IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.5.2017
COM(2017) 290 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Konsegwenzi għall-Baġit tal-Unjoni Ewropea għall-2018 u lil hinn f’każ li ma tiġix adottata r-Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014–20
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Konsegwenzi għall-Baġit tal-Unjoni Ewropea għall-2018 u lil hinn f’każ li ma tiġix adottata r-Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014–20
Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Baġit tal-2018 tat-30 ta’ Mejju 2017 hija ppreżentata hekk kif ir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali se tiġi approvata. Din il-Komunikazzjoni tagħti ħarsa lejn il-konsegwenzi jekk ir-reviżjoni ma tiġix adottata.
1.L-isfidi tal-baġit tal-Unjoni Ewropea
L-Unjoni Ewropea (UE) għandha baġit limitat (madwar 1 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-UE) iżda dan il-baġit huwa għodda essenzjali għall-Unjoni biex tikseb riżultati għaċ-ċittadini tagħha. Huwa primarjament baġit ta’ investiment, l-ippuljar tar-riżorsi f’oqsma fejn l-azzjoni tal-UE tagħmel sens, bħal: titjib tan-netwerks tat-trasport, tal-komunikazzjoni u tal-enerġija madwar il-pajjiżi tal-UE, il-protezzjoni tal-ambjent u l-iżvilupp taż-żoni rurali, li tagħmel l-ekonomija aktar kompetittiva, għajnuna lir-riċerkaturi li jingħaqdu flimkien bejn il-fruntieri u liż-żgħażagħ jistudjaw lil hinn minn pajjiżhom, il-promozzjoni tal-koeżjoni bejn ir-reġjuni.
Il-baġit tal-UE huwa wkoll fattur ta’ stabbiltà u prevedibbiltà. Huwa inkwadrat fuq ħames sa seba’ snin permezz tal-
qafas finanzjarju pluriennali
(QFP) li jistabbilixxi l-ammonti annwali massimi li l-UE tista’ tonfoq f’oqsma politiċi differenti kull sena. Illum, madankollu, it-tfassil tal-baġit tal-UE qiegħed iħabbat wiċċu ma’ sfidi kbar f’dinja li saret aktar kumplessa u imprevedibbli.
L-Unjoni Ewropea trid tlaħħaq ma’ firxa ta’ sfidi sinifikanti fuq medda twil ta' żmien. Iffaċjata bl-effetti tal-agħar kriżi ekonomika mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, hemm bżonn li terġa’ lura durabbilment lejn tkabbir u tindirizza l-esklużjoni u l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Il-kriżi tal-migrazzjoni kixfet ċil-ħtieġa li l-UE mhux biss tipprovdi għajnuna umanitarja u kenn għar-refuġjati, iżda wkoll dwar l-importanza li jiġu protetti l-fruntieri tagħha u jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni. L-attakki terroristiċi heżżew is-soċjetajiet tagħna, u ħolqu sejħa għal kooperazzjoni aktar effettiva ta’ sigurtà u ta’ intelligence. Il-baġit tal-UE għandu jkun kapaċi mhux biss li jwettaq il-pjanijiet inizjali tal-QFP, iżda wkoll li jaġġusta malajr għal sfidi ġodda u li jwassal malajr għal riżultati fuq il-post.
S’issa, il-baġit tal-UE ġie estiż kemm jista’ jkun biex jirreaġixxi għal ċirkostanzi li qed jinbidlu: il-marġini mhux użati u l-flessibilitajiet disponibbli ġew użati b’mod intensiv b’mod partikolari biex (a) jitwaqqaf il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) skont il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa; (b) ikun hemm reazzjoni għall-kriżi tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà u (c) jgħin biex jiffinanzja inizjattivi ġodda bħall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-Korpi Ewropej ta’ Solidarjetà kif ukoll il-proposta li ġejja biex jitnieda l-Programm għall-Iżvilupp Industrijali tad-Difiża Ewropea.
Il-kapaċità tal-baġit tal-UE li jirreaġixxi għal avvenimenti ulterjuri mhux previsti matul il-perjodu 2017–2020 issa tnaqqset serjament.
2.Qbil politiku wiesa’ dwar ir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu
Il-Kummissjoni pproponiet ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014–2020 f’Settembru tal-2016. L-objettiv ewlieni kien li jiżdiedu l-finanzjament u l-flessibbiltajiet disponibbli biex ikompli jiġi fornut rispons baġitarju xieraq għaż-żewġ prijoritajiet politiċi ewlenin - tkabbir u impjiegi u rispons għall-migrazzjoni - u tissaħħaħ il-flessibbiltà u l-aġilità tal-baġit.
Wara negozjati intensivi bejn it-tliet istituzzjonijiet, intlaħaq ftehim unanimu mill-Kunsill nhar is-7 ta’ Marzu 2017 u l-Parlament Ewropew ta l-kunsens tiegħu fil-5 ta’ April għal pakkett ta’ kompromess tar-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu, inkluża r-reviżjoni tar-regolament dwar il-QFP kif ukoll għadd ta’ ftehimiet politiċi dwar, b’mod partikolari, it-tisħiħ ta’ programmi speċifiċi.
Bi qbil mal-proċeduri relevanti, il-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-25 ta’ April kellu jagħti l-approvazzjoni finali tiegħu ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali. Madankollu, fuq talba mir-Renju Unit fl-aħħar minuta, il-punt tneħħa mill-aġenda. L-argumenti invokati huma marbuta mal-purdah (il-perjodu uffiċjali ta’ qabel l-elezzjoni meta l-Gvern ma għandux dritt li jadotta xi deċiżjonijiet importanti).
L-adozzjoni formali fil-Kunsill mistennija ssir ftit wara l-elezzjonijiet tar-Renju Unit tat-8 ta’ Ġunju, meta l-gvern tar-Renju Unit mhux se jibqa’ mxekkel mir-regoli li jirregolaw il-perjodu ta’ qabel l-elezzjoni.
Minħabba l-ftehim politiku wiesa’ kemm fil-Parlament Ewropew kif ukoll fil-Kunsill, l-Abbozz tal-Baġit 2018 jantiċipa diġà din l-adozzjoni formali u jinkorpora l-elementi tal-pakkett tar-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu relatata mal-2018.
3.X’tipprovdi r-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu?
Ir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu tipprovdi lill-UE bi spazju importanti għall-immanuvrar biex tirreaġixxi għal żviluppi ġodda sal-2020. Minkejja li ma żżidx il-livelli massimi totali tal-baġit, hija tippermetti li jkun hemm żieda fin-nefqa u flessibbiltà addizzjonali għal ċerti oqsma li ġew miftiehma bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
Fil-limitu massimu globali miftiehem tal-QFP, ir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu tinkludi żieda potenzjali tan-nefqa ta’ madwar EUR 6 biljun matul il-perjodu 2017–2020, partikolarment f’oqsma bħal:
-Il-qgħad fost iż-żgħażagħ (EUR 1.2 biljun għall-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ li trid tiġi ppariġġata mill-Fond Soċjali Ewropew)
-Id-dimensjoni tas-sigurtà u dik intra-UE tal-migrazzjoni (EUR 2.5 biljun għal programmi bħall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-EUROPOL, l-Aġenzija tal-UE għall-Asil, is-sistema ta’ dħul/ħruġ ġdida u l-appoġġ ta’ emerġenza għar-refuġjati),
-L-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni (EUR 1.4 biljun prinċipalment għall-Qafas ta’ Sħubija ġdid mal-pajjiżi Afrikani u għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (FEŻS) bħala parti mill-Pjan ta’ Investiment Estern)
-Erasmus + (EUR 100 miljun, li jikkontribwixxi wkoll lejn il-Korpi Ewropej ta’ Solidarjetà),
-It-tisħiħ ta’ programmi li rnexxew li jrawmu t-tkabbir (EUR 775 miljun għal Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), COSME u EFSI-2 Wifi4EU).
Barra minn hekk, il-ftehim jipprovdi ammont sostanzjali ta’ flessibbiltà addizzjonali għall-finanzjament ta’ emerġenzi ġodda (mill-inqas EUR 1.3 biljun disponibbli minnufih mill-2017). Dan huwa punt kruċjali għax mingħajr flessibbiltà akbar, ir-reazzjoni tal-Unjoni Ewropea għal kwalunkwe żvilupp mhux previsti possibbli fit-tliet snin li ġejjin, se tkun limitata ħafna.
Fl-aħħar nett, ir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu tipprovdi aktar flessibbiltà għaċ-ċaqliq marġini tal-pagamenti mhux użati għas-snin 2019–2020, li se jipprovdi saff addizzjonali ta’ sigurtà biex jiġi żgurat li l-limiti massimi ta’ pagament f’dawk is-snin se jkunu biżżejjed biex il-fatturi kollha tal-implimentazzjoni tal-fondi strutturali jitħallsu fil-ħin mingħajr ma tinħoloq l-akkumulazzjoni ta’ kontijiet mhux imħallsa kif kien il-każ fil-perjodu 2013-2015 u li ħoloq ħafna ansjetà mal-Parlament Ewropew.
4.X’jiġri jekk xi darba r-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu ma tiġix adottata?
Xi elementi tar-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu ġew miftiehma mill-koleġislaturi u huma diġà inklużi fil-baġit tal-2017 (l-aktar is-EUR 750 miljun għal Qafas ta’ Sħubija ma’ pajjiżi Afrikani) jew daqt se jiġu inkorporati permezz ta’ baġits emendatorji għall-2017 politikament miftiehma minn qabel (l-ewwel porzjon ta’ EUR 500 miljun għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) u EUR 275 miljun għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli).
Madankollu, l-elementi l-oħra kollha tan-nefqa addizzjonali elenkati hawn fuq relatati mal-perjodu 2018–2020 se jkunu f’riskju, peress li ma jkunux jistgħu jiġu preżunti li huma politikament miftiehma minn qabel.
Dan jikkonċerna l-aktar is-EUR 700 miljun li jifdal għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ - li jkun sinjal negattiv mill-Ewropa lejn iż-żgħażagħ tagħha fil-bżonn ta’ appoġġ - u fondi oħra li jappoġġaw l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-investiment u t-tkabbir. L-Orizzont 2020, li jappoġġa r-riċerka kollaborattiva u l-SMEs innovattivi, u t-Trasport CEF, li tipprovdi netwerks trans-Ewropej, se jkunu affettwati. Il-WiFi4EU, proposta li għandha l-għan li twassal Wifi bla ħlas lill-komunitajiet madwar l-Unjoni se tiffaċċja nuqqas ta’ finanzjament kif ukoll proposti ġodda bħalma huma l-Korpi ta’ Solidarjetà u l-Pjan ta’ Azzjoni għad-Difiża. Barra minn hekk il-fondi meħtieġa għar-rispons tagħna dwar il-migrazzjoni u l-kontroll tal-fruntieri esterni, sa tali punt li ċerti proposti tal-Kummissjoni għadhom ma ġewx adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, jistgħu jitpoġġew f’dubju, b’mod partikolari r-Regolament ta’ Dublin jew il-kapaċità ta’ Assistenza Makrofinanzjarja.
Barra minn hekk, mhux se tkun disponibbli flessibbiltà addizzjonali, li se tillimita serjament il-kapaċità tal-baġit tal-UE biex jipprovdi rispons finanzjarju sinifikanti għal avvenimenti mhux previsti, b’mod partikolari fil-qasam tal-migrazzjoni, pereżempju f’każ li l-Kunsill Ewropew ikollu jiddeċiedi dwar il-prolongament tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-Abbozz ta’ Baġit għall-2018, f’każ li ma tiġix approvata ir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu, l-unika flessibbiltà disponibbli għall-finanzjament ta’ nefqa addizzjonali għal dak li għandu x’jaqsam mal-migrazzjoni, is-sigurtà jew il-prolongament potenzjali tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija, ikun meħtieġ tnaqqis tal-marġni disponibbli f’oqsma oħra ta’ politika, bħall-agrikoltura.
Eżempju ieħor ta’ kosegwenzi diretti jekk ma ssirx ir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu huwa l-appoġġ ta’ solidarjetà għal diżastri naturali mitluba mill-Italja biex tlaħħaq mal-qerda wara t-terremoti tal-2016. Mingħajr il-flessibbiltà pprovduta mir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu, l-UE se ssib ruħha b’mezzi finanzjarji limitati ħafna biex taġixxi f’dan il-każ jew f’każ ta’ kwalunkwe diżastru naturali maġġuri, kriżi internazzjonali oħra, jew kwalunkwe avveniment mhux mistenni.
Dawn il-konsegwenzi kollha se jkunu meqjusa bħala nuqqas ta’ unità Ewropea u tal-kapaċità li tirreaġixxi għal kwalunkwe kriżi għall-għarrieda.
5.Inħejju għall-ġejjieni
Kif spjegat fil-White Paper dwar il-futur tal-UE, l-Ewropa għamlet ħafna matul dawn l-aħħar 60 sena għaċ-ċittadini tagħha. Filwaqt li bħalissa hemm appoġġ qawwi għall-proġett Ewropew u aspettattivi kbar li l-Unjoni tista’ tagħmel aktar għall-ġid komuni, hemm ukoll distakk dejjem jikber bejn l-aspettativi u l-kapaċità tal-UE li tieħu azzjoni, b’mod partikolari peress li l-mezzi finanzjarji tagħha huma limitati.
Adozzjoni rapida tar-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu hi pass importanti fid-direzzjoni t-tajba. Dan se jippermetti titjib fis-sigurtà, il-ġestjoni tal-flussi migratorji, l-għeluq tad-diskrepanza fl-investiment minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika kif ukoll il-promozzjoni tal-impjiegi, b’mod partikolari l-impjiegi għaż-żgħażagħ.
B’kuntrast ma’ dan, in-nuqqas tal-adozzjoni tar-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu iwassal għal ħtieġa ta’ aġġustament immedjat tal-baġit għall-2018 u dan inaqqas il-kapaċità tal-baġit tal-UE biex jirreaġixxi għal xi emerġenzi ġodda.