Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2017 tal-Kroazja
u li jagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Kroazja għall-2017
Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza tal-pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat is-Servej dwar it-Tkabbir Annwali, li jimmarka l-bidu tas-Semestru Ewropew tal-2017 tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-prijoritajiet tas-Servej dwar it-Tkabbir Annwali ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih identifikat lill-Kroazja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih trid issir reviżjoni bir-reqqa.
(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2017 għall-Kroazja ġie ppubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Huwa evalwa l-progress tal-Kroazja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, l-insegwiment mogħti lir-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Kroazja lejn il-miri nazzjonali Ewropa 2020. Huwa inkluda reviżjoni bir-reqqa taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tiegħu ġew ukoll ippubblikati fit-22 ta’ Frar 2017. L-analiżi tal-Kummissjoni wassalha biex tikkonkludi li l-Kroazja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi kbar. B’mod partikolari, fl-2016, il-proporzjon tad-dejn ġenerali tal-gvern kompla jmur għall-agħar, iżda d-dejn pubbliku huwa espost għar-riskju tal-munita, u r-riskji fiskali sostenibbli baqgħu għoljin fuq perjodu ta’ żmien medju. Id-dejn tas-settur privat qiegħed jonqos, iżda għadu għoli, speċjalment fis-settur tal-kumpaniji, u huwa espost b’mod qawwi għar-riskju tal-munita. Is-settur finanzjarju huwa mistenni jappoġġja l-irkupru, imma għadu espost għal riskju tal-kreditu indott mill-munita, u l-proporzjon ta’ self improduttiv għadu għoli. Ir-rata tal-qgħad qed tonqos b’mod mgħaġġel, grazzi għal ħolqien ta’ impjiegi b’pass moderat, kif ukoll forza tax-xogħol li qed tiċkien. Fl-aħħar nett, ambjent tan-negozju diffiċli jiddippressa l-investiment produttiv u t-tkabbir produttiv.
(3)Fis-27 ta’ April 2017, il-Kroazja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2017 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2017. Iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien biex jitqiesu r-rabtiet mill-qrib ta' bejniethom.
(4)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relevanti ġew ikkunsidrati fil-programmi tal-Istati Membri għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (il-Fondi SIE) li jkopru l-perjodu 2014-2020. Kif previst mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-Fondi SIE, fejn ikun meħtieġ l-appoġġ tal-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jemenda l-programmi tal-Fondi SIE rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni provdiet aktar linjigwida dwar l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli.
(5)Wara l-abbrogazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, il-Kroazja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola tad-dejn. Fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2017 tiegħu, il-gvern qed jippjana titjib gradwali fil-bilanċ tal-gvern ġenerali minn -0,8 % tal-PDG fl-2016 għal 0,5 % tal-PDG fl-2020. L-għan baġitarju fuq terminu medju, stabbilit għal -1,75 % tal-PDG f’termini strutturali, laħaq marġini wiesa’ fl-2016, u l-bilanċ strutturali (rikalkulat) huwa pjanat li jkun fil-għan baġitarju għal perjodu ta’ żmien medju fl-2017 u l-2018, imma mingħajr marġini. Wara dan, huwa proġettat li jitjieb ftit għal darba oħra. Il-Programm ta’ Konverġenza jistenna li l-proporzjon ta’ dejn mal-PDG tal-gvern ġenerali jkompli jonqos minn 72,1 % sal-2020, wara li laħaq 86,7 % tal-PDG fl-2015. Ix-xenarju makroekonomiku wara dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa favorevoli, b’mod partikolari fid-dawl tal-impatt negattiv tad-diffikultajiet finanzjarji li qed taffaċċja l-akbar kumpanija privata Kroata, Agrokor, li l-proġettazzjonijiet tal-programm ma jikkunsidrawx. Il-kriżi Agrokor tpoġġi wkoll riskji diretti fuq il-proġettazzjonijiet baġitarji. Aktar minn hekk, il-miżuri meħtieġa biex jappoġġaw il-miri tad-defiċit pjanat mill-2017 'il quddiem għadhom ma ġewx speċifikati kompletament.
(6)Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill irrakkomanda lill-Kroazja biex tikseb aġġustament annwali fiskali ta’ mill-anqas 0,6 % tal-PDG lejn l-għanijiet baġitarji ta’ terminu medju tal-2017. Id-dejta għar-riżultati li turi titjib konsiderevoli fil-bilanċ nominali għall-2016 tindika li l-Kroazja diġà laħqet l-għan baġitarju ta’ nofs it-terminu tagħha f’dik is-sena. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-bilanċ strutturali jibqa’ 'l fuq mill-għan baġitarju għal perjodu ta’ żmien medju fl-2017, minkejja t-tnaqqis fil-PDG fl-2016 sa -1,7 % tal-PDG fl-2017. Fl-2018, il-Kroazja qed tingħata rakkomandazzjoni biex tibqa’ fl-għanijiet baġitarji ta’ terminu medju. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni jistenna li l-bilanċ strutturali jonqos aktar għal -2,1 % tal-PDG, u jipponta għal xi riskju ta’ devjazzjoni mill-għan baġitarju għal perjodu ta’ żmien medju. Il-Kroazja hija proġettata li tikkonforma mar-regola tad-dejn fl-2017 u l-2018. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Kroazja teħtieġ tkun lesta li tieħu aktar miżuri fl-2018 biex tiżgura konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
(7)Il-qafas ta’ governanza fiskali tal-Kroazja juri nuqqasijiet. L-att il-ġdid dwar ir-responsabbiltà fiskali, li għandu jsaħħaħ il-qafas baġitarju kif ukoll l-indipendenza u l-mandat tal-Kummissjoni tal-Politika Fiskali, għadu ma ġiex adottat. L-emenda tal-att tal-baġit, li għanda l-għan inter alia li tindirizza r-reviżjonijiet frekwenti tal-pjanijiet baġitarji kemm fil-livelli ċentrali u dawk lokali, ġiet imdewma. L-affidabbiltà tal-proġettazzjonijiet li jirfdu l-pjanjiet baġitarji għadha dgħajfa.
(8)Relattivament il-Kroazja għandha dħul baxx mit-tassazzjoni rikorrenti fuq il-proprjetà immobbli. Id-dħul jinġabar mill-unitajiet tal-awtoritajiet lokali permezz ta’ imposti marbuta mal-proprjetà, iżda b’varjazzjonijiet konsiderevoli fil-kalkolu u l-kopertura tagħhom. Hija tiddependi wkoll fuq tassazzjoni anqas effiċjenti ta’ trasferimenti tal-proprjetà. Permezz ta’ insegwiment ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ripetuti, bħala parti mir-riforma tat-taxxa fl-aħħar tal-2016, mill-2018 xi imposti u taxxa lokali se jiġu sostitwiti b’taxxa fuq il-proprjetà rikorrenti kkalkulata fuq il-bażi ta’ ħames parametri li japprossimaw il-valur tal-proprjetà. Hija se tkun l-ewwel pass lejn taxxa fuq il-proprjetà rikorrenti bbażata fuq il-valur sħiħ, prevista għall-2020.
(9)
Il-ħtiġijiet ta’ finanzjament sovran tal-Kroazja u l-esponiment għad-dejn sovran għar-riskju tal-munita jissottolinea l-importanza ta’ sorsi ta’ finanzjament kredibbli u ġestjoni tar-riskju prudenti. Biex tiġi indirizzata rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż, kmieni fl-2017 ġiet adottata strateġija għall-ġestjoni tad-dejn għall-gvern ċentrali, li tkopri l-2017-2019. Din ġiet tliet snin wara l-iskadenza tal-istrateġija preċedenti. Il-qafas istituzzjonali għall-ġestjoni tad-dejn pubbliku, inkluża komunikazzjoni mas-swieq, ġestjoni tar-riskju u aġġornament tal-istrateġija f’intervalli regolari, fih ċerti defiċjenzi. Hemm ukoll kunsiderazzjoni insuffiċjenti ta’ tranżazzjonijiet barra mill-baġit b’impatt potenzjali fuq id-dejn.
(10)
Is-suq tax-xogħol kompla jirkupra riċentement, imma l-qgħad għadu għoli, b’sehem għoli ta’ persuni qiegħda għal żmien twil. Flimkien ma’ attività baxxa u li qed tonqos, dan ifisser li hemm potenzjali kbir tax-xogħol li mhux jiġi sfruttat. Dan it-tnaqqis fl-attività fl-2016 kien pronunzjat partikolarment fost il-ħaddiema b’ħiliet bażiċi u kien misjuq minn popolazzjoni tal-età tax-xogħol li qed tonqos minħabba l-età u l-emigrazzjoni, li t-tnejn li huma kienu qed jiżdiedu.
(11)
L-inattività hija relattivament għolja fost koorti eliġibbli għall-proċedura tal-irtirar kmieni. Perjodi qosra ta’ kontribuzzjoni jirriżultaw f’livell baxx attwali u futur tal-adegwatezza tal-pensjonijiet u riskji ta’ faqar relatati mal-anzjanità. Hemm ħafna modi għall-irtirar kmieni, li huwa possibbli ħames snin sħaħ qabel l-età statutorja tal-irtirar. L-inċentivi finanzjarji biex wieħed jaħdem sa dik l-età huma dgħajfa. Miżuri mħabbra biex jinkoraġġixxu ħajja tax-xogħol itwal ma ġewx implimentati. Ir-responsabbiltajiet ta’ kura jikkontribwixxu għal parteċipazzjoni baxxa fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari għan-nisa ta’ mezza età. Hemm nuqqas ta’ servizzi formali fil-kura tat-tfal u hemm disparitajiet reġjonali kbar. Il-liv tal-paternità huwa bla ħlas, u l-kuntratti tax-xogħol jippermettu ftit li xejn flessibbiltà biex wieħed ikun jista’ jibbilanċja x-xogħol u l-kura. Sal-lum, l-età tal-pensjoni statutorja hija ta’ 61 sena u disa' (9) xhur għan-nisa u 65 sena għall-irġiel. Il-konverġenza u ż-żieda fl-etajiet statutorji tal-irtirar huma baxxi, fejn iż-żewġ sessi jilħqu l-età tal-irtirar ta’ 67 fl-2038. Li din titħaffef qed tiġi kkunsidrata, iżda għadha ma ġietx adottata. Is-sistema tal-pensjonijiet tagħti d-dritt għal kundizzjonijiet aktar favorevoli għal kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema f’impjiegi kklassifikati bħala diffiċli u perikolużi, u f’setturi speċifiċi. L-awtoritajiet wettqu rieżami ta’ professjonijiet perikolużi jew diffiċli, iżda dawn ir-regoli għadhom ma ġewx integrati.
(12)Skont id-data l-aktar reċenti, fl-2015, kważi 30 % tal-popolazzjoni kienet fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali. Is-sistema ta’ protezzjoni soċjali turi nuqqasijiet fl-effikaċja u l-ekwità, li jirriżultaw f’inkonsistenzi fil-kriterji ta’ eliġibbiltà, li ġejjin minn kopertura ġeografika frammentata, nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli, u n-nuqqas ta’ trasparenza. Fl-2016, 0,6 % biss tal-PDG intefaq fuq l-iskema ta’ dħul minimu għall-ifqar familji. Il-pjanijiet ta’ riforma istituzzjonali, inkluża l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ responsabbiltajiet u l-armonizzazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà staġnaw.
(13)Il-kisba ta’ ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol hija kundizzjoni importanti għall-impjegabbiltà. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni tal-adulti hi baxxa ħafna, kif ukoll l-infiq u l-kopertura ta’ politiki attivi fis-suq tax-xogħol, flimkien mal-miżuri ta’ taħriġ mill-ġdid u tagħlim tul il-ħajja. It-taħriġ ma jiffukax biżżejjed fuq ħaddiema aktar avvanzati fl-età u bi ftit kwalifiki u dawk qiegħda fit-tul, li għandhom it-tendenza li jiffaċċjaw sfidi partikolari fl-impjegabbiltà. It-tħejjija ta’ leġiżlazzjoni biex titjieb il-kwalità tal-istituzzjonijiet, il-programmi, u t-tagħlim għall-adulti ġiet imdewma.
(14)Ħiliet bażiċi suffiċjenti huma essenzjali biex in-nies isibu u jżommu impjiegi tajbin u stabbli u jipparteċipaw b’suċċess fil-ħajja ekonomika u soċjali. L-informazzjoni ta’ stħarriġ internazzjonali tindika nuqqasijiet kbar fil-ħiliet bażiċi, fix-xjenza applikata u fil-matematika fost it-tfal tal-iskola Kroati ta’ 15-il sena. Mill-2015, bħala parti mill-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-edukazzjoni, ix-xjenza u t-teknoloġija, ir-riforma fil-kurrikulu tal-iskola tnediet biex jitjieb il-kontenut u t-tagħlim ta’ ħiliet trasferibbli. Wara reazzjonijiet ambivalenti tal-partijiet interessati, ir-riforma fil-kurrikulu ġiet riveduta, u l-implimentazzjoni ddewmet b’mod sinifikanti. Il-proċess issa jeħtieġ li jkompli f’konformità mal-objettivi oriġinali. Il-Kroazja reċentement adottat strateġija fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV). Din hija mistennija li twassal għal aġġornament tal-kurrikuli tal-ETV, rwol akbar ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, u titjib fil-kwalità tat-tagħlim tal-ETV. L-introduzzjoni ta’ sistema għar-rikonoxximent u l-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali hija pendenti.
(15)Il-frammentazzjoni territorjali u funzjonali tal-amministrazzjoni pubblika hija ta’ piż għas-servizzi tal-konsenja u l-effiċjenza tan-nefqa pubblika. Il-kompetenzi attwali u relazzjonijiet fiskali bejn il-livelli tal-gvern ma jiffavorixxux it-twassil effiċjenti u ġust tas-servizzi pubbliċi, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, u l-assistenza soċjali. Riforma komprensiva tal-amministrazzjoni pubblika qed taffaċċja dewmien. Il-leġiżlazzjoni biex jiġu allokati mill-ġdid kompiti bejn l-awtoritajiet ċentrali u lokali għadha pendenti, bħalma hija s-simplifikazzjoni tas-sistema tal-Aġenziji tal-istat. Kmieni fl-2017, l-awtoritajiet ħabbru l-istabbiliment ta’ task force biex tħejji leġiżlazzjoni dwar il-finanzjament tal-gvern sottonazzjonali.
(16)Il-frammentazzjoni fl-iffissar tas-salarji fl-amministrazzjoni pubblika qed tkompli xxekkel it-trasparenza tal-pagi u t-trattament indaqs, kif ukoll il-kontroll tal-gvern fuq il-kont tal-pagi pubbliċi, b’riskji ta’ effetti sekondarji fl-ekonomija usa’. Fi Frar 2017, il-gvern adotta linji gwida komuni għal negozjar u monitoraġġ tal-ftehimiet kollettivi fis-settur pubbliku, iżda is-simplifikazzjoni tal-oqfsa li jistabbilixxu l-pagi ġiet posposta għall-2019.
(17)Intrapriżi tal-istat bħala medja huma anqas produttivi minn kumpaniji privati, li jindika nuqqasijiet fil-governanza tagħhom. Huma għandhom impatt negattiv fuq l-effiċjenza, u jikkontribwixxu għal tkabbir baxx fil-produttività tal-ekonomija. Matul is-sena li għaddiet, il-pass biex jinfetħu impriżi Statali għall-kontroll privat kien bil-mod. Monitoraġġ aħjar tal-prestazzjoni tagħhom u r-responsabbiltà tal-bordijiet, inkluż dak tal-impriżi li huma proprjetà ta’ unitajiet tal-gvern lokali, jgħinu biex itejbu l-ġestjoni tagħhom.
(18)Il-Bank Kroat għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (HBOR) għandu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-UE u l-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa b’mod partikolari. Biex jaqdi dan ir-rwol b’mod sħiħ, jeħtieġ li jkun konformi ma’ standards għoljin ta’ trasparenza u responsabbiltà. L-awtoritajiet qed jippjanaw analiżi indipendenti tal-kwalità tal-assi tal-portafoll ta’ kreditu tiegħu minn awdituri indipendenti, li għandu jiġi konkluż sal-aħħar tal-2017. Fuq il-bażi tas-sejbiet, il-qafas regolatorju tiegħu u l-istrutturi ta’ governanza se jkunu riveduti.
(19)In-negozji huma mgħobbija bi spejjeż regolatorji għoljin. Għadd kbir ta’ imposti parafiskali, li ħafna minnhom huma statistikament trattati bħala taxxi, jikkomplikaw l-ambjent tan-negozju. Fl-indirizzar tar-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż, fis-sajf tal-2016 il-gvern iddeċieda li jabolixxi 13-il tariffa parafiskali u jnaqqas 11 oħra, iżda l-implimentazzjoni tagħhom kienet bil-mod. In-negozji qed ikomplu jbatu minn piż amministrattiv għoli. Ġie adottat pjan ta’ azzjoni biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, li jkopri tmien oqsma regolatorji, iżda l-implimentazzjoni tiegħu għadha pendenti.
(20)L-investiment irkupra fl-2016, wara tnaqqis qawwi matul il-kriżi. Iżda minkejja kundizzjonijiet finanzjarji u makroekonomiċi favorevoli, konġestjonijiet ewlenin qed ikunu ta’ piż fuq irkupru aktar dejjiemi fl-investiment. Id-dgħufijiet tal-amministrazzjoni pubblika, l-ambjent tan-negozju kkumplikat, implimentazzjoni bil-mod ta’ strateġija kontra l-korruzzjoni, regolamentazzjoni restrittiva f’setturi ewlenin tal-infrastruttura, u l-preżenza qawwija tal-Istat fl-ekonomija għandhom impatt negattiv fuq il-klima tan-negozju.
(21)Il-modernizzazzjoni tar-regolamentazzjoni professjonali tista’ tippromovi l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u tikkontribwixxi għal prezzijiet aktar baxxi għal servizzi professjonali, u b’hekk jiżdied il-potenzjal għat-tkabbir. Ir-regolament tal-Kroazja għal fornituri ta’ servizzi u professjonijiet regolati kien restrittiv, b’mod partikolari għall-avukati. Fis-sajf tal-2016, il-gvern adotta pjan ta’ azzjoni biex jibdel u jimmodernizza regolamentazzjoni li ma għadhiex tajba, li madankollu kienet limitata fl-ambitu u fid-dettall.
(22)Il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistema tal-ġustizzja hija fattur determinanti ewlieni fl-ambjent tan-negozju. Minkejja li tnaqqas ix-xogħol b’lura, il-proċedimenti fil-qorti tal-ewwel istanza huma twal għal kawżi kummerċjali, ċivili u kriminali. Fajls elettroniċi u t-twassil ta’ dokumenti tal-qorti b’mod elettroniku għandhom il-potenzjal li jtejbu b’mod sinifikanti s-sistema ġudizzjarja, iżda għadhom ma ġewx implimentati. L-imħallfin tal-liġi kummerċjali ma jistgħux jaċċessaw ir-reġistri online: dan għandu impatt negattiv fuq l-effiċjenza tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Is-sentenzi tal-qorti rarament huma disponibbli online, u l-ġestjoni ta’ każijiet ta’ riformi bħalma hu l-aġġornament tal-proċessi tan-negozju għadhom ma ġewx introdotti fl-ewwel istanza tal-qrati kummerċjali.
(23)Is-settur bankarju għadu kapitalizzat tajjeb, u l-profittabbiltà tiegħu rkuprat fl-2016 wara l-bidla tas-self fil-frank Żvizzeru għall-euro fl-2015. Il-proporzjon ta’ self improduttiv għal self gross kien qiegħed jonqos dan l-aħħar iżda għadu għoli, b’mod partikolari fost korporazzjonijiet mhux finanzjarji. It-tnaqqis jidher li hu dovut minħabba l-bejgħ, kif ukoll il-ħtiġijiet ta’ proviżjonament awtomatiku u progressiv li ġew introdotti fl-2013. Bħala parti mir-riforma fir-regoli tat-taxxa li saret dan l-aħħar, il-gvern introduċa wkoll it-trattament fiskali ġdid għal tħassir ta’ self improduttiv, b’risposta għal rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż. L-effetti tiegħu jeħtieġu monitoraġġ mill-qrib. L-effiċjenza tal-qafas tal-insolvenza reċentement riformat li qed jiffaċilita r-riżoluzzjoni ta’ self mhux produttiv ukoll jixraqlu monitoraġġ mill-qrib.
(24)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għamlet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Kroazja u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kroazja fis-snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Kroazja, iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.
(25)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza, u l-opinjoni tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni 1 ta’ hawn taħt.
(26)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Konverġenza. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 5 hawn taħt,
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Kroazja tieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:
1.Issegwi l-politika fiskali tagħha f’konformità mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li jimplika li tibqa’ fuq l-objettiv baġitarju tagħha ta’ terminu medju fl-2018. Sa Settembru 2017, issaħħaħ l-ippjanar baġitarju u l-qafas baġitarju pluriennali, inkluż billi ssaħħaħ l-indipendenza u l-mandat tal-Kummissjoni għall-Politika Fiskali. Tieħu l-passi meħtieġa għall-introduzzjoni ta’ taxxa fuq il-proprjetà bbażata fuq il-valur. Issaħħaħ il-qafas għall-immaniġġjar tad-dejn pubbliku, inkluż billi tiżgura aġġornamenti annwali għall-istrateġija tal-immaniġġar tad-dejn.
2.Tiskoraġġixxi l-irtirar kmieni, tħaffef it-tranżizzjoni lejn età tal-irtirar statutorja aktar għolja, u tallinja l-provvedimenti tal-pensjoni għal kategoriji speċifiċi mar-regoli tal-iskema ġenerali. Ittejjeb il-koordinazzjoni u t-trasparenza tal-benefiċċji soċjali.
3.Ittejjeb l-edukazzjoni għall-adulti, b’mod partikolari ħaddiema akbar fl-età, dawk bi ftit kwalifiki u dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil. Tħaffef ir-riforma tas-sistema edukattiva.
4.Tnaqqas il-frammentazzjoni u ttejjeb id-distribuzzjoni funzjonali tal-kompetenzi fl-amministrazzjoni pubblika, filwaqt li ttejjeb l-effiċjenza u tnaqqas id-disparitajiet territorjali fil-provvista tas-servizzi pubbliċi. F’konsultazzjoni mas-sħab soċjali, tarmonizza l-oqfsa tal-istabbiliment tal-pagi madwar l-amministrazzjoni pubblika u s-servizzi pubbliċi.
5.Tħaffef iċ-ċessjoni ta’ intrapriżi u assi oħra tal-Istat, u ttejjeb il-governanza korporattiva fis-settur tal-intrapriżi proprjetà tal-Istat. Tnaqqas b’mod sinifikanti l-piż fuq in-negozji li jirriżulta minn spejjeż tar-regolamentazzjoni u minn piżijiet amministrattivi. Tneħħi restrizzjonijiet regolatorji li qegħdin ixekklu l-aċċess għall-professjonijiet regolati u l-ipprattikar tagħhom u servizzi professjonali u kummerċjali. Ittejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, b’mod partikolari billi tnaqqas il-perjodu ta’ dewmien f’każijiet ċivili u kummerċjali.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President