Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0286

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Avjazzjoni: Ewropa miftuħa u konnessa

COM/2017/0286 final

Brussell, 8.6.2017

COM(2017) 286 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Avjazzjoni: Ewropa miftuħa u konnessa

{SWD(2017) 207 final}


1.Introduzzjoni

1.1. Settur tal-avjazzjoni b’saħħtu għal Unjoni aktar b’saħħitha

L-avjazzjoni hija kruċjali għall-Unjoni Ewropea. Tixpruna t-tkabbir ekonomiku, toħloq il-postijiet tax-xogħol, tiffaċilita l-kummerċ u tippermetti li jivvjaġġaw in-nies. Illum l-avjazzjoni Ewropea tirrappreżenta 26% tas-suq dinji, tikkontribwixxi EUR 510 biljun fis-sena għall-Prodott Domestiku Gross tal-Ewropa, u ssostni 9.3 miljun impjieg fl-Ewropa.

Swieq tal-avjazzjoni miftuħa u konnessi joffru titjiriet ta’ valur aħjar lejn għażla akbar ta’ destinazzjonijiet madwar id-dinja. Il-konnettività tal-ajru hija rilevanti għal min jivvjaġġa u għan-negozju u għall-ekonomija inġenerali billi aktar ma belt, reġjun jew pajjiż ikunu konnessi bl-ajru ma’ destinazzjonijiet oħra fl-Ewropa u f’partijiet oħra tad-dinja, aktar jista’ jiġi ġġenerat it-tkabbir ekonomiku. L-ivvjaġġar bl-ajru żdied sostanzjalment mill-ħolqien tas-Suq Uniku tal-Avjazzjoni tal-UE, 25 sena ilu. L-għadd ta’ titjiriet ta’ kuljum żdied minn anqas minn 10,000 fl-1992 għal madwar 23,000 fl-2016. Barra minn hekk il-passiġġieri issa għandhom aċċess għal iktar destinazzjonijiet. Illum hemm madwar 7,400 rotta meta mqabbel ma’ inqas minn 2,700 fl-1992. Fl-2015, in-numru ta' passiġġiera li użaw l-ajruporti tal-UE kien aktar minn 1.45 biljun .

L-avjazzjoni Ewropea trid tibqa’ kompetittiva globalment u taħtaf l-opportunitajiet offruti minn ekonomija globali li qed tinbidel b’rata mgħaġġla, b'mod sostenibbli. Għal din ir-raġuni f’Diċembru 2015 il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat “Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa” 1 fejn waqqfet viżjoni ambizzjuża għall-ġejjieni tal-avjazzjoni Ewropea. Din għandha l-għan li tagħti spinta lill-ekonomija tal-Ewropa, bit-tisħiħ tal-bażi industrijali tagħha u bl-issodar tal-pożizzjoni ewlenija globali tagħha fl-avjazzjoni, filwaqt li tindirizza l-isfidi tal-klima u tal-ambjent, u b’hekk tikkontribwixxi b’mod dirett għall- prijoritajiet strateġiċi tal-Kummissjoni.

1.2. L-istrateġja tal-Avjazzjoni għall-Ewropa qed tagħti l-frott

L-Istrateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa stabbiliet sensiela ta’ azzjonijiet ta’ politika li għandhom jittieħdu fis-snin li ġejjin. Din il-Komunikazzjoni u l-proposta u l-Linji Gwida msemmija fiha, ippreżentati fl-istess ħin, jikkontribwixxu għal din l-Istrateġija u b’mod aktar preċiż għal azzjoni intiża biex jinkiseb dan li ġej:

·Tinżamm il-pożizzjoni ewlenija fl-avjazzjoni internazzjonali, bis-salvagwardja tal-kompetizzjoni u billi jiġi ffaċilitat l-investiment barrani fil-kumpaniji tal-ajru tal-UE.

·Jiġu indirizzati l-limiti għat-tkabbir fl-ajru Ewropew, bit-titjib tal-konnettività u tal-effiċjenza tal-ispazju tal-ajru.

2.Pożizzjoni ewlenija fl-avjazzjoni internazzjonali

2.1. Nissalvagwardjaw il-kompetizzjoni fis-settur tal-avjazzjoni

L-UE qed ittejjeb l-aċċess għas-suq u l-opportunitajiet ta’ investiment għall-avjazzjoni Ewropea fi swieq barranin importanti billi tgħin biex iżżid il-preżenza internazzjonali tagħha u tiżgura kundizzjonijiet tas-suq miftuħ għall-kumpaniji tal-ajru kollha tal-UE. Ftehimiet konklużi ma’ pajjiżi terzi dwar l-avjazzjoni tal-UE jappoġġjaw suq miftuħ u konness. Iġib aktar titjiriet u destinazzjonijiet bi prezzijiet orħos. Xi ftehimiet diġà jeżistu, oħrajn qed jiġu nnegozjati attwalment jew għad iridu jiġu ffirmati (l-Ukrajna), u aktar mistennija li jiġu nnegozjati fis-snin li ġejjin abbażi tar-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni lill-Kunsill biex jawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati ulterjuri.

Illum il-ġurnata m'hemmx standards internazzjonali fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ jew l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jkopru l-aċċess għas-swieq. Għal din ir-raġuni l-UE tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ftuħ tas-suq ma’ pajjiżi terzi permezz tal-ftehimiet dwar l-avjazzjoni tagħha sabiex toħloq prevedibbiltà u ċertezza legali għall-investituri.

Iżda fin-nuqqas ta’ ftehim dwar l-avjazzjoni tal-UE ma’ pajjiż terz ikkonċernat, jew meta l-ftehimiet eżistenti (tal-UE jew nazzjonali) ma jkunx fihomx biżżejjed regoli li jindirizzaw prattiki li jaffettwaw b’mod negattiv il-kompetizzjoni, il-konnettività Ewropea tista’ tiġi pperikolata jekk il-kumpaniji tal-ajru tal-UE jiġu soġġetti għal prattiki bħal dawn minn pajjiżi terzi jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi. Fuq il-medda t-twila, jekk dawn il-prattiki jitħallew ikomplu, jista’ jkollhom impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq u għaldaqstant iwasslu għal anqas għażla, anqas konnettività u prezzijiet ogħla għaċ-ċittadini u n-negozju tal-UE.

Il-kumpanija tal-ajru tal-UE huma naturalment responsabbli għall-kompetittività tagħhom stess u għandhom ikomplu jadattaw il-prodotti u l-mudelli kummerċjali tagħhom għall-kundizzjonijiet tas-suq. Iżda, meta l-konnettività u l-kompetittività tal-Unjoni fit-trasport internazzjonali bl-ajru jitqiegħdu f’riskju permezz ta’ prattiki diskriminatorji, l-UE għandha tkun tista’ tieħu azzjoni xierqa.

Hemm bżonn ta' azzjonijiet differenti biex jitnaqqas ir-riskju ta’prattiki li jaffettwaw il-kompetizzjoni. L-ewwel nett, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom fil-kuntest internazzjonali tal- Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ biex jappoġġaw b’mod attiv l-iżvilupp ta’ regoli multilaterali li jiggarantixxu l-istess kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq u kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni globali għall-kumpaniji kollha tal-ajru. It-tieni, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu jimpenjaw ruħhom ma’ pajjiżi terzi u jindirizzaw din il-kwistjoni fil-kuntest ta’ ftehimiet dwar l-avjazzjoni 2 . Dawn jibqgħu l-linja ta’ azzjoni preferita tal-UE.

Hemm bżonn ukoll regoli fil-livell tal-UE biex jippermettu li jitressqu ilmenti lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ mbagħad tmexxi investigazzjoni biex tiddetermina jekk il-kumpaniji tal-ajru tal-UE ġewx milquta ħażin minn prattiki rilevanti minn pajjiżi terzi, u dan jista’ jwassal għal teħid ta’ miżuri ta’ kumpens. Ir-Regolament attwali dwar dawn il-kwistjonijiet 3 wera li mhux adattat sew fl-approċċ tiegħu u jenħtieġ li jiġi sostitwit bi strument iktar effettiv.

Il-Kummissjoni:

·Tipproponi Regolament ġdid biex tiġi salvagwardata l-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport bl-ajru li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 868/2004.

·Tħeġġeġ lill-Kunsill biex jippermetti l-ftuħ ta’ negozjati għal aktar Ftehimiet dwar l-Avjazzjoni Komprensivi tal-UE (il-Baħrejn, iċ-Ċina, il-Kuwajt, il-Messiku, l-Oman u l-Arabja Sawdija), u biex jiddeċiedi malajr dwar l-iffirmar ta’ Ftehim dwar l-Avjazzjoni Komprensiv tal-UE mal-Ukrajna.

2.2. Niffaċilitaw l-investiment barrani fil-kumpaniji tal-ajru tal-UE

Sabiex jikbru, il-kumpaniji tal-ajru Ewropej jeħtieġu aċċess għall-investiment, inkluż l-investiment barrani.

Il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-avjazzjoni tal-UE neħħiet l-ostakli kollha tal-investiment bejn il-kumpaniji tal-ajru Ewropej. Dan kien ta’ benefiċċju kemm għal-linji tal-ajru kif ukoll għall-passiġġieri, bit-titjib tal-vijabbiltà tal-kumpaniji tal-ajru u l-provvista ta’ aktar titjiriet.

Il-kumpaniji barranin mhux biss jistgħu joperaw fl-UE, iżda anki jinvestu fil-kumpaniji tal-ajru tal-UE. Iżda, bir-regoli attwali 4 , l-investiment fil-kumpaniji tal-ajru tal-UE minn pajjiżi terzi jew minn ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi ma jistax jaqbeż 49% tas-sjieda, u l-kontroll effettiv tal-kumpanija jrid jibqa’ f’idejn l-Istati Membri jew iċ-ċittadini nazzjonali tagħhom. Fin-nuqqas ta’ dan, il-kumpaniji tal-ajru ma jistgħux jitħallew jew jibqgħu joperaw bħala kumpaniji tal-ajru tal-UE. Kien hemm bosta investimenti barranin kbar f’dawn l-aħħar snin li minnhom skattaw reviżjonijiet mill-Istati Membri tal-UE u mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat li dawn ir-rekwiżiti jibqgħu ssodisfati.

Għalhekk sabiex l-investituri kif ukoll il-kumpaniji tal-ajru barranin ikollhom aktar ċertezza legali u ċarezza dwar liema skemi ta’ investiment jippermettu l-issoktar tal-operazzjonijiet bħala linja tal-ajru tal-UE, il-Kummissjoni qed tippreżenta linji gwida interpretattivi dwar ir-regoli attwali ta’ sjieda u kontroll li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008. Dawn il-linji gwida jispjegaw il-metodoloġija segwita mill-Kummissjoni meta tevalwa r-rekwiżiti ta’ kontroll u ta’ sjieda, li huma rilevanti b’mod partikolari għal każijiet ta’ investiment barrani.

Bħala l-pass li jmiss, ir-regoli ta’ sjieda u kontroll ser jiġu riveduti mill-Kummissjoni u jekk ikun hemm bżonn jiġu adattati biex jibqgħu rilevanti u effettivi f’suq tal-avjazzjoni li jinbidel b’pass mgħaġġel.

Il-Kummissjoni:

·Tippreżenta linji gwida interpretattivi dwar ir-regoli ta’ sjieda u kontroll għall-kumpaniji tal-ajru Ewropej li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

·Twettaq reviżjoni tar-regoli dwar is-sjieda u l-kontroll tal-kumpaniji tal-ajru tal-UE, bħala parti mill-evalwazzjoni tar-Regolament Nru (KE) 1008/2008 5 .

3. Nindirizzaw il-limiti għat-tkabbir ekonomiku fl-ajru Ewropew

3.1. Intejbu l-konnettività bl-ajru

L-ivvjaġġar bl-ajru jibqa’ sfida għal ċerti reġjuni fl-UE, li jista’ jikkonċerna wkoll ir-reġjuni l-aktar imbiegħda. L-UE għarfet il-ħtieġa li jiġu indirizzati każijiet fejn, fuq ċerti rotot u minħabba kundizzjonijiet speċifiċi, in-nuqqas ta’ domanda jew il-falliment tas-suq ma ppermettewx li jiġu pprovduti biżżejjed titjiriet li jaqdu l-ħtiġijiet tal-komunitajiet lokali. F’każijiet bħal dawn, l-Obbligi tas-Servizz Pubbliku jistgħu jiggarantixxu b’mod partikolari li reġjuni periferali jew ta’ żvilupp ikunu konnessi sew mal-bqija tal-Ewropa. Sabiex ma ssirx ħsara lill-kompetizzjoni, l-Obbligi tas-Servizz Pubbliku fl-UE huma permessi biss taħt kundizzjonijiet speċifiċi ħafna stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008. Madankollu l-esperjenza turi li r-regoli eżistenti mhux dejjem ikunu implimentati b’mod konsistenti, u dan jista’ jipperikola l-objettiv tas-salvagwardja kemm tal-konnettività kif ukoll tal-kompetizzjoni fuq dawk ir-rotot.

Għalhekk il-Kummissjoni qed tippreżenta linji gwida interpretattivi biex iġġib ċarezza dwar il-kwistjonijiet li tqajmu mill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali fil-konċezzjoni, id-disinn u l-implimentazzjoni tar-reġimi ta’ Obbligu ta’ Servizz Pubbliku tagħhom. Dawn il-linji gwida se jiddefinixxu l-metodoloġija segwita mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta’ Obbligu ta’ Servizz Pubbliku. Din għandha tgħin lill-Istati Membri biex japplikaw b’mod korrett u effettiv ir-regoli dwar l-Obbligu tas-Servizz Pubbliku fejn xieraq bħala waħda mill-għażliet biex jindirizzaw il-lakuni fil-konnettività. Bħala l-pass li jmiss, ir-regoli dwar l-Obbligu ta’ Servizz Pubbliku ser jiġu analizzati mill-ġdid u f’każli jkun hemm bżonn jiġu adattati sabiex ikun żgurat li jibqgħu effettivi u ċari.

Il-Kummissjoni:

·Tippreżenta linji gwida interpretattivi dwar ir-regoli dwar l-Obbligu ta’ Servizz Pubbliku li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

·Twettaq reviżjoni tar-regoli dwar is-sjieda u l-kontroll tal-kumpaniji tal-ajru tal-UE, bħala parti mill-evalwazzjoni tar-Regolament Nru (KE) 1008/2008.

Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni attwalment qed jiżviluppaw indiċi ta’ konnettività biex jiġu identifikati aħjar il-lakuni fil-konnettività u biex ikejlu l-livelli differenti ta’ servizzi bl-ajru bejn ir-reġjuni tal-UE. Dan l-indiċi se jiġi ppubblikat sa tmiem l-2017.

3.2. Intejbu l-effiċjenza tal-ispazju tal-ajru

L-isfida ewlenija għat-tkabbir tal-avjazzjoni Ewropea hija li jitnaqqsu l-limitazzjonijiet tal-effiċjenza li qed ixekklu serjament il-ħila tas-settur tal-avjazzjoni Ewropea milli tikber b’mod sostenibbli, tikkompeti internazzjonalment, u li qed jikkawżaw dewmien. Il-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew tiswa mill-inqas EUR 3 biljun fis-sena u sa 50 miljun tunnellata ta’ diossidu ta’ karbonju.

L-Ajru Uniku Ewropew huwa eżempju konkret fejn l-UE qed tagħmel differenza billi żżid il-kapaċità, ittejjeb is-sikurezza u tnaqqas l-ispejjeż filwaqt li timminimizza l-impronta ambjentali tal-avjazzjoni. Minkejja dan it-titjib, it-tfixkil tat-traffiku relatat ma’ kundizzjonijiet tat-temp ħżiena, ħsarat tekniċi, avvenimenti eċċezzjonali, sitwazzjonijiet ta’ kriżi kif ukoll l-azzjonijiet industrijali jkomplu jxekklu b’mod qawwi l-ivvjaġġar bl-ajru fl-Ewropa 6 . Barra minn hekk għadd ta’ riformi importanti li ressqet il-Kummissjoni biex ittejjeb l-effiċjenza tal-ispazju tal-ajru, b’rotot iqsar u kosti operazzjonali u ambjentali aktar baxxi għadhom imblukkati fil-Kunsill mill-2014 (SES 2 +). Dawn ir-riformi jistgħu jiġġeneraw EUR 36 biljun fi tfaddil fl-20 sena li ġejjin u joħolqu sa 11,000 impjieg.

Mill-kawżi kollha ta’ tfixkil tat-traffiku tal-ajru, l-azzjoni industrijali fil-forma ta’ strajks toħloq l-iktar sfidi kumplessi peress li l-istrajks tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru normalment jirriżultaw f’ħafna kanċellazzjonijiet u dewmien ta’ titjiriet li jħallu l-passiġġieri mwaħħlin fl-ajruporti. Dawn l-azzjonijiet jaffettwaw serjament il-funzjonament tas-suq intern 7 . Mill-2005 sal-2016, 243,660 titjira ġew kkanċellati minħabba strajks tal-gestjoni tat-traffiku tal-ajru, bi stima ta’ 27 miljun passiġġier affettwati. Matul l-istess perjodu, iġġarrbu spejjeż ta’ aktar minn EUR 1 biljun minħabba dewmien biss minn kumpanija tal-ajru b’riżultat ta’ azzjoni industrijali tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.

Id-dritt tal-istrajk huwa dritt fundamentali  8 . Illum huwa rregolat essenzjalment mil-liġi nazzjonali. Xi prattiki diġà applikati attwalment f’diversi Stati Membri jgħinu biex jitnaqqsu kanċellazzjonijiet u dewmien għall-vjaġġaturi Ewropej. Il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ miżuri operazzjonali li jistgħu jiġu implimentati mill-partijiet kkonċernati biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet. Dawn jinkludu t-titjib tad-djalogu soċjali fis-settur tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru - bl-elaborazzjoni tas-sett ta' għodod żviluppati mill-imsieħba soċjali, iżda wkoll notifika bikrija ta’ strajks min-naħa tal-junjins, notifika individwali tal-membri tal-persunal, protezzjoni ta’ titjiriet li jgħaddu minn fuq it-territorju u protezzjoni tal-perjodi ta’ traffiku intensiv.

Il-Kummissjoni:

·tħeġġeġ lill-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, inkluż is-sħab soċjali, biex japplikaw dawn il-prattiki bl-għan li tittejjeb il-kontinwità tas-servizz fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru:

oPromozzjoni ta’ djalogu soċjali san u effiċjenti fl-impriżi ta’ ġestjoni tat-traffiku  tal-ajru - It-tnaqqis tal-impatt tal-azzjoni industrijali fuq in-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru jibda billi titnaqqas il-probabbiltà ta’ strajks permezz ta’ djalogu soċjali aħjar;

oNotifika bikrija ta’ strajk mill-junjins - Għoti ta’ avviż suffiċjenti qabel strajk sabiex jippermetti lill-partijiet ikkonċernati tal-avjazzjoni biex iħejju pjanijiet ta’ mitigazzjoni qabel azzjoni industrijali (pereżempju mill-inqas 14-il jum qabel il-bidu tal-istrajk);

oIl-membri tal-persunal jipprovdu notifika individwali dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fl-azzjoni industrijali - Notifika individwali tal-membri tal-persunal fi żmien suffiċjenti biex il-Maniġment jorganizza t-traffiku tal-ajru u jiġestixxi l-persunal bil-quddiem (pereżempju 72 siegħa qabel ma jibda strajk); 

oPreżervazzjoni ta’ titjiriet li jgħaddu minn fuq territorju ta’ Stati Membri affettwati bi strajkijiet - L-iżgurar ta’ 100 % tal-kontinwità tas-servizz għal titjiriet li jaqsmu l-ispazju tal-ajru ta’ Stati Membri affettwati minn strajkijiet inaqqas b’mod konsiderevoli l-impatt fuq in-netwerk kollu Ewropew għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru;

oProtezzjoni tal-perjodi ta’ traffiku intensiv - Strajks li jseħħu matul perjodi ta’ traffiku intensiv tal-ġurnata u matul perjodi ta’ traffiku intensiv tas-sena għandhom jiġu evitati.

·Tħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati operazzjonali u lill-Maniġer tan-Netwerk biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom biex jindirizzaw it-tfixkil tat-traffiku f’każ ta’ strajk u jkomplu jiżviluppaw il-miżuri ta’ mitigazzjoni attwali. Il-fornituri tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru huma mħeġġa biex jidħlu fi ftehim ta’ kooperazzjoni, fuq bażi bilaterali jew multilaterali, biex itejbu l-kontinwità tas-servizz f’każ ta’ strajk. Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jimmonitorja l-progress f’dak il-qasam permezz ta’ reġistru tal-istrajks.

·Flimkien mal-partijiet ikkonċernati jkompli jesplora l-kunċett ta’ Spazju tal-ajru Ewropew operazzjonali iktar integrat bl-għan li tiġi żgurata l-aqwa kontinwità ta’ servizz. Jinvestiga wkoll miżuri fil-qafas tal-prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew biex jilqa’ aħjar l-impatt tal-istrajks fuq il-prestazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.

·Tħeġġeġ lill-koleġislaturi biex jadottaw malajr kemm jista’ jkun il-proposti dwar l-Ajru Uniku Ewropew (SES2 +) u se tkompli taħdem mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati biex ikun hemm implimentazzjoni sħiħa tal-Ajru Uniku Ewropew.

4. KONKLUŻJONI

Settur tal-avjazzjoni Ewropew b’saħħtu, kompetittiv u sostenibbli huwa essenzjali biex tiġi appoġġjata l-ekonomija tal-UE.

L-avjazzjoni tal-UE għandha tibqa’ fuq quddiem fil-livell internazzjonali. Dan għandu jiġi attivat billi jiġu sfruttati swieq internazzjonali ġodda u billi tiġi żgurata kompetizzjoni miftuħa bejn il-kumpanija tal-ajru kollha. L-investiment barrani fil-kumpanija tal-ajru tal-UE għandu wkoll ikun iffaċilitat.

L-UE għandha wkoll tgawdi minn firxa wiesgħa ta’ konnettività u timmassimizza l-effiċjenza tal-ispazju tal-ajru tagħha. Azzjoni fuq livell nazzjonali u fuq dak tal-UE tippermetti lis-settur tal-avjazzjoni biex jopera b’mod effiċjenti, f’każijiet ta’ falliment tas-suq jew ta’ tfixkil tat-traffiku tal-ajru.

L-azzjonijiet ta’ hawn fuq huma meħtieġa sabiex ikun hemm suq tal-avjazzjoni miftuħ u konness li jkun ta’ benefiċċju dirett għaċ-ċittadini, għall-ħaddiema u għan-negozju tal-UE

(1)

     Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa” COM/2015/0598 final.

(2)

      http://ec.europa.eu/transport/modes/air/aviation-strategy/external_policy .

(3)

     Ir-Regolament (KE) Nru 868/2004 li jikkonċerna l-protezzjoni kontra l-issussidjar u l-atti mhux ġusti tal-prezzijiet li jikkawżaw preġudizzju lit-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità fil-provvista tas-servizzi bl-ajru minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea.

(4)

     Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

(5)

     Il-proposti se jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni.

(6)

     Fl-2016, id-dewmien tul ir-rota dovut għall-Ġestjoni tal-Fluss tat-Traffiku tal-Ajru (ATFM) kien dovut għall-kawżi li ġejjin fil-proporzjonijiet li ġejjin: kapaċità/persunal tal-Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru (ATC) (57%), kundizzjonijiet tat-temp (19%), strajks ATM (14%) u eventi oħra (9%).

(7)

     Tabilħaqq, mit-tnedija tal-Ajru Uniku Ewropew fl-2004, in-netwerk tal-avjazzjoni tal-UE kien soġġett għal 375 jum ta’ strajks, l-ekwivalenti ta’ aktar minn sena ta’ strajk matul perjodu ta’ tlettax-il sena.

(8)

     Imnaqqax fl-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jistipula: "Il-ħaddiema u dawk li jħaddmu, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom, skont il-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, id-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi fil-livelli xierqa u, fil-każ ta' konflitti ta' interess, li jieħdu azzjoni kollettiva, inkluż l-istrajk, sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom". Ara wkoll l-Artikolu 6 tal-Karta Soċjali Ewropea (riveduta) li tirrikonoxxi d-dritt tal-ħaddiema u ta' min iħaddem għal azzjoni kollettiva f'każijiet ta' kunflitt ta' interess, inkluż id-dritt għall-istrajk.

Top