IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.2.2017
JOIN(2017) 5 final
ANNESSI
tal-
Proposta konġunta għal
Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kunsill ta’ Koperazzjoni stabbilit taħt il-Ftehim Imtejjeb ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Każakistan fir-rigward tal-arranġamenti ta’ ħidma tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, tas-sottokumitati speċjalizzati jew ta’ kwalunkwe korp ieħor
ANNESS I
ID-DEĊIŻJONI Nru 1/2017 TAL-KUNSILL TA’ KOOPERAZZJONI
BEJN L-UE U R-REPUBBLIKA TAL-KAŻAKISTAN
ta’
Li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u dawk tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni,
tas-sottokumitati speċjalizzati jew kwalunkwe korp ieħor
IL-KUNSILL TA’ KOOPERAZZJONI BEJN L-UE U R-REPUBBLIKA TAL-KAŻAKISTAN,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Każakistan (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 268 tiegħu,
Billi:
(1)F’konformità mal-Artikolu 281(3) tal-Ftehim, partijiet mill-Ftehim ġew applikati proviżorjament mill-1 ta’ Mejju 2016.
(2)Skont l-Artikolu 268(7) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jrid jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu.
(3)Skont l-Artikolu 269(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni se jkun megħjun fit-twettiq ta’ dmirijietu minn Kumitat ta' Koperazzjoni.
(4)Skont l-Artikolu 269(6) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati speċjalizzati jew xi korpi oħra li jistgħu jassistuh fit-twettiq ta’ dmirijietu u li jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta’ dawn is-sottokumitati jew il-korpi u kif se jiffunzjonaw.
(5)Skont l-Artikolu 25(3) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jrid jistabbilixxi Sottokumitat għall-Kooperazzjoni Dogonali.
(6)Skont l-Artikolu 269(7) tal-Ftehim, fir-regoli ta’ proċedura tiegħu l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jrid jiddetermina d-doveri u l-funzjonament tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni u ta’ kull sottokumitat jew korp stabbilit mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni.
(7)Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni li sar fis-6 ta’ Ottubru 2016 fi Brussell iddeċieda li jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu permezz ta’ skambju ta’ Noti Verbali.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni u dawk tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, sottokumitati speċjalizzati jew korpi oħra, kif stabbilit fl-Annessi I u II, huma b’dan adottati.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Għall-Kunsill ta’ Kooperazzjoni
Il-President
ANNESS A
IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUNSILL TAL-KOOPERAZZJONI
Artikolu 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
1.
Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 268(1) tal-Ftehim għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu kif previst fl-Artikolu 268 tal-Ftehim.
2.
Kif previst fl-Artikolu 268(5) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet. Il-kompożizzjoni tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandha tqis il-kwistjonijiet speċifiċi li jridu jiġu indirizzati f’kull sessjoni partikolari. Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni għandu jiltaqa’ fil-livell ministerjali.
3.
Kif previst fl-Artikolu 268(2) tal-Ftehim, u biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jkollu s-setgħa jieħu deċiżjonijiet li huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jieħu l-miżuri xierqa għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu, inkluż, jekk meħtieġ, billi jagħti s-setgħa lil korpi speċifiċi stabbiliti skont il-Ftehim sabiex jaġixxu f’ismu. Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jista’ jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet. Huwa għandu jadotta d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet wara li jitlestew il-proċeduri interni rispettivi. Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jista’ jiddelega s-setgħat tiegħu lill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni.
4.
Il-Partijiet soġġetti għal dawn ir-Regoli ta’ Proċedura huma dawk kif definiti fl-Artikolu 285 tal-Ftehim.
Artikolu 2
Il-Presidenza
Il-partijiet għandhom ikollhom il-presidenza tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, b’mod alternat, għal perjodu ta’ 12-il xahar. L-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni u jispiċċa fl-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.
Artikolu 3
Laqgħat
1.
Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni għandu jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena, u meta meħtieġ skont iċ-ċirkostanzi, bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet. Sakemm ma jintlaħaqx ftehim mod ieħor mill-Partijiet, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jsir fil-post fejn is-soltu jsiru l-laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
2.
Kull sessjoni tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandha ssir f’data miftiehma bejn il-Partijiet.
3.
Il-laqgħat tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandhom jissejħu b’mod konġunt mis-segretarji tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni bi qbil mal-President tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni sa mhux aktar tard minn 30 jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.
Artikolu 4
Rappreżentanza
1.
Il-membri tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jistgħu jiġu rrappreżentati f’każ li ma jkunux jistgħu jattendu. Jekk membru jkun jixtieq jiġi rrappreżentat, għandu jinforma lill-President tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, bil-miktub, dwar l-isem tar-rappreżentant tiegħu qabel il-laqgħa.
2.
Ir-rappreżentant ta’ membru tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta’ dak il-membru.
Artikolu 5
Delegazzjonijiet
1.
Il-membri tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jistgħu jkunu akkumpanjati b’uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-President tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jiġi infurmat, permezz tas-segretarjat tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni ta’ kull Parti.
2.
Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jista’, bi qbil bejn il-Partijiet, jistieden rappreżentanti ta’ korpi oħra tal-Partijiet jew esperti indipendenti f’xi qasam biex jattendu l-laqgħat tiegħu bħala osservaturi jew biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari. Il-Partijiet għandhom jaqblu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li taħthom dawk l-osservaturi jkunu jistgħu jattendu l-laqgħat.
Artikolu 6
Segretarjat
Uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u uffiċjal tar-Repubblika tal-Każakistan għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala segretarji tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni.
Artikolu 7
Korrispondenza
1.
Il-korrispondenza indirizzata lill-Kunsill tal-Kooperazzjoni għandha tintbagħat lis-segretarju jew tal-Unjoni jew tar-Repubblika tal-Każakistan, li min-naħa tiegħu jinforma lis-segretarju l-ieħor.
2.
Is-segretarji tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandhom jassiguraw li l-korrispondenza kollha tintbagħat lill-President tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, u, meta xieraq, iċċirkolata mal-membri tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni.
3.
Il-komunikazzjonijiet mill-President għandhom jintbagħtu lid-destinatarji mis-Segretarjati f’isem il-President. Tali komunikazzjonijiet għandhom jiġu ċċirkolati, meta xieraq, lill-membri tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni.
Artikolu 8
Kunfidenzjalità
Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandhom ikunu bil-magħluq. Meta Parti tissottometti informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.
Artikolu 9
Aġendi għal-laqgħat
1.
Il-President tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni. Din għandha tintbagħat mis-segretarji tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7 mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-laqgħa.
L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti kollha proposti mill-president biex jiddaħħlu fl-aġenda sa mhux aktar tard minn 21-il jum kalendarju qabel il-laqgħa. Tali punti ma għandhomx jiġu inklużi fl-aġenda provviżorja sakemm id-dokumenti ta’ sostenn rilevanti ma jkunux intbagħtu lis-segretarji qabel id-data li fiha tintbagħat l-aġenda.
2.
L-aġenda għandha tkun approvata mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punti oħrajn apparti dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu dwarhom.
3.
Il-President jista’ b’konsultazzjoni mal-Partijiet iqassar il-limiti ta’ żmien speċifikati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ ċirkustanzi partikolari.
Artikolu 10
Minuti
1.
L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa għandu jitħejja b’mod konġunt mis-segretarji tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni.
2.
Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw għal kull punt fuq l-aġenda:
(a)id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni;
(b)id-dikjarazzjonijiet li membru tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jkun talab li jiddaħħlu fil-minuti; u
(c)l-kwistjonijiet li dwarhom ikun intlaħaq qbil bejn il-Partijiet, bħad-deċiżjonijiet adottati, id-dikjarazzjonijiet li kien hemm qbil dwarhom u kull konklużjoni.
3.
L-abbozz tal-minuti għandu jiġi ppreżentat lill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għall-approvazzjoni. Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu japprova dak l-abbozz tal-minuti fil-laqgħa tiegħu li jmiss. Inkella, dak l-abbozz tal-minuti jista’ jiġi approvat bil-miktub.
Artikolu 11
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.
Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet u mat-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom.
2.
Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Għal dan l-għan, l-abbozz ta’ deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandu jiġi ċċirkolat bil-miktub mill-President tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni lill-membri tiegħu skont l-Artikolu 7, mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel ma jkun ippjanat li ssir il-laqgħa. Il-membri għandhom jgħarrfu dwar kwalunkwe riżerva jew emenda li jkunu jixtiequ jagħmlu f’dak il-limitu ta’ żmien. Il-President jista’ b’konsultazzjoni mal-Partijiet iqassar il-limiti ta’ żmien biex iqis il-ħtiġijiet ta’ ċirkustanzi partikolari.
3.
L-atti tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 268(2) tal-Ftehim, għandhom ikunu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament, segwiti b’numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni tagħhom u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Dawk id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ segretarji tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni. Dawk id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu ċċirkolati skont l-Artikolu 7 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura. Kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkommandazzjonijiet tal-Kunsil ta’ Kooperazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.
4.
Kull deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha sakemm id-deċiżjoni jew rakkomandazzjoni ma tipprovdix mod ieħor.
Artikolu 12
Lingwi
1.
Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali tal-Partijiet.
2.
Il-lingwi ta’ ħidma tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandhom ikunu l-Ingliż u r-Russu. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mħejjija f’dawk il-lingwi.
Artikolu 13
Spejjeż
1.
Kull Parti għandha tkopri l-ispejjeż li hija tagħmel biex tipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-ivvjaġġar u tan-nefqa tas-sussistenza kif ukoll tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.
2.
In-nefqa marbuta mal-interpretazzjoni fil-laqgħat, it-traduzzjoni u r-riproduzzjoni tad-dokumenti titħallas mill-Unjoni.
3.
Spejjeż oħrajn relatati mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat jitħallsu mill-parti li tospita l-laqgħat.
Artikolu 14
Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni u s-sottokumitati speċjalizzati
1.
Skont l-Artikolu 269(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jkun megħjun fil-qadi ta’ dmirijietu mill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni f’oqsma li fihom il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jkun iddelegalu setgħat. Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, fil-prinċipju f’livell ta’ uffiċjali pubbliċi anzjani.
2.
Il-Kumitat tal-Kooperazzjoni għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni fejn xieraq u jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni ta’ assoċjazzjoni u l-funzjonament korrett tal-Ftehim b’mod ġenerali. Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jqis kull kwistjoni li titressaq quddiemu mingħand il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni kif ukoll kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’ matul l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jippreżenta proposti jew kwalunkwe abbozz ta’ deċiżjoni jew ta’ rakkomandazzjoni lill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għall-approvazzjoni tiegħu. Konformement mal-Artikolu 268(4) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jiddelega kwalunkwe setgħa tiegħu lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni, inkluża s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti.
3.
Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li għalihom huwa jkun ġie awtorizzat skont il-Ftehim.
4.
F’każijiet fejn il-Ftehim jirreferi għal obbligu ta’ konsultazzjoni jew possibbiltà ta’ konsultazzjoni jew fejn il-Partijiet jiddeċiedu bi ftehim komuni biex jikkonsultaw lil xulxin, din il-konsultazzjoni tista’ ssir fi ħdan il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, ħlief fejn previst mod ieħor fil-Ftehim. Il-konsultazzjoni tista’ tissokta fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.
5.
Skont l-Artikolu 269(6) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati speċjalizzati jew xi korpi oħra li jistgħu jassistuh fit-twettiq ta’ dmirijietu u li jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta’ dawn is-sottokumitati jew il-korpi u kif għandhom jiffunzjonaw.
6.
Skont l-Artikolu 25(3) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jrid jistabbilixxi Sottokumitat għall-Kooperazzjoni Dogonali.
Artikolu 15
Emenda tar-Regoli ta’ Proċedura
Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu emendati f’konformità mal-Artikolu 11.
ANNESS B
IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT TA’ KOOPERAZZJONI
U TAS-SOTTOKUMITATI SPEĊJALIZZATI JEW KORPI
STABBILITI MILL-KUNSILL TA’ KOOPERAZZJONI
Artikolu 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
1.
Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 269(1) tal-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Każakistan (“il-Ftehim”) għandu jgħin lill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni fit-twettiq ta’ dmirijietu u jwettaq il-kompiti previsti fil-Ftehim u assenjati lilu mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni. Skont l-Artikolu 269(7) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jiddetermina d-doveri u l-funzjonament tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.
2.
Il-Kumitat tal-Kooperazzjoni għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni fejn xieraq u jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni ta’ assoċjazzjoni u l-funzjonament korrett tal-Ftehim b’mod ġenerali. Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jqis kull kwistjoni li titressaq quddiemu mingħand il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni kif ukoll kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’ fl-implimentazzjoni ta’ kuljum tal-Ftehim. Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jippreżenta proposti jew kwalunkwe abbozz ta’ deċiżjoni jew ta’ rakkomandazzjoni għall-adozzjoni mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni.
3.
Kif previst fl-Artikolu 269(2) tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, fil-prinċipju f’livell ta’ uffiċjali pubbliċi anzjani. Dawn ir-rappreżentanti jkunu responsabbli għall-kwistjonijiet speċifiċi li jridu jiġu indirizzati f’kull laqgħa partikolari. F’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jaġixxi bħala president tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni min-naħa tal-Unjoni u rappreżentant tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Każakistan għandu jaġixxi bħala president tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni min-naħa tal-Kazakistan. Għal-laqgħat se jattendu wkoll rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea.
4.
Skont l-Artikolu 269(5) tal-Ftehim, meta l-Kumitat ta’ Kooperazzjoni jiltaqa’ f’konfigurazzjoni speċjali (“fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ”) biex jindirizza kwistjonijiet rilevanti marbuta mat-Titolu III (Kummerċ u Negozju), dan għandu jkun kompost minn uffiċjali anzjani tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Każakistan li jkunu responsabbli għall-kummerċ u għall-kwistjonijiet relatati mal-kummerċ. F’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Każakistan li jkun responsabbli għall-kummerċ u għall-kwistjonijiet relatati mal-kummerċ għandu jaġixxi bħala l-President tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni meta jiltaqa’ f’konfigurazzjoni tal-kummerċ. Għal-laqgħat se jattendi wkoll rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u meta xieraq rappreżentanti ta’ servizzi oħra tal-Kummissjoni Ewropea.
5.
Kif previst fl-Artikolu 269(4) tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jkollu s-setgħa jadotta deċiżjonijiet fil-każijiet previsti f’dan il-Ftehim u f’oqsma li fihom il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jkun iddelegalu setgħat. Dawk id-deċiżjonijiet għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jimplimentawhom Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jadotta d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet wara li jitlestew il-proċeduri interni rispettivi.
6.
Il-Partijiet f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom ikunu definiti skont l-Artikolu 285 tal-Ftehim.
Artikolu 2
Il-Presidenza
Il-partijiet għandhom ikollhom il-presidenza tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, b’mod alternat, għal perjodu ta’ 12-il xahar. L-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni u jispiċċa fl-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.
Artikolu 3
Laqgħat
1.
Ħlief meta jkun miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jiltaqa’ regolarment u mill-inqas darba fis-sena. Sessjonijiet speċjali tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni jistgħu jsiru fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu.
2.
Kull laqgħa tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandha titlaqqa’ mill-President tiegħu f’post u f’data li l-Partijiet jaqblu dwarhom. L-avviż li jsejjaħ il-laqgħa għandu jinħareġ mis-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni sa mhux aktar tard minn 28 jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.
3.
Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena u meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu dan. Kull laqgħa għandha tissejjaħ mill-President tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ f’post, f’data, u bil-mezzi maqbula mill-Partijiet. L-avviż li jsejjaħ il-laqgħa għandu jinħareġ mis-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ sa mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.
4.
Kull fejn possibbli, il-laqgħa regolari tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandha tissejjaħ fi żmien xieraq qabel il-laqgħa regolari tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni.
5.
F’każijiet eċċezzjonali, u jekk jaqblu dwar dan il-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni jistgħu jsiru permezz ta’ kwalunkwe mezz teknoloġiku li jintlaħaq qbil dwaru, bħal vidjokonferenza.
Artikolu 4
Delegazzjonijiet
Qabel kull laqgħa, il-Partijiet għandhom jiġu infurmati, permezz tas-segretarjat tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni li se tattendi l-laqgħa fuq kull naħa.
Artikolu 5
Segretarjat
1.
Uffiċjal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u uffiċjal tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Każakistan għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala segretarji tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni. Huma għandhom iwettqu kompiti segretarjali b’mod konġunt u fi spirtu ta’ fiduċja u kooperazzjoni reċiproċi, sakemm dawn ir-Regoli ta’ Proċedura ma jipprovdux mod ieħor.
2.
Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tar-Repubblika tal-Każakistan li jkunu responsabbli għall-kummerċ u għall-kwistjonijiet relatati mal-kummerċ għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala segretarji tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ.
Artikolu 6
Korrispondenza
1.
Il-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandha tintbagħat lis-segretarju ta’ kwalunkwe Parti, li min-naħa tiegħu se jinforma lis-segretarju l-ieħor.
2.
Is-segretarjat tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni tiġi mgħoddija lill-president tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, bħad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 7.
3.
Il-korrispondenza mill-President għandha tintbagħat lill-Partijiet mis-segretarjat f’isem il-President. Din il-korrispondenza għandha tiġi ċċirkolata, meta xieraq, skont l-Artikolu 7.
Artikolu 7
Dokumenti
1.
Id-dokumenti għandhom jiġu ċċirkolati permezz tas-segretarji tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni.
2.
Parti għandha tibgħat id-dokumenti tagħha lis-segretarju tagħha li jittrażmetti dawn id-dokumenti lis-segretarju tal-Parti l-oħra.
3.
Is-segretarju tal-Unjoni għandu jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti rilevanti tal-Unjoni u għandu jikkopja sistematikament lis-segretarju tar-Repubblika tal-Każakistan f’din il-korrispondenza.
4.
Is-segretarju tar-Repubblika tal-Każakistan għandu jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti rilevanti tar-Repubblika tal-Każakistan u għandu jikkopja sistematikament lis-segretarju tal-Unjoni f’din il-korrispondenza.
Artikolu 8
Kunfidenzjalità
Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandhom ikunu bil-magħluq. Meta Parti tissottometti informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.
Artikolu 9
Aġendi għal-laqgħat
1.
Is-segretarjat tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jfassal aġenda provviżorja kif ukoll abbozz tal-konklużjonijiet operattivi kif previst fl-Artikolu 10 abbażi tal-proposti li jsiru mill-Partijiet għal kull laqgħa tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni. L-aġenda provviżorja għandha tinkludi punti li s-segretarjat tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni jkun rċieva mingħand xi waħda mill-Partijiet biex jiddaħħlu fl-aġenda. Punti fuq l-aġenda għandhom ikunu appoġġjati b’dokumenti rilevanti u ppreżentati mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.
2.
L-aġenda provviżorja, flimkien mad-dokumenti rilevanti, għandha tiġi ċċirkolata skont l-Artikolu 7, u mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel tibda l-laqgħa.
3.
L-aġenda għandha tkun adottata mill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punti oħrajn apparti dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu dwarhom.
4.
Il-President tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni jista’, bi qbil mal-Parti l-oħra, jistieden rappreżentanti ta’ korpi oħra tal-Partijiet jew esperti indipendenti f’xi qasam fuq bażi ad hoc biex jattendu l-laqgħat tiegħu biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari. Il-partijiet għandhom jiżguraw li dawk l-osservaturi jew l-esperti jirrispettaw kull rekwiżit ta’ kunfidenzjalità.
5.
Il-President tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni jista’, b’konsultazzjoni mal-Partijiet, iqassar il-limiti ta’ żmien previsti fil-paragrafi 1 u 2 biex iqis ċirkostanzi speċjali.
Artikolu 10
Minuti u konklużjonijiet operattivi
1.
L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jitħejja b’mod konġunt mis-segretarji tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni.
2.
Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta’ kull punt fl-aġenda:
(a)lista tal-parteċipanti fil-laqgħa, lista tal-uffiċjali li jakkumpanjawhom u lista ta’ kull osservatur jew espert li jattendi l-laqgħa;
(b)id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kumitta ta’ Kooperazzjoni;
(c)dikjarazzjonijiet li l-Kumitat ta’ Kooperazzjoni jitlob li jiddaħħlu fil-minuti; u
(d)konklużjonijiet operattivi mil-laqgħa, kif previst fil-paragrafu 4.
3.
L-abbozz tal-minuti għandu jiġi ppreżentat lill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għall-approvazzjoni fil-laqgħa tiegħu li jkun tmiss. Inkella, dak l-abbozz tal-minuti jista’ jiġi approvat bil-miktub. L-abbozz tal-minuti tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ għandu jiġi approvat fi żmien 28 jum kalendarju minn kull laqgħa. Għandha tintbagħat kopja lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7.
4.
Abbozz tal-konklużjonijiet operattivi ta’ kull laqgħa għandu jitħejja mis-segretarju tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni tal-Parti li jkollha l-presidenza tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni. Dan l-abbozz tal-konklużjonijiet operattivi għandu jiġi ċċirkolat lill-Partijiet flimkien mal-aġenda, normalment mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa li jmiss. Dan l-abbozz għandu jiġi aġġornat waqt li tkun għadejja l-laqgħa biex fi tmiem il-laqgħa, sakemm ma jkunx ġie miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni jadotta konklużjonijiet operattivi li jkunu jirriflettu l-azzjonijiet ta’ segwitu mill-Partijiet. Ladarba jkun hemm qbil dwarhom, il-konklużjonijiet operattivi għandhom jiġu mehmużin mal-minuti u l-implimentazzjoni tagħhom għandha tiġi rieżaminata waqt kwalunkwe laqgħa sussegwenti tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni. Għal dak l-għan, il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jadotta mudell li jippermetti li kull punt ta’ azzjoni jiġi identifikat fi skadenza speċifika.
Artikolu 11
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.
F’każijiet speċifiċi fejn il-Ftehim jagħti s-setgħa li jittieħdu deċiżjonijiet jew fejn tali setgħa tkun ġiet iddelegata lilu mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jieħu dawk id-deċiżjonijiet. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom isiru bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet u malli jitlestew il-proċeduri interni rispettivi. Kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandha tiġi ffirmata mill-President tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni u awtentikata mis-segretarji tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni.
2.
Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta’ noti bejn is-segretarji, li jaġixxu bi ftehim mal-Partijiet. Għal dak l-għan, it-test tal-proposta jiġi ċċirkolat skont l-Artikolu 7 sa mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju li fih kull riżerva jew emenda trid issir magħrufa. F’konsultazzjoni mal-Partijiet, il-President jista’ jqassar il-limiti ta’ żmien speċifikati f’dan il-paragrafu biex iqis ċirkostanzi speċjali. Ladarba jkun hemm qbil dwar it-test, id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi ffirmata mill-President u awtentikata mis-segretarji.
3.
L-atti tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandhom jiġu intitolati ‘Deċiżjoni’ jew ‘Rakkomandazzjoni’ rispettivament. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha sakemm ma jkunx previst mod ieħor.
4.
Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu ċċirkolati lill-Partijiet.
5.
Kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkommandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.
Artikolu 12
Rapporti
Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jirrapporta għand il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu u tas-sottokumitati speċjalizzati jew kwalunkwe korp ieħor f’kull laqgħa regolari tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni.
Artikolu 13
Lingwi
1.
Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali tal-Partijiet.
2.
Il-lingwi ta’ ħidma tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandhom ikunu l-Ingliż u r-Russu. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mħejjija f’dawk il-lingwi.
Artikolu 14
Spejjeż
1.
Kull Parti għandha tkopri l-ispejjeż li hija tagħmel biex tipparteċipa fil-laqgħat tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-ivvjaġġar u tan-nefqa tas-sussistenza kif ukoll tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.
2.
In-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.
3.
L-ispejjeż marbuta mal-interpretazzjoni waqt il-laqgħat u mat-traduzzjoni ta’ dokumenti mill-Ingliż għar-Russu jew mir-Russu għall-Ingliż kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.
L-interpretazzjoni u t-traduzzjoni minn lingwi oħra jew għalihom għandhom jitħallsu direttament mill-Parti li titlobhom.
4.
F’każijiet meta tkun meħtieġa t-traduzzjoni ta’ dokumenti għal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, l-ispiża għandha titħallas mill-Unjoni.
Artikolu 15
Emenda tar-Regoli ta’ Proċedura
Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu emendati b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni skont l-Artikolu 268(1) tal-Ftehim.
Artikolu 16
Sottokumitati speċjalizzati jew kwalunkwe korp ieħor
1.
Sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Ftehim jew miftiehem fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, dawn ir-Regoli ta’ Proċeduri għandhom jiġu applikati mutatis mutandis għal kull sottokumitat jew korp ieħor.
2.
Is-Sottokumitati jistgħu, fl-oqsma rispettivi ta’ kompetenza tagħhom, fost l-oħrjan:
a) jiskambjaw opinjonijiet dwar kwalunkwe punt ta’ interess komuni, inkluż miżuri futuri u r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom;
b) jagħmlu konsultazzjonijiet regolari u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim;
c) jadotta arranġamenti prattiċi u miżuri dwar kwistjonijiet definiti fil-Ftehim;
d) jagħmlu rakkomandazzjonijiet;
e) jekk tingħatalhom is-setgħa mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, jaġixxu f’ismu biex jimplimentaw id-deċiżjonijiet tiegħu f’konformità mal-Artikolu 1(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni.
3.
Il-laqgħat tas-sottokumitati jew ta’ kwalunkwe korp ieħor jistgħu jsiru b’mod flessibbli skont il-bżonn, personalment, jew fi Brussell inkella fir-Repubblika tal-Każakistan jew pereżempju permezz ta’ vidjokonferenza. Is-sottokumitati u kwalunkwe korp ieħor għandhom jaġixxu bħala pjattaforma għall-monitoraġġ tal-progress, biex jiġu diskussi ċerti kwistjonijiet u sfidi li jirriżultaw minn dan il-proċess u biex jifformulaw rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet operazzjonali.
4.
Is-segretarjat tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jirċievi kopja tal-korrispondenza, id-dokumenti u l-komunikazzjonijiet rilevanti kollha li jikkonċernaw kwalunkwe sottokumitat jew korp ieħor.
Artikolu 17
Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom japplikaw mutandis mutatis għall-Kumitat ta’ Kooperazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ, sakemm ma jkunx previst mod ieħor.
ANNESS 2
ID-DEĊIŻJONI Nru 2/2017 TAL-KUNSILL TA’ KOOPERAZZJONI
BEJN L-UE U R-REPUBBLIKA TAL-KAŻAKISTAN
ta’
dwar l-istabbiliment ta’ tliet sottokumitati speċjalizzati
IL-KUNSILL TA’ KOOPERAZZJONI BEJN L-UE U R-REPUBBLIKA TAL-KAŻAKISTAN,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Każakistan (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 269(6) tiegħu,
Billi:
(1)F’konformità mal-Artikolu 281(3) tal-Ftehim, partijiet mill-Ftehim ġew applikati proviżorjament mill-1 ta’ Mejju 2016.
(2)Skont l-Artikolu 269(6) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati speċjalizzati jew xi korpi oħra li jistgħu jassistuh fit-twettiq ta’ dmirijietu.
(3)Skont l-Artikolu 25(3) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jrid jistabbilixxi Sottokumitat għall-Kooperazzjoni Dogonali.
(4)Sabiex ikunu jistgħu jsiru diskussjonijiet fil-livell ta’ esperti dwar l-oqsma ewlenin li jaqgħu fl-ambitu tal-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim, għandhom jiġu stabbiliti żewġ sottokumitati speċjalizzati.
(5)Bi ftehim tal-Partijiet, għandu jkun possibbli li l-lista tas-sottokumitati tiġi mmodifikata,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-sottokumitati speċjalizzati mniżżla fl-Anness huma b’dan stabbiliti.
Artikolu 2
Ir-Regoli ta’ Proċedura tas-sottokumitati speċjalizzati elenkati fl-Anness huma regolati mill-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni u tas-sottokumitati speċjalizzati kif adottati bid-Deċiżjoni Nru 1/2017 tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Każakistan.
Artikolu 3
Bi qbil mal-Partijiet, il-lista tas-sottokumitati speċjalizzati mniżżla fl-Anness tista’ tiġi modifikata.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul ...,
Għall-Kunsill ta’ Kooperazzjoni
Il-President
ANNESS A
LISTA TA’ SOTTOKUMITATI SPEĊJALIZZATI
(1)Sottokumitat dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà
(2)Sottokumitat dwar l-Enerġija, it-Trasport, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima
(3)Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali