IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.12.2017
COM(2017) 780 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
It-tmien rapport skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar il-ġbir tal-VAT u l-proċeduri ta' kontroll
Werrej
1.Introduzzjoni
2.L-importanza tal-VAT bħala dħul tal-UE
3.Sejbiet ewlenin
3.1.Kummenti ġenerali
3.1.1.Organizzazzjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa
3.1.2.Diġitalizzazzjoni u Teknoloġija tal-Informatika (IT)
3.1.3.Analiżi tad-Diskrepanza tal-VAT
3.2.Reġistrazzjoni u tneħħija tar-reġistrazzjoni
3.2.1.Reġistrazzjoni tal-VAT
3.2.2.Tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-VAT
3.2.3.Reġistrazzjoni u tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-VIES
3.3.Sottomissjoni u ħlas tal-VAT
3.3.1.Sottomissjoni
3.3.2.Ħlas
3.4.Irkupru ta’ djun tal-VAT
3.5.Rifużjoni tal-VAT
3.6.L-awditjar tal-VAT u l-investigazzjoni
4.Implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mis-Seba’ Rapport tal-Artikolu 12 u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
5.Lejn Amministrazzjoni tat-Taxxa (VAT) aħjar permezz tal-kooperazzjoni
Lista ta’ Tabelli
Tabella 1: Id-dħul totali tal-UE mir-riżorsa proprja tal-VAT fil-perjodu tar-rapportar (2013-2015)
Tabella 2: L-evoluzzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT fl-Istati Membri tal-UE għall-perjodu 2013-2015
Lista ta' Figuri
Figura 1: Diskrepanza tal-VAT fl-UE għall-2011-2015 (f’perċentwal tal-obbligazzjonijiet totali tal-VAT (VTTL) u f’biljuni ta’ EUR)
Figura 2: Evoluzzjoni tat-talbiet tar-reġistrazzjoni tal-VAT f'21 Stat Membru tal-UE (2013-2015)
Figura 3: Disponibbiltà tal-karatteristiċi ewlenin fil-proċeduri tar-reġistrazzjoni fi 28 Stat Membru tal-UE (2016)
Figura 4: Żmien meħtieġ biex jinkiseb numru tal-VAT u tal-VIES fi 22 Stat Membru tal-UE (2013-2015)
Figura 5: Possibbiltà ta’ sottomissjoni elettronika fi 28 Stat Membru tal-UE (2013-2015)
Figura 6: Rata ta’ sottomissjoni elettronika fi 28 Stat Membru tal-UE (2013-2015)
Figura 7: Possibbiltà għall-Ħlasijiet elettroniċi tal-VAT fi 28 Stat Membru tal-UE (2013-2015)
Figura 8: Noti ta’ tfakkir ta’ ħlas tardiv fi 28 Stat Membru (2013-2015)
Figura 9: Irkupru ta’ djun tal-VAT - ħarsa ġenerali lejn l-għodod u l-prattiki ewlenin li ntużaw fi 28 Stat Membru tal-UE (2016)
Figura 10: Ġbir tal-VAT u VAT vvalutata wara awditi fi 22 Stat Membru tal-UE (2013 – 2015)
Figura 11: Ir-rata ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet għal kull taqsima għal 27 Stat Membru
Figura 12: Rata’ ta’ implimentazzjoni ġenerali ta’ rakkomandazzjonijiet preċedenti
Lista ta’ Rakkomandazzjonijiet
Rakkomandazzjoni 1: Organizzazzjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa
Rakkomandazzjoni 2: Diġitalizzazzjoni u IT
Rakkomandazzjoni 3: Kalkolu u analiżi tad-Diskrepanza tal-VAT
Rakkomandazzjoni 4: Reġistrazzjoni tal-VAT għal kontribwenti barranin
Rakkomandazzjoni 5: numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT;
Rakkomandazzjoni 6: Validità tar-reġistrazzjoni tal-VAT u tal-VIES
Rakkomandazzjoni 7: Kontrolli ta’ wara r-reġistrazzjoni
Rakkomandazzjoni 8: Kontrolli ta’ wara r-reġistrazzjoni
Rakkomandazzjoni 9: Ħlasijiet tardivi tar-rifużjoni tal-VAT
Rakkomandazzjoni 10: Strateġija tal-awditjar u tal-konformità
Rakkomandazzjoni 11: Proċedura doganali 42
1.Introduzzjoni
L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-kollezzjoni tar-riżorsi proprji li jakkumulaw mill-VAT jirrikjedi lill-Kummissjoni tippreżenta rapport, kull tliet snin, lill-Parlament u lill-Kunsill dwar il-proċeduri applikati fl-Istati Membri għar-reġistrazzjoni ta' persuni taxxabbli u għad-determinazzjoni u l-ġbir tal-VAT, kif ukoll dwar il-modalitajiet u r-riżultati tas-sistemi ta' kontroll tal-VAT tagħhom.
Dan it-tmien rapport ikopri l-iżviluppi fil-perjodu bejn l-2013 u l-2016. Id-data numerika tirreferi għall-perjodu bejn l-2013 u l-2015. Biex jitħejja dan ir-rapport, il-Kummissjoni ġabret informazzjoni mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri kollha tal-UE permezz ta’ kwestjonarju. Barra minn hekk, sabiex tinkiseb informazzjoni aktar preċiża u jiġu ċċarati xi wħud mit-tweġibiet għall-kwestjonarju, is-servizzi tal-Kummissjoni żaru għaxar Stati Membri.
Il-Kapitolu 2 tar-rapport jispjega l-importanza tal-VAT u l-isfidi li jirriżultaw mid-diskrepanza tal-VAT għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Is-sejbiet ewlenin huma ppreżentati fil-kapitolu 3 ta’ dan ir-rapport, wara l-fażijiet ewlenin tal-amministrazzjoni tal-VAT: Ir-reġistrazzjoni u t-tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-VAT, is-sottomissjoni u l-ħlas tal-VAT, l-irkupru tad-djun tal-VAT, ir-rifużjoni tal-VAT, l-awditjar u l-investigazzjoni tal-VAT. Is-sejbiet jiżvelaw ċerti xejriet fl-amministrazzjoni tal-VAT u jwasslu għal rakkomandazzjonijiet sabiex tiġi kkomplementata l-modernizzazzjoni tas-Sistema tal-VAT tal-UE li tinsab għaddejja. Ir-rakkomandazzjonijiet jiġu ppreżentati mas-sejbiet rilevanti. Il-Kapitolu 3 jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru fl-Artikolu 12 tar-rapport preċedenti li inkorpora fih suġġerimenti għal titjib fl-amministrazzjoni tat-taxxa. Finalment, fil-kapitolu 4 tiġi enfasizzata viżjoni strateġika dwar l-amministrazzjoni tal-VAT.
Dan ir-rapport huwa bbażat fuq l-informazzjoni rċevuta mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali. Il-kwalità u l-preċiżjoni tad-data varjaw b’mod sinifikanti. Barra minn hekk, peress li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa dejjem qegħdin jiġu organizzati aktar fuq proċessi integrati għat-tipi kollha ta’ taxxi, xi drabi kien diffiċli li kwistjonijiet speċifiċi tal-VAT jiġu iżolati mill-istruttura usa’ tal-amministrazzjoni tat-taxxa. Finalment, l-ispeċifiċitajiet soċjali, politiċi, ġeografiċi, ekonomiċi u storiċi li jinfluwenzaw l-istruttura u l-organizzazzjoni ta’ sistema nazzjonali tal-ġbir u tal-kontroll tal-VAT imorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-rapport.
2.L-importanza tal-VAT bħala dħul tal-UE
Id-dħul mill-VAT huwa sors importanti ta’ introjtu għall-baġit tal-Istati Membri u tal-UE. Id-dħul totali mir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT għall-baġit tal-UE żdied minn EUR 14.019 biljun fl-2013 għal EUR 18.087 biljun fl-2015. Dan jikkorrispondi għas-sehem relattiv tad-dħul mir-riżorsa proprja tal-VAT li tħallas mill-Istati Membri fir-riżorsi proprji totali li żdied bi tliet punti perċentwali minn 9.4 fil-mija fl-2013 għal 12.4 fil-mija fl-2015.
Tabella 1: Id-dħul totali tal-UE mir-riżorsa proprja tal-VAT fil-perjodu tar-rapportar (2013-2015)
RIŻORZA PROPRJA TAL-VAT
(miljuni ta’ EUR)
|
Dħul totali tal-UE mill-VAT
|
Perċentwal tad-dħul totali tal-UE
|
2013
|
14 019
|
9,4 %
|
2014
|
17 667
|
12,3%
|
2015
|
18 087
|
12,4 %
|
Sors: Baġit tal-UE (Rapporti finanzjarji 2013, 2014, 2015 tad-DĠ BUDG)
Madankollu, id-daqs tad-Diskrepanza tal-VAT, jiġifieri d-differenza bejn l-ammonti tad-dħul totali mill-VAT miġburin u l-ammonti teoretiċi li huma mistennija li jinġabru, huw sinifikanti fl-UE. Fil-perjodu 2011-2015, id-Diskrepanza tal-VAT l-ewwel żdiedet, fejn laħqet l-ogħla livell tagħha fl-2013, u mbagħad naqset, fejn laħqet l-iktar perċentwal baxx tagħha fl-2015 (madwar EUR 152 biljun).
Figura 1: Diskrepanza tal-VAT fl-UE għall-2011-2015 (f’perċentwal tal-obbligazzjonijiet totali tal-VAT (VTTL) u f’biljuni ta’ EUR)
Diskrepanza tal-VAT (perċentwal tal-VTTL)
|
Diskrepanza tal-VAT (biljuni ta’ EUR)
|
|
|
Sors: Study and Reports on the VAT Gap in the EU-28 Member States: 2017 Final Report (Studju u Rapporti dwar id-Diskrepanza tal-VAT fl-Istati Membri tal-UE-28: Rapport Finali 2017)
Il-ġbir tal-VAT fost oħrajn jiġi affettwat mill-effiċjenza u l-effettività tal-proċessi u l-proċeduri tal-amministrazzjoni tat-taxxa. Għaldaqstant, il-prestazzjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa tinfluwenza l-ammont ta’ riżorsi proprji tal-VAT dovuti mill-Istati Membri lill-UE. Għalhekk, il-ġestjoni tas-sistema tal-VAT hija parti kruċjali mill-amministrazzjoni tat-taxxa.
3.Sejbiet ewlenin
3.1.Kummenti ġenerali
3.1.1.Organizzazzjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa
Fil-perjodu 2013 – 2016, diversi Stati Membri għamlu riforma jew jinsabu fil-proċess li jagħmlu riforma (ta’ partijiet) tal-amministrazzjoni tat-taxxa tagħhom. It-tendenza ta’ bidla minn amministrazzjoni bbażata fuq tip ta’ taxxa għal amministrazzjoni tat-taxxa organizzata fuq tipi ta’ kontribwenti (kumpaniji kbar, SMEs u persuni privati) jew funzjonijiet (reġistrazzjoni, sottomissjoni, ħlas, eċċ.) qiegħda tkompli. Għalhekk, minflok proċessi separati għat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT), it-Taxxa Korporattiva, it-Taxxa fuq l-Introjtu Personali, eċċ., dawn il-proċessi huma integrati f’proċess wieħed għat-taxxi kollha. Għalhekk, il-kejl tal-effettività tal-proċeduri tal-VAT, kif imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament, jimplika valutazzjoni tal-funzjonijiet ewlenin ta’ amministrazzjoni tat-taxxa, irrispettivament mit-tip ta’ taxxa.
L-awtoritajiet tat-taxxa qegħdin jaffaċċjaw sfidi dejjem jikbru li spiss jitqiesu bħala riskji, bħall-kumplessità u l-innovazzjonijiet fil-mudelli kummerċjali (b’mod partikolari fil-qasam tal-hekk imsejħa ekonomija kollaborattiva), prodotti finanzjarji ġodda, numri kbar ta’ persuni taxxabbli u servizzi, id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u l-isplużjoni tal-kummerċ elettroniku. Fl-istess waqt, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa huma mitluba jtejbu l-effiċjenza u l-obbligu ta’ rendikont tagħhom filwaqt li jnaqqsu l-baġits u r-reklutaġġi tal-persunal. Dan iġiegħel lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa jfittxu għal azzjonijiet u approċċi ġodda u flessibbli biex jiġbru t-taxxi, inkluża l-VAT.
Sabiex jinħolqu sinerġiji u jitnaqqsu l-ispejjeż, diversi Stati Membri għaqqdu l-amministrazzjoni tat-taxxa mad-dipartimenti tal-amministrazzjoni doganali u/jew ta’ investigazzjoni finanzjarja. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kollha tat-taxxa sa ċertu punt qegħdin jużaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju meta jwettqu l-funzjonijiet ewlenin tagħhom ta’ amministrazzjoni tat-taxxa. Diversi amministrazzjonijiet tat-taxxa ħolqu funzjoni tal-analitika tad-data u tal-ġestjoni tar-riskju ddedikata li hija responsabbli mill-identifikazzjoni tar-riskji u għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġija tal-ġestjoni tar-riskju. Oħrajn inkorporaw proċeduri bbażati fuq ir-riskju f’parti mill-funzjonijiet ewlenin jew fil-funzjonijiet ewlenin kollha tal-amministrazzjoni tat-taxxa sabiex ir-riżorsi jiġu allokati aħjar u sabiex ikunu aktar effiċjenti u effettivi.
Barra minn hekk, minħabba bidliet fil-leġiżlazzjoni (pereżempju l-introduzzjoni tal-Punt Uniku ta’ Servizz Żgħir, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge f’ċerti setturi, il-bidliet fir-rati tal-VAT jew l-iskema tal-kontabbiltà abbażi tal-ħlasijiet), is-sistema tal-VAT kellha tiġi mmodifikata fil-livell nazzjonali.
Rakkomandazzjoni 1: Organizzazzjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa
Biex jivvalutaw l-impatt tal-bidliet fil-ġestjoni tas-sistema tal-VAT (jiġifieri r-riformi fl-organizzazzjoni, fil-proċessi u fil-proċeduri), l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom sistema ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni fis-seħħ biex jirrapportaw dwar l-effiċjenza u l-effettività tal-miżuri li jkunu ttieħdu.
3.1.2.Diġitalizzazzjoni u Teknoloġija tal-Informatika (IT)
Il-proċessi amministrattivi attwali huma kkaratterizzati mid-diġitalizzazzjoni u mill-IT. Dawn l-iżviluppi jħallu impatt fuq ir-relazzjoni bejn il-kontribwenti u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa: huma jagħmluha aktar faċli biex il-kontribwenti jissodisfaw l-obbligi tagħhom u jgħinu lill-awtoritajiet tat-taxxa jidentifikaw u janalizzaw ir-riskji tal-VAT. Minħabba ħtieġa għal aktar dħul, aktar effiċjenza u konformità aħjar f’ambjent ta’ riżorsi dejjem jonqsu, l-awtoritajiet tat-taxxa qegħdin jiddependu dejjem aktar fuq il-ġbir u l-analiżi ta’ data diġitali dwar it-taxxa. Dan jippermetti lill-awtoritajiet tat-taxxa jiġbru data dwar it-taxxa kważi f’ħin reali, b’mod partikolari meta l-informazzjoni tkun tista’ tinġabar direttament mis-sistemi tal-kontribwent innifsu. Il-VAT hija waħda mill-ewwel taxxi li ġew kompletament diġitalizzati. Is-servizzi elettroniċi, il-kontijiet tal-kontribwenti, il-fatturar elettroniku, u l-użu ta’ dikjarazzjonijiet nazzjonali ta’ kontroll huma eżempji ta’ dawn l-iżviluppi.
F’dan il-perjodu ta’ rapportar, din it-tendenza għal użu dejjem jiżdied tal-IT tiġi identifikata b’mod ċar, għalkemm il-livell ta’ implimentazzjoni jvarja bejn l-Istati Membri. L-estrazzjoni u l-analiżi tad-data għandhom rwol dejjem jikber f’inizjattivi ta’ konformità u ta’ awditjar. Abbażi tad-data rċevuta mill-kontribwenti, l-awtoritajiet tat-taxxa huma mgħammra aħjar biex jikxfu relazzjonijiet kumplessi tan-negozju u attivitajiet frawdolenti, li, pereżempju, jagħtu lok għal awditi jew iwaqqfu l-ħlas ta’ rifużjonijiet.
L-użu tal-analitika tad-data għal skopijiet ta’ konformità qiegħed jespandi. Fil-qasam tal-VAT, diversi Stati Membri ħadu jew jinsabu fil-proċess li jintroduċu inizjattivi biex l-informazzjoni tinġabar fil-livell tal-fattura, bl-għan li titjieb it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet fit-territorju tagħhom jew qegħdin jiġbru data dwar il-moviment tal-oġġetti. Filwaqt li l-IT tgħin lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa jiġbru aktar u aktar data, ammonti dejjem jikbru ta’ informazzjoni mhux neċessarjament iwasslu għal valutazzjoni aħjar tar-riskju: wisq informazzjoni tista’ anki xxekkel l-identifikazzjoni ta’ data rilevanti u tirriżulta f’inqas konformità. Għalhekk, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa għandhom jilħqu bilanċ xieraq bejn il-ħtieġa għall-informazzjoni u l-ipproċessar u l-analiżi xierqa tagħha minn naħa waħda, u l-piż amministrattiv li jitqiegħed fuq in-negozji min-naħa l-oħra.
Barra minn hekk, l-awtoritajiet tat-taxxa jħossu restrizzjonijiet meta jiġu biex jinvestu fl-IT. Spiss, is-sistemi tal-IT (ħardwer u softwer) jiswew il-flus u mhux dejjem ikunu kompatibbli ma’ xulxin, li jista’ jxekkel l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u/jew ma’ korpi oħra tal-gvern. L-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw minn kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn xulxin sabiex ma jiġux idduplikati l-isforzi u s-sistemi, jitnaqqsu l-ispejjeż tal-IT u jinkisbu vantaġġi reċiproċi permezz tal-investiment f’soluzzjonijiet kompatibbli tal-IT.
Rakkomandazzjoni 2: Diġitalizzazzjoni u IT
Peress li d-diġitalizzazzjoni u l-IT saru elementi kruċjali fl-amministrazzjoni tat-taxxa, l-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jiddiġitalizzaw u jawtomatizzaw id-data u l-kompiti. Sussegwentement, flimkien ma’ Stati Membri oħra, huma jenħtieġ li jesploraw l-aħjar modi kif id-data domestika tagħhom tista’ tintuża biex tgħin ukoll lil Stati Membri oħra. Għal dan il-għan, il-proġett tal-Analiżi tan-Netwerks ta’ Tranżazzjonijiet (TNA) jista’ jservi bħala punt ta’ referenza utli.
3.1.3.Analiżi tad-Diskrepanza tal-VAT
Fil-perjodu tar-rapportar, id-Diskrepanza tal-VAT uriet tnaqqis żgħir kemm fil-volum kif ukoll bħala perċentwal (ara l-figura 1). Madankollu, fil-livell individwali, id-differenzi fid-Diskrepanza tal-VAT bejn l-Istati Membri għadhom sinifikanti (ivarjaw minn 0 fil-mija għal 36.9 fil-mija). Għalkemm jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għat-tnaqqis fid-daqs tad-Diskrepanza tal-VAT, pereżempju, titjib fid-data jew tkabbir ekonomiku, it-tnaqqis jista’ jkun relatat ukoll ma’ amministrazzjoni aħjar tat-taxxa. Fis-snin li ġew ivvalutati (2013-2016), ħafna awtoritajiet tat-taxxa ħadu numru ta’ miżuri li xi drabi kienu estensivi bl-għan li titnaqqas id-Diskrepanza tal-VAT.
Għalkemm m’hemmx evidenza ċara tal-impatt li dawn il-miżuri għandhom fuq id-daqs tad-Diskrepanza tal-VAT, aktarx huma influwenzaw il-livell ta’ konformità, u għalhekk, id-daqs tad-Diskrepanza tal-VAT. Minbarra r-rapport dwar id-Diskrepanza tal-VAT ippubblikat mill-Kummissjoni, numru dejjem jiżdied ta’ Stati Membri qegħdin jikkalkulaw id-Diskrepanza tal-VAT tagħhom stess, u f’livell aktar dettaljat, pereżempju billi jikkalkulaw id-Diskrepanza tal-VAT għal kull settur ekonomiku jew żona ġeografika.
Rakkomandazzjoni 3: Kalkolu u analiżi tad-Diskrepanza tal-VAT
L-Istati Membri jenħtieġ li jinvestu jew ikomplu jinvestu biex jikkalkulaw id-Diskrepanza tal-VAT tagħhom stess u janalizzaw din id-diskrepanza f’aktar dettall.
3.2.Reġistrazzjoni u tneħħija tar-reġistrazzjoni
L-Istati Membri jeħtiġilhom ikollhom fis-seħħ sistema ta’ reġistrazzjoni li tidentifika l-kontribwenti tal-VAT tagħhom u jeħtiġilhom jaħżnu d-data rilevanti dwar it-tranżazzjonijiet taxxabbli ta’ ġewwa l-UE fis-sistema VIES.
3.2.1.Reġistrazzjoni tal-VAT
Proċedura effiċjenti tar-reġistrazzjoni u attribuzzjoni korretta tan-numri tal-identifikazzjoni tal-VAT isaħħu l-proċessi amministrattivi ewlenin assoċjati mas-sottomissjoni, mal-ħlas, mal-valutazzjoni, mal-ġbir u mas-soluzzjoni tat-tilwim. Għal dan il-għan, l-informazzjoni miġbura fil-mument tar-reġistrazzjoni u maħżuna fil-bażijiet tad-data tal-amministrazzjoni tat-taxxa jenħtieġ li tkun kompleta, preċiża u aġġornata. Huwa kruċjali li l-awtoritajiet tat-taxxa jsegwu l-proċeduri tar-reġistrazzjoni u tat-tneħħija tar-reġistrazzjoni b’mod preċiż, peress li eżekuzzjoni insuffiċjenti f'dan il-qasam ser tħalli impatt kbir fuq il-ġbir tal-VAT fl-Istati Membri l-oħra.
Filwaqt li l-proċess tar-reġistrazzjoni għandu jkun rapidu sabiex ma jxekkilx lill-kontribwenti milli jwettqu negozju, huwa vitali li jiġi evitat li numri tal-identifikazzjoni tal-VAT jingħataw lil kontribwenti b’intenzjonijiet frawdolenti. Għalhekk, approċċ ibbilanċjat bejn ir-rapidità u l-kustodja huwa importanti.
Figura 2: Evoluzzjoni tat-talbiet tar-reġistrazzjoni tal-VAT f'21 Stat Membru tal-UE (2013-2015)
|
Spjega:
|
|
|
Talbiet tar-Reġistrazzjoni tal-VAT
|
|
|
(numru totali)
|
|
|
|
|
|
Talbiet tar-Reġistrazzjoni tal-VAT
|
|
|
meta mqabbla mal-2013
(evoluzzjoni)
|
|
|
|
|
|
Reġistrazzjonijiet irrifjutati
|
|
|
|
|
|
Sors: Tweġibiet tal-Istati Membri għall-Kwestjonarju tal-2017
Fil-perjodu tar-rapportar, in-numru globali ta’ talbiet ta’ reġistrazzjoni għal skopijiet ta’ VAT fil-21 Stat Membru fil-grafika bejn wieħed u ieħor huwa stabbli, filwaqt li n-numru ta’ tneħħijiet ta’ reġistrazzjonijiet mis-sistema tal-VIES żdied b’mod sinifikanti fl-2015. L-ebda raġuni partikolari ma ġiet identifikata għal din iż-żieda.
Il-proċeduri tar-reġistrazzjoni qegħdin fis-seħħ fl-Istati Membri kollha. F’ċerti pajjiżi hemm disponibbli faċilitajiet ta’ reġistrazzjoni ta’ “punt uniku ta’ servizz”. Minflok ma jirreġistraw għal għanijiet differenti f’diversi uffiċċji (pereżempju l-Kamra tal-Kummerċ, il-Qorti Kummerċjali u l-uffiċċju tat-taxxa), in-negozji jistgħu jirreġistraw għall-impenji kollha f’post wieħed. Dan jimplika bażijiet tad-data integrati u skambju ta’ informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet rilevanti.
Figura 3: Disponibbiltà tal-karatteristiċi ewlenin fil-proċeduri tar-reġistrazzjoni fi 28 Stat Membru tal-UE (2016)
|
Hemm disponibbli informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-VAT għall-kontribwenti
F’lingwi barranin
Reġistrazzjoni tal-VAT online hija possibbli
L-awtentiċità tar-reġistrazzjoni tal-VAT hija vverifikata
Kontrolli ta’ qabel ir-reġistrazzjoni tal-VAT huma fis-seħħ
Sistema ta’ reġistrazzjoni tal-VAT u tal-VIES assistita mill-IT
Verifiki ta’ wara r-reġistrazzjoni tal-VIES
|
|
Sors: Tweġibiet tal-Istati Membri għall-Kwestjonarju tal-2017
B’konformità mat-tendenza lejn servizzi aħjar lill-kontribwenti, ir-reġistrazzjoni online wkoll qiegħda ssir prattika standard.
Informazzjoni dwar il-proċeduri u l-obbligi tar-reġistrazzjoni tiġi kkomunikata lill-kontribwenti primarjament permezz tas-sit web tal-amministrazzjoni tat-taxxa. Madankollu, f’xi Stati Membri din l-informazzjoni mhijiex disponibbli jew aċċessibbli f’lingwa barranija, li tista’ toħloq diffikultajiet biex il-kontribwenti mhux stabbiliti jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni.
Rakkomandazzjoni 4: Reġistrazzjoni tal-VAT għal kontribwenti barranin
Minkejja r-rakkomandazzjoni fir-rapport preċedenti, xi Stati Membri xorta jenħtieġ li jinvestu aktar biex jassistu lil kontribwenti barranin jissodisfaw l-obbligi tar-reġistrazzjoni tal-VAT tagħhom.
L-Istati Membri għandhom prattiki tal-għoti ta’ numri differenti fis-seħħ biex jidentifikaw lill-kontribwenti. Din tvarja minn numru wieħed tal-identifikazzjoni għat-taxxi kollha, inkluża l-VAT, għal numri differenti tal-identifikazzjoni għall-VAT u għal taxxi oħra. F’xi Stati Membri, anki n-numru tar-reġistrazzjoni tal-VIES huwa differenti min-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT. Din il-frammentazzjoni tal-prattiki tal-identifikazzjoni tal-VAT tista’ tirriżulta f’piżijiet amministrattivi żejda għan-negozji li joperaw fi Stati Membri differenti.
Rakkomandazzjoni 5: numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT;
Bl-għan li jitnaqqas dan il-piż amministrattiv, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jirriflettu fuq l-allokazzjoni tan-numri tal-identifikazzjoni tal-VAT u n-numri tar-reġistrazzjoni tal-VIES.
Sabiex jiġi evitat li numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT jintuża għal attivitajiet frawdolenti, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li tingħata mill-kontribwent tkun awtentika, preċiża u kompleta. Għal dan l-għan, numru kbir ta’ Stati Membri għandhom fis-seħħ proċess minn tarf sa tarf li jinkludi l-verifika tal-identità tal-kontribwent, kontrolli preliminari qabel ir-reġistrazzjoni, ibbażati fuq l-analiżi tar-riskju, kontroverifki ma’ informazzjoni ta’ partijiet terzi, programmi ta’ monitoraġġ ta’ wara r-reġistrazzjoni għal kummerċjanti riskjużi, u proċeduri ta’ tneħħija tar-reġistrazzjoni fil-każ li l-kontribwenti ma jissodisfawx aktar il-kundizzjonijiet għal reġistrazzjoni. Għalkemm numru ta’ Stati Membri implimentaw dan il-proċess minn tarf sa tarf, l-attivitajiet li jakkumpanjawh spiss jitwettqu fuq bażi ad hoc, u dan iżid ir-riskju ta’ data mhux affidabbli fis-sistema tar-reġistrazzjoni. Permezz ta’ approċċ aktar sistematiku, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa huma mgħammra aħjar biex jindirizzaw ir-riskji fil-proċedura tar-reġistrazzjoni.
Rakkomandazzjoni 6: Validità tar-reġistrazzjoni tal-VAT u tal-VIES
L-Istati Membri jenħtieġ li jiċċekkjaw il-validità tad-data tar-reġistrazzjoni tal-VAT u tal-VIES b’mod aktar sistematiku.
B’mod ġenerali, l-Istati Membri qegħdin jimxu lejn proċedura ta’ reġistrazzjoni bbażata fuq il-valutazzjoni tar-riskju. Sabiex jiġi evitat li approċċ bħal dan jista’ jinvolvi dewmien fil-ħruġ ta’ numri tal-identifikazzjoni tal-VAT, divesi amministrazzjonijiet tat-taxxa daħħlu fis-seħħ proċeduri li jimmitigaw dan ir-riskju. Fit-tweġibiet tagħhom, l-Istati Membri indikaw li ż-żmien meħtieġ għall-preżentazzjoni ta’ numru tal-identifikazzjoni tal-VAT u/jew tal-VIES huwa ġimgħa, li jvarja minn jum wieħed sa ħamest ijiem. Għalhekk, jidher li l-approċċ tal-valutazzjoni tar-riskju ma jirriżultax f’dewmien sinifikanti fil-preżentazzjoni ta’ numru ta’ reġistrazzjoni għall-VAT u/jew għall-VIES.
Figura 4: Żmien meħtieġ biex jinkiseb numru tal-VAT u tal-VIES fi 22 Stat Membru tal-UE (2013-2015)
Sors: Tweġibiet tal-Istati Membri għall-Kwestjonarju tal-2017
Fl-Istati Membri kollha l-bażi tad-data tar-reġistrazzjoni tal-VAT hija disponibbli f’format elettroniku, li tippermetti lill-awtoritajiet tat-taxxa jorbtu l-informazzjoni tar-reġistrazzjoni ma’ sottosistemi oħra tal-IT iddedikati għas-sottomissjoni u l-ħlasijiet, il-ġbir u l-awditjar tal-VAT.
Finalment, jenħtieġ li jiġi nnotat li l-maġġoranza l-kbira tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa għandhom fis-seħħ strateġiji ta’ konformità li jinkludu inizjattivi għall-identifikazzjoni ta’ persuni taxxabbli mhux irreġistrati. Kampanji ta’ informazzjoni, żjarat fuq il-post u verifiki ta’ dikjarazzjonijiet ta’ kontroll domestiċi huma eżempji ta’ dawn l-inizjattivi.
3.2.2.Tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-VAT
Fl-Istati Membri kollha, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jneħħu r-reġistrazzjoni tal-kontribwenti fuq talba tagħhom jew ex officio, meta l-attivitajiet ekonomiċi jkunu waqfu. Xi Stati Membri introduċew il-possibbiltà li titneħħa r-reġistrazzjoni tal-kontribwenti meta dawn ma jkunux ippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tal-VAT għal numru ta’ xhur. F’każijiet oħra, bħal suspett ta’ frodi, il-parti l-kbira tal-Istati Membri m'għandhomx possibbiltà legali li jneħħu r-reġistrazzjoni ta’ dawn il-kontribwenti mis-sistema tal-VAT.
3.2.3.Reġistrazzjoni u tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-VIES
Hemm approċċi differenti għar-reġistrazzjoni tal-kontribwenti tal-VAT fil-VIES. F’xi Stati Membri, ir-reġistrazzjonijiet nazzjonali kollha tal-VAT jiġu inklużi awtomatikament fis-sistema tal-VIES. Stati Membri oħrajn jinkludu fil-VIES biss dawk il-kontribwenti li, fil-mument tar-reġistrazzjoni jew sussegwentement, jiddikjaraw li jwettqu tranżazzjonijiet fl-UE.
It-tweġibiet tal-Istati Membri wrew li aktar minn tletin fil-mija tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa ma implimentawx proċedura ta’ kontroll ta’ wara r-reġistrazzjoni. L-amministrazzjonijiet tat-taxxa ta’ Stati Membri oħra wettqu biss kontrolli ad hoc ta’ wara r-reġistrazzjoni.
Rakkomandazzjoni 7: Kontrolli ta’ wara r-reġistrazzjoni
L-Istati Membri li jwettqu biss kontrolli preliminari qabel ir-reġistrazzjoni jenħtieġ li jimplimentaw kontrolli ta’ wara r-reġistrazzjoni biex tiġi żgurata l-affidabbiltà tad-data tal-VIES
3.3.Sottomissjoni u ħlas tal-VAT
Il-VAT hija taxxa fuq il-konsum. Hija titħallas mill-konsumatur finali lill-fornitur, li huwa persuna taxxabbli bil-VAT li tiġbor il-VAT tal-output fuq il-bejgħ tagħha, tpaċiha mal-VAT tal-input fuq ix-xiri tagħha u tħallas il-bilanċ tal-VAT dovut lill-Baġit tal-Istat. Peress li l-persuna taxxabbli sservi bħala eżattur għall-Baġit tal-Istat, huwa importanti li jiġu sottomessi d-dikjarazzjonijiet tal-VAT u li l-ħlasijiet isiru fil-ħin.
3.3.1.Sottomissjoni
Sabiex tiżdied il-konformità, kważi l-Istati Membri kollha joffru l-possibbiltà li d-dikjarazzjonijiet tal-VAT jiġu sottomessi b’mod elettroniku. Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, is-sottomissjoni elettronika hija obbligatorja għall-kumpaniji kollha rreġistrati għall-VAT. Xi Stati Membri ppermettew xi eċċezzjonijiet, pereżempju għal kumpaniji żgħar.
L-Istati Membri kollha joffru sottomissjoni elettronika u numru kbir ta’ Stat Membri għamluha obbligatorja għal ħafna kontribwenti tal-VAT. Ir-rata ta’ sottomissjoni elettronika żdiedet minn aktar minn 84 fil-mija fl-2013 għal kważi 95 fil-mija fl-2015.
Figura 5: Possibbiltà ta’ sottomissjoni elettronika fi 28 Stat Membru tal-UE (2013-2015)
|
|
Figura 6: Rata ta’ sottomissjoni elettronika fi 28 Stat Membru tal-UE (2013-2015)
|
|
Disponibbli
|
|
|
|
|
(fakultattiv)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Obbligatorju
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Obbligatorju
|
|
|
|
|
(għal ċerti kontribwenti biss)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Sors: Tweġibiet tal-Istati Membri għall-Kwestjonarju tal-2017
Sors: Tweġibiet tal-Istati Membri għall-Kwestjonarju tal-2017
L-Istati Membri kollha jimmonitorjaw l-iskadenzi tas-sottomissjoni b’mod awtomatiku. Fil-perjodu 2013-2015 ir-rata tal-konformità għas-sottomissjoni fil-ħin tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT żdiedet u kważi laħqet id-89 fil-mija fl-2015. Meta jitqiesu d-dikjarazzjonijiet tal-VAT li ġew ippreżentati fi żmien 30 jum wara li tkun għaddiet id-data ta’ skadenza, ir-rata tal-konformità laħqet aktar minn 96 fil-mija.
Tabella 2: L-evoluzzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT fl-Istati Membri tal-UE għall-perjodu 2013-2015
|
2013
|
2014
|
2015
|
Numru ta’ dikjarazzjonijiet mistennija fl-Istati Membri tal-UE (miljun)
|
127.9
|
130.1
|
132.3
|
Dikjarazzjonijiet tal-VAT ippreżentati fil-ħin (%)
|
87.1
|
88.6
|
88.9
|
Dikjarazzjonijiet tal-VAT b’dewmien ta’ inqas minn 30 jum (%)
|
4.6
|
4.4
|
4.7
|
Rata tal-konformità fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT (irċevuti/mistennija; %)
|
91.2
|
95.9
|
96.4
|
Sors: Tweġibiet tal-Istati Membri għall-Kwestjonarju tal-2017
Fil-każ ta’ sottomissjoni tardiva, il-parti l-kbira tal-Istati Membri jibagħtu noti ta’ tfakkir (awtomatikament jew manwalment) wara li tkun għaddiet id-data ta’ skadenza. Xi Stati Membri jibagħtu twissijiet qabel id-data ta’ skadenza li tkun ġejja. Skont dawn l-Istati Membri, din il-prattika naqqset in-numru ta’ dawk li sottomettew tard.
L-Istati Membri kollha għandhom sistema ta’ sanzjonijiet fis-seħħ biex iħeġġu lill-kontribwenti jissottomettu d-dikjarazzjonijiet fil-ħin. Jekk ma tiġi sottomessa l-ebda dikjarazzjoni tal-VAT, il-maġġoranza tal-Istati Membri jikkalkulaw stima tal-VAT dovuta u jżidu penali. Sistema ssimplifikata tas-sottomissjoni tal-VAT għall-kontribwenti żgħar tiġi applikata f’nofs l-Istati Membri.
3.3.2.Ħlas
Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, l-awtoritajiet tat-taxxa joffru l-possibbiltà li l-VAT dovuta titħallas b’mod elettroniku. Madankollu, il-ħlas elettroniku tal-VAT huwa obbligatorju biss f’50 fil-mija tal-Istati Membri. Xi Stati Membri għadhom joffru l-possibbiltà li l-VAT dovuta titħallas fi flus kontanti, iżda qegħdin jippromwovu l-użu ta’ mezzi elettroniċi.
Barra minn hekk, id-dati ta’ skadenza tal-ħlas jiġu mmonitorjati b’mod elettroniku. Il-prattika ġenerali hija li meta jgħaddu d-dati ta’ skadenza, l-awtoritajiet tat-taxxa jibagħtu noti ta’ tfakkir awtomatiċi. Fil-każ ta’ kontribwenti żgħar, l-awtoritajiet tat-taxxa joffru reġim tal-ħlas issimplifikat speċjali.
Figura 7: Possibbiltà għall-Ħlasijiet elettroniċi tal-VAT fi 28 Stat Membru tal-UE (2013-2015)
|
|
Figura 8: Noti ta’ tfakkir ta’ ħlas tardiv fi 28 Stat Membru (2013-2015)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Maħruġa awtomatikament
|
|
|
Disponibbli
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Maħruġa
ad-hoc
|
|
|
Mhux disponibbli
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Mhux
maħruġa
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Sors: Tweġibiet tal-Istati Membri għall-Kwestjonarju tal-2017
Sors: Tweġibiet tal-Istati Membri għall-Kwestjonarju tal-2017
Fil-każ ta’ ħlas tardiv, l-Istati Membri kollha japplikaw penali u sistema ta’ interess. Il-Kummissjoni bħalissa tinsab fil-proċess li tidentifika l-prattiki tal-Istati Membri fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ penali, sabiex tanalizza r-restrizzjonijiet legali u l-impatt tal-penali fuq il-konformità
.
3.4.Irkupru ta’ djun tal-VAT
Il-ġbir tal-VAT huwa bbażat fuq l-awtovalutazzjoni u l-ħlas volontarju. L-amministrazzjonijiet tat-taxxa għandhom l-għan li jiksbu rati għoljin ta’ ħlas volontarju fil-ħin u numru baxx ta’ arretrati tat-taxxa. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, huwa meħtieġ livell għoli ta’ sottomissjoni fil-ħin tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT biex tiġi stabbilita l-VAT dovuta u hija meħtieġa azzjoni ta’ segwitu malajr meta tkun għaddiet id-data tal-għeluq tal-ħlas. B’mod ġenerali din l-azzjoni tikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ penali u interessi u l-eżekuzzjoni ta’ pjan ta’ rkupru tad-dejn.
Sabiex tittejjeb l-effiċjenza, l-Istati Membri kollha stabbilixxew unitajiet iddedikati għall-ġbir tad-dejn jew persunal speċjalist imħarreġ fl-irkupru tad-dejn fl-amministrazzjoni tat-taxxa tagħhom, jew esternalizzaw l-irkupru tad-djun lil korp semigovernattiv. Fil-każ ta’ attivitajiet ta’ rkupru “interni”, dawn jiġu operati primarjament fil-livell nazzjonali.
Il-maġġoranza l-kbira tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa għandhom ħarsa ġenerali preċiża tal-arretrati tal-VAT, li spiss jiġu kklassifikati skont is-sena, l-ammont jew l-oriġini (jiġifieri awtovvalutati jew riżultat ta’ awditu). Għal ċerti Stati Membri din il-ħarsa ġenerali hija disponibbli f’ħin reali.
Figura 9: Irkupru ta’ djun tal-VAT - ħarsa ġenerali lejn l-għodod u l-prattiki ewlenin li ntużaw fi 28 Stat Membru tal-UE (2016)
|
Debituri ġodda: proċedura ta’ kuntatt bikri
Proċedura għat-tpaċija ta’ krediti tat-taxxa
Użu ta’ pjanijiet ta’ ħlas parzjali
Possibbiltà li jitħassru djun irrekuperabbli
Responsabbiltà tal-ġestjoni ta’ kumpanija għall-VAT
Il-VAT tista’ titħallas mill-akkwirent (lil hinn mir-reverse charge)
|
|
Sors: Tweġibiet tal-Istati Membri għall-Kwestjonarju tal-2017
L-għodod u l-approċċi legali għall-ġbir tad-dejn ivarjaw bejn l-Istati Membri. L-approċċ ġenerali fil-ġbir tad-dejn tat-taxxa huwa li r-riżorsi jitqiegħdu fejn ikun hemm possibbiltà li jinġabru l-flus. Ħafna Stati Membri għandhom fis-seħħ proċedura li tipprovdi għal kuntatti bikrin ma’ debituri ġodda (bit-telefon jew bil-posta elettronika), jew fuq bażi sistematika jew okkażjonali. Barra minn hekk, issir enfasi fuq pretensjonijiet “żgħar” li għalihom ġew identifikati assi. Il-prattika fil-fatt turi li r-rata ta’ suċċess fl-irkupru ta’ djun qodma hija aktar limitata. Madankollu, xi amministrazzjonijiet tat-taxxa għandhom obbligu legali li jinfurzaw il-pretensjonijiet kollha tagħhom, u l-ammonti li jiġu rkuprati l-ewwel jiġu imputati fuq l-aktar pretensjonijiet qodma tagħhom.
Arranġamenti ta’ ħlas parzjali u tpaċija ta’ intitolamenti ta’ kreditu tat-taxxa (eż. rifużjonijiet tal-VAT) mad-djun pendenti tal-VAT huma prattika komuni. It-tpaċija ta’ dejn barrani tal-VAT mar-rifużjoni barranija tal-VAT hija inqas konvenzjonali u qiegħda tiġi diskussa.
Fil-każ ta’ djun tat-taxxa irrekuperabbli, numru kbir ta’ amministrazzjonijiet tat-taxxa jistgħu japplikaw proċeduri ta’ tħassir, bħala parti mill-ġestjoni tagħhom ta’ djun pubbliċi tat-taxxa. Għalkemm diversi Stati Membri għandhom il-possibbiltà legali li jinfurzaw l-arretrati tal-VAT kontra l-maniġment ta’ kumpanija jew akkwirent (obbligazzjoni konġunta u/jew proporzjonali), huwa diffiċli li din l-għodda tiġi applikata miħabba li l-piż tal-provi qiegħed fuq l-amministrazzjoni tat-taxxa.
Il-Kummissjoni qiegħda tippubblika valutazzjoni tad-Direttiva dwar l-assistenza reċiproka fil-qasam tal-irkupru. L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.
Rakkomandazzjoni 8: Kontrolli ta’ wara r-reġistrazzjoni
Peress li l-irkupru jikkontribwixxi għall-ġustizzja fiskali, l-Istati Membri jenħtieġ li jtejbu l-użu tal-istrumenti ta’ rkupru kollha disponibbli, inkluż il-mekkaniżmu tal-assistenza reċiproka.
3.5.Rifużjoni tal-VAT
Ir-restrizzjonijiet tar-riżorsi min-naħa tal-amministrazzjoni tat-taxxa u l-ħtieġa li n-negozji jirċievu l-flus fi żmien xieraq jirrikjedu li l-awtoritajiet tat-taxxa jsibu l-bilanċ it-tajjeb bejn ħlas lura malajr tal-VAT għal negozji leġittimi u kontroll strett fil-każ ta’ żbalji u frodi.
Kważi l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri kollha għandhom fis-seħħ proċeduri bbażati fuq metodi ta’ valutazzjoni tar-riskju, li jiżguraw li parti sinifikanti tat-talbiet ta’ rifużjoni tal-VAT b’riskju baxx jiġu pproċessati minnufih, filwaqt li dawk riskjużi jiġu kkontrollati mill-qrib. Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, dawn il-proċeduri huma awtomatizzati permezz ta’ proċessi elettroniċi. F’ċerti Stati Membri, it-talbiet kollha għal rifużjonijiet tal-VAT għandhom jiġu kkontrollati qabel ma jkun jista’ jsir il-ħlas (kontrolli sistematiċi ta’ qabel), li jistgħu jikkawżaw dewmien fil-proċedura tar-rifużjoni. Ir-restrizzjonijiet baġitarji jista’ jkollhom impatt ukoll fuq l-iskeda taż-żmien għar-rifużjoni tal-VAT. Iż-żewġ sitwazzjonijiet (kontrolli sistematiċi ta’ qabel u rifużjonijiet tardivi minħabba restrizzjonijiet baġitarji) jitfgħu pressjoni finanzjarja fuq negozji leġittimi u joħolqu ostaklu għall-kummerċ transkonfinali.
Rakkomandazzjoni 9: Ħlasijiet tardivi tar-rifużjoni tal-VAT
Il-Kummissjoni nediet studju dwar rifużjoni tal-VAT domestiċi u transkonfinali. Fil-kuntest ta’ dan l-istudju, u flimkien mal-Istati Membri, hija ser tesplora kif dan il-proċess jista’ jitjieb u jitħaffef.
3.6.L-investigazzjoni u l-awditjar tal-VAT
L-amministrazzjonijiet kollha tat-taxxa għandhom dipartimenti tal-awditjar fl-organizzazzjoni tagħhom li f’ħafna każijiet jinkludu wkoll unitajiet iddedikati kontra l-frodi. Barra minn hekk, flimkien mal-mod tradizzjonali tal-awditjar, l-amministrazzjonijiet kollha tat-taxxa implimentaw tekniki ta’ awditjar elettroniku.
Jitfasslu strateġiji u/jew programmi ġenerali tal-awditjar; spiss jiżdiedu dawk immirati għall-VAT. Isiru varjetà ta’ awditi tal-VAT (awditi komprensivi fuq il-post, awditi relatati ma' kwistjonijiet, awditi mhux fuq il-post, eċċ.) biex tiġi ċċekkjata l-korrettezza tad-data ddikjarata fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT. Madankollu, l-awditjar huwa għodda għalja għaliex jieħu ż-żmien u jirrikjedi numru kbir ta’ riżorsi umani. Barra minn hekk, il-perċentwal tal-kontribuzzjoni tal-awditjar għall-ġbir totali tal-VAT huwa limitat.
Illum il-ġurnata, ħafna amministrazzjonijiet tat-taxxa jirrikonoxxu li kopertura (sħiħa) tal-awditjar m'għadhiex mistennija li tkun l-aktar mezz effiċjenti u effettivi biex titwaqqaf imġiba mhux konformi. Minflok, dawn l-amministrazzjonijiet jikkunsidraw l-awditjar bħala l-aħħar miżura tal-infurzar li għandha tiġi applikata meta inizjattivi proattivi oħrajn li jiffukaw fuq it-titjib tal-konformità volontarja mal-liġijiet u mal-obbligi tat-taxxa mhumiex jew m'għadhomx effettivi. Waħda mill-akbar sfidi ta’ amministrazzjoni tat-taxxa hija li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn l-inizjattivi li jżidu l-konformità u l-kontroll tal-VAT.
Figura 10: Ġbir tal-VAT u VAT vvalutata wara awditi fi 22 Stat Membru tal-UE (2013 – 2015)
Sors: Tweġibiet tal-Istati Membri għall-Kwestjonarju tal-2017
Amministrazzjonijiet oħrajn tat-taxxa jibbażaw l-approċċ ta’ konformità (tal-VAT) tagħhom primarjament fuq il-monitoraġġ u l-kontroll. Taħt dan l-approċċ, hija prattika standard li jintużaw tekniki tal-ġestjoni tar-riskju biex tittejjeb l-effettività tal-awditi, b’mod partikolari fl-għażla tal-każ tal-awditjar. Il-miżuri jittieħdu biex tiġi appoġġjata l-analiżi tar-riskju, pereżempju bl-introduzzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ kontroll li jippermettu lill-awtoritajiet tat-taxxa jagħmlu kontroverifiki tal-bejgħ u tax-xiri fil-livell domestiku. Barra minn hekk, iż-żieda fl-użu ta’ informazzjoni dwar il-partijiet terzi tikkontribwixxi għal approċċ tal-awditjar aktar immirat. L-informazzjoni li nġabret minn dan l-approċċ uriet li hija element importanti għall-identifikazzjoni tal-frodi.
Il-mod kif l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa titkejjel huwa ostaklu biex nimxu minn approċċ tal-awditjar għal miżuri preventivi. Jekk l-effiċjenza titkejjel abbażi ta’ statistika dwar l-awditjar/il-ġbir, il-qlib għal approċċ ibbażat fuq il-konformità jirrikjedi l-użu ta’ metrika oħra, bħad-Diskrepanzi tal-VAT u l-valutazzjoni minn negozji tal-ġustizzja fit-trattament li rċevew mill-amministrazzjoni tat-taxxa fi ħdan l-ambjent kompetittiv.
Rakkomandazzjoni 10: Strateġija tal-awditjar u tal-konformità
L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-istrateġija tal-awditjar tagħhom hija parti minn strateġija ġenerali tal-konformità (tal-VAT) u mhux approċċ awtonomu.
Finalment, il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT għadha waħda mill-prijoritajiet tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa u tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, fil-każ tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT transkonfinali, jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni vvalutat l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva attwali u qiegħda tressaq proposta biex jiġi emendat ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tal-VAT.
4.Implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mis-Seba’ Rapport tal-Artikolu 12 u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
Is-seba’ rapport tal-Artikolu 12 u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ta’ akkumpanjament jinkludu 32 rakkomandazzjoni indirizzati lil sebgħa u għoxrin Stat Membru. Ir-rakkomandazzjonijiet ġew miġbura f’seba’ taqsimiet: (a) l-identifikazzjoni tal-VAT, ir-reġistrazzjoni u t-tneħħija tar-reġistrazzjoni; (b) il-Proċedura Doganali 42; (c) is-Sottomissjoni u l-Ħlas tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT; (d) il-ġbir tal-VAT u l-irkupru tad-dejn; (e) l-awditjar tal-VAT u l-investigazzjoni; (f) is-Soluzzjoni tat-tilwim dwar it-taxxa u (g) il-konformità mal-VAT. Kull rakkomandazzjoni kienet tapplika għal mill-inqas żewġ sa sebgħa u għoxrin Stat Membri.
Figura 11: Ir-rata ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet għal kull taqsima għal 27 Stat Membru
Sors: Is-Seba’ Rapport tal-Artikolu 12 (rakkomandazzjonijiet preċedenti); Tweġibiet tal-Istati Membri għall-Kwestjonarju tal-2017
Abbażi tat-tweġibiet tal-Istati Membri, jidher li aktar minn żewġ terzi tar-rakkomandazzjonijiet ġew adottati bis-sħiħ jew parzjalment. Madankollu, ħarsa aktar mill-qrib lejn ir-rati ta’ implimentazzjoni individwali għal kull Stat Membru u għal kull rakkomandazzjoni wriet varjazzjoni konsiderevoli. Xi Stati Membri bilkemm adottaw il-proposti, filwaqt li oħrajn implimentaw il-parti l-kbira tas-suġġerimenti. Xi rakkomandazzjonijiet intlaqgħu tajjeb (pereżempju dwar ir-reġistrazzjoni tal-VAT u l-awditjar), filwaqt li oħrajn bilkemm ġew implimentati (pereżempju fil-qasam tas-soluzzjoni tat-tilwim).
B’mod partikolari, li s-sistema tal-VIES tinżamm preċiża u aġġornata baqa’ tħassib prinċipali. Anki llum il-ġurnata, f’numru ta’ Stati Membri l-validità tad-data fis-sistema tal-VIES ma tiġix iċċekkjata fuq bażi regolari, u dan jikkawża diffikultajiet konsiderevoli għall-kummerċjanti li jwettqu negozju fis-suq intern (ara wkoll il-paragrafu 2.2.3).
Figura 12: Rata’ ta’ implimentazzjoni ġenerali ta’ rakkomandazzjonijiet preċedenti
|
|
Mhux implimentati
|
|
|
|
|
|
Implimentati
|
|
|
li minnhom:
|
|
|
Implimentati bis-sħiħ
|
|
|
|
|
|
Parzjalment implimentati
|
Sors: Is-Seba’ Rapport tal-Artikolu 12 (rakkomandazzjonijiet preċedenti); Tweġibiet tal-Istati Membri għall-Kwestjonarju tal-2017
Barra minn hekk, kif enfasizzat ukoll mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-applikazzjoni tal-Proċedura doganali 42 għadha problematika. Għad hemm nuqqas ta’ kontroll sistematiku mid-dwana tan-numru tal-VAT fil-VIES, kif ukoll tat-trażmissjoni tad-data lill-awtorità tat-taxxa nazzjonali, l-inklużjoni tal-kriterji tar-riskju, eċċ.
In-nuqqasijiet relatati mal-funzjonament tal-VIES u tal-Proċedura doganali 42 għandhom konsegwenzi serji u jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern. Fil-fatt, il-frodaturi japprofittaw minn dawn in-nuqqasijiet billi jibqgħu fis-sistema tal-VAT u b’hekk jikkawżaw telf ta’ VAT lill-Baġits tal-Istati Membri u, għaldaqstant, ikollhom impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-VAT.
Dan juri li r-rata ta’ implimentazzjoni ġenerali tar-rakkomandazzjonijiet ta’ 70.8 fil-mija (kif jirriżulta mit-tweġibiet irċevuti mill-Istati Membri) ma tagħtix daqshekk indikazzjoni reali tat-titjib fl-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa fil-ġbir tal-VAT. Għodod oħrajn ta’ awtovalutazzjoni jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jwettqu valutazzjoni aktar sistematika u affidabbli tal-prestazzjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa tagħhom. Għodod bħall-Fiscal Blueprints (“Pjanijiet ta’ Azzjoni Fiskali”) u t-Tax Administration Diagnostic Assessment Tool (“Għodda ta’ Valutazzjoni Dijanjostika tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa”) huma disponibbli għall-pubbliku biex l-Istati Membri jiġu appoġġjati f’dan l-eżerċizzju.
Rakkomandazzjoni 11: Proċedura doganali 42
Filwaqt li titfakkar ir-rakkomandazzjoni fir-rapport preċedenti, l-Istati Membri xorta jenħtieġ li jiżguraw li l-Awtoritajiet doganali jiċċekkjaw in-numru tal-VIES u jiskambjaw l-informazzjoni mal-awtoritajiet tat-taxxa.
5.Lejn Amministrazzjoni tat-Taxxa (VAT) aħjar permezz tal-kooperazzjoni
F’ambjent li dejjem qiegħed jinbidel, il-ġbir tat-taxxi qiegħed isir dejjem sfida akbar. Id-diġitalizzazzjoni, il-globalizzazzjoni, il-mudelli l-ġodda tan-negozju, il-frodi u l-evitar tat-taxxa u r-restrizzjonijiet tar-riżorsi jħeġġu lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa biex jeżaminaw mill-ġdid il-prattiki tagħhom u jsibu modi addizzjonali jew alternattivi kif jiġbru t-taxxi. Barra minn hekk, il-kwalità tal-amministrazzjoni tat-taxxa f’termini ta’ effiċjenza u effettività jenħtieġ li tiġi żgurata biex jiġi evitat impatt fuq il-ġbir tad-dħul mill-VAT fl-Istat Membru tagħhom u fi Stati Membri oħra.
Għalhekk, wasal iż-żmien li naġixxu u naħdmu flimkien. Ħafna amministrazzjonijiet tat-taxxa jirrealizzaw li m'għadhomx jistgħu jaġixxu b’mod iżolat. Illum il-ġurnata, awtoritajiet tat-taxxa ta’ Stati Membri iżgħar diġà qegħdin jaħdmu flimkien mill-qrib dwar kwistjonijiet komuni sabiex jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala (Benelux, il-pajjiżi Nordiċi u l-Istati Baltiċi). Suġġetti fil-qasam tal-IT, approċċi ta’ konformità, il-ġestjoni tar-riskju, il-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-bini tal-kapaċità amministrattiva jidhru fl-aġendi tagħhom. Madankollu, il-benefiċjarji ta’ dawn l-inizjattivi reġjonali huma kkonfrontati bil-limiti tal-kopertura ġeografika tagħhom f’Unjoni akbar, u spiss jippruvaw jespandu l-inizjattivi tagħhom għal-livell tal-UE. Xi drabi l-Istati Membri ma jirnexxilhomx jagħtu segwitu xieraq għall-impenji tagħhom minħabba nuqqas ta’ riżorsi jew impenn politiku. Barra minn hekk, xi amministrazzjonijiet tat-taxxa huma impenjati f’riformi strutturali u jixtiequ jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Bl-appoġġ tal-Kummissjoni, dawn l-Istati Membri jistgħu jinfurmaw u jassistu lil amministrazzjonijiet oħra meta jkunu qegħdin jagħmlu riforma tal-organizzazzjoni tagħhom. Diġà hemm għodod bħall-Programm Fiscalis 2020 u l-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri biex itejbu l-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni tat-taxxa tagħhom.
Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw minn djalogu strateġiku strutturat fil-livell tal-UE dwar l-isfidi ewlenin bħall-impatt tal-ekonomija diġitali u teknoloġiji ġodda, l-użu ta’ kooperazzjoni amministrattiva għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, l-investiment f’għodod u proċessi ta’ analitika tad-data u fil-kollaborazzjoni tal-IT, il-qsim tal-esperjenzi f’riformi tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tagħhom, l-approċċi ta’ konformità u l-ġestjoni tar-riskju.
Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni ser torganizza laqgħa għall-Kapijiet tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa fl-2018 biex jiġu diskussi dawn l-isfidi u kif jistgħu jiġu indirizzati.
Barra minn hekk, is-sistemi tal-IT huma essenzjali għall-implimentazzjoni ta’ politiki tat-taxxa, il-ġlieda kontra l-fordi u l-użu ta’ data għal tfassil aħjar tal-politiki. L-amministrazzjonijiet tat-taxxa qegħdin jiddependu dejjem aktar fuq id-data li tinġabar minn sorsi differenti (kontribwenti, korpi u istituzzjonijiet governattivi oħra, Stati Membri oħra, eċċ.). Il-ġestjoni ta’ dan l-ammont enormi ta’ data saret sfida ewlenija għaliex m'għadhiex tista’ tiġi ttrattata b’mod tradizzjonali. Huma meħtieġa għodod ġodda sabiex id-data tkun tista’ tiġi pproċessata u analizzata. Għalhekk, l-Istati Membri huma sfurzati jkompu jinvesti f’soluzzjonijiet tal-IT. Aktar kooperazzjoni, koordinazzjoni u trasparenza bejn l-Istati Membri tal-UE f’dan il-qasam tgħin tnaqqas l-ispejjeż b’mod sinifikanti billi jibbenefikaw minn approċċ konġunt u ekonomiji ta’ skala.
Kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni qegħdin jesploraw l-użu ta’ prodotti teknoloġiċi u tekniki diġitali ġodda għall-kondiviżjoni u l-analitika tad-data. Kollaborazzjoni msaħħa bejn il-Kummissjoni u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri, u bejn dawn l-amministrazzjonijiet, hija l-aħjar mod kif jinġiebu benefiċċji kompatibbli għal kulħadd fis-suq uniku. Barra minn hekk, din tagħmilha aktar faċli biex l-Istati Membri jimplimentaw l-impenji tagħhom fil-qasam tal-amministrazzjoni tat-taxxa.