IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.9.2017
COM(2017) 491 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Politika Kummerċjali għal Kulħadd
It-Twettiq ta' Politika Kummerċjali Progressiva li Tisfrutta b’Mod Għaqli l-Globalizzazzjoni
I. Introduzzjoni
Sentejn ilu, l-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd stabbilixxiet viżjoni għal politika kummerċjali li hija trasparenti u responsabbli, jibbenefikaw minnha ċ-ċittadini kollha, tipprovdi impjiegi u tkabbir, u soluzzjonijiet moderni għar-realtajiet tal-kummerċ globali tal-lum. Sa minn dakinhar, l-ambjent li fih l-UE twettaq il-politika kummerċjali nbidel b’mod konsiderevoli. Fil-kontinent tagħha stess, l-Ewropa rat dibatittu pubbliku mingħajr preċedent dwar l-iskop u l-leġittimità tal-ftehimiet kummerċjali, flimkien ma’ tħassib mill-ġdid dwar l-effetti tal-globalizzazzjoni. Fil-kummerċ dinji, hemm periklu serju li jerġa' jfeġġ il-protezzjoniżmu. Użu dejjem iktar frekwenti ta’ politiki domestiċi li jagħmlu ħsara lil pajjiżi oħrajn, anki fuq parti tal-akbar ekonomiji, idgħajjef is-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli.
F’dan l-ambjent, politika kummerċjali li tkun effettiva, trasparenti u bbażata fuq il-valuri hija meħtieġa aktar minn qatt qabel. L-elementi fundamentali tal-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd għalhekk tkompli tiggwida l-approċċ tal-UE: l-aċċess miftuħ flimkien ma’ kundizzjonijiet ekwi, standards għoljin ta’ xogħol, protezzjoni tal-ambjent, tal-konsumatur u soċjali flimkien mal-politiki x-xierqa fil-kontinent stess jibqgħu l-aktar mod xieraq sabiex il-globalizzazzjoni taħdem għall-Ewropej kollha. L-UE hija impenjata favur sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli li hija l-bażi tal-prosperità tagħna, u li hija essenzjali biex tagħmel il-kummerċ forza pożittiva madwar id-dinja f’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Ir-rispons tal-politika tal-UE jfittex li jkollu sħab bħall-Kanada, il-Ġappun, il-Messiku, Mercosur, l-Awstralja jew New Zealand li jridu jissieħbu biex jibnu regoli miftuħa u progressivi għar-realtajiet tal-kummerċ tas-seklu 21.
L-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd antiċipat ħafna mill-kwistjonijiet li n-negozji, il-konsumaturi u l-ħaddiema issa jistennew li jiġu mwettqa mill-ftehimiet kummerċjali. L-impenji sabiex jiġu infurzati kundizzjonijiet kompetittivi ġusti għall-kumpaniji tal-UE, biex jiġu ssalvagwardjati standards soċjali u ambjentali Ewropej u jkun hemm negozjati b’mod trasparenti għadhom validi llum daqskemm kienu qabel. Madankollu, l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn l-impenji ġġib ukoll magħha sfidi: sentejn wara, dan ir-Rapport huwa opportunità biex jitfassal il-progress sal-lum.
Aktar milli jkopri l-univers kollu tal-azzjonijiet tal-politika kummerċjali tal-UE, sa minn Ottubru 2015, l-enfasi ta’ dan ir-Rapport hija l-ħidma fuq l-impenji ta’ Kummerċ għal Kulħadd. Dan jikkumplimenta rappurtar ieħor bħall-ewwel Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles annwali, ippubblikat aktar tard din il-ħarifa, ir-Rapport dwar Ostakoli għall-Kummerċ u għall-Investiment annwali, u d-diversi dokumenti ppubblikati fir-rigward ta’ negozjati li għadhom għaddejjin. Dan ir-Rapport jinkludi kisbiet; oqsma fejn hemm aktar x’isir; tagħlim meħud; u implikazzjoniijiet għall-prijoritajiet tal-Kummissjoni fil-fażi ta’ implimentazzjoni li jmiss.
II. Politika Kummerċjali li Tisfrutta b’Mod Għaqli l-Globalizzazzjoni
F’Mejju, il-Kummissjoni stiednet dibattitu dwar x’tista tagħmel l-UE biex issawwar il-globalizzazzjoni f’konformità mal-interessi u l-valuri kondiviżi tagħna.
Il-globalizzazzjoni mhijiex biss dwar il-kummerċ, u l-effetti tagħha huma kkombinati ma’ dawk tal-bidla teknoloġika; iżda m’hemmx dubju li l-politika kummerċjali għandha rwol importanti x’taqdi biex tagħmel dawn l-effetti pożittivi għan-nies u n-negozji fl-Ewropa u lil hinn minnha. Il-kummerċ globali huwa opportunità, jekk nagħżlu li nagħtuh sura: l-aċċess miftuħ għal flussi ta’ oġġetti, servizzi, nies u kapital stimula t-tkabbir tal-UE, il-kompetittività u l-benesseri tal-konsumatur, u hemm potenzjal biex isir aktar.
Il-globalizzazzjoni ħolqot ktajjen ta’ produzzjoni kumplessi, fejn il-valur jiżdied f’numru ta’ pajjiżi. It-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ hija essenzjali jekk l-UE tkun tista' tkompli tuża dawn il-ktajjen ta’ valur globali biex tiġġenera tkabbir, u tkun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini Ewropej kollha — bħal importaturi, esportaturi, ħaddiema, konsumaturi u aktar. L-għeluq tas-suq tal-UE jew it-tqegħid ta’ ostakoli protezzjonisti jagħmlu ħsara mhux biss lill-ekonomija tal-UE li hija integrata ħafna, iżda wkoll lil dik tas-sħab tal-UE, inkluż il-pajjiżi l-aktar foqra tad-dinja. Bħala l-ikbar blokk kummerċjali tad-dinja u attur internazzjonali impenjat, l-UE għandha l-potenzjal li ssawwar il-globalizzazzjoni fl-ispirtu ta’ governanza multilaterali.
Madankollu, il-politika kummerċjali biss ma tistax twassal din l-ambizzjoni: li l-globalizzazzjoni ssir taħdem għas-sejħiet kollha għat-tisħiħ ta’ governanza dinjija fl-oqsma kollha, inkluż il-klima. Huwa meħtieġ rispons ta’ politika domestika komprensiv, li jvarja minn edukazzjoni għal investiment, għal innovazzjoni, għal enerġija, għal politiki fiskali u soċjali u aktar, li jibda fil-livell tal-Istat Membri. Pereżempju, il-Kummissjoni qed tagħti l-kontribut tagħha permezz tal-proposta Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
jew permezz tal-politika ta' koeżjoni tal-UE. L-indirizzar ta’ kwistjonijiet bħall-inugwaljanza u l-inklużjoni soċjali, dawn il-politiki wkoll għandhom jintrabtu aħjar mas-Semestru Ewropew.
Il-kummerċ għandu effett pożittiv fuq l-impjiegi, b’wieħed minn seba' impjiegi fl-UE (jew 31 miljun) li jiddependu fuq l-esportazzjonijiet. Bħala medja, l-impjiegi fl-UE relatati mal-esportazzjoni wkoll huma mħallsa aħjar, b’sa 16 % primjum tal-paga. Madankollu, il-globalizzazzjoni jista’ jkollha effetti negattivi fuq xi setturi u reġjuni. L-UE taħdem biex tgħin lil dawk li jintlaqtu b’mod negattiv biex jaġġustaw, u biex iżżid ir-reżiljenza tal-ekonomija Ewropea quddiem il-bidla. Politika Agrikola Komuni modernizzata se tkun essenzjali għas-settur tal-ikel agrikolu sabiex tiġi integrata b’suċċess fi swieq internazzjonali u tkompli tippromwovi standards għoljin. Il-Kummissjoni qed taħdem biex tagħmel il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni aktar flessibbli, toħroġ l-assistenza tiegħu b’mod aktar mgħaġġel f’każ li jagħlqu l-kumpaniji. Fit-tweġiba għax-xokkijiet f’daqqa fil-ktajjen ta’ produzzjoni, il-Fond jista’ wkoll jindirizza l-effetti ta’ tibdil xprunat mill-innovazzjoni. Fl-istess waqt, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej jistgħu jkomplu jtejbu r-reżiljenza ta’ sistemi ekonomiċi lokali u l-forza tax-xogħol, u jantiċipaw it-tibdil dinamiku li jkun ġej mill-globalizzazzjoni u mit-tibdil teknoloġiku.
Il-kompetizzjoni globali trid tkun ukoll ġusta: kummerċ multilaterali bbażat fuq ir-regoli huwa l-aħjar mod kif tiġi ssalvagwardjata l-kompetittività u l-innovazzjoni Ewropej li joħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja. Il-politiki kummerċjali li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-UE – sew billi jiżguraw ftuħ ta’ suq reċiproku, billi jindirizzaw prattiki mhux ġusti jew billi jinfurzaw id-drittijiet tal-UE u billi jsostnu standards għoljin – se jgħinu lill-Ewropa tieħu vantaġġ mir-rivoluzzjoni tal-produzzjoni li jmiss, speċjalment xprunata mid-diġitalizzazzjoni.
Barra minn hekk, quddiem sfidi ġodda, l-interessi tal-UE essenzjali għandhom jiġu protetti. Din hija r-raġuni għala llum, il-Kummissjoni qed tipproponi li tistabbilixxi qafas biex timmonitorja investiment dirett barrani li ġej fl-UE. L-għan huwa li tipprevjeni t-teħid tal-kontroll ta’ assi strateġiċi li jistgħu jheddu s-sigurtà jew l-ordni pubbliku, waqt li żżomm miftuħ is-suq tal-UE għall-investiment kollu kemm hu.
Dan ir-Rapport jistabbilixxi kif l-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd qed issawwar il-globalizzazzjoni f’opportunità.
III. It-Twassil tal-Benefiċċji ta’ Kummerċ għal Kulħadd
L-enfasi strateġika tal-UE hija fuq l-iżgurar li l-ftehimiet kummerċjali jwasslu benefiċċji konkreti lill-ekonomija u lin-nies tagħha. Matul l-aħħar sentejn, il-kisbiet multilaterali jinkludu l-ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar il-ġlieda kontra d-distorsjonijiet fis-swieq agrikoli, dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tat-teknoloġija tal-informazzjoni, u dwar l-iffaċilitar tal-aċċess għal mediċini f’pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs). Il-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ daħal fis-seħħ din is-sena, u mmodernizza proċeduri doganali sabiex jgħin saħansitra l-iżgħar negozji u l-aktar pajjiżi foqra biex jibbenefikaw mill-kummerċ.
Mill-aspett bilaterali, l-UE kkonkludiet negozjati ta’ ftehim ta' kummerċ ħieles (FTA, free trade agreement) mal-Vjetnam, Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni mal-Każakistan u l-Armenja, u laħqet ftehim fil-prinċipju dwar FTA mal-Ġappun. Dawn huma ftehimiet moderni u progressivi b’kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ u issa l-Kummissjoni taħdem fuq ir-ratifika u l-implimentazzjoni tagħhom sabiex l-effetti veri jinħassu malajr kemm jista’ jkun. Wara l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim bejn l-UE u l-Kanada (CETA) fil-21 ta’ Settembru, il-preparazzjonijiet se jkomplu għar-ratifika tal-ftehimiet negozjati ma' Singapore, mal-Vjetnam u mal-Armenja. L-aħħar sentejn raw ukoll l-applikazzjoni ta’ ftehimiet mal-Ukrajna, il-Georgia, il-Moldova, l-Ekwador, il-Ghana, il-Kosta tal-Avorju u l-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika.
L-arkitettura t-tajba għal dawn il-ftehimiet tisa’ tiżgura l-abbiltà tal-UE li b’mod effettiv taġixxi u toffri prevedibbiltà kemm liċ--ċittadini tal-UE kif ukoll lis-sħab fin-negozjati tagħha. L-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-FTA
ta' Singapore tipprovdi ċarezza dwar id-diviżjoni tal-kompetenza fi ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment.
Is-CETA huwa l-aktar ftehim progressiv tal-UE sal-lum
B’tisħiħ tal-kummerċ fl-oġġetti, fis-servizzi u fl-investiment, il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn l-UE u l-Kanada joħloq opportunitajiet kemm għall-esportaturi kif ukoll għall-importaturi, u impjiegi ġodda għal nies madwar l-Ewropa u l-Kanada. Dan jagħti riżultati ambizzjużi dwar żvilupp sostenibbli, waqt li jirrispetta l-istandards għoljin tal-UE dwar ix-xogħol, l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur u b’mod espliċitu jippreserva d-dritt tal-gvernijiet li jirregolaw fl-interess pubbliku.
Is-CETA jagħmilha aktar faċli għall-operaturi tas-suq u speċjalment għall-SMEs biex jagħmlu negozju. Dan jelimina 99 % tat-tariffi fuq il-kummerċ bejn l-UE u l-Kanada u jneħħi l-ostakoli għall-kummerċ f’servizzi f’setturi li jvarjaw minn finanzjament għat-telekomunikazzjoni sa servizzi ambjentali. Il-ftehim jagħmel ir-rekwiżiti tekniċi aktar kompatibbli, waqt li jelimina l-ħtieġa għal ittestjar doppju li jiswa l-flus għal standards tal-konformità fuq pereżempju oġġetti elettriċi jew ġugarelli.
Il-konsumaturi se jgawdu minn prezzijiet orħos u aktar għażla, waqt li CETA jipproteġi wkoll 143 prodott agrikolu distintiv tal-UE b’Indikazzjonijiet Ġeografiċi. Il-ftehim jippromwovi ekonomija innovattiva u kompetittiva billi jissalvagawardja l-proprjetà intellettwali, inkluż billi jikkonforma r-regoli tal-Kanada mal-liġijiet tal-UE sabiex jipproteġi teknoloġiji ġodda u jimmaniġġja d-drittijiet diġitali. Is-CETA jiftaħ swieq ta’ akkwist pubbliku f’livell federali, provinċjali u muniċipali, u b’hekk jagħti lid-ditti tal-UE aċċess aħjar għal kwalunkwe sieħeb kummerċjali ieħor.
L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi: l-infurzar tad-drittijiet tal-UE
Il-kummerċ miftuħ għandu jkun ukoll ġust. B’mod attiv l-UE tuża l-għodod kollha disponibbli sabiex tinforza l-impenji,li jittieħdu mis-sħab tagħna, sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-kummerċ u biex jiġu miġġielda l-prattiki mhux ġusti biex b’hekk jiġu ssalvagwardjati l-kundizzjonijiet ekwi għal kumpaniji tal-UE. L-interventi jvarjaw minn kuntatt intensiv ma’ amministrazzjonijiet tas-sħab, sa proċessi numerużi skont l-FTAs u fi ħdan il-WTO, għall-isfruttament ta’ negozjati li jkunu għadhom għaddejjin u l-użu ta’ strumenti għad-difiża tal-kummerċ.
Koordinazzjoni aħjar mal-Istati Membri tal-UE u l-impriżi permezz tas-Sħubija għall-Aċċess għas-Swieq ipeprmettiet lill-Kummissjoni biex b'suċċess tindirizza numru ta’ ostakoli għall-kummerċ u twassal titjib konkret għall-esportaturi tal-UE. Fl-2016 biss, il-Kummissjoni solviet 20 każ differenti li jaffettwaw l-esportazzjonijiet tal-UE bil-valur ta’ EUR 4.2 biljun (ir-Rapport annwali dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ u għall-Investiment
jagħti aktar dettalji). L-indirizzar tat-trattament diskriminatorju fil-qasam sanitarju u fitosanitarju huwa ta’ importanza kbira għall-UE bħala l-aktar operatur tas-suq importanti tad-dinja fil-prodotti agro-alimentari, u pereżempju, il-Kummissjoni kellha suċċess fil-ftuħ ta’ swieq għal esportazzjonijiet taċ-ċanga u tal-majjal tal-UE. Il-Kummissjoni qed tindirizza wkoll ostakoli regolatorji u qed tipproteġi l-proprjetà intellettwali inkluż l-ismijiet tal-ikel tal-UE (Indikazzjonijiet Ġeografiċi, GIs, Geographical Indications).
Meta jkun meħtieġ, l-UE tinforza d-drittijiet tagħha permezz ta’ soluzzjoni tat-tilwim. L-UE bħalissa qed issegwi 21 ilmet fil-WTO li jirrelataw ma’ 10 sħab kummerċjali differenti, u, flimkien mal-Istati Uniti, dan jagħmilha l-akbar utent tas-sistema. Fl-aħħar numru ta’ snin, id-deċiżjonijiet tal-WTO żguraw kundizzjonijiet ġusti f’każijiet bħal importazzjonijiet ta’ materja prima miċ-Ċina jew esportazzjonijiet tal-karta jew ta’ friġġis mir-Russja.
L-Istrumenti għad-Difiża tal-Kummerċ (TDI) jgħinu biex jiżguraw li l-intrapriżi tal-UE jaffaċċjaw kompetizzjoni ġusta, u b’hekk jiffurmaw pilastru neċessarju ta’ ekonomija miftuħa. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew bħalissa qed jikkunsidraw żewġ proposti tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jagħmlu t-TDI saħansitra aktar effettiv fl-indirizzar ta’ theddid għal kundizzjonijiet ekwi: flimkien mal-modernizzazzjoni tal-operaturi, il-Kummissjoni pproponiet ukoll metodoloġija ġdida tal-kalkolu tal-antidumping sabiex tindirizza distorsjonijiet fis-suq sinifikanti u biex issaħħaħ l-abbiltà tal-UE li tikkontrobatti prattiki ta’ sussidjar mhux ġusti. Sabiex tipprepara dawn il-proposti, il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika li ġibdet numru kbir ta’ risponsi u dokumenti ta’ pożizzjoni, u organizzat konferenza ta’ partijiet ikkonċernati kif ukoll laqgħa ddedikata mas-sħab soċjali tal-UE. Il-proposti jifformaw parti minn proċess kontinwu ta’ rendikont tal-effiċjenza u l-effettività tat-TDI tagħna.
L-isfruttament tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE
Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, mal-Parlament Ewropew (PE) u ma’ partijiet ikkonċernati oħra taħt l-isħubija mtejba għall-implimentazzjoni sabiex tippermetti l-iktar użu wiesa’ possibbli tal-opportunitajiet maħluqa mill-FTAs. Kważi 40 % tal-esportazzjonijiet tal-UE bħalissa huma koperti minn FTA (implimentat jew konkluż). Pereżempju, l-ewwel ħames snin tal-FTA ta’ bejn l-UE u l-Korea t’Isfel raw żieda fl-esportazzjonijiet Ewropej b’55 %, u l-kumpaniji Ewropej iffrankaw EUR 2,8 biljun f’dazji doganali mneħħija jew imraħħsa. Ir-Rapport li ġej dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles mill-Kummissjoni se jagħti dettalji għal kull ftehim. L-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE wkoll qed jaħdmu fuq approċċ ta’ diplomazija ekonomika aktar koordinat, u fuq it-titjib tal-koereza ta’ politiki esterni sabiex jippromwovu aħjar l-interess ekonomiku tal-UE barra. Fl-istess waqt, ir-rieżami ta' din is-sena tal-istrateġija Għajnuna għall-Kummerċ għandu l-għan li jtejjeb il-kapaċità ta’ pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp sabiex jagħmlu użu aħjar mill-opportunitajiet offruti mill-ftehimiet kummerċjali tal-UE.
L-UE tirrikonoxxi li intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jistgħu jaffaċċjaw sfidi speċifiċi meta jieħdu vantaġġ mill-FTAs, Il-Kummissjoni tistħarreġ ostakoli għall-kummerċ li jaffaċċjaw l-SMEs bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt. Issa, dispożizzjonijiet iddedikati għall-SMEs qed jiġu mressqa fin-negozjati kollha, u l-Kummissjoni se timpenja ruħha dwar kapitolu tal-SME speċjali fl-FTAs futuri kollha, billi tibni fuq l-FTA tal-Ġappun. L-SMEs jammontaw għal 30 % tal-esportazzjonijiet tal-UE, u proġetti ta’ implimentazzjoni mmirati għandhom l-għan li saħansitra jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom aktar.
Regoli tal-oriġini sempliċi u faċli biex jintużaw jgħinu lill-intrapriżi tal-UE jimmassimizzaw it-trattament preferenzjali offrut mill-FTAs. L-UE tfittex li toħloq l-aktar grupp ta’ regoli faċli u xierqa ma’ kull sieħeb ta’ FTA, dwar il-kumulazzjoni. In-negozjati avvanzaw ukoll fuq il-konvenzjoni li tipprovdi sett wieħed ta’ regoli madwar it-43 pajjiż taż-żona Ewro-Mediterranja. L-UE tikkoopera mas-sħab tagħhom fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali dwar strumenti u standards internazzjonali fi kwistjonijiet doganali.
Approċċ attiv u mmirat lejn kooperazzjoni regolatorja jipprevjeni frammentazzjoni regolatorja u jagħmel id-dispożizzjonijiet dwar il-liberalizzazzjoni aktar effettivi. Pereżempju, Ftehim ta’ Rikonoxximent Reċiproku mal-Istati Uniti dwar prassi tajba ta' manifattura fi prodotti farmaċewtiċi li ġie konkluż din is-sena jnaqqas il-piż amministrattiv li jiffaċċjaw il-manifatturi, inkluż produtturi iżgħar waqt li b’mod sħiħ jirrispetta l-livelli ta’ protezzjoni fuq iż-żewġ naħat.
Il-Kummissjoni qed taġġorna u ttejjeb għodod ta’ informazzjoni online sabiex tiffaċilita l-kummerċ. Il-Bażi ta’ Data dwar l-Aċċess għas-Swieq li tipprovdi informazzjoni għall-esportaturi tal-UE dalwaqt se tiġi kkumplimentata minn aktar għodod ta’ informazzjoni dwar kif wieħed jista' jagħmel l-aqwa użu mill-FTAs tal-UE, b’enfasi partikolari fuq l-SMEs. It-teħid tar-rendikont ta’ ftehimiet eżistenti jipprovdi feedback imprezzabbli kemm għal ftehimiet li diġà qed jiġu implimentati, kif ukoll dawk ġodda li għaddejjin minn negozjar. Issa l-evalwazzjonijiet "ex post" se jibdew jitwettqu b’mod sistematiku, li jibdew mill-ftehim tal-Korea aktar tard din is-sena.
Sħubija strateġika mal-Ġappun issawwar ir-regoli tal-kummerċ globali
F’Lulju, l-UE u l-Ġappun laħqu ftehim fil-prinċipju dwar l-elementi ewlenin ta’ Ftehim ta' Sħubija Ekonomika. Bħala sħab strateġiċi u tnejn mill-akbar ekonomiji tad-dinja, l-UE u l-Ġappun qed isawru regoli dwar il-kummerċ globali sabiex jippromwovu kummerċ miftuħ u ġust.
Filwaqt li jistabbilixxi standards globali ambizzjużi, dan il-ftehim innovattiv u progressiv, isostni l-istandards għoljin kondiviżi tal-UE u tal-Ġappun dwar il-protezzjoni ambjentali, tax-xogħol, u tal-konsumatur, u jissalvagwardja b’mod sħiħ is-servizzi pubbliċi. Dan huwa l-ewwel ftehim kummerċjali internazzjonali li b’mod espliċitu jappoġġja l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima.
Dan il-ftehim se jneħħi l-maġġoranza kbira tad-dazji mħallsa minn kumpaniji tal-UE, li jammontaw għal EUR 1 biljun fis-sena. Dan jista’ jżid l-esportazzjonijiet tal-UE b’sa daqs EUR 20 biljun, joħloq opportunitajiet ġodda għal kumpaniji Ewropej, kbar u żgħar, għall-impjegati u l-konsumaturi tagħhom. Il-ftehim ikopri oqsma li jvarjaw minn apparat mediku, għal telekomunikazzjoni u akkwist pubbliku; waqt li jinkludi wkoll kapitolu ambizzjuż dwar il-kompetizzjoni u s-sussidji. Il-ftehim se jiftaħ is-suq Ġappuniż għal esportazzjonijiet agrikoli tal-UE ewlenin bħall-ġobon u bħaċ-ċanga, u jiżgura l-protezzjoni ta’ aktar minn 200 prodott agrikolu Ewropew distintiv b'Indikazzjonijiet Ġeografiċi.
Issa l-Kummissjoni qed taħdem biex tikkonkludi test finali tal-ftehim sal-aħħar tas-sena.
Strateġija li tħares ’il quddiem
L-istrateġija tal-UE “Kummerċ għal Kulħadd” tadatta għal realtajiet ekonomiċi ġodda u tfittex li tieħu vantaġġ minn opportunitajiet kummerċjali ġodda. Is-sigurtà tal-abbiltà ta’ kumpaniji tal-UE biex jibnu u jipparteċipaw f’katini ta’ valur globali teħtieġ aċċess ħieles mhux biss għall-oġġetti iżda wkoll għas-servizzi, għall-professjonisti u għall-kapital. Il-Kummissjoni qed issaħħaħ il-liberalizzazzjoni f’oqsma ewlenin għall-kompetittività tal-UE, bħall-enerġija u l-materja prima—li għandha dispożizzjonijiet iddedikati fil-ftehimiet tal-Vjetnam u tal-Ukrajna u fin-negozjati tal-FTA ġodda kollha, u dan jikkontribwixxi għall-istrateġija għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE.
L-UE ssegwi l-liberalizzazzjoni tal-investiment kemm permezz tal-FTAs kif ukoll permezz ta' ftehimiet ta’ investiment awtonomi. Approċċ riformat għall-protezzjoni tal-investiment u għas-soluzzjoni tat-tilwim b’enfasi aktar ċara fuq id-dritt tal-istati li jirregolaw fl-interess pubbliku wassal għall-istabbiliment ta’ Sistema ta' Qorti tal-Investiment ġdida mal-Kanada u l-Vjetnam li se tintuża fi ftehimiet futuri. Lil hinn mill-kuntest bilaterali, il-Kummissjoni qed tikkonsulta ma' sħab fuq il-possibbiltà li tiġi stabbilita Qorti Multilaterali tal-Investiment għas-Soluzzjoni ta' tilwim dwar investiment. Diġà saru taħditiet esploratorji ma’ pajjiżi terzi sabiex jiġi żgurat li din l-innovazzjoni maġġuri potenzjali fil-governanza tkun verament globali. Il-Kummissjoni llum qed tirrakkomanda lill-Kunsill biex jiftaħ negozjati sabiex jistabbilixxi qorti bħal din. Dan wara valutazzjoni tal-impatt u konsultazzjoni pubblika estensiva li saret mill-Kummissjoni matul is-sena li għaddiet, bħal laqgħa ddedikata għall-partijiet ikkonċernati mas-soċjetà ċivili fi Frar 2017. Waqt li attwalment qed tikkonsulta dwar il-politika tal-investiment b’mod usa’, fl-2018 il-Kummissjoni tippjana li tirrevedi l-Komunikazzjoni tal-2010 dwar l-investiment internazzjonali u tippjana triq ’il quddiem.
Il-modi ta’ produzzjoni tal-lum iċajpru d-distinzjoni bejn l-oġġetti u s-servizzi, fejn bosta servizzi tal-UE direttament jippermettu kummerċ fl-oġġetti. Għalhekk, il-Kummissjoni qed taħdem biex tilliberalizza l-kummerċ tas-servizzi id f’id mal-kummerċ fl-FTAs kollha u f’negozjati plurilaterali, inkluż billi taħdem biex tkompli n-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali (EGA) u l-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TISA). Il-mobbiltà tal-professjonisti wkoll tiffaċilita l-esportazzjonijiet tal-oġġetti kif ukoll tas-servizzi, u issa dispożizzjonijiet abilitanti issa jidhru fis-CETA u fl-FTA mal-Ġappun. Barra minn hekk, qed jiġu kkunsidrati dispożizzjonijiet dwar trasferiment intraażjendali u dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali skont il-każ. Fejn il-mobilità hija ffaċilitata, il-kooperazzjoni għar-ritorn u r-riammissjoni għandha tkun imsaħħa.
Iż-żieda kontinwa tal-kummerċ diġitali wasslet lill-Kummissjoni biex tiżviluppa kapitolu fl-FTA dedikat ġdid dwar il-kummerċ-e għal negozjati futuri sabiex jiffaċilitaw kuntratti u tranżazzjonijiet elettroniċi, inkluż it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumatur. Filwaqt li diġà ġie propost fil-Messiku, l-UE qed tisħaq favur l-esplorazzjoni ulterjuri tas-suġġett fil-WTO. Il-Kummissjoni se tkompli tanalizza l-effett tad-diġitalizzazzjoni fuq l-ekonomija Ewropea u se tkompli tidentifika kif il-politika kummerċjali tista’ tirrifletti bl-aħjar mod dawn l-iżviluppi ġodda.
IV. L-Istabbiliment tal-Politika Kummerċjali u tal-Investiment f’Valuri Universali
Politika kummerċjali u tal-investiment li twassal riżultati għal kulħadd twieġeb għat-tħassib taċ-ċittadini u tirrifletti l-valuri universali li l-Unjoni taderixxi magħhom. L-ewwel nett, dan ifisser li l-ebda ftehim kummerċjali ma huwa se jwassal għal livelli aktar baxxi tal-protezzjoni tal-konsumatur, tal-ambjent jew tas-soċjetà u tax-xogħol milli dawk offruti fl-UE llum il-ġurnata, jew jikkomprometti d-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, il-ftehimiet tal-UE jħallu lill-gvernijiet liberi biex jilħqu objettivi pubbliċi leġittimi, u t-testi tan-negozjar kollha tal-UE jaffermaw mill-ġdid dan il-punt.
Dan l-approċċ jissalvagwardja l-progress fi ħdan l-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-valuri u l-istandards tal-UE wkoll isawru l-impenn tagħha barra. Meta l-politika kummerċjali tiġi bbażata fuq valuri tal-UE u universali, din tippermetti lill-UE biex issawwar il-globalizzazzjoni sabiex tippromwovi żvilupp sostenibbli kemm fl-UE stess kif ukoll barra, b’hekk tikkontribwixxi għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u inizjattivi bħall-ftehim ta' Pariġi dwar il-klima.
Dispożizzjonijiet komprensivi u vinkolanti dwar l-iżvilupp sostenibbli issa huma parti min-negozjati kollha tal-FTA, u jipproġettaw prinċipji ewlenin ta’ governanza dinjija permezz tal-ftehim sħiħ. L-impenji jvarjaw mir-rispett għall-istandards ewlenin tax-xogħol sal-konservazzjoni tar-riżorsi naturali – kif jidher, pereżempju, fil-ftehimiet konklużi mal-Kanada u l-Vjetnam. It-tkabbir inklużiv u l-iżvilupp sostenibbli huma l-pedament tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), u tal-iskemi ta’ preferenza unilaterali tal-UE “Kollox ħlief Armi” (EBA), is-“Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi” (GSP, Generalised System of Preferences) u l-GSP+.
L-UE hija impenjata li tissorvelja u tinforza d-dispożizzjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli. Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles se jagħti dettalji dwar l-implimentazzjoni tagħhom taħt kull ftehim kummerċjali tal-UE eżistenti. B’mod sistematiku, l-UE tinvolvi ruħha ma’ gvernijiet sħab, organizzazzjonijiet internazzjonali, sħab soċjali, negozji u s-soċjetà ċivili sabiex timmonitorja l-impenji tal-GSP+, u fl-2016 u l-2017 il-missjonijiet ta’ monitoraġġ koprew id-disa’ benefiċjarji kollha tal-iskema. Dan l-involviment jestendi wkoll għal sħab tal-EBA bħall-Bangladesh u l-Kambodja. Fil-prattika, l-implimentazzjoni ġenwina u effettiva teħtieġ iż-żmien. Kienet sħubija fit-tul li għenet lis-Sri Lanka biex tavvanza fid-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol: il-pajjiż kiseb il-preferenzi tal-GSP+ f’Mejju 2017. Sabiex tibni fuq dan l-approċċ, f’Lulju, il-Kummissjoni ppubblikat dokument dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli, li nieda dibattitu mal-Istati Membri, mal-Parlament Ewropew u mal-partijiet ikkonċernati dwar jekk il-kapitli attwali dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli humiex jissodisfaw l-aspettattivi, u x’jista’ jsir biex dawn jitjiebu.
Waqt in-negozjati, l-UE timmonitorja d-drittijiet fundamentali, u tissospendi t-taħditiet fejn ikun hemm tħassib serju, kif ġara fit-Tajlandja. L-FTAs fihom klawsoli ta' reviżjoni biex jiġi żgurat l-aktar approċċ effettiv: l-UE u l-Kanada se jniedu reviżjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar tal-iżvilupp sostenibbli fis-CETA ladarba l-ftehim jiġi applikat b’mod provviżorju fil-21 ta’ Settembru.
L-UE aġġornat ukoll ir-Regolament tagħha sabiex tipprevjeni esportazzjonijiet ta’ oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali jew għat-tortura. Il-listi tal-prodotti ġew aġġornati u żdiedu ċerti servizzi inkluż is-senserija. Dan ir-Regolament rivedut se jipprovdi l-bażi għal diskussjonijiet ma’ pajjiżi sħab taħt Alleanza Globali sabiex jinkoraġġihom jiżviluppaw politiki tar-restrizzjoni tal-kummerċ simili, bl-għan li jimminimizzaw is-swieq b’mod globali għal dawn it-tipi ta’ prodotti. L-Alleanza Globali, li tnediet taħt it-tmexxija strumentali tal-UE flimkien mal-Arġentina u l-Mongolja fin-NU f’New York f’Settembru, se tintuża biex tiskambja informazzjoni u tiffaċilita miżuri u tħaffef il-proċessi meta jidhru fis-swieq prodotti ġodda li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali u għat-tortura.
Ir-Regolament dwar il-Minerali ta’ Kunflitt inaqqas l-abbuż tad-drittijiet f’xi wħud mill-aktar reġjuni vulnerabbli tad-dinja
Liġi ġdida tal-UE, adottata f’Mejju 2017, se twaqqaf l-esportazzjoni ta’ minerali u metalli ta' kunflitt lejn l-UE. Dan jobbliga lill-kumpaniji tal-UE fil-katina ta’ provvista biex jiżguraw li jimpurtaw id-deheb, il-landa, il-metalli tungstenu u tantalju u minerali minn sorsi responsabbli biss—milli minn sorsi li jistgħu jiffinanzjaw vjolenza jew iwasslu għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem. Ir-Regolament juri kif sħubija fuq immaniġġjar ta’ katina ta’ provvista tista’ tiffaċilita żvilupp ta’ komunità lokali permezz tal-kummerċ, waqt li tirrispetta drittijiet fundamentali u kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti.
Filwaqt li tkompli tibni fuq dan is-suċċess, l-UE qed tipproponi artikoli awtonomi dwar l-immaniġġjar responsabbli tal-katina ta’ provvista f’negozjati li għadhom għaddejjin. Prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) ibbażati fuq linji gwida għal kumpaniji multinazzjonali mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) diġà huma stabbiliti fl-FTAs bħal dak mal-Vjetnam. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi wkoll ir-rappurtar mhux finanzjarju volontarju tal-kumpaniji. L-UE hija involuta b’mod attiv ma’ pajjiżi u atturi internazzjonali oħra sabiex issaħħaħ strumenti eżistenti u tippromwovi approċċi simili. Pereżempju, l-UE tipparteċipa fil-Patt ta' Sostennibbiltà tal-Bangladesh u taħdem mal-OECD dwar kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti fis-settur tal-ħwejjeġ.
L-UE tkompli tfittex toroq ġodda biex tagħmel il-politika kummerċjali aktar risponsiva għat-tħassib taċ-ċitaddini. Il-Kummissjoni qed twassal il-wegħda tagħha li tinnegozja dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni relatati mal-kummerċ u l-investiment u żviluppat proposta testwali ambizzjuża lesta biex tiġi ppreżentata f'negozjati futuri, li tibda bil-Messiku u ċ-Ċilì.
L-indirizzar tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jgħin biex jiżgura li l-benefiċċji tal-kummerċ jilħqu lil kulħadd, u bl-istess mod jimmassimizzaw il-kisbiet globali mill-opportunitajiet tal-kummerċ. Il-Kummissjoni qed tesplora kif tibni fuq id-dispożizzjonijiet eżistenti kontra d-diskriminazzjoni u fuq l-appoġġ għal setturi u operaturi ewlenin għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa bħall-SMEs. Fehim aħjar tal-impatt tal-istrumenti kummerċjali fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri huwa pass kruċjali. Għal dan l-għan, studju tal-Kummissjoni ddedikat dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-esportazzjonijiet ippubblikat f’Ġunju kkumplimenta l-valutazzjoni tal-impatt ta’ azzjonijiet kummerċjali fuq il-ġeneru li saret fil-kuntest tal-aħħar Valutazzjonijiet tal-Impatt, tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt għas-Sostenibilità u tal-evalwazzjonijiet ex post.
Ideat mill-Forum Internazzjonali dwar in-Nisa u l-Kummerċ li sar f’Ġunju li għadda fi Brussell kif ukoll kooperazzjoni mnedija f’dak il-kuntest ma’ atturi internazzjonali relevanti, inkluż il-WTO, iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Kummerċ u oħrajn se jinfurmaw politiki u negozjati futuri, bil-bidu bin-negozjati maċ-Ċilì. Filwaqt li jkompli jibni fuq il-Kunsens Ewropew Ġdid dwar l-Iżvilupp u jkompli l-impenn tal-Kummissjoni biex tindirizza kwistjonijiet relatati mal-ġeneru bħala parti mir-reviżjoni ta’ din is-sena tal-istrateġija Għajnuna għall-kummerċ, dan il-fokus imsaħħaħ mill-ġdid mill-lat tal-ġeneru fl-inklussività kummerċjali se jkompli jiġi rifless fil-pożizzjonijiet kollha tal-Kummissjoni, inkluż fil-kuntest tal-Konferenza Ministerjali tal-WTO f’Diċembru.
Il-promozzjoni ta’ standards tal-produzzjoni sostenibbli kif ukoll skemi ta' garanzija kummerċjali u tas-sostenibbiltà ġusti u etiċi jżidu l-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti li jixtru fl-UE. Il-Kummissjoni tkompli xogħolha biex tippromwovi dawn l-iskemi permezz ta’ azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni fi ħdan l-UE, ma’ pajjiżi sħab u fi ħdan fora internazzjonali. Il-kummerċ ġust u etiku jiġi diskuss regolarment mas-sħab tagħna bħala parti mill-implimentazzjoni tal-FTA, u se jiġi indirizzat fir-reviżjoni ta’ din is-sena tal-istrateġija Għajnuna għall-Kummerċ. Il-Kummissjoni se tingħaqad maċ-Ċentru Internazzjonali għall-Kummerċ biex tiffinanzja studju dwar il-kummerċ etiku, bil-"Premju tal-Belt tal-UE għal Kummerċ Ġust u Etiku" li għandu jitnieda fl-2018.
Politika kummerċjali bbażata fuq il-valuri tkun aktar effettiva jekk din tkun kumplimentari għal politiki u strumenti tal-UE oħrajn, inkluż il-finanzjament. Is-simplifikar tar-regoli tal-oriġini għal oġġetti ġejjin mill-Ġordan għen direttament l-integrazzjoni ekonomika tar-rifuġjati Sirjani fil-Ġordan, b’mod konsistenti mal-Qafas ta’ Sħubija tal-UE 2016 dwar il-migrazzjoni. Sabiex jirrifletti l-Kunsens Ewropew Ġdid dwar l-Iżvilupp, ir-rieżami ta’ din is-sena għall-istrateġija Għajnuna għall-Kummerċ jappoġġa s-sostenibbiltà u jgħin fl-implimentazzjoni tal-FTAs, tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSEs), u tal-GSP. Il-Kummissjoni tingħaqad ukoll ma’ organizzazzjonijiet bħall-ILO, u torjenta l-fondi tal-Istrument ta’ Sħubija tal-UE lejn proġetti ta’ bini ta’ kapaċità fil-mira li jippromwovu governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.
V. Tfassil ta’ Politika Trasparenti u Inklużiva
Sabiex tiżgura li l-kummerċ ikun ta’ benefiċċju għal kulħadd, politika kummerċjali effettiva trid tkun ukoll responsabbli, miftuħa u inklużiva. It-trasparenza hija r-responsabbiltà tal-Istituzzjonijiet kollha tal-UE, l-Istati Membri kollha u l-parlamenti nazzjonali kollha. Dawn kollha għandhom rwol x’jaqdu hekk kif jiġu negozjati u adottati ftehimiet kummerċjali, u b’mod korrispondenti jikkondividu r-responsabbiltà biex jinfurmaw u jikkonsultaw.
Il-Kummissjoni hija impenjata li tmexxi negozjati kummerċjali fit-trasparenza
Issa l-UE regolarment tippubblika l-proposti ta’ negozjati u r-rapporti tas-sessjonijiet ta’ negozjati tagħha. B’mod sistematiku, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jikkonsultaw parlamenti nazzjonali dwar direttivi ta' negozjati proposti, u biex jippubblikawhom hekk kif jiġu adottati. Dalwaqt il-pubbliku se jkun jista’ jikkonsulta pereżempju l-mandat għall-ftehim tal-Ġappun, li jkompli jibni fuq pubblikazzjonijiet bikrija għal TTIP, CETA u TISA.
Peress li politika kummerċjali effettiva għandha tkun ukoll trasparenti, il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tmur pass oltre u mil-lum ’il quddiem tippubblika r-rakkomandazzjonijiet tagħha għal direttivi ta' negozjati, billi ssegwi l-prattika stabbilita għan-negozjati tal-Artikolu 50. Il-pubblikazzjoni tad-direttivi ta' negozjati, li tibda mil-lum b'dawk għall-Awstralja u għal New Zealand, se tfisser ukoll li dawn awtomatikament jiġu trażmessi lil parlamenti nazzjonali fl-istess waqt li jkunu qed jiġu ppreżentati lill-Kunsill għal deliberazzjonijiet bħal kif jiġri għal kwalunkwe proposta oħra tal-Kummissjoni, u b’hekk tippermetti dibattitu inklużiv dwar il-proposti ta’ negozjati tal-UE sa mill-bidu nett. Dan se jiffaċilita wkoll id-djalogu dwar il-ftehimiet kummerċjali li l-gvernijiet jeħtieġ li jinvolvu rwieħhom ma’ kull Stat Membru. L-involviment bikri mill-gvernijiet tal-Istati Membri ta’ diversi kostitwenti nazzjonali tagħhom huwa indispensabbli biex tinħoloq politika kummerċjali trasparenti u inklużiva.
Sa minn Ottubru 2015, dawn it-testi huma disponibbli fuq is-siti web dedikati “Trasparenza fl-Azzjoni”, flimkien ma’ dokumenti oħrajn li jirrigwardaw in-negozjati. Fl-istess waqt, ċerti proposti bħal offerti għal aċċess għas-swieq, għall-bidu, għandhom, jibqgħu kunfidenzjali sabiex jinżamm l-ingranaġġ tan-negozjati tal-UE. Ladarba n-negozjati jiġu konklużi, it-test kollu jiġi ppubblikat – saħansitra qabel il-finalizzazzjoni legali u qabel ikunu nbdew il-proċeduri tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. It-testi tas-CETA, tal-Vjetnam u tal-Ġappun huma eżempji riċenti.
Il-Kummissjoni żiedet ukoll it-trasparenza fl-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ. Il-pjattaforma online "TRON” tagħti lill-partijiet għal kull investigazzjoni ġdida aċċess dirett għall-fajl pubbliku kollu. Sommarji eżekuttivi ddettaljati tal-ilmenti kollha, inkluż ir-reviżjonijiet, huma disponibbli għall-pubbliku ġenerali.
Il-Kummissjoni issa qed taħdem b’mod attiv biex timxi lil hinn mit-trasparenza fis-sens sempliċi tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Tfassil ta’ politika verament inklużiv jitlob involviment attiv bi spettru wiesa’ ta’ partijiet ikkonċernati. Sabiex tagħmel din l-informazzjoni mhux biss disponibbli iżda aktar aċċessibbli, il-Kummissjoni tipprovdi materjal spjegatorju addizzjonali meta jkun meħtieġ biex tikkumplimenta testi ta’ negozjati ppubblikati. Il-Kummissjoni tippubblika wkoll skedi informattivi, statistika u firxa wiesgħa ta’ informazzjoni oħra online u anki permezz tal-midja soċjali, biex tinkoraġġixxi dibattitu tal-orjentazzjoni infurmat tajjeb u bbażat fuq il-fatti – inkluż il-portali ddedikati “Ejja Nitkellmu dwar il-Kummerċ” (“Let’s Talk Trade”) jew mapep interattivi tal-kumpaniji fl-UE li jesportaw għand is-sħab kummerċjali tagħna (“CETA in Your Town”).
Il-Kummissjoni tkompli biex b’mod sistematiku tikkonsulta pubblikament, sabiex l-opinjonijiet kollha espressi jikkontribwixxu għat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE u jgħinu lill-UE twieġeb għat-tħassib tan-nies. Pereżempju, l-approċċ tal-UE għall-protezzjoni tal-investiment u għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment issawwar mill-ġdid wara konsultazzjoni pubblika. Bħala parti mill-enfasi tagħha fuq tfassil ta’ politika kummerċjali trasparenti u inklużiva, il-Kummissjoni se tkun qed toħloq grupp konsultattiv dwar il-Ftehimiet Kummerċjali tal-UE sabiex tagħti parir kif xieraq dwar in-negozjati kummerċjali tal-UE u l-implimentazzjoni tagħhom. Permezz ta’ dan il-grupp, il-Kummissjoni se tkun tista’ tibbenefika minn perspettivi u fehmiet differenti dwar il-kummerċ minn organizzazzjonijiet Ewropej bħal organizzazzjoni tal-impjegaturi, trejdjunjins, assoċjazzjonijiet tar-rappreżentanti, assoċjazzjonijiet tal-konsumatur u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħrajn.
Kull fejn kien possibbli, l-Evalwazzjonijiet (Valutazzjonijiet tal-Impatt, Valutazzjonijiet tal-Impatt għas-Sostenibilità u analiżi "ex post") tjiebu, bil-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati inkluż is-sħab soċjali f’aktar dettall: il-valutazzjoni ġiet intensifikata fl-oqsma tal-protezzjoni tal-konsumatur, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-SMEs, b’mod partikolari.
B’mod attiv, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi u tgħin fid-diskussjoni u d-dibattitu dwar il-politika kummerċjali, sew jekk fil-Parlament Ewropew, fil-parlamenti tal-Istati Membri, fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kif ukoll fis-soċjetà ċivili ġenerali. Dan għandu jkun dibattitu ta' orjentazzjoni wiesa’ li jmur lil hinn minn speċjalisti kummerċjali. Sa minn meta ġiet inkarigata mill-portafoll kummerċjali, il-Kummissjonarju Malmström, s’issa, żaret parlamenti nazzjonali prattikament fl-Istati Membri kollha tal-UE, kif ukoll ħadet sehem fid-djalogi taċ-ċittadini. Fi Brussell isiru wkoll laqgħat ta’ Djalogu tas-Soċjetà Ċivili regolari, inkluż f’Mejju li għadda meta l-Kummissjonarju personalment aġġorna lill-parteċipanti dwar in-negozjati mal-Ġappun u l-futur tal-politika kummerċjali tal-UE. L-UE tinnegozja dispożizzjonijiet tal-FTA li jagħtu lis-soċjetà ċivili kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi sħab tagħha rwol formali fil-monitoraġġ ta’ kif jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali. F’negozjati futuri, se jkun propost li tiġi estiża din is-sorveljanza għad-dispożizzjonijiet kollha tal-FTAs.
VI. L-Involviment ta’ Sħab Madwar id-Dinja
Id-WTO hija ċentrali għall-politika kummerċjali u n-negozjar tal-UE kif enfasizzat mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2017. L-UE temmen li sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli hija essenzjali sabiex twassal politika kummerċjali effettiva u ġusta li ċ-ċittadini kollha fil-pajjiżi kollha jibbenefikaw minnha. Il-ħidma ta’ kuljum tal-WTO fuq il-monitoraġġ, it-trasparenza, l-infurzar u l-medjazzjoni hija imprezzabbli u dejjem tista’ tiddependi fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-UE. Xorta, għad fadal ħafna xi jsir biex jiġi żgurat li l-WTO taħdem sal-potenzjal massimu tagħha bħala korp li jfassal ir-regoli li jixpruna l-aġenda tal-governanza dinjija ’l quddiem.
L-espansjoni tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ u tal-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni, it-tnejn qed jagħtu progress sinifikanti fl-ambjent tal-WTO, u l-UE kellha rwol kruċjali fin-negozjar tal-ftehimiet finali. Dawn l-eżempji juru li sabiex jaslu għal riżultat sinifikanti, il-membri tad-WTO u l-pajjiżi b'ekonomiji emerġenti b’mod partikolari, għandhom ikunu lesti li jagħtu kontribut sostanzjali għas-sistema. L-aġenda tan-negozjar tal-WTO jeħtieġ li tkun dinamika u tirrispondi għall-ħtiġijiet u l-aspettattivi li jinbidlu tal-operatur tas-suq. Jeħtieġ li tiġi indirizzata firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet biex l-għodod tad-WTO jsiru aktar relevanti għar-realtajiet tal-lum tal-kummerċ globali u sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi.
Mill-Konferenza Ministerjali ta’ Nairobi ta’ Diċembru 2015, l-UE fasslet it-triq fit-tiswir mill-ġdid tal-aġenda ta’ negozjar tal-WTO, billi tippromwovi proposti li jillimitaw l-użu ta’ sussidji agrikoli u tas-sajd distortivi, biex tippromwovi t-trasparenza fis-sussidji industrijali, biex toħloq regoli ġodda u ferm meħtieġa dwar il-kummerċ elettroniku, jew biex taqbel fuq id-dixxiplini tar-regolamentazzjoni domestiċi. L-UE qiegħda tikkosponsorja wkoll proposti li jgħinu lill-SMEs jinvolvu rwieħhom f’kummerċ internazzjonali jew li jippromwovu l-ugwaljanza tal-ġeneru; u b’mod attiv qed tinvolvi ruħha fi djalogu dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment għall-iżvilupp.
Fit-tħejjija tal-Konferenza Ministerjali fi Buenos Aires aktar tard din is-sena, l-UE se tħaffef il-proċess ta’ diskussjonijiet ma’ membri oħra tal-WTO dwar kif jiġu mmodernizzati r-regoli tal-kummerċ dinji, u biex jerġa’ jiġi stabbilit il-primat tad-WTO fit-tfassil tar-regoli. L-UE se tfittex soluzzjonijiet multilaterali waqt li, fejn meħtieġ, għandhom jiġu esplorati wkoll approċċ plurilaterali – bi preferenza qawwija għal soluzzjonijiet ta’ pjattaforma miftuħa li jkunu stabbiliti b’mod sħiħ fi ħdan il-qafas tal-WTO.
Ir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE jistgħu jipprovdu infurzar mill-ġdid aktar ambizzjuż tas-sistema multilaterali bbażata fuq ir-regoli. Din il-kunsiderazzjoni mhijiex daqshekk pertinenti daqskemm hi fir-relazzjoni bejn l-UE u ż-żewġ sħab kummerċjali l-aktar kbar tagħha, l-Istati Uniti (US) u ċ-Ċina rispettivament. Minħabba l-influwenza tal-piż ekonomiku kkombinat tagħhom fuq il-governanza dinjija, dawn ir-relazzjonijiet jeħtieġ li jilħqu l-potenzjal tagħhom sabiex ikunu fuq quddiem fir-regoli progressivi u miftuħa għall-kummerċ internazzjonali.
Issa, it-taħditiet tat-TTIP waqfu temporanjament, iżda l-Istati Uniti tibqa’ l-akbar suq tal-esportazzjoni tal-UE u l-alleat ewlieni. Konverġenza bejn l-UE u l-Istati Uniti fuq livell għoli ta’ ambizzjoni u fuq pożizzjonijiet ta’ governanza dinjija ewlenin dwar ir-regoli kummerċjali kif ukoll oqsma bħall-klima hija prerekwiżit meħtieġ għal kwalunkwe ftehim. Sadanittant, l-UE u l-Istati Uniti qed jesploraw modi kif itejbu l-kooperazzjoni dwar sfidi tal-kummerċ globali – bħall-kapaċità żejda – kif ukoll inizjattivi konkreti biex jiffaċilitaw il-kummerċ transatlantiku.
Il-kapaċità żejda hija problema b’mod partikolari fl-ekonomija taċ-Ċina, u l-konsegwenzi tagħha jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv biss mill-governanza ekonomika internazzjonali bħat-tentattivi biex jiġu indirizzati problemi urġenti fis-settur tal-azzar fi ħdan il-Forum Globali dwar il-Kapaċità Eċċessiva tal-Azzar, stabbilit mill-membri tal-G20 u tal-OECD. Hawn, l-UE kienet strumentali fin-negozjar ta’ ġabra ta’ impenji sabiex tonqos il-kapaċità eċċessiva tal-azzar, b'mod partikolari billi jitneħħew sussidji li jfixklu s-suq u appoġġ tal-gvern ieħor. L-UE taħdem maċ-Ċina biex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni attiva tagħha fi strutturi kummerċjali multilaterali, b'mod proporzjonat mal-piż taċ-Ċina fis-sistema u l-benefiċċji li tieħu mingħandha. Fir-relazzjoni bilaterali, l-UE tuża l-azzjonijiet kollha disponibbli biex tindirizza l-politiki Ċiniżi li jdgħajfu l-kundizzjonijiet ekwi għall-proċeduri u l-operaturi tas-suq kollha, inkluż sussidjar mhux ġust u appoġġ tal-esportazzjoni estensiv. Billi tfittex ir-reċiproċità, l-UE qed tinnegozja ftehim ta’ investiment maċ-Ċina.
L-istrateġija tan-negozjar tal-UE tadatta kemm għal bidliet ekonomiċi kif ukoll għal dawk politiċi, u tieħu vantaġġ minn opportunitajiet ġodda. Il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-involviment bilaterali tal-UE twessa’ saħansitra aktar, b’mod partikolari fir-rigward ta’ magni ta’ tkabbir futuri fl-Asja u fl-Amerika Latina. Fl-Amerika Latina, it-taħditiet dwar il-modernizzazzjoni tal-ftehim tal-Messiku u n-negozjati tal-Mercosur qed javvanzaw b’mod mgħaġġel. Sa mit-tnedija tal-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd, bdew negozjati mal-Indoneżja u l-Filippini, filwaqt li mal-Malasja u t-Tajlandja lesti biex jitkomplew meta l-kundizzjonijiet ikunu tajbin. In-negozjati mal-Indja tnedew fl-2007, u l-aħħar sessjoni formali saret fl-2013. L-UE qed tipprepara biex tniedi negozjati tal-investiment ma’ Ħong Kong u mat-Tajwan.
Fil-futur, it-taħditiet dwar l-investiment jistgħu jikkumplimentaw ukoll l-FTA tal-Korea eżistenti.
Fil-viċinat tal-UE, għadhom għaddejjin negozjati mat-Tuneżija u dalwaqt jistgħu jerġgħu jitkomplew mal-Marokk. Tnedew negozjati mal-Ażerbajġan fil-qafas ta’ Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, li jkompli jżid l-impenn tal-UE għas-Sħubija tal-Lvant. Fl-aħħar tal-2016, il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill abbozz ta' direttivi ta' negozjar dwar il-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali tal-UE mat-Turkija.
L-UE tkompli tappoġġja l-proġetti ta’ integrazzjoni reġjonali tas-sħab tagħna, u qed tesplora relazzjonijiet kummerċjali aktar intensifikati ma’ pereżempju l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja jew inizjattivi ta’ integrazzjoni reġjonali Afrikana. L-UE u l-Unjoni Afrikana qed jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw prinċipji gwida dwar tfassil ta’ politika dwar l-investiment.
Hija u tħares ’il quddiem, riċentement, il-Kummissjoni pproponiet direttivi ta' negozjati biex tniedi negozjati maċ-Ċilì, u llum qed tagħmel dan mal-Awstralja u ma' New Zealand.
VII. Konklużjoni
L-ewwel sentejn tal-implimentazzjoni tal-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd raw progress konkret konsiderevoli lejn politika kummerċjali effettiva, trasparenti u responsabbli li twieġeb għal sfidi ekonomiċi u taħtaf l-opportunitajiet. L-UE qed issawwar ir-regoli tal-kummerċ globali billi tfittex ftehimiet progressivi u innovattivi, kif muri mill-ftehimiet tal-Kanada u tal-Ġappun.
Madankollu, din il-ħidma mhijiex lesta, u se tkompli. Il-Kummissjoni trid tikkonkretizza l-ħidma kontinwa f'konklużjoni ta’ suċċess: l-ewwel, billi b’attenzjoni timplimenta ftehimiet li ntlaħqu sabiex tiżgura li l-opportunitajiet il-ġodda joħolqu benefiċċji reali fil-prattika. It-tieni, l-UE se tkompli tfittex l-istrateġija tagħha għal regoli moderni li jixirqu għall-kummerċ tas-seklu 21 f’negozjati li għadhom għaddejin fi ħdan id-WTO u ma’ sħab bilaterali. L-UE tista’ titgħallem ukoll minn implimentazzjoni prattika sabiex taġġorna u tadatta l-azzjoni tagħha, li twassal għal riflessjoni dwar, pereżempju, l-infurzar ta’ dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli. Finalment, il-politika kummerċjali sejra tesplora oqsma ġodda bħall-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Il-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa li taħdem mal-Kunsill, mal-Parlament Ewropew u mal-partijiet ikkonċernati kollha sabiex tkompli timplimenta l-istrateġija, u tiżgura li l-politika kummerċjali tal-UE tkompli sservi lil kulħadd fl-UE u lil hinn minnha.