IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.5.2017
COM(2017) 275 final
2017/0114(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SWD(2017) 180 final}
{SWD(2017) 181 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Sistema tat-trasport effiċjenti u affidabbli hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u hija settur ewlieni tal-ekonomija. Filwaqt li t-trasport bit-triq għandu l-aktar rwol importanti fis-sistema tat-trasport intern, huwa sors ta’ għadd ta’ sfidi soċjoekonomiċi u ambjentali (eż. it-tibdil fil-klima, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju, il-konġestjoni). L-ipprezzar tat-toroq jista’ jaqdi rwol ċentrali bħala inċentiv għal operazzjonijiet aktar nodfa u aktar effiċjenti, u d-disinn koerenti tiegħu huwa kruċjali biex jiġi żgurat it-trattament ġust tal-utenti tat-toroq u l-finanzjament tal-infrastruttura sostenibbli.
Id-Direttiva 1999/62/KE tipprovdi l-qafas legali għall-ħlasijiet imġarrba minn vetturi tqal tal-merkanzija (HGVs) għall-użu ta’ ċerti toroq. Id-Direttiva għandha l-għan li telimina d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi tat-trasport permezz ta’ armonizzazzjoni pass pass tat-taxxi fuq il-vetturi u l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ġusti ta’ impożizzjoni ta’ tariffi għall-infrastruttura. Tistabbilixxi livelli minimi ta’ taxxi tal-vetturi għall-HGVs u tispeċifika l-modalitajiet tat-tariffi għall-użu tal-infrastrutttura, inkluż il-varjazzjoni tat-tariffi skont il-prestazzjoni ambjentali tal-vetturi.
Sa issa, madankollu, id-Direttiva ma fihiex elementi li jikkontribwixxu speċifikament għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport. L-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport bit-triq fl-2014 xorta kienu 17 % ogħla milli fl-1990. L-ogħla sehem ta’ dawn l-emissjonijiet ġej minn karozzi tal-passiġġieri (aktar min 60 %), filwaqt li s-sehem mill-HGVs qiegħed jiżdied. Jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin hekk, it-tnaqqis fl-emissjonijiet mhux se jkun biżżejjed biex jinkisbu l-miri tal-UE stabbiliti għall-2030 u l-2050.
L-infrastruttura tat-toroq sejra lura f’bosta Stati Membri minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni. In-nefqa pubblika fuq il-manutenzjoni tat-toroq naqset fl-UE b’madwar 30 % bejn l-2006 u l-2013 u kienet ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2013 (meta mqabbel ma’ 1,5 % fl-1975 u 0,8 % fl-2008). Dan iwassal għal diversi effetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali negattivi, fosthom kostijiet ogħla għat-tħaddim tal-vetturi, żieda fl-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu u tal-istorbju, żmien itwal biex jitwettqu l-vjaġġi, inċidenti, kif ukoll effetti negattivi fuq l-ekonomija.
Il-leġiżlazzjoni attwali tapplika biss għall-HGVs, u l-vetturi l-oħra kollha jibqgħu ma jiġux indirizzati. F’dan il-qasam, li jinkludi b’mod partikolari, il-karozzi tal-passiġġieri, u li minnu huma neqsin limiti speċifiċi, hemm riskju li l-vignettes għall-perjodi qosra jistgħu ikunu għaljin wisq, u għalhekk jista’ jkun hemm diskriminazzjoni fir-rigward ta’ utenti okkażjonali, l-aktar il-barranin. Problema potenzjali oħra ta' diskriminazzjoni, komuni għat-tipi kollha ta’ vetturi, hija l-kumpens tal-utenti nazzjonali fil-każ li jiġu introdotti tariffi abbażi tal-ħin.
L-impatti negattivi tat-trasport bit-triq jirrappreżentaw kostijiet sinifikanti għas-soċjetà. Filwaqt li l-karozzi u l-vannijiet jikkawżaw inqas ħsara lill-infrastruttura minn vetturi heavy-duty (HDVs, inklużi HGVs u xarabanks/kowċis), il-karozzi tal-passiġġieri huma s-sors ta’ madwar 2/3 tal-ispejjeż esterni (inkluż l-ispiża tat-tibdil fil-klima, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju, l-inċidenti u impatti negattivi oħra) iġġenerati mit-trasport bit-triq, jew madwar 1,8-2,4 % tal-PDG.
Barra minn hekk, il-konġestjoni hija problema persistenti ġewwa u barra ż-żoni urbani; madankollu, ġiet indirizzata biss b’mod sporadiku mill-Istati Membri. Il-ħinijiet bl-ogħla traffiku fit-toroq jirriżultaw f’kostijiet soċjali konsiderevoli, u dawn jammontaw għal 1 % tal-PDG tal-UE. Żewġ terzi ta’ dawn il-kostijiet huma attribwibbli għall-karozzi tal-passiġġieri u 20-30 % għat-traffiku interurban.
L-għan tal-inizjattiva huwa li jsir progress fl-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ “min iniġġes iħallas” u “min juża jħallas”, biex b’hekk jitħeġġeġ it-trasport bit-triq sostenibbli, kemm finanzjarjament kif ukoll ambjentalment, u li jkun ukoll soċjalment ekwitabbli.
L-inizjattiva tikkontribwixxi għall-Programm dwar l-Idonjetà tar-Regolamentazzjoni (REFIT), peress li hija maħsuba li twassal għal aġġornament u simplifikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta' politika
Din l-inizjattiva għandha l-għan li tindirizza n-nuqqasijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti (Direttiva 1999/62/KE), jiġifieri li jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-leġiżlazzjoni. It-termini proposti jissimplifikaw ċerti dispożizzjonijet tad-Direttiva billi jneħħu l-varjazzjoni tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq abbażi tal-klassi tal-emissjonijiet Euro, li l-benefiċċji tagħha issa qegħdin jaraw tnaqqis rapidu, u billi jeliminaw ir-rekwiżiti kkumplikati ta’ notifika, b’mod partikolari fir-rigward tal-iċċarġjar għall-ispejjeż esterni.
Barra minn hekk, huwa propost li jiġu inklużi x-xarabanks, il-karozzi tal-passiġġieri u l-vannijiet fil-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva, u b’hekk jiġi żgurat ipprezzar aktar konsistenti għall-użu tal-infrastruttura fis-settur tat-trasport bit-triq. Minħabba l-kwistjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 spjegata hawn fuq, huwa propost ukoll li t-tariffi tat-triq jirriflettu tali emissjonijiet.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
L-inizjattiva hija parti mill-isforz tal-Kummissjoni biex toħloq Unjoni tal-Enerġija, u minn serje ta’ proposti relatati tat-trasport b’emissjonijiet baxxi, fosthom ir-reviżjoni tar-Regolamenti dwar l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi u l-vannijiet, proposti għaċ-ċertifikazzjoni u l-monitoraġġ/rappurtar tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trakkijiet u x-xarabanks; u inizjattivi relatati fil-qasam tat-trasport bit-triq, b’mod partikolari r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi interoperabbli ta’ pedaġġ elettroniku u r-regoli li jirregolaw is-suq intern għat-trasport tal-merkanzija bit-triq u s-servizzi tax-xarabanks u tal-kowċis.
It-tibdiliet proposti huma konformi mal-miri stabbiliti bil-White Paper tal-2011 dwar it-trasport, li sejħet għal tranżizzjoni lejn l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” (imnaqqax fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) kif ukoll tal-prinċipju “l-utent iħallas” sabiex jiġi żgurat finanzjament tal-infrastruttura u tat-trasport aktar sostenibbli. Sabiex jiġi ffaċilitat l-iċċarġjar abbażi tad-distanza, il-leġiżlazzjoni dwar l-interoperabbiltà tal-ġbir elettroniku tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq hija reveduta b’mod parallel. It-tibdiliet proposti huma konsistenti wkoll mal-leġiżlazzjoni ambjentali rigward l-emissjonijiet mill-vetturi u l-istorbju.
Barra minn hekk, bl-estensjoni tal-ambitu tagħha, l-inizjattiva tibni fuq proċeduri ta’ ċertifikazzjoni li għandhom jiġu adottati fir-rigward tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-HDVs u fuq ir-Regolamenti li jirregolaw l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu u l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi light-duty. Sa fejn huwa kkonċernat in-netwerk tat-triq affettwat, il-proposta tirreferi għal-linji gwida reveduti tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażijiet ġuridiċi għad-Direttiva 1999/62/KE huma l-Artikolu 71 u 93 tat-Trattat tal-KE (issa l-Artikoli 91 u 113).
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva milquta minn din il-proposta jirrigwardaw il-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet fuq l-utenti, qasam li għalih japplika l-Artikolu 91 tat-TFUE.
Sa fejn huma kkonċernati l-emendi ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tad-Direttiva dwar it-taxxi fuq il-vetturi, dawn jaqgħu taħt l-Artikolu 113 tat-TFUE u huma indirizzati fi proposta legali separata.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-UE tikkondividi l-kompetenza mal-Istati Membri biex tirregola fil-qasam tat-trasport skont l-Artikolu 4(2)(g) tat-TFUE. Madankollu, adattament tar-regoli eżistenti jista’ jsir biss mill-Unjoni nnifisha. L-estensjoni tar-regoli tal-UE għal kategoriji ta’ vetturi oħra hija ġġustifikata mill-impatti tagħhom fuq il-problemi fil-livell tal-UE u dak globali. Fir-rigward tal-karozzi tal-passiġġieri, il-minibuses u l-vannijiet, tali inklużjoni tgħin b’mod partikolari biex jiġi evitat ir-riskju li Stati Membri jittrattaw lill-utenti okkażjonali jew vetturi rreġistrati barra mill-pajjiż b’mod inugwali. L-inklużjoni ta’ xarabanks/kowċis tgħin biex jonqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern għat-trasport tal-passiġġieri billi jingħata trattament preferenzjali (jiġifieri eżenzjoni mill-ħlas għall-użu tal-infrastruttura) għal dawn il-vetturi fil-konfront tat-trasport ferrovjarju, li huwa soġġett għal tariffi bħal dawn.
B’mod aktar ġenerali, peress li dawn il-vetturi kollha jużaw l-istess infrastruttura tat-toroq u jikkontribwixxu għall-emissjonijiet tas-CO2, it-tniġġis tal-arja u l-konġestjoni, l-inklużjoni tagħhom hija ġġustifikata fid-dawl tal-problemi identifikati.
•Proporzjonalità
Il-miżuri proposti jikkontribwixxu biss għall-kisba tal-objettivi stabbiliti, b’mod partikolari l-applikazzjoni konsistenti tal-prinċipji ta’ “min iniġġes iħallas” u “l-utent iħallas”, u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan l-għan.
L-estensjoni tal-ambitu lil hinn mill-HGVs huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat li jiġu applikati regoli koerenti għall-vetturi kollha tat-triq u sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-problemi li mhux biss huma relatati ma’ traffiku tal-HGVs jew mhumiex primarjament relatati miegħu (degradazzjoni tal-kwalità tal-infrastruttura, emissjonijiet għolja tas-CO2 mit-trasport fit-toroq, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju, il-konġestjoni jew id-diskriminazzjoni kontra utenti barranin).
Il-kostijiet għall-Istati Membri, għan-negozji u għaċ-ċittadini huma limitati meta mqabbla mal-benefiċċji potenzjali. Il-proposta ma timponix l-applikazzjoni ta’ tariffi tat-triq mill-Istati Membri, iżda tarmonizza l-mod li bih għandhom jiġu armonizzati tariffi bħal dawn madwar l-Unjoni. Ukoll, ma timplika l-ebda żieda fil-livell tat-tariffi eżistenti.
Bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt, għadd ta’ miżuri possibbli ta’ politika ġew skartati abbażi tal-prinċipju tal-proporzjonalità, bħalma huma t-tariffi mandatorji għall-użu tal-infrastruttura jew it-tariffi mandatorji għall-konġestjoni.
•Għażla tal-istrument
Peress li l-att legali li għandu jiġi emendat huwa Direttiva, fil-prinċipju jenħtieġ li l-att emendatorju jkollu l-istess forma.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Il-Kummissjoni ppublikat l-evalwazzjoni tagħha tad-Direttiva 1999/62/KE fl-2013. F’Jannar 2014, ġiet ippubblikata “Evalwazzjoni tal-implimentazzjoni u l-effetti tal-politika tat-tariffi tal-infrastruttura tal-UE mill-1995 ’l hawn” u din kienet esterna. L-evalwazzjonijiet identifikaw problemi varji marbuta mal-ħlasijiet tal-użu tat-toroq għall-HGVs fil-kuntest tal-qafas leġiżlattiv attwali.
Filwaqt li 24 Stat Membru implimentaw xi tip ta’ tariffi għall-użu tat-triq, u kien hemm tendenza lejn l-adozzjoni tal-pedaġġ abbażi tad-distanza fuq in-netwerk kollu, din it-tranżizzjoni saret bil-mod u għad hemm inkonsistenzi persistenti madwar l-Unjoni. L-evalwazzjoni sabet differenzi kbar fil-politiki nazzjonali tal-pedaġġ għall-użu tat-triq u kkonkludiet li n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni kemm fit-tip ta’ tariffi (vignettes abbażi taż-żmien, pedaġġi abbażi tad-distanza, differenzjati jew le) u t-tip ta’ teknoloġiji li jintużaw għall-ġbir tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq jirriżultaw f’piż amministrattiv u kostijiet addizzjonali, kemm għall-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll għall-utenti.
Filwaqt li d-Direttiva tkompli tavvanza fuq l-għanijiet stabbiliti, ġew identifikati għadd ta’ nuqqasijiet:
·Il-kamp ta' applikazzjoni: huwa possibbli li l-HGVs taħt it-12-il tunnellata jiġu eżentati, u dan iwassal għal kundizzjonijiet inugwali fit-trasport tal-merkanzija;
·Tariffi abbażi taż-żmien permessi mid-Direttiva mhumiex effikaċi biex ikopru l-kostijiet tal-infrastruttura, biex jinċentivaw operazzjonijiet aktar nodfa u aktar effiċjenti jew biex inaqqsu l-konġestjoni;
·L-applikazzjoni ta’ tariffi għall-ispejjeż esterni huwa kumpless wisq, filwaqt li għall-varjazzjoni (mandatorja) skont il-klassijiet ta’ emissjonijiet Euro, il-varjazzjoni massima biss hija ddefinita, u fi ħdan dan il-massimu, l-Istati Membri jitħallew liberi li jaġixxu kif iridu;
·Il-varjazzjoni tat-tariffi biex tiġi miġġielda l-konġestjoni: ir-rekwiżit tan-newtralità tad-dħul jidher li huwa wisq ta’ piż biex jiġi applikat u jista’ jitqies bħala inġust jekk jiġi applikat biss għall-HGVs, minkejja li l-utenti kollha tat-triq jikkontribwixxu għall-konġestjoni.
Filwaqt li l-evalwazzjoni ffokat fuq it-termini attwali tad-Direttiva, l-input mill-partijiet ikkonċernati ta indikazzjoni li jeżistu kwistjonijiet rilevanti oħra, inkluża l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-HDVs u li jiġi pprovdut qafas għall-ħlasijiet fir-rigward tal-karozzi tal-passiġġieri (u kategoriji ta’ vetturi oħra), b’mod partikolari sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni kontra utenti tat-toroq okkażjonali (barranin).
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati kkonformaw mal-istandards minimi għall-konsultazzjoni ta’ partijiet interessati mniżżla fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2002 (COM(2002) 704 final).
Intużaw metodi ta’ konsultazzjoni miftuħa u mmirati u diversi għodod ta’ konsultazzjoni.
1)
Ġiet organizzata konsultazzjoni pubblika miftuħa online, tat-tip standard u għal perjodu ta’ 12-il ġimgħa, permezz tas-sit “Il-Vuċi Tiegħek fl-Ewropa” abbażi ta’ kwestjonarji.
Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa (OPC) seħħet mit-8 ta’ Lulju sal-5 ta’ Ottubru, u ntlaqgħu wkoll kontribuzzjonijiet li daħlu tard. L-OPC kienet tinkludi żewġ sensiliet ta’ mistoqsijiet: waħda mmirata lejn l-identifikazzjoni tal-perċezzjonijiet tal-utenti indirizzata lill-pubbliku ġenerali, u oħra aktar teknika għall-esperti.
Il-Kummissjoni rċeviet 135 tweġiba għall-kwestjonarji kif ukoll 48 dokument addizzjonali. Ir-risposti koprew għadd ta’ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati, fosthom impriżi tat-trasport (42 %), konsumaturi/ċittadini (14 %), awtoritajiet pubbliċi (13 %), l-industrija tal-bini (7 %), assoċjazzjonijiet tat-trasport pubbliku (4 %), u fornituri tas-servizzi/soluzzjonijiet tal-pedaġġ (4 %).
2)
Konsultazzjonijiet immirati ma’ partijiet ikkonċernati speċifiċi u speċjalisti seħħew matul il-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt u dawn kienu jinvolvu:
a)
għadd ta’ seminars tematiċi mal-partijiet ikkonċernati u l-Istati Membri, organizzati mill-Kummissjoni matul Settembru u Ottubru 2015.
b)
Konferenza dwar l-inizjattivi għat-toroq fid-19 ta’ April 2016.
c)
21 intervista mal-partijiet ikkonċernati magħżula abbażi ta’ ħtiġijiet ta’ dejta speċifika li ġew imwettqa mill-kuntrattur inkarigat mit-tħejjija tal-istudju ta’ appoġġ għall-valutazzjoni tal-impatt.
Sinteżi tal-input li wasal u l-użu tar-riżultati
Kien hemm appoġġ ġenerali għall-miżuri li jinċentivaw l-użu ta’ vetturi effiċjenti fl-użu tal-fjuwil, minkejja li kien hemm inqas appoġġ speċifiku biex dan isir permezz ta’ varjazzjoni tat-tariffi għall-użu tat-triq. Bosta partijiet intervistati li mhumiex Stati Membri appoġġaw l-introduzzjoni ta’ varjazzjoni abbażi tas-CO2 u l-eliminazzjoni gradwali ta’ differenzazzjoni permezz tal-klassi tal-emissjonijiet Euro. Filwaqt li tqajmu xi dubji rigward il-vijabbiltà fil-medda l-qasira, ma kienx hemm oppożizzjoni ovvja għall-varjazzjoni newtrali fil-konfront tad-dħul abbażi tal-emissjonijiet tas-CO2.
Fir-rigward tal-miżuri possibbli sabiex tiġi żgurata l-kwalità tat-toroq, kien hemm differenza notevoli bejn (1) l-opinjonijiet li ħarġu mill-konsultazzjoni pubblika onlajn u l-opinjonijiet tal-parti l-kbira tal-partijiet ikkonċernati intervistati, u (2) l-opinjonijiet tal-Istati Membri intervistati. Il-maġġoranza tar-rispondenti fl-ewwel grupp ġeneralment appoġġaw l-adozzjoni ta’ miżuri biex tiġi żgurata l-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri ġeneralment ma kinux favur il-miżuri.
Għal miżuri possibbli sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, għal darb’oħra l-fehmiet tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati l-oħra kienu differenti. Ir-rispondenti tal-konsultazzjoni pubblika onlajn appoġġaw bis-sħiħ l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ “l-utent iħallas” u “min iniġġes iħallas”, u biex l-UE tiżgura li l-prezzijet tal-vignettes jiġu stabbiliti b’mod proporzjonat. Diversi kontribuzzjonijiet addizzjonali u partijiet intervistati li mhumiex Stati Membri appoġġaw it-tneħħija gradwali tat-tariffi abbażi taż-żmien, u li t-tariffi għandhom ikunu bbażati biss fuq id-distanza. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri mhux kollha kellhom l-istess fehma dwar il-ħtieġa għal azzjoni ulterjuri f’dan ir-rigward.
Fir-rigward tal-iżgurar ta’ sistema effiċjenti tat-trasport, il-maġġoranza tar-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika online kienu jemmnu li l-Istati Membri għandhom ikunu dawk li jieħdu ħsieb il-konġestjoni, u l-aktar għażla popolari kienet li t-tariffi tal-konġestjoni japplikaw għall-vetturi kollha. Il-ħtieġa li kwalunkwe tariffa tal-konġestjoni tkopri l-vetturi kollha, u mhux biss l-HGVs, ġiet enfasizzata minn dawk kollha li appoġġaw it-tariffi għall-konġestjoni. L-Istati Membri kienu ġeneralment favur flessibbiltà akbar.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Id-definizzjoni tal-problema kienet ibbażata fuq evalwazzjonijiet li parzjalment bnew fuq l-għarfien espert estern (Evalwazzjoni tal-implimentazzjoni u l-effetti tal-politika tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura tal-UE mill-1995 ’l hawn, Aġġornament tal-Gwida dwar il-kostijiet esterni tat-trasport), flimkien ma’ riċerka addizzjonali.
Kuntrattur estern assista bi studju ta’ appoġġ għall-Valutazzjoni tal-Impatt, li tlestiet f’April 2017.
•Valutazzjoni tal-impatt
L-inizjattiva hija appoġġata minn Valutazzjoni tal-Impatt, li rċeviet opinjoni pożittiva, b’ċerti riżervi, mill-Bord ta’ Skrutinju Regolatorju. Il-Bord irrakkomanda li jkun hemm ġustifikazzjoni aħjar tal-objettiv marbut mat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u kjarifiki rigward
–it-trattament differenzjat tad-dħul għall-użu tat-triq,
–in-nuqqasijiet tal-leġiżlazzjoni attwali,
–it-twarrib ta’ ċerti għażliet u
–l-impatti mistennija.
Il-kummenti tqiesu fil-valutazzjoni tal-impatt reveduta li tipprovdi aktar dettalji u spjegazzjoni, kif indikat fl-Anness I tar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt. Fost aġġustamenti oħra, saru l-modifiki li ġejjin biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq:
–Fid-definizzjoni tal-problema, u fid-deskrizzjoni tal-kawżi sottostanti tal-problema b’mod partikolari, iddaħħlu spjegazzjonijiet dwar il-komplementarjetà ma’ tariffi/taxxi ambjentali oħra u mal-istandards tas-CO2. Filwaqt li strumenti oħra setgħu kienu effikaċi, ma kinux biżżejjed biex inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport sal-livell meħtieġ mill-impenji li daħlet għalihom l-UE.
–Fl-anness li jiddeskrivi l-miżuri ta’ politika li nżammu, iddaħlu spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għat-trattament differenti tad-dħul iġġenerat mill-impożizzjoni fakultattiva tat-tariffi tal-konġestjoni. Waħda mir-raġunijiet ewlenin tirrigwarda l-aċċettabbiltà, il-ġustizzja u l-objettiv biex ikun hemm tpattija għal kwalunkwe effett rigressiv tat-tariffa.
–Fid-deskrizzjoni tal-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali, kif ukoll f’dik tal-kawżi sottostanti tal-problemi iddaħħlet spjegazzjoni ulterjuri, li speċifikament tirreferi għar-rwol tal-leġiżlazzjoni u għan-nuqqasijiet tagħha.
–Id-deskrizzjoni tar-raġunijiet li għalihom twarrbu l-miżuri dwar l-impożizzjoni mandatorja tat-tariffi tat-toroq u l-allokazzjoni ġeneralizzata tad-dħul ġiet issupplimentata b’dettalji ulterjuri.
–Deskrizzjoni aktar dettaljata tal-impatti mistennija fuq l-emissjonijiet tas-CO2, fuq l-Istati Membri milquta, kif ukoll fuq is-simplifikazzjoni, iddaħlet fit-taqsimiet rilevanti.
Tqiesu erba’ għażliet ta’ politika, li jirriflettu livelli dejjem ogħla ta’ intervent regolatorju, jiġifieri l-għażliet sussegwenti (PO1 sa PO4), imsejsa fuq xulxin.
L-ewwel għażla ta' politika (PO1) tinkludi bidliet leġiżlattivi biex jiġu aġġornati biss ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva u l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal xarabanks u kowċis, vannijiet u karozzi tal-passiġġieri ħalli jiġu indirizzati l-problemi kollha identifikati. It-tibdiliet kollha marbuta mat-tneħħija tal-eżenzjonijiet, l-aġġornar tar-rekwiżiti tar-rappurtar u l-valuri massimi tat-tariffi għall-ispejjeż esterni, kif ukoll is-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għat-tariffi għall-ispejjeż esterni. L-għażla tinkludi wkoll l-introduzzjoni tar-rekwiżiti tan-nondiskriminazzjoni u tal-proporzjonalità għat-tariffi għall-vetturi ħfief.
PO2 tiffoka fuq il-kwistjoni tal-emissjonijiet tas-CO2, u tinkludi t-tneħħija gradwali ta’ tariffi abbażi taż-żmien għall-HDVs. Din l-għażla tinkludi regoli dwar il-varjazzjoni tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura skont l-emissjonijiet tas-CO2 mill-HDVs, u tneħħija gradwali tal-varjazzjoni attwali skont il-klassijiet tal-emissjonijiet Euro.
PO3 (bil-varjanti a u b) tinkludi miżuri addizzjonali għall-vetturi ħfief u tindirizza wkoll il-konġestjoni interurbana kif ukoll l-emissjonijiet tas-CO2 u ta’ sustanzi li jniġġsu mill-vetturi kollha (PO3b). Finalment, PO4 ddaħħal tariffi mandatorji għall-ispejjeż esterni għall-HDVs u tneħħija gradwali, għall-vetturi kollha, tal-possibbiltà li jirrikorru għal tariffi abbażi taż-żmien, sabiex jibqgħu biss it-tariffi abbażi tad-distanza.
Il-valutazzjoni tal-impatt, jekk wieħed jassumi li l-iskemi attwali ta’ tariffi abbażi taż-żmien jiġu sostitwiti bi skemi abbażi tad-distanza fl-għażliet PO2 sa PO4 (l-Istati Membri jkollhom l-alternattiva li ma jitolbu l-ebda ħlas), uriet biċ-ċar li l-għażla PO4 kienet l-aktar waħda effikaċi, imma twassal il-benefiċċji tagħha bl-ogħla kostijiet. PO1 tista’ tikkontribwixxi biss għall-ksib tal-objettivi b’mod limitat ħafna, minkejja li prattikament bl-ebda kost. PO2 u PO3 kienu aktar bilanċjati fl-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħhom, u jiksbu dawk ir-riżultati b’kost raġonevoli.
Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat l-għażla PO3b, il-varjant li jinkludi varjazzjoni tat-tariffi għall-vetturi ħfief skont l-emissjonijiet tagħhom tas-CO2 u tas-sustanzi li jniġġsu, bħala l-għażla ppreferuta, possibbilment komplementata bir-rekwiżit għal tariffi għall-ispejjeż esterni għall-inqas fuq parti min-netwerk għall-HDVs, u t-tneħħija gradwali tat-tariffi abbażi taż-żmien għall-vetturi ħfief fuq perjodu twil biżżejjed. Dawn huma l-miżuri miżmuma f’din il-proposta, li b’hekk tinsab bejn PO3b u PO4, iżda eqreb lejn PO4.
PO3b u PO4 inaqqsu l-kostijiet tal-konġestjoni bi 2,5-6 % jew EUR 9-22 biljun sal-2030, jipprovdu dħul addizzjonali mill-ħlasijiet għall-użu tat-triq ta’ EUR 10-63 biljun fis-sena u jgħinu biex jiżdied l-investiment fit-toroq b’25-260 % meta mqabbel mal-linja bażi.
Kieku jnaqqsu l-ammont ta’ emissjonijiet ta’ CO2, ta’ NOx u ta’ materja partikolata mit-trasport bit-triq b’mod sinifikanti. Dan iwassal għal impatt pożittiv fuq is-saħħa tal-bniedem, proporzjonat għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, u jirriżulta fi ffrankar ta’ EUR 370 miljun sa EUR 1,56 biljun mit-tniġġis tal-arja u mill-inċidenti sal-2030, f’termini tal-valur attwali.
PO3b u PO4 jippermettu l-ġenerazzjoni ta’ bejn 62 000 u 152 000 impjieg ġdid fil-każ fejn 30 % biss tad-dħul addizzjonali mill-pedaġġ jerġa’ jiġi investit fil-manutenzjoni tat-toroq. Barra minn hekk, l-għażliet kollha jikkontribwixxu għat-trattament ugwali taċ-ċittadini tal-UE billi jitnaqqas bin-nofs il-prezz tal-vignettes għall-perjodi qosra ta’ żmien.
PO3 (a u b) iżżid il-kostijiet għat-trasport tal-merkanzija b’1,1 % filwaqt li l-kostijiet għat-trasport tal-passiġġieri jibqgħu ma jinbidlux. F’PO4, il-kostijiet għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija jistgħu jiżdiedu b’1,3-2,0 fil-mija, skont kemm fil-fatt tiġi adotatta l-iskema tat-tariffi abbażi tad-distanza mill-Istati Membri (potenzjalment bl-inklużjoni ta’ dawk fejn attwalment ċerti kategoriji ta’ vetturi huma eżentati mill-ħlas). L-awtoritajiet ikollhom iġarrbu l-kostijiet biex jiddaħħlu sistemi ġodda ta’ pedaġġ jew biex dawk eżistenti jittejbu, u dan, għall-Istati Membri kkonċernati flimkien, jammonta għal EUR 2-3,7 biljun sal-2030. L-estensjoni tat-tariffi għall-użu tat-triq għal partijiet ġodda tan-netwerk u għal gruppi ta’ utenti ġodda jżidu l-kostijiet tal-konformità għall-utenti tat-toroq b’EUR 198 miljun sa EUR 850 miljun fis-sena mill-2025 ’il quddiem.
L-impatti fuq l-SMEs, inkluż is-settur kollu tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, ikun limitat peress li t-tariffi tat-triq jirrappreżentaw biss perċentwal żgħir tal-kostijiet kumplessivi tat-trasport. Kwalunkwe żieda fil-kost jingħadda għand il-klijenti (dawk li jibgħatu), inkella jista’ jitpatta permezz ta’ tnaqqis tat-taxxi, li jsir possibbli permezz tal-emendar tal-Kapitolu II tad-Direttiva dwar l-intaxxar tal-vetturi. Il-prezzijiet tal-konsumaturi ma jiżdidux b’aktar min 0.1% fil-medja anke jekk 100% tal-kostijiet jiġu trażmessi.
•L-idonjetà regolatorja u simplifikazzjoni
Filwaqt li l-kostijiet regolatorji relatati ma’ din l-inizjattiva jiżdiedu hekk kif isseħħ it-tranżizzjoni lejn tariffi abbażi tad-distanza, jiżdiedu wkoll il-kostijiet tal-konformità għal bosta parteċipanti fis-suq; dawn l-ispejjeż ipatti għalihom ferm id-dħul ogħla (għall-Istati Membri u l-kolletturi tal-pedaġġi), kwalità aħjar tat-toroq u ħinijiet tal-ivvjaġġar aktar affidabbli (għall-utenti tat-toroq), tnaqqis tal-impatti negattivi ambjentali u fuq is-saħħa (għaċ-ċittadini), u spejjeż esterni relatati mġarrba mis-soċjetà (dawk li jħallsu t-taxxa).
Id-dimensjoni REFIT ta’ din il-proposta tiġi mis-simplifikazzjoni u l-aġġornament tar-rekwiżiti tat-tariffi għall-użu tat-triq sabiex ikunu idonei, jiġifieri:
·is-sistema skaduta tal-varjazzjoni tiġi sostitwita skont il-klassijiet Euro għall-HDVs permezz ta’ modulazzjoni aktar adegwata tat-tariffi għas-CO2;
·is-simplifikazzjoni tal-applikazzjoni tat-tariffi għall-ispejjeż esterni għat-tniġġis tal-arja u għall-istorbju (hija strument aħjar mill-modulazzjoni skont il-klassijiet Euro), billi jkun permess l-użu ta’ valuri ta’ referenza aġġornati mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa għall-kalkoli;
·is-simplifikazzjoni u l-aġġornament tal-applikazzjoni tal-mark-ups u l-faċilitazzjoni tal-applikazzjoni tat-tariffi għall-konġestjoni.
Is-simplifikazzjonijiet jikkonċernaw l-aktar lill-awtoritajiet nazzjonali, aktar milli lin-negozji. Madankollu, dawn il-bidliet huma akkumpanjati minn proposta separata msemmija hawn fuq, li tippermetti t-tnaqqis tat-taxxi fuq iċ-ċirkolazzjoni, li jippermetti t-tnaqqis tal-piż fuq l-operaturi tat-trasport (SMEs). Il-kostijiet kumplessivi għall-utenti tat-toroq, inklużi ċ-ċittadini u n-negozji, x’aktarx jiżdiedu, anke jekk bi ftit biss.
Huwa mistenni li l-inizjattiva jkollha impatt pożittiv minuri fuq il-kompetittività minħabba t-tariffi differenzjati tas-CO2, li jwasslu għal adozzjoni kemxejn ogħla ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi jew b'żero emissjonijiet, u b’hekk jixprunaw l-innovazzjoni. Żieda fl-adozzjoni tat-tariffi għall-konġestjoni tkun ta’ benefiċċju għall-kompetittività tan-negozji, speċjalment dawk li jużaw il-manifattura “just-in-time”.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt jelenka sett ta’ 7 indikaturi ewlenin li se jintużaw għall-monitoraġġ tal-progress marbut mal-għanijiet prinċipali ta' politika: l-evoluzzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-HDVs; il-kondizzjoni tal-infrastruttura tat-toroq b’pedaġġ; il-proporzjonalità u l-kopertura tal-kostijiet soċjali bit-tariffi għall-użu tat-triq; u l-livell ta’ konġestjoni fuq in-netwerk interurban fl-UE.
Sabiex jiġi vvalutat l-impatt tal-leġiżlazzjoni, ikun meħtieġ li ssir evalwazzjoni bir-reqqa ladabra t-tibdiliet kollha jkunu ddaħħlu gradwalment. Qafas ta’ żmien xieraq għal tali evalwazzjoni ikun ta' ħames snin wara li l-qafas il-ġdid isir applikabbli fit-totalità tiegħu. L-effetti tal-passi intermedji jistgħu jiġu evalwati qabel.
Il-proposta tinkludi rekwiżiti speċifiċi ta’ rappurtar għall-Istati Membri marbuta mad-dħul mit-tariffi għall-użu tat-triq u l-użu ta’ dak id-dħul, kif ukoll dwar il-kwalità tat-toroq bi ħla.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Meta jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta, il-fatt li din temenda biss id-Direttiva 1999/62/KE, li ġiet kompletament trasposta mill-Istati Membri kollha, ma jidhirx li huwa ġustifikat jew proporzjonat li jkunu rikjesti dokumenti ta' spjegazzjoni.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
It-titolu huwa aġġustat sabiex jirrifletti l-kamp ta’ applikazzjoni estiż.
Artikolu 1 – Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
L-Artikolu huwa mmodifikat biex jinkludi fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar il-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet fuq l-utenti, kull vettura minbarra l-HGVs. Dan huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li jiġu indirizzati għadd ta’ problemi li mhux biss jolqtu lill-HGVs, jew li lanqas jolqtuhom primarjament.
Artikolu 2 – Definizzjonijiet
Id-definizzjonijiet li ġejjin huma mmodifikati:
·“netwerk tat-toroq trans-Ewropew”: id-definizzjoni hija aġġornata biex tkun konformi mal-approċċ tal-kurituri, kif stabbilit fil-Linji Gwida reveduti tat-TEN-T fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013;
·“ħlas għall-użu tat-triq”; id-definizzjoni hija riformulata sabiex titqies l-għażla prevista fl-Artikolu 7da li tiġi prevista tariffa tal-konġestjoni;
·“vettura”: id-definizzjoni l-ġdida proposta tkopri l-“vetturi heavy-duty” kollha u l-“vetturi light-duty” kollha, jiġifieri, minbarra l-vetturi tal-merkanzija li diġà huma koperti, ’il fuq mil-limitu ta’ 3,5 tunnellati, ikunu inklużi wkoll il-karozzi tal-passiġġieri, il-minibuses u l-vannijiet kif ukoll il-kowċis u x-xarabanks;
·“vettura ta’ kategorija [‘EURO’]” u “tip ta’ vettura”: id-definizzjoni hija riformulata biex jiġu inklużi l-kowċis u x-xarabanks.
Id-definizzjonijiet ta’ “konġestjoni”, “tariffa tal-konġestjoni”, “operatur tat-trasport”, tipi differenti ta’ vetturi inklużi “vetturi b’żero emissjonijiet”, kif ukoll “arranġament ta’ ħlas għall-użu tat-triq emendat sostanzjalment” jiddaħħlu sabiex tiġi pprovduta ċarezza legali fir-rigward ta’ termini speċifiċi u sabiex jiġi speċifikat aħjar il-kamp ta' applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet.
Id-definizzjoni ta’ “tariffa medja ponderata għall-ispejjeż esterni” titħassar peress li tneħħa r-rekwiżit biex din tiġi kkalkulata.
Artikolu 7 – Ħlasijiet għall-użu tat-triq u ħlasijiet fuq l-utenti
Il-paragrafu 1 jinqasam f’żewġ paragrafi sabiex issir distinzjoni bejn in-netwerks li jintużaw l-aktar mit-traffiku internazzjonali (l-awtostradi u n-netwerk tat-toroq trans-Ewropej) u toroq oħra. Huwa propost li d-dispożizzjonijiet dwar in-nondiskriminazzjoni, il-proporzjonalità tat-tariffi u dwar il-ġbir u l-ħlas tat-tariffi għall-użu tat-triq u fuq l-utent japplikaw ukoll għal toroq oħra.
Biex ikompli jsir progress bl-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ “min iniġġes iħallas” u ta’ “l-utent iħallas”, u jitnaqqsu gradwalment id-differenzi bejn l-iskemi ta’ tariffi differenti, jiddaħħlu l-paragrafi 6 u 7 bil-għan li jitneħħew gradwalment il-ħlasijiet fuq l-utenti abbażi taż-żmien (il-vignettes) l-ewwel għall-HGVs u għax-xarabanks/kowċis, imbagħad, aktar tard, għall-karozzi tal-passiġġieri u l-vannijiet, fin-netwerks li jintużaw mit-trasport internazzjonali. Id-dati proposti jippermettu li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw is-sistemi ta' impożizzjoni tat-tariffi tagħhom, fejn ikun applikabbli. Trattament differenzjat bejn l-HDVs u l-LDVs huwa ġġustifikat fid-dawl tal-impatt differenti tagħhom fuq l-infrastruttura u mil-livell aktar baxx fil-maturità tal-mod li bih jiġu imposti t-tariffi fuq l-LDVs.
Sabiex jiġi żgurat trattament ġust tat-trasportaturi, il-paragrafu 9 jiżdied biex b’hekk titneħħa l-possibbiltà li l-HGVs ta’ taħt it-12-il tunnellata jiġu eżentati mit-tariffi tat-toroq, u sabiex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni ta’ kwalunkwe sistema ta’ tariffi għall-kowċis/xarabanks. Din tal-aħħar hija ġġustifikata mill-impatt komparabbli tax-xarabanks/kowċis fit-toroq.
Artikolu 7a – Il-ħlasijiet fuq l-utent: proporzjonalità u trattament ugwali
L-Artikolu 7a jistabbilixxi limiti massimi għall-ħlasijiet fuq l-utent u għad-differenza relattiva fil-prezz bejn il-vignettes annwali u dawk għal perjodi iqsar. F’dan il-kuntest, qed jiġu proposti l-bidliet li ġejjin.
Il-paragrafu 1 jinqasam f’żewġ paragrafi sabiex jiġi speċifikat li r-rekwiżiti eżistenti japplikaw għall-HGVs u għax-xarabanks/kowċis.
Il-paragrafu 3 l-ġdid jikkonċerna l-karozzi tal-passiġġieri u jispeċifika limiti massimi għal differenzi relattivi fil-prezz bejn il-vignettes annwali u dawk għal perjodi iqsar, li jirriflettu x-xejriet rilevanti tal-użu abbażi tad-dejta disponibbli. Jistabbilixxi wkoll id-data sa meta għandhom jiġu adattati l-iskemi eżistenti tal-vignettes. Il-paragrafu 4 jindirizza l-istess kwistjoni fir-rigward tal-minibuses u l-vannijiet.
Artikolu 7c – Tariffi għall-ispejjeż esterni
Fir-rigward tal-paragrafu 1, huwa propost li jiddaħħlu valuri ta’ referenza minflok valuri massimi (stabbiliti fl-Anness IIIb). Il-paragrafu 5 jiddaħħal u jirrikjedi l-applikazzjoni ta’ tariffi għall-ispejjeż esterni fuq tal-anqas dawk il-partijiet tan-netwerk bi ħlas fejn it-tniġġis tal-arja u l-istorbju ġġenerati mit-traffiku tal-vetturi heavy-duty huma l-aktar sinifikanti, eż. minħabba d-daqs tal-popolazzjoni esposta.
Artikolu 7da – Tariffi għall-konġestjoni
L-Artikolu 7da l-ġdid jippermetti l-applikazzjoni ta’ tariffi għall-konġestjoni – apparti t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura – bil-għan li tiġi indirizzata b’mod effettiv il-kwistjoni tal-konġestjoni interurbana. Sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni tal-utenti ta’ kwalunkwe kategorija ta’ vettura, kwalunkwe tariffa tal-konġestjoni bħal din għandha tapplika għall-kategoriji kollha ta' vetturi b’mod proporzjonat u imparzjali. Il-livelli massimi tat-tariffi u l-fatturi ta’ ekwivalenza bejn il-vetturi huma speċifikati fl-Annessi V u VI.
Artikolu 7f – Mark-ups
Huwa propost li tiġi estiża l-possibbiltà li jiġu applikati mark-ups lil hinn mir-reġjuni muntanjużi, filwaqt li jinżammu l-kundizzjonijiet preeżistenti l-oħra għall-applikazzjoni tagħhom (konġestjoni regolari jew ħsara ambjentali sinifikanti u l-investiment mill-ġdid tad-dħul fi proġett tat-TEN-T). Il-paragrafu 4 jitħassar għaliex dan ma għenx għall-finanzjament ta’ proġetti prijoritarji iżda jista’ jfixkel l-applikazzjoni ta’ tariffi għall-ispejjeż esterni. Peress li l-mark-ups u t-tariffi għall-konġestjoni t-tnejn għandhom l-għan li jindirizzaw il-konġestjoni, jenħtieġ li ma japplikawx b’mod kumulattiv (paragrafu 5).
Artikolu 7g – Varjazzjoni tat-tariffi, b’mod partikolari għall-vetturi heavy-duty
Huwa propost li titneħħa gradwalment il-varjazzjoni tat-tariffi skont il-klassi tal-emissjonijiet Euro tal-vettura. Jiddaħħal paragrafu 4 ġdid sabiex jintroduċi l-varjazzjoni tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura skont l-emissjonijiet ta’ CO2 tal-HDVs, malajr kemm jista’ jkun wara li ssir disponibbli d-dejta ċertifikata dwar l-emissjonijiet tas-CO2. Ladarba tibda topera, din id-dispożizzjoni se sservi ta’ inċentiv biex jintużaw l-HDVs li l-aktar huma nodfa u effiċjenti.
Ladarba huwa propost li t-tariffi għall-konġestjoni jiġu rregolati b’mod separat (Artikolu 7da ġdid, ara hawn fuq), huwa propost ukoll li titneħħa l-possibbiltà ta’ varjazzjoni tat-tariffi li huma newtrali mil-lat tad-dħul, skont il-ħin tal-jum, it-tip ta’ jum jew l-istaġun (ara l-emenda fil-paragrafu 1, li qabel kien il-paragrafu 3).
Artikolu 7ga – Varjazzjoni tat-tariffi għall-vetturi light-duty
L-Artikolu 7ga l-ġdid jispeċifika l-modalitajiet għall-varjazzjoni tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet fuq l-utenti skont il-prestazzjoni ambjentali tal-karozzi tal-passiġġieri, tal-minibuses u tal-vannijiet. Il-varjazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-emissjonijiet, kemm tas-CO2 kif ukoll tas-sustanzi li jniġġsu l-arja, kif speċifikat fl-Anness VII. Jenħtieġ li din id-dispożizzjoni sservi ta’ inċentiv biex jintużaw vetturi aktar nodfa u aktar effiċjenti.
Artikolu 7h – Notifiki
Huwa propost li l-paragrafu 3 jiġi emendat sabiex tiġi ssimplifikata l-informazzjoni preċedenti tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tariffi maħsuba għall-ispejjeż esterni, billi l-informazzjoni tiġi kkonfinata għal elementi bażiċi. Sabiex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tat-tariffi għall-ispejjeż esterni, huwa propost li l-paragrafu 4 dwar ir-rekwiżit għal Deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni jitneħħa.
Artikolu 7j – Ġbir tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq u ta’ ħlasijiet fuq l-utent
Fil-paragrafu 3 u 4, huwa propost li tiddaħħal referenza għat-tariffi għall-konġestjoni sabiex jiġi żgurat li l-elementi kollha possibbli tat-tariffi jinġabru u jitħallsu b’mod koerenti.
Artikolu 7k – Kumpens
Huwa propost li tiġi limitata l-possibilità li jiġi pprovdut kumpens fil-każ li jiddaħħlu ħlasijiet għall-lżu tat-triq (għall-kuntrarju ta’ ħlasijiet fuq l-utenti). Dan biex jiġi eliminat il-potenzjal eżistenti għal diskriminazzjoni kontra utenti mhux residenti.
Artikolu 9 – Użu tad-dħul
Il-paragrafu 3 l-ġdid jesiġi li d-dħul mit-tariffi għall-konġestjoni jintuża biex jiġu indirizzati l-problemi tal-konġestjoni, eż. billi jiġu appoġġati soluzzjonijiet alternattivi tat-trasport jew it-tneħħija tal-punti tal-konġestjoni.
Artikolu 10a
Huwa propost li l-paragrafu 1 jiġi emendat sabiex tiġi aġġornata l-klawżola ta’ rieżami u biex ikun hemm konformità mas-simplifikazzjoni tal-Anness IIIb.
Artikolu 11 – Rappurtar
Il-paragrafu 1 huwa emendat sabiex jiġu aġġornati r-rekwiżiti ta’ rappurtar dwar il-ħlasijiet għall-użu tat-triq, id-dħul mill-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-użu tad-dħul, biex tiġi inkluża wkoll informazzjoni dwar il-kwalità tat-toroq bi ħlas. Il-punt eżistenti (e) fil-paragrafu 2 jitneħħa u jiddaħħlu l-punti l-ġodda (e) sa (i) sabiex tiġi inkluża informazzjoni dwar id-dħul mit-tariffi għall-konġestjoni, dwar id-dħul kollu mit-tariffi għall-użu tat-triq, u dwar l-użu ta’ dak id-dħul; kif ukoll evalwazzjoni tal-manutenzjoni tat-toroq u l-livell ta’ konġestjoni. Jiddaħħal il-paragrafu 3 biex jiġi speċifikat sett minimu ta’ indikaturi marbuta mal-evalwazzjoni tal-kwalita tat-toroq bi ħlas. Jiddaħħlu l-paragrafi 4 u 5 sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddefinixxi indikaturi armonizzati permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni u biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrapportaw dwar l-applikazzjoni ta’ dawk l-indikaturi.
Annessi
Fit-Taqsima 3 tal-Anness 0, huwa propost li jitneħħew ir-referenzi għal vetturi “EEV” u li tiddaħħal tabella bil-limiti tal-emissjonijiet tal-Euro VI, biex b’hekk jitqies ir-Regolament (KE) Nru 595/2009.
Fl-Anness III, it-tibdiliet proposti jirriflettu l-inklużjoni ta’ kowċis u xarabanks fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.
Huwa propost li t-Taqsimiet 2, 3 u 4 tal-Anness IIIa jkunu limitati għal każijiet fejn Stat Membru jkun beħsiebu japplika tariffi ogħla għall-ispejjeż esterni mill-valuri ta’ referenza speċifikati fl-Anness IIIb. Ċerti dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4.2 huma aġġornati b’tali mod li jieħdu kont tal-leġiżlazzjoni reċenti dwar il-livell tal-ħoss ta’ vetturi motorizzati.
Fl-Anness IIIb, huwa propost li t-tariffi massimi tal-medja ponderata għall-ispejjeż esterni tat-tniġġis tal-arja u l-istorbju jiġu sostitwiti b’valuri ta’ referenza għal tariffi għall-ispejjeż esterni, inkluż il-kost kemm tat-tniġġis tal-arja kif ukoll tal-istorbju ġġenerati mill-HGVs (Tabella 1) u mill-kowċis (Tabella 2). Il-valuri huma kkalkulati fid-dawl ta’ Aġġornament tal-Manwal dwar il-Kostijiet Esterni tat-Trasport. Il-valuri jistgħu jiġu mmoltiplikati bi 2, mhux biss f’żoni muntanjużi, iżda wkoll qalb il-bini.
Fl-Anness IV, huwa propost li tiddaħħal referenza għall-kombinazzjonijiet b’7, 8 jew 9 fusien fit-tabella dwar il-kombinazzjonijiet tal-vetturi.
L-Anness V ġdid, marbut mal-Artikolu 7da propost (dwar it-tariffi tal-konġestjoni), jistipula r-rekwiżiti minimi biex tiġi imposta tariffa tal-konġestjoni, inkluż fir-rigward tal-partijiet tan-netwerk u l-perjodi ta’ ħin koperti. It-toroq huma kkategorizzati bħala metropolitani u mhux metropolitani sabiex issir differenza bejn iż-żoni b’popolazzjoni għolja u dawk b’popolazzjoni inqas ikkonċentrata. Sabiex jiġi żgurat ipprezzar ibbilanċjat u proporzjonat, huma stabbiliti fatturi ta’ ekwivalenza għal kategoriji ta’ vetturi differenti. It-Taqsima 2 tesiġi li l-kalkolu tat-tariffi jkun trasparenti u li l-ammonti għal kull kategorija ta’ vetturi u l-perjodi ta’ ħin għal kull segment tat-triq ikkonċernat ikunu disponibbli pubblikament u li jkollhom jiġu aġġustati b’mod regolari sabiex l-iskema tinżamm effikaċi.
L-Anness VI ġdid, marbut ukoll mal-Artikolu 7da, jillimita l-ammont tat-tariffa tal-konġestjoni għal kull km abbażi tal-ispejjeż marġinali tal-konġestjoni pprovduti bl-Aġġornament tal-Manwal dwar il-Kostijiet Esterni tat-Trasport.
L-Anness VII ġdid huwa marbut mal-Artikolu 7ga propost, rigward il-varjazzjoni tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet fuq l-utenti għal vetturi light-duty skont il-prestazzjoni ambjentali u jispeċifika l-kategoriji tal-emissjonijiet għall-finijiet ta’ varjazzjoni bħal din. Issir referenza għall-emissjonijiet tas-CO2 u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja b’kont meħud ta’ standards mifruxa madwar l-UE u l-aktar proċeduri tal-kejl reċenti u preċiżi.
2017/0114 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-progress lejn il-mira, li l-Kummissjoni stabbiliet fil-White Paper tagħha tat-28 ta’ Marzu 2011, jiġifieri li għandu jsir progress lejn l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipji ta’ “min iniġġes iħallas” u “l-utent iħallas”, sabiex jiġi ġġenerat id-dħul u jiġi żgurat il-finanzjament għall-investimenti futuri fit-trasport, sar bil-mod ħafna u għad hemm inkonsistenzi fl-applikazzjoni tat-tariffi għall-infrastruttura tat-toroq madwar l-Unjoni.
(2)Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Strateġija Ewropea għal Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi, il-Kummissjoni ħabbret li se tipproponi r-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-tariffi għat-trakkijiet sabiex tippermetti tariffi wkoll abbażi tad-differenzjazzjoni tad-diossidu tal-karbonju, u l-estensjoni ta’ xi wħud mill-prinċipji tagħha għax-xarabanks u l-kowċis, kif ukoll għall-karozzi tal-passiġġieri u l-vannijiet.
(3)Il-vetturi heavy-duty kollha għandhom impatt sinifikanti fuq l-infrastruttura tat-toroq u jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-arja filwaqt li l-vetturi light-duty huma s-sors tal-maġġoranza tal-impatti ambjentali u soċjali negattivi mit-trasport bit-triq fir-rigward tal-emissjonijiet u l-konġestjoni. Fl-interess tat-trattament ugwali u l-kompetizzjoni ġusta, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-vetturi li sa issa mhumiex koperti mill-qafas stabbilit fid-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet fuq l-utenti, jiġu inklużi f’dan il-qafas. Għalhekk, jenħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva jiġi estiż għall-vetturi heavy-duty minbarra dawk maħsuba għall-ġarr tal-merkanzija u għall-vetturi light-duty, inklużi l-karozzi tal-passiġġieri.
(4)Il-ħlasijiet fuq l-utenti abbażi tal-ħin, min-natura tagħhom, ma jirriflettux l-ispejjeż tal-infrastruttura li fil-fatt jiġġarbu u, għal raġunijiet simili, mhumiex effikaċi bħala inċentiv għal operazzjonijiet aktar nodfa u aktar effiċjenti, jew it-tnaqqis tal-konġestjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dawn jitnaqqsu gradwalment b’tariffi abbażi tad-distanza, li jkunu aktar ġusti, aktar effiċjenti u aktar effikaċi.
(5)Sabiex tiġi żgurata l-aċċettazzjoni mill-utenti tal-iskemi futuri tal-pedaġġ tat-toroq, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jintroduċu sistemi adegwati għall-ġbir tal-ħlasijiet bħala parti minn pakkett usa’ ta’ servizzi ta’ mobbiltà. Sistemi bħal dawn għandhom jiżguraw distribuzzjoni ġusta tal-ispejjeż tal-infrastruttura u jirriflettu l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Jenħtieġ li l-Istati Membri li jintroduċu sistema ta’ din ix-xorta jiżguraw li din tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(6)Bħal fil-każ ta’ vetturi heavy-duty, huwa importanti li jiġi żgurat li kwalunkwe tariffa abbażi tal-ħin li tiġi applikata għall-vetturi light-duty tkun proporzjonata, inkluż fir-rigward ta’ perjodi tal-użu ta’ iqsar minn sena. F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jitqies il-fatt li vetturi light-duty għandhom xejriet tal-użu differenti minn dawk ta’ vetturi heavy-duty. Il-kalkolu ta’ tariffi proporzjonati abbażi tal-ħin jista’ jkun ibbażat fuq id-dejta disponibbli dwar ix-xejriet tal-vjaġġi.
(7)Skont id-Direttiva 1999/62/KE, tariffa għall-ispejjeż esterni tista’ tiġi imposta fuq livell qrib għall-ispiża marġinali soċjali tal-użu tal-vettura kkonċernata. Intwera li dak il-metodu huwa l-aktar mod ġust u effiċjenti biex jitqiesu l-impatti ambjentali u tas-saħħa negattivi tat-tniġġis tal-arja u tal-istorbju ġġenerati minn vetturi heavy-duty, u jkun jiżgura kontribuzzjoni ġusta mill-vetturi heavy-duty biex jintlaħqu l-istandards tal-UE għall-kwalità tal-arja, kif ukoll kwalunkwe limitu jew mira applikabbli għall-istorbju. Għalhekk, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ tariffi bħal dawn tiġi ffaċilitata.
(8)Għal dan l-għan, jenħtieġ li t-tariffi massimi tal-medja ponderata għall-ispejjeż esterni tiġi ssostitwita mill-valuri ta’ referenza aġġornati fid-dawl tal-inflazzjoni, il-progress xjentifiku li jkun sar biex jiġu stmati l-ispejjeż esterni tat-trasport bit-triq u l-evoluzzjoni tal-kompożizzjoni tal-flotta.
(9)Il-varjazzjoni tat-tariffi għall-infrastruttura skont il-klassijiet tal-emissjonijiet Euro kkontribwiet għall-użu ta’ vetturi aktar nodfa. Madankollu, bit-tiġdid tal-flotot tal-vetturi, huwa mistenni li l-varjazzjoni tat-tariffi fuq din il-bażi fin-netwerk interurban tiskadi sa tmiem l-2020 u għalhekk jenħtieġ li titneħħa gradwalment sa dak iż-żmien. Mill-istess mument, jenħtieġ li l-impożizzjoni ta’ tariffi għall-ispejjeż esterni tiġi applikata b’mod aktar sistematiku bħala mezz immirat lejn l-irkupru tal-ispejjeż esterni fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet fejn dan huwa tal-ogħla importanza.
(10)Is-sehem tal-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi heavy-duty qiegħed jiżdied. Varjazzjoni tat-tariffi għall-infrastruttura skont dawn l-emissjonijiet tista’ tikkontribwixxi għal titjib f’dan il-qasam u għalhekk jenħtieġ li tiddaħħal.
(11)Il-vetturi light-duty jiġġeneraw żewġ terzi tal-impatti ambjentali negattivi tat-trasport bit-triq fuq l-ambjent u fuq is-saħħa. Għalhekk huwa importanti li jkun hemm inċentiv biex jintużaw il-vetturi l-aktar nodfa u l-aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil permezz tad-differenzjazzjoni tat-tariffi tat-triq abbażi ta’ fatturi tal-konformità definiti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/427, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646, u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/xxx.
(12)Sabiex jitħeġġeġ l-użu tal-vetturi l-aktar nodfa u effiċjenti, jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw ħlasijiet għall-użu tat-triq u ħlasijiet fuq l-utenti mnaqqsa ferm għal dawk il-vetturi.
(13)Il-konġestjoni tat-toroq, li għaliha jikkontribwixxu l-vetturi bil-mutur kollha bi proporzjonijiet differenti, tirrappreżenta spiża ta’ madwar 1 % tal-PDG. Parti sinifikanti ta’ din l-ispiża tista’ tiġi attribwita lill-konġestjoni interurbana. Għalhekk jenħtieġ li tiġi permessa tariffa speċifika marbuta mal-konġestjoni, bil-kundizzjoni li tiġi applikata għall-kategoriji kollha tal-vetturi. Sabiex tkun effikaċi u proporzjonata, jenħtieġ li t-tariffa tiġi kkalkulata abbażi tal-ispiża marġinali tal-konġestjoni u ddifferenzjata skont il-post, il-ħin u l-kategorija tal-vettura. Sabiex jiġi massimizzat l-effett pożittiv tat-tariffi għall-konġestjoni, jenħtieġ li d-dħul korrispondenti jiġi allokat għal proġetti li jindirizzaw is-sorsi tal-problema.
(14)Jenħtieġ li t-tariffi għall-konġestjoni jirriflettu l-ispejjeż reali li timponi kull vettura fuq l-utenti l-oħra tat-triq direttament, u indirettament fuq is-soċjetà b’mod ġenerali, b’mod proporzjonat. Sabiex jiġi evitat li dawn ixekklu b’mod sproporzjonat il-moviment ħieles tal-persuni u l-merkanzija, jenħtieġ li jkunu limitati għal ammonti speċifiċi li jirriflettu l-ispiża marġinali tal-konġestjoni fil-kundizzjoni qrib il-kapaċità, jiġifieri meta l-volumi tat-traffiku joqorbu l-livell ta’ traffiku li jifilħu t-toroq.
(15)Jenħtieġ li l-varjazzjoni newtrali mil-lat ta’ dħul tat-tariffi għall-infrastruttura applikati għall-vetturi tqal tal-merkanzija, strument subottimali għall-fini tat-tnaqqis tal-konġestjoni, titneħħa gradwalment.
(16)Il-mark-ups li jiżdiedu mat-tariffa għall-infrastruttura jistgħu jipprovdu wkoll kontribuzzjoni utli biex jiġu indirizzati l-problemi relatati ma’ ħsara ambjentali jew konġestjoni sinifikanti li jirriżultaw mill-użu ta’ ċerti toroq, mhux biss dawk f’żoni muntanjużi. Għalhekk, jenħtieġ li jitneħħew ir-restrizzjoni attwali tal-mark-ups għal żoni bħal dawn. Sabiex jiġi evitat li l-utenti jiġu ċċarġjati darbtejn, jenħtieġ li l-mark-ups jiġu esklużi f'sezzjonijiet tat-triq fejn tiġi applikata t-tariffa tal-konġestjoni.
(17)Fil-każ li Stat Membru jintroduċi sistema ta’ tariffi għat-toroq, il-kumpens li jingħata, jista’, skont il-każ, jirriżulta f’diskriminazzjoni kontra l-utenti tat-toroq mhux residenti. Għalhekk jenħtieġ li l-possibbiltà li jingħata kumpens f’dawn il-każijiet tkun limitata għal każijiet ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq u ma għandhiex tibqa’ disponibbli fil-każ ta’ ħlasijiet fuq l-utenti.
(18)Sabiex jiġu sfruttati s-sinerġiji potenzjali bejn is-sistemi eżistenti tat-tariffi tat-toroq sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż operattivi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun involuta bis-sħiħ fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li jkunu beħsiebhom jintroduċu skemi komuni tat-tariffi tat-toroq.
(19)It-tariffi tat-triq jistgħu jimmobilizzaw riżorsi li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-manutenzjoni u l-iżvilupp ta’ infrastruttura tat-trasport ta’ kwalità għolja. Huwa għalhekk xieraq li l-Istati Membri jingħataw inċentiv biex jużaw id-dħul mit-tariffi tat-triq għal dan il-għan, u b'hekk li jkun meħtieġ li jirrapportaw b’mod adegwat dwar l-użu ta’ dħul bħal dan. B’mod partikolari, dan għandu jgħin biex jiġu identifikati lakuni li jista’ jkun hemm fil-finanzjament u biex itejjeb l-aċċettazzjoni tat-tariffi tat-toroq mill-pubbliku.
(20)B'mod partikolari, l-għan ta' din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li l-iskemi tal-ipprezzar nazzjonali applikati għal vetturi minbarra l-vetturi tqal tal-merkanzija jiġu applikati f’qafas koerenti li jiżgura t-trattament ugwali madwar l-Unjoni. Dan ma jistax jintlaħaq b’mod tajjeb biżżejjed fil-livell tal-Istati Membri iżda minħabba n-natura transfruntiera tat-trasport bit-triq u minħabba l-problemi li din id-Direttiva trid tindirizza, jista’ jiġi ttrattat b’mod aħjar fil-livell tal-Unjoni, u għaldaqstant l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.
(21)Huwa meħtieġ li t-tariffi għall-ispejjeż esterni jkomplu jirriflettu l-ispiża tat-tniġġis tal-arja u l-istorbju ġġenerati mill-vetturi heavy-duty, bl-aktar mod akkurat possibli mingħajr ma l-iskema tat-tariffi ssir kumplessa żżejjed, biex jingħata inċentiv għall-vetturi l-aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil u biex l-inċentivi jibqgħu effikaċi kif ukoll biex id-differenzjazzjoni tat-tariffi tat-triq tibqa’ aġġornata. Għalhekk, jenħtieġ li s-setgħa li tadotta l-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex il-valuri ta’ referenza jiġu adattati għall-iċċarġjar tal-ispejjeż esterni skont il-progress xjentifiku, biex jiġu definiti l-modalitajiet għall-varjazzjoni newtrali mil-lat tad-dħul tat-tariffi għall-infrastruttura skont l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi heavy-duty u biex jiġu adattati l-modalitajiet tal-varjazzjoni tat-tariffi għall-infrastruttura għal vetturi light-duty skont il-progress tekniku. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u b'mod sistematiku l-esperti tagħhom ikollhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.
(22)Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li l-proċedura konsultattiva tintuża għall-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu sett armonizzat ta’ indikaturi għall-evalwazzjoni tal-kwalità tan-netwerks tat-toroq. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru. 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(23)Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 1999/62/KE tiġi emendata kif meħtieġ,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva 1999/62/KE hi emendata kif ġej:
(1)it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir mill-utenti tal-vetturi għall-użu tal-infrastrutturi tat-toroq”;
(2)L-Artikoli 1 u 2 jiġu sostitwiti b'dan li ġej:
“Artikolu 1
1. Din id-Direttiva tapplika għal:
(a) taxxi tal-vetturi għall-vetturi tqal tal-merkanzija,
(b) ħlasijiet għall-użu tat-triq u ħlasijiet fuq l-utenti imposti fuq l-użu tal-vetturi.
2. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal vetturi li jwettqu operazzjonijiet ta' trasport esklussivament fit-territorji mhux Ewropej tal-Istati Membri.
3. Din id-Direttiva lanqas ma għandha tapplika għal vetturi rreġistrati fil-Gżejjer Kanarji, f'Ceuta u Melilla, fl-Ażores jew f'Madejra u li jwettqu operazzjonijiet tat-trasport esklużivament f'dawk it-territorji jew bejn dawk it-territorji u, rispettivament, il-partijiet kontinentali ta' Spanja u tal-Portugall.
Artikolu 2
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:
(1)“netwerk trans-Ewropew tat-trasport” tfisser l-infrastruttura tat-trasport bit-triq imsemmija fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* kif jidher fil-mapep fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament;
(2)“spejjeż tal-kostruzzjoni” tfisser l-ispejjeż marbuta mal-bini, inkluż, fejn xieraq, l-ispejjeż tal-finanzjament ta’ wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)
infrastruttura ġdida jew titjib tal-infrastruttura ġdida, inklużi tiswijiet strutturali sinifikanti;
(b)
infrastruttura jew titjib tal-infrastruttura, inklużi tiswijiet strutturali sinifikanti, li tlestew sa mhux aktar tard minn 30 sena qabel l-10 ta’ Ġunju 2008, fejn diġà kienu fis-seħħ arranġamenti għall-ħlas għall-użu tat-triq fl-10 ta’ Ġunju 2008, jew li tlestew mhux aktar minn 30 sena qabel l-istabbiliment ta’ kwalunkwe arranġament ġdid ta’ ħlas għall-użu tat-triq introdott wara l-10 ta’ Ġunju 2008;
(c)
infrastruttura jew titjib tal-infrastruttura li tlestew qabel l-10 ta’ Ġunju 2008 fejn:
(i)Stat Membru jkun stabbilixxa sistema ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq li tipprevedi l-irkupru ta’ dawn l-ispejjeż permezz ta’ kuntratt ma' operatur tas-sistema tal-ġbir tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq, jew atti legali oħra li għandhom effett ekwivalenti, li daħlu fis-seħħ qabel l-10 ta’ Ġunju 2008, jew
(ii)Stat Membru jista’ juri li l-każ biex tinbena l-infrastruttura kkonċernata ddependa fuq il-fatt li din għandha ħajja tad-disinn ta’ aktar minn 30 sena.
(3)“spejjeż tal-finanzjament” tfisser kwalunkwe imgħax fuq is-self u r-redditu fuq kwalunkwe finanzjament tal-ekwità kontribwit mill-azzjonisti;
(4)“tiswijiet strutturali sinifikanti” tfisser tiswijiet strutturali minbarra dawk it-tiswijiet li ma għandhom l-ebda benefiċċju kurrenti għall-utenti tat-toroq, b’mod partikolari f’każijiet fejn ix-xogħol ta’ tiswija jkun ġie ssostitwit minn pavimentar mill-ġdid tat-toroq jew minn xogħol ieħor ta’ kostruzzjoni;
(5)“awtostrada” tfisser triq iddisinjata u mibnija apposta għat-traffiku ta’ vetturi bil-mutur, li ma twassalx għal proprjetajiet li jmissu magħha, u li tissodisfa l-kriterji li ġejjin:
(a)hija pprovduta, għajr f’punti speċjali jew b’mod temporanju, b’karreġġati separati għaż-żewġ direzzjonijiet tat-traffiku, separati minn xulxin jew bi strippa diviżorja mhux intenzjonata għat-traffiku jew, b’mod eċċezzjonali, b’mezzi oħra;
(b)ma taqsam, fl-istess livell, ebda triq, linja tal-ferrovija jew tat-tramm, passaġġ għar-roti jew passaġġ għall-mixi;
(c)hija ddeżinjata speċifikament bħala awtostrada;
(6)“ħlas għall-użu tat-triq” tfisser ammont speċifiku bbażat fuq id-distanza ta’ vjaġġ fuq infrastruttura partikolari u fuq it-tip ta’ vettura, li l-ħlas tiegħu jikkonferixxi d-dritt biex vettura tuża l-infrastrutturi, u li jinkludi tariffa għall-infrastruttura u, skont il-każ, tariffa tal-konġestjoni inkella tariffa għall-ispejjeż esterni jew it-tnejn li huma;
(7)“tariffa għall-infrastruttura” tfisser tariffa imposta bl-iskop li jiġu rkuprati l-ispejjeż tal-kostruzzjoni, tal-manutenzjoni, tat-tħaddim u tal-iżvilupp relatati mal-infrastruttura mġarrba fi Stat Membru;
(8)“tariffa għall-ispejjeż esterni” tfisser tariffa imposta bl-iskop li jiġu rkuprati l-ispejjeż imġarrba fi Stat Membru li huma relatati mat-tniġġis tal-arja jew l-istorbju mit-traffiku, jew it-tnejn li huma;
(9)
“konġestjoni” tfisser sitwazzjoni fejn il-volumi tat-traffiku joqorbu lejn jew jeċċedu l-kapaċità li jifilħu t-toroq;
(10)“tariffa tal-konġestjoni” tfisser tariffa li tiġi imposta fuq il-vetturi għall-fini li jiġu rkuprati l-ispejjeż tal-konġestjoni mġarrba fi Stat Membru u biex titnaqqas il-konġestjoni;
(11)“spiża tat-tniġġis tal-arja mit-traffiku” tfisser l-ispiża tal-ħsara kkawżata mir-rilaxx ta’ materjal partikulat u ta’ prekursuri tal-ożonu, bħall-ossidu tan-nitroġenu u l-komposti organiċi volatili, matul it-tħaddim ta’ vettura;
(12)“spiża tat-tniġġis tal-istorbju mit-traffiku” tfisser l-ispiża tal-ħsara kkawżata mill-istorbju ġġenerat mill-vetturi jew mill-interazzjoni tagħhom mal-wiċċ tat-toroq;
(13)“tariffa medja ponderata għall-infrastruttura” tfisser id-dħul totali ta’ tariffa għall-infrastruttura fuq perjodu ta’ żmien speċifiku diviż bl-għadd ta’ kilometri vvjaġġati minn vetturi heavy-duty fuq is-sezzjonijiet tat-toroq soġġetti għat-tariffa matul dak il-perjodu;
(14)"ħlas għall-utenti" tfisser ħlas ta' ammont speċifikat li jagħti d-dritt biex vettura tuża għal perjodu speċifiku l-infrastrutturi msemmija fl-Artikolu 7(1) u (2);
(15)“vettura” tfisser vettura motorizzata, b’erba’ roti jew aktar, inkella kombinazzjoni artikolata ta’ vetturi maħsuba għall-użu jew użata għall-ġarr ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija bit-triq;
(16)
“vettura heavy-duty” tfisser vettura tqila tal-merkanzija jew kowċ jew xarabank;
(17)
“vettura tqila tal-merkanzija” tfisser vettura maħsuba għall-ġarr tal-merkanzija u li jkollha massa massima permissibbli ta’ aktar minn 3,5 tunnellati;
(18)
“kowċ jew xarabank” tfisser vettura maħsuba għall-ġarr ta’ aktar minn 8 passiġġieri, flimkien mas-sewwieq, u li jkollha massa massima permissibbli ta’ aktar minn 3,5 tunnellati;
(19)
“vettura light-duty” tfisser karozza tal-passiġġieri, minibus jew vann;
(20)
“karozza tal-passiġġieri” tfisser vettura b’erba’ roti maħsuba għall-ġarr tal-passiġġieri iżda mhux aktar minn tmien passiġġieri, flimkien mas-sewwieq;
(21)“minibus” tfisser vettura maħsuba għall-ġarr ta’ mhux aktar minn tmien passiġġieri, flimkien mas-sewwieq, u li jkollha massa massima permissibbli ta’ mhux aktar minn 3,5 tunnellati;
(22)“vann” tfisser vettura maħsuba għall-ġarr tal-merkanzija u li jkollha massa massima permissibbli ta’ mhux aktar minn 3,5 tunnellati;
(23)
“vettura b’żero emissjonijiet” tfisser vettura li ma tirrilaxxax emissjonijiet tal-egżost;
(24)“operatur tat-trasport” tfisser kull impriża li tittrasporta l-merkanzija jew il-passiġġieri bit-triq;
(25)“vettura tal-kategorija ‘EURO 0’, ‘EURO I’, ‘EURO II’, ‘EURO III’, ‘EURO IV’, ‘EURO V’, ‘EURO VI’” tfisser vettura heavy-duty li tikkonforma mal-limiti tal-emissjonijiet stipulati fl-Anness 0;
(26)“tip ta’ vettura” tfisser kategorija li fiha taqa’ vettura heavy-duty skont l-għadd ta’ fusien, id-dimensjonijiet jew il-piż tagħha, inkella skont fatturi oħra ta’ klassifikazzjoni tal-vetturi li jirriflettu l-ħsara lit-toroq, eż. is-sistema ta’ klassifikazzjoni skont il-ħsara lit-toroq stabbilita fl-Anness IV, bil-kundizzjoni li s-sistema ta’ klassifikazzjoni li tintuża tkun ibbażata fuq il-karatteristiki tal-vettura li jew jidhru fid-dokumentazzjoni tal-vettura użata fl-Istati Membri kollha, inkella li huma viżwalment apparenti;
(27)"kuntratt ta’ konċessjoni” tfisser “kuntratt pubbliku ta’ xogħlijiet” kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**;
(28)“konċessjoni ta' ħlas għall-użu tat-triq” tfisser ħlas għall-użu tat-triq impost minn konċessjonarju taħt kuntratt ta' konċessjoni.
(29)
“arranġament ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq jew ta’ tariffi emendat sostanzjalment” tfisser arranġament ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq jew ta’ tariffi, li ġie emendat b’tali mod li l-ispejjeż jew id-dħul intlaqtu b’minn tal-anqas 5 % meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, wara li ssir korrezzjoni għall-inflazzjoni mkejla permezz tat-tibdiliet fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur madwar l-UE kollha, u bl-esklużjoni tal-enerġija u tal-ikel mhux ipproċessat, kif ippubblikat mill-Kummissjoni (Eurostat).
Għall-finijiet tal-punt 2:
(a) fi kwalunkwe każ, il-proporzjon ta’ spejjeż t tal-kostruzzjoni li għandhom jitqiesu ma għandux jaqbeż il-proporzjon tal-perjodu tal-ħajja attwali tad-disinn tal-komponenti tal-infrastrutturi li jkun għad fadal jiskorri fl-10 ta’ Ġunju 2008, jew fid-data meta jiddaħħlu l-arranġamenti l-ġodda ta’ ħlas għall-użu tat-triq, fejn din tkun id-data aktar tard;
(b) spejjeż tal-infrastruttura jew it-titjib tal-infrastruttura jistgħu jinkludu kwalunkwe nefqa speċifika fuq l-infrastruttura li tkun iddisinjata biex tnaqqas id-disturbi marbuta mal-istorbju inkella biex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq u l-ħlasijiet reali li jsiru mill-operatur tal-infrastruttura li jikkorrispondu mal-elementi ambjentali oġġettivi bħalma huma l-protezzjoni kontra l-kontaminazzjoni tal-ħamrija.
_______________
*
Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).
**
Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).”;
(3)l-Artikolu 7 jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 7
1.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 (1a), l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu ħlasijiet għall-użu tat-triq uħlasijiet fuq l-utenti fuq in-netwerk trans-Ewropew tat-toroq jew fuq ċerti sezzjonijiet ta’ dak in-netwerk, u fuq kwalunkwe sezzjoni oħra addizzjonali tan-netwerk tal-awtostradi tagħhom li mhux parti min-netwerk trans-Ewropew tat-toroq skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 3 sa 9 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikoli 7a sa 7k.
2.
Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri, f’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li japplikaw ħlasijiet għall-użu tat-triq u ħlasijiet fuq l-utenti fuq toroq oħra, dment li l-impożizzjoni ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq u ħlasijiet fuq l-utenti fuq toroq oħra bħal dawn ma tiddiskriminax kontra t-traffiku internazzjonali u ma tirriżultax f’distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi. Il-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet fuq l-utenti għal toroq minbarra toroq tan-netwerk trans-Ewropew u minbarra l-awtostradi għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 7a u l-Artikolu 7j(1), (2) u (4).
3.
L-Istati Membri ma għandhomx jimponu kemm ħlasijiet għall-użu tat-triq kif ukoll ħlasijiet fuq l-utenti fuq kwalunkwe kategorija ta’ vetturi għall-użu ta’ sezzjoni unika ta’ triq. Madankollu, Stat Membru li jimponi tariffa għall-utenti fuq in-netwerk tiegħu jista’ jimponi wkoll ħlasijiet għall-użu tat-triq għall-użu ta’ pontijiet, mini u passaġġi fuq muntanji.
4.
Il-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet fuq l-utenti ma għandhomx jiddiskriminaw, direttament jew indirettament, fuq il-bażi tan-nazzjonalità tal-utent tat-triq, tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz fejn l-operatur tat-trasport ikun stabbilit jew fejn il-vettura tkun irreġistrata, jew l-oriġini jew id-destinazzjoni tal-attività tat-trasport.
5.
L-Istati Membri jistgħu jipprevedu rati mnaqqsa ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq jew ta' ħlasijiet fuq l-utenti, jew eżenzjonijiet mill-obbligu li jitħallsu ħlasijiet għall-użu tat-triq jew ħlasijiet fuq l-utenti għall-vetturi heavy-duty eżentati mir-rekwiżit li jinstallaw u jużaw tagħmir ta’ reġistrazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, u f’każijiet koperti mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(2)(a), (b) u (c) ta’ din id-Direttiva.
6.
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 9, mill-1 ta’ Jannar 2018, l-Istati Membri ma għandhomx jintroduċu ħlasijiet fuq l-utenti ta’ vetturi heavy-duty. Il-ħlasijiet fuq l-utenti introdotti qabel dik id-data jistgħu jinżammu sal-31 ta’ Diċembru 2023.
7.
Mid-[data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], l-Istati Membri ma għandhomx jintroduċu ħlasijiet fuq l-utenti ta’ vetturi light-duty. Il-ħlasijiet fuq l-utenti introdotti qabel dik id-data jistgħu jinżammu sal-31 ta’ Diċembru 2027.
8.
Sal-31 ta’ Diċembru 2019, fir-rigward ta’ vetturi heavy-duty, Stat Membru jista’ jagħżel li japplika ħlasijiet għall-użu tat-triq jew ħlasijiet fuq l-utenti ta’ vetturi biss li jkollhom piż massimu permissibbli mgħobbija ta’ mhux inqas minn 12-il tunnellata jekk iqis li estensjoni għall-vetturi ta’ inqas minn 12-il tunnellata:
(a)
toħloq effetti avversi sinifikanti fuq iċ-ċirkolazzjoni libera tat-traffiku, l-ambjent, il-livelli ta’ storbju, il-konġestjoni, is-saħħa, jew is-sikurezza fit-toroq minħabba d-devjazzjoni tat-traffiku;
(b)
tinvolvi spejjeż amministrattivi ta’ aktar minn 30 % tad-dħul addizzjonali li jkun ġie ġġenerat b’dik l-estensjoni.
L-Istati Membri li jagħżlu li japplikaw taxxi jew tariffi għall-użu tat-triq biss għal vetturi li jkollhom piż massimu permissibbli meta mgħobbija ta’ mhux inqas minn 12-il tunnellata għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom u r-raġunijiet għaliha.
9.
Mill-1 ta’ Jannar 2020, il-ħlasijiet għall-użu tat-triq u fuq l-utent applikati għal vetturi heavy-duty għandhom japplikaw għall-vetturi heavy-duty kollha.
10.
Il-ħlasijiet għall-użu tat-triq u fuq l-utenti għal vetturi heavy-duty minn naħa u għal vetturi light-duty min-naħa l-oħra jistgħu jiddaħħlu jew jinżammu b’mod indipendenti minn xulxin.
___________
*
Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).”;
(4)l-Artikolu 7a huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 7a
1.
Il-ħlasijiet fuq l-utenti għandhom ikunu proporzjonati għat-tul tal-użu li jsir mill-infrastruttura.
2.
Sa fejn japplikaw il-ħlasijiet fuq l-utenti fir-rigward ta’ vetturi heavy-duty, l-użu tal-infrastruttura għandu jkun disponibbli għall-inqas għall-perjodi li ġejjin: jum, ġimgħa, xahar u sena. Ir-rata għal xahar ma għandhiex tkun aktar minn 10 % tar-rata annwali, ir-rata għal ġimgħa ma għandhiex tkun aktar minn 5 % tar-rata annwali u r-rata għal ġurnata ma għandhiex tkun aktar minn 2 % tar-rata annwali.
Stat Membru jista’ jiddeċiedi li japplika biss rati annwali għall-vetturi rreġistrati f’dak l-Istat Membru.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ħlasijiet fuq l-utent, inklużi l-ispejjeż amministrattivi, għall-kategoriji kollha ta’ vetturi heavy-duty, f’livell mhux ogħla mir-rati massimi stipulati fl-Anness II.
3.
Sa fejn japplikaw il-ħlasijiet fuq l-utenti fir-rigward ta’ karozzi tal-passiġġieri, l-użu tal-infrastruttura għandu jkun disponibbli għall-inqas għall-perjodi li ġejjin: 10 ijiem, xahar jew xahrejn jew it-tnejn, u sena. Ir-rata għal xahrejn ma għandhiex tkun aktar minn 30 % tar-rata annwali, ir-rata ta’ xahar ma għandhiex tkun aktar minn 18 % tar-rata annwali u r-rata ta’ 10 ijiem ma għandhiex tkun aktar minn 8 % tar-rata annwali.
L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħmlu l-użu tal-infrastruttura disponibbli għal perjodi oħra ta’ żmien. F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom japplikaw rati skont il-prinċipju tat-trattament ugwali bejn l-utenti, filwaqt li jqisu l-fatturi rilevanti kollha, b’mod partikolari r-rata annwali u r-rati applikati għall-perjodi l-oħra msemmija fl-ewwel subparagrafu, għax-xejriet eżistenti tal-użu għall-ispejjeż amministrattivi.
Fir-rigward ta’ skemi ta’ ħlasijiet fuq l-utenti adottati qabel il-31 ta’ Mejju 2017, l-Istati Membri jistgħu jżommu rati ogħla mil-limiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, fis-seħħ qabel dik id-data, u rati ogħla korrispondenti għal perjodi oħra ta’ użu, f’konformità mal-prinċipju tat-trattament ugwali. Madankollu, għandhom jikkonformaw mal-limiti stabbilti fl-ewwel subparagrafu kif ukoll mat-tieni subparagrafu malli l-arranġamenti ta’ ħlas għall-użu tat-triq jew ta’ tariffi emendati sostanzjalment jidħlu fis-seħħ, u mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2024.
4.
Għall-minibuses u għall-vannijiet, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw jew mal-paragrafu 2 inkella mal-paragrafu 3. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ħlasijiet fuq l-utenti ogħla għall-minibuses u għall-vannijiet milli għall-karozzi tal-passiġġieri mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2024.”;
(5)l-Artikolu 7c huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 7c
1.
L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu tariffa għall-ispejjeż esterni, marbuta mal-ispiża tat-tniġġis tal-arja jew tal-istorbju mit-traffiku, jew mat-tnejn li huma.
Għal vetturi heavy-duty, it-tariffa għall-ispejjeż esterni għandha tvarja u tiġi stabbilita f’konformità mar-rekwiżiti minimi u l-metodi msemmija fl-Anness IIIa u għandha tirrispetta l-valuri ta’ referenza msemmija fl-Anness IIIb.
2.
l-ispejjeż li jiġu kkunsidrati għandhom ikunu relatati man-netwerk jew mal-parti tan-netwerk li fuqu huma imposti t-tariffi għall-ispejjeż esterni u mal-vetturi li huma soġġetti għalihom. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jirkupraw biss perċentwal minn dawk l-ispejjeż
3.
It-tariffa għall-ispejjeż esterni marbuta mat-tniġġis tal-arja mit-traffiku ma għandhiex tapplika għal vetturi heavy-duty li jikkonformaw mal-aktar standards stretti tal-emissjonijiet EURO.
L-ewwel subparagrafu ma għandux jibqa’ japplika erba’ snin mid-data meta r-regoli li introduċew dawk l-istandards bdew japplikaw.
4.
L-ammont tat-tariffa għall-ispejjeż esterni għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat. Jekk Stat Membru jaħtar awtorità għal dan l-iskop, l-awtorità għandha tkun legalment u finanzjarjament indipendenti mill-organizzazzjoni responsabbli għall-ġestjoni jew il-ġbir tat-tariffa kollha jew ta’ parti minnha.
5.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, l-Istati Membri li jimponu l-ħlasijiet għall-użu tat-triq għandhom japplikaw tariffa għall-ispejjeż esterni għal vetturi heavy-duty tal-anqas fuq il-parti tan-netwerk imsemmija fl-Artikolu 7(1) fejn il-ħsara ambjentali ġġenerata mill-vetturi heavy-duty tkun ogħla mill-ħsara ambjentali medja ġġenerata minn vetturi heavy-duty ddefinita skont ir-rekwiżiti rilevanti tar-rappurtar imsemmija fl-Anness IIIa.”;
(6)Jiddaħħal l-Artikolu 7da li ġej:
“Artikolu 7da
1.
F’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu tariffa tal-konġestjoni fuq kwalunkwe sezzjoni tan-netwerk tat-toroq tagħhom li tkun soġġetta għall-konġestjoni. It-tariffa tal-konġestjoni tista’ tiġi applikata biss fuq dawk is-sezzjonijiet tat-toroq li jkollhom konġestjoni regolari u biss għal dawk il-perjodi fejn tipikament ikollhom konġestjoni.
2.
L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu s-sezzjonijiet tat-toroq u l-perjodi ta’ ħin imsemmija fil-paragrafu 1 abbażi tal-kriterji oġġettivi marbuta mal-livell ta’ esponiment tat-toroq u l-viċinanzi tagħhom għall-konġestjoni, bħal pereżempju d-dewmien medju jew it-tul tas-serbut ta’ vetturi wara xulxin.
3.
Tariffa tal-konġestjoni imposta fuq kwalunkwe sezzjoni tan-netwerk tat-toroq għandha tapplika b’mod mhux diskriminatorju għall-kategoriji kollha ta’ vetturi, f’konformità mal-fatturi ta’ ekwivalenza standard stabbiliti fl-Anness V.
4.
It-tariffa tal-konġestjoni għandha tirrifletti l-ispejjeż imposti minn vettura fuq utenti oħra tat-toroq, u indirettament fuq is-soċjetà, iżda ma għandhiex tisboq il-livelli massimi stabbiliti fl-Anness VI għal kwalunkwe tip ta’ triq.
5.
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi xierqa għall-monitoraġġ tal-impatt tat-tariffi tal-konġestjoni u għar-rieżami tagħhom. Għandhom jwettqu rieżami tal-livell ta' tariffi b’mod regolari, tal-anqas kull tliet snin, biex jiżguraw li ma jkunux ogħla mill-ispiża tal-konġestjoni li tokkorri f’dak l-Istat Membru u li hija ġġenerata f’dawk is-sezzjonijiet tat-toroq li huma soġġetti għal tariffa tal-konġestjoni.”;
(7)l-Artikoli 7f u 7g jinbidlu b’dan li ġej:
“Artikolu 7f
1.
Wara li jkun informa lill-Kummissjoni, Stat Membru jista’ jżid mark-up mat-tariffa tal-infrastruttura imposta fuq sezzjonijiet speċifiċi tat-toroq li jkollhom konġestjoni regolari, jew li l-użu tagħhom mill-vetturi jikkawża ħsara ambjentali partikolari, fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
id-dħul iġġenerat mill-mark-up jiġi investit biex jiffinanzja l-kostruzzjoni tal-infrastruttura tat-trasport fin-netwerk ewlieni, identifikat skont il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013, li tikkontribwixxi direttament biex tittaffa l-konġestjoni jew il-ħsara ambjentali u li jinsabu fl-istess kuritur bħas-sezzjoni tat-triq li fuqha tiġi applikata l-mark-up;
(b)
il-mark-up ma taqbiżx il-15 % tat-tariffa medja ponderata għall-infrastruttura kkalkulata f’konformità mal-Artikolu 7b(1) u l-Artikolu 7e, ħlief fejn id-dħul iġġenerat jiġi investit f’sezzjonijiet transfruntiera tal-kurituri tan-netwerk ewlieni, f’liema każ il-mark-up ma għandhiex taqbeż il-25 %;
(c)
l-applikazzjoni tal-mark-up ma tkunx kawża ta’ trattament inġust tat-traffiku kummerċjali meta mqabbel ma’ utenti oħra tat-toroq;
(d)
deskrizzjoni tal-post eżatt ta’ fejn se tiġi imposta l-mark-up u prova ta’ deċiżjoni li tiffinanzja l-kostruzzjoni ta’ kurituri tan-netwerk ewlieni msemmija fil-punt (a) jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni qabel l-applikazzjoni tal-mark-up;
(e)
il-perjodu li għalih għandha tapplika l-mark-up ikun definit u limitat minn qabel u jkun konsistenti, fir-rigward tad-dħul li mistenni jidħol, mal-pjanijiet finanzjarji u mal-analiżi tal-ispejjeż u tal-benefiċċji għall-proġetti kofinanzjati bid-dħul mill-mark-up.
1a. Fil-każ ta’ proġetti transfruntiera ġodda, il-mark-ups jistgħu jiżdiedu biss jekk l-Istati Membri kollha involuti f’tali proġett jaqblu.
2.
Mark-up tista’ tiġi applikata fuq tariffa għall-infrastruttura li tkun ġiet varjata skont l-Artikolu 7g jew 7ga.
3.
Wara li tirċievi l-informazzjoni meħtieġa minn Stat Membru li jkollu l-ħsieb li japplika mark-up, il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-membri tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 9c. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-mark-up ippjanata ma tissodisfax il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1, jew jekk tikkunsidra li l-mark-up ippjanata ser ikollha effetti avversi sinifikanti fuq l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjuni periferiċi, hija tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiċħad jew titlob l-emendar tal-pjanijiet għat-tariffi ppreżentati mill-Istat Membru kkonċernat. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 9c(2).
4.
L-ammont tal-mark-up għandu jitnaqqas mill-ammont tat-tariffa għall-ispejjeż esterni kkalkulat f’konformità mal-Artikolu 7c, ħlief għal vetturi tal-klassijiet tal-emissjonijiet EURO 0, I u II mill-15 ta' Ottubru 2011, III u IV mill-1 ta’ Jannar 2015, V mill-1 ta’ Jannar 2019 u VI minn Jannar 2023 ’il quddiem. Id-dħul kollu ġġenerat mill-applikazzjoni simultanja tal-mark-up u t-tariffi għall-ispejjeż esterni għandhom jiġu investiti fl-iffinanzjar tal-kostruzzjoni ta’ kurituri tan-netwerk ewlieni elenkati fil-Parti I tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013.
5.
Mark-up ma għandhiex tiġi applikata għal sezzjonijiet tat-toroq fejn tiġi applikata tariffa tal-konġestjoni.
Artikolu 7g
1.
Sal-31 ta’ Diċembru 2021, it-tariffa għall-infrastruttura tista’ tiġi varjata bl-iskop li tonqos il-konġestjoni, tonqos kemm jista’ jkun il-ħsara għall-infrastruttura u jitjieb bl-aħjar mod possibbli l-użu tal-infrastruttura kkonċernata jew tiġi promossa s-sikurezza fit-toroq, fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)il-varjazzjoni tkun trasparenti, magħmula pubblika u disponibbli għall-utenti kollha b'termini ugwali;
(b)il-varjazzjoni tiġi applikata skont il-ħin tal-jum, it-tip ta’ jum jew l-istaġun;
(c)l-ebda tariffa għall-infrastruttura ma tkun aktar minn 175 % ’l fuq mil-livell massimu tat-tariffa medja ponderata għall-infrastruttura kif imsemmi fl-Artikolu 7b;
(d)il-perjodi bl-aktar traffiku li matulhom jiġu imposti tariffi ogħla għall-infrastruttura bl-iskop li tonqos il-konġestjoni ma jkunux itwal minn ħames sigħat kuljum;
(e)il-varjazzjoni tkun ippjanata u applikata b’mod trasparenti u newtrali mil-lat tad-dħul f'sezzjoni tat-triq milquta mill-konġestjoni b’mod li toffri rati ta' ħlasijiet għat-trasportaturi li jagħżlu li jivvjaġġaw waqt perjodu bla traffiku u tapplika rati ta’ ħlasijiet ogħla għat-trasportaturi li jagħżlu li jivvjaġġaw waqt is-sigħat ta’ traffiku intensiv fl-istess sezzjoni tat-triq.
Stat Membru li jkun jixtieq jintroduċi tali varjazzjoni jew ibiddel waħda eżistenti għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan u jipprovdilha l-informazzjoni neċessarja biex tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet humiex issodisfati.
2.
Sal-31 ta’ Diċembru 2020, fir-rigward ta’ vetturi heavy-duty, l-Istati Membri għandhom ivarjaw it-tariffa għall-infrastruttura skont il-klassi tal-emissjonijiet EURO tal-vettura b’tali mod li l-ebda tariffa għall-infrastruttura ma tkun aktar minn 100 % ’l fuq mill-istess tariffa għal vetturi ekwivalenti li jissodisfaw l-aktar standards stretti tal-emissjonijiet. Il-kuntratti ta’ konċessjoni eżistenti huma eżentati min dan ir-rekwiżit sakemm il-kuntratt jiġġedded.
Madankollu Stat Membru jista’ jidderoga mir-rekwiżit li jvarja t-tariffa għall-infrastruttura jekk tkun tapplika kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
(i)dan jimmina b’mod serju l-koerenza tas-sistemi tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq fit-territorju tiegħu;
(ii)ma jkunx teknikament prattikabbli li tiġi introdotta din id-differenzjazzjoni fis-sistema ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq ikkonċernata;
(iii)dan iwassal għad-devjazzjoni tal-vetturi li jniġġsu l-aktar b’impatti negattivi fuq is-sikurezza fit-toroq u s-saħħa pubblika;
(iv)il-ħlas għall-użu tat-triq jinkludi tariffa għall-ispejjeż esterni.
Kwalunkwe deroga jew eżenzjoni bħal din għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.
3.
Fejn, f’każ ta’ kontoll, is-sewwieq jew, jekk ikun adattat, l-operatur tat-trasport, ma jkunx jista’ jippreżenta d-dokumenti tal-vettura meħtieġa biex jikkonferma l-klassi tal-emissjonijiet tal-vettura għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ħlasijiet għall-użu tat-triq sal-ogħla livell li jista’ jiġi impost.
4.
Fi żmien sena wara li l-Kummissjoni tippubblika d-dejta uffiċjali dwar l-emissjonijiet tas-CO2 skont ir-Regolament (UE) .../...*****, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat skont l-Artikolu 9e sabiex tiddefinixxi l-valuri ta’ referenza tal-emissjonijiet tas-CO2, flimkien ma’ kategorizzazzjoni xierqa tal-vetturi heavy-duty kkonċernati.
Fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ tal-att delegat, l-Istati Membri għandhom ivarjaw it-tariffa għall-infrastruttura filwaqt li jqisu l-valuri ta’ referenza tal-emissjonijiet tas-CO2 u l-kategorizzazzjoni rilevanti tal-vettura. It-tariffi għandhom jiġu varjati b’tali mod li l-ebda tariffa tal-infrastruttura ma tkun aktar minn 100 % ogħla mill-istess tariffa għall-vetturi ekwivalenti li jkollhom l-aktar emissjonijiet baxxi ta’ CO2, iżda mhux f’livell żero. Il-vetturi b’żero emissjonijiet għandhom jibbenefikaw mit-tariffi tal-infrastruttura mnaqqsa b’75 % meta mqabbla mal-ogħla rata.
5.Il-varjazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 4 ma għandhomx ikunu maħsuba biex jiġġeneraw dħul addizzjonali mill-ħlasijiet għall-użu tat-triq. Kwalunkwe żieda mhux intenzjonata fid-dħul għandha tiġi kontrobbilanċjata minn bidliet fl-istruttura tal-varjazzjoni li għandhom jiġu implimentati fi żmien sentejn mit-tmiem tas-sena ta’ kontabbiltà li fiha jiġi ġġenerat id-dħul addizzjonali.
____________
***** Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) .../... ta’ XXX li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 595/2009 fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum tal-fjuwil minn vetturi heavy-duty u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L ..., ..., p...).”;
(8)jiddaħħal l-Artikolu 7ga li ġej:
“Artikolu 7ga
1.
Għal vetturi light-duty, sal-31 ta’ Diċembru 2021, l-Istati Membri jistgħu ivarjaw il-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet fuq l-utenti skont il-prestazzjoni ambjentali tal-vettura.
2.
Mill-1 ta’ Jannar 2022 l-Istati Membri għandhom ivarjaw il-ħlasijiet għall-użu tat-triq u, fil-każ ta’ ħlasijiet fuq l-utenti, tal-anqas it-tariffi annwali, skont l-emissjonijiet ta’ CO2 u ta’ sustanzi li jniġġsu mill-vetturi skont ir-regoli stabbiliti fl-Anness VII.
3.
Fejn, f’każ ta’ kontoll, is-sewwieq jew, jekk ikun adattat, l-operatur tat-trasport, ma jkunx jista’ jippreżenta d-dokumenti tal-vettura meħtieġa biex jikkonferma l-livelli tal-emissjonijiet tal-vettura (Ċertifikat tal-Konformità) skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) .../...******, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ħlasijiet għall-użu tat-triq jew ħlasijiet annwali għall-utenti sal-ogħla livell li jista’ jiġi impost.
4.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 9e biex jemendaw l-Anness VII biex il-modalitajiet speċifikati fl-Anness jiġu adattati skont il-progress tekniku.
_____________
****** Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/xxx ta’ XXX li jissupplementa r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 692/2008 (ĠU L xxx) u d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).”;
(9)l-Artikolu 7h huwa emendat kif ġej:
(a)
fil-paragrafu 1, il-kliem introduttorju huwa ssostitwit b'dan li ġej:
“Tal-inqas sitt xhur qabel l-implimentazzjoni ta’ arranġament ġdid jew ta’ arranġament sostanzjalment emendat ta’ ħlas għall-użu tat-triq b’tariffa għall-infrastruttura, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:”;
(b)
il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:
"3.
Qabel l-implimentazzjoni ta’ arranġament ġdid jew ta’ arranġament sostanzjalment emendat ta’ ħlas għall-ispejjeż esterni, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar in-netwerk ikkonċernat, ir-rati previsti skont il-kategorija ta’ vetturi u l-klassijiet tal-emissjonijiet.”;
(c)
il-paragrafu 4 jitħassar;
(10)l-Artikolu 7i huwa emendat kif ġej:
(a)
fil-paragrafu 2, il-punti (b) u (c) jinbidlu b’dan li ġej:
"(b)roħs jew tnaqqis bħal dan jirrifletti l-iffrankar reali fl-ispejjeż amministrattivi tat-trattament ta’ utenti frekwenti meta mqabbla mal-utenti okkażjonali;
(c) roħs jew tnaqqis bħal dan ma jaqbiżx it-13 % tat-tariffa għall-infrastruttura mħallsa minn vetturi ekwivalenti li mhumiex eliġibbli għar-roħs jew għat-tnaqqis.”;
(b)il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:
"3.Soġġetti għall-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7g(1)(b) u (5), ir-rati tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq jistgħu, għal proġetti speċifiċi ta’ interess għoli Ewropew identifikati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013, ikunu soġġetti għal forom oħrajn ta’ varjazzjoni sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà kummerċjali ta’ dawn il-proġetti, meta dawn ikunu esposti għal kompetizzjoni diretta ma’ modalitajiet oħrajn ta’ trasport. L-istruttura li timponi t-tariffi u li tirriżulta għandha tkun lineari, proporzjonata, magħmula pubblika u disponibbli għall-utenti kollha b’termini ugwali u ma għandhiex twassal biex l-ispejjeż addizzjonali jgħaddu għand utenti oħrajn fl-għamla ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq ogħla.”;
(11)l-Artikolu 7j huwa emendat kif ġej:
(a)
fil-paragrafu 1, it-tieni sentenza tinbidel b'dan li ġej:
“Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw fl-istabbiliment ta’ metodi li jippermettu lill-utenti tat-toroq iħallsu t-tariffi għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet fuq l-utenti 24 siegħa kuljum, tal-inqas f’punti tal-bejgħ ewlenin, bl-użu ta’ mezzi komuni ta’ ħlas, ġewwa u barra l-Istati Membri fejn ikunu applikati.”;
(b)
il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:
"3.
Jekk Stat Membru jimponi ħlas għall-użu tat-triq fuq vettura, l-ammont totali tal-ħlas għall-użu tat-triq, l-ammont tat-tariffa għall-infrastruttura, l-ammont tat-tariffa għall-ispejjeż esterni u l-ammont għat-tariffa tal-konġestjoni, fejn jiġu applikati, għandhom jiġu indikati f’irċevuta pprovduta lill-utent tat-toroq, permezz ta’ mezzi elettroniċi, sa fejn ikun possibbli.”;
(c)
fil-paragrafu 4, l-ewwel sentenza hija ssostitwita b’dan li ġej:
“Fejn ikun ekonomikament fattibbli, l-Istati Membri għandhom jimponu u jiġbru t-tariffi għall-ispejjeż esterni u t-tariffi tal-konġestjoni permezz ta’ sistema elettronika li tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/52/KE.”;
(12)l-Artikolu 7k huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 7k
Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri li jintroduċu sistema ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq għal kumpens xieraq.”;
(13)fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:
(a)
fil-punt (a), ir-referenza għall-"Artikolu 7(7)" hija ssostitwita b'referenza għall-"Artikolu 7a”;
(b)
fil-punt (b), il-kliem “u (2)” jiddaħħlu wara “Artikolu 7(1)”;
(14)l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:
(a)
fil-paragrafu 2, jitħassar it-tieni subparagrafu;
(b)
jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:
"3. Id-dħul iġġenerat mit-tariffi tal-konġestjoni, jew l-ekwivalenti f’valur finanzjarju ta’ dak id-dħul, għandu jintuża biex tiġi indirizzata l-problema tal-konġestjoni, b’mod partikolari billi:
(a) jiġu appoġġati infrastrutturi u servizzi tat-trasport kollettiv;
(b) jiġu eliminati l-punti ta’ konġestjonijiet fin-netwerk trans-Ewropew tat-trasport;
(c) tiġi żviluppata infrastruttura alternattiva għall-utenti tat-trasport.”;
(15)l-Artikoli 9d u 9e jinbidlu b’dan li ġej:
“Artikolu 9d
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 9e biex temenda l-Anness 0, l-ammonti fit-Tabelli 1 u 2 fl-Anness IIIb, u l-formuli fit-Taqsimiet 4.1 u 4.2 tal-Anness IIIa sabiex tadattahom skont il-progress xjentifiku u tekniku.
Artikolu 9e
1. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 7g(4), l-Artikolu 7ga(4) u l-Artikolu 9d, għal perjodu ta’ żmien indeterminat [mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 7g(4), l-Artikolu 7ga(4) u l-Artikolu 9d, tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016.
5. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill simultanjament.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 7g(4), l-Artikolu 7ga(4) u l-Artikolu 9d, għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dan iż-żmien, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu informaw it-tnejn li huma lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;
(16)l-Artikoli 9f u 9g jitħassru.
(17)l-Artikolu 10a huwa ssostitwit b’dan li ġej:
"1.
L-ammonti f’euro kif stabbiliti fl-Anness II u l-ammonti f’ċenteżmi kif stabbiliti fit-Tabelli 1 u 2 fl-Anness IIIb għandhom jiġu adattati kull sentejn sabiex jitqiesu l-bidliet fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur madwar l-UE bl-esklużjoni tal-enerġija u tal-ikel mhux ipproċessat, kif ippubblikat mill-Kummissjoni (Eurostat). L-ewwel adattament għandu jseħħ sal-31 ta’ Marzu [is-sena wara s-sentejn ta' wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].
L-ammonti għandhom jiġu adattati awtomatikament, billi jiżdied l-ammont bażi f’euro jew f’ċenteżmi bil-perċentwal tal-bidla f’dak l-indiċi. L-ammonti li jirriżultaw għandhom jiġu aġġustati ’l fuq sal-eqreb euro fir-rigward tal-Anness II, jiġu aġġustati ’l fuq sal-eqreb deċimu ta’ ċenteżmu fir-rigward tal-Anness IIIb.
2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-ammonti adattati msemmija fil-paragrafu 1 sal 31 ta’ Marzu tas-sena wara tmiem is-sentejn kalendarji msemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-ammonti adattati għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-pubblikazzjoni.”;
(18)l-Artikolu 11 jiġi ssostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 11
1.
Kull sena, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw, f’forma aggregata, rapport dwar il-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet fuq l-utenti imposti fit-territorju tagħhom, inkluża l-informazzjoni dwar l-użu tad-dħul u l-kwalità tat-toroq fejn jiġu applikati l-ħlasijiet għall-użu tat-triq jew it-tariffi oħra għall-utenti, kif speċifikat fil-paragrafi 2 u 3.
2.
Ir-rapport ippubblikat skont il-paragrafu 1 għandu jinkludi informazzjoni dwar:
(a)it-tariffa għall-ispejjeż esterni imposta għal kull kombinazzjoni ta’ klassi ta’ vetturi, tip ta’ triq u perjodu ta’ żmien;
(b)il-varjazzjoni tat-tariffi għall-infrastruttura skont it-tip ta' vetturi;
(c)it-tariffa medja ponderata għall-ispiża tal-infrastruttura u d-dħul totali ġġenerat mit-tariffa għall-infrastruttura, bi speċifikazzjoni ta’ kwalunkwe devjazzjoni possibbli meta mqabbla mal-ispiża reali tal-infrastruttura li jirriżultaw mill-varjazzjoni tat-tariffa għall-infrastruttura;
(d)id-dħul totali ġġenerat mit-tariffi għall-ispejjeż esterni;
(e)
id-dħul totali ġġenerat mit-tariffi tal-konġestjoni;
(f)
id-dħul totali ġġenerat mill-ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew il-ħlasijiet fuq l-utenti;
(g)
informazzjoni dwar l-użu tad-dħul iġġenerat permezz tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, u kif dan l-użu jkun ippermetta lill-Istat Membru jilħaq il-miri tiegħu msemmija fl-Artikolu 9(2) u (3);
(h)
evalwazzjoni, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, tal-istat ta’ manutenzjoni tal-infrastruttura tat-toroq fit-territorju tal-Istat Membru, u l-evoluzzjoni tiegħu mill-aħħar rapport;
(i)evalwazzjoni tal-livell ta’ konġestjoni fuq in-netwerk bi ħlas fil-ħinijiet intensivi, abbażi tal-osservazjonijiet tat-traffiku fil-ħin reali mwettqa fuq għadd rappreżentattiv ta’ meded tat-toroq bil-konġestjoni min-netwerk ikkonċernat u l-evoluzzjoni tiegħu mill-aħħar rapport.
3.
L-Istati Membri għandhom jużaw indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-partijiet tan-netwerk tat-toroq fejn il-ħlasijiet għall-użu tat-triq jew il-ħlasijiet fuq l-utenti jiġu applikati. Bħala minimu, dawn l-indikaturi għandhom ikunu marbuta:
(a)
mal-kwalità tal-wiċċ tat-toroq;
(b)
mas-sikurezza fit-toroq;
(c)
mal-livell ta’ konġestjoni.
4.Fi żmien tliet snin wara [id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva reveduta], il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni skont il-produra konsultattiva msemmija fl-Artikolu 9c(2), sabiex jiġi definit sett armonizzat ta’ indikaturi.
5.
Fi żmien sitt snin wara [id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva reveduta], il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport ibbażat fuq l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-indikaturi msemmija fil-paragrafu 4.”;
(18) L-Annessi huma emendati kif ġej:
(a) L-Annessi 0, IIIa, IIIb u IV huma emendati kif stabbilit fl-Anness ta' din id-Direttiva.
(b) L-Annessi V, VI u VII jiddaħħlu kif stabbilit fl-Anness ta' din id-Direttiva.
Artikolu 2
1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn …. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President