Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IR3214

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija Ewropea għall-industrija: ir-rwol u l-perspettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

    COR 2017/03214

    ĠU C 247, 13.7.2018, p. 38–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 247/38


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija Ewropea għall-industrija: ir-rwol u l-perspettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

    (2018/C 247/07)

    Relatur:

    Is-Sur Heinz Lehmann (DE/PPE), Membru tal-Landtag ta’ Sachsen

    Dokument ta’ referenza:

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: “Ninvestu f’industrija intelliġenti, innovattiva u sostenibbli — Strateġija mġedda għall-politika industrijali tal-UE”

    (COM(2017) 479 final).

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    1.

    jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (1) bħala pass importanti ieħor, u jistieden lill-Kummissjoni biex tużaha bħala bażi għall-iżvilupp ta’ strateġija ta’ politika industrijali ambizzjuża tal-UE, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew (2), il-Parlament Ewropew (3), il-Kunsill Kompetittività (4), il-KtR (5) u l-grupp tal-Ħbieb tal-Industrija (6);

    2.

    jitlob għal strateġija ta’ politika industrijali fil-livell Ewropew li tindirizza l-isfidi, l-opportunitajiet u l-fatturi attwali u futuri tal-kompetittività industrijali f’kuntest globali; iqis li, abbażi ta’ viżjoni wiesgħa, din l-istrateġija għandha tkompli tiġi żviluppata għall-industrija Ewropea fil-perjodu medju b’enfasi fuq l-2030 u wara;

    3.

    iħeġġeġ l-inklużjoni ta’ dimensjoni territorjali b’saħħitha f’din l-istrateġija, filwaqt li jitqiesu l-ispeċjalizzazzjonijiet intelliġenti reġjonali. Il-Kumitat ifakkar fil-kompitu konġunt u kontinwu stabbilit fl-Artikolu 173 tat-TFUE li l-politika industrijali Ewropea ssir effettiva, u jesprimi r-rieda tiegħu li jappoġġja fi sħubija lill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament, speċjalment għaliex l-implimentazzjoni tagħhom tirrikjedi impenn u sforz kondiviż mill-atturi kollha fil-livelli kollha;

    4.

    jitlob għal strateġija industrijali orizzontali b’miżuri, u indikaturi strateġiċi, b’valutazzjonijiet tal-impatt stretti kif ukoll b’qafas adatt għall-monitoraġġ u l-kontroll; jitlob biex b’mod immirat jiġu implimentati miżuri speċifiċi skont is-settur għal setturi fi tranżizzjoni ekonomika kif ukoll setturi b’potenzjal kbir ta’ tkabbir; jenfasizza li l-istrateġija għandha tiffoka b’mod partikolari fuq l-innovazzjoni, it-teknoloġiji abilitanti essenzjali (KET), proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEI), id-diġitalizzazzjoni u l-SMEs minħabba l-importanza trasversali tagħhom;

    L-industrija tal-Ewropa f’era ġdida

    5.

    jenfasizza li l-industrija hi ta’ importanza kbira għar-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa — bħala sors ta’ 50 miljun impjieg, esportazzjonijiet u innovazzjoni — u li l-iżgurar tal-kompetittività futura tal-industrija Ewropea f’kuntest globali li qed jinbidel b’mod rapidu huwa kruċjali għal żvilupp bilanċjat u sostenibbli;

    6.

    jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza relattivament kbira tal-kummerċ barrani fil-ġenerazzjoni tal-PDG (83,05 % fl-2015) (7). Fuq din il-bażi, il-Kumitat jitlob li tingħata iktar attenzjoni biex jiġi stimulat il-konsum domestiku, li se jiżgura li l-industrija tal-UE tkun tista’ tiffunzjona b’mod stabbli u se jħaffef it-tkabbir;

    7.

    jemmen li t-tkabbir endoġeniku għandu jkun possibbli kullimkien sabiex ir-reġjuni kollha — inkluż fiż-żoni rurali — ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-ħolqien tal-valur u jkollhom l-opportunità joħolqu u jżommu impjieg lokali bi kwalifiki għoljin bil-għan li tinżamm il-paċi soċjali;

    8.

    jappoġġja l-ħolqien ta’ ambjent favur l-innovazzjoni u fl-istess waqt jitlob li jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi, sabiex tittejjeb l-aċċettazzjoni tal-attivitajiet industrijali mil-livelli kollha tas-soċjetà: mill-iskejjel preprimarji san-negozji u l-amministrazzjonijiet;

    9.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tibdil permezz tad-diġitalizzazzjoni progressiva fil-mudelli ta’ negozju qed jersaq dejjem aktar fiċ-ċentru tal-iżvilupp futur, sabiex fil-futur l-azzjoni tal-istat tiġi divrenzjata wkoll skont il-mudelli ta’ negozju u mhux biss is-setturi;

    Insaħħu l-industrija Ewropea

    10.

    jappella biex jinżamm l-objettiv strateġiku li l-industrija tirrappreżenta 20 % tal-PDG sa mill-2020;

    11.

    huwa tal-fehma li s-sovranità teknoloġika Ewropea toffri lill-Ewropa l-opportunità biex iżżomm u tespandi industrija globalment kompetittiva;

    12.

    jitlob biex jinħolqu u jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni Ewropea u globali, anke għat-teknoloġiji ta’ importanza strateġika għall-Ewropa (pereżempju l-mikroelettronika, iċ-ċelloli tal-batteriji);

    13.

    ifakkar li l-kundizzjonijiet qafas ta’ oqsma regolatorji oħra li jillimitaw in-negozji fl-UE biss (pereżempju ċerti regolamenti dwar is-sustanzi) jistgħu jwasslu biex ċerti setturi jwaqqfu l-operazzjonijiet tagħhom jew jimxu lejn pajjiżi terzi, li jista’ jolqot il-katina tal-valur kollha tal-UE;

    14.

    jenfasizza l-importanza strateġika tal-IPCEIs għall-kompetittività tal-industrija Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel użu tajjeb mill-potenzjal li joffru; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi forums strateġiċi sabiex ittejjeb il-koordinazzjoni internazzjonali tal-partijiet interessati u jitlob biex il-kunċett tal-IPCEI jkompli jiġi żviluppat b’mod konsistenti u f’waqtu, filwaqt li jiġu kkunsidrati t-tagħlimiet misluta;

    15.

    jilqa’ l-kummenti tal-Kummissjoni dwar l-industrija tad-difiża u jappoġġja approċċ strateġiku kkoordinat minħabba l-importanza ewlenija tiegħu b’rabta mal-politika ekonomika, teknoloġika u tas-sigurtà; il-Fond Ewropew għad-Difiża għandu jintuża wkoll għar-riċerka u għandu jkollu linja baġitarja proprja tiegħu;

    16.

    jenfasizza l-importanza tal-industriji marittimi biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-ekonomija blu u jinkiseb il-potenzjal sħiħ tagħhom, u jilqa’ l-kisbiet f’oqsma bħall-vapuri tal-passiġġieri u l-enerġija rinnovabbli tal-baħar; jitlob biex, wara li titlesta l-inizjattiva LeaderSHIP 2020, ikun possibbli li jitfassal pjan direzzjonali biex jappoġġja lill-industriji marittimi bl-involviment tal-oqsma ta’ politika Ewropej kollha;

    Suq Uniku aktar b’saħħtu u ġust: insaħħu l-individwi u n-negozji

    17.

    jaqbel li suq uniku għall-oġġetti u s-servizzi li jaħdem tajjeb jista’ jiffaċilita l-integrazzjoni tal-kumpaniji fil-ktajjen ta’ valur Ewropej u għaldaqstant huwa essenzjali għas-suċċess tal-industrija Ewropea;

    18.

    ifakkar li s-suq Ewropew huwa aktar importanti għar-reġjuni milli s-suq globali u għaldaqstant jitlob għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija għal Suq Uniku (8), l-applikazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni dwar is-suq uniku u għal miżuri bilaterali fi ħdan l-UE (eż. il-ftehimiet bilaterali ta’ investiment intra-UE) li jopponu b’mod ċar il-frammentazzjoni; jenfasizza li s-servizzi kummerċjali kompetittivi huma intermedjarji dejjem aktar importanti mil-lat tal-produttività u l-kompetittività f’termini ta’ spejjeż tal-industrija tal-manifattura;

    19.

    jitlob għal approċċ aktar flessibbli fir-rigward tal-akkwist pubbliku biex ikun aktar favur l-innovazzjoni u miftuħ għat-teknoloġija;

    20.

    jilqa’ l-adozzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda jenfasizza l-bżonn li dan jiġi kkomplementat b’aġenda soċjali Ewropea b’saħħitha, li fost l-oħrajn tħejji t-triq għal konverġenza reali tal-pagi skont il-produttività;

    21.

    jenfasizza li l-professjonisti u l-maniġers li kisbu l-kwalifiki tagħhom permezz tat-taħriġ vokazzjonali huma s-sinsla produttiva ta’ ħafna kumpaniji, inkluż b’mod partikolari l-SMEs; ifakkar li rekwiżiti għolja ta’ kwalifiki u bilanċ sensibbli bejn l-esperjenza prattika u taħriġ teoretiku għal industriji speċjalizzati ħafna, u b’użu intensiv tat-teknoloġija u l-għarfien huma deċiżivi;

    22.

    ifakkar fir-responsabilitànazzjonali jew reġjonali tat-tfassil ta’ strateġiji għall-ksib u ż-żamma tal-kompetenzi ewlenin;

    Naġġornaw l-industrija għall-era diġitali

    23.

    jenfasizza li t-tħassib fundamentali ta’ futur diġitali għandu jkun li jiġi żgurat il-futur tal-industrija u s-soċjetà kollha kemm hi;

    24.

    ifakkar fil-kompitu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw aktar l-infrastruttura neċessarja kollha għad-diġitalizzazzjoni b’mod li tkun tħares ’il quddiem, u b’hekk tibqa’ miftuħa għas-soluzzjonijiet tekniċi kollha u tikkunsidra taħlita tajba ta’ sistemi tal-broadband, il-frekwenza tar-radju u l-ġestjoni diġitali u l-kompatibbiltà tagħhom;

    25.

    ifakkar li l-eżempji tajbin biex tiġi kkalkulata l-kosteffettività tal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji diġitali f’kumpaniji stabbiliti jistgħu jnaqqsu l-ostakli għall-introduzzjoni u l-użu u jistgħu jappoġġjaw il-mudelli tan-negozju li jinbidlu, u jitlob biex l-infrastruttura tipprovdi appoġġ għad-diġitalizzazzjoni tal-SMEs (ċentri tal-innovazzjoni diġitali);

    26.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi r-rwol mexxej tal-industrija Ewropea bħala għan fid-disa’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka kif ukoll tal-Innovazzjoni. Il-Kumitat jissuġġerixxi li jissaħħu l-isforzi biex tintlaħaq il-mira li 3 % tal-PDG jintefaq fuq R&Ż u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-industrija għall-bidla u l-innovazzjoni permezz ta’ pjattaformi tematiċi ulterjuri għall-modernizzazzjoni industrijali, pereżempju sħubijiet għal proċessi tal-manifattura ġodda, il-manifattura sostenibbli, l-istampar 3D, u l-industrija 4.0;

    Nibbażaw fuq il-pożizzjoni ta’ tmexxija tal-Ewropa fl-ekonomija ċirkolari u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju

    27.

    jaqbel mal-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill li r-rwol ta’ tmexxija tal-Ewropa f’ekonomija ċirkolari u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju għandu jissaħħaħ sabiex isir kontribut ewlieni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima; ifakkar fit-talba tiegħu biex l-istrumenti tal-politika ambjentali, tal-klima u tal-enerġija fil-livell tal-UE u dak nazzjonali jitfasslu b’tali mod li l-industriji tal-manifattura b’użu intensiv tal-enerġija u dawk li jiddependu mill-kummerċ barrani ma jkunux mgħobbija bla bżonn jew ostakolati mil-lat tal-kompetittività internazzjonali tagħhom;

    28.

    jitlob biex is-settur domestiku tal-materja prima jiġi promoss b’mod effettiv fl-esplorazzjoni u l-estrazzjoni kif ukoll l-użu tal-materja prima, billi ċ-ċiklu tal-ħajja tal-materjal jingħalaq b’mod olistiku, u permezz tas-sostituzzjoni sabiex tonqos id-dipendenza mill-importazzjoni tal-materja prima. Il-Kumitat iħeġġeġ it-titjib tal-kooperazzjoni Ewropea dwar l-effiċjenza fir-riżorsi u l-manifattura addittiva u jitlob biex il-mudelli kummerċjali kollaborattivi u funzjonali jiġu appoġġjati prinċipalment minn inċentivi pożittivi;

    29.

    jaqbel li l-iżvilupp u l-manifattura ta’ sistemi għall-ħżin tal-enerġija huma importanti għall-funzjonament ta’ ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju fl-UE; jitlob biex dan is-settur li għandu bżonn jiġi żviluppat mill-ġdid fl-Ewropa ma jiġix ostakolat u biex jiġi salvagwardjat il-bilanċ bejn il-miri ta’ frankar ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u s-sigurtà tal-provvista;

    L-appoġġ tal-innovazzjoni fuq il-post

    30.

    jilqa’ l-kunċett ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti żviluppat mill-Kummissjoni u jitlob biex jiġi sfruttat il-potenzjal ġdid, pereżempju permezz tal-innovazzjoni trasversali, peress li l-internazzjonalità, l-interdixxiplinarità u d-diversità tal-perspettivi jikkostitiwixxu pedamenti essenzjali għall-proċessi olistiċi tal-innovazzjoni;

    31.

    ifakkar li n-netwerks reġjonali u interreġjonali, bħall-cluster tal-bini ħafif MERGE jew l-inizjattiva Vanguard, jistgħu jkissru ċ-ċiklu vizzjuż tal-emigrazzjoni, in-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet u ta’ ekonomija fuq skala żgħira, isaħħu r-reputazzjoni ta’ reġjun bħala ċentru tal-innovazzjoni, iżidu l-inċentivi biex il-kumpaniji jitħeġġu jistabbilixxu jew jiċċaqalu lejn iż-żona u jistimolaw il-ħolqien ta’ ktajjen ġodda tal-valur;

    32.

    ifakkar fis-semplifikazzjonijiet proposti għan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu (9);

    33.

    jirrikonoxxi r-riforma komprensiva tal-għajnuna tal-2014, li wasslet għal proċeduri ħafna aktar sempliċi għan-negozji u l-awtoritajiet lokali u reġjonali iżda jitlob biex jittejjeb b’mod sinifikanti l-appoġġ għall-inizjattivi tal-clusters (Artikolu 27 tal-GBER) billi jiżdiedu r-rati ta’ appoġġ; jitlob biex fil-futur tingħata prijorità lill-clusters transkonfinali u n-netwerks ta’ clusters kif ukoll lill-finanzjament imħallat, speċjalment għal proġetti ewlenin u infrastrutturali;

    Id-dimensjoni internazzjonali

    34.

    huwa konxju tal-importanza tal-integrazzjoni tal-industrija Ewropea fil-ktajjen ta’ valur globali, u li huma biss il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, ir-rikonoxximent reċiproku tal-istandards u t-tneħħija tal-ostakli tariffarji u mhux tariffarji għall-kummerċ li jistgħu jiżguraw aċċess ħieles u ġust għas-swieq globali;

    35.

    jilqa’, b’mod partikolari, it-tisħiħ tal-istrumenti ta’ difiża kummerċjali sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti fil-kummerċ dinji, b’mod partikolari għall-industriji tradizzjonali, bħalma hu s-settur tal-azzar (10);

    36.

    jitlob biex il-pajjiżi tal-COP jitħeġġu jitrasferixxu bis-sħiħ u mill-aktar fis il-miri maqbula ta’ tnaqqis fl-istandards nazzjonali u jistenna li l-partijiet kollha jagħmlu ħilithom biex jipprevjenu d-dumping ambjentali bl-effetti negattivi kollha li jġib miegħu;

    37.

    jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fit-tfassil tal-oqsma strateġiċi fejn huwa importanti li ssir analiżi tal-investiment dirett barrani;

    Sħubija mal-Istati Membri, ir-reġjuni, il-bliet u s-settur privat

    38.

    jenfasizza r-rwol ċentrali, li r-reġjuni u l-ekosistemi reġjonali, fejn jiffunzjona tajjeb id-djalogu bejn l-SMEs, l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, iċ-ċentri tax-xjenza u l-awtoritajiet lokali, għandhom fir-rigward tal-modernizzazzjoni industrijali, u jitlob għal approċċ ibbażat fuq il-post għall-politika industrijali Ewropea; jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom setgħat u kompetenzi importanti fl-oqsma ta’ politika bħar-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, l-appoġġ għall-esportazzjoni, l-infrastruttura, l-SMEs u r-regolamentazzjoni;

    39.

    iqis lilu nnifsu bħala msieħeb attiv tal-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Ġurnata annwali tal-Industrija, b’mod partikolari l-enfasi tematika fuq il-KETs u l-IPCEI li hija ppjanata għall-2018; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tiġi stabbilita round table ta’ livell għoli dwar il-politika industrijali u jitlob biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti mill-qrib fid-dibattitu dwar id-definizzjoni tal-KETs li huma strateġikament importanti għall-Ewropa; jitlob biex il-partijiet interessati reġjonali, bħall-intraprendituri, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili, jiġu involuti b’mod attiv; jilqa’ l-azzjonijiet pilota li qed jgħinu lir-reġjuni biex, fi spirtu ta’ sħubija, jindirizza l-isfidi tal-bidla strutturali.

    Brussell, it-23 ta’ Marzu 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Karl-Heinz LAMBERTZ


    (1)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: “Ninvestu f’industrija intelliġenti, innovattiva u sostenibbli – Strateġija mġedda għall-politika industrijali tal-UE” (COM(2017) 479 final).

    (2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2016 u tat-22-23 ta’ Ġunju 2017.

    (3)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar Il-bini ta’ strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa (2017/2732(RSP)).

    (4)  Konklużjoni dwar strateġija futura għall-politika industrijali tal-UE, Kunsill Kompetittività, 29 ta’ Mejju 2017 (283/17); Konklużjonijiet dwar Strateġija mġedda għall-politika industrijali tal-UE, Kunsill Kompetittività, 30 ta’ Novembru 2017 (705/17).

    (5)  Opinjoni tal-KtR tal-11 ta’ April 2013 dwar “Industrija Ewropea aktar b’saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku”

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Azzar: Iż-żamma tal-impjiegi sostenibbli u t-tkabbir fl-Ewropa” adottata fil-15 ta’ Ġunju 2016 COR-2016-01726-00-00-PAC-TRA

    (6)  Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Varsavja fl-okkażjoni tar-raba’ Konferenza Ministerjali tal-Ħbieb tal-Industrija, Varsavja, 22 ta’ April 2016;

    Dikjarazzjoni ta’ Berlin: dikjarazzjoni konġunta dwar il-politika industrijali fl-okkażjoni tal-ħames Konferenza Ministerjali tal-Ħbieb tal-Industrija, Berlin, 30 ta’ Ġunju 2017.

    (7)  Data tal-Bank Dinji, Kummerċ (% ta’ PDG), [https://data.worldbank.org/indicator/NE.TRD.GNFS.ZS], 7.1.2018.

    (8)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar Naġġornaw is-Suq Uniku, April 2016 (relatur: Alessandro Pastacci (IT/PSE)); Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar Il-pakkett tas-servizzi: ekonomija tas-servizzi li taħdem favur l-Ewropej, Ottubru 2017 (relatur: Jean-Luc Vanraes (BE/ALDE)).

    (9)  Spinta lin-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu fl-Ewropa: perspettiva reġjonali u lokali, COR-2017-00032-00-01-AC-TRA (EN).

    (10)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar L-Azzar: Iż-żamma tal-impjiegi sostenibbli u t-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa, Ġunju 2016, (relatur: Isolde Ries (DE/PSE)).


    Top