This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017IP0444
European Parliament resolution of 16 November 2017 on terrorist attacks in Somalia (2017/2962(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Novembru 2017 dwar l-attakki terroristiċi fis-Somalja (2017/2962(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Novembru 2017 dwar l-attakki terroristiċi fis-Somalja (2017/2962(RSP))
ĠU C 356, 4.10.2018, pp. 53–57
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
4.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 356/53 |
P8_TA(2017)0444
Attakki terroristiċi fis-Somalja
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Novembru 2017 dwar l-attakki terroristiċi fis-Somalja (2017/2962(RSP))
(2018/C 356/09)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Somalja, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab (1), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà (VP/RGħ) tal-15 ta' Ottubru 2017 dwar l-attakki f'Mogadishu, is-Somalja, u d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tal-VP/RGħ tat-30 ta' Ottubru 2017 dwar l-attakk fis-Somalja, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar is-Somalja, |
|
— |
wara li kkunsidra l-intervent tal-UE tas-27 ta' Settembru 2017 dwar is-36 Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-Djalogu Interattiv mal-Espert Indipendenti dwar is-Somalja, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2372 (2017) u 2383 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, adottati fit-30 ta' Awwissu 2017 u fis-7 ta' Novembru 2017 rispettivament, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tad-9 ta' Mejju u l-5 ta' Settembru 2017 dwar is-Somalja, |
|
— |
wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-15 ta' Ottubru 2017 dwar l-attakk terroristiku f'Mogadishu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-istqarrija tal-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana (UA) tal-15 ta' Ottubru 2017 dwar l-attakk f'Mogadishu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) li kkundannaw l-attakki terroristiċi tal-14 u t-28 ta' Ottubru 2017, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikat finali tal-konferenza internazzjonali dwar is-Somalja, li saret f'Londra fil-11 ta' Mejju 2017, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikat Konġunt UE-Unjoni Afrikana dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi tal-1 ta' Ġunju 2017, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-AMISOM tat-8 ta' Novembru 2017 li biha ħabbret l-intenzjoni tagħha li f'Diċembru 2017 tibda gradwalment tirtira t-truppi mis-Somalja, bil-ħsieb li tirtirahom kompletament sal-2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou bejn l-AKP u l-UE, |
|
— |
wara li kkunsidra l-mandat tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli biex tippromwovi u tħares id-drittijiet tal-bniedem u tal-popli taħt il-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv tagħha dwar l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Unità Afrikana dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, adottata fl-1999, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi fl-14 ta' Ottubru 2017 trakk-bomba enormi heżżeż iċ-ċentru ta' Mogadishu u qatel mill-inqas 358 persuna u darab 228 oħra, filwaqt li 56 persuna għadhom nieqsa; billi l-attakk fil-qalba ta' Mogadishu kien wieħed mill-aktar operazzjonijiet terroristiċi letali madwar id-dinja f'dawn l-aħħar snin; billi fit-28 ta' Ottubru 2017 inqatlu aktar minn 30 persuna, meta splodew żewġ bombi barra lukanda qrib il-palazz presidenzjali f'Mogadishu; |
|
B. |
billi, għalkemm l-ebda grupp ma ħa r-responsabbiltà ta' dawn l-attakki kodardi, huma għandhom il-karatteristiċi distintivi ta' Al-Shabaab, li issa jidher li ma jridx idgħajjef kwalunkwe appoġġ popolari billi jassoċja ruħu ma' telf daqshekk enormi ta' ħajjiet ċivili; billi ċ-ċittadini Somali kkundannaw ripetutatment il-vjolenza ta' Al-Shabaab, u ngħaqdu bħala reazzjoni għall-attakki bil-bombi ta' Ottubru 2017, billi mmarċjaw bl-eluf matul Mogadishu bi sfida lil Al-Shabaab; |
|
C. |
billi kien hemm serje ta' attakki terroristiċi fatali f'Mogadishu u madwar il-pajjiż fix-xhur li għaddew, inklużi karozzi bomba, sparar bl-addoċċ, eżekuzzjonijiet u ħtif immirati, li enfasizzaw it-theddida kontinwa tal-estremiżmu vjolenti li qed jiffaċċja l-pajjiż; |
|
D. |
billi l-maġġoranza tal-attakki ġew attribwiti primarjament lill-azzjonijiet terroristiċi ta' Al-Shabaab, għalkemm huwa magħruf ukoll li d-Daesh jinsab attiv fil-pajjiż; |
|
E. |
billi l-President tas-Somalja, Mohamed Abdullahi Mohamed, wara li ħa l-poter fi Frar 2017 f'elezzjoni meqjusa bħala pass kruċjali li jimmarka r-ritorn gradwali ta' dan il-pajjiż mifni tal-Lvant tal-Afrika lejn l-istabbiltà u l-prosperità, wiegħed li jeħles lis-Somalja minn Al-Shabaab; |
|
F. |
billi fid-dawl tal-attakki matul l-2017, mhux l-inqas l-attakk bil-bombi orribbli tal-14 ta' Ottubru 2017, mhux ċar jekk il-forzi tas-sigurtà Somali, wara t-tluq ippjanat tal-AMISOM fl-2018, humiex ser ikunu kapaċi biżżejjed biex jiġġieldu t-terroriżmu mingħajr għajnuna esterna; |
|
G. |
billi l-forzi tal-AMISOM ġew akkużati f'diversi okkażjonijiet li wettqu abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż qtil indiskriminat u xi każijiet ta' sfruttament u abbuż sesswali; billi t-tqassim tat-truppi barranin f'territorju Somalu barra l-mandati tan-NU/UA jirrappreżenta sors sinifikanti ta' tħassib meta wieħed iqis l-allegazzjonijiet preċedenti ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi tal-AMISOM; |
|
H. |
billi, minbarra l-estremiżmu vjolenti, in-nixfa, il-kunflitti bejn il-klans u t-tkeċċija furzata rriżultaw f'mijiet ta' eluf ta' persuni li spiċċaw spostati f'din l-aħħar sena biss, b'ħafna minnhom fiċ-ċentri urbani kkontrollati mill-gvern; billi ħafna jgħixu f'insedjamenti mhux sikuri, fejn in-nisa u l-bniet b'mod partikolari jiffaċċjaw abbuż u vjolenza sesswali; |
|
I. |
billi t-theddida tal-karestija għadha ferm preżenti fis-Somalja u madwar 400 000 tifel u tifla Somali jsofru minn malnutrizzjoni akuta filwaqt li 3 miljun persuna jgħixu f'kundizzjonijiet ta' kriżi jew ta' sigurtà tal-ikel ta' emerġenza; billi hemm madwar 1,1 miljun persuna spostata internament fis-Somalja, u aktar minn 900 rifuġjat Somalu fir-reġjun; |
|
J. |
billi hemm 420 000 rifuġjat Somalu f'kampijiet fil-Kenja, bi 350 000 minnhom fil-kamp ta' Dadaab, u billi l-gvernijiet tas-Somalja u tal-Kenja, u l-UNHCR, qablu li jiffaċilitaw ir-ritorn volontarju ta' 10 000 rifuġjat lejn żoni fis-Somalja li mhumiex taħt il-kontroll ta' Al-Shabaab; billi l-persuni rimpatrijati jiffaċċjaw problemi ta' riintegrazzjoni u ftit li xejn għandhom ċans li jsibu xogħol; billi ħafna rifuġjati ta' Dadaab huma ta' dixxendenza Somala, iżda ma jafux dwar ħajja barra mill-kamp u effettivament huma apolidi, li jfisser li ma jistgħux jintbagħtu lejn is-Somalja; |
|
K. |
billi sa mill-2016 l-UE żiedet progressivament l-għajnuna umanitarja annwali tagħha lis-Somalja, b'mod partikolari b'reazzjoni għan-nixfa severa li affettwat il-pajjiż, b'allokazzjoni ta' EUR 120 miljun lis-sħab umanitarji fl-2017 u bir-rilaxx tal-għajnuna ta' emerġenza ta' EUR 100 000 biex tgħin fl-isforzi għal rispons rapidu għall-bżonnijiet mediċi f'Mogadishu wara l-attakk fl-14 ta' Ottubru 2017; billi inizjalment l-UE mmobilizzat ukoll żewġ bastimenti tal-Operazzjoni Navali tal-UE ATALANTA, flimkien ma' titjiriet tal-assistenza ta' emerġenza, biex twassal provvisti mediċi ta' emerġenza lill-isptarijiet ta' Mogadishu; |
|
L. |
billi l-UE pprovdiet EUR 486 miljun permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (2014-2020), filwaqt li ffukat fuq l-implimentazzjoni tal-“Patt” u, b'mod partikolari, fuq il-bini tal-istat u l-bini tal-paċi, is-sigurtà tal-ikel, ir-reżiljenza u l-edukazzjoni; billi l-UE hija impenjata wkoll li tappoġġja lill-AMISOM permezz tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika; |
|
M. |
billi f'Diċembru 2016 il-Bank Dinji wiegħed li jintensifika l-ġlieda kontra l-faqar estrem, fejn ħabbar li l-pajjiżi żviluppati wiegħdu rekord ta' USD 75 biljun għal għotjiet u self aġevolat lill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Iżvilupp (IDA); billi, madankollu, is-Somalja mhix eliġibbli għall-finanzjament mill-IDA peress li għandha dejn mal-bank u mal-FMI ta' aktar minn USD 300 miljun bħala parti minn muntanja ta' dejn li tammonta għal USD 5 biljun dovut lill-kredituri multilaterali u bilaterali; |
|
N. |
billi filwaqt li t-tfal għadhom qed jisfaw maqtula, detenuti b'mod arbitrarju u reklutati minn Al-Shabaab, huma qed jiġu wkoll reklutati mill-forzi armati tas-Somalja, minkejja l-fatt li s-Somalja rratifikat il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal f'Jannar 2015 u approvat id-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri f'Novembru 2015, li fiha impenjat ruħha li tieħu passi konkreti biex tipproteġi lill-istudenti u lill-istituzzjonijiet edukattivi; |
|
O. |
billi, fin-nuqqas ta' ġudikatura ċivili li tiffunzjona, il-Gvern tas-Somalja jiddependi mill-qrati militari biex jipproċessa u jikkundanna lil persuni ċivili, u dan ma jiggarantixxix id-drittijiet tal-imputati ċivili; billi jingħataw setgħat wesgħin ta' stħarriġ lin-National Intelligence and Security Agency (NISA – Aġenzija Nazzjonali tal-Intelligence u s-Sigurtà), li bħalissa ma għandhiex mandat ta' infurzar tal-liġi, li jwassal għal ksur sostanzjali tad-drittijiet għal proċess ġust tal-persuni arrestati miżmuma minn NISA; |
|
P. |
billi skont Transparency International, is-Somalja hija wieħed mill-aktar pajjiżi korrotti fid-dinja għall-10 sena konsekuttiva; billi l-Gvern Somalu għadu jħabbat wiċċu ma' diversi sfidi, bħalma huma l-korruzzjoni u n-nuqqas ta' appoġġ wiesa' minn persuni ċivili, li inevitabbilment wassal għal nuqqas ta' fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-istat u għal appoġġ sussegwenti favur gruppi Iżlamisti u terroristiċi radikali; |
|
1. |
Jesprimi s-solidarjetà profonda tiegħu mal-vittmi tal-attakki terroristiċi reċenti fis-Somalja u mal-familji tagħhom, u jiddispjaċih profondament għall-ħajjiet li ntilfu; jikkundanna bil-qawwa, fl-istess ħin, lill-awturi ta' dawn l-attakki, attribwiti lill-grupp tar-ribelli Al-Shabaab; |
|
2. |
Ifakkar li l-istabbiltà u l-paċi dejjiema jistgħu jinkisbu biss bl-inklużjoni soċjali, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba, ibbażati fuq il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, b'rispett sħiħ għad-dinjità u d-drittijiet tal-persuni; |
|
3. |
Jilqa' r-rispons ta' emerġenza rapidu tal-Kummissjoni wara l-attakk terroristiku tal-14 ta' Ottubru 2017; jitlob lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha jirrispettaw l-impenji tagħhom mas-Somalja, l-ewwel nett permezz ta' miżuri li jistabbilixxu s-sigurtà alimentari, bil-ħsieb li jiġu evitati l-problemi strutturali li jwasslu għall-karestija, jitrawmu s-sigurtà u r-rikonċiljazzjoni tal-ilmenti kollettivi, titjieb il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u tingħata assistenza għat-tlestija tar-rieżami kostituzzjonali meħtieġ għal stabbiltà fit-tul; |
|
4. |
Jiddeplora l-fatt li, minkejja twissijiet ripetuti mill-gruppi umanitarji, mill-aġenziji li joffru l-għajnuna u mill-Parlament Ewropew, is-Somalja qed tkompli riesqa f'xifer karestija; ifakkar li l-ammont ta' mwiet fil-karestija tal-2011 kien iggravat min-nuqqas ta' sigurtà u mill-azzjonijiet tal-militanti estremisti ta' Al-Shabaab li fixklu t-twassil tal-għajnuna alimentari fl-inħawi ċentrali u tan-nofsinhar tas-Somalja li dak iż-żmien kienu taħt il-kontroll tagħhom; jistieden lill-partijiet kollha jaħdmu mal-aġenziji umanitarji u jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji umanitarji biex jippermettu aċċess sħiħ u bla xkiel għal dawk li għadhom qed ibatu u li huma fil-bżonn, partikolarment fl-inħawi rurali; |
|
5. |
Jilqa' l-proċess elettorali organizzat fi Frar 2017, li wassal għall-elezzjoni ta' president ġdid, u jesprimi t-tama tiegħu li l-elezzjoni trawwem stabbiltà politika, tħeġġeġ l-adozzjoni tar-riformi meħtieġa u tmexxi 'l quddiem il-proġett federali f'koordinazzjoni u kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri Federali (FMS); jisħaq fuq l-importanza li tiġi miġġielda l-korruzzjoni endemika fil-pajjiż u li ż-żgħażagħ Somali jingħataw alternattivi sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' reklutaġġ min-naħa ta' Al-Shabaab; |
|
6. |
Jilqa' d-deċiżjoni tal-Forum Nazzjonali ta' Tmexxija Somalu li jippromwovi t-twaqqif u r-reġistrazzjoni ta' partiti politiċi qabel l-elezzjonijiet tal-2020, abbażi tal-prinċipju ta' “persuna waħda, vot wieħed”, kif ukoll it-tentattiv biex jinbnew mill-ġdid l-istituzzjonijiet tal-istat u l-adozzjoni ta' liġijiet ġodda importanti dwar il-partiti politiċi u dwar il-ħolqien ta' Kummissjoni Nazzjonali indipendenti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jirrimarka li jridu jsiru sforzi biex tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa; |
|
7. |
Jenfasizza l-importanza tal-kontribut tad-dijaspora u s-soċjetà ċivili tal-pajjiż fl-irkupru mhux biss tal-governanza, iżda anke tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku, b'enfasi fuq l-importanza tar-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet; jilqa', f'dan il-kuntest, iż-żieda fl-għadd ta' membri nisa fil-Parlament Somalu (għal 24 %) u fil-Kabinett, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-ħtieġa ta' sforzi akbar biex jitjieb il-bilanċ bejn is-sessi, kemm fl-UE kif ukoll fis-Somalja; |
|
8. |
Jieħu nota tad-Dikjarazzjoni ta' Nairobi tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) dwar soluzzjonijiet sostenibbli għar-rifuġjati Somali u r-riintegrazzjoni tal-persuni rimpatrijati lejn is-Somalja; jilqa' l-impenn biex ikun hemm approċċ reġjonali komprensiv, filwaqt li fl-istess ħin tinżamm il-protezzjoni u titrawwem l-awtonomija fil-pajjiżi tal-asil, li għandu jitwettaq bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali u b'konsistenza mal-kondiviżjoni internazzjonali tar-responsabbiltà kif deskritta fil-Qafas ta' Rispons Komprensiv għar-Rifuġjati (CRRF) tad-Dikjarazzjoni ta' New York; |
|
9. |
Jitlob lill-Kummissjoni tintensifika l-konsultazzjoni mal-atturi fir-reġjun, inklużi l-popolazzjonijiet lokali, il-gvernijiet reġjonali u l-NGOs, bil-ħsieb li ssir enfasi fuq il-problemi u l-ħtiġijiet identifikati lokalment, titrawwem klima favorevoli u tiżdied il-kapaċità għar-rimpatriju tar-rifuġjati lejn pajjiżhom; |
|
10. |
Jesprimi tħassib dwar il-mandat wiesa' tan-NISA u l-fatt li użat qrati militari għall-prosekuzzjoni ta' allegati delitti relatati mat-terroriżmu u – ripetutament – ma rrispettatx il-proċess dovut u imponiet il-piena tal-mewt mingħajr responsabbiltà; |
|
11. |
Jistieden lill-Gvern Somalu u lill-UE, bħala parti mill-attivitajiet tagħha dwar l-istat tad-dritt fis-Somalja, jiżguraw li n-NISA tkun regolata b'mekkaniżmi ta' sorveljanza effikaċi u jsaħħu l-għarfien espert tekniku tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali (CID) tas-Somalja biex dan ikun jista' jwettaq investigazzjonijiet bir-reqqa u effikaċi li jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini; |
|
12. |
Jilqa', b'mod partikolari, il-qbil politiku li laħqu l-mexxejja tas-Somalja fis-16 ta' April 2017 biex jintegraw il-forzi reġjonali u federali f'Arkitettura ta' Sigurtà Nazzjonali koerenti li gradwalment tkun kapaċi tieħu r-responsabbiltà prinċipali għas-sigurtà, kif ukoll it-twaqqif rapidu tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali u l-Uffiċċju tas-Sigurtà Nazzjonali; |
|
13. |
Jirrikonoxxi r-rwol tal-AMISOM fl-iżgurar tas-sigurtà u l-istabbiltà, biex is-Somalja tkun tista' toħloq l-istituzzjonijiet politiċi u testendi l-awtorità statali, qabel ma r-responsabbiltà għas-sigurtà tgħaddi għand l-istituzzjonijiet u l-forzi Somali; jilqa' l-investigazzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar l-allegazzjonijiet ta' vjolenza sesswali mit-truppi tal-AMISOM; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-Somalja u, f'konformità mar-riżoluzzjoni 2272 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, iħeġġeġ lill-Unjoni Afrikana u lill-pajjiżi li qed jikkontribwixxu għat-truppi jiżguraw li l-allegazzjonijiet jiġu investigati kif xieraq u bir-reqqa u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; jenfasizza l-importanza tal-possibbiltà li l-mandat tal-AMISOM jiġi estiż lil hinn minn Mejju 2018, u jwissi li t-trasferiment prematur tar-responsabbiltajiet lit-truppi Somali jista' jkun ta' detriment għall-istabbiltà fit-tul; |
|
14. |
Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi miġġielda l-impunità u tiġi żgurata r-responsabbiltà għad-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra mwettqa fis-Somalja; jieħu nota tal-offerta tal-President Somalu li jagħti amnestija għal ċerti delitti lil dawk li jiċħdu t-terroriżmu u l-vjolenza u jixtiequ jħallu 'l Al-Shabaab u gruppi terroristiċi oħra, u jħeġġeġ l-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni dwar l-amnestiji; |
|
15. |
Jiddeplora r-reklutaġġ ta' suldati tfal min-naħa ta' Al-Shabaab u l-użu tat-tfal mill-forzi tas-sigurtà bħala suldati u informaturi, inkluż l-użu ta' suldati tfal maqbuda jew diżerturi; ifakkar li l-Gvern tas-Somalja impenja ruħu favur ir-riabilitazzjoni tat-tfal li kienu suldati u t-tressiq ta' dawk responsabbli għar-reklutaġġ tagħhom quddiem il-ġustizzja; jistieden lid-donaturi internazzjonali, inkluża l-UE, jagħtu prijorità lill-forniment ta' servizzi ta' riabilitazzjoni, edukazzjoni u tagħlim sikur bħala element kruċjali biex jinkiser iċ-ċiklu qattiel tal-vjolenza; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jittrattaw lit-tfal suspettati b'assoċjazzjoni ma' Al-Shabaab primarjament bħala vittmi u jikkunsidraw l-aħjar interess tat-tfal billi jsegwu l-istandards ta' protezzjoni internazzjonali bħala prinċipji ta' gwida; |
|
16. |
Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li r-riżorsi naturali, b'mod partikolari l-faħam, għadhom jikkostitwixxu sors ta' finanzjament sinifikanti għat-terroristi u kawża ta' degradazzjoni ambjentali serja fis-Somalja; jistieden lill-Kummissjoni teżamina kif l-iskemi ta' traċċabbiltà u diliġenza dovuta jistgħu jitwessgħu biex jinkludu r-riżorsi naturali kollha użati biex isostnu l-attività terroristika u l-vjolenza; jistieden lill-partijiet kollha, f'dan il-kuntest, jiżguraw l-osservanza tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tipprojbixxi l-esportazzjoni ta' faħam Somalu; |
|
17. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tas-Somalja, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE. |
(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0229.