Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0291

DOKUMENT TA' RIFLESSJONI DWAR L-APPROFONDIMENT TAL-UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA

COM/2017/0291 final

Brussell, 31.5.2017

COM(2017) 291 final

DOKUMENT TA' RIFLESSJONI

DWAR L-APPROFONDIMENT TAL-UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA


Fl-1 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat White Paper dwar il-ġejjieni tal-Ewropa. Din immarkat il-bidu ta’ dibattitu wiesa’ dwar l-Unjoni Ewropea tal-ġejjieni b’27 Stat Membru. Biex tkompli tikkontribwixxi għad-diskussjoni, il-Kummissjoni Ewropea qed tippreżenta għadd ta’ dokumenti ta’ riflessjoni dwar suġġetti ewlenin li se jiddefinixxu s-snin li ġejjin.

Dan id-dokument ta’ riflessjoni – it-tielet fis-serje – ifisser modi possibbli 'l quddiem biex napprofondixxu u nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) sal-2025. Huwa jagħmel dan billi jippreżenta passi konkreti li jistgħu jittieħdu sa ma jaslu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2019, kif ukoll sensiela ta’ opzjonijiet għas-snin ta’ wara. Filwaqt li jibni fuq ir-Rapport tal-Ħames Presidenti, huwa intenzjonat kemm li jistimula d-dibattitu dwar l-UEM kif ukoll li jkun ta’ għajnuna biex tintlaħaq il-viżjoni kondiviża dwar l-għamla futur tagħha.

Il-munita unika hija waħda mill-kisbiet l-aktar sinifikanti u tanġibbli tal-Ewropa. Hija kienet ta’ għajnuna biex l-ekonomiji tagħna jintegraw ma’ xulxin u qarrbet lill-Ewropej lejn xulxin. Iżda hija dejjem kienet ħafna aktar minn proġett monetarju. Ġiet konċeputa bħala wegħda ta’ prosperità – u hekk għandha tibqa’, anki għal dawk li għad ikunu membri taż-Żona tal-Euro fil-futur.

Dik il-wegħda saret aktar importanti minn qatt qabel hekk kif l-Ewropa ġiet mheżża mill-kriżi finanzjarja u ekonomika. Il-wirt iebes ta’ dawk is-snin wassal biex l-Ewropej ikunu jridu aktar minn dak li toffri l-munita unika: aktar stabbiltà, aktar protezzjoni u aktar opportunitajiet. Dawn l-aspettattivi ġew parzjalment issodisfatti b’azzjoni b’determinazzjoni bħala reazzjoni għall-kriżi, sabiex jittejbu l-istrumenti u l-arkitettura taż-Żona tal-Euro. Illum, l-ekonomija tal-UE reġgħet qiegħda tikber u l-qgħad niżel għall-anqas livell tiegħu fi tmien snin. Iżda ż-Żona tal-Euro ma għandhiex bżonn biss ta’ soluzzjonijiet ta’ emerġenza. Għandha wkoll bżonn ta’ bennejja u ta’ periti għat-tul.

Fuq tliet fronti, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna għadha 'l bogħod milli tkun sodisfaċenti. L-ewwel nett, għadha mhix kapaċi li treġġa’ lura biżżejjed id-diverġenzi soċjali u ekonomiċi bejn u fi ħdan membri taż-Żona tal-Euro li ħarġu mill-kriżi. It-tieni, dawn il-forzi ċentrifugi għandhom prezz politiku kbir. Jekk ma jiġux indirizzati, x’aktarx li jwasslu għal tnaqqis fl-appoġġ taċ-ċittadini għall-euro, u joħolqu perċezzjonijiet differenti tal-isfidi, aktar milli jġibu kunsens dwar viżjoni għall-futur. Fl-aħħar nett, fil-waqt li l-UEM hija aktar b'saħħitha, għadha mhix għalkollox lesta li tilqa’ għal kull daqqa.

Bid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma, iffirmata fil-25 ta’ Marzu 2017, il-mexxejja tal-UE ntrabtu lijaħdmu biex jikkompletaw l-Unjoni Monetarja u Ekonomika; Unjoni fejn l-ekonomiji jikkonverġu”. Issa, din il-wegħda trid tinżamm. Dan jitlob kuraġġ politiku, viżjoni komuni u d-determinazzjoni li naġixxu fl-interess komuni.

Euro b'saħħtu jirrekjedi Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar b'saħħitha.

"F'dawn iż-żminijiet ta' bidla, u konxji mit-tħassib taċ-ċittadini tagħna, aħna nikkommettu ruħna għall-Aġenda ta' Ruma u nwiegħdu li naħdmu lejn (…) Unjoni fejn (…) munita unika stabbli u msaħħa aktar tiftaħ opportunitajiet għat-tkabbir, il-koeżjoni, il-kompetittività, l-innovazzjoni u l-iskambju, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; Unjoni li tippromwovi tkabbir sostnut u sostenibbli permezz tal-investiment, riformi strutturali u l-ħidma għall-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja; Unjoni fejn l-ekonomiji jikkonverġu."

Id-Dikjarazzjoni ta' Ruma, il-Mexxejja tal-UE, 25 ta' Marzu 2017



"Unjoni Ekonomika u Monetarja sħiħa mhijiex għan fiha nnfisha. Din tfisser il-ħolqien ta’ ħajja aħjar u aktar ġusta għaċ-ċittadini kollha, li l-Unjoni titħejja għall-isfidi globali tal-futur u li kull membru tagħha jkunu jista’ jipprospera."

Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti: Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa

Jean-Claude Juncker b'kooperazzjoni mill-qrib ma' Donald Tusk, Jeroen Dijsselbloem, Mario Draghi u Martin Schulz, it-22 ta' Ġunju 2015

Werrej

1. Introduzzjoni    

2. L-istorja tal-euro sa issa    

3. Il-każ għat-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja    

4. Riflessjonijiet dwar triq ‘il quddiem possibbli    

5. Konklużjoni    





1. Introduzzjoni

L-euro hija aktar minn munita. Għal kontinent li tant dam maqsum, il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro huma tfakkira tanġibbli ta’ kuljum tal-libertà, il-konvenjenza u l-opportunitajiet li l-Unjoni Ewropea toffri.

Illum, l-euro jużawh flimkien 340 miljun Ewropew u Ewropea, f’19-il Stat Membru. Sebgħa mill-Istati Membri li aderew mal-UE fl-2004 diġà adottaw l-euro. Iżda għaddew biss 25 sena minn mindu t-Trattat ta’ Maastricht witta t-triq għall-munita unika u għaddew biss 15-il sena mindu bdiet tintuża l-ewwel munita.

L-euro huwa l-munita ta’ 19-il Stat Membru

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Sa minn mindu tnieda, l-euro sar it-tieni l-aktar munita użata fid-dinja. Sittin pajjiż u territorju, li jirrappreżentaw 175 miljun persuna oħra, rabtu l-muniti tagħhom, jew direttament jew indirettament, mal-euro.

L-euro hu t-tieni l-iktar munita importanti fid-dinja

Sors: Il-Bank Ċentrali Ewropew, Ġunju 2016

It-tħaddim u l-futur tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) hija kwistjoni li tinteressa liċ-ċittadini Ewropej kollha, ikunu f'liema Stat Membru jkunu, inkluż dawk li għad jingħaqdu maż-Żona tal-Euro fil-futur. Wara li r-Renju Unit jitlaq mill-UE, l-ekonomiji tal-pajjiżi taż-Żona tal-Euro se jkunu jirrappreżentaw 85 % tal-PDG totali tal-UE. Dan jenfasizza r-rwol ċentrali tal-euro fl-UE futura ta’ 27 Stat Membru. Meta wieħed iqis l-importanza tiegħu għad-dinja, huwa daqstant ieħor importanti għall-isħab u l-investituri internazzjonali.

L-euro huwa storja ta’ suċċess fuq ħafna livelli iżda ż-żminijiet diffiċli li għaddiet minnhom iż-Żona tal-Euro matul is-snin wasslu biex dan mhux dejjem jidher hekk. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika li bdiet fl-Istati Uniti fl-2007-08 wasslet għall-agħar reċessjoni fl-istorja ta’ sitt deċenji tal-Unjoni Ewropea. Hija wkoll kixfet in-nuqqasijiet tal-istruttura tal-UEM kif kienet fil-bidu. Fiż-żminijiet il-koroh, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE ħadu deċiżjonijiet politiċi qawwija biex jippreżervaw l-integrità tal-euro u biex jevitaw l-agħar xenarji.

Inkisbu lezzjonijiet importanti, bi strumenti ġodda ta’ politika kif ukoll tibdil istituzzjonali li jgħinu biex iż-Żona tal-Euro tissaħħaħ. Is-sitwazzjoni preżenti hija bil-bosta aħjar, iżda l-isfidi għadhom hemm. Is-snin ta’ tkabbir baxx jew ta' ebda tkabbir ħallew marki permanenti fuq it-tifsila soċjali, ekonomika u politika tal-Ewropa. Ħafna pajjiżi għadhom qegħdin iħabbtu wiċċhom mal-wirt tal-kriżi – minn qgħad qawwi sa livelli għolja ta’ dejn pubbliku jew privat. U filwaqt li l-appoġġ għall-munita unika huwa qawwi – u anki qiegħed jiżdied – hemm ukoll aktar dubji dwar il-valur miżjud tal-euro u tal-mekkaniżmi tal-UEM.

Robusta kemm hi robusta llum, l-UEM għadha mhix kompluta. Il-pilastru “Monetarju” tal-UEM huwa żviluppat sew, kif jidher mir-rwol tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) Madankollu, l-element “Ekonomiku” għadu lura, hekk kif anqas integrazzjoni fil-livell tal-UE qegħda ttellef il-ħila tagħha li tkun ta’ appoġġ sħiħ għall-politika monetarja u l-politiki ekonomiċi nazzjonali. Dan huwa sintomatiku tal-ħtieġa li tissaħħaħ ir-rieda politika biex il-parti tal-“Unjoni” tal-UEM tiġi ssolidifikata. Hemm bżonn ta’ aktar fiduċja kullimkien, fost l-Istati Membri, bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, u mal-pubbliku in ġenerali.

Dan juri li l-vjaġġ tal-euro għadu jibda. Ma għandux ikun hemm traskurar fejn tidħol il-ħtieġa li tissaħħaħ l-arkitettura tiegħu. Mhix għażla li mmorru lura minn dak li diġà nkiseb. Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti ta’ Ġunju 2015 fakkar dwar il-ħtieġa li l-UEM tal-Ewropa titlesta u fisser it-triq ‘il quddiem sal-2025. Huwa nieda l-ewwel fażi ta’ “approfondiment permezz ta' azzjoni” sa Ġunju 2017. Il-passi meħtieġa għat-tieni fażi lejn l-2025, madankollu, għad irid jiġu diskussi u miftehma fost l-Istati Membri.

Dibattitu bħal dan jista’ jsir biss permezz ta’ fehim komuni tal-isfidi u tat-triq 'il quddiem. Matul is-snin ma kienx hemm nuqqas ta’ rapporti, diskorsi u dibattiti politiċi ta’ ċerta profondità. Nafu ħafna dwar dak li hemm bżonn li jsir. Madankollu, ħafna drabi l-progress jixxekkel minħabba nuqqas ta’ qbil. Xi wħud jargumentaw li aktar solidarjetà hija t-triq 'il quddiem sabiex jiġu affrontati l-konsegwenzi tal-kriżi, oħrajn jinsistu fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri bħala prerekwiżit għal aktar progress. Bħala konsegwenza, minkejja l-isforzi kollha li saru fis-snin reċenti, ir-ritmu lejn aktar riforma tal-UEM ntilef xi ftit. Dan jista’ jkun ukoll kaġun tas-sentiment pożittiv minn sinjali, dan l-aħħar, ta’ titjib fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali. Iżda aħna sempliċement ma nistgħux nistennew xi kriżi oħra qabel ma jkollna r-rieda kollettiva li naġixxu.

Hekk kif l-Ewropa tinsab qiegħda tiddiskuti l-futur tagħha, issa huwa l-mument li nħarsu lil hinn minn dak li diġà ngħad u sar. Il-White Paper dwar il-futur tal-Ewropa tal-1 ta’ Marzu 2017 enfasizzat l-importanza ta’ Żona tal-Euro qawwija għall-futur tal-UE27. Meta ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tal-25 ta’ Marzu 2017, l-Istati Membri irriaffermaw l-impenn tagħhom li jikkompletaw l-UEM. U anki jekk l-ambjent ekonomiku għadu mhux għal kollox sabiħ, hemm bżonn li nsewwu l-UEM issa, meta hawn il-kundizzjonijiet it-tajba.

Dan id-dokument ta’ riflessjoni javvanza l-veduti tar-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar it-tlestija tal-UEM tal-Ewropea u huwa ta’ kontribut għad-dibattitu aktar wiesa’ inizjat mill-White Paper dwar il-futur tal-Ewropa. Tħejja mill-Kummissjoni filwaqt li ta kas, kif dovut, għad-dibattitu li għaddej fl-Istati Membri kif ukoll għall-veduti tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE. Huwa jiddeskrivi l-kisbiet u l-isfidi komuni tagħna u joffri triq prattika 'l quddiem għas-snin li ġejjin.

Ma hemmx tweġiba waħda, unika. Dak li hemm bżonn huwa li jkun hemm viżjoni kumplessiva u s-sekwenzjar ċar ta’ dak li hemm bżonn li jsir. It-triq possibbli ‘il quddiem hija miġbura fil-qosor b’mod grafiku fl-Anness 1. Dwar ħafna aspetti, dan id-dokument ta’ riflessjoni huwa aktar preċiż. Dan huwa speċjalment il-każ f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri li diġà nbdew, li huma mwiegħda jew li huma meħtieġa fis-sentejn li ġejjin. Rigward affarijiet oħra, huwa rapport li pjuttost jesplora u joffri firxa ta’ opzjonijiet, f’konformità mal-viżjoni kumplessiva u s-sekwenzjar li hemm bżonn.

Ħafna mid-diskussjoni dwar l-UEM hija min-natura tagħha teknika. Ħafna ideat f’dan id-dokument fil-biċċa l-kbira tagħhom jolqtu t-tiswija tal-makkinarju fil-"magna” tal-euro. Iżda dak li rridu niksbu mhux tekniku: irridu li l-euro jipprovdi riżultati aħjar għal kulħadd. Dan jirrekjedi impenn u appoġġ politiku qawwi fil-livelli kollha.



2. L-istorja tal-euro sa issa

Benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini, in-negozji u l-Istati Membri

Għall-biċċa l-kbira tal-Ewropej, l-euro huwa parti mill-ħajja ta’ kuljum. Għall-ewwel "ġenerazzjoni tal-euro", hija l-unika munita li qatt kellhom f’idejhom. Dawk li jiftakru aktar fil-bogħod jiftakru t-tibdil li l-euro ġab f’ħajjithom u raw b’għajnejhom il-vantaġġi li ġab. L-ipoteki u l-livelli ta’ għajxien tagħhom ma għadhomx jiddependu fuq l-inflazzjoni għolja u r-rati tal-kambju telgħin u neżlin kif kienu fis-snin 70 u 80. Sa minn mindu ddaħħal l-euro, l-inflazzjoni kienet fil-biċċa l-kbira ddur madwar jew taħt it-2 %, il-valur ta’ referenza tal-Bank Ċentrali Ewropew. Iċ-ċittadini ma għadhomx iħallsu tariffi għolja biex isarrfu l-muniti meta jaqsmu l-fruntieri interni fiż-Żona tal-Euro. Ma għadhomx iħallsu aktar għat-trasferiment jew ġbid tal-flus minn pajjiż ghall-ieħor fiż-Żona tal-Euro.

L-euro ġab stabbiltà fil-prezzijiet

L-Indiċi tal-Prezzijiet tal-konsumatur, bidla f’% fuq is-sena ta’ qabel

Sors: Il-Bank Dinji, OECD

Għan-negozji Ewropej, il-vantaġġi tal-euro huma daqstant ieħor ċari u netti. Huwa waħda mill-attrazzjonijiet u benefiċċji li tkun parti mill-akbar suq uniku u blokk kummerċjali tad-dinja. Għalihom, il-munita unika fissret iffrankar kbir kemm fil-ħin kif ukoll fl-enerġija. Bis-saħħa tal-istatus tal-euro bħala t-tieni munita ta’ riżerva fid-dinja, il-kumpaniji jiffatturaw madwar żewġ terzi tal-esportazzjoni tagħhom u nofs il-kummerċ ta’ importazzjoni f’euro. Ma għadhomx jeżistu r-riskji tal-kambju jew l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni fil-każ ta’ operazzjonijiet transfruntiera. Il-fatturi jistgħu jinħarġu f’munita waħda għal klijenti f’19-il pajjiż. Huwa aktar faċli u bħala medja jiġi jiswa anqas li tissellef il-flus mill-banek jew minn sorsi oħra ta’ finanzjament. U jista’ jsir ħafna aktar negozju madwar id-dinja fl-euro llum milli qatt kien jista’ jsir qabel fi żmien il-franc, il-lira jew id-deutschmark.

F’dawn l-aħħar snin, il-kuntest ġenerali ta’ rati tal-imgħax baxxi ppermetta lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji li jibbenefikaw minn kreditu irħis. Bl-istess mod, il-gvernijiet taż-Żona tal-Euro ffrankaw EUR 50 biljun f'pagamenti ta’ imgħax fis-sena, meta mqabbel ma’ ftit tas-snin ilu. Dan ifisser li jkun hemm ħafna aktar flus għat-tnaqqis tad-dejn pubbliku jew biex tingħata spinta lill-investiment pubbliku jew għall-infiq fl-edukazzjoni.

Quddiem dawn il-benefiċċji, huwa faċli li wieħed jara għaliex l-appoġġ għall-euro huwa daqstant qawwi. Bl-eċċezzjoni ta’ tnaqqis fl-eqqel tal-kriżi finanzjarja, l-istħarriġ tal-Eurobarometer jindikaw appoġġ qawwi konsistenti għall-munita unika fost iċ-ċittadini li jgħixu fiż-Żona tal-Euro, li bħala medja laħaq it-72 % f’April 2017. Dan huwa l-ogħla livell sa mill-2004.

L-appoġġ popolari għall-munita unika kien għoli b’mod konsistenti fiż-Żona tal-Euro

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea u l-Ewrobarometru 2017

Il-lezzjonijiet iebsa meħuda matul il-kriżi

Il-kriżi globali li bdiet fl-2007-08 żvelat id-dgħjufija tal-munita unika li kienet għadha tarbija, u laqtet liż-Żona tal-Euro b’mod partikolarment qawwi. L-ewwel pajjiżi Ewropej li kienu affettwati mill-kriżi globali ma kinux fiż-Żona tal-Euro, u l-euro kien deher bħala tarka. Madankollu, meta nbidlu l-perċezzjonijiet dwar il-vulberabbiltà ta’ xi membri taż-Żona tal-Euro, it-tħarbit kien sinifikanti. Ħafna Stati Membri ħadu d-deċiżjonijiet iebsa li jużaw flus il-kontribwenti biex jagħtu appoġġ finanzjarju lill-banek u sabiex jevitaw li jkun hemm kollass. Il-banek daħlu fl-inkwiet wara li bżieżaq finanzjarji kienu akkumulaw u kibru fis-snin ta’ qabel. Flimkien ma’ anqas introjti u ma’ nefqa akbar, li kienu r-riżultati tar-"reċessjoni l-kbira", il-livelli tad-dejn pubbliku żdiedu b’mod sinifikanti, minn anqas minn 70 % qabel il-kriżi għal 92 % tal-PDG bħala medja fl-2014.

Iż-Żona tal-Euro għaddiet minn “irkupru temporanju” matul l-2010-11, iżda dan ma damx. Meta wieħed jikkunsidra l-konnessjonijiet bejn il-banek u l-finanzi pubbliċi, għadd ta’ Stati Membri kif ukoll banek bdew isibuha dejjem aktar diffiċli li jissellfu mis-swieq. Il-ħila tagħhom li jiffinanzjaw lilhom infushom tqiegħdet f’riskju. L-investiment ikkollassa hekk kif kien hemm anqas kreditu disponibbli. Dan waqa’ b’aktar minn 18 % bejn l-2008 (meta probabbilment kien f’livelli mhux sostenibbli) u l-2013. Il-qgħad żdied f’daqqa. Il-kriżi finanzjarja saret kriżi tal-ekonomija reali, li affettwat miljuni ta’ ċittadini u ta’ negozji.

L-attività ekonomika ntlaqtet b’mod partikolarment qawwi mill-kriżi iżda issa qiegħda tirkupra

% ta’ bidla fil-livell tal-PDG reali fiż-Żona tal-Euro meta mqabbel mal-2008

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

It-tnaqqis fit-tul fir-ritmu ekonomiku u d-diverġenzi bejn l-Istati Membri huma r-riżultati tal-iżbilanċi u n-nuqqasijiet ta’ qabel il-kriżi fil-mod kif l-UEM tirreaġixxi għal skossi maġġuri. Il-waqfien f’daqqa fil-flussi tal-kapital żvelaw id-dejn insostenibbli u d-diskrepanzi fil-kompetittività li kienu akkumulaw matul is-snin. Hekk kif l-aspettattivi tbaxxew u minħabba n-nuqqas ta’ finanzjament, l-investiment u l-konsum naqsu bil-qawwa fl-aktar pajjiżi affettwati. Intilfu miljuni ta’ impjiegi u kien hemm pressjoni biex jonqsu l-pagi, bħala wieħed mill-istrumenti biex tiġi rrestawrata l-kompetittività, biex b’hekk kompliet tonqos is-saħħa tal-akkwist domestiku. L-infiq pubbliku kien fl-istess ħin ristrett minħabba l-ħtieġa li tiġi kkontrollata ż-żieda fid-dejn pubbliku fost tħassib dejjem jikber fis-suq dwar l-integrità taż-Żona tal-Euro. Fl-2013, il-livell tal-PDG reali fiż-Żona tal-Euro kien għadu 3.5 % anqas milli fl-2008 u kienu tfaċċaw diskrepanzi kbar fejn jidħol tkabbir bejn grupp ta’ pajjiżi aktar vulnerabbli u l-oħrajn, bi prezz soċjali u politiku sinifikanti. 

L-investiment fiż-Żona tal-Euro kkollassa għal ħafna snin, u huwa biss issa li qiegħed jerġa’ jirranka

% ta’ bidla fil-livell tal-investiment fiż-żona tal-euro meta mqabbel mal-2008

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Reazzjoni b’determinazzjoni biex l-euro jerġa’ jiġi f’tiegħu

Kien hemm bżonn ta’ reazzjoni determinata. Hekk kif il-Bank Ċentrali Ewropew wettaq ir-rwol tiegħu biex itaffi l-effetti tal-kriżi, ittieħdu wkoll passi kbar ġodda minn istituzzjonijiet oħra tal-UE biex tissaħħaħ l-integrità taż-Żona tal-Euro. Fl-Anness 2 jitfakkru l-istrumenti ewlenin li issa huma disponibbli għall-UEM bħala riżultat tad-deċiżjonijiet li ttieħdu matul l-aħħar snin.

Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-passi ttieħdu taħt pressjoni, fl-agħar mumenti tal-kriżi, jew eżatt warajhom. Madankollu, huma pprovdew soluzzjonijiet permanenti għal dgħjufijiet ewlenin fis-sett ta’ strumenti ta’ politika u fl-arkitettura istituzzjonali tal-UEM. Pereżempju, ġie stabbilit Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) fuq bażi intergovernattiva bħala mod kif jingħata appoġġ lil dawk l-Istati Membri li jkunu qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji. Il-kapaċità ta’ self tagħha ta’ EUR 500 biljun għenet lil pajjiżi bħal ma huma Spanja, Ċipru u l-Greċja biex jiffinanzjaw l-infiq pubbliku tagħhom u biex jiġu protetti kontra dannu ħafna akbar. Ir-regoli għas-sorveljanza makroekonomika u fiskali taż-Żona tal-Euro ssaħħu, bl-adozzjoni tal-hekk imsejħa leġiżlazzjoni tas-"six-pack” u t-"two-pack”, kif ukoll permezz ta’ Patt Fiskali ġdid (bħala parti mit-Trattat intergovernattiv dwar l-istabbiltà, il-koordinazzjoni u l-governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG)). L-UE għamlet reviżjoni radikali kompluta tar-regoli tagħha dwar is-servizzi finanzjarji, u adottat 40 biċċa leġiżlazzjoni sa mill-2009. Ġiet stabbilita sistema ġdida komuni dwar kif issir is-superviżjoni u r-riżoluzzjoni bankarja.

F’ħafna Stati Membri ġew ukoll implimentati riformi sinifikanti. Ir-riformi kienu jvarjaw minn kontroll fuq l-ispejjeż fis-settur pubbliku għal spinta kemm lill-kompetittività li tiddependi fuq il-prezz kif ukoll dik li ma tiddependix fuq il-prezz bħala mod kif jiġi rkuprat it-tkabbir tant meħtieġ. Bejn il-pajjiżi, il-prijoritajiet ulterjuri kienu jvarjaw. B’mod ġenerali, il-miżuri kienu jkopru t-tiswija tad-dgħjufijiet strutturali fis-settur bankarju jew it-titjib tal-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-appoġġ lil dawk qiegħda biex isibu impjiegi ġodda. Kienu wkoll jinkludu l-għoti ta’ inċentivi lin-negozji biex jagħmlu innovazzjoni u biex jinvestu, filwaqt li kien hemm oħrajn li kienu ffukati fuq l-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika, u tas-sistemi tal-pensjonijiet u l-kura. Ir-riformi ħadu ż-żmien iżda issa qegħdin iwasslu għar-riżultati.

Dan il-pass kompla jiġi sostnut minn azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE. Sa minn mindu daħlet fil-kariga din il-Kummissjoni, it-tfassil tal-politika tal-UE ġie riċentralizzat fuq it-"trijangolu virtwuż” tal-ixprunar tal-investiment, it-tkomplija tar-riformi strutturali u l-iżgurar ta’ politika fiskali responsabbli. Il-ġustizzja soċjali ġiet imnaqqxa bħala objettiv fuq kull objettiv ieħor. Is-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika – il-mekkaniżmu ewlieni li permezz tiegħu l-Istati Membri jiddiskutu l-politika ekonomika u fiskali tagħhom – ġie razzjonalizzat biex ikopri aktar djalogu fil-livelli kollha u jkun aktar iffukat fuq il-prijoritajiet taż-Żona tal-Euro. Tnieda Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa ġdid – magħruf ukoll bħala l-"Pjan Juncker”. Issa dan qiegħed jiġi rduppjat biex jimmobbilizza EUR 630 biljun ta’ investiment ulterjuri għall-UE kollha kemm hi.

Ittieħdu diversi inizjattivi kruċjali oħra. Is-suq uniku qiegħed jiġi approfondit fl-oqsma tas-swieq kapitali, tal-enerġija u diġitali. Dan huwa sors ta’ impjiegi, tkabbir u innovazzjoni u jgħin biex il-munita unika ssir aktar robusta quddiem ambjent ekonomiku globali dejjem jinbidel. Mill-impjiegi għaż-żgħażagħ sal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, u dan l-aħħar ukoll bl-istabbiliment ta’ Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ittieħdu wkoll inizjattivi ġodda sabiex tiġi żgurata aktar ġustizzja soċjali u jiġi żgurat li l-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali jkunu sostenibbli u jimxu id f’id.

L-isforzi qegħdin iħallu riżultati, iżda għad hemm lok għal aktar titjib

Il-progress illum qiegħed jidher fuq il-fronti kollha. L-ekonomija Ewropea daħlet fil-ħames sena tagħha ta’ rkupru, li issa qed jilħaq lill-Istati Membri kollha taż-Żona tal-Euro. Dan mistenni jkompli b’pass tajjeb ħafna din is-sena u d-dieħla. L-impjiegi qegħdin jiżdiedu bl-aktar rata mgħaġġla miż-żmien li fih bdiet il-kriżi. Aktar minn ħames miljun impjieg inħolqu sa mill-bidu tal-2013 fiż-Żona tal-Euro. Il-qgħad naqas għall-anqas livell tiegħu sa mill-2009, fil-livell ta’ 9.5 % f’Marzu 2017. Hekk kif laħqet il-livell ta’ 70 %, ir-rata tal-impjiegi qegħda toqrob l-ogħla livell li qatt kienet fih. L-investiment reġa’ qiegħed jieħu r-ruħ. Id-defiċit aggregat taż-Żona tal-Euro niżel minn aktar minn 6 % tal-PDG bħala medja fl-2010, għal 1.4 % tal-PDG din is-sena. Id-dejn sovran fiż-Żona tal-Euro wkoll beda nieżel.

Il-qgħad fiż-Żona tal-Euro jinsab fl-anqas livell tiegħu sa mill-2009 iżda għadu għoli

Rata tal-qgħad f'%;

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

L-arkitettura taż-Żona tal-Euro hija aktar robusta milli qatt kienet, iżda ma għandu jkun hemm l-ebda kompjaċenza Flimkien mal-azzjoni deċiżiva tal-Bank Ċentrali Ewropew, l-impenn li jissaħħaħ il-funzjonament tal-euro u biex tiġi difiża l-integrità tiegħu saru parti essenzjali mill-prestazzjonijiet imtejba fl-aħħar snin. Ittieħdu ħafna passi oħra wara r-Rapport tal-Ħames Presidenti, li wkoll jissemmew fl-Anness 2. Madankollu, kif il-Kummissjoni preżenti kienet qalet hekk kif daħlet fil-kariga, il-kriżi tkun għadha ma għaddietx sakemm il-qgħad jibqa’ daqstant għoli. Għad hemm 15.4 miljun ruħ mingħajr impjieg fiż-Żona tal-Euro – irridu nibnu fuq il-progress li diġà sar sabiex ikollna żgur irkupru tassew qawwi u sostenibbli.



3. Il-każ għat-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

Minkejja t-titjib sinifikanti matul is-snin, il-konsegwenzi tal-kriżi għadhom qed jippersistu u l-isfidi għaż-żona tal-euro jibqgħu. Snin mingħajr tkabbir, jew tkabbir baxx, ħolqu u aggravaw differenzi ekonomiċi u soċjali sinifikanti. Il-kriżi wasslet ukoll għal frammentazzjoni tas-settur finanzjarju madwar l-Istati Membri taż-żona tal-euro. Għad fadal dgħjufijiet fil-kwalità tal-finanzi pubbliċi u fil-mod kif iż-żona tal-euro hija rregolata.

Dawn ir-realtajiet - u l-perċezzjonijiet ta’ sfidi - għadhom pjuttost differenti madwar iż-żona tal-euro. L-Anness 3 jipprovdi stampa tax-xejriet ekonomiċi madwar il-pajjiżi taż-żona tal-euro. Il-kuntest ekonomiku mtejjeb jagħtina xaqq ta’ opportunità li nitgħallmu mill-esperjenza tal-ewwel ħmistax-il sena bil-munita unika tagħna, biex nirrikonoxxu u nimmaniġġaw aħjar l-interdipendenza tal-ekonomiji tagħna, kif ukoll biex narmaw iż-żona tal-euro biex taħdem saħansitra aħjar fis-snin li ġejjin.

3.1. Il-ħtieġa li jiġu ffaċċati diverġenzi ekonomiċi u soċjali li għadhom jippersistu

Xejriet ta’ konverġenza tal-munita unika fl-ewwel snin kienu parzjalment illużorji. Qabel il-kriżi, iż-żona tal-euro kienet simbolu ta’ prosperità li dejjem tiżdied. L-introjtu reali għal kull abitant fiż-żona tal-euro żdied b’mod kostanti bejn l-1999 u l-2007. Dan kien parzjalment xprunat minn kundizzjonijiet ta’ kreditu u minn flussi kapitali mdaqqsa lejn l-Istati Membri b’defiċits fil-kont kurrenti li kienu qed jiżdiedu. Madankollu, dawn il-flussi mhux dejjem issarrfu f’investiment sostenibbli. F’xi każijiet huma pjuttost marru fi “bżieżaq”, bħal fis-setturi tal-proprjetà immobbli u tal-kostruzzjoni, kif ukoll wasslu għal żieda fl-infiq pubbliku. L-iżviluppi pożittivi tas-snin 2000 bikrija wkoll parzjalment ħbew il-vulnerabilitajiet sottostanti f’dawn il-pajjiżi. Huma kienu notevolment relatati mas-settur finanzjarju u mat-telf tal-kompetittività. F’bosta każijiet dan kien megħjun minn ineffiċjenzi fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti. Dawn id-dgħjufijiet ma kinux osservati kompletament dakinhar, la mis-swieq finanzjarji u lanqas mill-awtoritajiet pubbliċi. L-UEM kellha nuqqas ta’ qafas ta’ sorveljanza żviluppat biex tittraċċa jew tikkoreġi dawn l-iżbilanċi.

Il-kriżi tas-snin 2007-2008 immarkat it-tmiem tax-xejra ta’ konverġenza u l-bidu ta’ xejra ta’ diverġenza, li qiegħda tkun korretta bil-mod. Dan kellu prezz partikolarment għoli f’dawk il-partijiet taż-żona tal-euro li ma kinux reżiljenti biżżejjed biex jiffaċċaw l-effetti tal-iskoss ekonomiku. Kumplessivament, il-PDG per capita taż-żona tal-euro għadu kif qed jilħaq il-livelli ta’ qabel il-kriżi u hemm sinjali li d-diverġenzi qed jonqsu, iżda għad ma jidhirx li hemm proċess qawwi ta’ rikonverġenza.

Il-PGD reali per capita qed jirkupra bil-mod

Indiċi 1999=100

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Waqt li l-qgħad qed jonqos kumplessivament, il-livelli għadhom ivarjaw sostanzjalment madwar iż-żona tal-euro. F’xi pajjiżi, bħall-Ġermanja, in-Netherlands, l-Estonja u l-Awstrija, il-qgħad qiegħed f’livelli baxxi ħafna. Oħrajn - bħal Spanja u l-Greċja - għadhom jesperjenzaw livelli ta’ qgħad inaċċettabilment għolja speċjalment għaż-żagħżagħ, b’sehem għoli ta’ qgħad strutturali. Dan kellu konsegwenzi soċjali profondi, partikolarment fil-pajjiżi li kellhom jaġġustaw l-aktar matul il-kriżi. Għall-ewwel darba mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn jeżisti r-riskju reali li l-ġenerazzjoni taż-żgħażagħ tal-lum ikollha livell ta’ ħajja li jkun inferjuri għal dak tal-ġenituri tagħhom. Dawn l-iżviluppi qajmu dubji dwar it-tfassil u l-funzjonament tal-ekonomija tas-suq soċjali tal-UE u tal-UEM b’mod partikolari.

Ir-rati tal-qgħad qed jonqsu iżda xorta jvarjaw sostanzjalment madwar l-Ewropa

F’%, Marzu 2017

 

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Livelli baxxi ta’ investiment, kemm pubbliċi u kif ukoll privati, u xejriet dgħajfa ta’ produttività jirriskjaw li jħeġġu polarizzazzjoni ulterjuri ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali u jxekklu b'mod qawwi l-prestazzjoni taż-żona tal-euro kollha kemm hi. F’bosta pajjiżi taż-żona tal-euro l-investiment issa biss beda jiżdied, u għadu taħt ix-xejriet fuq terminu twil. Fid-dawl tar-rwol pożittiv tal-investiment għall-produttività u t-tkabbir, livelli ta’ investiment kontinwament baxxi jistgħu jikkawżaw ħsara fuq terminu twil billi jipperpetwaw differenzi fil-potenzjal tat-tkabbir.

 

3.2 Il-ħtieġa li jkunu ffaċċati s-sorsi li jifdal ta’ vulnerabilità finanzjarja

Il-kriżi rat it-treġġigħ parzjali lura tal-integrazzjoni finanzjarja li kienet inkisbet sa mill-introduzzjoni tal-euro. F'dak iż-żmien, is-suq tas-self interbankarju kien ferm likwidu u l-kostijiet ta’ kreditu lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji kienu bdew jikkonverġu lejn kundizzjonijiet aktar favorevoli fiż-żona kollha tal-euro. Fit-taqlib tal-kriżi, is-sistema bankarja taż-żona tal-euro saret fraġli. Is-self bejn il-banek waqa’ drastikament, u l-istess għamel il-provvediment ta’ kreditu lill-ekonomija reali. L-għoti ta’ self lil SMEs intlaqat l-agħar fil-pajjiżi l-aktar milquta mill-kriżi, kemm permezz ta’ termini aktar stretti ta’ self u kif ukoll minħabba li naqsu l-volumi ta’ self. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tal-kumpaniji kienu jiddependu ħafna fuq il-post ġeografiku tagħhom. Id-dipendenza kbira ħafna fuq il-banek bħala sors ta’ finanzjament u l-assenza relattiva ta’ sorsi oħra ta’ finanzjament, bħal swieq tal-ekwità, aggravaw il-problema.

Ir-rati tal-imgħax fuq is-self lin-negozji raw diverġenza waqt il-kriżi

Rati ta’ imgħax f’%

Sors: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Waqt li s-sitwazzjoni tjiebet b'mod sinifikanti mill-kriżi ‘l hawn, ir-rabtiet bejn ir-riskji assoċjati mas-settur bankarju u l-livell ta’ dejn sovran nazzjonali għadhom preżenti fiż-żona tal-euro llum. B’riżultat tal-leġiżlazzjoni bankarja tal-UE adottata wara l-kriżi, ir-riskji fis-settur finanzjarju tnaqqsu sostanzjalment. Il-banek kbar tal-UE issa żiedu b’mod sinifikanti r-riżervi ta' likwidità u għandhom proporzjon ta' kapital ewlieni ta’ 13.2 % meta mqabbel ma 8.9 % fl-2010. Iżda banek fiż-żona tal-euro għad għandhom it-tendenza li jkollhom ammonti sostanzjali ta’ bonds tal-“pajjiż ta’ oriġini” fil-kotba tagħhom. Dan iwassal għal korrelazzjoni qawwija bejn il-kostijiet ta’ rifinanzjament ta’ banek u l-Istati rispettivi tagħhom, u viċe versa. Dan iġib miegħu r-riskju li jekk tqum xi problema f’waħda mill-oqsma, kemm il-finanzi pubbliċi u wkoll is-settur bankarju jiġu distabbilizzati. Saru riformi maġġuri biex dawn ir-riskji jkunu miġġielda iżda l-hekk imsejjaħ “ċirku vizzjuż” bejn il-banek u s-sovrani għadu problema għall-integrazzjoni tas-settur finanzjarju u l-istabbiltà.

Livelli għoljin ta’ dejn pubbliku u privat li ntirtu matul is-snin tal-kriżi, kif ukoll ammonti kbar ta’ hekk imsejħa “self improduttiv” f’partijiet mis-settur bankarju, għadhom sors ta’ vulnerabbiltà. Is-self improduttiv huwa self inadempjenti jew qrib li jkun inadempjenti, li jfisser li hemm probabilità għolja ħafna li d-debituri ma jkunux jistgħu jħallsuhom lura lill-banek. Is-sehem ta’ tali self kiber fil-karti tal-bilanċ ta’ ċerti banek b’riżultat tal-kriżi. Dan għadu ta’ piż fuq il-profittabilità u l-vijabbiltà tal-istituzzjonijiet affettwati, biex b’hekk qed jostakola l-abilità tagħhom li jipprovdu finanzjament għall-ekonomija reali. It-tħassir ta’ dawn is-selfiet jinvolvi telf li jrid jiġġarrab jew mill-istituzzjonijiet li jkollhom dan is-self, jew mill-azzjonisti tagħhom jew mill-finanzi pubbliċi. Il-pajjiżi kkonċernati qed jieħdu azzjoni determinata biex jittrattaw din il-kwistjoni imma t-tnaqqis ta’ ammonti kbar ta’ self bħal dan mingħajr ma jiżdiedu d-diffikultajiet soċjali huwa proċess kajman u kumpless.

Minkejja t-titjib sinifikanti li sar f’dawn l-aħħar snin, jeħtieġ li jkun hemm integrazzjoni ulterjuri biex jiġi żgurat li s-sistema finanzjarja tista’ tiflaħ għal kwalunkwe kriżi futura. Għalkemm il-frammentazzjoni finanzjarja bdiet titreġġa’ lura , il-livell ta’ integrazzjoni għadu sew taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi. Dan jillimita l-abbiltà li jkun żblukkat finanzjament addizzjonali għal investiment tant meħtieġ u jillimita l-kapaċità kollettiva biex tassorbi skossi futuri meta u kif jaslu.

3.3. Il-ħtieġa li naffaċċaw id-dejn għoli u li nżidu l-kapaċitajiet kollettivi ta’ stabilizzazzjoni

Il-kriżi wasslet għal żieda qawwija fil-livelli ta’ dejn pubbliku u privat, li issa ġew imrażżna iżda għadhom għolja. Bħala medja, il-livelli ta’ dejn sovran fiż-żona tal-euro żdiedu bi 30 punt perċentwali biss f’seba’ snin - minn 64 % għal 94 % matul il-perjodu 2007 -2014. Anki l-Istati Membri b’livelli ta’ defiċit u ta’ dejn relattivament baxxi qabel il-kriżi - bħal Spanja u l-Irlanda - kienu taħt pressjoni hekk kif tqajjem tħassib dwar il-kost baġitarju tad-diffikultajiet fis-settur finanzjarju u l-pożizzjonijiet strutturali fiskali sottostanti rriżultaw li kienu agħar minn dak issuġġerit miċ-ċifri ewlenin. Dan wera li r-regoli fiskali tal-UE ta’ dakinhar ma kinux biżżejjed, u li kien hemm il-ħtieġa li x-xejriet fid-dejn privat ikunu mmonitorjati mill-qrib ukoll.

Barra minn hekk, il-kriżi kixfet il-limiti tal-Istati Membri individwali biex jassorbu l-impatt ta’ skossi kbar. Matul il-kriżi, il-baġits nazzjonali, u b’mod partikolari, is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali qdew ir-rwol tagħhom ta’ “stabilizzaturi awtomatiċi”, billi taffew l-iskossi. Madankollu, f’bosta pajjiżi, id-disponibilità limitata ta’ bafers fiskali u l-aċċess inċert tas-suq biex jiffinanzja d-dejn pubbliku kien ifisser li dan ma kienx biżżejjed biex tiġi miġġielda r-reċessjoni. Din hija spjegazzjoni ewlenija wara d-daqqa gravi fl-irkupru fis-snin 2011-2013. Għalhekk inħolqu bosta strumenti ġodda biex jipprovdu assistenza finanzjarja kollettiva lil dawn l-Istati Membri. Dawn l-istrumenti wrew il-valur tagħhom fl-eqqel tal-kriżi u issa jistgħu jkunu utilment imsaħħa jew ikkumplimentati.

Livelli għoljin ta’ dejn pubbliku se jieħdu ż-żmien biex jiġu assorbiti, partikolarment jekk l-irkupru jkun moderat u jekk l-inflazzjoni tkun baxxa. Dawn il-livelli ta’ dejn jikkawżaw għadd ta’ problemi. Huma jnaqqsu l-kapaċità li tittieħed azzjoni f’każ ta’ tnaqqis ieħor fir-ritmu ekonomiku jew biex ikunu appoġġati l-ħtiġijiet ta’ investiment pubbliku. Huma jikkostitwixxu vulnerabbiltà finanzjarja, speċjalment jekk il-kostijiet ta’ rifinanzjament ta’ banek u tas-sovrani rispettivi tagħhom jibqgħu korrelatati. Barra minn hekk, diversi livelli ta’ dejn joħolqu differenzi ta’ opinjonijiet dwar kif għandhom ikunu ttrattati l-finanzi pubbliċi fiż-żona tal-euro kollha kemm hi. Bis-saħħa tal-isforzi fis-snin riċenti, hemm xejra ċara lejn finanzi pubbliċi aktar b’saħħithom kumplessivament. Iżda progress ulterjuri huwa kumplessivament essenzjali fiż-żona tal-euro.

Id-dejn pubbliku aggregat fiż-żona tal-euro żdied b’mod drastiku b’riżultat tal-kriżi

Id-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika, bħala % tal-PDG

  

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Ir-regoli fiskali tal-UE - il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir - issaħħu matul is-snin, b’mod partikolari biex tingħata aktar attenzjoni għal livelli ta’ dejn. Il-progress maż-żmien jeħtieġ kemm politiki fiskali tajba fil-livelli kollha tal-gvern u kif ukoll tkabbir ekonomiku b’saħħtu u kontinwu. Huwa essenzjali li jitqies dak li jagħmel sens ekonomiku u baġitarju għall-pajjiż ikkonċernat waqt l-istadju partikolari taċ-ċiklu ekonomiku tiegħu, iżda trid titqies ukoll is-sitwazzjoni taż-żona tal-euro kollha kemm hi. B’mod partikolari, huwa importanti li jiġu evitati politiki fiskali “proċikliċi”, jiġifieri li artifiċjalment isaħħu t-tkabbir meta ma jkunx meħtieġ, jew li jkunu reċessjonarji meta ċ-ċirkostanzi jkunu jitolbu bil-maqlub. Il-ħtieġa li tiġi riflessa d-diversità taċ-ċirkustanzi ġabet regoli aktar b’saħħithom u aktar sofistikati. Fl-istess ħin, billi r-regoli ma jistgħux ikunu mfassla apposta għal kull sitwazzjoni, huma jipprevedu marġini ta’ ġudizzju. Il-Kummissjoni għamlet użu minnhom f’dawn l-aħħar snin, u l-Kunsill tal-Ministri approva r-rakkomandazzjonijiet tagħha. Il-Kummissjoni poġġiet ukoll enfasi akbar fuq il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro kollha kemm hi.

3.4. Il-ħtieġa biex tiżdied l-effiċjenza u t-trasparenza tal-governanza tal-UEM

L-arkitettura tal-UEM hija bbażata fuq prinċipji legali komuni. Dawn jispjegaw l-objettivi u l-funzjonament tagħha, ir-rwol tal-istituzzjonijiet differenti u l-bilanċ ta’ poteri bejniethom, kif ukoll bejn l-UE u l-livelli nazzjonali. Huma jispjegaw ukoll il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi neċessarji, ir-regoli fiskali li jridu jiġu rrispettati, il-mekkaniżmi biex jiġu evitati u kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi, kif ukoll l-organizzazzjoni tal-Unjoni Bankarja.

It-tfassil ta’ din l-arkitettura kien proċess inkrimentali għal dawn l-aħħar tletin sena. Filwaqt li d-direzzjoni kienet evidenti, ma hemmx pjan kumplessiv mill-bidu nett. Kif jidher mill-esperjenza ta’ dawn l-aħħar ħmistax-il sena, ħafna drabi kellu jkun il-bidu ta’ kriżi biex tinbena sensibilizzazzjoni kollettiva u r-rieda politika meħtieġa biex naġixxu flimkien biex intejbu l-istruttura tal-UEM. Dan jispjega sew il-qagħda attwali, inklużi l-punti dgħajfa li għad fadal. Il-governanza kumplessiva tjiebet iżda tibqa’ subottimali sabiex tippermetti li ż-żona tal-euro topera bl-aħjar mod possibbli, sabiex tirreaġixxi kif suppost għaċ-ċirkostanzi ekonomiċi li jinbidlu u għall-iskossi ekonomiċi, u sabiex tikseb l-appoġġ ta’ dawk il-partijiet tal-popolazzjoni li ma għandhomx fiduċja fiha. Jistgħu jiġu identifikati tliet dgħjufijiet prinċipali.

L-ewwel nett, il-governanza tal-UEM għadha żbilanċjata b’ħafna modi. Il-politika monetarja hija ċentralizzata fil-livell taż-żona tal-euro. Madankollu, hija marbuta ma’ politiki baġitarji u settorjali deċentralizzati li prinċipalment jirriflettu ċ-ċirkostanzi u l-preferenzi nazzjonali. Dan jorbot ma’ spariġġ ieħor f’termini ta’ strumenti: minn naħa, ir-regoli fiskali neċessarji u b’saħħithom (minkejja li spiss huma wisq kumplessi), li jwasslu għal possibilità ta’ sanzjonijiet; min-naħa l-oħra, gwida ekonomika aktar ratba pprovduta fil-livell tal-UE permezz tal-proċess ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-hekk imsejjaħ “Semestru Ewropew”. Tali sistema ta’ governanza spiss ikkontribwiet għal nuqqas ta’ progress f’riformi strutturali u f'investiment li hu wisq meħtieġ. Dan jitfa’ piż żejjed fuq il-politika monetarja bir-responsabbiltà li ttaffi u tikkontrobilanċja l-iżviluppi ekonomiċi. B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri, in-negozji u ċ-ċittadini mhumiex kapaċi li jgawdu l-benefiċċji kollha tal-UEM.

It-tieni ħaġa, l-arkitettura istituzzjonali tal-UEM hija sistema mħallta li hija oneruża u li teħtieġ aktar trasparenza u responsabbiltà. Din tibbilanċja, minkejja li b’mod imperfett, l-Istituzzjonijiet u l-modi tal-operat tal-Unjoni ma’ għadd dejjem jikber ta’ korpi u prattiċi intergovernattivi, li ħafna minnhom irriżultaw mill-kriżi ‘l hawn. Din il-governanza intermedja parzjalment tirrifletti n-nuqqas ta’ fiduċja fost l-Istati Membri, kif ukoll lejn l-istituzzjonijiet tal-UE. Dan jirriżulta f’“verifiki u bilanċi” multipli u kumplessi. Dan jirrifletti wkoll il-fatt li bosta regoli ġodda jew korpi ġew stabbiliti b’mod ad hoc matul iż-żmien, spiss b’rispons għall-emerġenzi. Dan jintwera l-aħjar fl-interazzjoni bejn il-Grupp tal-Euro, il-Kummissjoni Ewropea u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Filwaqt li kull Istituzzjoni u korp jistinka għal aktar leġittimità u responsabbiltà, fil-prattika dan ifisser proċess kumpless tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, ikkritikat minħabba li ma jinftiehemx u li mhux trasparenti biżżejjed. B’mod partikolari, l-involviment tal-Parlament Ewropew u tar-responsabbiltà demokratika għad-deċiżjonijiet meħuda għaż-żona tal-euro jew f’isimha għandu jissaħħaħ.

Il-governanza fiż-żona tal-euro hija kumplessa

 

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

It-tielet ħaġa, l-interess komuni taż-żona tal-euro għadu mhux rappreżentat b’mod suffiċjenti fid-dibattitu pubbliku u fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Mingħajr fehim komuni tal-isfidi jew viżjoni tal-futur, iż-żona tal-euro se tbati biex tegħleb il-konsegwenzi tal-kriżi u mhux se tagħmel progress fuq l-għodod li għandha bżonn biex tindirizza sfidi komuni.



4. Riflessjonijiet dwar triq ‘il quddiem possibbli

L-Istati Membri taż-żona tal-euro jiffurmaw grupp diversifikat. Qatt mhu se jkun hemm approċċ uniku jew fehim komuni ta’ “darba għal dejjem” ta’ kif l-aħjar tkun immexxija 'l quddiem l-UEM. L-għan kondiviż, madankollu, huwa li tissaħħaħ il-munita unika u li flimkien nindirizzaw kwistjonijiet ta’ interess komuni li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. L-isfida issa hija biex l-ideat jissarrfu f’soluzzjonijiet prattiċi u biex tkun identifikata triq ’il quddiem li tkun pragmatika u flessibbli iżda effettiva għal kulħadd.

4.1. Prinċipji ta’ gwida dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

Erba’ prinċipji għandhom jiggwidaw it-triq’ il quddiem:

§L-impjiegi, it-tkabbir, il-ġustizzja soċjali, il-konverġenza ekonomika u l-istabbiltà finanzjarja għandhom ikunu l-objettivi prinċipali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna. L-UEM mhijiex għan fiha nnifisha.

§Ir-responsabbiltà u s-solidarjetà, it-tnaqqis tar-riskju u l-kondiviżjoni tar-riskji jmorru id f’id. Aktar inċentivi għat-tnaqqis tar-riskju u appoġġ kundizzjonali għandhom jimxu id f’id mat-tfassil ta' miżuri ta’ kondiviżjoni tar-riskji, b’mod speċjali fis-settur finanzjarju, u t-twettiq ta’ riformi strutturali.

§L-UEM u t-tlestija tagħha għandha tibqa' miftuħa għall-Istati Membri kollha tal-UE. L-integrità tas-suq uniku għandha tiġi ppreservata. Dan huwa wkoll ta’ importanza ewlenija għall-funzjonament tajjeb tal-munita unika. Skont it-Trattat, il-Membri kollha tal-UE, għajr id-Danimarka u r-Renju Unit, huma mistennija li eventwalment jingħaqdu mal-euro.

§Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandu jsir aktar trasparenti u jeħtieġ li tiġi żgurata r-responsabilità demokratika. Iċ-ċittadini jistennew li jkunu jafu kif u minn min għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet u kif dawn iħallu impatt fuq ħajjithom.

Prinċipji ta’ gwida għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

4.2 Sekwenzjar

Minħabba d-differenzi ta’ fehmiet dwar xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet, inizjalment, huwa importanti li jinstab kunsens politiku wiesa’ dwar id-direzzjoni ġenerali li għandna nimxu fiha. Dan ma jirrelatax biss mat-tfassil tal-approċċ globali, iżda wkoll mas-sekwenzjar tad-diversi passi li għandhom jittieħdu fi żmien qasir, medju u fit-tul. Iżda dan ma jirrigwardax riforma singola “kollox jew xejn”. Hija pjuttost sett ta’ azzjonijiet li għandhom ikunu kkunsidrati kollettivament u mmexxija ‘l quddiem. Għalhekk, l-ideat ippreżentati hawnhekk mhumiex pjan dettaljat għall-UEM fil-ġejjieni. 

Dan id-dokument ta’ riflessjoni jippreżenta numru ta’ passi u għażliet biex jgħinu biex tinbena viżjoni ċara għal UEM aktar approfondita sal-2025. B’dan il-mod, dan id-dokument huwa sejħa lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati biex jiddiskutu u jaqblu dwar liema elementi huma jemmnu li se jgħinu bl-aħjar mod il-munita unika tagħna matul iż-żmien, lil hinn mill-użu sħiħ tal-istituzzjonijiet u tar-regoli diġà eżistenti. Ċerti elementi huma indispensabbli u għandhom jiġu implimentati malajr sabiex jiżguraw UEM reżiljenti. F’ċertu oqsma, diġà għaddejja ħidma jew tali ħidma tista’ tavvanza b’mod rapidu, bil-għan li tittieħed azzjoni sa mhux aktar tard mill-2019. Minn hemm ‘il quddiem, għadd ta’ elementi oħra jeħtieġ li jkunu indirizzati sal-2025. Dawn huma ppreżentati b’mod aktar miftuħ u tista’ tittieħed deċiżjoni dwarhom aktar tard, ladarba jkunu ttieħdu l-passi inizjali. Il-prekundizzjonijiet li huma meħtieġa qabel ma jkunu jistgħu jittieħdu huma ċċarati wkoll.

Irrispettivament mid-dettalji ta’ kull pass, li jkun hemm pjan direzzjonali b’sekwenzjar ċar se jkun kruċjali. Jekk l-għan tagħna huwa li titjieb il-prestazzjoni taż-żona tal-euro biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi filwaqt li fl-istess ħin nissalvagwardjaw u nsaħħu l-istabbiltà tas-suq finanzjarju, is-sekwenza ta’ miżuri ulterjuri, b’mod partikolari fil-qasam finanzjarju, mhijiex newtrali. Hija għandha ssegwi ċerta loġika, biex ikun evitat li inizjattivi ġodda jirriżultaw f’inċertezzi ġodda. Sabiex jinstab bilanċ tajjeb, xi miżuri se jkunu jridu jiġu miftehma flimkien minn qabel, anki jekk l-implimentazzjoni attwali tagħhom issir aktar tard. L-Anness 1 ifassal pjan direzzjonali possibbli.

L-għażliet ippreżentati hawn taħt jinvolvu li jittieħdu passi fi tliet oqsma ewlenin: l-ewwel nett, it-tlestija ta’ Unjoni Finanzjarja ġenwina; it-tieni nett, il-kisba ta’ Unjoni Ekonomika u Fiskali aktar integrata; u t-tielet, l-ankrar tar-responsabbiltà demokratika u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet taż-żona tal-euro.

4.3 Unjoni finanzjarja ġenwina - navvanzaw b’mod parallel fuq it-tnaqqis u l-kondiviżjoni tar-riskji

Sistema finanzjarja integrata u li tiffunzjona tajjeb hija essenzjali għal UEM effettiva u stabbli. Filwaqt li nibnu fuq il-momentum ta’ dak li diġà nkiseb f’dawn l-aħħar snin, jeħtieġ li jintlaħaq kunsens dwar it-triq ’il quddiem. Dan jinkludi elementi li jinsabu diġà fuq il-mejda imma wkoll qbil dwar x’passi addizzjonali għandhom jittieħdu bejn issa u l-2025. Se jkun jeħtieġ li jsir progress b’mod parallel kemm dwar l-elementi hekk imsejħa tat-“tnaqqis tar-riskju” kif ukoll dawk tal-“qsim tar-riskju".

X'elementi għandu jkun hemm qbil fuqhom sal-2019?

It-tnaqqis tar-riskji

Miżuri biex ir-riskji jonqsu iktar għandhom ikunu pprijoritizzati. Bħala pass immedjat, f'Novembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet pakkett komprensiv biex jitnaqqsu r-riskji li jġarrbu l-banek billi tissaħħaħ iktar il-ġestjoni prudenzjali u tissaħħaħ id-dixxiplina fis-suq. Il-Kummissjoni ssuġġeriet ukoll miżuri fir-rigward tal-insolvenza, ir-ristrutturazzjoni u t-tieni opportunità. Dawn hemm bżonn li jiġu konklużi malajr.

Strateġija Ewropea għal self improduttiv tista' tgħin tindirizza wieħed mill-iktar konsegwenzi tal-kriżi li jagħmlu l-ħsara u tappoġġa l-azzjonijiet nazzjonali fil-pajjiżi kkonċernati. Jekk ma jkunx ittrattat, is-self improduttiv ikompli jkun ta' piż fuq il-prestazzjoni tas-settur bankarju taż-żona tal-euro b'mod ġenerali u jibqa' sors potenzjali ta' fraġilità finanzjarja. Hemm impenn ċar mill-Kunsill biex jaqbel dwar strateġija komprensiva sa Ġunju ta’ din is-sena b'miri, skedi u mekkaniżmu ta' monitoraġġ ċari. Madankollu, se jkun hemm bżonn ukoll ta' sett ta' għodod komprensiv u implimentazzjoni prattika fuq il-post. L-istrateġija għandha tindirizza l-istokk eżistenti ta' self improduttiv u tipprevjeni li jinħolqu oħrajn ġodda. Hija għandha tinkludi azzjoni determinata u kkoordinata fil-livell tal-UE u tinkludi elementi ta' bosta oqsma ta' politika ewlenin – bħat-tisħiħ ta' prassi superviżorji, miżuri għall-iżvilupp ta' suq sekondarju għal self improduttiv, ir-riforma tal-oqfsa legali nazzjonali u l-indirizzar ta' kwistjonijiet strutturali, u ristrutturazzjoni ulterjuri tas-settur bankarju.

Fis-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni tivvaluta regolarment l-isfidi fis-setturi finanzjarji tal-Istati Membri. Dawn il-valutazzjonijiet iwasslu għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal riformi fejn ikun hemm bżonn biex jonqsu r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja jew jitjieb l-aċċess għal finanzjament. F'dan l-ispirtu, il-Kummissjoni bħalissa qed twettaq eżerċizzju ta' parametraġġ referenzjarju biex tixħet id-dawl fuq il-karatteristiki tas-sistemi ta' insolvenza u ta' eżekuzzjoni tas-self li għandhom impatt fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek. Dawn il-miżuri jikkontribwixxu biex jindirizzaw ir-riskji fis-sistemi bankarji nazzjonali u jistgħu jkunu mtejba iktar (ara wkoll it-Taqsima 4.4 iktar 'l isfel).

It-Tlestija tal-Unjoni Bankarja

Żewġ komponenti ewlenin tal-Unjoni Bankarja għadhom pendenti, illi kieku jippermettu li jsir progress dwar il-qsim tar-riskju b'mod parallel: garanzija ta' kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni u Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS). Dawn għandu jkun hemm qbil dwarhom malajr kemm jista' jkun – idealment sal-2019 – bil-ħsieb li jkun fis-seħħ u kompletament operattiv sal-2025. Iż-żewġ elementi huma essenzjali biex ikomplu jnaqqsu r-rabta bejn il-banek u l-finanzi pubbliċi. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja" ta' Novembru 2015 u l-pjan direzzjonali tal-Kunsill biex l-Unjoni Bankarja titlesta sa Ġunju 2016 stabbilew il-passi importanti neċessarji li diġà hemm qbil dwarhom f'dan ir-rigward.

L-EDIS tiżgura li t-tfaddil f'kontijiet ta' depożitu jkunu mħarsa aħjar u bl-istess mod madwar iż-żona tal-euro kollha. L-EDIS b'hekk tipprovdi kopertura tal-assigurazzjoni iktar uniformi u b'saħħitha għad-depożitaturi fil-livell ta’ konsumatur fl-Unjoni Bankarja. Il-proposta tal-EDIS ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni f'Novembru 2015 u n-negozjati għadhom għaddejjin.

Garanzija kredibbli ta' kontinġenza fiskali għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni hija essenzjali biex il-qafas il-ġdid tal-UE għar-riżoluzzjoni bankarja jkun effettiv, u biex jiġu ffrankati l-ispejjeż lill-kontribwenti. Skont dan il-qafas, ir-riżoluzzjoni bankarja tkun iffinanzjata mill-azzjonisti u mill-kredituri tal-banek, u b'Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni, ikunu ffinanzjati minn qabel mill-industrija bankarja. F'każ li bosta banek jintlaqtu minn problemi serji fl-istess ħin, il-bżonnijiet finanzjarji jafu jkunu ogħla mill-mezzi disponibbli fil-fond. Għalhekk, hemm bżonn ta' garanzija ta' kontinġenza finanzjarja fiskalment newtrali għall-fond ta’ riżoluzzjoni malajr kemm jista’ jkun bħala għodda tal-aħħar istanza. L-Istati Membri diġà ntrabtu li jiżviluppaw garanzija ta' kontinġenza komuni f'Diċembru 2013 u tennew dan l-għan fl-2015. Dan issa għandu jiġi implimentat mingħajr dewmien.

Minħabba r-rwol kritiku fil-każ ta' kriżi potenzjali, il-garanzija ta' kontinġenza komuni għandha tkun imfassla b'ċerti fatturi partikolari. Hija għandha tkun: ta' daqs adegwat biex tkun tista’ twettaq ir-rwol tagħha; tista' tiġi attivatà malajr; u fiskalment newtrali biex l-industrija tħallas lura kull żborż potenzjali mill-fond, u l-użu tar-riżorsi pubbliċi jkun limitat. Dan ifisser ukoll, minnu nnifsu, li ma għandu jibqa' l-ebda lok għal konsiderazzjonijiet nazzjonali jew għal segmentazzjoni. Kostijiet bla bżonn għandhom ikunu evitati meta niġu għall-arkitettura finanzjarja u istituzzjonali.

F'dan il-kuntest jistgħu jitqiesu żewġ possibilitajiet:

Min-naħa tal-effikaċja, linja ta' kreditu mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet indikati hawn fuq. Il-MES għandu l-kapaċità ta' self, l-għarfien tal-operazzjonijiet tas-suq u l-affidabbiltà kreditizja meħtieġa biex jissodisfa l-funzjoni ta' garanzija ta' kontinġenza b'mod effikaċi. Madankollu, jista' jkun meħtieġ li xi proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet u dispożizzjonijiet tekniċi fil-MES jiġu ssimplifikati biex il-garanzija ta’ kontinġenza tkun tista' tiġi attivata fil-ħin u tiżgura kosteffiċjenza massima għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni.

Alternattiva inqas effikaċi tkun li l-Istati Membri jipprovdu simultanjament jew is-self jew il-garanziji tal-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni. Dan l-approċċ x'aktarx li jwassal għal diffikultajiet fil-mobilizzazzjoni tal-fondi impenjati f'każ ta’ kriżi, li jagħmilha potenzjalment inqas effikaċi meta tkun l-aktar meħtieġa. Filwaqt li l-garanzija ta' kontinġenza għandha tkun fiskalment newtrali fit-terminu t-twil, l-Istati Membri xorta jkollhom jiffinanzjaw mill-ġdid l-appoġġ finanzjarju pprovdut. Jinqalgħu wkoll sfidi ta' implimentazzjoni ladarba kull Stat Membru jkollu jiffirma ftehimiet mal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni.

It-Twettiq tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali

Huwa importanti ħafna li jkun hemm progress fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) biex din tgħin biex tipprovdi sorsi iktar innovattivi. sostenibbli u diversifikati ta' finanzjamenti għall-unitajiet domestiċi u għan-negozji, pereżempju permezz ta' aċċess ikbar għall-kapital ta' riskju jew għall-finanzjament b'ekwità u inqas enfasi fuq id-dejn. Is-CMU se jżid il-kondiviżjoni tar-riskji permezz tas-settur privat u r-reżiljenza kumplessiva tas-settur finanzjarju. B'hekk se jikkontribwixxi wkoll għal stabbiltà makrofinanzjarja usa' għall-ekonomija f'każ ta' skossi ekonomiċi. Dan japplika għall-Istati Membri kollha tal-UE, imma huwa partikolarment importanti għaż-żona tal-euro. Il-Kummissjoni għamlet it-twaqqif ta' CMU bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha u diġà ttieħdu għadd ta' miżuri għal dan l-għan. Madankollu, din il-ħidma issa hija aktar importanti minn qatt qabel. Il-prospett li l-ikbar ċentru finanzjarju tal-Ewropa jitlaq mis-suq uniku jagħmel il-kompitu li tinbena CMU iktar diffiċli, imma fl-istess ħin iktar vitali.

Qafas sorveljatorju iktar integrat li jiżgura l-implimentazzjoni komuni tar-regoli għas-settur finanzjarju u eżekuzzjoni sorveljatorja iktar ċentralizzata huwa kruċjali. Kif intqal fir-Rapport tal-Ħames Presidenti, it-tisħiħ gradwali tal-qafas sorveljatorju għandu finalment iwassal għal sorveljatur uniku tas-swieq kapitali Ewropej.

Is-CMU hija opportunità biex insaħħu l-munita unika tagħna, imma hija bidla sinifikanti. Biex nirnexxu, l-impenn tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-partijiet ikkonċernati kollha huwa indispensabbli. Ir-riforma regolatorja hija parti waħda biss mill-bidla meħtieġa biex tinħoloq ekosistema finanzjarja li tkun verament integrata u inqas dipendenti fuq il-finanzjament bankarju. Il-bini ta' CMU huwa proċess li jeħtieġ l-involviment tal-partijiet kollha, inklużi l-kumpaniji, l-investituri u s-sorveljaturi. L-ostakli li jifdal għal CMU komplet, bħar-regoli tat-tassazzjoni jew il-proċeduri tal-insolvenza, iridu jiġu ttrattati wkoll, inkluż fil-livell nazzjonali.

Lil hinn mill-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali

Diversifikazzjoni akbar tal-karti tal-bilanċ tal-banek tgħin tindirizza l-problema ta' interkonnessjoni bejn il-banek u "pajjiżhom". Possibbiltà ta' promozzjoni ta' iktar diversifikazzjoni tista' tkun l-iżvilupp ta' l-hekk imsejħa titoli koperti minn bonds sovrani (SBBS). Dawn l-istrumenti finanzjarji, li bħalissa qed jiġu diskussi fil-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, huma prodotti finanzjarji titolizzati li jistgħu jinħarġu minn istituzzjoni jew entità kummerċjali. Ma jkun hemm l-ebda mutwalizzazzjoni tad-dejn bejn l-Istati Membri. L-użu tagħhom iwassal għal benefiċċji tanġibbli billi jżid id-diversifikazzjoni tal-karti tal-bilanċ tal-banek u billi jrawwem il-kondiviżjoni tar-riskji tas-settur privat. Fid-dawl tan-natura innovattiva ħafna tal-SBBS, x'aktarx li l-ħruġ jiżviluppa gradwalment biss. Filwaqt li l-bidliet fit-trattament regolatorju tal-assi titolizzati jgħin l-iżvilupp tas-suq ta' dan it-tip ta' prodott, ma jkunx hemm bżonn ta' bidliet għat-trattament regolatorju tal-bonds sovrani sottostanti. Possibbiltà oħra għall-promozzjoni ta' diversifikazzjoni ikbar fit-terminu t-twil, kif diskuss hawn taħt, tkun bidla fit-trattament regolatorju ta' dejn sovran.

Elementi biex jikkompletaw l-Unjoni Finanzjarja

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

X'elementi għandhom ikunu kkunsidrati wara l-2019?

Wara l-2019, jistgħu jiġu kkunsidrati għadd ta' miżuri ta' terminu medju. Miżuri tali jridu jinkludu impenn kontinwu għat-tlestija tas-CMU u l-implimentazzjoni sħiħa tal-EDIS. Madankollu, dawn jistgħu jinkludu wkoll passi ulterjuri possibbli dwar l-iżvilupp tal-hekk imsejjaħ ass sikur Ewropew 1 għaż-żona tal-euro u t-trattament regolatorju tal-bonds tal-gvern.

L-assi sikuri huma essenzjali għas-sistemi finanzjarji moderni. Ġie sostnut li ż-żona tal-euro teħtieġ ass sikur komuni li jkun komparabbli mal-bond tat-Teżor Amerikan. L-iskarsezza u l-forniment asimmetriku ta' dawn l-assi jistgħu jkollhom impatt negattiv fuq id-disponibilità u l-kost tal-finanzjament għall-ekonomija. Il-bonds sovrani huma tipikament l-ass sikur fil-parti l-kbira tas-sistemi finanzjarji.

Ass sikur Ewropew ikun strument finanzjarju ġdid għall-ħruġ komuni tad-dejn, li jsaħħaħ l-integrazzjoni u l-istabbiltà finanzjarja. Madankollu, l-iżvilupp ta' ass sikur għaż-żona tal-euro joħloq għadd ta' kwistjonijiet kumplessi, legali, politiċi u istituzzjonali li jkollhom jiġu esplorati f'ħafna dettall. Il-kwistjoni tal-mutwalizzazzjoni tad-dejn, b'mod partikolari, hija diskussa ħafna anke fid-dawl tat-tħassib dwar it-tidgħif tal-inċentivi għal politiki nazzjonali b'saħħithom. Il-Kummissjoni se tirrifletti ulterjorment fuq l-għażliet differenti tal-assi sikuri għaż-żona tal-euro sabiex tiġi inkoraġġita diskussjoni dwar it-tfassil possibbli ta’ dan l-ass.

Ass sikur Ewropew    

Iż-żona tal-euro hija ekonomija kbira daqs tal-Istati Uniti u s-suq finanzjarju tagħha huwa ta' daqs kumparabbli, imma ma tipprovdix ass sikur maż-żona kollha tal-istess livell tal-bonds tat-Teżor tal-Istati Uniti. Minflok, l-Istati Membri individwali taż-żona tal-euro joħorġu bonds b'karatteristiki tar-riskju eteroġeni, li jiġġeneraw provvediment asimmetriku ta' assi sikuri. L-esperjenza wrietna li fi żminijiet ta’ stress l-istruttura attwali tas-suq tal-bonds sovrani u l-espożizzjoni kbira tal-banek għas-sovran nazzjonali tagħhom amplifikaw il-volatilità tas-suq, li min-naħa tiegħu affettwa l-istabbiltà tas-settur finanzjarju, b'effetti tanġibbli u ddiversifikati fuq l-ekonomiji reali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro.    

Ass sikur Ewropew, denominat f'euro u ta' daqs kbir biżżejjed biex isir il-punt ta’ riferiment għas-swieq finanzjarji Ewropej, jista' joħloq għadd ta' benefiċċji għas-swieq finanzjarji u għall-ekonomija Ewropea. B'mod partikolari, jgħin biex jiddiversifika l-assi miżmuma mill-banek, itejjeb il-likwidità u t-trażmissjoni tal-politika monetarja u jgħin jindirizza l-interkonnessjoni bejn il-banek u s-sovrani.

Fis-snin reċenti, saru bosta proposti b'karatteristiki ta' tfassil differenti – li jvarjaw minn ħruġ komuni sħiħ għal wieħed parzjali, xi wħud ibbażati fuq mutwalizzazzjoni u oħrajn li ma jinvolvu l-ebda obbligazzjoni konġunta. Kull riflessjoni ulterjuri f'dan il-qasam kumpless tkun teħtieġ li tiffoka fuq il-fatturi neċessarji ta' strument ta' dan it-tip, biex jimmaterjalizzaw ruħhom il-benefiċċji potenzjali.

Il-bdil fit-trattament regolatorju tal-bonds sovrani huwa kwistjoni oħra li qiegħda tiġi diskussa biex tinħall ir-rabta bejn il-banek u s-sovran imma li jkollha implikazzjonijiet importanti għall-funzjonament tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro. It-trattament regolatorju tad-dejn sovran huwa kwistjoni politikament u ekonomikament kumplessa. Bħal f’ekonomiji avvanzati oħrajn, il-leġiżlazzjoni bankarja tal-UE bħalissa tipprevedi l-prinċipju ġenerali ta' status bla riskju għall-bonds sovrani. Dan hu ġġustifikat mir-rwol partikolari tagħhom fil-finanzjament tan-nefqa pubblika u billi jipprovdu ass b'riskju baxx għas-sistema finanzjarja tal-pajjiż ikkonċernat. Fl-istess ħin, trattament bħal dan ma jipprovdi l-ebda inċentiv biex bank jiddiversifika l-investimenti tiegħu lil hinn mill-bonds sovrani ta' pajjiżu. Li kellu jinbidel dak it-trattament, il-banek taż-żona tal-euro x'aktar li jirreaġixxu billi jnaqqsu drastikament iż-żamma ta' bonds sovrani. Dan ma jfixkilx biss il-funzjonament tas-sistemi finanzjarji ta' pajjiżhom. Dan jaf jolqot ukoll l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Fl-istess ħin, riforma ta' dan it-tip, jekk tkun implimentata bil-għaqal u gradwalment, tista' żżid l-inċentivi għall-gvernijiet biex inaqqsu l-profil tar-riskju marbut mal-bonds tagħhom stess.

Biex iż-żewġ miżuri jimxu 'l quddiem, hemm bżonn ta' deċiżjoni politika konġunta dwar iż-żewġ aspetti. Madankollu, fiċ-ċirkostanzi kollha, u biex jiġi evitat kull impatt negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja, u l-iktar importanti, hemm bżonn li jiġu kkompletati l-elementi pendenti tal-Unjoni Bankarja u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali qabel ma realistikament jkunu jistgħu jiġu implimentati kwalunkwe bidliet regolatorji fit-trattament tal-bonds tal-gvern. Jekk nixtiequ kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għas-settur finanzjarju tal-Ewropa, ikun essenzjali wkoll ftehim fuq livell globali.

4.4 Il-ksib ta' konverġenza ġdida f'Unjoni Ekonomika u Fiskali iktar integrata

In-nuqqas ta' konverġenza ġdida ekonomika u soċjali qawwija jitlob azzjoni effikaċi u malajr. Il-progress fil-konverġenza ekonomika huwa ta' rilevanza partikolari għall-funzjonament taż-żona tal-euro imma huwa ugwalment importanti għall-UE kollha kemm hi.

Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti għaraf il-konverġenza lejn strutturi ekonomiċi u soċjali reżiljenti fi Stati Membri bħala element essenzjali għall-prestazzjoni b'suċċess tal-UEM fit-terminu t-twil. Għall-ekonomiji li jaqsmu munita unika, huwa partikolarment importanti li jkollok strutturi ekonomiċi li jkunu reattivi biżżejjed f'każ ta' skossi mingħajr ma jikkawżaw problemi ekonomiċi jew soċjali. Strutturalment, ekonomiji aktar reżiljenti mhux talli jmorru aħjar fi żminijiet ta' skossi ekonomiċi imma anke b'mod iktar ġenerali. Imma l-kisba ta' iktar konverġenza lejn strutturi ekonomiċi reżiljenti hija ugwalment importanti għal dawk l-Istati Membri li għandhom il-prospett ta' adeżjoni futura mal-euro.

Nozzjonijiet differenti ta' konverġenza:

Konverġenza reali: Iċ-ċaqliq lejn standards tal-għajxien ogħla u livelli ta' introjtu simili huwa kruċjali għall-ksib tal-għanijiet tal-Unjoni li jinkludu koeżjoni ekonomika u soċjali flimkien ma' tkabbir bilanċjat, stabbiltà fil-prezzijiet u livell massimu ta' impjiegi. 

Konverġenza nominali: L-indikaturi nominali, bħar-rata tal-imgħax, l-inflazzjoni u r-rati tal-kambju, il-proporzjonijiet tad-defiċit u d-dejn tal-gvern, ilhom jintużaw mit-Trattat ta’ Maastricht. L-issodisfar tal-miri nominali essenzjali huwa prerekwiżit biex wieħed isir membru taż-żona tal-euro.

Konverġenza ċiklika: Konverġenza ċiklika tfisser li l-pajjiżi qegħdin fl-istess stadju taċ-ċiklu tan-negozju, bħal flutwazzjoni 'l fuq jew 'l isfel. Dan hu importanti għall-UEM minħabba li t-twettiq ta' politika monetarja huwa iktar diffiċli u possibbilment inqas effikaċi jekk il-pajjiżi jkunu fi stadji differenti ħafna taċ-ċiklu ekonomiku – xi wħud minnhom se jkunu jeħtieġu pożizzjoni politika iktar restrittiva/espansjonarja minn oħrajn.

Konverġenza lejn strutturi ekonomiċi reżiljenti ma tfissirx armonizzazzjoni tal-politiki jew tas-sitwazzjonijiet kullimkien. Ma jistax ikun hemm soluzzjoni universali f'UEM magħmula minn Stati Membri b'karatteristiki ekonomiċi differenti u f'livelli differenti ta' żvilupp ekonomiku – minn ekonomiji kbar u maturi, bħal tal-Ġermanja, Franza jew l-Italja, għal ekonomiji żgħar li qegħdin fit-triq li jlaħħqu magħhom, bħall-parti l-kbira tal-Istati Membri li ngħaqdu mal-UE fl-2004 jew wara. Dan madankollu jfisser qbil dwar approċċ komuni. Din hija kwistjoni kruċjali ta' diskussjoni għall-Istati Membri peress li kunċetti differenti ta' konverġenza jinvolvu għodod ta’ implimentazzjoni differenti.

X'sett ta' għodod għal proċess ta' konverġenza mġedded?

Filwaqt li jaraw kif jistgħu jiksbu konverġenza ikbar, l-Istati Membri taż-żona tal-euro jistgħu jiddeċiedu li jsaħħu l-elementi differenti diġà disponibbli: il-qafas fil-livell tal-UE, il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u l-użu tal-finanzjament. Jistgħu jiddeċiedu wkoll li jtejbu l-kapaċità għal stabbilizzazzjoni makroekonomika taż-żona tal-euro, illi kieku tgħin tipprevjeni iktar diverġenza f'każ ta' skossi futuri. Dan kollu jibbenefika minn bini ta' kapaċità ikbar.

L-użu tal-qafas fil-livell tal-UE għall-konverġenza

L-integrazzjoni ekonomika Ewropea tipprovdi l-qafas it-tajjeb għall-konverġenza. Is-suq uniku, inkluża l-garanzija għall-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-kapital u tal-persuni, huwa mutur b'saħħtu għall-integrazzjoni u l-ħolqien ta' tkabbir u prosperità kondiviża fost l-Istati Membri. Flimkien mas-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tal-Enerġija, u flimkien ukoll mal-Unjoni Bankarja u tas-Swieq Kapitali, huwa jipprovdi l-qafas komuni fundamentali għall-konverġenza fl-Unjoni Ewropea, inklużi l-pajjiżi taż-żona tal-euro. L-impenn tal-Istati Membri biex jiġi approfondit u msaħħaħ is-suq uniku huwa essenzjali biex jitgawda l-frott kollu tiegħu.

It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika 

Il-politiki nazzjonali huma importanti għall-konverġenza, imma l-koordinazzjoni tagħhom taħt is-Semestru Ewropew hija essenzjali għall-massimizzazzjoni tal-effikaċja tagħhom. Ħafna oqsma politiċi li huma deċiżivi għar-reżiljenza ekonomika għadhom primarjament f'idejn l-Istati Membri, bħall-impjiegi, l-edukazzjoni, it-tassazzjoni u t-tfassil tas-sistema ta' protezzjoni soċjali, is-swieq tal-prodotti u s-servizzi, l-amministrazzjoni pubblika u s-sistema ġudizzjarja. Is-Semestru Ewropew jista' u għandu jibqa' l-veikolu ewlieni għal passi ulterjuri lejn konverġenza iktar b'saħħitha u koordinazzjoni iktar effikaċi ta' dawn il-politiki, kemm għall-pajjiżi taż-żona tal-euro u kemm għall-Istati Membri l-oħra tal-UE. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jipprovdi wkoll kumpass imġedded għal ħafna minn dawn il-politiki lejn kundizzjonijiet ta' xogħol u ta' għajxien aħjar. Huwa jistabbilixxi għadd ta' prinċipji u drittijiet kruċjali bħala appoġġ għal swieq tax-xogħol u sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti u li jaħdmu sew. L-allinjament tal-oqfsa tat-tassazzjoni tan-negozji tal-Istati Membri kif previst fil-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva proposta, jgħin ukoll biex iwassal għal konverġenza billi jiffaċilita l-kummerċ u l-investiment transfruntier.

Qabel l-2019, is-Semestru Ewropew jista' jissaħħaħ ulterjorment. Filwaqt li tibni fuq l-isforzi tal-aħħar sentejn, il-Kummissjoni se tħares lejn kif:

·trawwem iktar kooperazzjoni u djalogu mal-Istati Membri, anke bl-involviment tal-parlamenti nazzjonali, is-sħab soċjali, il-Bords Nazzjonali tal-Produttività u partijiet ikkonċernati oħrajn, biex jiġi żgurat sens ta' sjieda domestika iktar qawwi u titħeġġeġ implimentazzjoni aħjar tar-riforma;

·iżżid iktar l-enfasi fuq id-dimensjoni aggregata taż-żona tal-euro, bi rwol aktar b’saħħtu għar-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro. Dan jiżgura korrelazzjoni aħjar bejn il-bżonnijiet ta' riforma minn perspettiva taż-żona tal-euro kollha u l-prijoritajiet ta' riforma tal-gvernijiet nazzjonali;

·toħloq rabta eqreb bejn il-proċess annwali tas-Semestru Ewropew u approċċ iktar pluriennali għar-riformi tal-gvernijiet nazzjonali. 

Dan it-titjib jista' jipprovdi lill-Istati Membri bi stampa ċara ta' diverġenzi persistenti kif ukoll il-mezzi biex tkun żgurata konverġenza ġdida kif suppost.

Barra minn hekk, ir-Rapport tal-Ħames Presidenti jipprevedi proċess ta' konverġenza formalizzat u iktar vinkolanti bbażat fuq standards maqbula. Sett ta' standards bħal dan jista' jinkludi miżuri ta' titjib tal-kwalità tal-infiq pubbliku; investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ; l-ilqugħ ta' swieq tal-prodotti u s-servizzi iktar miftuħa u iktar kompetittivi, u l-ħolqien ta' sistemi ta' taxxi u benefiċċji ġusti u effikaċi. Dawn jistgħu jkunu kkombinati ma' standards soċjali minimi, kif previsti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. In-natura vinkolanti ta' dawn l-istandards tista' tkun aċċettabbli biss jekk il-konformità tkun tista' tissaħħaħ b'rabta qawwija bejn ir-riformi relatati, l-użu ta' fondi tal-UE u aċċess għal funzjoni ta' stabbilizzazzjoni makroekonomika potenzjali. Il-monitoraġġ ta' progress lejn konverġenza jista' jkun inkorporat fis-sistema ta' sorveljanza tas-Semestru Ewropew, filwaqt li jibni fuq tabelli ta' valutazzjoni u punti ta' riferiment.

It-tisħiħ ta' rabtiet bejn ir-riformi nazzjonali u finanzjament eżistenti mill-UE 

Fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali tal-qafas finanzjarju tal-UE għall-2014-2020, ġiet introdotta rabta iktar qawwija bejn il-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew u l-użu ta' Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE). Fit-tfassil tal-programmi nazzjonali u reġjonali kkofinanzjati minn dawn il-Fondi, l-Istati Membri kienu jeħtieġu jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti kollha. Ir-regoli eżistenti jippermettu wkoll lill-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jirrieżaminaw u jipproponu l-emendi għall-programmi. Dan jista' jkun meħtieġ biex tkun appoġġata l-implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ġodda u rilevanti jew biex ikun immassimizzat l-impatt tat-tkabbir u tal-kompetittività tal-Fondi tas-SIE.

Filwaqt li l-użu tal-fondi tal-SIE huwa importanti għal ċerti Stati Membri biex titrawwem konverġenza ekonomika u soċjali, il-baġit tal-fondi tal-UE mhuwiex imfassal biex jaqdi funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni makroekonomika. Għal ċerti ekonomiji, il-fondi tal-SIE għandhom irwol importanti ta’ stabbilizzazzjoni fi żminijiet ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, peress li jipprovdu fluss kostanti u prevedibbli ta’ finanzjament. Madankollu, l-impatt stabbilizzatur tal-baġit tal-UE fuq iż-żona tal-euro b’mod ġenerali huwa limitat ħafna mid-daqs tiegħu (qrib il-1 % tal-PDG totali tal-UE biss). Barra minn hekk, il-baġit tal-UE huwa iktar immirat lejn it-trawwim ta’ konverġenza maż-żmien (attwalment fuq perjodu ta’ seba’ snin) u mhuwiex intiż b’mod partikolari biex jittieħed kont tal-ħtiġijiet speċifiċi taż-żona tal-euro.

L-għażliet li ġejjin jistgħu jkunu kkunsidrati sabiex jissaħħu r-rabtiet bejn l-objettivi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) f’termini ta’ riformi u konverġenza, u l-għodda fiskali tal-UE.

·Bħala l-ewwel pass sal-2019, jistgħu jiġu kkunsidrati mezzi biex jissaħħu l-karatteristiċi ta’ stabbilizzazzjoni tal-baġit preżenti tal-UE. Dan jista’ jsir, pereżempju, billi jiġu modulati rati ta' kofinanzjament b’mod iktar sistematiku skont il-kundizzjonijiet ekonomiċi fl-Istati Membri. Madankollu, wieħed għandu jirrikonoxxi wkoll li minħabba d-daqs limitat tal-baġit tal-UE meta mqabbel mal-parti l-kbira tal-ekonomiji tal-Istati Membri, il-karatteristiċi ġenerali ta’ stabbilizzazzjoni makroekonomiċi ta’ approċċ bħal dan jibqgħu, min-natura tagħhom stess, limitati (ara għażliet oħra ta’ stabbilizzazzjoni makroekonomika hawn taħt).

·‘Il quddiem, ir-rabta bejn ir-riformi politiċi u l-baġit tal-UE tista’ tiġi msaħħa biex trawwem il-konverġenza. Dan jista’ jieħu l-forma jew ta’ fond dedikat sabiex jipprovdi inċentivi lil Stati Membri sabiex iwettqu r-riformi jew billi l-iżborż tal-Fondi SIE, jew parti minnhom, isir kundizzjonali fuq il-progress fl-implimentazzjoni ta’ riformi konkreti li jrawmu l-konverġenza. L-implimentazzjoni ta’ riformi tkun sorveljata fil-qafas tas-Semestru Ewropew. Bħala parti mis-segwitu għall-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, fil-ġimgħat li ġejjin il-Kummissjoni se tressaq ukoll dokument ta’ riflessjoni dwar il-ġejjieni tal-finanzi tal-UE.

Funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni makroekonomika 

Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti jipprevedi wkoll il-ħolqien ta’ funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni makroekonomika għaż-żona tal-euro.

·Prinċipji ewlenin. Funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni makroekonomika ġġib bosta benefiċċji għaż-żona tal-euro. Tkun tikkumplimenta l-istabilizzaturi baġitarji nazzjonali f’każ ta’ skossi assimetriċi kbar. Tkun tippermetti t-tmexxija b’inqas xkiel ta’ politiki fiskali aggregati għaż-żona tal-euro f’ċirkustanzi mhux tas-soltu meta l-politika monetarja tilħaq il-limitu tagħha. Il-prinċipji gwida għal din il-funzjoni, kif speċifikati fir-Rapport tal-Ħames Presidenti, jibqgħu validi. Il-funzjoni ma għandhiex twassal għal trasferimenti permanenti, ma għandhiex timminimizza l-periklu morali u tidduplika r-rwol tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) bħala għodda tal-ġestjoni ta’ kriżijiet. Għandha tiġi żviluppata fil-qafas tal-UE u tista’ tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha tal-UE. L-aċċess għall-funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni għandu jkun strettament jiddependi fuq kriterji ċari u politiki sodi kontinwi, b’mod partikolari dawk li jwasslu għal aktar konverġenza fiż-żona tal-euro. Il-konformità mar-regoli fiskali tal-UE u l-qafas ta’ sorveljanza ekonomika usa’ għandhom ikunu parti minnha. Kwalunkwe deċiżjoni sabiex jiġi stabbilit strument bħal dan tkun teħtieġ li tqis il-limitazzjonijiet legali possibbli.

·Għanijiet possibbli. Funzjoni għal stabbilizzazzjoni makroekonomika għaż-żona tal-euro tista’ tieħu forom differenti. Fid-dibattitu pubbliku, qed jiġu diskussi diversi mezzi ta’ funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni, inkluż il-ħolqien ta’ kapaċità fiskali taż-żona tal-euro. Iż-żewġ oqsma prinċipali fejn funzjoni bħal din tista’ tiġi esplorata jkunu l-ħarsien tal-investiment pubbliku minn tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u skema ta’ assigurazzjoni kontra l-qgħad f’każijiet ta’ żieda f’daqqa fil-livell tal-qgħad. Ikollu jiġi investigat jekk ċerti disinji jkunux jeħtieġu li jkunu riflessi fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-UE li jmiss.

·Finanzjament. Fid-disinn ta’ din il-funzjoni futura, l-Istati Membri jkollhom bżonn jiddeċiedu dwar il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tagħha. Jistgħu jiddeċiedu wkoll li jużaw l-istrumenti eżistenti, bħall-MSE wara l-bidliet legali meħtieġa, jew il-baġit tal-UE jekk dawn l-elementi kellhom jiġu integrati fil-QFP li jmiss. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jiddisinjaw strument ġdid għal dawn l-għanijiet speċifiċi, bl-użu ta’ sors dedikat ta’ finanzjament, bħall-kontribuzzjonijiet nazzjonali bbażati fuq sehem tal-PGD jew sehem mid-dħul tal-VAT, jew dħul mis-sisa, imposti jew taxxi korporattivi. Il-karatteristiċi ta’ stabbilizzazzjoni makroekonomika jiddependu wkoll fuq il-kapaċità li wieħed jissellef.

Il-Kummissjoni se teżamina alternattivi konkreti għal funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni makroekonomika għaż-żona tal-euro. Dan se jinkoraġġixxi d-diskussjoni fuq id-disinn speċifiku ta’ funzjoni bħal din u jipprepara l-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jistabbilixxu tali kapaċità sa mhux aktar tard mill-2025.

Għażliet differenti għal funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni

Skema ta’ Protezzjoni tal-Investimenti Ewropea tkun tipproteġi l-investiment f’każ ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, billi tappoġġa prijoritajiet identifikati tajjeb u proġetti jew attivitajiet diġà ppjanati fuq livell nazzjonali, bħall-infrastruttura jew l-iżvilupp ta’ ħiliet. Fi tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, l-investiment pubbliku ġeneralment ikun l-ewwel li jinqata’ mill-baġit nazzjonali. Dan jamplifika l-kriżi ekonomika u jirriskja effetti negattivi permanenti fuq it-tkabbir, l-impjiegi u l-produttività. Bl-iskema ta’ protezzjoni, li tista’ tkun fil-forma ta’ strument finanzjarju, il-proġetti ta’ investiment xorta jkunu jistgħu jitkomplew. B’konsegwenza, id-ditti u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jegħlbu l-kriżi aktar malajr u b’mod aktar qawwi.

Skema Ewropea ta’ Riassigurazzjoni għall-Qgħad tkun taġixxi bħala “fond ta’ riassigurazzjoni” għal skemi nazzjonali tal-qgħad. Il-benefiċċji tal-qgħad huma parti importanti mix-xibka ta’ sikurezza soċjali u l-użu tagħhom għandu t-tendenza li jiżdied f’perjodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, meta r-riżorsi jkunu limitati mill-ħtieġa li jiġu kkontrollati defiċits fiskali. L-iskema tkun tipprovdi aktar spazju ta’ manuvra għall-finanzi pubbliċi nazzjonali u tgħin fil-ħarġa mill-kriżi aktar malajr u aktar b’saħħa. Madankollu l-iskema ta’ riassigurazzjoni għall-qgħad x’aktarx tkun teħtieġ xi konverġenza preċedenti tal-politiki u karatteristiċi tas-suq tax-xogħol.

Fond għal żminijiet diffiċli jista' jakkumula fondi fuq bażi regolari. Żborżi mill-fond ikunu attivati fuq bażi diskrezzjonali sabiex itaffu skoss kbir. L-effetti tiegħu jkunu simili għal dawk iż-żewġ opzjonijiet ta’ hawn fuq. Madankollu, fond għal żminijiet diffiċli normalment jillimita l-ħlasijiet tiegħu strettament għall-kontribuzzjonijiet akkumulati tiegħu. Għaldaqstant il-kapaċità ta’ fond bħal dan tista’ tkun żgħira wisq f’każ ta’ skoss kbir. Alternattivament, il-fond jista’ jkun mgħammar bil-kapaċità ta’ self. Dan ikun jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn disinn li jipprevedi b’mod ċar tfaddil fi żminijiet oħra u jillimita l-pożizzjoni ta' dejn.

Hemm ukoll dibattitu għaddej dwar baġit dedikat għaż-żona tal-euro. Xi ideat imorru lil hinn sew minn mekkaniżmu ta’ finanzjament u mhumiex biss immirati biex itaffu l-iskossi ekonomiċi. Baġit taż-żona tal-euro jista’ jassigura għanijiet usa’, ikopri kemm konverġenza kif ukoll stabbilizzazzjoni, u jkun jeħtieġ fluss stabbli ta’ dħul finanzjarju. Jista’ jkun għan fuq perjodu ta’ żmien itwal, filwaqt li jieħu kont ukoll tar-relazzjoni mal-baġit ġenerali tal-UE matul iż-żmien b’għadd dejjem jikber ta’ pajjiżi taż-żona tal-euro.

Tisħiħ tal-kapaċitajiet

L-assistenza teknika għandha rwol ċentrali x’taqdi biex tappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċità u tixpruna l-konverġenza fost l-Istati Membri. Is-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali mwaqqaf riċentament fil-Kummissjoni jikkumplementa l-istrumenti attwali ta’ appoġġ, pereżempju l-assistenza teknika tal-Fondi SIE, disponibbli permezz tal-baġit tal-UE. Il-Kummissjoni tipprovdi aktar għajnuna prattika permezz tal-iskambju organizzat ta’ eżempji ta’ prattiki tajba, il-kontroeżami u l-valutazzjoni komparattiva tal-prestazzjoni tal-politika fl-Istati Membri, u l-appoġġ tal-iżvilupp ta’ prinċipji komuni għal approċċi ta’ politika f’oqsma bħalma huma l-kundizzjonijiet tal-investiment, il-kapaċità amministrattiva, u r-riformi tal-pensjoni. Dawn l-isforzi kollha jgħinu biex jappoġġaw il-konverġenza u l-progress lejn strutturi ekonomiċi aktar reżiljenti fl-UE kollha.

‘Il quddiem, il-kapaċita tal-UE għal assistenza teknika tista’ tiġi estiża biex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-riformi fil-mira li huma ċentrali għall-konverġenza u jilħqu strutturi ekonomiċi iktar reżiljenti. Din l-assistenza teknika tista’ tkompli ttejjeb l-użu effettiv tal-baġit tal-UE għar-riformi.

4.5. Tisħiħ tal-arkitettura tal-UEM u l-ankraġġ tar-responsabbiltà demokratika

Liema qafas politiku u legali għall-UEM?

UEM iktar b’saħħitha tista’ sseħħ biss jekk l-Istati Membri jaċċettaw li jaqsmu aktar kompetenzi u deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet taż-żona tal-euro, f’qafas legali komuni.

Bosta mudelli huma possibbli: it-Trattati tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE, approċċ intergovernattiv, jew taħlita tat-tnejn kif diġà qed jiġri attwalment. Għandu jkun ċar li aktar integrazzjoni politika għandha tipproċedi b’mod inkrimentali. Dan għandu jseħħ b’mod parallel u b’appoġġ għal passi konkreti oħra fit-tlestija tal-UEM, li jwasslu għal bidliet legali meħtieġa jew fit-Trattati tal-UE jew fi trattati internazzjonali, bħall-Patt Fiskali u t-Trattat dwar il-MES, bir-ristrezzjonijiet politiċi li dan il-proċess iġib miegħu.

Huwa previst li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Patt Fiskali għandhom jiġu integrati fil-liġi tal-UE. Dan qablu dwaru 25 Stat Membru tal-UE meta kkonkludew it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG). L-integrazzjoni tat-Trattat dwar il-MES fil-qafas legali tal-UE mhijiex prevista bi kwalunkwe dispożizzjoni legali tal-UE, iżda tista’ tkun pass meħtieġ, skont il-mudell magħżul mill-Istati Membri għal strumenti u mekkaniżmi ta’ finanzjament futuri.

Fl-aħħar nett, ir-relazzjoni bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro u l-Istati Membri oħra tal-UE hija fundamentali għall-futur tal-UEM. Fil-fehma tal-Kummissjoni l-Istati Membri kollha għandhom interess fit-tfassil tal-ġejjieni tal-UEM. Dan iqanqal dibattitu dwar il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Xi wħud jargumentaw li għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jippermettu lil Stati Membri taż-żona tal-euro jiddeċiedu bejniethom, b’tisħiħ tal-Grupp tal-Euro, u fil-Parlament Ewropew. Din id-domanda politika tista’ tkun inqas problematika hekk kif dejjem aktar Stati Membri jissieħbu fl-euro matul iż-żmien. Sadanittant, it-trasparenza hija essenzjali fir-rigward ta’ Stati Membri attwalment mhux fiż-żona tal-euro dwar aktar passi ta’ approfondiment tal-UEM.

Kif nippromwovu l-interess ġenerali taż-żona tal-euro?

UEM iktar b’saħħitha teħtieġ ukoll istituzzjonijiet li jqisu l-interessi ġenerali taż-żona tal-euro, jagħmlu l-proposti meħtieġa u jaġixxu f’isimha.

Jista’ jiġi stabbilit bilanċ ġdid bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-Euro. Il-Kummissjoni hija – u għandha tibqa’ – responsabbli mill-promozzjoni tal-interess ġenerali tal-Unjoni kollha kemm hi. Għall-kuntrarju, passi ulterjuri fl-integrazzjoni taż-żona tal-euro jista’ jkollhom bżonn rikonsiderazzjoni tal-bilanċ bejn l-atturi ewlenin, jiġifieri l-Kummissjoni u l-Grupp tal-Euro u l-President tiegħu. L-għoti tal-kompetenzi tad-teħid tad-deċiżjonijiet lill-Grupp tal-Euro tista’ jkun triq ‘il quddiem u eventwalment tkun tista’ tiġġustifika il-ħatra ta’ president permanenti full-time. Fuq perjodu fit-tul, minħabba d-daqs relattiv qed jikber taż-żona tal-euro fl-Unjoni, il-Grupp tal-Euro jista’ eventwalment jiġi ttrasformat f’konfigurazzjoni tal-Kunsill. Barra minn hekk, il-funzjonijiet ta’ President tal-Grupp tal-Euro permanenti u tal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-UEM jistgħu jingħaqdu.

Governanza interna iktar soda taż-żona tal-euro għandha tkun riflessa minn rappreżentanza esterna dejjem aktar unifikata. Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew huwa figura ewlenija fid-dinja u diġà jitkellem b’appoġġ għall-politika monetarja u l-euro. Madankollu, fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, bħall-IMF, iż-żona tal-euro għadha mhix irrappreżentata bħala ħaġa waħda. Din il-vuċi fframmentata tfisser li ż-żona tal-euro għadha ma laħqitx is-saħħa politika u ekonomika li suppost għandha peress li kull Stat Membru jitkellem għal rasu, mingħajr il-perspettiva tal-interess ġenerali. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-proposta magħmula mill-Kummissjoni biex junifikaw ir-rappreżentanza tagħhom sal-2019 biex tinkiseb rappreżentanza esterna unifikata b’mod sħiħ fl-IMF sal-2025.

Kif tista’ tissaħħaħ ir-responsabbiltà demokratika?

It-tkomplija tal-UEM tfisser ukoll responsabbiltà demokratika akbar u iktar trasparenza dwar min jiddeċiedi xiex u meta f’kull livell ta’ governanza. Il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jeħtieġu jkunu mgħammra b’poteri suffiċjenti ta’ sorveljanza, skont il-prinċipju ta’ akkontabbiltà fil-livell fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.

Attwalment, it-Trattati tal-UE ma jipprovdux ħafna dettalji dwar ir-responsabbiltà demokratika fuq kwistjonijiet taż-żona tal-euro. Il-Kummissjoni żviluppat djalogu regolari effettiv ħafna mal-Parlament Ewropew dwar dawn il-kwistjonijiet, inkluż dwar kwistjonijiet relatati mas-Semestru Ewropew u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Bħala titjib immedjat, dawn il-prattiki jistgħu jiġu formalizzati miż-żewġ istituzzjonijiet qabel tmiem l-2018. Tali arranġamenti jistgħu jiġu estiżi għal istituzzjonijiet u korpi oħra li qed jiddeċiedu fuq jew jaġixxu f’isem iż-żona tal-euro, li jibdew bil-Grupp tal-Euro li l-membri tiegħu jibqgħu wkoll responsabbli lejn il-parlamenti nazzjonali tagħhom.

Dawn l-arranġamenti jistgħu jiġu tradotti fi ftehim dwar ir-responsabbiltà demokratika taż-żona tal-euro, iffirmat mill-atturi kollha msemmija hawn fuq fil-ħin għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej li jmiss f’Ġunju 2019. Iktar ‘il quddiem, dan il-ftehim jista’ jiġi integrat fit-Trattati tal-UE.

Liem istituzzjonijiet u regoli għal suq tal-UEM komplut?

L-UEM hija arkitettura oriġinali u mhux bilfors trid tikkopja mudelli nazzjonali jew internazzjonali oħra. Madankollu, il-funzjonament ottimu tal-UEM jkun jeħtieġ żviluppi istituzzjonali ulterjuri biex titlesta l-arkitettura tagħha.

L-idea ta’ Teżor għaż-żona tal-euro hija diskussa fid-dibattitu pubbliku. Illum il-Kummissjoni diġà qed twettaq kompiti ta’ sorveljanza ekonomika u fiskali ċentrali. Wieħed jista’ jipprevedi li, fi stadju iktar tard tal-approfondiment tal-UEM, fil-qafas tal-UE, bosta kompetenzi u funzjonijiet jistgħu jinġabru flimkien f’kategorija waħda. Is-sorveljanza ekonomika u fiskali taż-żona tal-euro u tal-Istati Membri tagħha tista’ tiġi fdata f’idejn Teżor taż-żona tal-euro, bl-appoġġ tal-Bord Fiskali Ewropew, il-koordinazzjoni ta’ ħruġ ta’ ass sikur Ewropew possibbli, u l-ġestjoni tal-funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni makroekonomika.

It-Teżor se jkollu l-kompitu li jipprepara d-deċiżjonijiet u jwettaqhom fil-livell taż-żona tal-euro. Sabiex ikun żgurat bilanċ xieraq ta’ poteri, it-teħid ta’ deċiżjonijiet jiġi allokat lill-Grupp tal-Euro. B’iktar deċiżjonijiet jittieħdu fil-livell taż-żona tal-euro, jkun essenzjali wkoll li jiġi żgurat kontroll parlamentari tal-politiki u l-istrumenti komuni ekonomiċi, fiskali u finanzjarji tagħhom. Il-membri tal-Grupp tal-Euro, bħala ministri tal-finanzi fl-Istati Membri tagħhom, huma responsabbli lejn il-parlamenti nazzjonali.

It-Teżor ikun jista’ jgħaqqad flimkien kompetenzi u servizzi eżistenti li llum huma mifruxa f’diversi istituzzjonijiet u korpi, inkluż il-MES wara l-integrazzjoni tiegħu fil-qafas legali tal-UE. Jista’ jitqiegħed taħt ir-responsabbilità ta’ Ministru għall-Finanzi tal-UE, li jkun ukoll il-President tal-Grupp tal-euro/ECOFIN.

L-idea ta’ Fond Monetarju Ewropew hija wkoll diskussa sabiex tagħti iktar awtonomija liż-żona tal-euro minn istituzzjonijiet internazzjonali oħra, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ stabbiltà finanzjarja. L-Istati Membri jeħtieġu li jiddiskutu aktar dwar dan u jiddeċiedu l-għanijiet, it-tfassil u l-finanzjament possibbli tiegħu. Il-Fond Monetarju Ewropew naturalment ikompli mal-MES, li sar l-istrument ċentrali fil-ġestjoni ta’ kriżi potenzjali fiż-żona tal-euro u li jista’ jiġi integrat fil-qafas legali tal-UE. Il-funzjonijiet tal-Fond Monetarju Ewropew għalhekk ikunu jħaddnu mill-inqas il-mekkaniżmi ta’ assistenza ta’ likwidità attwali lill-Istati Membri u possibbilment is-salvagwardja ta’ kontinġenza komuni tal-aħħar għażla tal-ġejjieni tal-Unjoni Bankarja.

Funzjonijiet ewlenin li jkollhom Teżor taż-Żona tal-Ewro u Fond Monetarju Ewropew possibbli

B’tipa grassa: attivitajiet eżistenti fl-arranġament attwali

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Integrazzjoni ekonomika, fiskali u finanzjarja iktar b’saħħitha maż-żmien għandha wkoll tiftaħ il-bieb biex jiġi rieżaminat is-sett ta’ regoli fiskali tal-UE. Filwaqt li xi wħud iqisu r-regoli attwali bħala laxki wisq, oħrajn jarawhom bħala limitanti wisq. Kulħadd jaqbel, però, li saru kumplikati żżejjed, u dan ifixkel is-sjieda u l-implimentazzjoni effettiva. Matul iż-żmien, integrazzjoni akbar li tipprovdi għal salvagwardji adegwati u aktar mezzi għall-ġestjoni tal-interdipendenza ekonomika flimkien ma’ dixxiplina fis-suq iktar b'saħħitha tippermetti li jkun hemm regoli fiskali iktar sempliċi.



5. Konklużjoni

L-euro huwa kisba kbira, appoġġat bil-qawwa mill-Ewropej. Għandna ngħożżuh u nmantnuh. Iżda għadu ‘l bogħod mill-perfezzjoni u għandu bżonn ta’ riformi biex jgħinuh jagħti prestazzjoni aħjar għalina lkoll. Dan jeħtieġ determinazzjoni, tmexxija u kuraġġ politiku.

Ġew misluta lezzjonijiet importanti minn dawn l-aħħar ħmistax-il sena u s-sitwazzjoni ekonomika qed titjieb. Madankollu, ikun żbaljat li nqisu li l-istatus quo bħala sodisfaċenti. L-euro la hu l-oriġini tal-isfidi li qed jiffaċċjaw illum il-ġurnata l-Ewropej u lanqas ma huwa l-unika soluzzjoni għalihom. Madankollu, l-euro joħloq opportunitajiet u r-responsabbiltajiet speċifiċi li għandna nkunu konxji tagħhom bis-sħiħ. F’dinja globalizzata, jipprovdina b’benefiċċji li ma jistgħux jagħtuna l-muniti u l-ekonomiji nazzjonali. Jipproteġina minn rati tal-kambju globali instabbli u huwa attur qawwi fis-swieq globali tal-muniti. Jagħmel il-magna tas-suq intern tal-UE iktar effiċjenti. Huwa l-aħjar protezzjoni kontra l-inflazzjoni għat-tfaddil u l-pensjonijiet tagħna.

Diġà hemm kuxjenza tikber li huma meħtieġa aktar passi lejn l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Sabiex niggwidaw ix-xogħol li għandna quddiemna, huwa importanti li l-ewwel naqblu dwar l-għan u l-prinċipji gwida għat-triq ‘il quddiem. L-għan għandu jkun ovvju: l-euro jeħtieġ li ssaħħaħ ir-rwol tiegħu bħala għajn ta’ prosperità kondiviża, benesseri ekonomiku u soċjali, abbażi ta’ tkabbir inklużiv u bbilanċjat u stabbiltà fil-prezzijiet.

L-importanza ta’ dan il-kompitu tirrikjedi sekwenza xierqa. L-2025 mhijiex futur daqstant imbiegħed. Il-Kummissjoni tipproponi li nimxu ‘l quddiem f’żewġ passi. L-Anness 1 jipprovdi sommarju.

L-ewwel fażi tibqa’ għaddejja sal-aħħar tal-2019. Dan il-perjodu għandu jintuża biex titlesta l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali b’dawk l-elementi li huma diġà fuq il-mejda llum. Dan jinkludi s-salvagwardja ta’ kontinġenza finanzjarja għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, miżuri biex jitnaqqsu iktar ir-riskji għas-settur finanzjarju, u l-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti. Għadd ta’ strumenti ġodda, bħal standards ta’ konverġenza ekonomika u soċjali aħjar, jistgħu jiġu ttestjati wkoll. Ir-responsabbiltà u l-effikaċja demokratika tal-arkitettura tal-UEM se jiġu gradwalment imtejba.

It-tieni fażi, matul l-2020–25, tkun għat-tkomplija tal-arkitettura tal-UEM. Tkun tinkludi miżuri estensivi ħafna li jikkomplementaw l-Unjoni Finanzjarja, possibbilment b’assi sikur Ewropew u bidla fit-trattament regolatorju ta’ bonds sovrani. Barra minn hekk, tista’ tkun prevista wkoll funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni fiskali. B'riżultat ta’ dan, l-arkitettura istituzzjonali tista’ tinbidel b’mod aktar sostanzjali.

Dan id-dokument ta’ riflessjoni huwa stedina lil kulħadd biex jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar il-ġejjieni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna, bħala parti mid-dibattitu usa’ dwar il-ġejjieni tal-Ewropa. It-triq ‘il quddiem għandha tinbena fuq kunsens wiesa’ u tqis l-isfidi globali li għandna quddiemna. F’dan ir-rigward, id-dokumenti ta’ riflessjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa u l-immaniġġar tal-globalizzazzjoni, kif ukoll id-dokument ta’ riflessjoni li ġej dwar il-ġejjieni tal-finanzi tal-UE, se jkunu parteċipi fid-dibattitu dwar il-ġejjin tal-UEM tagħna.

Wasal iż-żmien li npoġġu l-prammatiżmu qabel id-domma, li npoġġu l-bini ta’ rabtiet bejnietna qabel l-isfiduċja. Ħmistax-il sena wara t-tnedija tal-euro, għaxar snin wara li faqqgħet il-kriżi, wasal iż-żmien biex nikkunsidraw mill-ġdid fejn għandha tkun l-Unjoni tagħna fl-għaxar snin li ġejjin, u biex nistabbilixxu bażi komuni għal dan il-ġejjieni.

(1)

Filwaqt li l-ebda ass jew investiment mhu kompletament sikur, in-nozzjoni ta' "ass sikur" tintuża għal strumenti li jirrappreżentaw ħżin ta' valur affidabbli u attraenti.

Top

Brussell, 31.5.2017

COM(2017) 291 final

ANNESS

tad-

DOKUMENT TA' RIFLESSJONI


DWAR L-APPROFONDIMENT TAL-UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA


Anness 1. Pjan direzzjonali possibbli lejn it-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja sal-2025

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Top

Brussell, 31.5.2017

COM(2017) 291 final

ANNESS

tad-

DOKUMENT TA' RIFLESSJONI

DWAR L-APPROFONDIMENT TAL-UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA


Anness 2. L-għodod tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja     

Filwaqt li qed titgħallem mill-kriżi, is-sett ta’ għodod tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja ġie riformat u msaħħaħ b’mod sinifikanti mill-2010 ‘l hawn. Sar progress minn erba’ naħat:

L-għodod tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja llum

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Ittieħdu passi importanti fl-eqqel tal-kriżi tal-2011–2013 jew immedjatament wara biex jissalvagwardjaw l-integrità taż-żona tal-euro u jikkonsolidaw l-arkitettura tagħha: 

Ġew introdotti regoli ġodda biex itejbu l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u fiskali, u biex jiżguraw diskussjoni aħjar ta’ dawn il-politiku fil-livell nazzjonali u Ewropew. Għal dak l-għan, ġie introdott ċiklu annwali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet - is-Semestru Ewropew - biex il-prijoritajiet nazzjonali u tal-UE jkunu allinjati permezz ta’ monitoraġġ aktar mill-qrib u ta' gwida politika. Ir-regoli fiskali tal-UE, stabbilit fl-hekk imsejjaħ Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, tlestew permezz tal-hekk imsejħa leġiżlazzjoni “six-pack” u “two-pack”, kif ukoll fit-Trattat intergovernattiv dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG) li jinkludi l-“Patt Fiskali”. Dawn għenu biex tiġi żgurata superviżjoni aktar stretta tal-baġits nazzjonali, jkunu stabbiliti oqfsa fiskali aktar sodi u biex tingħata attenzjoni akbar għal-livelli tad-dejn. Dawn ir-regoli introduċew ukoll proċedura ġdida - Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi. Hija tgħin biex tindividwa u tikkoreġi żviluppi ekonomiċi avversi qabel ma dawn jimmaterjalizzaw.

Numru ta’ inizjattivi ġew segwiti biex jinħoloq settur finanzjarju aktar sikur għas-suq uniku. Dawn l-inizjattivi jiffurmaw ‘l hekk imsejħa “Ġabra Unika tar-Regoli” għall-atturi finanzjarji kollha fl-Istati Membri tal-UE. Il-ġabra unika tar-regoli timmira li tipprovdi sett uniku ta’ regoli prudenzjali armonizzati li l-istituzzjonijiet fl-UE kollha għandhom jirrispettaw. Il-“ġabra unika tar-regoli” hija wkoll il-bażi tal-hekk imsejħa Unjoni Bankarja. Filwaqt li l-Unjoni Bankarja tapplika għall-pajjiżi fiż-żona tal-euro, il-pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro jistgħu wkoll jissieħbu. Bħala parti mill-Unjoni Bankarja, ir-responsabbiltà għas-superviżjoni u r-riżoluzzjoni ta’ banek transfruntieri kbar fl-UE tpoġġiet fuq livell Ewropew. Għal dan l-għan inħalqu l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM). Regoli bażiċi dwar l-assigurazzjoni ta’ depożiti kienu armonizzati fost l-Istati Membri b’tali mod li kull depożitu individwali issa huwa kompletament protett sa EUR 100 000.

Il-fondi ta’ salvataġġ ġew maħluqa biex jipprovdu appoġġ finanzjarju għal Stati Membri li ma setgħux jissellfu mis-swieq finanzjarji. Dan fil-bidu kien biss fuq bażi temporanja permezz tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) u tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF). Il-fond ta’ emerġenza attwali - il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) - issa huwa ta’ natura permanenti u għandu kapaċità totali ta’ self ta’ EUR 500 biljun.

Sa minn meta l-Kummissjoni kurrenti ħadet il-kariga f’Novembru 2014, u b’mod partikolari wara l-pubblikazzjoni tar-Rapport tal-Ħames Presidenti ta’ Ġunju 2015, ittieħdu għadd ta’ passi importanti oħra:

·Iġġedded is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Ingħataw aktar opportunitajiet lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati (il-parlamenti nazzjonali, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili) biex jiddiskutu fil-livelli kollha. Ingħatat attenzjoni akbar għall-isfidi taz-żona euro bħala tali, b’rakkomandazzjonijiet dedikati u monitoraġġ mill-qrib ta’ effetti li jinfirxu. Il-flessibilità fir-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir intużaw biex jappoġġaw riformi u investiment, kif ukoll biex jirriflettu aħjar iċ-ċiklu ekonomiku.

·Il-kunsiderazzjonijiet soċjali tqiegħdu fuq l-istess livell ma’ dawk ekonomiċi, b’rakkomandazzjonijiet speċifiċi u indikaturi soċjali ġodda bħala parti mis-Semestru Ewropew. Il-Kummissjoni għamlet ukoll proposti konkreti biex toħloq Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex iservi bħala kumpass għal proċess ta’ konverġenza mġedded. Qabel ma kien konkluż il-Programm ta’ Sostenn għall-Istabbiltà ġdid għall-Greċja, twettqet valutazzjoni tal-impatt soċjali speċifika.

·Sabiex tinforma u tappoġġa l-proċess ta’ riformi fil-livell nazzjonali, il-Kummissjoni pproponiet, u l-Kunsill adotta, rakkomandazzjoni lill-Istati Membri taż-żona tal-euro biex jiġu stabbiliti Bordijiet Nazzjonali tal-Produttività konsultattivi. Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll Servizz ta’ Sostenn għar-Riformi Strutturali biex tiġbor l-għarfien espert minn madwar l-Ewropa u tipprovdi sostenn tekniku għal dawk l-Istati Membri li huma interessati.

·Bħala kontribut biex tiġi kkompletata l-Unjoni Bankarja, il-Kummissjoni pproponiet Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti li għandha tkun introdotta gradwalment sal-2025. Din tippermetti li d-depożitanti kollha madwar iż-żona tal-euro igawdu l-istess livell ta’ protezzjoni, inkluż f’każ ta’ xokkijiet kbar lokali. Hija ppreżentat ukoll pakkett leġiżlattiv komprensiv biex tkompli tnaqqas ir-riskji u ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE u tas-settur bankarju b’mod partikolari.

·Bħala parti mill-ħidma fuq l-Unjoni Fiskali, il-Kummissjoni u l-Kunsill ħadmu biex jissimplifikaw ir-regoli eżistenti. Pereżempju, huma taw ħarsa lejn l-iżvilupp tal-hekk imsejjaħ valur referenzjarju tan-nefqa pubblika, li l-gvernijiet jistgħu jikkontrollaw aktar faċilment u b’hekk jirrifletti aħjar l-intenzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni appellat għal enfasi akbar dwar il-prijoritajiet taż-żona tal-euro fil-bidu ta’ kull Semestru Ewropew u pożizzjoni fiskali aktar pożittiva għaż-żona kollha kemm hi. Il-Bord Fiskali Ewropew li għadu kif inħoloq se jsostni l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-regoli fiskali tal-UE.

·Bħala parti mit-tisħiħ tas-suq uniku, u bħala element usa’ tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, diversi inizjattivi għenu biex jitwessa’ u jitjieb l-aċċess għall-finanzjament għan-negozji Ewropej. Dawn issa jibbenefikaw minn aċċess akbar għas-swieq kapitali - bis-saħħa tal-hekk imsejħa Unjoni tas-Swieq Kapitali - waqt li bħalissa huma jiddependu l-aktar fuq il-finanzjament bankarju.

·Bħala parti mill-isforzi tagħha biex issaħħaħ l-istituzzjonijiet eżistenti, il-Kummissjoni pproponiet li ttejjeb ir-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro f’organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħalma huma l-FMI, b’implimentazzjoni gradwali sal-2025. Għad trid tibdaIl-ħidma rigward passi ulterjuri lejn rappreżentanza unifikata. Il-Kummissjoni ssostni wkoll l-isforzi tal-Grupp tal-Euro biex tiżgura trasparenza akbar tad-dokumenti u tal-proċedimenti tagħha.

Top

Brussell, 31.5.2017

COM(2017) 291 final

ANNESS

tad-

DOKUMENT TA' RIFLESSJONI

DWAR L-APPROFONDIMENT TAL-UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA


Anness 3. Xejriet ekonomiċi ewlenin fi ħdan iż-żona tal-euro s’issa

L-introduzzjoni tal-euro inizjalment wasslet għal xi konverġenza bejn l-Istati Membri parteċipanti, b’mod partikolari f'termini ta’ tkabbir ekonomiku u r-rati tal-interessi.

Madankollu, il-kriżi kixfet xi differenzi sinifikanti li kienu akkumulaw matul is-snin preċedenti f’termini ta’ kompetittività, is-saħħa tas-settur bankarju u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Irriżultat ukoll f’diverġenza ikbar f’eżiti ekonomiċi.

Fi snin riċenti, kien hemm xi evidenza ta’ tendenza attwali ta’ tnaqqis fid-diverġenzi. Madankollu, għad hemm differenzi akuti bejn l-Istati Membri u marki importanti mill-kriżi u għadu mhux viżibbli proċess b’saħħtu ta’ konverġenza ġdida.

Filwaqt li kien hemm tkabbir sinifikanti matul l-ewwel snin taż-żona tal-euro, ħafna Stati Membri raw tnaqqis sinifikanti fl-istandards tal-ħajja tul il-kriżi. Pereżempju, filwaqt li t-tkabbir fil-Ġermanja żdied b’mod qawwi minn dak iż-żmien, il-PDG tal-Italja għadu taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi. Mhux l-ekonomiji kollha tal-euro irkupraw sal-istess punt. 

Xejriet f’PDG reali per capita

Indiċi 1999=100

 

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Waħda mir-raġunijiet sottostanti għad-diverġenza fil-prestazzjoni ekonomika hija marbuta mal-livelli ta’ investiment. Wara tnaqqis sinifikanti matul il-kriżi, l-investiment ħa s-snin biex jirkupra u beda biss jerġa’ jiżdied f’dawn l-aħħar snin. Għadu partikularment baxx fl-Istati Membri li sabu ruħhom f’diffikultajiet finanzjarji matul il-kriżi.



Xejriet fl-investiment totali

Indiċi 1999=100

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Il-kompetittività, meta espressa f’termini ta’ kostijiet tax-xogħol, iddiverġiet b’mod wiesa’ fl-ewwel snin tal-euro. Pereżempju, il-Ġermanja esperjenzat żviluppi fil-kostijiet partikularment favorevoli meta mqabbla ma’ Franza, l-Italja u oħrajn. Spanja stabbiliet korrezzjoni qawwija tal-kostijiet tax-xogħol wara l-introduzzjoni ta’ riformi b’reazzjoni għall-kriżi.

Xejriet fil-kostijiet ta’ unità tax-xogħol nominali

Indiċi 100=1999

 

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

F’termini ta’ indikaturi finanzjarji, ir-rati tal-imgħax fis-settur privat ikkonverġew sa mill-2012. Madankollu, għad hemm differenzi sinifikanti u l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament ta’ ditti għadhom jiddependu kważi għalkollox fuq in-nazzjonalità tagħhom. Barra minn hekk, varjazzjonijiet fil-volumi ta’ self fil-fatt żdiedu sal-2013 u bdew biss jikkonverġu minn dak iż-żmien.

Xejriet fir-rata tal-imgħax ta’ self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji u l-ammont ta’ self lil intrapriżi

Rati ta’ imgħax f’%

Stokk nozzjonali, rata ta’ tkabbir sena wara sena

Sors: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Sors: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Iż-żieda ta’ selfiet improduttivi – selfiet li jkunu inadempjenti jew viċin – fil-karta tal-bilanċ tal-banek huwa kemm sintomu tas-snin tal-kriżi kif ukoll sors ta’ vulnerabbiltà. Dawn is-selfiet huma ħafna aktar prevalenti fi Stati Membri Ewropej tan-nofsinhar milli fil-bqija taż-żona tal-euro.

Xejriet fis-sehem tas-selfiet improduttivi bħala proporzjon tat-total gross ta’ selfiet.

Sors: Il-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali, l-aħħar dejta disponibbli

Il-kriżi wasslet għal żieda sinifikanti fid-dejn pubbliku. Din ix-xejra waqfet fi snin riċenti u l-livelli ta’ dejn pubbliku bdew jonqsu bħala medja. Madankollu, għadhom għoljin u għadd żgħir biss ta’ Stati Membri kiseb tnaqqis sinifikanti s’issa.

Xejriet fid-dejn pubbliku

Id-dejn ġenerali gross tal-gvern, bħala % tal-PDG

 

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Top