Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0161

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL dwar is-soġġezzjoni tas-sustanza psikoattiva ġdida N-(1-fenetilpiperidin-4-il)-N-fenilakrilammid (akriloilfentanil) għal miżuri ta’ kontroll

COM/2017/0161 final - 2017/073 (NLE)

Brussell, 6.4.2017

COM(2017) 161 final

2017/0073(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar is-soġġezzjoni tas-sustanza psikoattiva ġdida N-(1-fenetilpiperidin-4-il)-N-fenilakrilammid (akriloilfentanil) għal miżuri ta’ kontroll


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda 1 tipprovdi għal proċedura ta' tliet passi li tista' twassal biex sustanza psikoattiva ġdida tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni.

Fis-17 ta' Novembru 2016 ġie ppubblikat rapport konġunt taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) u l-Europol, imħejji f'konformità mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI. Fit-23 ta' Jannar 2017, wara t-talba li saret mill-Kummissjoni u 11-il Stat Membru u skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija hawn fuq, il-Kunsill talab li ssir valutazzjoni tar-riskji kkawżati mill-użu, il-manifattura u t-traffikar tas-sustanza psikoattiva ġdida akriloilfentanil, l-involviment tal-kriminalità organizzata u l-konsegwenzi possibbli tal-miżuri ta' kontroll introdotti dwar din is-sustanza.

Ir-riskji tal-akriloilfentanil ġew ivvalutati mill-Kumitat Xjentifiku tal-EMCDDA, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill. Il-President tal-Kumitat Xjentifiku ppreżenta r-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fl-24 ta' Frar 2017. Ir-riżultati ewlenin tal-valutazzjoni tar-riskju huma dawn li ġejjin:

L-akriloilfentanil huwa opjojde sintentiku. Huwa strutturalment simili għall-fentanil, sustanza kkontrollata. Is-sustanza ilha disponibbli fl-Unjoni Ewropea mill-inqas minn April 2016 u nstabet fi 6 Stat Membru.

47 mewt assoċjati mal-akriloilfentanil ġew irrappurtati minn 3 Stati Membri. F’mill-anqas 40 mewt l-akriloilfentanil kien il-kawża tal-mewt jew x’aktarx li kkontribwixxa għall-mewt. Barra minn hekk, ġew rappurtati aktar minn 20 intossikazzjoni akuta suspettati li kienu minħabba l-akriloilfentanil.

Skont l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI, fi żmien sitt ġimgħat mid-data li fiha tirċievi r-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill jew inizjattiva biex is-sustanzi psikoattivi ġodda jiġu soġġetti għal miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni, jew rapport li jispjega l-opinjonijiet tagħha għaliex din l-inizjattiva ma titqiesx meħtieġa. Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' April 2015 fil-Kawżi Konġunti C-317/13 u C-679/13, il-Parlament Ewropew għandu jiġi kkonsultat qabel ma att ibbażat fuq l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI jiġi adottat.

Abbażi tas-sejbiet tar-rapport tal-valutazzjoni tar-riskju, il-Kummissjoni tqis li hemm raġunijiet biex is-sustanza tiġi soġġetta għal miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni. Skont ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji, it-tossiċità akuta tal-akriloilfentanil hija tali li tista' tikkawża danni kbar għas-saħħa tal-individwi.

2.L-GĦAN TAL-PROPOSTA

L-għan ta' din il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill huwa li l-Istati Membri jintalbu jissoġġettaw l-akriloilfentanil għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali kif stipulat mil-leġiżlazzjoni tagħhom bis-saħħa tal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971.

2017/0073 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar is-soġġezzjoni tas-sustanza psikoattiva ġdida N-(1-fenetilpiperidin-4-il)-N-fenilakrilammid (akriloilfentanil) għal miżuri ta’ kontroll

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 3

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Tfassal rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji dwar is-sustanza psikoattiva ġdida N-(1-fenetilpiperidin-4-il)-N-fenilakrilammid (akriloilfentanil) b'mod konformi mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI minn sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, u sussegwentement intbagħat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fl-24 ta' Frar 2017.

(2)L-akriloilfentanil huwa opjojde sintentiku. Huwa strutturalment simili għall-fentanil, sustanza kkontrollata użata fil-mediċina bħala adittiv fl-anestesija ġenerali waqt il-kirurġija u għall-immaniġġjar tal-uġigħ. Id-dejta disponibbli tissuġġerixxi li l-akriloilfentanil huwa aġent b’saħħtu li jwaqqaf l-uġigħ u b’effett li jdum li jaġixxi fuq is-sistema opjojde.

(3)L-akriloilfentanil ilu disponibbli fl-Unjoni Ewropea mill-inqas minn April 2016 u nstab f’sitt Stati Membri. F’ħafna każijiet ġie ssekwestrat bħala likwidu, iżda forom oħra bħal tablets, trab u kapsoli nstabu wkoll. Il-kwantitajiet misjubin huma relattivament żgħar. Madankollu, dawn għandhom jitqiesu fil-kuntest ta’ potenza għolja tas-sustanza.

(4)Ġew irrapportati total ta’ 47 mewt bl-akriloilfentanil minn tliet Stati Membri. Fl-aħħar 40 mewt l-akriloilfentanil kien il-kawża tal-mewt jew x’aktarx li kkontribwixxa għall-mewt. Barra minn hekk, ġew rappurtati aktar minn 20 intossikazzjoni akuta suspettati li kienu minħabba l-akriloilfentanil.

(5)Mhemm ebda informazzjoni li tissuġġerixxi l-involviment tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, id-distribuzzjoni, it-traffikar u l-forniment tal-akriloilfentanil fl-Unjoni. Id-dejta disponibbli tissuġġerixxi li l-biċċa l-kbira tal-akriloilfentanil fis-suq fl-Ewropa ġie prodott minn kumpaniji kimiċi bbażati fiċ-Ċina.

(6)L-akriloilfentanil jinbiegħ bħala “kimika għar-riċerka”, normalment ikun fil-forma ta’ trab u jkun lest biex jintuża bħala sprej nasali, f’ammonti żgħar u ta’ bejgħ bl-ingrossa. Informazzjoni limitata minn sekwestri tissuġġerixxi li l-akriloilfentanil jaf kien mibjugħ fuq is-suq illeċitu tal-opjojdi.

(7)L-akriloilfentanil mhuwiex elenkat għall-kontroll skont il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi jew skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi. Is-sustanza bħalissa mhijiex qed tiġi vvalutata mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

(8)L-akriloilfentanil ma għandu l-ebda użu mediku għall-bniedem jew veterinarju stabbilit jew rikonoxxut. Minbarra l-użu tiegħu f'materjali ta' referenza analitiċi u fir-riċerka xjentifika li tinvestiga l-kimika, il-farmakoloġija u t-tossikoloġija tiegħu bħala riżultat tal-feġġ tiegħu fis-suq tad-droga, ma hemm l-ebda indikazzjoni li qed jintuża għal skopijiet oħra.

(9)Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji juri li hemm evidenza xjentifika limitata disponibbli fuq l-akriloilfentanil u jindika li tkun meħtieġa aktar riċerka. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji għas-saħħa u soċjali li toħloq is-sustanza jipprovdu bażi suffiċjenti biex l-akriloilfentanil jiġi sottopost għal miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni.

(10)Billi disa’ Stati Membri biss jikkontrollaw l-akriloilfentanil taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-kontroll tad-drogi u żewġ Stati Membri jużaw miżuri leġiżlattivi oħrajn biex jikkontrollawh, li din is-sustanza tkun sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jista' jgħin biex jiġi evitat il-feġġ ta' ostakli fl-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera, u jgħin fil-protezzjoni mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tiegħu jistgħu joħolqu.

(11)Id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI tikkonferixxi setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kunsill bil-ħsieb li jkun hemm reazzjoni rapida u bbażata fuq kompetenza esperta fil-livell tal-Unjoni għal meta jfiġġu sustanzi psikoattivi ġodda individwati u rrappurtati mill-Istati Membri, billi tissottoponi dawk is-sustanzi għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Billi l-kondizzjonijiet u l-proċedura biex jiġi attivat l-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni ġew issodisfati, għandha tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni sabiex l-akriloilfentanil jitqiegħed taħt kontroll fl-Unjoni kollha.

(12)Id-Danimarka hi marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

(13)L-Irlanda hi marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

(14)Ir-Renju Unit mhuwiex marbut bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sostanza psikoattiva ġdida N-(1-fenetilpiperidin-4-il)-N-fenilakrilammid (akriloilfentanil) għandha tkun suġġetta għal miżuri ta’ kontroll madwar l-Unjoni.

Artikolu 2

Sa [sena mid-data li fiha tiġi ppubblikata din id-Deċiżjoni] l-aktar tard, l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, biex is-sustanza psikoattiva l-ġdida msemmija fl-Artikolu 1 tkun soġġetta għal miżuri ta’ kontroll u pieni kriminali, kif previst fil-leġiżlazzjoni tagħhom b'mod konformi mal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.
(2) ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.
(3) ĠU C , , p. .
Top