Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0426

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta' deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    COM/2017/0426 final - 2017/0192 (NLE)

    Brussell, 11.8.2017

    COM(2017) 426 final

    2017/0192(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta' deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud 1 (minn issa ’l quddiem “id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva biex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjeni ċerti forom ta' evażjoni jew ta' evitar tat-taxxa.

    F'ittra reġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta' April 2017, ir-Rumanija talbet li tkompli l-applikazzjoni tal-miżura li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT biex tippermetti l-eżenzjoni mill-VAT ta’ persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx limitu speċifiku. Fl-istess waqt ir-Rumanija talbet li żżid il-limitu tal-eżenzjoni mill-ekwivalenti ta’ EUR 65 000 fil-munita nazzjonali għall-ekwivalenti ta’ EUR 88 500 fil-munita nazzjonali.

    B’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tar-Rumanija, permezz ta’ ittra datata d-9 ta’ Ġunju 2017. Permezz ta' ittra datata t-12 ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri biex japplikaw skemi speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar, fosthom il-possibbiltà li jeżentaw lill-persuni taxxabbli li jkollhom inqas minn ċertu fatturat annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn iżżomm il-VAT fuq il-provvisti tagħha, u b’konsegwenza ta’ dan, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-akkwisti tagħha.

    Abbażi tal-Artikolu 287(18) tad-Direttiva tal-VAT, ir-Rumanija tista' tagħti eżenzjoni mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iktar mill-ekwivalenti ta' EUR 35 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-kambju fil-jum tal-adeżjoni tagħha. Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/181/UE 2 , ir-Rumanija hija awtorizzata li tapplika limitu ogħla u għalhekk li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 65 000. Din il-miżura kienet estiża permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014//931/UE 3 li tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017. Ir-Rumanija talbet li testendi l-miżura għal perjodu limitat ieħor u fl-istess ħin iżżid il-limitu ta’ eżenzjoni għal EUR 88 500.

    Huwa mistenni li ż-żieda fil-limitu tnaqqas l-obbligi marbuta mal-VAT għal għadd ta’ intrapriżi żgħar b’attività ekonomika mnaqqsa u tistimola l-attività ta’ dawn l-intrapriżi żgħar, billi dawn se jinħelsu minn numru ta’ obbligi tat-taxxa bħall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT jew iż-żamma tar-reġistri tal-VAT. Huwa antiċipat ukoll li ż-żieda fil-limitu se tnaqqas il-piż tal-awtoritajiet tat-taxxa billi jitneħħa l-bżonn li jiġi mmonitorjat il-ġbir ta’ volum żgħir ta’ dħul minn għadd akbar ta’ intrapriżi żgħar.

    Skont ir-Rumanija, iż-żieda fil-limitu mhux se jkollha impatt importanti fuq id-dħul tal-istat. Huwa stmat li ż-żieda fil-limitu se twassal għal tnaqqis fid-dħul baġitarju tal-istat ta’ madwar 0,60 % tal-irċevuti totali tal-VAT.

    Il-persuni taxxabbli li l-fatturat tagħhom ma jaqbiżx il-limitu xorta se jkollhom il-possibbiltà li jkunu rreġistrati għal skopijiet ta’ VAT.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta' politika fil-qasam ta' politika

    Stati Membri oħra ngħataw derogi simili. Il-Belġju 4 ngħata limitu ta’ EUR 25 000, il-Lussemburgu 5 ngħata limitu ta' EUR 30 000, il-Polonja 6 u l-Estonja 7 ngħataw limitu ta’ EUR 40 000, il-Litwanja 8  ngħatat limitu ta' EUR 45 000, il-Latvja 9  u s-Slovenja 10  ngħataw limitu ta' EUR 50 000 u l-Italja 11 ngħatat limitu ta' EUR 65 000.

    Id-derogi mid-Direttiva tal-VAT dejjem jenħtieġ li jkunu limitati fiż-żmien biex l-effetti tagħhom ikunu jistgħu jiġu vvalutati. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar bħalissa qed jiġu eżaminati mill-ġdid. Kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT 12 , u fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2017 13 , huwa mistenni li l-proposta tal-Kummissjoni fil-forma ta’ pakkett komprensiv ta’ simplifikazzjoni tiġi ppreżentata sa tmiem l-2017.

    Għaldaqstant, qed jiġi propost li jkun permess li l-limitu tar-Rumanija jiżdied sal-ekwivalenti ta’ EUR 88 500 fil-munita nazzjonali mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2020, jew sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Minkejja li l-limitu hu pjuttost għoli meta mqabbel mal-livell ta’ limiti mogħtija lill-Istati Membri l-oħra, il-miżura tikkonforma mal-għanijiet tal-Unjoni għan-negozji ż-żgħar, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa” 14 li tistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-karatteristiki speċjali tal-SMEs meta jfasslu l-leġiżlazzjoni u, għaldaqstant, jissimplifikaw l-ambjent regolatorju eżistenti.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

    Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

    Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    Proporzjonalità

    Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

    Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni għal għadd addizzjonali ta’ persuni taxxabbli żgħar u għall-amministrazzjoni tat-taxxa.

    Għażla tal-istrument

    L-istrument propost: Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill.

    Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq peress li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Din il-proposta hija bbażata fuq talba mir-Rumanija u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill iżżid il-limitu tal-fatturat annwali li taħtu l-persuni taxxabbli jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-VAT. Għaldaqstant testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura ta’ simplifikazzjoni li tneħħi ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li joperaw b’fatturat annwali li mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta’ EUR 88 500 fil-munita nazzjonali.

    Il-persuni li l-fatturat taxxabbli tagħhom ma jaqbiżx il-limitu mhux se jiġu identifikati għal skopijiet ta’ VAT u ma jkollhomx għalfejn iżommu reġistri tal-VAT jew jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tal-VAT. Għalhekk, il-piż amministrattiv fuqhom se jitnaqqas bħala riżultat tal-miżura. Se jkun hemm tnaqqis fl-ammont ta' xogħol tal-awtoritajiet tat-taxxa li mhux se jkollhom bżonn jimmonitorjaw il-ġbir ta’ volum żgħir ta’ dħul minn għadd addizzjonali ta’ intrapriżi żgħar.

    L-impatt baġitarju taż-żieda fil-limitu f'termini tad-dħul mill-VAT għar-Rumanija huwa stmat li huwa madwar 0,60 % tal-irċevuti kollha tal-VAT.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

    Il-proposta ma għandhiex implikazzjoni għall-baġit tal-UE għaliex ir-Rumanija se twettaq kalkolu ta’ kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) 1553/89.

    2017/0192 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta' deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 15 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Skont l-Artikolu 287(18) tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Rumanija tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta’ mhux aktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 35 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-kambju fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

    (2)Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/181/UE 16 , ir-Rumanija hija awtorizzata li tapplika limitu ogħla u għalhekk li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 65 000. Din il-miżura kienet estiża permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/931/UE 17 li tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017.

    (3)F'ittra reġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta' April 2017, ir-Rumanija talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tidderoga mill-Artikolu 287(18) tad-Direttiva 2006/112/KE u fl-istess ħin iżżid il-limitu tal-eżenzjoni għall-ekwivalenti ta' EUR 88 500 fil-munita nazzjonali.

    (4)Limitu ogħla għall-iskema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar huwa miżura ta’ simplifikazzjoni billi dan jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti l-obbligi tal-VAT għall-intrapriżi ż-żgħar.

    (5)B’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, permezz ta’ ittra datata d-9 ta’ Ġunju 2017 il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba li għamlet ir-Rumanija. B'ittra datata t-12 ta' Ġunju 2017 il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

    (6)Ir-Rumanija tistenna li l-miżura se tnaqqas l-obbligi marbuta mal-VAT għal għadd ta’ intrapriżi żgħar. Din jenħtieġ li tnaqqas ukoll il-piż tal-awtoritajiet tat-taxxa billi jitneħħa l-bżonn li jiġi mmonitorjat il-ġbir ta’ volum ta’ dħul minn għadd akbar ta’ intrapriżi żgħar.

    (7)Minħabba li din il-miżura ta' deroga se tirriżulta f'obbligi mnaqqsin tal-VAT għall-intrapriżi ż-żgħar, ir-Rumanija jenħtieġ li tkun awtorizzata tapplika l-miżura għal perjodu limitat. Il-persuni taxxabbli jenħtieġ li xorta waħda jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.

    (8)Billi l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar huma soġġetti għal eżaminazzjoni mill-ġdid, huwa possibbli li tidħol fis-seħħ direttiva li temenda dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE qabel jiskadi l-perjodu ta’ validità tad-deroga.

    (9)Abbażi tal-informazzjoni li pprovdiet ir-Rumanija, il-limitu miżjud se jkollu impatt negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali.

    (10)Id-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT peress li r-Rumanija se twettaq kalkolu ta’ kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE EURATOM) 1553/89 18 .

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Permezz ta' deroga mill-Artikolu 287(18) tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Rumanija hija awtorizzata li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 88 500 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-kambju fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2020, jew sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema data tiġi l-ewwel.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
    (2) ĠU L 92, 30.3.2012, p. 26.
    (3) ĠU L 365, 19.12.2014, p. 145.
    (4) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2348 tal-10 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/53/UE li tawtorizza lir-Renju tal-Belġju biex jintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 16.12.2015, p. 51).
    (5) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/319 tal-21 ta' Frar 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 47, 24.2.2017, p. 7-8).
    (6) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2090 tal-21 ta' Novembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 324, 30.11.2016, p. 7).
    (7) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/563 tal-21 ta' Marzu 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 80, 25.3.2017, p. 33).
    (8) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/795/UE tas-7 ta' Novembru 2014 li temenda l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/335/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 44).
    (9) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/796/UE tas-7 ta' Novembru 2014 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja sabiex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 46).
    (10) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2089 tal-10 ta’ Novembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/54/UE li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja sabiex tintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 302, 19.11.2015, p. 107).
    (11) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1988 tat-8 ta' Novembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/678/UE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 306, 15.11.2016, p. 11).
    (12) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT, Lejn żona unika tal-VAT fl-UE – Iż-żmien biex niddeċiedu, Brussell, 7.4.2016, COM(2016)148 final.
    (13) Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017 - It-twettiq bil-fatti ta’ Ewropa li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi, Strasburgu, 25.10.2016, COM(2016)710 final.
    (14) COM(2008) 394 tal-25 ta' Ġunju 2008.
    (15) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
    (16) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/181/UE tas-26 ta' Marzu 2012 li tawtorizza lir-Rumanija biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 92, 30.3.2012, p. 26).
    (17) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/931/UE tas-16 ta' Diċembru 2014 li testendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/181/UE li tawtorizza lir-Rumanija ddaħħal miżura ta' deroga speċjali mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 365, 19.12.2014, p. 145).
    (18) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).
    Top