Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017BP1736

    Riżoluzzjoni (UE) 2017/1736 tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2015

    ĠU L 252, 29.9.2017, p. 347–349 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2017/1736/oj

    29.9.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 252/347


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2017/1736 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tas-27 ta' April 2017

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2015

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2015,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0113/2017),

    A.

    billi fis-7 ta' Ġunju 2014 l-Impriża Konġunta ECSEL dwar Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea (l-“Impriża Konġunta”) ġiet stabbilita fis-sens tal-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-għan li timplimenta l-Inizjattiva Konġunta Teknoloġika dwar “Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea” (“ECSEL”) għall-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2024;

    B.

    billi s-sħubija pubblika-privata dwar komponenti u sistemi elettroniċi għandha tikkombina l-mezzi finanzjarji u tekniċi li huma essenzjali għall-ħakma tal-kumplessità tal-pass dejjem aktar mgħaġġel tal-innovazzjoni f'dan il-qasam;

    C.

    billi l-Impriża Konġunta ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 f'Ġunju 2014 biex tissostitwixxi u tieħu post l-impriżi konġunti ENIAC u ARTEMIS;

    D.

    billi l-membri tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mal-Orizzont 2020 (“Stati Parteċipanti”) fuq bażi volontarja, u assoċjazzjonijiet ta' membri privati (“Membri Privati”) li jirrappreżentaw il-kumpaniji kostitwenti tagħhom u organizzazzjonijiet oħra li huma attivi fil-qasam tal-komponenti u s-sistemi elettroniċi fl-Unjoni; billi l-Impriża Konġunta għandha tkun miftuħa għal membri ġodda;

    E.

    billi fil-valutazzjoni tal-impatt ġenerali tal-Impriża Konġunta, għandhom jiġu kkunsidrati investimenti mill-entitajiet legali kollha li ma jkunux l-Unjoni u l-Istati parteċipanti fl-Impriża Konġunta ECSEL li jikkontribwixxu għall-objettivi tagħha; billi dawk l-investimenti ġenerali mistennija li kumplessivament jammontaw għal mill-anqas EUR 2 340 000 000;

    F.

    billi l-kontribuzzjonijiet lill-Impriża Konġunta previsti għall-perjodu kollu tal-Orizzont 2020 jammontaw għal EUR 1 184 874 000 mill-Unjoni, EUR 1 170 000 000 mill-Istati Parteċipanti u EUR 1 657 500 000 mill-Membri Privati;

    G.

    billi t-tranżizzjoni mill-Impriżi Konġunti ENIAC u ARTEMIS għall-Impriża Konġunta għandha tkun allinjata u sinkronizzata mat-tranżizzjoni mis-Seba' Programm Kwadru (FP7) għall-Orizzont 2020 biex jiġi żgurat l-aħjar użu tal-finanzjament disponibbli għar-riċerka;

    Is-segwitu għall-kwittanza tal-2014

    1.

    Jinnota li l-Impriża Konġunta ppubblikat indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi fir-Rapport ta' Attività Annwali tagħha kif mitlub mill-Orizzont 2020;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    2.

    Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2015 (“ir-rapport tal-Qorti”), sabet li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2015 kif ukoll ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi ta' flusha għal tmiem is-sena, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni;

    3.

    Jinnota li l-baġit finali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2015 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn li jammontaw għal EUR 108 500 000 u approprjazzjonijiet ta' pagament li jammontaw għal EUR 168 000 000; jinnota, barra minn hekk, li l-isforzi għall-monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2015 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 100 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 90,95 %;

    4.

    Jiddispjaċih li l-Qorti, għal darb'oħra ħarġet biss opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali abbażi tal-ftehimiet amministrattivi ffirmati mal-Awtoritajiet ta' Finanzjament Nazzjonali (NFAs) fir-rigward ta' awditi ex-post tal-pagamenti għall-proġetti u l-fatt li l-istrateġiji tal-awditjar tal-Impriża Konġunta jagħmlu affidament qawwi fuq l-NFAs;

    5.

    Jesprimi tħassib li r-rapport tal-Qorti jiddikjara li kien impossibbli għall-Impriża Konġunta biex tikkalkula rata ta' żball ponderata jew rata tal-iżball residwu minħabba l-varjazzjoni sinifikanti fil-metodoloġiji u l-proċeduri użati mill-NFAs u b'hekk il-Qorti ma tistax tikkonkludi jekk l-awditi ex-post kinux qegħdin jiffunzjonaw b'mod effettiv u jekk dan il-kontroll ewlieni pprovdiex assigurazzjoni suffiċjenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi għall-proġetti tas-Seba' Programm Kwadru; jirrikonoxxi li din il-kwistjoni għandha rabta mat-tfassil tal-qafas legali tas-Seba' Programm Kwadru u għaldaqstant ma kenitx ikkawżata mill-prestazzjoni tal-Impriża Konġunta;

    6.

    Jinnota li l-Impriża Konġunta wettqet valutazzjoni estensiva tas-sistemi ta' assigurazzjoni nazzjonali u kkonkludiet li r-rapporti tal-awditjar jistgħu jipprovdu protezzjoni raġonevoli tal-interessi finanzjarji tal-membri tagħha; jinnota, barra minn hekk, li bħala reazzjoni għall-posponiment tad-deċiżjoni dwar il-kwittanza fl-2014, l-Impriża Konġunta talbet lill-NFAs biex jipprovdu dikjarazzjonijiet bil-miktub li l-implimentazzjoni tal-proċeduri nazzjonali tagħhom tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet; l-awtorità ta' kwittanza kkunsidrat id-dikjarazzjonijiet tal-NFAs matul il-proċess postpost ta' kwittanza u tat il-kwittanza lill-Impriża Konġunta f'Ottubru 2016; jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta, b'segwitu tal-eżempju tajjeb tagħha mis-sena preċedenti, f'Jannar 2017 talbet lill-NFAs jipprovdu dikjarazzjonijiet bil-miktub simili biex tissottomettihom lill-awtorità ta' kwittanza;

    7.

    Jenfasizza l-fatt li l-kwistjoni rigward il-varjazzjoni fil-metodoloġiji u l-proċeduri użati mill-NFAs ma għadhiex rilevanti għall-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Orizzont 2020;

    8.

    Jinnota li, sal-aħħar tal-2015, il-pagamenti tal-Impriża Konġunta, li kienu ffinanzjati mis-Seba' Programm Kwadru, kienu jammontaw għal EUR 293 000 000 (47 % tal-impenji operattivi);

    9.

    Jinnota li mill-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet li jridu jkopru l-spejjeż operattivi u amministrattivi ffinanzjati mill-Unjoni fil-qafas tal-Orizzont 2020, l-Impriża Konġunta wettqet impenji li jammontaw għal EUR 257 500 000 (22 % tal-pakkett totali) u pagamenti li jammontaw għal EUR 56 000 000 (22 % tal-impenji); jinnota li l-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti li saru mill-Unjoni għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta ammontaw għal EUR 1 400 000;

    10.

    Jiddispjaċih li mit-28 Stat Parteċipanti li kienu meħtieġa jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż operazzjonali tal-Impriża Konġunta b'mod proporzjonali mal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni kien hemm biss 11-il pagament iddikjarat li jammontaw għal EUR 15 800 000;

    11.

    Jinnota li l-Membri Privati kienu mistennija li jagħmlu kontribuzzjonijiet in natura li jammontaw tal-anqas għal EUR 1 657 500 000 u li l-ammont stmat tal-kontribuzzjonijiet in natura tal-Membri Privati għall-2015 kien ta' EUR 58 700 000; jaċċetta f'dan ir-rigward li, fl-2016, il-Kummissjoni ħarġet linji gwida li kienu jippermettu li l-kontribuzzjoni finanzjarja għall-proġetti tiġi deċiża fi tmiem il-proġett, meta l-Membri Privati jkunu jistgħu jikkalkulaw il-kontribuzzjonijiet in natura rispettivi tagħhom; jinnota, barra minn hekk, li, fl-aħħar tal-2015, il-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti li saru mill-Membri Privati għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta ammontaw għal EUR 3 600 000;

    Kontrolli ewlenin u sistemi superviżorji

    12.

    Jinnota li ġew stabbiliti mill-Impriża Konġunta proċeduri ta' kontroll ex-ante bbażati fuq rieżamijiet dokumentarji finanzjarji u operattivi; jinnota li dawn il-verifiki huma għodda ewlenija għal valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet u li l-Impriża Konġunta kienet qed tiżviluppa awditi ex-post tal-benefiċjarji tal-fondi tal-programm Orizzont 2020;

    Sejħiet għal proposti

    13.

    Jinnota li l-Impriża Konġunta nediet żewġ sejħiet għal proposti li bihom għamlet stedina għal azzjonijiet ta' riċerka u innovazzjoni u għal azzjonijiet ta' innovazzjoni u li fl-2015 rċeviet 76 deskrizzjoni ta' proġetti eliġibbli u 62 proposta sħiħa ta' proġetti eliġibbli (meta mqabbel ma' 48 fl-2014); jinnota, barra minn hekk, li, fl-2015, ir-rati ta' suċċess kienu ta' 13 % għal azzjonijiet ta' riċerka u innovazzjoni (meta mqabbel ma' 18 % fl-2014) u 33 % għal azzjonijiet ta' innovazzjoni (meta mqabbel ma' 43 % fl-2014); jinnota li r-rata aktar baxxa ta' suċċess fl-2015 kienet minħabba n-numru ogħla ta' proġetti ppreżentati;

    14.

    Jinnota li l-portafoll tal-proġetti fl-2015 kien jinkludi 25 proġett tal-Impriża Konġunta, li minnhom 13 intgħażlu fl-2015, u 60 proġett preeżistenti (l-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC); jinnota, barra minn hekk, li l-parteċipazzjoni ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju fis-sejħiet tal-Impriża Konġunta kienet ta' 32 %;

    Qafas legali

    15.

    Jinnota li d-deċiżjonijiet ewlenin adottati mill-bord tat-tmexxija tal-Impriża Konġunta kienu jinkludu deċiżjonijiet dwar strateġija kontra l-frodi, ir-Regolamenti tal-Persunal u politika komprenisva dwar il-kunflitti ta' interess;

    Awditu intern

    16.

    Jinnota li fl-2015 is-servizz tal-awditjar intern wettaq valutazzjoni tar-riskju tal-Impriża Konġunta u jinsab imħasseb li b'hekk identifika żewġ proċessi amministrattivi “f'oqsma b'impatt għoli/b'riskju għoli” (dawn huma l-ġestjoni tar-riskju tagħha u l-istrateġija tagħha kontra l-frodi) u żewġ proċessi operattivi “f'oqsma b'impatt għoli/b'riskju għoli” (dawn huma l-kontrolli ex-post u l-koordinament/l-implimentazzjoni ta' għodod tas-CSC); jilqa', madankollu, il-fatt li l-Impriża Konġunta diġa' naqset u qed tagħmel sforzi ulterjuri biex tnaqqas dawk ir-riskji;

    Strateġija kontra l-frodi

    17.

    Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, ir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta jistipulaw li l-baġit tal-Impriża Konġunta għandu jiġi implimentat b'konformità ma' standards ta' kontroll intern effettivi u effiċjenti, inklużi l-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u s-segwitu ta' frodi u irregolaritajiet;

    18.

    Jinnota li fl-2016, l-Impriża Konġunta impenjat ruħha li tkompli twettaq azzjonijiet għat-titjib tal-ambjent ta' kontroll intern, kif stabbilit fl-istrateġija interna ta' prevenzjoni kontra l-frodi;

    19.

    Jirrikonoxxi li l-bord tat-tmexxija tal-Impriża Konġunta approva, f'Mejju 2016, il-verżjoni aġġornata tal-Istrateġija Komuni Kontra l-Frodi fil-qasam tar-Riċerka, u abbażi ta' din l-istrateġija adotta pjan ta' implimentazzjoni kontra l-frodi fl-2016; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta aġġornat l-istrateġija ta' kontroll ex post tagħha f'Diċembru 2016;

    20.

    Jinnota li r-rapport tal-Qorti jiddikjara li l-proċeduri ta' kontroll intern, li taw assigurazzjoni raġonevoli tal-prevenzjoni ta' frodi u ta' irregolaritajiet (inklużi verifiki ex ante fuq il-pagamenti, il-politika dwar il-kunflitt ta' interess, awditi ex-post tal-benefiċjarji tal-għotjiet), diġà kienu fis-seħħ fl-Impriża Konġunta;

    Oħrajn

    21.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-involviment dirett tal-Impriża Konġunta fil-proċess ta' rieżami ta' nofs il-perjodu tal-Orizzont 2020 fil-qasam ta' aktar simplifikazzjoni u armonizzazzjoni tal-proċeduri b'rabta mal-impriżi konġunti.


    Top