Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0657

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar l-Aġenda Urbana tal-UE

COM/2017/0657 final

Brussell, 20.11.2017

COM(2017) 657 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar l-Aġenda Urbana tal-UE


1.Introduzzjoni

Il-Patt ta’ Amsterdam, miftiehem mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) f’Mejju 2016, tħejja f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni. Huwa jistabbilixxi l-Aġenda Urbana tal-UE li hija pass storiku fit-triq lejn assoċjazzjoni eqreb tal-bliet mal-iżvilupp tal-politiki tal-UE u dawk nazzjonali. Jagħti opportunità lill-bliet biex joħorġu b’azzjonijiet konkreti favur regolamentazzjoni aħjar, finanzjament aħjar u għarfien aħjar tal-politiki tal-UE u dawk nazzjonali. Dan huwa metodu ta’ ħidma innovattiv billi jpoġġi fil-prattika l-governanza f’diversi livelli, l-aġenda li qed titmexxa b’mod konġunt mill-imsieħba kollha involuti fuq bażi volontarja, inklużiva u ugwali. Ġew identifikati tnax-il kwistjoni li huma partikolarment importanti għall-iżvilupp urban u se jiġu indirizzati b’mod integrat. F’Ġunju 2016, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 1 kkonferma l-importanza tal-Aġenda Urbana tal-UE u sejjaħ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE biex jimpenjaw ruħhom għalkollox fl-implimentazzjoni tagħha.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-objettivi u l-prijoritajiet tal-UE u l-Istati Membri tagħha, li ġew adottati fit-Tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Akkomodazzjoni u l-Iżvilupp Urban Sostenibbli (Habitat III), jippreżentaw ftit karatteristiċi ewlenin għall-iżvilupp urban. Huma jsejħu għal approċċ integrat u bbażat fuq il-post, flimkien ma’ viżjoni fit-tul, li huma meħtieġa sabiex jiġu promossi bliet ta’ kull daqs li huma ġestiti tajjeb, soċjalment inklużivi u sikuri, reżiljenti, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ambjentalment sostenibbli kif ukoll ekonomikament prosperi 2 . L-aġenda Urbana tal-UE hija kompletament konformi ma’ dan.

Il-bliet huma muturi importanti għat-tkabbir ekonomiku tal-UE. Huwa fil-bliet fejn tgħix il-maġġoranza taċ-ċittadini, fejn tiġi ġġenerata l-akbar parti tal-Prodott Gross Domestiku, fejn tiġi implimentata parti kbira tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki tal-UE, u fejn jintefaq proporzjon sinifikanti tal-fondi tal-UE. Barra minn hekk, il-bliet huma atturi ta’ innovazzjoni miftuħa, li jippermettu interazzjonijiet fuq diversi livelli, multidimensjonali u multisettorjali bejn il-partijiet ikkonċernati differenti involuti fil-ħolqien, id-disinn u l-implimentazzjoni b’mod konġunt ta’ soluzzjonijiet integrati u innovattivi.

Il-bliet huma wkoll il-postijiet fejn jistgħu jiġu sfruttati l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-kuntest urban (pereż. it-tranżizzjoni favur emissjonijiet baxxi, l-ekonomija ċirkolari, il-mobbiltà nadifa, l-offerta kulturali, eċċ.). Fl-istess ħin, bosta sfidi għandhom impatt kbir fuq il-bliet u huwa hemm fejn dawn jistgħu jiġu indirizzati bl-aħjar mod. Dawn l-isfidi jistgħu jkunu relatati ma’ kwistjonijiet globali (pereż. il-qgħad, il-migrazzjoni, l-impatti tad-diżastri aggravati mit-tibdil fil-klima, l-iskarsezza tal-ilma, il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli jew it-telf tal-bijodiversità, l-ekonomija griża u sewda, eċċ.), iżda jistgħu jkunu wkoll relatati ma’ kwistjonijiet lokali, marbutin mill-qrib mal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħhom (pereż. il-kwalità tal-arja, l-ispazju rikreattiv, il-livelli tat-traffiku u tal-ħsejjes, it-tniġġis tal-ilma, eċċ.). Il-White Paper dwar il-futur tal-Ewropa enfasizzat li “ħafna Ewropej iqisu li l-Unjoni jew hija mbiegħda wisq, jew inkella qiegħda tindaħal wisq fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum” 3 . Peress li l-bliet huma wieħed mill-eqreb livelli ta’ governanza lejn iċ-ċittadini, il-ħidma magħhom tista’ tqarreb lill-UE aktar lejhom. Għalhekk, l-UE u l-bliet, flimkien mal-Istati Membri, ir-Reġjuni u l-partijiet ikkonċernati, għandhom jaħdmu id f’id biex ikollhom politiki adattati għall-ħtiġijiet tal-bliet u b’hekk iwasslu għal titjib viżibbli fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies.

Il-momentum dwar kwistjonijiet urbani mhux qed jiżdied biss fl-UE iżda wkoll globalment fejn l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu strumentali fit-tfassil tal-Aġenda Urbana Ġdida. Dan tal-aħħar jirrifletti u jsaħħaħ il-prinċipji u l-messaġġi ewlenin tal-Patt ta’ Amsterdam. L-Aġenda Urbana Ġdida qed toħloq relazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku bejn l-urbanizzazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli u se tiggwida l-politiki tal-iżvilupp urban u l-finanzjament għall-20 sena li ġejjin. L-Aġenda Urbana tal-UE tikkontribwixxi għall-koperazzjoni esterna lejn bliet sostenibbli madwar id-dinja u ssaħħaħ il-potenzjal għal aktar żvilupp urban inklużiv, sikur, reżiljenti u sostenibbli, fil-qafas tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp 4 u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jmiss dwar il-Bliet u l-Awtoritajiet Lokali f’pajjiżi terzi. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxa li l-Aġenda Urbana tal-UE hija mekkaniżmu eżekuttiv ewlieni għall-Aġenda Urbana Ġdida fl-Unjoni Ewropea 5 .

L-Aġenda Urbana tal-UE tagħti wkoll spinta importanti lil diversi ftehimiet internazzjonali oħra. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli Nru 11 tal-Aġenda 2030 li jappella sabiex “il-bliet u l-insedjamenti umani” jkunu “inklużivi, sikuri, reżiljenti u sostenibbli”, kif ukoll tal-għanijiet relatati mal-ambjent urban. L-Aġenda tappoġġa wkoll il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima 6 li huwa l-ewwel ftehim universali u legalment vinkolanti dwar il-klima globali filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol kruċjali li għandhom il-bliet fit-tnaqqis tal-emissjonijiet kif ukoll il-qafas Sendai għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri 7 . Fl-aħħar nett, hija ispirat l-iżvilupp tal-“Unjoni għall-Aġenda Urbana tal-Mediterran” adottata dan l-aħħar.

L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jiddeskrivi l-istadju inizjali tal-implimentazzjoni u r-riżultati preliminari tal-Aġenda Urbana tal-UE sa Ottubru 2017. L-ewwel parti hija ddedikata għall-implimentazzjoni u tissottolinja l-karatteristiċi ewlenin tal-metodu ta’ ħidma. It-tieni parti hija ddedikata għar-riżultati u tippreżenta l-impatti li l-Aġenda Urbana tal-UE kellha sa issa fuq it-tfassil tal-politika kif ukoll xi proposti preliminari f’termini ta’ regolamentazzjoni aħjar, finanzjament aħjar u għarfien aħjar permezz tal-ewwel abbozzi tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni.

2.Implimentazzjoni

L-Aġenda Urbana tal-UE tikkostitwixxi l-“kappa” li taħtha jaqgħu l inizjattivi kollha li jirrigwardaw il-politika urbana. Bħala tali, din għandha tiġi implimentata mill-atturi rilevanti kollha fil-livelli kollha.

Is-Sħubijiet (gruppi ta’ esperti mill-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-bliet u l-partijiet ikkonċernati) għandhom rwol ewlieni. F’dawn, il-livelli kollha ta’ governanza huma involuti f’kull stadju u jaħdmu fuq bażi ugwali biex b’hekk jikkondividu r-responsabbiltà tar-riżultati u jikkooperaw fuq bażi ta’ kuljum: l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Korpi Konsultattivi, il-Ministeri tal-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali, l-awtoritajiet urbani kif ukoll il-partijiet ikkonċernati. Wara sena ta’ esperjenza, il-membri jqisu li l-metodu ta’ ħidma huwa pożittiv ħafna peress li jippromwovi s-sjieda u jtejjeb il-kontenut tal-eżiti.

Fil-Patt ta’ Amsterdam ġew identifikati tnax-il tema ta’ prijorità. Dawn intgħażlu billi tqiesu l-prijoritajiet tal-istrateġija UE 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv: Inklużjoni ta' migranti u refuġjati; Faqar urban; Djar; Kwalità tal-arja; Ekonomija ċirkolari; Impjiegi u ħiliet fl-ekonomija lokali; L-adattament għat-tibdil fil-klima (inkluż soluzzjonijiet ta’ infrastruttura ekoloġika); Tranżizzjoni tal-enerġija; Użu sostenibbli tal-art u Soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura; Mobbiltà urbana; Tranżizzjoni diġitali; u Akkwist pubbliku innovattiv u responsabbli. Dawn it-temi prijoritarji jiġu indirizzati billi jitqiesu għadd ta’ kwistjonijiet trasversali li jirriflettu ċerti politiki importanti tal-UE, b’mod partikulari d-dimensjoni territorjali: il-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni tajba bejn il-bliet u ż-żoni rurali; l-importanza ta’ bliet żgħar u ta’ daqs medju; il-valur miżjud ta’ ppjanar urban tajjeb li jista’ jkollu impatt fuq it-tifrix urban u l-attività fil-qalba tal-bliet; ir-rabtiet mad-dimensjoni internazzjonali, b’mod speċjali l-Aġenda Urbana Ġdida u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli; il-prinċipju ġenerali tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, eċċ.

Is-Sħubiji janalizzaw l-isfidi u l-punti ta’ konġestjoni sabiex jirrakkomandaw azzjonijiet iffukati, konkreti u implimentabbli fil-forma ta’ Pjan ta’ Azzjoni li għandu jiġi ffinalizzat fi żmien sentejn wara li jibdew il-ħidma tagħhom. Il-proposti tagħhom adottati b’kunsens ikopru t-titjib tar-regolamentazzjoni, il-finanzjament u l-għarfien, iżda jistgħu jiġu estiżi anki biex jinkludu l-politiki, il-governanza u l-prattiki. Dan l-approċċ jieħu kont tad-diversità tal-bliet u l-kuntest territorjali usa’ tagħhom sabiex jikkontribwixxi għall-objettiv tal-Unjoni ta’ koeżjoni territorjali.

It-tnax-il Sħubija kollha ġew stabbiliti fi tliet fażijiet bejn Mejju 2016 u Ġunju 2017 (erba’ Sħubijiet taħt il-Presidenza Netherlandiża, erba’ taħt il-Presidenza Slovakka u erba’ taħt il-Presidenza Maltija). L-Istati Membri u l-bliet li qed jipparteċipaw ġew proposti mill-Istati Membri, mill-Kumitat tar-Reġjuni, mill-Eurocities, mill-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej kif ukoll mill-programm URBACT 8 u ntgħażlu mill-Grupp tad-Diretturi Ġenerali dwar Kwistjonijiet Urbani 9 . Għadd kbir ta’ bliet u msieħba esprimew l-interess tagħhom li jipparteċipaw fis-Sħubiji (waslu b’kollox madwar 250 applikazzjoni). Il-kopertura tas-Sħubiji hija wiesgħa ħafna: 22 Stat Membru, 84 belt, 13-il Direttorat Ġenerali 10 tal-Kummissjoni, żewġ assoċjazzjonijiet ta’ bliet (Eurocities u l-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej), il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) (fi tmien Sħubijiet) u ħafna partijiet ikkonċernati bħal assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet nongovernattivi, korpi ta’ riċerka u edukazzjoni, u rappreżentanzi kummerċjali (pereż. il-Federazzjoni Ewropea tal-Organizzazzjonijiet Nazzjonali li Jaħdmu mal-Persuni mingħajr Dar -, Polis - netwerk ta’ bliet u reġjuni Ewropej li jaħdmu fuq it-trasport lokali -, Housing Europe). Ta’ min jenfasizza li l-kompożizzjoni tas-Sħubiji hija bbilanċjata bl-involviment tal-maġġoranza tal-Istati Membri, ta’ bliet ta’ kull daqs, minn kull parti tal-UE u ta’ kull livell u żvilupp ekonomiku u soċjali, kif ukoll ma’ xi netwerks reġjonali ta’ bliet u ma’ xi Reġjuni.

Sabiex jiġi żgurat li s-Sħubijiet jibqgħu operattivi, id-daqs tagħhom huwa limitat għal 15-20 membru. Huwa għalhekk ta’ importanza kruċjali li l-grupp jaħdem b’mod għalkollox trasparenti u jagħti vuċi wkoll lil dawk mhux imsieħba fih. Dan sar permezz ta’ sit web interattiv imsejjaħ “Futurium” li permezz tiegħu dawk kollha interessati jistgħu jiġu infurmati u jagħtu feedback (pereż. fuq l-ewwel abbozzi tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni proposti mis-Sħubiji) 11 , permezz ta’ serje ta’ workshops kif ukoll permezz ta’ konferenza ta’ livell għoli organizzata mill-Kummissjoni kull sentejn imsejħa l-“Forum CITIES” 12 .

L-Aġenda Urbana tal-UE titlob li l-kwistjonijiet jiġu indirizzati b’mod integrat. It-temi ta’ prijorità jeħtieġu l-kontribut u l-kollaborazzjoni ta’ esperti minn oqsma differenti ta’ politika. Pereżempju, it-titjib tal-kwalità tal-arja jirrigwarda l-indirizzar ta’ kwistjonijiet marbuta mat-trasport, l-enerġija, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, is-saħħa, il-governanza, l-akkomodazzjoni, l-infrastruttura, l-intrapriżi, il-bini 13 , il-mudelli finanzjarji daqs kemm jirrigwarda r-riċerka u l-innovazzjoni.

F’konformità ma’ dan l-approċċ, esperti minn diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea jipparteċipaw fil-ħidma tas-Sħubiji li tiżgura, b’mod partikolari, li dawn ikopru l-ħafna politiki u strumenti tal-UE rilevanti għall-bliet u li dawn jaħdmu flimkien biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet, jiġu stabbiliti komplementaritajiet u jibnu fuq is-sinerġiji. Biex jissaħħaħ approċċ komprensiv ta’ kwistjonijiet urbani u proposti konsistenti biex jiġu indirizzaw dawn l-isfidi, is-Sħubijiet jikkoordinaw ukoll ix-xogħol bejniethom.

3.L-ewwel riżultati

3.1.Impatt fuq it-tfassil tal-politika

3.1.1.Bliet

Il-bliet mhumiex biss il-postijiet fejn il-politiki u l-istrumenti tal-UE jiġu implimentati, huma jistgħu wkoll ikunu atturi fl-iżvilupp tal-politiki tal-UE li jindirizzaw l-isfidi li jiffaċċjaw. Fil-fatt, permezz tal-ħidma fis-Sħubiji ħafna bliet urew il-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti fit-tfassil tal-politiki tal-UE. Madankollu, mhux il-bliet kollha jistgħu jinvestu ħin u riżorsi biex jaħdmu fil-livelli nazzjonali u tal-UE. Għalhekk huwa importanti li titqajjem kuxjenza u jitrawwem l-impenn min-naħa tal-bliet li mhumiex involuti direttament fil-ħidma tas-Sħubijiet. Barra minn hekk, filwaqt li ma jiġux immultiplikati l-inizjattivi u n-netwerks, hija sfida importanti għas-snin li ġejjin biex tiġi appoġġata u mibnija l-kapaċità sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw approċċi integrati fil-livell lokali permezz ta’ kooperazzjoni innovattiva bejn l-amministrazzjoni, is-settur kummerċjali u ċ-ċittadini.

3.1.2.L-Istati Membri

L-Istati Membri huma attivi ħafna fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana tal-UE u dawn qdew rwol ewlieni fil-governanza tal-proċess. Matul l-aħħar Triju ta’ Presidenzi (il-Presidenzi tan-Netherlands, is-Slovakkja u Malta) dan il-proċess kompla mingħajr intoppi fl-għażla ta’ msieħba għal kull waħda mit-tnax-il Sħubija, il-monitoraġġ ta’ Sħubiji li diġà ġew stabbiliti u d-diskussjonijiet biex jitmexxa l-proċess ġenerali.

L-Aġenda Urbana tal-UE u l-Aġenda Urbana Ġdida wkoll irriġeneraw l-interess fil-politika f’xi Stati Membri biex jiżviluppaw jew isaħħu l-politika urbana nazzjonali tagħhom 14 . Dan il-proċess għandu potenzjal wiesa’ billi jottimizza l-użu tad-dinamiżmu tal-bliet u jiżgura l-integrazzjoni tal-inizjattivi u l-ippjanar tal-bliet fl-istrateġiji ta’ żvilupp nazzjonali u reġjonali tal-pajjiż. Dan jista’ jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-livelli nazzjonali u lokali, iwassal għall-involviment tal-bliet u tal-partijiet ikkonċernati fit-tfassil tal-politiki li jippermettu l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-prattiki tajba dwar kwistjonijiet komuni.

3.1.3.L-Istituzzjonijiet u l-Korpi tal-UE

Il-Kummissjoni tiffaċilita l-proċess ġenerali billi tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ għarfien espert fil-politika tal-UE fil-laqgħat tas-Sħubiji, tipprovdi Segretarjat għas-Sħubiji u twettaq attivitajiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati kollha.

Il-Kummissjoni saħħet il-koordinazzjoni tal-politika sabiex tiżgura li jkun hemm koerenza aħjar bejn il-politiki tal-UE, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, jiġu stabbiliti komplementaritajiet u jinbnew is-sinerġiji. Din il-koordinazzjoni għad trid tissaħħaħ fis-snin li ġejjin biex jinkisbu riżultati kompleti. B’mod partikolari, il-koordinazzjoni sseħħ kemm fil-livell politiku, fit-tim tal-proġett dwar kwistjonijiet urbani, kif ukoll fil-livell operattiv, fil-grupp tal-interservizzi ddedikat għal kwistjonijiet urbani li jikkoordina l-iżviluppi tal-politika.

L-Aġenda Urbana tal-UE tikkostitwixxi l-qafas komuni għall-inizjattiva tal-politika urbana mnedija mill-Kummissjoni. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, għas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar Bliet u Komunitajiet Intelliġenti 15 , l-Inizjattiva ta’ Programmar Konġunt għal Ewropa Urbana 16 , Orizzont 2020 17 , il-Patt tas-Sindki 18 (fejn bosta azzjonijiet huma konformi mal-prijoritajiet ewlenin kemm tal-Aġenda Urbana tal-UE kif ukoll tal-Aġenda Urbana Ġdida, jiġifieri d-dritt għall-belt; l-ispazji pubbliċi; ir-reżiljenza urbana), għall-Azzjonijiet Innovattivi Urbani (fejn is-sejħiet ġew allinjati mat-tnax-il suġġett tal-Aġenda Urbana tal-UE), u għall-impenji internazzjonali.

Għalhekk, l-Aġenda Urbana tal-UE hija totalment inkorporata fil-ħidma tal-Kummissjoni u hija msemmija f’diversi dokumenti ta’ politika ewlenin bħal: il-Komunikazzjoni "L-Ewropa Attiva – Aġenda għal tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn mobilità kompetittiva, konnessa u mingħajr ħsara għall-ambjent għal kulħadd” 19 ; Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 20 taħt l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa li jinkludi x-xogħol ta’ Sħubija għat-tranżizzjoni Diġitali bħala waħda mill-azzjonijiet prinċipali tiegħu 21 ; il-Komunikazzjoni “Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija Nadifa” fejn aspetti urbani huma inklużi, flimkien ma’ azzjoni speċifika dwar “Proġetti ta’ dimostrazzjoni urbani li huma intelliġenti, sostenibbli u inklużivi u l-aħjar prattiki fil-bliet”; u l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi 22 li jirreferi għas-Sħubija dwar l-integrazzjoni tal-migranti u tar-refuġjati bħala qafas biex jiġu skambjati esperjenzi u l-aħjar prattiki.

Il-Parlament Ewropew huwa attur importanti ħafna fl-Aġenda Urbana tal-UE permezz ta’ inputs ta’ politika fis-Sħubiji u tal-iffinanzjar tas-Segretarjat. Ladarba l-azzjonijiet ikunu ġew iffinalizzati, dawn se jiġu trasmessi lill-Parlament Ewropew biex jikkunsidra kif huma jistgħu jiġu integrati fil-ħidma tiegħu bħala koleġiżlatur.

Il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kienu favur ħafna tal-Aġenda Urbana tal-UE u qed ikomplu jiddiskutu kwistjonijiet urbani fuq bażi regolari. B’mod partikolari, il-Kummissjoni COTER qablet dwar “L-istrateġija ta’ segwitu dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana tal-UE” 23 .

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa involut b’mod attiv fl-Aġenda Urbana tal-UE. B’mod partikolari, il-BEI stabbilixxa Grupp ta’ Ħidma għall-Aġenda Urbana li jlaqqa’ flimkien rappreżentanti mis-servizzi kollha tal-BEI biex jeżaminaw diversi modi kif il-BEI jista’ jikkontribwixxi għall-Aġenda Urbana tal-UE 24 .

3.2.Azzjonijiet proposti mis-Sħubijiet

Kull Sħubija jeħtieġ li tfassal Pjan ta’ Azzjoni bi proposti konkreti għal regolamentazzjoni aħjar, finanzjament aħjar u għarfien aħjar, marbuta mat-tema tas-Sħubija. L-ewwel tlieta pproduċew l-abbozzi tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tagħhom 25 f’nofs l-2017 li se jiġu finalizzati sa tmiem l-2017 (dwar il-faqar urban, is-settur tal-abitazzjoni kif ukoll l-inklużjoni tal-migranti u r-refuġjati). Wara dawn is-Sħubiji jistgħu jkomplu jaħdmu fuq l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet proposti kif ukoll fuq aktar azzjonijiet potenzjali. Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni tas-Sħubiji li fadal huma mistennija li jiġu ppreżentati fl-2018 / 2019.

Ma hemm l-ebda obbligu legali li l-azzjonijiet jiġu implimentati li għalhekk huma volontarji għad-destinatarji tal-azzjonijiet. Madankollu, l-Istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, il-bliet u l-partijiet ikkonċernati, għandhom jeżaminaw kif jistgħu jiġu implimentati l-azzjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tagħhom. Il-Kummissjoni qed tippjana li tagħmel dan, u tista’ tqis li timplimenta wħud minn dawk indirizzati lilha fil-forma ta’ proposti leġiżlattivi, inkluż strumenti ta’ finanzjament, proċessi ta’ tfassil ta’ politika inklużiva jew mekkaniżmi mtejba għall-iskambju ta’ esperjenza. Fejn ikun rilevanti, l-azzjonijiet jistgħu jiġu inklużi fil-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) għal emendi leġiżlattivi possibbli.

3.2.1.Regolamentazzjoni aħjar

Il-bliet huma ffaċċjati b’diversi saffi ta’ leġiżlazzjoni li ssir fil-livell tal-UE, nazzjonali u xi drabi anke dak reġjonali u lokali. L-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti hija kultant diffiċli peress li r-regoli mhux neċessarjament ikunu tħejjew b’perspettiva urbana.

Fil-kuntest tal-Aġenda Urbana tal-UE, il-Kummissjoni tesplora kif tivvaluta aħjar l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq iż-żoni urbani, bl-użu tal-għodod disponibbli u inkluż l-involviment akbar tal-partijiet ikkonċernati. Il-Kummissjoni diġà qed tanalizza 26 l-impatti territorjali potenzjali ta’ inizjattivi leġiżlattivi jew ta’ politika li għandhom dimensjoni urbana. Fl-2016 u l-2017, il-Kummissjoni ttestjat il-metodi disponibbli fuq ħames każijiet: Evalwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija; L-Aġenda l-Ġdida għal Ħiliet għall-Ewropa; Il-faċilitajiet fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija; Rekwiżiti minimi fl-UE għall-kwalità tal-ilma li jintuża mill-ġdid; u Vetturi ndaf u enerġetikament effiċjenti.

Il-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali taw l-opportunità lill-esperti tal-bliet, ir-reġjuni u l-Istati Membri biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni dwar inizjattivi tal-UE u b’hekk ipprovdew tagħrif utli dwar id-diversi impatti potenzjali fuq il-bliet. Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali qed jintużaw għal Valutazzjonijiet tal-Impatt imħejjija mill-Kummissjoni dwar l-inizjattivi ta’ politika tagħha. Barra minn hekk, il-proċess ippermetta li jkun hemm koordinazzjoni mill-qrib dwar il-politika fost is-servizzi tal-Kummissjoni. Il-pass li jmiss se jkun li jinsiltu xi konklużjonijiet mill-każijiet ta’ prova sabiex jiġi żgurat li jintużaw metodoloġiji tal-impatt territorjali mtejba b’mod iktar mifrux fil-Kummissjoni u fl-Istati Membri.

L-ewwel azzjonijiet tal-abbozzi tas-Sħubijiet għal regolamentazzjoni aħjar jiffokaw fuq it-titjib possibbli tal-proċessi ta’ politika u leġiżlazzjoni. Dawn imorru lil hinn minn tibdil fil-leġiżlazzjoni u jinkludu proposti mhux leġiżlattivi ġodda. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jiġu eżaminati mill-Kummissjoni fil-qafas tal-Pjattaforma REFIT 27 jew permezz ta’ mezzi oħra. Xi eżempji tal-abbozzi ta’ azzjonijiet li ġew żviluppati minn Sħubiji huma 28 :

·Id-deċiżjoni dwar ir-Rieżami tas-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali fir-rigward tal-grupp ta’ mira għall-akkomodazzjoni soċjali L-objettiv huwa li jsir rieżami tad-definizzjoni attwali tal-grupp ta’ mira għall-akkomodazzjoni soċjali fid-deċiżjoni dwar is-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali. L-għan huwa li titjieb iċ-ċertezza legali għall-investituri fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli pubblika u privata.

·Tiġi adottata Garanzija Ewropea għat-TfalL-objettiv huwa li jitnaqqsu l-livelli ta’ faqar fost it-tfal u ż-żgħażagħ fil-livell tal-UE u dak nazzjonali permezz ta’ Garanzija għat-Tfal. L-azzjoni tirrikjedi li jiġi ddefinit sett ta’ objettivi realistiċi u ta’ miri li jistgħu jitkejlu, li jiggarantixxu d-drittijiet tat-tfal permezz ta’ pjan jew strateġija nazzjonali bbażati fuq id-drittijiet tat-tfal għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u li jiġu pprovduti fondi adegwati.

·Jiġi stabbilit Bord Konsultattiv Ewropew għall-MigrazzjoniL-objettiv huwa li jiġu involuti refuġjati u migranti oħra fit-tfassil ta’ politiki relatati mal-integrazzjoni tagħhom. Il-Bord Konsultattiv se jkun kompost minn migranti u refuġjati. Fl-ewwel stadju, se jipprovdi pariri lis-Sħubija (bil-possibbiltà li jiġu żviluppati aktar azzjonijiet) u fi stadju aktar tard jista’ jiġi estiż biex jipprovdi konsulenza lil dawk li jfasslu l-politiki fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali.

3.2.2.Finanzjament aħjar

Sfidi Ewropej ewlenin bħat-tranżizzjoni tal-enerġija, l-impjiegi u soċjetà inklużiva jeħtieġu investimenti fl-enerġija intelliġenti u sostenibbli, it-trasport sostenibbli, fl-infrastrutturi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, l-innovazzjoni soċjali u dik ibbażata fuq in-natura, djar affordabbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, l-edukazzjoni, l-infrastruttura tas-saħħa, il-kwalità tal-arja jew l-adattament għall-klima. Il-bliet madankollu qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiffinanzjaw dawn l-investimenti, wara tnaqqis qawwi fl-investimenti pubbliċi mill-kriżi tal-2010 ’l hawn 29 .

Bosta strumenti tal-UE u opportunitajiet ta’ finanzjament huma disponibbli għall-bliet. Pereżempju, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jinvesti madwar EUR 100 biljun (2014-2020) fil-bliet u minn dawn, EUR 15-il biljun huma ġestiti b’mod dirett mill-bliet li jippermettilhom jiżviluppaw l-istrateġiji tagħhom stess (l-integrazzjoni ta’ interventi minn oqsma differenti ta’ politika bbażati fuq l-isfidi u l-opportunitajiet lokali) u biex jagħżlu l-aħjar proġetti għall-finanzjament. Il-FEŻR jiffinanzja wkoll l-Azzjonijiet Innovattivi Urbani, b’baġit ta’ EUR 370 miljun (2015-2020), permezz ta’ appoġġ lill-bliet biex jittestjaw soluzzjonijiet ġodda għall-iżvilupp urban. Eżempju importanti ieħor huwa “Orizzont 2020” li investa EUR 1,5 biljun (2014-2017) fir-riċerka urbana u l-azzjonijiet ta’ innovazzjoni, li minnhom EUR 435 miljun (2014-2017) huma ddedikati għal azzjonijiet ta’ innovazzjoni għal Bliet Intelliġenti u Sostenibbli. Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) investa EUR 116-il biljun (2011-2016) fl-iżvilupp urban tal-UE u silef direttament lil aktar minn 150 muniċipalità b’popolazzjoni ta’ aktar minn 75 000 abitant kif ukoll indirettament lil mijiet aktar permezz ta’ faċilitajiet mal-banek promozzjonali.

Madankollu, hemm bżonn li titqajjem kuxjenza dwar l-inizjattivi eżistenti filwaqt li x-xenarju konsultattiv u ta’ finanzjament attwali jeħtieġ li jiġi ssimplifikat. Biex tiffaċilita l-iskambju ta’ esperjenzi dwar il-finanzjament ta’ proġetti urbani, il-Kummissjoni stabbiliet Netwerk għall-Iżvilupp Urban 30 . Fl-istess ħin sorsi eżistenti jeħtieġ li jiġu mfassla aħjar skont il-ħtiġijiet u l-isfidi tal-bliet kif ukoll permezz tal-użu ta’ netwerks eżistenti oħrajn. Sabiex tindirizza dan, il-Kummissjoni u l-BEI qed jaħdmu fuq “Pjattaforma ta’ Investiment Urban u ta’ Konsulenza” ġdida li se tipprovdi għajnuna finanzjarja u servizzi ta’ konsulenza teknika għall-bliet. Il-pjattaforma se toffri appoġġ personalizzat matul l-istadji ewlenin ta’ tħejjija u implimentazzjoni ta’ proġetti urbani integrati, inkluż l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ investiment, it-tħejjija ta’ proġetti ppjanati u l-esplorazzjoni ta’ għodod ta’ finanzjament innovattivi bħal pereżempju l-kombinazzjoni ta’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej mal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.

L-ewwel abbozzi ta' azzjonijiet tas-Sħubiji għal finanzjament aħjar jiffokaw fuq it-titjib tal-aċċess tal-bliet għall-fondi tal-UE abbażi tal-ħtiġijiet tal-awtoritajiet lokali u tal-qafas tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020. Xi eżempji tal-abbozzi ta’ azzjonijiet li ġew żviluppati minn Sħubiji huma 31 :

·Tiġi stabbilita sovvenzjoni globali għall-awtoritajiet urbani biex jiġġieldu l-faqar fil-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020 – L-objettiv huwa li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-Fondi tal-UE fil-bliet permezz tal-introduzzjoni ta’ objettiv tematiku ġdid dwar l-iżvilupp urban bil-kundizzjonalità korrispondenti ex ante u l-possibbiltà ta’ allokazzjoni ta’ fondi għall-faqar urban.

·Jingħata aċċess aħjar lill-bliet għall-fondi tal-UE li jappoġġaw l-integrazzjoni tar-refuġjati u ta’ migranti oħrajn L-objettiv huwa li l-bliet jingħataw aċċess aħjar għall-fondi tal-UE li jippromwovu l-integrazzjoni tar-refuġjati u ta’ migranti oħra. Fil-maġġoranza tal-każi l-bliet ma għandhomx aċċess dirett għall-fondi tal-UE, iżda jridu jgħaddu mill-Istat Membru jew ir-reġjuni tagħhom, li huma responsabbli għall-ġestjoni tal-fondi. Barra minn hekk, l-aċċess għal dawn il-fondi jista’ jkun kumpless li jirrappreżenta sfida għall-bliet li għandhom kapaċità amministrattiva limitata u/jew iridu jaġixxu b’urġenza. L-azzjoni għandha l-għan li ttejjeb is-sitwazzjoni fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (ta’ wara l-2020).

3.2.3.Għarfien aħjar

L-ibliet jeħtieġ li jadattaw ruħhom għal dinja li qed tinbidel. Id-deċiżjonijiet tagħhom għandhom ikunu bbażati fuq informazzjoni preċiża u jistgħu jkunu ispirati mill-esperjenza ta’ bliet oħra. Il-politiki, il-leġiżlazzjoni u l-istrumenti tal-UE jridu wkoll ikunu bbażati fuq evidenza soda u affidabbli dwar kwistjonijiet urbani. Huwa għalhekk li l-Aġenda Urbana tal-UE għandha l-għan li jkun hemm bażi ta’ għarfien aħjar u li jsir skambju ta’ prattiki tajbin. Sabiex jittejjeb l-aċċess għad-data, il-Kummissjoni stabbiliet “Pjattaforma tad-Data Urbana” 32 li ġġib flimkien, għall-ewwel darba, id-data disponibbli mill-Eurostat dwar sfidi urbani ewlenin (pereż. is-settur tal-abitazzjoni, is-sustanzi ewlenin li jniġġsu jew it-traffiku) u tipprovdi indikaturi ewlenin, mhux biss fil-livell tal-bliet, iżda wkoll għal żoni urbani funzjonali u r-reġjuni metropolitani. Barra minn hekk żewġ pubblikazzjonijiet importanti reċenti qed jagħtu kontribut biex ikun hemm fehim tal-bliet Ewropej: “Urban Europe: statistics on cities, towns and suburbs” 33 (2016) li tipprovdi statistika dettaljata; it-tieni waħda tippreżenta l-istat tal-bliet Ewropej 34 u tenfasizza kif il-karatteristiċi uniċi tal-bliet Ewropej jistgħu jappoġġaw il-prijoritajiet tal-UE għall-impjiegi u t-tkabbir, il-migrazzjoni u l-azzjoni klimatika billi jagħtu spinta lill-innovazzjoni, jilqgħu nies minn kuntesti differenti u jnaqqsu l-impatt fuq il-pjaneta.

Il-fehim ġenerali tal-kwistjonijiet urbani jista’ jibbenefika ħafna minn definizzjoni globali u armonizzata tal-bliet 35 , bħala mezz biex titmexxa ’l quddiem il-bażi ta’ evidenza tad-diskussjonijiet globali dwar l-urbanizzazzjoni u l-iżvilupp urban. Sabiex isir progress dwar dan, il-Kummissjoni ħadet impenn lejn il-komunità internazzjonali biex tiżviluppa tali definizzjoni.

Il-Kummissjoni qed tgħin ukoll lill-bliet biex ifasslu aħjar il-politiki tagħhom stess, pereżempju, f’awtovalutazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tagħhom u approċċ sostenibbli dwar temi ambjentali ewlenin permezz ta’ għodda ta’ valutazzjoni komparattiva msejħa l-“Għodda għal Bliet Ekoloġiċi” 36 .

Jeħtieġ ukoll li jkun hemm kondiviżjoni tal-għarfien u tal-informazzjoni mal-bliet b’mod simplifikat. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni stabbiliet punt ta’ dħul elettroniku uniku għall-bliet u l-partijiet ikkonċernati, il-“punt uniku ta’ servizz” 37 dwar l-inizjattivi urbani kollha tal-UE, li jipprovdi informazzjoni kompleta, affidabbli u personalizzata dwar ir-regolamenti u l-fondi tal-UE u l-għarfien dwarha.

Huwa importanti li wieħed jikkapitalizza mill-għarfien u l-esperjenza ġġenerata. Biex isir dan, hemm bżonn li tingħata ħarsa ġdida lejn il-kapitalizzazzjoni tal-għarfien, il-bini tal-kapaċità u n-netwerks 38 . Tabilħaqq, l-għarfien, li nħoloq fuq għexieren ta’ snin bl-appoġġ tal-UE, huwa frammentat, magħmula disponibbli permezz ta’ proġetti individwali u għalhekk ikun spiss diffiċli wisq biex il-bliet u dawk li jfasslu l-politika jkollhom aċċess. L-għarfien xjentifiku (pereż. minn Orizzont 2020, il-pilastru “Xjenza eċċellenti”, Civitas, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent jew iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea) u l-għarfien applikat (pereż. l-Inizjattiva ta’ Programmar Konġunt għal Ewropa Urbana, il-programmi URBACT jew ESPON 39 ) jeħtieġ li jinġiebu flimkien, jiġu sintetizzati u magħmula disponibbli b’mod faċli għal dawk li jfasslu l-politika. Diġà saru xi tentattivi bħan-Netwerk għall-Iżvilupp Urban jew il-Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien sabiex wieħed jikkapitalizza mill-għarfien maħluq taħt programmi tal-UE (pereżempju, il-Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien tippreżenta lill-bliet soluzzjonijiet ġodda ta’ riċerka u innovazzjoni bi tweġiba għall-bosta sfidi tas-soċjetà). Dan it-trasferiment ta’ għarfien huwa rilevanti ħafna wkoll għall-kooperazzjoni esterna peress li l-UE għandha ħafna esperjenzi dwar l-iżvilupp urban li jistgħu jiġu kondiviżi ma’ pajjiżi oħra.

L-ewwel abbozzi ta’ azzjonijiet tas-Sħubiji għal għarfien aħjar jiffokaw fuq il-ħtieġa li tkompli tiġi żviluppata d-data lokali u l-użu aħjar tagħha għat-tfassil tal-politika fil-livelli kollha. Azzjonijiet immirati lejn il-ġbir tad-data huma mifruxa minn gruppi fil-mira u minn politiki settorjali. Sabiex jitjieb it-tfassil tal-politika urbana, l-azzjonijiet f’dan il-qasam jistgħu jipprevedu xi verifika tal-konsistenza. Xi eżempji tal-abbozzi ta’ azzjonijiet li ġew żviluppati minn Sħubiji huma 40 :

·Abbozz ta’ gwida dwar ir-regolamentazzjoni tal-UE u l-appoġġ pubbliku għal djar affordabbliL-objettiv huwa li tittejjeb iċ-ċertezza legali u ċ-ċarezza għall-investituri pubbliċi u privati. Sħubija tad-Djar fasslet analiżi fil-fond tal-effetti tar-regola attwali tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għal djar affordabbli. Dan jirriżulta f’dokument ta’ gwida li jindirizza l-punti ewlenin ta’ tħassib tal-fornituri tad-djar soċjali, affordabbli u muniċipali kif ukoll il-leġiżlaturi fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE.  

·Tiġi stabbilita akkademja bejn il-pari dwar strateġiji u prattiki ta’ integrazzjoni L-objettiv hu li jkun hemm offerta ta’ taħriġ u attivitajiet ta’ tipi differenti sabiex jitjieb l-għarfien u l-kapaċità ta’ dawk li jfasslu l-politika li jippromwovu l-integrazzjoni tar-refuġjati u migranti oħra. Tabilħaqq, l-awtoritajiet lokali qed iħabbtu wiċċhom ma’ firxa kumplessa ta’ sfidi relatati mal-integrazzjoni u huma dejjem aktar meħtieġa li jaġixxu malajr biex jirreaġixxu għad-domandi u għall-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tal-popolazzjoni tagħhom. It-tagħmir bl-għarfien u l-kapaċità meħtieġa huwa kruċjali biex jiġu żviluppati politiki ta’ integrazzjoni reattivi u effikaċi. 

·Tiġi stabbilita bażi statistika soda fir-rigward tad-data relatata mal-integrazzjoni fil-livell urban u reġjonali L-objettiv huwa li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni ta’ politiki bbażati fuq l-evidenza fil-bliet. Attwalment, fil-livell lokali, hemm diskrepanza fid-disponibbiltà tal-istatistika dwar l-integrazzjoni, involviment limitat tal-ibliet dwar id-data u ebda indikatur komparabbli dwar l-integrazzjoni. Barra minn hekk u bħala konsegwenza ta’ dan, hemm ammont limitat ta’ trasferiment tal-għarfien bejn il-bliet.

·Tiġi stabbilita bażi tad-data u għodod dwar l-integrazzjoni tal-migranti u d-djar affordabbli – L-objettiv huwa li jiġu ffaċilitati politiki bbażati fuq l-evidenza fil-bliet permezz ta’ data affidabbli u t-trasferiment tal-għarfien. Attwalment hemm diskrepanza fid-disponibbiltà ta’ statistika fuq livell lokali. Barra minn hekk, ftit li xejn hemm trasferiment tal-għarfien bejn il-bliet.

4. Konklużjoni u l-passi li jmiss

Wara sena waħda biss, l-Aġenda Urbana tal-UE diġà tat l-ewwel riżultati tanġibbli. It-tnax-il Sħubija huma operattivi, sistema ta’ governanza tinsab fis-seħħ u tħejjew tliet abbozzi ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni. Fil-Kummissjoni, il-kwistjonijiet urbani huma fuq l-aġenda, u saru sforzi biex tittejjeb il-koordinazzjoni interna, jiġu involuti aktar bliet u jingħata aċċess faċli għall-informazzjoni dwar l-opportunitajiet tal-UE lill-bliet. Il-metodu ta’ ħidma - il-governanza f’diversi livelli, l-involviment ta’ diversi partijiet ikkonċernati u approċċ integrat - qed jiffunzjona u jista’ jintuża f’oqsma oħra ta’ politika.

L-impenn għall-Aġenda Urbana tal-UE, li nbeda matul il-Presidenza Netherlandiża tal-UE, għadu wieħed qawwi. Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-bliet huma ħerqana biex isaħħu d-dimensjoni urbana tal-attivitajiet tagħhom peress li dan huwa mezz biex ikunu eqreb taċ-ċittadini: billi joħolqu politiki tajba b’riżultati pożittivi fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Dan l-interess jinsab ukoll fix-xena internazzjonali, fejn il-fehim tal-kunċett ta’ “Aġenda Urbana” huwa mifrux u ġie żviluppat ukoll permezz tal-Aġenda Urbana Ġdida u l-Unjoni għall-Aġenda Urbana tal-Mediterran. Barra minn hekk, il-bliet u l-awtoritajiet lokali qed isiru dejjem aktar importanti fil-proċessi internazzjonali dwar l-iżvilupp sostenibbli, il-klima u t-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri.

Wara l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni, l-Aġenda Urbana tal-UE wriet li hemm skop biex tissaħħaħ il-politika urbana fl-UE u l-ħtieġa li din tiġi diskussa aktar. Għadna fi stadju bikri iżda diġà jeżistu xi stadji importanti konkreti: fis-27-28 ta’ Novembru, il-progress fl-Aġenda Urbana tal-UE se jiġi diskuss waqt il-Forum tal-Bliet; fl-2018 / 2019, tnax-il Sħubija għandhom ilkoll ikollhom fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni tagħhom finalizzati; fl-2018, għandu jinħareġ id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Bliet u l-Awtoritajiet Lokali f’pajjiżi terzi; bejn l-2018 u l-2021 għandhom jiġu implimentati xi wħud minn dawn l-azzjonijiet; sal-aħħar tal-2019, il-Kummissjoni qed tippjana li twettaq evalwazzjoni dwar l-Aġenda Urbana tal-UE. Dan kollu għandu jwassal għal fehim komuni dwar l-aħjar modi kif wieħed jaħdem mal-bliet u jappoġġjahom fl-iżvilupp tagħhom. Il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli tippromwovi l-Aġenda Urbana tal-UE peress li hija konvinta li l-bliet huma atturi importanti li għandhom jiġu involuti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE.

(1)   http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/06/24-conclusions-eu-urban-agenda/
(2)   http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8824-2016-INIT/mt/pdf
(3)  COM(2017) 2025 finali.
(4)   http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2017/05/19-european-consensus-on-development/
(5)   http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8824-2016-INIT/mt/pdf
(6)   http://unfccc.int/paris_agreement/items/9485.php
(7)   http://www.unisdr.org/we/coordinate/sendai-framework
(8) http://urbact.eu/
(9) Il-Grupp tad-Diretturi Ġenerali dwar Kwistjonijiet Urbani huwa magħmul mill-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-bliet (il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Eurocities, il-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej). Dan il-grupp huwa kopresedut mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-UE u mill-Kummissjoni.
(10) Id-DĠ Politika Reġjonali u Urbana, id-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali, id-DĠ Azzjoni Klimatika, id-DĠ Netwerks tal-Komunikazzjoni, Kontenut u Teknoloġija, id-DĠ Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni, id-DĠ Enerġija, id-DĠ Mobilità u Trasport, id-DĠ Ambjent, id-DĠ Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs, id-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni, id-DĠ Riċerka u Innovazzjoni, id-DĠ Għajnuna Umanitarja u Protezzjoni Ċivili, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.
(11)   https://ec.europa.eu/futurium/en/urban-agenda
(12)   https://ec.europa.eu/futurium/en/content/save-date-cities-forum-2728-november-rotterdam
(13)  COM(2012) 433 finali.
(14)   http://www.oecd.org/regional/regional-policy/the-state-of-national-urban-policy-in-oecd-countries-9789264271906-en.htm .
(15)   http://ec.europa.eu/eip/smartcities/
(16)   http://www.jpi-urbaneurope.eu/  
(17)   https://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/en/what-horizon-2020
(18)   http://www.patttassindki.eu/about/covenant-of-mayors_mt.html
(19)  COM(2017) 283 finali u SWD(2017) 177 finali.
(20)  COM(2016) 179 finali ( http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52016DC0179&qid=1508236289130&from=MT ).
(21) https://ec.europa.eu/futurium/en/blog/commission-adds-urban-digital-transition-actions-its-egovernment-action-plan-reflect-role-local
(22)  COM(2016) 377 finali.
(23)   https://memportal.cor.europa.eu/Handlers/ViewDoc.ashx?doc=COR-2016-04284-00-01-TCD-TRA-MT.docx
(24)  Pubblikazzjoni mill-BEI u l-Kumitat tar-Reġjuni msejħa “The EU Urban Agenda – Toolbox”.
(25)   https://ec.europa.eu/futurium/en/urban-agenda
(26)  B’kooperazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni (li esperimenta wkoll bil-metodoloġiji tal-“Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali”), b’mod partikolari billi għaqqad flimkien is-seminars u l-metodoloġiji ta’ disseminazzjoni.
(27)  Il-Pjattaforma REFIT twaqqfet minn Mejju 2015 biex tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kif tagħmel ir-regolamentazzjoni tal-UE aktar effiċjenti u effikaċi filwaqt li tnaqqas il-piż u mingħajr ma ddgħajjef l-objettivi tal-politika. Hija tikkonsisti minn Grupp Governattiv, b’siġġu wieħed għal kull Stat Membru u Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati bi 18-il membru u żewġ rappreżentanti mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u mill-Kumitat tar-Reġjuni.
(28)  Dawn l-azzjonijiet huma proprjetà tas-Sħubiji. Peress li dawn ma ġewx imħejjija mill-Kummissjoni, ma jistgħux jirriflettu l-opinjonijiet tal-Kummissjoni u jistgħu ma jkunux fil-kompetenzi tagħha.
(29)  The State of the European Cities 2016, p. 192.
(30)   http://ec.europa.eu/regional_policy/en/policy/themes/urban-development/network/
(31)  Dawn l-azzjonijiet huma proprjetà tas-Sħubiji. Peress li dawn ma ġewx imħejjija mill-Kummissjoni, ma jistgħux jirriflettu l-opinjonijiet tal-Kummissjoni u jistgħu ma jkunux fil-kompetenzi tagħha.
(32)   http://urban.jrc.ec.europa.eu/
(33)   http://ec.europa.eu/eurostat/web/products-statistical-books/-/KS-01-16-691
(34)   http://ec.europa.eu/regional_policy/mt/policy/themes/urban-development/cities-report
(35)   http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-3477_mt.htm
(36)   http://ec.europa.eu/environment/urban/tool.htm
(37)   https://ec.europa.eu/info/eu-regional-and-urban-development/cities_en
(38)  Hemm ħafna elementi li jistgħu jintużaw bħala ispirazzjoni bħan-“netwerks ta’ trasferiment” fil-programm URBACT ( http://urbact.eu/capitalisation-and-dissemination ) jew “TAIEX REGIO peer-to-peer” li jgħin lill-uffiċjali pubbliċi biex jiskambjaw l-għarfien u b’hekk itejbu l-kapaċità amministrattiva tagħhom ( http://ec.europa.eu/regional_policy/en/policy/how/improving-investment/taiex-regio-peer-2-peer/ ).
(39)   https://www.espon.eu/
(40)  Dawn l-azzjonijiet huma proprjetà tas-Sħubiji. Peress li dawn ma ġewx imħejjija mill-Kummissjoni, ma jistgħux jirriflettu l-opinjonijiet tal-Kummissjoni u jistgħu ma jkunux fil-kompetenzi tagħha.
Top