Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0023

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda l-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-proprjetà perikoluża HP 14 (“Ekotossiku”)

COM/2017/023 final - 2017/010 (NLE)

Brussell, 19.1.2017

COM(2017) 23 final

2017/0010(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda l-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-proprjetà perikoluża HP 14 (“Ekotossiku”)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fl-2014, permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1357/2014 saret reviżjoni komprensiva tal-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart), li tistabbilixxi l-proprjetajiet tal-iskart li jirrenduh perikoluż. L-għanijiet ewlenin ta’ dik ir-reviżjoni kienu li l-proprjetajiet tal-iskart jiġu addattati għall-progress xjentifiku u tekniku u li kemm jista’ jkun l-identifikazzjoni tal-iskart perikoluż tiġi allinjata mal-kriterji tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ir-Regolament CLP).

L-unika proprjetà perikoluża li ma ġietx emendata fir-reviżjoni kienet il-proprjetà perikoluża HP 14 “Ekotossiku”, billi kien meqjus li l-bażi tal-għarfien għall-valutazzjoni ta’ dik il-proprjetà kellha bżonn aktar titjib.

Fil-preżent ninsabu f’lakuna ġuridika rigward il-valutazzjoni tal-ekotossiċità: In-“Nota” li hemm fl-Anness III tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tgħid li l-proprjetà perikoluża HP14 għandha tiġi attribwita skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness VI tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE li tħassret mill-1 ta’ Ġunju 2015.

Biex jiġu indirizzati l-lakuna ġuridika u n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni rigward l-attribuzzjoni tal-proprjetà perikoluża HP 14 “Ekotossiku”, il-Kummissjoni ppreżentat abbozz ta’ Regolament għall-votazzjoni fil-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. Il-Kumitat ma tax opinjoni favorevoli dwar l-abbozz tar-Regolament waqt il-laqgħa tiegħu fil-25 ta’ Ottubru 2016.

It-tħassib ewlieni li esprima l-Kumitat kellu x’jaqsam ma’ (1) il-ħtieġa li jiġi ċċarat li l-Istati Membri għadhom jistgħu jużaw il-metodi tal-ittestjar biex jivvalutaw l-ekotossiċità u (2) il-probabbiltà li l-formuli tal-kalkolu li pprevediet il-Kummissjoni kienu se jwasslu għal bidla fil-klassifikazzjoni minn mhux perikoluż għal perikoluż ta’ ċerti tipi ta’ skart u li dan kien se jkollu impatt negattiv fuq ir-riċiklaġġ ta’ dawk it-tipi ta’ skart minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tal-ġestjoni ta’ dan l-iskart. It-tipi ta’ skart imsemmijin f’dan il-kuntest kienu l-irmied fil-qiegħ tal-inċineraturi u r-reżidwi fix-xreders.

Għaldaqstant, skont il-proċedura stabbilita skont l-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tressqet Proposta għal Regolament tal-Kunsill lill-Kunsill u ntbagħtet ukoll lill-Parlament Ewropew.

2017/0010 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda l-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-proprjetà perikoluża HP 14 (“Ekotossiku”)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi 1 , u b'mod partikolari l-Artikolu 38(2) tagħha,

Billi:

(1)L-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE jelenka l-karatteristiċi tal-iskart li jagħmluh perikoluż.

(2)Id-Direttiva 2008/98/KE tistipula li l-klassifikazzjoni tal-iskart bħala skart perikoluż għandha tistrieħ, fost l-oħrajn, fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi, b'mod partikolari dik dwar il-klassifikazzjoni ta' taħlitiet bħala perikolużi, inklużi l-valuri limitu ta' konċentrazzjoni li jintużaw għal dak l-iskop. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE 2 stabbiliet lista tat-tipi ta’ skart biex tħeġġeġ klassifikazzjoni armonizzata tal-iskart u biex tiżgura d-determinazzjoni armoniżżata tal-proprjetajiet perikolużi tal-iskart fl-Unjoni.

(3)L-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE jistipula li l-proprjetà perikoluża HP14 (“Ekotossiku”) għandha tiġi attribwita skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness VI tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE 3 .

(4)Mill-1 ta’ Ġunju 2015 tħassret id-Direttiva 67/548/KEE u ġiet issostitwita bir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 . B’danakollu, dik id-Direttiva tista’ tibqa’ tapplika għal xi taħlitiet sal-1 ta’ Ġunju 2017, jekk ikunu ġew ikklassifikati, ittikkettati u imballati skont id-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , u jkunu diġà tqiegħdu fis-suq qabel l-1 ta’ Ġunju 2015.

(5)L-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1357/2014 6 biex fejn ikun hemm bżonn, id-definizzjonijiet tal-proprejtajiet perikolużi jiġu allinjati mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u biex ir-referenzi għad-Direttiva 67/548/KEE jiġu sostitwiti b’referenzi għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(6)Id-definizzjoni tal-proprjetà perikoluża HP 14 (“Ekotossiku”) ma ġietx emendata mir-Regolament (UE) Nru 1357/2014, billi kien meħtieġ studju ieħor biex jiġu aċċertati l-kompletezza u r-rappreżentattività rigward l-informazzjoni dwar l-impatti possibbli tal-allinjament tal-proprjetà perikoluża HP 14 (“Ekotossiku”) mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Peress li dak l-istudju tlesta, jixraq li jiġu riflessi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-valutazzjoni tal-proprjetà perikoluża HP 14 (“Ekotossiku”) għall-iskart stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE, u li dik il-valutazzjoni tiġi allinjata kemm jista’ jkun mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għall-valutazzjoni tal-ekotossiċità tas-sustanzi kimiċi. Meta tkun qed tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tal-perikli tal-iskart għall-proprjetà perikoluża HP 14 (“Ekotossiku”) billi jiġu applikati l-formuli tal-kalkolu, għandhom japplikaw il-valuri ta’ limitu ġeneriċi, kif inhuma ddefiniti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(7)Meta jitwettaq test għall-valutazzjoni tal-proprjetà HP14 “Ekotossiku”, jixraq li jiġu applikati l-metodi rilevanti stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 440/2008 7 jew metodi tal-ittestjar u linji gwida oħrajn li huma rikonoxxuti b’mod internazzjonali. Id-Deċiżjoni 2000/532/KE tistipula li meta proprjetà perikoluża tal-iskart tkun ġiet ivvalutata b’test u bl-użu tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi perikolużi indikati fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE, għandhom jirbħu r-riżultati tat-test. Barra minn hekk, għandhom jitqiesu l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u b’mod partikolari l-Artikolu 12(b) u l-metodoloġiji għall-applikazzjoni tiegħu.

(8)Jixraq li l-kumpaniji u l-awtoritajiet kompetenti jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti l-ġodda.

(9)Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE ma tax opinjoni dwar il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament. Għaldaqstant il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kunsill skont l-Artikolu 5a(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE 8 .

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE huwa emendat kif ġej:

(1)    L-entrata dwar HP 14 “Ekotossiku” tinbidel b’dan li ġej:

“HP 14 ‘Ekotossiku’: skart li jippreżenta jew jista’ jippreżenta riskji immedjati jew li jimmanifestaw ruħhom maż-żmien għal settur wieħed jew aktar tal-ambjent.

L-iskart li jissodisfa kwalunkwe waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin għandu jiġi kklassifikat bħala perikoluż HP 14:

L-iskart li jkun fih sustanza li tkun ikklassifikata bħala sustanza qerrieda tal-ożonu bil-kodiċi tad-dikjarazzjoni ta’ periklu H420 skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* u l-konċentrazzjoni ta’ din is-sustanza tkun ugwali għal-limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 0,1% jew taqbżu.

[ c(H420) ≥ 0.1% ]

L-iskart li jkun fih mill-inqas sustanza waħda li tkun ikklassifikata bħala akkwatika akuta (tossika ħafna għall-organiżmi akkwatiċi) bil-kodiċi tad-dikjarazzjoni ta’ periklu H400 skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u t-total tal-konċentrazzjonijiet ta’ dawk is-sustanzi jkun ugwali għal-limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 25 % jew jaqbżu. Għandu japplika valur ta’ limitu ta’ 0,1% għal dawn is-sustanzi.

[ ∑ c (H400) ≥ 25 % ]

L-iskart li jkun fih mill-inqas sustanza waħda kklassifikata bħala akkwatiku kroniku 1, 2 jew 3 assenjati għall-kodiċijiet tad-dikjarazzjoni tal-periklu H410, H411 jew H412 skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u t-total tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi kollha kklassifikati akkwatiku kroniku 1 (H410) immultiplikat b’100 u miżjud mat-total tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi kollha kklassifikati akkwatiku kroniku 2 (H411) immultiplikat b’10 u miżjud mat-total tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi kollha kklassifikati akkwatiku kroniku 3 (H412) ikun ugwali għal-limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 25% jew jaqbżu. Għas-sustanzi kklassifikati H410 japplika valur ta’ limitu ta’ 0,1%, u japplika valur ta’ limitu ta’ 1% għas-sustanzi kklassifikati H411 jew H412.

[ 100 x ∑c (H410)) + 10 x ∑c (H411) + ∑c (H412) ≥ 25% ]

L-iskart li jkun fih mill-inqas sustanza waħda li tkun ikklassifikata bħala akkwatika kronika 1, 2, 3, jew 4 bil-kodiċijiet tad-dikjarazzjoni ta’ periklu H410, H411, H412, jew H413 skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u t-total tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi kollha li jkunu kklassifikati bħala akkwatiku kroniku jkun ugwali għal-limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 25 % jew jaqbżu. Għas-sustanzi kklassifikati H410 japplika valur ta’ limitu ta’ 0,1%, u japplika valur ta’ limitu ta’ 1% għas-sustanzi kklassifikati H411 H412, jew H413.

[ ∑ c H410 + ∑ c H411 + ∑ c H412 + ∑ c H413 ≥ 25 % ]

Fejn: ∑ = it-total u c = il-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi.

___________________________________

*    Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).”

(2)    Tħassret in-nota taħt l-entrata tal-HP 15.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn 12-il xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat-3 ta’ Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż (ĠU L 226, 6.9.2000, p. 3).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi (ĠU 196, 16.8.1967, p. 1).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1)
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/45/KEE tal-31 ta’ Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettar tal-preparazzjonijiet perikolużi (ĠU 200, 30.7.1999, p. 1).
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1357/2014 tat-18 ta' Diċembru 2014 li jieħu post l-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart u li jħassar ċertu Direttivi (ĠU L 365, 19.12.2014, p. 89).
(7) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 440/2008 tat-30 ta’ Mejju 2008 li jistabbilixxi metodi ta’ ttestjar skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) (ĠU L 142, 31.5.2008, p. 1).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni kkonferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).
Top