IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.3.2017
COM(2017) 122 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2012/18/UE dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2012/18/UE dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE
1. INTRODUZZJONI
Id-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (id-Direttiva Seveso III) għandha l-għan li tnaqqas il-probabbiltà u l-konsegwenzi ta’ inċidenti industrijali fid-dawl ta’ żieda fil-protezzjoni taċ-ċittadini, tal-komunitajiet u tal-ambjent.
L-Artikolu 25 tad-Direttiva jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati bl-għan li tadatta l-Annessi II sa VI għall-progress tekniku. Dawn l-Annessi jelenkaw l-informazzjoni li trid titqies fir-rapport dwar is-sikurezza, fil-politika ta’ prevenzjoni ta’ inċidenti kbar u fil-pjanijiet ta’ emerġenza għall-istabbilimenti ta’ Seveso, l-informazzjoni li għandha ssir disponibbli għall-pubbliku kif ukoll il-kriterji li jwasslu għall-obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar inċident kbir.
2. BAŻI ĠURIDIKA
Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2012/18/UE. Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin mit-13 ta’ Awwissu 2012 u l-Kummissjoni meħtieġa tfassal rapport dwar is-setgħat delegati mill-inqas disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod awtomatiku għal perjodi ta’ żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 26.
3. EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA
L-eżerċizzju tas-setgħa tqies meħtieġ għall-adattament ta’ diversi dispożizzjonijiet previsti fid-Direttiva għall-progress tekniku.
Sal-lum, filwaqt li jitqies il-fatt li d-Direttiva Seveso III saret biss applikabbli bis-sħiħ minn Ġunju 2015 (l-Artikolu 31(1), il-Kummissjoni qieset li ma kienx meħtieġ jew xieraq li tadatta l-Annessi II sa VI għall-progress tekniku.
4. KONKLUŻJONI
Matul l-aħħar ħames snin, il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħat delegati kkonferiti lilha skont id-Direttiva 2012/18/UE. Hija tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.