Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IP0503

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar Strateġija Ewropea għal Mobilità b'Livell Baxx ta' Emissjonijiet (2016/2327(INI))

    ĠU C 369, 11.10.2018, p. 114–131 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 369/114


    P8_TA(2017)0503

    Strateġija Ewropea għal Mobilità b'Livell Baxx ta' Emissjonijiet

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar Strateġija Ewropea għal Mobilità b'Livell Baxx ta' Emissjonijiet (2016/2327(INI))

    (2018/C 369/15)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2016 dwar “Strateġija Ewropea għal mobilità b'emissjonijiet baxxi” (COM(2016)0501),

    wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-28 ta' Marzu 2011 bit-titolu “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti” (COM(2011)0144),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 1998 bit-titolu “"It-trasport u s-CO2 – l-iżvilupp ta' approċċ tal-Komunità” (COM(1998)0204), li ġiet ippubblikata wara l-adozzjoni tal-Protokoll ta' Kyoto iżda ma ġietx imsarrfa f'miżuri biżżejjed,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar"Implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobilità sostenibbli" (1),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-23 ta' Frar 2017 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tal-20 ta' Lulju 2016 bit-titolu “Strateġija Ewropea għal mobilità b'emissjonijiet baxxi”,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (2),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (3),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief (4) u r-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief (5),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 1999/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 li tirrigwardja d-disponibbiltà tal-informazzjoni għall-konsumatur dwar l-ekonomija tal-fjuwils u l-emissjonijiet tas-CO2 fir-rigward tal-promozzjoni ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri (6),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 u d-Direttiva 2007/46/KE u li jħassar id-Direttivi 80/1269/KEE, 2005/55/KE u 2005/78/KE (7),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (8),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (9),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (10),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (11);

    wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/1513 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (12),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 bit-titolu “Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: l-ewwel pass importanti lejn mobilità kooperattiva, konnessa u awtomatizzata” (COM(2016)0766),

    wara li kkunsidra l-Pjan Regolatorju għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Interoperabbli Kooperattivi Intelliġenti fl-UE,

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/52/KE tas-26 ta' Mejju 1999 li taddatta għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 96/96/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward it-testijiet tal-idoneità għat-triq għall-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (13),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-interoperabilità ta' sistemi elettroniċi dwar taxxi tat-toroq fil-Komunità (14) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/750/KE tas-6 ta' Ottubru 2009 dwar id-definizzjoni tas-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku u tal-elementi tekniċi tiegħu (15),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv (16),

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta' Diċembru 1992 dwar l-istabbiliment ta' regoli komuni għal ċerti tipi ta' trasport ikkombinat ta' prodotti bejn Stati Membri (17),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 (18),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (19),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (20),

    wara li kkunsidra r-riżultati tad-39 sessjoni tal-Assemblea tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), li saret f'Montreal fl-2016,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur (21), kif emendata mid-Direttiva 2009/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 (22),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Inkjesta dwar il-Kejl tal-Emissjonijiet fis-Settur Awtomobilistiku A8-0049/2017),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar il-mobilità urbana sostenibbli (23),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2016 dwar ir-rapport dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli (24),

    wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (25),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (26),

    wara li kkunsidra l-mandat għal-negozjar interistituzzjonali fir-rigward ir-reviżjoni tal-approvazzjoni tat-tip u tas-sorveljanza tas-suq kif adottat fl-4 ta' April 2017 (27),

    wara li kkunsidra l-Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari adottat mill-Kummissjoni fit-2 ta' Diċembru 2015,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0356/2017),

    A.

    billi, l-151 parti kollha għall-Ftehim ta' Pariġi, li ġie rratifikat mill-UE fl-4 ta' Novembru 2016 u li daħal fis-seħħ fl-istess jum, intrabtu li jżommu ż-żieda fit-temperatura globali taħt 2 oC aktar milli kienet fl-era preindustrijali, u li jkomplu bl-isforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura għal 1,5 C aktar mil-livelli preindustrijali;

    B.

    billi t-trasport fuq it-triq huwa responsabbli għal aktar minn 70 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra (GHG) mit-trasport u għall-biċċa l-kbira tat-tniġġis tal-arja, l-azzjoni għandha tkun iffukata primarjament fuq dan il-qasam, filwaqt li għandhom jiġu intensifikati l-isforzi fis-setturi kollha tat-trasport sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet;

    C.

    billi l-gass naturali (bħal gass naturali kkompressat (CNG) u l-gass naturali likwifikat (LNG)), u b'mod partikolari l-bijometan, il-metan sintetiku u l-gass likwifikat miż-żejt (LPG), jistgħu jikkontribwixxu lejn id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasport bil-baħar u vetturi heavy duty (HDVs);

    D.

    billi fil-white paper tagħha tal-2011, il-Kummissjoni tgħid li għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet GHG ikkawżati mit-trasport b'mhux inqas minn 60 % sal-2050 meta mqabbla mal-1990; billi sabiex ikun hemm konformità mal-Ftehim ta' Pariġi ser ikun meħtieġ li jitnaqqsu drastikament l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mit-trasport sa nofs is-seklu;

    E.

    billi perkors għat-tnaqqis fl-emissjonijiet affidabbli u fit-tul jista' jipprovdi lill-manifatturi tal-vetturi s-sigurtà tal-ippjanar meħtieġa għall-investimenti f'teknoloġiji ġodda;

    F.

    billi d-dekarbonizzazzjoni fit-tul tas-settur tat-trasport tirrikjedi użu wiesa' ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, diversifikat skont il-modi differenti ta' trasport;

    G.

    billi s-sistemi tat-trasport bl-elettriku, kemm privati kif ukoll pubbliċi, jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-akbar problemi relatati mal-mobilità fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u mal-eliminazzjoni għalkollox tas-sustanzi li jniġġsu u tal-istorbju b'mod sostenibbli; billi l-livell ta' sostenibilità ta' vetturi elettriċi jiddependi wkoll fuq l-użu tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli;

    H.

    billi t-trasport huwa responsabbli għal aktar minn 25 % tal-emissjonijiet GHG fl-UE, li minnhom it-trasport bit-toroq jammonta għal aktar minn 70 %; billi t-trasport huwa l-kawża prinċipali tat-tniġġis tal-arja f'żoni urbani; billi dan it-tniġġis tal-arja jikkawża aktar minn 400 000 mewt prematura (28) fis-sena fl-UE u jiġġenera spejjeż tas-saħħa ta' bejn EUR 330 biljun u EUR 940 biljun (29), li jammontaw għal bejn 3 % u 9 % tal-PDG tal-UE; billi l-materja partikolata u l-ossidi tan-nitroġenu għandhom impatt partikolarment ħażin fuq is-saħħa pubblika;

    I.

    billi s-settur tat-trasport huwa l-anqas wieħed dekarbonizzat, u għadu jiddependi fuq il-fjuwils fossili għal aktar minn 94 % tal-bżonnijiet tal-enerġija tiegħu; billi l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mit-trasport diġà jammontaw għal kważi kwart mit-total tal-emissjonijiet tas-CO2 fl-UE, u qed ikomplu jiżdiedu;

    J.

    billi l-iżvilupp tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija jiddependi ħafna fuq l-użu effettiv ta' varjetà ta' mezzi tat-trasport, u billi l-politika Ewropea tat-trasport għandha tkun ibbażata fuq il-komodalità effiċjenti, li fiha l-użu tal-aktar mezzi tat-trasport sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija għandu jingħata prijorità meta jkun possibbli;

    K.

    jemmen li bidla modali se twassal għal ekwilibrar mill-ġdid ottimali bejn mezzi tat-trasport differenti, u se tipprevedi l-interoperabilità fil-mezzi nfushom u bejniethom, tippromwovi ktajjen tat-trasport u tal-loġistika aktar effiċjenti, u ttejjeb il-flussi tat-traffiku mingħajr skossi bejn il-mezzi u n-nodi;

    L.

    billi, skont l-Ewrobarometru Speċjali 406, ippubblikat fl-2013, madwar 50 % taċ-ċittadini tal-UE jużaw il-karozza privata tagħhom kuljum, filwaqt li 16 % biss jużaw it-trasport pubbliku u 12 % biss jużaw ir-rota;

    M.

    billi l-fjuwil tal-bastimenti użat għat-trasport marittimu huwa wieħed minn fost dawk li jniġġsu l-aktar, u dan ifisser li dan is-settur għandu marġni kbir biex inaqqas l-emissjonijiet tiegħu billi jippromwovi u jintegra sistemi ta' propulsjoni alternattivi;

    N.

    billi l-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-ambjent għandu jkun kwistjoni u responsabbiltà kondiviżi għas-soċjetà, li fihom il-partijiet interessati kollha għandu jkollhom rwol importanti x'jiżvolġu;

    O.

    billi s-Seba' Programm Komunitarju ta' Azzjoni Ambjentali jirrikonoxxi b'mod ċar ir-rwol tat-trasport fil-kisba tal-viżjoni tal-Unjoni sal-2050 li “ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna”;

    P.

    billi mill-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Bijofjuwils fl-2003, il-qafas leġiżlattiv inbidel b'mod ripetut; billi l-approċċ leġiżlattiv irid ikollu ċertu grad ta' stabilità sabiex jattira l-investiment fil-bijofjuwils avanzati;

    Q.

    billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari tfisser ukoll li l-konsumaturi se jużaw is-servizzi aktar, u din iċ-ċaqliqa lejn mudelli ta' negozju ġodda jaf ikollha impatt sinifikanti fuq l-effiċjenza fir-riżorsi fis-settur tat-trasport;

    R.

    billi 'l fuq minn 100 miljun ċittadin Ewropew huma esposti għal livelli ta' storbju li jaqbżu s-soll ta' 55 deċibel (dB), u fosthom, madwar 32 miljun huma esposti għal livelli ta' storbju “qawwija ħafna”, jiġifieri aktar minn 65 dB;

    S.

    billi skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-saħħa (WHO), l-istorbju mit-traffiku fuq it-toroq waħdu huwa t-tieni l-aktar fattur ta' stress ambjentali dannuż fl-Ewropa, eżatt wara t-tniġġis tal-arja u billi mill-inqas 9 000 mewt prematura fis-sena jistgħu jiġu attribwiti għal mard tal-qalb ikkawżat mill-istorbju tat-traffiku;

    T.

    billi l-applikazzjoni tal-linji gwida tad-WHO dwar l-esponiment uman għal PM 2,5 tista' żżid il-medja tal-istennija tal-għomor b'madwar 22 xahar, u tista' tiġġenera ffrankar annwali ta' madwar EUR 31 biljun;

    1.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Strateġija Ewropea għal mobilità b'emissjonijiet baxxi” u jaqbel li bidla lejn mobilita b'livell baxx ta' emissjonijiet hi essenzjali biex issir il-bidla akbar lejn ekonomija sostenibbli, ċirkolari u b'livell baxx ta' karbonju; jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jinvolvu ruħhom sew fl-istrateġija;

    2.

    Jenfasizza l-fatt li sabiex iżommu mal-Ftehim ta' Pariġi, l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mit-trasport ser jeħtieġ li jkunu qrib iż-żero sa nofs is-seklu, u li l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja mit-trasport ser jeħtieġ li jitnaqqsu drastikament biex għallinqas jintlaħqu mingħajr dewmien il-linji gwida tad-WHO dwar is-saħħa pubblika;

    3.

    Jinnota li ċ-ċaqliqa lejn mobilità b'livell baxx ta' emissjonijiet mhix biss ta' benefiċċju għas-saħħa pubblika u l-ambjent, iżda toffri wkoll sfidi u opportunitajiet kbar għall-manifatturi u għall-fornituri tal-vetturi, tal-ferroviji, tal-bastimenti u tal-inġenji tal-ajru, kif ukoll għall-fornituri tas-servizzi relatati mal-enerġija innovattiva, it-trasport u l-loġistika, b'mod partikolari l-SMEs; jenfasizza li appoġġ adegwat għat-trawwim, imsejjes fuq approċċ kosteffikaċi, ta' teknoloġiji ġodda u mudelli kummerċjali li jinkoraġġixxu sħubiji innovattivi bejn il-kumpaniji l-kbar, l-SMEs u n-negozji ġodda hu meħtieġ sabiex jinkiseb tnaqqis effettiv fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fis-settur tat-trasport;

    4.

    Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' bidliet ċari fil-ġestjoni tad-domanda tat-trasport u l-ippjanar tal-ispazju sabiex issir iċ-ċaqliqa neċessarja lejn approċċ multimodali; itenni li t-trasport għandu jitqies bħala servizz important u mhux bħala għan fih innifsu; jappoġġja, għal din il-fini, l-implimentazzjoni tan-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport (TEN-T); itenni li t-tranżizzjoni lejn settur tat-trasport sostenibbli, ċirkolari u b'livell baxx ta' emissjonijiet tinvolvi żieda fil-kuxjenza tal-utenti tas-servizz dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi; iqis li wieħed mill-aktar fatturi importanti għall-bidla fl-imġiba biex jibdew jiġu magħżula mezzi ta' trasport aktar sostenibbli hu sistema tat-trasport pubbliku multimodali, żviluppata sew u bi prezz li jintlaħaq li tkopri n-nodi urbani u tingħaqad maż-żoni rurali;

    5.

    Ifakkar li rigward il-White Paper dwar it-Trasport tal-2011, il-Parlament Ewropew enfasizza li politika tal-mobilità sostenibbli Ewropea jeħtieġ li tinbena fuq firxa wiesgħa ta' għodod tal-politika biex issir ċaqliqa lejn il-mezzi tat-trasport bl-iżgħar livell ta' tniġġiż u bl-ikbar effiċjenza enerġetika b'mod kosteffikaċi; jirrimarka li ċaqliqa fil-bilanċ bejn il-modi tat-trasport mhix għan aħħari fiha nfisha, iżda hija neċessarja sabiex il-mobilità ma tibqax marbuta mal-effetti ħżiena tas-sistema tat-trasport attwali, bħall-konġestjoni, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju, l-aċċidenti u t-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi f'dan ir-rigward li l-politika ta' bidla modali s'issa ma tatx riżultati sodisfaċenti;

    6.

    Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni taġixxi bħala l-attur ewlieni għal miżuri globali u armonizzati fir-rigward ta' trasport aktar sostenibbli u effiċjenti;

    7.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni sħiħa tal-leġislazzjoni eżistenti u, jekk ikun meħtieġ, tipproponi miżuri addizzjonali konkreti fis-settur tat-trasport sabiex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi maqbula tal-UE, li jkopru l-modi kollha, inkluża l-mobilità urbana, b'mod li ma jippreġudikax il-kompetittività tas-settur tat-trasport; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippromovi l-adozzjoni fis-suq ta' teknoloġiji li jikkontribwixxu għal mobilità b'livell baxx ta' emissjonijiet billi jżidu l-effiċjenza tal-vetturi filwaqt li jżommuhom sikuri; jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, biex tippreżenta aġġornament tal-White Paper tagħha tal-2011 dwar it-Trasport;

    8.

    Jinsab konvint li l-valutazzjoni tas-sostenibilità għandha tqis l-impronta kollha, mill-manifattura sal-użu u r-rimi tal-vetturi u l-infrastruttura meħtieġa, u jenfasizza, għal din ir-raġuni, li hija biss taħlita ta' enerġija teknoloġikament newtrali li tista' toffri soluzzjonijiet realistiċi u verament sostenibbli;

    9.

    Jinnota li t-tranżizzjoni sostenibbli fit-trasport tirrikjedi azzjoni sistemika mill-bosta partijiet interessati mis-soċjetà ċivili, il-konsumaturi, is-sħab soċjali, l-SMEs, negozji ġodda innovattivi, korporazzjonijiet kbar li huma atturi globali, u l-politiċi u l-entitajiet uffiċjali fil-livelli kollha tal-gvern;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza dejjem tikber tal-emissjonijiet inkorporati billi ddaħħal inċentivi sabiex jitqiesu l-emissjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja;

    11.

    Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza dejjem tikber tal-kejl tal-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja, mill-emissjonijiet tal-provvista tal-enerġija sal-emissjonijiet tal-produzzjoni u ta' tmiem il-ħajja, billi tressaq proposti olistiċi li jiggwidaw lill-manifatturi lejn soluzzjonijiet ottimali, sabiex ikun żgurat li l-emissjonijiet upstream u downstream ma jinnewtralizzawx il-benefiċċji marbuta mat-titjib fl-użu tal-enerġija fl-operat tal-vetturi;

    12.

    Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi u ttejjeb b'urġenza l-istandards tas-CO2 għal kwalunkwe trasport bit-triq, minħabba li l-istandards kosteffikaċi tal-vetturi aktarx jirrappreżentaw l-aktar miżura effikaċi biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika fl-UE fil-perjodu sal-2030;

    13.

    Ifakkar li l-effiċjenza fl-enerġija għandha tkun ikkunsidrata bħala l-aħjar alternattiva enerġetika u li għaldaqstant, il-miżuri kollha maħsuba biex itejbu l-effiċjenza enerġetika b'mod kosteffikaċi u biex inaqqsu d-domanda għall-enerġija għandhom jingħataw prijorità u jkunu promossi u integrati kif jixraq fil-politika tat-trasport u fl-azzjoni tal-Ewropa dwar il-klima;

    Intejbu s-sistemi tat-trasport

    Titjib fl-effiċjenza

    14.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrevedu l-konnettività bejn ir-reġjuni differenti tal-UE, anke fir-rigward tar-reġjuni remoti, żvantaġġati u tal-fruntieri tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tirrevedi l-approċċ tal-UE lejn il-konnettività tal-avjazzjoni u tesplora l-possibilità li jiġi żviluppat indiċi ta' konnettività, filwaqt li titqies ukoll l-interazzjoni ma' modi oħra ta' trasport; jenfasizza li dan għandu jsir flimkien ma' investimenti f'alternattivi sostenibbli u l-promozzjoni tagħhom;

    15.

    Iħeġġeġ ħafna lill-Istati Membri biex iħaffu r-ritmu tal-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, għax il-frammentazzjoni attwali qed tikkawża ħinijiet itwal tat-titjiriet, aktar ħela ta' fjuwil u aktar emissjonijiet ta' CO2; jirrimarka li dan ikun ifisser tnaqqis ta' 10 % fl-emissjonijiet;

    16.

    Jistieden lill-Kummissjoni żżomm ambizzjonijiet kbar dwar l-innovazzjoni billi tinkoraġġixxi r-riċerka fl-użu tal-enerġija fotovoltajka fis-settur tal-avjazzjoni (bħal pereżempju Solar Impulse 2) u fil-fjuwils likwidi rinnovabbli alternattivi;

    Prezzijiet ġusti u effiċjenti

    17.

    Iqis li huwa essenzjali li jkun hemm sinjali tal-prezzijiet aktar ċari għall-mezzi kollha tat-trasport li jirriflettu aħjar il-prinċipji ta' “min iniġġes iħallas” u ta' “min juża jħallas” sabiex tkun żgurata l-ġustizzja u kundizzjonijiet ekwi għall-mezzi differenti tat-trasport fl-Ewropa; jirrimarka li l-politiki eżistenti għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid minn dik il-perspettiva;

    18.

    Iqis li kull mezz ta' trasport għandu jkopri l-ispejjeż marġinali tiegħu, kemm għall-“wear and tear” ta' kuljum (“min juża jħallas”) kif ukoll għall-ispejjeż esterni, pereżempju għat-tniġġis tal-arja u għat-tniġġis bl-istorbju (“min iniġġes iħallas”); jemmen li l-applikazzjoni ta' dawn iż-żewġ prinċipji fl-UE kollha se tgħin biex biex tiġi indirizzata d-diskrepanza attwali fl-ipprezzar bejn il-mezzi tat-trasport;

    19.

    Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni dwar l-ipprezzar tat-trasport m'għandhiex toħloq kompetizzjoni inġusta għad-dannu ta' modi aktar sostenibbli bħall-ferroviji, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ bi proposti biex tkun garantita l-kompetizzjoni ġusta f'dan ir-rigward;

    20.

    Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżviluppa standards għal sistemi ta' pedaġġ elettroniċi interoperabbli fl-UE, kif ukoll ir-reviżjoni li se ssir tad-Direttiva dwar l-Eurovignette, li għandha tinkludi tariffar ibbażat fuq id-distanzi u divrenzjar abbażi tal-emissjonijiet ta' CO2, kif ukoll il-possibilità ta' divrenzjar tat-tariffi abbażi ta' standards Ewropej aġġornati; jemmen li estensjoni tat-tariffar ibbażat fuq id-distanzi għandha tkopri l-karozzi u l-vannijiet kollha tal-passiġġieri, filwaqt li tippermetti xi forma ta' flessibilità għal żoni remoti u b'popolazzjoni skarsa;

    21.

    Jenfasizza li bidla modali fit-trasport tirrikjedi l-promozzjoni tal-multimodalità u tat-trasport pubbliku u investiment fihom;

    22.

    Jitlob lill-Kummissjoni taġġorna l-“manwal dwar l-ispejjeż esterni mit-trasport” bħala kwistjoni ta' urġenza, filwaqt li tqis id-data reali tal-emissjonijiet mis-sewqan;

    23.

    Jenfasizza li l-avjazzjoni hi l-aktar mezz ta' trasport li ma jinternalizzax l-ispejjeż esterni tiegħu, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tirrispetta l-Ftehim ta' Pariġi u tesplora l-possibilitajiet ta' miżuri internazzjonali armonizzati għal tassazzjoni fuq il-pitrolju għall-avjazzjoni u t-tneħħija tal-eżenzjoni mill-VAT fuq il-biljetti tal-passiġġieri tal-ajru;

    Il-loġistika u d-diġitalizzazzjoni

    24.

    Jirrikonoxxi li l-loġistika jista' jkollha rwol kruċjali biex jitnaqqas l-impatt tal-karbonju mit-trasport permezz ta' strateġiji kollaborattivi favur l-ambjent li jindirizzaw l-integrazzjoni tal-katina tal-provvista, it-trasport multimodali, il-konsolidazzjoni tal- kunsinni u l-loġistika inversa; iqis li t-teknoloġiji diġitali huma kruċjali għal dawn l-għanijiet;

    25.

    Jikkunsidra li sistemi tat-trasport intelliġenti, il-“platooning” u l-vetturi awtonomi u konnessi jistgħu jkunu siewja ħafna biex titjieb l-effiċjenza tat-trasport individwali u kummerċjali bit-toroq, bil-ferroviji, bil-baħar u bl-ajru;

    26.

    Jirrikonoxxi li t-teknoloġija tal-karozzi konnessi se ttejjeb is-sikurezza fit-toroq filwaqt li għandha wkoll implikazzjonijiet sinifikanti fuq l-ambjent, u jinnota li l-infrastruttura tan-netwerk densa meħtieġa biex ikunu ggarantiti kapaċità kbira u latenza żgħira għal netwerk 5G, biex isir l-aħjar użu mill-opportunitajiet li l-vetturi konnessi u awtonomi jtejbu l-mobilità fl-ambjent urban; jagħraf li, f'konformità mal-proċess usa' tad-diġitizzazzjoni fl-industrija Ewropea, bosta kumpaniji se jkollhom jintegraw il-mobilità fl-istrateġiji tat-trasformazzjoni tagħhom, u b'hekk joffru opportunitajiet sinifikanti għall-SMEs u għan-negozji ġodda fis-settur tat-trasport, u jemmen li dan l-iżvilupp għandu jkun appoġġjat;

    27.

    Jenfasizza li t-trasport pubbliku, bħala parti mill-kunċett tal-mobilità bħala servizz, għandu potenzjal enormi li jnaqqas il-volum tat-traffiku u l-emissjonijiet relatati, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi d-diġitizzazzjoni u l-konnettività tas-sistemi tat-trasport pubbliku sabiex jitneħħew l-ostakli bejn il-mezzi u s-sistemi tat-trasport u jkun inċentivat l-użu tagħhom; jemmen ukoll li li l-miżuri meħuda għandhom jitfasslu skont l-ispeċifiċitajiet taż-żoni kkonċernati, indipendentement minn jekk humiex urbani jew rurali, għax f'żoni rurali huwa aktar diffiċli li tinkiseb il-vijabilità ekonomika; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw inizjattivi speċifiċi għal trasport aktar effiċjenti fl-ambjenti rurali u fiż-żoni remoti, filwaqt li jqisu l-obbligi tas-servizz pubbliku;

    28.

    Jappoġġja l-inizjattivi għall-ġestjoni tal-mobilità bil-għan li jkollna servizzi tat-trasport intermodali aktar effiċjenti u ekoloġiċi u mobilità intelliġenti, li jistgħu jkunu kruċjali għall-promozzjoni tal-kunċetti tal-mobilità bħala servizz u l-intermodalità sinkronizzata; jemmen li sabiex tkompli tissaħħaħ aktar il-mobilità bħala servizz, għandha tingħata attenzjoni xierqa fir-regolament futur lill-kontribut tas-Sistemi Intelliġenti tal-Gestjoni tat-Trasport Intelliġenti (ITS), l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-ICT, l-interoperabilità tas-sistemi, is-servizzi kondiviżi u l-ħruġ ta' biljetti multimodali integrat;

    29.

    Jinnota li l-vetturi tal-merkanzija urbani jikkontribwixxu b'mod sproporzjonat għat-tniġġis tal-arja u t-tniġġis bl-istorbju u għandhom impatt negattiv fuq il-konġestjoni; jitlob, għalhekk, li tittejjeb il-katina tal-provvista fiż-żoni urbani; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-użu ta' vetturi mingħajr emissjonijiet fil-każ ta' vetturi kummerċjali ħfief, karozzi tal-linja, trakkijiet tal-iskart, taxis u roti tal-merkanzija fil-loġistika tal-aħħar kilometru;

    30.

    Jenfasizza l-benefiċċji potenzjali tat-tnaqqis fil-piż u ta' użu aktar effiċjenti tal-infrastruttura attwali, inkluż tqassim aħjar tat-traffiku u soluzzjonijiet intermodali aħjar;

    31.

    Jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza, fil-qafas tal-leġiżlazzjoni dwar Suq Uniku Diġitali ġejjiena, il-potenzjal ta' mezzi tat-trasport aktar sikuri, intelliġenti u ekoloġiċi għat-trasport bit-triq, u tippromwovi proġetti ta' tagħmir minn vettura għal vettura u minn vettura għat-triq, bħala parti mill-ispinta favur l-ekonomija għall-innovazzjoni u l-ftuħ ta' opportunitajiet kummerċjali ġodda għall-kumpaniji tal-ICT Ewropej;

    32.

    Jenfasizza l-importanza li jsir investiment f'konnessjonijiet ottimali għaż-żoni interni sabiex titnaqqas l-impronta ekoloġika tat-trasport fl-intern tal-pajjiż billi jkun imħeġġeġ l-użu ta' konnessjonijiet multimodali, it-trasport ferrovjarju sostenibbli, it-tbaħħir intern, data tat-trasport f'ħin reali u applikazzjonijiet tal-IT tul il-kurituri tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport;

    33.

    Jinsab konvint li l-promozzjoni ta' inizjattivi tal-ġestjoni tal-mobilità fir-reġjuni u l-bliet, fl-istituzzjonijiet u fl-industrija għandha potenzjal konsiderevoli biex tnaqqas il-ħtieġa taċ-ċittadini li jivvjaġġaw, kemm f'termini ta' distanza kif ukoll ta' veloċità;

    34.

    Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw proġetti pilota li se jħeġġu użu akbar ta' vetturi elettriċi u vetturi li jużaw bijofjuwils avvanzati alternattivi;

    35.

    Jenfasizza li teżisti l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE li jippermetti diġitalizzazzjoni rapida tat-trasport, li flimkien mal-ippjanar imtejjeb tat-trasport u l-bidla lejn “il-mobilità bħala servizz” se tikkontribwixxi ħafna biex tiżdied l-effiċjenza u ser ikollha effetti kbar fuq is-soċjetà;

    36.

    Jemmen li ppjanar tat-trasport aħjar u użu mtejjeb tad-diġitalizzazzjoni u l-loġistika huma oqsma fejn il-potenzjal għat-tnaqqis fl-emissjonijiet huwa enormi, u li diversi miżuri sempliċi u li ma jiswewx ħafna jistgħu jiġu implimentati malajr ħafna b'effett li jista' jitkejjel, bħall-ottimizzazzjoni tal-fluss u tat-tagħbija, kif ukoll il-merkanzija; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni telenka u tidentifika miżuri tali, biex ikunu promossi fil-futur qrib; jitlob li jkun hemm standards u qafas leġiżlattiv koerenti li jippermettu l-użu ta' soluzzjonijiet tal-loġistika u tat-trasport innovattivi fl-Ewropa kollha;

    37.

    Jappoġġja lill-Kummissjoni u lill-operaturi tat-trasport fit-tfassil ta' proġetti li jkun fihom informazzjoni konsistenti dwar impronta tas-CO2 kumparattiva minn mezzi differenti tat-trasport permezz ta' pubblikazzjonijiet, informazzjoni, prenotazzjoni u ħruġ ta' biljetti;

    38.

    Jenfasizza l-bżonn imperattiv li l-politika ta' standardizzazzjoni tal-ICT tiġi adattata għall-iżviluppi fis-suq u fil-politika sabiex tinkiseb l-interoperabilità għat-trasport elettroniku tal-merkanzija u s-sistemi intelliġenti tat-trasport;

    39.

    Jissottolinja l-importanza tal-interoperabilità sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn vetturi heavy duty, kemm fit-trasport urban kif ukoll f'dak extraurban;

    Enerġija alternattiva b'livell baxx ta' emissjonijiet

    40.

    Jenfasizza l-fatt li soluzzjonijiet ta' mobilità elettrika abbażi ta' sorsi tal-enerġija sostenibbli joffru potenzjal kbir għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport; iqis, madankollu, li l-aħjar użu tat-teknoloġija involuta kif ukoll il-provvediment ta' faċilitajiet ta' infrastruttura fuq skala kbira huma improbabbli qabel l-2030; itenni t-talba tiegħu għal innovazzjonijiet teknoloġiċi;

    41.

    Jilqa' l-isforzi biex tintuża u tiġi żgurata infrastruttura komprensiva u interoperabbli għall-forniment ta' enerġija rinnovabbli u/jew fjuwils alternattivi sostenibbli għal vetturi mħaddma b'enerġija alternattiva; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tikkoordina mal-Istati Membri biex tkun żgurata t-traspożizzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi, kif ukoll ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2010/31/UE dwar l-Effiċjenza Enerġetika fil-Bini kif emendata mid-Direttiva (UE) …/… (proċedura 2016/0381(COD));

    42.

    Jistieden lill-Kummissjoni tadotta pjan ta' azzjoni ambizzjuż għall-adozzjoni fis-suq ta' vetturi elettriċi u li tiggwida lill-Istati Membri b'rakkomandazzjonijiet biex tħeġġiġhom jimplimentaw inċentivi fiskali għal vetturi b'emissjonijiet żero jew baxxi; jenfasizza li d-disponibilità u l-aċċessibilità tal-infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-refuelling, fosthom f'binjiet privati u pubbliċi skont id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD), (Direttiva 2010/31/UE), flimkien mal-kompetittività tal-vetturi elettriċi, huma essenzjali biex tiżdied l-aċċettazzjoni min-naħa tal-konsumatur; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-elettriku ġġenerat għall-vetturi tal-elettriku jkun ġej minn sorsi tal-enerġija sostenibbli; jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm inizjattiva Ewropea fuq terminu twil għal batteriji tal-ġenerazzjoni li jmiss kif ukoll għall-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa biex jinkoraġġixxu standards tal-produzzjoni sostenibbli għall-enerġija u għall-vetturi b'livell baxx ta' emissjonijiet;

    43.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista' jkun tippreżenta l-valutazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva dwar Enerġija Nadifa għat-Trasport (2014/94/UE), u biex tieħu azzjoni fir-rigward tal-Istati Membri li għadhom ma ppreżentawx strateġija nazzjonali;

    44.

    Iqis li obbligu għall-fornituri tal-fjuwil li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-enerġija li jipprovdu permezz tal-enerġija rinnovabbli, l-idroġenu, il-bijofjuwils sostenibbli u avvanzati, fjuwils sintetiċi jew fjuwils oħra b'livell baxx ta' karbonju jkun wieħed mill-aktar approċċi effettivi biex jitnaqqas l-impatt klimatiku tat-trasport bit-triq;

    45.

    Ifakkar lill-Kummissjoni kemm huwa urġenti, biex tittieħed azzjoni tanġibbli favur it-tranżizzjoni enerġetika sostenibbli tas-soċjetà kollha kemm hi, li l-inċentivi finanzjarji ma jibqgħux jingħataw għall-fjuwils fossili, u minflok jibdew jingħataw għal forom alternattivi u sostenibbli ta' enerġija;

    46.

    Jitlob li rigward l-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport ikun hemm approċċ aktar ambizzjuż mill-approċċ propost fir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, sabiex titwettaq id-dekarbonizzazzjoni fuq terminu twil tas-settur tat-trasport;

    47.

    Iħeġġeġ li jiġu stabbiliti inċentivi speċifiċi għall-użu ta' fjuwils alternattivi sostenibbli għal dawk il-mezzi tat-trasport li attwalment m'għandhom l-ebda alternattiva għall-fjuwil likwidu; jemmen li inċentivi bħal dawn għandhom jiġu riflessi fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli l-ġdida kif ukoll fil-Pjanijiet Nazzjonali Integrati dwar l-Enerġija u l-Klima, kif previst fir-regolament propost dwar il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija;

    48.

    Ifakkar li 94 % tat-trasport Ewropew jiddependi fuq il-prodotti taż-żejt u jemmen li l-bijofjuwils domestiċi sostenibbli jnaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili, u b'hekk tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-UE;

    49.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi t-tneħħija gradwali tas-sussidji diretti u indiretti għall-fjuwils fossili sa mhux aktar tard mill-2020;

    50.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-potenzjal tal-LNG biex il-mobilità, l-ekonomija u l-impjiegi jkunu sostenibbli (30);

    51.

    Jissottolinja r-rwol li l-gass naturali (pereżempju, is-CNG and l-LNG) u partikolarment il-bijometanu, il-metan sintetiku u l-LPG, jista' jiżvolġi fit-tranżizzjoni lejn id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, speċjalment fir-rigward tat-tbaħħir, l-HDVs u l-karozzi tal-linja tal-bliet;

    52.

    Jieħu nota tal-limiti proposti fir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli bil-ħsieb li jitnaqqsu gradwalment il-bijofjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni sal-2030 u tintlaħaq dekarbonizzazzjoni fuq terminu twil tas-settur tat-trasport; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tiddistingwi bejn il-bijofjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni b'livell għoli ta' effiċjenza tal-GHG u livell ta' riskju baxx tat-tibdil indirett fl-użu tal-art u dawk li ma jissodisfawx dawk il-kriterji, u biex, mill-aktar fis possibbli, tieħu miżuri biex telimina gradwalment l-użu ta' materja prima, inkluż żejt tal-palm, li jixprunaw id-deforestazzjoni jew l-użu ta' torbiera, bħala komponent ta' bijofjuwils; jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm ambjent leġiżlattiv stabbli u prevedibbli li jqis b'mod xieraq iċ-ċikli ta' investiment biex jiġu attirati l-investimenti meħtieġa f'bijofjuwils avvanzati; jinnota l-benefiċċji potenzjali klimatiċi tal-produzzjoni agrikola tal-UE msejsa fuq il-bijofjuwils b'livell għoli ta' effiċjenza ta' GHG u livell ta' riskju baxx tat-tibdil indirett fl-użu tal-art, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' emissjonijiet minn importazzjonijiet ta' proteina tal-annimali fuq skala kbira minn pajjiżi li mhumiex fl-UE;

    53.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji oġġettivi għar-rikonoxximent ta' bijofjuwils avvanzati sabiex tiġi stimulata l-innovazzjoni u l-adozzjoni fis-suq;

    54.

    Jenfasizza l-importanza li jintlaħqu l-miri għal żmien twil favur id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, u jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ penetrazzjoni akbar fis-suq tal-bijofjuwils avvanzati b'livell għoli ta' effiċjenza ta' GHG, li jkunu konformi mal-ġerarkija tal-iskart bħala parti mill-ekonomija ċirkolari u li jirrispettaw il-kriterji ta' sostenibilità ambjentali u soċjali b'saħħithom, sabiex ikompli jitnaqqas l-użu tal-fjuwils fossili u tal-emissjonijiet GHG; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li ssaħħaħ ir-rekwiżiti għall-iffrankar tal-emissjonijet GHG għall-bijofjuwils biex ikun żgurat li dawn ikomplu jilħqu l-miri tal-klima tal-UE; jenfasizza l-importanza ta' kontabilità robusta u kredibbli fir-rigward tal-emissjonijiet u l-assorbimenti derivati mill-bijoenerġija skont ir-regolament propost dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (COM(2016)0479);

    55.

    Jenfasizza li l-bijofjuwils li jikkonformaw ma' kriterji ta' sostenibilità biss għandhom jgħoddu mal-miri tal-klima tal-Istati Membri skont ir-Regolament propost tal-Qsim tal-Isforz (COM(2016)0482);

    56.

    Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-idroġenu minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli u timpenja lilha nnifisha għal studju ta' fattibilità dwar ir-rwol u l-possibilitajiet tal-idroġenu f'sistema Ewropea tat-trasport;

    57.

    Jenfasizza li fjuwils sintetiċi (likwidi u gassużi) li ġejjin minn bilanċ pożittiv ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari l-enerġija mix-xemx u l-enerġija eolika fiż-żmien tal-ogħla produzzjoni li altrimenti tinħela, tista' tikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet GHG tal-flotot eżistenti mill-perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja, filwaqt li tiżdied ukoll il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli;

    58.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-ekonomija ċirkolari, l-emissjonijiet u l-politika dwar il-klima, kif ukoll il-miri tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli, biex iżidu u jappoġġjaw bis-sħiħ il-produzzjoni ta' bijogass ekoloġiku permezz tal-ipproċessar tad-demel;

    59.

    Jilqa' l-fatt li n-negozji tal-UE huma attwalment mexxejja fid-dinja tat-teknoloġiji li jużaw il-fjuwils sintetiċi u jara dan bħala opportunità biex jissaħħu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi ta' kwalità għolja fl-UE; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li jinħoloq qafas li jinkoraġġixxi aktar l-iżvilupp u d-diffużjoni ta' teknoloġiji bħal dawn;

    60.

    Iqis li l-promozzjoni tal-Garanziji tal-Oriġini tista' twassal għal żieda sinifikanti fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport;

    61.

    Jinnota li l-approċċ tal-UE lejn l-enerġija sostenibbli għandu jkun teknoloġikament newtrali u li l-għanijiet tal-politiki tas-sostenibilità tal-UE għandhom ikunu ffokati fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet dannużi għas-saħħa u għall-klima;

    62.

    Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) fir-rigward tat-twettiq ta' riċerka dwar enerġija nadifa għat-trasport;

    63.

    Jilqa' l-appoġġ eżistenti taħt Orizzont 2020 għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-qasam tat-trasport nadif u l-enerġija sostenibbli, u jitlob li dan l-appoġġ jiġi mfittex fil-QFP li jmiss (Qafas finanzjarju pluriennali);

    64.

    Jisħaq fuq l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp għall-indirizzar tal-isfidi teknoloġiċi fir-rigward ta' mobilità b'livell baxx ta' emissjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bl-appoġġ sod tagħha tal-programmi ta' riċerka bħal CleanSky u SESAR (Sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru);

    L-infrastruttura tat-trasport u l-investiment

    65.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jintensifikaw il-kofinanzjament mill-UE ta' proġetti tat-trasport li jikkontribwixxu għall-azzjoni dwar il-klima u l-kwalità tal-arja u t-tnaqqis ta' spejjeż esterni oħrajn, fil-qafas tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) u t-TEN-T;

    66.

    Iqis li l-proġetti tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa huma kruċjali għall-Istrateġija Ewropea għal Mobilità b'Emissjonijiet Baxxi, u jiddispjaċih li l-baġit tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa intuża għall-FEIS; jitlob, għalhekk, li jingħata lura l-baġit tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u jtenni li l-FEIS II għandu jiġi ffinanzjat minn sorsi oħra; iqis, barra minn hekk, li l-finanzjament mill-FEIS ta' proġetti eleġibbli għall-finanzjament mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għandu jiġi evitat;

    67.

    Jenfasizza l-importanza ta' użu b'suċċess tal-FEIS jew tal-ikkombinar tal-FEIS mal-FSIE; iqis li l-Istati Membri għandhom jinvestu aktar fis-sistema ferrovjarja tagħhom u jagħmlu sforz biex iżidu r-rati ta' assorbiment tal-fondi ta' koeżjoni għall-proġetti ferrovjarji;

    68.

    Jindika kemm hu importanti li n-netwerk infrastrutturali jinżamm f'kundizzjoni tajba u li jkollu livelli għolja ta' kwalità, għax dan jiffaċilità l-fluss tat-traffiku u anke jippermetti li tonqos il-konġestjoni u għaldaqstant il-livell ta' CO2 u ta' emissjonijiet niġġiesa oħra;

    69.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel aktar fondi disponibbli biex il-bliet jagħmlu offerti konġunti għal infrastruttura jew teknoloġiji li jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport urban u jnaqqsu t-tniġġis tal-arja mill-vetturi tat-triq: jinnota li dan ikun jinkludi, u mhux biss, stazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi għall-vetturi elettriċi, sistemi ta' kondiviżjoni tal-karozzi u tar-roti u l-iżvilupp tat-trasport pubbliku;

    70.

    Jenfasizza l-importanza ta' miżuri ta' appoġġ finanzjarju għall-innovazzjoni fis-settur u l-preservazzjoni tal-ambjent waqt ix-xogħol infrastrutturali;

    L-awtonomizzazzjoni taċ-ċittadini u ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet favur bidla fl-imġiba

    71.

    Iħeġġeġ lill-bliet jinkludu objettivi għat-tnaqqis ta' gassijiet b'effett ta' serra u strateġiji għal arja nadifa fil-pjanijiet tal-mobilità tagħhom (eż. Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli (SUMPs)), u jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-kofinanzjament tal-UE għall-proġetti tal-mobilità urbana li jikkontribwixxu għall-kisba ta' objettivi bħal dawn, fosthom permezz ta' appoġġ tal-innovazzjonijiet li jabilitaw lill-ibliet f'dan ir-rigward;

    72.

    Huwa tal-fehma li wieħed mill-aktar modi effiċjenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u tittejjeb l-effiċjenza tat-trasport hu l-promozzjoni tat-trasport pubbliku kollettiv; iqis li huwa importanti li jissaħħaħ ir-rwol tas-servizzi tat-trasport pubbliku; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jinċentivaw ix-xiri ta' vetturi aktar nodfa u li jniġġsu inqas, fil-każ tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll tal-flotot privati;

    73.

    Jenfasizza l-opportunitajiet ta' trasport aktar sostenibbli li joffri l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE), b'mod partikolari għall-karozzi tal-linja urbani u suburbani;

    74.

    Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ in-netwerks tal-bliet li jinsabu fuq quddiem fost dawk li jagħtu prijorità lill-mobilità sostenibbli, fosthom il-mixi, l-użu tar-roti, it-trasport pubbliku mtejjeb, car-sharing u car-pooling fl-ippjanar tagħhom, u biex tagħti lok lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex jikkondividu l-aħjar prattiki kemm f'termini ta' tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u kif ukoll ta' strateġiji għal arja nadifa f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni tinkuraġġixxi wkoll lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex jintegraw għalkollox il-ħtiġijiet u l-proċeduri tal-ippjanar tat-trasport, tal-akkomodazzjoni u tal-użu tal-art sabiex jintlaħqu aħjar l-għanijiet tal-politika dwar il-klima;

    75.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex filwaqt li jqisu n-nuqqas tal-istandards Ewropej għall-vetturi ħfief li jirriflettu l-emissjonijiet fid-dinja reali, jeżaminaw il-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' tikketta jew standard għal vetturi b'emissjonijiet baxxi ħafna (ULEVs) li jissodisfaw il-valuri limitu tal-emissjonijiet f'kundizzjonijiet tas-sewqan reali;

    76.

    Iqis li trid tingħata aktar attenzjoni biex tiżdied l-integrazzjoni u l-attrazzjoni tal-forom tat-trasport mhux motorizzati, peress li dan inaqqas b'mod komprensiv l-attrazzjoni tal-forom privati tat-trasport;

    77.

    Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-ħtiġijiet tat-trasport taċ-ċittadini f'żoni rurali u remoti fl-istrateġiji tagħha għal mobilità b'emissjonijiet baxxi;

    78.

    Iħeġġeġ lill-entitajiet pubbliċi kollha jinkorporaw kriterji ta' sostenibilità fl-akkwist pubbliku;

    79.

    Jappoġġja lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni f'investiment akbar fil-konnessjoni u fl-integrazzjoni tan-Netwerk taċ-Ċikliżmu EuroVelo man-netwerks ferrovjarji tat-TEN-T;

    80.

    Jenfasizza li wasal iż-żmien għal proposta għar-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali, u jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika din il-proposta sa tmiem l-2017; iqis li t-teknoloġija għal “adattament intelliġenti tal-veloċità” hi matura u tista' ssalva ħafna ħajjiet, u għaldaqstant għandha tiġi introdotta għall-vetturi kollha mingħajr aktar dewmien; jenfasizza li l-“viżjoni diretta” għat-trakkijiet hi soluzzjoni effettiva ħafna biex ikunu evitati aċċidenti mal-utenti vulnerabbli tat-triq, u li din il-proposta għandha tinkludi standards obbligatorji f'dan ir-rigward;

    Talbiet speċifiċi għas-settur

    Muturi, karozzi u vannijiet

    81.

    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal standards għall-2025 għall-karozzi u l-vannijiet bi qbil mal-pożizzjoni espressa mill-Parlament fil-proċeduri li jikkonċernaw żewġ atti leġiżlattivi fl-2013 (31), u kif ġie kkonfermat fl-istqarriji assoċjati tal-Kummissjoni dwar il-mira 2025 (32); jenfasizza li l-istandards medji applikabbli għall-flotta għandhom ikunu kkalkulati fuq il-bażi tal-proċedura ġdida ta' ttestjar armonizzata fuq livell dinji għall-vetturi ħfief (WLTP), u għandhom jirriflettu l-perkors fuq terminu twil lejn it-tnaqqis fl-emissjonijiet stabbilit fil-qafas dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 tal-UE u l-objettivi fuq terminu twil tal-Ftehim ta' Pariġi;

    82.

    Jilqa' l-introduzzjoni tad-WLTP il-ġdida; jenfasizza, madankollu, li fid-dawl tal-fatt li r-riċerka turi li ċ-ċiklu tat-test fil-laboratorju tal-proċedura ġdida ta' ttestjar armonizzata fuq livell dinji għall-vetturi ħfief xorta se jkollu differenza ta' madwar 20 % mill-emissjonijiet fid-dinja reali u se jibqa' miftuħ għall-ottimizzazzjoni u l-manipulazzjoni tat-testijiet, għandha tiġi żviluppata metodoloġija ta' emissjonijiet f'sewqan reali (RDE) ex post għall-emissjonijiet tas-CO2, biex tikkomplementa l-proċedura ta' ttestjar armonizzata fuq livell dinji għall-vetturi ħfief; jinnota li din il-metodoloġija tista' tkun ibbażata fuq strumenti tal-kejl li diġà jeżistu fil-vetturi, pereżempju l-arloġġi tal-konsum tal-fjuwil (FCM); jinnota barra minn hekk li għal dan l-għan u sabiex tinkiseb data affidabbli, għandu jiġi żviluppat approċċ standard għall-ġbir, il-ħżin, l-użu u l-komunikazzjoni tal-valuri tal-konsum tal-fjuwul, filwaqt li jsir l-użu massimu mis-sensuri diġà preżenti fil-karozzi u jitħarsu bis-sħiħ ir-regoli dwar il-privatezza; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra soluzzjonijiet addizzjonali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mis-settur tat-trasport, u b'mod partikolari biex tqis aktar il-kontribut tat-tnaqqis tal-piż biex jitnaqqsu b'mod dirett l-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi;

    83.

    Ifakkar li, sabiex it-testijiet RDE jkunu effikaċi fit-tnaqqis tad-diskrepanzi bejn l-emissjonijiet imkejla fil-laboratorju u dawk imkejla fit-triq, l-ispeċifikazzjonijiet tal-proċeduri tal-ittestjar u tal-evalwazzjoni għandhom jiġu stabbiliti b'ħafna reqqa u għandhom ikopru firxa wiesgħa ta' kundizzjonijiet ta' sewqan, inklużi t-temperaturi differenti, it-tagħbijiet tal-magna, il-veloċitajiet tal-vettura, l-altitudnijiet, it-tipi ta' toroq u parametri oħra li wieħed jiltaqa' magħhom normalment waqt is-sewqan fl-Unjoni;

    84.

    Jitlob li jkun hemm adozzjoni rapida ta' sistema ta' tikkettar armonizzata, obbligatorja u trasparenti, li tipprovdi lill-konsumaturi b'data preċiża, robusta u kumparabbli dwar il-konsum tal-fjuwil, iċ-ċiklu tal-ħajja, l-emissjonijiet tas-CO2 u l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja tal-karozzi li jitqiegħdu fis-suq; jitlob li ssir reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Vetturi (id-Direttiva 1999/94/KE), li tista' tiġi emendata biex tinkludi rekwiżit obbligatorju li tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja, bħall-NOx u l-materja partikulata;

    85.

    Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid id-Direttiva dwar Enerġija Nadifa għat-Trasport (id-Direttiva 2014/94/UE) u tressaq proposta għal regolament dwar l-istandards tas-CO2 għall-flotot tal-karozzi li se jidħlu fis-suq mill-2025 'il quddiem, bil-għan li jiġu gradwalment il-karozzi ġodda b'emissjonijiet ta' CO2;

    86.

    Jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi objettiv minimu għas-sehem ta' vetturi elettriċi għall-manifatturi kollha;

    87.

    Jenfasizza l-benefiċċji għall-ekonomija Ewropea ta' tranżizzjoni bikrija lejn vetturi li nstab li l-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja (LCA) turi li għandhom l-iċken impatt fuq il-klima; jenfasizza li tranżizzjoni bħal din se tiżgura li l-manifatturi tal-karozzi Ewropej jibqgħu kompetittivi fis-suq dinji filwaqt li tippreserva l-impjiegi eżistenti u toħloq impjiegi ġodda;

    88.

    Jittama li se jiġi allokat aktar finanzjament għar-riċerka teknoloġika dwar il-produzzjoni, it-trattament u r-rimi tal-batteriji ta' muturi tal-elettriku, biex jiżguraw li dawn kulma jmur ikunu aktar ekoloġiċi;

    89.

    Jinnota li l-Kummissjoni nediet numru ta' proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri li kisru d-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja billi kontinwament jinqabżu l-valuri limitu ta' NO2 u PM10; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża s-setgħat ta' kontroll tagħha biex tevita t-tqegħid fis-suq ta' karozzi li jniġġsu u li jaħdmu bid-diżil, li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għar-rilaxx ta' NO2 u PM10 fl-atmosfera u ma jikkonformawx mar-regoli tal-UE dwar l-approvazzjoni tat-tip u l-emissjonijiet tal-vetturi tal-passiġġieri u tal-vetturi ħfief;

    90.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tkun promossa l-parteċipazzjoni wiesgħa mill-SMEs fil-manifattura tal-vetturi u tal-komponenti sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq tat-trasport u jiġu mħeġġa r-riċerka u l-innovazzjoni;

    91.

    Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-regoli ta' wara l-2020 dwar is-CO2 jqisu kemm jista' jkun l-approċċi teknoloġiċi kollha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 fit-toroq; jinnota li r-regolament għandu jqis b'mod partikolari l-possibilitajiet li joffru l-aktar fjuwils alternattivi ġodda (pereżempju, il-fjuwils elettriċi, il-fjuwils sintetiċi, elettriku għal gass u elettriku għal likwidu);

    Vetturi heavy-duty

    92.

    Jinnota li l-vetturi heavy duty se jkunu responsabbli għal 40 % tal-emissjonijiet totali ta' CO2 tat-trasport bit-triq jekk ma jitteħdux miżura addizzjonali sal-2030; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tressaq proposta dwar iċ-ċertifikazzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-vetturi heavy duty sa tmiem l-2017, kif ukoll standards ambizzjużi tas-CO2 tal-2025 sal-2018, imsejsa fuq l-aħjar data disponibbli; jilqa' l-Għodda għall-Kalkolu tal-Konsum tal-Enerġija tal-Vetturi (VECTO), li hija simulatur tal-effiċjenza tal-merkanzija, u jenfasizza l-ħtieġa li jkompli jkun żgurat aċċess għal data ta' monitoraġġ trasparenti, realistika u aġġornata;

    93.

    Jistieden lill-Kummissjoni tibda tiżviluppa Strateġija Ewropea ta' Trucking b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju abbażi ta' studju komparattiv, sabiex tiffaċilita l-adozzjoni fis-suq ta' karozzi tal-linja u trakkijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija u mingħajr emissjonijiet; jindika li diġà hemm inizjattivi tal-Istati Membri li qed jikkunsidraw il-ġarr tal-merkanzija bit-triq mingħajr emissjonijiet;

    94.

    Iqis li l-użu dejjem jikber ta' magni nodfa għall-vetturi heavy duty, pereżempju magni elettriċi jew li jaħdmu bl-LNG, għandu jkun appoġġjat, u li dan jirrikjedi investimenti importanti u strateġiċi fl-infrastruttura;

    95.

    Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi – u tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu – inċentivi għat-tranżitu ta' vetturi mingħajr emissjonijiet jew b'livell baxx ta' emissjonijiet u prijorità għall-moviment tagħhom fin-netwerks TEN-T;

    96.

    Jenfasizza li l-karozzi tal-linja tal-bliet mingħajr emissjonijiet jew b'livell baxx ta' emissjonijiet jistgħu jgħinu b'mod sinifikanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa fiż-żoni urbani; jitlob, għalhekk, l-introduzzjoni ta' karozzi tal-linja tal-bliet b'emissjonijiet żero billi jiddaħħal il-kriterju tal-akkwist pubbliku ekoloġiku fid-Direttiva tal-Vetturi Nodfa (id-Direttiva 2009/33/KE), li bħalissa qed tiġi riveduta; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jippromwovu l-użu tal-fondi disponibbli tal-UE, bħalma huma l-FSIE, biex jappoġġjaw il-miżuri korrispondenti;

    97.

    Jenfasizza li huwa importanti li jinħolqu l-kundizzjonijiet tajbin li jistimulaw l-enerġija alternattiva b'livell baxx ta' emissjonijiet għat-trasport, u jinnota li dan jista' jiġi ffaċilitat billi jkun żgurat li dan is-settur ikollu qafas ċar u fuq terminu twil li fuqu jibbaża l-investiment relatat mad-dekarbonizzazzjoni tal-fjuwils u teknoloġiji oħra ġodda; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tagħmel studju tal-fattibilità dwar is-soluzzjonijiet potenzjali disponibbli, li fuqu tista' titfassal strateġija b'livell baxx ta' karbonju għat-trasport tal-merkanzija bit-triq;

    98.

    Jappoġġja l-pjan tal-Kummissjoni għal Pjattaforma ta' Karozzi tal-Linja Nodfa li tlaqqa' flimkien lill-operaturi tal-karozzi tal-linja, l-awtoritajiet lokali, il-manifatturi tal-karozzi tal-linji u l-fornituri tal-enerġija sabiex tiġi mħeġġa l-adozzjoni rapida ta' vetturi aktar nodfa, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-karozzi tal-linja bħala forma ta' trasport pubbliku sostenibbli mil-lat ambjentali;

    99.

    Jinnota li jeżistu bosta teknoloġiji ġodda, u innovazzjonijiet ibbażati fuq teknoloġiji eżistenti, li jistgħu jkollhom benefiċċji ambjentali sinifikanti, bħalma huma tajers aqwa, lubrikanti mtejba, aktar effiċjenti, magni bi trażmissjoni aktar effiċjenti u magni ibridi, u li l-Ewropa għandha tfittex li tkun mexxejja teknoloġika f'dan ir-rigward; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga r-rwol ta' teknoloġiji bħal dawn għat-titjib tal-effiċjenza u tal-prestazzjoni ambjentali;

    100.

    Jenfasizza l-importanza li titjieb il-kwalità tal-arja fl-UE u li tiġi rispettata d-Direttiva tal-UE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent, kif ukoll il-livelli rakkomandati mid-WHO. jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tirrieżamina l-limiti tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, u biex tressaq proposti, kif ikun xieraq, għal-limiti tal-emissjonijiet Euro 7 applikabbli sal-2025 għall-vetturi ħfief kollha koperti minn dan ir-Regolament;

    101.

    Jenfasizza li l-għanijiet tat-tnaqqis fl-emissjonijiet u tal-kwalità tal-arja jeħtieġu miżuri li jirrigwardaw vetturi eqdem ukoll, u jfakkar f'dan ir-rigward, li l-modifiki huma l-aktar mod rapidu u kosteffikaċi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u s-sustanzi niġġiesa minn flotot eqdem minħabba li l-implimentazzjoni sistematika ta' sistemi avvanzati ta' posttrattament tal-egżost tad-diżil tippermetti lill-vetturi heavy duty eqdem bħall-karozzi tal-linja u t-trakkijiet joperaw b'mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent, filwaqt li tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti l-aktar stretti ta' emissjonijiet u tikseb tnaqqis massimu ta' NOx, NO2 u PM; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tippreżenta linji gwida komuni tal-UE sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ tas-soluzzjonijiet possibbli ta' modifika u jiżguraw ukoll l-eliġibilità għall-finanzjament fil-kuntest tal-istrumenti finanzjarji tal-UE lejn id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tat-trasport;

    Approvazzjoni tat-tip u sorveljanza tas-suq

    102.

    Jitlob sistema aktar komprensiva u kkoordinata tal-approvazzjoni tat-tip u tas-sorveljanza tas-suq fil-livell tal-UE li tinvolvi sorveljanza qawwija u affidabbli u sistema ta' kontrolli tal-UE, sabiex tindirizza n-nuqqasijiet u l-lakuni ġuridiċi identifikati fis-segwitu ta' “Dieselgate”; jenfasizza l-importanza ta' adozzjoni rapida tal-Kummissjoni tal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (COM(2016)0031), u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi; f'dan ir-rigward, ifakkar il-mandat għal negozjati tal-Parlament adottat fl-4 ta' April 2017; jikkonferma li l-adozzjoni futura tar-regolament imsemmi hawn fuq għandha tiżgura kundizzjonijiet ugwali konsistenti u aktar trasparenti għall-partijiet interessati kollha fis-setturi tal-vetturi, tistabbilixxi regoli effikaċi li jipproteġu lill-konsumaturi, u tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-approvazzjoni tat-tip il-ġdida u qafas ta' sorveljanza tas-suq;

    103.

    Jilqa' l-gwida dwar l-evalwazzjoni tal-istrateġiji dwar l-emissjonijiet awżiljarji u l-preżenza ta' apparat ta' manipulazzjoni, ippubblikata mill-Kummissjoni fis-26 ta' Jannar 2017 bil-għan li tappoġġja lill-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti biex jiġu traċċati l-apparati ta' manipulazzjoni;

    104.

    Jiddispjaċih mill-adozzjoni ta' fatturi ta' konformità għolja għall-emissjonijiet ta' NOx li jaġixxu bħala lakuna li tippermetti emissjonijiet eċċessivi, inkluż mill-karozzi wara l-2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-fattur ta' konformità għat-testijiet tal-emissjonijiet f'sewqan reali (RDE) tal-emissjonijiet tal-NOx fl-2017, kif stabbilit fit-tieni pakkett tal-RDE, u biex tkompli tirrivedih annwalment b'allinjament mal-iżviluppi teknoloġiċi, sabiex tniżżlu għal 1 sa mhux aktar tard mill-2021;

    105.

    Jitlob adozzjoni rapida tar-4 pakkett RDE biex jitlesta l-qafas regolatorju għall-proċedura l-ġdida tal-approvazzjoni tat-tip, u għall-applikazzjoni rapida ta' dan il-qafas;

    Ferroviji

    106.

    Jappoġġja ħafna t-talbiet il-ġodda tal-Kummissjoni biex isiru proposti dwar il-konnessjonijiet ferrovjarji transfruntiera neqsin fil-livell reġjonali, u jilqa' l-prospettiva li jitnaqqas jew jiġi minimizzat l-impatt fuq il-klima; jappella lill-Kummissjoni biex tkompli tqis dawn il-proġetti, u biex toħroġ sejħiet għal applikazzjonijiet fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, kif ukoll fil-qafas tal-emendar tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv, sabiex titqies aħjar l-effikaċja reali tat-tipi differenti ta' trasport ferrovjarju f'termini tal-impatt tagħhom fuq l-effiċjenza enerġetika fis-settur tat-trasport;

    107.

    Japprova l-prijorità mogħtija mill-Kummissjoni lill-investimenti fl-infrastruttura ferrovjarja, b'mod partikolari fir-rigward tal-konnessjonijiet neqsin u tal-konnessjonijiet transfruntiera; ifakkar f'dan il-kuntest li għat-trasport tal-merkanzija b'mod partikolari, il-ferroviji huma sistema tat-trasport effiċjenti u sostenibbli;

    108.

    Jappoġġja t-twettiq tat-tranżizzjoni mit-trasport bit-triq għat-trasport bil-ferroviji (Shift2Rail) permezz ta' żieda fl-interoperabilità tal-modi varji tat-trasport;

    109.

    Iħeġġeġ proposti ambizzjużi għad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat li jippromwovu aħjar it-trasport tal-merkanzija effiċjenti u jinkoraġġixxi bidla modali lejn it-trasport bil-ferroviji u t-trasport fuq passaġġi tal-ilma interni, sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-bidla modali għall-2030 u għall-2050 stabbiliti fl-“Għaxar għanijiet għal sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti” tal-White Paper tal-2011 dwar it-trasport;

    110.

    Jistieden lill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-partijiet interessati jieħdu l-azzjonijiet kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Impriża Konġunta Shift2Rail, sabiex titħaffef l-integrazzjoni tat-teknoloġiji avvanzati fis-soluzzjonijiet tal-prodotti ferrovjarji innovativi, jiżdied l-element attraenti tat-trasport ferrovjarju u tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-industrija ferrovjarja Ewropea;

    111.

    Jistieden lill-Istati Membri biex mingħajr dewmien jimplimentaw b'mod rigoruż u effettiv id-Direttiva 2012/34/UE, r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/909 u r-Raba' Pakkett Ferrovjarju, sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment kompetittiv ta' Tariffi għall-Użu tal-Binarji li jippermetti l-kompetizzjoni intermodali ġusta;

    112.

    Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-iżvantaġġi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri (eż. dawk relatati mat-tassazzjoni, imposti għall-użu tal-binarji u s-sussidji diretti u indiretti) meta dan jitqabbel ma' mezzi oħra ta' trasport, u tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi;

    113.

    Itenni l-importanza tal-interoperabilità u l-koordinazzjoni ma' modi oħra tat-trasport, tal-affidabilità mtejba u t-tnaqqis tal-istorbju, u tat-trasport multimodali bla skossi;

    114.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta' implimentazzjoni sħiħa, effettiva u uniformi tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 dwar Netwerk Ferrovjarju Ewropew għat-Trasport ta' Merkanzija Kompetittiv, li se tkun ta' benefiċċju kemm għat-trasport tal-merkanzija kif ukoll għall-industrija;

    L-avjazzjoni

    115.

    Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-effiċjenza fl-avjazzjoni, fost l-oħrajn billi tiżgura l-implimentazzjoni b'ħeffa tas-Single European Sky min-naħa tal-Istati Membri, billi tipparteċipa b'mod attiv fix-xogħol tal-ICAO sabiex jiġu żgurati standards internazzjonali ambizzjużi għas-CO2, u billi tipprovdi finanzjament adegwat għall-Impriża Konġunta ta' Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) u Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti Clean Sky;

    116.

    Ifakkar li l-ispazju tal-ajru huwa wkoll parti mis-suq uniku tal-UE, u li kwalunkwe frammentazzjoni li tirriżulta mill-użu ineffiċjenti tiegħu jew mill-prattiki nazzjonali diverġenti (rigward, pereżempju, il-proċeduri operattivi, it-taxxi, l-imposti, eċċ) tikkawża ħin tat-titjiriet itwal, dewmien, konsum żejjed ta' fjuwil, u livelli ogħla ta' emissjonijiet ta' CO2, apparti li tolqot b'mod negattiv il-bqija tas-suq u xxekkel il-kompetittività tal-UE;

    117.

    Jenfasizza li s-settur tal-avjazzjoni għandu jikkontribwixxi b'mod adegwat, effikaċi u ġust biex jintlaħqu l-għanijiet u l-objettivi tal-klima 2030 tal-Ftehim ta' Pariġi u għalhekk biex jintlaħaq l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) tal-azzjoni klimatika;

    118.

    Jirrikonoxxi d-deċiżjoni tad-39 sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO li tiġi żviluppata skema globali ta' miżuri bbażati fuq is-suq għall-avjazzjoni internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta d-deċiżjoni, inkluż l-impenji volontarji u r-riżervi magħmula mill-istati, u biex tissorvelja l-progress lejn l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni, kemm internazzjonali kif ukoll domestika fis-67 stat li biħsiebhom jipparteċipaw fl-MBM globali; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni f'waqtha dwar kemm huma adatti d-dispożizzjonijiet tal-iskema, li jipprevedu tkabbir newtrali mill-karbonju, sabiex titrażżan iż-żieda fl-emissjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni skont l-objettivi ta' Pariġi; jinnota li kull tliet snin hu previst rieżami tal-iskema tal-ICAO, u dan għandu jippermetti li l-ambitu tagħha jsir aktar ambizzjuż u robust;

    119.

    Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 2017 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jitkomplew il-limitazzjonijiet attwali tal-kamp ta' applikazzjoni għal attivitajiet tal-avjazzjoni u ssir il-preparazzjoni biex tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021 (COM(2017)0054), li tipproponi t-tkomplija tal-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku limitat tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti ta' Emissjonijiet (ETS) għall-avjazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni twettaq aktar valutazzjoni u reviżjoni tal-iskema tal-ETS tal-UE għall-perjodu wara l-2020 ladarba jkun hemm aktar ċarezza dwar l-implimentazzjoni tal-MBM globali;

    120.

    Jenfasizza l-importanza li jingħataw inċentivi biex jintużaw l-aħjar u l-iqsar rotot tat-titjiriet sabiex jiġi ffrankat il-fjuwil u jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' ħsara, minflok rotot itwal magħżula sabiex jiġu evitati l-ispazji tal-ajru, li jinvolvu spejjeż ikbar;

    121.

    Jenfasizza l-importanza li r-riċerka f'dan il-qasam tkompli tingħata spinta sabiex jiżdied l-investiment f'teknoloġiji għall-iżvilupp ta' avjazzjoni sostenibbli billi jkun promoss id-disinn ta' inġenji tal-ajru eħfef, l-użu ta' teknoloġija diġitali u satellitari li tappoġġja ġestjoni aktar effiċjenti tar-rotot tat-titjira, u l-produzzjoni u l-użu ta' fjuwils alternattivi tal-ġenerazzjoni l-ġdida, speċjalment minħabba li f'dan is-settur m'hemmx ħafna alternattivi għall-fjuwils likwidi tradizzjonali, fosthom permezz tal-iżvilupp ta' sħubijiet pubbliċi-privati;

    122.

    Jistieden lill-Kummissjoni tfittex modi ġodda biex tappoġġja l-użu ta' fjuwils rinnovabbli fl-avjazzjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mis-settur tal-avjazzjoni;

    123.

    Jistieden lill-Istati Membri u l-industrija tal-avjazzjoni biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' miżuri ulterjuri għall-promozzjoni ta' inizjattivi intelliġenti bil-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni, mill-ajruporti, lejhom u fihom;

    It-trasport marittimu

    124.

    Jinnota li qed isiru sforzi fil-livell tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) biex jiġu limitati l-emissjonijiet marittimi internazzjonali u għaldaqstant iħeġġeġ lill-OMI biex tadotta miri u miżuri ċari ta' tnaqqis tal-emissjonijiet GHG mingħajr dewmien; jenfasizza, madankollu, li, fin-nuqqas ta' sistema kumparabbli li topera skont l-OMI, l-emissjonijiet tas-CO2 li jsiru fil-portijiet u matul il-vjaġġi lejn u mill-portijiet tal-Unjoni għandhom ikunu soġġetti għall-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet mill-2023 'il quddiem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom tippromwovi l-użu ta' fjuwils alternattivi bħal gass naturali, l-LPG u l-idroġenu u biex tippromwovi l-integrazzjoni ta' teknoloġiji rinnovabbli (pereżempju, il-qlugħ, il-batteriji, il-pannelli solari u t-turbini eoliċi) fis-settur marittimu; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-istrumenti finanzjarji jridu jiġu kkunsidrati fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE biex jitħaffef l-investiment fil-qasam tal-flotot ekoloġiċi;

    125.

    Jenfasizza li, sabiex ikun żgurat tnaqqis globali effettiv fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mit-tbaħħir internazzjonali f'konformità mal-objettiv ta' “taħt sew iż-2 oC” tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima tal-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, u sabiex jiġu indirizzati wkoll l-ostakli attwali tas-suq għat-tfassil tal-vapuri u għall-effiċjenza operattiva, is-sistema ta' monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni (MRV) tal-UE għandha tiġi emendata sabiex tkun allinjata mas-Sistema tal-Ġbir tad-Data (DCS) li ġiet adottata reċentement mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, filwaqt li jinżammu t-trasparenza, il-verifika u l-ġbir tad-data reali dwar ix-xogħol tat-trasport;

    126.

    Jenfasizza kemm hu importanti li tiġi trasposta għalkollox, u implimentata, id-Direttiva (Direttiva 2014/94/UE), dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi, inkluż il-ħolqien ta' punti ta' riforniment tal-LNG fil-kurituri kollha tat-TEN-T u fil-portijiet marittimi; jemmen li użu akbar tal-LNG fit-trasport tal-merkanzija jista' jikkontribwixxi lejn mobilità b'livell baxx ta' emissjonijiet, filwaqt li jitqiesu l-objettivi internazzjonali fit-tul fir-rigward tal-klima u tal-enerġija;

    127.

    Iqis li huwa neċessarju li jinħoloq makroreġjun tal-Baħar l-Iswed Ewropew, sabiex jiġi żgurat li l-opportunitajiet li jirriżultaw minn kooperazzjoni transfruntiera f'dan ir-reġjun ikunu jistgħu jitwettqu;

    128.

    Jenfasizza li s-soluzzjonijiet tal-finanzjament innovattivi u l-użu tal-faċilitajiet ta' appoġġ għall-investiment tal-UE disponibbli mingħand il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandhom jipprovdu għodod utli biex jgħinu lis-sidien tal-bastimenti jkopru l-ispejjeż inizjali ta' azzjonijiet favur it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;

    129.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni reċenti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali ta' limitu globali ta' 0,5 % għall-kubrit, li huwa mistenni li jipprevjeni 250 000 mewt prematura globalment;

    130.

    Jappoġġja l-introduzzjoni ta' żoni ta' kontroll akbar tal-emissjonijiet tal-kubrit u tal-NOx fl-Ewropa kollha;

    131.

    Ifakkar li t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju iswed mit-trasport marittimu, speċjalment fir-reġjun Artiku, huwa essenzjali biex jitnaqqas it-tisħin globali;

    132.

    Jenfasizza r-rwol importanti li trasport ikkombinat jista' jkollu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet; jieħu nota tal-proposti tal-Kummissjoni għall-modernizzazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat (COM(2017)0648) li għandha tinċentiva bidla lejn trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u mill-passaġġi fuq l-ilmijiet interni;

    Passaġġi fuq l-ilma interni

    133.

    Jemmen li jinħtieġu miżuri addizzjonali biex jiġi ggarantit settur tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni li jkun favur il-klima u effiċjenti; itenni l-importanza ta' miżuri ta' appoġġ finanzjarju għall-innovazzjoni fis-settur sabiex tiżdied l-effiċjenza enerġetika tal-vapuri u jiġi ppreservat l-ambjent waqt xogħlijiet ta' infrastruttura;

    134.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex fl-2018 tressaq reviżjoni tad-Direttiva dwar Servizzi ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) (33), bil-għan li tippromwovi l-użu tas-servizzi ta' informazzjoni tax-xmajjar biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-passaġġi fuq l-ilma interni, u biex tistabbilixxi bażi ġuridika għall-UE kollha għall-iskambju transfruntiera tad-data, u b'hekk tagħmel possibbli l-implimentazzjoni komprensiva tal-RIS transfruntiera u l-integrazzjoni diġitali ma' modi oħra tat-trasport;

    135.

    Jenfasizza li t-trasport minn passaġġi fuq l-ilma interni fl-Ewropa għandu jkun imħeġġeġ u sfruttat, u jistieden lill-Kummissjoni talloka finanzjament għat-tindif ta' bastimenti mgħarrqa, minħabba li dawn l-operazzjonijiet jinvolvu ħafna spejjeż, flimkien mal-prospettiva tal-iżvilupp reġjonali u l-espansjoni ta' operazzjonijiet tat-trasport u tat-tbaħħir minn passaġġi fuq l-ilma interni fis-suq intern;

    136.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iressqu miżuri dwar l-użu tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx kif ukoll dwar l-ekoloġizzazzjoni tal-magni u tal-fjuwil tal-bastimenti interni, billi, fost l-oħrajn, tiġi indikata l-prattika tajba min-naħa ta' dawk li jkunu minn ta' quddiem u jiġi appoġġjat il-finanzjament tal-passaġġi fuq l-ilma interni ndaf permezz tal-fond eżistenti għall-iskrappjar u l-għodda tal-FEIS/BEI;

    137.

    Jenfasizza li meta wieħed iħares lejn il-ħtiġijiet reali tas-suq, jeħtieġ appoġġ qawwi fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE sabiex jiġi żgurat li għadd suffiċjenti ta' portijiet interni tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T ikun mgħammar bl-infrastruttura tal-enerġija alternattiva u punti ta' riforniment u ta' ħżin aċċessibbli pubblikament għat-trasport fuq passaġġi tal-ilma interni f'distanzi adegwati;

    o

    o o

    138.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)  ĠU C 316, 22.9.2017, p. 155.

    (2)  ĠU L 120, 15.5.2009, p. 5.

    (3)  ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.

    (4)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1.

    (5)  ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1.

    (6)  ĠU L 12, 18.1.2000, p. 16.

    (7)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 1.

    (8)  ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55.

    (9)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

    (10)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

    (11)  ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.

    (12)  ĠU L 239, 15.9.2015, p. 1.

    (13)  ĠU L 142, 5.6.1999, p. 26.

    (14)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 124.

    (15)  ĠU L 268, 13.10.2009, p. 11.

    (16)  ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22.

    (17)  ĠU L 368, 17.12.1992, p. 38.

    (18)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88.

    (19)  ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1.

    (20)  ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81.

    (21)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11.

    (22)  ĠU L 280, 27.10.2009, p. 52.

    (23)  ĠU C 399, 24.11.2017, p. 10.

    (24)  Testi adottati, P8_TA(2016)0292.

    (25)  ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1.

    (26)  Testi adottati: P8_TA(2017)0100.

    (27)  Testi adottati: P8_TA(2017)0097.

    (28)  https://www.eea.europa.eu/soer-2015/europe/air

    (29)  https://www.eea.europa.eu/publications/air-quality-in-europe-2015/download

    (30)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar strateġija tal-UE għall-gass naturali likwifikat u l-ħażna tal-gass, (Testi adottati, P8_TA(2016)0406).

    (31)  ĠU L 103, 5.4.2014, p. 15; ĠU L 84, 20.3.2014, p. 38.

    (32)  Ara d-dokument tal-Kunsill 5584/14 u 6642/14.

    (33)  Id-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar Servizzi Armonizzati ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) f'passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 152).


    Top