Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0461

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku

    COM/2017/0461 final - 2017/0212 (NLE)

    Brussell, 29.8.2017

    COM(2017) 461 final

    2017/0212(NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

    Skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar għandu jrodd lura u jżomm il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada 'il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY). Għodda importanti f’dan ir-rigward hija l-istabbiliment annwali tal-opportunitajiet tas-sajd fl-għamla ta' qabdiet totali permissibbli (TACs), u kwoti.

    Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet ikompli jispeċifika l-valuri tal-mortalitajiet mis-sajd espressi bħala meded li huma użati f’din il-proposta sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS, speċjalment il-ksib u ż-żamma tal-MSY.

    L-għan ta' din il-proposta huwa li jiġu ffissati għall-2018 l-opportunitajiet tas-sajd għall-Istati Membri fir-rigward tal-iktar stokkijiet kummerċjalment importanti fil-Baħar Baltiku. Bil-għan li jiġu ssimplifikati u ċċarati d-deċiżjonijiet annwali dwar it-TAC u l-kwoti, l-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku ilhom li ġew stabbiliti mill-2006 permezz ta' Regolament separat.

    Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta' politika

    Il-proposta tistabbilixxi kwoti fil-livelli konsistenti mal-għanijiet tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd. Il-proposta tqis il-bidliet introdotti bir-Regolament (UE) Nru 2015/812 li neħħa s-sistema tal-isforzi tas-sajd għall-istokkijiet fil-Baħar Baltiku.

    Il-konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-miżuri proposti huma konformi mal-għanijiet u r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u huma konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Il-bażi ġuridika

    L-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    Il-proporzjonalità

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

    Il-Politika Komuni tas-Sajd hija politika komuni. Skont l-Artikolu 43(3) tat-TFUE hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jadotta l-miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

    Ir-Regolament tal-Kunsill inkwistjoni jalloka l-opportunitajiet tas-sajd lill-Istati Membri. B'kunsiderazzjoni tal-Artikolu 16(6) u (7) u tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Istati Membri huma liberi li jallokaw dawn l-opportunitajiet fost reġjuni jew operaturi skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikoli msemmija. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom spazju kemm iridu biex jimmanuvraw dwar deċiżjonijiet relatati mal-mudell soċjali/ekonomiku tal-għażla tagħhom biex jisfruttaw l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom.

    Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja ġdida għall-Istati Membri. Dan ir-Regolament partikolari jiġi adottat mill-Kunsill kull sena, u l-mezzi pubbliċi u privati għall-implimentazzjoni tiegħu diġà jinsabu fis-seħħ.

    L-għażla tal-istrument

    L-istrument propost: Regolament.

    Din hija proposta għall-ġestjoni tas-sajd abbażi tal-Artikolu 43(3) tat-TFUE.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT.

    Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Il-Kunsill Konsultattiv għall-Baħar Baltiku (BSAC) ġie kkonsultat abbażi tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ Konsultazzjoni dwar l-Opportunitajiet tas-Sajd għall-2018 skont il-Politika Komuni tas-Sajd (COM(2017) 368 final). Il-bażi xjentifika tal-proposta ngħatat mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES). Tqiesu l-opinjonijiet preliminari espressi dwar l-istokkijiet tal-ħut kollha kkonċernati u ġew ikkunsidrati kemm jista' jkun fil-proposta mingħajr ma nħolqu kontradizzjonijiet mal-politiki eżistenti jew deterjorament fl-istat tar-riżorzi vulnerabbli.

    Il-parir xjentifiku dwar il-limitazzjonijiet u l-istatus tal-qbid ġie diskuss ukoll mal-Istati Membri fil-forum BALTFISH reġjonali f’Ġunju 2017.

    Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi

    L-organizzazzjoni xjentifika kkonsultata hija l-ICES.

    Kull sena, l-Unjoni titlob lill-ICES għal parir xjentifiku dwar il-qagħda ta’ stokkijiet ta’ ħut importanti. Il-parir li tirċievi jkopri l-istokkijiet kollha tal-Baltiku u jiġu proposti TACs għal dawk l-aktar importanti kummerċjalment.

    Il-valutazzjoni tal-impatt

    Il-proposta hija wkoll parti minn approċċ fit-tul fejn il-livell tas-sajd jiġi aġġustat u jinżamm f’livelli ta' sostenibbiltà fit-tul. Dan l-approċċ se jirriżulta fi pressjoni tas-sajd stabbli, kwoti ogħla u għalhekk dħul aħjar għas-sajjieda u għall-familji tagħhom. Iż-żieda tal-ħatt l-art hija mistennija li tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, għall-industrija tas-sajd, għall-industrija tal-ipproċessar u għall-bejgħ bl-imnut kif ukoll għall-bqija tal-industrija anċillari marbuta mas-sajd kummerċjali u rikreattiv.

    Id-deċiżjonijiet meħuda dwar l-opportunitajiet tas-sajd tal-Baħar Baltiku tul dawn l-aħħar snin diġà kellhom suċċess fil-bini mill-ġdid ta’ xi stokkijiet (b’żieda tal-bijomassa għal stokkijiet pelaġiċi ta’ 50 % bejn l-2012 u l-2016) u fl-ibbilanċjar mill-ġdid tal-kapaċità tas-sajd u tal-opportunitajiet tas-sajd. Madankollu għad hemm il-lok għall-progress biex jerġgħu jinbnew l-istokkijiet demersali - xi wħud minnhom għadhom taħt il-limiti tal-bijomassa sikuri - u biex l-istokkijiet kollha jinġiebu taħt l-MSY.

    B’kunsiderazzjoni għal dak imsemmi hawn fuq, il-proposta tal-Kummissjoni se tnaqqas il-kwoti tal-istokkijiet tal-aringa tal-Baltiku tal-Punent, tal-Golf ta’ Bothnia u tal-Golf ta’ Riga, tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant u tal-barbun tat-tbajja’- b’medja ta’ 32 %. Qed tiġi proposta żieda tal-istokkijiet tal-aringa tal-Baltiku Ċentrali u tal-laċċa kaħla b’25 % u 0,5 % rispettivament. L-ammont ta’ opportunitajiet tas-sajd Baltiku għall-istokkijiet tas-salamun espress fin-numru ta’ biċċiet ta’ ħut sejra tiżdied minn 106 413 sa 116 099 ħuta. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 9 % meta mqabbel mal-2017. Huwa propost riportament tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Punent.

    L-impatt tal-proposti għall-2018 għalhekk se jkunu differenzjati ħafna premezz tat-tip ta’ żona tas-sajd. Kollox ma’ kollox, il-proposta tal-Kummissjoni twassal għal livell ta’ madwar 647 elf tunnellata għall-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku, tnaqqis ta’ 7 % meta mqabbel mal-2017.

    L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni

    Il-proposta tibqa’ flessibbli fl-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ skambju ta’ kwoti li kienu diġà introdotti fis-snin preċedenti fir-Regolamenti dwar l-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku. Ma hemm l-ebda element ġdid jew proċeduri amministrattivi ġodda proposti għall-awtoritajiet pubbliċi (tal-UE jew nazzjonali) li jistgħu jżidu l-piż amministrattiv.

    Il-proposta tikkonċerna Regolament annwali għall-2018 u għalhekk ma tinkludix klawsola ta’ reviżjoni.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

    Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet fuq il-baġit tal-UE.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni u l-arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

    Il-monitoraġġ tal-użu tal-opportunitajiet tas-sajd fil-forma ta’ qabdiet totali permissibbli (TACs) u ta’ kwoti ġie stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.

    Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Il-proposta tistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet jew gruppi ta' stokkijiet għas-sajd tal-Istati Membri fil-Baħar Baltiku. Għall-ewwel darba, tistabbilixxi wkoll l-ispeċi li għaliha s-sajd huwa projbit. Dan jikkonċerna l-ħażna tas-sallura Ewropea.

    Opportunitajiet tas-sajd

    Il-pjan pluriennali l-ġdid għas-sajd fil-Baħar Baltiku daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Lulju 2016 1 . Skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-pjan, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati skont il-miri tal-pjan u għandhom jikkonformaw mal-meded ta’ mortalità mis-sajd fil-mira stabbiliti fih. F’każijiet fejn il-bijomassa tal-istokk tkun inqas mill-punti ta’ referenza stabbiliti fil-pjan, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati f’livell li jikkorrispondi għall-mortalità mis-sajd li huwa mnaqqas b’mod proporzjonat b’kont meħud tat-tnaqqis tal-bijomassa tal-istokk.

    L-opportunitajiet tas-sajd huma proposti skont l-Artikolu 16(1) (li jirreferi għall-prinċipju tal-istabbiltà relattiva) u skont l-Artikolu 16(4) (li jirreferi għall-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd u għar-regoli previsti fil-pjanijiet pluriennali).

    Fejn rilevanti, sabiex jiġu ffissati l-kwoti tal-UE għal stokkijiet maqsuma mal-Federazzjoni Russa, il-kwantitajiet rispettivi ta’ dawn l-istokkijiet tnaqqsu mit-TACs skont il-parir mogħti mill-ICES. It-TACs u l-kwoti allokati lill-Istati Membri jinsabu fl-Anness tar-Regolament.

    Il-ħames stokkijiet pelaġiċi kollha (erba' stokkijiet ta' aringa u stokk wieħed ta' laċċa kaħla) merluzz tal-Baltiku tal-Punent, il-il-barbun tat-tbajja' u s-Salamun fil-Baċir Ewlieni fil-Baħar Baltiku jridu jiġu mistada fil-livelli tal-MSY fl-2018. L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet kollha suġġetti għal MAP Baltiku jiġu ffissati skont il-meded tal-mortalità mis-sajd fil-mira konsistenti mal-kisba tar-rendiment massimu sostenibbli fl-2018: il-kwoti proposti għal tliet stokkijiet tal-aringi fil-Baħar Baltiku tal-Punent u Ċentrali u fil-Golf ta’ Riga jikkorrispondu għal mortalitajiet ta’ sajd li jaqblu maż-żewġ partijiet għall-mortalità mis-sajd MSY kif imsemmi fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2016/1139. Għal żewġ stokkijiet, jiġifieri l-aringa tal-Punent u l-bakkaljaw tal-Punent, l-opportunitajiet tas-sajd jikkorrispondu għall-mortalità mis-sajd fi ħdan il-medda kif imsemmi fl-Artikolu 5(2), (3) tar-Regolament (UE) 2016/1139.

    It-TACs għas-salamun tal-Golf tal-Finlandja u l-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant jikkorrispondu għall-approċċ żviluppat mill-ICES li jiġi applikat għall-istokkijiet b'dejta limitata.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 daħħal kundizzjonijiet addizzjonali għall-ġestjoni minn sena għal sena tat-TACs, li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà skont l-Artikoli 3 u 4 għall-istokkijiet prekawzjonali u analitiċi rispettivament. Skont l-Artikolu 2 tiegħu, meta jiġu stabbiliti t-TACs, il-Kunsill għandu jiddeċiedi liema huma l-istokkijiet li għalihom ma japplikawx l-Artikoli 3 u 4, b’mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet. Fi żmien aktar riċenti, iddaħħal il-mekkaniżmu ta' flessibbiltà għall-istokkijiet kollha koperti bl-obbligu ta’ ħatt l-art mill-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Għalhekk, sabiex tiġi evitata l-flessibbiltà eċċessiva li ddgħajjef il-prinċipju tal-isfruttament razzjonali u responsabbli tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar u tfixkel il-ksib tal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplikaw biss fejn l-Istati Membri ma jużawx il-flessibbiltà minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament 1380/2013.

    Sallura Ewropea

    Iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sallura Ewropea huwa kumpless, peress li din hija ħuta b’ħajja twila u li hija mifruxa sew: evidenza reċenti tissuġġerixxi li s-sallur ibid fil-Baħar Sargasso u l-larvae tiegħu jasal mal-kurrenti tal-oċean għall-blata kontinentali tal-Ewropa u tal-Afrika ta’ Fuq, fejn jittrasforma fi frieħ tas-sallur u jidħol fl-ilmijiet kontinentali.

    Matul il-parti taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom kontinentali (ilma salmastru u/jew tal-ilma ħelu), il-fatturi ta’ mortalità li jolqtu s-sallur jiddependu fuq il-kundizzjonijiet reġjonali. Ir-Regolament tal-Kunsill 1100/2007 li jistabbilixxi l-miżuri għall-irkupru tas-sallura Ewropea (ir-Regolament dwar is-Sallur) jobbliga lill-Istati Membri b’ħabitats tas-sallur sinifikanti biex jimplimentaw il-pjanijiet għall-ġestjoni tas-sallura li jistgħu jiżguraw li ammont suffiċjenti ta’ sallur adulti jistgħu jħallu l-baċiri tax-xmajjar u jilħqu l-ibħra miftuħa b’mod li jkunu jistgħu jirriproduċu u li l-istokk jista’ jirkupra. Pjanijiet nazzjonali għall-ġestjoni tas-sallur jistgħu (iżda mhumiex obbligati li) jinkludu l-ilmijiet marini.

    Dejta reċenti wriet madankollu li 57 % ta’ dawk tas-sallur tal-fidda li jkunu laħqu l-ibħra miftuħa jinqabdu minn sajd kummerċjali u rikreattiv fil-Baħar Baltiku. Ir-Regolament dwar is-Sallur jobbliga lill-Istati Membri li joperaw l-industriji tas-sajd tas-sallur fl-ilmijiet tal-UE biex jitnaqqsu l-isforzi u/jew il-qabdiet b’50% meta mqabbel mal-medja tal-2004–2006, sakemm il-pjanijiet ta’ ġestjoni tagħhom ma jkoprux ukoll l-ilmijiet marittimi. L-ebda wieħed mill-Istati Membri tal-Baħar Baltiku ma jilħqu dan l-għan.

    Il-parir xjentifiku rikorrenti jiddikjara li: “[...] meta jiġi applikat l-approċċ ta’ prekawzjoni għas-sallura Ewropea, l-impatti antropoġeniċi kollha (eż. sajd kummerċjali u rikreattiv fl-istadji kollha, l-idroenerġija, l-istazzjonijiet tal-ippumpjar u tat-tniġġis) inaqqsu l-produzzjoni u għalhekk għandha titnaqqas il-migrazzjoni tas-sallur tal-fidda jew tinżamm kemm jista’ jkun qrib iż-żero.” 2  

    Fid-dawl tal-istat ta’ dan l-istokk, li huwa elenkat fl-Anness II tas-CITES, it-tnaqqis ta’ 50 % fl-isforz jew fil-qabdiet preskritti fid-Direttiva dwar is-Sallur mhuwiex konformi mal-għanijiet tal-PKS tal-2013 għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi. Minħabba l-parir tal-ICES huwa importanti li l-attivitajiet tas-sajd li għandhom fil-mira l-ħut nisa riproduttivi bil-bajd jenħtieġ li jieqfu sakemm ikun hemm evidenza ċara ta’ titjib fl-istat tal-istokk. Minħabba dan il-parir sever tal-ICES, huwa għalhekk xieraq li sakemm jinstabu soluzzjonijiet aktar fit-tul tiġi pprojbita kull attività tas-sajd tas-sallura Ewropea fil-Baħar Baltiku fl-2018.

    2017/0212 (NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1) L-Artikolu 43(3) tat-Trattat jipprevedi li l-Kunsill jadotta miżuri għall-iffissar u l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd, fuq proposta tal-Kummissjoni.

    (2) L-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 jesiġi li jiġu addottati miżuri ta' konservazzjoni filwaqt li jitqiesu l-pariri xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi disponibbli inkluż, fejn rilevanti, rapporti mfassla mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) u minn korpi konsultattivi oħra, kif ukoll fid-dawl ta' kwalunkwe parir mogħti minn Kunsilli Konsultattivi stabbiliti għaż-żoni ġeografiċi jew oqsma ta’ kompetenza u rakkomandazzjonijiet konġunti li jsiru mill-Istati Membri.

    (3)Il-Kunsill għandu r-responsabbiltà li jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, inklużi ċerti kundizzjonijiet li huma funzjonalment marbuta magħhom, kif ikun jixraq. L-opportunitajiet tas-sajd jenħtieġ li jiġu allokati lill-Istati Membri b'mod li tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta' kull Stat Membru għal kull stokk jew attività tas-sajd filwaqt li jitqiesu kif xieraq l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    (4) L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi li l-għan tal-PKS ikun li tintlaħaq ir-rata ta' sfruttament tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY) sal-2015 sa fejn possibbli u, fuq bażi progressiva u inkrementali sa mhux aktar tard mill-2020.

    (5) Għalhekk, il-qabdiet totali permissibbli (TACs) jenħtieġ li jiġu stabbiliti, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, abbażi tal-pariri xjentifiċi disponibbli, b'kont meħud tal-aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi filwaqt li jiġi żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, kif ukoll wara li jiġu kkunsidrati l-opinjonijiet espressi matul il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

    (6) Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet (“il-pjan”). Il-pjan għandu l-għan li jiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar ireġġa' lura u jżomm lill-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet maqbuda f'livelli 'l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Għal dak il-għan, il-mortalità mis-sajd fil-mira għall-istokkijiet ikkonċernati, espressa f'meded, għandha tintlaħaq kemm jista' jkun malajr u, fuq bażi progressiva u inkrementali, sal-2020. Huwa xieraq li l-limiti ta' qbid applikabbli fl-2018 għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku jiġu stabbiliti bil-ħsieb li jintlaħqu l-għanijiet tal-pjan.

    (7) Skont il-pjan, meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa ta' stokk riproduttiv ta' kwalunkwe stokk ikkonċernat tkun taħt il-punti ta' referenza tal-bijomassa ta' stokk riproduttiv stipulati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/1139, kull miżura ta' rimedju xierqa għandha tiġi adottata sabiex jiġi żgurat li l-istokk ikkonċernat jitreġġa' lura malajr għal livelli ogħla minn dak li kapaċi jipproduċi rendiment massimu sostenibbli. Il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) indika li l-bijomassa tal-istokk tal-merluzz tal-Baltiku tal-Punent (Gadus morhua) u tal-aringi tal-Baltiku tal-Punent (Clupea harengus) hija anqas mill-punti ta' referenza dwar konservazzjoni stipulati fl-Anness II ta' dak ir-Regolament. Konsegwentement, huwa xieraq li l-opportunitajiet ta' sajd għall-merluzz Baltiku tal-Punent u għall-aringi tal-Baltiku tal-Punent jiġu stabbiliti taħt il-medda tal-mortalità mis-sajd fl-Anness I, kolonna B, tar-Regolament (UE) 2016/1139, f'livell li jqis it-tnaqqis tal-bijomassa. Għal dak l-għan, huwa neċessarju li jitqiesu l-iskeda ta' żmien għall-kisba tal-għanijiet tal-PKS b'mod ġenerali u dawk tal-pjan b'mod partikolari minħabba l-effett mistenni tal-miżuri ta' rimedju meħuda, filwaqt li fl-istess ħin iżommu mal-għanijiet tal-ksib tal-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ta' impjieg, kif stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    (8) Fir-rigward tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent, jenħtieġ li jittieħdu miżuri ta’ rimedju ulterjuri. Iż-żamma tal-perjodu ta’ għeluq ta’ tmien ġimgħat applikabbli bħalissa tkompli tipprovdi protezzjoni għall-aggregazzjonijiet riproduttivi tal-merluzz. Skont il-parir xjentifiku, is-sajd rikreattiv għall-istokk tal-Punent tal-merluzz tal-baħar Baltiku jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-mortalità tas-sajd globali ta’ dak l-istokk. Filwaqt li jitqies l-istat attwali ta' dak l-istokk, huwa xieraq li jinżammu ċerti miżuri applikabbli bħalissa dwar is-sajd rikreattiv. B'mod aktar partikolari, jenħtieġ li japplika limitu tal-qabda ta' kuljum għal kull sajjied, liema limitu jenħtieġ ikun aktar restrittiv matul żmien ir-riproduzzjoni tal-ħut. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-istabbiltà relattiva applikabbli għall-attivitajiet ta' sajd kummerċjali.

    (9) Fir-rigward tal-istokk tal-Lvant tal-merluzz tal-Baltiku (Gadus morhua), minħabba xi bidliet fil-bijoloġija tiegħu, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) ma setax jistabbilixxi punti ta’ referenza bijoloġiċi. Huwa xieraq, għalhekk, li sabiex jingħata kontribut għall-kisba tal-għanijiet tal-pjan, it-TAC għall-merluzz Baltiku tal-Lvant jiġi stabbilit skont l-approċċ ta' prekawzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament 1380/2013.

    (10) Fir-rigward tal-Golf tal-Bothnia, l-ICES wettaq valutazzjoni tal-istokk bl-użu tal-iktar dejta reċenti u l-iktar informazzjoni aġġornata u rrieżamina l-meded ta’ mortalità mis-sajd li jikkorrispondu għall-MSY. Filwaqt li hemm diskrepanza fil-meded ta’ mortalità mis-sajd stabbilita fil-parir xjentifiku u fil-pjan, li kienet ibbażata wkoll fuq l-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tagħha, il-pjan huwa legalment vinkolanti u fis-seħħ u għalhekk jenħtieġ li jiġi segwit għall-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd għal dan l-istokk.

    (11) Fir-rigward tal-istokk tas-sallura Ewropea, l-ICES ta parir li l-mortalitajiet antropoġeniċi kollha, u s-sajd rikreattiv kif ukoll dak kummerċjali jenħtieġ li jitnaqqsu sa żero, jew jinżammu kemm jista’ jkun qrib iż-żero. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi implimentat dan il-parir billi tiġi stabbilita projbizzjoni fuq is-sajd għal dawn l-ispeċijiet fil-Baħar Baltiku.

    (12) L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd stipulati f'dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 5 , u b'mod partikolari għall-Artikoli 33 u 34 tiegħu li jikkonċernaw id-dokumentazzjoni tal-qabdiet u l-isforz tas-sajd, u għat-trażmissjoni tad-dejta dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd lill-Kummissjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jispeċifika l-kodiċijiet marbuta mal-ħatt l-art tal-istokkijiet soġġetti għal dan ir-Regolament li għandhom jintużaw mill-Istati Membri meta jibagħtu d-dejta lill-Kummissjoni.

    (13) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 6 (4) introduċa kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TAC inkluż, skont l-Artikoli 3 u 4, dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà għat-TACs prekawzjonarji u analitiċi. Skont l-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament, meta jiġu stabbiliti t-TACs, il-Kunsill irid jiddeċiedi liema huma l-istokkijiet li għalihom ma għandhomx japplikaw l-Artikoli 3 jew 4, b'mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet. Aktar reċentement, permezz tal-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 iddaħħal il-mekkaniżmu ta' flessibbiltà minn sena għal sena għall-istokkijiet kollha li huma soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art. Għalhekk, sabiex tiġi evitata flessibilità eċċessiva li ddgħajjef il-prinċipju ta' sfruttament razzjonali u responsabbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ħajjin, ixxekkel il-kisba tal-miri tal-PKS u twassal biex tmur għall-agħar il-qagħda bijoloġika tal-istokkijiet, jenħtieġ li jiġi stabbilit li l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplikaw għat-TACs biss meta l-flessibilità minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma tintużax.

    (14) Sabiex tkun evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u sabiex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Jannar 2018. Għal raġunijiet ta' urġenza, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut fil-Baħar Baltiku għall-2018.

    Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni

    1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li joperaw fil-Baħar Baltiku.

    2. Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għas-sajd rikreattiv fejn huwa espressament imsemmi fid-dispożizzjonijiet rilevanti.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Barra minn dan, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)“ICES” tfisser Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar;

    (2)“Baħar Baltiku” tfisser iż-żoni ICES IIIb, IIIc u IIId;

    (3)“stokk” tfisser riżorsa bijoloġika tal-baħar li tinsab f'żona ta' ġestjoni partikolari;

    (4)“sottodiviżjoni” tfisser sottodiviżjoni tal-ICES tal-Baħar Baltiku kif iddefinita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 7 ;

    (5)“qabda totali permissibbli” (TAC) tfisser il-kwantità ta' kull stokk li tista' tinqabad fuq perjodu ta' sena;

    (6)“kwota” tfisser proporzjon mit-TAC allokata lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz;

    (7)“sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar għal rikreazzjoni, turiżmu jew sport.

    KAPITOLU II

    L-OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD

    Artikolu 4

    TACs u allokazzjonijiet

    It-TACs, il-kwoti u l-kondizzjonijiet marbutin b'mod funzjonali magħhom, fejn xieraq, huma stipulati fl-Anness.

    Artikolu 5

    Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet tal-opportunitajiet tas-sajd

    L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stipulat f'dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:

    (a)skambji magħmula skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (b)tnaqqis u riallokazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

    (c)ħatt l-art addizzjonali permess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 jew skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (d)kwantitajiet miżmuma skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 jew trasferiti skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (e)tnaqqis magħmul skont l-Artikoli 105 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

    Artikolu 6

    Kondizzjonijiet għall-ħatt l-art ta’ qabdiet u ta’ qabdiet aċċessorji

    1. Qabdiet ta' speċi soġġetti għal limiti fuq il-qbid u li nqabdu f'żoni tas-sajd speċifikati fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 huma soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art, kif stabbilit fl-Artikolu 15 ta' dak ir-Regolament.

    2. L-istokkijiet ta' speċi mhux fil-mira fil-limiti bijoloġiċi sikuri msemmija fl-Artikolu 15(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 huma identifikati fl-Anness għall-finijiet tad-deroga mill-obbligu li l-qabdiet jingħaddu skont il-kwoti rilevanti previsti f'dak l-Artikolu.

    Artikolu 7

    Miżuri dwar is-sajd rikreattiv għall-merluzz fis-sottodiviżjonijiet 22-24

    1. Fis-sajd rikreattiv, mhux aktar minn ħames kampjuni ta' merluzz jistgħu jinżammu għal kull sajjied kuljum fis-sottodiviżjonijiet 22-24.

    2. B'deroga mill-paragrafu 1, mhux aktar minn tliet kampjuni ta' merluzz jistgħu jinżammu għal kull sajjied kuljum fis-sottodiviżjonijiet 22-24 fil-perjodu li jibda mill-1 ta' Frar 2018 sal-31 ta' Marzu 2018.

    3. Il-paragrafi 1 u 2 huma mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali aktar stretti.

    Artikolu 8

    Projbizzjonijiet

    1. Għandu jkun ipprojbit għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu għal, iżommu abbord, jittrasbordaw jew iħottu l-art is-sallura Ewropea (Anguilla anguilla).

    2. Is-sajd rikreattiv għas-sallura Ewropea (Anguilla anguilla) għandu jiġi pprojbit.

    KAPITOLU III

    ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 9

    Trażmissjoni tad-dejta

    Meta, skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni d-dejta li tirrigwarda l-kwantitajiet tal-istokkijiet maqbuda jew li nħattu l-art, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 10

    Livell ta' flessibilità

    1. Ħlief meta jkun speċifikat mod ieħor fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għandu japplika għall-istokkijiet soġġetti għal TACs prekawzjonarji u l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament għandhom japplikaw għal stokkijiet soġġetti għal TAC analitika.

    2. L-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandhomx japplikaw meta Stat Membru juża l-flessibbiltà ta' sena b'sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    Artikolu 11

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007, ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1–15.
    (2) ICES Advice on fishing opportunities, catch and effort, Northeast Atlantic. ICES advice 2016, Book 9, published 28 October 2016
    (3) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
    (4) Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007, ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1–15.
    (5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 ( ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1 ).
    (6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta' Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti (ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3).
    (7) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 tal-21 ta' Diċembru 2005 għall-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound ( ĠU L 349, 31.12.2005, p. 1 ).
    Top

    Brussell, 29.8.2017

    COM(2017) 461 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku


    TACs APPLIKABBLI GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI F'ŻONI LI GĦALIHOM JEŻISTU TACs SKONT L-ISPEĊI U Ż-ŻONA

    It-tabelli li ġejjin jistabbilixxu t-TACs u l-kwoti (f'tunnellati ta' piż ħaj, ħlief fejn ikun speċifikat mod ieħor) skont l-istokk u l-kundizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom.

    Ir-referenzi għaż-żoni tas-sajd huma referenzi għaż-żoni tal-ICES, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    L-istokkijiet tal-ħut huma msemmija skont l-ordni alfabetika tal-ismijiet bil-Latin tal-ispeċi.

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, qiegħda tingħata t-tabella komparattiva li ġejja bl-ismijiet bil-Latin u bl-ismijiet komuni:

    Isem xjentifiku

    Kodiċi Alpha-3

    Isem komuni

    Clupea harengus

    HER

    Aringa

    Gadus morhua

    COD

    Bakkaljaw

    Pleuronectes platessa

    PLE

    Barbun tat-tbajja’

    Salmo salar

    SAL

    Salamun

    Sprattus sprattus

    SPR

    Laċċa Kaħla

    Speċijiet:

    Aringa

    Żona:

    Sottodiviżjonijiet 30-31

    Clupea harengus

    (HER/30/31.)

    Il-Finlandja

    57896

    L-Iżvezja

    12721

    L-Unjoni

    70617

    TAC

    70617

    TAC analitika

    Speċijiet:

    Aringa

    Żona:

    Sottodiviżjonijiet 22-24

    Clupea harengus

    (HER/3BC+24)

    Id-Danimarka

    1820

    Il-Ġermanja

    7166

    Il-Finlandja

    1

    Il-Polonja

    1690

    L-Iżvezja

    2310

    L-Unjoni

    12987

    TAC

    12987

    TAC analitika

    L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.




    Speċijiet:

    Aringa

    Żona:

    Ilmijiet tal-Unjoni tas-Sottodiviżjonijiet 25-27, 28.2, 29 u 32

    Clupea harengus

    (HER/3D-R30)

    Id-Danimarka

    5241

    Il-Ġermanja

    1390

    L-Estonja

    26764

    Il-Finlandja

    52243

    Il-Latvja

    6605

    Il-Litwanja

    6955

    Il-Polonja

    59353

    L-Iżvezja

    79678

    L-Unjoni

    238229

    TAC

    Mhux rilevanti

    TAC analitika

    Għandu japplika l-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.

    Speċijiet:

    Aringa

    Żona:

    Sottodiviżjoni 28.1

    Clupea harengus

    (HER/03D.RG)

    L-Estonja

    13392

    Il-Latvja

    15607

    L-Unjoni

    28999

    TAC

    28999

    TAC analitika

    Għandu japplika l-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.



    Speċi

    Bakkaljaw

    Żona:

    Ilmijiet tal-Unjoni tas-Sottodiviżjonijiet 25-32

    Gadus morhua

    (COD/3DX32.)

    Id-Danimarka

    5117

    Il-Ġermanja

    2036

    L-Estonja

    499

    Il-Finlandja

    392

    Il-Latvja

    1903

    Il-Litwanja

    1253

    Il-Polonja

    5891

    L-Iżvezja

    5184

    L-Unjoni

    22275

     

    TAC

    Mhux rilevanti

    TAC ta’ prekawzjoni

    L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.



    Speċijiet:

    Bakkaljaw

    Żona:

    Sottodiviżjonijiet 22-24

    Gadus morhua

    (COD/3BC+24)

    Id-Danimarka

    2444(1)

    Il-Ġermanja

    1194(1)

    L-Estonja

    54(1)

    Il-Finlandja

    48(1)

    Il-Latvja

    202(1)

    Il-Litwanja

    131(1)

    Il-Polonja

    654(1)

    L-Iżvezja

    870(1)

    L-Unjoni

    5597(1)

    TAC

    5597(1)

    TAC analitika

    L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

    (1) Din il-kwota tista' tiġi mistada mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Jannar u mill-1 ta' April sal-31 ta' Diċembru 2018




    Speċijiet:

    Barbun tat-tbajja’

    Żona:

    Ilmijiet tal-Unjoni tas-Sottodiviżjonijiet 22-32

    Pleuronectes platessa

    (PLE/3BCD-C)

    Id-Danimarka

    4493

    Il-Ġermanja

    499

    Il-Polonja

    941

    L-Iżvezja

    339

    L-Unjoni

    6272

    TAC

    6272

    TAC analitika

    Speċijiet:

    Salamun

    Żona:

    Ilmijiet tal-Unjoni tas-Sottodiviżjonijiet 22-31

    Salmo salar

    (SAL/3BCD-F)

    Id-Danimarka

    21986

    (1)

    Il-Ġermanja

    2446

    (1)

    L-Estonja

    2234

    (1)

    Il-Finlandja

    27415

    (1)

    Il-Latvja

    13984

    (1)

    Il-Litwanja

    1644

    (1)

    Il-Polonja

    6670

    (1)

    L-Iżvezja

    29717

    (1)

    L-Unjoni

    106096

    (1)

    TAC

    Mhux rilevanti

    TAC analitika

    L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

    __________

    (1) Espress fl-għadd ta’ ħut individwali.



    Speċijiet:

    Salamun

    Żona:

    Ilmijiet tal-Unjoni tas-Sottodiviżjoni 32

    Salmo salar

    (SAL/3D32.)

    L-Estonja

    1026

    (1)

    Il-Finlandja

    8977

    (1)

    L-Unjoni

    10003

    (1)

    TAC

    Mhux rilevanti

    TAC ta’ prekawzjoni

    __________

    (1) Espress fl-għadd ta’ ħut individwali.

    Speċijiet:

    Laċċa Kaħla

    Żona:

    Ilmijiet tal-Unjoni tas-Sottodiviżjonijiet 22-32

    Sprattus sprattus

    (SPR/3BCD-C)

    Id-Danimarka

    25875

    Il-Ġermanja

    16393

    L-Estonja

    30047

    Il-Finlandja

    13545

    Il-Latvja

    36289

    Il-Litwanja

    13127

    Il-Polonja

    77012

    L-Iżvezja

    50022

    L-Unjoni

    262310

    TAC

    Mhux rilevanti

    TAC analitika

    Għandu japplika l-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.

    Top