ir-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-konsumaturi tkun kondiviża minn diversi awtoritajiet fi Stat Membru, dawk l-awtoritajiet għandhom jaqblu dwar rappreżentant komuni.”;

(28)L-Artikolu 41 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 41

Kumitati interni

“Il-Bord tas-Superviżuri jista’ jistabbilixxi kumitati interni għall-kompiti speċifiċi attribwiti lilu. Il-Bord tas-Superviżuri jipprevedi d-delega ta’ ċerti kompiti u deċiżjonijiet definiti b’mod ċar lill-kumitati interni, lill-Bord Eżekuttiv jew lill-President.”;

;

(29)Fl-Artikolu 42, l-ewwel paragrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilhom b’dan ir-Regolament, il-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi u ma għandhom la jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni, minn kwalunkwe gvern ta’ Stat Membru jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor.”;

(30)L-Artikolu 43 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Il-Bord tas-Superviżuri għandu jagħti gwida għall-ħidma tal-Awtorità. Ħlief jekk ikun stabbilit mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, il-linji gwida u d-deċiżjonijiet tal-Awtorità u joħroġ il-pariri msemmija fil-Kapitolu II abbażi ta’ proposta mill-Bord Eżekuttiv.”;

(c)jitħassru l-paragrafi 2 u 3;

(d)fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta, qabel it-30 ta’ Settembru ta’ kull sena, abbażi ta’ proposta mill-Bord Eżekuttiv, il-programm ta’ ħidma tal-Awtorità għas-sena sussegwenti, u għandu jibagħtu għall-finijiet ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.”;

(e)il-paragrafu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5. Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta, abbażi ta’ proposta mill-Bord Eżekuttiv, ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, inkluż dwar il-qadi tad-dmirijiet tal-President, abbażi tal-abbozz ta’ rapport imsemmi fl-Artikolu 53(7) u għandu jibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sal-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.”;

(f)(e)    jitħassar il-paragrafu 8;

(31)L-Artikolu 44 jiġi emendat kif ġej:

(b)fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Il-membri tal-Bord Eżekuttiv fuq bażi full-time u l-President ma għandhomx jivvotaw fuq dawn id-deċiżjonijiet.”;

(c)fil-paragrafu 1, jitħassru t-tielet u r-raba’ subparagrafi;

(d)il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4. Il-membri mingħajr dritt tal-vot u l-osservaturi ma għandhom jipparteċipaw f’ebda diskussjoni fi ħdan il-Bord tas-Superviżuri dwar istituzzjonijiet finanzjarji individwali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 75(3) jew fl-atti msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-President, għall-membri li huma wkoll membri tal-Bord Eżekuttiv u għar-rappreżentant tal-Bank Ċentrali Ewropew innominat mill-Bord Superviżorju tiegħu.”;

(32)fil-Kapitolu III, it-titolu tat-Taqsima 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Bord Eżekuttiv”;

(33)L-Artikolu 45 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 45

Kompożizzjoni

“1. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul mill-President u tliet membri fuq bażi full-time. Il-President għandu jassenja kompiti maniġerjali u ta’ politika definiti b’mod ċar lil kull wieħed mill-membri fuq bażi full-time. Wieħed mill-membri fuq bażi full-time għandu jiġi assenjat responsabbiltà għal kwistjonijiet baġitarji u għal kwistjonijiet li jirrigwardjaw il-programm ta’ ħidma tal-Awtorità (“Membru inkarigat”). Wieħed mill-membri fuq bażi full-time għandu jaġixxi bħala Viċi President u jwettaq il-kompiti tal-President fin-nuqqas tiegħu jew f’każ ta’ impediment raġonevoli, f’konformità ma’ dan ir-Regolament. .

2. Il-membri fuq bażi full-time għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji u l-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja. Il-membri fuq bażi full-time għandu jkollhom esperjenza maniġerjali estensiva. L-għażla għandha tkun ibbażata fuq sejħa miftuħa għall-kandidati, li trid tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li warajha l-Kummissjoni għandha tħejji lista mqassra ta’ kandidati kkwalifikati.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-lista mqassra lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni. Wara l-approvazzjoni ta’ dik il-lista mqassra, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni sabiex jinħatru l-membri tal-Bord Eżekuttiv fuq bażi full-time, inkluż il-Membru inkarigat.

3. Meta membru tal-Bord Eżekuttiv fuq bażi full-time ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 46 jew ikun instab ħati ta’ mġiba ħażina serja, il-Kunsill jista’, fuq proposta mill-Kummissjoni li tkun ġiet approvata mill-Parlament Ewropew, jadotta deċiżjoni sabiex ineħħih mill-kariga.

4. Il-mandat tal-membri fuq bażi full-time għandu jkun ta’ ħames (5) snin u jiġġedded darba. Matul id-disa’ (9) xhur li jippreċedu t-tmiem tal-mandat ta’ ħames (5) snin tal-membru fuq bażi full-time, il-Bord tas-Superviżuri għandu jevalwa:

(a) ir-riżultati miksuba fl-ewwel mandat u l-mod kif inkisbu;

(b) id-dmirijiet u r-rekwiżiti tal-Awtorità fis-snin li ġejjin.

Wara li tqis l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill il-lista tal-membri fuq bażi full-time li jrid ikollhom il-mandat tagħhom imġedded. Abbażi ta’ din il-lista u wara li jikkunsidra l-evalwazzjoni, il-Kunsill jista’ jestendi l-mandat tal-membri fuq bażi full-time.”;

(34)jiddaħħal l-Artikolu 45a li ġej:

“Artikolu 45a

Teħid tad-deċiżjonijiet

1. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord Eżekuttiv għandhom jiġu adottati minn maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Fil-każ ta’ parità, il-President għandu jkollu vot deċiżiv.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv mingħajr id-dritt li jivvota, ħlief fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 63.

3. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta u jippubblika r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

4. Il-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv għandhom jissejħu mill-President fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ wieħed mill-membri tiegħu u għandhom jiġu ppreseduti mill-President.

Il-Bord Eżekuttiv għandu jiltaqa’ qabel kull laqgħa tal-Bord tas-Superviżuri u kull meta l-Bord Eżekuttiv iqis li huwa meħtieġ. Huwa għandu jiltaqa’ mill-inqas ħames darbiet f’sena.

5. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv jistgħu, soġġetti għar-regoli ta’ proċedura, jiġu assistiti minn konsulenti jew esperti. Il-parteċipanti mingħajr id-dritt tal-vot ma għandhom jattendu għal ebda diskussjoni fi ħdan il-Bord Eżekuttiv b’rabta ma’ istituzzjonijiet finanzjarji individwali.”;

(35)jiddaħħal l-Artikolu 45b li ġej:

“Artikolu 45b

Kumitati interni

Il-Bord Eżekuttiv jista’ jistabbilixxi kumitati interni għall-kompiti speċifiċi attribwiti lilu.”;

(36)L-Artikolu 46 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 46

Indipendenza

“Il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn xi entità pubblika jew privata oħra.

La l-Istati Membri, la l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni u lanqas kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor ma għandhom ifittxu li jinfluwenzaw lill-membri tal-Bord Eżekuttiv fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.”;

(37)L-Artikolu 47 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 47

Il-kompiti

1. Il-Bord Eżekuttiv għandu jiżgura li l-Awtorità taqdi l-missjoni tagħha u twettaq il-kompiti assenjati lilha f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Huwa għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta’ avviżi, sabiex jiżgura l-funzjonament tal-Awtorità f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2. Il-Bord Eżekuttiv għandu jipproponi programm ta’ ħidma annwali u pluriennali sabiex jiġi adottat mill-Bord tas-Superviżuri.

3. Il-Bord Eżekuttiv għandu jeżerċita s-setgħat baġitarji tiegħu f’konformità mal-Artikoli 63 u 64.

Għall-finijiet tal-Artikoli 17, 19, 22, 29a, 30, 31a, 32 u 35b sa 35h, il-Bord Eżekuttiv għandu jkun kompetenti sabiex jaġixxi u jieħu deċiżjonijiet. Il-Bord Eżekuttiv għandu jżomm lill-Bord tas-Superviżuri informat bid-deċiżjonijiet meħuda.

3a. Il-Bord Eżekuttiv għandu jeżamina, jagħti opinjoni u jagħmel proposti dwar il-kwistjonijiet kollha li jridu jiġu deċiżi mill-Bord tas-Superviżuri.

4. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta l-pjan ta’ politika tal-Awtorità dwar il-persunal u, skont l-Artikolu 68(2), il-miżuri ta’ implimentazzjoni meħtieġa tar-Regolamenti dwar il-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (“ir-Regolamenti dwar il-Persunal”).

5. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta d-dispożizzjonijiet speċjali dwar id-dritt tal-aċċess għad-dokumenti tal-Awtorità, f’konformità mal-Artikolu 72.

6. Il-Bord Eżekuttiv għandu jipproponi rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, inkluż dwar id-dmirijiet tal-President, abbażi tal-abbozz ta’ rapport imsemmi fl-Artikolu 53(7) tal-Bord tas-Superviżuri għall-approvazzjoni.

7. Il-Bord Eżekuttiv għandu jaħtar u jneħħi l-membri tal-Bord tal-Appell f’konformità mal-Artikolu 58(3) u (5).

8. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jagħmlu pubbliċi l-laqgħat kollha organizzati u kwalunkwe ospitalità riċevuta. L-ispejjeż għandhom jiġu rreġistrati pubblikament f’konformità mar-Regolamenti dwar il-Persunal.

9. Il-Membru inkarigat għandu jkollu l-kompiti speċifiċi li ġejjin:

(a) li jimplimenta l-programm ta’ ħidma annwali tal-Awtorità taħt il-gwida tal-Bord tas-Superviżuri u taħt il-kontroll tal-Bord Eżekuttiv;

(b) li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta’ avviżi, sabiex jiżgura l-funzjonament tal-Awtorità f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(c) li jħejji programm ta’ ħidma pluriennali, kif imsemmi fl-Artikolu 47(2);

(d) li jħejji programm ta’ ħidma sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena għas-sena ta’ wara, kif imsemmi fl-Artikolu 47(2);

(e) li jfassal abbozz ta’ baġit preliminari tal-Awtorità skont l-Artikolu 63 u li jimplimenta l-baġit tal-Awtorità skont l-Artikolu 64;

(f) li jħejji abbozz ta’ rapport annwali li jkun jinkludi taqsima dwar l-attivitajiet regolatorji u superviżorji tal-Awtorità u taqsima dwar il-kwistjonijiet finanzjarji u amministrattivi;

(g) li jeżerċita s-setgħat stipulati fl-Artikolu 68 fir-rigward tal-persunal tal-Awtorità u li jiġġestixxi l-kwistjonijiet relatati mal-persunal.”;

(38)L-Artikolu 48 jiġi emendat kif ġej:

(b)    fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-President għandu jkun responsabbli mit-tħejjija tal-ħidma tal-Bord tas-Superviżuri u għandu jippresiedi l-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri u tal-Bord Eżekuttiv.”;

(c)    il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. Il-President għandu jintgħażel fuq il-bażi tal-mertu, tal-ħiliet, tal-għarfien tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji u tal-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja, wara sejħa miftuħa għall-kandidati li trid tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lista mqassra ta’ kandidati għall-pożizzjoni tal-President lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni. Wara l-approvazzjoni ta’ dik il-lista mqassra, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni sabiex jaħtar il-President.

Meta l-President ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 49 jew ikun instab ħati ta’ mġiba ħażina serja, il-Kunsill jista’, fuq proposta mill-Kummissjoni li tkun ġiet approvata mill-Parlament Ewropew, jadotta deċiżjoni sabiex ineħħih mill-kariga.”;

(d)    fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkunsidra l-evalwazzjoni, jista’ jestendi l-mandat tal-President darba.”;

(e)    jitħassar il-paragrafu 5;

(39)jiddaħħal l-Artikolu 49a li ġej:

“Artikolu 49a

Spejjeż

“Il-President għandu jippubblika l-laqgħat kollha organizzati u kwalunkwe ospitalità riċevuta. L-ispejjeż għandhom jiġu rreġistrati pubblikament f’konformità mar-Regolamenti dwar il-Persunal.”;

(40)jitħassru l-Artikoli 51, 52 u 53;

(41)fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 54,    jiżdied l-inċiż li ġej:

“ — kwistjonijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri;” ;

(42)fl-Artikolu 55, il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. Membru wieħed tal-Bord Eżekuttiv, il-Membru inkarigat f’konformità mal-Artikolu 47(8a), ir-rappreżentant tal-Kummissjoni u l-BERS għandhom jiġu mistiedna għal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, kif ukoll ta’ kwalunkwe wieħed mis-Sottokumitati msemmija fl-Artikolu 57, bħala osservaturi.”;

(43)L-Artikolu 58 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3. Żewġ membri tal-Bord tal-Appell u żewġ membri supplenti għandhom jinħatru mill-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità minn lista mqassra proposta mill-Kummissjoni, wara sejħa pubblika għall-espressjonijiet ta’ interess ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u wara konsultazzjoni tal-Bord tas-Superviżuri.”;

(c)il-paragrafu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5. Membru tal-Bord tal-Appell maħtur mill-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità ma għandux jitneħħa matul il-mandat tiegħu, sakemm ma jkunx instab ħati ta’ mġiba ħażina serja u l-Bord Eżekuttiv jieħu deċiżjoni għal dak il-għan wara li jkun ikkonsulta mal-Bord tas-Superviżuri.”;

(44)fl-Artikolu 59, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom ikunu indipendenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. Huma ma għandhom ikunu marbutin b’ebda struzzjoni. Huma ma għandhom iwettqu ebda dmir ieħor fir-rigward tal-Awtorità, tal-Bord Eżekuttiv tagħha jew tal-Bord tas-Superviżuri tagħha.”;

(45)fl-Artikolu 60, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-awtoritajiet kompetenti, jistgħu jappellaw kontra deċiżjoni tal-Awtorità msemmija fl-Artikoli 17, 18, 19 u 35 u kontra kwalunkwe deċiżjoni oħra meħuda mill-Awtorità f’konformità mal-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) li tkun indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta’ deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, hija ta’ tħassib dirett u individwali għal dik il-persuna.”;

(46)L-Artikolu 62 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Id-dħul tal-Awtorità għandu jikkonsisti, mingħajr preġudizzju għal tipi oħrajn ta’ dħul, fi kwalunkwe kombinazzjoni ta’ dawn li ġejjin:

(a) kontribuzzjoni ta' bilanċ mill-Unjoni, imdaħħla fil-Baġit Ġenerali tal-Unjoni (taqsima dwar il-Kummissjoni), li ma għandhiex taqbeż 40 % tad-dħul proġettat tal-Awtorità;

(b) kontribuzzjonijiet annwali mill-istituzzjonijiet finanzjarji, abbażi tan-nefqa proġettata annwali relatata mal-attivitajiet rikjesti minn dan ir-Regolament u mill-Atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) għal kull kategorija ta’ parteċipanti fi ħdan il-mandat tal-Awtorità;

(c) kwalunkwe tariffa mħallsa lill-Awtorità fil-każijiet speċifikati fl-istrumenti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

(d) kwalunkwe kontribuzzjoni volontarja minn Stati Membri jew osservaturi;

(e) ħlasijiet għal pubblikazzjonijiet, taħriġ u għal kwalunkwe servizz ieħor mitlub mill-awtoritajiet kompetenti.”;

(c)jiżdiedu l-paragrafi 5 u 6 li ġejjin:

“5. Il-kontribuzzjonijiet annwali msemmija fil-paragrafu 1(b) għandhom jinġabru kull sena mingħand istituzzjonijiet finanzjarji individwali mill-awtoritajiet innominati minn kull Stat Membru. Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena finanzjarja, kull Stat Membru għandu jħallas lill-Awtorità l-ammont li huwa mitlub li jiġbor f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-att delegat imsemmi fl-Artikolu 62a.

6. Il-kontribuzzjonijiet volontarji minn Stati Membri u osservaturi msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1 ma għandhomx jiġu aċċettati jekk tali aċċettazzjoni tqajjem dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awtorità.”;

(47)jiddaħħal l-Artikolu 62a li ġej:

“Artikolu 62a

Atti delegati dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali mill-istituzzjonijiet finanzjarji

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’konformità mal-Artikolu 75a, li tadotta atti delegati li jiddeterminaw kif għandhom jiġu kkalkolati l-kontribuzzjonijiet annwali mill-istituzzjonijiet finanzjarji individwali msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 62, filwaqt li jistabbilixxu dawn li ġejjin:

(a) metodoloġija għall-allokazzjoni tan-nefqa proġettata għal kategoriji ta’ istituzzjonijiet finanzjarji bħala bażi għad-determinazzjoni tas-sehem ta’ kontribuzzjonijiet li jridu jsiru mill-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ kull kategorija;

(b) kriterji xierqa u oġġettivi għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet annwali li jridu jitħallsu minn istituzzjonijiet finanzjarji individwali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) abbażi tad-daqs tagħhom sabiex ikunu jirriflettu b’mod approssimattiv l-importanza tagħhom fis-suq.

Il-kriterji msemmija fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu jistgħu jistabbilixxu jew limiti stabbiliti de minimis li taħthom ma tkun dovuta ebda kontribuzzjoni jew inkella livelli minimi li taħthom ma għandhomx jaqgħu l-kontribuzzjonijiet.”;

(48)L-Artikolu 63 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 63

Stabbiliment tal-baġit

1. Kull sena, il-Membru inkarigat għandu jfassal abbozz provviżorju tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni tal-Awtorità għat-tliet snin finanzjarji ta’ wara, li jistabbilixxi d-dħul u n-nefqa proġettati, kif ukoll informazzjoni dwar il-persunal, mill-programmazzjoni annwali u pluriennali tiegħu u jibagħtu lill-Bord Eżekuttiv u lill-Bord tas-Superviżuri, flimkien mal-pjan ta’ stabbiliment.

1a. Il-Bord Eżekuttiv għandu, abbażi tal-abbozz li kien approvat mill-Bord tas-Superviżuri, jadotta l-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni għat-tliet snin finanzjarji ta’ wara.

1b. L-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni għandu jintbagħat mill-Bord Eżekuttiv lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta’ Jannar.

2.    Abbażi tal-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit tal-Unjoni l-estimi li tqis li jkunu meħtieġa fir-rigward tal-pjan ta’ stabbiliment u l-ammont tal-kontribuzzjoni ta' bilanċ li għandu jitħallas lill-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 313 u 314 tat-Trattat.

3.    L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan ta’ stabbiliment għall-Awtorità. L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni ta' bilanċ lill-Awtorità.

4. Il-baġit tal-Awtorità għandu jiġi adottat mill-Bord tas-Superviżuri. Huwa għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn neċessarju, huwa għandu jiġi aġġustat kif xieraq.

5. Il-Bord Eżekuttiv għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lill-awtorità baġitarja bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista’ jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-baġit tiegħu, b’mod partikolari kwalunkwe proġett li jkollu x’jaqsam mal-proprjetà, bħall-kiri jew ix-xiri ta’ bini.”;

(49)L-Artikolu 64 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 64

L-implimentazzjoni u l-kontroll tal-baġit

1. Il-Membru inkarigat għandu jaġixxi bħala uffiċjal awtorizzanti u għandu jimplimenta l-baġit tal-Awtorità.

2. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

3. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat, sal-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, l-informazzjoni kontabilistika meħtieġa għall-finijiet ta’ konsolidazzjoni lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, bil-mod u fil-format stabbiliti minn dak l-uffiċjal tal-kontabilità.

4. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-membri tal-Bord tas-Superviżuri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

5. Wara li jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 148 tar-Regolament Finanzjarju, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Awtorità. Il-Membru inkarigat għandu jibgħathom lill-Bord tas-Superviżuri, li għandu jagħti opinjoni dwar dawn il-kontijiet.

6. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat il-kontijiet finali, akkumpanjati mill-opinjoni tal-Bord tas-Superviżuri, sal-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara, lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Qorti tal-Awdituri.

L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat ukoll, sal-1 ta’ Lulju, pakkett tar-rapporti lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, f’format standardizzat kif stabbilit mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ konsolidazzjoni.

7. Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara.

8. Il-Membru inkarigat għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti tal-Awdituri għall-osservazzjonijiet ta’ din tal-aħħar sat-30 ta’ Settembru. Huwa għandu jibgħat ukoll kopja ta’ dik it-tweġiba lill-Bord Eżekuttiv u lill-Kummissjoni.

9. Il-Membru inkarigat għandu jibgħat lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta’ dan tal-aħħar u kif previst fl-Artikolu 165(3) tar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe informazzjoni li tkun meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni.

10. Il-Parlament Ewropew, wara rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lill-Awtorità għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja N.”;

(50)L-Artikolu 65 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 65

Regoli finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Awtorità għandhom jiġu adottati mill-Bord Eżekuttiv wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawk ir-regoli ma jistgħux jitbiegħdu mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013* għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, sakemm il-ħtiġijiet operattivi speċifiċi għall-funzjonament tal-Awtorità ma jkunux jirrikjedu dan u biss bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

*Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).”;

(51)fl-Artikolu 66, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* għandu japplika għall-Awtorità mingħajr ebda restrizzjoni.

*Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).”;

(52)L-Artikolu 68 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafi 1 u 2 jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1. Ir-Regolamenti dwar il-Persunal, il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Uffiċjali Oħrajn u r-regoli adottati b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-fini tal-applikazzjoni tagħhom għandhom japplikaw għall-persunal tal-Awtorità, inklużi l-membri tal-Bord Eżekuttiv fuq bażi full-time u l-President tagħha.    

2. Il-Bord Eżekuttiv, bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni meħtieġa, f’konformità mal-arranġamenti previsti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti dwar il-Persunal.”;

(c)il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta dispożizzjonijiet sabiex l-esperti nazzjonali minn Stati Membri jkunu jistgħu jiġu ssekondati lill-Awtorità.”;

(53)L-Artikolu 70 jiġi emendat kif ġej:

(b)l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Il-membri tal-Bord tas-Superviżuri u l-membri tal-persunal kollha tal-Awtorità, inklużi l-uffiċjali li jiġu ssekondati mill-Istati Membri fuq bażi temporanja u l-persuni l-oħrajn kollha li jwettqu kompiti għall-Awtorità fuq bażi kuntrattwali, għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 339 tat-TFUE u d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, anki wara li jkunu ntemmu dmirijiethom.”;

(c)fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Barra minn hekk, l-obbligu skont il-paragrafu 1 u l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux iżomm lill-Awtorità u lill-awtoritajiet kompetenti milli jużaw l-informazzjoni għall-infurzar tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) u, b’mod partikolari, għall-proċeduri legali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet.”;

(d)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a. Il-Bord Eżekuttiv u l-Bord tas-Superviżuri għandhom jiżguraw li l-individwi li jipprovdu kwalunkwe servizz, direttament jew indirettament, b’mod permanenti jew okkażjonali, fir-rigward tal-kompiti tal-Awtorità, inklużi uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-Bord Eżekuttiv u mill-Bord tas-Superviżuri jew maħtura mill-awtoritajiet kompetenti għal dak l-iskop, ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali ekwivalenti għal dawk fil-paragrafi preċedenti.

L-istess rekwiżiti għas-segretezza professjonali għandhom japplikaw ukoll għall-osservaturi li jattendu l-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv u tal-Bord tas-Superviżuri li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Awtorità.”;

(e)fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx iżommu lill-Awtorità milli tiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament u ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji.”;

(54)L-Artikolu 71 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-ipproċessar tad-data personali tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2016/679 jew għall-obbligi tal-Awtorità relatati mal-ipproċessar tad-data personali tagħha skont ir-Regolament (UE) Nru 2018/XXX (ir-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data għall-Istituzzjonijiet u l-Korpi tal-UE) waqt il-qadi tar-responsabbiltajiet tagħha.”;

(55)fl-Artikolu 72, il-paragrafu 2 jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“2. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta miżuri prattiċi għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.”;

(56)fl-Artikolu 73, il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. Il-Bord Eżekuttiv għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti lingwistiċi interni għall-Awtorità.”;

(57)fl-Artikolu 74, l-ewwel paragrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li trid tiġi pprovduta għall-Awtorità fl-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede tagħha u l-faċilitajiet li għandhom ikunu disponibbli minn dak l-Istat Membru, kif ukoll ir-regoli speċifiċi applikabbli f’dak l-Istat Membru għall-persunal tal-Awtorità u għall-membri tal-familji tagħhom għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn l-Awtorità u dak l-Istat Membru konkluż wara li tkun inkisbet l-approvazzjoni tal-Bord Eżekuttiv.”;

(58)jiddaħħal l-Artikolu 75a li ġej:

“Artikolu 75a

Eżerċitar tad-delega

1. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-atti delegati soġġetta għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 35c u fl-Artikolu 62a għandha tingħata għal perjodu ta’ żmien indeterminat.

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 35c u fl-Artikolu 62a tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4.    Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 35c jew l-Artikolu 62a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(59)L-Artikolu 76 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 76

Ir-relazzjoni mas-CEIOPS

L-Awtorità għandha titqies bħala s-suċċessur legali tas-CEIOPS. Sad-data tal-istabbiliment tal-Awtorità, l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha u l-operazzjonijiet kollha pendenti tas-CEIOPS għandhom jiġu ttrasferiti awtomatikament lill-Awtorità. Is-CEIOPS għandu jistabbilixxi dikjarazzjoni li turi s-sitwazzjoni fl-għeluq tal-assi u l-obbligazzjonijiet tiegħu sa mid-data ta’ dak it-trasferiment. Dik id-dikjarazzjoni għandha tiġi vverifikata u approvata mis-CEIOPS u mill-Kummissjoni.”

(60)jiddaħħal Artikolu 77a il-ġdid:

Artikolu 77a

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Il-kompiti u l-pożizzjoni tad-Direttur Eżekuttiv maħtur f’konformità mar-Regolament Nru 1094/2010 kif emendat l-aħħar mid-Direttiva 2014/51/UE u fil-kariga tiegħu fi [PO: jekk jogħġbok daħħal id-data ta' tliet (3) xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] għandhom jieqfu f’dik id-data.

Il-kompiti u l-pożizzjoni tal-President maħtur f’konformità mar-Regolament Nru 1094/2010 kif emendat l-aħħar mid-Direttiva 2014/51/UE u fil-kariga tiegħu fi [PO: jekk jogħġbok daħħal id-data ta' tliet (3) xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] għandhom ikomplu sal-iskadenza tad-data.

Il-kompiti u l-pożizzjoni tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija maħtura f’konformità mar-Regolament Nru 1094/2010 kif emendat l-aħħar mid-Direttiva 2014/51/UE u fil-kariga tagħhom fi [PO: jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 3 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] għandhom jieqfu f’dik id-data.”.

Artikolu 3

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1095/2010

Ir-Regolament (UE) 1095/2010 jiġi emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 1 jiġi emendat kif ġej:

(b)    il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Awtorità għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha b’dan ir-Regolament u fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/9/KE, tad-Direttiva 98/26/KE, tad-Direttiva 2001/34/KE, tad-Direttiva 2002/47/KE, tad-Direttiva 2003/71/KE, tad-Direttiva 2004/39/KE, tad-Direttiva 2004/109/KE, tad-Direttiva 2009/65/KE, tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, tar-Regolament 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**, tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*** u tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u, safejn dawn l-atti japplikaw għad-ditti li jipprovdu servizzi ta’ investiment jew għall-impriżi ta’ investiment kollettiv li jikkummerċjalizzaw l-unitajiet jew l-ishma tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljawhom, fi ħdan il-partijiet rilevanti tad-Direttiva 2002/87/KE, tad-Direttiva (UE) 2015/849, tad-Direttiva 2002/65/KE, inklużi d-direttivi, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawk l-atti, u ta’ kwalunkwe att tal-Unjoni legalment vinkolanti ieħor li jikkonferixxi kompiti fuq l-Awtorità.

* Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

**Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).

***Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).”;

(c)    jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a. Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal atti tal-Unjoni oħrajn li jagħtu l-funzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni jew superviżjoni u s-setgħat korrispondenti lill-Awtorità.”;

(2)fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 2 jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:    

“Ir-referenzi għas-superviżjoni f’dan ir-Regolament jinkludu l-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti kollha li jridu jitwettqu skont l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

(3)fil-punt (3) tal-Artikolu 4, il-punt (ii) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(ii) fir-rigward tad-Direttivi 2002/65/KE u (UE) 2015/849, l-awtoritajiet kompetenti sabiex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dawk id-Direttivi mill-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ investiment u mill-impriżi ta’ investiment kollettiv li jikkummerċjalizzaw l-unitajiet jew l-ishma tagħhom;”;

(4)L-Artikolu 6 jiġi emendat kif ġej:

(b)    il-punt (2) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(2) Bord Eżekuttiv, li għandu jeżerċita l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 47;”;

(c)    jitħassar il-punt (4);

(5)L-Artikolu 8 jiġi emendat kif ġej:

(b)    il-paragrafu 1 jiġi emendat kif ġej:

(i) jiddaħħal il-punt (aa) li ġej:

“(aa) li tiżviluppa u żżomm aġġornat manwal superviżorju tal-Unjoni dwar is-superviżjoni tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji fl-Unjoni;”;

(ii)il-punti (e) u (f) jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(e) li torganizza u twettaq rieżamijiet tal-awtoritajiet kompetenti u, f’dak il-kuntest, li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet u li tidentifika l-aħjar prattiki, bl-għan li tissaħħaħ il-konsistenza fl-eżiti superviżorji;

(f) li tissorvelja u tivvaluta l-iżviluppi tas-suq fil-qasam tal-kompetenzi tagħha, inklużi, fejn rilevanti, l-iżviluppi relatati max-xejriet fis-servizzi finanzjarji innovattivi;”;

(iii)il-punt (h) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(h) li trawwem il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri;”;

(iv)jitħassar il-punt (l);

(c)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. “Meta twettaq il-kompiti tagħha f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-awtorità għandha tqis l-innovazzjoni teknoloġika, il-mudelli kummerċjali innovattivi u sostenibbli u l-integrazzjoni tal-fatturi ambjentali, soċjali u dawk relatati mal-governanza.”;

(d)fil-paragrafu 2, jiġu emendati dawn li ġejjin:

(i) jiddaħħal il-punt (ca):

“(c) toħroġ rakkomandazzjonijiet kif stipulat fl-Artikoli 29a u 31a;”;

(ii) il-punt (h) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(h) tiġbor l-informazzjoni meħtieġa dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji kif previst fl-Artikolu 35 u fl-Artikolu 35b”;

(e)jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3. Meta twettaq il-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 u meta teżerċita s-setgħat imsemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità għandha tikkunsidra debitament il-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, inklużi r-riżultati tal-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji ġġenerati f’konformità ma’ dan ir-Regolament.”;

(6)L-Artikolu 9 jiġi emendat kif ġej:

(b)fil-paragrafu 1, jiddaħħlu l-punti (aa) u (ab) li ġejjin:

“(aa) it-twettiq ta’ rieżamijiet tematiċi fil-fond tal-imġiba tas-suq u l-bini ta’ fehim komuni tal-prattiki tas-suq sabiex jiġu identifikati l-problemi potenzjali u jiġi analizzat l-impatt tagħhom;

(ab) l-iżvilupp ta’ indikaturi tar-riskju fil-livell tal-konsumaturi għall-identifikazzjoni f’waqtha tal-kawżi potenzjali ta’ detriment għall-konsumaturi u għall-investituri;”;

(c)    il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Awtorità għandha tissorvelja l-attivitajiet finanzjarji ġodda u eżistenti u tista’ tadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet bl-għan li tippromwovi s-sikurezza u s-saħħa tas-swieq u l-konverġenza tal-prattiki superviżorji u regolatorji.”;

(d)    il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4. L-Awtorità għandha tistabbilixxi, bħala parti integrali mill-Awtorità, Kumitat għall-innovazzjoni finanzjarja, li jiġbor flimkien l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti rilevanti kollha u l-awtoritajiet responsabbli għall-protezzjoni tal-konsumaturi bl-għan li jinkiseb approċċ ikkoordinat għat-trattament regolatorju u superviżorju ta’ attivitajiet finanzjarji ġodda jew innovattivi u jipprovdi pariri biex l-Awtorità tippreżentahom lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. L-Awtorità tista’ tinkludi wkoll l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data bħala parti mill-Kumitat.”;

(7)L-Artikolu 16 jiġi emendat kif ġej:

(b)fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Awtorità tista’ tindirizza wkoll linji gwida u rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet tal-Istati Membri li mhumiex definiti bħala awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament, iżda li huma awtorizzati sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

(c)    il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Awtorità għandha, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa rigward il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet li hija toħroġ u għandha tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati tal-ħruġ ta’ tali linji gwida u rakkomandazzjonijiet. Dawk il-konsultazzjonijiet u l-analiżijiet għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, in-natura u l-impatt tal-linji gwida jew tar-rakkomandazzjonijiet. L-Awtorità għandha, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, titlob ukoll opinjonijiet jew pariri mill-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq imsemmi fl-Artikolu 37.”;

(d)fil-paragrafu 4, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Ir-rapport għandu jispjega wkoll kif l-Awtorità ġġustifikat il-ħruġ tal-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet tagħha u jiġbor fil-qosor ir-rispons mill-konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa.”;

(e)jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5. Meta żewġ terzi tal-membri tal-Grupp ta’ Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq ikunu tal-opinjoni li l-Awtorità qabżet il-kompetenza tagħha permezz tal-ħruġ ta’ ċerti linji gwida jew rakkomandazzjonijiet, huma jistgħu jibagħtu opinjoni motivata lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha titlob spjegazzjoni li tiġġustifika l-ħruġ tal-linji gwida jew tar-rakkomandazzjonijiet ikkonċernati mill-Awtorità. Il-Kummissjoni għandha, malli tirċievi l-ispjegazzjoni mill-Awtorità, tivvaluta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida jew tar-rakkomandazzjonijiet fid-dawl tal-kompetenza tal-Awtorità. Meta l-Kummissjoni tqis li l-Awtorità qabżet il-kompetenza tagħha u wara li tkun tat lill-Awtorità l-opportunità li tiddikjara l-fehmiet tagħha, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li titlob lill-Awtorità tirtira l-linji gwida jew ir-rakkomandazzjonijiet ikkonċernati. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha ssir pubblika.”;

(8)fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 17, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat stipulati fl-Artikolu 35, l-Awtorità tista’ tindirizza talba debitament ġustifikata u motivata għall-informazzjoni direttament lil awtoritajiet kompetenti oħrajn jew lill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji rilevanti, kull meta titqies bħala neċessarja għall-fini tal-investigazzjoni ta’ allegat ksur jew nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Meta tiġi indirizzata lill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, it-talba motivata għandha tispjega għaliex l-informazzjoni hija meħtieġa għall-finijiet tal-investigazzjoni ta’ allegat ksur jew nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

Id-destinatarju ta’ talba bħal din għandu jipprovdi lill-Awtorità b’informazzjoni ċara, preċiża u kompleta mingħajr dewmien bla bżonn.

Meta tkun ġiet indirizzata talba għal informazzjoni lil parteċipant fis-swieq finanzjarji, l-Awtorità għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti dwar tali talba. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħinu lill-Awtorità fil-ġbir tal-informazzjoni, meta huma jintalbu jagħmlu dan mill-Awtorità.”;

(9)L-Artikolu 19 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Fil-każijiet speċifikati fl-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) u mingħajr preġudizzju għas-setgħat stipulati fl-Artikolu 17, l-Awtorità tista’ tgħin lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jilħqu ftehim f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 4 f’waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)    fuq talba ta’ waħda jew aktar mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati meta awtorità kompetenti ma taqbilx mal-proċedura jew mal-kontenut ta’ azzjoni, azzjoni proposta jew inattività ta’ awtorità kompetenti oħra;

(b)    fuq inizjattiva tagħha stess meta, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, ikun jista’ jiġi stabbilit nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti.

F’każijiet fejn l-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) jesiġu li tittieħed deċiżjoni konġunta mill-awtoritajiet kompetenti, għandu jkun preżunt nuqqas ta’ qbil fin-nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjoni konġunta minn dawk l-awtoritajiet fil-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dawk l-atti;”;

(c)jiddaħħlu l-paragrafi 1a u 1b li ġejjin:

“1a. Fil-każijiet li ġejjin, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità, mingħajr dewmien, li ma ntlaħaq ebda ftehim:

(a)    meta jkun ġie previst limitu ta’ żmien sabiex jintlaħaq ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), u meta jseħħ l-aktar kmieni minn fost dawn li ġejjin:

(i) il-limitu ta’ żmien ikun skada;

(ii) waħda jew aktar mill-awtoritajiet kompetenti jikkonkludu li jeżisti nuqqas ta’ ftehim fuq il-bażi ta’ fatturi oġġettivi;

(b)    meta ma jkun ġie previst ebda limitu ta’ żmien sabiex jintlaħaq ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) u meta jseħħ l-aktar kmieni minn fost dawn li ġejjin:

(i)    waħda jew aktar mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jikkonkludu li jeżisti nuqqas ta’ ftehim fuq il-bażi ta’ fatturi oġġettivi; jew

(ii)    ikunu għaddew xahrejn mid-data li fiha awtorità kompetenti rċeviet talba minn awtorità kompetenti oħra sabiex tieħu ċerta azzjoni bil-għan li tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni u l-awtorità rikjesta tkun għadha ma adottat ebda deċiżjoni li tissodisfa t-talba.

1b. Il-President għandu jivvaluta jekk l-Awtorità għandhiex taġixxi f’konformità mal-paragrafu 1. Meta l-intervent ikun fuq l-inizjattiva proprja tal-Awtorità, din tal-aħħar għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati bid-deċiżjoni tagħha rigward l-intervent.

Sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-Awtorità f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 47(3a), f’każijiet fejn l-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) jesiġu li tittieħed deċiżjoni konġunta, l-awtoritajiet kompetenti kollha involuti fid-deċiżjoni konġunta għandhom jiddiferixxu d-deċiżjonijiet individwali tagħhom. Meta l-Awtorità tiddeċiedi li taġixxi, l-awtoritajiet kompetenti kollha involuti fid-deċiżjoni konġunta għandhom jiddiferixxu d-deċiżjonijiet tagħhom sakemm tiġi konkluża l-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 u 3.”;

(d)il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Meta l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jonqsu milli jilħqu ftehim matul il-fażi ta’ konċiljazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità tista’ tieħu deċiżjoni li tesiġi li dawk l-awtoritajiet jieħdu azzjoni speċifika jew joqogħdu lura minn ċerta azzjoni sabiex isolvu l-kwistjoni, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni. Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha torbot lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. Id-deċiżjoni tal-Awtorità tista’ tesiġi li l-awtoritajiet kompetenti jirrevokaw jew jemendaw deċiżjoni li jkunu adottaw jew jagħmlu użu mis-setgħat li huma jkollhom skont id-dritt tal-Unjoni rilevanti.”;

(e)jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a. L-Awtorità għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati dwar il-konklużjoni tal-proċeduri skont il-paragrafi 2 u 3, flimkien ma’, fejn applikabbli, id-deċiżjoni tagħha meħuda skont il-paragrafu 3.”;

(f)il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 tat-Trattat, meta awtorità kompetenti ma tikkonformax mad-deċiżjoni tal-Awtorità u, b’hekk, tonqos milli tiżgura li parteċipant fis-swieq finanzjarji jikkonforma mar-rekwiżiti li japplikaw direttament għalih bis-saħħa tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2), l-Awtorità tista’ tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil parteċipant fis-swieq finanzjarji li titolbu jieħu l-azzjoni meħtieġa sabiex jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni, inkluż il-waqfien minn kwalunkwe prattika.”;

(10)fl-Artikolu 22(4), it-tieni subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Għal dawk il-finijiet, l-Awtorità tista’ tuża s-setgħat mogħtija lilha skont dan ir-Regolament, inkluż l-Artikolu 35 u 35b.”;

(11)L-Artikolu 29 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi emendat kif ġej:

(i) jiddaħħal il-punt (aa) li ġej:

“(aa) li toħroġ il-Pjan Superviżorju Strateġiku f’konformità mal-Artikolu 29a;”:

(ii) il-punt (b) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(b) li tippromwovi skambju bilaterali u multilaterali effettiv ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, li tkun tappartjeni għall-kwistjonijiet rilevanti kollha, inklużi ċ-ċibersigurtà u l-attakki ċibernetiċi, kif xieraq, b’rispett sħiħ għad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data previsti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni;”;

(iii) il-punt (e) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(e) li tistabbilixxi programmi ta’ taħriġ settorjali u trans-settorjali, inkluż fir-rigward tal-innovazzjoni teknoloġika, tiffaċilita skambji tal-persunal u tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jintensifikaw l-użu ta’ skemi tal-issekondar u għodod oħrajn;”;

(c)fil-paragrafu 2 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Bl-għan li tiġi stabbilita kultura superviżorja komuni, l-Awtorità għandha tiżviluppa u taġġorna manwal superviżorju tal-Unjoni dwar is-superviżjoni tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji fl-Unjoni, filwaqt li tqis, fost l-oħrajn, il-prattiki kummerċjali li qegħdin jinbidlu u l-mudelli kummerċjali tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, inkluż minħabba l-innovazzjoni teknoloġika. Il-manwal superviżorju tal-Unjoni għandu jistabbilixxi l-aħjar prattiki superviżorji u metodoloġiji u proċessi ta’ kwalità għolja.”;

(12)jiddaħħal l-Artikolu 29a li ġej:

“Artikolu 29a

Pjan Superviżorju Strateġiku

1. Mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament [XXX daħħal referenza għar-Regolament emendatorju] u kull tliet snin minn hemm ’il quddiem sal-31 ta’ Marzu, l-Awtorità għandha toħroġ rakkomandazzjoni indirizzata lill-awtoritajiet kompetenti, li tistabbilixxi objettivi u prijoritajiet strateġiċi superviżorji (“Pjan Superviżorju Strateġiku”) u wara li tikkunsidra kwalunkwe kontribuzzjoni mill-awtoritajiet kompetenti. L-Awtorità għandha tibgħat il-Pjan Superviżorju Strateġiku għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u għandha tippubblikah fuq is-sit web tagħha.

Il-Pjan Superviżorju Strateġiku għandu jidentifika prijoritajiet speċifiċi għall-attivitajiet superviżorji sabiex jippromwovi prassi superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi u l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tad-dritt tal-Unjoni u sabiex jindirizza x-xejriet mikroprudenzjali rilevanti, ir-riskji potenzjali u l-vulnerabbiltajiet identifikati f’konformità mal-Artikolu 32.

2. Sat-30 ta’ Settembru ta’ kull sena, kull awtorità kompetenti għandha tissottometti abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali għas-sena ta’ wara lill-Awtorità għal kunsiderazzjoni u tistipula speċifikament kif l-abbozz ta’ programm huwa allinjat mal-Pjan Superviżorju Strateġiku.

L-abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali għandu jinkludi objettivi u prijoritajiet speċifiċi għall-attivitajiet superviżorji u kriterji kwalitattivi u kwantitattivi għall-għażla tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, il-prattiki u l-imġibiet tas-suq u s-swieq finanzjarji li jridu jiġu eżaminati mill-awtorità kompetenti li tissottometti l-abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali matul is-sena koperta minn dak il-programm.

3. L-Awtorità għandha tivvaluta l-abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali u, meta jkun hemm riskji materjali sabiex ma jintlaħqux il-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan Superviżorju Strateġiku, l-Awtorità għandha toħroġ rakkomandazzjoni lill-awtorità kompetenti rilevanti li timmira għall-allinjament tal-programm ta’ ħidma annwali tal-awtorità kompetenti rilevanti mal-Pjan Superviżorju Strateġiku.

Sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw il-programmi ta’ ħidma annwali tagħhom, filwaqt li jqisu kwalunkwe rakkomandazzjonijiet bħal dawn.

4. Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, kull awtorità kompetenti għandha tibgħat lill-Awtorità rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali.

Ir-rapport għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)    deskrizzjoni tal-attivitajiet superviżorji u eżamijiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji, tal-prattiki u l-imġibiet tas-swieq finanzjarji u tal-miżuri amministrattivi u s-sanzjonijiet imposti kontra l-istituzzjonijiet finanzjarji responsabbli għall-ksur tal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni;

(b)    deskrizzjoni tal-attivitajiet li twettqu u li ma kinux previsti fil-programm ta’ ħidma annwali;

(c)    rendikont tal-attivitajiet previsti fil-programm ta’ ħidma annwali li ma twettqux u tal-objettivi ta’ dak il-programm li ma ntlaħqux, kif ukoll tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawk l-attivitajiet u lħuq ta’ dawk l-objettivi.

5. L-Awtorità għandha tivvaluta r-rapporti ta’ implimentazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Meta jkun hemm riskji materjali li ma jkunux se jinkisbu l-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan Superviżorju Strateġiku, l-Awtorità għandha toħroġ rakkomandazzjoni lil kull awtorità kompetenti kkonċernata dwar kif jistgħu jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet rilevanti fl-attivitajiet tagħha.

Abbażi tar-rapporti u l-valutazzjoni tagħha tar-riskji, l-Awtorità għandha tidentifika l-attivitajiet tal-awtorità kompetenti li huma ta’ importanza kritika għall-issodisfar tal-Pjan Superviżorju Strateġiku, u għandha, skont kif xieraq, twettaq rieżamijiet skont l-Artikolu 30 ta’ dawk l-attivitajiet.

6. L-Awtorità għandha tagħmel l-aħjar prassi identifikati matul il-valutazzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali disponibbli għall-pubbliku.”;

(13)L-Artikolu 30 jiġi emendat kif ġej:

(b)it-titolu tal-artikolu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Rieżamijiet tal-awtoritajiet kompetenti”;

(c)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Awtorità għandha, perjodikament, twettaq rieżamijiet ta’ wħud mill-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti, jew tal-attivitajiet kollha kemm huma, sabiex tkompli ssaħħaħ il-konsistenza fl-eżiti superviżorji. Għal dak l-għan, l-Awtorità għandha tiżviluppa metodi li jippermettulha tagħmel valutazzjoni u tqabbil oġġettivi bejn l-awtoritajiet kompetenti riveduti. Waqt it-twettiq tar-rieżamijiet, għandhom jiġu kkunsidrati l-informazzjoni eżistenti u l-evalwazzjonijiet diġà magħmula fir-rigward tal-awtorità kompetenti kkonċernata, inkluża l-informazzjoni kollha pprovduta lill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 35 u kwalunkwe informazzjoni mill-partijiet ikkonċernati.”;

(d)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Awtorità għandha tistabbilixxi kumitat ta’ rieżami, magħmul esklussivament minn persunal mill-Awtorità. L-Awtorità tista’ tiddelega ċerti kompiti jew deċiżjonijiet relatati mar-rieżamijiet tal-awtoritajiet kompetenti lill-kumitat tar-rieżami.”;

(e)il-paragrafu 2 jiġi emendat kif ġej:

(i) is-sentenza introduttorja tiġi sostitwita b’din li ġejja:

“Ir-rieżami għandu jinkludi valutazzjoni ta’, iżda ma għandux ikun limitat għal:”;

(ii) il-punt (a) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(a) l-adegwatezza tar-riżorsi, il-grad ta’ indipendenza u l-arranġamenti ta’ governanza tal-awtorità kompetenti, b’attenzjoni partikolari għall-applikazzjoni effettiva tal-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) u għall-kapaċità li tirrispondi għall-iżviluppi tas-suq;”;

(f)il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3. L-Awtorità għandha tipproduċi rapport li jistabbilixxi r-riżultati tar-rieżami. Dak ir-rapport għandu jispjega u jindika l-miżuri ta’ segwitu li huma previsti bħala riżultat tar-rieżami. Dawk il-miżuri ta’ segwitu jistgħu jiġu adottati fil-forma ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 16 u opinjonijiet skont l-Artikolu 29(1)(a).

F’konformità mal-Artikolu 16(3), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu kull sforz biex jikkonformaw ma’ kwalunkwe linji gwida u rakkomandazzjonijiet maħruġa. Meta l-awtoritajiet kompetenti ma jeħdux azzjoni biex jindirizzaw il-miżuri ta’ segwitu indikati fir-rapport, l-Awtorità għandha toħroġ rapport ta’ segwitu.

Meta tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji jew abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikoli 10 sa 15, jew linji gwida jew rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 16, l-Awtorità għandha tqis l-eżitu tar-rieżamijiet imwettqa f’konformità ma’ dan l-Artikolu, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba mill-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti tagħha, sabiex tiġi żgurata l-konverġenza tal-prassi superviżorji tal-ogħla kwalità.”;

(g)jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a. L-Awtorità għandha tissottometti opinjoni lill-Kummissjoni meta, wara li tkun qieset l-eżitu tar-rieżami jew kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba mill-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti tagħha, hija tqis li tkun meħtieġa l-armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli applikabbli għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jew għall-awtoritajiet kompetenti.”;

(h)il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4. L-Awtorità għandha tippubblika r-rapport imsemmi fil-paragrafu 3, inkluż kwalunkwe rapport ta’ segwitu, sakemm il-pubblikazzjoni ma tkunx tinvolvi riskji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. L-awtorità kompetenti li hija soġġetta għar-rieżami għandha tiġi mistiedna sabiex tikkummenta qabel il-pubblikazzjoni ta’ kwalunkwe rapport. Dawk il-kummenti għandhom jiġu magħmula disponibbli għall-pubbliku sakemm il-pubblikazzjoni ma tkunx tinvolvi riskji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.”;

(14)fl-Artikolu 31a, jiżdied paragrafu ġdid:

“Fir-rigward tal-attività tal-awtoritajiet kompetenti maħsuba biex tiffaċilita d-dħul fis-suq tal-operaturi jew tal-prodotti li jiddependu fuq l-innovazzjoni teknoloġika jew innovazzjoni oħra, l-Awtorità għandha tippromwovi l-konverġenza superviżorja, b’mod partikolari permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prassi. Fejn xieraq, l-Awtorità tista’ tadotta linji gwida jew rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 16.”;

(15)jiddaħħal Artikolu 31a ġdid:

“Artikolu 31a

Il-koordinazzjoni fuq id-delega u l-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet, kif ukoll tat-trasferimenti ta’ riskju

“1. L-Awtorità għandha, fuq bażi kontinwa, tikkoordina l-azzjonijiet superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti bl-għan li tippromwovi l-konverġenza superviżorja fl-oqsma tad-delega u l-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet mill-parteċipanti tas-swieq finanzjarji, kif ukoll fir-rigward tat-trasferimenti ta’ riskju mwettqa minnhom, f’konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4.

2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità meta jkollhom il-ħsieb li jwettqu awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni relatata ma’ parteċipant fis-swieq finanzjarji li jkun taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti kkonċernata f’konformità mal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) u meta l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tal-parteċipant fis-swieq finanzjarji jinvolvi l-esternalizzazzjoni jew id-delega ta’ parti materjali mill-attivitajiet tagħha jew kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ewlenin jew it-trasferiment ta’ riskju ta’ parti materjali mill-attivitajiet tagħha f’pajjiżi terzi, sabiex jibbenifikaw mill-passaport tal-UE filwaqt li essenzjalment iwettqu attivitajiet jew funzjonijiet sostanzjali barra l-Unjoni. In-notifika lill-Awtorità għandha tkun dettaljata biżżejjed sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni xierqa mill-Awtorità.

Meta l-Awtorità tqis li huwa meħtieġ li toħroġ opinjoni lil awtorità kompetenti rigward in-nuqqas ta’ konformità ta’ awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni innotifikata skont l-ewwel subparagrafu mad-dritt tal-Unjoni jew mal-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet jew l-opinjonijiet adottati mill-Awtorità, din tal-aħħar għandha tinforma lil dik l-awtorità kompetenti b’dan fi żmien 20 jum tax-xogħol minn meta dik l-awtorità kompetenti tirċievi n-notifika. F’dak il-każ, l-awtorità kompetenti kkonċernata għandha tistenna l-opinjoni tal-Awtorità qabel twettaq ir-reġistrazzjoni jew l-awtorizzazzjoni.

Fuq talba tal-Awtorità, l-awtorità kompetenti għandha, fi żmien 15-il jum tax-xogħol mill-wasla ta’ tali talba, tipprovdi informazzjoni relatata mad-deċiżjonijiet tagħha li tawtorizza jew tirreġistra parteċipant fis-swieq finanzjarji li jkun taħt is-superviżjoni tagħha f’konformità mal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2).

L-Awtorità għandha toħroġ l-opinjoni, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe limiti ta’ żmien stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni, sa mhux aktar tard minn xahrejn (2) mill-wasla tan-notifika skont l-ewwel subparagrafu.

3. Parteċipant fis-swieq finanzjarji għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar l-esternalizzazzjoni jew id-delega ta’ parti materjali mill-attivitajiet tagħha jew kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ewlenin tagħha, u t-trasferiment ta’ riskju ta’ parti materjali mill-attivitajiet tagħha, lil entità oħra jew lill-fergħa tagħha stabbilita f’pajjiż terz. L-awtorità kompetenti kkonċernata għandha tinforma lill-Awtorità dwar tali notifiki fuq bażi semi-annwali.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35, fuq talba tal-Awtorità, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi informazzjoni fir-rigward tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni, delega jew trasferiment ta’ riskju mill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji.

L-Awtorità għandha tissorvelja jekk l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jivverifikawx li l-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni, delega jew trasferiment ta’ riskju msemmija fl-ewwel subparagrafu huma konklużi f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, konformi mal-linji gwida, mar-rakkomandazzjonijiet jew mal-opinjonijiet mill-Awtorità u ma jipprevenux is-superviżjoni effettiva mill-awtoritajiet kompetenti u l-infurzar f’pajjiż terz.

4. L-Awtorità tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-awtorità kompetenti kkonċernata, inklużi rakkomandazzjonijiet għar-rieżami ta’ deċiżjoni jew għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni. Meta l-awtorità kompetenti kkonċernata ma ssegwix ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità fi żmien 15-il jum tax-xogħol, l-awtorità kompetenti għandha tiddikjara r-raġunijiet u l-Awtorità għandha tagħmel ir-rakkomandazzjoni tagħha pubblika flimkien ma’ dawk ir-raġunijiet.”;

(16)jiddaħħal Artikolu 31b ġdid:

“Artikolu 31b

Il-funzjoni ta’ koordinazzjoni fir-rigward tal-ordnijiet, it-tranżazzjonijiet u l-attivitajiet b’effetti transfruntieri sinifikanti

1. Meta l-Awtorità jkollha raġunijiet raġonevoli sabiex tissuspetta li l-ordnijiet, it-tranżazzjonijiet jew kwalunkwe attività oħra b’effetti transfruntieri sinifikanti jheddu l-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni, hija għandha tirrakkomanda li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jibdew investigazzjoni u għandha tipprovdi lil dawk l-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni rilevanti.

2. Meta awtorità kompetenti jkollha raġunijiet raġonevoli sabiex tissuspetta li l-ordnijiet, it-tranżazzjonijiet jew kwalunkwe attività oħra b’effetti transfruntieri sinifikanti jheddu l-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni, hija għandha tinnotifika minnufih lill-Awtorità u tipprovdi l-informazzjoni rilevanti. L-Awtorità tista’ tirrakkomanda lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn seħħet l-attività suspettata sabiex jieħdu azzjoni wara li tkun bagħtet l-informazzjoni rilevanti lil dawk l-awtoritajiet kompetenti.

3. Sabiex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Awtorità u l-awtoritajiet kompetenti, l-Awtorità għandha tistabbilixxi u żżomm faċilità għall-ħażna tad-data ddisinjata għal dak l-għan.”;

(17)fl-Artikolu 32, jiddaħħal paragrafu 2a ġdid:

“2a. Mill-inqas kull sena, l-Awtorità għandha tikkunsidra jekk ikunx xieraq li twettaq il-valutazzjonijiet mal-Unjoni kollha msemmija fil-paragrafu 2 u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bir-raġunament tagħha. Meta jitwettqu valutazzjonijiet bħal dawn mal-Unjoni kollha u l-Awtorità tqis li jkun xieraq li tagħmel dan, hija għandha tiddivulga r-riżultati għal kull istituzzjoni finanzjarja parteċipanta.

L-obbligi tas-segretezza professjonali tal-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jimpedixxu lill-awtoritajiet kompetenti milli jippubblikaw l-eżitu tal-valutazzjonijiet mal-Unjoni kollha msemmija fil-paragrafu 2 jew milli jibagħtu l-eżitu ta’ tali valutazzjonijiet lill-Awtorità għall-fini tal-pubblikazzjoni mill-Awtorità tar-riżultati tal-valutazzjonijiet mal-Unjoni kollha tar-reżiljenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji.”;

(18)L-Artikolu 33 jiġi emendat kif ġej:

(b)    il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Awtorità għandha tgħin lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza li jappartjenu għar-reġimi superviżorji u regolatorji f’pajjiżi terzi wara talba speċifika għal pariri mill-Kummissjoni jew meta tintalab tagħmel dan mill-atti msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

(c)jiddaħħlu l-paragrafi 2a, 2b u 2c li ġejjin:

“2a. L-Awtorità għandha timmonitorja l-iżviluppi superviżorji u regolatorji, il-prattiki ta’ infurzar u l-iżviluppi tas-suq rilevanti f’pajjiżi terzi li għalihom ġew adottati deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza mill-Kummissjoni skont l-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) sabiex jiġi vverifikat jekk il-kriterji, li abbażi tagħhom ittieħdu dawk id-deċiżjonijiet u kwalunkwe kondizzjonijiet stabbiliti fih, għadhomx issodisfati. Hija għandha tieħu f’kunsiderazzjoni r-rilevanza tas-suq tal-pajjiżi terzi kkonċernati. L-Awtorità għandha tissottometti rapport kunfidenzjali dwar is-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni fuq bażi annwali.

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fl-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-paragrafu 1, fejn possibbli, l-Awtorità għandha tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti u, fejn xieraq, anki mal-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni, ta’ pajjiżi terzi li r-reġimi superviżorji u regolatorji tagħhom kienu rikonoxxuti bħala ekwivalenti. Dik il-kooperazzjoni għandha tiġi segwita abbażi ta’ arranġamenti amministrattivi konklużi mal-awtoritajiet rilevanti ta’ dawk il-pajjiżi terzi. Meta tinnegozja tali arranġamenti amministrattivi, l-Awtorità għandha tfittex li tinkludi dispożizzjonijiet dwar dawn li ġejjin:

a)    il-mekkaniżmi li jippermettu lill-Awtorità tikseb informazzjoni rilevanti, inkluża informazzjoni dwar is-sistema regolatorja, kif ukoll l-approċċ superviżorju, l-iżviluppi tas-suq rilevanti u kwalunkwe bidliet li jistgħu jaffettwaw id-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza;

b)    safejn ikun neċessarju għas-segwitu ta’ tali deċiżjonijiet, il-proċeduri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet superviżorji, inklużi, fejn meħtieġa, spezzjonijiet fuq il-post.

L-Awtorità għandha tinforma lill-Kummissjoni meta awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz tirrifjuta li tikkonkludi tali arranġamenti amministrattivi jew meta tirrifjuta li tikkoopera b’mod effettiv. Il-Kummissjoni għandha tqis din l-informazzjoni meta tirrevedi d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza rilevanti.

2b. Meta l-Awtorità tidentifika żviluppi fir-rigward tar-regolamentazzjoni, is-superviżjoni jew il-prattiki ta’ infurzar fil-pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 2a li jistgħu jħallu impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri jew il-funzjonament tas-suq intern, hija għandha tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi kunfidenzjali u mingħajr dewmien.

L-Awtorità għandha, fuq bażi annwali, tissottometti rapport kunfidenzjali lill-Kummissjoni dwar l-iżviluppi regolatorji, superviżorji, tal-infurzar u tas-suq fil-pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 2a b’enfasi partikolari fuq l-implikazzjonijiet tagħhom għall-istabbiltà finanzjarja, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri jew il-funzjonament tas-suq intern.

2c. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lill-Awtorità bil-quddiem dwar l-intenzjonijiet tagħhom li jikkonkludu kwalunkwe arranġamenti amministrattivi mal-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi fi kwalunkwe wieħed mill-oqsma rregolati mill-atti msemmija fl-Artikolu 1(2), inkluż fir-rigward tal-fergħat tal-entitajiet ta’ pajjiżi terzi. Huma għandhom jipprovdu simultanjament lill-Awtorità abbozz ta’ arranġamenti ppjanati bħal dawn.

L-Awtorità tista’ tiżviluppa arranġamenti amministrattivi li jservu bħala mudell, bil-għan li tistabbilixxi prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi fl-Unjoni u li ssaħħaħ il-koordinazzjoni superviżorja internazzjonali. F’konformità mal-Artikolu 16(3), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu kull sforz biex isegwu tali arranġamenti li jservu bħala mudell.

Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 43(5), l-Awtorità għandha tinkludi informazzjoni dwar l-arranġamenti amministrattivi maqbula ma’ awtoritajiet superviżorji, organizzazzjonijiet internazzjonali jew amministrazzjonijiet f’pajjiżi terzi, l-assistenza pprovduta mill-Awtorità lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza u l-attività ta’ monitoraġġ segwita mill-Awtorità f’konformità mal-paragrafu 2a.”;

(19)fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 34, l-aħħar sentenza tiġi sostitwita b’din li ġejja:

“L-Artikoli 35 u 35b għandhom japplikaw għall-oqsma li fir-rigward tagħhom l-Awtorità tista’ toħroġ opinjoni.”

(20)L-Artikolu 35 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafi 1, 2 u 3 jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1. Fuq talba tal-Awtorità, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-Awtorità bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex twettaq il-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, diment li jkollhom aċċess legali għall-informazzjoni rilevanti.

L-informazzjoni pprovduta għandha tkun preċiża, kompleta u sottomessa fil-limitu ta’ żmien preskritt mill-Awtorità.”

2. L-Awtorità tista’ titlob ukoll li l-informazzjoni tiġi pprovduta f’intervalli rikorrenti u f’formati speċifikati jew permezz ta’ mudelli komparabbli approvati mill-Awtorità. Fejn possibbli, dawn it-talbiet għandhom isiru bl-użu ta’ formati tar-rapportar komuni.

3. Fuq talba debitament ġustifikata minn awtorità kompetenti, l-Awtorità tista’ tipprovdi kwalunkwe informazzjoni li tkun meħtieġa biex tippermetti lill-awtorità kompetenti twettaq il-kompiti tagħha f’konformità mal-obbligi tas-segretezza professjonali stipulati fil-leġiżlazzjoni settorjali u fl-Artikolu 70.”;

(c)il-paragrafu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5. Meta l-informazzjoni mitluba f’konformità mal-paragrafu 1 ma tkunx disponibbli jew ma tkunx magħmula disponibbli mill-awtoritajiet kompetenti fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Awtorità, din tal-aħħar tista’ tindirizza talba debitament ġustifikata u motivata lil kwalunkwe wieħed jew waħda minn dawn li ġejjin:

(a) lil awtoritajiet superviżorji oħrajn b’funzjonijiet superviżorji;

(b) lill-ministeru responsabbli għall-finanzi fl-Istat Membru kkonċernat fejn dan ikollu informazzjoni prudenzjali għad-dispożizzjoni tiegħu;

(c) lill-bank ċentrali nazzjonali jew lill-uffiċċju tal-istatistika tal-Istat Membru kkonċernat;

(d) lill-uffiċċju tal-istatistika tal-Istat Membru kkonċernat.

Fuq talba tal-Awtorità, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jassistu lill-Awtorità fil-ġbir tal-informazzjoni.”;

(d)jitħassru l-paragrafi 6 u 7;

(21)Jiddaħħlu l-Artikoli 35a sa 35h li ġejjin:

“Artikolu 35a

Eżerċitar tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 35b

Is-setgħat mogħtija lill-Awtorità, lil kwalunkwe wieħed mill-uffiċjali tagħha jew lil persuna oħra awtorizzata mill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 35b ma għandhomx jintużaw sabiex jesiġu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni jew dokumenti li huma soġġetti għal privileġġ legali.

Artikolu 35b

Talba għal informazzjoni lill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji

1. Meta l-informazzjoni mitluba skont il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 5 tal-Artikolu 35 ma tkunx disponibbli jew ma tkunx magħmula disponibbli fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Awtorità, hija tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew deċiżjoni, titlob lill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji rilevanti jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex l-Awtorità tkun tista’ taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament.

2. Kwalunkwe talba sempliċi għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha:

(a)    tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b)    tiddikjara l-iskop tat-talba;

(c)    tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d)    tinkludi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)    tinkludi dikjarazzjoni li ma hemm ebda obbligu fuq il-persuna li mingħandha tintalab l-informazzjoni sabiex tipprovdi dik l-informazzjoni, iżda li f’każ ta’ tweġiba volontarja għat-talba, l-informazzjoni pprovduta ma tridx tkun skorretta jew qarrieqa;

(f)    tindika l-ammont tal-multa li trid tinħareġ f’konformità mal-Artikolu 35c meta l-informazzjoni pprovduta tkun skorretta jew qarrieqa.”

3. Meta titlob il-forniment ta’ informazzjoni b’deċiżjoni, l-Awtorità għandha:

(a)    tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b)    tiddikjara l-iskop tat-talba;

(c)    tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d)    tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)    tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 35d meta l-produzzjoni tal-informazzjoni mitluba ma tkunx kompluta;

(f)    tindika l-multa prevista fl-Artikolu 35c meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet ikunu informazzjoni skorretta jew qarrieqa;

(g)    tindika d-dritt għal appell tad-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell u għar-rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikoli 60 u 61.

4. Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji rilevanti jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba. L-avukati debitament awtorizzati sabiex jaġixxu jistgħu jfornu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli bis-sħiħ jekk l-informazzjoni fornuta tkun inkompleta, skorretta jew qarrieqa.

5. L-awtorità għandha tibgħat mingħajr dewmien kopja tat-talba sempliċi jew tad-deċiżjoni tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huwa domiċiljat jew stabbilit il-parteċipant fis-swieq finanzjarji rilevanti kkonċernat mit-talba għall-informazzjoni.

6. L-Awtorità tista’ tuża l-informazzjoni kunfidenzjali li tirċievi f’konformità ma’ dan l-Artikolu għall-finijiet biss tat-twettiq tal-kompiti assenjati lilha minn dan ir-Regolament.”;

Artikolu 35c

Regoli proċedurali għall-impożizzjoni ta’ multi

1. Meta, fil-qadi ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-awtorità ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu ksur imsemmi fl-Artikolu 35d(1), l-Awtorità għandha taħtar uffiċjal indipendenti tal-investigazzjoni fi ħdan l-Awtorità sabiex jinvestiga l-kwistjoni. L-uffiċjal maħtur ma għandux jiġi involut jew ikun ġie involut direttament jew indirettament fis-superviżjoni diretta jew indiretta tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji kkonċernati u għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu indipendentement mill-Bord tas-Superviżuri.

2. L-uffiċjal tal-investigazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinvestiga l-allegat ksur, filwaqt li jqis kwalunkwe kumment ippreżentat mill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet, u għandu jippreżenta fajl komplut bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri.

3. Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jitlob informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 35b.

4. Meta jwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha miġbura mill-Awtorità fl-attivitajiet superviżorji tagħha.

5. Meta jlesti l-investigazzjoni tiegħu u qabel jissottometti l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jagħti lill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet l-opportunità li jinstemgħu dwar il-kwistjonijiet li jkunu qegħdin jiġu investigati. L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jibbaża s-sejbiet tiegħu biss fuq fatti li l-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jikkummentaw dwarhom.

6. Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ matul l-investigazzjonijiet skont dan l-Artikolu.

7. Meta jissottometti l-fajl bis-sejba tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinnotifika lill-persuni li huma soġġetti għall-investigazzjonijiet. Il-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali li taffettwa lil partijiet terzi.

8. Abbażi tal-fajl li fih is-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni u, meta jintalab mill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet, wara li jkunu nstemgħu dawk il-persuni f’konformità mal-Artikolu 35f, l-Awtorità għandha tiddeċiedi jekk twettqux wieħed jew aktar mill-ksur imsemmi fl-Artikolu 35d(1) mill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet u, f’każ bħal dan, għandha tieħu miżura f’konformità ma’ dak l-Artikolu.

9. L-uffiċjal tal-investigazzjoni ma għandux jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri jew jintervjeni bi kwalunkwe mod fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri.

10. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti delegati f’konformità mal-Artikolu 75a sabiex tispeċifika r-regoli ta’ proċedura għall-eżerċitar tas-setgħa li timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, inklużi regoli dwar dawn li ġejjin:

(a) id-drittijiet tad-difiża,

(b) dispożizzjonijiet temporali,

(c) dispożizzjonijiet li jispeċifikaw kif għandhom jinġabru l-multi jew il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali,

(d) dispożizzjonijiet li jispeċifikaw il-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali.

11. L-Awtorità għandha tirreferi l-kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali lill-awtoritjiet nazzjonali rilevanti meta, fil-qadi ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, hija ssib li jkun hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jkunu jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali. Barra minn hekk, l-Awtorità għandha żżomm lura milli timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali meta liberazzjoni mill-akkuża jew kundanna minn qabel li tirriżulta minn fatt identiku jew fatti li jkunu sostanzjalment l-istess tkun diġà saret res judicata bħala riżultat tal-proċedimenti kriminali skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 35d

Multi

1. L-Awtorità għandha tadotta deċiżjoni li timponi multa meta hija ssib li parteċipant fis-swieq finanzjarji jkun naqas, intenzjonalment jew b’mod negliġenti, milli jipprovdi informazzjoni b’reazzjoni għal deċiżjoni li tirrikjedi informazzjoni skont l-Artikolu 35b(3) jew jekk ikun ipprovda informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa b’reazzjoni għal talba sempliċi għal informazzjoni jew deċiżjoni skont l-Artikolu 35b(2).

2. L-ammont bażiku tal-multa msemmija fil-paragrafu 1 għandu jammonta għal mill-inqas EUR 50 000 u ma għandux jaqbeż il-EUR 200 000.

3. Meta tistabbilixxi l-ammont bażiku tal-multa msemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità għandha tqis il-fatturat annwali tal-parteċipant fis-swieq finanzjarji kkonċernat għas-sena finanzjarja preċedenti u huwa għandu jkun:

(a) fl-aktar livell baxx tal-limitu għall-entitajiet b’fatturat annwali taħt l-EUR 10 miljun;

(b) fil-livell tan-nofs tal-limitu għall-entitajiet b’fatturat annwali ta’ bejn EUR 10 miljun u EUR 50 miljun;

(c) fl-ogħla livell tal-limitu għall-entitajiet b’fatturat annwali ogħla minn EUR 50 miljun.

L-ammonti bażiċi definiti fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 2 għandhom jiġu aġġustati, fejn ikun meħtieġ, billi jitqiesu fatturi aggravanti jew mitiganti f’konformità mal-koeffiċjenti rilevanti stabbiliti fil-paragrafu 5.

Il-koeffiċjenti aggravanti rilevanti għandhom jiġu applikati wieħed wara l-ieħor għall-ammont bażiku. Meta jkunu applikabbli aktar minn koeffiċjent aggravanti wieħed, id-differenza bejn l-ammont bażiku u l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ kull koeffiċjent aggravanti individwali għandha tiżdied mal-ammont bażiku.

Il-koeffiċjenti mitiganti rilevanti għandhom jiġu applikati wieħed wara l-ieħor għall-ammont bażiku. Meta jkunu applikabbli aktar minn koeffiċjent mitiganti wieħed, id-differenza bejn l-ammont bażiku u l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ kull koeffiċjent mitiganti individwali għandha titnaqqas mill-ammont bażiku.

4. Il-koeffiċjenti tal-aġġustamenti li ġejjin għandhom jiġu applikati b’mod kumulattiv għall-ammont bażiku msemmi fil-paragrafu 2, abbażi ta’ dawn li ġejjin:

(a)    il-koeffiċjenti tal-aġġustamenti marbutin ma’ fatturi aggravanti huma dawn li ġejjin:

(i) meta l-ksur ikun twettaq ripetutament, għandu jiġi applikat koeffiċjent addizzjonali ta’ 1.1 kull darba li jkun ġie ripetut il-ksur;

(ii) meta l-ksur ikun dam għal aktar minn sitt xhur, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 1.5;

(iii) meta l-ksur ikun twettaq intenzjonalment, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 2;

(iv) meta ma tkun ittieħdet ebda azzjoni ta’ rimedju minn meta kien identifikat il-ksur, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 1.7;

(v) meta l-maniġment superjuri tal-parteċipant fis-swieq finanzjarji ma jkunx ikkoopera mal-Awtorità, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 1.5.

(b)    il-koeffiċjenti tal-aġġustamenti marbutin ma’ fatturi mitiganti huma dawn li ġejjin:

(i) meta l-ksur ikun dam għal inqas minn 10 ijiem tax-xogħol, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 0.9;

(ii) meta l-maniġment superjuri tal-parteċipant fis-swieq finanzjarji jkun jista’ juri li ttieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġi evitat in-nuqqas ta’ konformità ma’ talba skont l-Artikolu 35(6a), għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 0.7;

(iii) meta l-parteċipant fis-swieq finanzjarji jkun ressaq il-ksur għall-attenzjoni tal-Awtorità malajr, b’mod effettiv u kompletament, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 0.4;

(iv) meta l-parteċipant fis-swieq finanzjarji jkun ħa volontarjament miżuri li jiżguraw li ma jkunx jista’ jitwettaq ksur simili fil-futur, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 0.6.

5. Minkejja l-paragrafi 2 u 3, il-multa totali ma għandhiex taqbeż l-20 % tal-fatturat annwali tal-parteċipant fis-swieq finanzjarji kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti, sakemm il-parteċipant fis-swieq finanzjarji ma jkunx ibbenifika finanzjarjament, direttament jew indirettament, mill-ksur. F’dak il-każ, il-multa totali għandha tkun mill-inqas ugwali għal dak il-benefiċċju finanzjarju.

Artikolu 35e

Ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1. L-Awtorità għandha tadotta deċiżjonijiet sabiex timponi ħlas perjodiku ta’ penali bl-għan li ġġiegħel lill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji msemmija fl-Artikolu 35b(1) jipprovdu l-informazzjoni li tkun intalbet permezz ta’ deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 35b(3).

2. Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jkun effettiv u proporzjonat. Il-ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost fuq bażi ta’ kuljum sakemm il-parteċipant fis-swieq finanzjarji kkonċernat jikkonforma mad-deċiżjoni rilevanti msemmija fil-paragrafu 1.

3. Minkejja l-paragrafu 2, l-ammont ta’ ħlas perjodiku ta’ penali għandu jkun 3 % tal-fatturat medju ta’ kuljum tal-parteċipant fis-swieq finanzjarji fis-sena finanzjarja preċedenti. Huwa għandu jiġi kkalkolat mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-ħlas perjodiku ta’ penali.

4. Ħlas perjodiku ta’ penali jista’ jiġi impost għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-Awtorità.

Artikolu 35f

Id-dritt li tinstema’

1. Qabel tieħu kwalunkwe deċiżjoni li timponi multa u ħlas perjodiku ta’ penali skont l-Artikoli 35d u 35e, l-Awtorità għandha tagħti lill-parteċipant fis-swieq finanzjarji soġġett għat-talba għal informazzjoni l-opportunità li jinstema’.

L-Awtorità għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq is-sejbiet li dwarhom il-parteċipant fis-swieq finanzjarji kkonċernati kellhom l-opportunità jikkummentaw.

2. Id-drittijiet tad-difiża tal-parteċipant fis-swieq finanzjarji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ matul il-proċedura. Il-parteċipant fis-swieq finanzjarji għandu jkun intitolat li jkollu aċċess għall-fajl tal-Awtorità, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-Awtorità.

Artikolu 35g

Id-divulgazzjoni, in-natura, l-infurzar u l-allokazzjoni tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1. Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 35d u 35e għandhom ikunu ta’ natura amministrattiva u għandhom ikunu infurzabbli.

2. L-infurzar tal-multa u tal-ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi rregolat mir-regoli ta’ proċedura fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jitwettaq l-infurzar. L-ordni ta’ infurzar għandha tiġi annessa mad-deċiżjoni li timponi multa jew ħlas perjodiku ta’ penali mingħajr il-ħtieġa għal kwalunkwe formalità oħra minbarra l-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni minn awtorità li kull Stat Membru għandu jinnomina għal dak l-għan u għandha tiġi nnotifikata lill-Awtorità u lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3. Meta l-formalitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 ikunu tlestew fuq applikazzjoni mill-parti kkonċernata, din tal-aħħar tista’ tipproċedi għall-infurzar f’konformità mal-liġi nazzjonali, billi tressaq il-kwistjoni direttament quddiem il-korp kompetenti.

4. L-infurzar tal-multa jew tal-ħlas perjodiku ta’ penali jista’ jiġi sospiż biss permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-qrati tal-Istat Membru kkonċernat għandu jkollhom ġurisdizzjoni fuq l-ilmenti dwar il-fatt li l-infurzar tal-multa jew tal-ħlas perjodiku ta’ penali jkun qed jitwettaq b’mod irregolari.

5. L-Awtorità għandha tiddivulga lill-pubbliku kull multa u ħlas perjodiku ta’ penali li jkunu ġew imposti skont l-Artikoli 35d u 35e, sakemm tali divulgazzjoni lill-pubbliku ma tipperikolax serjament is-swieq finanzjarji jew sakemm ma tikkawżax dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti.

6. L-ammonti tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandhom jiġu allokati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 35h

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni mingħajr limiti biex tirrevedi d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-Awtorità tkun imponiet multa jew ħlas perjodiku ta’ penali. Hija tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas perjodiku ta’ penali li tkun imponiet l-Awtorità.”;

(22)Fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 36, l-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Malli tirċievi twissija jew rakkomandazzjoni mingħand il-BERS indirizzata lil awtorità kompetenti, l-Awtorità għandha, fejn ikun rilevanti, tuża s-setgħat mogħtija lilha b’dan ir-Regolament sabiex tiżgura li jsir segwitu f’waqtu.”

(23)L-Artikolu 37 jiġi emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 4, l-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-membri tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq għandhom iservu għal perijodu ta’ erba’ snin, u wara għandha ssir proċedura tal-għażla ġdida.”;

(b)fil-paragrafu 5, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Meta l-membri tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq ma jkunux jistgħu jaslu għal opinjoni jew parir komuni, il-membri li jirrappreżentaw grupp wieħed ta’ partijiet ikkonċernati għandhom jitħallew joħorġu opinjoni separata jew parir separat.

Il-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq, il-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati, il-Grupp ta’ Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u l-Grupp ta’ Partijiet Ikkonċernati tal-Pensjonijiet tax-Xogħol jistgħu joħorġu opinjonijiet u pariri konġunti dwar kwistjonijiet relatati mal-ħidma tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej skont l-Artikolu 56 ta’ dan ir-Regolament dwar il-pożizzjonijiet konġunti u l-atti komuni.”;

(24)L-Artikolu 39 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 39

Il-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet

“1. L-Awtorità għandha taġixxi f’konformità mal-paragrafi 2 sa 6 meta tadotta d-deċiżjonijiet previsti f’dan ir-Regolament, ħlief għal dawk id-deċiżjonijiet adottati f’konformità mal-Artikoli 35b, 35d u 35e.

2. L-Awtorità għandha tinforma lil kwalunkwe destinatarju ta’ deċiżjoni bl-intenzjoni tagħha li tadotta d-deċiżjoni, filwaqt li tistabbilixxi limitu ta’ żmien li matulu d-destinatarju jista’ jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar is-suġġett tad-deċiżjoni, b’kunsiderazzjoni sħiħa tal-urġenza, tal-kumplessità u tal-konsegwenzi potenzjali tal-kwistjoni. Id-dispożizzjoni stipulata fl-ewwel sentenza għandha tapplika mutatis mutandis għar-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17(3).

3. Id-deċiżjonijiet tal-Awtorità għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati.

4. Id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità għandhom jiġu infurmati bir-rimedji legali disponibbli skont dan ir-Regolament.

5. Meta l-Awtorità tkun ħadet deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3) jew l-Artikolu 18(4), hija għandha tirrevedi dik id-deċiżjoni f’intervalli xierqa.

6. L-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li tieħu l-Awtorità skont l-Artikoli 17, 18 jew 19 għandha ssir pubblika. Il-pubblikazzjoni għandha tiddivulga l-identità tal-awtorità kompetenti jew tal-parteċipant fis-swieq finanzjarji kkonċernat u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, sakemm din il-pubblikazzjoni ma tkunx f’kunflitt mal-interess leġittimu tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jew mal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom jew tkun tista’ tipperikola serjament il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha tal-Unjoni jew parti minnha.”;

(25)L-Artikolu 40 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi emendat kif ġej:

(i)jiddaħħal il-punt (aa) li ġej:

“(aa) il-membri tal-Bord Eżekuttiv fuq bażi full-time msemmija fl-Artikolu 45(1) ma għandux ikollhom vot;”;

(c)    fil-paragrafu 6, jitħassar it-tieni subparagrafu;

(d)jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

“7. Meta l-awtorità pubblika nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1(b) ma tkunx responsabbli għall-infurzar tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-membru tal-Bord tas-Superviżuri msemmi f’dak il-punt jista’ jiddeċiedi li jistieden rappreżentant mill-awtorità għall-protezzjoni tal-konsumaturi tal-Istat Membru, li ma għandux ikollu vot. F’każ fejn ir-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-konsumaturi tkun kondiviża minn diversi awtoritajiet fi Stat Membru, dawk l-awtoritajiet għandhom jaqblu dwar rappreżentant komuni.”;

(26)L-Artikolu 41 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 41

Kumitati interni

(27)“Il-Bord tas-Superviżuri jista’ jistabbilixxi kumitati interni għall-kompiti speċifiċi attribwiti lilu. Il-Bord tas-Superviżuri jista’ jipprevedi d-delega ta’ ċerti kompiti u deċiżjonijiet definiti b’mod ċar lill-kumitati interni, lill-Bord Eżekuttiv jew lill-President.”

(28)fl-Artikolu 42, l-ewwel paragrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilhom b’dan ir-Regolament, il-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri, kif ukoll il-membri permanenti u speċifiċi votanti tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP, għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi u ma għandhom la jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni, minn kwalunkwe gvern ta’ Stat Membru jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor.”;

(29)L-Artikolu 43 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Bord tas-Superviżuri għandu jagħti gwida għall-ħidma tal-Awtorità.

Huwa għandu jadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, il-linji gwida u d-deċiżjonijiet tal-Awtorità u joħroġ il-pariri msemmija fil-Kapitolu II, għajr għal dawk il-kompiti u s-setgħat li għalihom huma responsabbli s-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP skont l-Artikolu 44b u l-Bord Eżekuttiv skont l-Artikolu 47. Huwa għandu jaġixxi fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv.”;

(c)jitħassru l-paragrafi 2 u 3;

(d)fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta, qabel it-30 ta’ Settembru ta’ kull sena, abbażi ta’ proposta mill-Bord Eżekuttiv, il-programm ta’ ħidma tal-Awtorità għas-sena sussegwenti, u għandu jibagħtu għall-finijiet ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.”;

(e)Il-paragrafu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5. Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta, abbażi ta’ proposta mill-Bord Eżekuttiv, ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, inkluż dwar il-qadi tad-dmirijiet tal-President, abbażi tal-abbozz ta’ rapport imsemmi fl-Artikolu 53(7) u għandu jibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sal-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.”;

(f)jitħassar il-paragrafu 8.

(30)L-Artikolu 44 jiġi emendat kif ġej:

(b)fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Il-membri tal-Bord Eżekuttiv fuq bażi full-time u l-President ma għandhomx jivvotaw fuq dawk id-deċiżjonijiet.”;    

(c)fil-paragrafu 1, jitħassru t-tielet u r-raba’ subparagrafi.

(d)il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4. Il-membri mingħajr dritt tal-vot u l-osservaturi ma għandhom jipparteċipaw f’ebda diskussjoni fi ħdan il-Bord tas-Superviżuri dwar istituzzjonijiet finanzjarji individwali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 75(3) jew fl-atti msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-President, għall-membri li huma wkoll membri tal-Bord Eżekuttiv u għar-rappreżentant tal-Bank Ċentrali Ewropew innominat mill-Bord Superviżorju tiegħu.”;

(31)fil-Kapitolu III, it-titolu tat-Taqsima 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Bord Eżekuttiv”;

(32)L-Artikolu 45 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 45

Kompożizzjoni

“1. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul mill-President u ħames membri fuq bażi full-time. Il-President għandu jassenja kompiti maniġerjali u ta’ politika definiti b’mod ċar lil kull wieħed mill-membri fuq bażi full-time. Wieħed mill-membri fuq bażi full-time għandu jiġi assenjat responsabbiltajiet għal kwistjonijiet baġitarji u għal kwistjonijiet li jirrigwardjaw il-programm ta’ ħidma tal-Awtorità (“Membru inkarigat”). Wieħed mill-membri fuq bażi full-time għandu jaġixxi bħala Viċi President u jwettaq il-kompiti tal-President fin-nuqqas tiegħu jew f’każ ta’ impediment raġonevoli, f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Il-Kap tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP għandu jieħu sehem bħala osservatur fil-laqgħat kollha tal-Bord Eżekuttiv.

2. Il-membri fuq bażi full-time għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u tas-swieq u l-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja. Il-membri fuq bażi full-time għandu jkollhom esperjenza maniġerjali estensiva. L-għażla għandha tkun ibbażata fuq sejħa miftuħa għall-kandidati, li trid tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li warajha l-Kummissjoni għandha tħejji lista mqassra ta’ kandidati kkwalifikati.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-lista mqassra lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni. Wara l-approvazzjoni ta’ dik il-lista mqassra, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni sabiex jinħatru l-membri tal-Bord Eżekuttiv fuq bażi full-time, inkluż il-Membru inkarigat. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun ibbilanċjat u proporzjonat u għandu jirrifletti l-Unjoni kollha kemm hi.

3. Meta membru tal-Bord Eżekuttiv fuq bażi full-time ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 46 jew ikun instab ħati ta’ mġiba ħażina serja, il-Kunsill jista’, fuq proposta mill-Kummissjoni li tkun ġiet approvata mill-Parlament Ewropew, jadotta deċiżjoni sabiex ineħħih mill-kariga.

4. Il-mandat tal-membri fuq bażi full-time għandu jkun ta’ ħames (5) snin u jiġġedded darba. Matul id-disa’ (9) xhur li jippreċedu t-tmiem tal-mandat ta’ ħames (5) snin tal-membru fuq bażi full-time, il-Bord tas-Superviżuri għandu jevalwa:

(a) ir-riżultati miksuba fl-ewwel mandat u l-mod kif inkisbu;

(b) id-dmirijiet u r-rekwiżiti tal-Awtorità fis-snin li ġejjin.

Wara li tqis l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill il-lista tal-membri fuq bażi full-time li jrid ikollhom il-mandat tagħhom imġedded. Abbażi ta’ din il-lista u wara li jikkunsidra l-evalwazzjoni, il-Kunsill jista’ jestendi l-mandat tal-membri fuq bażi full-time.”;

(33)jiddaħħal l-Artikolu 45a li ġej:

“Artikolu 45a

Teħid tad-deċiżjonijiet

1. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord Eżekuttiv għandhom jiġu adottati minn maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Fil-każ ta’ parità, il-President għandu jkollu vot deċiżiv.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv mingħajr id-dritt li jivvota, ħlief fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 63.

3. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta u jippubblika r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

4. Il-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv għandhom jissejħu mill-President fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ wieħed mill-membri tiegħu u għandhom jiġu ppreseduti mill-President.

Il-Bord Eżekuttiv għandu jiltaqa’ qabel kull laqgħa tal-Bord tas-Superviżuri u kull meta l-Bord Eżekuttiv iqis li huwa meħtieġ. Huwa għandu jiltaqa’ mill-inqas ħames darbiet f’sena.

5. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv jistgħu, soġġetti għar-regoli ta’ proċedura, jiġu assistiti minn konsulenti jew esperti. Il-parteċipanti mingħajr vot ma għandhom jattendu għall-ebda diskussjoni fi ħdan il-Bord Eżekuttiv fir-rigward tal-parteċipanti individwali fis-swieq finanzjarji.”;

(34)jiddaħħal l-Artikolu 45b li ġej:

“Artikolu 45b

Kumitati interni

Il-Bord Eżekuttiv jista’ jistabbilixxi kumitati interni għall-kompiti speċifiċi attribwiti lilu.”;

(35)L-Artikolu 46 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 46

Indipendenza

“Il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn xi entità pubblika jew privata oħra.

La l-Istati Membri, la l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni u lanqas kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor ma għandhom ifittxu li jinfluwenzaw lill-membri tal-Bord Eżekuttiv fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.”;

(36)L-Artikolu 47 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 47

Il-kompiti

“1. Il-Bord Eżekuttiv għandu jiżgura li l-Awtorità taqdi l-missjoni tagħha u twettaq il-kompiti assenjati lilha f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Huwa għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta’ avviżi, sabiex jiżgura l-funzjonament tal-Awtorità f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2. Il-Bord Eżekuttiv għandu jipproponi programm ta’ ħidma annwali u pluriennali sabiex jiġi adottat mill-Bord tas-Superviżuri, li jinkludi parti dwar kwistjonijiet relatati mas-CCP.

3. Il-Bord Eżekuttiv għandu jeżerċita s-setgħat baġitarji tiegħu f’konformità mal-Artikoli 63 u 64.

Għall-finijiet tal-Artikoli 17, 19, 22, 29a, 30, 31a, 32 u 35b sa 35h, il-Bord Eżekuttiv għandu jkun kompetenti sabiex jaġixxi u jieħu d-deċiżjonijiet, ħlief fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mas-CCP li għalihom għandha tkun kompetenti s-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP. Il-Bord Eżekuttiv għandu jżomm lill-Bord tas-Superviżuri informat bid-deċiżjonijiet li jieħu.

3a. Il-Bord Eżekuttiv għandu jeżamina, jagħti opinjoni u jagħmel proposta dwar il-kwistjonijiet kollha li jridu jiġu deċiżi mill-Bord tas-Superviżuri.

4. Il-Bord Eżekuttiv għandu jeżamina u jħejji deċiżjonijiet għall-adozzjoni mill-Bord tas-Superviżuri dwar il-kwistjonijiet kollha fejn l-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) taw il-funzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni jew superviżjoni u s-setgħat korrispondenti lill-Awtorità. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta l-pjan ta’ politika tal-Awtorità dwar il-persunal u, skont l-Artikolu 68(2), il-miżuri ta’ implimentazzjoni meħtieġa tar-Regolamenti dwar il-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (“ir-Regolamenti dwar il-Persunal”).

5. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta d-dispożizzjonijiet speċjali dwar id-dritt tal-aċċess għad-dokumenti tal-Awtorità, f’konformità mal-Artikolu 72.

6. Il-Bord Eżekuttiv għandu jipproponi rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, inkluż dwar id-dmirijiet tal-President, abbażi tal-abbozz ta’ rapport imsemmi fl-Artikolu 53(7) tal-Bord tas-Superviżuri għall-approvazzjoni.

7. Il-Bord Eżekuttiv għandu jaħtar u jneħħi l-membri tal-Bord tal-Appell f’konformità mal-Artikolu 58(3) u (5).

8. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jagħmlu pubbliċi l-laqgħat kollha organizzati u l-ospitalità riċevuta. L-ispejjeż għandhom jiġu rreġistrati pubblikament f’konformità mar-Regolamenti dwar il-Persunal.

9. Il-Membru inkarigat għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a) li jimplimenta l-programm ta’ ħidma annwali tal-Awtorità taħt il-gwida tal-Bord tas-Superviżuri u tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP għall-kompiti u s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 44b(1) u taħt il-kontroll tal-Bord Eżekuttiv;

(b) li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta’ avviżi, sabiex jiżgura l-funzjonament tal-Awtorità f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(c) li jħejji programm ta’ ħidma pluriennali, kif imsemmi fil-paragrafu 2;

(d) li jħejji programm ta’ ħidma sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena għas-sena ta’ wara, kif imsemmi fl-Artikolu 47(2);

(e) li jfassal abbozz ta’ baġit preliminari tal-Awtorità skont l-Artikolu 63 u li jimplimenta l-baġit tal-Awtorità skont l-Artikolu 64;

(f) li jħejji abbozz ta’ rapport annwali li jkun jinkludi taqsima dwar l-attivitajiet regolatorji u superviżorji tal-Awtorità u taqsima dwar il-kwistjonijiet finanzjarji u amministrattivi;

(g) li jeżerċita s-setgħat stipulati fl-Artikolu 68 fir-rigward tal-persunal tal-Awtorità u li jiġġestixxi l-kwistjonijiet relatati mal-persunal.

Madankollu, fir-rigward tal-parti dwar il-kwistjonijiet relatati mas-CCP, kif imsemmi fil-paragrafu 2, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP għandha twettaq il-kompiti msemmija fil-punti (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu.

Fir-rigward tal-abbozz tar-rapport annwali msemmi fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP għandha twettaq il-kompiti msemmija fih fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-CCP.

.”;

(37)It-titolu tat-Taqsima III tal-Kapitolu III jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-President, il-Kap tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP u d-Diretturi tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP”;

(38)L-Artikolu 48 jiġi emendat kif ġej:

(b)fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-President għandu jkun responsabbli mit-tħejjija tal-ħidma tal-Bord tas-Superviżuri u għandu jippresiedi l-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri u tal-Bord Eżekuttiv.”;

(c)    il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. Il-President għandu jintgħażel fuq il-bażi tal-mertu, tal-ħiliet, tal-għarfien tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u tas-swieq u tal-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja, wara sejħa miftuħa għall-kandidati, li trid tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lista mqassra ta’ kandidati għall-pożizzjoni tal-President lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni. Wara l-approvazzjoni ta’ dik il-lista mqassra, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni sabiex jaħtar il-President.

“Meta l-President ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 49 jew ikun instab ħati ta’ mġiba ħażina serja, il-Kunsill jista’, fuq proposta mill-Kummissjoni li tkun ġiet approvata mill-Parlament Ewropew, jadotta deċiżjoni sabiex ineħħih mill-kariga.”;

(d)fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkunsidra l-evalwazzjoni, jista’ jestendi l-mandat tal-President darba.”;

(e)jitħassar il-paragrafu 5;

(39)jiddaħħal l-Artikolu 49a li ġej:

“Artikolu 49a

Spejjeż

“Il-President għandu jippubblika l-laqgħat kollha organizzati u kwalunkwe ospitalità riċevuta. L-ispejjeż għandhom jiġu rreġistrati pubblikament f’konformità mar-Regolamenti dwar il-Persunal.”;

(40)jitħassru l-Artikoli 51, 52 u 53;

(41)fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 54, jiżdied l-inċiż li ġej:

“ — kwistjonijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri”;

(42)fl-Artikolu 55, il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. Membru wieħed tal-Bord Eżekuttiv, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni u l-BERS għandhom jiġu mistiedna għal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, kif ukoll ta’ kwalunkwe wieħed mis-Sottokumitati msemmija fl-Artikolu 57, bħala osservaturi.”;

(43)L-Artikolu 58 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3. Żewġ membri tal-Bord tal-Appell u żewġ membri supplenti għandhom jinħatru mill-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità minn lista mqassra proposta mill-Kummissjoni, wara sejħa pubblika għall-espressjonijiet ta’ interess ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u wara konsultazzjoni tal-Bord tas-Superviżuri.”;

(c)il-paragrafu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5. Membru tal-Bord tal-Appell maħtur mill-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità ma għandux jitneħħa matul il-mandat tiegħu, sakemm ma jkunx instab ħati ta’ mġiba ħażina serja u l-Bord Eżekuttiv jieħu deċiżjoni għal dak il-għan wara li jkun ikkonsulta mal-Bord tas-Superviżuri.”;

(44)fl-Artikolu 59, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom ikunu indipendenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. Huma ma għandhom ikunu marbutin b’ebda struzzjoni. Huma ma għandhom iwettqu ebda dmir ieħor fir-rigward tal-Awtorità, tal-Bord Eżekuttiv tagħha jew tal-Bord tas-Superviżuri tagħha.”;

(45)fl-Artikolu 60, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-awtoritajiet kompetenti, jistgħu jappellaw kontra deċiżjoni tal-Awtorità msemmija fl-Artikoli 17, 18, 19 u 35 u kontra kwalunkwe deċiżjoni oħra meħuda mill-Awtorità f’konformità mal-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) li tkun indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta’ deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, hija ta’ tħassib dirett u individwali għal dik il-persuna.”;

(46)L-Artikolu 62 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Id-dħul tal-Awtorità għandu jikkonsisti, mingħajr preġudizzju għal tipi oħrajn ta’ dħul, fi kwalunkwe kombinazzjoni ta’ dawn li ġejjin:

(a) kontribuzzjoni ta' bilanċ mill-Unjoni, imdaħħla fil-Baġit Ġenerali tal-Unjoni (taqsima dwar il-Kummissjoni), li ma għandhiex taqbeż 40 % tad-dħul proġettat tal-Awtorità;

(b) kontribuzzjonijiet annwali mill-istituzzjonijiet finanzjarji, abbażi tan-nefqa proġettata annwali relatata mal-attivitajiet rikjesti minn dan ir-Regolament u mill-Atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) għal kull kategorija ta’ parteċipanti fi ħdan il-mandat tal-Awtorità;

(c) kwalunkwe tariffa mħallsa lill-Awtorità fil-każijiet speċifikati fl-istrumenti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

(d) kwalunkwe kontribuzzjoni volontarja minn Stati Membri jew osservaturi;

(e) ħlasijiet għal pubblikazzjonijiet, taħriġ u għal kwalunkwe servizz ieħor mitlub mill-awtoritajiet kompetenti.”;

(c)jiżdiedu l-paragrafi 5 u 6 li ġejjin:

“5. Il-kontribuzzjonijiet annwali msemmija fil-paragrafu 1(b) għandhom jinġabru kull sena mingħand istituzzjonijiet finanzjarji individwali mill-awtoritajiet innominati minn kull Stat Membru. Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena finanzjarja, kull Stat Membru għandu jħallas lill-Awtorità l-ammont li huwa mitlub li jiġbor f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-att delegat imsemmi fl-Artikolu 62a.

6. Il-kontribuzzjonijiet volontarji minn Stati Membri u osservaturi msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1 ma għandhomx jiġu aċċettati jekk tali aċċettazzjoni tqajjem dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awtorità.”;

(47)jiddaħħal l-Artikolu 62a li ġej:

“Artikolu 62a

Atti delegati dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali mill-istituzzjonijiet finanzjarji

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’konformità mal-Artikolu 75a, li tadotta atti delegati li jiddeterminaw kif għandhom jiġu kkalkolati l-kontribuzzjonijiet annwali mill-istituzzjonijiet finanzjarji individwali msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 62, filwaqt li jistabbilixxu dawn li ġejjin:

(a) metodoloġija għall-allokazzjoni tan-nefqa proġettata għal kategoriji ta’ istituzzjonijiet finanzjarji bħala bażi għad-determinazzjoni tas-sehem ta’ kontribuzzjonijiet li jridu jsiru mill-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ kull kategorija;

(b) kriterji xierqa u oġġettivi għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet annwali li jridu jitħallsu minn istituzzjonijiet finanzjarji individwali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) abbażi tad-daqs tagħhom sabiex ikunu jirriflettu b’mod approssimattiv l-importanza tagħhom fis-suq.

Il-kriterji msemmija fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu jistgħu jistabbilixxu jew limiti stabbiliti de minimis li taħthom ma tkun dovuta ebda kontribuzzjoni jew inkella livelli minimi li taħthom ma għandhomx jaqgħu l-kontribuzzjonijiet.”;

(48)L-Artikolu 63 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 63

L-istabbiliment tal-Baġit

1. Kull sena, il-Membru inkarigat għandu jfassal abbozz provviżorju tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni tal-Awtorità għat-tliet snin finanzjarji ta’ wara, li jistabbilixxi d-dħul u n-nefqa proġettati, kif ukoll informazzjoni dwar il-persunal, mill-programmazzjoni annwali u pluriennali tiegħu u jibagħtu lill-Bord Eżekuttiv u lill-Bord tas-Superviżuri, flimkien mal-pjan ta’ stabbiliment.

In-nefqa u t-tariffi tal-ESMA relatati mal-kompiti u s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 44b(1) għandhom ikunu identifikabbli separatament fid-dikjarazzjoni tal-estimi msemmija fl-ewwel subparagrafu. Qabel l-adozzjoni ta’ dik id-dikjarazzjoni tal-estimi, l-abbozz imħejji mill-Membru inkarigat b’rabta ma’ tali nfiq u tariffi għandu jiġi approvat mis-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP.

Il-kontijiet annwali tal-ESMA mfassla u ppubblikati f’konformità mal-Artikolu 64(6) għandhom jinkludu l-introjtu u l-ispejjeż relatati mal-kompiti msemmija fl-Artikolu 44b(1).

1a. Il-Bord Eżekuttiv għandu, abbażi tal-abbozz li kien approvat mill-Bord tas-Superviżuri u mis-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP għall-infiq u t-tariffi relatati mal-kompiti u s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 44b(1), jadotta l-abbozz ta’ dokument uniku ta’ programmazzjoni għat-tliet snin finanzjarji li ġejjin.

1b. L-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni għandu jintbagħat mill-Bord Eżekuttiv lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta’ Jannar.

2.    Abbażi tal-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit tal-Unjoni l-estimi li tqis li jkunu meħtieġa fir-rigward tal-pjan ta’ stabbiliment u l-ammont tal-kontribuzzjoni ta' bilanċ li għandu jitħallas lill-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 313 u 314 tat-Trattat.

3.    L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan ta’ stabbiliment għall-Awtorità. L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni ta' bilanċ lill-Awtorità.

4. Il-baġit tal-Awtorità għandu jiġi adottat mill-Bord tas-Superviżuri. Huwa għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn neċessarju, huwa għandu jiġi aġġustat kif xieraq.

5. Il-Bord Eżekuttiv għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lill-awtorità baġitarja bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista’ jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-baġit tiegħu, b’mod partikolari kwalunkwe proġett li jkollu x’jaqsam mal-proprjetà, bħall-kiri jew ix-xiri ta’ bini.”;

(49)L-Artikolu 64 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 64

L-implimentazzjoni u l-kontroll tal-baġit

1. Il-Membru inkarigat għandu jaġixxi bħala uffiċjal awtorizzanti u għandu jimplimenta l-baġit tal-Awtorità.

2. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

3. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat, sal-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, l-informazzjoni kontabilistika meħtieġa għall-finijiet ta’ konsolidazzjoni lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, bil-mod u fil-format stabbiliti minn dak l-uffiċjal tal-kontabilità.

4. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-membri tal-Bord tas-Superviżuri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

5. Wara li jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 148 tar-Regolament Finanzjarju, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Awtorità. Il-Membru inkarigat għandu jibgħathom lill-Bord tas-Superviżuri, li għandu jagħti opinjoni dwar dawn il-kontijiet.

6. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat il-kontijiet finali, akkumpanjati mill-opinjoni tal-Bord tas-Superviżuri, sal-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara, lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Qorti tal-Awdituri.

L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat ukoll, sal-1 ta’ Lulju, pakkett tar-rapporti lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, f’format standardizzat kif stabbilit mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ konsolidazzjoni.

7. Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara.

8. Il-Membru inkarigat għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti tal-Awdituri għall-osservazzjonijiet ta’ din tal-aħħar sat-30 ta’ Settembru. Huwa għandu jibgħat ukoll kopja ta’ dik it-tweġiba lill-Bord Eżekuttiv u lill-Kummissjoni.

9. Il-Membru inkarigat għandu jibgħat lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta’ dan tal-aħħar u kif previst fl-Artikolu 165(3) tar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe informazzjoni li tkun meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni.

10. Il-Parlament Ewropew, wara rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lill-Awtorità għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja N.”;

(50)L-Artikolu 65 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 65

Ir-regoli finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Awtorità għandhom jiġu adottati mill-Bord Eżekuttiv wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawk ir-regoli ma jistgħux jitbiegħdu mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013* għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, sakemm il-ħtiġijiet operattivi speċifiċi għall-funzjonament tal-Awtorità ma jkunux jirrikjedu dan u biss bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

*Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).”;

(51)fl-Artikolu 66, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* għandu japplika għall-Awtorità mingħajr ebda restrizzjoni.

*Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).”;

(52)L-Artikolu 68 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafi 1 u 2 jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1. Ir-Regolamenti dwar il-Persunal, il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Uffiċjali Oħrajn u r-regoli adottati b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-fini tal-applikazzjoni tagħhom għandhom japplikaw għall-persunal tal-Awtorità, inklużi l-membri tal-Bord Eżekuttiv fuq bażi full-time, il-President, il-Kap tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP u d-Diretturi msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 44a(1)(a).

2. Il-Bord Eżekuttiv, bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni meħtieġa, f’konformità mal-arranġamenti previsti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti dwar il-Persunal.”;

(c)il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta dispożizzjonijiet sabiex l-esperti nazzjonali minn Stati Membri jkunu jistgħu jiġu ssekondati lill-Awtorità.”;

(53)L-Artikolu 70 jiġi emendat kif ġej:

(b)    il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1. Il-membri tal-Bord tas-Superviżuri u l-membri tal-persunal kollha tal-Awtorità, inklużi l-uffiċjali li jiġu ssekondati mill-Istati Membri fuq bażi temporanja u l-persuni l-oħrajn kollha li jwettqu kompiti għall-Awtorità fuq bażi kuntrattwali, għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 339 tat-TFUE u d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, anki wara li jkunu ntemmu dmirijiethom.”;

(c)fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Barra minn hekk, l-obbligu skont il-paragrafu 1 u l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux iżomm lill-Awtorità u lill-awtoritajiet kompetenti milli jużaw l-informazzjoni għall-infurzar tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) u, b’mod partikolari, għall-proċeduri legali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet.”;

(d)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a. Il-Bord Eżekuttiv, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP u l-Bord tas-Superviżuri għandhom jiżguraw li l-individwi li jipprovdu kwalunkwe servizz, direttament jew indirettament, b’mod permanenti jew okkażjonali, fir-rigward tal-kompiti tal-Awtorità, inklużi uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-Bord Eżekuttiv u mill-Bord tas-Superviżuri jew maħtura mill-awtoritajiet kompetenti għal dak l-iskop, ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali ekwivalenti għal dawk fil-paragrafi preċedenti.

L-istess rekwiżiti għas-segretezza professjonali għandhom japplikaw ukoll għall-osservaturi li jattendu l-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv, tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP u tal-Bord tas-Superviżuri li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Awtorità.”;

(e)fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx iżommu lill-Awtorità milli tiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament u ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji.”;

(54)L-Artikolu 71 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-ipproċessar tad-data personali tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2016/679 jew l-obbligi tal-Awtorità relatati mal-ipproċessar tad-data personali tagħha skont ir-Regolament (UE) Nru 2018/XXX (ir-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data għall-Istituzzjonijiet u l-Korpi tal-UE) waqt il-qadi tar-responsabbiltajiet tagħha.”;

(55)fl-Artikolu 72, il-paragrafu 2 jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“2. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta miżuri prattiċi għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.”

(56)fl-Artikolu 73, il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2. Il-Bord Eżekuttiv għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti lingwistiċi interni għall-Awtorità.”;

(57)fl-Artikolu 74, l-ewwel paragrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li trid tiġi pprovduta għall-Awtorità fl-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede tagħha u l-faċilitajiet li għandhom ikunu disponibbli minn dak l-Istat Membru, kif ukoll ir-regoli speċifiċi applikabbli f’dak l-Istat Membru għall-persunal tal-Awtorità u għall-membri tal-familji tagħhom għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn l-Awtorità u dak l-Istat Membru konkluż wara li tkun inkisbet l-approvazzjoni tal-Bord Eżekuttiv.”;

(58)jiddaħħal l-Artikolu 75a li ġej:

“Artikolu 75a

Eżerċitar tad-delega

1. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-atti delegati soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 35c u fl-Artikolu 62a għandha tingħata għal perjodu ta’ żmien indeterminat.

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 35c u fl-Artikolu 62a tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4.    Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 35c jew l-Artikolu 62(2a) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(59)L-Artikolu 76 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 76

Ir-relazzjoni mal-KRET

L-Awtorità għandha titqies bħala s-suċċessur legali tal-KRET. Sad-data tal-istabbiliment tal-Awtorità, l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha u l-operazzjonijiet kollha pendenti tal-KRET għandhom jiġu ttrasferiti awtomatikament lill-Awtorità. Il-KRET għandu jistabbilixxi dikjarazzjoni li turi s-sitwazzjoni fl-għeluq tal-assi u l-obbligazzjonijiet tiegħu sa mid-data ta’ dak it-trasferiment. Dik id-dikjarazzjoni għandha tiġi vverifikata u approvata mill-KRET u mill-Kummissjoni”.

(60)jiddaħħal Artikolu 77a il-ġdid:

Artikolu 77a

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Il-kompiti u l-pożizzjoni tad-Direttur Eżekuttiv maħtur f’konformità mar-Regolament Nru 1095/2010 kif emendat l-aħħar mid-Direttiva 2014/51/UE u fil-kariga tiegħu fi [PO: jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 3 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] għandhom jieqfu f’dik id-data.

Il-kompiti u l-pożizzjoni tal-President maħtur f’konformità mar-Regolament Nru 1095/2010 kif emendat l-aħħar mid-Direttiva 2014/51/UE u fil-kariga tiegħu fi [PO: jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 3 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] għandhom ikomplu sal-iskadenza tad-data.

Il-kompiti u l-pożizzjoni tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija maħtura f’konformità mar-Regolament Nru 1095/2010 kif emendat l-aħħar mid-Direttiva 2014/51/UE u fil-kariga tagħhom fi [PO: jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 3 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] għandhom jieqfu f’dik id-data.”.

Artikolu 4

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju

Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 jiġi emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 2 jiġi emendat kif ġej:

(b)fil-paragrafu 1, jitħassar il-punt (c);

(c)il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.    L-Artikoli 3 sa 6, l-Artikolu 12, il-punti (c) u (i) tal-Artikolu 13(1), l-Artikoli 14a sa 19, 19a sa 19c, 20, 20a sa 20c, 21, 21a sa 21d u 25 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv awtorizzati skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/61/UE li jiġġestixxu portafolli ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u li għandhom il-ħsieb li jużaw id-deżinjazzjoni "EuVECA" fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawk il-fondi fl-Unjoni.”;

(2)fl-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu jiġi emendat kif ġej:

(b)il-punt (m) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(m)    ‘awtorità kompetenti’ tfisser kwalunkwe awtorità kompetenti msemmija fil-punti (f) u (h) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE;”;

(c)jitħassar il-punt (n);

(3)fl-Artikolu 7, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li jridu jintużaw sabiex jiġi vvalutat jekk il-maniġers ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti humiex konformi mal-obbligi tagħhom skont il-punti (a) sa (g) tal-paragrafu 1, sabiex b’hekk tiġi żgurata l-konsistenza mal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2011/61/UE.

L-ESMA għandha tippreżenta l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [[PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ]].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(4)fl-Artikolu 8, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 25 li jispeċifikaw ir-rekwiżiti għad-delega tal-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, sabiex b’hekk tiġi żgurata l-konsistenza mar-rekwiżiti applikabbli għad-delega tal-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/61/UE.”;

(5)L-Artikolu 10 jiġi emendat kif ġej:

(b)fit-tieni u fl-aħħar sentenza tal-paragrafu 3, il-kliem “l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom” jiġi sostitwit bil-kelma “ESMA”;

(c)fil-paragrafu 5, il-kliem “l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom” jiġi sostitwit bil-kelma “ESMA”;

(d)jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

“7.    L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-riżorsi tekniċi u umani xierqa meħtieġa għall-ġestjoni xierqa tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti msemmija fil-paragrafu 1.

L-ESMA għandha tippreżenta l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(6)fl-Artikolu 11, jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

“3.    L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-regoli u l-proċeduri għall-valutazzjoni tal-assi msemmija fil-paragrafu 1, sabiex b’hekk tiġi żgurata l-konsistenza mar-rekwiżiti applikabbli għall-valutazzjoni tal-assi stabbiliti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/61/UE.

L-ESMA għandha tissottometti l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(7)L-Artikolu 12 jiġi emendat kif ġej:

(b)fil-paragrafu 1, fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu, il-kliem “l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju” jiġi sostitwit bil-kelma “ESMA”;

(c)il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.    L-ESMA għandha tagħmel disponibbli, fuq talba, l-informazzjoni miġbura skont dan l-Artikolu għall-awtoritajiet kompetenti fil-ħin.”;

(8)L-Artikolu 14 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi emendat kif ġej:

(i)fil-kliem introduttorju, il-kliem “l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom” jiġi sostitwit bil-kelma “ESMA”;

(ii)jiddaħħal il-punt (-a) li ġej:

“(-a)    l-Istat Membru fejn il-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu”;

(iii)    il-punt (b) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(b)    l-identità u d-domiċilju tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, li l-unitajiet jew l-ishma tagħhom iridu jiġu kkummerċjalizzati, flimkien mal-istrateġiji ta’ investiment tagħhom”;

(c)fil-kliem introduttorju tal-paragrafu 2, il-kliem “l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju” jiġi sostitwit bil-kelma “ESMA”;

(d)il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.    L-ESMA għandha tinforma lil dawn kollha li ġejjin jekk il-maniġer imsemmi fil-paragrafu 1 kienx irreġistrat bħala maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti mhux aktar tard minn xahrejn wara li jkun ipprovda l-informazzjoni kollha msemmija f’dak il-paragrafu:

(a)    il-maniġer imsemmi fil-paragrafu 1;

(b)    l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri msemmija fil-punt (-a) tal-paragrafu 1;

(c)    l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1.”;

(e)    il-paragrafu 6 jiġi emendat kif ġej:

(i)fl-ewwel subparagrafu, il-kliem “l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom” jiġi sostitwit bil-kelma “ESMA”;

(ii)it-tieni subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Meta l-ESMA toġġezzjona għall-bidliet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, hija għandha tinforma lill-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dawk il-bidliet u għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-oġġezzjoni. Il-bidliet imsemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jiġu implimentati biss, diment li l-ESMA ma toġġezzjonax għal dawk il-bidliet matul dak il-perjodu.”;

(f)    il-paragrafi 7 u 8 jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“7.    L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji sabiex tiġi vvalutata r-reputazzjoni tajba biżżejjed u l-esperjenza suffiċjenti msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2.

L-ESMA għandha tissottometti l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

8.    L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni dwar l-ispeċifikazzjoni tal-formoli, tal-mudelli u tal-proċeduri għall-għoti tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, inkluża l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 2.

L-ESMA għandha tippreżenta l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(9)L-Artikolu 14a jiġi emendat kif ġej:

(b)fil-kliem introduttorju tal-paragrafu 2, il-kliem “l-awtorità kompetenti tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti” jiġi sostitwit bil-kelma “ESMA”;

(c)il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.    Għall-finijiet tal-valutazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont il-paragrafu 1, l-ESMA għandha tistaqsi lill-awtorità kompetenti tal-maniġer li jissottometti l-applikazzjoni jekk il-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ dak il-maniġer sabiex jiġġestixxi l-impriżi ta’ investiment kollettiv u jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (a) tal-Artikolu 14(2) humiex issodisfati.

L-ESMA tista’ titlob kjarifika u informazzjoni rigward id-dokumentazzjoni u l-informazzjoni pprovduti skont l-ewwel subparagrafu.

L-awtorità kompetenti tal-maniġer għandha tipprovdi tweġiba fi żmien xahar mid-data tal-wasla ta’ talba sottomessa mill-ESMA skont l-ewwel jew it-tieni subparagrafi.”;

(d)fil-paragrafu 5, il-kliem “l-awtorità kompetenti tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti” jiġi sostitwit bil-kelma “ESMA”;

(e)il-paragrafu 6 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“6.    L-ESMA għandha tinforma lil dawn kollha li ġejjin jekk fond kienx irreġistrat bħala maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti mhux aktar tard minn xahrejn wara li l-maniġers ta’ dawk il-fondi jkunu pprovdew id-dokumentazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 2:

(a)    il-maniġer imsemmi fil-paragrafu 1;

(b)    l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru msemmija fl-Artikolu 14(1)(-a);

(c)    l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 14(1)(d);

(d)    l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 14a(2)(d).”;

(f)il-paragrafu 8 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“8. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tispeċifika l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-forniment tal-informazzjoni msemmija f’konformità mal-paragrafu 2.

L-ESMA għandha tippreżenta l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(g)jitħassru l-paragrafi 9 u 10;

(10)L-Artikolu 14b jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 14b

L-ESMA għandha tinnotifika kwalunkwe deċiżjoni li tirrifjuta li tirreġistra maniġer imsemmi fl-Artikolu 14 jew fond imsemmi fl-Artikolu 14a lill-maniġers imsemmija f’dawk l-Artikoli.”;

(11)jiddaħħal l-Artikolu 14c li ġej:

“Artikolu 14c

1.    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, l-ESMA għandha tirtira r-reġistrazzjoni għal EuVECA meta l-maniġer ta’ dak l-EuVECA jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)    il-maniġer ikun irrinunzja espressament l-awtorizzazzjoni jew ma jkunx għamel użu mill-awtorizzazzjoni fi żmien sitt xhur wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni;

(b)    il-maniġer ikun kiseb l-awtorizzazzjoni billi għamel dikjarazzjonijiet foloz jew bi kwalunkwe mezz irregolari ieħor;

(c)    l-EuVECA ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet li taħthom kien awtorizzat.

2.    L-irtirar tal-awtorizzazzjoni għandu jkollu effett immedjat madwar l-Unjoni kollha.”;

(12)fl-Artikolu 15, il-kliem “l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju” jiġi sostitwit bil-kelma “ESMA”;

(13)L-Artikolu 16 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.    L-ESMA għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-punt (4) tal-Artikolu 14 u fil-punt (6) tal-Artikolu 14a minnufih dwar kwalunkwe reġistrazzjoni jew tneħħija mir-reġistru ta’ maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, kwalunkwe żieda jew tneħħija mir-reġistru ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u kwalunkwe żieda jew tneħħija mil-lista ta’ Stati Membri fejn maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandu l-ħsieb li jikkummerċjalizza dawk il-fondi.”;

(c)il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina l-format tan-notifika skont dan l-Artikolu.

L-ESMA għandha tippreżenta l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(d)jitħassru l-paragrafi 4 u 5:

(14)jitħassar l-Artikolu 16a;

(15)L-Artikolu 18 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 18

1.    L-ESMA għandha tiżgura li dan ir-Regolament jiġi applikat fuq bażi kontinwa.

2.    Għall-maniġers imsemmija fl-Artikolu 2(1), l-ESMA għandha tissorvelja l-konformità mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

3.    Għall-maniġers imsemmija fl-Artikolu 2(2), l-ESMA għandha tissorvelja l-konformità mar-regoli stipulati fid-dispożizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2(2) u mar-rekwiżiti rilevanti tad-Direttiva 2011/61/UE fir-rigward tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti.

L-ESMA għandha tkun responsabbli mis-superviżjoni tal-konformità tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti mal-obbligi stabbiliti fir-regoli u l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-fond.

4.    Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament u bl-objettiv li jiġu żgurati standards għolja ta’ superviżjoni, l-ESMA għandha tapplika d-drittijiet tal-Unjoni kollha rilevanti u, meta dak id-dritt tal-Unjoni jkun magħmul minn direttivi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-direttivi.

5.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jissorveljaw li l-impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti jew ikkummerċjalizzati fit-territorji tagħhom ma jużawx id-deżinjazzjoni "EuVECA" jew ma jissuġġerixxux li huma EuVECA, sakemm ma jkunux irreġistrati f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Meta awtorità kompetenti temmen li impriża ta’ investiment kollettiv tuża d-deżinjazzjoni "EuVECA", jew tissuġġerixxi li hija EuVECA mingħajr ma tkun ġiet irreġistrata f’konformità ma’ dan ir-Regolament, hija għandha tinforma b’dan minnufih lill-ESMA.”;

(16)L-Artikolu 19 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 19

Is-setgħat mogħtija lill-ESMA, lil xi uffiċjal tal-ESMA jew lil kwalunkwe persuna oħra awtorizzata mill-ESMA skont l-Artikoli 19a sa 19c ma għandhomx jintużaw biex jesiġu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni jew dokumenti li huma soġġetti għal privileġġ legali.”;

(17)jiddaħħlu l-Artikoli 19a, 19b u 19c li ġejjin:

“Artikolu 19a

1. L-ESMA tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew b’deċiżjoni, titlob lill-persuni li ġejjin jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex hija tkun tista’ taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament:

(a) il-maniġers ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti;

(b) il-persuni involuti fil-ġestjoni tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti;

(c) il-partijiet terzi li maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti ikun iddelegalhom funzjonijiet;

(d) il-persuni li huma b’mod ieħor relatati jew konnessi mill-qrib u b’mod sostanzjali mal-ġestjoni tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti.

2. Kwalunkwe talba sempliċi għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha:

(a) tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b) tiddikjara l-fini tat-talba;

(c) tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d) tinkludi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e) tinkludi dikjarazzjoni li ma hemm ebda obbligu fuq il-persuna li mingħandha tintalab l-informazzjoni sabiex tipprovdi dik l-informazzjoni, iżda li f’każ ta’ tweġiba volontarja għat-talba, l-informazzjoni pprovduta ma tridx tkun skorretta jew qarrieqa;

(f) tindika l-ammont tal-multa li trid tinħareġ f’konformità mal-Artikolu 20a meta l-informazzjoni pprovduta tkun skorretta jew qarrieqa.

3. Meta titlob il-forniment ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 1 b’deċiżjoni, l-ESMA għandha:

(a) tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b) tiddikjara l-fini tat-talba;

(c) tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d) tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e) tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 20b meta l-produzzjoni tal-informazzjoni meħtieġa ma tkunx kompluta;

(f) tindika l-multa prevista fl-Artikolu 20a, meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru jkunu skorretti jew qarrieqa;

(g) tindika d-dritt għal appell tad-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell tal-ESMA u għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ("il-Qorti tal-Ġustizzja") f’konformità mal-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4. Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati sabiex jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom, għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba. L-avukati debitament awtorizzati sabiex jaġixxu jistgħu jfornu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli bis-sħiħ jekk l-informazzjoni fornuta tkun inkompleta, skorretta jew qarrieqa.

5. L-ESMA għandha tibgħat mingħajr dewmien kopja tat-talba sempliċi jew tad-deċiżjoni tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huma domiċiljati jew stabbiliti l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ikkonċernati mit-talba għall-informazzjoni.

Artikolu 19b

1. Sabiex taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq l-investigazzjonijiet meħtieġa tal-persuni msemmija fl-Artikolu 19a(1). Għal dak l-għan, l-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA għandu jkollhom is-setgħa li:

(a) jeżaminaw kwalunkwe rekord, data, proċedura u kwalunkwe materjal ieħor rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, irrispettivament mill-mezz li fuqu jinħażnu;

(b) jieħdu jew jiksbu kopji ċċertifikati ta’ jew siltiet minn tali rekords, data, proċeduri u materjal ieħor;

(c) isejħu u jitolbu lil kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 19a(1) jew lir-rappreżentanti jew lill-membri tal-persunal tagħhom għal spjegazzjonijiet bil-fomm jew bil-miktub dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u sabiex jinżamm rekord tat-tweġibiet;

(d) jintervistaw lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li tagħti l-kunsens sabiex tiġi intervistata għall-fini tal-ġbir ta’ informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni;

(e) jitolbu rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data.

2. L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA għall-finijiet tal-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom meta jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tindika wkoll il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 20b meta l-produzzjoni tar-rekords, tad-data u tal-proċeduri meħtieġa jew ta’ kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ, jew it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmija fl-Artikolu 19a(1) ma jiġux ipprovduti jew ma jkunux kompluti, kif ukoll il-multi previsti fl-Artikolu 20, meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmija fl-Artikolu 19a(1) ikunu skorretti jew qarrieqa.

3. Il-persuni msemmija fl-Artikolu 19a(1) huma mitluba jissottomettu ruħhom għal investigazzjonijiet imnedija abbażi ta’ deċiżjoni tal-ESMA. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni, il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 20b, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u d-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4. Fi żmien adatt qabel l-investigazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn trid titwettaq l-investigazzjoni dwar l-investigazzjoni u l-identità tal-persuni awtorizzati. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu lil dawk il-persuni awtorizzati fil-qadi ta’ dmirijiethom. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata jistgħu jattendu wkoll l-investigazzjonijiet jekk jintalbu jagħmlu dan.

5. Jekk talba għal rekords tat-traffiku tat-telefon jew tad-data msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali skont il-liġi nazzjonali applikabbli, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tista’ ssir ukoll applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħal din bħala miżura ta’ prekawzjoni.

6. Meta awtorità ġudizzjarja nazzjonali tirċievi applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ talba għar-rekords tat-telefon jew tat-traffiku tad-data msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1, dik l-awtorità għandha tivverifika dawn li ġejjin:

(a)    id-deċiżjoni adottata mill-ESMA msemmija fil-paragrafu 3 hija awtentika;

(b)    kwalunkwe miżura li trid tittieħed hija proporzjonata u mhux arbitrarja jew eċċessiva.

7. Għall-finijiet tal-punt (b), l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari relatati mar-raġunijiet li jkollha l-ESMA dwar suspett li seħħ ksur ta’ dan ir-Regolament u s-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrevedi l-ħtieġa għall-investigazzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fuq il-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 19c

1. Sabiex taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq l-ispezzjonijiet fuq il-post kollha meħtieġa fi kwalunkwe bini tan-negozju tal-persuni msemmija fl-Artikolu 19a(1).

2. L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA sabiex iwettqu spezzjoni fuq il-post jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini tan-negozju tal-persuni soġġetti għal deċiżjoni ta’ investigazzjoni adottata mill-ESMA u għandu jkollhom is-setgħat kollha stipulati fl-Artikolu 19b(1). Huma għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jissiġillaw kwalunkwe bini tan-negozju u l-kotba jew ir-reġistri għall-perjodu tal-ispezzjoni u safejn ikun meħtieġ.

3. Fi żmien suffiċjenti qabel l-ispezzjoni, l-ESMA għandha tagħti avviż tal-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun trid titwettaq l-ispezzjoni. Meta t-twettiq u l-effiċjenza xierqa tal-ispezzjoni jkunu jirrikjedu dan, l-ESMA tista’, wara li tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti, twettaq l-ispezzjoni fuq il-post mingħajr notifika minn qabel. L-ispezzjonijiet f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jitwettqu sakemm l-awtorità rilevanti tkun ikkonfermat li hija ma toġġezzjonax għal dawk l-ispezzjonijiet.

4. L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA sabiex iwettqu spezzjoni fuq il-post għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 20b meta l-persuni kkonċernati ma jissottomettux irwieħhom għall-ispezzjoni.

5. Il-persuni msemmija fl-Artikolu 19a(1) għandhom jissottomettu rwieħhom għall-investigazzjonijiet fuq il-post ordnati b’deċiżjoni tal-ESMA. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, tispeċifika d-data meta din għandha tibda u tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 20b, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010, kif ukoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

6. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn għandha titwettaq l-ispezzjoni, kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura minnha, għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu b’mod attiv lill-uffiċjali u lil persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA. L-uffiċjali ta’ dik l-awtorità kompetenti jistgħu jattendu wkoll l-ispezzjonijiet fuq il-post wara li ssirilhom talba.

7. L-ESMA tista’ tesiġi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu kompiti investigattivi speċifiċi u spezzjonijiet fuq il-post kif previst f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 19b(1) f’isimha. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom igawdu l-istess setgħat tal-ESMA kif stabbilit f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 19b(1).

8. Meta l-uffiċjali u persuni oħrajn li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-ESMA jsibu li persuna topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tagħtihom l-assistenza meħtieġa, billi titlob, fejn xieraq, l-assistenza tal-pulizija jew ta’ awtorità tal-infurzar ekwivalenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom fuq il-post.

9. Jekk l-ispezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew l-assistenza prevista fil-paragrafu 7 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali skont il-liġi nazzjonali applikabbli, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tista’ ssir ukoll applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħal din bħala miżura ta’ prekawzjoni.

10. Meta awtorità ġudizzjarja nazzjonali tirċievi applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ spezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew l-assistenza prevista fil-paragrafu 7, dik l-awtorità għandha tivverifika dawn li ġejjin:

(a)    id-deċiżjoni adottata mill-ESMA msemmija fil-paragrafu 4 hija awtentika;

(b)    kwalunkwe miżura li trid tittieħed hija proporzjonata u mhux arbitrarja jew eċċessiva.

11. Għall-finijiet tal-punt (b), l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari relatati mar-raġunijiet li jkollha l-ESMA dwar suspett li seħħ ksur ta’ dan ir-Regolament u s-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrevedi l-ħtieġa għall-investigazzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fuq il-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(18)L-Artikolu 20 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 20

1. Meta, f’konformità mal-Artikolu 21(5), l-ESMA ssib li persuna tkun wettqet wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 20a(2), hija għandha tieħu waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a) tirtira r-reġistrazzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jew tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti;

(b) tadotta deċiżjoni li titlob lill-persuna ttemm il-ksur;

(c) tadotta deċiżjoni li timponi multi;

(d) toħroġ avviżi pubbliċi.

2. Meta tieħu l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha tqis in-natura u s-serjetà tal-ksur, filwaqt li tqis il-kriterji li ġejjin:

(a) it-tul ta’ żmien u l-frekwenza tal-ksur;

(b) jekk ir-reat finanzjarju ġiex ikkawżat, iffaċilitat jew attribwit b’mod ieħor għall-ksur;

(c) jekk il-ksur twettaqx intenzjonalment jew b’mod negliġenti;

(d) il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(e) is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli għall-ksur, kif indikat mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew l-introjtu annwali u l-assi netti tal-persuna fiżika responsabbli;

(f) l-impatt tal-ksur fuq l-interessi tal-investituri fil-livell tal-konsum;

(g) l-importanza tal-profitti miksuba, it-telf evitat mill-persuna responsabbli għall-ksur jew it-telf għall-partijiet terzi minħabba l-ksur, safejn dawn ikunu jistgħu jiġu stabbiliti;

(h) il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ksur mal-ESMA, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;

(i) il-ksur preċedenti mill-persuna responsabbli għall-ksur;

(j) il-miżuri meħuda wara l-ksur mill-persuna responsabbli għall-ksur biex tiġi evitata r-repetizzjoni tiegħu.

3. Mingħajr dewmien bla bżonn, l-ESMA għandha tinnotifika kwalunkwe azzjoni meħuda skont il-paragrafu 1 lill-persuna responsabbli għall-ksur u għandha tikkomunikaha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni. Hija għandha tiddivulga kwalunkwe azzjoni bħal din fuq is-sit web tagħha fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-data meta tkun ġiet adottata.

4. Id-divulgazzjoni lill-pubbliku msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(a)    dikjarazzjoni li tafferma d-dritt tal-persuna responsabbli għall-ksur li tappella d-deċiżjoni;

(b)    fejn rilevanti, dikjarazzjoni li tafferma li ġie ppreżentat appell u li tispeċifika li tali appell ma għandux effett sospensiv;

(c)    dikjarazzjoni li tasserixxi li huwa possibbli għall-Bord tal-Appell tal-ESMA li jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’konformità mal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(19)jiddaħħlu l-Artikoli 20a, 20b u 20c li ġejjin:

“Artikolu 20a

1. Meta, f’konformità mal-Artikolu 21(8), l-ESMA ssib li kwalunkwe persuna wettqet, intenzjonalment jew b’mod negliġenti, wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fil-paragrafu 2, hija għandha tadotta deċiżjoni li timponi multa f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Ksur għandu jitqies bħala li twettaq intenzjonalment jekk l-ESMA ssib fatturi oġġettivi li juru li persuna aġixxiet deliberatament biex twettaq il-ksur.

2. Il-lista ta’ tipi ta’ ksur imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun din li ġejja:

(a)    nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti li japplikaw għall-kompożizzjoni tal-portafoll bi ksur tal-Artikolu 5;

(b)    il-kummerċjalizzazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 6, tal-unitajiet u l-ishma ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti lil investituri mhux eliġibbli;

(c)    l-użu tad-deżinjazzjoni "EuVECA" mingħajr ma tkun ġiet irreġistrata f’konformità mal-Artikolu 14, jew mingħajr ma impriża ta’ investiment kollettiv tkun ġiet irreġistrata f’konformità mal-Artikolu 14a;

(d)    l-użu tad-deżinjazzjoni "EuVECA" għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi li mhumiex stabbiliti f’konformità mal-punt (b)(iii) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3;

(e)    il-kisba ta’ reġistrazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew bi kwalunkwe mezz irregolari ieħor, bi ksur tal-Artikolu 14 jew tal-Artikolu 14a;

(f)    nuqqas ta’ azzjoni b’mod onest u ġust jew bil-ħila, l-attenzjoni jew id-diliġenza xierqa fit-twettiq tan-negozju, bi ksur tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7;

(g)    nuqqas ta’ applikazzjoni tal-politiki u l-proċeduri xierqa għall-prevenzjoni ta’ prattiki ħżiena, bi ksur tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7;

(h)    nuqqas ripetut ta’ konformità mar-rekwiżiti skont l-Artikolu 12 dwar ir-rapport annwali;

(i)    nuqqas ripetut ta’ konformità mal-obbligu li l-investituri jiġu informati f’konformità mal-Artikolu 13.

3. L-ammont tal-multi msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun ta’ mill-inqas EUR 500 000 u mhux aktar minn EUR 5 miljun għat-tipi ta’ ksur imsemmija fil-punti (a) sa (i) tal-paragrafu 2.

4. Meta tiġi biex tiddetermina l-livell ta’ multa skont il-paragrafu 3, l-ESMA għandha tqis il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 20(2).

5. Minkejja l-paragrafu 3, meta persuna tkun ibbenifikat finanzjarjament mill-ksur, direttament jew indirettament, l-ammont tal-multa għandu jkun mill-inqas ugwali għal dak il-benefiċċju.

Meta att jew ommissjoni ta’ persuna jikkostitwixxu aktar minn wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fil-paragrafu 2, għandha tapplika biss l-ogħla multa kkalkolata f’konformità mal-paragrafu 4 u relatata ma’ wieħed minn dawk it-tipi ta’ ksur.

Artikolu 20b

1. L-ESMA għandha, permezz ta’ deċiżjoni, timponi ħlasijiet perjodiċi ta’ penali sabiex iġġiegħel:

(a) persuna ttemm ksur f’konformità ma’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 20(1)(b);

(b) persuna msemmija fl-Artikolu 19a(1):

(i)    tipprovdi informazzjoni kompleta li tkun intalbet permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 19a;

(ii)    tissottometti ruħha għal investigazzjoni u, b’mod partikolari, tipproduċi rekords, data u proċeduri kompluti jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ u timla u tikkoreġi informazzjoni oħra pprovduta f’investigazzjoni mnedija permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 19b;

(iii)    tissottometti ruħha għal spezzjoni fuq il-post ordnata permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 19c.

2. Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jkun effettiv u proporzjonat. Il-ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal kull jum ta’ dewmien.

3. Minkejja l-paragrafu 2, l-ammont tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandu jkun 3 % tal-fatturat medju ta’ kuljum fis-sena finanzjarja preċedenti, jew, fil-każ ta’ persuni fiżiċi, 2 % tal-introjtu medju ta’ kuljum fis-sena kalendarja preċedenti. Huwa għandu jiġi kkalkolat mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-ħlas perjodiku ta’ penali.

Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal perjodu massimu ta’ sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-ESMA. Wara t-tmiem tal-perjodu, l-ESMA għandha tirrevedi l-miżura.

Artikolu 20c

1. L-ESMA għandha tiddivulga lill-pubbliku kull multa u ħlas perjodiku ta’ penali li jkunu ġew imposti skont l-Artikoli 20a u 20b, sakemm tali divulgazzjoni lill-pubbliku ma tipperikolax serjament is-swieq finanzjarji jew sakemm ma tikkawżax dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti.

2. Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 20a u 20b għandhom ikunu ta’ natura amministrattiva.

3. Meta l-ESMA tiddeċiedi li ma timponi ebda multa jew ħlas ta’ penali, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati u tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

4. Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 20a u 20b għandhom ikunu infurzabbli.

L-infurzar għandu jkun irregolat mir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz li fih jitwettaq.

5. L-ammonti tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandhom jiġu allokati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.”;

(20)L-Artikoli 21 u 21a jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“Artikolu 21

1. Meta, fil-qadi ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 20a(2), hija għandha taħtar uffiċjal indipendenti tal-investigazzjoni fi ħdan l-ESMA sabiex jinvestiga l-kwistjoni. L-uffiċjal maħtur ma għandux jiġi involut jew ikun ġie involut, direttament jew indirettament, fl-approvazzjoni tal-prospett li miegħu jkun relatat il-ksur u għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu indipendentement mill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

2. L-uffiċjal tal-investigazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinvestiga l-allegat ksur, filwaqt li jikkunsidra kwalunkwe kumment sottomess mill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet, u għandu jissottometti fajl komplut bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

3. Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jitlob informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 19a u li jwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 19b u 19c.

4. Meta jwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha miġbura mill-ESMA fl-attivitajiet superviżorji tagħha.

5. Meta jlesti l-investigazzjoni tiegħu u qabel jippreżenta l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jagħti lill-persuni soġġetti għall-investigazzjoni l-opportunità li jinstemgħu dwar il-kwistjonijiet li jkunu qegħdin jiġu investigati. L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jibbaża s-sejbiet tiegħu biss fuq fatti li l-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jikkummentaw dwarhom.

6. Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ matul l-investigazzjonijiet skont dan l-Artikolu.

7. Meta jippreżenta l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinnotifika lill-persuni li huma soġġetti għall-investigazzjonijiet. Il-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt tal-aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali li taffettwa lil partijiet terzi.

8. Abbażi tal-fajl li jkun fih is-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni u, meta tintalab mill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet, wara li tkun semgħet lil dawk il-persuni f’konformità mal-Artikolu 20b, l-ESMA għandha tiddeċiedi jekk wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 20a(2) ikunux twettqu mill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet u, f’każ bħal dan, għandha tieħu miżura superviżorja f’konformità mal-Artikolu 20.

9. L-uffiċjal tal-investigazzjoni ma għandux jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA jew jintervjeni bi kwalunkwe mod ieħor fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

10. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 25 sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ] sabiex tispeċifika r-regoli ta’ proċedura sabiex tiġi eżerċitata s-setgħa li jiġu imposti multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ difiża, dispożizzjonijiet temporali u l-ġbir ta’ multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, kif ukoll il-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali.

11. L-ESMA għandha tirreferi kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali lill-awtoritjiet nazzjonali rilevanti meta, fil-qadi ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, hija ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jkunu jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali. Barra minn hekk, l-ESMA għandha żżomm lura milli timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali meta tkun diġà ngħatat il-liberazzjoni mill-akkuża jew kundanna, li tirriżulta minn fatt identiku jew fatti li jkunu sostanzjalment l-istess li diġà ngħataw il-forza ta' res judicata bħala riżultat ta' proċedimenti kriminali skont il-liġi nazzjonali.”

“Artikolu 21a

1. Qabel tieħu kwalunkwe deċiżjoni skont l-Artikoli 20, 20a u 20b, l-ESMA għandha tagħti lill-persuni soġġetti għall-proċedimenti l-opportunità li jinstemgħu dwar is-sejbiet tagħha. L-ESMA għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq is-sejbiet li dwarhom il-persuni soġġetti għall-proċedimenti kellhom opportunità li jikkummentaw.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika jekk tkun meħtieġa azzjoni urġenti skont l-Artikolu 20 sabiex ma titħalliex li ssir ħsara sinifikanti u imminenti lis-sistema finanzjarja. F’każ bħal dan, l-ESMA tista’ tadotta deċiżjoni interim u għandha tagħti lill-persuni kkonċernati l-opportunità li jinstemgħu malajr kemm jista’ jkun wara li tieħu d-deċiżjoni tagħha.

2. Id-dritt tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-proċedimenti għandu jiġi rrispettat bis-sħiħ matul il-proċedimenti. Dawn għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-ESMA, soġġetti għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-ESMA.

(21)jiddaħħlu l-Artikoli 21b, 21c u 21d li ġejjin:

“Artikolu 21b

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni bla limitu sabiex tirrevedi d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-ESMA tkun imponiet multa jew ħlas perjodiku ta’ penali. Hija tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas perjodiku ta’ penali imposti.

Artikolu 21c

1. L-ESMA għandha titlob tariffi lill-maniġers ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti f’konformità ma’ dan ir-Regolament u f’konformità mal-atti delegati adottati skont il-paragrafu 3. Dawk it-tariffi għandhom ikopru b’mod sħiħ in-nefqa meħtieġa tal-ESMA li tirrigwardja r-reġistrazzjoni, l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-maniġers ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u r-rimborż ta’ kwalunkwe kostijiet li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jġarrbu fit-twettiq ta’ ħidmiethom skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega tal-kompiti f’konformità mal-Artikolu 21d.

2. L-ammont ta’ tariffa individwali mitluba lil maniġer partikolari ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandu jkopri l-kostijiet amministrattivi kollha mġarrba mill-ESMA għall-attivitajiet tagħha fir-rigward tar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni kontinwa ta’ maniġer ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti. Huwa għandu jkun proporzjonat mal-assi taħt il-ġestjoni tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti kkonċernat jew, fejn rilevanti, mal-fondi proprji tal-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti.

3. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 25 sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ] sabiex tispeċifika t-tip ta’ tariffi, il-materji li għalihom huma dovuti t-tariffi, l-ammont tat-tariffi u l-mod kif għandhom jitħallsu.

Artikolu 21d

1. Fejn meħtieġ għat-twettiq xieraq ta’ kompitu superviżorju, l-ESMA tista’ tiddelega kompiti superviżorji speċifiċi lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru f’konformità mal-linji gwida maħruġa mill-ESMA skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 1095/2010. Tali kompiti superviżorji speċifiċi jistgħu, b’mod partikolari, jinkludu s-setgħa li jitwettqu talbiet għal informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 19a u li jitwettqu investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 19b u 19c.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, ir-reġistrazzjonijiet skont l-Artikoli 14 u 14a ma għandhomx jiġu ddelegati.

2. Qabel tiddelega kompitu f’konformità mal-paragrafu 1, l-ESMA għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti rilevanti dwar:

(a) il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompitu li jrid jiġi ddelegat;

(b) l-iskeda ta’ żmien għat-twettiq tal-kompitu; u

(c) it-trażmissjoni tal-informazzjoni meħtieġa mill-ESMA u lilha.

3. L-ESMA għandha tirrimborża lil awtorità kompetenti għall-kostijiet imġarrba bħala riżultat tat-twettiq tal-kompiti ddelegati f’konformità mal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 21c(3).

4. L-ESMA għandha tirrevedi kwalunkwe delega magħmula f’konformità mal-paragrafu 1 f’intervalli xierqa. Delega tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin.

5. Delega tal-kompiti ma għandhiex taffettwa r-responsabbiltà tal-ESMA u ma għandhiex tillimita l- kapaċità tal-ESMA li twettaq u tissorvelja l-attività ddelegata.”;

(22)L-Artikolu 25 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 25

1. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-atti delegati soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikoli 8(3), 21(10) u 21c(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ].

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 8(3), 21(10) u 21c(3) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.    

5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6. Att delegat adottat skont l-Artikoli 8(3), 21(10) u 21c(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien [xahrejn] min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’[xahrejn] fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(23)L-Artikolu 26 jiġi emendat kif ġej:

(b)fil-paragrafu 1,

(i) il-punt (f) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(f) l-effettività, il-proporzjonalità u l-applikazzjoni tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti f’konformità ma’ dan ir-Regolament;”

(ii) jiżdied il-punt (k) li ġej:

“(k)    evalwazzjoni tar-rwol tal-ESMA, is-setgħat investigattivi tagħha, id-delega tal-kompiti lill-awtoritajiet kompetenti u l-effettività tal-miżuri superviżorji meħuda.”;

(c)fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c) sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 84 xahar wara d-dħul fis-seħħ] fir-rigward tal-punti (f) u (k).";

(24)jiddaħħal l-Artikolu 27a li ġej:

“Artikolu 27a

1.     Il-kompetenzi u d-dmirijiet kollha relatati mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fil-qasam tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti li jingħataw lill-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu tterminati fi [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ]. Dawk il-kompetenzi u d-dmirijiet għandhom jittieħdu mill-ESMA fl-istess data.

2. Kwalunkwe fajl jew dokument ta’ ħidma relatat mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fil-qasam tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, inklużi kwalunkwe eżamijiet u azzjonijiet ta’ infurzar li jkunu għaddejjin, jew kopji ċċertifikati tagħhom, għandhom jgħaddu f’idejn l-ESMA fid-data msemmija fil-paragrafu 1.

Madankollu, applikazzjoni għal reġistrazzjoni li kienet riċevuta mill-awtoritajiet kompetenti qabel [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 30 xahar wara d-dħul fis-seħħ] ma għandhiex tiġi ttrasferita lill-ESMA u d-deċiżjoni li tiġi rreġistrata jew irrifjutata reġistrazzjoni għandha tittieħed mill-awtorità rilevanti.

3. L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li kwalunkwe reġistru u dokument ta’ ħidma eżistenti, jew kopji ċċertifikati tagħhom, għandhom jiġu ttrasferiti lill-ESMA mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ minn fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu wkoll l-għajnuna u l-pariri kollha meħtieġa lill-ESMA sabiex jiġi ffaċilitat it-trasferiment u l-bidu effettiv u effiċjenti tal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fil-qasam tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti.

4. L-ESMA għandha taġixxi bħala s-suċċessur legali tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 fi kwalunkwe proċediment amministrattiv jew ġudizzjarju li jirriżulta minn attività superviżorja u tal-infurzar segwita minn dawk l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt dan ir-Regolament.

5. Kwalunkwe reġistrazzjoni ta’ maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jew ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti mogħtija minn awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tibqa’ valida wara t-trasferiment tal-kompetenzi lill-ESMA.”.

Artikolu 5

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej

Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 jiġi emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 2 jiġi emendat kif ġej:

(b)fil-paragrafu 1, jitħassar il-punt (c);

(c)il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.    L-Artikoli 3 sa 6, 10 u 13, il-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 14(1), l-Artikoli 15a sa 20, 20a sa 20c, 21, 21a sa 21c, 22, 22a sa 22d u 26 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv awtorizzati taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/61/UE li jiġġestixxu portafolli ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u għandhom il-ħsieb li jużaw id-deżinjazzjoni ‘EuSEF’ fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawk il-fondi fl-Unjoni.”;

(2)fl-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu jiġi emendat kif ġej:

(b)il-punt (m) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(m)    ‘awtorità kompetenti’ tfisser kwalunkwe awtorità kompetenti msemmija fil-punti (f) u (h) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE;”;

(c)jitħassar il-punt (n);

(3)fl-Artikolu 7, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li jridu jintużaw sabiex jiġi vvalutat jekk il-maniġers tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jikkonformawx mal-obbligi tagħhom skont il-punti (a) sa (g) tal-paragrafu 1, sabiex b’hekk tiġi żgurata l-konsistenza mal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2011/61/UE.

L-ESMA għandha tissottometti l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(4)fl-Artikolu 8, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 26 li jispeċifikaw ir-rekwiżiti għad-delega tal-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, sabiex b’hekk tiġi żgurata l-konsistenza mar-rekwiżiti applikabbli għad-delega tal-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/61/UE.”;

(5)L-Artikolu 11 jiġi emendat kif ġej:

(b)fit-tieni u fl-aħħar sentenza tal-paragrafu 3, il-kliem “l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom” jiġi sostitwit bil-kelma “ESMA”;

(c)fil-paragrafu 5, il-kliem “l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom” jiġi sostitwit bil-kelma “ESMA”;

(d)jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

“7.    L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-riżorsi tekniċi u umani xierqa meħtieġa għall-ġestjoni xierqa tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti msemmija fil-paragrafu 1.

L-ESMA għandha tissottometti l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(6)fl-Artikolu 12, jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

“3.    Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika r-regoli u l-proċeduri għall-valutazzjoni tal-assi msemmija fil-paragrafu 1, sabiex b’hekk tiġi żgurata l-konsistenza mar-rekwiżiti applikabbli għall-valutazzjoni tal-assi stabbiliti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/61/UE.

L-ESMA għandha tissottometti l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(7)L-Artikolu 13 jiġi emendat kif ġej:

(b)fil-paragrafu 1, fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu, il-kliem “l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju” jiġi sostitwit bil-kelma “ESMA”;

(c)il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.    L-ESMA għandha tagħmel disponibbli, fuq talba, l-informazzjoni miġbura skont dan l-Artikolu għall-awtoritajiet kompetenti fil-ħin.”;

(8)L-Artikolu 15 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi emendat kif ġej:

(i)fil-kliem introduttorju, il-kliem “l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom” jiġi sostitwit bil-kelma “ESMA”;

(ii)jiddaħħal il-punt (-a) li ġej:

“(-a)    l-Istat Membru fejn il-maniġer ta’ fond tal-intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu”;

(iii)il-punt (b) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(b)    l-identità u d-domiċilju tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, li l-unitajiet jew l-ishma tagħhom għandhom jiġu kkummerċjalizzati, u l-istrateġiji tal-investiment tagħhom”;

(c)    fil-kliem introduttorju tal-paragrafu 2, il-kliem “l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju” jiġi sostitwit bil-kelma “ESMA”;

(d)il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.    L-ESMA għandha tinforma lil dawn kollha li ġejjin dwar jekk il-maniġer imsemmi fil-paragrafu 1 kienx irreġistrat bħala maniġer ta’ fond tal-intraprenditorija soċjali kwalifikanti mhux aktar tard minn xahrejn wara li jkun ipprovda l-informazzjoni kollha msemmija f’dak il-paragrafu:

(a)    il-maniġer imsemmi fil-paragrafu 1;

(b)    l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri msemmija fil-punt (-a) tal-paragrafu 1;

(c)    l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1.”;

(e)    il-paragrafu 6 jiġi emendat kif ġej:

(i)fl-ewwel subparagrafu, il-kliem “l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom” jiġi sostitwit bil-kelma “ESMA”;

(ii)it-tieni subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Meta l-ESMA toġġezzjona għall-bidliet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, hija għandha tinforma lill-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dawk il-bidliet u għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-oġġezzjoni. Il-bidliet imsemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jiġu implimentati biss, diment li l-ESMA ma toġġezzjonax għal dawk il-bidliet matul dak il-perjodu.”;

(f)il-paragrafi 7 u 8 jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“7.    L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji sabiex tiġi vvalutata r-reputazzjoni tajba biżżejjed u l-esperjenza suffiċjenti msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2.

L-ESMA għandha tissottometti l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

8.    L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni dwar l-ispeċifikazzjoni tal-formoli, tal-mudelli u tal-proċeduri għall-għoti tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, inkluża l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 2.

L-ESMA għandha tissottometti l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(9)L-Artikolu 15a jiġi emendat kif ġej:

(b)fil-kliem introduttorju tal-paragrafu 2, il-kliem “l-awtorità kompetenti tal-fond tal-intraprenditorija soċjali kwalifikanti” jiġi sostitwit bil-kelma “ESMA”;

(c)il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.    Għall-finijiet tal-valutazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont il-paragrafu 1, l-ESMA għandha tistaqsi lill-awtorità kompetenti tal-maniġer li jissottometti l-applikazzjoni jekk il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ dak il-maniġer sabiex jiġġestixxi l-impriżi ta’ investiment kollettiv u jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (a) tal-Artikolu 15(2) humiex issodisfati.

L-ESMA tista’ titlob kjarifika u informazzjoni rigward id-dokumentazzjoni u l-informazzjoni pprovduti skont l-ewwel subparagrafu.

L-awtorità kompetenti tal-maniġer għandha tipprovdi tweġiba fi żmien xahar mid-data tal-wasla ta’ talba sottomessa mill-ESMA skont l-ewwel jew it-tieni subparagrafi.”;

(d)fil-paragrafu 5, il-kliem “l-awtorità kompetenti tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti” jiġi sostitwit bil-kelma “ESMA”;

(e)il-paragrafu 6 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“6.    L-ESMA għandha tinforma lil dawn kollha li ġejjin jekk fond ġiex irreġistrat bħala fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti mhux aktar tard minn xahrejn wara li l-maniġers ta’ dawk il-fondi jkunu pprovdew id-dokumentazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 2:

(a)    il-maniġer imsemmi fil-paragrafu 1;

(b)    l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru msemmija fl-Artikolu 15(1)(-a);

(c)    l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 15(1)(d);

(d)    l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 15a(2)(d).”;

(f)l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 8 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“8. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta skont il-paragrafu 2.

L-ESMA għandha tissottometti l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(g)    jitħassru l-paragrafi 9 u 10;

(10)L-Artikolu 15b jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 15b

L-ESMA għandha tinnotifika kwalunkwe deċiżjoni li tirrifjuta li tirreġistra maniġer imsemmi fl-Artikolu 15 jew fond imsemmi fl-Artikolu 15a lill-maniġers imsemmija f’dawk l-Artikoli.”;

(11)jiddaħħal l-Artikolu 15ċ li ġej:

“Artikolu 15ċ

1.    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21, l-ESMA għandha tirtira r-reġistrazzjoni għal EuSEF meta l-maniġer ta’ dak l-EuSEF jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)    il-maniġer ikun irrinunzja espressament l-awtorizzazzjoni jew ma jkunx għamel użu mill-awtorizzazzjoni fi żmien sitt xhur wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni;

(b)    il-maniġer ikun kiseb l-awtorizzazzjoni billi għamel dikjarazzjonijiet foloz jew bi kwalunkwe mezz irregolari ieħor;

(c)    l-EuSEF ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet li taħthom kien awtorizzat.

2.    L-irtirar tal-awtorizzazzjoni għandu jkollu effett immedjat madwar l-Unjoni kollha.”;

(12)fl-Artikolu 16, il-kliem “l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju” jiġi sostitwit bil-kelma “ESMA”;

(13)L-Artikolu 17 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.    L-ESMA għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-punt (4) tal-Artikolu 15 u fil-punt (6) tal-Artikolu 15a minnufih dwar kwalunkwe reġistrazzjoni jew tneħħija mir-reġistru ta’ maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, kwalunkwe żieda jew tneħħija mir-reġistru ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u kwalunkwe żieda jew tneħħija mil-lista ta’ Stati Membri fejn maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu l-ħsieb li jikkummerċjalizza dawk il-fondi.”;

(c)il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina l-format tan-notifika skont dan l-Artikolu.

L-ESMA għandha tissottometti l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(d)jitħassru l-paragrafi 4 u 5;

(14)jitħassar l-Artikolu 17a;

(15)L-Artikolu 19 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 19

1.    L-ESMA għandha tiżgura li dan ir-Regolament jiġi applikat fuq bażi kontinwa.

2.    Għall-maniġers imsemmija fl-Artikolu 2(1), l-ESMA għandha tissorvelja l-konformità mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

3.    Għall-maniġers imsemmija fl-Artikolu 2(2), l-ESMA għandha tissorvelja l-konformità mar-regoli stipulati fid-dispożizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2(2) u mar-rekwiżiti rilevanti tad-Direttiva 2011/61/UE fir-rigward tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti.

L-ESMA għandha tkun responsabbli mis-superviżjoni tal-konformità tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti mal-obbligi stabbiliti fir-regoli u l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-fond.

4.    Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament u bl-objettiv li jiġu żgurati standards għolja ta’ superviżjoni, l-ESMA għandha tapplika d-drittijiet tal-Unjoni kollha rilevanti u, meta dak id-dritt tal-Unjoni jkun magħmul minn direttivi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-direttivi.

5.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jissorveljaw li l-impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti jew ikkummerċjalizzati fit-territorji tagħhom ma jużawx id-deżinjazzjoni ‘EuSEF’ jew ma jissuġġerixxux li huma EuSEF, sakemm ma jkunux irreġistrati f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Meta awtorità kompetenti temmen li impriża ta’ investiment kollettiv tuża d-deżinjazzjoni ‘EuSEF’, jew tissuġġerixxi li hija EuSEF mingħajr ma tkun ġiet irreġistrata f’konformità ma’ dan ir-Regolament, hija għandha tinforma b’dan minnufih lill-ESMA.”;

(16)L-Artikolu 20 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 20

Is-setgħat mogħtija lill-ESMA, lil xi uffiċjal tal-ESMA jew lil kwalunkwe persuna oħra awtorizzata mill-ESMA skont l-Artikoli 20a sa 20c ma għandhomx jintużaw biex jesiġu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni jew dokumenti li huma soġġetti għal privileġġ legali.”;

(17)jiddaħħlu l-Artikoli 20a, 20b u 20c li ġejjin:

“Artikolu 20a

1. L-ESMA tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew b’deċiżjoni, titlob lill-persuni li ġejjin jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex hija tkun tista’ taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament:

(a) il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(b) il-persuni involuti fil-ġestjoni tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(c) il-partijiet terzi li lilhom ikun iddelega l-funzjonijiet maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(d) il-persuni li huma b’mod ieħor relatati jew konnessi mill-qrib u b’mod sostanzjali mal-ġestjoni tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti.

2. Kwalunkwe talba sempliċi għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha:

(a) tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b) tiddikjara l-fini tat-talba;

(c) tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d) tinkludi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e) tinkludi dikjarazzjoni li ma hemm ebda obbligu fuq il-persuna li mingħandha tintalab l-informazzjoni sabiex tipprovdi dik l-informazzjoni, iżda li f’każ ta’ tweġiba volontarja għat-talba, l-informazzjoni pprovduta ma tridx tkun skorretta jew qarrieqa;

(f) tindika l-ammont tal-multa li trid tinħareġ f’konformità mal-Artikolu 21a meta l-informazzjoni pprovduta tkun skorretta jew qarrieqa.

3. Meta titlob il-forniment ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 1 b’deċiżjoni, l-ESMA għandha:

(a) tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b) tiddikjara l-fini tat-talba;

(c) tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d) tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e) tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 21b meta l-produzzjoni tal-informazzjoni meħtieġa ma tkunx kompluta;

(f) tindika l-multa prevista fl-Artikolu 21a, meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru jkunu skorretti jew qarrieqa;

(g) tindika d-dritt għal appell tad-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell tal-ESMA u għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ("il-Qorti tal-Ġustizzja") f’konformità mal-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4. Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati sabiex jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom, għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba. L-avukati debitament awtorizzati sabiex jaġixxu jistgħu jfornu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli bis-sħiħ jekk l-informazzjoni fornuta tkun inkompleta, skorretta jew qarrieqa.

5. L-ESMA għandha tibgħat mingħajr dewmien kopja tat-talba sempliċi jew tad-deċiżjoni tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huma domiċiljati jew stabbiliti l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ikkonċernati mit-talba għall-informazzjoni.

Artikolu 20b

1. Sabiex taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq l-investigazzjonijiet meħtieġa tal-persuni msemmija fl-Artikolu 20a(1). Għal dak l-għan, l-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA għandu jkollhom is-setgħa li:

(a) jeżaminaw kwalunkwe rekord, data, proċedura u kwalunkwe materjal ieħor rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, irrispettivament mill-mezz li fuqu jinħażnu;

(b) jieħdu jew jiksbu kopji ċċertifikati ta’ jew siltiet minn tali rekords, data, proċeduri u materjal ieħor;

(c) isejħu u jitolbu lil kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 20a(1) jew lir-rappreżentanti jew lill-membri tal-persunal tagħhom għal spjegazzjonijiet bil-fomm jew bil-miktub dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u sabiex jinżamm rekord tat-tweġibiet;

(d) jintervistaw lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li tagħti l-kunsens sabiex tiġi intervistata għall-fini tal-ġbir ta’ informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni;

(e) jitolbu rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data.

2. L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA għall-finijiet tal-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom meta jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tindika wkoll il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 21b meta l-produzzjoni tar-rekords, tad-data u tal-proċeduri meħtieġa jew ta’ kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ, jew it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmija fl-Artikolu 20a(1) ma jiġux ipprovduti jew ma jkunux kompluti, kif ukoll il-multi previsti fl-Artikolu 21, meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmija fl-Artikolu 20a(1) ikunu skorretti jew qarrieqa.

3. Il-persuni msemmija fl-Artikolu 20a(1) huma mitluba jissottomettu ruħhom għal investigazzjonijiet imnedija abbażi ta’ deċiżjoni tal-ESMA. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni, il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 21b, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u d-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4. Fi żmien adatt qabel l-investigazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn trid titwettaq l-investigazzjoni dwar l-investigazzjoni u l-identità tal-persuni awtorizzati. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu lil dawk il-persuni awtorizzati fil-qadi ta’ dmirijiethom. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata jistgħu jattendu wkoll l-investigazzjonijiet jekk jintalbu jagħmlu dan.

5. Jekk talba għal rekords tat-traffiku tat-telefon jew tad-data msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali skont il-liġi nazzjonali applikabbli, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tista’ ssir ukoll applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħal din bħala miżura ta’ prekawzjoni.

6. Meta awtorità ġudizzjarja nazzjonali tirċievi applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ talba għar-rekords tat-telefon jew tat-traffiku tad-data msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1, dik l-awtorità għandha tivverifika dawn li ġejjin:

(a)    id-deċiżjoni adottata mill-ESMA msemmija fil-paragrafu 3 hija awtentika;

(b)    kwalunkwe miżura li trid tittieħed hija proporzjonata u mhux arbitrarja jew eċċessiva.

Għall-finijiet tal-punt (b), l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari relatati mar-raġunijiet li jkollha l-ESMA sabiex tissuspetta li jkun seħħ ksur ta’ dan ir-Regolament u s-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrevedi l-ħtieġa għall-investigazzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fuq il-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 20c

1. Sabiex taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq l-ispezzjonijiet fuq il-post kollha meħtieġa fi kwalunkwe bini tan-negozju tal-persuni msemmija fl-Artikolu 20a(1).

2. L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA sabiex iwettqu spezzjoni fuq il-post jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini tan-negozju tal-persuni soġġetti għal deċiżjoni ta’ investigazzjoni adottata mill-ESMA u għandu jkollhom is-setgħat kollha stipulati fl-Artikolu 20b(1). Huma għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jissiġillaw kwalunkwe bini tan-negozju u l-kotba jew ir-reġistri għall-perjodu tal-ispezzjoni u safejn ikun meħtieġ.

3. Fi żmien suffiċjenti qabel l-ispezzjoni, l-ESMA għandha tagħti avviż tal-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun trid titwettaq l-ispezzjoni. Meta t-twettiq u l-effiċjenza xierqa tal-ispezzjoni jkunu jirrikjedu dan, l-ESMA tista’, wara li tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti, twettaq l-ispezzjoni fuq il-post mingħajr notifika minn qabel. L-ispezzjonijiet f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jitwettqu sakemm l-awtorità rilevanti tkun ikkonfermat li hija ma toġġezzjonax għal dawk l-ispezzjonijiet.

4. L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA sabiex iwettqu spezzjoni fuq il-post għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 21b meta l-persuni kkonċernati ma jissottomettux irwieħhom għall-ispezzjoni.

5. Il-persuni msemmija fl-Artikolu 20a(1) għandhom jissottomettu rwieħhom għall-investigazzjonijiet fuq il-post ordnati b’deċiżjoni tal-ESMA. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, tispeċifika d-data meta din għandha tibda u tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 21b, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010, kif ukoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

6. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn għandha titwettaq l-ispezzjoni, kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura minnha, għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu b’mod attiv lill-uffiċjali u lil persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA. L-uffiċjali ta’ dik l-awtorità kompetenti jistgħu jattendu wkoll l-ispezzjonijiet fuq il-post wara li ssirilhom talba.

7. L-ESMA tista’ tesiġi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu kompiti investigattivi speċifiċi u spezzjonijiet fuq il-post kif previst f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 20b(1) f’isimha. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom igawdu l-istess setgħat tal-ESMA kif stabbilit f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 20b(1).

8. Meta l-uffiċjali u persuni oħrajn li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-ESMA jsibu li persuna topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tagħtihom l-assistenza meħtieġa, billi titlob, fejn xieraq, l-assistenza tal-pulizija jew ta’ awtorità tal-infurzar ekwivalenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom fuq il-post.

9. Jekk l-ispezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew l-assistenza prevista fil-paragrafu 7 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali skont il-liġi nazzjonali applikabbli, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tista’ ssir ukoll applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħal din bħala miżura ta’ prekawzjoni.

10. Meta awtorità ġudizzjarja nazzjonali tirċievi applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ spezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew l-assistenza prevista fil-paragrafu 7, dik l-awtorità għandha tivverifika dawn li ġejjin:

(a)    id-deċiżjoni adottata mill-ESMA msemmija fil-paragrafu 4 hija awtentika;

(b)    kwalunkwe miżura li trid tittieħed hija proporzjonata u mhux arbitrarja jew eċċessiva.

11. Għall-finijiet tal-punt (b), l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari relatati mar-raġunijiet li jkollha l-ESMA dwar suspett li seħħ ksur ta’ dan ir-Regolament u s-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrevedi l-ħtieġa għall-investigazzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fuq il-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(18)L-Artikolu 21 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 21

1. Meta, f’konformità mal-Artikolu 22(5), l-ESMA ssib li persuna tkun wettqet wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 21a(2), hija għandha tieħu waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a) tirtira r-reġistrazzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jew il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(b) tadotta deċiżjoni li titlob lill-persuna ttemm il-ksur;

(c) tadotta deċiżjoni li timponi multi;

(d) toħroġ avviżi pubbliċi.

2. Meta tieħu l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha tqis in-natura u s-serjetà tal-ksur, filwaqt li tqis il-kriterji li ġejjin:

(a) it-tul ta’ żmien u l-frekwenza tal-ksur;

(b) jekk ir-reat finanzjarju ġiex ikkawżat, iffaċilitat jew attribwit b’mod ieħor għall-ksur;

(c) jekk il-ksur twettaqx intenzjonalment jew b’mod negliġenti;

(d) il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(e) is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli għall-ksur, kif indikat mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew l-introjtu annwali u l-assi netti tal-persuna fiżika responsabbli;

(f) l-impatt tal-ksur fuq l-interessi tal-investituri fil-livell tal-konsum;

(g) l-importanza tal-profitti miksuba, it-telf evitat mill-persuna responsabbli għall-ksur jew it-telf għall-partijiet terzi minħabba l-ksur, safejn dawn ikunu jistgħu jiġu stabbiliti;

(h) il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ksur mal-ESMA, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;

(i) il-ksur preċedenti mill-persuna responsabbli għall-ksur;

(j) il-miżuri meħuda wara l-ksur mill-persuna responsabbli għall-ksur biex tiġi evitata r-repetizzjoni tiegħu.

3. Mingħajr dewmien bla bżonn, l-ESMA għandha tinnotifika kwalunkwe azzjoni meħuda skont il-paragrafu 1 lill-persuna responsabbli għall-ksur u għandha tikkomunikaha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni. Hija għandha tiddivulga kwalunkwe azzjoni bħal din fuq is-sit web tagħha fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-data meta tkun ġiet adottata.

4. Id-divulgazzjoni lill-pubbliku msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(a)    dikjarazzjoni li tafferma d-dritt tal-persuna responsabbli għall-ksur li tappella d-deċiżjoni;

(b)    fejn rilevanti, dikjarazzjoni li tafferma li ġie ppreżentat appell u li tispeċifika li tali appell ma għandux effett sospensiv;

(c)    dikjarazzjoni li tasserixxi li huwa possibbli għall-Bord tal-Appell tal-ESMA li jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’konformità mal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(19)jiddaħħlu l-Artikoli 21a, 21b u 21c li ġejjin:

“Artikolu 21a

1. Meta, f’konformità mal-Artikolu 22(8), l-ESMA ssib li kwalunkwe persuna wettqet, intenzjonalment jew b’mod negliġenti, wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fil-paragrafu 2, hija għandha tadotta deċiżjoni li timponi multa f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Ksur għandu jitqies bħala li twettaq intenzjonalment jekk l-ESMA ssib fatturi oġġettivi li juru li persuna aġixxiet deliberatament biex twettaq il-ksur.

3. Il-lista ta’ tipi ta’ ksur imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun din li ġejja:

(a)    nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti li japplikaw għall-kompożizzjoni tal-portafoll bi ksur tal-Artikolu 5;

(b)    il-kummerċjalizzazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 6, tal-unitajiet u l-ishma ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti lil investituri mhux eliġibbli;

(c)    l-użu tad-deżinjazzjoni ‘EuSEF’ mingħajr ma tkun ġiet irreġistrata f’konformità mal-Artikolu 15, jew mingħajr ma impriża ta’ investiment kollettiv tkun ġiet irreġistrata f’konformità mal-Artikolu 15a;

(d)    l-użu tad-deżinjazzjoni ‘EuSEF’ għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi li mhumiex stabbiliti f’konformità mal-punt (b)(iii) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3;

(e)    il-kisba ta’ reġistrazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew bi kwalunkwe mezz irregolari ieħor, bi ksur tal-Artikolu 15 jew tal-Artikolu 15a;

(f)    nuqqas ta’ azzjoni b’mod onest u ġust jew bil-ħila, l-attenzjoni jew id-diliġenza xierqa fit-twettiq tan-negozju, bi ksur tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7;

(g)    nuqqas ta’ applikazzjoni tal-politiki u l-proċeduri xierqa għall-prevenzjoni ta’ prattiki ħżiena, bi ksur tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7;

(h)    nuqqas ripetut ta’ konformità mar-rekwiżiti skont l-Artikolu 13 dwar ir-rapport annwali;

(i)    nuqqas ripetut ta’ konformità mal-obbligu li l-investituri jiġu informati f’konformità mal-Artikolu 14.

3. L-ammont tal-multi msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun ta’ mill-inqas EUR 500 000 u mhux aktar minn EUR 5 miljun għat-tipi ta’ ksur imsemmija fil-punti (a) sa (i) tal-paragrafu 2.

4. Meta tiġi biex tiddetermina l-livell ta’ multa skont il-paragrafu 3, l-ESMA għandha tqis il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 21(2).

5. Minkejja l-paragrafu 3, meta persuna tkun ibbenifikat finanzjarjament mill-ksur, direttament jew indirettament, l-ammont tal-multa għandu jkun mill-inqas ugwali għal dak il-benefiċċju.

6. Meta att jew ommissjoni ta’ persuna jikkostitwixxu aktar minn wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fil-paragrafu 2, għandha tapplika biss l-ogħla multa kkalkolata f’konformità mal-paragrafu 4 u relatata ma’ wieħed minn dawk it-tipi ta’ ksur.

Artikolu 21b

1. L-ESMA għandha, permezz ta’ deċiżjoni, timponi ħlasijiet perjodiċi ta’ penali sabiex iġġiegħel:

(a) persuna ttemm ksur f’konformità ma’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 21(1)(b);

(b) persuna msemmija fl-Artikolu 20a(1):

(i)    tipprovdi informazzjoni kompleta li tkun intalbet permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 20a;

(ii)    tissottometti ruħha għal investigazzjoni u, b’mod partikolari, tipproduċi rekords, data u proċeduri kompluti jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ u timla u tikkoreġi informazzjoni oħra pprovduta f’investigazzjoni mnedija permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 20b;

(iii)    tissottometti ruħha għal spezzjoni fuq il-post ordnata permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 20c.

2. Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jkun effettiv u proporzjonat. Il-ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal kull jum ta’ dewmien.

3. Minkejja l-paragrafu 2, l-ammont tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandu jkun 3 % tal-fatturat medju ta’ kuljum fis-sena finanzjarja preċedenti, jew, fil-każ ta’ persuni fiżiċi, 2 % tal-introjtu medju ta’ kuljum fis-sena kalendarja preċedenti. Huwa għandu jiġi kkalkolat mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-ħlas perjodiku ta’ penali.

Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal perjodu massimu ta’ sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-ESMA. Wara t-tmiem tal-perjodu, l-ESMA għandha tirrevedi l-miżura.

Artikolu 21c

1. L-ESMA għandha tiddivulga lill-pubbliku kull multa u ħlas perjodiku ta’ penali li jkunu ġew imposti skont l-Artikoli 21a u 21b, sakemm tali divulgazzjoni lill-pubbliku ma tipperikolax serjament is-swieq finanzjarji jew sakemm ma tikkawżax dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti.

2. Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 21a u 21b għandhom ikunu ta’ natura amministrattiva.

3. Meta l-ESMA tiddeċiedi li ma timponi ebda multa jew ħlas ta’ penali, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati u tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

4. Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 21a u 21b għandhom ikunu infurzabbli.

L-infurzar għandu jkun irregolat mir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz li fih jitwettaq.

5. L-ammonti tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandhom jiġu allokati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.”;

(20)L-Artikoli 22 u 22a jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“Artikolu 22

1. Meta, fil-qadi ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 21a(2), hija għandha taħtar uffiċjal indipendenti tal-investigazzjoni fi ħdan l-ESMA sabiex jinvestiga l-kwistjoni. L-uffiċjal maħtur ma għandux jiġi involut jew ikun ġie involut, direttament jew indirettament, fl-approvazzjoni tal-prospett li miegħu jkun relatat il-ksur u għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu indipendentement mill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

2. L-uffiċjal tal-investigazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinvestiga l-allegat ksur, filwaqt li jikkunsidra kwalunkwe kumment sottomess mill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet, u għandu jissottometti fajl komplut bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

3. Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jitlob informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 20a u jwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 20b u 20c.

4. Meta jwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha miġbura mill-ESMA fl-attivitajiet superviżorji tagħha.

5. Meta jlesti l-investigazzjoni tiegħu u qabel jippreżenta l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jagħti lill-persuni soġġetti għall-investigazzjoni l-opportunità li jinstemgħu dwar il-kwistjonijiet li jkunu qegħdin jiġu investigati. L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jibbaża s-sejbiet tiegħu biss fuq fatti li l-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jikkummentaw dwarhom.

6. Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ matul l-investigazzjonijiet skont dan l-Artikolu.

7. Meta jippreżenta l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinnotifika lill-persuni li huma soġġetti għall-investigazzjonijiet. Il-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali li taffettwa lil partijiet terzi.

8. Abbażi tal-fajl li jkun fih is-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni u, meta tintalab mill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet, wara li tkun semgħet lil dawk il-persuni f’konformità mal-Artikolu 21b, l-ESMA għandha tiddeċiedi jekk wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 21a(2) ikunux twettqu mill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet u, f’każ bħal dan, għandha tieħu miżura superviżorja f’konformità mal-Artikolu 21.

9. L-uffiċjal tal-investigazzjoni ma għandux jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA jew jintervjeni bi kwalunkwe mod ieħor fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

10. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 26 sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ] sabiex tispeċifika r-regoli ta’ proċedura sabiex tiġi eżerċitata s-setgħa li jiġu imposti multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ difiża, dispożizzjonijiet temporali u l-ġbir ta’ multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, kif ukoll il-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali.

11. L-ESMA għandha tirreferi kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali lill-awtoritjiet nazzjonali rilevanti meta, fil-qadi ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, hija ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jkunu jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali. Barra minn hekk, l-ESMA għandha żżomm lura milli timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali meta tkun diġà ngħatat il-liberazzjoni mill-akkuża jew kundanna, li tirriżulta minn fatt identiku jew fatti li jkunu sostanzjalment l-istess li diġà ngħataw il-forza ta' res judicata bħala riżultat ta' proċedimenti kriminali skont il-liġi nazzjonali.”;

Artikolu 22a

1. Qabel tieħu kwalunkwe deċiżjoni skont l-Artikoli 21, 21a u 21b, l-ESMA għandha tagħti lill-persuni soġġetti għall-proċedimenti l-opportunità li jinstemgħu dwar is-sejbiet tagħha. L-ESMA għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq is-sejbiet li dwarhom il-persuni soġġetti għall-proċedimenti kellhom opportunità li jikkummentaw.

2. L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika jekk tkun meħtieġa azzjoni urġenti skont l-Artikolu 21 sabiex ma titħalliex li ssir ħsara sinifikanti u imminenti lis-sistema finanzjarja. F’każ bħal dan, l-ESMA tista’ tadotta deċiżjoni interim u għandha tagħti lill-persuni kkonċernati l-opportunità li jinstemgħu malajr kemm jista’ jkun wara li tieħu d-deċiżjoni tagħha.

3. Id-dritt tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-proċedimenti għandu jiġi rrispettat bis-sħiħ matul il-proċedimenti. Dawn għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-ESMA, soġġetti għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt tal-aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-ESMA.”;

(21)jiddaħħlu l-Artikoli 22b, 22c u 22d li ġejjin:

“Artikolu 22b

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni bla limitu sabiex tirrevedi d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-ESMA tkun imponiet multa jew ħlas perjodiku ta’ penali. Hija tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas perjodiku ta’ penali imposti.

Artikolu 22c

1. L-ESMA għandha titlob tariffi lill-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti f’konformità ma’ dan ir-Regolament u f’konformità mal-atti delegati adottati skont il-paragrafu 3. Dawk it-tariffi għandhom ikopru b’mod sħiħ in-nefqa meħtieġa tal-ESMA li tirrigwardja r-reġistrazzjoni, l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u r-rimborż ta’ kwalunkwe kost li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jġarrbu fit-twettiq ta’ ħidmiethom skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega tal-kompiti f’konformità mal-Artikolu 22d.

2. L-ammont ta’ tariffa individwali mitluba lil maniġer partikolari ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu jkopri l-kostijiet amministrattivi kollha mġarrba mill-ESMA għall-attivitajiet tagħha fir-rigward tar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni kontinwa ta’ maniġer ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti. Huwa għandu jkun proporzjonat mal-assi taħt il-ġestjoni tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti kkonċernat jew, fejn rilevanti, mal-fondi proprji tal-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti.

3. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 26 sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ] sabiex tispeċifika t-tip ta’ tariffi, il-materji li għalihom huma dovuti t-tariffi, l-ammont tat-tariffi u l-mod kif għandhom jitħallsu.

Artikolu 22d

1. Fejn meħtieġ għat-twettiq xieraq ta’ kompitu superviżorju, l-ESMA tista’ tiddelega kompiti superviżorji speċifiċi lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru f’konformità mal-linji gwida maħruġa mill-ESMA skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 1095/2010. Tali kompiti superviżorji speċifiċi jistgħu, b’mod partikolari, jinkludu s-setgħa li jitwettqu talbiet għal informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 20a u li jitwettqu investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 20b u 20c.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, ir-reġistrazzjonijiet skont l-Artikoli 15 u 15a ma għandhomx jiġu ddelegati.

2. Qabel tiddelega kompitu f’konformità mal-paragrafu 1, l-ESMA għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti rilevanti dwar:

(a) il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompitu li jrid jiġi ddelegat;

(b) l-iskeda ta’ żmien għat-twettiq tal-kompitu; u

(c) it-trażmissjoni tal-informazzjoni meħtieġa mill-ESMA u lilha.

3. L-ESMA għandha tirrimborża lil awtorità kompetenti għall-kostijiet imġarrba bħala riżultat tat-twettiq tal-kompiti delegati f’konformità mal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 22c(3).

4. L-ESMA għandha tirrevedi kwalunkwe delega magħmula f’konformità mal-paragrafu 1 f’intervalli xierqa. Delega tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin.

5. Delega tal-kompiti ma għandhiex taffettwa r-responsabbiltà tal-ESMA u ma għandhiex tillimita l- kapaċità tal-ESMA li twettaq u tissorvelja l-attività ddelegata.”;

(22)L-Artikolu 26 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 26

1. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-atti delegati soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikoli 8(3), 22(10) u 22c(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ].

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 8(3), 22(10) u 22c(3) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.    

5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6. Att delegat adottat skont l-Artikoli 8(3), 22(10) u 22c(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien [xahrejn] min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’[xahrejn] fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(23)L-Artikolu 27 jiġi emendat kif ġej:

(b)fil-paragrafu 1,

(i) jiżdied il-punt (n):

“(n) l-effettività, il-proporzjonalità u l-applikazzjoni ta’ multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti f’konformità ma’ dan ir-Regolament;”

(ii) jiżdied il-punt (o) li ġej:

“(o)    evalwazzjoni tar-rwol tal-ESMA, is-setgħat investigattivi tagħha, id-delega tal-kompiti lill-awtoritajiet kompetenti u l-effettività tal-miżuri superviżorji meħuda.”;

(c)(b) fil-paragrafu 2 jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c) sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 84 xahar wara d-dħul fis-seħħ] fir-rigward tal-punti (n) u (o).”;

(24)jiddaħħal l-Artikolu 28a li ġej:

“Artikolu 28a

1.    Il-kompetenzi u d-dmirijiet kollha relatati mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fil-qasam tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, li jingħataw lill-awtoritajiet kompetenti, għandhom jiġu tterminati fi [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ]. Dawk il-kompetenzi u d-dmirijiet għandhom jittieħdu mill-ESMA fl-istess data.

2. Kwalunkwe fajl jew dokument ta’ ħidma relatat mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fil-qasam tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, inklużi kwalunkwe eżamijiet u azzjonijiet ta’ infurzar li jkunu għaddejjin, jew kopji ċċertifikati tagħhom, għandhom jgħaddu f’idejn l-ESMA fid-data msemmija fil-paragrafu 1.

Madankollu, applikazzjoni għal reġistrazzjoni li kienet riċevuta mill-awtoritajiet kompetenti qabel [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 30 xahar wara d-dħul fis-seħħ] ma għandhiex tiġi ttrasferita lill-ESMA u d-deċiżjoni li tiġi rreġistrata jew irrifjutata reġistrazzjoni għandha tittieħed mill-awtorità rilevanti.

3. L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li kwalunkwe reġistru u dokument ta’ ħidma eżistenti, jew kopji ċċertifikati tagħhom, għandhom jiġu ttrasferiti lill-ESMA mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ minn fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu wkoll l-għajnuna u l-pariri kollha meħtieġa lill-ESMA sabiex jiġi ffaċilitat it-trasferiment u l-bidu effettiv u effiċjenti tal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fil-qasam tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti.

4. L-ESMA għandha taġixxi bħala s-suċċessur legali tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 fi kwalunkwe proċediment amministrattiv jew ġudizzjarju li jirriżulta minn attività superviżorja u tal-infurzar segwita minn dawk l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt dan ir-Regolament.

5. Kwalunkwe reġistrazzjoni ta’ maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jew ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti minn awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tibqa’ valida wara t-trasferiment tal-kompetenzi lill-ESMA.”.

”.

Artikolu 6

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji

Ir-Regolament (UE) Nru 600/2104 jiġi emendat kif ġej:

(25)L-Artikolu 1 jiġi emendat kif ġej:

(b)fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt (g) li ġej:

‘(g) l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-fornituri tas-servizz ta’ rapportar tad-data’;

(c)fl-Artikolu 1, jiddaħħal il-paragrafu 5a li ġej:

‘‘5a. L-Artikoli 40 u 42 japplikaw ukoll fir-rigward tal-kumpaniji maniġerjali tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u tal-kumpaniji ta’ investiment tal-UCITS awtorizzati f’konformità mad-Direttiva 2009/65/KE u fir-rigward tal-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFMs) awtorizzati f’konformità mad-Direttiva 2011/61/UE.”;

(26)L-Artikolu 2(1) jiġi emendat kif ġej:

(b)il-punti (34), (35) u (36) jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(34)    "arranġament ta’ pubblikazzjoni approvat" jew ‘APA’ jfisser persuna awtorizzata skont dan ir-Regolament sabiex tipprovdi s-servizz ta’ pubblikazzjoni tar-rapporti kummerċjali f’isem id-ditti ta’ investiment skont l-Artikoli 20 u 21;

(35) "fornitur ta’ tape konsolidat" jew "CTP" ifisser persuna awtorizzata skont dan ir-Regolament sabiex tipprovdi s-servizz ta’ ġbir tar-rapporti kummerċjali għall-istrumenti finanzjarji elenkati fl-Artikoli 6, 7, 10, 12 u 13, 20 u 21 minn swieq regolati, MTFs, OTFs u APAs u tikkonsolidahom f’xandir elettroniku kontinwu live tad-data li jipprovdi data dwar il-prezz u l-volum għal kull strument finanzjarju;

(36) "mekkaniżmu ta’ rapportar approvat" jew "ARM" ifisser persuna awtorizzata skont dan ir-Regolament sabiex tipprovdi s-servizz ta’ rapportar tad-dettalji tat-tranżazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-ESMA f’isem id-ditti ta’ investiment;”;

(c)jiddaħħal il-punt (36a) li ġej:

"(36a) "fornituri ta’ servizz ta’ rapportar tad-data" tfisser il-persuni msemmija fil-punti (34) sa (36) u l-persuni msemmija fl-Artikolu 38a27a(2)];";

(27)L-Artikolu 22 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 22

L-għoti ta’ informazzjoni għall-finijiet tat-trasparenza u kalkoli oħrajn

1. Sabiex iwettqu l-kalkoli bl-għan li jiddeterminaw ir-rekwiżiti għat-trasparenza qabel u wara n-negozjar u r-reġimi tal-obbligu tan-negozjar imsemmija fl-Artikoli 3 sa 11, fl-Artikoli 14 sa 21 u fl-Artikolu 32, li huma applikabbli għall-istrumenti finanzjarji, kif ukoll bl-għan li jiġi ddeterminat jekk ditta ta’ investiment hijiex internalizzatur sistematiku, l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu informazzjoni mingħand:

(a) iċ-ċentri tan-negozjar;

(b) l-APAs; u

(c) is-CTPs.

2. Iċ-ċentri tan-negozjar, l-APAs u s-CTPs għandhom jaħżnu d-data meħtieġa għal perjodu ta’ żmien suffiċjenti.

3. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-kontenut u l-frekwenza tat-talbiet għad-data u l-formati u l-perjodu ta’ żmien li matulu ċ-ċentri tan-negozjar, l-APAs u s-CTPs iridu jwieġbu għat-talbiet għad-data msemmija fil-paragrafu 1, it-tip ta’ data li trid tinħażen u l-perjodu ta’ żmien minimu li għalih iċ-ċentri tan-negozjar, l-APAs u s-CTPs iridu jaħżnu d-data sabiex ikunu jistgħu jwieġbu għat-talbiet għad-data f’konformità mal-paragrafu 2.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.’;

(28)L-Artikolu 26 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 26

Obbligu ta’ rapportar tat-tranżazzjonijiet

1.    Id-ditti ta’ investiment li jeżegwixxu tranżazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji għandhom jirrapportaw id-dettalji sħaħ u preċiżi ta’ tali tranżazzjonijiet lill-ESMA mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn tmiem il-jum tax-xogħol li jkun imiss.

L-ESMA għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti kwalunkwe informazzjoni rrapportata f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

2.    L-obbligu stipulat fil-paragrafu 1 għandu japplika għal:

(a) strumenti finanzjarji li huma ammessi għan-negozjar jew negozjati f’ċentru tan-negozjar jew li għalihom saret talba għall-ammissjoni għall-kummerċ;

(b) strumenti finanzjarji meta s-sottostanti huwa strument finanzjarju negozjat f’ċentru tan-negozjar; u

(c) strumenti finanzjarji meta s-sottostanti huwa indiċi jew basket magħmul minn strumenti finanzjarji nnegozjati f’ċentru tan-negozjar

L-obbligu għandu japplika għat-transazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji msemmija fil-punti (a) sa (c) irrispettivament minn jekktranżazzjonijiet bħal dawn jitwettqux fiċ-ċentru tan-negozjar jew le.

3.    B’mod partikolari, ir-rapporti għandhom jinkludu d-dettalji tal-ismijiet u tal-għadd ta’ strumenti finanzjarji mixtrija jew mibjugħa, il-kwantità, id-dati u l-ħinijiet tal-eżekuzzjoni, il-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet, deżinjazzjoni sabiex jiġu identifikati l-klijenti li f’isimhom id-ditta ta’ investiment tkun eżegwiet dik it-tranżazzjoni, deżinjazzjoni sabiex jiġu identifikati l-persuni u l-algoritmi tal-kompjuter fid-ditta ta’ investiment responsabbli għad-deċiżjoni tal-investiment u l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni, deżinjazzjoni sabiex tiġi identifikata d-deroga applikabbli li taħtha sar in-negozjar, mezzi sabiex jiġu identifikati d-ditti ta’ investiment ikkonċernati u deżinjazzjoni sabiex jiġi identifikat bejgħ ta’ pożizzjoni qasira kif definit fl-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 fir-rigward ta’ kwalunkwe ishma u dejn sovran fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 12, 13 u 17 ta’ dak ir-Regolament. Għat-tranżazzjonijiet mhux imwettqa f’ċentru tan-negozjar, ir-rapporti għandhom jinkludu wkoll deżinjazzjoni sabiex jiġu identifikati t-tipi ta’ tranżazzjonijiet skont il-miżuri li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 20(3)(a) u l-Artikoli 21(5)(a). Rigward id-derivattivi ta’ komodità, ir-rapporti għandhom jindikaw ukoll jekk it-tranżazzjoni tnaqqasx ir-riskju b’mod oġġettivament miżurabbli skont l-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/65/UE.

4.    Id-ditti ta’ investiment li jibagħtu l-ordnijiet għandhom jinkludu fit-trażmissjoni ta’ dik l-ordni d-dettalji kollha kif speċifikat fil-paragrafi 1 u 3. Minflok tinkludi d-dettalji msemmija meta tittrażmetti l-ordnijiet, ditta ta’ investiment tista’ tagħżel li tirrapporta l-ordni trażmessa, jekk tkun twettqet, bħala tranżazzjoni f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1. F’dak il-każ, ir-rapport tat-tranżazzjoni mid-ditta ta’ investiment għandu jiddikjara li dan jappartjeni għal ordni trażmessa.

5.    L-operatur ta’ ċentru tan-negozjar għandu jirrapporta d-dettalji tat-tranżazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji nnegozjati fuq il-pjattaforma tiegħu li jiġu eżegwiti permezz tas-sistemi tiegħu minn ditta li mhijiex soġġetta għal dan ir-Regolament f’konformità mal-paragrafi 1 u 3.

6.    Fir-rapportar tad-deżinjazzjoni sabiex jiġu identifikati l-klijenti, kif meħtieġ skont il-paragrafi 3 u 4, id-ditti ta’ investiment għandhom jużaw identifikatur ta’ entità ġuridika stabbilit sabiex jidentifika klijenti li huma persuni ġuridiċi.

L-ESMA għandha tiżviluppa sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ] linji gwida f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 sabiex tiżgura li l-applikazzjoni ta’ identifikaturi ta’ entità ġuridika fl-Unjoni tikkonforma mal-istandards internazzjonali, b’mod partikolari dawk stabbiliti mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja.

7.    Ir-rapporti għandhom isiru lill-ESMA mid-ditta ta’ investiment innifisha, minn ARM li jaġixxi f’isimha jew miċ-ċentru tan-negozjar li permezz tas-sistema tiegħu tkun ġiet konkluża t-tranżazzjoni, f’konformità mal-paragrafi 1, 3 u 9.

Id-ditti ta’ investiment għandu jkollhom ir-responsabbiltà għall-kompletezza, il-preċiżjoni u l-preżentazzjoni f’waqtha tar-rapporti li jiġu ppreżentati lill-ESMA.

B’deroga minn dik ir-responsabilità, meta ditta tal-investiment tirrapporta dettalji dwar dawk it-tranżazzjonijiet permezz ta’ ARM li jaġixxi f’isimha jew permezz ta’ ċentru tan-negozjar, id-ditta tal-investiment m’għandhiex tkun responsabbli għal nuqqasijiet għall-kompletezza, il-preċiżjoni jew il-preżentazzjoni f’waqtha tar-rapporti li huma attribwibbli lill-ARM jew liċ-ċentru tan-negozjar. F’dawk il-każijiet, u suġġett għall-Artikolu 66(4) tad-Direttiva 2014/65/UE, l-ARM jew iċ-ċentru tan-negozjar għandhom ikunu responsabbli għal dan in-nuqqasijiet.

Id-ditti tal-investiment iridu, madankollu, jieħdu passi raġonevoli biex jivverifikaw il-kompletezza, il-preċiżjoni u l-preżentazzjoni f’waqtha tar-rapporti ta’tranżazzjoni li jkunu tressqu f’isimhom.

L-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jeżigi li ċ-ċentru tan-negozjar, meta jagħmel rapporti f’isem id-ditta tal-investiment, ikollu fis-seħħ mekkaniżmi ta’ sigurtà tajbin imfasslin biex jiggarantixxu s-sigurtà u l-awtentikazzjoni tal-mezzi tat-trasferiment tal-informazzjoni, biex jimminimizzaw ir-riskju tal-korruzzjoni tad-dejta u aċċess mhux awtorizzat u biex jipprevjenu kxif ta’ informazzjoni filwaqt li tinżamm il-kunfidenzjalità tad-dejta f’kull ħin. L-Istat Membru tad-domiċilju għandu jesiġi li ċ-ċentru tan-negozjar iżżomm riżorsi adegwati u jkollu fis-seħħ faċilitajiet ta’ back-up b’mod li joffri u jżomm għaddejjin is-servizzi tuegħu f’kull ħin.

Is-sistemi ta’ tqabbil tat-tranżazzjonijiet jew ta’ rapportar, inklużi r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati jew rikonoxxuti f’konformità mat-Titolu VI tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jistgħu jiġu approvati mill-ESMA bħala ARM sabiex ir-rapporti tat-tranżazzjonijiet jiġu trażmessi lill-ESMA f’konformità mal-paragrafi 1, 3 u 9.

Meta t-tranżazzjonijiet ikunu ġew irrapportati lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li huwa approvat bħala ARM u meta dawk ir-rapporti jkun fihom id-dettalji meħtieġa skont il-paragrafi 1, 3 u 9 u jiġu trażmessi lill-ESMA mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 1, għandu jitqies li d-ditta tal-investiment tkun konformi mal-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1.

Meta jkun hemm żbalji jew ommissjonijiet fir-rapporti tat-tranżazzjonijiet, l-ARM, id-ditta tal-investiment jew iċ-ċentru tan-negozjar li jirrapportaw it-tranżazzjoni għandhom jikkoreġu l-informazzjoni u jippreżentaw rapport ikkoreġut lill-ESMA.

8.    Meta, f’konformità mal-Artikolu 35(8) tad-Direttiva 2014/65/UE, ir-rapporti previsti f’dan l-Artikolu jintbagħtu lill-ESMA, hija għandha tibgħat dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tad-ditta tal-investiment, sakemm l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju ma jiddeċidux li ma jkunux jixtiequ jirċievu dik l-informazzjoni.

9.    L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika:

(a) l-istandards u l-formats tad-dejta sabiex l-informazzjoni tiġi rrappurtata skont il-paragrafu 1 u 3, inklużi l-metodi u l-arranġamenti għar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji u l-forma u l-kontenut ta’ tali rapporti;

(b) il-kriterji għad-definizzjoni ta’ suq relevanti skont il-paragrafu 1;

(c) ir-referenzi tal-istrumenti finanzjarji mixtrija jew mibjugħa, il-kwantità, id-dati u l-ħinijiet tal-eżekuzzjoni, il-prezzijiet tat-tranżazzjoni, l-informazzjoni u d-dettalji tal-identità tal-klijent, deżinjazzjoni sabiex jiġu identifikati l-klijenti li f’isimhom il-kumpanija tal-investimenti wettqet dik it-tranżazzjoni, deżinazzjoni sabiex jiġu identifikati l-persuni u l-algoritmi tal-kompjuter fid-ditta tal-investiment responsabbli mid-deċiżjoni tal-investiment u t-twettiq tat-tranżazzjoni, deżinjazzjoni li tidentifika l-eżenzjoni applikabbli li skontha jkun sar in-negozjar, il-mezzi ta’ identifikazzjoni tad-ditti tal-investimenti konċernati, il-mod li bih twettqet it-tranżazzjoni, it-taqsimiet tad-dejta meħtieġa għall-ipproċessar u l-analiżi tar-rapporti tat-tranżazzjonijiet skont il-paragrafu 3; u

(d) id-deżinjazzjoni biex jiġi identifikat bejgħ bin-nieqes ta’ ishma u dejn sovran kif imsemmi fil-paragrafu 3;

(e) il-kategoriji rilevanti ta’ strumenti finanzjarji li għandhom jiġu rrappurtati skont il-paragrafu 2;

(f) il-kundizzjonijiet li bihom l-identifikaturi ta’ entità ġuridika jiġu żviluppati, attribwiti u miżmuma mill-Istati Membri skont il-paragrafu 6, u l-kundizzjonijiet li bihom jintużaw dawn l-identifikaturi ta’ entità ġuridika minn ditti tal-investiment sabiex jipprovdu, skont il-paragrafi 3, 4 u 5, id-deżinjazzjoni biex jiġu identifikati l-klijenti fir-rapporti tat-tranżazzjonijiet li huma meħtieġa jistabbilixxu skont il-paragrafu 1.

(g) l-applikazzjoni tal-obbligi tar-rappurtar tat-transazzjonijiet lil fergħat ta’ ditti tal-investiment;

(h) dak li jikkostitwixxitranżazzjoni u t-twettiq ta’tranżazzjoni għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu.

(i) meta ditta tal-investiment titqies li tkun ittrażmettiet ordni għall-finijiet tal-paragrafu 4.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

10.    Sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ], l-ESMA għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar il-funzjonament ta’ dan l-Artikolu, inkluża l-interazzjoni tagħha mal-obbligi ta’ rapportar relatati skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u dwar jekk il-kontenut u l-format tar-rapporti tat-tranżazzjonijiet riċevuti u mibgħuta lill-awtoritajiet kompetenti jippermettux b’mod komprensiv il-monitoraġġ tal-attivitajiet tad-ditti ta’ investiment f’konformità mal-Artikolu 24 ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni tista’ tieħu passi sabiex tipproponi kwalunkwe bidliet f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport tal-ESMA lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.’;

(29)L-Artikolu 27 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 27

Obbligu tal-forniment ta’ data ta’ referenza tal-istrument finanzjarju

1.    Fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar fi swieq regolati jew innegozjati fuq l-MTFs jew l-OTFs, iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jipprovdu lill-ESMA b’data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni għall-finijiet tar-rapportar tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 26.

Fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji oħrajn koperti mill-Artikolu 26(2) innegozjati fuq is-sistema tagħha, kull internalizzatur sistematiku għandu jipprovdi lill-ESMA b’data ta’ referenza relatata ma’ dawk l-istrumenti finanzjarji.

Id-data ta’ referenza ta’ identifikazzjoni għandha tkun lesta biex tiġi ppreżentata lill-ESMA f’format elettroniku u standardizzat qabel jibda n-negozjar fl-istrument finanzjarju li tirreferi għalih. Id-data ta’ referenza tal-istrument finanzjarju għandha tiġi aġġornata kull meta jkun hemm bidliet fid-data fir-rigward ta’ strument finanzjarju. L-ESMA għandha tippubblika dik id-data ta’ referenza minnufih fuq is-sit web tagħha. L-ESMA għandha tagħti lill-awtoritajiet kompetenti aċċess mingħajr dewmien għal dik id-data ta’ referenza.

2.    Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jissorveljaw, skont l-Artikolu 26, l-attivitajiet tad-ditti ta’ investiment sabiex jiżguraw li dawn jaġixxu b’mod onest, ġust u professjonali u b’mod li jippromwovi l-integrità tas-suq, l-ESMA għandha, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa sabiex ikun żgurat li:

(a) l-ESMA effettivament tirċievi d-data ta’ referenza tal-istrument finanzjarju skont il-paragrafu 1;

(b) il-kwalità tad-data riċevuta b’dan il-mod tkun adatta għall-fini tar-rapportar tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 26;

(c) id-data ta’ referenza tal-istrument finanzjarju riċevuta skont il-paragrafu 1 tintbagħat b’mod effiċjenti u mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti.

(d) ikun hemm mekkaniżmi effettivi fis-seħħ bejn l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti sabiex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mal-kunsinna tad-data jew il-kwalità tad-data.

3.    L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika:

(a) l-istandards u l-formati tad-data għad-data ta’ referenza tal-istrument finanzjarju f’konformità mal-paragrafu 1, inklużi l-metodi u l-arranġamenti għall-forniment tad-data u kwalunkwe aġġornament tagħha lill-ESMA u għat-trażmissjoni tagħha lill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-paragrafu 1 u l-forma u l-kontenut ta’ tali data;

(b) il-miżuri tekniċi li huma meħtieġa fir-rigward tal-arranġamenti li jridu jsiru mill-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu 2.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(30)jiddaħħal it-Titolu IVa li ġej:

TITOLU IVa

SERVIZZI TA’ RAPPORTAR TAD-DATA

KAPITOLU 1

L-awtorizzazzjoni tal-fornituri ta’ servizz ta’ rapportar tad-data

Artikolu 27a

Rekwiżit għall-awtorizzazzjoni

1. L-operat ta’ APA, CTP jew ARM bħala mestier jew negozju regolari għandu jkun soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-ESMA f’konformità ma’ dan it-Titolu.

2. Ditta ta’ investiment jew operatur fis-suq li joperaw ċentru tan-negozjar jistgħu jipprovdu wkoll is-servizzi ta’ APA, CTP jew ARM, soġġetti għall-verifika minn qabel mill-ESMA li d-ditta ta’ investiment jew l-operatur fis-suq ikunu konformi ma’ dan it-Titolu. Il-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jiġi inkluż fl-awtorizzazzjoni tagħhom.

3. L-ESMA għandha tistabbilixxi reġistru tal-fornituri kollha tas-servizzi ta’ rapportar tad-data fl-Unjoni. Ir-reġistru għandu jkun disponibbli għall-pubbliku u għandu jinkludi informazzjoni dwar is-servizzi li għalihom huwa awtorizzat il-fornitur tas-servizzi ta’ rapportar tad-data u għandu jiġi aġġornat fuq bażi regolari.

Meta l-ESMA tkun irtirat awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 27d, dak l-irtirar għandu jiġi ppubblikat fir-reġistru għal perjodu ta’ 5 snin.

4. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data għandhom jipprovdu s-servizzi tagħhom taħt is-superviżjoni tal-ESMA. L-ESMA għandha tirrevedi regolarment il-konformità tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data ma’ dan it-Titolu. L-ESMA għandha tissorvelja li l-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data jikkonformaw f’kull ħin mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni inizjali stabbiliti skont dan it-Titolu.

Artikolu 27b

L-awtorizzazzjoni tal-fornituri ta’ servizz ta’ rapportar tad-data

1. Il-fornituri ta’ servizz ta’ rapportar tad-data għandhom jiġu awtorizzati mill-ESMA għall-finijiet tat-Titolu IVa meta:

(a) il-fornitur tas-servizz tad-data huwa persuna ġuridika stabbilita fl-Unjoni; u

(b) il-fornitur tas-servizz tad-data jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IVa.

2. L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika s-servizz tar-rapportar tad-data li l-fornitur tas-servizzi tar-rapportar tad-data huwa awtorizzat li jipprovdi. Meta fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data awtorizzat ifittex li jestendi l-kummerċ tiegħu għal servizzi ta’ rapportar tad-data addizzjonali, huwa għandu jissottometti talba lill-ESMA għall-estensjoni ta’ dik l-awtorizzazzjoni.

3. Fornitur ta’ servizz ta’ rapportar tad-data awtorizzat għandu jikkonforma l-ħin kollu mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni msemmija fit-Titolu IVa. Fornitur ta’ servizz ta’ rapportar tad-data awtorizzat għandu, mingħajr dewmien bla bżonn, jinnotifika lill-ESMA bi kwalunkwe bidliet materjali fil-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni.

4. L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun effettiva u valida għat-territorju kollu tal-Unjoni u għandha tippermetti lill-fornitur ta’ servizz ta’ rapportar tad-data jipprovdi s-servizzi, li għalihom kien awtorizzat, madwar l-Unjoni kollha.

Artikolu 27c

Proċeduri għall-għoti u r-rifjut tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni

1. Il-fornitur ta’ servizz ta’ rapportar tad-data tal-applikant għandu jippreżenta applikazzjoni li tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex l-ESMA tkun tista’ tikkonferma li l-fornitur ta’ servizz ta’ rapportar tad-data stabbilixxa, fil-ħin tal-awtorizzazzjoni inizjali, l-arranġamenti kollha meħtieġa sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu, inkluż programm ta’ operazzjonijiet li jistabbilixxu, inter alia, it-tipi ta’ servizzi previsti u l-istruttura organizzazzjonali.

2. L-ESMA għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tkunx kompluta fi żmien 20 jum tax-xogħol mill-irċevuta tal-applikazzjoni.

Meta l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-ESMA għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien sa meta l-fornitur ta’ servizz ta’ rapportar tad-data għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

Wara li tivvaluta applikazzjoni bħala kompluta, l-ESMA għandha tinnotifika b’dan lill-fornitur ta’ servizz ta’ rapportar tad-data.

3. L-ESMA għandha, fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi applikazzjoni kompluta, tivvaluta l-konformità tal-fornitur ta’ servizz ta’ rapportar tad-data ma’ dan it-Titolu u għandha tadotta deċiżjoni kompletament motivata li tagħti jew tirrifjuta awtorizzazzjoni u tinnotifika lill-fornitur ta’ servizz tad-data tal-applikant kif xieraq fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol.

4. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tiddetermina:

(a) l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta lilha skont il-paragrafu 6, inkluż il-programm tal-operazzjonijiet;

(b) l-informazzjoni inkluża fin-notifiki skont l-Artikolu 27b(3).

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

8. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għan-notifika jew il-forniment tal-informazzjoni prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 27e(3).

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 27d

Irtirar ta’ awtorizzazzjoni

1. L-ESMA tista’ tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ fornitur ta’ servizz ta’ rapportar tad-data meta dan tal-aħħar:

(a) ma jagħmilx użu mill-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar, jirrinunzja espressament l-awtorizzazzjoni jew ma jkun ipprovda ebda servizz fis-sitt xhur preċedenti;

(b) ikun kiseb l-awtorizzazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew permezz ta’ kwalunkwe mezz irregolari ieħor;

(c) ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet li taħthom kien ġie awtorizzat;

(d) kiser serjament u sistematikament id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2. L-ESMA għandha, mingħajr dewmien bla bżonn, tinnotifika lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-fornitur ta’ servizz ta’ rapportar tad-data b’deċiżjoni li tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ fornitur ta’ servizz ta’ rapportar tad-data.";

Artikolu 27e

Rekwiżiti għall-korp maniġerjali ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data

1. Il-korp maniġerjali ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data għandu f’kull ħin ikun ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed, ikollu biżżejjed għarfien, ħiliet u esperjenza u jimpenja biżżejjed ħin sabiex jaqdi dmirijietu.

Il-korp maniġerjali għandu jkollu l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza kollettivi adegwati sabiex ikun kapaċi jifhem l-attivitajiet tal-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data. Kull membru tal-korp maniġerjali għandu jaġixxi b’onestà, integrità u indipendenza tal-ħsieb sabiex jikkontesta b’mod effettiv id-deċiżjonijiet tal-maniġment superjuri fejn meħtieġ u sabiex jissorvelja u jimmonitorja b’mod effettiv it-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali, fejn meħtieġ.

Meta operatur tas-suq jitlob awtorizzazzjoni sabiex jopera APA, CTP jew ARM skont l-Artikolu 27c u l-membri tal-korp maniġerjali tal-APA, tas-CTP jew tal-ARM ikunu l-istess bħall-membri tal-korp maniġerjali tas-suq regolat, dawk il-persuni jitqiesu bħala li jikkonformaw mar-rekwiżit stabbilit fl-ewwel subparagrafu.

2. Il-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data għandu jinnotifika lill-ESMA dwar il-membri kollha tal-korp maniġerjali tagħha u dwar kwalunkwe bidliet fis-sħubija tagħha, flimkien mal-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jiġi vvalutat jekk l-entità hijiex konformi mal-paragrafu 1.

3. Il-korp maniġerjali ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data għandu jiddefinixxi u jissorvejla l-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta’ governanza li jiżguraw ġestjoni effettiva u prudenti ta’ organizzazzjoni, inkluża s-segregazzjoni tad-dmirijiet fl-organizzazzjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess, b’mod li jippromwovi l-integrità tas-suq u l-interessi tal-klijenti tiegħu.

4. L-ESMA għandha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni jekk ma tkunx sodisfatta li l-persuna jew il-persuni li għandhom jidderieġu b’mod effettiv in-negozju tal-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data huma ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed, jew jekk ikun hemm raġunijiet oġġettivi u dimostrabbli sabiex wieħed jemmen li l-bidliet proposti fil-immaniġġjar tal-fornitur jikkawżaw theddida għall-immaniġġjar tajjeb u prudenti tiegħu u għall-kunsiderazzjoni adegwata tal-interessi tal-klijenti tiegħu u tal-integrità tas-suq.

5. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ] għall-valutazzjoni tal-adattabilità tal-membri tal-korp maniġerjali deskritti fil-paragrafu 1, filwaqt li tqis ir-rwoli u l-funzjonijiet differenti mwettqa minnhom u l-ħtieġa li tevita kunflitti ta’ interess bejn il-membri tal-korp maniġerjali u l-utenti tal-APA, tas-CTP jew tal-ARM.

Qed tiġi delegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Kapitolu 2

IL-KUNDIZZJONIJIET GĦALL-APAs, GĦAS-CTPs U GĦALL-ARMs

Artikolu 27f

Ir-rekwiżiti organizzazzjonali għall-APAs

1. APA għandu jkollu fis-seħħ politiki u arranġamenti adegwati sabiex jagħmel l-informazzjoni pubblika meħtieġa skont l-Artikoli 20 u 21 mill-aktar qrib il-ħin reali li jkun teknikament possibbli, fuq bażi kummerċjali raġonevoli. L-informazzjoni għandha tkun disponibbli bla ħlas 15-il minuta wara l-pubblikazzjoni tal-APA. L-APA għandu jxerred tali informazzjoni b’mod effiċjenti u konsistenti b’mod li jiżgura aċċess veloċi għall-informazzjoni, fuq bażi mhux dikriminatorja u f’format li jiffaċilita l-konsolidazzjoni tal-informazzjoni b’data simili minn sorsi oħrajn.

2. L-informazzjoni ppubblikata minn APA f’konformità mal-paragrafu 1 għandha tinkludi, mill-inqas, id-dettalji li ġejjin:

(a) l-identifikatur tal-istrument finanzjarju;

(b) il-prezz li bih ġiet konkluża t-tranżazzjoni;

(c) il-volum tat-tranżazzjoni;

(d) il-ħin tat-tranżazzjoni;

(e) il-ħin li fih kienet irrapportata t-tranżazzjoni;

(f) in-notazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni;

(g) il-kodiċi għaċ-ċentru tan-negozjar li fih ġiet eżegwita t-tranżazzjoni jew, meta t-tranżazzjoni tkun ġiet eżegwita permezz ta’ internalizzatur sistematiku, il-kodiċi "SI" jew inkella l-kodiċi "OTC";

(h) jekk applikabbli, indikatur li t-tranżazzjoni kienet soġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi.

3. APA għandu jopera u jżomm arranġamenti amministrattivi effettivi maħsuba biex jipprevjenu kunflitti ta’ interess mal-klijenti tiegħu. B’mod partikolari, APA li jkun ukoll operatur tas-suq jew ditta ta’ investiment għandu jittratta l-informazzjoni kollha miġbura b’mod mhux diskriminatorju u għandu jopera u jżomm arranġamenti xierqa sabiex jissepara l-funzjonijiet kummerċjali differenti.

4. APA għandu jkollu fis-seħħ mekkaniżmi tajba ta’ sigurtà maħsuba sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tal-mezzi tat-trasferiment tal-informazzjoni, jimminimizzaw ir-riskju tal-korruzzjoni tad-data u l-aċċess mhux awtorizzat u jipprevjenu l-ħruġ ta’ informazzjoni qabel il-pubblikazzjoni. L-APA għandu jżomm riżorsi adegwati u jkollu fis-seħħ faċilitajiet ta’ riżerva sabiex joffri u jżomm is-servizzi tiegħu f’kull ħin.

5. L-APA għandu jkollu fis-seħħ sistemi li jkunu jistgħu jivverifikaw b’mod effettiv ir-rapporti kummerċjali għall-kompletezza, jidentifikaw ommissjonijiet u żbalji ovvji u jitolbu trażmissjoni mill-ġdid ta’ kwalunkwe rapporti żbaljati bħal dawn.

6. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw formati komuni, standards ta’ data u arranġamenti tekniċi li jiffaċilitaw il-konsolidazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

7. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 50 sabiex tispeċifika x’jikkostitwixxi bażi kummerċjali raġonevoli sabiex tagħmel l-informazzjoni pubblika kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

8. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a) il-mezzi li bihom APA jista’ jikkonforma mal-obbligu ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1;

(b) il-kontenut tal-informazzjoni ppubblikata skont il-paragrafu 1, inkluża, mill-inqas, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 b’tali mod li tkun iffaċilitata l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni mitluba skont dan l-Artikolu;

(c) ir-rekwiżiti organizzazzjonali konkreti stipulati fil-paragrafi 3, 4 u 5.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 27g

Ir-rekwiżiti organizzazzjonali għas-CTPs

1. CTP għandu jkollu fis-seħħ politiki u arranġamenti adegwati sabiex jiġbor l-informazzjoni ppubblikata f’konformità mal-Artikoli 6 u 20, jikkonsolidaha fi fluss kontinwu ta’ data elettronika u jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku mill-aktar qrib il-ħin reali li jkun teknikament possibbli, fuq bażi kummerċjali raġonevoli.

Dik l-informazzjoni għandha tinkludi, mill-inqas, id-dettalji li ġejjin:

(a) l-identifikatur tal-istrument finanzjarju;

(b) il-prezz li bih ġiet konkluża t-tranżazzjoni;

(c) il-volum tat-tranżazzjoni;

(d) il-ħin tat-tranżazzjoni;

(e) il-ħin li fih kienet irrapportata t-tranżazzjoni;

(f) in-notazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni;

(g) il-kodiċi għaċ-ċentru tan-negozjar li fih ġiet eżegwita t-tranżazzjoni jew, meta t-tranżazzjoni tkun ġiet eżegwita permezz ta’ internalizzatur sistematiku, il-kodiċi "SI" jew inkella l-kodiċi "OTC";

(h) fejn applikabbli, il-fatt li algoritmu tal-kompjuter fi ħdan id-ditta ta’ investiment kien responsabbli għad-deċiżjoni tal-investiment u l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni;

(i) jekk applikabbli, indikatur li t-tranżazzjoni kienet soġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi;

(j) jekk l-obbligu li tiġi ppubblikata l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) kien irrinunzjat f’konformità mal-punt (a) jew (b) tal-Artikolu 4(1), markatura li tindika għal liema minn dawk ir-rinunzji ġiet soġġetta t-tranżazzjoni.

L-informazzjoni għandha tkun disponibbli bla ħlas 15-il minuta wara l-pubblikazzjoni tas-CTP. Is-CTP għandu jkun jista’ jxerred tali informazzjoni b’mod effiċjenti u konsistenti b’mod li jiżgura aċċess veloċi għall-informazzjoni, fuq bażi mhux dikriminatorja u f’formati li jkunu faċilment aċċessibbli u utilizzabbli għall-parteċipanti fis-suq.

2. CTP għandu jkollu fis-seħħ politiki u arranġamenti adegwati sabiex jiġbor l-informazzjoni ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 10 u mal-Artikolu 21, jikkonsolidaha fi fluss kontinwu ta’ data elettronika u jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku mill-aktar qrib il-ħin reali li jkun teknikament possibbli, fuq bażi kummerċjali raġonevoli, inklużi, mill-inqas, id-dettalji li ġejjin:

(a) l-identifikatur jew fatturi ta’ identifikazzjoni tal-istrument finanzjarju;

(b) il-prezz li bih ġiet konkluża t-tranżazzjoni;

(c) il-volum tat-tranżazzjoni;

(d) il-ħin tat-tranżazzjoni;

(e) il-ħin li fih kienet irrapportata t-tranżazzjoni;

(f) in-notazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni;

(g) il-kodiċi għaċ-ċentru tan-negozjar li fih ġiet eżegwita t-tranżazzjoni jew, meta t-tranżazzjoni tkun ġiet eżegwita permezz ta’ internalizzatur sistematiku, il-kodiċi "SI" jew inkella l-kodiċi "OTC";

(h) jekk applikabbli, indikatur li t-tranżazzjoni kienet soġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi.

L-informazzjoni għandha tkun disponibbli bla ħlas 15-il minuta wara l-pubblikazzjoni tas-CTP. Is-CTP għandu jkun jista’ jxerred tali informazzjoni b’mod effiċjenti u konsistenti b’mod li jiżgura aċċess veloċi għall-informazzjoni, fuq bażi mhux dikriminatorja u f’formati aċċettati b’mod ġenerali li jkunu interoperabbli u faċilment aċċessibbli u utilizzabbli għall-parteċipanti fis-suq.

3. Is-CTP għandu jiżgura li d-data pprovduta tkun ikkonsolidata mis-swieq regolati kollha, mill-MTFs, mill-OTFs u mill-APAs u għall-istrumenti finanzjarji speċifikati minn standards tekniċi regolatorji skont il-punt (c) tal-paragrafu 8.

4. Is-CTP għandu jopera u jżomm arranġamenti amministrattivi effettivi maħsuba sabiex jipprevjenu kunflitti ta’ interess. B’mod partikolari, operatur tas-suq jew APA, li joperaw ukoll tape konsolidat, għandhom jittrattaw l-informazzjoni kollha miġbura b’mod mhux diskriminatorju u għandhom joperaw u jżommu arranġamenti xierqa sabiex jisseparaw funzjonijiet operattivi differenti.

5. Is-CTP għandu jkollu fis-seħħ mekkaniżmi tajba ta’ sigurtà maħsuba sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tal-mezzi tat-trasferiment tal-informazzjoni u jimminimizzaw ir-riskju tal-korruzzjoni tad-data u l-aċċess mhux awtorizzat. Is-CTP għandu jżomm riżorsi adegwati u jkollu fis-seħħ faċilitajiet ta’ riżerva sabiex joffri u jżomm is-servizzi tiegħu f’kull ħin.

L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw l-istandards tad-data u l-formati għall-informazzjoni li trid tiġi ppubblikata f’konformità mal-Artikoli 6, 10, 20 u 21, inklużi l-identifikatur tal-istrument finanzjarju, il-prezz, il-kwanitità, il-ħin, in-notazzjoni tal-prezz, l-identifikatur tal-post u indikaturi għall-kundizzjonijiet speċifiċi li għalihom kienu soġġetti t-tranżazzjonijiet, kif ukoll arranġamenti tekniċi li jippromwovu tixrid effiċjenti u konsistenti tal-informazzjoni b’tali mod li jiġi żgurat li din tkun faċilment aċċessibbli u utilizzabbli għall-parteċipanti fis-suq kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, inkluż l-identifikazzjoni ta’ servizzi addizzjonali li jista’ jwettaq is-CTP u li jżidu l-effiċjenza tas-suq.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

6. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 li jikkjarifikaw x’jikkostitwixxi bażi kummerċjali raġonevoli sabiex jiġi pprovdut aċċess għall-flussi ta’ data msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

7. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a) il-mezzi li bihom is-CTP jista’ jikkonforma mal-obbligi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2;

(b) il-kontenut tal-informazzjoni ppubblikata skont il-paragrafi 1 u 2;

(c) l-istrumenti finanzjarji, li d-data dwarhom trid tiġi pprovduta fil-fluss tad-data u, għall-istrumenti mhux ta’ ekwità, iċ-ċentri tan-negozjar u l-APAs li jeħtieġ li jiġu inklużi;

(d) mezzi oħrajn sabiex jiġi żgurat li d-data ppubblikata minn CTPs differenti tkun konsistenti u tippermetti mmappjar komprensiv u kontroreferenza ma’ data simili minn sorsi oħrajn, u tkun tista’ tiġi aggregata fil-livell tal-Unjoni;

(e) ir-rekwiżiti organizzazzjonali konkreti stipulati fil-paragrafi 4 u 5.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 27h

Ir-rekwiżiti organizzazzjonali għall-ARMs

1. ARM għandu jkollu fis-seħħ politiki u arranġamenti sabiex jirrapporta l-informazzjoni rikjesta skont l-Artikolu 26 mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-għeluq tal-jum tax-xogħol ta’ wara l-jum li fih tkun seħħet it-tranżazzjoni.

2. L-ARM għandu jopera u jżomm arranġamenti amministrattivi effettivi maħsuba sabiex jipprevjenu kunflitti ta’ interess mal-klijenti tiegħu. B’mod partikolari, ARM li huwa wkoll operatur tas-suq jew ditta ta’ investiment għandu jittratta l-informazzjoni kollha miġbura b’mod mhux diskriminatorju u għandu jopera u jżomm arranġamenti xierqa sabiex jissepara l-funzjonijiet kummerċjali differenti.

3. L-ARM għandu jkollu fis-seħħ mekkaniżmi tajba ta’ sigurtà maħsuba sabiex jiggarantixxu s-sigurtà u l-awtentikazzjoni tal-mezzi tat-trasferiment tal-informazzjoni, jimminimizzaw ir-riskju tal-korruzzjoni tad-data u l-aċċess mhux awtorizzat u jipprevjenu l-ħruġ ta’ informazzjoni, filwaqt li jżommu l-kunfidenzjalità tad-data f’kull ħin. L-ARM għandu jżomm riżorsi adegwati u jkollu fis-seħħ faċilitajiet ta’ riżerva sabiex joffri u jżomm is-servizzi tiegħu f’kull ħin.

4. L-ARM għandu jkollu fis-seħħ sistemi li jkunu jistgħu jivverifikaw b’mod effettiv ir-rapporti tat-tranżazzjonijiet għall-kompletezza, jidentifikaw ommissjonijiet u żbalji ovvji kkawżati mid-ditta ta’ investiment u fejn iseħħ tali żball jew ommissjoni, jikkomunikaw id-dettalji tal-iżball jew tal-omissjoni lid-ditta ta’ investiment u jitolbu t-trażmissjoni mill-ġdid ta’ kwalunkwe rapporti żbaljati bħal dawn.

L-ARM għandu jkollu fis-seħħ sistemi li jippermettu lill-ARM jinduna bi żbalji jew ommissjonijiet ikkawżati mill-ARM innifsu u li jippermettu lill-ARM jikkorreġi u jittrażmetti, jew inkella jittrażmetti mill-ġdid, skont kif ikun il-każ, rapporti tat-tranżazzjonijiet korretti u kompleti lill-awtorità kompetenti.

5. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a) il-mezzi li bihom l-ARM jista’ jikkonforma mal-obbligu tal-informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1; u

(b) ir-rekwiżiti organizzazzjonali konkreti stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(31)jiddaħħal it-Titolu VIa li ġej:

‘TITOLU VIa

Is-setgħat u l-kompetenzi tal-ESMA

KAPITOLU 1

KOMPETENZI U PROĊEDURI

Artikolu 38a

L-eżerċitar tas-setgħat tal-ESMA

Is-setgħat mogħtija lill-ESMA jew lil kwalunkwe persuna oħra awtorizzata mill-ESMA skont l-Artikoli 38b sa 38e ma għandhomx jintużaw sabiex jesiġu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni jew dokumenti li huma soġġetti għal privileġġ legali.

Artikolu 38b

Talba għall-informazzjoni

1. L-ESMA tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew b’deċiżjoni, titlob lill-persuni li ġejjin jipprovdu l-informazzjoni kollha sabiex l-ESMA tkun tista’ taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament:

(a)    APA, CTP, ARM u ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li joperaw ċentru tan-negozjar sabiex joperaw is-servizzi ta’ rapportar tad-data ta’ APA, CTP jew ARM, kif ukoll il-persuni li jikkontrollawhom jew li huma kkontrollati minnhom;

   (b) il-maniġers tal-persuni msemmija fil-punt (a);

(c) l-awdituri u l-konsulenti tal-persuni msemmija fil-punt (a);

2. Kwalunkwe talba sempliċi għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha:

(a) tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b) tiddikjara l-fini tat-talba;

(c) tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d) tinkludi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e) tinkludi dikjarazzjoni li ma hemm ebda obbligu fuq il-persuna li mingħandha tintalab l-informazzjoni sabiex tipprovdi dik l-informazzjoni, iżda li f’każ ta’ tweġiba volontarja għat-talba, l-informazzjoni pprovduta ma tridx tkun skorretta jew qarrieqa;

(f) indika l-ammont tal-multa li trid tinħareġ f’konformità mal-Artikolu 38e meta l-informazzjoni pprovduta tkun skorretta jew qarrieqa.

3. Meta titlob il-forniment ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 1 b’deċiżjoni, l-ESMA għandha:

(a) tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b) tiddikjara l-fini tat-talba;

(c) tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d) tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e) tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 38g meta l-produzzjoni tal-informazzjoni meħtieġa ma tkunx kompluta;

(f) tindika l-multa prevista fl-Artikolu 38f, meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru ikunu skorretti jew qarrieqa;

(g) tindika d-dritt għal appell tad-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell tal-ESMA u għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ("il-Qorti tal-Ġustizzja") f’konformità mal-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4. Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati sabiex jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom, għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba. L-avukati debitament awtorizzati sabiex jaġixxu jistgħu jfornu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli bis-sħiħ jekk l-informazzjoni fornuta tkun inkompleta, skorretta jew qarrieqa.

5. L-ESMA għandha tibgħat mingħajr dewmien kopja tat-talba sempliċi jew tad-deċiżjoni tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huma domiċiljati jew stabbiliti l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ikkonċernati mit-talba għall-informazzjoni.

Artikolu 38c

Investigazzjonijiet ġenerali

1. Sabiex taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq l-investigazzjonijiet meħtieġa tal-persuni msemmija fl-Artikolu 38b(1). Għal dak l-għan, l-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA għandu jkollhom is-setgħa li:

(a) jeżaminaw kwalunkwe rekord, data, proċedura u kwalunkwe materjal ieħor rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, irrispettivament mill-mezz li fuqu jinħażnu;

(b) jieħdu jew jiksbu kopji ċċertifikati ta’ jew siltiet minn tali rekords, data, proċeduri u materjal ieħor;

(c) isejħu u jitolbu lil kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 38b(1) jew lir-rappreżentanti jew lill-membri tal-persunal tagħhom għal spjegazzjonijiet bil-fomm jew bil-miktub dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u sabiex jinżamm rekord tat-tweġibiet;

(d) jintervistaw lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li tagħti l-kunsens sabiex tiġi intervistata għall-fini tal-ġbir ta’ informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni;

(e) jitolbu rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data.

2. L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA għall-finijiet tal-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom meta jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tindika wkoll il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 38i meta l-produzzjoni tar-rekords, tad-data u tal-proċeduri meħtieġa jew ta’ kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ, jew it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmija fl-Artikolu 38b(1) ma jiġux ipprovduti jew ma jkunux kompluti, kif ukoll il-multi previsti fl-Artikolu 38h, meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmija fl-Artikolu 38b(1) ikunu skorretti jew qarrieqa.

3. Il-persuni msemmija fl-Artikolu 38b(1) huma mitluba jissottomettu ruħhom għal investigazzjonijiet imnedija abbażi ta’ deċiżjoni tal-ESMA. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni, il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 38i, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u d-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4. Fi żmien adatt qabel l-investigazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn trid titwettaq l-investigazzjoni dwar l-investigazzjoni u l-identità tal-persuni awtorizzati. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu lil dawk il-persuni awtorizzati fil-qadi ta’ dmirijiethom. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata jistgħu jattendu wkoll l-investigazzjonijiet jekk jintalbu jagħmlu dan.

5. Jekk talba għal rekords tat-traffiku tat-telefon jew tad-data msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja skont il-liġi nazzjonali applikabbli, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tista’ ssir ukoll applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħal din bħala miżura ta’ prekawzjoni.

6. Meta awtorità ġudizzjarja nazzjonali tirċievi applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ talba għar-rekords tat-telefon jew tat-traffiku tad-data msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1, dik l-awtorità għandha tivverifika dawn li ġejjin:

(a) id-deċiżjoni adottata mill-ESMA msemmija fil-paragrafu 3 hija awtentika;

(b) kwalunkwe miżura li trid tittieħed hija proporzjonata u mhux arbitrarja jew eċċessiva.

Għall-finijiet tal-punt (b), l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari relatati mar-raġunijiet li jkollha l-ESMA dwar suspett li seħħ ksur ta’ dan ir-Regolament u s-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrevedi l-ħtieġa għall-investigazzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fuq il-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 38d

Spezzjonijiet fuq il-post

1. Sabiex taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq l-ispezzjonijiet fuq il-post kollha meħtieġa fi kwalunkwe bini tan-negozju tal-persuni msemmija fl-Artikolu 38b(1).

2. L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA sabiex iwettqu spezzjoni fuq il-post jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini tan-negozju tal-persuni soġġetti għal deċiżjoni ta’ investigazzjoni adottata mill-ESMA u għandu jkollhom is-setgħat kollha stipulati fl-Artikolu 38b(1). Huma għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jissiġillaw kwalunkwe bini tan-negozju u l-kotba jew ir-reġistri għall-perjodu tal-ispezzjoni u safejn ikun meħtieġ.

3. Fi żmien suffiċjenti qabel l-ispezzjoni, l-ESMA għandha tagħti avviż tal-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun trid titwettaq l-ispezzjoni. Meta t-twettiq u l-effiċjenza xierqa tal-ispezzjoni jkunu jirrikjedu dan, l-ESMA tista’, wara li tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti, twettaq l-ispezzjoni fuq il-post mingħajr notifika minn qabel. L-ispezzjonijiet f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jitwettqu sakemm l-awtorità rilevanti tkun ikkonfermat li hija ma toġġezzjonax għal dawk l-ispezzjonijiet.

4. L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA sabiex iwettqu spezzjoni fuq il-post għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 38g meta l-persuni kkonċernati ma jissottomettux irwieħhom għall-ispezzjoni.

5. Il-persuni msemmija fl-Artikolu 38b(1) għandhom jissottomettu rwieħhom għall-investigazzjonijiet fuq il-post ordnati b’deċiżjoni tal-ESMA. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, taħtar id-data meta din għandha tibda u tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 38i, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010, kif ukoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

6. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn għandha titwettaq l-ispezzjoni, kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura minnha, għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu b’mod attiv lill-uffiċjali u lil persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jattendu wkoll l-ispezzjonijiet fuq il-post.

7. L-ESMA tista’ tesiġi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu kompiti investigattivi speċifiċi u spezzjonijiet fuq il-post kif previst f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 38b(1) f’isimha.

8. Meta l-uffiċjali tal-ESMA u persuni oħrajn li jakkumpanjawhom awtorizzati minnha jsibu li persuna topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tagħtihom l-assistenza meħtieġa, filwaqt li titlob, fejn xieraq, l-assistenza tal-pulizija jew ta’ awtorità tal-infurzar ekwivalenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom fuq il-post.

9. Jekk l-ispezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew jekk l-assistenza prevista fil-paragrafu 7 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja skont il-liġi nazzjonali, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tista’ ssir ukoll applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħal din bħala miżura ta’ prekawzjoni.

10. Meta awtorità ġudizzjarja nazzjonali tirċievi applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ spezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew l-assistenza prevista fil-paragrafu 7, dik l-awtorità għandha tivverifika dawn li ġejjin:

(a)    id-deċiżjoni adottata mill-ESMA msemmija fil-paragrafu 4 hija awtentika;

(b)    kwalunkwe miżura li trid tittieħed hija proporzjonata u mhux arbitrarja jew eċċessiva.

Għall-finijiet tal-punt (b), l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari relatati mar-raġunijiet li jkollha l-ESMA dwar suspett li seħħ ksur ta’ dan ir-Regolament u s-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrevedi l-ħtieġa għall-investigazzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fuq il-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 38e

Skambju ta’ informazzjoni

L-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-qadi ta’ dmirijiethom skont dan ir-Regolament.

Artikolu 38f

Segretezza professjonali

L-obbligu tas-segretezza professjonali msemmi fl-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/65/UE għandu japplika għall-ESMA u għall-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-ESMA, jew għal kwalunkwe persuna oħra li lilha l-ESMA tkun iddelegat xi kompiti, inklużi awdituri u esperti li jkunu ngħataw kuntratt mill-ESMA.

Artikolu 38g

Miżuri superviżorji mill-ESMA

1. Meta l-ESMA ssib li persuna elenkata fil-punt (a) tal-Artikolu 38a(1) tkun wettqet wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fit-Titolu IVa, hija għandha tieħu waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a) tadotta deċiżjoni li titlob lill-persuna ttemm il-ksur;

(b) tadotta deċiżjoni li timponi multi skont l-Artikoli 38h u 38i;

(c) toħroġ avviżi pubbliċi.

2. Meta tieħu l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha tqis in-natura u s-serjetà tal-ksur, filwaqt li tqis il-kriterji li ġejjin:

(a) it-tul ta’ żmien u l-frekwenza tal-ksur;

(b) jekk ir-reat finanzjarju ġiex ikkawżat, iffaċilitat jew attribwit b’mod ieħor għall-ksur;

(c) jekk il-ksur twettaqx intenzjonalment jew b’mod negliġenti;

(d) il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(e) is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli għall-ksur, kif indikat mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew l-introjtu annwali u l-assi netti tal-persuna fiżika responsabbli;

(f) l-impatt tal-ksur fuq l-interessi tal-investituri;

(g) l-importanza tal-profitti miksuba, it-telf evitat mill-persuna responsabbli għall-ksur jew it-telf għall-partijiet terzi minħabba l-ksur, safejn dawn ikunu jistgħu jiġu stabbiliti;

(h) il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ksur mal-ESMA, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;

(i) il-ksur preċedenti mill-persuna responsabbli għall-ksur;

(j) il-miżuri meħuda wara l-ksur mill-persuna responsabbli għall-ksur biex tiġi evitata r-repetizzjoni tiegħu.

3. Mingħajr dewmien bla bżonn, l-ESMA għandha tinnotifika kwalunkwe azzjoni meħuda skont il-paragrafu 1 lill-persuna responsabbli għall-ksur u għandha tikkomunikaha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni. Hija għandha tiddivulga pubblikament kwalunkwe deċiżjoni bħal din fuq is-sit web tagħha fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-data meta tkun ġiet adottata.

Id-divulgazzjoni lill-pubbliku msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(a)    dikjarazzjoni li tafferma d-dritt tal-persuna responsabbli għall-ksur li tappella d-deċiżjoni;

(b)    fejn rilevanti, dikjarazzjoni li tafferma li ġie ppreżentat appell u li tispeċifika li tali appell ma għandux effett sospensiv;

(c)    dikjarazzjoni li tasserixxi li huwa possibbli għall-Bord tal-Appell tal-ESMA li jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’konformità mal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

KAPITOLU 2

SANZJONIJIET AMMINISTRATTIVI U MIŻURI OĦRAJN

Artikolu 38h

Multi

1. Meta, f’konformità mal-Artikolu 38k(5), l-ESMA ssib li kwalunkwe persuna wettqet, intenzjonalment jew b’mod negliġenti, wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fit-Titolu IVa, hija għandha tadotta deċiżjoni li timponi multa f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Ksur għandu jitqies bħala li twettaq intenzjonalment jekk l-ESMA ssib fatturi oġġettivi li juru li persuna aġixxiet deliberatament biex twettaq il-ksur.

2. L-ammont massimu tal-multa msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun EUR 200 000 jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali. .

3. Meta tiġi biex tiddetermina l-livell ta’ multa skont il-paragrafu 1, l-ESMA għandha tqis il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 38g(2).

Artikolu 38i

Ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1. L-ESMA għandha, permezz ta’ deċiżjoni, timponi ħlasijiet perjodiċi ta’ penali sabiex iġġiegħel:

(a) persuna ttemm ksur f’konformità ma’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 38b(1)(a);

(b) persuna msemmija fl-Artikolu 38b(1):

tipprovdi informazzjoni kompleta li tkun intalbet permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 38b;

tissottometti ruħha għal investigazzjoni u, b’mod partikolari, tipproduċi rekords, data u proċeduri kompluti jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ u timla u tikkoreġi informazzjoni oħra pprovduta f’investigazzjoni mnedija permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 38c;

tissottometti ruħha għal spezzjoni fuq il-post ordnata permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 38d.

2. Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jkun effettiv u proporzjonat. Il-ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal kull jum ta’ dewmien.

3. Minkejja l-paragrafu 2, l-ammont tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandu jkun 3 % tal-fatturat medju ta’ kuljum fis-sena finanzjarja preċedenti, jew, fil-każ ta’ persuni fiżiċi, 2 % tal-introjtu medju ta’ kuljum fis-sena kalendarja preċedenti. Huwa għandu jiġi kkalkolat mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-ħlas perjodiku ta’ penali.

4. Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal perjodu massimu ta’ sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-ESMA. Wara t-tmiem tal-perjodu, l-ESMA għandha tirrevedi l-miżura.

Artikolu 38j

Id-divulgazzjoni, in-natura, l-infurzar u l-allokazzjoni tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1. L-ESMA għandha tiddivulga lill-pubbliku kull multa u ħlas perjodiku ta’ penali li jkunu ġew imposti skont l-Artikoli 38h u 38i, sakemm tali divulgazzjoni lill-pubbliku ma tipperikolax serjament is-swieq finanzjarji jew sakemm ma tikkawżax dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti. Tali divulgazzjoni ma għandha tinkludi ebda data personali skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2. Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 38h u 38i għandhom ikunu ta’ natura amministrattiva.

3. Meta l-ESMA tiddeċiedi li ma timponi ebda multa jew ħlas ta’ penali, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati u tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

4. Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 38h u 38i għandhom ikunu infurzabbli.

5. L-infurzar għandu jkun irregolat mir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat li fit-territorju tiegħu jitwettaq.

6. L-ammonti tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandhom jiġu allokati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 38k

Regoli proċedurali sabiex jittieħdu miżuri superviżorji u jiġu imposti multi

1. Meta, fil-qadi ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fit-Titolu IVa, hija għandha taħtar uffiċjal indipendenti tal-investigazzjoni fi ħdan l-ESMA sabiex jinvestiga l-kwistjoni. L-uffiċjal maħtur ma għandux jiġi involut jew ikun ġie involut direttament jew indirettament fis-superviżjoni jew fil-proċess ta’ awtorizzazzjoni tal-fornitur ta’ servizz ta’ rapportar tad-data kkonċernat u għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu indipendentement mill-ESMA.

2. L-uffiċjal tal-investigazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinvestiga l-allegat ksur, filwaqt li jqis kwalunkwe kumment ippreżentat mill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet, u għandu jissottometti fajl komplut bis-sejbiet tiegħu lill-ESMA.

3. Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni jista’ jeżerċita s-setgħa li jitlob informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 38b u li jwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 38c u 38d.

4. Meta jwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha miġbura mill-ESMA fl-attivitajiet superviżorji tagħha.

5. Meta jlesti l-investigazzjoni tiegħu u qabel jissottometti l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-ESMA, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jagħti lill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet l-opportunità li jinstemgħu dwar il-kwistjonijiet li jkunu qegħdin jiġu investigati. L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jibbaża s-sejbiet tiegħu biss fuq fatti li l-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jikkummentaw dwarhom.

6. Matul l-investigazzjonijiet skont dan l-Artikolu, id-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ.

7. Meta jissottometti l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-ESMA, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinnotifika b’dan lill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet. Il-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali li taffettwa lil partijiet terzi.

8. Abbażi tal-fajl li jkun fih is-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni u, meta tintalab mill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet, wara li tkun semgħet lil dawk il-persuni f’konformità mal-Artikolu 38l, l-ESMA għandha tiddeċiedi jekk wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fit-Titolu IVa jkunux twettqu mill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet u, f’każ bħal dan, għandha tieħu miżura superviżorja f’konformità mal-Artikolu 38m.

9. L-uffiċjal tal-investigazzjoni ma għandux jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tal-ESMA jew jintervjeni bi kwalunkwe mod ieħor fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-ESMA.

10. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 50 [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ] billi tispeċifika aktar ir-regoli ta’ proċedura għall-eżerċitar tas-setgħa li jiġu imposti multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, inklużi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tad-difiża, dispożizzjonijiet temporali u l-ġbir ta’ multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, kif ukoll il-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali.

11. L-ESMA għandha tirreferi kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali lill-awtoritjiet nazzjonali rilevanti meta, fil-qadi ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, hija ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jkunu jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali. Barra minn hekk, l-ESMA għandha żżomm lura milli timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali meta tkun diġà ngħatat il-liberazzjoni mill-akkuża jew kundanna, li tirriżulta minn fatt identiku jew fatti li jkunu sostanzjalment l-istess li diġà ngħataw il-forza ta' res judicata bħala riżultat ta' proċedimenti kriminali skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 38l

Smigħ tal-persuni kkonċernati

1. Qabel tieħu kwalunkwe deċiżjoni skont l-Artikoli 38g, 38h u 38i, l-ESMA għandha tagħti lill-persuni soġġetti għall-proċedimenti l-opportunità li jinstemgħu dwar is-sejbiet tagħha. L-ESMA għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq sejbiet li dwarhom il-persuni soġġetti għall-proċedimenti kellhom l-opportunità li jikkummentaw.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika jekk tkun meħtieġa azzjoni urġenti sabiex ma titħalliex li ssir ħsara sinifikanti u imminenti lis-sistema finanzjarja. F’każ bħal dan, l-ESMA tista’ tadotta deċiżjoni interim u għandha tagħti lill-persuni kkonċernati l-opportunità li jinstemgħu malajr kemm jista’ jkun wara li tieħu d-deċiżjoni tagħha.

2. Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ matul il-proċedimenti. Dawn għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-ESMA, soġġetti għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-ESMA.

Artikolu 38m

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni bla limitu sabiex tirrevedi d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-ESMA tkun imponiet multa jew ħlas perjodiku ta’ penali. Hija tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas perjodiku ta’ penali imposti.

Artikolu 38n

Tariffi għall-awtorizzazzjoni u għas-superviżjoni

1. L-ESMA għandha titlob tariffi lill-fornituri ta’ servizz ta’ rapportar tad-data f’konformità ma’ dan ir-Regolament u f’konformità mal-atti delegati adottati skont il-paragrafu 3. Dawk it-tariffi għandhom ikopru b’mod sħiħ in-nefqa meħtieġa tal-ESMA li tirrigwardja l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-fornituri ta’ servizz ta’ rapportar tad-data u r-rimborż ta’ kwalunkwe kostijiet li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jġarrbu fit-twettiq tax-xogħol skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega tal-kompiti f’konformità mal-Artikolu 38o.

2. L-ammont ta’ tariffa individwali mitluba lil fornitur ta’ servizz ta’ rapportar tad-data partikolari għandu jkopri l-kostijiet amministrattivi kollha mġarrba mill-ESMA għall-attivitajiet tagħha fir-rigward tal-prospett, inklużi s-supplimenti għalih, imfassla minn tali emittent, offerent jew persuna li jitolbu għal ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat. Huwa għandu jkun proporzjonat għall-fatturat tal-emittent, tal-offerent jew tal-persuna li jitolbu għal ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat.

3. Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 50 sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ] sabiex tispeċifika t-tip ta’ tariffi, il-materji li għalihom huma dovuti t-tariffi, l-ammont tat-tariffi u l-mod kif għandhom jitħallsu.

Artikolu 38o

Id-delega tal-kompiti mill-ESMA lill-awtoritajiet kompetenti

1. Fejn meħtieġ għat-twettiq xieraq ta’ kompitu superviżorju, l-ESMA tista’ tiddelega kompiti superviżorji speċifiċi lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru f’konformità mal-linji gwida maħruġa mill-ESMA skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 1095/2010. Tali kompiti superviżorji speċifiċi jistgħu, b’mod partikolari, jinkludu s-setgħa li jitwettqu talbiet għal informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 38b u li jitwettqu investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 38c u 38d.

2. Qabel tiddelega kompitu, l-ESMA għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti rilevanti dwar:

(a) il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompitu li jrid jiġi ddelegat;

(b) l-iskeda ta’ żmien għat-twettiq tal-kompitu; u

(c) it-trażmissjoni tal-informazzjoni meħtieġa mill-ESMA u lilha.

3. F’konformità mar-regolament dwar it-tariffi adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 38n(3), l-ESMA għandha tirrimborża lil awtorità kompetenti għall-kostijiet imġarrba minħabba t-twettiq tal-kompiti ddelegati.

4. L-ESMA għandha tirrevedi d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 f’intervalli xierqa. Delega tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin.

(32)5. Delega tal-kompiti ma għandhiex taffettwa r-responsabbiltà tal-ESMA u ma għandhiex tillimita l- kapaċità tal-ESMA li twettaq u tissorvelja l-attività ddelegata.”; L-Artikolu 50 jiġi emendat kif ġej:

(b)    il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

‘2. Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 1(9), fl-Artikolu 2(2), fl-Artikolu 13(2), fl-Artikolu 15(5), fl-Artikolu 17(3), fl-Artikolu 19(2) u (3), fl-Artikolu 27c, fl-Artikolu 31(4), fl-Artikolu 40(8), fl-Artikolu 41(8), fl-Artikolu 42(7), fl-Artikolu 45(10) u fl-Artikolu 52 (10) u (12) għandha tingħata għal perjodu ta’ żmien indeterminat mit-2 ta’ Lulju 2014.’;

(c)    fil-paragrafu 3, l-ewwel sentenza tiġi sostitwita b’din li ġejja:

‘Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 1(9), fl-Artikolu 2(2), fl-Artikolu 13(2), fl-Artikolu 15(5), fl-Artikolu 17(3), fl-Artikolu 19(2) u (3), fl-Artikolu 27c, fl-Artikolu 31(4), fl-Artikolu 40(8), fl-Artikolu 41(8), fl-Artikolu 42(7), fl-Artikolu 45(10) u fl-Artikolu 52(10) u (12) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.’;

(d)fil-paragrafu 5, l-ewwel sentenza tiġi sostitwita b’din li ġejja:

‘Att delegat adottat skont l-Artikolu 1(9), l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 15(5), l-Artikolu 17(3), l-Artikolu 19(2) u (3), l-Artikolu 27c, l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 40(8), l-Artikolu 41(8), l-Artikolu 42(7), l-Artikolu 45(10) u l-Artikolu 52(10) jew (12) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw.’;

(33)fl-Artikolu 52, jiżdiedu l-paragrafi 13 u 14 li ġejjin:

‘13.    Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-ESMA, tippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tat-tape konsolidat stabbilit f’konformità mat-Titolu IVa. Ir-rapport relatat mal-Artikolu 27d(1) għandu jiġi ppreżentat sat-3 ta’ Settembru 2019. Ir-rapport relatat mal-Artikolu 27d(2) għandu jiġi ppreżentat sat-3 ta’ Settembru 2021.

Ir-rapporti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jivvalutaw il-funzjonament tat-tape konsolidat fl-isfond tal-kriterji li ġejjin:

(a)    id-disponibbiltà u l-puntwalità tal-informazzjoni wara n-negozjar f’format ikkonsolidat li jiġbor it-tranżazzjonijiet kollha, irrispettivament minn jekk jitwettqux f’ċentri tan-negozjar jew le;

(b)    id-disponibbiltà u l-puntwalità ta’ informazzjoni sħiħa u parzjali wara n-negozjar li tkun ta’ kwalità għolja, f’formati li jkunu faċilment aċċessibbli u utilizzabbli għall-parteċipanti fis-suq u disponibbli fuq bażi kummerċjali raġonevoli.

Meta l-Kummissjoni tikkonkludi li s-CTPs ikunu naqsu milli jipprovdu l-informazzjoni b’mod li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fit-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tehmeż mar-rapport tagħha talba lill-ESMA sabiex tniedi proċedura nnegozjata għall-ħatra permezz ta’ proċess ta’ akkwist pubbliku mmexxi mill-ESMA ta’ entità kummerċjali li topera tape konsolidat. L-ESMA għandha tniedi l-proċedura wara li tirċievi t-talba mill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet speċifikati fit-talba tal-Kummissjoni u f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**).

14.    Il-Kummissjoni għandha, meta tinbeda l-proċedura deskritta fil-paragrafu 13, tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 50, billi tispeċifika miżuri sabiex:

(a)    tipprevedi d-durata tal-kuntratt tal-entità kummerċjali li topera tape konsolidat u l-proċess u l-kundizzjonijiet għat-tiġdid tal-kuntratt u t-tnedija ta’ proċess ta’ akkwist pubbliku ġdid;

(b)    tistabbilixxi li l-entità kummerċjali li topera tape konsolidat għandha tagħmel dan fuq bażi esklużiva u li l-ebda entità oħra ma għandha tkun awtorizzata bħala CTP f’konformità mal-Artikolu 27a;

(c)    tagħti s-setgħa lill-ESMA sabiex tiżgura l-konformità mal-kundizzjonijiet tal-offerta mill-entità kummerċjali li topera tape konsolidat maħtura permezz ta’ proċess ta’ akkwist pubbliku;

(d)    tiżgura li l-informazzjoni ta’ wara n-negozjar ipprovduta mill-entità kummerċjali li topera tape konsolidat tkun ta’ kwalità għolja, f’formati li jkunu faċilment aċċessibbli u utilizzabbli għall-parteċipanti fis-suq u f’format konsolidat li jaqbad is-suq kollu;

(e)    tiżgura li l-informazzjoni ta’ wara n-negozjar tiġi pprovduta fuq bażi kummerċjali raġonevoli, kemm fuq bażi konsolidata kif ukoll fuq bażi mhux konsolidata u tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti ta’ dik l-informazzjoni madwar l-Unjoni;

(f)    tiżgura li ċ-ċentri tan-negozjar u l-APAs jagħmlu d-data kummerċjali tagħhom disponibbli għall-entità kummerċjali li topera tape konsolidat maħtura permezz ta’ proċess ta’ akkwist pubbliku mmexxi mill-ESMA b’kost raġonevoli;

(g)    tispeċifika l-arranġamenti applikabbli meta l-entità kummerċjali li topera tape konsolidat maħtura permezz ta’ proċess ta’ akkwist pubbliku tonqos milli tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-offerta;

(h)    tispeċifika l-arranġamenti li taħthom is-CTPs awtorizzati skont l-Artikolu 27a jistgħu jkomplu joperaw tape konsolidat meta ma tkunx qed tintuża s-setgħa prevista fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu jew, meta ma tinħatar ebda entità permezz tal-proċess ta’ akkwist pubbliku, sa dak iż-żmien meta jitlesta proċess ta’ akkwist pubbliku ġdid u tinħatar entità kummerċjali sabiex topera tape konsolidat.

*    Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

**    Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).’;

(34)jiddaħħlu l-Artikoli 54a u 54b li ġejjin:

‘Artikolu 54a
Miżuri tranżitorji relatati mal-ESMA

1. Il-kompetenzi u d-dmirijiet kollha relatati mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fil-qasam tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data li jingħataw lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/65/UE għandhom jiġu tterminati fi [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ]. Dawk il-kompetenzi u d-dmirijiet għandhom jittieħdu mill-ESMA fl-istess data.

2. Kwalunkwe fajl jew dokument ta’ ħidma relatat mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fil-qasam tal-fornituri ta’ servizz ta’ rapportar tad-data, inklużi kwalunkwe eżamijiet u azzjonijiet ta’ infurzar li jkunu għaddejjin, jew kopji ċċertifikati tagħhom, għandhom jgħaddu f’idejn l-ESMA fid-data msemmija fil-paragrafu 1.

Madankollu, applikazzjoni għal reġistrazzjoni li kienet riċevuta mill-awtoritajiet kompetenti qabel [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 30 xahar wara d-dħul fis-seħħ] ma għandhiex tiġi ttrasferita lill-ESMA u d-deċiżjoni li tiġi rreġistrata jew irrifjutata reġistrazzjoni għandha tittieħed mill-awtorità rilevanti.

3. L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li kwalunkwe reġistru u dokument ta’ ħidma eżistenti, jew kopji ċċertifikati tagħhom, għandhom jiġu ttrasferiti lill-ESMA mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ minn fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu wkoll l-għajnuna u l-pariri kollha meħtieġa lill-ESMA sabiex jiġi ffaċilitat it-trasferiment u l-bidu effettiv u effiċjenti tal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fil-qasam tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data.

4. L-ESMA għandha taġixxi bħala s-suċċessur legali tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 fi kwalunkwe proċediment amministrattiv jew ġudizzjarju li jirriżulta minn attività ta’ superviżjoni u infurzar segwita minn dawk l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt dan ir-Regolament.

5. Kwalunkwe awtorizzazzjoni ta’ fornitur ta’ servizz ta’ rapportar tad-data mogħtija minn awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tibqa’ valida wara t-trasferiment tal-kompetenzi lill-ESMA.

Artikolu 54b
Ir-relazzjonijiet mal-awdituri

1.    Kwalunkwe persuna awtorizzata skont it-tifsira tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), li twettaq, f’funzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data, il-kompitu deskritt fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/34/UE jew fl-Artikolu 73 tad-Direttiva 2009/65/KE jew kwalunkwe kompitu ieħor preskritt mil-liġi, għandu jkollha dmir li tirrapporta minnufih lill-ESMA kwalunkwe fatt jew deċiżjoni rigward dik l-impriża li tagħha dik il-persuna tkun saret konxja waqt it-twettiq ta’ dak il-kompitu u li jistgħu:

(a)     jikkostitwixxu ksur materjali tal-liġijiet, tar-regolamenti jew tad-dispożizzjonijiet amministrattivi li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni jew li jirregolaw speċifikament l-insegwiment tal-attivitajiet tal-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data;

(b)     jaffettwaw il-funzjonament kontinwu tal-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data;

(c)     iwasslu għar-rifjut taċ-ċertifikazzjoni tal-kontijiet jew għall-espressjoni tar-riżervi.

Dik il-persuna għandu jkollha wkoll dmir li tirrapporta kwalunkwe fatti u deċiżjonijiet li tagħhom il-persuna ssir konxja matul il-kors tat-twettiq ta’ wieħed mill-kompiti msemmija fl-ewwel subparagrafu f’impriża li jkollha rabtiet mill-qrib mal-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data li fiha jkun qed iwettaq dak il-kompitu.

2.      Id-divulgazzjoni in bona fede lill-awtoritajiet kompetenti minn persuni awtorizzati skont it-tifsira tad-Direttiva 2006/43/KE, ta’ kull fatt jew deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, ma għandhiex tikkostitwixxi ksur ta’ kwalunkwe restrizzjoni kuntrattwali jew ġuridika dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni u ma għandha tinvolvi l-ebda responsabbiltà għal dawn il-persuni.

*    Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).’.

Artikolu 7

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 2015/760 dwar il-fondi Ewropej ta’ investiment fuq terminu twil

Ir-Regolament (UE) 2015/760 jiġi emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 2 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-punt (10) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(10)    ‘awtorità kompetenti’ tfisser kwalunkwe awtorità kompetenti msemmija fil-punti (f) u (h) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE;”;

(c)jitħassar il-punt (11);

(2)fl-Artikolu 3, il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.    L-ESMA għandha żżomm reġistru pubbliku ċentrali li jidentifika kull ELTIF awtorizzat skont dan ir-Regolament u l-maniġer tal-ELTIF. Ir-reġistru għandu jiġi magħmul disponibbli f’format elettroniku.”;

(3)L-Artikolu 5 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi emendat kif ġej:

(i)l-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala ELTIF għandha ssir lill-ESMA.”;

(ii)fit-tieni subparagrafu, jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)    lista tal-Istati Membri fejn l-ELTIF huwa intiż li jkun ikkummerċjalizzat.”;

(iii)it-tielet subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-ESMA tista’ titlob kjarifika u informazzjoni rigward id-dokumentazzjoni u l-informazzjoni pprovduti skont it-tieni subparagrafu.”;

(c)il-paragrafu 2 jiġi emendat kif ġej:

(i)l-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Huwa biss AIFM tal-UE awtorizzat f’konformità mad-Direttiva 2011/61/UE li jista’ japplika mal-ESMA għall-approvazzjoni sabiex jiġġestixxi ELTIF, li l-awtorizzazzjoni għalih tintalab f’konformità mal-paragrafu 1.”;

(ii)l-aħħar subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-ESMA tista’ titlob lill-awtorità kompetenti tal-AIFM tal-UE għal kjarifika u informazzjoni fir-rigward tad-dokumentazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu jew għal attestazzjoni dwar jekk l-ELTIFs jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni tal-AIFM tal-UE sabiex jiġġestixxi l-AIFs. L-awtorità kompetenti tal-AIFM tal-UE għandha tipprovdi tweġiba fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-data li fiha hija tkun irċeviet it-talba sottomessa mill-ESMA.”;

(d)il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.    Kwalunkwe modifiki sussegwenti fid-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu nnotifikati minnufih lill-ESMA.”;

(e)il-paragrafu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5.    Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 sa 3, AIF tal-UE, li l-forma ġuridika tiegħu tippermetti ġestjoni interna u li l-korp ta’ tmexxija tiegħu jagħżel li ma jaħtarx AIFM estern, għandu japplika mal-ESMA simultanjament għal awtorizzazzjoni bħala ELTIF f’konformità ma’ dan ir-Regolament u bħala AIFM f’konformità mad-Direttiva 2011/61/UE.

L-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, bħala ELTIF ġestit internament, għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(a)    ir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni;

(b)    informazzjoni dwar l-identità tad-depożitarju;

(c)    deskrizzjoni tal-informazzjoni li trid issir disponibbli għall-investituri, inkluża deskrizzjoni tal-arranġamenti għall-indirizzar tal-ilmenti mressqa minn investituri fil-livell tal-konsumaturi;

(e)    lista tal-Istati Membri fejn l-ELTIF huwa intiż li jkun ikkummerċjalizzat;

(f)    l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2011/61/UE.

L-ESMA għandha tinforma lill-AIF tal-UE dwar jekk l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ngħatawx fi żmien tliet xhur mid-data tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni kompluta.”;

(f)jiżdiedu l-paragrafi 6 u 7 li ġejjin:

“6. L-ESMA għandha tinnotifika mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom l-ELTIF huwa intiż li jkun ikkummerċjalizzat dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 6 f’konformità mal-Artikolu 31(2).

7. In-notifika msemmija fil-paragrafu 6 għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)    l-identifikazzjoni tal-maniġer tal-ELTIF, tal-ELTIF u tal-Istat Membru fejn l-ELTIF għandu l-uffiċċju rreġistrat jew l-uffiċċju prinċipali tiegħu;

(b)    ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-ELTIF;

(c)    l-identifikazzjoni tad-depożitarju tal-ELTIF;

(d)    deskrizzjoni tal-informazzjoni li trid issir disponibbli għall-investituri;

(e)    deskrizzjoni tal-arranġamenti sabiex jiġu indirizzati l-ilmenti mressqa minn investituri fil-livell tal-konsumaturi;

(f)    il-prospett u, fejn rilevanti, id-dokument bit-tagħrif ewlieni msemmi fir-Regolament (UE) Nru 1286/2014;

(g)    l-informazzjoni dwar il-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 26.”;

(4)L-Artikolu 6 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafi 1 sa 3 jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1.    AIF tal-UE għandu jkun awtorizzat bħala ELTIF biss meta l-ESMA:

(a)    tkun sodisfatta li l-AIF tal-UE huwa kapaċi jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ dan ir-Regolament;

(b)    tkun approvat l-applikazzjoni ta’ AIFM tal-UE awtorizzat f’konformità mad-Direttiva 2011/61/UE sabiex jiġġestixxi l-ELTIF, ir-regoli tal-fondi jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni u l-għażla tad-depożitarju.

2.    F’każ li AIF tal-UE jagħmel applikazzjoni skont l-Artikolu 5(5) ta’ dan ir-Regolament, l-ESMA għandha tawtorizza lill-AIF tal-UE bħala ELTIF biss meta hija:

(a)    tkun sodisfatta li l-AIF tal-UE huwa konformi ma’ dan ir-Regolament;

(b)    tkun sodisfatta li l-AIF tal-UE huwa konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2011/61/UE;

(c)    tkun approvat ir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni u l-għażla tad-depożitarju.

3.    L-ESMA tista’ tirrifjuta li tapprova l-applikazzjoni ta’ AIFM tal-UE sabiex jiġġestixxi ELTIF biss meta l-AIFM tal-UE:

(a)    ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament;

(b)    ma jkunx konformi mad-Direttiva 2011/61/UE fir-rigward tal-ELTIF li jkollu l-ħsieb li jiġġestixxi;

(c)    ma jkunx awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-maniġer tal-AIFM tal-UE sabiex jiġġestixxi l-AIFs li jsegwu l-istrateġiji ta’ investiment tat-tip kopert minn dan ir-Regolament;

(d)    ma pprovdiex id-dokumenti msemmija fil-Artikolu 5(2), jew xi kjarifika jew informazzjoni mitluba taħtu.

L-ESMA għandha tikkonsulta mal-awtorità kompetenti tal-AIFM tal-UE qabel tirrifjuta li tapprova applikazzjoni.”;

(c)jitħassar il-paragrafu 4;

(d)il-paragrafu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5.    L-ESMA għandha tikkomunika lill-AIF tal-UE r-raġuni għar-rifjut tagħha li tagħti l-awtorizzazzjoni bħala ELTIF.”;

(e)jitħassru l-paragrafi 6 u 7;

(5)jiddaħħal l-Artikolu 6a li ġej:

“Artikolu 6a

Irtirar ta’ awtorizzazzjoni

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35, l-ESMA għandha tirtira l-awtorizzazzjoni għal ELTIF meta l-maniġer ta’ dak l-ELTIF jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)    il-maniġer ikun irrinunzja espressament l-awtorizzazzjoni jew ma jkunx għamel użu mill-awtorizzazzjoni fi żmien sitt xhur wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni;

(b)    il-maniġer ikun kiseb l-awtorizzazzjoni billi għamel dikjarazzjonijiet foloz jew bi kwalunkwe mezz irregolari ieħor;

(c)    l-ELTIF ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet li taħthom kien awtorizzat.

2. L-irtirar tal-awtorizzazzjoni għandu jkollu effett immedjat madwar l-Unjoni kollha.”;

(6)fl-Artikolu 7, il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.    Il-maniġer tal-ELTIF għandu jkun responsabbli sabiex jiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-rekwiżiti rilevanti tad-Direttiva 2011/61/UE fir-rigward tal-ELTIF. Il-maniġer tal-ELTIF għandu jkun responsabbli wkoll għat-telf jew għad-danni li jirriżultaw min-nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament.”;

(7)fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 17, it-tieni subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Id-data msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandha tieħu kont tal-aspetti u l-karatteristiċi partikolari tal-assi li jridu jiġu investiti mill-ELTIF u għandha tkun mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tal-awtorizzazzjoni bħala ELTIF jew nofs il-ħajja tal-ELTIF kif stabbilita f’konformità mal-Artikolu 18(3), skont liema minnhom tkun l-ewwel. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-ESMA, wara s-sottomissjoni ta’ pjan ta’ investiment debitament ġustifikat, tista’ tapprova estensjoni ta’ dak il-limitu ta’ żmien sa mhux aktar tard minn sena addizzjonali waħda.”;

(8)fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 18, il-punt (d) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(b)    fil-ħin tal-awtorizzazzjoni u matul il-ħajja tal-ELTIF, il-maniġer tal-ELTIF ikun jista’ juri lill-ESMA li hemm fis-seħħ sistema xierqa ta’ ġestjoni tal-likwidità u proċeduri effettivi għall-monitoraġġ tar-riskju ta’ likwidità tal-ELTIF, li jkunu kompatibbli mal-istrateġija ta’ investiment ta’ terminu twil tal-ELTIF u mal-politika ta’ tifdija proposta;”;

(9)fl-Artikolu 21, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.    ELTIF għandu jadotta skeda dettaljata għad-disponiment tajjeb tal-assi tiegħu sabiex ikunu jistgħu jiġu mifdija l-unitajiet jew l-ishma tal-investituri wara t-tmiem tal-ħajja tal-ELTIF u għandu jiddivulga dan lill-ESMA sa mhux aktar tard minn sena qabel id-data tat-tmiem tal-ħajja tal-ELTIF.”;

(10)fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 23, il-punt (f) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(f)    kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa mill-ESMA bħala rilevanti għall-finijiet tal-paragrafu 2.”;

(11)fl-Artikolu 24, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.    ELTIF għandu jibgħat il-prospett tiegħu u kwalunkwe emendi għalih, kif ukoll ir-rapport annwali tiegħu, lill-ESMA. Jekk jintalab, ELTIF għandu jipprovdi dik id-dokumentazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-maniġer tal-ELTIF. Dik id-dokumentazzjoni għandha tiġi pprovduta mill-ELTIF fil-perjodu ta’ żmien speċifikat mill-ESMA u mill-awtorità kompetenti tal-maniġer tal-ELTIF.”;

(12)fl-Artikolu 28, jiżdied il-paragrafu 3:

“3.    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 36a sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ] sabiex tispeċifika l-proċess intern għall-valutazzjoni ta’ jekk l-ELTIF huwiex addattat għall-kummerċjalizzazzjoni għall-investituri fil-livell tal-konsumaturi msemmija fil-paragrafu 1, billi tiżgura l-konsistenza mad-dispożizzjonijiet rigward il-valutazzjoni tal-adattabilità u l-adegwatezza previsti fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/65/UE*.

___________________________________

* Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).”;

(13)L-Artikoli 31, 32, 33 u 34 jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“Artikolu 31

Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ unitajiet jew ishma tal-ELTIFs

Il-maniġer ta’ ELTIF għandu jitħalla jikkummerċjalizza l-unitajiet jew l-ishma ta’ dak l-ELTIF minnufih wara li l-maniġer ikun ġie informat mill-ESMA dwar in-notifika msemmija fl-Artikolu 5(6).

Artikolu 32

Superviżjoni mill-ESMA

1.    L-ESMA għandha tiżgura li dan ir-Regolament jiġi applikat fuq bażi kontinwa.

2.    L-ESMA għandha tissorvelja l-konformità mar-regoli jew mal-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-ELTIF u mal-obbligi stabbiliti fil-prospett, li għandhom jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

3.    Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament u bl-objettiv li jiġu żgurati standards għolja ta’ superviżjoni, l-ESMA għandha tapplika d-drittijiet tal-Unjoni kollha rilevanti u, meta dak id-dritt tal-Unjoni jkun magħmul minn direttivi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-direttivi.

4.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jissorveljaw li l-impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti jew ikkummerċjalizzati fit-territorji tagħhom ma jużawx id-deżinjazzjoni ‘ELTIF’ jew ma jissuġġerixxux li huma ELTIF, sakemm ma jkunux awtorizzati f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Meta awtorità kompetenti temmen li impriża ta’ investiment kollettiv tuża d-deżinjazzjoni ‘ELTIF’, jew tissuġġerixxi li hija ELTIF mingħajr ma tkun ġiet awtorizzata f’konformità ma’ dan ir-Regolament, hija għandha tinforma b’dan minnufih lill-ESMA.

Artikolu 33

Eżerċitar tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 34, 34a u 34b

Is-setgħat mogħtija lill-ESMA, lil kwalunkwe uffiċjal tal-ESMA jew lil kwalunkwe persuna oħra awtorizzata mill-ESMA skont l-Artikoli 34, 34a u 34b ma għandhomx jintużaw sabiex jesiġu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni jew dokumenti li huma soġġetti għal privileġġ legali.

Artikolu 34

Talbiet għall-informazzjoni

1.    L-ESMA tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew b’deċiżjoni, titlob lill-persuni li ġejjin jipprovdu l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa sabiex hija tkun tista’ taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament:

   (a)    il-maniġers tal-ELTIFs;

   (b)    il-persuni involuti fil-ġestjoni tal-ELTIFs;

   (c)    il-partijiet terzi li lilhom ġew iddelegati funzjonijiet minn maniġer ta’ ELTIF;

   (d)    il-persuni li huma b’mod ieħor relatati jew konnessi mill-qrib u b’mod sostanzjali mal-ġestjoni tal-ELTIFs.

2.    Kwalunkwe talba sempliċi għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha:

(a)    tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b)    tiddikjara l-iskop tat-talba;

(c)    tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d)    tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)    tinkludi dikjarazzjoni li ma hemm ebda obbligu fuq il-persuna li mingħandha tintalab l-informazzjoni sabiex tipprovdi dik l-informazzjoni, iżda li f’każ ta’ tweġiba volontarja għat-talba, l-informazzjoni pprovduta ma tridx tkun skorretta jew qarrieqa;

(f)    tindika l-ammont tal-multa li trid tinħareġ f’konformità mal-Artikolu 35a meta l-informazzjoni pprovduta tkun skorretta jew qarrieqa.

3.    Meta titlob il-forniment ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 1 b’deċiżjoni, l-ESMA għandha:

(a)    tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b)    tiddikjara l-iskop tat-talba;

(c)    tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d)    tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)    tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 35b meta l-produzzjoni tal-informazzjoni meħtieġa ma tkunx kompluta;

(f)    tindika l-multa prevista fl-Artikolu 35a(3), flimkien mal-punt (n) tal-Artikolu 35a(2), meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru jkunu skorretti jew qarrieqa;

(g)    tindika d-dritt għal appell tad-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell u għar-rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.    Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba. L-avukati debitament awtorizzati sabiex jaġixxu jistgħu jfornu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli bis-sħiħ jekk l-informazzjoni fornuta tkun inkompleta, skorretta jew qarrieqa.

5.    L-ESMA għandha tibgħat mingħajr dewmien kopja tat-talba sempliċi jew tad-deċiżjoni tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huma domiċiljati jew stabbiliti l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ikkonċernati mit-talba għall-informazzjoni.”;

(14)jiddaħħlu l-Artikoli 34a, 34b, 34ċ u 34d li ġejjin:

“Artikolu 34a

Investigazzjonijiet ġenerali

1.    Sabiex taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa tal-persuni msemmija fl-Artikolu 34(1). Għal dak l-għan, l-uffiċjali tal-ESMA u persuni oħrajn awtorizzati minnha għandu jkollhom is-setgħa li:

(a)    jeżaminaw kwalunkwe rekord, data, proċedura u kwalunkwe materjal ieħor rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, irrispettivament mill-mezz li jkunu maħżuna fuqu;

(b)    jieħdu jew jiksbu kopji ċċertifikati ta’, jew siltiet minn, tali rekords, data, proċeduri u materjal ieħor;

(c)    isejħu u jitolbu lil kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 34(1) jew lir-rappreżentanti jew lill-membri tal-persunal tagħhom għal spjegazzjonijiet bil-fomm jew bil-miktub dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u sabiex jinżamm rekord tat-tweġibiet;

(d)    jintervistaw lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li tagħti l-kunsens sabiex tiġi intervistata għall-fini tal-ġbir ta’ informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni;

(e)    jitolbu rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data.

2.    L-uffiċjali tal-ESMA u persuni oħrajn awtorizzati minnha għall-finijiet tal-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom meta jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tindika wkoll il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 35b meta l-produzzjoni tar-rekords, tad-data u tal-proċeduri meħtieġa jew ta’ kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ, jew it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmija fl-Artikolu 34(1) ma jiġux ipprovduti jew ma jkunux kompluti, kif ukoll il-multi previsti fl-Artikolu 35a(3), flimkien mal-punt (o) tal-Artikolu 35a(2), meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmija fl-Artikolu 34(1) ikunu skorretti jew qarrieqa.

3.    Il-persuni msemmija fl-Artikolu 34(1) għandhom jissottomettu ruħhom għal investigazzjonijiet imnedija abbażi ta’ deċiżjoni tal-ESMA. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni, il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 35b, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u d-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

4.    Fi żmien adatt qabel l-investigazzjoni, l-ESMA għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn trid titwettaq l-investigazzjoni dwar l-investigazzjoni u l-identità tal-persuni awtorizzati. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu lil dawk il-persuni awtorizzati fit-twettiq ta’ dmirijiethom. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata jistgħu jattendu wkoll l-investigazzjonijiet jekk jintalbu jagħmlu dan.

5.    Jekk talba għar-rekords tat-telefon jew tat-traffiku tad-data msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja skont ir-regoli nazzjonali, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tista’ ssir ukoll applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħal din bħala miżura ta’ prekawzjoni.

6.    Meta awtorità ġudizzjarja nazzjonali tirċievi applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ talba għar-rekords tat-telefon jew tat-traffiku tad-data msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1, dik l-awtorità għandha tivverifika dawn li ġejjin:

(a) id-deċiżjoni adottata mill-ESMA msemmija fil-paragrafu 3 hija awtentika;

(b) kwalunkwe miżura li trid tittieħed hija proporzjonata u mhux arbitrarja jew eċċessiva.

Għall-finijiet tal-punt (b), l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari relatati mar-raġunijiet li jkollha l-ESMA dwar suspett li seħħ ksur ta’ dan ir-Regolament u s-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrevedi l-ħtieġa għall-investigazzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fuq il-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 34b

Spezzjonijiet fuq il-post

1.    Sabiex taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq l-ispezzjonijiet fuq il-post kollha meħtieġa fil-bini tan-negozju tal-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 34(1).

2.    Sabiex l-uffiċjali tal-ESMA u persuni oħrajn awtorizzati minnha jwettqu spezzjoni fuq il-post, huma jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini tan-negozju u art tal-persuni ġuridiċi soġġetti għal deċiżjoni ta’ investigazzjoni adottata mill-ESMA u għandu jkollhom is-setgħat kollha stipulati fl-Artikolu 34a(1). Huma għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jissiġillaw kwalunkwe bini tan-negozju u l-kotba jew ir-reġistri għall-perjodu tal-ispezzjoni u safejn ikun meħtieġ.

3.    Fi żmien suffiċjenti qabel l-ispezzjoni, l-ESMA għandha tagħti avviż tal-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun trid titwettaq l-ispezzjoni. Meta t-twettiq u l-effiċjenza xierqa tal-ispezzjoni jkunu jirrikjedu dan, l-ESMA tista’, wara li tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti, twettaq l-ispezzjoni fuq il-post mingħajr notifika minn qabel. L-ispezzjonijiet f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jitwettqu sakemm l-awtorità rilevanti tkun ikkonfermat li hija ma toġġezzjonax għal dawk l-ispezzjonijiet.

4. Sabiex l-uffiċjali tal-ESMA u persuni oħrajn awtorizzati minnha jwettqu spezzjoni fuq il-post, huma għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom mal-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 35b meta l-persuni kkonċernati ma jissottomettux irwieħhom għall-ispezzjoni.

5.    Il-persuni msemmija fl-Artikolu 34(1) għandhom jissottomettu rwieħhom għall-investigazzjonijiet fuq il-post ordnati b’deċiżjoni tal-ESMA. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, taħtar id-data meta din għandha tibda u tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 35b, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010, kif ukoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

6.    L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn trid titwettaq l-ispezzjoni, kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura minnha, għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu b’mod attiv lill-uffiċjali tal-ESMA u lil persuni oħrajn awtorizzati minnha. L-uffiċjali ta’ dik l-awtorità kompetenti jistgħu jattendu wkoll l-ispezzjonijiet fuq il-post wara li ssirilhom talba.

7.    L-ESMA tista’ tesiġi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu kompiti investigattivi speċifiċi u spezzjonijiet fuq il-post kif previst f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 34a(1) f’isimha. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom igawdu l-istess setgħat tal-ESMA kif stabbilit f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 34a(1).

8.    Meta l-uffiċjali tal-ESMA u persuni oħrajn li jakkumpanjawhom awtorizzati minnha jsibu li persuna topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tagħtihom l-assistenza meħtieġa, filwaqt li titlob, fejn xieraq, l-assistenza tal-pulizija jew ta’ awtorità tal-infurzar ekwivalenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom fuq il-post.

9.    Jekk l-ispezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew jekk l-assistenza prevista fil-paragrafu 7 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja skont il-liġi nazzjonali applikabbli, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tista’ ssir ukoll applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħal din bħala miżura ta’ prekawzjoni.

10.    Meta awtorità ġudizzjarja nazzjonali tirċievi applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ spezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew l-assistenza prevista fil-paragrafu 7, dik l-awtorità għandha tivverifika dawn li ġejjin:

(a) id-deċiżjoni adottata mill-ESMA msemmija fil-paragrafu 4 hija awtentika;

(b) kwalunkwe miżura li trid tittieħed hija proporzjonata u mhux arbitrarja jew eċċessiva.

Għall-finijiet tal-punt (b), l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari relatati mar-raġunijiet li jkollha l-ESMA dwar suspett li seħħ ksur ta’ dan ir-Regolament u s-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrevedi l-ħtieġa għall-investigazzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fuq il-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 34c

Skambju ta’ informazzjoni

L-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-qadi ta’ dmirijiethom skont dan ir-Regolament.

Artikolu 34d

Segretezza professjonali

1. L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għall-ESMA, għall-awtoritajiet kompetenti u għall-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-ESMA, għall-awtoritajiet kompetenti jew għal kwalunkwe persuna oħra li lilha l-ESMA tkun iddelegat xi kompiti, inklużi awdituri u esperti li jkunu ngħataw kuntratt mill-ESMA. L-informazzjoni koperta mis-segretezza professjonali ma għandhiex tiġi divulgata lil xi persuna jew awtorità oħra, għajr meta tali divulgazzjoni tkun meħtieġa għal proċedimenti ġuridiċi.

2.    L-informazzjoni kollha li, skont dan ir-Regolament, tinkiseb minn, jew tiġi skambjata bejn, l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti għandha titqies bħala kunfidenzjali, ħlief meta l-ESMA jew l-awtorità kompetenti tiddikjara fil-mument tal-komunikazzjoni li tali informazzjoni tista’ tiġi divulgata jew meta tali divulgazzjoni tkun meħtieġa għal proċedimenti ġuridiċi.”;

(15)jiddaħħal il-Kapitolu VIa li ġej:

“KAPITOLU VIa

SANZJONIJIET AMMINISTRATTIVI U MIŻURI OĦRAJN”

(16)L-Artikolu 35 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 35

Miżuri superviżorji mill-ESMA

1.    Meta, f’konformità mal-Artikolu 35d(8), l-ESMA ssib li persuna tkun wettqet wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 35a(2), hija għandha tieħu waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)    tirtira l-awtorizzazzjoni bħala ELTIF;

(b)    tipprojbixxi temporanjament lill-maniġer tal-ELTIF milli jikkummerċjalizza l-ELTIF madwar l-Unjoni kollha, sakemm jintemm il-ksur;

(c)    tadotta deċiżjoni li titlob lill-persuna ttemm il-ksur;

(d)    tadotta deċiżjoni li timponi multi skont l-Artikolu 35a;

(e)    toħroġ avviżi pubbliċi.

2.    Meta tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha tqis in-natura u s-serjetà tal-ksur, filwaqt li tqis il-kriterji li ġejjin:

(a)    id-durata u l-frekwenza tal-ksur;

(b)    jekk ir-reat finanzjarju ġiex ikkawżat, iffaċilitat jew attribwit b’mod ieħor għall-ksur;

(c)    jekk il-ksur twettaqx intenzjonalment jew b’mod negliġenti;

(d)    il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(e)    is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli għall-ksur, kif indikat mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew l-introjtu annwali u l-assi netti tal-persuna fiżika responsabbli;

(f)    l-impatt tal-ksur fuq l-interessi tal-investituri fil-livell tal-konsum;

(g)    l-importanza tal-profitti miksuba, it-telf evitat mill-persuna responsabbli għall-ksur jew it-telf għall-partijiet terzi minħabba l-ksur, safejn dawn ikunu jistgħu jiġu stabbiliti;

(h)    il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ksur mal-ESMA, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;

(i)    il-ksur preċedenti mill-persuna responsabbli għall-ksur;

(j)    il-miżuri meħuda wara l-ksur mill-persuna responsabbli għall-ksur biex tiġi evitata r-repetizzjoni tiegħu.

3.    Mingħajr dewmien bla bżonn, l-ESMA għandha tinnotifika kwalunkwe azzjoni meħuda skont il-paragrafu 1 lill-persuna responsabbli għall-ksur u għandha tikkomunikaha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni. Hija għandha tiddivulga kwalunkwe azzjoni bħal din fuq is-sit web tagħha fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-data meta tkun ġiet adottata.

Id-divulgazzjoni lill-pubbliku msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(a)    dikjarazzjoni li tafferma d-dritt tal-persuna responsabbli għall-ksur li tappella d-deċiżjoni;

(b)    fejn rilevanti, dikjarazzjoni li tafferma li ġie ppreżentat appell u li tispeċifika li tali appell ma għandux effett sospensiv;

(c)    dikjarazzjoni li tasserixxi li huwa possibbli għall-Bord tal-Appell tal-ESMA li jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’konformità mal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(17)jiżdiedu l-Artikoli 35a, 35b, 35c, 35d, 35e, 35f, 35g u 35h li ġejjin:

“Artikolu 35a

Multi

1. Meta, f’konformità mal-Artikolu 35d(8), l-ESMA ssib li maniġer ta’ ELTIF, il-persuni msemmija fl-Artikolu 34(1) jew impriża ta’ investiment kollettiv wettqu, intenzjonalment jew b’mod negliġenti, wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fil-paragrafu 2, hija għandha tadotta deċiżjoni li timponi multa f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Ksur għandu jitqies bħala li twettaq intenzjonalment jekk l-ESMA ssib fatturi oġġettivi li juru li persuna aġixxiet deliberatament biex twettaq il-ksur.

2. Il-lista ta’ tipi ta’ ksur imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun din li ġejja:

(a)    nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8;

(b)    l-investiment, bi ksur tal-Artikoli 9 sa 12, f’investimenti mhux eliġibbli;

(c)    il-kompożizzjoni u d-diversifikazzjoni tal-portafoll bi ksur tal-Artikoli 13 u 17 jew il-kompożizzjoni u d-diversifikazzjoni tal-portafoll bi ksur tal-Artikoli 13 u 17 u n-nuqqas ta’ teħid ta’ miżuri skont l-Artikolu 14;

(e)    nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 15;

(f)    nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti dwar is-self tal-flus kontanti stabbiliti fl-Artikolu 16;

(g)    nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti dwar il-fidi u l-ħajja tal-ELTIF stabbiliti fl-Artikolu 18;

(h)    nuqqas ta’ divulgazzjoni tal-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 19(3) u (4);

(i)    nuqqas ta’ offerta ta’ unitajiet jew ishma ġodda lill-investituri eżistenti f’ELTIF b’konformità mal-Artikolu 20(2);

(j)    id-disponiment, fi ksur tal-Artikolu 21, tal-assi tal-ELTIF, jew id-distribuzzjoni, fi ksur tal-Artikolu 22, tar-rikavat u tal-kapital;

(k)    nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikoli 23 sa 25;

(l)    nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet jew tal-ishma tal-ELTIFs stabbiliti fl-Artikoli 26 sa 31;

(m)    il-kisba ta’ awtorizzazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew bi kwalunkwe mezz irregolari ieħor;

(n)    nuqqas ta’ għoti ta’ informazzjoni b’reazzjoni għal deċiżjoni li titlob informazzjoni skont l-Artikolu 34(2) u (3) jew l-għoti ta’ informazzjoni skorretta jew qarrieqa b’reazzjoni għal talba sempliċi għall-informazzjoni jew deċiżjoni;

(o)    il-ksur tal-punt (c) tal-Artikolu 34a(1) permezz tan-nuqqas ta’ għoti ta’ spjegazzjoni, jew permezz tal-għoti ta’ spjegazzjoni skorretta jew qarrieqa dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-iskop ta’ spezzjoni;

(p)    l-użu tad-deżinjazzjoni ‘ELTIF’ mingħajr ma tkun ġiet awtorizzata f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

3. L-ammont tal-multi msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun ta’ mill-inqas EUR 500 000 u mhux aktar minn EUR 5 miljun għat-tipi ta’ ksur imsemmija fil-punti (a) sa (p) tal-paragrafu 2.

4.    Meta tiġi biex tiddetermina l-livell ta’ multa skont il-paragrafu 3, l-ESMA għandha tqis il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 35(2).

5.     Minkejja l-paragrafu 3, meta persuna tkun ibbenifikat finanzjarjament mill-ksur, direttament jew indirettament, l-ammont tal-multa għandu jkun mill-inqas ugwali għal dak il-benefiċċju.

6.    Meta att jew ommissjoni ta’ persuna jikkostitwixxu aktar minn wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fil-paragrafu 2, għandha tapplika biss l-ogħla multa kkalkolata f’konformità mal-paragrafu 4 u relatata ma’ wieħed minn dawk it-tipi ta’ ksur.

Artikolu 35b

Ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1. L-ESMA għandha, permezz ta’ deċiżjoni, timponi ħlas perjodiku ta’ penali sabiex iġġiegħel:

(a)    lil persuna ttemm ksur f’konformità ma’ deċiżjoni meħuda skont il-punt (c) tal-Artikolu 35(1);

(b)    lil persuna msemmija fl-Artikolu 34(1):

(i) tipprovdi informazzjoni kompluta li tkun intalbet b’deċiżjoni skont l-Artikolu 34;

(ii) tissottometti ruħha għal investigazzjoni u, b’mod partikolari, tipproduċi rekords, data u proċeduri kompluti jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ u timla u tikkoreġi informazzjoni oħra pprovduta f’investigazzjoni mnedija permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 34a;

(iii) tissottometti ruħha għal spezzjoni fuq il-post ordnata permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 34b.

2.    Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jkun effettiv u proporzjonat. Il-ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal kull jum ta’ dewmien.

3.    Minkejja l-paragrafu 2, l-ammont tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandu jkun 3 % tal-fatturat medju ta’ kuljum fis-sena finanzjarja preċedenti, jew, fil-każ ta’ persuni fiżiċi, 2 % tal-introjtu medju ta’ kuljum fis-sena kalendarja preċedenti. Huwa għandu jiġi kkalkolat mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-ħlas perjodiku ta’ penali.

4.    Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal perjodu massimu ta’ sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-ESMA. Wara t-tmiem tal-perjodu, l-ESMA għandha tirrevedi l-miżura.

Artikolu 35c

Id-divulgazzjoni, in-natura, l-infurzar u l-allokazzjoni tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1.    L-ESMA għandha tiddivulga lill-pubbliku kull multa u ħlas perjodiku ta’ penali li jkunu ġew imposti skont l-Artikoli 35a u 35b, sakemm tali divulgazzjoni lill-pubbliku ma tipperikolax serjament is-swieq finanzjarji jew sakemm ma tikkawżax dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti.

2.    Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 35a u 35b għandhom ikunu ta’ natura amministrattiva.

3.    Meta l-ESMA tiddeċiedi li ma timponi ebda multa jew ħlas ta’ penali, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati u tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

4.    Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 35a u 35b għandhom ikunu infurzabbli.

L-infurzar għandu jkun irregolat mir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz li fih jitwettaq.

4.    L-ammonti tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandhom jiġu allokati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 35d

Regoli proċedurali sabiex jittieħdu miżuri superviżorji u jiġu imposti multi

1.    Meta, fit-twettiq ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 35a(2), l-ESMA għandha taħtar uffiċjal indipendenti tal-investigazzjoni fl-ESMA sabiex jinvestiga l-kwistjoni. L-uffiċjal tal-investigazzjoni ma għandux jiġi involut jew ikun ġie involut fis-superviżjoni diretta jew indiretta jew fil-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kkonċernata u għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu indipendentement mill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

2.    L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinvestiga l-allegat ksur, filwaqt li jqis kwalunkwe kumment ippreżentat mill-persuni soġġetti għal investigazzjoni u għandu jippreżenta fajl komplut bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

3.    Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni jista’ jeżerċita s-setgħa li jitlob informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 34 u li jwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 34a u 34b. Meta juża dawk is-setgħat, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkun konformi mal-Artikolu 33.

4.    Meta jwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha miġbura mill-ESMA fl-attivitajiet superviżorji tagħha.

5.    Malli jlesti l-investigazzjoni tiegħu u qabel jippreżenta l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jagħti lill-persuni soġġetti għall-investigazzjoni l-opportunità li jinstemgħu dwar il-kwistjonijiet li jkunu qegħdin jiġu investigati. L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jibbaża s-sejbiet tiegħu biss fuq fatti li l-persuni soġġetti għall-investigazzjoni kellhom l-opportunità jikkummentaw dwarhom.

6.    Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ matul l-investigazzjonijiet skont dan l-Artikolu.

7.    Mal-preżentazzjoni tal-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinnotifika dak il-fatt lill-persuni li huma soġġetti għall-investigazzjonijiet. Il-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl, soġġetti għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali li taffettwa lil partijiet terzi.

8.    Abbażi tal-fajl li jkun fih is-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni u, meta tintalab mill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet, wara li tkun semgħet lil dawk il-persuni f’konformità mal-Artikolu 35e, l-ESMA għandha tiddeċiedi jekk wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 35a(2) ikunux twettqu mill-persuni soġġetti għall-investigazzjoni u, f’każ bħal dan, għandha tieħu miżura superviżorja f’konformità mal-Artikolu 35 u timponi multa f’konformità mal-Artikolu 35a.

9.    L-uffiċjal tal-investigazzjoni ma għandux jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA jew jintervjeni bi kwalunkwe mod ieħor fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

10.    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 36a sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ] sabiex tispeċifika aktar il-proċedura għall-eżerċitar tas-setgħa li jiġu imposti multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, inklużi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tad-difiża, dispożizzjonijiet temporali, il-ġbir ta’ multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali u regoli dettaljati dwar il-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar tal-penali.

11.    L-ESMA għandha tirreferi kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali lill-awtoritjiet nazzjonali rilevanti meta, fil-qadi ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, hija ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jkunu jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali. Barra minn hekk, l-ESMA għandha żżomm lura milli timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali meta tkun diġà ngħatat il-liberazzjoni mill-akkuża jew kundanna, li tirriżulta minn fatt identiku jew fatti li jkunu sostanzjalment l-istess li diġà ngħataw il-forza ta' res judicata bħala riżultat ta' proċedimenti kriminali skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 35e

Smigħ tal-persuni soġġetti għall-proċedimenti

1.    Qabel tieħu kwalunkwe deċiżjoni skont l-Artikoli 35, 35a jew il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 35b(1), l-ESMA għandha tagħti lill-persuni soġġetti għall-proċedimenti l-opportunità li jinstemgħu dwar is-sejbiet tal-ESMA. L-ESMA għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq sejbiet li dwarhom il-persuni soġġetti għall-proċedimenti kellhom l-opportunità li jikkummentaw.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika jekk tkun meħtieġa azzjoni urġenti skont l-Artikolu 35 sabiex ma titħalliex li ssir ħsara sinifikanti u imminenti lis-sistema finanzjarja. F’każ bħal dan, l-ESMA tista’ tadotta deċiżjoni interim u għandha tagħti lill-persuni kkonċernati l-opportunità jinstemgħu malajr kemm jista’ jkun wara li tieħu d-deċiżjoni tagħha.

2.    Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-proċedimenti għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ matul il-proċedimenti. Huma għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-ESMA, soġġetti għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-ESMA.

Artikolu 35f

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni mingħajr limiti biex tirrevedi d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-ESMA tkun imponiet multa jew ħlas perjodiku ta’ penali. Hija tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas perjodiku ta’ penali imposti.    

Artikolu 35g

Tariffi għall-awtorizzazzjoni u għas-superviżjoni

1.    L-ESMA għandha titlob tariffi lill-maniġers tal-ELTIFs f’konformità ma’ dan ir-Regolament u f’konformità mal-atti delegati adottati skont il-paragrafu 3. Dawk it-tariffi għandhom ikopru b’mod sħiħ in-nefqa meħtieġa tal-ESMA li tirrigwardja l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-ELTIFs u r-rimborż ta’ kwalunkwe kostijiet li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jġarrbu fit-twettiq ta’ ħidmiethom skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega tal-kompiti f’konformità mal-Artikolu 35h.

2.    L-ammont ta’ tariffa individwali mitluba lil maniġer partikolari ta’ ELTIF għandu jkopri l-kostijiet amministrattivi kollha mġarrba mill-ESMA għall-attivitajiet tagħha fir-rigward tal-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ maniġer tal-ELTIF u tal-ELTIF innifsu. Huwa għandu jkun proporzjonat għall-assi taħt il-ġestjoni tal-ELTIF ikkonċernat jew, fejn rilevanti, għall-fondi proprji tal-maniġer tal-ELTIF.

3.    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 36a sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ] sabiex tispeċifika t-tip ta’ tariffi, il-materji li għalihom huma dovuti t-tariffi, l-ammont tat-tariffi u l-mod kif għandhom jitħallsu.

Artikolu 35h

Id-delega tal-kompiti mill-ESMA lill-awtoritajiet kompetenti

1.    Fejn meħtieġ għat-twettiq xieraq ta’ kompitu superviżorju, l-ESMA tista’ tiddelega kompiti superviżorji speċifiċi lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru f’konformità mal-linji gwida maħruġa mill-ESMA skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 1095/2010. B’mod partikolari, tali kompiti superviżorji speċifiċi jistgħu jinkludu s-setgħa li tintalab informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 34 u li jitwettqu investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikolu 34a u mal-Artikolu 34b.

2.    Qabel tiddelega kompitu f’konformità mal-paragrafu 1, l-ESMA għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti rilevanti dwar:

(a)    il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompitu li jrid jiġi ddelegat;

(b)    l-iskeda ta’ żmien għat-twettiq tal-kompitu li jrid jiġi ddelegat;

(c)    it-trażmissjoni tal-informazzjoni meħtieġa mill-ESMA u lilha.

3.    F’konformità mal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 35g(3), l-ESMA għandha tirrimborża lil awtorità kompetenti għall-kostijiet imġarrba minħabba t-twettiq tal-kompiti ddelegati.

4.    L-ESMA għandha tirrevedi d-delega msemmija fil-paragrafu 1 f’intervalli xierqa. Delega tal-kompiti tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin.

Delega tal-kompiti ma għandhiex taffettwa r-responsabbiltà tal-ESMA u ma għandhiex tillimita l- kapaċità tal-ESMA li twettaq u tissorvelja l-attività ddelegata. Ir-responsabbiltajiet superviżorji skont dan ir-Regolament, inklużi d-deċiżjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjonijiet finali u d-deċiżjonijiet ta’ segwitu dwar il-ksur, ma għandhomx jiġu ddelegati.”;

(18)jiddaħħlu l-Artikoli 36a u 36b li ġejjin:

“Artikolu 36a

Eżerċitar tad-delega

1. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-atti delegati soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikoli 28(3), 35d(10) u 35g(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ].

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 28(3), 35d(10) u 35g(3) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4.    Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5.    Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.    Att delegat adottat skont l-Artikoli 28(3), 35d(10) u 35g(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien [xahrejn] min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’[xahrejn] fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.    

Artikolu 36b

Miżuri tranżitorji relatati mal-ESMA

1. Il-kompetenzi u d-dmirijiet kollha relatati mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fil-qasam tal-ELTIFs li jingħataw lill-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu tterminati fi [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ]. Dawk il-kompetenzi u d-dmirijiet għandhom jittieħdu mill-ESMA fl-istess data.

2. Kwalunkwe fajl jew dokument ta’ ħidma relatat mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fil-qasam tal-ELTIFs, inklużi kwalunkwe eżamijiet u azzjonijiet ta’ infurzar li jkunu għaddejjin, jew kopji ċċertifikati tagħhom, għandhom jgħaddu f’idejn l-ESMA fid-data msemmija fil-paragrafu 1.

Madankollu, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala ELTIF li tkun ġiet riċevuta mill-awtoritajiet kompetenti qabel [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 30 xahar wara d-dħul fis-seħħ] ma għandhiex tiġi ttrasferita lill-ESMA, filwaqt li d-deċiżjoni li tiġi rreġistrata jew irrifjutata awtorizzazzjoni għandha tittieħed mill-awtorità rilevanti.

3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe reġistru u dokument ta’ ħidma eżistenti, jew kopji ċċertifikati tagħhom, għandhom jiġu ttrasferiti lill-ESMA mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ]. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu wkoll l-għajnuna u l-pariri kollha meħtieġa lill-ESMA sabiex jiġi ffaċilitat it-trasferiment u l-bidu effettiv u effiċjenti tal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fil-qasam tal-ELTIFs.

4. L-ESMA għandha taġixxi bħala s-suċċessur legali tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 fi kwalunkwe proċediment amministrattiv jew ġudizzjarju li jirriżulta minn attività ta’ superviżjoni u infurzar segwita minn dawk l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt dan ir-Regolament.

5. Kwalunkwe awtorizzazzjoni ta’ ELTIF mogħtija minn awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tibqa’ valida wara t-trasferiment tal-kompetenzi lill-ESMA.”;

(19)L-Artikolu 37 jiġi emendat kif ġej:

(b)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. Sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 84 xahar wara d-dħul fis-seħħ], il-Kummissjoni għandha tibda rieżami tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, ir-rieżami għandu janalizza:

(a) l-effettività, il-proporzjonalità u l-applikazzjoni ta’ multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(b) ir-rwol tal-ESMA, is-setgħat investigattivi tagħha, id-delega tal-kompiti lill-awtoritajiet kompetenti u l-effettività tal-miżuri superviżorji meħuda.”;

(c)fil-paragrafu 2, il-kliem introduttorju: “Wara r-rieżami msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu” jiġi sostitwit b’dan li ġej: “Wara r-rieżamijiet imsemmija fil-paragrafi 1 jew 1a ta’ dan l-Artikolu”.

Artikolu 8

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 2016/1011 dwar l-indiċijiet użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni tal-fondi ta’ investiment

Ir-Regolament (UE) 2016/1011 jiġi emendat kif ġej:

(1)fl-Artikolu 4, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“9.    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 sabiex tispeċifika r-rekwiżiti maħsuba biex jiżguraw li l-arranġamenti ta’ governanza msemmija fil-paragrafu 1 ikunu robusti biżżejjed.”;

(2)fl-Artikolu 12, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 sabiex tispeċifika l-kundizzjonijiet maħsuba biex jiżguraw li l-metodoloġija msemmija fil-paragrafu 1 tkun konformi mal-punti (a) sa (e) ta’ dak il-paragrafu.”;

(3)fl-Artikolu 14, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 sabiex tispeċifika l-karatteristiċi tas-sistemi u l-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1.”;

(4)L-Artikolu 20 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 20

Parametri referenzjarji kritiċi

1.    Il-Kummissjoni għandha tinnomina bħala parametru referenzjarju kritiku kwalunkwe parametru referenzjarju pprovdut minn amministratur li jinsab fl-Unjoni u użat direttament jew indirettament f’taħlita ta’ parametri referenzjarji bħala referenza għal strumenti finanzjarji jew kuntratti finanzjarji jew għall-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment, b’valur totali ta’ mill-inqas EUR 500 biljun abbażi tal-firxa kollha tal-maturitajiet jew tat-termini tal-parametru referenzjarju, fejn applikabbli.

Meta awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew l-ESMA tkun tal-opinjoni li parametru referenzjarju għandu jiġi ddeżinjat bħala parametru referenzjarju kritiku f’konformità mal-ewwel subparagrafu, dik l-awtorità kompetenti jew l-ESMA, kif xieraq, għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dan u tissostanzja l-opinjoni tagħha bil-miktub.

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-valutazzjoni tagħha tal-kritikalità tal-parametri referenzjarji mill-inqas kull sentejn.

2.    L-ESMA għandha tinnomina bħala kritiċi kwalunkwe parametri referenzjarji referenzjati minn strumenti finanzjarji jew kuntratti finanzjarji jew sabiex titkejjel il-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment b’valur totali ta’ inqas minn EUR 500 biljun kif stabbilit fil-paragrafu (1) li jissodisfaw il-kriterju (a) u l-kriterju (b) jew (c) hawn taħt:

(a)    il-parametru referenzjarju ma jkollu l-ebda sostitut xieraq orjentat lejn is-suq jew ikollu ftit wisq minnhom;

(b)    ikun hemm impatti avversi u sinifikanti fuq l-integrità tas-suq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali, jew il-finanzjament tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji f’aktar minn Stat Membru wieħed f’każ li l-parametru referenzjarju ma jibqax jiġi pprovdut, ikun ġie pprovdut abbażi ta’ data ta’ input li ma tkunx għadha tirrappreżenta b’mod sħiħ is-suq sottostanti jew ir-realtà ekonomika, jew ikun ġie pprovdut abbażi ta’ data ta’ input mhux affidabbli;

(c)(i)    il-parametru referenzjarju jkun ibbażat fuq sottomissjonijiet minn kontributuri li l-maġġoranza tagħhom jinsabu f’dak l-Istat Membru, u

(c)(ii)    ikun hemm impatti avversi u sinifikanti fuq l-integrità tas-suq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali, jew il-finanzjament tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji f’aktar minn Stat Membru wieħed, f’każ li l-parametru referenzjarju ma jibqax jiġi pprovdut, ikun ġie pprovdut abbażi ta’ data ta’ input li ma tkunx għadha tirrappreżenta b’mod sħiħ is-suq sottostanti jew ir-realtà ekonomika, jew ikun ġie pprovdut abbażi ta’ data ta’ input mhux affidabbli.

3.    Meta tivvaluta jekk il-kriterji stipulati fil-punti (a) u (b) humiex issodisfati, l-ESMA għandha tieħu kont ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha:

(i)    il-valur tal-istrumenti finanzjarji u tal-kuntratti finanzjarji li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju u l-valur tal-fondi ta’ investiment li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju għall-kejl tal-prestazzjoni tagħhom u r-rilevanza tagħhom f’termini tal-valur totali tal-istrumenti finanzjarji u tal-kuntratti finanzjarji pendenti, kif ukoll tal-valur totali tal-fondi ta’ investiment, fl-Istati Membri kkonċernati;

(ii)    il-valur tal-istrumenti finanzjarji u tal-kuntratti finanzjarji li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju u l-valur tal-fondi ta’ investiment li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju għall-kejl tal-prestazzjoni tagħhom fl-Istati Membri kkonċernati u r-rilevanza tagħhom f’termini tal-prodott nazzjonali gross ta’ dawk l-Istati Membri;

(iii)    kwalunkwe figura oħra sabiex jiġi vvalutat b’mod oġġettiv l-impatt potenzjali tad-diskontinwità jew tal-inaffidabbiltà tal-parametru referenzjarju fuq l-integrità tas-suq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali jew il-finanzjament ta’ unitajiet domestiċi u negozji fl-Istati Membri kkonċernati.

4.    Qabel tinnomina parametru referenzjarju bħala parametru referenzjarju kritiku, l-ESMA għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti tal-amministratur ta’ dak il-parametru referenzjarju u tieħu kont tal-valutazzjoni magħmula minn dik l-awtorità kompetenti.

L-ESMA għandha tirrevedi l-valutazzjoni tagħha tal-kritikalità tal-parametru referenzjarju mill-inqas kull sentejn.

L-ESMA għandha tinnotifika lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bla bżonn dwar kwalunkwe deżinjazzjoni ta’ parametru referenzjarju bħala parametru referenzjarju kritiku u dwar kwalunkwe deċiżjoni li tiġi riveduta deżinjazzjoni ta’ parametru referenzjarju bħala parametru referenzjarju kritiku f’każ li r-rieżami msemmi fir-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jwassal għall-konklużjoni li parametru referenzjarju ddeżinjat mill-ESMA bħala kritiku ma għadux ivvalutat bħala kritiku.

Meta awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tkun tal-opinjoni li parametru referenzjarju għandu jiġi ddeżinjat bħala parametru referenzjarju kritiku f’konformità ma’ dan il-paragrafu, dik l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-ESMA b’dan u tissostanzja l-opinjoni tagħha bil-miktub. L-ESMA għandha tipprovdi lil dik l-awtorità kompetenti b’opinjoni motivata jekk hija tiddeċiedi li ma tinnominax dak il-parametru referenzjarju bħala parametru referenzjarju kritiku.

3.    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 50(2) sabiex tistabbilixxi lista ta’ parametri referenzjarji li ġew deżinjati bħala parametri referenzjarji kritiċi f’konformità mal-paragrafi 1 u 2. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 50(2) sabiex taġġorna dik il-lista mingħajr dewmien żejjed fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)    il-Kummissjoni tinnomina parametru referenzjarju bħala parametru referenzjarju kritiku jew tirrevedi dik id-deżinjazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1;

(b)    il-Kummissjoni tirċievi notifiki mill-ESMA kif imsemmi fil-ħames subparagrafu tal-paragrafu 2.

4.    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 sabiex:

(a)    tispeċifika kif l-ammont nominali ta’ strumenti finanzjarji għajr id-derivattivi, l-ammont nozzjonali ta’ derivattivi u l-valur nett tal-assi ta’ fondi ta’ investiment għandhom jiġu vvalutati, inkluż fil-każ ta’ referenza indiretta għal parametru referenzjarju fi ħdan kombinazzjoni ta’ parametri referenzjarji, sabiex jitqabblu mal-limiti stabbiliti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u fil-punt (a) tal-Artikolu 24(1);

(b)    tirrevedi l-metodu ta’ kalkolu użat sabiex jiġu ddeterminati l-limiti stabbiliti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fid-dawl tal-iżviluppi fis-suq, fil-prezzijiet u dawk regolatorji, kif ukoll l-adegwatezza tal-klassifikazzjoni tal-parametri referenzjarji b’valur totali ta’ strumenti finanzjarji, kuntratti finanzjarji jew fondi ta’ investiment li jirreferu għalihom bħala li huma qrib il-limiti stabbiliti; tali rieżami għandu jseħħ mill-inqas kull sentejn minn ... [18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament];

(c)    tispeċifika kif għandhom jiġu applikati l-kriterji stipulati fil-punti (i) sa (iii) fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li tqis kwalunkwe data li tgħin sabiex jiġi vvalutat, fuq bażi oġġettiva, l-impatt potenzjali tan-nuqqas ta’ kontinwità jew tal-inaffidabbiltà tal-parametru referenzjarju kkonċernat fuq l-integrità tas-suq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali, jew il-finanzjament tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji fi Stat Membru wieħed jew aktar.

Il-Kummissjoni għandha tqis l-iżviluppi teknoloġiċi jew tas-suq rilevanti.”;

(5)L-Artikolu 21 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.    Malli tirċievi l-valutazzjoni mingħand l-amministratur kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha:

(a)    tinforma lill-ESMA b’dan;

(b)    fi żmien erba’ ġimgħat minn meta tirċievi dik il-valutazzjoni, tagħmel il-valutazzjoni tagħha stess ta’ kif il-parametru referenzjarju għandu jiġi ttrasferit lil amministratur ġdid jew ma jibqax jiġi pprovdut, filwaqt li tqis il-proċedura stabbilita f’konformità mal-Artikolu 28(1).

Matul il-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-amministratur ma għandux iwaqqaf il-forniment tal-parametru referenzjarju mingħajr il-kunsens bil-miktub tal-ESMA.”

(c)jiżdied paragrafu 5 ġdid:

“5.    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 sabiex tispeċifika l-kriterji li fuqhom għandha tkun ibbażata l-valutazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2.”;

(6)fl-Artikolu 23, il-paragrafi 3 u 4 jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“3.    Kontributur issorveljat għal parametru referenzjarju kritiku li għandu l-ħsieb li jwaqqaf il-kontribuzzjoni tad-data ta’ input għandu jinnotifika b’dan minnufih lill-amministratur bil-miktub. Għaldaqstant, l-amministratur għandu jgħarraf b’dan lill-ESMA mingħajr dewmien.

L-ESMA għandha tgħarraf b’dan lill-awtorità kompetenti ta’ dak il-kontributur issorveljat mingħajr dewmien. L-amministratur għandu jissottometti lill-ESMA valutazzjoni tal-implikazzjonijiet fuq il-kapaċità tal-parametru referenzjarju kritiku li jkejjel is-suq jew ir-realtà ekonomika sottostanti mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn 14-il jum wara n-notifika magħmula mill-kontributur issorveljat.

4.    Malli tirċievi l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3, l-ESMA għandha, abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, tagħmel il-valutazzjoni tagħha dwar il-kapaċità tal-parametru referenzjarju li jkejjel is-suq sottostanti u r-realtà ekonomika, filwaqt li tqis il-proċedura tal-amministratur għall-waqfien tal-parametru referenzjarju stabbilit f’konformità mal-Artikolu 28(1).”;

(7)fl-Artikolu 26, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.    Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 sabiex tispeċifika l-kriterji li abbażi tagħhom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jesiġu bidliet fid-dikjarazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafu 4.”;

(8)L-Artikolu 30 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.    Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tiddikjara li l-qafas legali u l-prattika superviżorja ta’ pajjiż terz jiżguraw li:

(a)    l-amministraturi awtorizzati jew irreġistrati f’dak il-pajjiż terz jikkonformaw mar-rekwiżiti vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti skont dan ir-Regolament. Meta tivvaluta l-ekwivalenza, il-Kummissjoni tista’ tqis jekk il-qafas legali u l-prassi superviżorja ta’ dak il-pajjiż terz jiżgurawx il-konformità mal-prinċipji tal-IOSCO għall-parametri referenzjarji finanzjarji jew mal-prinċipji tal-IOSCO għall-PRAs;

(b)    dawk ir-rekwiżiti vinkolanti huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa f’dak il-pajjiż terz.

Il-Kummissjoni tista’ tissoġġetta l-applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għall-issodisfar effettiv minn dak il-pajjiż terz ta’ kwalunkwe kundizzjoni stabbilita f’dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni fuq bażi kontinwa u għall- kapaċità tal-ESMA li teżerċita b’mod effettiv ir-responsabbiltajiet ta’ monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni għandha tiġi adottata f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 50(2) ta’ dan ir-Regolament.”;

(c)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a. Il-Kummissjoni tista’ tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 49 sabiex tispeċifika l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2.”;

(d)il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.    Meta ma tkun ġiet adottata ebda deċiżjoni ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tiddikjara dawn kollha li ġejjin:

(a)    ir-rekwiżiti vinkolanti f’pajjiż terz fir-rigward ta’ amministraturi speċifiċi, il-parametri referenzjarji jew il-familji ta’ parametri referenzjarji huma ekwivalenti għar-rekwiżiti skont dan ir-Regolament, filwaqt li jitqies, b’mod partikolari, jekk il-qafas legali u l-prassi superviżorja ta’ dak il-pajjiż terz jiżgurawx il-konformità mal-prinċipji tal-IOSCO għall-parametri referenzjarji finanzjarji jew mal-prinċipji tal-IOSCO għall-PRAs;

(b)    dawk l-amministraturi, parametri referenzjarji jew familji ta’ parametri referenzjarji speċifiċi huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa f’dak il-pajjiż terz.

Il-Kummissjoni tista’ tissoġġetta l-applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għall-issodisfar effettiv minn dak il-pajjiż terz ta’ kwalunkwe kundizzjoni stabbilita f’dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni fuq bażi kontinwa u għall- kapaċità tal-ESMA li teżerċita b’mod effettiv ir-responsabbiltajiet ta’ monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni għandha tiġi adottata f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 50(2) ta’ dan ir-Regolament.”;

(e)jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a.    Il-Kummissjoni tista’ tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 49 sabiex tispeċifika l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 3.”;

(f)is-subparagrafu introduttorju tal-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4. L-ESMA għandha tistabbilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi li l-qafas legali u l-prattiki superviżorji tagħhom kienu rikonoxxuti bħala ekwivalenti f’konformità mal-paragrafu 2 jew 3, sakemm dak il-pajjiż terz, f’konformità ma’ att delegat fis-seħħ adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ma jkunx fuq il-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi nazzjonali tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu li joħolqu theddidiet sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. Tali arranġamenti għandhom jispeċifikaw mill-inqas:”;

(g)fil-paragrafu 4, jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)    il-proċeduri għall-iskambju ta’ informazzjoni fuq bażi regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, dwar il-parametri referenzjarji f’dak il-pajjiż terz li jissodisfaw kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) jew (c) tal-Artikolu 20(1).”;

(h)it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-ESMA għandha tippreżenta abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO: jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].”;

(9)L-Artikolu 32 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.    Sa dak il-mument li tiġi adottata deċiżjoni dwar l-ekwivalenza f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 30, parametru referenzjarju pprovdut minn amministratur li jinsab f’pajjiż terz jista’ jintuża minn entitajiet issorveljati fl-Unjoni, diment li l-amministratur jikseb rikonoxximent minn qabel mill-ESMA f’konformità ma’ dan l-Artikolu.”;

(c)it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu hijiex issodisfata u sabiex tiġi vvalutata l-konformità mal-prinċipji tal-IOSCO għall-parametri referenzjarji finanzjarji jew mal-prinċipji tal-IOSCO għall-PRAs, kif applikabbli, l-ESMA tista’ tikkunsidra valutazzjoni minn awditur estern indipendenti jew ċertifikazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti tal-amministratur fil-pajjiż terz fejn jinsab l-amministratur.”;

(d)il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.    Amministratur li jinsab f’pajjiż terz li jkollu l-ħsieb li jikseb rikonoxximent minn qabel kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollu rappreżentant legali. Ir-rappreżentant legali għandu jkun persuna fiżika jew ġuridika li tinsab fl-Unjoni u espressament maħtura minn dak l-amministratur sabiex taġixxi f’isem dak l-amministratur fir-rigward tal-obbligi tal-amministratur skont dan ir-Regolament. Ir-rappreżentant legali għandu, flimkien mal-amministratur, iwettaq il-funzjoni ta’ sorveljanza relatata mal-forniment ta’ parametri referenzjarji mwettqa mill-amministratur skont dan ir-Regolament u, f’dak ir-rigward, jagħti rendikont lill-ESMA.”;

(e)jitħassar il-paragrafu 4;

(f)il-paragrafu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5.    Amministratur li jinsab f’pajjiż terz li jkollu l-ħsieb li jikseb rikonoxximent minn qabel kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu japplika għal rikonoxximent mal-ESMA. L-amministratur applikant għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jissodisfa lill-ESMA li jkun stabbilixxa, fil-mument tar-rikonoxximent, l-arranġamenti kollha meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 u għandu jipprovdi l-lista tal-parametri referenzjarji attwali jew prospettivi tiegħu li huma maħsuba biex jintużaw fl-Unjoni u għandu, fejn applikabbli, jindika l-awtorità kompetenti fil-pajjiż terz responsabbli għas-superviżjoni tiegħu.

Fi żmien 90 jum tax-xogħol minn meta tirċievi l-applikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-ESMA għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 3 jiġu ssodisfati.

Meta l-ESMA tqis li l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 3 mhumiex issodisfati, hija għandha tirrifjuta t-talba għal rikonoxximent u tistabbilixxi r-raġunijiet għal dak ir-rifjut. Barra minn hekk, ma għandu jingħata ebda rikonoxximent, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

(a)    meta amministratur li jkun jinsab f’pajjiż terz ikun soġġett għal superviżjoni, ikun hemm arranġament ta’ kooperazzjoni xieraq fis-seħħ bejn l-ESMA u l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz fejn jinsab l-amministratur, f’konformità mal-istandards tekniċi regolatorji adottati skont l-Artikolu 30(5), sabiex jiġi żgurat skambju effiċjenti ta’ informazzjoni li jippermetti lill-awtorità kompetenti ta’ dak il-pajjiż terz taqdi dmirijietha f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(b)    l-eżerċitar effettiv mill-ESMA tal-funzjonijiet superviżorji tagħha skont dan ir-Regolament ma jkunx ipprojbit la mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mid-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-pajjiż terz fejn ikun jinsab l-amministratur u lanqas, fejn applikabbli, mil-limitazzjonijiet fis-setgħat superviżorji u investigattivi tal-awtorità kompetenti ta’ dak il-pajjiż terz.”;

(g)jitħassru l-paragrafi 6 u 7;

(h)il-paragrafu 8 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“8.     L-ESMA għandha tissospendi jew, fejn xieraq, tirtira r-rikonoxximent mogħti f’konformità mal-paragrafu 5 meta hija jkollha raġunijiet sodi, abbażi tal-evidenza ddokumentata, sabiex tqis li l-amministratur:

(a)    qed jaġixxi b’mod li huwa evidentement ta’ preġudizzju għall-interessi tal-utenti tal-parametri referenzjarji tiegħu jew għall-funzjonament tajjeb tas-swieq;

(b)    ikun kiser serjament ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(c)    ikun għamel dikjarazzjonijiet foloz jew uża kwalunkwe mezz irregolari ieħor sabiex jikseb ir-rikonoxximent.”;

(10)L-Artikolu 33 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 33
L-approvazzjoni tal-parametri referenzjarji pprovduti f’pajjiż terz

1.    Amministratur li jinsab fl-Unjoni u awtorizzat jew irreġistrat f’konformità mal-Artikolu 34, jew kwalunkwe entità ssorveljata oħra li tinsab fl-Unjoni bi rwol ċar u definit sewwa fil-qafas ta’ kontroll jew responsabbiltà ta’ amministratur ta’ pajjiż terz li jista’ jimmonitorja b’mod effettiv il-forniment ta’ parametru referenzjarju, jistgħu japplikaw mal-ESMA għall-approvazzjoni ta’ parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji pprovduti f’pajjiż terz għall-użu tagħhom fl-Unjoni, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)    l-amministratur tal-approvazzjoni jew entità ssorveljata oħra jkunu vverifikaw u jistgħu juru fuq bażi kontinwa lill-ESMA li l-forniment tal-parametru referenzjarju jew ta’ familja ta’ parametri referenzjarji li jridu jiġu approvati jissodisfa, fuq bażi obbligatorja jew volontarja, ir-rekwiżiti li huma mill-inqas stretti daqs ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(b)    l-amministratur tal-approvazzjoni jew entità ssorveljata oħra jkollhom il-kompetenzi meħtieġa sabiex jimmonitorjaw b’mod effettiv l-attività tal-forniment ta’ parametru referenzjarju f’pajjiż terz u sabiex jiġġestixxu r-riskji assoċjati;

(c)    ikun hemm raġuni oġġettiva sabiex jiġu pprovduti l-parametru referenzjarju jew il-familja ta’ parametri referenzjarji f’pajjiż terz u sabiex l-imsemmija parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji jiġu approvati sabiex jintużaw fl-Unjoni.

Għall-fini tal-punt (a), meta tivvaluta jekk il-forniment tal-parametru referenzjarju jew tal-familja ta’ parametri referenzjarji li jridu jiġu approvati jissodisfax ir-rekwiżiti li huma mill-inqas stretti daqs ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ tqis jekk il-konformità tal-forniment tal-parametru referenzjarju jew tal-familja ta’ parametri referenzjarji mal-prinċipji tal-IOSCO għall-parametri referenzjarji finanzjarji jew mal-prinċipji tal-IOSCO għall-PRAs, kif applikabbli, hijiex ekwivalenti għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

2.    Amministratur jew entità ssorveljata oħra li jagħmlu applikazzjoni għall-approvazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jissodisfaw lill-ESMA li, fil-ħin tal-applikazzjoni, il-kundizzjonijiet kollha msemmija f’dak il-paragrafu huma ssodisfati.

3.    Fi żmien 90 jum tax-xogħol minn meta tirċievi l-applikazzjoni għall-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha teżamina l-applikazzjoni u tadotta deċiżjoni li tawtorizza l-approvazzjoni jew li tirrifjutaha u tinforma lill-applikant kif xieraq.

4.    Parametru referenzjarju approvat jew familja approvata ta’ parametri referenzjarji għandhom jitqiesu bħala li huma parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji pprovduti mill-amministratur tal-approvazzjoni jew minn entità ssorveljata oħra. L-amministratur tal-approvazzjoni jew entità ssorveljata oħra ma għandhomx jużaw l-approvazzjoni bl-intenzjoni li jevitaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

5.    Amministratur jew entità ssorveljata oħra li jkunu approvaw parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji pprovduti f’pajjiż terz għandhom jibqgħu kompletament responsabbli għal tali parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji u għall-konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament.

6.    Meta l-ESMA jkollha raġunijiet sodi sabiex tqis li l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ma għadhomx issodisfati, hija għandu jkollha s-setgħa li titlob lill-amministratur tal-approvazzjoni jew lil entità ssorveljata oħra jwaqqfu l-approvazzjoni. L-Artikolu 28 għandu japplika f’każ ta’ waqfien tal-approvazzjoni.

7.    Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 dwar il-miżuri sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li taħthom l-ESMA tista’ tivvaluta jekk hemmx raġuni oġġettiva għall-provvediment ta’ parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji f’pajjiż terz u l-approvazzjoni tagħhom sabiex jintużaw fl-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra elementi bħall-ispeċifiċitajiet tas-suq sottostanti jew ir-realtà ekonomika li l-parametru referenzjarju għandu l-ħsieb li jkejjel, il-ħtieġa għall-prossimità tal-forniment tal-parametru referenzjarju għal tali suq jew realtà ekonomika, il-ħtieġa għall-prossimità tal-forniment tal-parametru referenzjarju għall-kontributuri, id-disponibbiltà materjali tad-data ta’ input minħabba żoni tal-ħin differenti u ħiliet speċifiċi meħtieġa fil-forniment tal-parametru referenzjarju.”;

(11)fl-Artikolu 34, jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. Meta wieħed jew aktar mill-indiċijiet ipprovduti mill-persuna msemmija fil-paragrafu 1 jikkwalifikaw bħala parametri referenzjarji kritiċi, l-applikazzjoni għandha tiġi indirizzata lill-ESMA.”;

(12)L-Artikolu 40 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-ESMA għandha tkun l-awtorità kompetenti għal:

(a)    l-amministraturi tal-parametri referenzjarji kritiċi msemmija fil-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 20;

(b)    l-amministraturi tal-parametri referenzjarji msemmija fl-Artikoli 30 u 32;

(c)    l-amministraturi jew entitajiet issorveljati oħrajn li japplikaw għall-approvazzjoni jew li jkunu approvaw parametru referenzjarju pprovdut f’pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 33;

(d)    il-kontributuri ssorveljati għall-parametri referenzjarji msemmija fl-Artikolu 20(1);

(e)    il-kontributuri ssorveljati għall-parametri referenzjarji msemmija fl-Artikoli 30, 32 u 33.

2.    Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità kompetenti rilevanti responsabbli għat-twettiq tal-obbligi skont dan ir-Regolament dwar l-amministraturi u l-entitajiet issorveljati u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-ESMA b’dan.

3.    Stat Membru li jinnomina aktar minn awtorità kompetenti waħda f’konformità mal-paragrafu 2 għandu jiddetermina b’mod ċar ir-rwoli rispettivi ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti u għandu jinnomina awtorità waħda li trid tkun responsabbli għall-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni u għall-iskambju ta’ informazzjoni mal-Kummissjoni, mal-ESMA u mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn.

4.    L-ESMA għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha lista tal-awtoritajiet kompetenti nnominati f’konformità mal-paragrafi 1 sa 3.”;

(13)L-Artikolu 41 jiġi emendat kif ġej:

(b)fil-paragrafu 1, il-parti introduttorja tiġi sostitwita b’din li ġejja:

“1.    Sabiex jaqdu dmirijiethom skont dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 40(2) għandu jkollhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, mill-inqas is-setgħat superviżorji u investigattivi li ġejjin:”;

(c)fil-paragrafu 2, il-parti introduttorja tiġi sostitwita b’din li ġejja:

“1.    L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 40(2) għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet u s-setgħat tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1 u s-setgħat li jimponu s-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 42, f’konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom u bi kwalunkwe wieħed mill-modi li ġejjin:”;

(14)fl-Artikolu 43(1), il-parti introduttorja tiġi sostitwita b’din li ġejja:

“1.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiġu biex jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn, l-awtoritajiet kompetenti li jkunu nnominaw f’konformità mal-Artikolu 40(2) iqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi, fejn ikun xieraq:”;

(15)L-Artikolu 44 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 44

Obbligu ta’ kooperazzjoni

1.    L-Istati Membri li jkunu għażlu, f’konformità mal-Artikolu 42, li jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali għal ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’dak l-Artikolu, għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri xierqa sabiex l-awtoritajiet kompetenti nnominati f’konformità mal-Artikolu 40(2) jkollhom is-setgħat kollha meħtieġa sabiex jikkomunikaw mal-awtoritajiet ġudizzjarji fil-ġurisdizzjoni tagħhom bl-għan li jirċievu informazzjoni speċifika relatata mal-investigazzjonijiet jew il-proċedimenti kriminali mibdija għal ksur possibbli ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lil awtoritajiet kompetenti oħrajn u lill-ESMA.

2.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jassistu lil awtoritajiet kompetenti oħrajn u lill-ESMA. B’mod partikolari, huma għandhom jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw fi kwalunkwe attività ta’ superviżjoni jew investigazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkooperaw ukoll ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn sabiex jiffaċilitaw l-irkupru ta’ sanzjonijiet pekunarji.”;

(16)fl-Artikolu 45(5), l-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5.    L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-ESMA b’informazzjoni aggregata rigward is-sanzjonijiet amministrattivi kollha u miżuri amministrattivi oħrajn imposti skont l-Artikolu 42 fuq bażi annwali. Dak l-obbligu ma għandux japplika għall-miżuri ta’ natura investigattiva. L-ESMA għandha tippubblika dik l-informazzjoni f’rapport annwali, flimkien ma’ informazzjoni aggregata dwar is-sanzjonijiet amministrattivi kollha u miżuri amministrattivi oħrajn li hija stess tkun imponiet skont l-Artikolu 48f.”;

(17)jitħassar l-Artikolu 46;

(18)fl-Artikolu 47, il-paragrafi 1 u 2 jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1.    L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 40(2) għandhom jikkooperaw mal-ESMA għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

2.    L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 40(2) għandhom jipprovdu lill-ESMA, mingħajr dewmien, bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jaqdu dmirijiethom, f’konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 [Li trid tiġi vverifikata fl-isfond tal-emendi għar-Regolament dwar l-ESMA].”;

(19)fit-Titolu VI, jiddaħħal il-Kapitolu 4 li ġej:

KAPITOLU 4

Is-setgħat u l-kompetenzi tal-ESMA

Taqsima 1

Kompetenzi u proċeduri

Artikolu 48a

Eżerċitar tas-setgħat mill-ESMA

Is-setgħat mogħtija lill-ESMA, lil kwalunkwe uffiċjal tal-ESMA jew lil kwalunkwe persuna oħra awtorizzata mill-ESMA skont l-Artikoli 48b sa 48d ma għandhomx jintużaw sabiex jesiġu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni jew dokumenti li huma soġġetti għal privileġġ legali.

Artikolu 48b

Talba għall-informazzjoni

1.    L-ESMA tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew b’deċiżjoni, titlob lill-persuni li ġejjin jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex hija tkun tista’ taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament:

(a)    il-persuni involuti fil-provvediment ta’, jew fil-kontribuzzjoni ta’ data ta’ input għal, il-parametri referenzjarji msemmija fl-Artikolu 40;

(b)    l-entitajiet li jużaw il-parametri referenzjarji msemmija taħt (a) u l-partijiet terzi relatati;

(c)    il-partijiet terzi li lilhom il-persuni msemmija taħt (a) jkunu esternalizzaw funzjonijiet jew attivitajiet;

(d)    il-persuni li huma b’mod ieħor relatati jew konnessi mill-qrib u b’mod sostanzjali mal-persuni msemmija taħt (a).

2.    Kwalunkwe talba sempliċi għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha:

(a)    tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b)    tiddikjara l-fini ta’ dik it-talba;

(c)    tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d)    tinkludi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)    tinkludi dikjarazzjoni li ma hemm ebda obbligu fuq il-persuna li mingħandha tintalab l-informazzjoni sabiex tipprovdi dik l-informazzjoni, iżda li f’każ ta’ tweġiba volontarja għat-talba, l-informazzjoni pprovduta ma tridx tkun skorretta jew qarrieqa;

(f)    tindika l-ammont tal-multa li trid tinħareġ f’konformità mal-Artikolu [48f] meta l-informazzjoni pprovduta tkun skorretta jew qarrieqa.

3.    Meta titlob il-forniment ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 1 b’deċiżjoni, l-ESMA għandha:

(a)    tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b)    tiddikjara l-fini ta’ dik it-talba;

(c)    tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d)    tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)    tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu [48g], meta l-informazzjoni mitluba ma tkunx kompluta;

(f)    tindika l-multa prevista fl-Artikolu [48f], meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru jkunu skorretti jew qarrieqa;

(g)    tindika d-dritt għal appell tad-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell tal-ESMA u għar-rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ("il-Qorti tal-Ġustizzja") f’konformità mal-Artikoli [ex60 Appelli] u [ex61 Azzjoni quddiem il-Qorti…] tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.    Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba. L-avukati debitament awtorizzati sabiex jaġixxu jistgħu jfornu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli bis-sħiħ jekk l-informazzjoni fornuta tkun inkompleta, skorretta jew qarrieqa.

5.    L-ESMA għandha tibgħat mingħajr dewmien kopja tat-talba sempliċi jew tad-deċiżjoni tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huwa domiċiljat jew stabbilit l-amministratur jew il-kontributur issorveljat imsemmi fil-paragrafu 1 ikkonċernat mit-talba għall-informazzjoni.

Artikolu 48c

Investigazzjonijiet ġenerali

1.    Sabiex taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq l-investigazzjonijiet meħtieġa tal-persuni msemmija fl-Artikolu 48b(1). Għal dak l-għan, l-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA għandu jkollhom is-setgħa li:

(a)    jeżaminaw kwalunkwe rekord, data, proċedura u kwalunkwe materjal ieħor rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, irrispettivament mill-mezz li jkunu maħżuna fuqu;

(b)    jieħdu jew jiksbu kopji ċċertifikati ta’, jew siltiet minn, tali rekords, data, proċeduri u materjal ieħor;

(c)    isejħu u jitolbu lil kwalunkwe waħda minn dawk il-persuni jew lir-rappreżentanti jew lill-membri tal-persunal tagħhom għal spjegazzjonijiet bil-fomm jew bil-miktub dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u sabiex jinżamm rekord tat-tweġibiet;

(d)    jintervistaw lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li tagħti l-kunsens sabiex tiġi intervistata għall-fini tal-ġbir ta’ informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni;

(e)    jitolbu rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data.

2.    L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA għall-finijiet tal-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom meta jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tindika wkoll il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu [48g] meta l-produzzjoni tar-rekords, tad-data, tal-proċeduri jew ta’ kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ, jew it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmija fl-Artikolu 48b(1) ma jkunux kompleti, kif ukoll tindika l-multi previsti fl-Artikolu [48f], meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lil dawk il-persuni jkunu skorretti jew qarrieqa.

3.    Il-persuni msemmija fl-Artikolu 48b(1) huma mitluba jissottomettu ruħhom għal investigazzjonijiet imnedija abbażi ta’ deċiżjoni tal-ESMA. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni, il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu [48g], ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u d-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.    Fi żmien adatt qabel l-investigazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn trid titwettaq l-investigazzjoni dwar l-investigazzjoni u l-identità tal-persuni awtorizzati. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu lil dawk il-persuni awtorizzati fil-qadi ta’ dmirijiethom. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata jistgħu jattendu l-investigazzjonijiet jekk jintalbu jagħmlu dan.

5.    Jekk talba għal rekords tat-traffiku tat-telefon jew tad-data msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali skont il-liġi nazzjonali applikabbli, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tista’ ssir ukoll applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħal din bħala miżura ta’ prekawzjoni.

6.    Meta awtorità ġudizzjarja nazzjonali tirċievi applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ talba għar-rekords tat-telefon jew tat-traffiku tad-data msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 5, dik l-awtorità għandha tivverifika dawn li ġejjin:

(a)    id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 hija awtentika;

(b)    kwalunkwe miżura li trid tittieħed hija proporzjonata u mhux arbitrarja jew eċċessiva.

Għall-finijiet tal-punt (b), l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari relatati mar-raġunijiet li jkollha l-ESMA dwar suspett li seħħ ksur ta’ dan ir-Regolament u s-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrevedi l-ħtieġa għall-investigazzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fuq il-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu [61] tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 48d

Spezzjonijiet fuq il-post

1.    Sabiex taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq l-ispezzjonijiet fuq il-post kollha meħtieġa fi kwalunkwe bini tan-negozju tal-persuni msemmija fl-Artikolu 48b(1).

2.    L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA sabiex iwettqu spezzjoni fuq il-post jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini tan-negozju tal-persuni soġġetti għal deċiżjoni ta’ investigazzjoni adottata mill-ESMA u għandu jkollhom is-setgħat kollha stipulati fl-Artikolu 48c(1). Huma għandu jkollhom is-setgħa li jissiġillaw kwalunkwe bini tan-negozju u kotba jew reġistri għall-perjodu tal-ispezzjoni u sal-limitu neċessarju għaliha.

3.    Fi żmien suffiċjenti qabel l-ispezzjoni, l-ESMA għandha tagħti avviż tal-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun trid titwettaq l-ispezzjoni. Meta t-twettiq u l-effiċjenza xierqa tal-ispezzjoni jkunu jirrikjedu dan, l-ESMA tista’, wara li tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti, twettaq l-ispezzjoni fuq il-post mingħajr notifika minn qabel. L-ispezzjonijiet f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jitwettqu sakemm l-awtorità rilevanti tkun ikkonfermat li hija ma toġġezzjonax għal dawk l-ispezzjonijiet.

4.    L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA sabiex iwettqu spezzjoni fuq il-post għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu [48g] meta l-persuni kkonċernati ma jissottomettux irwieħhom għall-ispezzjoni.

5.    Il-persuni msemmija fl-Artikolu 48b(1) għandhom jissottomettu ruħhom għall-ispezzjonijiet fuq il-post ordnati b’deċiżjoni tal-ESMA. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, id-data meta din għandha tibda u tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu [48g], ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010, kif ukoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

6.    L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn trid titwettaq l-ispezzjoni, kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura minnha, għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu b’mod attiv lill-uffiċjali u lil persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA. L-uffiċjali ta’ dik l-awtorità kompetenti jistgħu jattendu wkoll l-ispezzjonijiet fuq il-post wara li ssirilhom talba.

7.    L-ESMA tista’ tesiġi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu kompiti investigattivi speċifiċi u spezzjonijiet fuq il-post kif previst f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 48c(1) f’isimha. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom igawdu l-istess setgħat tal-ESMA kif stabbilit f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 48c(1).

8.    Meta l-uffiċjali u persuni oħrajn li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-ESMA jsibu li persuna topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tagħtihom l-assistenza meħtieġa, billi titlob, fejn xieraq, l-assistenza tal-pulizija jew ta’ awtorità tal-infurzar ekwivalenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom fuq il-post.

9.    Jekk l-ispezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew l-assistenza prevista fil-paragrafu 7 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali skont il-liġi nazzjonali applikabbli, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tista’ ssir ukoll applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħal din bħala miżura ta’ prekawzjoni.

10.    Meta awtorità ġudizzjarja nazzjonali tirċievi applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ spezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew l-assistenza prevista fil-paragrafu 7, dik l-awtorità għandha tivverifika dawn li ġejjin:

(a)    id-deċiżjoni adottata mill-ESMA msemmija fil-paragrafu 4 hija awtentika;

(b)    kwalunkwe miżura li trid tittieħed hija proporzjonata u mhux arbitrarja jew eċċessiva.

Għall-finijiet tal-punt (b), l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari relatati mar-raġunijiet li jkollha l-ESMA dwar suspett li seħħ ksur ta’ dan ir-Regolament u s-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrevedi n-neċessità tal-investigazzjoni jew tat-talba li għandha tiġi pprovduta bl-informazzjoni fuq il-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

TAQSIMA 2

SANZJONIJIET AMMINISTRATTIVI U MIŻURI OĦRAJN

Artikolu 48e

Miżuri superviżorji mill-ESMA

1.    Meta, f’konformità mal-Artikolu 48i(5), l-ESMA ssib li persuna tkun wettqet wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 48f(2), hija għandha tieħu waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)    tadotta deċiżjoni li titlob lill-persuna ttemm il-ksur;

(b)    tadotta deċiżjoni li timponi multi skont l-Artikolu 48f;

(c)    toħroġ avviżi pubbliċi.

2.    Meta tieħu l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha tqis in-natura u s-serjetà tal-ksur, filwaqt li tqis il-kriterji li ġejjin:

(a)    id-durata u l-frekwenza tal-ksur;

(b)    jekk ir-reat finanzjarju ġiex ikkawżat, iffaċilitat jew attribwit b’mod ieħor għall-ksur;

(c)    jekk il-ksur twettaqx intenzjonalment jew b’mod negliġenti.

(d)    il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(e)    is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli għall-ksur, kif indikat mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew l-introjtu annwali u l-assi netti tal-persuna fiżika responsabbli;

(f)    l-impatt tal-ksur fuq l-interessi tal-investituri fil-livell tal-konsum;

(g)    l-importanza tal-profitti miksuba, it-telf evitat mill-persuna responsabbli għall-ksur jew it-telf għall-partijiet terzi minħabba l-ksur, safejn dawn ikunu jistgħu jiġu stabbiliti;

(h)    il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ksur mal-ESMA, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;

(i)    il-ksur preċedenti mill-persuna responsabbli għall-ksur;

(j)    il-miżuri meħuda wara l-ksur mill-persuna responsabbli għall-ksur biex tiġi evitata r-repetizzjoni tiegħu.

3.    Mingħajr dewmien bla bżonn, l-ESMA għandha tinnotifika kwalunkwe azzjoni meħuda skont il-paragrafu 1 lill-persuna responsabbli għall-ksur u għandha tikkomunikaha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni. Hija għandha tiddivulga kwalunkwe azzjoni bħal din fuq is-sit web tagħha fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-data meta tkun ġiet adottata.

Id-divulgazzjoni lill-pubbliku msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(a)    dikjarazzjoni li tafferma d-dritt tal-persuna responsabbli għall-ksur li tappella d-deċiżjoni;

(b)    fejn rilevanti, dikjarazzjoni li tafferma li ġie ppreżentat appell u li tispeċifika li tali appell ma għandux effett sospensiv;

(c)    dikjarazzjoni li tasserixxi li huwa possibbli għall-Bord tal-Appell tal-ESMA li jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’konformità mal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 48f

Multi

1.    Meta, f’konformità mal-Artikolu 48i(5), l-ESMA ssib li kwalunkwe persuna wettqet, intenzjonalment jew b’mod negliġenti, wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fil-paragrafu 2, hija għandha tadotta deċiżjoni li timponi multa f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Ksur għandu jitqies bħala li twettaq intenzjonalment jekk l-ESMA ssib fatturi oġġettivi li juru li persuna aġixxiet deliberatament biex twettaq il-ksur.

2.    Il-lista ta’ tipi ta’ ksur imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun din li ġejja: Ksur tal-Artikoli 4 - 16, 21, 23 - 29 u 34 tar-Regolament (UE) 2016/1011.

3.    L-ammont massimu tal-multa msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun:

(i) fil-każ ta’ persuna ġuridika, EUR 1 000 000, jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-30 ta’ Ġunju 2016, jew 10 % tal-fatturat annwali totali ta’ dik il-persuna ġuridika skont l-aħħar rapporti finanzjarji disponibbli approvati mill-korp maniġerjali, skont liema jkun l-ogħla;

(ii) fil-każ ta’ persuna fiżika, EUR 500 000, jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-30 ta’ Ġunju 2016.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, l-ammont massimu tal-multa għall-ksur tal-punt (d) tal-Artikolu 11(1) jew tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandu jkun ta’ EUR 250 000 jew, fl-Istati Membri li l-munita nazzjonali tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-30 ta’ Ġunju 2016 jew 2 % tal-fatturat annwali totali ta’ dik il-persuna ġuridika skont l-aħħar rapporti finanzjarji disponibbli approvati mill-korp maniġerjali, skont liema jkun l-ogħla għall-persuni ġuridiċi, u EUR 100 000 jew, fl-Istati Membri li l-munita uffiċjali tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-30 ta’ Ġunju 2016 għall-persuni fiżiċi.

Għall-finijiet tal-punt (i), meta l-persuna ġuridika tkun impriża prinċipali jew sussidjarja ta’ impriża prinċipali li hija mitluba tħejji kontijiet finanzjarji konsolidati f’konformità mad-Direttiva 2013/34/UE, il-fatturat annwali totali rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali jew it-tip korrispondenti ta’ introjtu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni rilevanti fil-qasam tal-kontabbiltà skont l-aħħar kontijiet konsolidati disponibbli approvati mill-korp maniġerjali tal-impriża prinċipali aħħarija.

4.    Meta tiġi biex tiddetermina l-livell ta’ multa skont il-paragrafu 1, l-ESMA għandha tqis il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 48e(2).

5.    Minkejja l-paragrafu 4, meta l-persuna ġuridika tkun ibbenifikat finanzjarjament mill-ksur, direttament jew indirettament, l-ammont tal-multa għandu jkun mill-inqas ugwali għal dak il-benefiċċju.

6.    Meta att jew ommissjoni ta’ persuna jikkostitwixxu aktar minn wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 48f(2), għandha tapplika biss l-ogħla multa kkalkolata f’konformità mal-paragrafu 3 u relatata ma’ wieħed minn dawk it-tipi ta’ ksur.

Artikolu 48g

Ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1.    L-ESMA għandha, permezz ta’ deċiżjoni, timponi ħlasijiet perjodiċi ta’ penali sabiex iġġiegħel:

(a) persuna ttemm ksur f’konformità ma’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu [48e(1)(a)];

(b) persuna msemmija fl-Artikolu 48b(1):

(i)    tipprovdi informazzjoni kompleta li tkun intalbet permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu [48b];

(ii)    tissottometti ruħha għal investigazzjoni u, b’mod partikolari, tipproduċi rekords, data u proċeduri kompluti jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ u timla u tikkoreġi informazzjoni oħra pprovduta f’investigazzjoni mnedija permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu [48c];

(iii)    tissottometti ruħha għal spezzjoni fuq il-post ordnata permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu [48d].

2.    Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jkun effettiv u proporzjonat. Il-ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal kull jum ta’ dewmien.

3.    Minkejja l-paragrafu 2, l-ammont tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandu jkun 3 % tal-fatturat medju ta’ kuljum fis-sena finanzjarja preċedenti, jew, fil-każ ta’ persuni fiżiċi, 2 % tal-introjtu medju ta’ kuljum fis-sena kalendarja preċedenti. Huwa għandu jiġi kkalkolat mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-ħlas perjodiku ta’ penali.

4.    Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal perjodu massimu ta’ sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-ESMA. Wara t-tmiem tal-perjodu, l-ESMA għandha tirrevedi l-miżura.

Artikolu 48h

Id-divulgazzjoni, in-natura, l-infurzar u l-allokazzjoni tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1.    L-ESMA għandha tiddivulga lill-pubbliku kull multa u kull ħlas perjodiku ta’ penali li jkunu ġew imposti skont l-Artikoli 48f u 48g, sakemm tali divulgazzjoni lill-pubbliku ma tipperikolax serjament is-swieq finanzjarji jew sakemm ma tikkawżax dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti. Tali divulgazzjoni ma għandha tinkludi ebda data personali skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.    Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli [48f] u [48g] għandhom ikunu ta’ natura amministrattiva.

3.    Meta l-ESMA tiddeċiedi li ma timponi ebda multa jew ħlas ta’ penali, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat dwar dan u għandha tispjega r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

4.    Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli [48f] u [48g] għandhom ikunu infurzabbli.

L-infurzar għandu jkun irregolat mir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz li fih jitwettaq.

5.    L-ammonti tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandhom jiġu allokati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

TAQSIMA 3

PROĊEDURI U RIEŻAMI

Artikolu 48i

Regoli proċedurali sabiex jittieħdu miżuri superviżorji u jiġu imposti multi

1.    Meta, fil-qadi ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 48f(2), hija għandha taħtar uffiċjal indipendenti tal-investigazzjoni fi ħdan l-ESMA sabiex jinvestiga l-kwistjoni. L-uffiċjal maħtur ma għandux jiġi involut jew ikun ġie involut, direttament jew indirettament, fis-superviżjoni tal-parametri referenzjarji li tkun tirrigwarda l-ksur u għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu indipendentement mill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

2.    L-uffiċjal tal-investigazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinvestiga l-allegat ksur, filwaqt li jikkunsidra kwalunkwe kumment ippreżentat mill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet, u għandu jissottometti fajl komplet bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

3.    Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jitlob informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 48b u jwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 48c u 48d.

4.    Meta jwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha li jkunu nġabru mill-ESMA fl-attivitajiet superviżorji tagħha.

5.    Meta jlesti l-investigazzjoni tiegħu u qabel jippreżenta l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jagħti lill-persuni soġġetti għall-investigazzjoni l-opportunità li jinstemgħu dwar il-kwistjonijiet li jkunu qegħdin jiġu investigati. L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jibbaża s-sejbiet tiegħu biss fuq fatti li l-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jikkummentaw dwarhom.

6.    Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ matul l-investigazzjonijiet skont dan l-Artikolu.

7.    Meta jippreżenta l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinnotifika lill-persuni li huma soġġetti għall-investigazzjonijiet. Il-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt tal-aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali li taffettwa lil partijiet terzi.

8.    Abbażi tal-fajl li jkun fih is-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni u, meta tintalab mill-persuni kkonċernati, wara li tkun semgħet lil dawk il-persuni f’konformità mal-Artikolu [48j], l-ESMA għandha tiddeċiedi jekk wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 48f(1) ikunux twettqu mill-persuni li kienu soġġetti għall-investigazzjonijiet u, f’każ bħal dan, għandha tieħu miżura superviżorja f’konformità mal-Artikolu 48e u timponi multa f’konformità mal-Artikolu [48f].

9.    L-uffiċjal tal-investigazzjoni ma għandux jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA jew jintervjeni bi kwalunkwe mod ieħor fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

10.    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 sabiex tispeċifika r-regoli ta’ proċedura sabiex tiġi eżerċitata s-setgħa li jiġu imposti multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ difiża, dispożizzjonijiet temporali u l-ġbir ta’ multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, kif ukoll il-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali.

11.    L-ESMA għandha tirreferi kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali lill-awtoritjiet nazzjonali rilevanti meta, fit-twettiq tal-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, hija ssib li jkun hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jkunu jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali. Barra minn hekk, l-ESMA għandha żżomm lura milli timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali meta tkun diġà ngħatat il-liberazzjoni mill-akkuża jew kundanna, li tirriżulta minn fatt identiku jew fatti li jkunu sostanzjalment l-istess li diġà ngħataw il-forza ta' res judicata bħala riżultat ta' proċedimenti kriminali skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 48j

Smigħ tal-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet

1.    Qabel tieħu kwalunkwe deċiżjoni skont l-Artikoli 48f, 48g u 48e, l-ESMA għandha tagħti lill-persuni soġġetti għall-proċedimenti l-opportunità li jinstemgħu dwar is-sejbiet tagħha. L-ESMA għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq sejbiet li dwarhom il-persuni soġġetti għall-proċedimenti kellhom l-opportunità li jikkummentaw.

2.    L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika jekk tkun meħtieġa azzjoni urġenti skont l-Artikolu 48e sabiex ma titħalliex li ssir ħsara sinifikanti u imminenti lis-sistema finanzjarja. F’każ bħal dan, l-ESMA tista’ tadotta deċiżjoni interim u għandha tagħti lill-persuni kkonċernati l-opportunità li jinstemgħu malajr kemm jista’ jkun wara li tieħu d-deċiżjoni tagħha.

3.    Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-proċedimenti għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ fl-investigazzjonijiet. Dawn għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-ESMA, soġġetti għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-ESMA.

Artikolu 48k

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni bla limitu sabiex tirrevedi d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-ESMA tkun imponiet multa jew ħlas perjodiku ta’ penali. Hija tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas perjodiku ta’ penali imposti.

TAQSIMA 4

TARIFFI U DELEGA

Artikolu 48l

Tariffi superviżorji

1.    L-ESMA għandha titlob tariffi lill-amministraturi f’konformità ma’ dan ir-Regolament u f’konformità mal-atti delegati adottati skont il-paragrafu 3. Dawk it-tariffi għandhom ikopru b’mod sħiħ in-nefqa meħtieġa tal-ESMA li tirrigwardja s-superviżjoni tal-amministraturi u r-rimborż ta’ kwalunkwe kostijiet li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jġarrbu fit-twettiq ta’ ħidmiethom skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega tal-kompiti f’konformità mal-Artikolu 48m.

2.    L-ammont ta’ tariffa individwali mitluba lil amministratur għandu jkopri l-kostijiet amministrattivi kollha mġarrba mill-ESMA għall-attivitajiet tagħha fir-rigward tas-superviżjoni. Huwa għandu jkun proporzjonat għall-fatturat tal-amministratur.

3.    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 sabiex tispeċifika t-tip ta’ tariffi, il-materji li għalihom huma dovuti t-tariffi, l-ammont tat-tariffi u l-mod kif għandhom jitħallsu.

Artikolu 48m

Id-delega ta’ kompiti mill-ESMA lill-awtoritajiet kompetenti

1.    Fejn meħtieġ għat-twettiq xieraq ta’ kompitu superviżorju, l-ESMA tista’ tiddelega kompiti superviżorji speċifiċi lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru f’konformità mal-linji gwida maħruġa mill-ESMA skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 1095/2010. Tali kompiti superviżorji speċifiċi jistgħu, b’mod partikolari, jinkludu s-setgħa li jitwettqu talbiet għal informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 48b u li jitwettqu investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 48c u 48d.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, l-awtorizzazzjoni ta’ parametri referenzjarji kritiċi ma għandhiex tiġi ddelegata.

2.    Qabel tiddelega kompitu f’konformità mal-paragrafu 1, l-ESMA għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti rilevanti dwar:

(a) il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompitu li jrid jiġi ddelegat;

(b) l-iskeda ta’ żmien għat-twettiq tal-kompitu; u

(c) it-trażmissjoni tal-informazzjoni meħtieġa mill-ESMA u lilha.

3.    L-ESMA għandha tirrimborża lil awtorità kompetenti għall-kostijiet imġarrba bħala riżultat tat-twettiq tal-kompiti ddelegati f’konformità mar-regolament dwar it-tariffi adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 48l(3).

4.    L-ESMA għandha tirrevedi kwalunkwe delega magħmula f’konformità mal-paragrafu 1 f’intervalli xierqa. Delega tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin.

5.    Delega tal-kompiti ma għandhiex taffettwa r-responsabbiltà tal-ESMA u ma għandhiex tillimita l-kapaċità tal-ESMA li twettaq u tissorvelja l-attività ddelegata.”

Artikolu 48o

Miżuri ta’ tranżizzjoni relatati mal-ESMA

1.    Il-kompetenzi u d-dmirijiet kollha relatati mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fir-rigward tal-amministraturi msemmija fl-Artikolu 40(1) li jingħataw lill-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu tterminati fi [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ]. Dawk il-kompetenzi u d-dmirijiet għandhom jittieħdu mill-ESMA fl-istess data.

2. Kwalunkwe fajl jew dokument ta’ ħidma relatat mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fir-rigward tal-amministraturi msemmija fl-Artikolu 40(1), inklużi kwalunkwe eżamijiet u azzjonijiet ta’ infurzar li jkunu għaddejjin, jew kopji ċċertifikati tagħhom, għandhom jgħaddu f’idejn l-ESMA fid-data msemmija fil-paragrafu 1.

Madankollu, l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni mill-amministraturi ta’ parametru referenzjarju kritiku, l-applikazzjonijiet għal rikonoxximent f’konformità mal-Artikolu 32 u l-applikazzjonijiet għal approvazzjoni f’konformità mal-Artikolu 33 li ġew riċevuti mill-awtoritajiet kompetenti qabel [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 34 xahar wara d-dħul fis-seħħ] ma għandhomx jiġu ttrasferiti lill-ESMA, filwaqt li d-deċiżjoni li tawtorizza jew tirrifjuta awtorizzazzjoni, rikonoxximent jew approvazzjoni għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti rilevanti.

3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe reġistru u dokument ta’ ħidma eżistenti, jew kopji ċċertifikati tagħhom, għandhom jiġu ttrasferiti lill-ESMA mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ]. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu wkoll l-għajnuna u l-pariri kollha meħtieġa lill-ESMA sabiex jiġi ffaċilitat it-trasferiment u l-bidu effettiv u effiċjenti tal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fir-rigward tal-amministraturi msemmija fl-Artikolu 40(1).

4. L-ESMA għandha taġixxi bħala s-suċċessur legali tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 fi kwalunkwe proċediment amministrattiv jew ġudizzjarju li jirriżulta minn attività ta’ superviżjoni u infurzar segwita minn dawk l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt dan ir-Regolament.

5. Kwalunkwe awtorizzazzjoni tal-amministraturi ta’ parametru referenzjarju kritiku, rikonoxximent f’konformità mal-Artikolu 32 u approvazzjoni f’konformità mal-Artikolu 33 mogħtija minn awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jibqgħu validi wara t-trasferiment tal-kompetenzi lill-ESMA.”;

(20)L-Artikolu 53 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 53

Rieżamijiet tal-ESMA

L-ESMA għandu jkollha s-setgħa li titlob l-evidenza ddokumentata minn awtorità kompetenti għal kwalunkwe waħda mid-deċiżjonijiet adottati f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 51(2) u l-Artikolu 25(3), kif ukoll għall-azzjonijiet meħuda fir-rigward tal-infurzar tal-Artikolu 24(1).”.

Artikolu 9

Emendi għar-Regolament (UE) 2017/1129 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat

Ir-Regolament (UE) 2017/1129 jiġi emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 2 jiġi emendat kif ġej:

(b)jitħassar il-punt (iii) tad-definizzjoni ta’ ‘Stat Membru tad-domiċilju’ taħt l-ittra (m).

(c)jiddaħħlu d-definizzjonijiet li ġejjin:

“(za)    ‘kumpaniji tal-proprjetà’ tfisser impriża li l-attivitajiet prinċipali tagħha jikkonċernaw l-attivitajiet ekonomiċi elenkati fit-Taqsima L tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*.

(zb)    ‘kumpaniji tal-minerali’ tfisser impriża li l-attivitajiet prinċipali tagħha jikkonċernaw l-attivitajiet ekonomiċi elenkati fit-Taqsima B, id-Diviżjonijiet 05 sa 08 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1893/2006.

(zc)    ‘kumpaniji bbażati fuq ir-riċerka xjentifika’ tfisser impriża li l-attivitajiet prinċipali tagħha jikkonċernaw l-attivitajiet ekonomiċi elenkati fit-Taqsima M, id-Diviżjoni 72, il-grupp 72.1 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1893/2006.

(zd)    ‘kumpaniji marittimi’ tfisser impriża li l-attività prinċipali tagħha tikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi elenkati fit-Taqsima H, id-Diviżjoni 50 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1893/2006.

* Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika, ĠU L 393, 30.12.2006, p.1.”;

(2)fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“2. Tali prospett imfassal volontarjament approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, kif stabbilit f’konformità mal-punt (m) tal-Artikolu 2, jew mill-ESMA f’konformità mal-Artikolu 31a, għandu jinkludi d-drittijiet u l-obbligi kollha previsti għal prospett meħtieġ skont dan ir-Regolament u għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament, taħt is-superviżjoni ta’ dik l-awtorità kompetenti.” ;

(3)fl-Artikolu 20, il-paragrafu 8 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“8.    Fuq talba tal-emittent, tal-offerent jew tal-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tista’ tittrasferixxi l-approvazzjoni ta’ prospett lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, soġġetta għall-qbil ta’ dik l-awtorità kompetenti u, sakemm l-ESMA ma tassumix ir-rwol ta’ awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju f’konformità mal-Artikolu 31a, in-notifika minn qabel lill-ESMA. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tittrasferixxi d-dokumentazzjoni ddepożitata, flimkien mad-deċiżjoni tagħha li tagħmel it-trasferiment, f’format elettroniku, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor fid-data tad-deċiżjoni tagħha. Tali trasferiment għandu jiġi nnotifikat lill-emittent, lill-offerent jew lill-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat fi żmien tlett ijiem tax-xogħol mid-data tad-deċiżjoni meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju. Il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 u l-paragrafu 3 għandhom japplikaw mid-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju. L-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 ma għandux japplika għat-trasferiment tal-approvazzjoni tal-prospett f’konformità ma’ dan il-paragrafu. Malli jitlesta t-trasferiment tal-approvazzjoni, l-awtorità kompetenti li lilha tkun ġiet ittrasferita l-approvazzjoni tal-prospett għandha titqies bħala li hija l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għal dak il-prospett għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.”;

(4)L-Artikolu 22 jiġi emendat kif ġej:

(b)jiddaħħal il-paragrafu 6a li ġej:

“6a.    Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 6, l-ESMA għandu jkollha s-setgħa li teżerċita kontroll fuq il-konformità tal-attività ta’ reklamar mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 4 f’kull Stat Membru ospitanti meta jinxterdu r-reklami, fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a) meta l-ESMA tkun l-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 31a;

(b) għal kwalunkwe prospett imfassal f’konformità mal-liġijiet ta’ pajjiż terz u użat fl-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 29.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 32(1), l-iskrutinju tar-reklami mill-ESMA ma għandux jikkostitwixxi prekondizzjoni sabiex l-offerta ta’ titoli lill-pubbliku jew l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat isseħħ fi kwalunkwe Stat Membru ospitanti.

L-użu ta’ kwalunkwe mis-setgħat superviżorji u investigattivi stabbiliti fl-Artikolu 32 fir-rigward tal-infurzar ta’ dan l-Artikolu mill-ESMA għandu jiġi kkomunikat mingħajr dewmien żejjed lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti rilevanti.

Fuq talba tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, l-ESMA għandha teżerċita l-kontroll imsemmi fl-ewwel subparagrafu għar-reklami kollha mxerrda fil-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tal-kategoriji kollha tal-prospetti approvati mill-ESMA, jew ta’ wħud minnhom, f’konformità mal-Artikolu 31a. L-ESMA għandha tippubblika u taġġorna regolarment lista tal-Istati Membri li għalihom hija teżerċita tali kontroll u l-kategoriji tal-prospetti kkonċernati. .”;

(c)il-paragrafu 7 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“7.    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti u l-ESMA jistgħu jitolbu biss tariffi li jkunu marbuta mat-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħhom skont dan l-Artikolu. Il-livell ta’ tariffi għandu jiġi ddivulgat fuq is-siti web tal-awtoritajiet kompetenti u tal-ESMA. It-tariffi għandhom ikunu nondiskriminatorji, raġonevoli u proporzjonati għall-kompitu superviżorju. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti u l-ESMA ma għandhom jimponu ebda rekwiżit jew proċedura amministrattiva minbarra dawk mitluba għat-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħhom skont dan l-Artikolu.”

(d)il-paragrafu 8 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“8.    Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 6 u 6a, kwalunkwe żewġ awtoritajiet kompetenti, inkluża l-ESMA, fejn applikabbli, jistgħu jikkonkludu ftehim li permezz tiegħu, għall-finijiet tal-eżerċitar ta’ kontroll fuq il-konformità tal-attività ta’ reklamar f’sitwazzjonijiet transfruntieri jew f’sitwazzjonijiet fejn japplika l-paragrafu 6a, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, jew, fejn japplika l-paragrafu 6a, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, għandha żżomm kontroll fuq dik il-konformità. Kwalunkwe ftehim bħal dan għandu jiġi nnotifikat lill-ESMA, sakemm l-ESMA ma tkunx firmatarja għall-ftehim fil-kapaċità tagħha bħala l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju f’konformità mal-Artikolu 31a. L-ESMA għandha tippubblika u taġġorna regolarment lista ta’ ftehimiet bħal dawn.”;

(5)L-Artikolu 25 jiġi emendat kif ġej:

(b) il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.    Meta t-termini finali ta’ prospett bażi la jkunu inklużi fil-prospett bażi u lanqas f’suppliment, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunikahom b’mod elettroniku, hekk kif ikun prattikabbli wara li jiġu ppreżentati, lill-ESMA u, meta l-prospett bażi jkun ġie nnotifikat qabel, lill-awtorità kompetenti tal-Istat(i) Membru/i ospitanti.”

(c)jiddaħħal il-paragrafu 6a li ġej:

“6a.    Għall-prospetti kollha mfassla minn emittent ta’ pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 29, iċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni msemmi f’dan l-artikolu għandu jiġi sostitwit b’ċertifikat ta’ preżentazzjoni.”;

(6)fl-Artikolu 27, jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a.    Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3, meta l-ESMA tkun l-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 31a, il-prospett għandu jitfassal jew b’lingwa aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru ospitanti jew b’lingwa użata fl-isfera finanzjarja internazzjonali, fuq l-għażla tal-emittent, tal-offerent jew tal-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat.

L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru ospitanti għandha titlob li s-sommarju msemmi fl-Artikolu 7 jkun disponibbli bil-lingwa uffiċjali tiegħu, jew għall-inqas b’waħda mil-lingwi uffiċjali tiegħu, jew b’lingwa oħra aċċettata mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru, iżda ma għandhiex titlob it-traduzzjoni ta’ xi parti oħra tal-prospett.”;

(7)L-Artikolu 28 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 28

Offerta ta’ titoli lill-pubbliku jew ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat magħmula skont prospett imfassal f’konformità ma’ dan ir-Regolament

Meta emittent ta’ pajjiż terz ikollu l-ħsieb li joffri titoli lill-pubbliku fl-Unjoni jew li jfittex ammissjoni għall-kummerċ tat-titoli f’suq regolat stabbilit fl-Unjoni skont prospett imfassal f’konformità ma’ dan ir-Regolament, huwa għandu jikseb l-approvazzjoni tal-prospett tiegħu mill-ESMA f’konformità mal-Artikolu 20.

Ladarba prospett jiġi approvat f’konformità mal-ewwel subparagrafu, dan għandu jinkludi d-drittijiet u l-obbligi kollha previsti għal prospett skont dan ir-Regolament u l-prospett u l-emittent ta’ pajjiż terz għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament taħt is-superviżjoni tal-ESMA.”;

(8)L-Artikolu 29 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 29

Offerta ta’ titoli lill-pubbliku jew ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat magħmula skont prospett imfassal f’konformità mal-liġijiet ta’ pajjiż terz

1.    Emittent ta’ pajjiż terz jista’ joffri titoli lill-pubbliku fl-Unjoni jew ifittex ammissjoni għall-kummerċ tat-titoli f’suq regolat fl-Unjoni wara l-pubblikazzjoni minn qabel ta’ prospett imfassal u approvat f’konformità ma’, u soġġett għal, il-liġijiet nazzjonali tal-emittent ta’ pajjiż terz, sakemm:

(a)    il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-paragrafu 3;

(b)    l-emittent ta’ pajjiż terz ikun ippreżenta l-prospett lill-ESMA;

(c)    l-emittent ta’ pajjiż terz ikun ipprovda konferma bil-miktub li l-prospett kien approvat minn awtorità superviżorja ta’ pajjiż terz u jkun ipprovda d-dettalji ta’ kuntatt ta’ dik l-awtorità;

(d)    il-prospett jissodisfa r-rekwiżiti lingwistiċi stabbiliti fl-Artikolu 27;

(e)    ir-reklami kollha mxerrda fl-Unjoni mill-emittent ta’ pajjiż terz fir-rigward tal-offerta jew tal-ammissjoni għall-kummerċ ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 tal-Artikolu 22;

(f) l-ESMA tkun ikkonkludiet ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji rilevanti tal-emittent ta’ pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 30.

Ir-referenzi għal ‘l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju’ f’dan ir-Regolament għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-ESMA fir-rigward ta’ kwalunkwe dispożizzjoni applikata għall-prospetti msemmija f’dan il-paragrafu.

2.    Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 24 u 25 għandhom japplikaw għall-prospett imfassal f’konformità mal-liġijiet ta’ pajjiż terz meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

3.    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-kriterji ġenerali ta’ ekwivalenza abbażi tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 6, 7, 11, 12, 13 u fil-Kapitolu IV ta’ dan ir-Regolament.

Abbażi tal-kriterji stabbiliti f’dawn l-atti delegati, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tiddikjara li l-arranġamenti legali u superviżorji ta’ pajjiż terz jiżguraw li l-prospetti mfassla f’konformità mal-liġi nazzjonali ta’ dak il-pajjiż terz ikunu konformi mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li għandhom effett regolatorju ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Tali deċiżjoni ta’ implimentazzjoni għandha tiġi adottata f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 45(2).

Il-Kummissjoni tista’ tagħmel l-applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni soġġetta għall-issodisfar effettiv minn pajjiż terz, fuq bażi kontinwa, ta’ kwalunkwe rekwiżiti stabbiliti fi ħdan dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, u għall-kapaċità tal-ESMA li teżerċita b’mod effettiv ir-responsabbiltajiet tagħha fir-rigward tal-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 2a tal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(9)L-Artikolu 30 jiġi emendat kif ġej:

(b)il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.    Għall-finijiet tal-Artikolu 29 u, fejn jitqies bħala meħtieġ, għall-finijiet tal-Artikolu 28, l-ESMA għandha tikkonkludi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi dwar l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ dawk l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u l-infurzar tal-obbligi f’pajjiżi terzi skont dan ir-Regolament. Dawk l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni għandhom jiżguraw, bħala minimu, l-iskambju effiċjenti ta’ informazzjoni li jippermetti lill-ESMA taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, meta pajjiż terz jiġi inkluż fil-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li jitqiesu bħala li għandhom politiki nazzjonali kontra l-ħasil tal-flus u politiki kontra l-finanzjament tar-reġimi tat-terroriżmu b’nuqqasijiet strateġiċi li joħolqu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, kif imsemmi f’att delegat fis-seħħ adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, l-ESMA ma għandhiex tikkonkludi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji ta’ dak il-pajjiż terz.

L-ESMA għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti kollha nnominati f’konformità mal-Artikolu 31(1) dwar kwalunkwe arranġament ta’ kooperazzjoni konkluż f’konformità mal-ewwel subparagrafu.

* Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).”;

(c)jitħassar il-paragrafu 2;

(d)il-paragrafu 3 jiġi renumerat bħala l-paragrafu 2 u sostitwit b’dan li ġej:

“2.    L-ESMA għandha tikkonkludi arranġamenti ta’ kooperazzjoni dwar l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi biss meta l-informazzjoni divulgata tkun soġġetta għal garanziji ta’ segretezza professjonali li jkunu mill-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 35.”;

(e)jitħassar il-paragrafu 4;

(10)fil-Kapitolu VII, jiddaħħlu l-Artikoli 31a u 31b li ġejjin:

“Artikolu 31a

Is-superviżjoni mill-ESMA ta’ ċerti tipi ta’ prospetti

Għall-prospetti li ġejjin, inkluż kwalunkwe suppliment għalihom, l-ESMA għandha tkun l-awtorità kompetenti fir-rigward tal-iskrutinju u l-approvazzjoni ta’ dawk il-prospetti kif stipulat fl-Artikolu 20 u n-notifiki lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti kif stipulat fl-Artikolu 25:

(a)    il-prospetti mfassla minn kwalunkwe entità jew persuna ġuridika stabbilita fl-Unjoni u li jirrigwardjaw l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat ta’ titoli mhux ta’ ekwità li għandhom jiġu nnegozjati biss f’suq regolat, jew f’segment speċifiku tiegħu, li l-investituri kwalifikati jista’ jkollhom aċċess għalihom biss għall-finijiet tan-negozjar ta’ titoli bħal dawn;

(b)    il-prospetti mfassla minn kwalunkwe entità jew persuna ġuridika stabbilita fl-Unjoni u li jirrigwardjaw it-titoli garantiti b’assi;

(c)    il-prospetti mfassla mit-tipi ta’ kumpaniji li ġejjin stabbiliti fl-Unjoni:

(i) kumpaniji tal-proprjetà;

(ii) kumpaniji tal-minerali;

(iii) kumpaniji bbażati fuq ir-riċerka xjentifika;

(iv) kumpaniji marittimi.

(d)    il-prospetti mfassla minn emittenti minn pajjiżi terzi f’konformità mal-Artikolu 28 ta’ dan ir-Regolament.

Ir-referenzi għal ‘l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju’ f’dan ir-Regolament għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-ESMA fir-rigward ta’ kwalunkwe dispożizzjoni applikata għall-prospetti elenkati fl-ewwel subparagrafu.”;

(11)jiddaħħal Artikolu 34b ġdid:

“Artikolu 31b

Miżuri tranżitorji relatati mal-ESMA

1.    Il-prospetti elenkati fl-Artikolu 31a li ġew ippreżentati lil awtorità kompetenti għall-approvazzjoni qabel [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ] għandhom ikomplu jiġu ssorveljati minn dik l-awtorità kompetenti, inkluż, fejn applikabbli, fir-rigward ta’ kwalunkwe supplimenti u termini finali għalihom, sal-aħħar tal-validità tagħhom.

L-approvazzjoni mogħtija minn awtorità kompetenti għal dawk il-prospetti qabel [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ] għandha tibqa’ valida wara t-trasferiment tal-kompetenzi lill-ESMA msemmija fil-paragrafu 2.

Is-superviżjoni ta’ dawk il-prospetti, inkluż, fejn applikabbli, fir-rigward ta’ kwalunkwe supplimenti u termini finali għalihom, għandha tibqa’ soġġetta għar-regoli applikabbli fil-ħin tas-sottomissjoni lill-awtorità kompetenti.

2.    Il-kompetenzi u d-dmirijiet kollha relatati mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar tal-prospetti elenkati fl-Artikolu 31a u sottomessi għall-approvazzjoni minn [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ] għandhom jgħaddu f’idejn l-ESMA

.”

(12)L-Artikolu 32 jiġi emendat kif ġej:

(b)is-sentenza introduttorja tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiġi sostitwita b’din li ġejja:

“1.    Sabiex jaqdu dmirijiethom skont dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA għandu jkollhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, mill-inqas is-setgħat superviżorji u investigattivi li ġejjin:”;

(c)il-punt (j) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(j) li jissospendu l-iskrutinju tal-prospett sottomess għall-approvazzjoni jew jissospendu jew jirrestrinġu offerta ta’ titoli lill-pubbliku jew l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat fejn l-ESMA jew l-awtorità kompetenti tagħmel użu mis-setgħa li timponi projbizzjoni jew restrizzjoni skont l-Artikolu 40 jew 42 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sakemm tali projbizzjoni jew restrizzjoni tkun waqfet;”;

(d)it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Fejn meħtieġ skont il-liġi nazzjonali, l-awtorità kompetenti jew l-ESMA tista’ titlob lill-awtorità ġudizzjarja rilevanti sabiex tiddeċiedi dwar l-użu tas-setgħat imsemmija fl-ewwel subparagrafu.”;

(e)il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.    L-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet u s-setgħat tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1 bi kwalunkwe wieħed mill-modi li ġejjin:

(a)    direttament;

(b)    f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn jew mal-ESMA;

(c)    taħt ir-responsabbiltà tagħhom b’delega lil tali awtoritajiet jew lill-ESMA;

(d)    permezz ta’ applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.”

(f)il-paragrafu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5. Persuna li tagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-awtorità kompetenti jew għall-ESMA f’konformità ma’ dan ir-Regolament ma għandhiex titqies bħala li qed tikser xi restrizzjoni fuq id-divulgazzjoni tal-informazzjoni imposta b’kuntratt jew b’xi dispożizzjoni leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva, u ma għandha tkun soġġetta għal ebda tip ta’ responsabbiltà relatata ma’ tali notifika.”;

(13)it-tieni paragrafu tal-Artikolu 35 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.    L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għall-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-awtorità kompetenti, għall-ESMA jew għal kwalunkwe parti terza li lilha l-awtorità kompetenti jew l-ESMA tkun iddelegat is-setgħat tagħha. L-informazzjoni koperta mis-segretezza professjonali ma tista’ tiġi ddivulgata lill-ebda persuna jew awtorità oħra ħlief permezz tad-dispożizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali.”;

(14)l-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 38 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Sal-21 ta’ Lulju 2019, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw, fid-dettall, ir-regoli msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi lill-Kummissjoni u lill-ESMA. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA dwar kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom mingħajr dewmien.”;

(15)jiddaħħal il-kapitolu li ġej:

“KAPITOLU VIIIA

IS-SETGĦAT U L-KOMPETENZI TAL-ESMA

TAQSIMA 1

KOMPETENZI U PROĊEDURI

Artikolu 43a

Eżerċitar tas-setgħat mill-ESMA

Is-setgħat mogħtija lill-ESMA jew lil kwalunkwe uffiċjal tal-ESMA jew persuna oħra awtorizzata minnha skont l-Artikoli 43b sa 43d ma għandhomx jintużaw sabiex jesiġu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni jew dokumenti li huma soġġetti għal privileġġ legali.

Artikolu 43b

Talba għall-informazzjoni

1.    L-ESMA tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew b’deċiżjoni, titlob lill-persuni li ġejjin jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex hija tkun tista’ taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament:

(a)    l-emittenti, l-offerenti jew il-persuni li jitolbu ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat u l-persuni li jikkontrollawhom jew li huma kkontrollati minnhom;

(b)    il-maniġers tal-persuni msemmija taħt (a);

(c)    l-awdituri u l-konsulenti tal-persuni msemmija taħt (a);

(d)    l-intermedjarji finanzjarji kkummissjonati mill-persuni msemmija taħt (a) sabiex iwettqu l-offerta ta’ titoli lill-pubbliku jew jitolbu ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat.

(e)    il-garanti tat-titoli offruti lill-pubbliku jew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat.

2.    Kwalunkwe talba sempliċi għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha:

(a)    tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b)    tiddikjara l-iskop tat-talba;

(c)    tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d)    tinkludi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)    tinkludi dikjarazzjoni li ma hemm ebda obbligu fuq il-persuna li mingħandha tintalab l-informazzjoni sabiex tipprovdi dik l-informazzjoni, iżda li f’każ ta’ tweġiba volontarja għat-talba, l-informazzjoni pprovduta ma tridx tkun skorretta jew qarrieqa;

(f)    tindika l-ammont tal-multa li trid tinħareġ f’konformità mal-Artikolu 43f meta l-informazzjoni pprovduta tkun skorretta jew qarrieqa.

3.    Meta titlob il-forniment ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 1 b’deċiżjoni, l-ESMA għandha:

(a)    tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b)    tiddikjara l-iskop tat-talba;

(c)    tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d)    tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)    tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 43g meta l-produzzjoni tal-informazzjoni meħtieġa ma tkunx kompluta;

(f)    tindika l-multa prevista fl-Artikolu 43f, meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru ikunu skorretti jew qarrieqa;

(g)    tindika d-dritt għal appell tad-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell tal-ESMA u għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ("il-Qorti tal-Ġustizzja") f’konformità mal-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.    Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati sabiex jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom, għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba. L-avukati debitament awtorizzati sabiex jaġixxu jistgħu jfornu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli bis-sħiħ jekk l-informazzjoni fornuta tkun inkompleta, skorretta jew qarrieqa.

5.    L-ESMA għandha tibgħat mingħajr dewmien kopja tat-talba sempliċi jew tad-deċiżjoni tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huma domiċiljati jew stabbiliti l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ikkonċernati mit-talba għall-informazzjoni.

Artikolu 43c

Investigazzjonijiet ġenerali

1.    Sabiex taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq l-investigazzjonijiet meħtieġa tal-persuni msemmija fl-Artikolu 43b(1). Għal dak l-għan, l-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA għandu jkollhom is-setgħa li:

(a)    jeżaminaw kwalunkwe rekord, data, proċedura u kwalunkwe materjal ieħor rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, irrispettivament mill-mezz li jkunu maħżuna fuqu;

(b)    jieħdu jew jiksbu kopji ċċertifikati ta’, jew siltiet minn, tali rekords, data, proċeduri u materjal ieħor;

(c)    isejħu u jitolbu lil kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 43b(1) jew lir-rappreżentanti jew lill-membri tal-persunal tagħhom għal spjegazzjonijiet bil-fomm jew bil-miktub dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u sabiex jinżamm rekord tat-tweġibiet;

(d)    jintervistaw lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li tagħti l-kunsens sabiex tiġi intervistata għall-fini tal-ġbir ta’ informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni;

(e)    jitolbu rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data.

2.    L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA għall-finijiet tal-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom meta jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tindika wkoll il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 43g meta l-produzzjoni tar-rekords, tad-data u tal-proċeduri meħtieġa jew ta’ kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ, jew it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmija fl-Artikolu 43b(1) ma jiġux ipprovduti jew ma jkunux kompluti, kif ukoll il-multi previsti fl-Artikolu 43f, meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuna msemmija fl-Artikolu 43b(1) ikunu skorretti jew qarrieqa.

3.    Il-persuni msemmija fl-Artikolu 43b(1) huma mitluba jissottomettu ruħhom għal investigazzjonijiet imnedija abbażi ta’ deċiżjoni tal-ESMA. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni, il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 43g, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u d-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

3.    Fi żmien adatt qabel l-investigazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn trid titwettaq l-investigazzjoni dwar l-investigazzjoni u l-identità tal-persuni awtorizzati. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu lil dawk il-persuni awtorizzati fil-qadi ta’ dmirijiethom. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata jistgħu jattendu wkoll l-investigazzjonijiet jekk jintalbu jagħmlu dan.

5.    Jekk talba għal rekords tat-traffiku tat-telefon jew tad-data msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali skont il-liġi nazzjonali applikabbli, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tista’ ssir ukoll applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħal din bħala miżura ta’ prekawzjoni.

6.    Meta awtorità ġudizzjarja nazzjonali tirċievi applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ talba għar-rekords tat-telefon jew tat-traffiku tad-data msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1, dik l-awtorità għandha tivverifika dawn li ġejjin:

(a) id-deċiżjoni adottata mill-ESMA msemmija fil-paragrafu 3 hija awtentika;

(b) kwalunkwe miżura li trid tittieħed hija proporzjonata u mhux arbitrarja jew eċċessiva.

Għall-finijiet tal-punt (b), l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari relatati mar-raġunijiet li jkollha l-ESMA dwar suspett li seħħ ksur ta’ dan ir-Regolament u s-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrevedi l-ħtieġa għall-investigazzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fuq il-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 43d

Spezzjonijiet fuq il-post

1.    Sabiex taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq l-ispezzjonijiet fuq il-post kollha meħtieġa fi kwalunkwe bini tan-negozju tal-persuni msemmija fl-Artikolu 43b(1).

2.    L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA sabiex iwettqu spezzjoni fuq il-post jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini tan-negozju tal-persuni soġġetti għal deċiżjoni ta’ investigazzjoni adottata mill-ESMA u għandu jkollhom is-setgħat kollha stipulati fl-Artikolu 43c(1). Huma għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jissiġillaw kwalunkwe bini tan-negozju u l-kotba jew ir-reġistri għall-perjodu tal-ispezzjoni u safejn ikun meħtieġ.

3.    Fi żmien suffiċjenti qabel l-ispezzjoni, l-ESMA għandha tagħti avviż tal-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun trid titwettaq l-ispezzjoni. Meta t-twettiq u l-effiċjenza xierqa tal-ispezzjoni jkunu jirrikjedu dan, l-ESMA tista’, wara li tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti, twettaq l-ispezzjoni fuq il-post mingħajr notifika minn qabel. L-ispezzjonijiet f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jitwettqu sakemm l-awtorità rilevanti tkun ikkonfermat li hija ma toġġezzjonax għal dawk l-ispezzjonijiet.

4.    L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA sabiex iwettqu spezzjoni fuq il-post għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 43g meta l-persuni kkonċernati ma jissottomettux irwieħhom għall-ispezzjoni.

5.    Il-persuni msemmija fl-Artikolu 43b(1) għandhom jissottomettu rwieħhom għall-investigazzjonijiet fuq il-post ordnati b’deċiżjoni tal-ESMA. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, taħtar id-data meta din għandha tibda u tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 43g, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010, kif ukoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

6.    L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn għandha titwettaq l-ispezzjoni, kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura minnha, għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu b’mod attiv lill-uffiċjali u lil persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA. L-uffiċjali ta’ dik l-awtorità kompetenti jistgħu jattendu wkoll l-ispezzjonijiet fuq il-post wara li ssirilhom talba.

7.    L-ESMA tista’ tesiġi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jwettqu kompiti investigattivi speċifiċi u spezzjonijiet fuq il-post kif previst f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 43c(1) f’isimha. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom igawdu l-istess setgħat tal-ESMA kif stabbilit f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 43c(1).

8.    Meta l-uffiċjali u persuni oħrajn li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-ESMA jsibu li persuna topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tagħtihom l-assistenza meħtieġa, billi titlob, fejn xieraq, l-assistenza tal-pulizija jew ta’ awtorità tal-infurzar ekwivalenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom fuq il-post.

9.    Jekk l-ispezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew l-assistenza prevista fil-paragrafu 7 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali skont il-liġi nazzjonali applikabbli, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tista’ ssir ukoll applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħal din bħala miżura ta’ prekawzjoni.

10.    Meta awtorità ġudizzjarja nazzjonali tirċievi applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ spezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew l-assistenza prevista fil-paragrafu 7, dik l-awtorità għandha tivverifika dawn li ġejjin:

(a)    id-deċiżjoni adottata mill-ESMA msemmija fil-paragrafu 4 hija awtentika;

(b)    kwalunkwe miżura li trid tittieħed hija proporzjonata u mhux arbitrarja jew eċċessiva.

Għall-finijiet tal-punt (b), l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari relatati mar-raġunijiet li jkollha l-ESMA dwar suspett li seħħ ksur ta’ dan ir-Regolament u s-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrevedi l-ħtieġa għall-investigazzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fuq il-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

TAQSIMA 2

SANZJONIJIET AMMINISTRATTIVI U MIŻURI OĦRAJN

Artikolu 43e

Miżuri superviżorji mill-ESMA

1.    Meta, f’konformità mal-Artikolu 43i(5), l-ESMA ssib li persuna tkun wettqet wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fil-punt (a) tal-Artikolu 38(1), hija għandha tieħu waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)    tadotta deċiżjoni li titlob lill-persuna ttemm il-ksur;

(b)    tadotta deċiżjoni li timponi multi skont l-Artikolu 43f;

(c)    toħroġ avviżi pubbliċi.

2.    Meta tieħu l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha tqis in-natura u s-serjetà tal-ksur, filwaqt li tqis il-kriterji li ġejjin:

(a)    id-durata u l-frekwenza tal-ksur;

(b)    jekk ir-reat finanzjarju ġiex ikkawżat, iffaċilitat jew attribwit b’mod ieħor għall-ksur;

(c)    jekk il-ksur twettaqx intenzjonalment jew b’mod negliġenti.

(d)    il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(e)    is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli għall-ksur, kif indikat mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew l-introjtu annwali u l-assi netti tal-persuna fiżika responsabbli;

(f)    l-impatt tal-ksur fuq l-interessi tal-investituri fil-livell tal-konsum;

(g)    l-importanza tal-profitti miksuba, it-telf evitat mill-persuna responsabbli għall-ksur jew it-telf għall-partijiet terzi minħabba l-ksur, safejn dawn ikunu jistgħu jiġu stabbiliti;

(h)    il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ksur mal-ESMA, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;

(i)    il-ksur preċedenti mill-persuna responsabbli għall-ksur;

(j)    il-miżuri meħuda wara l-ksur mill-persuna responsabbli għall-ksur biex tiġi evitata r-repetizzjoni tiegħu.

3.    Mingħajr dewmien bla bżonn, l-ESMA għandha tinnotifika kwalunkwe azzjoni meħuda skont il-paragrafu 1 lill-persuna responsabbli għall-ksur u għandha tikkomunikaha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni. Hija għandha tiddivulga kwalunkwe azzjoni bħal din fuq is-sit web tagħha fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-data meta tkun ġiet adottata.

Id-divulgazzjoni lill-pubbliku msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(a)    dikjarazzjoni li tafferma d-dritt tal-persuna responsabbli għall-ksur li tappella d-deċiżjoni;

(b)    fejn rilevanti, dikjarazzjoni li tafferma li ġie ppreżentat appell u li tispeċifika li tali appell ma għandux effett sospensiv;

(c)    dikjarazzjoni li tasserixxi li huwa possibbli għall-Bord tal-Appell tal-ESMA li jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’konformità mal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 43f

Multi

1.    Meta, f’konformità mal-Artikolu 43i(5), l-ESMA ssib li kwalunkwe persuna wettqet, intenzjonalment jew b’mod negliġenti, wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fil-punt (a) tal-Artikolu 38(1), hija għandha tadotta deċiżjoni li timponi multa f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Ksur għandu jitqies bħala li twettaq intenzjonalment jekk l-ESMA ssib fatturi oġġettivi li juru li persuna aġixxiet deliberatament biex twettaq il-ksur.

2.    L-ammont massimu tal-multa msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun:

(i)    fil-każ ta’ persuna ġuridika, EUR 10 000 000, jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fl-20 ta’ Lulju 2017, jew 6 % tal-fatturat annwali totali ta’ dik il-persuna ġuridika skont l-aħħar rapporti finanzjarji disponibbli approvati mill-korp maniġerjali.

(ii)    fil-każ ta’ persuna fiżika, EUR 1 400 000, jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fl-20 ta’ Lulju 2017.

Għall-finijiet tal-punt (i), meta l-persuna ġuridika tkun impriża prinċipali jew sussidjarja ta’ impriża prinċipali li tintalab tħejji kontijiet finanzjarji konsolidati f’konformità mad-Direttiva 2013/34/UE, il-fatturat annwali totali rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali jew it-tip korrispondenti ta’ introjtu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni rilevanti fil-qasam tal-kontabbiltà skont l-aħħar kontijiet konsolidati disponibbli approvati mill-korp maniġerjali tal-impriża prinċipali aħħarija.

3.    Meta tiġi biex tiddetermina l-livell ta’ multa skont il-paragrafu 1, l-ESMA għandha tqis il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 43e(2).

4.    Minkejja l-paragrafu 3, meta persuna tkun ibbenifikat finanzjarjament mill-ksur, direttament jew indirettament, l-ammont tal-multa għandu jkun mill-inqas ugwali għal dak il-benefiċċju.

5.    Meta att jew ommissjoni ta’ persuna jikkostitwixxu aktar minn wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fil-punt (a) tal-Artikolu 38(1), għandha tapplika biss l-ogħla multa kkalkolata f’konformità mal-paragrafu 3 u relatata ma’ wieħed minn dawk it-tipi ta’ ksur.

Artikolu 43g

Ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1.    L-ESMA għandha, permezz ta’ deċiżjoni, timponi ħlasijiet perjodiċi ta’ penali sabiex iġġiegħel:

(a)    persuna ttemm ksur f’konformità ma’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 43e(1)(a);

(b)    persuna msemmija fl-Artikolu 43b(1):

(i)    tipprovdi informazzjoni kompleta li tkun intalbet permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 43b;

(ii)    tissottometti ruħha għal investigazzjoni u, b’mod partikolari, tipproduċi rekords, data u proċeduri kompluti jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ u timla u tikkoreġi informazzjoni oħra pprovduta f’investigazzjoni mnedija permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 43c;

(iii)    tissottometti ruħha għal spezzjoni fuq il-post ordnata permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 43d.

2.    Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jkun effettiv u proporzjonat. Il-ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal kull jum ta’ dewmien.

3.    Minkejja l-paragrafu 2, l-ammont tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandu jkun 3 % tal-fatturat medju ta’ kuljum fis-sena finanzjarja preċedenti, jew, fil-każ ta’ persuni fiżiċi, 2 % tal-introjtu medju ta’ kuljum fis-sena kalendarja preċedenti. Huwa għandu jiġi kkalkolat mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-ħlas perjodiku ta’ penali.

4.    Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal perjodu massimu ta’ sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-ESMA. Wara t-tmiem tal-perjodu, l-ESMA għandha tirrevedi l-miżura.

Artikolu 43h

Id-divulgazzjoni, in-natura, l-infurzar u l-allokazzjoni tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1.    L-ESMA għandha tiddivulga lill-pubbliku kull multa u ħlas perjodiku ta’ penali li jkunu ġew imposti skont l-Artikoli 43f u 43g, sakemm tali divulgazzjoni lill-pubbliku ma tipperikolax serjament is-swieq finanzjarji jew sakemm ma tikkawżax dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti.

2.    Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 43f u 43g għandhom ikunu ta’ natura amministrattiva.

3.    Meta l-ESMA tiddeċiedi li ma timponi ebda multa jew ħlas ta’ penali, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati u tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

4.    Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 43f u 43g għandhom ikunu infurzabbli.

L-infurzar għandu jkun irregolat mir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz li fih jitwettaq.

5.    L-ammonti tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandhom jiġu allokati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

TAQSIMA 3

PROĊEDURI U RIEŻAMI

Artikolu 43i

Regoli proċedurali sabiex jittieħdu miżuri superviżorji u jiġu imposti multi

1.    Meta, fil-qadi ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fil-punt (a) tal-Artikolu 38(1), hija għandha taħtar uffiċjal indipendenti tal-investigazzjoni fi ħdan l-ESMA sabiex jinvestiga l-kwistjoni. L-uffiċjal maħtur ma għandux jiġi involut jew ikun ġie involut, direttament jew indirettament, fl-approvazzjoni tal-prospett li miegħu jkun relatat il-ksur u għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu indipendentement mill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

2.    L-uffiċjal tal-investigazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinvestiga l-allegat ksur, filwaqt li jikkunsidra kwalunkwe kumment sottomess mill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet, u għandu jissottometti fajl komplut bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

3.    Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jitlob informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 43b u li jwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 43c u 43d.

4.    Meta jwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha miġbura mill-ESMA fl-attivitajiet superviżorji tagħha.

5.    Meta jlesti l-investigazzjoni tiegħu u qabel jippreżenta l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jagħti lill-persuni soġġetti għall-investigazzjoni l-opportunità li jinstemgħu dwar il-kwistjonijiet li jkunu qegħdin jiġu investigati. L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jibbaża s-sejbiet tiegħu biss fuq fatti li l-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jikkummentaw dwarhom.

6.    Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ matul l-investigazzjonijiet skont dan l-Artikolu.

7.    Meta jippreżenta l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinnotifika lill-persuni li huma soġġetti għall-investigazzjonijiet. Il-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali li taffettwa lil partijiet terzi.

8.    Abbażi tal-fajl li jkun fih is-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni u, meta tintalab mill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet, wara li tkun semgħet lil dawk il-persuni f’konformità mal-Artikolu 43j, l-ESMA għandha tiddeċiedi jekk wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fil-punt (a) tal-Artikolu 38(1) ikunux twettqu mill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet u, f’każ bħal dan, għandha tieħu miżura superviżorja f’konformità mal-Artikolu 43e u timponi multa f’konformità mal-Artikolu 43f.

9.    L-uffiċjal tal-investigazzjoni ma għandux jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA jew jintervjeni bi kwalunkwe mod ieħor fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

10.    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 sabiex tispeċifika r-regoli ta’ proċedura sabiex tiġi eżerċitata s-setgħa li jiġu imposti multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ difiża, dispożizzjonijiet temporali u l-ġbir ta’ multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, kif ukoll il-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali.

11.    L-ESMA għandha tirreferi kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali lill-awtoritjiet nazzjonali rilevanti meta, fil-qadi ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, hija ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jkunu jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali. Barra minn hekk, l-ESMA għandha żżomm lura milli timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali meta tkun diġà ngħatat il-liberazzjoni mill-akkuża jew kundanna, li tirriżulta minn fatt identiku jew fatti li jkunu sostanzjalment l-istess li diġà ngħataw il-forza ta' res judicata bħala riżultat ta' proċedimenti kriminali skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 43j

Smigħ tal-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet

1.    Qabel tieħu kwalunkwe deċiżjoni skont l-Artikoli 43e, 43f u 43g, l-ESMA għandha tagħti lill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet l-opportunità li jinstemgħu dwar is-sejbiet tagħha. L-ESMA għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq sejbiet li dwarhom il-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet kellhom l-opportunità li jikkummentaw.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika jekk tkun meħtieġa azzjoni urġenti skont l-Artikolu 43e sabiex ma titħalliex li ssir ħsara sinifikanti u imminenti lis-sistema finanzjarja. F’każ bħal dan, l-ESMA tista’ tadotta deċiżjoni interim u għandha tagħti lill-persuni kkonċernati l-opportunità li jinstemgħu malajr kemm jista’ jkun wara li tieħu d-deċiżjoni tagħha.

2.    Id-drittijiet ta’ difiża tal-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ fl-investigazzjonijiet. Dawn għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-ESMA, soġġetti għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-ESMA.

Artikolu 43k

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni bla limitu sabiex tirrevedi d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-ESMA tkun imponiet multa jew ħlas perjodiku ta’ penali. Hija tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas perjodiku ta’ penali imposti.

TAQSIMA 4

TARIFFI U DELEGA

Artikolu 43l

Tariffi superviżorji

1.    L-ESMA għandha titlob tariffi lill-emittenti, lill-offerenti jew lill-persuni li jitolbu għal ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat f’konformità ma’ dan ir-Regolament u f’konformità mal-atti delegati adottati skont il-paragrafu 3. Dawk it-tariffi għandhom ikopru b’mod sħiħ in-nefqa meħtieġa tal-ESMA li tirrigwardja l-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-prospetti, inklużi s-supplimenti għalihom, u n-notifika tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti, kif ukoll ir-rimborż ta’ kwalunkwe kostijiet li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jġarrbu fit-twettiq ta’ ħidmiethom skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega tal-kompiti f’konformità mal-Artikolu 43m.

2.    L-ammont ta’ tariffa individwali mitluba lil emittent, offerent jew persuna partikolari li jitolbu għal ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat għandu jkopri l-kostijiet amministrattivi kollha mġarrba mill-ESMA għall-attivitajiet tagħha fir-rigward tal-prospett, inklużi s-supplimenti għalih, imfassla minn tali emittent, offerent jew persuna li jitolbu għal ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat. Huwa għandu jkun proporzjonat għall-fatturat tal-emittent, tal-offerent jew tal-persuna li jitolbu għal ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat.

3.    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 sabiex tispeċifika t-tip ta’ tariffi, il-materji li għalihom huma dovuti t-tariffi, l-ammont tat-tariffi u l-mod kif għandhom jitħallsu.

Artikolu 43m

Id-delega ta’ kompiti mill-ESMA lill-awtoritajiet kompetenti

1.    Fejn meħtieġ għat-twettiq xieraq ta’ kompitu superviżorju, l-ESMA tista’ tiddelega kompiti superviżorji speċifiċi lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru f’konformità mal-linji gwida maħruġa mill-ESMA skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 1095/2010. Tali kompiti superviżorji speċifiċi jistgħu, b’mod partikolari, jinkludu s-setgħa li jitwettqu talbiet għal informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 43b u li jitwettqu investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 43c u 43d.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, l-iskrutinju, l-approvazzjoni u n-notifika tal-prospetti, inklużi s-supplimenti għalihom, il-valutazzjonijiet finali u d-deċiżjonijiet ta’ segwitu li jikkonċernaw il-ksur ma għandhomx jiġu ddelegati.

2.    Qabel tiddelega kompitu f’konformità mal-paragrafu 1, l-ESMA għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti rilevanti dwar:

(a)    il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompitu li jrid jiġi ddelegat;

(b)    l-iskeda ta’ żmien għat-twettiq tal-kompitu; u

(c)    it-trażmissjoni tal-informazzjoni meħtieġa mill-ESMA u lilha.

3.    L-ESMA għandha tirrimborża lil awtorità kompetenti għall-kostijiet imġarrba bħala riżultat tat-twettiq tal-kompiti ddelegati f’konformità mal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 43l(3).

4.    L-ESMA għandha tirrevedi kwalunkwe delega magħmula f’konformità mal-paragrafu 1 f’intervalli xierqa. Delega tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin.

5.    Delega tal-kompiti ma għandhiex taffettwa r-responsabbiltà tal-ESMA u ma għandhiex tillimita l- kapaċità tal-ESMA li twettaq u tissorvelja l-attività ddelegata.”

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet tranżitorji

4.Artikolu 1. Il-proċedura għall-ħatra tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandha tiġi ppubblikata wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikoli 1, 2 u 3. Sakemm il-membri kollha tal-Bord Eżekuttiv jibdew jaqdu dmirijiethom, il-Bord tas-Superviżuri u l-Bord tat-Tmexxija għandhom ikomplu jwettqu l-kompiti tagħhom.

5.Il-Presidenti maħtura qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikoli 1, 2 u 3 għandhom ikomplu jwettqu l-kompiti u d-dmirijiet tagħhom sal-aħħar tal-mandat tagħhom. Il-Presidenti li jridu jinħatru wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikoli 1, 2 u 3 għandhom jintgħażlu u jinħatru f’konformità mal-proċedura tal-ħatra l-ġdida.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu jibda japplika minn [24 xahar wara d-dħul fis-seħħ]

L-Artikoli 1, 2 u 3 għandhom jibdew japplikaw minn [PO: jekk jogħġbok daħħal id-data ta' 3 xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ]. Madankollu, il-punt [l-Artikolu 62] tal-Artikolu 1, il-punt [l-Artikolu 62] tal-Artikolu 2 u l-punt [l-Artikolu 62] tal-Artikolu 3 għandhom jibdew japplikaw mill-1 ta’ Jannar [PO: jekk jogħġbok daħħal id-data tal-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

Dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva – ‘Aġenziji’

1.QAFAS TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

1.1.Titolu tal-proposta/inizjattiva

1.2.Il-qasam/l-oqsma tal-politika kkonċernat(i)

1.3.In-natura tal-proposta/inizjattiva:

1.4.Objettiv(i)

1.5.Ir-raġunijiet għall-proposta/inizjattiva

1.6.Id-durata u l-impatt finanzjarju

1.7.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i)

2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI

2.1.Regoli dwar il-monitoraġġ u r-rapportar

2.2.Sistema ta’ ġestjoni u kontroll

2.3.Miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi u l-irregolaritajiet

3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarji tan-nefqa affettwati

3.2.L-impatt stmat fuq in-nefqa

3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa

3.2.2.L-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet [tal-korp]

3.2.3.L-impatt stmat fuq ir-riżorsi umani [tal-korp]

3.2.4.Il-kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali

3.2.5.Kontribuzzjonijiet minn partijiet terzi

3.3.L-impatt stmat fuq id-dħul

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

1.QAFAS TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

1.1.Titolu tal-proposta/inizjattiva

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda:

- ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea),

- ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol),

- ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq),

u li jemenda:

ir-Regolament (UE) Nru 2015/760 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil;

ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju;

ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej; ir-Regolament Emendatorju (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji;

id-Direttiva 2014/65/UE dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji;

ir-Regolament (UE) Nru 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment;

ir-Regolament (UE) 2017/1129 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat;

id-Direttiva 2009/138/KE dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II)

1.2.Il-qasam/l-oqsma tal-politika kkonċernat(i)

Qasam ta’ politika: L-istabbiltà finanzjarja, is-servizzi finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali

Attività: Stabbiltà finanzjarja

1.3.In-natura tal-proposta/inizjattiva

 Il-proposta/l-inizjattiva tirrigwardja azzjoni ġdida

 Il-proposta/l-inizjattiva tirrigwardja azzjoni ġdida b’segwitu għal proġett pilota/azzjoni preparatorja 39  

 Il-proposta/l-inizjattiva tirrigwardja l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti 

 Il-proposta/l-inizjattiva tirrigwardja azzjoni ridiretta lejn azzjoni ġdida 

1.4.Objettiv(i)

1.4.1.L-objettiv(i) strateġiku/strateġiċi pluriennali tal-Kummissjoni fil-mira tal-proposta/inizjattiva

Il-kontribuzzjoni għal suq intern aktar ġust u profond b’bażi industrijali msaħħa

1.4.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi

Objettiv speċifiku Nru

2.5 Il-qafas regolatorju finanzjarju jiġi evalwat, implimentat kif xieraq u infurzat madwar l-UE

1.4.3.Ir-riżultat(i) u l-impatt mistennija

Speċifika l-effetti li għandu jkollha l-proposta/inizjattiva fuq il-benefiċjarji/gruppi fil-mira.

L-ASE se jiżguraw konverġenza superviżorja akbar b’dimensjoni tal-UE msaħħa. Konverġenza superviżorja msaħħa għandha l-potenzjal li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għall-entitajiet issorveljati kollha u sinerġiji addizzjonali fit-tnaqqis tal-kostijiet ta’ konformità għal dawk transfruntieri, filwaqt li tissalvagwardja s-sistema minn arbitraġġ regolatorju mill-parteċipanti fis-suq.

L-ASE se jkunu f’pożizzjoni li jikkoordinaw l-awtoritajiet nazzjonali aħjar u li jeżerċitaw, fejn xieraq, superviżjoni diretta. Dan ir-rwol imsaħħaħ tal-ASE jista’ jkompli jsaħħaħ l-integrazzjoni tas-suq billi jiffaċilita n-negozju transfruntier.

It-tisħiħ tal-konverġenza superviżorja u l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni madwar is-suq uniku b’mekkaniżmu uniformi għall-iffissar tat-tariffi jippermettu lill-ASE jiġbru fondi (taħt mekkaniżmu ċar u trasparenti li jirrispetta l-prinċipju tat-trattament indaqs) sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw il-kompiti u l-mandati attwali u futuri tagħhom b’mod sħiħ. Fl-aħħar mill-aħħar, minn eżitu bħal dan jibbenifikaw il-parteċipanti kollha fis-suq.

1.4.4.Indikaturi tar-riżultati u tal-impatt

Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proposta/inizjattiva.

Indikaturi possibbli:

   L-għadd ta’ standards tekniċi adottati relattivi ma’ dawk li jenħtieġ li jiġu żviluppati

   L-għadd ta’ standards tekniċi abbozzati sottomessi lill-Kummissjoni għal approvazzjoni sal-iskadenzi

   L-għadd ta’ standards tekniċi proposti iżda rrifjutati mill-Kummissjoni

   L-għadd ta’ rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti adottati relattivi ma’ dawk li jenħtieġ li jiġu żviluppati

   L-għadd ta’ talbiet għal spjegazzjoni mill-AK

   L-għadd ta’ investigazzjonijiet ta’ ksur tal-liġi tal-UE magħluqa b’suċċess

   Id-durata medja ta’ investigazzjoni ta’ ksur tal-liġi tal-UE

   L-għadd ta’ twissijiet dwar ksur manifest tal-liġi tal-UE

   L-għadd ta’ medjazzjonijiet b’suċċess mingħajr riżoluzzjoni vinkolanti

   L-għadd ta’ kulleġġi bil-parteċipazzjoni tal-EBA / tal-EIOPA / tal-ESMA

   L-għadd ta’ laqgħat bilaterali mal-AK

   L-għadd ta’ spezzjonijiet konġunti fuq il-post

   L-għadd ta’ sigħat ta’ taħriġ għas-superviżuri

   L-għadd ta’ membri tal-persunal li jipparteċipaw fi skambji / sekondamenti

   L-għadd ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari mwettqa

   L-għadd ta’ ostakoli għall-konverġenza identifikati u mneħħija

   Għodod u strumenti prattiċi ġodda sabiex jippromwovu l-konverġenza

   L-għadd ta’ inizjattivi dwar il-litteriżmu finanzjarju u l-edukazzjoni

   L-għadd ta’ studji analitiċi ppubblikati

   L-għadd ta’ spezzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet iddedikati

   L-għadd ta’ laqgħat ma’ entitajiet issorveljati

   L-għadd ta’ lmenti / appelli minn kumpaniji ssorveljati

   L-għadd ta’ deċiżjonijiet formali adottati li jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza

   L-għadd ta’ bażijiet ta’ data ppopolati

   L-għadd ta’ testijiet tal-istress jew eżerċizzji ekwivalenti mwettqa

   Il-proporzjon tal-baġit finali propost kontra dak adottat (għal kull sena)

1.5.Ir-raġunijiet għall-proposta/inizjattiva

1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fi żmien qasir jew twil

Din il-proposta għandha tindirizza l-isfidi li ġejjin:

1) Setgħat: Filwaqt li r-regolamentazzjoni armonizzata permezz tal-Ġabra Unika tar-Regoli hija importanti għas-Suq Uniku, hija mhijiex biżżejjed. It-tħaddin ta’ approċċ koerenti għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE huwa daqstant ieħor importanti sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku u jitnaqqsu r-riskji tal-arbitraġġ regolatorju u tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-ASE jkunu mgħammra sabiex jippromwovu l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-UE u l-istandards superviżorji komuni effettivi madwar l-UE permezz ta’ miżuri ta’ konverġenza superviżorja u superviżjoni diretta f’ċerti oqsma. Dan huwa partikolarment il-każ għall-ESMA fil-kuntest tas-CMU. Huwa għalhekk li l-proposta leġiżlattiva għandha l-għan li tagħti setgħat ġodda sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni tas-suq (għall-ESMA) u li ssaħħaħ jew tikkjarifika s-setgħat eżistenti stabbiliti fir-Regolamenti dwar l-ASE.

2) Governanza: Il-problema ewlenija bl-istruttura tal-governanza attwali hija l-konfigurazzjoni tal-Bord tas-Superviżuri u l-Bord tat-Tmexxija, li ma twassalx biżżejjed għall-promozzjoni tal-interessi tal-UE fit-teħid tad-deċiżjonijiet u li timpedixxi lill-ASE milli jeżerċitaw il-mandati tagħhom b’mod sħiħ billi jiddiżinċentivaw l-użu ta’ ċerti għodod eżistenti. Il-problema tinsab fil-fatt li l-Bordijiet tat-Tmexxija u l-Bordijiet tas-Superviżuri tal-ASE huma prinċipalment magħmula minn rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li huma wkoll l-uniċi li għandhom drittijiet tal-vot (ħlief għall-Kummissjoni meta tivvota fuq il-baġit f’kull wieħed mill-Bordijiet tat-Tmexxija). Din toħloq kunflitti ta’ interess. Barra minn hekk, ir-rwol u s-setgħat tal-presidenti huma wkoll limitati ħafna u huma jinħatru mill-Bordijiet tas-Superviżuri, li jnaqqas l-awtorità u l-indipendenza tagħhom. Barra minn hekk, il-Bordijiet tas-Superviżuri huma mgħobbija żżejjed, filwaqt li l-Bordijiet tat-Tmexxija għandhom kompiti aktar limitati, li ma jippermettix li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’ħeffa. Barra minn hekk, l-istruttura tal-governanza għandha impatt fuq l-inċentivi tal-ASE sabiex jużaw ċerti għodod, bħal medjazzjoni vinkolanti, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari, it-tnedija tal-ksur tal-proċeduri tal-liġi tal-UE jew l-adozzjoni tar-rapporti ta’ segwitu.

3) Finanzjament: Reviżjoni tas-sistema ta’ finanzjament attwali se tkun meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-operazzjonijiet effettivi tal-ASE u qsim ġust tal-kost tal-operazzjonijiet tagħhom. Billi l-proposta leġiżlattiva għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rwol tal-ASE fis-superviżjoni, se jkun meħtieġ li l-finanzjament jiġi aġġustat (l-aktar probabbli ’l fuq) f’ambjent fejn kemm il-baġits tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali jinsabu taħt tensjoni. Minbarra hekk, finanzjament pubbliku kollu għall-ASE jimplika li qegħdin jitħallsu l-flus pubbliċi għal servizz li huwa mmirat għal parti speċifika mis-settur privat. Allokazzjoni aktar effiċjenti u ġusta tal-kostijiet tal-ASE lill-atturi ekonomiċi tkun possibbli permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju “allokazzjoni skont il-kawża” u l-iżgurar ta’ mill-inqas finanzjament parzjali minn dik l-industrija. Fl-aħħar nett, is-sistema attwali mhijiex ġusta għal kollox għal xi awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jipprovdu sehem sproporzjonat ta’ finanzjament imqabbel mad-daqs tas-settur fl-Istati Membri rispettivi tagħhom.

1.5.2.Il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. gwadanji mill-koordinazzjoni, ċertezza tad-dritt, effettività akbar jew komplimentarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, ‘il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni’ huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li huwa addizzjonali għall-valur li altrimenti kien jinħoloq mill-Istati Membri weħidhom.

Raġunijiet għall-azzjoni fil-livell Ewropew (ex ante)

L-evalwazzjoni tal-2017 turi li l-azzjoni tal-UE hija ġustifikata u neċessarja sabiex jiġu indirizzati l-problemi identifikati fil-qasam tas-setgħat disponibbli għall-ASE, il-qafas ta’ governanza tagħhom u l-qafas ta’ finanzjament tagħhom. Kwalunkwe azzjoni f’dan ir-rigward se tkun teħtieġ emendi għar-Regolamenti dwar l-ASE. L-ASE huma korpi tal-Unjoni li s-setgħat u l-operat tagħhom jistgħu jiġu emendati biss mil-leġiżlatur tal-Unjoni – f’dan il-każ abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE.

Valur miżjud tal-Unjoni li mistenni jiġi ġġenerat (ex post)

Bil-ħolqien tal-ASE, kien rikonoxxut li kienet meħtieġa sistema superviżorja fil-livell tal-UE sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri u jissaħħu b’mod sostenibbli l-istabbiltà u l-effettività tas-sistema finanzjarja madwar l-UE kollha. Dawn l-objettivi jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni.

Il-partijiet ikkonċernati jaqblu li l-ASE kkontribwixxew b’mod sinifikanti għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni u tal-kooperazzjoni fost is-superviżjonijiet nazzjonali u kellhom irwol ewlieni fl-iżgurar li s-swieq finanzjarji madwar l-UE qegħdin jiffunzjonaw kif suppost, huma rregolati u ssorveljati sewwa, kif ukoll li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi.

Il-ħtieġa għall-ASE u għall-kontribuzzjoni tagħhom għal superviżjoni effettiva madwar l-UE se tkun saħansitra aktar importanti fid-dawl tal-interkonnettività dejjem tiżdied tas-swieq finanzjarji, kemm fl-UE kif ukoll madwar id-dinja. L-ASE se jkunu fil-qalba tal-isforzi sabiex tinbena Unjoni tas-Swieq tal-Kapital (“CMU”) minħabba r-rwol ċentrali li huma għandhom fil-promozzjoni tal-integrazzjoni tas-suq u fil-ħolqien ta’ opportunitajiet tas-suq uniku għall-entitajiet finanzjarji u l-investituri.

Ir-ritorn lejn qafas superviżorju fuq bażi nazzjonali abbażi tal-prinċipju tal-kontroll tal-pajjiż ta’ oriġini flimkien ma’ standards prudenzjali minimi u rikonoxximent reċiproku sempliċiment ma jwassalx sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet urġenti tal-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq finanzjarji tal-UE u, b’mod partikolari, tal-qafas tas-swieq kapitali. Dan ikollu konsegwenza negattiva fuq l-abbiltà tal-UE li ssaħħaħ l-investimenti ta’ terminu twil u toħloq sorsi ta’ finanzjament għan-negozji tal-UE, li huma elementi neċessarji sabiex tissaħħaħ l-ekonomija tal-UE u jiġi stimolat l-investiment għall-ħolqien tal-impjiegi.

1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi

It-tliet ASE bdew joperaw bħala aġenziji indipendenti tal-UE f’Jannar 2011 skont ir-Regolamenti dwar l-ASE tal-2010.

Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-operazzjonijiet tal-ASE fl-2014. F’dak iż-żmien, hija kkonkludiet li l-ASE kienu sejrin tajjeb, madankollu, hija identifikat erba’ oqsma fejn għadd ta’ kwistjonijiet setgħu jitqiesu li kellhom lok għal titjib: (1) il-qafas tal-finanzjament (is-sostituzzjoni tal-qafas attwali); (2) is-setgħat (pereżempju, enfasi akbar fuq il-konverġenza superviżorja, użu aktar effettiv tas-setgħat eżistenti u kjarifiki tal-mandati attwali u estensjonijiet possibbli għalihom); (3) il-governanza (pereżempju, governanza interna mtejba sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu fl-interess tal-UE kollha kemm hi); u (4) l-arkitettura superviżorja (valutazzjoni tal-bidliet strutturali, bħall-fużjoni tal-awtoritajiet f’korp wieħed u sede waħda jew l-introduzzjoni ta’ approċċ b’żewġ qċaċet).

F’Ottubru 2013, il-Parlament Ewropew wettaq ukoll rieżami tal-ASE. Uħud mill-konklużjonijiet kienu simili għal dawk tal-Kummissjoni f’termini tal-prestazzjoni tal-ASE, inkluż dwar il-fatt li l-perjodu ta’ osservazzjoni kien qasir ħafna. Ir-rapport tal-Parlament kien fih lista dettaljata ta’ punti li jirrikjedu titjib, li wħud minnhom jirrikjedu bidliet leġiżlattivi. Barra minn hekk, fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Marzu 2014 dwar ir-rieżami tas-SESF, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tissottometti proposti leġiżlattivi ġodda għar-reviżjoni tal-ASE f’oqsma li jinkludu l-governanza, ir-rappreżentanza, il-kooperazzjoni u l-konverġenza superviżorja u t-tisħiħ tas-setgħat.

F’Novembru 2014, il-Kunsill ikkonkluda li għandhom jiġu kkunsidrati adattamenti mmirati sabiex jittejbu l-prestazzjoni, il-governanza u l-finanzjament tal-ASE.

F’din il-proposta leġiżlattiva, ingħatat kunsiderazzjoni lill-kwistjonijiet imqajma fl-evalwazzjonijiet preċedenti u l-pretensjonijiet tal-partijiet ikkonċernati (inklużi dawk magħmula fil-kuntest tas-sejħa għall-evidenza tal-Kummissjoni u tas-CMU). Madankollu, ingħatat kunsiderazzjoni partikolari lill-evalwazzjoni li ġiet konkluża matul ir-rebbiegħa tal-2017, li kkonkludiet li, b’mod ġenerali, l-ASE laħqu l-objettivi attwali tagħhom u li l-arkitettura superviżorja settorjali attwali tal-ASE hija xierqa. Madankollu, ġie rrakkomandat titjib immirat sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi futuri, b’mod partikolari fir-rigward tat-tisħiħ tas-setgħat tal-ASE, tal-qafas ta’ governanza u tal-qafas ta’ finanzjament.

1.5.4.Il-kompatibbiltà u s-sinerġija possibbli ma’ strumenti xierqa oħrajn

L-objettivi ta’ din il-proposta huma konsistenti ma’ għadd ta’ politiki oħrajn tal-UE u inizjattivi li għaddejjin bħalissa li għandhom l-għan li: (i) jiżviluppaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (“UEM”); (ii) jiżviluppaw is-CMU; (iii) itejbu l-effiċjenza u l-effettività tas-superviżjoni fil-livell tal-UE, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha.

L-ewwel nett, din il-proposta hija koerenti mal-UEM. Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar l-Ikkompletar tal-UEM tal-Ewropa enfasizza li l-integrazzjoni aktar mill-qrib tas-swieq kapitali u t-tneħħija gradwali tal-ostakoli nazzjonali li fadal jistgħu joħolqu riskji ġodda għall-istabbiltà finanzjarja. Skont dan ir-rapport, se jkun meħtieġ li jiġi estiż u msaħħaħ il-qafas superviżorju sabiex tiġi żgurata s-solidità tal-atturi finanzjarji kollha. Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti kkonkluda li, fl-aħħar mill-aħħar, din is-sitwazzjoni għandha twassal għal Superviżur Uniku tas-Swieq Kapitali Ewropej. Barra minn hekk, id-Dokument ta’ Riflessjoni riċenti dwar l-approfondiment tal-UEM enfasizza li: ‘Qafas superviżorju aktar integrat li jiżgura l-implimentazzjoni komuni tar-regoli għas-settur finanzjarju u infurzar superviżorju aktar ċentralizzat huwa kruċjali’.  Filwaqt li l-proposta leġiżlattiva ma timpenjax ruħha li toħloq superviżur uniku għas-swieq tal-kapital, din il-proposta għandha l-għan li ssaħħaħ il-qafas superviżorju. Hija tipprevedi wkoll it-trasferiment ta’ xi responsabbiltajiet superviżorji (bħall-approvazzjoni ta’ xi prospetti tal-UE, amministraturi ta’ parametri referenzjarji, fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data, xi fondi tal-UE) għal-livell tal-UE u, b’mod partikolari, lill-ESMA.

It-tieni nett, din il-proposta hija koerenti mal-proġett tas-CMU. Permezz tal-promozzjoni ta’ mezzi ta’ finanzjament aktar diversi, is-CMU se tgħin sabiex tiżdied ir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja tal-UE. Fl-istess ħin, jeħtieġ li noqogħdu attenti għar-riskji finanzjarji li jirriżultaw fis-swieq tal-kapital. Għalhekk, il-kwalità tal-qafas superviżorju hija element neċessarju għal swieq tal-kapital integrati u li jiffunzjonaw tajjeb. Il-proposta leġiżlattiva għandha tiżgura li l-ġabra unika tar-regoli tiġi implimentata b’mod uniformi madwar is-Suq Uniku. Għalhekk, entitajiet finanzjarji b’daqs tan-negozju u profili ta’ riskju simili għandhom ikunu soġġetti għall-istess standard ta’ superviżjoni, irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu fl-UE u sabiex ikun evitat l-arbitraġġ regolatorju.

It-tielet nett, il-proposta hija koerenti mal-objettiv ġenerali tat-titjib tal-effiċjenza u tal-effettività tas-superviżjoni fil-livell tal-UE, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha. Fis-snin riċenti, l-UE daħħlet fis-seħħ firxa ta’ riformi sabiex tagħmel is-setturi tas-swieq tal-kapital, tal-assigurazzjoni u dak bankarju aktar trasparenti, irregolati tajjeb u robusti. Billi tikkjarifika xi setgħat mogħtija lill-ASE (bħal soluzzjonijiet tat-tilwim, evalwazzjonijiet indipendenti) u billi timmodifika l-istruttura ta’ governanza ta’ dawk l-aġenziji, il-proposta se twassal għal superviżjoni mtejba ġewwa l-UE. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-UE inkorporat dejjem aktar ir-‘reġimi ta’ pajjiżi terzi’, li tippermetti lil ditti mhux mill-UE jiksbu aċċess għall-UE, ġeneralment bil-kundizzjoni li jkunu awtorizzati fi Stat li għandu reġim regolatorju ekwivalenti għal dik fl-UE u li jipprovdi mekkaniżmu reċiproku effettiv li joffri aċċess għad-ditti tal-UE. Il-proposta leġiżlattiva tiddikjara b’mod aktar ċar li l-ASE jistgħu jgħinu lill-Kummissjoni bil-monitoraġġ tal-iżviluppi ta’ pajjiżi terzi (jiġifieri l-iżviluppi regolatorji, superviżorji u tas-suq f’pajjiżi terzi, kif ukoll ir-rekord superviżorju tal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi) f’ġurisdizzjonijiet soġġetti għal deċiżjoni dwar l-ekwivalenza pożittiva mill-Kummissjoni. L-iskop ta’ dan il-monitoraġġ huwa li jiżgura li l-kundizzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza jkomplu jiġu ssodisfati fuq bażi kontinwa, b’enfasi partikolari fuq l-iżviluppi ta’ pajjiżi terzi li jistgħu jħallu impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha.

Ir-raba’ nett, din il-proposta leġiżlattiva hija konformi wkoll mal-proposta riċenti tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni tal-Kontropartijiet Ċentrali (“CCPs”) u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent tas-CCPs ta’ pajjiżi terzi 40 . Il-proposta tas-CCP tintroduċi approċċ aktar pan-Ewropew għas-superviżjoni tas-CCPs tal-UE. Se jiġi stabbilit mekkaniżmu superviżorju maħluq ġdid fi ħdan l-ESMA, li se jkun responsabbli sabiex jiżgura superviżjoni aktar koerenti u konsistenti tas-CCPs tal-UE, kif ukoll superviżjoni aktar robusta tas-CCPs f’pajjiżi mhux tal-UE, jew "pajjiżi terzi".

1.6.Id-durata u l-impatt finanzjarju

 Proposta/inizjattiva ta’ durata limitata

   Proposta/inizjattiva b’effett minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS

   Impatt finanzjarju mill-SSSS sal-SSSS

 Proposta/inizjattiva ta’ durata mhux limitata

Implimentazzjoni b’perjodu ta’ bidu mill-2019 sal-2020,

segwita minn operazzjoni fuq skala sħiħa.

1.7.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i) 41  

 Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni permezz ta’

   aġenziji eżekuttivi

 Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri

 Ġestjoni indiretta billi l-kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit jiġu fdati lil:

◻ organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tagħhom (li jridu jiġu speċifikati);

◻il-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment;

⌧ il-korpi msemmija fl-Artikoli 208 u 209;

◻ korpi ta’ dritt pubbliku;

◻ korpi rregolati mid-dritt privat b’missjoni ta’ servizz pubbliku safejn jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

◻ korpi rregolati mid-dritt privat ta’ Stat Membru li huma fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

◻ persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE u li huma identifikati fl-att bażiku rilevanti.

Kummenti

M/A

2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI

2.1.Regoli dwar il-monitoraġġ u r-rapportar

Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.

F’konformità mal-arranġamenti diġà eżistenti, l-ASE jħejju rapporti regolari dwar l-attività tagħhom (inklużi r-rapportar intern lill-Maniġment Superjuri, ir-rapportar lill-Bordijiet u l-produzzjoni tar-rapport annwali) u huma soġġetti għal awditi mill-Qorti tal-Awdituri u mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni dwar l-użu tar-riżorsi u l-prestazzjoni tagħhom. Il-monitoraġġ u r-rapportar tal-azzjonijiet inklużi fil-proposta se jkunu konformi mar-rekwiżiti diġà eżistenti, kif ukoll ma’ kwalunkwe rekwiżit ġdid li jirriżulta minn din il-proposta.

2.2.Sistema ta’ ġestjoni u kontroll

2.2.1.Riskju/i identifikat(i)

Fir-rigward tal-użu ġuridiku, ekonomiku, effiċjenti u effettiv tal-approprjazzjonijiet li jirriżultaw mill-proposta, huwa mistenni li l-proposta ma toħloqx riskji sinifikanti ġodda li ma jkunux attwalment koperti minn qafas ta’ kontroll intern eżistenti.

Madankollu, sfida ġdida tista’ tkun relatata mal-bidla fil-finanzjament, jiġifieri, l-iżgurar tal-ġbir f’waqtu tal-kontribuzzjonijiet annwali mill-istituzzjonijiet finanzjarji u mill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji kkonċernati.

2.2.2.Metodu/i ta’ kontroll previst(i)

Is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll, kif previsti fir-Regolamenti dwar l-ASE, diġà qegħdin jiġu implimentati. L-ASE jaħdmu mill-qrib mas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni sabiex jiżguraw li jintlaħqu l-istandards xierqa fl-oqsma kollha tal-qafas ta’ kontroll intern. Dawn l-arranġamenti se japplikaw ukoll fir-rigward tar-rwol tal-ASE skont il-proposta preżenti.

Barra minn hekk, kull sena finanzjarja, il-Parlament Ewropew, wara rakkomandazzjoni mill-Kunsill, jagħti kwittanza lil kull ASE għall-implimentazzjoni tal-baġit tagħhom.

2.3.Miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi u tal-irregolaritajiet

Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni eżistenti jew previsti.

Għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) japplikaw għall-ASE mingħajr ebda restrizzjoni.

L-ASE għandhom strateġija ddedikata kontra l-frodi u pjan ta’ azzjoni li jirriżulta minnha. L-azzjonijiet imsaħħa tal-ASE fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi se jkunu konformi mar-regoli u l-gwida pprovduti mir-Regolament Finanzjarju (miżuri kontra l-frodi bħala parti minn ġestjoni finanzjarja tajba), mal-politiki ta’ prevenzjoni tal-frodi tal-OLAF, mad-dispożizzjonijiet ipprovduti mill-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (COM(2011)376) kif ukoll kif stabbilit fl-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE (Lulju 2012) u l-pjan direzzjonali relatat.

Barra minn hekk, ir-Regolamenti li jistabbilixxu l-ASE, kif ukoll ir-Regolamenti Finanjarzji tal-ASE jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-baġit tal-ASE u r-regoli finanzjarji applikabbli, inklużi dawk immirati biex jipprevjenu l-frodi u l-irregolaritajiet.

3.L-IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarji tan-nefqa affettwati

·Linji baġitarji eżistenti

Fl-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u linji baġitarja.

Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

Linja baġitarja

Tip ta’
nefqa

Kontribuzzjoni

Numru
[Intestatura………………………...…………]

Diff./Mhux diff 42 .

minn pajjiżi tal-EFTA 43

minn pajjiżi kandidati 44

minn pajjiżi terzi

skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju

1a

12 02 04 EBA

12 02 05 EIOPA

12 02 06 ESMA

Diff.

IVA

LE

LE

LE

·Linji baġitarji ġodda mitluba: M/A

Fl-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.

Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

Linja baġitarja

Tip ta’
nefqa

Kontribuzzjoni

Numru
[Intestatura………………………...……………]

Diff./mhux diff.

minn pajjiżi tal-EFTA

minn pajjiżi kandidati

minn pajjiżi terzi

skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju

[…]

[XX.YY.YY.YY]

[…]

[…]

IVA/LE

IVA/LE

IVA/LE

IVA/LE

3.2.L-impatt stmat fuq in-nefqa

Din l-inizjattiva leġiżlattiva se jkollha l-impatt li ġej fuq l-infiq:

1. L-ingaġġar ta’ total ta’ 210 membri tal-persunal ġodda fl-EBA, fl-EIOPA u fl-ESMA matul il-perjodu 2019-2022.

2. Il-kost ta’ dawn il-membri tal-persunal ġodda (u nfiq ieħor relatat mal-kompiti ġodda meħtieġa mill-ASE) se jkunu ffinanzjati kompletament minn kontribuzzjonijiet annwali għal superviżjoni indiretta u tariffi għal superviżjoni diretta miġbura mill-industrija (ebda impatt fuq il-Baġit tal-UE). Fir-rigward tal-ESMA, għandu jiġi nnotat li l-persunal addizzjonali u l-kostijiet addizzjonali kollha tas-superviżjoni diretta se jkunu koperti kompletament minn tariffi miġbura mill-industrija.

Madankollu, jekk nassumu li l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ se jseħħu fl-ewwel kwart tal-2019, il-fatt li l-Kummissjoni jkollha tħejji att delegat li jispeċifika l-kontribuzzjonijiet annwali, il-materji li għalihom huma dovuti t-tariffi, l-ammont tat-tariffi u l-mod kif għandhom jitħallsu, il-proposta tipprevedi li l-kontribuzzjonijiet annwali jibdew jinġabru mill-bidu tas-sena li tibda sena sħiħa wara d-dħul fis-seħħ – li f’dan ix-xenarju jfisser li, mill-1 ta’ Jannar 2021, in-nefqa addizzjonali għas-superviżjoni indiretta li tirriżulta minn din il-proposta tista’ tiġi ffinanzjata mill-kontribuzzjonijiet annwali. Madankollu, billi l-ASE jġarrbu l-kostijiet skont ir-Regolament mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, jeħtieġ li huma jiksbu baġit addizzjonali mill-UE fl-2019 u fl-2020 sabiex ikunu jistgħu jkopru, fuq bażi tranżitorja, il-fażi bikrija tal-operazzjonijiet sakemm jinġabru l-kontribuzzjonijiet annwali u effettivament ikunu jistgħu, mill-2021 ’il quddiem, jirrimborżaw il-baġit tal-UE għall-kopertura tranżitorja msemmija qabel li l-UE tkun ipprovdiet fl-2019 u fl-2020.

Bl-istess mod, it-tariffi li se jkopru b’mod sħiħ in-nefqa għas-superviżjoni diretta (li, skont din il-proposta, tapplika minn 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri, fl-2021 f’dan ix-xenarju) se jkunu jistgħu jinġabru biss wara d-dħul fis-seħħ tal-atti delegati speċifiċi. F’dan id-dokument, kien preżunt li fl-2021 se jkun hemm impatt fuq il-baġit tal-UE minn avvanzi li jsiru qabel ikunu jistgħu jinġabru dawn it-tariffi, kif ukoll li l-ASE se jirritornaw l-avvanzi magħmula mill-UE sa mhux aktar tard mill-2022. Fl-2022 ma hija mistennija ebda nefqa addizzjonali għall-baġit tal-UE, għaldaqstant; fil-prinċipju, kwalunkwe nefqa addizzjonali fil-qasam tas-superviżjoni diretta se tiġi ffinanzjata mit-tariffi li għandhom jinġabru mingħand il-parteċipanti fis-swieq li jridu jiġu ssorveljati.

Dan il-baġit addizzjonali għandu jiġi mill-baġit ġenerali tal-UE, minħabba li l-baġit tad-DĠ FISMA ma jistax ikopri tali ammont.

Il-kostijiet tal-kompiti u l-attivitajiet diġà eżistenti u li jinsabu għaddejjin tal-ASE fl-2019 u fl-2020 se jiġu ffinanzjati skont il-qafas ta’ finanzjament attwali f’konformità mal-QFP 2014-2020.

L-IMPATT STMAT FUQ IN-NEFQA U L-PERSUNAL GĦAS-SNIN 2021 U WARA F’DIN ID-DIKJARAZZJONI LEĠIŻLATTIVA JIĠI MIŻJUD GĦAL FINIJIET TA’ ILLUSTRAZZJONI U MA JIPPREĠUDIKAX IL-PROPOSTA TAL-QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI TA’ WARA L-2020 LI TRID TIĠI PPREŻENTATA SA MEJJU 2018. F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat ukoll li filwaqt li l-ammont ta’ persunal meħtieġa għas-superviżjoni diretta maż-żmien se jkun jiddependi fuq l-iżvilupp tal-għadd u d-daqs tal-parteċipanti fis-swieq kapitali li jridu jiġu ssorveljati, fil-prinċipju, in-nefqa rispettiva se tkun iffinanzjata mit-tariffi li jridu jinġabru mingħand dawk il-parteċipanti fis-swieq.

3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa

EUR miljun (sa tliet punti deċimali)

Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali

Għadd

Intestatura 1a - Il-kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

DĠ: FISMA

2019

2020

2021

2022

TOTAL

12.0204 EBA

Impenji

(1)

2 493,0

4 096,3

0

6 589,3

Pagamenti

(2)

2 493,0

4 096,3

0

6 589,3

12.0205 EIOPA

Impenji

(1a)

3 759,7

5 356,0

0

9 115,7

Pagamenti

(2a)

3 759,7

5 356,0

0

9 115,7

12.0206 ESMA

Impenji

(3a)

17 728,6

20 589,6

10 142,8

48 461,0

Pagamenti

(3b)

17 728,6

20 589,6

10 142,8

48 461,0

Approprjazzjonijiet TOTALI
għad-DĠ FISMA

Impenji

=1+1a +3a

23 981,3

30 041,9

10 142,8

64 166,0

Pagamenti

=2+2a+3b

23 981,3

30 041,9

10 142,8

64 166,0








Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali

5

"Nefqa amministrattiva"

EUR miljun (sa tliet punti deċimali)

Sena
N

Sena
N+1

Sena
N+2

Sena
N+3

Daħħal snin daqskemm ikun meħtieġ sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

TOTAL

DĠ: <…….>

• Riżorsi Umani

• Nefqa amministrattiva oħra

TOTAL DĠ <…….>

Approprjazzjonijiet

Approprjazzjonijiet TOTALI
taħt l-INTESTATURA 5
tal-qafas finanzjarju pluriennali
 

(Impenji totali = Pagamenti totali)

EUR miljun (sa tliet punti deċimali)



2019



2020

2021

2022

Daħħal snin daqskemm ikun meħtieġ sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

TOTAL

Approprjazzjonijiet TOTALI
taħt l-INTESTATURI 1 sa 5
tal-qafas finanzjarju pluriennali
 

Impenji

23 981,3

30 041,9

10 142,8

64 166,0

Pagamenti

23 981,3

30 041,9

10 142,8

64 166,0

3.2.2.L-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet tal-[korp]

   Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet operattivi

   Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet operattivi, kif spjegat hawn taħt:

Approprjazzjonijiet ta’ impenn f’EUR miljun (sa tliet punti deċimali)

Indika l-objettivi u r-riżultati

Sena
N

Sena
N+1

Sena
N+2

Sena
N+3

Daħħal snin daqskemm ikun meħtieġ sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

RIŻULTATI

TOTALI

Tip 45

Kost medju

Le

Kost

Le

Kost

Le

Kost

Le

Kost

Le

Kost

Le

Kost

Le

Kost

Nru totali

Kost totali

OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 1 46 ...

- Riżultat

- Riżultat

- Riżultat

Subtotal għall-objettiv speċifiku Nru 1

OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 2 ...

- Riżultat

Subtotal għall-objettiv speċifiku Nru 2

KOST TOTALI

3.2.3.L-impatt stmat fuq ir-riżorsi umani [tal-korp] – Jekk jogħġbok ara l-Anness għad-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva

1.Sommarju

   Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

   Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:

EUR miljun (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)

Sena
N 47

Sena
N+1

Sena
N+2

Sena
N+3

Daħħal snin daqskemm ikun meħtieġ sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

TOTAL

Uffiċjali (Gradi AD)

Uffiċjali (Gradi AST)

Persunal bil-kuntratt

Persunal temporanju

Esperti Nazzjonali Sekondati

TOTAL

Stima tal-impatt fuq il-persunal (FTE addizzjonali) – pjan ta’ stabbiliment

Grupp ta’ kariga u grad

Sena N

Sena N+1

Sena N+2

Daħħal snin daqskemm ikun meħtieġ sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

AD16

AD15

AD14

AD13

AD12

AD11

AD10

AD9

AD8

AD7

AD6

AD5

 

Total ta’ AD

AST11

AST10

AST9

AST8

AST7

AST6

AST5

AST4

AST3

AST2

AST1

Total ta’ AST

AST/SC 6

AST/SC 5

AST/SC 4

AST/SC 3

AST/SC 2

AST/SC 1

Total ta’ AST/SC

TOTAL FINALI

Stima tal-impatt fuq il-persunal (FTE addizzjonali) – persunal estern

Aġenti kuntrattwali

Sena N

Sena N+1

Sena N+2

Daħħal snin daqskemm ikun meħtieġ sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

Grupp ta’ funzjonijiet IV

Grupp ta’ funzjonijiet III

Grupp ta’ funzjonijiet II

Grupp ta’ funzjonijiet I

Total

Esperti Nazzjonali Sekondati

Sena N

Sena N+1

Sena N+2

Daħħal snin daqskemm ikun meħtieġ sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

Total

Jekk jogħġbok indika d-data tar-reklutaġġ ippjanata u adatta l-ammont kif xieraq (jekk ir-reklutaġġ iseħħ f’Lulju, 50 % biss tal-kost medju jiġi kkunsidrat) u pprovdi aktar spjegazzjonijiet f’anness. 

2.L-istima tar-rekwiżiti tar-riżorsi umani għad-DĠ prinċipali

   Il-proposta/l-inizjattiva ma tirrikjedix l-użu tar-riżorsi umani.

   Il-proposta/l-inizjattiva tirrikjedi l-użu tar-riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:

L-istima trid tiġi espressa f’ammonti sħaħ (jew sa massimu ta’ punt deċimali wieħed)

Sena
N

Sena
N+1

Sena N+2

Sena N+3

Daħħal snin daqskemm ikun meħtieġ sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

·Karigi fil-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u persunal temporanju)

XX 01 01 01 (Il-Kwartieri ġenerali u l-Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni)

XX 01 01 02 (Delegazzjonijiet)

XX 01 05 01 (Riċerka indiretta)

10 01 05 01 (Riċerka diretta)

Persunal estern (f’unità Ekwivalenti għal Full-Time: FTE) 48

XX 01 02 01 (AC, END, INT mill-"pakkett globali")

XX 01 02 02 (AC, AL, ENS, INT u JED fid-Delegazzjonijiet)

XX 01 04 ss 49

- fil-Kwartieri Ġenerali 50

- fid-Delegazzjonijiet

XX 01 05 02 (AC, ENS, INT – Riċerka indiretta)

10 01 05 02 (AC, ENS, INT – Riċerka diretta)

Linji baġitarji oħrajn (speċifika)

TOTAL

XX huwa l-qasam ta’ politika jew it-titolu baġitarju kkonċernat.

Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu ssodisfati minn persunal tad-DĠ li huwa diġà assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li ġie skjerat mill-ġdid fid-DĠ, flimkien ma’, jekk ikun hemm bżonn, kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tat-tmexxija skont il-proċedura ta’ allokazzjoni annwali u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.

Deskrizzjoni tal-kompiti li għandhom jitwettqu:

Uffiċjali u persunal temporanju

Persunal estern

Fit-taqsima 3 tal-Anness V għandha tiġi inkluża deskrizzjoni tal-kalkolu tal-kost għall-unitajiet FTE.

3.2.4.Il-kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali

   Il-proposta/l-inizjattiva hija kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali.

   Il-proposta/l-inizjattiva se tirrikjedi programmazzjoni mill-ġdid tal-intestatura rilevanti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

Spjega xi programmazzjoni mill-ġdid hija meħtieġa, billi tispeċifika l-linji baġitarji konċernati u l-ammonti korrispondenti.

Hija meħtieġa riprogrammazzjoni tal-linji baġitarji tal-ASE (12.0204, 12.0205 u 12.0206). Għalkemm l-ammonti sħaħ previsti fl-aħħar mill-aħħar se jkunu koperti mit-tariffi, se jkun meħtieġ avvanz mill-baġit tal-UE sabiex ikopri l-kostijiet imġarrba mill-inqas matul l-ewwel 18-il xahar tal-operat.

Wara l-adozzjoni tal-proposta, il-Kummissjoni se tintalab tadotta att delegat li jispeċifika fid-dettall il-metodoloġija għall-kalkolu u l-ġbir tat-tariffi. Dan imbagħad se jirrikjedi n-nuqqas ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali qabel ikunu jistgħu jibdew jinġabru t-tariffi. Madankollu, dawn il-kostijiet għandhom jiġu rkuprati matul iż-żmien, sa mhux aktar tard mill-2021.

   Il-proposta/inizjattiva teħtieġ applikazzjoni tal-istrument ta’ flessibbiltà jew reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali 51 .

Spjega x’inhu meħtieġ, billi tispeċifika l-intestaturi u l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti.

[…]

3.2.5.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi

Il-proposta/l-inizjattiva ma tipprevedix kofinanzjament minn partijiet terzi.

Il-proposta/l-inizjattiva tipprevedi l-kofinanzjament stmat hawn taħt:

EUR miljun (sa tliet punti deċimali)

Sena
N

Sena
N+1

Sena
N+2

Sena
N+3

Daħħal snin daqskemm ikun meħtieġ sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

Total

Speċifika l-korp ta’ kofinanzjament 

Approprjazzjonijiet TOTALI kofinanzjati

3.3.Impatt stmat fuq id-dħul

   Il-proposta/l-inizjattiva m’għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.

   Il-proposta/l-inizjattiva jkollha l-impatt finanzjarju li ġej:

   fuq ir-riżorsi proprji

   fuq id-dħul mixxellanju

EUR miljun (sa tliet pożizzonijiet deċimali)

Linja baġitarja tad-dħul:

Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja attwali

Impatt tal-proposta/l-inizjattiva 52

Sena
N

Sena
N+1

Sena
N+2

Sena
N+3

Daħħal snin daqskemm ikun meħtieġ sabiex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

Artikolu ………….

Għad-dħul mixxellanju “assenjat”, speċifika l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i.

[…]

Speċifika l-metodu għall-kalkolu tal-impatt fuq id-dħul.

[…]



ANNESS

Il-kostijiet relatati mal-kompiti li jridu jitwettqu mill-ASE ġew stmati għan-nefqa tal-persunal f’konformità mal-klassifikazzjoni tal-kost fl-abbozz tal-baġit tal-ASE għall-2018. Din l-inizjattiva leġiżlattiva se jkollha impatt fuq il-kostijiet imġarrba mill-ASE minħabba l-bidliet magħmula fi: (I.) il-governanza, (II.) is-setgħat superviżorji indiretti tal-ASE, (III.) is-sistema ta’ finanzjament għall-iffinanzjar ta’ dawk l-aġenziji u (IV.) is-setgħat superviżorji diretti mogħtija lill-ESMA. Jeħtieġ ukoll li l-persunal addizzjonali jkunu appoġġjati mir-riżorsi tal-ispejjeż ġenerali u minn espert legali (V.). Minħabba ż-żieda fil-membri tal-persunal, din il-proposta leġiżlattiva tista’ timplika wkoll xi bidliet fil-bini tal-ASE (VI.).

I. Il-governanza tal-ASE:

Bħala konsegwenza ta’ din il-proposta leġiżlattiva, il-Bord tat-Tmexxija attwali (kompost mill-President, id-Direttur Eżekuttiv u l-membri tal-Bord tas-Superviżuri) se jiġi sostitwit minn Bord Eżekuttiv, korp li għadu kif twaqqaf ta’ erba’ membri indipendenti fuq bażi full-time (inkluż il-President) għall-EBA u l-EIOPA u 6 membri indipendenti fuq bażi full-time (inkluż il-President) għall-ESMA b’enfasi esklussiva fuq il-mandati tal-ASE. Id-Direttur Eżekuttiv attwali jista’ jsir parti mill-Bord Eżekuttiv. Dawk il-bidliet jistgħu jirrikjedu żewġ membri tal-persunal addizzjonali għall-EBA u l-EIOPA u erba’ membri tal-persunal addizzjonali 53 għall-ESMA (diment li dawk l-impjegati jiġu rreklutati barra l-organizzazzjoni). Huma se jitħallsu mill-baġit tal-ASE. Dawk iż-żewġ impjegati għall-EBA u l-EIOPA u l-4 għall-ESMA għandhom ikunu esperjenzati u għandhom jiġu rreklutati bħala persunal temporanju AD fi grad ta’ mill-inqas AD 13. Inevitabbilment se jiġġarrbu kostijiet relatati mar-reklutaġġ (kostijiet tal-ivvjaġġar, tal-lukandi, tal-eżamijiet mediċi u provvedimenti oħrajn, kostijiet tal-ġarr u l-bqija) stmati bħala EUR 12 700 għal kull persuna, għal dawn il-membri tal-persunal addizzjonali.

Skont il-proposta leġiżlattiva, dan il-Bord Eżekuttiv se jingħata setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għal ċerti kompiti mhux regolatorji, meta l-allinjamenti ħżiena tal-inċentivi implikati mill-mudell ta’ governanza attwali jkunu l-aktar problematiċi (eż. ksur tal-proċeduri tad-dritt tal-Unjoni u soluzzjonijiet tat-tilwim). Billi wieħed mill-objettivi ta’ din il-proposta huwa li jiżdied l-użu ta’ dawk is-setgħat, il-membri permanenti tal-Bord Eżekuttiv għandhom jiġu appoġġjati b’mod adegwat fil-kompiti tagħhom permezz ta’ riżorsi umani addizzjonali. Pereżempju, il-modifiki magħmula f’dawk is-setgħat għandhom jimplikaw għadd akbar ta’ talbiet għal informazzjoni (mibgħuta lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-parteċipanti fis-suq) u użu akbar tas-setgħat ta’ soluzzjoni tat-tilwim. Ħafna minn dawk il-kompiti ġodda jistgħu jitwettqu mill-persunal eżistenti tal-ASE li jistgħu jerġgħu jiġu skjerati minn xogħol kważi leġiżlattiv għal kompiti ta’ konverġenza superviżorja. Tabilħaqq, fil-ġejjieni, huwa mistenni li x-xogħol regolatorju jista’ jonqos xi ftit jew jistaġna u aktar FTEs tal-ASE jistgħu jaħdmu fuq il-konverġenza superviżorja. B’konsegwenza ta’ dan, sabiex il-Bord Eżekuttiv il-ġdid jiġi appoġġjat fil-kompiti ġodda tiegħu, għandhom ikunu neċessarji biss 2 FTE addizzjonali għall-EBA u l-EIOPA u 3 FTE addizzjonali għall-ESMA.

Fil-qosor, din id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva tassumi li l-bidliet fil-governanza tal-ASE jistgħu jimplikaw għal kull waħda minn dawk l-aġenziji:

·Ir-reklutaġġ ta’ 4 membri tal-persunal temporanji AD ġodda għall-ESMA u 2 membri tal-persunal temporanji AD ġodda għall-EBA u l-EIOPA fi grad ta’ mill-inqas AD 13 b’livell għoli ta’ esperjenza professjonali;

·2 FTE (kollha TA) għall-EBA u l-EIOPA u 3 FTE għall-ESMA sabiex jgħinu lill-membri tal-Bord Eżekuttiv Ġdid fil-kompiti ġodda tagħhom u li se jikkumpensaw għaż-żieda mistennija fl-ammont ta’ xogħol b’rabta max-xogħlijiet ta’ konverġenza superviżorja;

·Kostijiet relatati mar-reklutaġġ għal dawn il-membri tal-persunal addizzjonali (kostijiet tal-ivvjaġġar, tal-lukandi, tal-eżamijiet mediċi u provvedimenti oħrajn, il-kostijiet tal-ġarr u l-bqija). 

II. Superviżjoni indiretta mill-ASE:

i. Kompiti komuni li jirrikjedu l-istess riżorsi għat-3 ASE

Sabiex titrawwem il-konsistenza fi ħdan in-netwerk ta’ superviżuri finanzjarji, l-evalwazzjonijiet bejn il-pari mmexxija mill-ASE se jiġu sostitwiti b’evalwazzjonijiet indipendenti. Filwaqt li l-evalwazzjonijiet bejn il-pari bħalissa qegħdin jitmexxew minn bordijiet tal-evalwazzjoni bejn il-pari magħmula prinċipalment minn persunal mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tat-28 Stat Membru tal-UE, l-evalwazzjonijiet indipendenti se jitwettqu taħt is-superviżjoni tal-Bord Eżekuttiv li għadu kif ġie stabbilit. Sabiex jiġi ssodisfat dan il-kompitu, il-proposta leġiżlattiva tistabbilixxi li l-Bord Eżekuttiv jista’ jwaqqaf kumitat ta’ evalwazzjoni. Dan il-kumitat għandu jkun kompost minn persunal tal-ASE biss, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-evalwazzjonijiet. B’hekk, il-ħolqien ta’ kumitat bħal dan ikun jirrikjedi persunal addizzjonali, anki jekk xi membri tal-persunal tal-ASE diġà qegħdin jipparteċipaw fl-evalwazzjonijiet bejn il-pari attwali. Din iż-żieda fil-persunal tal-ASE tista’ tiġi stmata bħala ħames membri tal-persunal addizzjonali għal kull ASE, sabiex jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ riżorsi umani pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti għal eżerċizzji bħal dawn.

L-ASE se jiġu inkarigati wkoll b’missjoni ġdida mmirata biex tikkoordina l-awtoritajiet kompetenti, bil-għan li jiġu żgurati l-konverġenza fil-prassi superviżorji u l-applikazzjoni konsistenti tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, l-ASE għandhom jistabbilixxu miri u objettivi komuni għas-superviżjoni fil-forma ta’ Pjan Strateġiku pluriennali tal-UE. L-ASE diġà ħejjew programm ta’ ħidma annwali. Madankollu, il-programm ta’ ħidma annwali attwali tal-ASE huwa maħsub biex ikopri l-attivitajiet regolatorji u superviżorji li jridu jitwettqu mill-ASE nfushom, filwaqt li l-Pjan Strateġiku l-ġdid tal-UE se jkun maħsub biex ikopri l-attivitajiet superviżorji li jridu jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, is-setgħat ta’ koordinazzjoni ġodda jimplikaw ukoll li l-awtoritajiet kompetenti (inkluż il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-Mekkaniżmu/Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni) se jkunu meħtieġa sabiex jitfasslu programmi ta’ ħidma annwali (f’konformità mal-Pjan Strateġiku tal-UE) u jiġu sottomessi lill-ASE, li min-naħa tagħhom jivvalutawhom fl-isfond tal-Pjan Strateġiku tal-UE. L-ASE mbagħad joħorġu rakkomandazzjoni jew deċiżjoni ta’ approvazzjoni individwali indirizzata lil kull awtorità kompetenti għall-programm annwali rispettiv tagħha u jirrevedu l-implimentazzjoni hekk kif timxi ’l quddiem. Din l-interazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti u l-ħidma ta’ koordinazzjoni mat-timijiet rilevanti fi ħdan kull ASE jirrikjedu riżorsi umani addizzjonali. Se jkunu meħtieġa tliet membri tal-persunal addizzjonali għal kull ASE.

L-ASE jiġu inkarigati wkoll b’missjonijiet ġodda relatati mat-Teknoloġiji Finanzjarji (FinTech). Skont il-proposta leġiżlattiva, l-ASE jintalbu: (i) isegwu l-konverġenza fuq ir-rekwiżiti tal-liċenzjar għall-kumpaniji tal-Fintech, (ii) jikkjarifikaw u jaġġornaw l-oqfsa ta’ esternalizzazzjoni superviżorja, b’mod partikolari fir-rigward tal-esternalizzazzjoni għas-servizzi tal-cloud; (iii) jikkoordinaw iċ-ċentri tal-innovazzjoni teknoloġika nazzjonali u, possibbilment, joħorġu linji gwida dwar iċ-ċentri ta’ innovazzjoni teknoloġika/sperimentazzjoni regolatorja mwaqqfa mill-Istati Membri; u (iv) fir-rigward taċ-ċibersigurtà, isegwu l-konverġenza tal-ġestjoni tar-riskji fl-IT u jikkontribwixxu għall-iżvilupp, flimkien mal-Kummissjoni u mal-Bank Ċentrali Ewropew, ta’ modalitajiet tal-ittestjar tal-istress ċibernetiċi. Se jkunu meħtieġa riżorsi ddedikati fuq il-FinTech sabiex ikopru dawn il-kompiti addizzjonali, stmati bħala 3 membri tal-persunal addizzjonali.

ii. Kompiti li jirrikjedu riżorsi differenti għat-tliet ASE

L-ASE se jkollhom ukoll responsabbiltajiet definiti b’mod aktar ċar f’termini tal-monitoraġġ tad-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza tal-Kummissjoni applikabbli għall-qafas regolatorju u superviżorju ta’ pajjiż terz. Fil-passat, fin-nuqqas ta’ bażi ġuridika ċara sabiex l-ASE jkunu jistgħu jgħinu lill-Kummissjoni bil-monitoraġġ ta’ wara l-ekwivalenza, xi ASE ma setgħux jgħinu minħabba limitazzjonijiet ta’ riżorsi. Fil-preżent, l-ASE qed tipprovdi analiżi inizjali li tikkontribwixxi għall-valutazzjoni tal-ekwivalenza tal-Kummissjoni f’wieħed minn dawn iż-żewġ xenarji: il-Kummissjoni talbet speċifikament lill-EBA sabiex tipprovdi pariri tekniċi, jew inkella l-EBA ġiet inkarigata speċifikament sabiex tagħmel dan skont ċerta leġiżlazzjoni primarja. Il-proposta leġiżlattiva tal-ASE tiddikjara b’mod aktar ċar li l-ASE jistgħu jgħinu lill-Kummissjoni bil-monitoraġġ tal-iżviluppi ta’ pajjiżi terzi (jiġifieri l-iżviluppi regolatorji, superviżorji u tas-suq f’pajjiżi terzi, kif ukoll ir-rekord superviżorju tal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi) f’ġurisdizzjonijiet soġġetti għal deċiżjoni dwar l-ekwivalenza pożittiva mill-Kummissjoni. L-iskop ta’ dan il-monitoraġġ huwa li jiżgura li l-kundizzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza jkomplu jiġu ssodisfati fuq bażi kontinwa, b’enfasi partikolari fuq l-iżviluppi ta’ pajjiżi terzi li jistgħu jħallu impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha. B’mod partikolari, l-ASE jissottomettu rapport annwali dwar is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni. Dan ir-rwol ikkjarifikat ikun jirrikjedi l-analiżi tal-iżviluppi ta’ pajjiżi terzi fuq bażi kontinwa u l-koordinazzjoni tal-ħidma mal-interlokuturi fl-organizzazzjoni jew barra minnha.

Madankollu, it-tliet ASE ma għandhomx l-istess ammont ta’ xogħol f’termini ta’ deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza. L-ESMA hija responsabbli minn 11-il test leġiżlattiv fost 13-il regolament tat-tliet ASE, li jippermettu t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza ta’ pajjiżi terzi. L-EIOPA u l-EBA huma responsabbli minn test wieħed kull wieħed li jipprovdi għal ekwivalenza ta’ pajjiż terz (jiġifieri, Solvibbiltà II u CRDIV/CRR, rispettivament). B’konsegwenza ta’ dan, ir-riżorsi addizzjonali meħtieġa mill-ESMA għandhom ikunu aktar importanti minn dawk meħtieġa mill-EIOPA u mill-EBA.

Ir-riżorsi addizzjonali għall-ESMA jistgħu jiġu stmati bħala 9 FTE u l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet relatati jistgħu jiġu stmati bħala EUR 1 miljun fis-sena. Għall-EIOPA u l-EBA, ir-riżorsi umani addizzjonali jistgħu jiġu stmati bħala 2 FTE u l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet relatati jistgħu jiġu stmati bħala EUR 200 000 fis-sena.

iii. Kompitu speċifiku għall-ESMA

Il-proposta tagħti mandat aktar b’saħħtu lill-ESMA sabiex titrawwem kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward tal-każijiet transfruntieri potenzjali ta’ abbuż tas-suq, filwaqt li l-investigazzjoni, l-infurzar u l-prosekuzzjoni jibqgħu fil-livell nazzjonali.  Skont din il-proposta leġiżlattiva, l-ESMA se jkollha rwol ta’ “ċentru ta’ informazzjoni” sabiex tiġbor u xxerred, fuq talba tar-regolaturi, data dwar it-tranżazzjonijiet li tinvolvi ġurisdizzjonijiet multipli tal-UE. Barra minn hekk, jekk u meta awtorità kompetenti tidentifika tranżazzjoni transfruntiera suspettuża matul il-proċess ta’ sorveljanza, se jkun meħtieġ li din tiġi rrapportata lill-ESMA, li min-naħa tagħha tintalab tikkoordina b’mod attiv l-attivitajiet investigattivi fil-livell tal-UE. Tali struttura tmur ’lil hinn mill-mandati tar-Regolament eżistenti dwar l-Abbuż tas-Suq u tar-Regolament dwar is-Suq tal-Istrumenti Finanzjarji, minħabba li hija tagħti lill-ESMA setgħat ta’ koordinazzjoni msaħħa u tiffaċilita l-ħidma tar-regolaturi involuti f’investigazzjonijiet transfruntieri. Dawk il-kompiti ġodda jirrikjedu 2 FTE addizzjonali (wieħed għall-koordinazzjoni u wieħed għas-servizzi tal-IT) minbarra l-kostijiet tal-IT meħtieġa sabiex tiġi stabbilita ‘drop box’ fejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jniżżlu u jtellgħu d-dokumenti pprovduti mill-pari tagħhom u relatati mal-investigazzjonijiet u s-sorveljanza tal-abbuż tas-suq. Dawk il-kostijiet tal-IT rikorrenti huma stmati bħala EUR 100 000 fis-sena u l-kostijiet tal-IT ta’ darba huma stmati bħala EUR 500 000.

Fost ir-rekwiżiti tar-rapportar stabbiliti fil-MiFID II / MiFIR, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom obbligu li jiġbru data miċ-ċentri tan-negozjar dwar għadd kbir ta’ strumenti finanzjarji u rapporti dwar it-tranżazzjonijiet sottomessi (madwar 15-il miljun madwar l-UE kollha) mid-ditti ta’ investiment. Skont il-proposta, l-ESMA se tiġi inkarigata biċ-ċentralizzazzjoni tal-ġbir ta’ data ta’ referenza skont il-MiFID II/MiFIR u l-ġbir tagħha direttament minn ċentri tan-negozjar. L-eżistenza ta’ infrastruttura tal-IT komuni fi ħdan l-ESMA hija mod ta’ kif tittejjeb il-konverġenza superviżorja dwar l-implimentazzjoni tal-MiFID 2/MiFIR. Minħabba ż-żieda tad-data li trid tiġi rrapportata, l-ESMA se tkun teħtieġ riżorsi addizzjonali, inklużi riżorsi tal-IT. Iċ-ċentralizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet tar-rapportar se tkun teħtieġ 8 FTE kif ukoll il-kostijiet tal-IT (EUR 3 miljun fl-ewwel sena u EUR 2 miljun f’manutenzjoni għas-snin ta’ wara).

iv. Kompitu speċifiku għall-EIOPA

Skont din il-proposta leġiżlattiva, l-EIOPA se tingħata wkoll setgħat ġodda fir-rigward tal-mudelli interni tal-impriżi tal-assigurazzjoni. B’mod partikolari, l-EIOPA tingħata s-setgħa li twettaq valutazzjoni indipendenti tal-applikazzjonijiet għall-użu jew it-tibdil ta’ mudell intern u għall-ħruġ ta’ opinjoni lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. F’każ ta’ tilwimiet fost l-awtoritajiet kompetenti fuq mudell intern, il-possibbiltà għall-EIOPA li tassisti fis-soluzzjoni tat-tilwimiet, billi tmexxi medjazzjoni vinkolanti, se tissaħħaħ. Bħalissa, l-EIOPA għandha ‘tim ta’ mudell intern’ li huwa magħmul minn 4 impjegati full-time (u fil-futur qrib, 5 impjegati). Dan il-kompitu ġdid mogħti lill-EIOPA jżid b’mod konsiderevoli l-ammont ta’ xogħol ta’ tim bħal dan u jirrikjedi membri tal-persunal addizzjonali speċjalizzati fil-mudelli interni. Dawk il-ħtiġijiet f’termini ta’ riżorsi umani jistgħu jiġu stmati bħala 5 FTE addizzjonali, minħabba n-natura teknika tax-xogħol.

Fil-qosor, din id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva tassumi li l-attribuzzjoni ta’ setgħat superviżorji indiretti ġodda u aktar b’saħħithom lill-ASE tista’ timplika:

·Għall-EIOPA: se jkunu meħtieġa 18-il FTE (15-il TA u 3 ENS); EUR 200 000 fis-sena għall-kostijiet tat-traduzzjoni

·Għall-ESMA: se jkunu meħtieġa 30 FTE (24 TA u 6 ENS); EUR 3.5 miljun f’kostijiet tal-IT ta’ darba; EUR 2.1 miljun fis-sena għall-kostijiet tal-manutenzjoni tal-IT; EUR 1 miljun fis-sena għall-kostijiet tat-traduzzjoni.

·Għall-EBA: se jkunu meħtieġa 13-il FTE (11-il TA u 2 ENS); EUR 200 000 fis-sena għall-kostijiet tat-traduzzjoni

III. Finanzjament

i. Riżorsi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali

Din il-proposta leġiżlattiva għandha l-għan li tbiddel il-finanzjament tal-ASE. Dan il-finanzjament jiddependi prinċipalment fuq sussidju mill-baġit ġenerali tal-UE, kif ukoll kontribuzzjonijiet annwali mill-entitajiet fi ħdan il-mandat tal-awtorità. Il-proposta leġiżlattiva tindika li l-kontribuzzjonijiet annwali mis-settur privat għandhom jinġabru indirettament mill-ASE permezz tal-awtoritajiet innominati minn kull Stat Membru. Anki f’dak ix-xenarju, l-ASE se jkollhom: (i) jitolbu informazzjoni mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; (ii) jikkalkolaw il-kontribuzzjonijiet annwali; u (iii) jibagħtu din l-informazzjoni lill-Istati Membri jew lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Imbagħad, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew l-Istati Membri: (i) iħejju l-fatturi; u (ii) jiġbru l-kontribuzzjonijiet annwali mis-settur privat. Fl-aħħar nett, l-ASE jivverifikaw l-ammonti ta’ kontribuzzjonijiet annwali riċevuti mill-Istati Membri jew mill-NCAs. L-Istati Membri/awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu responsabbli mit-teħid ta’ miżuri ta’ infurzar f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas. L-għadd ta’ entitajiet fil-mandat tal-ASE huwa importanti ħafna. Hemm aktar minn 11,600 istituzzjoni ta’ kreditu u ditta ta’ investiment fil-mandat tal-EBA, 20,000 entità fil-mandat tal-ESMA u 20,000 impriża tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet fil-mandat tal-EIOPA. B’konsegwenza ta’ dan, il-membri tal-persunal addizzjonali meħtieġa għal dan il-kompitu ġdid jistgħu jiġu stmati bħala 4 FTE addizzjonali (inklużi 3 għall-ġbir tad-data u għall-kalkolu tat-tariffi u 1 għat-tmexxija tas-sistema tal-IT).

Barra minn hekk, din is-sistema ta’ finanzjament ġdida se tirrikjedi l-bini ta’ sistema tal-IT ġdida. Minflok jiżviluppaw is-sistema tal-IT tagħhom, it-tliet ASE jistgħu jiżviluppaw infrastruttura tal-IT komuni, li toħloq sinerġiji. Interfaċċja tal-IT komuni tkun ukoll aktar prattika għall-parteċipanti fis-suq finanzjarju li jistgħu jkunu soġġetti għall-ħlas ta’ tariffa lil aktar minn ASE waħda (pereżempju ditti ta’ investiment).

Tali sistema tal-IT tista’ tiġi evalwata bħala EUR 1,5 miljun (kostijiet ta’ darba, jiġifieri EUR 500 000 għal kull ASE) u mbagħad bħala EUR 300 000 tal-kostijiet tal-manutenzjoni fis-sena (jiġifieri EUR 100 000 għal kull ASE). Din is-sistema tal-IT ġdida se tkun teħtieġ l-interfaċċja mas-sistema kontabilistika bbażata fuq l-attività tal-ASE.

ii. Riżorsi għall-kalkolu, il-fatturazzjoni u l-ġbir tat-tariffi superviżorji (ESMA)

Din il-proposta leġiżlattiva tagħti setgħat superviżorji diretti ġodda lill-ESMA (ara t-taqsima li jmiss). Għalhekk, l-ESMA timponi tariffi fuq l-entitajiet li hija tissorvelja direttament jew tirċievi tariffi għas-servizzi li jiġu pprovduti minnhom. L-ESMA teħtieġ riżorsi ġodda sabiex tibgħat fatturi lil dawk l-entitajiet u tiġbor tariffi mingħandhom.

Se jiġu ttrasferiti erba’ setturi ġodda lill-ESMA (fondi, prospetti, parametri referenzjarji, fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data). Jista’ jiġi stmat li se jkun meħtieġ FTE wieħed għal kull settur, jiġifieri 3 FTE addizzjonali.

Fil-qosor, din id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva tassumi li l-bidliet fil-finanzjament tal-ASE jistgħu jimplikaw:

·Għall-EBA u għall-EIOPA: 4 FTE addizzjonali (TA wieħed u 3 AK) u s-sistemi tal-IT stmati bħala EUR 0,5 miljun (kostijiet ta’ darba) u EUR 100 000 fis-sena (kostijiet tal-manutenzjoni)

 

·Għall-ESMA: 7 FTE addizzjonali (TA wieħed u 6 AK) u s-sistemi tal-IT stmati bħala EUR 0,5 miljun (kostijiet ta’ darba) u EUR 100 000 fis-sena (kostijiet tal-manutenzjoni)

IV. Setgħat superviżorji diretti - l-ESMA

Bħala mod ta’ introduzzjoni, għandu jiġi mfakkar li l-entitajiet soġġetti għal superviżjoni diretta mill-ESMA għandhom iħallsu tariffi (kostijiet ta’ darba għar-reġistrazzjoni u kostijiet rikorrenti għas-superviżjoni kontinwa). Dan huwa l-każ għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu (ara r-regolament delegat tal-Kummissjoni 272/2012) u għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ir-regolament delegat tal-Kummissjoni 1003/2013).

Skont din il-proposta leġiżlattiva, l-ESMA se tkun responsabbli mis-superviżjoni diretta tal-Fondi Ewropej ta’ Kapital ta’ Riskju (EuVECA), tal-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej (EuSEF) u tal-Fondi Ewropej tal-Investiment fuq Terminu Twil (ELTIF). Id-dmirijiet superviżorji jikkonsistu fl-awtorizzazzjoni / fin-notifika (passaportar) ta’ dawk il-fondi u s-superviżjoni ta’ kuljum. L-ESMA se jkollha wkoll setgħat investigattivi diretti vis-a-vis dawk il-fondi. Bħalissa, hemm 117-il fond EuVECA (ġestiti minn 97 maniġer tal-EuVECA), 7 fondi EuSEF (ġestiti minn 3 maniġers tal-EuSEF) u inqas minn 10 ELTIFs awtorizzati fl-UE. Billi dawk il-fondi huma strutturi relattivament ġodda, l-għadd ta’ reġistrazzjonijiet huwa għoli (pereżempju 22 EuVECA ġodda fl-2016). Minħabba l-qafas legali ġdid li japplika għall-EuVECA jew għall-EuSEF u l-bidliet fl-allokazzjonijiet tal-kapital għall-investimenti tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni fl-ELTIFs, l-għadd ta’ talbiet għal awtorizzazzjoni huwa mistenni li jiżdied. Għalhekk, l-ESMA għandha timpjega membri tal-persunal addizzjonali speċjalizzati fl-immaniġġjar tal-assi. Dawk il-ħtiġijiet f’termini ta’ riżorsi umani jistgħu jiġu stmati bħala 7 FTE (inkluż FTE wieħed speċjalizzat fl-IT u analist tad-data wieħed). Hija meħtieġa wkoll sistema tal-IT waħda għall-ġestjoni tal-awtorizzazzjoni u tal-proċess ta’ superviżjoni, kif ukoll għall-ġbir tad-data mill-fondi. Dawk il-kostijiet huma stmati bħala EUR 500 000 (kostijiet ta’ darba) kif ukoll EUR 100 000 fis-sena għall-manutenzjoni.

Għandu jiġi nnotat li dan it-trasferiment tas-setgħat mill-NCAs lill-ESMA fir-rigward tal-awtorizzazzjoni u l-monitoraġġ ta’ kuljum ta’ dawk il-fondi (fondi ELTIF, EuVECA u EuSEF) jista’ jimplika wkoll tnaqqis tal-persunal tal-NCAs li bħalissa qegħdin jittrattaw is-superviżjoni tagħhom. L-NCAs bl-akbar industrija tal-ġestjoni tal-assi jimpjegaw għadd kbir ta’ FTEs li jittrattaw il-fondi, prinċipalment UCITS u Fondi ta’ Investiment Alternattivi (AIFs) (jiġifieri LU 197 FTEs, FR 102, DE 120, NL 25, IT 65/70 flimkien ma’ fergħat reġjonali, UK 100). Jista’ jiġi stmat li l-ħolqien ta’ 7 FTE fil-livell tal-UE għas-superviżjoni tal-ELTIF, tal-EuVECA u tal-EuSEF għandu jwassal ukoll għal tnaqqis globali fil-persunal tal-NCAs ta’ 7 FTE. Jekk l-għadd ta’ fondi jiżdied fis-snin ta’ wara, se jkunu meħtieġa aktar riżorsi, iżda dawn imbagħad jiġu ffinanzjati mit-tariffi mill-industrija.

Skont il-proposta leġiżlattiva, l-ESMA se tkun responsabbli wkoll mill-approvazzjoni ta’ xi prospetti (prospetti mhux ta’ ekwità tal-operaturi, prospetti mfassla minn emittenti speċjalisti, prospetti ta’ titoli garantiti b’assi u prospetti minn emittenti ta’ pajjiżi terzi), inklużi s-supplimenti tagħhom. Jista’ jiġi stmat li l-ESMA se tapprova 1600 prospett fis-sena (1100 prospett, 400 prospett ABS, 60 prospett minn emittenti speċjalisti). Barra minn hekk, din il-proposta qed tittrasferixxi wkoll lill-ESMA s-superviżjoni ta’ reklami relatati ma’ dawk il-prospetti li għandhom jiġu approvati mill-ESMA. Sabiex twettaq il-kompitu msemmi hawn fuq, l-ESMA għandu jkollha riżorsi ta’ persunal adegwati bil-ħiliet lingwistiċi xierqa u b’għarfien suffiċjenti tar-regoli nazzjonali rilevanti dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, b'mod partikolari għall-kontroll tal-materjali ta’ kummerċjalizzazzjoni. Huwa stmat li l-ESMA se jkollha bżonn timpjega 35 FTE (inklużi 33 speċjalizzati fil-prospetti, FTE wieħed speċjalizzat fis-sistema tal-IT u analist tad-data wieħed). Dawk is-setgħat ġodda jimplikaw ukoll kostijiet tal-IT għall-ġestjoni tal-proċess ta’ approvazzjoni tal-prospetti. Dawk il-kostijiet huma stmati bħala EUR 500 000 (kostijiet ta’ darba) kif ukoll EUR 100 000 fis-sena għall-manutenzjoni. Billi l-prospetti abbozzati jistgħu jiġu sottomessi għall-approvazzjoni bit-23 lingwa uffiċjali tal-UE, dawn is-setgħat ġodda mogħtija lill-ESMA jimplikaw ukoll kostijiet tat-traduzzjoni stmati bħala EUR 1,2 miljun fis-sena.

L-ESMA għandha tapprova 1,600 prospett minn fost it-3,500 prospett approvati mill-NCAs kollha madwar l-UE, jiġifieri 45 % tal-prospetti kollha tal-UE. Bħala konsegwenza, dan it-trasferiment tas-setgħat għandu jkun akkumpanjat minn tnaqqis fil-persunal tal-NCAs li jittrattaw l-approvazzjoni tal-prospetti li għandhom jiġu approvati mill-ESMA.

Din il-proposta leġiżlattiva tipprevedi wkoll li l-ESMA se tawtorizza u tissorvelja l-amministraturi tal-parametri referenzjarji kritiċi, tapprova l-approvazzjoni tal-parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi u tirrikonoxxi l-amministraturi li jinsabu f’pajjiżi terzi. L-ESMA se tingħata wkoll setgħat investigattivi fir-rigward ta’ dawk l-amministraturi tal-parametri referenzjarji. Minħabba s-sinerġiji li tipprovdi superviżjoni diretta fil-livell tal-UE, jista’ jiġi stmat li għandhom jiġu ingaġġati 10 FTE addizzjonali. Dan it-trasferiment tas-setgħat lill-ESMA jippermetti li jiġi evitat ir-reklutaġġ ta’ persunal addizzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jittrattaw is-superviżjoni tal-amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi 54 .

L-ESMA se tkun responsabbli mir-reġistrazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data (jiġifieri mekkaniżmi ta’ rapportar approvati, arranġamenti ta’ pubblikazzjoni approvati u fornituri ta’ tape konsolidat) li huma tipi ġodda ta’ entitajiet, maħluqa mid-Direttiva dwar is-Suq tal-Istrumenti Finanzjarji. L-ESMA se tiżgura wkoll is-superviżjoni kontinwa tagħhom u hija se tingħata s-setgħa li twettaq investigazzjonijiet. Dan se jkun jeħtieġ ukoll membri tal-persunal speċjalizzati addizzjonali stmati bħala 20 FTE, inklużi 3 FTE speċjalizzati fis-sistemi tal-IT u 2 analisti tad-data. Minħabba l-għadd kbir ta’ data ġestita minn dawk l-entitajiet, hija meħtieġa sistema tal-IT kbira sabiex tiġi vvalutata l-kwalità tagħha, il-mod kif tiġi pproċessata u ppubblikata. Dawk il-kostijiet tal-IT huma stmati bħala EUR 2 miljun (kostijiet ta’ darba) kif ukoll EUR 400 000 fis-sena (kostijiet tal-manutenzjoni). Dan it-trasferiment tas-setgħat lill-ESMA jippermetti li jiġi evitat ir-reklutaġġ ta’ persunal addizzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jittrattaw is-superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data.

Fil-qosor, din id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva tassumi li s-setgħat superviżorji diretti ġodda tal-ESMA fuq l-entitajiet imsemmija hawn fuq jimplikaw:

·Ir-reklutaġġ ta’ 65 FTE addizzjonali sal-2022.

·Il-kostijiet tal-IT ta’ darba huma stmati bħala EUR 3 miljun;

·Il-kostijiet tal-IT rikorrenti huma stmati bħala EUR 600 000 fis-sena.

·Il-kostijiet tat-traduzzjoni huma stmati bħala EUR 1,2 miljun fis-sena.

V. Spejjeż ġenerali u appoġġ legali

L-ispejjeż ġenerali f’termini ta’ appoġġ tar-riżorsi fil-livell tal-aġenziji jkopru r-Riżorsi Umani, il-Finanzi, il-Ġestjoni tal-Faċilità, il-Koordinazzjoni u l-appoġġ bażiku tal-IT (minbarra l-proġetti tal-IT pan-Ewropej). Minħabba l-ħidma regolatorja estensiva tagħhom, l-ASE għandhom ukoll ħtiġijiet importanti f’termini ta’ appoġġ legali. Abbażi tas-sistema ta’ Ġestjoni Bbażata fuq l-Attività tal-ESMA, l-ispejjeż ġenerali tar-riżorsi u l-appoġġ legali jirrappreżentaw, rispettivament, 22 % u 13 % tal-persunal totali. Fi kliem ieħor, ifisser li għal 7 FTE li jeżegwixxu attività ewlenija, jiġu allokati bejn wieħed u ieħor 2 membri tal-persunal addizzjonali għall-ispejjeż ġenerali tar-riżorsi u membru tal-persunal wieħed għall-appoġġ legali. Meta wieħed iqis li l-ASE, filwaqt li qegħdin jikbru, jistgħu jiżviluppaw aktar l-ekonomiji ta’ skala, f’din id-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva, aħna assumejna li l-ispejjeż ġenerali f’termini ta’ riżorsi u l-appoġġ legali jirrappreżentaw 18 % u 8 % tal-persunal totali, rispettivament.

Bħala konsegwenza, iż-żieda f’termini ta’ riżorsi umani (FTE) sal-2022 tista’ tinġabar fil-qosor kif ġej:

EBA:

Attività Ewlenija

Spejjeż Ġenerali tar-Riżorsi

Appoġġ legali

Total

Governanza

4

1

1

6

Setgħat superviżorji indiretti

13

3

2

18

Finanzjament

4

1

0

5

Total

21

5

3

29

EIOPA:

Attività Ewlenija

Spejjeż Ġenerali tar-Riżorsi

Appoġġ legali

Total

Governanza

4

1

1

6

Setgħat superviżorji indiretti

18

4

2

24

Finanzjament

4

1

0

5

Total

26

6

3

35

ESMA:

Attività Ewlenija

Spejjeż Ġenerali tar-Riżorsi

Appoġġ legali

Total

Governanza

7

2

1

10

Setgħat superviżorji indiretti

30

7

3

40

Finanzjament

7

2

0

9

Setgħat superviżorji diretti

65

16

6

87

Total

109

27

10

146

Sabiex ikomplu jitnaqqsu l-kostijiet imġarrba mill-ASE, jistgħu jiġu impjegati għadd kbir ta’ FTE ġodda bħala Aġenti Kuntrattwali (AK) jew Esperti Nazzjonali Sekondati (ENS). Madankollu, l-għadd ta’ ENS ma għandux jiġi stmat b'mod eċċessiv. L-ASE jistgħu jiffaċċjaw diffikultà sabiex jirreklutaw tali esperti minħabba l-kostijiet li dawn jirrappreżentaw għall-Istati Membri u għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Minbarra dawn id-diffikultajiet bid-disponibbiltà tagħhom, fil-qasam tas-superviżjoni diretta, għandu jkun mistenni li huma jipprovdu esperjenza essenzjali meta l-ESMA tassumi dawk il-kompiti, iżda fuq medda twila ta’ żmien, wara l-fażi tal-bidu, se jkun aktar importanti għall-ESMA li żżomm l-għarfien espert intern u tistrieħ relattivament aktar fuq Persunal Temporanju. It-tabella li ġejja tipprevedi qasma indikattiva tal-persunal f’dawk il-kategoriji.

2019

2020

2021

2022

Persunal Temporanju

63

104

121

147

Esperti Nazzjonali Sekondati

5

11

15

15

Aġenti Kuntrattwali

29

37

41

48

Total

97

152

177

210

(il-persunal fl-2021 u fis-snin ta’ wara huwa indikattiv)

VI. Bini

Il-modifiki tal-kompiti se jimplikaw ukoll riżorsi ġodda f’termini tal-bini għall-ASE. Il-kostijiet addizzjonali stmati ttieħdu inkonsiderazzjoni kemm għall-ESMA kif ukoll għall-EIOPA. Fir-rigward tal-EBA, ma ġewx kontabbilizzati kostijiet addizzjonali f’dan id-dokument, minħabba li bħalissa ma hemm l-ebda informazzjoni disponibbli rigward is-sede l-ġdida u d-daqs tal-bini propost mill-Istati Membri.

(1) Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti: Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, it-22 ta’ Ġunju 2015;
(2) Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, COM(2017) 291 tal-31 ta’ Mejju 2017.
(3) Ara l-Istudju tal-Parlament Ewropew tal-2013 “Ir-rieżami tas-Sistema Ewropea Ġdida ta’ Superviżjoni Finanzjarja, L-Ewwel Parti: il-Ħidma tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA) (http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/etudes/join/2013/507446/IPOL-ECON_ET(2013)507446_EN.pdf)
(4) “Qafas superviżorju aktar integrat li jiżgura l-implimentazzjoni komuni tar-regoli għas-settur finanzjarju u eżekuzzjoni superviżorja aktar ċentralizzata huwa kruċjali.” Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, paġna 20, COM(2017) 291 tal-31 ta’ Mejju 2017
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea); ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol); ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq).
(6) ir-Regolament (UE) Nru 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju; ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej; ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji; Regolament (UE) Nru 2015/760 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil; u r-Regolament (UE) Nru 2017/1129 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat.
(7) Proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta’ CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi, COM(2017) 331 finali.
(8) Proposta għal Regolament dwar Prodott ta’ Pensjoni Personali pan-Ewropew, COM/2017/0343 finali - 2017/0143 (COD).
(9) “Id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza tal-UE fil-politika dwar is-servizzi finanzjarji: valutazzjoni”, SWD(2017)102 finali.
(10) https://ec.europa.eu/commission/publications/five-presidents-report-completing-europes-economic-and-monetary-union_mt
(11) “Unjoni tas-Swieq Kapitali – Naċċelleraw ir-Riforma”, COM(2016)601 finali.
(12) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, COM(2017)292 finali.
(13) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea); ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol); ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq); ir-Regolament (UE) Nru 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju; ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej; ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji; ir-Regolament (UE) Nru 2015/760 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil; u r-Regolament (UE) Nru 2017/1129 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat.
(14) Is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID II) - id-Direttiva 2014/65/UE
(15) Proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta’ CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi, COM(2017) 331 finali.
(16) Diġà ġiet adottata proposta tal-Kummissjoni dwar is-CCPs u, għalhekk, din mhijiex diskussa f’din il-valutazzjoni tal-impatt. Hija tintroduċi strateġija aktar pan-Ewropea għas-superviżjoni tas-CCPs tal-UE, bil-għan li tiġi żgurata konverġenza superviżorja ulterjuri u jitħaffu ċerti proċeduri. L-ESMA se tkun responsabbli sabiex tiżgura superviżjoni aktar koerenti u konsistenti tas-CCPs tal-UE, kif ukoll superviżjoni aktar robusta tas-CCPs f’pajjiżi terzi.
(17) Is-superviżjoni diretta (fil-każ tal-ESMA) kienet tibqa’ kompletament iffinanzjata mill-industrija
(18) Dawn jinkludu s-sostenibbiltà, il-proporzjonalità u s-suffiċjenza għall-finanzjament, inċentivi xierqa sabiex jiġu applikati b’mod effettiv is-setgħat tagħhom u jaġixxu fl-interess tal-UE għall-governanza u l-iżgurar ta’ superviżjoni effiċjenti u effettiva fir-rigward tal-attivitajiet u l-entitajiet transfruntieri għas-Setgħat.
(19) Dokument ta’ riflessjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, COM(2017) 291 tal-31 ta’ Mejju 2017.
(20) ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.
(21) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea); Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol); Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq).
(22) “Id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza tal-UE fil-politika dwar is-servizzi finanzjarji: valutazzjoni”, SWD(2017)102 finali.
(23) Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1).
(24) Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).
(25) Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98-121).
(26) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju u r-Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej, COM/2016/0461 finali.
(27) Ir-Regolament (UE) 2017/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar il-fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju u r-Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej, kif maqbula proviżorjament mal-Parlament Ewropew, is-27 ta’ Ġunju 2017, 2016/0221/COD.
(28) Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)
(29) Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010
(30) ĠU Ċ , , p. .
(31) ĠU Ċ , , p. .
(32) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ …(ĠU…) u d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ …
(33) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
(34) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(35) Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1).
(36) Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).
(37) Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123/98, 19.5.2015, p. 98).
(38) Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE u 2003/125/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).
(39) Kif imsemmi fl-Artikolu 54(2)(a) jew (b) tar-Regolament Finanzjarju.
(40) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni tas-CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent tas-CCPs ta’ pajjiżi terzi.
(41) Id-dettalji tal-modi ta’ ġestjoni u r-referenzi għar-Regolament Finanzjarju jistgħu jinstabu fuq is-sit BudgWeb: https://myintracomm.ec.europa.eu/budgweb/MT/man/budgmanag/Pages/budgmanag.aspx .
(42) Diff. = Approprjazzjonijiet differenzjati / Mhux-diff. = Approprjazzjonijiet mhux differenzjati.
(43) EFTA: Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles.
(44) Pajjiżi kandidati u, fejn applikabbli, pajjiżi kandidati potenzjali mill-Balkani tal-Punent.
(45) Ir-riżultati huma prodotti u servizzi li jridu jiġu fornuti (eż.: l-għadd ta’ skambji ta’ studenti ffinanzjati, l-għadd ta’ kilometri ta’ toroq mibnija, eċċ.).
(46) Kif deskritt fil-punt 1.4.2. “Objettiv(i) speċifiku(ċi)...”.
(47) Is-sena N hija s-sena li fiha tibda l-implimentazzjoni tal-proposta/inizjattiva.
(48) AC = Persunal Kuntrattwali; AL = Persunal Lokali; ENS = Espert Nazzjonali Sekondat; INT= persunal tal-aġenzija; JED = Esperti Żgħażagħ f’Delegazzjonijiet.
(49) Sottolimitu għal persunal estern kopert minn approprjazzjonijiet operattivi (dawk li kienu linji "BA").
(50) Prinċipalment għall-Fondi Strutturali, għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u għall-Fond Ewropew għas-Sajd (FES).
(51) Ara l-Artikoli 11 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020.
(52) Fir-rigward tar-riżorsi proprji tradizzjonali (dazji doganali, imposti fuq iz-zokkor), l-ammonti indikati jridu jkunu ammonti netti, jiġifieri ammonti grossi wara tnaqqis ta’ 25 % għall-kostijiet tal-ġbir.
(53) 6 membri permanenti tal-Bordijiet Eżekuttivi – Direttur Eżekuttiv wieħed – President wieħed - 4 membri permanenti ġodda
(54)    Pereżempju, l-FCA tar-Renju Unit stmat li s-superviżjoni ta’ parametru referenzjarju kritiku tal-LIBOR tammonta għal kostijiet ta’ darba ta’ £0.2m u kostijiet rikorrenti ta’ £0.9m, inklużi kemm salarji kif ukoll spejjeż ġenerali.
Top