Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017BP1739

    Riżoluzzjoni (UE) 2017/1739 tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għas-sena finanzjarja 2015

    ĠU L 252, 29.9.2017, p. 352–354 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2017/1739/oj

    29.9.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 252/352


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2017/1739 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tas-27 ta' April 2017

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għas-sena finanzjarja 2015

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għas-sena finanzjarja 2015,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0109/2017),

    A.

    billi l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (“FCH”) ġiet stabbilita f'Mejju 2008 bħala sħubija pubblika-privata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 għal perjodu li jwassal sal-31 ta' Diċembru 2017 biex tiffoka fuq l-iżvilupp ta' applikazzjonjiet tas-suq, u b'hekk tiffaċilita sforzi industrijali addizzjonali lejn mobilizzazzjoni rapida tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu; billi r-Regolament (KE) Nru 521/2008 ġie emendat mir-Regolament (UE) Nru 559/2014;

    B.

    billi f'Mejju 2014 ir-Regolament (KE) Nru 559/2014 stabbilixxa l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 (“FCH2”) biex tieħu post l-FCH għall-perjodu li jwassal sal-31 ta' Diċembru 2024;

    C.

    billi l-Membri tal-FCH kienu l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, il-Grupp Industrijali Ewropew għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (“il-Grupp tal-Industrija”) u l-Grupp Ewropew il-Ġdid tar-Riċerka taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu AISBL — N.ERGHY (“il-Grupp ta' Riċerka”);

    D.

    billi l-membri tal-FCH2 huma l-Unjoni, rappreżentata mill-Kummissjoni, il-Grupp tal-Industrija Hydrogen Europe (“il-Grupp tal-Industrija 2”) u l-Grupp ta' Riċerka “N.ERGHY” (“il-Grupp ta' Riċerka 2”);

    E.

    billi l-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-perjodu kollu hija ta' EUR 470 000 000 għall-FCH u ta' EUR 665 000 000 għall-FCH2, li għandha titħallas mill-baġit tas-Seba' Programm Kwadru u Orizzont 2020, kif applikabbli, u li minnha l-proporzjon allokat għal spejjeż operattivi m'għandux jaqbeż l-EUR 20 000 000 u d-EUR 19 000 000 rispettivament;

    F.

    billi fl-FCH2, il-Grupp tal-Industrija2 u l-Grupp ta' Riċerka 2flimkien għandhom jikkontribwixxu 50 % tal-ispejjeż operattivi, il-Grupp tal-Industrija2 43 % u l-Grupp ta' Riċerka2 7 %, u t-tnejn għandhom jikkontribwixxu għal spejjeż operattivi permezz ta' kontribuzzjonijiet in natura u għall-objettivi tal-FCH2 permezz ta' kontribuzzjonijiet in natura f'attivitajiet addizzjonali (“IKAA”), b'ammont minimu ta' EUR 380 000 000 li minnhom tal-anqas EUR 285 000 000 f'IKAA;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    1.

    Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”) dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta (“ir-rapport tal-Qorti”) iqis li l-kontijiet annwali tal-FCH tal-2015 jirrappreżentaw b'mod korrett, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2015 kif ukoll ir-riżultati tal-operazzjonijiet u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li kienet intemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha;

    2.

    Jinnota l-fatt li l-baġit finali tal-FCH2 għas-sena finanzjarja 2015 kien fih EUR 132 583 855 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 95 089 121 f'approprjazzjonijiet ta' pagament; jinnota li l-approprjazzjonijiet ta' impenn żdiedu bi 17 % meta mqabbla mal-2014, prinċipalment minħabba l-ammont ogħla ta' sejħiet għall-proposti fl-2015, u li l-approprjazzjonijiet ta' pagament irreġistraw tnaqqis ta' 2 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

    3.

    Jinnota, mir-rapport annwali tal-attività tagħha, li l-FCH2 kompliet b'awditi ex post bit-tnedija ta' 29 awditu ġodda; jilqa' l-fatt li r-rata ta' żball residwu kienet ta' 0,98 %;

    4.

    Jinnota li l-FCH2 stabbiliet proċeduri ex ante bbażati fuq rieżamijiet ta' data finanzjarja u operattiva, u twettaq awditi ex post tal-benefiċjarji tal-għotjiet; jinnota li dawn il-verifiki huma għodda ewlenija għall-valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet;

    5.

    Jindika li l-eżekuzzjoni baġitarja sal-aħħar tas-sena għas-sorsi kollha ta' finanzjament laħqet is-87,3 % f'dak li jirrigwarda l-approprjazzjonijiet ta' impenn, rata li tirrappreżenta tnaqqis żgħir meta mqabbla mas-sena preċedenti minħabba l-eżitu tal-evalwazzjoni għas-sejħa tal-2015; jinnota l-għadd ta' proposti għall-proġetti li ġew irrifjutati minħabba li ma laħqux il-kwalità meħtieġa, bir-riżultat li kien hemm EUR 13 700 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn li ma ntużawx; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti kienet ta' 83 %, li tirrappreżenta l-aħjar rata ta' eżekuzzjoni ta' pagamenti għall-FCH2 sa issa;

    6.

    Jinnota li mit-total tal-impenji operattivi ta' EUR 193 500 000 li saru fl-2015, 42,6 % kienu impenji individwali bbażati fuq proċeduri ta' għoti kkompletati għal għotjiet u kuntratti; jinnota li 57,3 % kienu impenji globali li għalihom il-proċedura ta' għoti ma kinitx kompluta minħabba ż-żmien meħtieġ għall-proċeduri ta' evalwazzjoni u ta' negozjar fir-rigward tas-sejħiet għal proposti tal-2015 għal proġetti fl-ambitu tal-Orizzont 2020;

    7.

    Jilqa' l-fatt li total ta' 59 organizzazzjoni tas-settur tar-riċerka u l-industrija rrappurtaw l-investimenti tagħhom li jammontaw għal ammont totali kumulattiv ta' EUR 188 570 000, li jirrappreżenta iktar minn 60 % tal-mira stabbilita għall-perjodu ta' żmien kollu għall-FCH2;

    8.

    Jirrikonoxxi l-fatt li s-settur wera intenzjoni ċara li jinvesti, jiżviluppa u jikkummerċjalizza t-teknoloġiji innovattivi tiegħu, kemm min-naħa tal-industrija kif ukoll min-naħa tar-riċerka; jinnota s-sottomissjonijiet tal-IKAA li ġejjin minn 16-il Stat Membru differenti, maqsumin bi 33 % u 67 % bejn sottomissjonijiet tar-riċerka u l-industrija mil-lat tal-għadd ta' entitajiet; jilqa' l-fatt li s-settur taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu huwa determinat li jkompli f'din it-triq billi jagħmel l-almu tiegħu biex jipproduċi ċifri b'saħħithom għall-perjodu ta' rappurtar li jmiss;

    9.

    Jinnota li fiż-żmien meta tħejjew il-kontijiet finali, l-FCH2 ma rċevietx ir-rapporti meħtieġa mill-membri tagħha li jimplimentaw il-proġetti ta' Orizzont 2020 peress li dawn kienu għadhom ma tlestewx, u għalhekk josserva li l-ammont ta' kontribuzzjonijiet in natura fl-2015 għal Orizzont 2020 imdaħħal fil-kontijiet kien ibbażat fuq stima mill-FCH2 tal-ispejjeż imġarrba mill-membri sa tmiem l-2015; jindika f'dan ir-rigward li l-kontribuzzjonijiet in natura se jiġu kkomunikati fil-qafas tal-ewwel rappurtar tal-proġetti li huwa mistenni f'Settembru 2016; ifakkar li r-rapport tal-Qorti rrakkomanda li l-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta linji gwida ċari għar-rappurtar baġitarju u l-ġestjoni finanzjarja tal-FCH2 u jinnota li dawn il-linji gwida nħarġu fl-20 ta' Diċembru 2016 f'konformità ma' din ir-rakkomandazzjoni;

    Trasferiment

    10.

    Jinnota li saru żewġ trasferimenti baġitarji bejn linji baġitarji differenti tal-istess Kapitolu sabiex ir-riżorsi meħtieġa jiġu allokati aħjar għall-ispejjeż amministrattivi; jindika li dawn it-trasferimenti ma kellhom ebda impatt fuq il-baġit ivvotat;

    Sejħiet għal proposti

    11.

    Jirrikonoxxi l-fatt li l-FCH2 wettqet b'suċċess it-tranżizzjoni għal Orizzont 2020, billi ffinalizzat il-firma tal-ewwel ftehimiet ta' għoti li rriżultaw mis-sejħa tal-2014; jinnota li sa tmiem l-2015 l-FCH2 kellha għaddejjin 15-il proġett ta' Orizzont 2020 mill-2014 u 15 li qed jitħejjew mis-sejħa tal-2015;

    12.

    Jinnota li l-ewwel ftehimiet ta' għoti taħt il-programm Orizzont 2020 (is-sejħa tal-2014) ġew iffirmati b'medja ta' 8 xhur qabel l-għotja (ħlief fi tliet każijiet debitament ġustifikati), u li dan jirrifletti l-isforzi li saru biex ikun hemm fażi rapida ta' preparazzjoni tal-għoti f'kuntest ta' regoli ġodda u għodod ġodda; jenfasizza li dawn il-15-il proġett jirrappreżentaw kontribuzzjoni ta' EUR 82 100 000 li minnhom 55 % huma għal azzjonijiet ta' innovazzjoni u 41 % għal azzjonijiet ta' riċerka, filwaqt li l-4 % li fadal huma għal attivitajiet trasversali; jinnota li intrapriżi żgħar u ta' daqs medju rrappreżentaw 25 % tal-għadd ta' parteċipanti fi proġetti ta' suċċess u 24 % tal-kontribuzzjoni tal-FCH fis-sejħa tal-2014;

    13.

    Jinnota li t-tieni sejħa għal proposti tal-FCH2 taħt l-Orizzont 2020 kienet ippubblikata fil-5 ta' Mejju 2015 bi skadenza għat-tressiq tal-proposti sas-27 ta' Awwissu 2015 u baġit stmat ta' EUR 123 000 000, u li waslu 61 proposta eliġibbli, li rriżultaw fl-għażla ta' 15-il proġett b'finanzjament totali ta' EUR 109 916 764;

    Qafas ġuridiku

    14.

    Josserva li r-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni ġew emendati bir-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929; jinnota li l-FCH2 trid tirrevedi r-regoli finanzjarji tagħha sabiex jiġu allinjati mal-mudell rivedut; jinnota li r-regolament finanzjarju rivedut tal-FCH2 ġie adottat mill-bord tat-tmexxija tagħha f'Mejju 2016, wara li l-abbozz ġie ppreżentat lill-Kummissjoni għal approvazzjoni;

    15.

    Jinnota li f'Novembru 2015 is-sistema ta' awditjar intern (IAS) tal-Kummissjoni lestiet awditu fuq il-proċess ta' evalwazzjoni u ta' għażla għall-proposti ta' għoti fl-ambitu tal-Orizzont 2020 fl-FCH2; jissottolinja li l-IAS għamlet rakkomandazzjonijiet rigward it-titjib taċ-ċarezza u t-trasparenza fl-għażla, min-naħa tal-FCH2, tat-temi għall-proposti; jistieden lill-FCH2 tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar it-titjib li kienet qed tagħmel sabiex il-proċedura tal-għażla tkun aktar trasparenti;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

    16.

    Jilqa' l-fatt li abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-awtorità ta' kwittanza u ta' rakkomandazzjoni minn awditu mwettaq b'mod konġunt mill-IAS tal-Kummissjoni u l-awditur intern tal-FCH2, l-FCH2 ħejjiet regoli interni li jispeċifikaw b'mod aktar komprensiv l-obbligi f'termini ta' kunflitti ta' interess; jirrikonoxxi b'sodisfazzjon il-fatt li fil-qafas tas-sessjoni ta' sensibilizzazzjoni tagħha dwar il-kontroll intern li saret fit-30 ta' Novembru 2015, il-membri tal-persunal tal-FCH2 irċevew taħriġ dwar id-definizzjoni u l-prevenzjoni possibbli tal-kunflitti ta' interess, u dwar ir-rekwiżiti ta' rappurtar f'termini ta' aċċettazzjoni ta' rigali, favuri jew pagamenti;

    17.

    Jinnota b'sodisfazzjon li, fl-2015, l-FCH2 ħadet sehem u implimentat miżuri preventivi u korrettivi bi qbil mal-“istrateġija kontra l-frodi u pjan ta' azzjoni korrispondenti” adottata dan l-aħħar fil-livell tal-Kummissjoni;

    Oħrajn

    18.

    Jenfasizza l-ħtieġa li riċerka bażika li tikkontribwixxi għall-miri tal-FCH2 ma tiġix eskluża minn sejħiet oħra tal-Orizzont 2020, sakemm ma jkunx hemm biċ-ċar dupplikazzjoni ma' sejħiet tal-FCH2;

    19.

    Jinnota li ġew stabbiliti proċeduri ta' kontroll intern fi ħdan l-Impriża Konġunta sabiex jipprovdu assigurazzjoni raġonevoli rigward l-identifikazzjoni u l-prevenzjoni tal-frodi u l-irregolaritajiet;

    20.

    Jinnota li r-regoli ġenerali għall-impjegati, imħejjija fuq il-bażi tal-mudell tal-Kummissjoni, kellhom jiġu ppreżentati lill-Bord għall-approvazzjoni sa tmiem l-2016;

    21.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-involviment dirett tal-FCH2 fil-proċess ta' rieżami ta' nofs it-terminu tal-Orizzont 2020 fil-qasam ta' aktar simplifikazzjoni u armonizzazzjoni tal-proċeduri b'rabta mal-impriżi konġunti.


    Top